EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0275

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-17 ta' Marzu 2011.
Brussels Hoofdstedelijk Gewest et. vs Vlaamse Gewest.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Raad van State - il-Belġju.
Direttiva 85/337/KEE - Stima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati dwar l-ambjent - Ajruporti b’tul bażiku tar-runway ta’ 2 100 metru jew iktar - Kunċett ta’ ‘bini’ - Tiġdid tal-permess għat-tħaddim.
Kawża C-275/09.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:154

Kawża C-275/09

Brussels Hoofdstedelijk Gewest et

vs

Vlaams Gewest

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Belġju))

“Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Ajruporti b’tul bażiku tar-runway ta’ 2 100 metru jew iktar — Kunċett ta’ ‘bini’ — Tiġdid tal-permess għat-tħaddim”

Sommarju tas-sentenza

Ambjent — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent — Direttiva 85/337 — Obbligu tal-Istati Membri li jissottomettu l-proġetti li jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent għal evalwazzjoni — Kunċett ta’ “proġett” jew ta’ “bini”

(Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(2), il-punt 7 tal-Anness I u l-ewwel inċiż tal-punt 13 tal-Anness II)

It-tieni inċiż tal-Artikolu 1(2) u l-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337, dwar l‑istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 97/11 għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-tiġdid ta’ permess eżistenti li jiġi operat ajruport ma jistax, fin-nuqqas ta’ xogħlijiet jew interventi li jbiddlu r-realtà fiżika tas-sit, ikun rispettivament ikklassifikat bħala “proġett” jew “bini” fis-sens ta’ dawn id dispożizzjonijiet.

Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, abbażi tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u billi tieħu inkunsiderazzjoni, fejn xieraq, tal-effett kumulattiv ta’ diversi xogħlijiet jew interventi magħmula mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 85/337, jekk dan il-permess huwiex parti minn proċedura ta’ awtorizzazzjoni f’diversi stadji intiża sabiex twassal, fi tmiemha, għat-twettiq ta’ attivitajiet li jikkostitwixxu proġett fis-sens tal-ewwel inċiż tal-punt 13 tal-Anness II, moqri flimkien mal-punt 7 tal-Anness I tiegħu. Fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ tali xogħlijiet jew ta’ interventi fl-istadju preċedenti għall-proċess tal-ħruġ tal-permess, huwa obbligu tal-qorti nazzjonali li tiżgura l-effettività tad-Direttiva billi tiżgura li tali evalwazzjoni ssir tal-inqas fl-istadju tal-ħruġ tal-permess għat-tħaddim.

(ara l-punti 24, 30, 32-34, 36, 38 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Marzu 2011 (*)

“Direttiva 85/337/KEE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent ‑ Ajruporti b’tul bażiku tar-runway ta’ 2 100 metru jew iktar – Kunċett ta’ ‘bini’ ‑ Tiġdid tal-permess għat-tħaddim”

Fil-Kawża C‑275/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Raad van State (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Lulju 2009, fil-proċedura

Brussels Hoofdstedelijk Gewest,

Pieter De Donder,

Fernande De Becker,

Katrien Colenbie,

Philippe Hutsenbaut,

Bea Kockaert,

VZW Boreas,

Frédéric Petit,

Stéphane de Burbure de Wezembeek,

Lodewijk Van Dessel,

vs

Vlaams Gewest,

fil-preżenza ta’:

The Brussels Airport Company NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.‑J. Kasel, A. Borg Barthet, M. Ilešič u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Ottubru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Brussels Hoofdstedelijk Gewest, minn F. Tulkens u J. Mosselmans, avukati,

–        għal F. De Becker, K. Colenbie, P. Hutsenbaut, B. Kockaert kif ukoll VZW Boreas, minn I. Larmuseau u H. Schoukens, avukati,

–        għal F. Petit, minn J. Verstraeten u S. Vanthienen, avukati,

–        għal S. de Burbure de Wezembeek, minn M. Denys, avukat,

–        għal L. Van Dessel, minn P. Flamey u P.‑J. Vervoort, avukati,

–        għal Vlaams Gewest, minn J. Vanpraet u S. Ronse, avukati,

–        għal The Brussels Airport Company NV, minn D. Ryckbost u A. Lippens, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistit minn G. Fiengo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Oliver, J.‑B. Laignelot u B. Burggraaf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Novembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 7(a), tal‑Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l‑istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 1, p. 248) kif emendata bid-Direttiva tal‑Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 3, p. 151, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-Brussels Hoofdstedelijk Gewest (ir-Reġjun tal-Kapitali Brussell) u diversi rikorrenti oħra u, min-naħa l-oħra, il-Vlaams Gewest (ir-Reġjun Fjamming), rigward deċiżjoni dwar it-tħaddim tal-ajruport nazzjonali ta’ Brussell.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337 jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

‘proġett’ tfisser:

–        l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ bini jew ta’ stallazjonijiet jew skemi oħra,

–        interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l‑estrazzjoni ta’ riżorsi naturali;

[…]

‘permess għal żvilupp’ tfisser:

id-deċiżjoni ta’ l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill‑iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett.”

4        Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 “[l-]Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-approvazzjoni, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id‑daqs u l-lokazzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il‑kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom.”

5        Il-proġetti kkonċernati huma ddefiniti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/337. Din id‑dispożizzjoni tagħmel distinzjoni bejn il-proġetti elenkati fl‑Anness I li għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, u l-proġetti elenkati fl‑Anness II, li għalihom l‑Istati Membri għandhom jiddeterminaw, fuq bażi każ b’każ jew fuq il-bażi ta’ limiti jew kriterji stabbiliti mill-Istat Membru, jekk il‑proġett għandu jew jekk ma għandux jiġi ssuġġettat għal evalwazzjoni.

6        Il-punt 7(a) tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 jipprovdi għal “bini ta’ […] ajruporti b’tul bażiku tar-runway ta’ 2 100 m jew iktar”.

7        L-ewwel inċiż tal-punt 13 tal-imsemmi Anness II ikopri “[k]ull bidla jew estensjoni tal-proġetti mniżżla fil-lista tal-Anness I jew l-Anness II, diġà aworizzati, imwettqa jew fil-proċess tat-twettiq, li jista’ jkollhom effetti avversi sinifikanti fuq l-ambjent”.

 Id-dritt nazzjonali

8        Is-sistema regolatorja applikabbli fi Vlaams Gewest tagħmel distinzjoni bejn “permess urban”, li jippermetti t-twettiq ta’ ċerti xogħlijiet, u “permess ambjentali”, li jawtorizza t-tmexxija ta’ stabbiliment ikklassifikat bħala inkonvenjenti.

9        L-għoti ta’ permess ambjentali, li l-validità tiegħu hija dejjem limitata fiż-żmien, hija rregolata mid-Digriet tal-Parlament ta’ Vlaams, tat-28 ta’ Ġunju 1985, dwar il-permessi ambjentali, supplimentat minn digriet ta’ implementazzjoni tal-Gvern ta’ Vlaams tas-6 ta’ Frar 1991.

10      Mid-dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 1999, ta’ lista ta’ klassifikazzjoni ġdida, kif emendata permezz ta’ deċiżjoni tal-Gvern ta’ Vlaams tat-12 ta’ Jannar 1999, “l‑artijiet għal ajruport b’runway […] ta’ mill-inqas 1 900 metru” huma kklassifikati bħala stabbilimenti inkonvenjenti li jeħtieġu għoti ta’ permess ambjentali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      L-ajruport nazzjonali ta’ Brussell, li jinsab fir-reġjun ta’ Vlaams, għandu tliet runways ta’ iktar minn 2 100 metru. Dan ilu jeżisti għal diversi snin, iżda t‑tmexxija tiegħu hija suġġetta għall-għoti ta’ permess ambjentali sa mill-1999.

12      Il-permess ambjentali ġie mogħti fl-1 ta’ Frar 2000 għal perijodu ta’ ħames snin. Dan il-permess, li jistabbilixxi standards prinċipalment tal-ħoss, ġie emendat tliet darbiet, fis-sens ta’ tnaqqis ikbar fil-kwantità totali tal-ħoss. Il-qorti tar-rinviju tindika li ma jirriżultax mill-atti li dan il-permess jew l-emendi sussegwenti tiegħu ġew sottoposti għal xi evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

13      Fil-5 ta’ Jannar 2004, The Brussels Airport Company NV kienet ippreżentat applikazzjoni għal permess ambjentali għat-tħaddim kontinwu tal-ajruport u t‑tibdil tiegħu, li jirrigwarda ż-żieda ta’ plottijiet.

14      Fit-8 ta’ Lulju 2004, il-kumitat permanenti tal-kunsill provinċjali tal‑Vlaams‑Brabant approva l-permess mitlub rigward l-operazzjoni tal-ajruport, filwaqt li rrifjuta l-applikazzjoni għall-estensjoni tiegħu. F’dak li jirrigwarda l‑implementazzjoni ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, dan il-kumitat permanenti kkunsidra li din ma kinitx meħtieġa.

15      Ġie ppreżentat appell amministrattiv kontra din id-deċiżjoni. Ir-rikorrenti sostnew, b’mod partikolari li evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha tiġi annessa mat-talba għal permess ambjentali.

16      Fit-30 ta’ Diċembru 2004, il-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi, tal‑Enerġija, tal‑Ambjent u tan-Natura ta’ Vlaams ikkonferma din id-deċiżjoni tal-kumitat permanenti tal-kunsill provinċjali tal‑Vlaams‑Brabant. Huwa qies li l-tlestija ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma kinitx meħtieġ fid-dawl kemm tal-leġiżlazzjoni ta’ Vlaams kif ukoll tad-Direttiva 85/337.

17      Il-Brussels Gewest Hoofdstedelijk u diversi rikorrenti oħra ppreżentaw appell quddiem ir-Raad van State kontra din id-deċiżjoni konfermatorja. Huma argumentaw li hija vvizzjata bi żball peress li l-għoti ta’ permess ambjentali kien suġġett għat-tlestija ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u dan l-obbligu ma ġiex sodisfatt.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      Meta permessi differenti għal żvilupp huma meħtieġa, minn naħa, għal xogħlijiet infrastrutturali ta’ ajruport b’tul bażiku tar-runway ta’ 2 100 metru jew iktar, u, min-naħa l-oħra, għat-tħaddim ta’ dan l-ajruport, u dan il‑permess ta’ żvilupp tal-aħħar – il-permess ambjentali – jingħata biss għal perijodu speċifikat, it-terminu “bini”, imsemmi fil-paragrafu 7(a) tal‑Anness I tad-[Direttiva 85/337/KEE] għandu jiġi interpretat li għandha ssir stima tal-impatt ambjentali mhux biss sabiex isiru x-xogħlijiet ta’ infrastruttura iżda wkoll għat-tħaddim tal-ajruport?

2)      Din l-istima obbligatorja tal-impatt ambjentali hija meħtieġa wkoll għat‑tiġdid tal-permess ambjentali għall-ajruport, kemm fil-każ fejn dan it‑tiġdid ma jinkludix xi bidla jew estensjoni għat-tħaddim tal-ajruport u kif ukoll fejn tali bidla jew estensjoni hija fil-fatt maħsuba?

3)      Jagħmel differenza għall-istima obbligatorja tal-impatt ambjentali fil-kuntest tat-tiġdid ta’ permess ambjentali għal ajruport jekk stima tal-impatt ambjentali tkunx saret qabel, fir-rigward ta’ permess preċedenti għat‑tħaddim tal-ajruport, u jekk l-ajruport kienx diġà qed jitħaddem fiż‑żmien meta l-istima tal-impatt ambjentali ġiet imdaħħla mil-leġiżlatur Ewropew jew minn dak nazzjonali?”

 Fuq id-domandi preliminari

19      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jaqbel li jiġi stabbilit jekk it-tħaddim ta’ ajruport jistax jikkostitwixxi “proġett”, skont it-termini tal-Artikolu 1(2), tad-Direttiva 85/337 u, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk tali proġett jaqax taħt dawk elenkati fl-Annessi I u II ta’ din id-direttiva.

20      Kif rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 23 tas-sentenza tagħha tat-28 ta’ Frar 2008, Abraham et (C‑2/07, Ġabra p. I‑1197), fil-fatt mill-kliem stess tal‑Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337 jirriżulta li l-kelma “proġett” tkopri xogħlijiet jew interventi fiżiċi.

21      Madankollu, huwa espressament imsemmi fid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-miżura li tikkostitwixxi s-suġġett tal-kawża prinċipali hija limitata għat-tiġdid ta’ permess eżistenti għat-tħaddim tal-ajruport nazzjonali ta’ Brussell, fl-assenza ta’ xogħlijiet jew interventi li jbiddlu r-realtà fiżika tas-sit.

22      Xi wħud mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, madankollu, argumentaw li l-kunċett ta’ intervent fiżiku għandu jiġi mifhum b’mod ġenerali fis-sens ta’ kwalunkwe intervent fl-ambjent naturali. Huma jinvokaw f’dan ir-rigward il-punti 24 u 25 tas‑sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, Ġabra p. I‑7405), fejn il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li attività bħalma hija dik tas-sajd għall-arzell li jsir b’mod mekkaniku hija inkluża fil-kunċett ta’ “proġett” kif definit fit-tieni inċiż tal‑Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337.

23      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil‑punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-attività inkwistjoni fil‑kawża li wasslet għal din is-sentenza tista’ titqies bħala simili għall‑isfruttament ta’ riżorsi minerali, attività speċifikament imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 1(2), tad‑Direttiva 85/337, u timplika bidliet fiżiċi reali f’qiegħ il-baħar.

24      Minn dan isegwi li t-tiġdid ta’ permess eżistenti li jiġi operat ajruport jista’, fin‑nuqqas ta’ xogħlijiet jew interventi li jbiddlu r-realtà fiżika tas-sit, jiġi kklassifikat bħala “proġett”, fit-termini tat-tieni inċiż tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337.

25      Għandu jingħad ukoll li fi kwalunkwe każ l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 ma jeżiġix li kull proġett li jista’ jkollu impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent għandu jkun suġġett għall-proċedura ta’ evalwazzjoni li din id-direttiva tipprevedi, iżda li għandhom ikunu hekk suġġetti dawk il-proġetti biss li jissemmew fl-Annessi I u II tal‑imsemmija direttiva (digriet tal-10 ta’ Lulju 2008, Aiello et, C‑156/07, Ġabra p. I‑5215, punt 34).

26      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil‑punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu, li t-terminu “bini” użat fil-punt 7(a) tal-Anness I tad‑Direttiva 85/337 ma huwiex ambigwu u li għandu jinftiehem fis-sens normali tiegħu, jiġifieri li jirreferi għall‑eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet li ma kinux jeżistu qabel jew bidliet, fis‑sens fiżiku, ta’ xogħlijiet li kienu diġà jeżistu.

27      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, tat interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “bini” meta aċċettat li xogħlijiet li jirrigwardaw it‑trasformazzjoni ta’ triq eżistenti jistgħu jkunu ekwivalenti, fil-portata tagħhom u l-modalità tagħhom, għall-bini ta’ triq ġdida (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción‑CODA, C‑142/07, Ġabra p. I‑6097, punt 36). Bl-istess mod hija interpretat id-dispożizzjonijiet tal-punt 13 tal-Anness II tad-Direttiva 85/337, moqrija flimkien ma’ dawk tal-punt 7 tal-Anness I tagħha, fis-sens li dawn japplikaw ukoll għal modifika mwettqa lill-infrastruttura ta’ ajruport eżistenti mingħajr ma tiġi mtawla r-runway, sakemm dawn jistgħu jiġu meqjusa, b’mod partikolari min-natura, l-importanza u l-karatteristiċi tagħhom, bħala modifka tal‑ajruport stess (sentenza Abraham et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

28      Madankollu, huwa ċar mill-qari ta’ dawn is-sentenzi li, f’kull kawża li tat lok għalihom, kien hemm involuti xogħlijiet fiżiċi, xi ħaġa li, skont l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, hija assenti fil-kawża prinċipali.

29      Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, waqt illi jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 85/337 huwa wiesa’ u li l-iskop tiegħu huwa wiesa’ ħafna (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Abraham et, punt 32, kif ukoll Ecologistas en Acción‑CODA, punt 28), interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-direttiva, madankollu, ma titbegħidx mill-intenzjoni espressa kjarament mil-leġiżlatur tal‑Unjoni.

30      Minn dan isegwi li, f’kull każ, it-tiġdid ta’ permess eżistenti li jiġi operat ajruport jista’, fin-nuqqas ta’ xogħlijiet jew interventi li jbiddlu r-realtà fiżika tas-sit, jiġi kklassifikat bħala “bini” skont il-punt 7(a) tal-Anness I tad-Direttiva 85/337.

31      Għandu madankollu jiġi rrilevat li fil-proċedura quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja, u b’mod partikolari waqt is-seduta, xi wħud mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali argumentaw li, sa mill-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad‑Direttiva 85/337, twettqu modifiki fl-infrastruttura tal-ajruport nazzjonali ta’ Brussell mingħajr ma saret evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent

32      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja, permess, bħal dak fil-kawża prinċipali, li ma jirrigwardax formalment attività suġġetta għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fis-sens tal‑Annessi I u II tad‑Direttiva 85/337 jista’ madanakollu jirrikjedi li ssir tali evalwazzjoni, jekk din il-miżura hija stadju fi proċedura mmirata sabiex, fi tmiemha, tawtorizza l-eżekuzzjoni ta’ attività li tikkostitwixxi proġett fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id‑direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Abraham et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

33      Skont din l-istess ġurisprudenza, meta d-dritt nazzjonali jipprovdi għal proċedura ta’ kunsens f’diversi stadji, l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ proġett fuq l‑ambjent għandha, fil-prinċipju, issir kemm jista’ jkun malajr biex jiġu identifikati u evalwati l-effetti kollha li dan il-proġett jista’ jkollu fuq l‑ambjent (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells, C‑201/02, Ġabra p. I‑723, punt 53, kif ukoll Abraham et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). F’dan ir-rigward, ġie wkoll ikkonstatat li dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tista’ ssir biss fl-istadju inizjali tal-proċess tal-ħruġ ta’ permess u mhux fi stadju iktar tard, ma hijiex kompatibbli mad-Direttiva 85/337 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑508/03,Ġabra p. I‑3969, punti 105 u 106).

34      Għaldaqstant, f’din il-kawża hemm lok li jiġi indikat lill-qorti tar-rinviju li, fid‑dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 27, 32 u 33 ta’ din is-sentenza, hija għandha l-obbligu li, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, tiddetermina jekk deċiżjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax titqies bħala stadju fi proċedura ta’ kunsens f’diversi stadji intiża sabiex twassal, fi tmiemha, għat-twettiq ta’ attivitajiet li jikkostitwixxu proġett fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 85/337.

35      Għall-finijiet ta’ eżami tal-fatti, huwa meħtieġ li jitfakkar lill-qorti tar-rinviju li l‑Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li x-xogħlijiet ta’ modifika mwettqa fl‑infrastruttura ta’ ajruport eżistenti mingħajr ma tiġi mtawla r-runway li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-punt 13 tal-Anness II tad-Direttiva 85/337, moqrija flimkien ma’ dawk tal-punt 7 tal-Anness I tal-istess, jistgħu jiġu meqjusa, b’mod partikolari min-natura, l-importanza u l-karatteristiċi tagħhom, bħala modifika tal‑ajruport stess (sentenza Abraham et, ċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

36      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li l-għan tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma jistax ikun evitat permezz ta’ qsim tal-proġetti u li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-effett kumulattiv tagħhom ma għandux ikollu bħala riżultat, fil-prattika, li fit-totalità tagħhom dawn jistgħu jevitaw l-obbligu ta’ evalwazzjoni meta, meħudin flimkien, dawn jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent skont l‑Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 (sentenza Abraham et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

37      Fil-każ li jirriżulta li, mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 85/337, xogħlijiet jew interventi fiżiċi li għandhom jiġu kkunsidrati bħala proġett fis-sens ta’ din id‑direttiva saru fuq is-sit tal‑ajruport mingħajr ma jkunu saru l-evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent tagħhom fi stadju preċedenti għall-proċess tal-ħruġ tal-permess, huwa l‑obbligu tal-qorti tar-rinviju li tieħu inkunsiderazzjoni ta’ dan fl-istadju ta’ ħruġ tal‑permess għat-tħaddim u li tiżgura l-effettività ta’ din id-direttiva billi tiżgura li tali evalwazzjoni ssir tal-inqas f’dan l-istadju tal-proċedura.

38      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li t-tieni inċiż tal-Artikolu 1(2) tad‑Direttiva 85/337 u l-punt 7 tal-Anness I ta’ dan għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        t-tiġdid ta’ permess eżistenti li jiġi operat ajruport ma jistax, fin-nuqqas ta’ xogħlijiet jew interventi li jbiddlu r-realtà fiżika tas-sit, ikun rispettivament ikklassifikat bħala “proġett” jew “bini” fis-sens ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet;

–        madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u billi tieħu inkunsiderazzjoni, fejn xieraq, l-effett kumulattiv ta’ diversi xogħlijiet jew interventi magħmula mid-dħul fis-seħħ ta’ din id‑direttiva, jekk dan il-permess huwiex parti minn proċedura ta’ kunsens f’diversi stadji intiża sabiex twassal, fi tmiemha, għat-twettiq ta’ attivitajiet li jikkostitwixxu proġett fis-sens tal‑ewwel inċiż tal-punt 13 tal-Anness II moqri flimkien mal-punt 7 tal‑Anness I tiegħu. Fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal‑effetti fuq l-ambjent ta’ tali xogħol jew ta’ interventi fl-istadju preċedenti għall-proċess tal-ħruġ tal-permess, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tiżgura l‑effettività tad-Direttiva billi tiżgura li tali evalwazzjoni ssir tal‑inqas fl-istadju tal-ħruġ tal-permess għat-tħaddim.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(2) u l-punt 7 tal-Anness I tad‑Direttiva tal‑Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l‑istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid‑Direttiva tal‑Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        it-tiġdid ta’ permess eżistenti li jiġi operat ajruport ma jistax, fin-nuqqas ta’ xogħlijiet jew interventi li jbiddlu r-realtà fiżika tas-sit, ikun rispettivament ikklassifikat bħala “proġett” jew “bini” fis-sens ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet;

–        madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, abbażi tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u billi tieħu inkunsiderazzjoni, fejn xieraq, l-effett kumulattiv ta’ diversi xogħlijiet jew interventi magħmula mid‑dħul fis-seħħ ta’ din id‑direttiva, jekk dan il-permess huwiex parti minn proċedura ta’ kunsens f’diversi stadji intiża sabiex twassal, fi tmiemha, għat-twettiq ta’ attivitajiet li jikkostitwixxu proġett fis-sens tal‑ewwel inċiż tal-punt 13 tal-Anness II, moqri flimkien mal-punt 7 tal‑Anness I tiegħu. Fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal‑effetti fuq l-ambjent ta’ tali xogħol jew ta’ interventi fl-istadju preċedenti għall-proċess tal-ħruġ tal-permess, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tiżgura l‑effettività tad-Direttiva billi tiżgura li tali evalwazzjoni ssir tal‑inqas fl-istadju tal-ħruġ tal-permess għat-tħaddim.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top