EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0212

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-10 ta' Novembru 2011.
Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Portugiża.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu - Artikoli 43 KE u 56 KE - Moviment liberu tal-kapital - Azzjonijiet preferenzjali (‘golden shares’) miżmuma mill-Istat Portugiż fi ħdan GALP Energia SGPS SA - Intervent fit-tmexxija ta’ kumpannija privatizzata.
Kawża C-212/09.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:717

Kawża C-212/09

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Portugiża

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikoli 43 KE u 56 KE — Moviment liberu tal-kapital — Azzjonijiet privileġġati (‘golden shares’) miżmuma mill-Istat Portugiż fi ħdan GALP Energia SGPS SA — Intervent fit-tmexxija ta’ kumpannija pprivatizzata”

Sommarju tas-sentenza

Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Dritt tal-kumpanniji — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi favur l-Istat drittijiet speċjali fit-tmexxija ta’ impriża privatizzata

(Artikoli 56(1) KE, 58 KE u 86(2) KE)

Stat jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 56 KE, meta jżomm f’kumpannija b’responsabbilta’ limitata drittijiet speċjali previsti favur dan l-Istat u entitatjiet pubbliċi oħra, mogħtija flimkien ma’ azzjonijiet privileġġati (“golden shares”) miżmuma minn dan l-Istat fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija msemmija, li jwasslu, b’mod partikolari, għall-elezzjoni tal-President tal-bord tad-diretturi u li jagħtu dritt għall-veto fuq il-ħatra ta’ numru ta’ amministraturi ekwivalenti l-iktar għal terz mit-total kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet li jemendaw l-istatut tal-kumpannija, dawk intiżi biex jawtorizzaw il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ grupp b’relazzjoni ta’ parità jew ta’ subordinazzjoni u dawk li jistgħu, b’xi mod, jaffettwaw il-provvista fil-pajjiż ta’ żejt, ta’ gass jew ta’ prodotti derivati.

Fil-fatt, id-dritt tal-veto, sa fejn jikkonferixxi lil dan l-Istat Membru influwenza fuq it-tmexxija u l-kontroll tal-kumpannija li ma hijiex iġġustifikata mid-daqs tas-sehem li għandu f’din il-kumpannija, jista’ jiskoraġġixxi lill-operaturi ta’ Stati Membri oħra milli jagħmlu investimenti diretti fil-kapital azzjonarju ta’ din tal-aħħar, peress li ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fit-tmexxija u fil-kontroll ta’ din il-kumpannija skont il-proporzjon tal-valur ta’ sehemhom. Bl-istess mod, id-dritt tal-veto inkwistjoni jista’ jkollu effett dissważiv fuq l-investimenti portfolio fil-kumpannija, peress li rifjut eventwali mill-Istat ikkonċernat li japprova deċiżjoni importanti, ippreżentata mill-korpi ta’ din il-kumpannija bħala li tissodisfa l-interess tagħha, jista’, effettivament, ikollu effett fuq il-valur tal-azzjonijiet tal-kumpannija msemmija u, għaldaqstant, fuq kemm ikun attraenti investiment f’tali azzjonijiet.

F’dak li jirrigwarda d-dritt li jinħatar il-President tal-bord tad-diretturi, dan jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital peress li tali dritt speċifiku jikkostitwixxi deroga mid-dritt komuni tal-kumpanniji stabbilit għas-sempliċi benefiċċju tal-atturi pubbliċi permezz ta’ miżura leġiżlattiva nazzjonali. Għalkemm huwa minnu li din il-possibbiltà tista’ tingħata mil-liġi bħala dritt ta’ minoranza kkwalifikata, f’dan il-każ, din għandha tkun aċċessibbli għall-azzjonisti kollha u ma għandhiex tkun riżervata esklużivament għall-Istat. Fil-fatt, billi jillimita l-possibbiltà tal-azzjonisti l-oħra, minbarra l-Istat milli jipparteċipaw fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija sabiex joħolqu jew iżommu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti magħha li jippermettu parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija jew fil-kontroll tagħha, id-dritt li jinħatar amministratur jista’ jiddiswadi lill-investituri diretti ta’ Stati Membri oħra milli jinvestu fil-kapital ta’ din il-kumpannija.

Fir-rigward tad-derogi permessi mill-Artikolu 58 KE, ċertament, in-neċessità li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Istat Membru kkonċernat f’każ ta’ kriżi, ta’ gwerra jew ta’ terroriżmu jista’ jikkostitwixxi raġuni ta’ sigurtà pubblika u jiġġustifika, eventwalment, ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital. Madankollu, l-eżiġenzi ta’ sigurtà pubblika għandhom, b’mod partikolari bħala deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, jiġu interpretati b’mod strett, b’tali mod li l-portata tagħhom ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata b’mod unilaterali minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għaldaqstant, is-sigurtà pubblika tista’ tiġi invokata biss f’każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi, li tolqot interess fundamentali tas-soċjetà. Peress li Stat jillimita ruħu li jinvoka l-motiv dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, mingħajr ma jippreċiża r-raġunijiet eżatti għalfejn huwa jqis li kull wieħed mid-drittijiet speċjali kkontestati jew ilkoll flimkien jippermettu li jiġi evitat tali ksur ta’ interess fundamentali bħall-provvista tal-enerġija, ġustifikazzjoni bbażata fuq is-sigurtà pubblika ma tistax tiġi milqugħa f’dan il-każ.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni inkwistjoni, l-inċertezza, li tinħoloq minħabba l-fatt li l-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali li ż-żamma ta’ azzjonijiet privileġġati fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija tagħti lill-Istat ma huwa suġġett għall-ebda kundizzjoni jew ċirkustanza speċifika u oġġettiva, tikkostitwixxi ostakolu gravi għall-moviment liberu tal-kapital peress li tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali, f’dak li jikkonċerna l-użu ta’ tali drittijiet, marġni ta’ diskrezzjoni daqstant diskrezzjonali li ma jkunx jista’ jiġi kkunsidrat li huwa proporzjonali meta mqabbel mal-għanijiet mixtieqa.

Finalment, l-Artikolu 86(2) KE ma japplikax għad-dispożizzjonijiet nazzjonali ċċitati iktar ’il fuq, u ma jistax għalhekk jiġi invokat bħala ġustifikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet peress li dawn jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital stabbilit mit-Trattat. Fil-fatt, l-Artikolu 86(2) KE, moqri flimkien mal-Arikolu 86(1), jippermetti li jiġi ġġustifikat l-għoti, minn Stat Membru, lil impriża inkarigata bit-tmexxija ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, sa fejn it-twettiq tal-missjoni partikolari li tkun ingħatatlu jkun jista’ jiġi żgurat biss bl-għoti ta’ dawn id-drittijiet u sakemm l-iżvilupp tal-kummerċ ma jkunx milqut b’mod kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni. Madankollu, dan ma huwiex l-għan ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li talloka lil Stat Membru drittijiet speċjali f’kumpannija b’responsabbilta’ limitata, relatati ma’ azzjonijiet privileġġati miżmuma minn dan l-Istat Membru fil-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija.

(ara l-punti 57-60, 82, 83, 85, 88, 90-92, 95, 97 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Novembru 2011(*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 43 KE u 56 KE – Moviment liberu tal-kapital – Azzjonijiet privileġġati (‘golden shares’) miżmuma mill-Istat Portugiż fi ħdan GALP Energia SGPS SA – Intervent fit-tmexxija ta’ kumpannija pprivatizzata”

Fil-Kawża C‑212/09,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-11 ta’ Ġunju 2009,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Braun, M. Teles Romão u P. Guerra e Andrade, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Inez Fernandes, bħala aġent, assistit minn C. Botelho Moniz, M. Rosado da Fonseca u P. Gouveia e Melo, avukati,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn M. Safjan, President tal-Ħames Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, A. Borg Barthet, E. Levits, J.-J. Kasel u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Jannar 2011,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi żammet drittijiet speċjali favur l-Istat Portugiż u entitajiet pubbliċi oħra jew tas-settur pubbliku Portugiż fi ħdan GALP Energia SGPS SA (iktar ’il quddiem “GALP”), mogħtija flimkien ma’ azzjonijiet privileġġati (“golden shares”) miżmuma minn dan l-Istat, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 56 KE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

2        L-Artikolu 15(1) tal-Liġi Nru 11/90, li tirrigwarda liġi qafas dwar il-privatizzazzjonijiet (Lei Nru 11/90, Lei Quadro das Privatizaçoes), tal-5 ta’ April 1990 (Diário da República I, serje A, Nru 80, tal-5 ta’ April 1990, iktar ’il quddiem il-“LQP”), jipprovdi li:

“B’mod eċċezzjonali, u meta raġunijiet ta’ interess nazzjonali jeżiġu dan, l-att dwar l-adozzjoni tal-istatut tal-impriża li għandha tiġi pprivatizzata jista’ jipprovdi, bil-għan li jissalvagwardja l-interess pubbliku, li d-deċiżjonijiet tal-kumpannija li jirrigwardaw oqsma speċifiċi għandhom jiġu ssuġġettati għal konferma min-naħa ta’ amministratur maħtur mill-Istat.”

3        L-Artikolu 15(3) tal-LQP jipprovdi l-possibbiltà li jinħolqu azzjonijiet privileġġati f’dawn it-termini:

“L-att imsemmi fl-Artikolu 4(1) [li japprova l-istatut tal-impriża li għandha tiġi pprivatizzata jew li għandha tiġi ttrasformata f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata] jista’ jipprovdi wkoll, b’mod eċċezzjonali, meta raġunijiet ta’ interess nazzjonali jeżiġu dan, għall-eżistenza ta’ azzjonijiet privileġġati intiżi sabiex jibqgħu proprjetà tal-Istat u li, indipendentement min-numru tagħhom, jagħtuh dritt ta’ veto fuq l-emendi statutorji u deċiżjonijiet oħra li jirrigwardaw qasam speċifiku, debitament iddefinit fl-istatut.”

4        B’applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-LQP, id-Digriet Legali Nru 261-A/99, li japprova l-ewwel fażi tal-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-kapital azzjonarju ta’ GALP – Petróleos e Gás de Portugal, SGPS SA (Decreto-Lei nº 261-A/99 aprova a 1.ª fase do processo de privatização do capital social da GALP - Petróleos e Gás de Portugal, SGPS, SA), tas-7 ta’ Lulju 1999 (Diário da República I, serje A, Nru 156, tas-7 ta’ Lulju 1999, iktar ’il quddiem id-“Digriet Legali Nru 261-A/99”), jipprovdi fl-Artikolu 4(1) tiegħu l-possibbiltà li “jinħolqu azzjonijiet privileġġati permezz ta’ konverżjoni ta’ azzjonijiet ordinarji”.

5        Skont l-Artikolu 4(2) tad-Digriet Legali msemmi, l-azzjonijiet privileġġati ma jistgħux jirrappreżentaw iktar minn 10 % tal-kapital azzjonarju ta’ GALP qabel iż-żieda tal-kapital u għandhom jinżammu fil-maġġoranza tagħhom minn entitajiet pubbliċi.

6        Skont l-Artikolu 4(3) tal-istess Digriet Legali, l-azzjonijiet privileġġati jagħtu dritt għall-veto fuq il-ħatra ta’ numru ta’ amministraturi ekwivalenti l-iktar għal terz mit-total. Dawn jikkonferixxu dan l-istess dritt għad-deċiżjonijiet li jemendaw l-istatut tal-kumpannija, dawk intiżi biex jawtorizzaw il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ grupp b’relazzjoni ta’ parità jew ta’ subordinazzjoni u dawk li jistgħu, b’xi mod, jaffettwaw il-provvista fil-pajjiż ta’ żejt, ta’ gass jew ta’ prodotti derivati.

7        L-Artikolu 391(2) tal-kodiċi tal-kumpanniji kummerċjali (iktar ’il quddiem il-“CSC”) jipprovdi:

“Il-ftehim soċjetarju jista’ jistabbilixxi li l-elezzjoni tal-amministraturi għandha tiġi approvata minn numru ta’ persuni li jikkorrispondu għal frazzjoni determinata tal-kapital jew li l-elezzjoni ta’ wħud fosthom, fejn in-numru ma jistax jissupera terz mit-total, għandha bl-istess mod tkun approvata bil-maġġoranza tal-persuni li għandhom ċertu numru ta’ azzjonijiet, iżda d-dritt li jinħatru amministraturi ma jistax jiġi attribwit lil ċerti kategoriji ta’ azzjonijiet.”

 L-istatut ta’ GALP

8        Id-Digriet Legali Nru 137-A/99, tat-22 ta’ April 1999 (Diário da República I, serje A, Nru 94, tat-22 ta’ April 1999), li permezz tiegħu ġiet iffurmata GALP, kien jinkludi, fl-anness tiegħu, it-test tal-istatut tal-kumpannija msemmija.

9        Skont l-Artikolu 4(1) tal-istatut ta’ GALP, il-kapital azzjonarju huwa kompost minn 40 miljun azzjoni fil-kategorija A u minn madwar 789 miljun azzjoni fil-kategorija B.

10      L-Artikolu 4(3) tal-istatut ta’ GALP jipprovdi li l-azzjonijiet fil-kategorija A jinkludu ċerti drittijiet speċjali:

“a)      l-elezzjoni tal-President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni ma tistax tiġi approvata ħlief permezz tal-maġġoranza tal-persuni konnessi mal-azzjonijiet fil-Kategorija A;

b)      id-deċiżjonijiet kollha li jawtorizzaw il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ grupp b’relazzjoni ta’ parità jew ta’ subordinazzjoni, u dawk li jistgħu, b’xi mod, jaffettwaw il-provvista fil-pajjiż ta’ żejt, ta’ gass, ta’ elettriku jew ta’ prodotti derivati għandhom, sabiex jiġu approvati, jiġbru l-maġġoranza tal-voti konnessi mal-azzjonijiet fil-Kategorija A.

[…]”

11      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 18(1)(b) tal-istatut ta’ GALP, f’ċerti kwistjonijiet, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni ta’ GALP għandhom jiġu approvati mill-amministraturi b’maġġoranza kwalifikata ta’ żewġ terzi, bl-inklużjoni neċessarja tal-vot favorevoli tal-President tal-Kunsill tal-Amminstrazzjoni, fosthom it-tneħħija ta’ investimenti strateġiċi, ix-xiri ta’ ishma f’setturi mhux inklużi fl-attivitajiet prinċipali tal-kumpannija, l-għażla ta’ msieħba strateġiċi, l-adozzjoni u l-emenda tal-linji strateġiċi, tal-pjan strateġiku u tal-oqsma ta’ attività relatati magħhom, id-definizzjoni tal-istruttura tat-tmexxija u tal-organizzazzjoni bażika, id-definizzjoni tal-marġni ta awtonomija ta’ tmexxija tal-kumpanniji kkontrollati minn GALP, l-operazzjonijiet ta’ diviżjoni, ta’ għaqda jew ta’ xoljiment ta’ kumpanniji kkontrollati minn GALP u d-distribuzzjoni ta’ dividendi mill-kumpanniji kkontrollati minn GALP.

 Il-ftehim bejn l-azzjonisti ta’ GALP

12      Fl-4 ta’ Ottubru 2006, ġie konkluż ftehim bejn l-azzjonisti bejn bosta azzjonisti ta’ GALP, jiġifieri Amorim Energia, ENI u Caixa Geral de Depósitos SA (iktar ’il quddiem “CGD”), li hija bank tal-Istat. Dan il-ftehim kien sussegwentement is-suġġett ta’ diversi emendi.

13      Skont dan l-istess ftehim, b’mod partikolari, CGD taħtar amministratur li neċessarjament ikun il-President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

14      Mill-1999, is-settur tal-enerġija Portugiż, b’mod partikolari dak taż-żejt u tal-gass naturali, kien is-suġġett ta’ proċess kbir ta’ ristrutturazzjoni li wassal, bl-adozzjoni tad-Digriet Legali Nru 137-A/99, tat-22 ta’ April 1999, għall-formazzjoni ta’ GALP, kumpannija b’kapital pubbliku li tiġbor fiha l-ishma diretti miżmuma mill-Istat f’ċerti impriżi pubbliċi.

15      Il-proċess ta’ privatizzazzjoni ta’ GALP beda mill-formazzjoni tagħha u seħħ f’ħames fażijiet suċċessivi, fil-kuntest tas-sistema stabbilita mill-LQP. L-Istat għandu attwalment 8 % tal-kapital azzjonarju f’GALP li minnhom 7 % huma miżmuma bl-intermedjarju ta’ Parpública u 1 % bl-intermedjarju CGD.

16      Mill-proċess jirriżulta li GALP hija fil-preżent il-grupp prinċipali komplet ta’ prodotti taż-żejt u tal-gass naturali fil-Portugall.

17      Fit-18 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Portugiża li permezz tagħha lmentat kontriha li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 43 KE u 56 KE minħabba l-ħolqien, fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ GALP, ta’ azzjonijiet privileġġati li jinkludu drittijiet speċjali, miżmuma mill-Istat Portugiż, b’mod partikolari d-dritt li jinħatar il-President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni ta’ din il-kumpannija u d-dritt ta’ oppożizzjoni permezz ta’ veto f’dak li jirrigwarda ċerti deċiżjonijiet importanti tal-kumpannija msemmija.

18      Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta tat-18 ta’ Diċembru 2006 tar-Repubblika Portugiża, fid-29 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fejn tenniet it-termini tal-intimazzjoni u fejn stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn mill-ġurnata li fiha jirċievi din l-opinjoni.

19      L-awtoritajiet Portugiżi rrispondew għall-imsemmija opinjoni motivata b’ittra tat-30 ta’ Ottubru 2007. Peress li ma kinitx sodisfatta b’din ir-risposta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

20      Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-Repubblika Portugiża tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors billi ssostni li dan huwa parzjalment inammissibbli peress li fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ressqet allegazzjonijiet ġodda li ma kinux jinsabu fl-opinjoni motivata u b’hekk, kabbret is-suġġett tal-kawża hekk kif iddefinit fil-fażi prekontenzjuża tal-proċedura.

21      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Portugiża tirreferi, min-naħa waħda, għad-dritt tal-Istat li jissuġġetta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni dwar it-tmexxija ta’ GALP għall-approvazzjoni tal-President tal-imsemmi Kunsill, li huwa maħtur mill-Istat innifsu, u għad-dritt tal-imsemmi President li jopponi l-veto tiegħu f’uħud mid-deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 18(1)(b) tal-istatut ta’ GALP, li għandhom jiġu approvati permezz ta’ maġġoranza kkwalifikata ta’ żewġ terzi tal-amministraturi. Min-naħa l-oħra, din tosserva li l-Kummissjoni tallega fil-konfront tagħha ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni bbażat fuq in-nazzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 12 KE, peress li din aġixxixiet b’mod diskrimatorju fil-kuntest tal-fażijiet differenti tal-privatizzazzjoni ta’ GALP u tan-negozjati tal-ftehim bejn l-azzjonisti konkluż fl-2006.

22      Skont dan l-Istat Membru, fir-rigward tal-motivi l-ġodda meta mqabbla għal dawk li jinsabu fl-opinjoni motivata, dawn il-motivi għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

23      Il-Kummissjoni tiċħad dawn l-allegazzjonijiet kollha billi ssostni li dan ir-rikors jirrigwarda d-dritt li jinħatar il-President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni ta’ GALP u d-dritt ta’ veto fuq l-emendi tal-ftehim soċjetarju u ta’ deċiżjonijiet oħra li jirrigwardaw ċerti oqsma stabbiliti fl-istatut. Dawn is-setgħat speċjali jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni Portugiża, jiġifieri mil-LQP, b’mod partikolari mill-Artikoli 3 u 15 tagħha, kif ukoll mid-Digriet Legali Nru 261-A/99, b’mod partikolari mill-Artikolu 4(3) tiegħu.

24      L-argumenti l-ġodda ppreżentati fir-rikors u kkunsidrati bħala inammissibbli mir-Repubblika Portugiża huma, min-naħa waħda, kjarifiki dwar il-kompetenza tal-amministratur maħtur mill-Istat li huma rilevanti sabiex jikkwalifikaw is-sitwazzjoni li tikkostitwixxi l-imsemmija ħatra bħala miżura adottata mill-Istat li ma tirriżultax minn applikazzjoni normali tad-dritt tal-kumpanniji. Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, mir-rikors jirriżulta b’mod ċar li, meta kienet qegħda sempliċiment tiddeskrivi azzjoni mir-Repubblika Portugiża, hija ma invokatx l-Artikolu 12 KE, iżda inkriminat il-ħolqien tad-drittijiet speċjali tal-Istat permezz ta’ dispożizzjonijiet ġenerali li huma applikabbli b’mod indistint u l-applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar b’mod diskriminatorju permezz ta’ strumenti tad-dritt privat. Barra minn hekk, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni spjegat li ma xtaqitx tinsisti fuq dan l-approċċ li huwa intiż sabiex jerġa’ jpoġġi s-suġġett tal-proċedura fil-kuntest tiegħu.

25      B’hekk, skont din l-istituzzjoni, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija ma jikkostitwixxux motivi ġodda meta mqabbla ma dawk li jinsabu fl-opinjoni motivata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26      Qabel kollox, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skont l-Artikolu 258 KE, huwa stabbilit mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, b’tali mod li r-rikors għandu jkun ibbażat fuq l-istess motivi u raġunijiet bħal din l-opinjoni (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑33/04, Ġabra p. I‑10629, punt 36; tad-9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑236/05, Ġabra p. I‑10819, punt 10, u tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑171/08, Ġabra p. I‑6817, punt 25.

27      Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jistax iwassal sabiex jimponi, f’kull każ, koinċidenza perfetta bejn l-espożizzjoni tal-ilmenti fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata u t-talbiet tar-rikors, sakemm is-suġġett tal-kawża, kif iddefinit fl-opinjoni motivata, ma jiġix estiż jew emendat (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑433/03, Ġabra p. I‑6985, punt 28; Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq, punt 11; Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, u tat-18 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑458/08, Ġabra p. I‑11599, punt 44).

28      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni la estendiet u lanqas ma emendat is-suġġett tal-kawża kif iddefinit fl-opinjoni motivata.

29      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li fid-dispożittiv tal-opinjoni motivata kif ukoll fit-talbiet tar-rikors promotur, il-Kummissjoni indikat b’mod ċar li hija kienet qegħda tilmenta li r-Repubblika Portugiża żammet, permezz tal-Istat Portugiż u ta’ azzjonisti pubbliċi oħra, azzjonijiet privileġġati li jinkludu drittijiet speċjali fil-kapital azzjonarju ta’ GALP, jiġifieri d-dritt li jinħatar il-President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni li għandu s-setgħa li jikkonferma d-deċiżjonijiet tal-korpi soċjetarji fir-rigward tat-tmexxija u tad-dritt li jintuża veto fir-rigward tad-deċiżjonijiet importanti tal-kumpannija msemmija. B’hekk, meta invokat ukoll l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw mill-Artikoli 43 KE u 56 KE, li r-Repubblika Portugiża ma kkonformatx ruħha magħhom, il-Kummissjoni ddefinixxiet f’termini preċiżi biżżejjed is-suġġett tal-kawża.

30      Huwa minnu li huwa biss fir-rikors li l-Kummissjoni, min-naħa waħda, ilmentat li r-Repubblika Portugiża aġixxiet b’mod diskriminatorju fil-kuntest tal-fażijiet differenti tal-privatizzazzjoni ta’ GALP u tan-negozjati tal-ftehim bejn l-azzjonisti u, min-naħa l-oħra, ibbażata ruħha għall-ewwel darba fuq ċerti dispożizzjonijiet nazzjonali, b’mod partikolari fuq l-Artikolu 18 tal-istatut ta’ GALP u fuq id-drittijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni. Madankollu, mill-proċess jirriżulta li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni ma kkunsidratx, fir-rikors tagħha, li l-Istat Portugiż kellu setgħat speċjali ġodda, iżda għamlet riferenza, abbażi ta’ argumenti supplimentari intiżi sabiex juru l-fondatezza tal-ilmenti tagħha, mhux biss għal dispożizzjonijiet nazzjonali oħra li jikkonkretizzaw il-LQP u d-Digriet Legali Nru 261-A/99, li huma l-bażi tas-setgħat speċjali tal-Istat, iżda wkoll għall-ħolqien tal-ftehim bejn l-azzjonisti.

31      Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni spjegat f’iktar dettall l-ilmenti li hija kienet diġà invokat b’mod iktar ġenerali fl-opinjoni motivata ma biddilx is-suġġett tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat u għalhekk ma kellu l-ebda effett fuq il-portata tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C‑185/00, Ġabra p. I‑14189, punti 84 sa 87; tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑543/08, Ġabra p. I‑11241, punt 23).

32      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika Portugiża għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet

 L-argumenti tal-partijiet

33      Il-Kummissjoni tosserva b’mod partikolari li ż-żamma mill-Istat Portugiż ta’ drittijiet speċjali fi ħdan GALP, jiġifieri d-dritt li jaħtar il-President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni li għandu s-setgħa li jikkonferma deċiżjonijiet tal-korpi soċjetarji dwar it-tmexxija, ikkonfermat mill-klawżoli tal-ftehim bejn l-azzjonisti nnegozjati mill-Istat Portugiż bl-intermedjarju ta’ CGD, u d-dritt li jopponi veto fir-rigward tad-deċiżjonijiet importanti tal-kumpannija msemmija, timpedixxi kemm l-investiment dirett kif ukoll l-investimenti portfolio fil-kapital azzjonarju ta’ din il-kumpannija, u b’hekk jikkostitwixxu, restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital kif ukoll għal-libertà ta’ stabbiliment.

34      Fil-fatt, skont din l-istituzzjoni, tali drittijiet speċjali, min-naħa waħda, jirrestrinġu l-possibbiltajiet għall-azzjonisti li effettivament jipparteċipaw fit-tmexxija u fil-kontroll tal-kumpannija inkwistjoni sal-valur tal-azzjonijiet miżmuma u, min-naħa l-oħra, jiddiswadu lill-investituri ta’ Stati Membri oħra milli jixtru azzjonijiet ta’ din il-kumpannija.

35      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża li l-ħolqien ta’ drittijiet speċjali inklużi mal-azzjonijiet privileġġati ma jirriżultax minn applikazzjoni normali tad-dritt tal-kumpanniji, iżda jikkostitwixxi miżura tal-Istat li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 56(1) KE. Fil-fatt, l-istatut ta’ GALP li jipprovdi d-drittijiet speċjali inkwistjoni ġie stabbilit mil-liġi, fi żmien meta l-Istat Portugiż kien iżomm it-totalità tal-kapital ta’ din il-kumpannija, u ma setax jinbidel mingħjar il-kunsens ta’ dan l-Istat.

36      Qabel kollox, ir-Repubblika Portugiża ssostni, b’riferenza għas-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑326/07, Ġabra p. I‑2291, punt 39), li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati mill-Kummissjoni għandhom ikunu evalwati esklużivament mill-aspett tal-Artikolu 43 KE, peress li, bħal fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, kemm id-dritt ta’ veto kif ukoll dak li jinħatar il-President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni ta’ GALP jirrigwardaw deċiżjonijiet li jirrigwardaw it-tmexxija tal-kumpannija u, għalhekk, jirrigwardaw biss lil azzjonisti li jistgħu jeżerċitaw influwenza ċerta fuq il-kumpannija.

37      Sussegwentement, l-imsemmi Stat Membru jsostni li f’kull każ, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu drittijiet speċjali tal-Istat ma jiffurmawx parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 56 KE peress li ma jistabbilixxu ebda restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali inkwistjoni. Fil-fatt, l-effetti tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni fuq l-aċċess għas-suq huma, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-libertà ta’ stabbiliment, purament ipotetiċi u, f’kull każ, totalment aleatorji u indiretti (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 1996, Semeraro Casa Uno et., C‑418/93 sa C‑421/93, C‑460/93 sa C‑462/93, C‑464/93, C‑9/94 sa C‑11/94, C‑14/94, C‑15/94, C‑23/94, C‑24/94 u C‑332/94, Ġabra p. I‑2975, punt 32). Il-miżuri nazzjonali msemmija ma jistgħux jikkostitwixxu miżuri restrittivi fir-rigward tal-Artikoli 43 KE u 56 KE ħlief jekk dawn jikkundizzjonaw direttament u sostanzjalment l-aċċess tal-investituri għas-suq. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Portugiża titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ “restrizzjoni” għal-libertà tal-moviment tal-kapital u għad-dritt ta’ stabbiliment, b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, Ġabra p. I‑6097), dwar il-metodi ta’ bejgħ li jirrigwardaw il-libertà tal-moviment tal-merkanzija.

38      Barra minn hekk, fid-dawl tal-istruttura tal-azzjonarjat ta’ GALP u tal-evoluzzjoni tagħha mill-1999, huwa evidenti li l-eżistenza ta’ drittijiet speċjali tal-Istat fil-kumpannija msemmija ma ħolqot ebda effett negattiv la fuq l-investimenti diretti u lanqas fuq l-investimenti portfolio fil-kapital azzjonarju ta’ din tal-aħħar.

39      Fir-rigward tan-natura bħala miżura tal-Istat tad-dritt tal-ħatra tal-President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni ta’ GALP, liema dispożizzjoni tinsab fl-istatut tagħha kif ukoll fil-ftehim bejn l-azzjonisti, ir-Repubblika Portugiża finalment issostni li dan id-dritt ma huwiex miżura tal-Istat, iżda att tad-dritt privat li ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 56 KE.

40      B’risposta għal dawn l-argumenti, il-Kummissjoni ssostni, fir-rigward tar-riferiment magħmul mir-Repubblika Portugiża għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, li kemm id-dritt tal-veto kif ukoll id-dritt li jinħatar il-President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni jagħtu lill-Istat setgħat speċjali fuq ċerti deċiżjonijiet tal-Laqgħa Ġenerali li jaffettwaw lill-azzjonisti u lill-investituri potenzjali kollha, u mhux biss lil dawk li jeżerċitaw influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija inkwistjoni. Għalhekk, dan l-Istat Membru ma jistax jikkontesta l-applikazzjoni tal-Artikolu 56 KE f’dan il-każ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-applikabbiltà tal-Artikoli 43 KE u 56 KE

41      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tirrigwardax li waħda jew oħra minn dawn il-libertajiet fundamentali, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck, C‑157/05, Ġabra p. I‑4051, punt 22; Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

42      Jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 43 KE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għaż-żamma, minn ċittadin ta’ Stat Membru, fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, ta’ sehem li jippermettilu jeżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ din il-kumpannija u li jiddetermina l-attivitajiet tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ April 2000, Baars, C‑251/98, Ġabra p. I‑2787, punt 22; Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34 u tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

43      Jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 KE, dwar il-moviment liberu tal-kapital, b’mod partikolari l-investimenti diretti, jiġifieri l-investimenti ta’ kull tip imwettqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi u li jservu sabiex jinħolqu jew jinżammu relazzjonijiet fit-tul u diretti bejn min qed jiffinanzja u l-kumpannija li għaliha huma ddestinati dawn il-fondi sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika. Dan l-għan jippresupponi li l-azzjonijiet miżmuma mill-azzjonist jagħtuh il-possibbiltà li jipparteċipa b’mod effettiv fit-tmexxija ta’ din il-kumpannija jew fil-kontroll tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑112/05, Ġabra p. I‑8995, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35, kif ukoll tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

44      Leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika mhux biss għal dawk l-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha, iżda li tapplika indipendentement mill-kobor tal-ishma li azzjonist ikollu f’kumpannija, tista’ taqa’ kemm taħt l-Artikolu 43 KE kif ukoll taħt l-Artikolu 56 KE (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 36 u tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 43).

45      Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ma huwiex eskluż li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jaffettwaw lill-azzjonisti kollha kif ukoll lill-investituri potenzjali u mhux biss lill-azzjonisti li jistgħu jeżerċitaw influwenza ċerta fuq it-tmexxija u l-kontroll ta’ GALP. Għaldaqstant, hemm lok li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiġu eżaminati mill-aspett tal-Artikoli 43 KE u 56 KE.

–       Fuq in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 56 KE

46      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 56(1) KE jipprojbixxi b’mod ġenerali, r-restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑282/04 u C‑283/04, Ġabra p. I‑9141, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17; tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48, kif ukoll tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

47      Fin-nuqqas ta’ definizzjoni fit-Trattat KE tal-kunċett ta’ “moviment tal-kapital” fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet valur indikattiv lin-nomenklatura tal-moviment tal-kapital li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implimentazzjoni tal-Artikolu [67] tat-Trattat [artikolu li ġie abrogat bit-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, jikkostitwixxu moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE, b’mod partikolari, l-investimenti msejħa “diretti”, jiġifieri, l-investimenti taħt forma ta’ ishma f’impriża permezz ta’ żamma ta’ azzjonijiet li jagħtu l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija u fil-kontroll tagħha, kif ukoll l-investimenti msejħa “portfolio”, jiġifieri l-investimenti taħt forma ta’ xiri ta’ titoli fis-suq tal-kapital li jsir bl-unika intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li ssir influwenza fuq it-tmexxija u l-kontroll tal-impriża (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 18; tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 49, kif ukoll tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 46).

48      Fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ forom ta’ investimenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għandhom jiġu kklassifikati bħala “restrizzjonijiet” fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE, miżuri nazzjonali li jistgħu jipprojbixxu jew jillimitaw ix-xiri ta’ azzjonijiet fl-impriżi kkonċernati jew li jistgħu jiskoraġġixxu lill-investituri minn Stati Membri oħra milli jinvestu fil-kapital tagħhom (ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Ir-Repubblika Portugiża tikkontesta l-karattru ta’ miżura nazzjonali tal-Artikolu 4(3) tal-istatut ta’ GALP kif ukoll tal-klawżoli rilevanti tal-ftehim bejn l-azzjonisti. Barra minn hekk, hija ssostni b’mod partikolari li, skont il-ftehim imsemmi, id-dritt tal-Istat li jaħtar il-President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni ta’ GALP huwa eżerċitat mis-CGD u mhux mill-Istat Portugiż, u għalhekk, id-dispożizzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix miżura tal-Istat u b’hekk ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 56 KE.

50      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, min-naħa waħda, hekk kif jirriżulta mill-proċess, l-istatut ta’ GALP kien ġie stabbilit qabel ma ntemmet l-ewwel fażi tal-privatizzazzjoni ta’ GALP, jiġifieri fi żmien meta l-Istat Portugiż kellu l-maġġoranza tal-kapital azzjonarju f’din tal-aħħar. Fl-istess ħin, dritt speċifiku ta’ veto favur dan l-Istat, li b’mod partikolari jiġi eżerċitat fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ emendar tal-istatut ta’ din il-kumpannija, kien stabbilit ukoll legalment. B’hekk, il-klawżola dwar id-dritt li jinħatar il-President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni ta’ GALP ma għadhiex tista’ tiġi annullata mis-soċji mingħajr il-kunsens tal-Istat.

51      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Portugiża f’dan il-kuntest fir-rigward tal-ħatra tal-President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni minn CGD, biżżejjed li jiġi kkonstatat li, peress li din tal-aħħar hija bank li l-kapital tagħha huwa kompletament miżmum mill-Istat, dan tal-aħħar jeżerċita d-drittijiet tiegħu permezz bl-intermedjarju ta’ CGD. Konsegwentement, fir-rigward tan-natura privata tal-ftehim bejn l-azzjonisti, l-Istat Portugiż jiftiehem, bl-intermedjarju ta’ CGD, mal-azzjonisti ta’ referenza li huwa għażel sabiex iżomm l-influwenza tiegħu fuq il-kompożizzjoni u t-tmexxija ta’ GALP.

52      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li hija r-Repubblika Portugiża stess li, min-naħa waħda, bl-intermedjarju tal-leġiżlatur nazzjonali, awtorizzat il-ħolqien ta’ azzjonijiet privileġġati fil-kapital azzjonarju ta’ GALP u li, min-naħa l-oħra, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità pubblika ddeċidiet, skont l-Artikolu 15(3) tal-LQP, li tintroduċi azzjonijiet privileġġati fil-kapital imsemmi, li tagħtihom lill-Istat u li tiddefinixxi d-drittijiet speċjali li jinkludu fihom.

53      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-ħolqien tad-dritt tal-Istat li jaħtar il-President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni ta’ GALP ma jirriżultax minn applikazzjoni normali tad-dritt tal-kumpanniji. Peress li l-CSC jipprekludi espressament li ma’ ċerti kategoriji ta’ azzjonijiet jiġi assoċjat id-dritt li jinħatru ċerti amministraturi, id-Digriet Legali Nru 261-A/99 u l-istatut ta’ GALP jipprovdu b’mod kuntrarju li l-approvazzjoni tal-għażla tal-President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni hija dritt inerenti għall-azzjonijiet speċifiċi tal-Istat. Għaldaqstant, dan huwa dritt speċifiku, li jidderoga mid-dritt komuni tal-kumpanniji, maħsub għas-sempliċi benefiċċju tal-atturi pubbliċi permezz ta’ miżura leġiżlattiva nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 59 sa 61).

54      Għalhekk, id-dritt tal-Istat li jaħtar il-President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni ta’ GALP għandu jiġi kkunsidrat bħala attribwibbli lir-Repubblika Portugiża u jidħol, konsegwentement, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56(1) KE.

55      Fir-rigward tan-natura restrittiva taż-żamma, mill-Istat Portugiż, ta’ azzjonijiet privileġġati li jinkludu drittijiet speċjali fil-kapital azzjonarju ta’ GALP, stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u, parzjalment, flimkien mal-istatut tal-kumpannija msemmija, għandu jiġi kkonstatat li tali azzjonijiet jistgħu jiddiswadu lill-operaturi ta’ Stati Membri oħra milli jinvestu fil-kapital ta’ din tal-aħħar.

56      Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ veto, mill-Artikolu 4(3) tad-Digriet Legali Nru 261-A/99 jirriżulta li l-approvazzjoni ta’ numru kunsiderevoli ta’ deċiżjonijiet importanti dwar GALP hija suġġetta għall-kunsens tal-Istat Portugiż. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-vot favorevoli ta’ dan tal-aħħar huwa partikolarment meħtieġ għal kull deċiżjoni li temenda l-istatut ta’ GALP, b’tali mod li l-influwenza tal-Istat Portugiż fuq din il-kumpannija tista’ titnaqqas biss jekk dan l-Istat stess jikkonsenti għal dan.

57      Għaldaqstant, l-imsemmi dritt ta’ veto, sa fejn jagħti lil dan l-Istat influwenza fuq it-tmexxija u l-kontroll ta’ GALP li ma hijiex iġġustifikata mid-daqs tas-sehem li għandu f’din il-kumpannija, jista’ jiskoraġġixxi lill-operaturi ta’ Stati Membri oħra milli jagħmlu investimenti diretti fil-kapital azzjonarju ta’ din tal-aħħar, peress li ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fit-tmexxija u fil-kontroll ta’ din il-kumpannija skont il-proporzjon tal-valur ta’ sehemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punti 50 sa 52; tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 60, u tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 56).

58      Bl-istess mod, id-dritt tal-veto inkwistjoni jista’ jkollu effett dissważiv fuq l-investimenti portfolio fil-kapital azzjonarju ta’ GALP, peress li rifjut eventwali mill-Istat Portugiż li japprova deċiżjoni importanti, ippreżentata mill-korpi ta’ din il-kumpannija bħala li tissodisfa l-interess tagħha, jista’, effettivament, ikollu effett fuq il-valur tal-azzjonijiet tal-kumpannija msemmija u, għaldaqstant, fuq kemm ikun attraenti investiment f’tali azzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, punt 27; tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 61 u tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 57).

59      Fir-rigward tad-dritt li jinħatar il-President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni, dan jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital inkwantu tali dritt speċifiku jikkostitwixxi deroga mid-dritt komuni tal-kumpanniji stabbilita għas-sempliċi benefiċċju tal-atturi pubbliċi permezz ta’ miżura leġiżlattiva nazzjonali (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 61, u tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 62). Għalkemm huwa minnu li din il-possibbiltà tista’ tingħata mil-liġi bħala dritt ta’ minoranza kkwalifikata, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, din għandha tkun aċċessibbli għall-azzjonisti kollha u ma għandhiex tkun riżervata esklużivament għall-Istat.

60      Fil-fatt, billi jillimita l-possibbiltà tal-azzjonisti l-oħra, minbarra l-Istat Portugiż, milli jipparteċipaw fil-kapital azzjonarju ta’ GALP sabiex joħolqu jew iżommu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti magħha li jippermettu parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija jew fil-kontroll tagħha, id-dritt li jinħatar amministratur stabbilit fl-Artikoli 15(1) tal-LQP u 4(3) tad-Digriet Legali Nru 261-A/99, jista’ jiddiswadi lill-investituri diretti ta’ Stati Membri oħra milli jinvestu fil-kapital ta’ din il-kumpannija.

61      Min dan isegwi li d-dritt tal-veto fir-rigward ta’ ċerti deċiżjonijiet tal-Laqgħa Ġenerali ta’ GALP u d-dritt li jinħatar il-President tal-Kunsill tal-Amministrazzjoni jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE.

62      Barra minn hekk, tali konstatazzjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni mill-argumenti invokati mir-Repubblika Portugiża u bbażati fuq l-applikabbiltà tal-allegata loġika li hija l-bażi tas-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq.

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni ma humiex analogi għal-leġiżlazzjonijiet li jikkonċernaw il-metodi ta’ bejgħ li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Keck u Mithouard, iċċitata iktar ’il fuq, ikkunsidrat li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 28 KE.

64      Fil-fatt, skont is-sentenza msemmija, l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali għal prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra li jillimitaw jew jipprojbixxu, fuq it-territorju tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, ċerti metodi ta’ bejgħ, ma hijiex tali li tfixkel il-kummerċ bejn l-Istati Membri, sa kemm, fl-ewwel lok, dawn ikunu japplikaw għall-operaturi kollha kkonċernati li jeżerċitaw l-attività tagħhom fuq it-territorju nazzjonali u, fit-tieni lok, dawn jaffettwaw bl-istess mod, kemm fil-liġi kif ukoll fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti nazzjonali u ta’ dawk li joriġinaw minn Stati Membri oħra. Ir-raġuni għal dan hija li din ma hijiex ta’ natura li tipprojbixxi l-aċċess ta’ dawn tal-aħħar għas-suq tal-Istat Membru ta’ importazzjoni jew li tfixklu iktar milli tfixkel l-aċċess għall-prodotti nazzjonali (sentenza tal-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments, C‑384/93, Ġabra p. I‑1141, punt 37).

65      Issa, f’dan il-każ, għalkemm huwa minnu li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni japplikaw mingħajr distinzjoni kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk li ma humiex residenti, madankollu għandu jiġi kkonstatat li dawn jaffettwaw is-sitwazzjoni tax-xerrej ta’ holding bħala tali u għalhekk huma ta’ natura li jiskoraġġixxu lill-investituri ta’ Stati Membri oħra milli jagħmlu tali investimenti u, għaldaqstant, milli jikkundizzjonaw l-aċċess għas-suq (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑463/00, Ġabra p. I‑4581, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67, kif ukoll tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

66      Barra minn hekk, il-konstatazzjoni li tgħid li l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital ma tistax titqiegħed indiskussjoni bl-argument tar-Repubblika Portugiża li jsostni li d-drittijiet speċjali kkontestati ma għandhom ebda effett fuq l-investimenti diretti u lanqas fuq l-investimenti portfolio fil-kapital azzjonarju ta’ GALP, peress li parti kbira mill-azzjonijiet ta’ din il-kumpannija jinsabu għand investituri li ġejjin minn Stati Membri oħra.

67      Għandu jiġi kkonstatat, hekk kif issemma fil-punti 58 u 61 ta’ din is-sentenza, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati, sa fejn joħolqu strumenti li jistgħu jillimitaw il-possibbiltà li investituri jipparteċipaw fil-kapital azzjonarju ta’ GALP bil-għan li joħolqu jew iżommu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti magħha, li jippermettu parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija jew fil-kontroll ta’ din il-kumpannija, inaqqsu l-interess fix-xiri ta’ ishma f’dan il-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 54, u tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 70).

68      Din il-konstatazzjoni ma hijiex affettwata bil-preżenza ta’ investituri diretti fi ħdan l-azzjonarjat ta’ GALP. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, dan il-fatt ma huwiex tali li, minħabba d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati, jikkontradixxi l-fatt li investituri diretti minn Stati Membri oħra, attwali jew potenzjali, setgħu ġew disważi milli jixtru sehem fil-kapital ta’ din il-kumpannija sabiex jipparteċipaw fiha bil-għan li joħolqu jew iżommu rabtiet ekonomiċi fit-tul u diretti magħha li jippermettu parteċipazzjoni effettiva fit-tmexxija jew fil-kontroll tagħha, filwaqt li kellhom id-dritt li jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital u mill-protezzjoni li dan jistabbilixxi favurihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 55 u tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 71).

69      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li ż-żamma mill-Istat Portugiż, ta’ azzjonijiet privileġġati flimkien mad-drittijiet speċjali li tali azzjonijiet jagħtu lill-proprjetarju tagħhom, tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE.

 Fuq il-ġustifikazzjoni għar-restrizzjonijiet

 L-argumenti tal-partijiet

70      Il-Kummissjoni tirrileva li r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mid-drittijiet speċjali miżmuma mill-Istat Portugiż fi ħdan GALP ma jistgħu jkunu ġġustifikati minn ebda wieħed mill-għanijiet invokati mir-Repubblika Portugiża u li, f’kull każ, jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

71      Hija ssostni li d-drittijiet speċjali tal-Istat fi ħdan GALP ma jistgħux ikunu ġġustifikati minn raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, f’dan il-każ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Portugall. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mid-Digriet Legali Nru 31/2006, li jistabbilixxi l-bażijiet ġenerali tal-organizzazzjoni u tal-funzjonament tas-sistema taż-żejt nazzjonali (Diário da República I, serje A, Nru 33, tal-15 ta’ Frar 2006), kif ukoll mid-Digriet Legali Nru 30/2006 li jistabbilixxi l-bażijiet ġenerali tal-organizzazzjoni u tal-funzjonament tas-sistema tal-gass naturali (Diário da República I, serje A, Nru 33, tal-15 ta’ Frar 2006), huwa l-Istat u mhux GALP li għandu jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista taż-żejt u tal-gass naturali.

72      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Kummissjoni ssostni li d-drittijiet speċjali miżmuma mill-Istat fi ħdan GALP ma humiex adegwati sabiex jiggarantixxu l-funzjonament tajjeb tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tal-gass u l-attività tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti miż-żejt ta’ GALP. Dawn id-drittijiet jikkostitwixxu, fir-realtà, strumenti intiżi sabiex jinkiseb l-interess privat tal-kumpannija u mhux l-interess nazzjonali. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-ħtiġijiet tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2002, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑483/99, Ġabra p. I‑4781, punti 50 sa 53), peress li ma ġie stabbilit ebda kriterju oġġettiv u preċiż li jinkwadra l-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija, l-applikazzjoni tagħhom hija, fil-prattika, totalment diskrezzjonali.

73      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li d-dritt tal-Unjoni derivat lanqas ma jiġġustifika l-eżistenza ta’ drittijiet speċjali tal-Istat fi ħdan GALP.

74      Fil-fatt, skont id-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2003, rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 98/30/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti; Kapitolu 12, Vol. 2, p. 230), ir-responsabbiltà pubblika għall-garanzija tas-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali tista’ teżiġi intervent estern mill-Istat bħala regolatur u mhux intervent mill-Istat mill-intern, fil-kwalità ta’ azzjonist privileġġati tal-impriżi li joperaw fis-suq.

75      Peress li jitratta dwar is-settur petroliferu, il-Kummissjoni tippreċiża li skont id-Direttiva tal-Kunsill 2006/67/KE, tal-24 ta’ Lulju 2006, li timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jżommu ħażniet minimi ta’ prodotti taż-żejt mhux maħdum u/jew prodotti petroliferi (ĠU L 76M, p. 209), huwa bl-istess mod l-Istat, u mhux l-impriżi privati, li għandu r-responsabbiltà pubblika li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista fi prodotti taż-żejt.

76      Finalment, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Repubblika Portugiża li tgħid li l-Artikolu 86 KE huwa applikabbli għall-miżuri inkwistjoni, peress li, min-naħa waħda, din id-dispożizzjoni hija indirizzata għal ċertu kategorija ta’ impriżi u mhux għall-Istat Membri u, min-naħa l-oħra, din il-proċedura ma għandhiex bħala għan id-drittijiet speċjali li l-Istat għandu jagħti lil GALP, iżda pjuttost drittijiet speċjali tal-Istat fi ħdan din il-kumpannija.

77      Ir-Repubblika Portugiża ssostni li, anki jekk jiġi ammess li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà tal-moviment tal-kapital, madankollu dawn huma ġġustifikati fid-dawl tal-Artikoli 46 KE u 58 KE peress li huma meħtieġa sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista fil-pajjiż ta’ gass naturali u ta’ żejt u jippermettu li din il-provvista tkun żgurata b’mod xieraq, b’mod partikolari fid-dawl tan-nuqqas fil-livell tal-Unjoni ta’ strumenti xierqa għal dan il-għan.

78      Dan l-Istat Membru jippreċiża wkoll li l-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali inkwistjoni jista’ jkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv. B’hekk, jekk l-Istat jeżerċita l-imsemmija drittijiet mingħajr ma jibbaża ruħu fuq theddida reali u gravi għas-sigurtà tal-provvista, ikun qiegħed jikkommetti ksur li kull azzjonist ta’ GALP ikun jista’ jinvoka quddiem il-qrati nazzjonali, kemm dawk amministrattivi kif ukoll dawk ċivili.

79      Barra minn hekk, meta ssostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, ir-Repubblika Portugiża tosserva li, f’kull każ, il-Kummissjoni ma pprovatx l-eżistenza ta’ miżuri li huma inqas restrittivi li jagħtu lill-Istat il-possibbiltà li jirreaġixxi b’mod rapidu u effettiv fil-każijiet ta’ attentat reali u gravi għas-sigurtà tal-provvista.

80      Finalment, l-imsemmi Stat Membru jsostni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati xorta huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 86(2) KE, peress li huma meħtieġa sabiex GALP twettaq b’mod adegwat il-missjonijiet ta’ tmexxija tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li hija ġiet inkarigata li twettaq mill-Istat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81      Skont ġurisprudenza ferm stabbilita, miżuri nazzjonali li jirrestrinġu l-moviment liberu tal-kapital jistgħu jiġu ġġustifikati mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 58 KE jew minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, sa kemm ikunu jistgħu jiggarantixxu t-twettiq tal-għan tagħhom u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-għan (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punti 72 u 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 69, u tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 83).

82      Fir-rigward tad-derogi permessi mill-Artikolu 58 KE, ma jistax jiġi miċħud li l-għan invokat mir-Repubblika Portugiża li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija ta’ dan l-Istat Membru f’każ ta’ kriżi, ta’ gwerra jew ta’ terroriżmu jista’ jikkostitwixxi raġuni ta’ sigurtà pubblika (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑274/06, punt 38; tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72, u tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84) u jiġġustifika, eventwalment, ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital. Barra minn hekk, l-importanza li jagħtu l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea lill-protezzjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tidher, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda ż-żejt, fid-Direttiva 2006/67 kif ukoll, f’dak li jirrigwarda s-settur tal-gass naturali, fid-Direttiva 2003/55.

83      Madankollu, huwa stabbilit li l-eżiġenzi ta’ sigurtà pubblika għandhom, b’mod partikolari bħala deroga mill-prinċipju fundamentali ta’ moviment liberu tal-kapital, jiġu interpretati b’mod strett, b’tali mod li l-portata tagħhom ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata b’mod unilaterali minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr kontroll tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għaldaqstant, is-sigurtà pubblika tista’ tiġi invokata biss f’każ ta’ theddida reali u suffiċjentement gravi, li tolqot interess fundamentali tas-soċjetà (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2000, Église de scientologie, C‑54/99, Ġabra p. I‑1335, punt 17; tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 73, u tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85).

84      F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Portugiża tosserva b’mod partikolari li fil-preżent jeżisti tħassib dwar ċerti investimenti li saru b’mod partikolari mill-fondi sovrani jew minn dawk li eventwalment huma konnessi ma’ organizzazzjonijiet terroristiċi f’impriżi tas-setturi strateġiċi li jikkostitwixxu tali theddida għall-provvista tal-enerġija. B’kunsiderazzjoni tar-rwol ta’ Stat Membru li jiggarantixxi s-sigurtà ta’ provvista regolari u kontinwa ta’ żejt u ta’ gass naturali, huwa leġittimu li dan l-Istat juża l-mezzi neċessarji sabiex jiggarantixxi l-interess fundamentali tas-sigurtà tal-provvista f’każ ta’ kriżi u huwa l-Istat li għandu jivverifika li jiġu stabbiliti strumenti adegwati li jippermettu azzjoni rapida u effettiva biex tiġi żgurata s-sigurtà kontinwa ta’ din il-provvista.

85      Issa, peress li r-Repubblika Portugiża limitat ruħha li tinvoka l-motiv dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, mingħajr ma ppreċiżat ir-raġunijiet eżatti għalfejn hija tqis li kull wieħed mid-drittijiet speċjali kkontestati jew ilkoll flimkien jippermettu li jiġi evitat tali ksur ta’ interess fundamentali bħall-provvista tal-enerġija, ġustifikazzjoni bbażata fuq is-sigurtà pubblika ma tistax tiġi milqugħa f’dan il-każ.

86      Barra minn hekk, l-argument tar-Repubblika Portugiża, li jgħid li d-dritt tal-Unjoni, fl-istat attwali tiegħu, ma jiggarantixxix biżżejjed is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-Istati Membri, liema ħaġa ġġiegħelha tieħu l-miżuri nazzjonali xierqa sabiex tiggarantixxi l-protezzjoni ta’ dan l-interess fundamentali għas-soċjetà, ma jistax jiġi milqugħ.

87      Anki jekk jiġi aċċettat li, skont ir-regoli tad-dritt derivat tal-Unjoni, jeżisti obbligu għal Stat Membru li jiggarantixxi l-provvista tal-enerġija fit-territorju nazzjonali tiegħu, kif tallega r-Repubblika Portugiża, l-osservanza ta’ tali obbligu ma tistax tiġi invokata sabiex tiġi ġġustifikata xi miżura li, bħala prinċipju, tmur kontra libertà fundamentali (ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89).

88      Fl-interess tal-kompletezza, fir-rigward tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat, hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni, li l-eżerċizzju tad-drittijiet speċjali li ż-żamma ta’ azzjonijiet privileġġati fil-kapital azzjonarju ta’ GALP tagħti lill-Istat Portugiż ma huwa suġġett għall-ebda kundizzjoni jew ċirkustanza speċifika u oġġettiva, u dan kuntrarjament għal dak li jsostni l-Istat Membru konvenut.

89      Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 15(3) tal-LQP jipprovdi li l-ħolqien ta’ azzjonijiet privileġġati fil-kapitali azzjonarju ta’ GALP, li jagħtu drittijiet speċjali lill-Istat Portugiż, huwa suġġett għall-kundizzjoni, li hija fformulata b’mod pjuttost ġenerali u impreċiż, li raġunijiet ta’ interess nazzjonali jkunu jeħtieġu dan, madankollu għandu jiġi kkonstatat li la din il-liġi u lanqas l-istatut ta’ GALP ma jistabbilixxu kriterji fir-rigward taċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom l-imsemmija drittijiet speċjali jistgħu jiġu eżerċitati (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 51 u tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 91). L-istess konstatazzjoni tapplika għall-paragrafu (1) tal-imsemmi Artikolu 15, peress li din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-ħatra ta’ amministratur mill-Istat Portugiż għal kundizzjoni, ifformulata wkoll b’mod pjuttost ġenerali u impreċiż, ibbażata fuq is-salvagwardja tal-interess ġenerali.

90      Għaldaqstant, tali inċertezza tikkostitwixxi ostakolu gravi għall-moviment liberu tal-kapital peress li tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali, f’dak li jikkonċerna l-użu ta’ tali drittijiet, marġni ta’ diskrezzjoni daqstant diskrezzjonali li ma jkunx jista’ jiġi kkunsidrat li huwa proporzjonali meta mqabbel mal-għanijiet mixtieqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 52, u tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 92).

91      Finalment, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 86(2) KE, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Arikolu 86(1), tippermetti li jiġi ġġustifikat l-għoti, minn Stat Membru, lil impriża inkarigata bit-tmexxija ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, drittijiet speċjali jew esklużivi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, sa fejn it-twettiq tal-missjoni partikolari li tkun ingħatatilha jkun jista’ jiġi żgurat biss bl-għoti ta’ dawn id-drittijiet u sa kemm l-iżvilupp tal-kummerċ ma jkunx milqut b’mod kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni (sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2001, TNT Traco, C‑340/99, Ġabra p. I‑4109, punt 52; tat-18 ta’ Diċembru 2007, Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia, C‑220/06, Ġabra. p. I‑12175, punt 78, u tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius, C‑567/07, Ġabra p. I‑9021, punt 44).

92      Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex l-għan tad-dispożizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressqa kontra r-Repubblika Portugiża.

93      Fil-fatt, hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet l-imsemmija ma jirrigwardawx l-għoti ta’ drittijiet speċjali jew esklussivi lil GALP, u lanqas il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ din tal-aħħar bħala servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali, iżda jirrigwardaw il-legalità tal-għoti, lill-Istat Portugiż, fil-kwalità tiegħu bħala azzjonist ta’ din il-kumpannija, ta’ drittijiet speċjali relatati ma’ azzjonijiet privileġġati miżmuma minn dan tal-aħħar fil-kapital azzjonarju ta’ GALP.

94      F’kull każ, peress li Stat Membru għandu jesponi b’mod ċirkostanzjat ir-raġunijiet għalfejn, fil-każ ta’ tneħħija tal-miżuri inkriminati, it-twettiq, f’kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli, tal-missjonijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li impriża tkun ġiet inkarigata bihom huwa, f’għajnejh, indiskussjoni (sentenza tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82), ir-Repubblika Portugiża bl-ebda mod ma spjegat għalfejn dan kien il-każ f’din il-kawża.

95      Minn dan isegwi li l-Artikolu 86(2) KE ma japplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni, u għaldaqstant ma jistax jiġi invokat mir-Repubblika Portugiża bħala ġustifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni peress li dawn jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital stabbilit mit-Trattat.

96      B’hekk, l-argument ibbażat fuq l-Artikolu 86(2) KE għandu wkoll jiġi miċħud.

97      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi żamm fi ħdan GALP drittijiet speċjali bħal dawk stabbiliti f’dan il-każ mil-LQP, mid-Digriet Legali Nru 261-A/99 u mill-istatut ta’ din il-kumpannija favur l-Istat Protugiż u entitajiet pubbliċi oħra, mogħtija b’relazzjoni ma’ azzjonijiet privileġġati miżmuma minn dan l-Istat Membru fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija msemmija, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE.

 Fuq in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 43 KE

98      Fir-rigward tat-talba tal-Kummissjoni sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li r-Repubblika tal-Portugall għandha taħt l-Artikolu 43 KE, biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn il-miżuri nazzjonali inkwistjoni jimplikaw restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment, tali restrizzjonijiet huma l-konsegwenza diretta tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-kapital eżaminati iktar ’il fuq, li ma jistgħux jiġu separati minnhom. Għaldaqstant, peress li ġie kkonstatat ksur tal-Artikolu 56(1) KE, ma huwiex neċessarju li l-imsemmija miżuri jiġu eżaminati b’mod separat fid-dawl tar-regoli tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, tat-13 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 86; Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, punt 43; tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 80, u tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 99).

 Fuq l-ispejjeż

99      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi żammet fi ħdan GALP Energia SGPS SA drittijiet speċjali bħal dawk stabbiliti f’dan il-każ mil-Liġi Nru 11/90, li tirrigwarda liġi qafas dwar il-privatizzazzjonijiet (Lei Nru 11/90, Lei Quadro das Privatizaçoes), tal-5 ta’ April 1990, mid-Digriet Legali Nru 261-A/99, li japprova l-ewwel fażi tal-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-kapital azzjonarju ta’ GALP – Petróleos e Gás de Portugal SGPS SA (Decreto-Lei nº 261-A/99 aprova a 1.ª fase do processo de privatização do capital social da GALP - Petróleos e Gás de Portugal, SGPS, SA), tas-7 ta’ Lulju 1999, u mill-istatut tal-kumpannija msemmija favur l-Istat Portugiż u entitajiet pubbliċi oħra, mogħtija flimkien ma’ azzjonijiet privileġġati (“golden shares”) miżmuma minn dan l-Istat fil-kapital azzjonarju tal-kumpannija msemmija, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE.

2)      Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Top