This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CJ0245
Judgment of the Court (First Chamber) of 22 December 2010.#Omalet NV v Rijksdienst voor Sociale Zekerheid.#Reference for a preliminary ruling: Arbeidshof te Brussel - Belgium.#Freedom to provide services - Article 49 EC - Contractor established in a Member State - Recourse to contracting partners established in the same Member State - Purely internal situation - Inadmissibility of the reference for a preliminary ruling.#Case C-245/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-22 ta' Diċembru 2010.
Omalet NV vs Rijksdienst voor Sociale Zekerheid.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Arbeidshof te Brussel - il-Belġju.
Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Artikolu 49 KE - Imprenditur stabbilit fi Stat Membru - Talba lil partijiet kontraenti stabbiliti fl-istess Stat Membru - Sitwazzjoni purament interna- Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
Kawża C-245/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-22 ta' Diċembru 2010.
Omalet NV vs Rijksdienst voor Sociale Zekerheid.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Arbeidshof te Brussel - il-Belġju.
Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Artikolu 49 KE - Imprenditur stabbilit fi Stat Membru - Talba lil partijiet kontraenti stabbiliti fl-istess Stat Membru - Sitwazzjoni purament interna- Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.
Kawża C-245/09.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-13771
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:808
Kawża C-245/09
Omalet NV
vs
Rijksdienst voor Sociale Zekerheid
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeidshof te Brussel)
“Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikolu 49 KE — Imprenditur stabbilit fi Stat Membru — Talba lil partijiet kontraenti stabbiliti fl-istess Stat Membru — Sitwazzjoni purament interna — Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari”
Sommarju tas-sentenza
Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Talba għal interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni manifestament inapplikabbli fil-kawża prinċipali
(Artikoli 49 KE u 267 TFUE)
Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija eskluża meta huwa evidenti li d‑dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni suġġetta għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja ma tistax tiġi applikata. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tirrispondi għal domanda preliminari li tirrigwarda l‑interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-kuntest ta’ kawża fejn l-elementi kollha jinsabu fi Stat Membru wieħed, peress li kemm l-imprenditur prinċipali kif ukoll is-subappaltatur huma stabbiliti fl-istess Stat Membru u peress li l-fatti kollha seħħew fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.
(ara l-punti 10, 11 u 13)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
22 ta’ Diċembru 2010 (*)
“Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Artikolu 49 KE – Imprenditur stabbilit fi Stat Membru – Talba lil partijiet kontraenti stabbiliti fl-istess Stat Membru – Sitwazzjoni purament interna– Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari”
Fil-Kawża C‑245/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-arbeidshof te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Lulju 2009, fil-proċedura
Omalet NV
vs
Rijksdienst voor Sociale Zekerheid,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.-J. Kasel, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Ottubru 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Omalet NV, minn D. Van Der Mosen u H. Van de Cauter, avukati,
– għar-Rijksdienst voor Sociale Zekerheid, minn P. Derveaux, avukat,
– għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti,
– għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen kif ukoll minn R. Holdgaard u C. Vang, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,
– għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,
– għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent, assistita minn T. de la Mare, barrister,
– għall-Gvern tan-Norveġja, minn Ø. Andersen u K. B. Moen, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u V. Kreuschitz, bħala aġenti,
– wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-applikabbiltà u l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 KE.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Omalet NV (iktar ’il quddiem, “Omalet”) u r-Rijksdienst voor Sociale Zekerheid (Uffiċċju nazzjonali tas-sigurtà soċjali, iktar ’il quddiem ir-“Rijksdienst”) rigward, minn naħa, ir-responsabbiltà in solidum ta’ Omalet, inkwantu imprenditur prinċipali, għal parti mid-dejn ta’ sigurtà soċjali ta’ subappaltatur mhux irreġistrat, stabbilit fil-Belġju, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ din il-kumpannija li żżomm pagamenti magħmula lill-imsemmi subappaltatur.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 30a tal-liġi tas-27 ta’ Ġunju 1969 li temenda d-digriet-liġi tat-28 ta’ Diċembru 1944 dwar is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem, “il-liġi tal-1969”), kien ifformulat kif ġej:
“[...]
3. Il-prinċipal li, għax-xogħlijiet previsti fil-paragrafu 1, iqabbad imprenditur mhux irreġistrat fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, huwa responsabbli in solidum għall-pagamenti tad-dejn tas-sigurtà soċjali tal-kontraent tiegħu.
L-imprenditur li, għax-xogħlijiet previsti fil-paragrafu 1, iqabbad subappaltatur mhux irreġistrat fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim, huwa responsabbli in solidum għall-pagamenti tad-dejn tas-sigurtà soċjali tal-kontraent tiegħu.
[...]
Ir-responsabbiltà in solidum hija limitata għal 50 % tal-prezz totali tax-xogħlijiet, eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud, mogħti lill-imprenditur jew lis-subappaltatur mhux irreġistrat.
[...]
4. Il-prinċipal li jwettaq pagament sħiħ jew parzjali tal-prezz tax-xogħlijiet previsti fil-paragrafu°1, lil imprenditur li, fil-mument tal-pagament, ma huwiex irreġistrat, huwa marbut, mal-pagament li jżomm u jħallas 15 % tal-ammont li huwa responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tiegħu, eskluża t-taxxa għall-valur miżjud, [lir-Rijksdienst], skont il-modalitajiet li jiddetermina r-Re.
L-imprenditur huwa madankollu eżentat milli jżomm il-pagamenti u mill-ħlas imsemmija fis-subparagrafu preċedenti jekk, fil-mument tal-pagament, skont il-modalitijiet stabbiliti mir-Re, is-subappaltatur ma huwiex debitur quddiem [ir-Rijksdienst] jew quddiem fond ta’ sigurtà soċjali eżistenti jew kiseb għas-somom dovuti termini ta’ pagament mingħajr proċeduri ġudizzjarji jew permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja bl-awtorità ta’ res judicata u jżomm b’mod strett ma’ dawn it-termini u huwa rreġistrat bħala imprenditur. Għal dan il-għan, [ir-Rijksdienst] għandu joħloq database aċċessibbli għall-pubbliku, li għandu saħħa probatorja għall-applikazzjoni ta’ dan is-subparagrafu.
Meta l-imprenditur huwa persuna li tħaddem mhux stabbilita fil-Belġju, li ma għandhiex dejn tas-sigurtà soċjali fil-Belġju u li l-impjegati kollha tagħha għandhom ċertifikat ta’ kollokament validu, id-dispożizzjonijiet ta’ żamma ta’ pagament f’dan il-paragrafu ma humiex applikabbli għall-pagament dovut lil dan l-imprenditur.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
4 Fil-kwalità tagħha ta’ kuntrattur fil-qasam tal-bini, Omalet daret fuq subappaltatur stabbilit iżda mhux irreġistrat fil-Belġju. Dan is-subappaltatur stabbilixxa żewġ fatturi, l-ewwel waħda fit-2 ta’ April 2003, għal ammont ta’ EUR 4 136.10, u t-tieni waħda fid-29 ta’ April 2003, għal ammont ta’ EUR 4 493.69. Dawn iż-żewġ fatturi tħallsu.
5 L-imsemmi subappaltatur, iddikjarat f’falliment fil-25 ta’ Settembru 2003, f’din id-data, kellu dejn ta’ EUR 57 593.87 mar-Rijksdienst. Skont l-Artikolu 30a(3) tal-liġi tal-1969, ir-Rijksdienst talab lil Omalet ammont ta’ EUR 4 314.90, għar-responsabbiltà in solidum tad-dejn tas-sigurtà soċjali tal-istess subappaltatur, limitata għal 50 % tal-ammont totali tax-xogħlijiet. Skont l-Artikolu 30a(4) tal-istess liġi, intalab ammont addizzjonali ta’ EUR 6 040.85 mingħand Omalet, minħabba li din tal-aħħar ma kinitx żammet il-pagament kif previst minn dan l-artikolu.
6 Fin-nuqqas ta’ ftehim bonarju, ir-Rijksdienst sejjaħ lil Omalet, permezz ta’ ċitazzjoni tal-25 ta’ April 2007, quddiem l-arbeidrechtbank te Brussel (tribunal industrijali ta’ Brussell). Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ April 2008, dan it-tribunal iddikjara fondata t-talba tar-Rijksdienst u kkundanna lil Omalet għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 10 355.75 miżjuda bl-interessi moratorji legali mill-1 ta’ Frar 2006 u l-interessi relatati ma’ proċeduri ġudizzjarji.
7 Permezz ta’ att ippreżentat fit-23 ta’ Mejju 2008, Omalet appellat minn din is-sentenza quddiem l-arbeidshof te Brussel (qorti industrijali ta’ Brussell), billi invokat, b’mod partikolari, l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 30a tal-liġi tal-1969 mal-Artikoli 49 KE u 50 KE.
8 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-arbeidshof te Brussel iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Il-qorti nazzjonali għandha tapplika l-Artikolu 49 KE f’kawża bejn [ir-Rijksdienst] u imprenditur prinċipali stabbilit fil-Belġju, meta jintalab li l-imsemmi imprenditur prinċipali jiġi kkundannat, skont l-Artikolu 30a(3) tal-[liġi tal-1969] (fil-verżjoni tiegħu applikabbli qabel ma ġie emendat bl-Artikolu 55 tal-Liġi Programm tas-27 ta’ April 2007), bħala responsabbli in solidum għal parti mid-dejn tas-subappaltatur mhux irreġistrat, stabbilit fil-Belġju, jew meta jintalab li l-imsemmi imprenditur jiġi kkundannat talli ma osservax l-obbligu ta’ tnaqqis, previst bl-Artikolu 30(4) tal-Liġi.
2) Sussidjarjament, l-Artikolu 49 KE jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik prevista bl-Artikolu 30a(3) u (4) tal-[liġi tal-1969] (fil-verżjoni tiegħu applikabbli qabel ma ġie emendat bl-Artikolu 55 tal-Liġi Programm tas-27 ta’ April 2007)?”
Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
9 Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’sitwazzjoni fejn, kif barra minn hekk tosserva l-qorti tar-rinviju nfisha, l-elementi kollha tal-kawża prinċipali jinsabu fi Stat Membru wieħed.
10 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-kompetenza tagħha li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7, C‑380/05, Ġabra p. I‑349, punt 64, u tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C‑384/08, Ġabra p. I-2055, punt 22).
11 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet il-kompetenza tagħha meta huwa evidenti li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni suġġetta għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi applikata (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius, C‑567/07, Ġabra p. I‑9021, punt 43).
12 Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma humiex applikabbli għal attivitajiet li l-elementi rilevanti tagħhom jinsabu kollha fi Stat Membru wieħed (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 1999, RI.SAN., C‑108/98, Ġabra p. I‑5219, punt 23, u tal-21 ta’ Ottubru 1999, Jägerskiöld, C‑97/98, Ġabra p. I‑7319, punt 42).
13 Issa, f’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-elementi kollha tal-kawża prinċipali fil-fatt jinsabu fi Stat Membru wieħed, peress li kemm l-imprenditur prinċipali kif ukoll is-subappaltatur huma stabbiliti fil-Belġju u peress li l-fatti kollha seħħew fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.
14 Għaldaqstant, jidher b’mod ċar li l-kawża prinċipali ma tinvolvi l-ebda wieħed mill-elementi ta’ rabta previsti mill-Artikolu 49 KE, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli.
15 Huwa minnu li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, anki f’tali sitwazzjoni purament interna, ir-risposta ta’ din il-qorti tista’ madankollu tkun utli għall-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari fil-każ fejn id-dritt nazzjonali jimponilha li tagħti l-benefiċċju lil ċittadin ta’ Stat Membru speċifiku li jgawdi mill-istess drittijiet bħal dawk li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor igawdi minnhom skont id-dritt tal‑Unjoni fl-istess sitwazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont, C‑448/98, Ġabra p. I‑10663, punt 23, tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, Ġabra p. I‑2941, punt 29, u tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C‑94/04 u C‑202/04, Ġabra p. I‑11421, punt 30, kif ukoll tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 36).
16 Madankollu, dan ma japplikax għal din il-kawża. Fil-fatt, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju nfisha semmiet sentenza tal-Grondwettelijk Hof (qorti kostituzzjonali), li fiha din il-qorti qieset li l-Artikolu 49 KE ma kienx japplika meta l-kawża pendenti quddiem il-qorti kienet tinsab kollha fis-sistema legali interna. Quddiem id-domanda dwar jekk l-Artikolu 30a(1) tal-liġi tal-1969 kienx imur kontra l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti permezz tal-kostituzzjoni Belġjana sa fejn huwa kien jipprovdi għal trattament differenti għall-kuntratturi u l-kuntratturi prinċipali stabbiliti fil-Belġju u li jqabbdu parti kontraenti barranija li ma hijiex irreġistrata fil-Belġju, li jistgħu jinvokaw l-Artikoli 49 KE u 50 KE, minn naħa, u dawk li jqabbdu fornitur ta’ servizzi stabbilit fil-Belġju u li ma jistax jinvoka l-imsemmija artikoli, min-naħa l-oħra, l-imsemmija Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma kienx hemm lok li jitqabblu sitwazzjonijiet li jaqgħu b’mod esklużiv taħt is-sistema legali interna ma’ dawk irregolati mis-sistema legali tal-Unjoni.
17 Konsegwentement, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tinsab fl-obbligu li tagħti l-benefiċċju lill-impriżi stabbiliti fil-Belġju li jgawdu l-istess drittijiet bħal dawk li l-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor igawdu taħt id-dritt tal-Unjoni fl-istess sitwazzjoni.
18 Għaldaqstant, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, li l-elementi kollha tagħha jinsabu fl-Istat Membru kkonċernat, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-arbeidshof te Brussel.
19 Għalhekk it-talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mill-arbeidshof te Brussel għandha titqies bħala inammissibbli.
Fuq l-ispejjeż
20 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-arbeidshof te Brussel (il-Belġju), b’deċiżjoni tal-25 ta’ Ġunju 2009, hija inammissibbli.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.