This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CJ0215
Judgment of the Court (Third Chamber) of 22 December 2010.#Mehiläinen Oy and Terveystalo Healthcare Oy v Oulun kaupunki.#Reference for a preliminary ruling: Markkinaoikeus - Finland.#Public service contracts - Directive 2004/18/EC - Mixed contract - Contract concluded between a contracting authority and a private company independent of it - Establishment, on an equal basis, of a joint venture to provide health care services - Undertaking by the partners to purchase health care services for their staff from the joint venture for a transitional period of four years.#Case C-215/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-22 ta' Diċembru 2010.
Mehiläinen Oy u Terveystalo Healthcare Oy vs Oulun kaupunki.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Markkinaoikeus - il-Finlandja.
Kuntratti pubbliċi għal servizzi - Direttiva 2004/18/CE - Kuntratt imħallat - Kuntratt konkluż bejn awtorità kontraenti u kumpannija privata indipendenti minnha - Stabbiliment, b’ishma ndaqs, ta’ impriża komuni li tipprovdi servizzi tas-saħħa - Impenn minn-naħa tas-soċji li jixtru mingħand l-impriża komuni, matul perijodu tranżitorju ta’ erba’ snin, is-servizzi tas-saħħa li huma għandhom jipprovdu lill-impjegati tagħhom.
Kawża C-215/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-22 ta' Diċembru 2010.
Mehiläinen Oy u Terveystalo Healthcare Oy vs Oulun kaupunki.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Markkinaoikeus - il-Finlandja.
Kuntratti pubbliċi għal servizzi - Direttiva 2004/18/CE - Kuntratt imħallat - Kuntratt konkluż bejn awtorità kontraenti u kumpannija privata indipendenti minnha - Stabbiliment, b’ishma ndaqs, ta’ impriża komuni li tipprovdi servizzi tas-saħħa - Impenn minn-naħa tas-soċji li jixtru mingħand l-impriża komuni, matul perijodu tranżitorju ta’ erba’ snin, is-servizzi tas-saħħa li huma għandhom jipprovdu lill-impjegati tagħhom.
Kawża C-215/09.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-13749
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:807
Kawża C-215/09
Mehiläinen Oy u Terveystalo Healthcare Oy, li kienet Suomen Terveystalo Oyj
vs
Oulun kaupunki
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Markkinaoikeus)
“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Direttiva 2004/18/KE — Kuntratt imħallat — Kuntratt konkluż bejn awtorità kontraenti u kumpannija privata indipendenti minnha — Stabbiliment, b’ishma ndaqs, ta’ impriża komuni li tipprovdi servizzi tas-saħħa — Impenn min-naħa tas-soċji li jakkwistaw mingħand l-impriża komuni, matul perijodu tranżitorju ta’ erba’ snin, is-servizzi tas-saħħa li huma għandhom jipprovdu lill-impjegati tagħhom”
Sommarju tas-sentenza
Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi — Direttiva 2004/18 — Kamp ta’ applikazzjoni
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18)
Id-Direttiva 2004/18, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta awtorità kontraenti tikkonkludi, ma’ kumpannija privata indipendenti minnha, kuntratt li jipprovdi għall-istabbiliment ta’ impriża komuni, fil-forma ta’ kumpannija b’azzjonijiet, li l-għan tagħha huwa l-provvista ta’ servizzi tas-saħħa u tal-benesseri fuq il-post tax-xogħol, l-għoti mill-imsemmija awtorità kontraenti tal-kuntratt relatat mas-servizzi intiżi għall-impjegati tagħha, li l-valur tiegħu jaqbeż il-limitu previst minn din id-direttiva, u li huma separabbli mill-kuntratt li jistabbilixxi din il-kumpannija, għandu jssir fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva applikabbli għas-servizzi koperti mill-Anness II B tagħha.
Fil-fatt, għalkemm l-istabbiliment, min-naħa ta’ aworità kontraenti u operatur ekonomiku privat, ta’ impriża komuni ma jaqax, bħala tali, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18, madankollu, tranżazzjoni li tinvolvi kapital ma tistax taħbi, fir-realtà, l-għoti lil sieħeb privat ta’ kuntratti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala kuntratti pubbliċi jew konċessjonijiet. Barra minn hekk, il-fatt li entità privata u entità kontraenti jikkooperaw fil-kuntest ta’ entità pubblika b’sehem privat ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar il-kuntratti pubbliċi matul l-għoti ta’ tali kuntratti pubbliċi lil din l-entità privata jew lill-entità pubblika b’sehem privat. Għalhekk, peress li n-neċessità li tali kuntratt imħallat jiġi konkluż ma’ sieħeb uniku ma hijiex oġġettivament ppruvata, u peress li l-parti tal-kuntratt imħallat li tikkonsisti fl-impenn tal-awtorità kontraenti li tixtri s-servizzi tas-saħħa intiżi għall-impjegati tagħha mingħand l-impriża komuni hija separabbli minn dan il-kuntratt, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2004/18 huma applikabbli fir-rigward tal-għoti ta’ din il-parti.
(ara l-punti 33, 34, 45-47 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
22 ta’ Diċembru 2010 (*)
“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Direttiva 2004/18/KE – Kuntratt imħallat – Kuntratt konkluż bejn awtorità kontraenti u kumpannija privata indipendenti minnha – Stabbiliment, b’ishma ndaqs, ta’ impriża komuni li tipprovdi servizzi tas-saħħa – Impenn min-naħa tas-soċji li jakkwistaw mingħand l-impriża komuni, matul perijodu tranżitorju ta’ erba’ snin, is-servizzi tas-saħħa li huma għandhom jipprovdu lill-impjegati tagħhom”
Fil-Kawża C-215/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Markkinaoikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ġunju 2009, fil-proċedura
Mehiläinen Oy,
Terveystalo Healthcare Oy, li kienet Suomen Terveystalo Oyj,
vs
Oulun kaupunki,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: N. Nanchev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Mehiläinen Oy u Terveystalo Healthcare Oy (li kienet Suomen Terveystalo Oyj), minn A. Laine u A. Kuusniemi‑Laine, asianajaja,
– għal Oulun kaupunki, minn S. Rasinkangas u I. Korpinen, asianajaja,
– għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes‑Purokoski u M. Pere, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Paasivirta, C. Zadra u D. Kukovec, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Mehiläinen Oy u Terveystalo Healthcare Oy, li kienet Suomen Terveystalo Oyj, kumpanniji b’kapital azzjonarju stabbiliti taħt id-dritt Finlandiż f’Oulun kaupunki (il-belt ta’ Oulu), fir-rigward tal-kwalifikazzjoni legali, mill-perspettiva tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, ta’ ftehim kuntrattwali konkluż bejn Oulun kaupunki u ODL Terveys Oy, kumpannija privata indipendenti ta’ din il-belt (iktar ’il quddiem is-“sieħeb privat”, u li jikkonċerna l-ħolqien ta’ impriża komuni, ODL Oulun Työterveys Oy (iktar ’il quddiem l-“impriża komuni”).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 Skont id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2004/18:
“a) ‛Kuntratti pubbliċi’ huma kuntratti għall-interess tal-flus konklużi bil-miktub bejn wieħed jew aktar operaturi ekonomiċi u li għandhom bħala objettiv tagħhom l-esekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista tal-prodotti jew il-disposizzjoni tas-servizzi fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva.
[...]
d) ‛Kuntratti għal servizzi pubbliċi’ huma kuntratti pubbliċi barra kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi jew kuntratti għall-provvisti li għandhom bħala għan il-disposizzjoni tas-servizzi riferuti għalihom fl-Anness II.
[...]”.
4 L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji fuq l-għoti ta’ kuntratti”, jipprovdi:
“L-awtoritajiet kuntrattwali [kontraenti] se jistmaw l-operaturi ekonomiċi ugwali u bla diskriminazzjoni u se jaġixxu b’mod trasparenti.”
5 Skont l-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “Ammonti ta’ limitu għall-kuntratti pubbliċi”, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1422/2007, tal-4 ta’ Diċembru 2007, li jemenda d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti ta’ applikazzjonijiet għall-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti (ĠU L 317, p. 34), id-Direttiva 2004/18 tapplika għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi, mogħtija minn awtoritajiet kontraenti li ma humiex awtoritajiet tal-gvern ċentrali, li l-valur stmat tagħhom mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) huwa daqs jew ikbar minn EUR 206 000.
6 Skont l-Anness II B tad-Direttiva 2004/18, is-servizzi tas-saħħa huma koperti mit-taqsima 25 ta’ dan l-anness, intitolata “Servizzi soċjali u tas-saħħa”.
7 Skont l-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva:
“Kuntratti li għandhom bħala l-oġġettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness II B għandhom ikunu suġġetti biss għall-Artikolu 23 u l-Artikolu 35(4).”
8 L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2004/18, li jifforma parti mill-Kapitolu IV tagħha, intitolat “Regoli speċifiċi li jikkontrollaw speċifikazzjonijiet u dokumenti ta’ kuntratt” jirrigwarda l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fid-dokumenti tal-kuntratt, u l-Artikolu 35(4) tal-istess direttiva, li jifforma parti mill-Kapitolu VI tagħha, intitolat “Regoli dwar reklamar u trasparenza”, jirreferi għall-obbligi ta’ informazzjoni tal-awtoritajiet kontraenti fir-rigward tar-riżultati tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
9 Il-Liġi Finlandiża 1383/2001, fuq il-ħarsien tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol (Työterveyshuoltolaki) timponi fuq il-persuni li jħaddmu, kemm jekk pubbliċi kif ukoll jekk privati, l-obbligu li jħarsu s-saħħa tal-impjegati tagħhom fuq il-post tax-xogħol.
10 Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din il-liġi, il-ħarsien tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol hija l-attività, imwettqa taħt ir-responsabbiltà tal-persuna li tħaddem, li permezz tagħha professjonisti u esperti tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol jiżguraw il-prevenzjoni ta’ mard u inċidenti marbutin max-xogħol, jaraw li l-post tax-xogħol ma jipperikolax is-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati, jippromwovu ambjent xieraq tax-xogħol, jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-komunità tal-impjegati kif ukoll is-saħħa, l-effiċjenza u l-kapaċità tax-xogħol tal-impjegati.
11 Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi, il-persuna li tħaddem għandha, minn butha, torganizza servizz ta’ ħarsien tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol intiż sabiex jipprevjeni u jiġġieled kontra l-perikoli għas-saħħa u r-riskji sanitarji dovuti għax-xogħol u għall-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll intiż sabiex jipproteġi u jiggarantixxi s-sigurtà, l-kapaċità tax-xogħol u s-saħħa tal-impjegati.
12 Skont l-Artikolu 7 tal-Liġi 1383/2001, il-persuna li tħaddem tista’ torganizza s-servizzi ta’ ħarsien tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol fis-sens ta’ din il-liġi billi tixtri s-servizzi meħtieġa mingħand “ċentru tas-saħħa” fis-sens tal-Liġi 66/1972 fuq is-saħħa pubblika (kansanterveyslaki), billi torganizza hija stess jew flimkien ma’ persuni li jħaddmu oħrajn is-servizzi li hija għandha bżonn, jew billi tixtri s-servizzi inkwistjoni mingħand persuna jew entità awtorizzata għal dan il-għan.
13 Skont l-Artikolu 87a(1) tal-Liġi Finlandiża 365/1995 fuq il-Komuni (Kuntalaki), kif emendata bil-Liġi 519/2007, li daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Mejju 2007, Komun jew grupp ta’ komuni jistgħu jistabbilixxu impriża muniċipali sabiex teżerċità attività ekonomika jew sabiex tassummi missjoni skont prinċipji ta’ amministrazzjoni privata. L-impriżi muniċipali ma għandhomx personalità legali, iżda huma organikament integrati mal-komun, u l-attivitajiet tagħhom huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-attività tal-komun.
14 Id-Direttiva 2004/18 ġiet trasposta fid-dritt Finlandiż bil-Liġi 348/2007 fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (Hankintalaki), li l-Artikolu (1) tagħha jinkludi definizzjoni tal-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku” li tikkorrispondi għal dik li tinsab fl-Artikolu 1(2)(a) ta’ din id-direttiva.
15 Skont ix-xogħlijiet preparatorji li wasslu għall-adozzjoni ta’ din il-liġi (proġett tal-Gvern 50/2006 vp), ġeneralment, kuntratt pubbliku huwa kuntratt irregolat mid-dritt privat bejn żewġ persuni ġuridiċi distinti. Huwa għal din ir-raġuni li l-ftehim interni ta’ korp normalment ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala kuntratti pubbliċi. Kuntratt ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kuntratt pubbliku meta l-għan prinċipali tiegħu ma jkunx dak tal-għoti ta’ kuntratt. Għandu b’mod partikolari jiġi eżaminat jekk it-tranżazzjoni jew is-sensiela ta’ ftehim jiffurmawx ħaġa waħda li minna ma jistax jiġi separat il-kuntratt inkwistjoni.
16 Skont il-kliem tal-Artikolu 10 tagħha din il-liġi ma tapplikax għall-kuntratti li l-awtorità kontraenti tagħti lill-entità li tkun distinta minnha fil-livell formali u awtonoma minnha fil-livell deċiżjonali, iżda li fuqha hija teżerċita, waħedha jew flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, meta din l-entità distinta twettaq il-parti l-kbira tal-attività tagħha ma’ dawn l-awtoritajiet kontraenti. Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi l-adattament tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C‑107/98, Ġabra p. I‑8121, punt 50).
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
17 Il-kunsill muniċipali ta’ Oulun kaupunki ddeċieda, fil-21 ta’ April 2008, li jistabbilixxi, flimkien mas-sieħeb privat, l-impriża komuni, li kellha tkun irregolata mil-Liġi 624/2006 fuq il-kumpanniji b’kapital azzjonarju u li kellha tibda topera fl-1 ta’ Ġunju 2008. Il-kapital tal-impriża komuni huwa miżmum f’partijiet indaqs miż-żewġt imsieħba u l-amministrazzjoni tagħha hija konġunta.
18 L-attività tal-impriża komuni kellha tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi tas-saħħa u ta’ benessri fuq il-post tax-xogħol u ż-żewġt imsieħba kien beħsiebhom jorjentaw din l-attività, prinċipalment u progressivament, lejn klijentela privata. Madankollu, għal perijodu tranżitorju ta’ erba’ snin (iktar ’il quddiem il-“perijodu tranżitorju”, huma impenjaw ruħhom li jixtru mingħand l-impriża komuni s-servizzi tas-saħħa li huma kellhom, inkwantu persuni li jħaddmu, jipprovdu lill-impjegati tagħhom, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.
19 Skont l-Oulun kaupunki, matul il-perijodu tranżitorju d-dħul mill-bejgħ previst tal-impriża komuni kellu jkun ta’ madwar EUR 90 miljun, li minnhom EUR 18-il miljun kienu jirrappreżentaw il-valur tas-servizzi li din il-belt kellha tipprovdi lill-impjegati tagħha.
20 Iż-żewġt imsieħba kellhom jittrasferixxu lill-impriża komuni, fil-forma ta’ kontribuzzjoni in specie, l-unitajiet rispettivi tagħhom inkarigati, fi ħdanhom, mill-provvista tas-servizzi tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol lill-impjegati tagħhom, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli. Għalhekk, Oulun kaupunki ttrasferiet lill-impriża komuni l-impriża muniċipali Oulun Työterveys (iktar ’il quddiem l-“impriża muniċipali”, inkarigata fi ħdanha mill-provvista tas-servizzi tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, li l-valur tagħha kien ta’ bejn EUR 2.5 miljun u EUR 3.4 miljun, filwaqt li s-sieħeb privat ittrasferixxa l-unità korrispondenti tiegħu, li l-valur stmat tagħha kien ta’ bejn EUR 2.2 miljun u EUR 3 miljun.
21 Skont Oulun kaupunki, is-servizzi fil-qasam tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol ipprovduti lill-impjegati ta’ din il-belt kienu jirrappreżentaw madwar 38 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża muniċipali. Il-kumplament tad-dħul mill-bejgħ kien isir mill-provvista ta’ servizzi lil klijentela privata.
22 Fil-minuti tal-laqgħa tal-kunsill muniċipali ta’ Oulun kaupunki li wasslet għad-deċiżjoni tal-21 ta’ April 2008, hemm ipprovdut dan li ġej:
“Barra minn hekk il-partijiet ftehmu li għal perijodu tranżitorju ta’ erba’ snin jixtru mingħand [l-impriża komuni] servizzi fil-qasam tas-saħħa u tal-benessri fuq il-post tax-xogħol. Oulun kaupunki għandha tixtri l-istess volum ta’ servizzi tas-saħħa u ta’ benessri fuq il-post tax-xogħol li hija kienet tixtri mingħand l-impriża muniċipali […]. Il-[Liġi fuq l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] timponi fuq Oulun kaupunki l-obbligu li toħroġ sejħa għall-offerti fir-rigward tas-servizzi tagħha fil-qasam tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol ladarba dawn jiġu ttrasferiti lill-[impriża komuni]. Madankollu r-raġunijiet li ġejjin jiġġustifikaw li Oulun kaupunki tibqa’ klijent tal-[impriża komuni] matul il-perijodu tranżitorju:
– b’dan il-mod tiġi ggarantita s-sitwazzjoni tal-impjegati muniċipali ttrasferiti;
– il-kuntratt attwali ta’ Oulun kaupunki huwa vantaġġuż u kompetittiv;
– [l-impriża komuni] tibda l-attività tagħha taħt kundizzjonijiet favorevoli.”
23 Skont dawn il-minuti, fl-24 ta’ April 2008 Oulun kaupunki u s-sieħeb privat iffirmaw ftehim li kien jipprovdi li hija tintrabat li, matul il-perijodu tranżitorju, tagħti lill-impriża komuni futura l-inkarigu li tipprovdi lill-impjegati muniċipali s-servizzi tas-saħħa u tal-benessri fuq il-post tax-xogħol. Wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu tranżitorju, l-Oulun kaupunki kien beħsieba, skont id-dikjarazzjonijiet tagħha, tissuġġetta l-għoti tas-servizzi inkwistjoni għal proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.
24 Għalhekk, mill-imsemmija minuti jirriżulta li Oulun kaupunki, inkwantu awtorità kontraenti, ma ħarġitx sejħiet għall-offerti għall-provvista, matul il-perijodu tranżitorju, ta’ servizzi tas-saħħa u ta’ benessri fuq il-post tax-xogħol li hija kellha tipprovdi lill-impjegati tagħha, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Huwa paċifiku wkoll li l-għażla tas-sieħeb privat ma saritx wara l-ħruġ ta’ sejħa għall-offerti.
25 Adita minn impriżi kompetituri li kienu interessati mill-provvista ta’ servizzi tas-saħħa u ta’ benessri fuq il-post tax-xogħol intiżi għall-impjegati ta’ Oulun kaupunki, il-qorti tar-rinviju provviżorjament ipprojbiet lil din tal-aħħar, taħt piena ta’ multa ta’ EUR 200 000, milli timplementa, b’xi mod, id-deċiżjoni tal-kunsill muniċipali tal-21 ta’ April 2008, sa fejn din tirrigwarda x-xiri, min-naħa ta’ Oulun kaupunki, mingħand l-impriża komuni, tas-servizzi tas-saħħa u ta’ benessri fuq il-post tax-xogħol intiżi għall-impjegati ta’ din il-belt. Fl-istennija ta’ deċiżjoni definittiva mill-qorti tar-rinviju, fis-26 ta’ Awwissu 2008 Oulun kaupunki ddeċidiet li titrasferixxi lill-impriża komuni l-attivitajiet tal-impriża muniċipali, madankollu hija eskludiet minn dan it-trasferiment is-servizzi tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol ipprovduti lill-impjegati tagħha.
26 Fid-dawl tal-argumenti kunfliġġenti invokati mill-partijiet fil-kawża prinċipali fir-rigward tan-natura tal-operazzjoni kkuntestata mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-Markkinaoikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi prleiminari li ġejjin:
“1) Ftehim fejn awtorità kontraenti muniċipali tistipula, flimkien ma’ kumpannija privata indipendenti minnha, kuntratt għat-twaqqif ta’ kumpannija pubblika ta’ responsabbiltà limitata fejn il-kapital u l-poter deċiżjonali huma maqsuma b’mod ugwali u li permezz tagħha l-awtorità kontraenti muniċipali tintrabat, ladarba titwaqqaf din il-kumpannija, li tikseb is-servizzi ta’ saħħa u benesseri fuq il-post tax-xogħol sabiex jibbenefikaw minnhom l-impjegati tagħha, huwa suġġett għall-proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi billi grupp ta’ ftehim korrispondenti huma analizzati f’għoti ta’ kuntratti ta’ servizzi fis-sens tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi […] jew dan jitlob li titwaqqaf impriża komuni u t-trasferiment tal-attivitajiet irregolati mil-gvern muniċipali, fejn f’dan il-każ id-direttiva ċċitata iktar ’il fuq u l-obbligu li timponi fir-rigward tal-kompetizzjoni ma jkunux applikabbli?
2) Barra minn dan, għandu jiġi kkunsidrat bħala rilevanti f’din il-kawża l-fatt li:
a) fil-kwalità tagħha ta’ awtorità kontraenti muniċipali, il-belt ta’ Oulu ntrabtet li tikseb is-servizzi ċċitati iktar ’il fuq bi ħlas matul perijodu tranżitorju ta’ erba’ snin, fejn meta jiskadi hija biħsiebha, b’mod konformi mad-deċiżjoni tagħha, li tagħmel sejħa ġdida għal offerti għall-provvista tas-servizzi ta’ saħħa fuq [il-post ta]x-xogħol li hija qed titlob?
b) qabel il-ftehim inkwistjoni, id-dħul tal-gvern muniċipali, li kien strutturalment marbut mal-belt ta’ Oulu, kien jirriżulta prinċipalment mill-provvista ta’ servizzi oħra minn dawk tas-saħħa u tal-benesseri fuq ix-xogħol ipprovduti lill-ħaddiema tal-belt?
c) l-impriża l-ġdida twaqqfet billi ġew ittrasferiti, bħala kontribut in specie, attivitajiet tal-gvern muniċipali, li jikkonsistu f’servizzi ta’ saħħa u benesseri fuq ix-xogħol ipprovduti fl-istess ħin lill-ħaddiema tal-belt u lill-klijenti privati?”
Fuq id-domandi preliminari
27 Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2004/18 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tapplika għal ftehim li fil-kuntest tiegħu awtorità kontraenti tikkonkludi, ma’ entità privata indipendenti minnha, kuntratt li jipprovdi għall-istabbiliment ta’ impriża komuni, fil-forma ta’ kumpannija b’azzjonijiet, li magħha l-imsemmija awtorità kontraenti timpenja ruħha, meta jsir dan l-istabbiliment, li tixtri s-servizzi tas-saħħa u tal-benessri fuq il-post tax-xogħol li hija għandha tipprovdi lill-impjegati tagħha.
28 Mill-kliem użat għal dawn id-domandi u mill-kuntest li saru fih jirriżulta li l-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw speċifikatament il-provvista, mill-impriża komuni, ta’ servizzi tas-saħħa u ta’ benessri fuq il-post tax-xogħol lil Oulun kaupunki favur il-ħaddiema ta’ din tal-aħħar, sa fejn din il-provvista tikkorrispondi għall-impenn li din il-belt ħadet li tixtri mingħand din l-impriża komuni, matul perijodu tranżitorju ta’ erba’ snin, tali servizzi, li kienu preċedentement jiġu pprovduti lilha minn impriża muniċipali li kienet organikament marbuta magħha.
29 Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li huwa paċifiku, fil-kawża prinċipali, li Oulun kaupunki għandha l-kwalità ta’ awtorità kontraenti, fis-sens tal-Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18, u li s-servizzi inkwistjoni huma koperti mill-kunċett ta’ “servizzi [...] tas-saħħa” fis-sens tal-kategorija 25 tal-Anness II B tal-imsemmija direttiva. L-impenn li Oulun kaupunki ħadet li tixtri s-servizzi inkwistjoni favur l-impjegati tagħha mingħand l-impriża komuni jfisser l-eżistenza ta’ kuntratt bi ħlas bejn l-imsemmija belt u din l-impriża. Barra minn hekk, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-valur stmat ta’ dan il-kuntratt, ta’ EUR 18 miljun, jaqbeż il-livell ta’ applikazzjoni rilevanti tad-Direttiva 2004/18.
30 Għandu jitfakkar ukoll li d-Direttiva 2004/18 ma tagħmilx distinzjoni bejn il-kuntratti pubbliċi mogħtija minn awtorità kontraenti sabiex taqdi l-missjoni tagħha li tikkonsisti f’li tissodisfa bżonnijiet ta’ interess ġenerali u l-kuntratti li ma humiex relatati ma’ din il-missjoni, bħall bżonn li taqdi, bħal f’dan il-każ, obbligu li hija għandha inkwantu persuna li tħaddem fir-rigward tal-impjegati tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑271/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċcitata).
31 Wara dawn il-preċiżazzjonijiet preliminari, għandu jitfakkar li awtorità pubblika tista’ twettaq id-dmirijiet ta’ interess pubbliku tagħha permezz tal-mezzi tagħha stess, mingħajr ma tkun obbligata li tirrikorri għall-entitajiet esterni li ma humiex parti mid-dipartimenti tagħha, u li hija tista’ tagħmel dan ukoll inkollaborazzjoni ma’ awtoritajiet pubbliċi oħrajn (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑480/06, Ġabra p. I‑4747, punt 45). Barra minn hekk, kif ġie osservat fil-punt 1 tal-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja dwar l-Appalti Pubbliċi u l-Konċessjonijiet lil sħubijiet Pubbliċi-Privati istituzzjonalizzati (PPPI) (ĠU 2008, C 91, p. 4), tali awtorità hija libera li teżerċita hija nnifisha attività ekonomika jew li tafda f’idejn terz, pereżempju lill-entità pubblika b’sehem privat stabbilita fil-kuntest ta’ sħubija pubblika-privata.
32 Barra minn hekk, l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi hija ċertament eskluża jekk, fl-istess ħin, il-kontroll eżerċitat mill-awtorità kontraenti fuq l-entità kontraenti huwa analogu għal dak li l-imsemmija awtorità teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u jekk din l-entità twettaq il-maġġoranza tal-attività tagħha mal-awtorità li tikkontrollaha (ara s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C‑107/08, Ġabra p. I‑8121, punt 50). Madankollu, is-sehem, anki jekk f’minoranza, ta’ impriża privata fil-kapital ta’ kumpannija li fiha tipparteċipa wkoll l-awtorità kontraenti kkonċernata jeskludi li din l-awtorità kontraenti tista’ teżerċita fuq din il-kumpannija kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Sea, C‑573/07, Ġabra p. I‑9913, punt 53).
33 F’dak li jirrigwarda, speċifikatament, dwar id-domanda tal-qorti tar-rinviju dwar jekk l-impenn li Oulun kaupunki assumiet li tixtri, matul il-perijodu tranżitorju, mingħand l-impriża komuni s-servizzi tas-saħħa u tal-benessri fuq il-post tax-xogħol li hija għandha tipprovdi lill-impjegati tagħha jaqax jew le taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18 minħabba li dan l-impenn jifforma parti mill-kuntratt li jistabbilixxi l-impriża komuni, għandu jiġi osservat li l-istabbiliment, min-naħa ta’ aworità kontraenti u operatur ekonomiku privat, ta’ impriża komuni ma jaqax, bħala tali, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18. Barra minn hekk dan il-fatt huwa mfakkar fill-punt 66 tal-Green Paper tal-Kummissjoni dwar sħubijiet bejn is-settur pubbliku u l-privat u d-dritt Komunitarju dwar kuntratti u konċessjonijiet pubbliċi [COM(2004) 327 finali].
34 Madankollu għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punt 69 ta’ din il-Green paper, għandu jiġi żgurat li tranżazzjoni li tinvolvi kapital ma tkunx taħbi, fir-realtà, l-għoti lil sieħeb privat ta’ kuntratti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala kuntratti pubbliċi jew konċessjonijiet. Barra minn hekk, hekk kif espost fil-punt 2.1 tal-imsemmija Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni, il-fatt li entità privata u entità kontraenti jikkooperaw fil-kuntest ta’ entità pubblika b’sehem privat ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet dwar il-kuntratti pubbliċi matul l-għoti ta’ tali kuntratti pubbliċi lil din l-entità privata jew lill-entità pubblika b’sehem privat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Acoset, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57).
35 Fid-dawl ta’ dawn il-linji gwida ġenerali, għandu jiġi stabbilit jekk, u sa fejn, id-Direttiva 2004/18 hijiex applikabbli fil-kuntest tal-kawża prinċipali.
36 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każ ta’ kuntratt imħallat li d-diversi partijiet tiegħu huma marbuta b’mod inseparabbli u jifformaw għalhekk kuntratt wieħed indiviżibbli, dan il-kuntratt għandu jiġi eżaminat fl-intier tiegħu b’mod unitarju għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ġuridika tiegħu fid-dawl tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, u għandu jiġi evalwat fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-parti li tikkostitwixxi l-għan prinċipali jew l-element predominanti tal-kuntratt (sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010, Club Hotel Loutraki et, C‑145/08 u C‑149/08, li għadha ma ġietx ippubblikat fil-Ġabra, punti 48 u 49, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
37 Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18, għandu jiġi vverifikat jekk il-parti komposta mis-servizzi tas-saħħa intiżi għall-impjegati ta’ Oulun kaupunki, li bħala prinċipju taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, tistax tiġi separata minn dan il-kuntratt.
38 F’dan ir-rigward għandu jsir riferiment għall-minuti tal-laqgħa tal-kunsill muniċipali ta’ Oulun kaupunki, tal-21 ta’ April 2008, fejn hemm esposti r-raġunijiet wara l-impenn li l-belt ħadet matul l-istabbiliment tal-impriża komuni. Barra minn hekk, mill-ispjegazzjonijiet li Oulun kaupunki pprovdiet matul is-seduta jirriżulta li hija tikkunsidra li din il-parti tal-kuntratt hija inseparabbli, minħabba li l-valur tal-impenn li tixtri servizzi tas-saħħa mingħand l-impriża komuni matul il-perijodu tranżitorju jifforma parti mill-kontribuzzjoni in specie tagħha fil-kapital ta’ din l-impriża u li din il-kontribuzzjoni in specie tikkostitwixxi, ekonomikament, rekwiżit għall-istabbiliment tagħha.
39 Għandu jiġi enfasizzat li l-intenzjonijiet espressi jew preżunti tal-partijiet kontraenti li d-differenti partijiet li jikkostitwixxu kuntratt imħallat jiġu kkunsidrati bħala inseparabbli ma humiex suffiċjenti, iżda għandhom ikunu bbażati fuq elementi oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw kemm dawn l-intenzjonijiet kif ukoll in-neċessità li jiġi konkluż kuntratt uniku.
40 Fir-rigward tal-argument ta’ Oulun kaupunki li jgħid li l-impenn meħud kellu jiggarantixxi s-sitwazzjoni tal-impjegati muniċipali ttrasferiti lill-impriża komuni, għandu jiġi osservat li tali garanzija setgħet tinkiseb anki fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt skont il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza, fejn ir-rekwiżit relatat ma din il-garanzija jkun inkluż fost ir-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati fil-kuntest tal-għoti ta’ dan il-kuntratt.
41 Fir-rigward tal-argumenti ta’ Oulun kaupunki li jgħidu li “il-kuntratt attwali [...] huwa vantaġġuż u kompetittiv” u li permezz tal-imsemmi impenn “[l-impriża komuni] tibda’ l-attività tagħha taħt kundizzjonijiet favorevoli”, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għoti ta’ kuntratt pubbliku lil impriża pubblika b’sehem privat mingħajr kompetizzjoni jippreġudika l-għan tal-kompetizzjoni libera u mhux distorta u l-prinċipju ta’ trattament ugwali, sa fejn tali proċedura toffri lil impriża privata li għandha sehem fil-kapital ta’ din l-impriża vantaġġ meta pparagunata mal-kompetituri tagħha (ara Acoset, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk u f’kull każ, tali argumenti ma jippermettux li jiġi konkluż li l-parti komposta mis-servizzi tas-saħħa intiżi għall-impjegati ta’ Oulun kaupunki hija inseparabbli mill-kumplament tal-kuntratt.
42 Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-inklużjoni, allegat iżda mhux ipprovata, tal-valur tal-impenn meħud minn Oulun kaupunki mal-kontribuzzjoni in specie ta’ din il-belt fil-kapital tal-impriża komuni tikkostitwixxi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, teknika ġuridika li lanqas ma tippermetti li din il-parti tal-kuntratt imħallat tiġi kkunsidrata bħala inseparabbli minn dan tal-aħħar.
43 Barra minn hekk, kif isostnu l-Gvern Ċek u l-Kummissjoni, il-fatt li fil-kawża prinċipali, l-awtorità kontraenti esprimiet l-intenzjoni tagħha li tibda, wara li jiskadi l-perijodu tranżitorju, proċedura ta’ sejħa għall-offerti għax-xiri tas-servizzi tas-saħħa intiżi għall-impjegati tagħha jikkostitwixxi ċirkustanza li tikkonferma n-natura separabbli ta’ din il-parti fir-rispett tal-kumplament tal-kuntratt imħallat.
44 Barra minn hekk, il-fatt li l-impriża komuni ilha tiffunzjona sa minn Awwissu 2008 mingħajr l-imsemmija parti turi li ż-żewġt imsieħba donnhom kienu kapaċi jaffrontaw l-eventwali impatt ta’ dan in-nuqqas fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-imsemmija impriża, u dan jikkostitwixxi indizju ieħor rilevanti tan-natura separabbli ta’ din il-parti.
45 Konsegwentement, b’kuntrast maċ-ċirkustanzi li taw lok għas-sentenza Loutraki et, iċċitata iktar ’il fuq, mill-kostatazzjonijiet esposti iktar ’il fuq ma jirriżultax, oġġettivament, li kien meħtieġ li l-kuntratt imħallat inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi konkluż ma sieħeb uniku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Loutraki et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).
46 Għalhekk, peress li l-parti tal-kuntratt imħallat li tikkonsisti fl-impenn ta’ Oulun kaupunki li tixtri mingħand l-impriża komuni s-servizzi tas-saħħa intiżi għall-impjegati tagħha hija separabbli minn dan il-kuntratt, isegwi li, f’kuntest bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2004/18 huma applikabbli fir-rigward tal-għoti ta’ din il-parti.
47 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2004/18 għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta awtorità kontraenti tikkonkludi, ma kumpannija privata indipendenti minnha, kuntratt li jipprovdi għall-istabbiliment ta’ impriża komuni, fil-forma ta’ kumpannija b’azzjonijiet, li l-għan tagħha huwa l-provvista ta’ servizzi tas-saħħa u tal-benessri fuq il-post tax-xogħol, l-għoti mill-imsemmija awtorità kontraenti tal-kuntratt relatat mas-servizzi intiżi għall-impjegati tagħha, li l-valur tiegħu jaqbeż il-limitu previst minn din id-direttiva, u li huwa separabbli mill-kuntratt li jistabbilixxi din il-kumpannija, għandu jssir fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva applikabbli għas-servizzi koperti mill-Anness II B tagħha.
Fuq l-ispejjeż
48 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi, għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta awtorità kontraenti tikkonkludi, ma kumpannija privata indipendenti minnha, kuntratt li jipprovdi għall-istabbiliment ta’ impriża komuni, fil-forma ta’ kumpannija b’azzjonijiet, li l-għan tagħha huwa l-provvista ta’ servizzi tas-saħħa u tal-benessri fuq il-post tax-xogħol, l-għoti mill-imsemmija awtorità kontraenti tal-kuntratt relatat mas-servizzi intiżi għall-impjegati tagħha, li l-valur tiegħu jaqbeż il-limitu previst minn din id-direttiva, u li huma separabbli mill-kuntratt li jistabbilixxi din il-kumpannija, għandu jssir fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva applikabbli għas-servizzi koperti mill-Anness II B tagħha.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.