EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0224

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) tas-7 ta' Ottubru 2010.
Proċedura kriminali kontra Martha Nussbaumer.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale di Bolzano - l-Italja.
Talba għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 92/57/KEE - Ħtiġiet minimi ta' sigurtà u saħħa li għandhom jiġu implementati f’postijiet ta’ kostruzzjoni temporanji jew mobbli - Artikolu 3 - Obbligi li jinħatar koordinatur fil-qasam ta’ sigurtà u ta’ saħħa kif ukoll li jiġi stabbilit proġett ta’ sigurtà u ta’ saħħa.
Kawża C-224/09.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-09295

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:594

Kawża C-224/09

Proċeduri kriminali

kontra

Martha Nussbaumer

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Bolzano)

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 92/57/KEE — Ħtiġiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa li għandhom jiġu implementati f’postijiet ta’ kostruzzjoni temporanji jew mobbli — Artikolu 3 — Obbligi li jinħatar koordinatur fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa kif ukoll li jiġi stabbilit pjan ta’ sigurtà u ta’ saħħa”

Sommarju tas-sentenza

Politika soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Direttiva 92/57 dwar il-ħtiġiet minimi ta’ sigurtà u saħħa li għandhom jiġu implimentati f’postijiet ta’ kostruzzjoni temporanji jew mobbli

(Direttiva tal-Kunsill 92/57, Artikolu 3(1) u (2))

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/57, dwar il-ħtiġiet minimi ta’ sigurtà u saħħa li għandhom jiġu implimentati f’postijiet ta’ kostruzzjoni temporanji jew mobbli (it‑tmien direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), għandu jiġi interpretat kif ġej:

– il-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti deroga, għal post ta’ kostruzzjoni li jinkludi xogħlijiet privati li ma jeħtiġux permess ta’ bini u li ser ikunu preżenti fih diversi kuntratturi, mill-obbligu tal-klijent jew tal-persuna responsabbbli mix-xogħlijiet, li jinnomina koordinatur ta’ sigurtà u ta’ saħħa waqt l-istadju tal-preparazzjoni tal-proġett, jew, f’kull każ, qabel l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet;

– il-paragrafu 2 tal-istess artikolu jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l‑obbligu tal-koordinatur responsabbli mit-twettiq tax-xogħol li jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà u ta’ saħħa biss fil-każ fejn diversi kuntratturi huma mqabbda f’post ta’ kostruzzjoni li fih ser iseħħu xogħlijiet privati li ma jeħtiġux permess ta’ bini u li ma jiħdux bħala kriterju ta’ dan l-obbligu r-riskji partikolari bħal dawk imsemmija fl-Anness II tal-imsemmija direttiva.

(ara l-punt 31 u d-dispożżitiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Ottubru 2010 (*)

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/57/KEE – Ħtiġiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa li għandhom jiġu implementati f’postijiet ta’ kostruzzjoni temporanji jew mobbli – Artikolu 3 – Obbligi li jinħatar koordinatur fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa kif ukoll li jiġi stabbilit pjan ta’ sigurtà u ta’ saħħa ”

Fil-Kawża C-224/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale di Bolzano (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2009, fil-proċeduri kriminali kontra

Martha Nussbaumer,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J.‑J. Kasel (Relatur) President tal-Awla, E. Levits u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Lulju 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Arena, avvocato dello Stato,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. Collins, SC,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn A. Howard, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Rozet u L. Pignataro-Nolin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 92/57/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1992 dwar il-ħtiġiet minimi ta' sigurtà u saħħa li għandhom jiġu implementati f’postijiet ta’ kostruzzjoni temporanji jew mobbli (it-tmien direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 2, p. 71, u r-rettifika ĠU 1993, L 41, p.50).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra M. Nussbaumer, li kienet akkużata li kisret l-obbligi ta’ sigurtà tal-klijent jew tal-persuna li tissorvelja l-proġett f’postijiet ta’ kostruzzjoni temporanji jew mobbli.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/57, intitolat “Il-Ħatra ta' koordinaturi – pjan ta’ Sigurtá u saħħa – Notifika minn qabel” jipprovdi:

“1.       Il-klijent jew il-persuna li tissorvelja il-proġett għandha taħtar koordinatur wieħed jew aktar għall-kwistjonijiet tas-sigurtá u tas-saħħa, [...] għal kull post ta' kostruzzjoni li fih hemm preżenti iktar minn kuntrattur wieħed.

2.      Il-klijent u l-persuna li tissorvelja l-proġett għandhom jassiguraw qabel ma jinbeda x-xogħol fil-post tal-kostruzzjoni li jitfassal pjan ta' sigurtà u saħħa skond l-Artikolu 5(b).

L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw kemm l-amministrazzjoni u kemm il-forza tax-xogħol, jippermettu derogi għad-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel paragrafu, ħlief meta ix-xogħol ikkonċernat jinvolvi [...]:

–        [riskji partikolari kif imniżżla fl-Anness II

jew

–        xogħlijiet li għalihom huwa meħtieġ notifika minn qabel taħt il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.]

3.       Fil-każ ta’ postijiet ta’ kostruzzjoni:

–        li fihom ix-xogħol huwa maħsub li jdum aktar minn 30 jum utli u li fuqhom aktar minn 20 ħaddiem jaħdmu simultanjament,

jew

–        li fihom il-volum ta’ xogħol huwa maħsub li jaqbeż 500 ġurnata tax-xogħol ta' persuna,

il-klijent jew il-persuna li tissorvelja l-proġett għandha tikkomunika notifika mfassla skond l-Anness III lill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jibda x-xogħol.

In-notifika minn qabel għandha tkun imwaħħla fejn jidher fil-post ta' kostruzzjoni u jekk neċessarju, tkun aġġornata perjodikament.”

4        L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-Istadju tal-preparazzjoni tal-proġett: dmirijiet tal-koordinaturi”, jiddispondi:

“Il-koordinatur(i) f'materja ta' sigurtá u saħħa fl-istadju ta' l-elaborazzjoni tal-proġett nominat skond l-Artikolu 3(1):

a)      jikkoordinaw l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4;

b)      jistabbilixxu jew iġiegħlu min jistabbilixxi pjan ta' sigurtà u ta' saħħa li jindika r-regoli applikabbli għal post ta' kostruzzjoni kkonċernat li jieħu kont jekk ikun il-każ ta' l-attivitajiet ta' l-isfruttament li jkunu qed isiru fuq il‑post; dan il-pjan għandu, barra minn hekk, ikun fih il-miżuri speċifiċi li jikkonċernaw ix-xogħlijiet li huma kompriżi f'waħda jew iktar mill-kategoriji ta' l-Anness II;

ċ)      jippreparaw dokumentazzjoni approprjata għall-karatteristiċi tal-proġett li għandu informazzjoni relevanti dwar is-sigurtá u s-saħħa li għandhom jiġu kkunsidrati waqt xogħlijiet sussegwenti.”

5        L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Stadju tar-realizzazzjoni tal-proġett: dmirijiet tal-koordinaturi” jipprevedi:

“Il-koordinatur(i) għall-kwistjonijiet tas-sigurtá u saħħa waqt l-istadju tar-realizzazzjoni tal-proġett nominati skond l-Artikolu 3(1) għandu/għandhom:

a)      jikkoordinaw l-implementazzjoni tal-prinċipji ġenerali dwar il-prevenzjoni u s-sigurtà:

–        meta aspetti tekniċi u/jew ta’ organizzazzjoni jkunu qed jiġu deċiżi, sabiex jiġu pjanati ix-xogħlijiet jew il-fażijiet tax-xogħol differenti li jkunu sejrin isiru simultanjament jew suċċessivament,

–        meta jiġi vvalutat il-perjodu meħtieġ għar-realizzazzjoni ta' dawn ix-xogħlijiet jew fażijiet ta’ xogħol differenti;

b)      jikkoordina(w) l-implementazzjoni ta' dispożizzjonijiet relevanti sabiex jassiguraw li min jimpjiega u, jekk neċessarju għall-protezzjoni tal-ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom:

–        japplikaw il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 8 b’mod koerenti,

–        meta meħtieġa, isegwu l-pjan ta’ sigurtá u saħħa msemmi fl-Artikolu 5(b);

ċ)      jagħmlu, jew jikkawżaw li jsiru, aġġustamenti meħtieġa għall-pjan tas-sigurtà u saħħa msemmi fl-Artikolu 5(b) u d-dokumentazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(ċ) skond kif żviluppaw ix-xogħlijiet u il-modifiki eventwali li jkunu saru sadanittant;

[…]”

6        L-Anness II fih lista mhux eżawrjenti ta’ xogħlijiet li fihom riskji partikolari għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema msemmija fl-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        Id-Direttiva 92/57 ġiet trasposta fl-ordni ġuridika Taljana permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 494 tal-14 ta’ Awwissu 1996 (suppliment ordinarju għall-ĠURI Nru 223, tat-23 ta’ Settembru 1996), emendat bid-Digrieti Leġiżlattivi Nru 528, tad-19 ta’ Novembru 1999 (GURI Nru 13, tat-18 ta’ Jannar 2000, p. 20), u Nru 276, tal-10 ta’ Settembru 2003 (suppliment ordinarju għall-ĠURI Nru 235, tad-9 ta’ Ottubru 2003, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 494/96”).

8        Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 494/96 ġie abrogat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 81, tad-9 ta’ April 2008 (suppliment ordinarju għall-ĠURI Nru 101, tat-30 ta’ April, iktar ’il quddiem, id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 81/08”). Fit-Titolu IV ta’ dan l-aħħar digriet leġiżlattiv, li jirrigwarda l-postijiet ta’ kostruzzjoni temporanji jew mobbli, jinsab l-Artikolu 90 tiegħu, li jiffissa l-obbligi tal-klijent jew tal-persuna li tissorvelja l-proġett għal dak li jikkonċerna l-koordinatur ta’ sigurtà f’dawn il‑postijiet ta’ kostruzzjoni.

9        L-Artikolu 90 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 81/08 jiddisponi:

“1.      Il-klijent jew dak li jissorvelja l-proġett, waqt l-istadju tal-ippjanar tax-xogħol, u b’mod partikolari fil-mument tal-għażliet tekniċi, waqt l-eżekuzzjoni tal-proġett u tal-organizzazzjoni tal-operazzjonijiet tal-post ta’ kostruzzjoni, għandu jikkonforma għall-miżuri u għall-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni msemmija fl-Artikolu 15. Sabiex tkun tista’ tiġi pjanifikata l-eżekuzzjoni, taħt il‑kundizzjoni ta’ sigurtà, tax-xogħlijiet differenti jew ta’ fażijiet ta’ xogħlijiet li għandhom iseħħu flimkien jew suċċessivament, il-klijent jew dak li jissorvelja l‑proġett għandu jistma t-tul taż-żmien ta’ dawn ix-xogħlijiet jew fażijiet ta’ xogħlijiet fil-proġett.

2.      Il-klijent jew dak li jissorvelja l-proġett, waqt l-istadju tal-ippjanar tax-xogħol, għandu jevalwa d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 91(1)(a) u (b).

3.      Fil-postijiet ta’ kostruzzjoni li fihom huwa mistenni li diversi kuntratturi jkunu preżenti, anki jekk mhux fl-istess ħin, il-klijent, anki jekk huwa wkoll il‑kuntrattur li jeżegwixxi, jew dak li jissorvelja l-proġett, mill-mument li fih huwa ġie inkarigat bil-proġett, għandu jinnomina l-koordinatur tal-proġett.

4.      Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 3, il-klijent jew dak li jissorvelja l-proġett għandu jinnomina, qabel ma jiġi inkarigat bix-xogħlijiet, il-koordinatur għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, li għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 98.

5.      Id-dispożizzjoni msemmija fil-paragrafu 4 għandha tapplika wkoll meta, wara li tkun inizjalment ingħatat lil kuntrattur wieħed, l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew ta’ parti minnhom tingħata lil kuntrattur wieħed jew lil diversi kuntratturi.

[…]

11.      Fil-każ ta’ xogħlijiet privati, id-dispożizzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ma għandhiex tapplika għax-xogħlijiet li mhumiex suġġetti għall-kisba ta’ permess ta’ bini. Għandhom japplikaw, f’kull każ id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 92(2).”

10      L-Artikolu 91 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 81/08 jiddefinixxi l-obbligi ta’ koordinatur tal-proġett u jipprevedi, essenzjalment, l-istabbiliment tal-pjan ta’ sigurtà u ta’ koordinazzjoni.

11      L-Artikolu 92(2) tal-istess digriet, li jikkonċerna l-obbligi li jaqgħu taħt ir‑responsabbiltà tal-koordinatur għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, huwa fformulat kif ġej:

“Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 90(5), il-koordinatur għall-eżekuzzjoni, barra milli jwettaq il-funzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, għandu jistabbilixxi l-pjan ta’ sigurtà u ta’ koordinatur u jipprepara l-fajl imsemmi fl-Artikolu 91(1)(a) u (b).”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      Fl-20 ta’ Ġunju 2008, l-ispetturi tas-servizz ta’ protezzjoni tax-xogħol tal-provinċja awtonoma ta’ Bolzano pproċedew għal kontroll tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni f’post ta’ kostruzzjoni fit-territorju tal-komun ta’ Merano, għas-sostituzzjoni ta’ saqaf ta’ dar ta’ madwar 6 sa 8 metri għolja. Il-klijenta kienet M. Nussbaumer. Il-grada protettiva installata madwar ix-xifer tas-saqaf, il-krejn sabiex jgħolli l-materjal u l-ħaddiema ġew ipprovduti minn tliet kuntratturi differenti preżenti fl-istess ħin fil-post ta’ kostruzzjoni. Il-ħruġ ta’ permess ta’ bini ma kienx meħtieġ taħt il-leġiżlazzjoni Taljana applikabbli. Min-naħa l-oħra, dikjarazzjoni ta’ bidu ta’ xogħlijiet ġiet trażmessa lill-imsemmi komun.

13      Fil-kuntest ta’ din l-ispezzjoni, tqajmet il-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, koordinatur ta’ sigurtà kellux jiġi nnominat, kemm għall-istadju tal-preparazzjoni tal-proġett kif ukoll għall-istadju ta’ twettiq ta’ xogħlijiet, hekk kif jipprevedi mhux biss l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/57, iżda wkoll l-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 494/96, u dan indipendentement mill-fatt li l-Artikolu 90(11) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 81/08 ma jeżiġix tali nomina.

14      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, skont l-Artikolu 90(3) u (4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 81/08, koordinatur tal-proġett u tal-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet għandu jkun innominat għal kull post ta’ kostruzzjoni li fih huma preżenti diversi kuntratturi. Madankollu, taħt l-imsemmi Artikolu 90(11), id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 90(3) ma għandhomx japplikaw għax-xogħlijiet privati li ma jeħtiġux il-ksib ta’ premess ta’ bini. Issa, skont l-istess qorti, billi assuma li post ta’ kostruzzjoni ta’ xogħlijiet privati huwa ta’ ftit importanza u għaldaqstant nieqes mir-riskji, il-leġiżlatur nazzjonali naqas milli jirrikonoxxi li xogħlijiet li ma jeħtiġux il-ksib ta’ permess ta’ bini jistgħu wkoll ikunu kumplessi u perikolużi, u minħabba dan il-fatt jeħtieġu li jiġi nnominat koordinatur tal-proġett tax-xogħol. Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 90(4) jirreferi għall-Artikolu 90(3), il-klijent huwa wkoll eżenti mill-obbligu li jinnomina koordinatur għat-twettiq tax-xogħlijiet.

15      Il-qorti tar-rinviju għalhekk għandha d-dubju tagħha fuq il-konformità tad-derogi fid-dritt Taljan mill-obbligu ta’ nomina ta’ koordinatur mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/57.

16      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale di Bolzano ddeċieda li jissospendi l‑proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari sewgenti:

“1)      Il-liġi nazzjonali stabbilita skont id-Digriet Leġiżlattiv [Nru 81/08], b’mod partikolari fir-rigward tar-regola introdotta fl-Artikolu 90(11), fil-parti fejn tistabbilixxi deroga għall-postijiet ta’ kostruzzjoni fejn huma preżenti iktar minn impriża waħda, mill-obbligu, min-naħa tal-klijent jew tal-persuna li tissorvelja l-proġett, milli jinħatar koordinatur għall-proġett skont il‑paragrafu 3 tal-istess dispożizzjoni, f’każ ta’ xogħlijiet privati mhux suġġetti għal permess tal-bini, abbażi tal-evalwazzjoni tan-natura tax-xogħlijiet u tar-riskji partikolari kif elenkati mill-Anness II tad-direttiva, tikser ir-regola stabbilita mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/57/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1992?

2)      Il-Liġi nazzjonali stabbilita mid-Digriet Leġiżlattiv [Nru 81/08], b’mod partikolari fir-rigward tar-regola introdotta fl-Artikolu 90(11), tikser ir‑regola stabbilita mill-Artikolu 3 tad-Direttiva [92/57] fir-rigward tal-obbligu tal-klijent jew tal-persuna li tissorvelja l-proġett li f’kull każ jinħatar koordinatur matul it-twettiq tax-xogħol fil-postijiet ta’ kostruzzjoni, indipendentement mit-tip ta’ xogħlijiet, u għalhekk anki fil-każ ta’ xogħlijiet privati li ma humiex suġġetti għal permess tal-bini, li jistgħu jkunu jinvolvu r‑riskji elenkati fl-Anness II tad-direttiva?

3)      Id-dispożizzjoni stabbilita permezz tal-Artikolu 90(11) tad-Digriet Leġiżlattiv [Nru 81/08], fil-parti fejn tipprevedi l-obbligu min-naħa tal-koordinatur tal-eżekuzzjoni li jfassal pjan ta’ sigurtà biss fil-każ fejn, f’każ ta’ xogħlijiet privati mhux suġġetti għal permess tal-bini, jintervjenu impriżi oħra minbarra l-ewwel impriża li ġiet inizjalment inkarigata mix-xogħlijiet, tikser l-Artikolu 3 [92/57], li jimponi f’kull każ l-obbligu li jinħatar koordinatur tal-eżekuzzjoni skont it-tip ta’ xogħlijiet u li jeskludi d-deroga mill-obbligu li jiġi mfassal pjan tas-sigurtà u tas-saħħa kemm-il darba x‑xogħlijiet ikunu tali li jinvolvu riskji partikolari bħal dawk elenkati fl-Anness II tad-direttiva?

 Fuq id-domandi preliminari

17      B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li għalkemm ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa taħt l‑Artikolu 267 TFUE, fuq il-konformità ta’ dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni u lanqas li tinterpreta l-liġijiet u regolamenti nazzjonali, hija hi madankollu kompetenti sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tevalwa tali konformità sabiex tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1993, Hünermund et, C-292/92, Ġabra p. I-6787, punt 8; kif ukoll tat-27 ta’ Novembru 2001, Lombardini et Mantovani, C‑285/99 u C 286/99, Ġabra p. I‑9233, punt 27).

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi mressqa, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, għandhom jinftiehmu bħala li qed isaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/57 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, tippermetti li ssir deroga, għal post li fih isiru xogħlijiet privati li ma jeħtiġux permess ta’ bini u li fih ikunu preżenti diversi kuntratturi, mill-obbligu tal-klijent jew ta’ dak responsabbli mix-xogħlijiet li jinnomina koordinatur kemm għall-istadju tal-preparazzjoni tal-proġett kif ukoll għat-twettiq tax-xogħlijiet u li min-naħa l-oħra, tipprevedi l-obbligu għal dan il-koordinatur li jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà u ta’ saħħa biss meta, f’post ta’ kostruzzjoni li fih iseħħu xogħlijiet privati li ma jeħtiġux permess ta’ bini, jitqabbdu diversi kuntratturi.

19      Qabel kollox, huwa importanti li jitfakkar li, fis-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑504/06), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat deċiżjoni fuq l-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/57.

20      Issa, fil-punt 29 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l‑Artikolu 3 tad-Direttiva 92/57 huwa mqassam fi tliet paragrafi enumerati li jistabbilixxu tliet regoli ta’ dritt kjarament distinti li jirrigwardaw rispettivament in-nomina tal-koordinaturi, il-pjan ta’ sigurtà u ta’ saħħa kif ukoll l-avviż minn qabel għax-xogħlijiet ta’ ċerta importanza. Din id-distinzjoni bejn it-tliet paragrafi tirriżulta barra minn hekk mit-titolu tal-imsemmi Artikolu 3, jiġifieri “Il-Ħatra ta' koordinaturi — Pjan ta’ Sigurtá u saħħa — Notifika minn qabel”. Skont din l‑istruttura, il-kwistjoni tan-nomina tal-koordinaturi hija għalhekk koperta biss fl-Artikolu 3(1), filwaqt li l-Artikolu 3(2) fih ir-regoli dwar il-pjan ta’ sigurtà u ta’ saħħa.

21      Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, fil-punt 30 tal-imsemmija sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Italja, li l-eċċezzjoni li tinsab fit-tieni subparagrafu l‑Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva tista’ tirreferi biss għar-regola li tippreċediha immedjatament, jiġifieri dik li tikkonċerna l-istabbiliment tal-pjan ta’ sigurtà u ta’ saħħa.

22      Konsegwentement, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 35 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/57, li l-kliem tiegħu huwa ċar u preċiż u li jistabbilixxi mingħajr ambigwità l-obbligu li jiġi nnominat koordinatur fil-qasam ta’ sigurtà u ta’ saħħa għal kull post ta’ kostruzzjoni li fih diversi kuntratturi ser ikunu preżenti, ma jippermetti ebda eċċezzjoni għal dan l-obbligu.

23      Għaldaqstant, koordinatur fil-qasam ta’ sigurtà u ta’ saħħa għandu dejjem jiġi nnominat għal post ta’ kostruzzjoni li fih diversi kuntratturi ser ikunu preżenti, irrespettivament mill-fatt li x-xogħlijiet jeħtieġu jew ma jeħtiġux il-ksib ta’ permess ta’ bini jew ukoll li dan il-post ta’ kostruzzjoni fih jew ma fihx riskji partikolari.

24      Fir-rigward tal-mument li fih issir in-nomina tal-koordinatur ta’ sigurtà u ta’ saħħa, jirriżulta mill-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 92/57 li dan tal-aħħar għandu jiġi nnominat waqt l-istadju tal-preparazzjoni tal-proġett tax-xogħol jew, f’kull każ, qabel ma jibdew ix-xogħlijiet.

25      Għalhekk għandu jiġi konkluż, fir-rigward tal-ewwel parti tad-domandi magħmula, hekk kif ifformulati mill-ġdid fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, li l‑Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/57 jeżiġi li, fil-każ ta’ post ta’ kostruzzjoni li fih ser ikunu preżenti diversi kuntratturi, koordinatur fil-qasam ta’ sigurtà u ta’ saħħa għandu dejjem jiġi nnominat waqt l-istadju tal-preparazzjoni ta’ proġett, jew f’kull każ, qabel l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet.

26      Għal dak li jikkonċerna l-pjan ta’ sigurtà u ta’ saħħa, li huwa s-suġġett tat-tieni parti tad-domandi magħmula hekk kif ifformulati mill-ġdid, il-kundizzjonijiet dwar l-istabbiliment tiegħu għandhom, għal raġunijiet identiċi għal dawk imsemmija fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza, jiġu ddeterminati biss fid-dawl tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/57.

27      Issa, għall-kuntrarju tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/57, li ma fih ebda eċċezzjoni, it-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 3(2) jawtorizza l-Istati Membri, wara konsultazzjoni ma’ sħab soċjali, li jidderogaw mill-obbligu li jiġi stabbilit pjan ta’ sigurtà u ta’ saħħa li jinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2, sakemm dan ma jinvolvix xogħol li fih riskji partikolari elenkati fl-Anness II tal-imsemmija direttiva jew ta’ xogħol li għalih avviż minn qabel, imsemmi fl-Artikolu 3(3), huwa meħtieġ.

28      Minn dan isegwi li l-obbligu li jiġi stabbilit, qabel il-ftuħ tal-post ta’ kostruzzjoni, pjan ta’ sigurtà u ta’ saħħa, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/57, għandu jiġi estiż fis-sens li jiġi impost fuq il-postijiet ta’ kostruzzjoni kollha li fihom ix-xogħlijiet jinvolvu riskji partikolari, bħal dawk enumerati fl-Anness II ta’ din id-Direttiva, jew li jeħtieġu avviż minn qabel, u n‑numru ta’ kuntratturi preżenti fil-post ta’ kostruzzjoni ma huwiex determinanti f’dan ir-rigward.

29      L-imsemmi artikolu jipprekludi, għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-obbligu għall-koordinatur responsabbli mill-istadju tar-realizzazzjoni li jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà u ta’ saħħa biss fil-każ fejn, f’post ta’ xogħlijiet privati li ma jeħtieġ permess ta’ bini, ikun hemm diversi kuntratturi u li ma tiħux bħala kriterju ta’ dan l-obbligu r-riskji partikolari bħal dawk imsemmija fl-Anness II tad-Direttiva 92/57.

30      Sabiex tingħata risposta eżawrjenti lill-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, direttiva ma tistax, fiha nfisha, toħloq obbligu fuq individwu u li dispożizzjoni ta’ dierttiva ma tistax għalhekk tiġi invokata bħala tali kontra tali individwu (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1996, X, C‑74/95 u C‑129/95, Ġabra p. I‑6609, punti 23 sa 25, u tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, C‑387/02, C‑391/02 u C‑403/02, Ġabra p. I‑3565, punti 73 u 74).

31      Fid-dawl tal-premessa, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l‑Artikolu 3 tad-Direttiva 92/57 għandu jiġi interpretat b’dan il-mod:

–        l-Artikolu 3(1) jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti deroga, għal post ta’ kostruzzjoni li jinkludi xogħlijiet privati li ma jeħtiġux permess ta’ bini u li ser ikunu preżenti fih diversi kuntratturi, mill-obbligu tal-klijent jew tal-persuna responsabbli mix-xogħlijiet li jinnomina koordinatur ta’ sigurtà u ta’ saħħa waqt l-istadju tal-preparazzjoni tal-proġett, jew, f’kull każ, qabel l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet;

–        l-Artikolu 3(2) jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-obbligu għall-koordinatur responsabbli għat-twettiq tax-xogħol li jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà u ta’ saħħa għal meta diversi kuntratturi huma mqabbda f’post ta’ kostruzzjoni li fih ser iseħħu xogħlijiet privati li ma jeħtiġux permess ta’ bini u li ma tiħux bħala kriterju ta’ dan l-obbligu r-riskji partikolari bħal dawk imsemmija fl-Anness II tal-imsemmija direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

32      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/57/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1992 dwar il-ħtiġiet minimi ta' sigurtà u saħħa li għandhom jiġu implementati f’postijiet ta’ kostruzzjoni temporanji jew mobbli (it-tmien direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), għandu jiġi interpretat b’dan il-mod:

–        l-Artikolu 3(1) jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti deroga, għal post ta’ kostruzzjoni li jinkludi xogħlijiet privati li ma jeħtiġux permess ta’ bini u li ser ikunu preżenti fih diversi kuntratturi, mill-obbligu tal-klijent jew tal-persuna responsabbbli mix-xogħlijiet li jinnomina koordinatur ta’ sigurtà u ta’ saħħa waqt l-istadju tal-preparazzjoni tal-proġett, jew, f’kull każ, qabel l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet;

–        l-Artikolu 3(2) jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-obbligu tal-koordinatur responsabbli għat-twettiq tax-xogħol li jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà u ta’ saħħa għal meta diversi kuntratturi huma mqabbda f’post ta’ kostruzzjoni li fih ser iseħħu xogħlijiet privati li ma jeħtiġux permess ta’ bini u li ma tiħux bħala kriterju ta’ dan l‑obbligu r-riskji partikolari bħal dawk imsemmija fl-Anness II tal-imsemmija direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

Top