EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0327

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tal-14 ta' April 2011.
Mensch und Natur AG vs Freistaat Bayern.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bayerischer Verwaltungsgerichtshof - il-Ġermanja.
Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE - Atti tal-istituzzjonijiet - Deċiżjoni tal-Kummissjoni indirizzata lil individwu - Regolament (KE) Nru 258/97 - Ikel ġdid jew ingredjent ġdid tal-ikel - Deċiżjoni 2000/196/KE- ‘Stevia rebaudiana Bertoni: pjanti u weraq imnixxfa’ - Rifjut tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq - Effett fuq persuna li ma hijiex id-destinatarja tad-deċiżjoni.
Kawża C-327/09.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:249

Kawża C-327/09

Mensch und Natur AG

vs

Freistaat Bayern

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof)

“Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE — Atti tal-istituzzjonijiet — Deċiżjoni tal-Kummissjoni indirizzata lil individwu — Regolament (KE) Nru 258/97 — Ikel ġdid jew ingredjent ġdid tal-ikel — Deċiżjoni 2000/196/KE — ‘Stevia rebaudiana Bertoni: pjanti u weraq imnixxfa’ — Rifjut tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq — Effett fuq persuna li ma hijiex id-destinatarja tad-deċiżjoni”

Sommarju tas-sentenza

Approssimazzjoni tal-liġijiet — Ikel ġdid u ingredjenti ġodda tal-ikel — Tqegħid fis-suq — Regolament Nru 258/97 — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tqiegħed fis-suq tal-Unjoni ikel jew ingredjent tal-ikel — Nuqqas ta’ natura vinkolanti għall-persuni barra d-destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni — Kummerċjalizzazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ta’ prodott li għandu karatteristiċi simili għal dak indikat fid-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ tqegħid fis-suq — Obbligi li għandhom l-awtoritajiet kompetenti tal-imsemmi Stat Membru

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 258/97, Artikoli 1(2) u 7)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 258/97, dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid [ġodda], u li tirrifjuta li tqiegħed fis-suq tal-Unjoni ikel jew ingredjent tal-ikel ma hijiex vinkolanti għal persuni oħra ħlief għall-persuna jew għall-persuni li din id-deċiżjoni tindika bħala destintarji. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhom jivverifikaw jekk prodott ikkummerċjalizzat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, li l-karatteristiċi tiegħu jidhru li jikkorrispondu ma’ dawk tal-prodott li kien is-suġġett tal-imsemmija deċiżjoni tal-Kummissjoni, jikkostitwixxix ikel ġdid jew ingredjent tal-ikel ġdid fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament u, jekk ikun il-każ, huma għandhom jimponu fuq il-persuna kkonċernata li tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

(ara l-punt 36 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ April 2011 (*)

“Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE ? Atti tal-istituzzjonijiet ? Deċiżjoni tal-Kummissjoni indirizzata lil individwu ?Regolament (KE) Nru 258/97 ? Ikel ġdid jew ingredjent ġdid tal-ikel ? Deċiżjoni 2000/196/KE ? ‘Stevia rebaudiana Bertoni: pjanti u weraq imnixxfa’ ? Rifjut tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ? Effett fuq persuna li ma hijiex id-destinatarja tad-deċiżjoni”

Fil-Kawża C-327/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Lulju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Awwissu 2009, fil-proċedura

Mensch und Natur AG

vs

Freistaat Bayern,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Settembru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Mensch und Natur AG, minn H. Schmidt, avukat,

–        għall-Gvern Elleniku, minn E. Leftheriotou u A. Vasilopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, A. Engman u S. Johannesson, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Pignataro-Nolin u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Novembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 249 KE, tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Jannar 1997, dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid [ġodda] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 18, p. 244), kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/196/KE, tat-22 ta’ Frar 2000, dwar ir-rifjut li jiġi awtorizzat it-tqegħid fis-suq ta’ “Stevia rebaudiana Bertoni: pjanti u weraq imnixxfa” bħala ikel ġdid jew ingredjent tal-ikel ġdid skont ir-Regolament Nru 258/97 (ĠU L 61, p. 14).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Mensch und Natur AG (iktar ’il quddiem “Mensch und Natur”) u l-Freistaat Bayern (il-Land ta’ Bayern) fir-rigward tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq, fil-Ġermanja, ta’ ċerti prodotti kkummerċjalizzati mill-kumpannija msemmija, minħabba li l-kompożizzjoni tal-prodotti inkwistjoni kien fiha l-iStevia rebaudiana Bertoni (iktar ’il quddiem l-“iStevia”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 258/97

3        Il-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 258/97 jaqraw kif ġej:

“(1)      Billi d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ikel il-ġdid jew l-ingredjenti ta’ l-ikel il-ġdid [ġodda] jistgħu jfixklu l-moviment ħieles ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel; billi dawn jistgħu joħolqu l-kondizzjonijiet għall-kompetizzjoni inġusta, u b’hekk jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern;

(2)      Billi, sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika, huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ta’ l-ikel il-ġdid [ġodda] ikunu soġġetti għal valutazzjoni waħda dwar is-sigurtà permezz ta’ proċedura Komunitarja qabel ma jitqiegħdu fis-suq fil-Komunità; […]”

4        L-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament jipprovdi li:

“1.      Dan ir-Regolament jirrigwarda t-tqegħid fis-suq fil-Komunità ta’ ikel ġdid jew l-ingredjenti ta’ ikel ġdid [ġodda].

2.      Dan ir-Regolament għandu japplika għat-tqegħid fis-suq fil-Komunità ta’ ikel jew ingredjenti ta’ l-ikel li s’issa ma ġewx użati għall-konsum mill-bniedem fi grad sinifikanti ġewwa l-Komunità u li jaqgħu taħt il-kategoriji li ġejjin:

[…]

e)      l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jikkonsistu fi, jew iżolati minn pjanti u ingredjenti ta’ l-ikel iżolati mill-bhejjem, għajr l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel miksuba mill-propagazzjoni jew il-prattiki tat-tgħammir tradizzjonali u li għandhom storja ta’ użu ta’ ikel fis-sigurtà;

[…]

3.      Fejn ikun meħtieġ, jista’ jiġi stabbilit skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 jekk tip ta’ ikel jew ta’ ingredjent ta’ l-ikel jaqax jew le skond fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.”

5        L-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament jipprovdi li:

“1.      L-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx:

–        ikunu ta’ perikolu għall-konsumatur,

–         iqarrqu bil-konsumatur,

–        ikunu differenti mill-ikel jew l-ingredjenti ta’ l-ikel li posthom huma maħsuba biex jieħdu safejn u sakemm il-konsum normali tagħhom ikun nutrizzjonalment ta’ żvantaġġ għall-konsumatur.

2.      Bil-għan li l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jitqiegħdu fis-suq ġewwa l-Komunità, il-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 4, 6, 7 u 8 għandhom japplikaw abbażi tal-kriterji definiti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-fatturi l-oħra rilevanti riferiti f’dawk l-Artikoli.

[…]”

6        Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 258/97:

“1.      Il-persuna responsabbli milt-tqegħid fis-suq tal-Komunità (minn issa ’l quddiem imsejjaħ ‘l-applikant’) għandha tissottometti talba lill-Istat Membru li fih il-prodott ikun sejjer jitqiegħed fis-suq għall-ewwel darba. Fl-istess ħin, din il-persuna għandha tibgħat kopja tat-talba lill-Kummissjoni.

2.      Għandha tiġi mwettqa stima inizjali kif ipprovdut fl-Artikolu 6.

Wara l-proċedura riferita fl-Artikolu 6(4), l-Istat Membru riferit fil-paragrafu 1 għandu jgħarraf lill-applikant mingħajr dewmien:

–         li jista’ jqiegħed l-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel fis-suq, fejn l-istima addizzjonali riferita fl-Artikolu 6(3) ma tkunx meħtieġa, u li ma tkun ġiet ippreżentata l-ebda oġġezzjoni raġunata skond l-Artikolu 6(4), jew

–        li, skond l-Artikolu 7, tinħtieġ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni.

3.      Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-isem u l-indirizz ta’ l-korpijiet ta’ l-istima ta’ l-ikel responsabbli fit-territorju tiegħu għat-tħejjija tar-rapporti inizjali riferiti fl-Artikolu 6(2).

4.      Qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippubblika r-rakkomandazzjonijiet li jirrigwardaw l-aspetti xjentifiċi ta’:

–        it-tagħrif meħtieġ sabiex jappoġġja l-applikazzjoni u l-preżentazzjoni ta’ dan it-tagħrif,

–        t-tħejjija tar-rapporti inizjali ta’ l-istima pprovduti fl-Artikolu 6.

[…]”

7        L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.      It-talba riferita fl-Artikolu 4(1) għandu jkun fiha t-tagħrif meħtieġ, inkluża kopja ta’ l-istudji li kienu ġew imwettqa u kull materjal ieħor li huwa disponibbli sabiex juri illi l-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1), kif ukoll proposta xierqa għall-preżentazzjoni u t-tikkettjar, skond il-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 8, ta’ l-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel. Minbarra dan, it-talba għandha tkun akkumpanjata minn sommarju tad-dossier.

2.      Malli jirċievi t-talba, l-Istat Membru riferit fl-Artikolu 4(1) għandu jiżgura illi titwettaq l-istima inizjali. Għal dak l-iskop, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-isem tal-korp kompetenti għall-istima ta’ l-ikel li huwa responsabbli għat-tħejjija tar-rapport ta’ l-istima inizjali, jew isaqsi lill-Kummissjoni sabiex jiftiehem ma’ Stat Membru ieħor sabiex wieħed mill-korpijiet ta’ l-istima ta’ l-ikel riferit fl-Artikolu 4(3) iħejji dan ir-rapport.

Il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Istati Membri mingħajr dewmien kopja tas-sommarju pprovdut mill-applikant u l-isem tal-korp kompetenti responsabbli mit-twettiq ta’ l-istima inizjali.

3.      Ir-rapport ta’ l-istima inizjali għandu jkun imfassal f’perjodu ta’ tliet xhur mill-irċevuta tat-talba li għandha tilħaq il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, skond ir-rakkomandazzjonijiet riferiti fl-Artikolu 4(4), u għandu jiddeċiedi jekk l-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel jirrikjedux stima addizzjonali skond l-Artikolu 7 jew le.

4.      L-Istat Membru konċernat għandu mingħajr dewmien jibgħat ir-rapport tal-korp kompetenti ta’ stima ta’ l-ikel lill-Kummissjoni, li għandha tgħaddih lill-Istati Membri l-oħra. F’perjodu taż-żmien ta’ 60 jum mid-data taċ-ċirkolazzjoni tar-rapport mill-Kummissjoni, Stat Membru jew il-Kummissjoni jistgħu jagħmlu l-kummenti tagħhom jew jippreżentaw oġġezzjoni raġunata għall-marketing ta’ l-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel konċernat. Il-kummenti jew oġġezzjonijiet jistgħu jikkonċernaw ukoll il-preżentazzjoni jew it-tikkettjar ta’ l-ikel jew l-ingredjent ta’ l-ikel

Il-kummenti jew l-oġġezzjonijiet għandhom jiġu mgħoddija lill-Kummissjoni, li għandha tiċċirkolahom lill-Istati Membri fil-perjodu taż-żmien ta’ 60 jum rferit fl-ewwel sotto-paragrafu.

L-applikant għandu, fejn Stat Membru hekk jitlob, jipprovdi kopja ta’ kull tagħrif pertinenti li tidher fit-talba.”

8        L-Artikolu 7 ta’ dan l-istess regolament jipprovdi:

“1.      Fejn tinħtieġ stima addizzjonali skond l-Artikolu 6(3) jew titqajjem oġġezzjoni skond l-Artikolu 6(4), għandha tittieħed deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13.

2.      Id-deċiżjoni għandha tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-awtorizzazzjoni u għandha tistabbilixxi, fejn xieraq:

–        il-kondizzjonijiet dwar l-użu ta’ l-ikel jew ta’ l-ingredjent ta’ l-ikel,

–        l-isem mogħti lill-ikel jew lill-ingredjent ta’ l-ikel u l-ispeċifikazzjoni tagħhom.

–        il-ħtiġiet speċifiċi tat-tikkettjar kif riferit fl-Artikolu 8.

3.      Il-Kummissjoni għandha tgħarraf mingħajr dewmien lill-applikant bid-deċiżjoni meħuda. Id-deċiżjonijiet għandhom jiġu ppublikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.”

9        L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 258/97 jipprovdi li:

“1.      Fejn il-proċedura definita f’dan l-Artikolu għandha tiġi implimentata, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti ta’ l-Oġġetti ta’ l-Ikel, minn issa ’l quddiem imsejjaħ ‘il-Kumitat’.

2.      Kwistjonijiet għandhom jiġu riferiti lill-Kumitat mill-President jew fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta’ xi Stat Membru.

3.      Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f’limitu taż-żmien li jista’ jistabilixxi l-President skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tiġi mogħtija bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu [205](2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet illi l-Kunsill ikun meħtieġ illi jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom jiġu peżati bil-mod stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

4.      a)     Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jekk dawn ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

[…]”

10      Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 258/97, dan daħal fis-seħħ disgħin jum jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

 Id-Deċiżjoni 2000/196

11      It-tielet kunsiderazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/196 ssemmi “it-talba mressqa mill-Professur J. Geuns tal-Laboratorju tal-Fiżjoloġija tal-Pjanti, KUL, lill-awtoritajiet Belġjani kompetenti fil-5 ta’ Novembru 1997, għat-tqegħid fis-suq tal-‘iStevia rebaudiana Bertoni: pjanti u weraq imnixxfa’ bħala ikel ġdid jew ingredjent tal-ikel ġdid”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      Il-premessi tad-Deċiżjoni 2000/196 jinqraw kif ġej:

“(1)      L-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni redatt mill-awtoritajiet Belġjani kompetenti jikkonkludi li, abbażi tal-informazzjoni pprovduta, il-prodott ma għandux jingħata l-awtorizzazzjoni biex jitqiegħed fis-suq.

(2)      Bi tweġiba għall-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni, l-applikant bagħat dokumenti oħra lill-Kummissjoni li sussegwentement informat lill-Istati Membri u lill-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel bihom.

(3)      Saret evalwazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 7 tar-Regolament [Nru 258/97]. Il-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel, fis-17 ta’ Ġunju 1999, ta opinjoni li tikkonferma essenzjalment l-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni.

(4)      [L-iStevia], pjanti u weraq imnixxfa, hija ikel ġdid fis-sens tar-Regolament […] Nru 258/97 u peress li ma ntweriex li l-prodott jikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament, dan ma għandux jitqiegħed fis-suq Komunitarju.

(5)      Il-miżuri previsti f’din id-deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar l-Oġġetti ta’ l-Ikel”. [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

13      L-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2000/196 jipprovdu dan li ġej:

“Artikolu 1

‘[L-iStevia]: pjanti u weraq imnixxfa’ ma tistax titqiegħed fis-suq Komunitarju bħala ikel jew ingredjent tal-ikel.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lill-Professur J. Geuns tal-Laboratorju tal-Fiżjoloġija tal-Pjanti, KUL, Kardinal Mercierlaan 92, 3001 Heverlee, il-Belġju”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt nazzjonali

14      Skont l-Artikolu 2(1)(1) tal-Liġi tal-Land ta’ Bayern dwar is-sorveljanza tal-ikel (Bayerisches Lebensmittelüberwachungsgesetz) tal-11 ta’ Novembru 1997, l-awtoritajiet jistgħu, huma u jwettqu xogħolhom, jieħdu deċiżjonijiet individwali biex jipprevjenu jew jimpedixxu ksur tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni dwar l-oġġetti tal-ikel.

15      L-Artikolu 3(1) tar-Regolament dwar l-ikel ġdid u ingredjenti tal-ikel ġodda (Neuartige Lebensmittel- und Lebensmittelzutaten-Verordnung) jipprovdi li l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 258/97 ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq mill-persuna responsabbli mill-kummerċjalizzazzjoni tagħhom jekk ma jkunx hemm awtorizzazzjoni mogħtija fil-kuntest tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-regolament imsemmi.

 Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Mensch und Natur jipproduċu u jikkummerċjalizzaw tipi differenti ta’ te. F’ċerti tipi ta’ te, jintużaw estratti mill-weraq tal-iStevia bħala sustanzi li jagħmlu t-te iktar ħelu.

17      Fid-Deċiżjoni 2000/196, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-iStevia ma setgħetx titqiegħed fis-suq tal-Unjoni bħala ikel jew ingredjent tal-ikel. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara t-talba li saret mill-Professur Geuns, li lilu kienet indirizzata l-imsemmija deċiżjoni.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ April 2003 indirizzata lil Mensch und Natur, il-Landratsamt Bad Tölz-Wolfratshausen (awtorità amministrattiva tad-distrett ta’ Bad Tölz-Wolfratshausen) ipprojbixxiet il-kummerċjalizzazzjoni ta’ diversi tipi ta’ te, taħt piena ta’ multa amministrattiva.

19      F’din id-deċiżjoni, din l-awtorità kkonstatat li t-talba għal awtorizzazzjoni tal-iStevia bħala ikel ġdid kienet ġiet miċħuda permezz tad-Deċiżjoni 2000/196, li tobbliga lill-Istati Membri kollha li jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni tagħha. Hija rrilevat ukoll li Mensch und Natur ma wrietx li, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 258/97, jiġifieri fil-15 ta’ Mejju 1997, kienu diġà ġew ikkummerċjalizzati fl-Unjoni Ewropea kwantitajiet sinjifikattivi mit-tipi ta’ te inkwistjoni u dan għall-konsum mill-bniedem.

20      Mensch und Natur ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tat-8 ta’ April 2003 tal-Landratsamt Bad Tölz-Wolfratshausen quddiem il-Bayerisches Verwaltungsgericht München (Tribunal amministrattiv ta’ München), fejn sostniet li l-prodotti li kien fihom l-iStevia kienu ilhom li ġew żviluppati mill-predeċessuri tagħha sa mill-bidu tas-snin 1990 u li, b’effett mill-15 ta’ Mejju 1997, dawk il-prodotti kienu ġew ikkummerċjalizzati fi kwantità kbira fl-Unjoni permezz tal-bejgħ bil-korrispondenza u mill-ħwienet li jbigħu prodotti naturali. Barra minn hekk, Mensch und Natur sostniet li d-Deċiżjoni 2000/196 ma kellha ebda effett vinkolanti fil-konfront tagħha.

21      Il-Verwaltungsgericht München laqa’ dan ir-rikors permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Mejju 2004.

22      Il-Freistaat Bayern appella minn dik id-deċiżjoni quddiem il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva ta’ Bayern).

23      Peress li dehrilha li biex hija tkun tista’ tiddeċiedi, jeħtieġ li jsiru ċerti kjarifiki fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE jipprekludi interpretazzjoni fis-sens li deċiżjoni tal-Kummissjoni li, skont l-ifformular tagħha, hija indirizzata biss għal persuna speċifika hija wkoll vinkolanti fir-rigward ta’ impriżi oħra li, fid-dawl tas-sens u l-għan [ta’ din id-]deċiżjoni, għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod?

2)      Għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni [2000/196], li l-Artikolu 1 tagħha jipprekludi t-tqegħid fis-suq Komunitarju ta[l-iStevia] bħala prodott tal-ikel jew ingredjent tal-ikel, hija wkoll vinkolanti għall-[Mensch und Natur] li fil-preżent tikkummerċjalizza[ha] fil-Komunità?”

 Fuq id-domandi preliminari

24      Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, li tippreċiża l-effetti ġuridiċi ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ prodott bħala ikel jew ingredjent tal-ikel meħuda abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 258/97.

25      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE, “[d]eċiżjoni għandha torbot fl-intier tagħha lil dawk li lejhom tkun indirizzata”. Din id-dispożizzjoni saret ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, li jiddisponi li “[i]d-deċiżjoni għandha torbot fl-intier tagħha. Deċiżjoni li tispeċifika lil min hija indirizzata għandha torbot lil dawn biss”.

26      In-natura tal-proċedura stabbilita mir-Regolament Nru 258/97 teskludi wkoll interpretazzjoni wiesgħa rigward id-destinatarji ta’ deċiżjoni meħuda skont dan l-att.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li dan ir-regolament japplika biss għall-ikel il-ġdid u għall-ingredjenti ta’ ikel ġodda, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tiegħu. Din il-kwalifika tiddependi fuq il-punt ta’ jekk il-konsum mill-bniedem ta’ dan l-ikel jew tal-ingredjenti tal-ikel fl-Unjoni kienx sinjifikattiv jew le qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament.

28      L-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru 258/97 jipprovdi biss il-possibbiltà li jiġi ddeterminat, “fejn ikun meħtieġ”, jekk tip ta’ ikel jew ingredjent tal-ikel jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament permezz tal-proċedura msejħa “komitoloġija” stabbilita fl-Artikolu 13 tiegħu (ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2009, M-K Europa, C-383/07, Ġabra p. I‑115, punt 40). Madankollu, ma huwiex l-obbligu tal-imprenditur li jibda l-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu 13 (sentenza M-K Europa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

29      Min-naħa l-oħra, deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rifjut ta’ awtorizzazzjoni għal tqegħid fis-suq ta’ prodott hija bbażata essenzjalment fuq it-talba ta’ persuna għal tqegħid fis-suq tal-prodott ikkonċernat u fuq l-informazzjoni pprovduta minnha, kif ukoll b’mod partikolari jirriżulta mill-Artikoli 4(1) u 6(1) tar-Regolament Nru 258/97.

30      Mit-test tad-Deċiżjoni 2000/196 ma jirriżultax b’ċertezza li l-Kummissjoni eżaminat il-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm jew le konsum mill-bniedem sinjifikattiv tal-prodott inkwistjoni fl-Unjoni qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament.

31      Għall-kuntrarju, l-Istati Membri, li huma marbuta bl-obbligu ta’ kooperazzjoni leali espress fl-Artikolu 10 KE u, fil-preżent, l-Artikolu 4(3) TUE, għandhom josservaw ir-Regolament Nru 258/97 u, għaldaqstant, jiżguraw li ikel jew ingredjent tal-ikel “ġdid”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, peress li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, ma huwiex ikkummerċjalizzat fit-territorju tagħhom mingħajr il-konstatazzjoni, mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat, tan-nuqqas ta’ neċessità ta’ awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament u, jekk ikun il-każ, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 7 tiegħu.

32      Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 258/97, id-deċiżjonijiet meħuda abbażi ta’ dan l-artikolu huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-awtoritajiet ta’ Stat Membru huma fil-pussess ta’ informazzjoni li, fit-territorju ta’ dan tal-aħħar, il-prodotti huma kummerċjalizzati u għandhom karatteristiċi li jidhru li jaqblu ma’ dawk tal-prodotti li t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ġie rrifjutat mill-Kummissjoni, huma għandhom jivverifikaw iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kummerċjalizzazzjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u, jekk ikun il-każ, jimpedixxu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti.

34      Qabel kollox, il-kompitu tagħhom huwa li jiddeterminaw jekk il-prodott inkwistjoni jikkostitwixxix jew le ikel ġdid jew ingredjent tal-ikel ġdid, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 258/97, filwaqt li tingħata l-possibbilità lill-persuna kkonċernata li tipproduċi l-prova li dan il-prodott ġie kkummerċjalizzat fi kwantitajiet sinjifikattivi fl-Unjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament.

35      Sussegwentement, għalkemm ġie kkonstatat li dan il-prodott jikkostitwixxi ikel ġdid jew ingredjent tal-ikel ġdid, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 258/97 ikunu effettivament applikati, u dan jista’ jinkludi ordni lill-persuna kkonċernata, sabiex tkun tista’ tkompli tikkummerċjalizza il-prodott imsemmi, li tissottometti talba skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula li deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 258/97 u li tirrifjuta li tqiegħed fis-suq tal-Unjoni ikel jew ingredjent tal-ikel ma hijiex vinkolanti għal persuni oħra ħlief għall-persuna jew għall-persuni li din id-deċiżjoni tindika bħala destintarji. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhom jivverifikaw jekk prodott ikkummerċjalizzat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, li l-karatteristiċi tiegħu jidhru li jikkorrispondu ma’ dawk tal-prodott li kien is-suġġett ta’ din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, jikkostitwixxix ikel ġdid jew ingredjent tal-ikel ġdid fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament u, jekk ikun il-każ, huma għandhom jimponu fuq il-persuna kkonċernata li tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

 Fuq l-ispejjeż

37      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Jannar 1997, dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti tal-ikel il-ġdid [ġodda], u li tirrifjuta li tqiegħed fis-suq tal-Unjoni ikel jew ingredjent tal-ikel ma hijiex vinkolanti għal persuni oħra ħlief għall-persuna jew għall-persuni li din id-deċiżjoni tindika bħala destintarji. Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhom jivverifikaw jekk prodott ikkummerċjalizzat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, li l-karatteristiċi tiegħu jidhru li jikkorrispondu ma’ dawk tal-prodott li kien is-suġġett ta’ din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, jikkostitwixxix ikel ġdid jew ingredjent tal-ikel ġdid fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament u, jekk ikun il-każ, huma għandhom jimponu fuq il-persuna kkonċernata li tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top