EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0196

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta' Ġunju 2011.
Paul Miles et. vs Écoles européennes.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Chambre de recours des écoles européennes.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru’ fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE - Bord tal-Appell tal-Iskejjel Ewropej - Sistema ta’ remunerazzjoni għall-għalliema sekondati fl-Iskejjel Ewropej - Nuqqas ta’ aġġustament tar-remunerazzjonijiet wara d-deprezzament tal-Lira Sterlina - Kompatibbiltà mal-Artikoli 18 TFUE u 45 TFUE.
Kawża C-196/09.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:388

Kawża C-196/09

Paul Miles et

vs

L-Iskejjel Ewropej

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mill-Bord tal-Appell tal-Iskejjel Ewropej )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru’ fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE — Bord tal-Appell tal-Iskejjel Ewropej — Sistema ta’ remunerazzjoni għall-għalliema ssekondati fl-Iskejjel Ewropej — Nuqqas ta’ aġġustament tar-remunerazzjonijiet wara d-deprezzament tal-Lira Sterlina — Kompatibbiltà mal-Artikoli 18 TFUE u 45 TFUE”

Sommarju tas-sentenza

Domandi preliminari — Rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja — Qorti nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE

(Artikolu 267 TFUE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal talba għal deċiżjoni preliminari mill-Bord tal-Appell tal-Iskejjel Ewropej.

Sabiex tiddetermina jekk organu ta’ rinviju għandux in-natura ta’ qorti jew tribunal skont l-Artikolu 267 KE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji, bħal jekk l-organu huwiex stabbilit mil-liġi, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċeduri quddiemu humiex inter partes, jekk l-organu japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk huwiex indipendenti.

Issa, minkejja li l-imsemmi Bord tal-Appell jissodisfa dawn l-elementi u għandu, għalhekk, jiġi kklassifikat bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, huwa ma jaqax, madankollu, kif indikat minn dan l-artikolu, taħt xi wieħed mill-Istati Membri iżda taħt l-Iskejjel Ewropej, li huma, kif stabbilit fl-ewwel u fit-tielet premessi tal-Konvenzjoni tal-Iskejjel Ewropej, sistema sui generis li toħloq, permezz ta’ ftehim internazzjonali, forma ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u bejnhom u l-Unjoni. Hija tikkostitwixxi organu ta’ organizzazzjoni internazzjonali li, minkejja l-kuntatti funzjonali li għandha mal-Unjoni, tibqa’ formalment distinta minnha u mill-Istati Membri tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li l-Bord tal-Appell kien obbligat li japplika l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni fil-każ li jieħu konjizzjoni ta’ kawża ma huwiex biżżejjed biex l‑imsemmi bord jiddaħħal fil-kunċett ta’ “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru” u b’hekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 267 tat‑TFUE.

(ara l-punti 37-39, 42, 43, 46 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Ġunju 2011 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kunċett ta’ ‘qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru’ fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE – Bord tal-Appell tal-Iskejjel Ewropej – Sistema ta’ remunerazzjoni għall-għalliema sekondati fl-Iskejjel Ewropej – Nuqqas ta’ aġġustament tar-remunerazzjonijiet wara d-deprezzament tal-Lira Sterlina – Kompatibbiltà mal-Artikoli 18 TFUE u 45 TFUE”

Fil-Kawża C‑196/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bord tal-Appell tal-Iskejjel Ewropej, permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Mejju 2009, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fit-29 ta’ Mejju 2009, fil-proċedura

Paul Miles et

vs

L-Iskejjel Ewropej,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur), J. Malenovský, U. Lõhmus, E. Levits, A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen, u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Miles et, minn S. Orlandi u J.-N. Louis, avukat,

–        għall-Iskejjel Ewropej, minn M. Gillet, avukat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers u J.‑P. Keppenne, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tas-16 ta’ Diċembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikoli 18 TFUE, 45 TFUE u 267 TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża ta’ 137 għalliema ssekondati mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta’ Fuq mal-iskejjel Ewropej dwar, minn naħa, ir-rifjut ta’ dawn tal-aħħar li jaġġustaw, għall‑perijodu ta’ qabel l-1 ta’ Lulju 2008, ir-remunerazzjoni tagħhom wara d-deprezzament tal-Lira Sterlina u, min-naħa l‑oħra, il-metodu ta’ kalkolu applikabbli minn dik id-data għall‑aġġustament tar-remunerazzjonijiet għall-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju tal‑muniti barra l-euro.

 Il-kuntest ġuridiku

 Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej

3        Il-ħolqien ta’ skejjel Ewropej oriġinarjament kien ibbażat fuq żewġ strumenti, jiġifieri, minn naħa, l‑Istatut tal-Iskola Ewropea, iffirmat fil‑Lussemburgu fit-12 ta’ April 1957 (Ġabra tat-Trattati tan‑Nazzjonijiet Uniti, Vol. 443, p. 129) u, min-naħa l-oħra, il-Protokoll tat-13 ta’ April 1962 dwar it-Twaqqif tal-Iskejjel Ewropej b’riferiment għall-Istatut tal‑Iskola Ewropea, iffirmat fil-Lussemburgu fit-12 ta’ April 1957 (Ġabra tat‑Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 752, p. 267).

4        Dawn l-istrumenti ġew issostitwiti fil-21 ta’ Ġunju 1994 bil-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 16. iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-Iskejjel Ewropej”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2002, liema strument huwa applikabbli bħalissa. Bil-kontra tal-istrumenti oriġinali, li tagħhom l-Istati Membri biss kienu partijiet, il-Konvenzjoni tal‑Iskejjel Ewropej kienet ukoll konkluża mill-Komunitajiet Ewropej, li ġew awtorizzati jagħmlu hekk mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/557 KE, tas-17 ta’ Ġunju 1994, li tawtorizza lill-Komunità Ewropea u l‑Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika biex tiffirma u tikkonkludi l-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 1, p. 14).

5        L-ewwel u r-raba’ premessi tal-Konvenzjoni tal‑Iskejjel Ewropej jipprovdu:

“waqt li kunsidraw li, għall-edukazzjoni flimkien tat-tfal ta’ l-impjegati tal-Komunitajiet Ewropej sabiex ikun żgurat il-funzjonament xieraq ta’ l-Istituzzjonijiet Ewropej, stabbilimenti bl-isem ta’ “Skola Ewropea”, ġew imwaqqfin mill-1957 ’il quddiem;

waqt li kunsidraw li l-Komunitajiet Ewropej huma ansjużi li jiżguraw edukazzjoni flimkien għal dawn it-tfal kollha u, għal dan il-għan, jagħmlu kontribuzzjoni għall-estimi ta’nfiq għall-iskejjel Ewropej;

waqt li kunsidraw li s-sistema ta’ l-Iskejjel Ewropej hija ‘sui generis’; waqt li kunsidraw li tikkostitwixxi forma ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u bejniethom u l-Komunitajiet Ewropej filwaqt li jirrikonoxxu bis-sħiħ ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għall‑kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva tagħhom, u għad-diversitá kulturali u lingwistika tagħhom;

waqt li kunsidraw li:

[...]

–        għandha tingħata protezzjoni legali xierqa kontra atti tal-Bord tal‑Gvernaturi jew Bordijiet Amministrattivi lill-għalliema kif ukoll persuni oħra koperti minnu; għal dan il-għan għandu jinħoloq Bord ta’ l-Ilmenti, b’ġurisdizzjoni strettanent limitata,

–        il-ġurisdizzjoni tal-Bord ta’ l-Ilmenti tkun mingħajr preġudizzju għall-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali rigward responsabbiltá ċivili u kriminali”.

6        Skont l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni tal-Iskejjel Ewropej, il-Bord tal‑Ilmenti [tal-Appell] tal-Iskejjel Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”) huwa, flimkien mal-Bord tal-Gvernaturi, mas-Segretarju Ġenerali, u mal-Bordijiet ta’ Spetturi, wieħed mill-organi komuni għall-iskejjel kollha.

7        Skont l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni tal-Iskejjel Ewropej, il-“Qorti tal‑Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha ġurisdizzjoni esklużiva f’tilwim bejn il-Partijiet Kontraenti rigward l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni li ma jkunx ġie solvut mill-Bord tal-Gvernaturi.”

8        L-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni tal-Iskejjel Ewropej jipprovdi li:

“1.       Qed jiġi b’dan stabbilit Bord ta’ l-Ilmenti.

2.       Il-Bord ta’ l-Ilmenti [Bord tal-Appell] jkollu ġurisdizzjoni esklużiva fil-prim’istanza u fl-aħħar istanza, wara li jkun sar użu mill-kanali kollha amministrattivi, f’kull tilwima li tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ din il‑Konvenzjoni għall-persuni kollha li huma koperti biha ħlief persunal amministrattiv u anċillari, u rigward il-legalità ta’ kull att ibbażat fuq il‑Konvenzjoni jew regoli magħmulin taħtha, li jaffettwaw ħażin dwak il‑persuni, mwettqa mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Bord Amministrattiv ta’ skola fl-eżerċizzju tassetgħat tagħhom kif speċifikat b’din il‑Konvenzjoni. Meta dan it-tilwim huwa ta’ tip finanzjarju, il-Bord ta’ l-Ilmenti jkollu ġurisdizzjoni bla limitu.

Il-kondizzjonijiet u r-regoli dettaljati li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn il-proċeduri għandhom jiġu stabbiliti, kif ikun xieraq, bir-Regolamenti tas-Servizzi għall-persunal tal-għalliema jew bilkondizzjonijiet għall‑għalliema part-time, jew bir-Regoli Ġenerali ta’ l-Iskejjel.

3.       Il-membri tal-Bord ta’ l-Ilmenti jkunu persuni li l-indipendenza tagħhom hi mingħajr l-ebda dubju u li huma magħrufa li huma kompetenti fil-liġi.

Dawk il-persuni biss li jkunu fuq lista li għandha ssir mill-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ikunu eleġibbli biex ikunu membri tal-Bord ta’ l-Ilmenti.

4.       L-Istatut tal-Bord ta’ l-Ilmenti jkun adottat mill-Bord tal‑Gvernaturi, li jaġixxu unanimament.

L-Istatut tal-Bord ta’ l-Ilmenti jiddetermina n-numru ta’ membri tal‑Bord, il-proċedura għall-ħatra tagħhom mill-Bord tal-Gvernaturi, kemm idumu fil-kariga tagħhom u l-ftehim finanzjarju applikabbli għalihom. L-Istatut għandu jispeċifika l-mod li bih il-Bord għandu jaħdem

5.       Il-Bord ta’ l-Ilmenti għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu, li għandu jkun fihom dawk id-dispożizzjonijiet li huma meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ l-Istatut.

Ir-regoli tal-proċedura jirrikjedu l-approvazzjoni unanima tal-Bord tal‑Gvernaturi.

6.       Id-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Ilmenti jorbtu lill-partijiet u, jekk dawn ta’ l-aħħar jonqsu milli jimplimentawhom, id-deċiżjonijiet għandhom jiġu infurzati mill-awtoritajiet rilevanti ta’ l-Istati Membri skond il-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.

7.       Tilwim ieħor li l-Iskejjel ikunu parti fih għandu jaqa’ taħt il‑ġurisdizzjoni nazzjonali. B’mod partikolari, il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali rigward materji ta’ responsabbiltà ċivili u kriminali mhix affettwata b’dan l-Artikolu.”

 L-Istatut tal-Bord tal-Appell tal-Iskejjel Ewropej

9        L-Artikolu 1 tal-Istatut tal-Bord tal-Appell tal-Iskejjel Ewropej (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Bord tal-Appell”) jistabbilixxi:

“1.       Il-Bord ta’ l-Appell [...] hu kompost minn sitt membri maħtura għal perjodu ta’ ħames snin.

2.       Il-Bord ta’ Tmexxija, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri, jaħtarhom fuq lista mħejjija għal dan l-għan mill-Qorti tal-Ġustizzja tal‑Komunitajiet Ewropej.

3.       Il-mandat tagħhom jista’ jiġġedded b’approvazzjoni taċita għall‑istess tul ta’ żmien, ħlief f’każ ta’ deċiżjoni mill-Bord ta’ Tmexxija approvata minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tiegħu.

[...]”

10      L-Artikolu 3 jipprovdi li l-“membri tal-Bord ta’ l-Appell, waqt il‑mandat tagħhom, ma jistgħux iwettqu lebda attività politika jew amministrattiva u l-ebda attività professjonali li mhix kompatibbli mad‑dmir tagħhom ta’ indipendenza u imparzjalità”

11      L-Artikolu 5 jipprovdi li “[m]embru tal-Bord ta’ l-Appell ma jistax jitneħħa mill-kariga tiegħu ħlief jekk il-membri l-oħra, imlaqqa’ f’sessjoni plenarja, jiddeċiedu, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi, li dan m’għadux jilħaq il-kundizzjonijiet meħtieġa.”

12      L-Artikolu 15 tal-Istatut jipprovdi:

“[...]

2.       L-ebda membru ma jista’ jieħu sehem fl-eżaminazzjoni ta’ każ li fih hu interessat personalment jew kien intervjena f’perjodu preċedenti bħala aġent jew konsulent ta’ parti jew persuna li għandha interess fil‑każ, kemm bħala membru ta’ tribunal, f’kummissjoni ta’ inkjesta jew f’kwalunkwe pożizzjoni oħra.

3.       Jekk membru ma jistax jieħu sehem f’każ għal waħda minn dawn irraġunijiet jew għal raġuni speċjali, hu jinforma lill-President tal-Bord ta’ l-Appell b’din ir-raġuni li jagħtih permess biex ma jattendix għas‑seduta partikolari u, fil-każ ta’ bżonn, jassigura li postu jimtela minn membru ieħor.

4.       Jekk il-President tal-Bord ta’ l-Appell jew tas-Sezzjoni hu tal‑fehma liteżisti raġuni li għaliha membru m’għandux jipparteċipa f’każ partikolari, hu għandu jesprimi l-opinjoni tiegħu mal-membru interessat; f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil, id-deċiżjoni tittieħed mill-Bord jew mis-sezzjoni. Wara li jkunu semgħu lill-membru kkonċernat, il-Bord jew is-sezzjoni jieħdu vot li għalih hu ma jattendix. Fil-każ fejn il-Bord jew is-sezzjoni jiddeċiedu li ma jistax jieħu sehem, il-Bord ta’ l-Appell jipproċedi eventwalment biex membru differenti jeħodlu postu.”

 Ir-Regolamenti tal-Membri tal-Persunal Issekondat tal-Iskejjel Ewropej

13      Ir-Regolamenti tal-Membri tal-Persunal Issekondat tal-Iskejjel Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal Issekondat”) ġie adottat mill-Bord tal-Gvernaturi bis-saħħa tal-kompetenza mogħtija lilu f’dan ir-rigward mill‑Konvenzjoni tal-Iskejjel Ewropej.

14      Fil-verżjoni tiegħu applikabbli bejn Ottubru 2004 sat-30 ta’ Ġunju 2008, l-Artikolu 49 tar-Regolamenti tal-Persunal Issekondat kien jipprevedi:

“1.       Taħt il-kundizzjonijiet speċifikati f’dan il-Kapitolu, u bla ħsara għal dispożizzjonijiet espressament kuntrarji, impjegat għandu jkun intitolat għar‑remunerazzjoni li tmiss lill-kariga tiegħu u lill‑livell fl-iskala tas-salarju tiegħu għal kariga bħal dik, kif stipulat fl‑Anness III ta’ dawn ir-Regolamenti.

2. (a) L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iħallsu s-salarju nazzjonali lill-impjegat u għandhom jinformaw lid-Direttur tal‑iskola bl‑ammonti mħallsa, billi jispeċifikaw il-komponenti kollha li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu, inkluż it‑tnaqqis obbligatorju tas-sigurtà soċjali u tat-taxxi.

(b)      L-iskola għandha tħallas id-differenza bejn, minn naħa, ir‑remunerazzjoni prevista f’dawn ir-Regolamenti u, min-naħa l‑oħra, il-valur tal‑kambju tas-salarju nazzjonali kollu, barra t‑tnaqqis obbligatorju tas-sigurtà soċjali. Dan il-valur tal-kambju għandu jiġi kkonvertit fil-munita tal-pajjiżi li fih l-impjegat iwettaq dmirijietu, abbażi tar-rati tal-kambju użati għas-salarji tal‑uffiċjali tal‑Komunitajiet Ewropej.

Jekk il-valur tal-kambju jkun ogħla mir-remunerazzjoni stipulata f’dawn ir-Regolamenti għal sena kalendarja, l-impjegat inkwistjoni huwa intitolat għad differenza bejn iż-żewġ somom.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15      Il-kummentarju tal-Artikolu 49(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal Issekondat jippreċiża li:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-Uffiċjali Komunitarji jipprevedu li jadottaw bħala prezz ta’ riferiment, għall-muniti għajr l‑Euro, il-baġit attwali fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju tas-sena kkonċernata. Hija din rata ta’ riferiment li hija użata għall-konverżjoni tar-remunerazzjoni f’Euro”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      Fix-xahar ta’ Ottubru 2008, il-Bord tal-Gvernaturi ddeċieda li jemenda, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2008, l-Artikolu 49(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal Issekondat billi daħħal, bejn it-tieni u t-tielet paragrafi ta’ din id-dispożizzjoni, il-paragrafu li ġej:

“Dawn ir-rati tal-kambju għandhom jiġu mqabbla mar-rati tal-kambju ta’ kull xahar fis-seħħ għall-implimentazzjoni tal-estimi. Jekk ikun hemm differenza ta’ 5 % jew iżjed f’waħda jew f’iżjed mill-muniti mqabbla mar-rati tal-kambju użati sa issa, għandu jsir aġġustament minn dak ix-xahar. Jekk il-livell tal-attivazzjoni ma jintlaħaqx, ir-rati tal-kambju għandhom jiġu aġġornati mhux iżjed tard minn meta jkunu għaddew sitt xhur.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17      L-Artikolu 79 tar-Regolamenti tal-Persunal Issekondat jipprovdi li jista’ jsir ilment amministrattiv lis-Segretarju Ġenerali. Kontra deċiżjoni espliċita jew impliċita ta’ ċaħda adottata minnu, jista’ jitressaq appell amministrattiv skont l-Artikolu 80 tal-imsemmija regolamenti, li tagħhom l-ewwel paragrafu jipprevedi:

“Il-Bord tal-Appell għandu jkollu l-kompetenza esklużiva fl-ewwel u fl‑aħħar istanza fuq kwalunkwe tilwima bejn l-organi amministrattivi tal-Iskola u l-impjegati f’dak li għandu x’jaqsam mal-legalità ta’ att li tkun affettwathom b’mod negattiv. Meta kawża bħal din turi natura pekunjarja, il-Bord tal-Appell għandu ġurisdizzjoni sħiħa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18      Skont l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal Issekondat, l‑“interpretazzjoni tal-artikoli ta’ dawn ir-regolamenti fir-rigward tal‑artikoli tal-Istatut tal-uffiċjali Komunitarji għandha ssir skont il‑kriterji applikati mill-Kummissjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      P. Miles, kif ukoll il-136 rikorrent l-ieħor fil-kawża prinċipali huma għalliema ssekondati mir-Renju Unit f’waħda mill-iskejjel Ewropej. Skont l-Artikolu 49 tar-Regolamenti tal-Persunal Issekondat, huma jirċievu, minn naħa, is-salarji nazzjonali mħallsa mill-awtoritajiet tar‑Renju Unit u, min-naħa l-oħra, suppliment, li jammonta għad‑differenza bejn ir-remunerazzjoni prevista minn dawn ir-regolamenti u l-valur tal-kambju tas-salarji nazzjonali mnaqqsa bil‑kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali, li jitħallsu mill-Iskola Ewropea (iktar ’il quddiem is-“suppliment Ewropew”).

20      Għall-perjodu li jmur mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008, is‑suppliment Ewropew kien ikkalkolat – skont l-Artikolu 49(2)(b) tar‑Regolamenti tal-Persunal Issekondat fil-verżjoni tiegħu applikabbli għal dan il-perjodu – billi tittieħed id-differenza bejn, minn naħa, ir‑remunerazzjoni prevista minn dawn ir-regolamenti, u min-naħa l-oħra, il-valur tal-kambju tas-salarji nazzjonali espress f’Lira Sterlina u kkonvertit abbażi tar-rata ta’ kambju applikata mill-Komunità Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2007.

21      Mix-xahar ta’ Ottubru 2007, il-Lira Sterlina ġiet deprezzata ħafna. Din tal-aħħar madankollu ma tteħditx inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tas‑suppliment Ewropew tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali qabel l-1 ta’ Lulju 2008, peress li r-rata tal-kambju applikata għall-ħlas tas-salarji tal-uffiċjali tal‑Komunitajiet Ewropej, li għaliha tirreferi din id-dispożizzjoni, tiġi adattata darba biss fis-sena.

22      P. Miles u r-rikorrenti l-oħra fil-kawża prinċipali ppreżentaw, bejn il-15 ta’ April u l-20 ta’ Mejju 2008, ilmenti amministrattivi quddiem is‑Segretarju Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej fejn talbu li r-rata ta’ konverżjoni tal-Lira Sterlina għandha tiġi rriveduta u li s-supplimenti Ewropej għandhom jerġgħu jiġu kkalkolati mix-xahar ta’ Novembru 2007. Peress li dawn ir-rikorsi ġew miċħuda b’mod impliċitu mill-imsemmi Segretarju Ġenerali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw, rispettivament fil-15 ta’ Diċembru 2008 u fid-9 ta’ Jannar 2009, rikorsi għal annullament quddiem il-Bord tal-Appell, filwaqt li talbu, barra minn hekk, kumpens għall-perjodu tax-xahar ta’ Novembru 2007 sax-xahar ta’ Ġunju 2008. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti qajmu b’mod partikolari, permezz ta’ eċċezzjoni, l-illegalità tal-Artikolu 49(2)(b) tar‑Regolamenti tal-Persunal Issekondat fid-dawl tal-Artikoli 12 KE u 39 KE.

23      F’Ottubru 2008, il-Bord tal-Gvernaturi tal-Iskejjel Ewropej emenda l‑Artikolu 49(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal Issekondat b’tali mod li r‑rata ta’ konverżjoni tkun tista’ tiġi rriveduta b’mod iktar flessibbli meta jkun hemm varjazzjonijiet kbar fil-kambju tal-muniti tal-Istati Membri li jinsabu barra miż‑żona Euro. Id-dħul fis-seħħ ta’ din l‑emenda ġie stabbilit għall-1 ta’ Lulju 2008, inkwantu applikazzjoni retroattiva kienet tirriżulta fi spejjeż kbar u kienet timplika obbligu ta’ rimbors tas-suppliment Ewropew żejjed, li jkun tħallas lill‑membri tal‑persunal issekondat, minn dawk l‑Istati Membri fejn il-munita tkun ġiet rivalutata.

24      Il-Bord tal-Appell jirrileva li s-sistema ġuridika tal-skejjel Ewropej hija sui generis u hija distinta kemm minn dik tal-Komunitajiet u tal‑Unjoni Ewropea kif ukoll minn dik tal-Istati Membri, filwaqt li twettaq xi forma ta’ kooperazzjoni bejniethom. Hija tippreċiża li minn dan jista’ jiġi dedott li, anki jekk l-istrumenti nazzjonali jew internazzjonali li l‑Iskejjel Ewropej ma humiex huma nfushom parti minnhom ma jistgħux legalment jimpenjaw dawn l-iskejjel bħala tali, il-prinċipji fundamentali li jinsabu f’dawn l-istrumenti jew li jagħmlu riferiment għalihom, peress li huma komunement irrikonoxxuti bħala legali kemm fl-UE kif ukoll fl‑Istati Membri, iridu għal inqas ikunu riferiment għall‑azzjoni ta’ korpi ta’ dawn l-iskejjel. Barra minn hekk, in-normi tad-dritt tal-UE li jirreferu speċifikament għat-testi meħuda b’applikazzjoni tal‑Konvenzjoni Ewropea tal-iskejjel huma applikabbli direttament fil-kuntest tal-iskejjel imsemmija.

25      Il-Bord tal-Appell jikkonstata li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti fil‑kawża prinċipali jistgħu jinvokaw, bħala eċċezzjoni, l-illegalità tal‑Artikolu 49(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal Issekondat skont l-Artikoli 12 KE u 39 KE.

26      Il-Bord tal-Appell josserva li, b’mod espress, il-Konvenzjoni dwar l-Iskejjel Ewropej tipprovdi biss li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza sabiex tiddeċiedi kwistjonijiet bejn il-partijiet kontraenti. Madankollu, tqum il-kwistjoni jekk, fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tal-UE li jistgħu jiġu invokati quddiemu, kif ukoll tar-regoli tad-dritt li għalihom jagħmlu riferiment id-dispożizzjonjiet applikati għal din il-Konvenzjoni, il-Bord tal-Appell jistax, għalkemm huwa parti minn sistema sui generis distinta kemm minn dik tal‑Komunità kif ukoll minn dik tal-Istati Membri, jitqies li huwa qorti li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 234 KE.

27      Il-Bord tal-Appell jenfasizza f’dan il-kuntest, li huwa ġie stabbilit minn konvenzjoni li tirrigwarda esklużivament il-Komunità u l-Istati Membri, sabiex tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja fil-qasam ta’ kompetenzi li ġew fdati lilu. Din il-konvenzjoni tipprovdi, barra minn hekk, li s-sentenzi tiegħu għandhom, jekk meħtieġ, jiġu eżegwiti mill‑awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u li l-kawżi li ma jaqgħux fil-ġurisdizzjoni tiegħu għandhom jinstemgħu mill-qrati nazzjonali. Ikun, għaldaqstant, paradossali li dawn tal-aħħar biss ikunu jistgħu jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta’ kontroversja li tirrigwarda l‑iskejjel Ewropej. Fl-aħħar nett, il-possibbiltà tal-Bord tal-Appell li jagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkorrispondi mal-għan imsemmi fl-Artikolu 234 KE, li huwa dak li jissalvagwardja l‑interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-UE.

28      Fir-rigward tal-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-Artikolu 49(2)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal Issekondat huwiex kompatibbli mal-Artikoli 12 KE u 39 KE, il-Bord tal-Appell iqis li r-risposta li għandha tingħata tippreżenta xi diffikultajiet. Hija tirrileva li, peress li d-dispożizzjoni kontestata ġiet emendata biss mill-1 ta’ Lulju 2008, tmien xhur wara d-deprezzament kbir ikkonstatat tal-Lira Sterlina, l-għalliema ssekondati mir-Renju Unit kienu b’hekk żvantaġġjati għall-kalkolu tas-salarji qabel dik id-data. Il-fatt li għalliema ssekondati minn Stati Membri oħra kienu ġew ivvantaġġjati min-nuqqas ta’ aġġustament tar-remunerazzjoni qabel dik id-data minħabba r-rivalutazzjoni tal‑munita ta’ dawn il-pajjiżi ma jistax, jiġġustifika l-pożizzjoni tal‑iskejjel Ewropej, li kellu bħala effett li jaggrava l-inugwaljanza ta’ trattament bejn l-għalliema kkonċernati. Skont il-Bord tal-Appell, sitwazzjoni bħal din tidher li tmur kontra mhux biss il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u nondiskriminazzjoni abbażi taċ-ċittadinanza, iżda tidher ukoll li ta’ natura li tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal‑ħaddiema.

29      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Bord tal-Appell iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       L-artikolu 234 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti bħal ma hija l-Bord tal-Appell, imwaqqaf bl-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni li tiddefinixxi l-Istatut tal-Iskejjel Ewropej, jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u, peress li huwa jiddeċiedi fl-aħħar istanza, huwa marbut li jagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja?

2)       Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikoli 12 u 39 tat-Trattat KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ ħlas tas-salarju bħal dik fis-seħħ fl-iskejjel Ewropej, liema sistema, filwaqt li tirreferi espressament għal dik tal-uffiċjali Komunitarji, ma tippermettix li jittieħed kompletament inkunsiderazzjoni, anki b’mod retroattiv, id-deprezzament ta’ valuta li twassal għat-telf tal-poter tal-akkwist għall-għalliema ssekondati mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat?

3)       Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, differenza fis-sitwazzjoni kif ikkonstatata bejn, minn naħa, l-għalliema ssekondati fl-iskejjel Ewropej, li s-salarju tagħhom huwa kopert fl-istess ħin mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom u mill-iskola Ewropea li fiha jgħallmu u, min-naħa l-oħra, l-uffiċjali tal-Komunità Ewropea, li s-salarju tagħhom huwa kopert esklużivament minnha, tista’ tiġġustifika, fid-dawl tal-prinċipji li jinsabu fl-artikoli ċċitati iktar ’il fuq u filwaqt li r-regolamenti [tal-persunal issekondat fl-iskejjel Ewropej] jirreferi espressament għal dak tal-uffiċjali Komunitarji, li r-rati tal-kambju użati sabiex tiġi żgurata ż-żamma tal-poter tal-akkwist ma jkunux l-istess?”

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Osservazzjonijiet issottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

30      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li l‑Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa quddiemha mill-Bord tal-Appell u li dan tal‑aħħar ma huwiex biss intitolat li jġib għall-konjizzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari skont l-Artikolu 234(3) KE, iżda li għandu l-obbligu li jagħmel tali rinviju. Bil-kontra, l-iskejjel Ewropej għandhom il-pożizzjoni opposta u jipproponu, għalhekk, li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda.

31      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jsostnu li l-Bord tal-Appelli jissodisfa l‑kriterji kollha użati sabiex korp jiġi kkwalifikat bħala “qorti” skont l-Artikolu 234 KE, kif stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, il‑Bord tal-Appell għandu bażi legali, huwa stabbilit b’mod permanenti, il-membri tiegħu jipprovdu l-garanziji kollha ta’ indipendenza, id-deċiżjonijiet tiegħu huma vinkolanti, hija tapplika r‑regoli tad-dritt u proċedura simili għal dik segwita fil-qrati ordinarji, liema regoli jissodisfaw il-prinċipju ta’ kontradittorju. Il-Kummissjoni żżid li l‑Bord tal-Appell għandu, f’dan il-każ, funzjoni ġudizzjarja billi jaqta’ kawża bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-iskejjel Ewropej bħala dak li jimpjega.

32      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jikkunsidraw li, anki jekk il-Bord tal‑Appell ma jaqax direttament taħt Stat Membru partikolari, huwa għandu jiġi assimilat bħala “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru” fis-sens tal-Artikolu 234 KE. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt diġà rrikonoxxiet, fis-sentenza tal-4 ta’ Novembru 1997, Parfums Christian Dior (C-337/95, Ġabra p. I-6013, punti 20-26), li qorti komuni għal diversi Stati Membri tista’ tressaq domandi preliminari. Hija bbażat din is-soluzzjoni fuq interpretazzjoni teleoloġika tal‑Artikolu 234 KE, fid-dawl tal-għan ta’ salvagwardja tal‑uniformità tal‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li fuqu hija bbażata din id‑dispożizzjoni. Din is-soluzzjoni għandha tkun applikabbli wkoll fir‑rigward tal-Bord tal-Appell, li għandu jitqies li huwa qorti komuni għall-Istati Membri kollha u għall-Unjoni li għandu japplika d‑dritt tal-Unjoni bħalma jagħmlu l-qrati nazzjonali. Il-fatt li jiġi permess lill-Bord tal-Appell, meta huwa jkollu jinterpreta d-dritt tal‑Unjoni, li jagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal‑Ġustizzja huwa konformi, b’mod partikolari, mal-għan ta’ salvagwardja tal-interpretazzjoni uniformi tal-imsemmi dritt.

33      Il-Kummissjoni tagħraf li, tassew, kwalunkwe qorti internazzjonali tista’ tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rinviju għal deċiżjoni preliminari unikament għar-raġuni li din tapplika r-regoli tad‑dritt tal-Unjoni. F’dan il-każ, madankollu, dan huwa l-każ partikolari ta’ qorti komuni għall-Istati Membri kollha, li tissostitwixxi l-qrati nazzjonali, li kieku kien ikollhom ġurisdizzjoni awtomatikament. Ir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li ma jistax jiġi aċċettat li l‑Istati Membri jaħarbu mill-obbligu tagħhom li jirriżulta mit-trattati bil-konklużjoni tal-Konvenzjoni tal-Iskejjel Ewropej, li, barra minn hekk, kjarament ma hijiex intiża li tnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni.

34      Il-Kummissjoni u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, sa fejn l‑Unjoni hija parti mill-Konvenzjoni tal-Iskejjel Ewropej, din tal-aħħar kif ukoll id-dritt kollu li jirriżulta minnha huma parti integrali mid-dritt tal-Unjoni. L-imsemmija rikorrenti minn dan jiddeduċu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex taqta’ kwistjonijiet preliminari kemm dwar il‑Konvenzjoni kif ukoll dwar ir-Regolamenti tal‑Persunal Issekondat.

35      L-iskejjel Ewropej jikkunsidraw li mill-Artikolu 27 tal‑Konvenzjoni tal-Iskejjel Ewropej jirriżulta li l-Bord tal-Appell huwa qorti. Madankollu, ma huwiex, manifestament, qorti nazzjonali. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet testendi, b’mod partikolari fis-sentenza Parfums Christian Dior, iċċitata aktar ’il fuq, il-kunċett ta’ qorti nazzjonali għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux, kien minħabba l-fatt li hemm, fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Issa, ir-Regolamenti tal-Persunal Issekondat jista’ jitqies li huwa ma huwiex qasam li għalih hemm leġiżlazzjoni tal-Unjoni, iżda sempliċement bħala espressjoni tal-abbandun tal‑kompetenzi tal-Istati Membri favur il-korpi tal-Iskejjel Ewropej sabiex dawn tal-aħħar jorganizzaw ir-relazzjonijiet tagħhom mal‑għalliema li jitqegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom. Barra minn hekk, it-talba lill-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Benelux fil-qasam tat-trade marks kien jirigwarda kwistjoni fil-kawżi pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, filwaqt li ma teżisti l‑ebda rabta bejn il-funzjoni ġudizzjarja eżerċitata mill-Bord tal‑Appell u dik eżerċitata mill-qrati nazzjonali. Is-sempliċi fatt li l‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tista’ tintalab permezz tal-qrati nazzjonali, f’dan ir-rigward, hija irrilevanti.

36      L-iskejjel Ewropej jikkunsidraw li r-rabtiet, ovvjament mill-qrib, li għandhom mal-Unjoni ma humiex biżżejjed biex ir-Regolamenti tal‑Persunal Issekondat jitqiesu li huma parti mid-dritt tal-Unjoni. Anki jekk jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Bord tal-Appell li l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u moviment liberu tal-ħaddiema huma fatturi fundamentali li magħhom il-korpi tal-Iskejjel Ewropej, inklużi l-Bord tal-Appell għandhom jikkonformaw ruħhom, ma jistax jiġi madankollu dedott li r-regolamenti adottati mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Iskejjel Ewropej għandhom jiġu assimilati fid-dritt tal-Unjoni. Id‑domandi li tressqu jirrigwardaw biss ir-relazzjonijiet bejn l-iskejjel Ewropej mal-persunal issekondat tagħhom, mingħajr ma hemm rabta diretta mad-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni sabiex twieġeb talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bord tal-Appell minħabba nuqqas ta’ rabta suffiċjenti ma’ dan id-dritt.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37      Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, sabiex jiġi evalwat jekk il-korp li qed jagħmel ir-rinviju għandux karatteristiċi ta’ “qorti” skont l‑Artikolu 267 TFUE, kwistjoni din li hija rregolata biss mid-dritt tal‑Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqis numru ta’ fatturi, bħall‑kwistjoni ta’ jekk il-korp huwiex stabbilit mil-liġi, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontenzjuża tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-korp, tar-regoli ta’ dritt, kif ukoll l-indipendenza tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult, C-54/96, Ġabra p. I-4961, punt 23, tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et, C-53/03, Ġabra p. I-4609, punt 29, tal-14 ta’ Ġunju 2007, Häupl, C-246/05, Ġabra p. I-4673, punt 16, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2010, Koller, C-118/09, Ġabra p. I‑0000, punt 22).

38      Jekk il-Bord tal-Appell jissodisfa, kif ġie osservat mill-partijiet kollha li intervenew f’din il-kawża, ir-rekwiżiti kollha u għalhekk għandu jiġi kklassifikat bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, għandu madankollu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tirreferi għal “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru”.

39      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma jaqax taħt “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru”, iżda taħt l-iskejjel Ewropej, li huma, kif jingħad fl‑ewwel u t-tielet premessi tal-Konvenzjoni tal‑Iskejjel Ewropej, sistema “sui generis”; li tikkostitwixxi forma ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u bejniethom u l-Unjoni sabiex jiżguraw, għall-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet Ewropej, l‑edukazzjoni komuni tat-tfal tal‑impjegati ta’ dawn l‑istituzzjonijiet.

40      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 21 tas-sentenza Parfums Christian Dior, iċċitata aktar ’il fuq, invokata mir-rikorrenti u mill-Kummissjoni, li ma hemm ebda raġuni valida li tiġġustifika li qorti komuni għal diversi Stati Membri, kif inhi l-Qorti tal‑Ġustizzja tal‑Benelux, ma tkunx tista’ tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-istess mod bħall-qrati fi ħdan kull wieħed minn dawn l‑Istati Membri.

41      Madankollu, il-Bord tal-Appell ma huwiex tali qorti komuni għal diversi Stati Membri, paragunabbli mal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑Benelux. Fil‑fatt, filwaqt li, minn naħa, din tal-aħħar hija responsabbli biex tiżgura konsistenza fl-applikazzjoni ta’ regoli legali komuni għat-tliet pajjiżi tal-Benelux u li, min-naħa l-oħra, il-kawża quddiemha hija kwistjoni fi proċeduri pendenti quddiem qorti nazzjonali, li wara l-eżitu tagħha tista’ tiġi stabbilita interpretazzjoni finali ta’ regoli legali komuni fil‑Benelux (ara s-sentenza Parfums Christian Dior, punt 22), il-Bord tal-Appell ma għandux tali konnessjonijiet mas-sistemi ġudizzjarji tal‑Istati Membri.

42      Barra minn hekk, jekk il-Bord tal-Appell kien maħluq mill-Istati Membri u mill-Unjoni flimkien, jibqa’ l-fatt li dan huwa korp ta’ organizzazzjoni internazzjonali li, minkejja l-kuntatti funzjonali li għandu mal-Unjoni, jibqa’ formalment distint minnha u minn dawk l‑Istati Membri.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li l-Bord tal-Appell kien obbligat li japplika l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni fil-każ li jieħu konjizzjoni ta’ kawża ma huwiex biżżejjed biex l‑imsemmi bord jiddaħħal fil-kunċett ta’ “qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru” u b’hekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 267 tat‑TFUE.

44      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni jqisu li l-possibbiltà, jew l-obbligu tal-Bord tal-Appell li jagħmel talba lill-Qorti tal‑Ġustizzja fil-kuntest ta’ kawża bħal din huwa indispensabbli biex tiġi żgurata l-interpretazzjoni uniformi ta’ dawk il-prinċipji u r-rispett effettiv tad-drittijiet tal-għalliema ssekondati li jirriżultaw minnhom.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, jekk evoluzzjoni fid-direzzjoni murija fil-punt preċedenti, tas-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Konvenzjoni tal-Iskejjel Ewropej hija ċertament possibbli, huma l-Istati Membri li għandhom jirriformaw is-sistema fis‑seħħ fil-preżent (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C‑50/00 P Ġabra p. I‑6677, punti 44 u 45).

46      Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni tirrispondi għal talba għal deċiżjoni preliminari mill‑Bord tal-Appell tal-Iskejjel Ewropej.

 Fuq l-ispejjeż

47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tirrispondi għal talba għal deċiżjoni preliminari mill Bord tal-Appell tal-Iskejjel Ewropej.

Firem


*Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top