This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CJ0159
Judgment of the Court (Fourth Chamber) of 18 November 2010.#Lidl SNC v Vierzon Distribution SA.#Reference for a preliminary ruling: Tribunal de commerce de Bourges - France.#Directives 84/450/EEC and 97/55/EC - Conditions under which a comparative advertising is permitted - Price comparison based on selection of food products marketed by two competing retail store chains - Goods meeting the same needs or intended for the same purpose - Misleading advertising - Comparison based on a verifiable feature.#Case C-159/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-18 ta' Novembru 2010.
Lidl SNC vs Vierzon Distribution SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal de commerce de Bourges - Franza.
Direttivi 84/450 u 97/55/KE - Kundizzjonijiet li taħthom ir-reklamar komparattiv huwa permess - Paragun ta’ prezzijiet li jirrigwardaw għażla ta’ prodotti tal-ikel mibjugħa miż-żewġ sensieli ta’ ħwienet kompetituri - Oġġetti li jservu l-istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan - Reklamar qarrieqi - Paragun li jirrigwarda karatteristika verfikabbli.
Kawża C-159/09.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-18 ta' Novembru 2010.
Lidl SNC vs Vierzon Distribution SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunal de commerce de Bourges - Franza.
Direttivi 84/450 u 97/55/KE - Kundizzjonijiet li taħthom ir-reklamar komparattiv huwa permess - Paragun ta’ prezzijiet li jirrigwardaw għażla ta’ prodotti tal-ikel mibjugħa miż-żewġ sensieli ta’ ħwienet kompetituri - Oġġetti li jservu l-istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan - Reklamar qarrieqi - Paragun li jirrigwarda karatteristika verfikabbli.
Kawża C-159/09.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-11761
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:696
Kawża C-159/09
Lidl SNC
vs
Vierzon Distribution SA
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-
Tribunal de commerce de Bourges)
“Direttivi 84/450/KEE u 97/55/KE — Kundizzjonijiet ta’ legalità tar-reklamar komparattiv — Paragun ta’ prezzijiet li jirrigwardaw għażla ta’ prodotti tal-ikel ikkumerċjalizzati miż-żewġ ktajjen ta’ ħwienet kompetituri — Oġġetti li jservu l-istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan — Reklamar qarrieqi — Paragun li jirrigwarda karatteristika verfikabbli”
Sommarju tas-sentenza
1. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Reklamar qarrieqi u reklamar komparattiv — Direttiva 84/450 — Reklamar komparattiv — Kundizzjonijiet ta’ legalità
(Direttiva tal-Kunsill 84/450, Artikolu 3a(1)(b))
2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Reklamar qarrieqi u reklamar komparattiv — Direttiva 84/450 — Reklamar komparattiv — Kundizzjonijiet ta’ legalità
(Direttiva tal-Kunsill 84/450, Artikolu 3a(1)(a))
3. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Reklamar qarrieqi u reklamar komparattiv — Direttiva 84/450 — Reklamar komparattiv — Kundizzjonijiet ta’ legalità
(Direttiva tal-Kunsill 84/450, Artikolu 3a(1)(ċ))
1. L-Artikolu 3a(1)(b) tad‑Direttiva 84/450 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv, kif emendata bid-Direttiva 97/55, għandu jiġi intepretata fis-sens li l-fatt biss li l-prodotti tal-ikel jiddifferenzjaw fir-rigward tal‑fatt li dawn jittieklu u rigward il-gost li jesperjenzaw il-konsumaturi waqt li jiekluhom, skont il-kundizzjonijiet u l-post ta’ produzzjoni tagħhom, l‑ingredjenti tagħhom u l-identità tal-produttur tagħhom, ma huwiex ta’ natura li jeskludi li l‑paragun ta’ tali prodotti jista’ jissodisfa r-rekwiżit stabbilit bl-imsemmija dispożizzjoni u jeħtieġ li dawn il-prodotti jservu l‑istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan, jiġifieri li jippreżentaw bejniethom livell suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà. Fil-fatt, interpretazzjoni tal‑Artikolu 3a(1)(b) tad‑Direttiva 84/450, fis-sens li jipprojbixxi r‑reklamar komparattiv li jirrigwarda prodotti tal‑ikel sakemm dawn il‑prodotti ma humiex identiċi ma tirriżulta mkien mill‑formulazzjoni tal‑imsemmija dispożizzjoni u timplika, permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal‑kundizzjoni li taħtha r‑reklamar komparattiv ikun permess, limitazzjoni kunsiderevoli tal‑portata tagħha. Għalhekk, li jiġi deċiż li ħlief jekk ikunu identiċi żewġ prodotti tal‑ikel ma jistgħux jitqiesu paruganabbli fis‑sens tal‑Artikolu 3a(1)(b) tad‑Direttiva 84/450 tkun qed tiġi eskluża kull possibbiltà effettiva ta’ reklamar komparattiv għal dak li jirrigwarda kategorija partikolarment importanti ta’ oġġetti tal‑konsum, u dan irrispettivament mill‑perspettiva ta’ paragun magħmul.Għaldaqstant l-eżitu ta’ tali interpretazzjoni jmur kontra ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal‑Ġustizzja li tipprovdi li l‑kundizzjonijiet mitluba għar‑reklamar komparattiv għandhom jiġu interpretati fis‑sens l‑iktar favorevoli għalihom.
Rigward l‑evalwazzjonijiet konkreti li jirrigwardaw l‑eżistenza ta’ livell suffiċjenti ta’ interkambjalità bejn il‑prodotti tal‑ikel li huma s‑suġġett tal‑paragun, huma jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal‑qorti nazzjonali.
(ara l-punti 34-40 u d-dispożittiv)
2. L-Artikolu 3a(1)(a) tad-Direttiva 84/450 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv, kif emendata bid-Direttiva 97/55, għandu jiġi interpretat fis-sens li reklamar li jirrigwarda l-paragun tal-prezzijiet ta’ prodotti li jittieklu kkumerċjalizzati minn żewġ ktajjen ta’ ħwienet kompetituri jista’ jkun qarrieqi, b’mod partikolari:
– jekk ikun ikkonstatat, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi rilevanti ta’ din il‑kawża, u partikolarment tal‑indikazzjonijiet jew tal‑omissjonijiet li jakkompanjaw dan ir‑reklamar, li d‑deċiżjoni ta’ xiri ta’ numru sinjifikattiv ta’ konsumaturi li lilhom huwa indirizzat tista’ tittieħed bil‑fehma żbaljata li l‑għażla ta’ prodotti magħmula minn min jirreklama tirrappreżenta l‑livell ġenerali tal‑prezzijiet tiegħu meta mqabbla ma’ dak tal‑kompetitur tiegħu li, għaldaqstant, dawn il-konsumaturi jiffrankaw bil-mod kif iddikjarat mill‑imsemmi reklamar billi jixtru regolarment oġġetti tal‑ikel ta’ kuljum mingħand min jirreklama pjuttost milli mingħand l‑imsemmi kompetitur, jew ukoll bil‑fehma żbaljata li l‑prodotti kollha tal‑kompetitur huma irħas minn dawk tal‑kompetitur tiegħu, jew
– jekk ikun ikkonstatat li, għall‑finijiet ta’ paragun magħmul mill‑perspettiva esklużiva tal‑prezz, intgħażlu prodotti tal‑ikel li jippreżentaw għaldaqstant differenzi ta’ natura li tikkundizzjona b’mod sensibbli l‑għażla tal‑konsumatur medju, mingħajr ma l‑imsemmija differenzi jirriżultaw mir‑reklamar ikkonċernat.
(ara l-punt 56 u d-dispożittiv)
3. L‑Artikolu 3a(1)(ċ) tad‑Direttiva 84/450 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv, kif emendata bid-Direttiva 97/55, għandu jiġi intepretat fis‑sens li l‑kundizzjoni ta’ verifikabbiltà li tipprovdi l‑imsemmija dispożizzjoni teżiġi, fir‑rigward ta’ reklamar li jipparaguna l‑prezzijiet taż‑żewġ assortimenti ta’ oġġetti, li l‑oġġetti inkwistjoni jistgħu jiġu preċiżament identifikati abbażi tal‑informazzjoni li tinsab fl‑imsemmi reklamar.
Tali identifikazzjoni hija ta’ natura li tippermetti, skont l‑għan ta’ protezzjoni tal‑konsumaturi mfittex mid‑Direttiva 84/450, li d‑destinatarju ta’ tali messaġġ ikun jista’ jiżgura ruħu li ġie informat korrettament mill‑perspettiva tax‑xiri ta’ oġġetti tal‑ikel ta’ kuljum li huwa jkollu jagħmel.
Hija l‑qorti tar‑rinviju li għandha tivverifika jekk id‑deskrizzjoni tal‑prodotti pparagunati hijiex suffiċjentement preċiża sabiex tippermetti lill‑konsumatur jidentifika l‑prodotti li huma s‑suġġett tal‑paragun sabiex tiġi vverifikata l‑eżattezza tal‑prezzijiet li huma msemmija fir‑reklamar.
(ara l-punti 61,62, 64 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)
18 ta’ Novembru 2010 (*)
“Direttivi 84/450/KEE u 97/55/KE – Kundizzjonijiet ta’ legalità tar-reklamar komparattiv – Paragun ta’ prezzijiet li jirrigwardaw għażla ta’ prodotti tal-ikel ikkumerċjalizzati miż-żewġ ktajjen ta’ ħwienet kompetituri – Oġġetti li jservu l‑istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall‑istess għan – Reklamar qarrieqi – Paragun li jirrigwarda karatteristika verifikabbli”
Fil‑Kawża C‑159/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mit‑Tribunal de commerce de Bourges (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Marzu 2009, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fit‑8 ta’ Mejju 2009, fil‑proċedura
Lidl SNC
vs
Vierzon Distribution SA,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot, President ta’ Awla, K. Schiemann (Relatur), L. Bay Larsen, C. Toader u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tal‑1 ta’ Lulju 2010,
wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Lidl SNC, minn B. Braun, avukat,
– għal Vierzon Distribution SA, minn G. Schank u F. Reye, avukati,
– għall‑Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u S. Menez kif ukoll minn R. Loosli‑Surrans, bħala aġenti,
– għall‑Gvern Ċek, minn M. Smolek u D. Hadroušek, bħala aġenti,
– għall‑Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,
– għall‑Kummissjoni Ewropea, minn M. Van Hoof u W. Wils, bħala aġenti,
wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tas‑7 ta’ Settembru 2010,
tagħti l‑preżenti
Sentenza
1 It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 3a tad‑Direttiva tal‑Kunsill 84/450/KEE, tal‑10 ta’ Settembru 1984, dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 227) kif emendata bid‑Direttiva 97/55/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tas‑6 ta’ Ottubru 1997, li temenda d‑Direttiva 84/450/KEE dwar reklamar qarrieqi sabiex tinkludi reklamar komparattiv (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 15, Vol 3, p. 365, iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 84/450”).
2 Din it‑talba tressqet fil‑kuntest ta’ kawża bejn is‑SNC Lidl (iktar ’il quddiem “Lidl”) u Vierzon Distribution SNC (iktar ’il quddiem “Vierzon Distribution”) dwar reklamar iddistribwit fl‑istampa f’isem din il‑kumpannija tal‑aħħar.
Il‑kuntest ġuridiku
Il‑leġiżlazzjoni tal‑Unjoni
3 L‑Artikolu 1 tad‑Direttiva 84/450 jipprovdi li:
“Il‑għan ta’ din id‑Direttiva huwa li jipproteġi konsumaturi, persuni eżerċjenti f’sengħa jew negozju jew eżerċjenti f’okkupazzjoni jew professjoni u l‑interessi tal‑pubbliku in ġenerali kontra reklamar qarrieqi u l‑konsegwenzi inġusti tiegħu u biex jistipula l‑kondizzjonijiet li bihom reklamar komparattiv huwa permess.”
4 Skont l‑Artikolu 2(2) ta’ din id‑direttiva, reklamar qarrieqi jfisser:
“kull reklamar li, bi kwalunkwe mod, inkluż il‑preżentazzjoni tiegħu, iqarraq jew ikun hemm proababilta li jqarraq lill‑persuni li lejhom ikun ġie indirizzati jew li jasal għandhom u li, minħabba n‑natura qarrieqa tiegħu, jista’ jaffettwaw l‑imġieba ekonomika tagħhom jew li, għal dawk ir‑raġunijiet, jagħmel ħsara jew ikun hemm probabilta li jagħmel ħsara lill‑kompetitur”.
5 L‑Artikolu 2(2a) tal‑imsemmija direttiva jiddefinixxi r‑reklamar komparattiv kif ġej:
“kull reklamar li espliċitament jew b’deduzzjoni jidentifika kompetitur jew oġġetti jew servizzi offruti minn kompetitur”.
6 L‑Artikolu 3 tal‑istess direttiva jipprovdi:
“Biex jiġi stabbilit jekk reklamar huwiex qarrieqi, għandhom jiġu kkunsidrati l‑karatteristiċi tiegħu kollha, u b’mod partikulari kull informazzjoni li jkollu dwar:
a) il‑karatteristiċi tal‑merkanzija [oġġetti] jew servizzi, bħad‑disponibbiltà tagħhom, in‑natura, l‑eżekuzzjoni, l‑kompożizzjoni, il‑metodu u d‑data ta’ manifattura jew provvista, kemm huma adattati għall‑iskop, l‑użu, il‑kwantita, l‑ispeċifikazzjoni, l‑oriġini ġeografika jew kummerċjali jew ir‑riżultati li għandhom jistennew mill‑użu tagħhom, jew ir‑riżultati u l‑karatteristiċi materjali tat‑testijiet jew kontrolli imwettqa fuq il‑merkanzija [oġġetti] jew servizzi;
b) il‑prezz jew il‑manjiera li bihom l‑prezz jiġi kkalkolat, u l‑kondizzjonijiet li bihom il‑merkanzija [oġġetti] tkun pprovduti jew is‑servizzi jkunu mogħtija;
ċ) in‑natura, l‑attributi u d‑drittijiet ta’ min jagħmel ir‑reklamar, bħall‑identità u l‑assi tiegħu, il‑kwalifiki u l‑pussess ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali, kummerċjali jew intellettwali jew il‑premjijiet u d‑distinzjonijiet tiegħu”.
7 L‑Artikolu 3a(1) tad‑Direttiva 84/450 jipprovdi li:
“Reklamar komparattiv għandu, safejn jirrigwarda l‑paragun, ikun permess meta jissodisfa l‑kondizzjonijiet li ġejjin:
a) ma jkunx qarrieqi skond l‑Artikoli 2(2), 3 u 7(1);
b) jikkompara oġġetti jew servizzi li jissodisfaw [jservu] l‑istess ħtiġiet jew ikunu maħsuba għall‑istess skop [għan];
(ċ) jikkompara oġġettivament karatteristika materjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattiva waħda jew aktar ta’ dawk l‑oġġetti u servizzi, li jistgħu jinkludu l‑prezz;
[...]”
Il‑leġiżlazzjoni nazzjonali
8 L‑Artikolu L 121‑8 tal‑Kodiċi tal‑Konsum jipprovdi:
“kull reklamar li jipparaguna oġġetti jew servizzi billi, espliċitament jew b’deduzzjoni, jidentifika kompetitur jew oġġetti jew servizzi offruti minn kompetitur huwa permess biss jekk:
1° ma jkunx qarrieqi jew jista’ jqarraq;
2° jirrigwarda oġġetti jew servizzi li jservu l‑istess ħtiġijiet jew ikunu maħsuba għall‑istess għan;
3° jipparaguna oġġettivament karatteristika materjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattiva, waħda jew iktar, ta’ dawn l‑oġġetti u servizzi, li jistgħu jinkludu l‑prezz;
[...]”
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
9 Fit‑territorju Franċiż, Lidl topera ktajjen ta’ supermarkits tal‑ikel u, b’mod partikolari, ħanut li jinsab qrib Vierzon Distribution li tbigħ, min-naħa tagħha, prodotti tal‑konsum ta’ kuljum taħt l‑isem Leclerc.
10 Fit‑23 ta’ Settembru 2006, Vierzon Distribution uriet f’gazzetta lokali reklamar (iktar ’il quddiem ir‑“reklamar kontenzjuż”) li kien jirripproduċi kontijiet ta’ xirjiet li kienu jelenkaw, permezz ta’ ismijiet ġeneriċi akkumpanjati, skont il‑każ, b’indikazzjonijiet ta’ użin jew ta’ volum, 34 prodott, il‑parti l‑kbira tal‑ikel, mixtrija, fil‑ħanut li jippartjeni għal Vierzon Distribution u f’dak operat minn Lidl, rispettivament, u ħalliet jidher l‑ammont totali tal‑kont ta’ EUR 46.30, fir‑rigward ta’ Vierzon Distribution, u ta’ EUR 51.40, fir‑rigward ta’ Lidl.
11 L‑imsemmi reklamar kien jinkludi wkoll l‑islogans “Mhux kulħadd jista’ jkun E.Leclerc!, Prezzijiet baxxi. E. Leclerc jibqa’ l‑irħas. Dan ġie pprovat!” u “Bl‑Ingliż jgħidu ‘hard discount’; bil‑Franċiż jgħidu ‘E. Leclerc’”.
12 Fis‑16 ta’ Marzu 2007, Lidl ippreżentat rikors quddiem it‑Tribunal de commerce de Bourges sabiex tikseb il‑kundanna ta’ Vierzon Distribution għall‑ħlas ta’ danni għal kompetitizzjoni żleali kif ukoll għall‑pubblikazzjoni permezz tal‑istampa u ta’ kartellun fil‑ħanut tagħha ta’ estratti tas‑sentenza li għandha tingħata.
13 Insostenn tal‑imsemmi rikors, Lidl tallega b’mod partikolari ksur tal‑Artikolu L. 121‑8 tal‑Kodiċi tal‑Konsum. Hija ssostni li r‑reklamar kontenzjuż iqarraq bil-konsumaturi, jiġifieri, jiżgwida l‑konsumaturi, kemm minħabba l‑preżentazzjoni tiegħu kif ukoll minħabba l‑fatt li Vierzon Distribution għażlet biss il‑prodotti li jivvantaġġawha wara, fejn rilevanti, li allinjat il‑prezzijiet tagħha ma’ dawk tal‑kompetitur tagħha. Barra minn hekk, l‑imsemmi prodotti ma humiex paragunabbli peress li d‑differenżi kwalitattivi u kwantitattivi tagħhom jimplikaw li, fil‑fatt, ma jservux l‑istess ħtiġijiet. Lidl iżżid li r‑riproduzzjoni biss, fir‑reklamar kontenzjuż, tal‑kontijiet tax‑xirjiet jagħtu l‑impressjoni ta’ lista ta’ prodotti paragunati ma tippermettix lill‑konsumaturi jifhmu l‑karatteristiċi veri tagħhom, u lanqas, għaldaqstant, li jifhmu r‑raġunijiet tad‑differenzi fil‑prezzijiet allegati fl‑imsemmi reklamar.
14 Vierzon Distribution tikkontesta dawn l‑allegazzjonijiet billi b’mod partikolari ssostni li paragun jista’ jsir fuq żewġ oġġetti li ma humiex identiċi sakemm dawn iservu l-istess ħtiġijiet jew għandhom l-istess għan u jippreżentaw, f’dan ir‑rigward, livell suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà, li huwa l-każ f’din is-sitwazzjoni. Rigward id-differenzi eżistenti bejn il-prodotti inkwistjoni, huma jirriżultaw suffiċjentement mill-kontijiet tax-xirjiet imsemmija iktar ’il fuq, għaldaqstant il‑konsumaturi ma ġewx imqarrqa. Il-fatt li Vierzon Distribution għażlet hija stess il-prodotti li huma s-suġġett tal-paragun huwiex illegali u l-fatt li l-prodotti nxtraw fl-istess ġurnata jeskludi, barra minn hekk, li setgħet seħħet manipulazzjoni tal‑prezzijiet.
15 F’dawn iċ‑ċirkustanzi, it‑Tribunal de commerce de Bourge ddeċieda li jissospendi l‑proċeduri quddiemu u li jagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domanda preliminari li ġejja:
“L‑Artikolu 3a tad‑Direttiva [84/450] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex permess li jsir reklamar komparattiv abbażi tal‑prezzijiet ta’ prodotti li jservu l‑istess bżonn jew li għandhom l istess għan, jiġifieri li jippreżentaw bejniethom livell suffiċjenti ta’ interkambjalità [interkambjabbiltà], minħabba l‑unika raġuni li, fir‑rigward ta’ prodotti alimentari [tal‑ikel], il‑possibbilità li kull wieħed minn dawn il‑prodotti jittiekel, jew fi kwalunkwe każ, il‑gost li wieħed jesperjenza waqt li jiekolhom, ivarja minn wieħed għall‑ieħor skont il‑kundizzjonijiet u l‑postijiet ta’ produzzjoni, skont l‑ingredjenti użati, u skont l‑esperjenza tal‑produttur?”
Fuq id‑domanda preliminari
16 Għandu jitfakkar li l‑Artikolu 3a tad‑Direttiva 84/450 li fuqu tirrigwarda d‑domanda preliminari jelenka, fil‑paragrafu 1(a) sa (h) tiegħu, kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu sodisfatti minn reklamar komparattiv sabiex ikun permess (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, Ġabra p. I‑5185, punt 67).
17 F’dan il‑każ, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tqis li, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d‑dubji espressi mill‑qorti tar‑rinviju u sabiex tipprovdilha gwida fuq punti ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għall‑kawża li għandha quddiemha, għandu, kif issuġġerew kemm il‑Gvern Franċiż, Awstrijak u dak Ċek kif ukoll il‑Kummissjoni, u fl‑aħħar nett, l‑Avukat Ġenerali fil‑punt 40 tal‑konklużjonijiet tiegħu, isir riferiment għall‑kundizzjonijiet li taħthom ir-reklamar komparattiv huwa permess stabbiliti fl‑imsemmi Artikolu 3a(1)(a)(b) sa (ċ) rispettivament.
18 Jeħtieġ li jitqies ukoll li, bid‑domanda tagħha, il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk l‑Artikolu 3a(1)(a) sa (ċ) tad‑Direttiva 84/450 għandux jiġi interpretat fis‑sens li jipprekludi prattika ta’ reklamar bħal dik deskritta fid‑deċiżjoni tar‑rinviju, li tipparaguna, mill‑perspettiva tal‑prezz, trolley ta’ prodotti tal‑ikel ikkummerċjalizzati minn żewġ ktajjen ta’ ħwienet kompetituri, b’mod partikolari fid‑dawl tad‑differenzi li jippreżentaw il‑prodotti tal‑ikel ipparagunati b’dan il-mod għal dak li jirrigwarda l‑mod u l‑post ta’ produzzjoni tagħhom, l‑ingredjenti tagħhom u l‑identità tal‑produttur tagħhom, peress li tali differenzi jimplikaw b’mod partikolari li dawn il‑prodotti huma differenti mill‑perspettiva tal-possibbiltà li dawn il‑prodotti jittieklu u tal‑gost li wieħed jesperjenza waqt li jiekolhom.
19 Fid‑dawl tal‑formulazzjoni tad‑domanda preliminari u tal‑enfasi li tqiegħdet fuq il‑kundizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 3a(1)(b) tad‑Direttiva 84/450, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tqis xieraq titratta l‑ewwel nett l‑imsemmija dispożizzjoni u teżamina, sussegwentement, dan l‑Artikolu 3a(1)(a), u fl‑aħħar nett, l‑imsemmi Artikolu 3(1)(ċ).
20 Qabel kollox, jeħtieġ madankollu jitfakkar li mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja jirriżulta li d‑diversi kundizzjonijiet li taħthom ir‑reklamar komparattiv huwa permess kif elenkati fl‑imsemmi Artikolu 3a(1) huma intiżi sabiex jintlaħaq bilanċ bejn l‑interessi differenti li jistgħu jkunu affettwati mill‑awtorizzazzjoni tar‑reklamar komparattiv. B’hekk, mill‑qari flimkien tal‑premessi 2, 7 u 9 tad‑Direttiva 97/55 jirriżulta li dan l‑Artikolu 3a għandu bħala għan li jħeġġeġ il‑kompetizzjoni bejn il‑fornituri ta’ oġġetti u ta’ servizzi, fl‑interess tal‑konsumaturi, billi jippermetti lill‑kompetituri jinvokaw b’mod oġġettiv il‑vantaġġi tal‑prodotti differenti paragunabbli u billi jipprojbixxi, fl‑istess waqt, prattiċi li jistgħu jikkawżaw distorsjoni tal‑kompetizzjoni, jippreġudikaw lill‑kompetituri u jkollhom effett negattiv fuq l‑għażliet tal‑konsumaturi (sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).
21 Minn dan jirriżulta li l‑kundizzjonijiet elenkati fl‑imsemmi Artikolu 3a(1) għandhom jiġu interpretati fl‑iktar sens favorevoli, sabiex jippermettu r‑reklamar jipparaguna oġġettivament il‑karatteristiċi ta’ oġġetti jew ta’ servizzi, filwaqt li jiżguraw li r‑reklamar komparattiv ma jintużax b’mod antikompetittiv u żleali jew b’mod li jippreġudika l‑interessi tal‑konsumaturi (sentenza L’Oréal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
22 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li d‑Direttiva 84/450 għamlet armonizzazzjoni eżawrjenti tal‑kundizzjonijiet li taħthom ir‑reklamar komparattiv huwa permess fl‑Istati Membri u li tali armonizzazzjoni timplika, min-natura tagħha, li l‑legalità tar‑reklamar komparattiv fl‑Unjoni kollha għandha tiġi evalwat biss fid‑dawl tal‑kriterji stabbiliti mil‑leġiżlatur tal‑Unjoni (ara s‑sentenza tat‑8 ta’ April 2003, Pippig Augenoptik, C‑44/01, Ġabra p. I‑3095, punt 44).
23 Fl‑aħħar nett, fir‑rigward, bħal fil‑kawża prinċipali, ta’ paragun li jirrigwarda l‑prezzijiet, għandu jitfakkar li l‑paragun tal‑offerti ta’ kompetituri, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l‑prezzijiet, huwa inerenti fl‑istess natura tar‑reklamar komparattiv (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2006, Lidl Belgium, C‑356/04, Ġabra p. I‑8501, punt 57 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
24 F’dan ir‑rigward, il‑premessa 8 tad‑Direttiva 97/55 tenfasizza, barra minn hekk, li l‑paragun tal‑prezz biss tal‑oġġetti u tas‑servizzi għandu jkun possibbli jekk dan il‑paragun jissodisfa ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li ma jkunx qarrieqi.
Fuq l‑Artikolu 3a(1)(b) tad‑Direttiva 84/450
25 L‑Artikolu 3a(1)(b) tad‑Direttiva 84/450 jissuġġetta l‑fatt li reklamar komparattiv huwiex permess għall‑kundizzjoni li dan jipparaguna oġġetti jew servizzi li jservu l‑istess ħtiġijiet jew li jkunu maħsuba għall‑istess għan. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-imsemmija kundizzjoni timplika li l‑oġġetti li huma s‑suġġett tal‑paragun jippreżentaw livell suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà għall‑konsumatur (sentenzi Lidl Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, u tad‑19 ta’ April 2007, De Landtsheer Emmanuel, C‑381/05, Ġabra p. I‑3115, punt 44).
26 Kif enfasizzaw il‑Gvern Franċiż u l‑Kummissjoni, il‑formulazzjoni stess tad‑domanda preliminari tissuġġerixxi li, filwaqt li tikkunsidra, min‑naħa tagħha, li l‑prodotti li huma s‑suġġett tar‑reklamar kontenzjuż jippreżentaw bejniethom livell suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà sabiex jissodisfaw l‑imsemmija kundizzjoni, il‑qorti tar-rinviju tixtieq madankollu tiżgura li n‑natura tal‑ikel tal‑imsemmija prodotti ma tipprekludix tali evalwazzjoni. L‑imsemmija qorti tistaqsi, iktar speċifikament, jekk il‑fatt li l‑prodotti ta’ tali natura li jippreżentaw varjazzjonijiet inevitabbli rigward il‑gost li wieħed jesperjenza waqt li jiekolhom, fid‑dawl tal‑differenzi li jikkaratterizzawhom fuq il‑perspettivi tal‑metodu u tal‑post ta’ produzzjoni tagħhom, tal‑ingredjenti tagħhom u tal‑identità tal‑prodottur, għandux jeskludi kull paragun bejniethom, peress li tali paragun ikun biss possibbli fil‑każ ta’ prodotti tal‑ikel identiċi.
27 F’dan ir‑rigward, għandu jiġi enfasizzat li, preliminarjament, bid‑differenza, b’mod partikolari tal‑Artikolu 3a, (1)(ċ) tad‑Direttiva 84/450, l‑Artikolu 3a(1)(b) tagħha bl-ebda mod ma jittratta, u għaldaqstant lanqas jippreġudika, il‑perspettiva li minnha l‑paragun jista’ legalment isir, jew, fi kliem ieħor, il‑karatteristiċi tal‑oġġetti jew tas‑servizzi kkonċernati li fuqhom jista’ jsir ir‑reklamar komparattiv. Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li partikolarment kien issuġġerit mill‑Gvern Ċek u minn dak Awstrijak, il‑perspettiva li minnha jsir il‑paragun, f’dan il‑każ il‑prezz, ma tistax teżerċita influwenza fuq il‑kwistjoni dwar jekk żewġ oġġetti jservux l‑istess ħtiġijiet jew humiex maħsuba għall‑istess għan fis‑sens tal‑imsemmi Artikolu 3a(1)(b).
28 Barra minn hekk, għandu jitfakkar, l‑ewwel nett, li s‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Lidl Belgium u De Landtsheer Emmanuel, li fihom il‑Qorti tal‑Ġustizzja ppreċiżat, kif kien ukoll imfakkar fil‑punt 25 ta’ din is‑sentenza, li l‑kundizzjoni stabbilita fl‑Artikolu 3a(1)(a) tad-Direttiva 84/450 tissuġġetta l‑fatt jekk reklamar komparattiv huwiex permess għall‑kundizzjoni li l‑oġġetti pparagunati jippreżentaw livell suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà għall‑konsumatur, ingħataw speċifikament fir‑rigward ta’ kawżi li jinvolvu reklamar li jirrigwarda prodotti tal‑ikel.
29 It‑tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l‑premessa 9 tad‑Direttiva 97/55 tenfasizza li, sabiex jipprevjenu reklamar komparattiv milli jintuża b’mod antikompetittiv u żleali, paraguni biss bejn oġġetti u servizzi f’“kompetizzjoni bejniethom” li jservu l‑istess ħtiġijiet jew li jkunu maħsuba għall‑istess għan għandhom ikunu permessi.
30 Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat b’mod partikolari li r-raġuni għaliex l‑Artikolu 3a(1)(b) tad-Direttiva 84/450 jipprovdi, bħala kundizzjoni sabiex reklamar komparattiv ikun permess, li l-oġġetti jew is-servizzi pparagunati jservu l-istess ħtiġijiet jew li jkunu maħsuba għall-istess ħtiġijiet tinsab b’mod partikolari fil-fatt li, skont l-Artikolu 2(2a) tal-imsemmija direttiva, l-element speċifiku tal-kunċett ta’ reklamar komparattiv huwa kkostitwit mill-identifikazzjoni ta’ “kompetitur” ta’ min jirreklama jew tal-oġġetti u tas-servizz li joffri, u li l-kwalità ta’ impriżi kompetittriċi tiddependi, skont id-definizzjoni, fuq in-natura sostitwibbli tal‑oġġetti jew tas-servizzi li dawn l-impriżi joffru fis-suq (ara s-sentenza De Landtsheer Emmanuel, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 sa 29).
31 Kif enfasizzat il‑Qorti tal‑Ġustizzja, dawn iż‑żewġ dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 84/450 juru prossimità evidenti, b’tali mod li l‑kriterji li jippermettu l‑evalwazzjoni tal‑livell ta’ sostituzzjoni huma simili, mutatis mutandis, fil‑kuntest tal‑applikazzjoni ta’ kull waħda minnhom (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza De Landtsheer Emmanuel, iċċitata iktar ’il fuq, punti 46 u 48).
32 F’dan ir‑rigward, il‑fatt li prodotti jkunu, sa ċertu punt, tali li jservu ħtiġijiet identiċi jippermetti li jiġi konkluż li jeżisti ċertu livell ta’ sostituzzjoni bejniethom (sentenza De Landtsheer Emmanuel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
33 Sabiex tiġi stabbilita l‑possibbiltà effettiva ta’ sostituzzjoni skont l‑Artikolu 3a(1)(b) tad‑Direttiva 84/450, evalwazzjoni individwali u konkreta tal‑prodotti li huma speċifikament is‑suġġett tal‑paragun fil‑messaġġ pubbliċitarju hija neċessarja (sentenza De Landtsheer Emmanuel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47). Tali evalwazzjoni konkreta tal‑livell ta’ sostituzzjoni taqa’ taħt il‑kompetenza tal‑qrati nazzjonali.
34 It‑tielet nett, għandu jiġi rrilevat li kunsiderazzjonijiet oħrajn jipprekludu interpretazzjoni tal‑Artikolu 3(1)(b) tad‑Direttiva 84/450 li għandu essenzjalment l‑effett li jipprojbixxi r‑reklamar komparattiv li jirrigwarda prodotti tal‑ikel sakemm dawn il‑prodotti ma humiex identiċi.
35 Minn naħa, tali projbizzjoni ma tirriżulta mkien mill‑formulazzjoni tal‑imsemmija dispożizzjoni.
36 Min‑naħa l‑oħra, l‑imsemmija interpretazzjoni timplika, permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa ta’ din il‑kundizzjoni li taħtha r‑reklamar komparattiv ikun permess, limitazzjoni kunsiderevoli tal‑portata tagħha (ara, b’analoġija, is‑sentenza De Landtsheer Emmanuel, iċċitata iktar ’il fuq, punti 70 u 71).
37 Fil‑fatt, kif enfasizzaw partikolarment il‑Gvern Ċek u l‑Kummissjoni, li jiġi deċiż li ħlief jekk ikunu identiċi żewġ prodotti tal‑ikel ma jistgħux jitqiesu paruganabbli fis‑sens tal‑Artikolu 3a(1)(b) tad‑Direttiva 84/450 tkun qed tiġi eskluża kull possibbiltà effettiva ta’ reklmar komparattiv għal dak li jirrigwarda kategorija partikolarment importanti ta’ oġġetti tal‑konsum, u dan irrispettivament mill‑perspettiva ta’ paragun magħmul.
38 Għaldaqstant l-eżitu ta’ tali interpretazzjoni jmur kontra ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, li tipprovdi li l‑kundizzjonijiet mitluba għar‑reklamar komparattiv għandhom jiġu interpretati fis‑sens l‑iktar favorevoli għalihom (ara s‑sentenza De Landtsheer Emmanuel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).
39 Fid‑dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, il‑qorti tar‑rinviju għandha tingħata l‑ewwel risposta li tipprovdi li l‑Artikolu 3a(1)(b) tad‑Direttiva 84/450 għandu jiġi intepretata fis-sens li l-fatt biss li l-prodotti tal-ikel jiddifferenzjaw fir-rigward tal‑fatt li dawn jittieklu u rigward il-gost li jesperjenzaw il-konsumaturi waqt li jiekluhom, skont il-kundizzjonijiet u l-post ta’ produzzjoni tagħhom, l-ingredjenti tagħhom u l-identità tal-produttur tagħhom, ma huwiex ta’ natura li jeskludi li l‑paragun ta’ tali prodotti jista’ jissodisfa r-rekwiżit stabbilit bl-imsemmija dispożizzjoni u jeħtieġ li dawn il-prodotti jservu l-istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan, jiġifieri li jippreżentaw bejniethom livell suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà.
40 Rigward l‑evalwazzjonijiet konkreti li jirrigwardaw l‑eżistenza ta’ tali livell suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà bejn il‑prodotti tal‑ikel li huma s‑suġġett tal‑paragun inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, huma jaqgħu, kif ukoll jirriżulta mill‑punt 33 ta’ din is‑sentenza, taħt il-ġurisdizzjoni tal‑qorti tar‑rinviju, peresss li din il-qorti qatt ma pprovdiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja ebda informazzjoni rigward l-identità jew il‑karatteristiċi konkreti tal‑imsemmija prodotti, u lanqas, a fortiori, ma ressqet domandi ta’ interpretazzjoni li huma relatati ma tali data konkreta.
Fuq l‑Artikolu 3a(1)(a) tad‑Direttiva 84/450
41 L‑Artikolu 3a(1)(a) tad‑Direttiva jipprovdi li sabiex ir‑reklamar komparattiv ikun permess għandu jkun suġġett għall‑kundizzjoni li dan ma jkunx qarrieqi.
42 Iktar speċifikament, rigward paragun li jirrigwarda, bħal fil‑kawża prinċipali, il‑prezzijiet, jitfakkar fil‑punt 24 ta’ din is‑sentenza li l‑premessa 8 tad‑Direttiva 97/55 tenfasizza l‑paragun tal‑prezz biss tal‑oġġetti u tas‑servizzi għandu jkun possibli jekk dan il‑paragun josserva ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari li ma jkunx qarrieqi.
43 Barra minn hekk, mill‑premessa 8 tad‑Direttiva 97/55 jirriżulta li l‑armonizzazzjoni tal‑kundizzjoni li taħthom ir‑reklamar komparattiv huwa permess li tagħmel din id‑direttiva għandha b’mod partikolari tikkontribwixxi biex “[t]għin biex juri oġġettivament” il‑“meriti” tal‑prodotti paragunabbli differenti.
44 L‑Artikolu 2(2) tad‑Direttiva 84/450, jiddefinixxi r‑reklamar qarrieqi bħala kull reklamar li, bi kwalunkwe mod, inkluż il‑preżentazzjoni tiegħu, iqarraq jew ikun hemm probabbiltà li jqarraq lill‑persuni li għalihom ikun ġie indirizzati jew li jasal għandhom u li, minħabba n‑natura qarrieqa tiegħu, jista’ jaffettwa l‑imġiba ekonomika tagħhom jew li, għal dawk ir‑raġunijiet, jagħmel ħsara jew ikun hemm probabbiltà li jagħmel ħsara lill‑kompetitur.
45 Kif jirriżulta mid‑deskrizzjoni li ngħatat fil‑punti 10 u 11 ta’ din is‑sentenza, ir‑reklamar kontenzjuż jsir fuq għażla ta’ numru limitat ta’ prodotti, il‑parti l‑kbira tal‑ikel, ikkumerċjalizzati miż‑żewġ ħwienet kompetituri. L‑imsemmi prodotti huma identifikati permezz ta’ ismijiet ġeneriċi akkumpanjati, skont il‑każ, minn inidikazzjoni ta’ użin jew ta’ volum, li jidhru fuq il‑kontijiet ta’ xirjiet ta’ kull wieħed minn dawn il‑ħwienet, u jħallu jidhru, minbarra l‑prezz individwali ta’ kull wieħed mill‑prodotti kkonċernati, l‑ammont totali mħallas sabiex jinxtara tali assortiment ta’ prodotti. Barra minn hekk l‑imsemmi reklamar fih slogans ta’ natura ġenerali li jfaħħru l‑karattru allegatament irħas tal‑ħanut ta’ min jirreklama, li l‑kont ta’ xirja riprodott b’dan il‑mod juri l‑ammont totali inqas minn dak tal‑kompetitur tiegħu.
46 Hija l‑qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi tal‑każ inkwistjoni, jekk, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑konsumaturi li lilhom ikun indirizzat, tali reklamar jistax ikollu tali natura qarrieqa (ara s‑sentenza Lidl Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
47 F’dan ir‑rigward, l‑imsemmija qorti għandha, minn naħa, tieħu inkunsiderazzjoni l‑perċezzjoni tal‑konsumatur medju tal‑prodotti jew tas‑servizzi li huma s‑suġġett tar‑reklamar kontenzjuż, normalment informata u raġonevolement attenta u avżata. Rigward reklamar bħar‑reklamar kontenzjuż, huwa paċifiku li dan ma huwiex indirizzat għal pubbliku speċjalizzat, iżda għall‑konsumatur finali li jixtri oġġetti tal‑ikel ta’ kuljum mingħand katina ta’ ħwienet kbar (ara s‑sentenza Lidl Belgium, iċċitata iktar’ il fuq, punt 78 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
48 Sabiex jagħmlu l‑evalwazzjoni meħtieġa, il‑qrati nazzjonali għandhom, min‑naħa l‑oħra, jieħdu inkunsiderazzjoni l‑elementi kollha rilevanti tal‑każ, billi jagħtu każ, kif jirriżulta mill‑Artikolu 3 tad‑Direttiva 84/450, tal‑informazzjoni li tinsab fir‑reklamar kontenzjuż u, b’mod iktar ġenerali, tal‑karatteristiċi kollha tiegħu (ara s‑sentenza Lidl Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
49 Għalhekk il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li ommissjoni tista’ tirrendi reklamar qarrieqi, b’mod partikolari, meta, jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑konsumaturi li lilhom dan huwa indirizzat, dan ir‑reklamar ikollu l‑iskop li jaħbi fatt li, kieku kellu jkun magħruf, kien ikun tali li jġiegħel numru sinjifikattiv ta’ konsumaturi jirrinunzjaw għax‑xiri (sentenza Lidl Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80 u l‑ġurisprudenza ċċitata).
50 F’dawn ir‑rigwardi differenti, reklamar bħar‑reklamar kontenzjuż jista’, qabel kollox, ikun qarrieqi, kif jirriżulta mill‑ġurisprudenza, jekk il‑qorti tar‑rinviju jkollha tikkonstata, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi rilevanti ta’ din il‑kawża, u partikolarment tal‑indikazzjonijiet jew tal‑ommissjonijiet li jakkumpanjaw dan ir‑reklamar, li d‑deċiżjoni ta’ xiri ta’ numru sinjifikattiv ta’ konsumaturi li lilhom huwa indirizzat tista’ tittieħed bil‑fehma żbaljata li l‑għażla ta’ prodotti magħmula minn min jirreklama tirrappreżenta l‑livell ġenerali tal‑prezzijiet tiegħu meta mqabbla ma’ dak tal‑kompetitur tiegħu, u li, għaldaqstant, dawn il-konsumaturi jiffrankaw bil-mod kif iddikjarat mill‑imsemmi reklamar billi jixtru regolarment oġġetti tal‑ikel ta’ kuljum mingħand min jirreklama pjuttost mingħand l‑imsemmi kompetitur, jew ukoll bil‑fehma żbaljata li l‑prodotti kollha tal‑kompetitur huma irħas minn dawk tal‑kompetitur tiegħu (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Lidl Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, punti 83 u 84).
51 Reklamar bħar‑reklamar kontenzjuż jista’ wkoll jirriżulta qarrieqi jekk ikollu jiġi kkonstatat mill‑qorti tar‑rinviju li, għall‑finijet tal‑paragun permezz tal‑prezzijiet li jagħmel l‑imsemmi reklamar, kienu ntgħażlu prodotti tal‑ikel li jippreżentaw fir‑realtà differenzi oġġettivi ta’ natura li jikkundizzjonaw b’mod sensibbli l‑għażla tax‑xerrej.
52 Fil‑fatt, fin‑nuqqas ta’ turija tal‑imsemmija differenzi, tali reklamar, peress li sar mill‑perspettiva esklużiva tal‑prezz, jista’ jiġi pperċipit mill‑konsumatur medju li jinkludi impliċitament id‑dikjarazzjoni tal‑eżistenza ta’ ekwivalenza bejniethom ta’ karatteristiċi oħrajn tal‑imsemmija prodotti li huma wkoll ta’ natura li jeżerċitaw influwenza sensibbli fuq l‑għażla tal‑imsemmi konsumatur.
53 F’dan ir‑rigward, il‑Qorti tal‑Ġustizzja b’mod partikolari diġà ddeċidiet, dwar paragun li jirrigwarda l‑prezzijiet ipprattikati bejn żewġ ħwienet kompetituri, li, fil‑każ meta t‑trade mark tista’ tikkundizzjona b’mod sensibbli l‑għażla tax‑xerrej jew meta l‑paragun jikkonċerna prodotti kompetituri li t‑trade marks rispettivi tagħhom jippreżentaw differenza importanti fir‑rigward ta’ notorjetà, il‑fatt li titħalla barra t‑trade mark li għandha iktar reputazzjoni jmur kontra l‑Artikolu 3a(1)(a) tad‑Direttiva 84/450 (sentenza Pippig Augenoptik, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).
54 Dan jista’, skont il‑każ, japplika wkoll għal dak li jikkonċerna karatteristiċi oħrajn tal‑prodotti pparagunati, bħall‑kompożizzjoni tagħhom jew il-metodu tagħhom u l‑post ta’ produzzjoni li tirreferi għalihom id‑domanda preliminari, peress li jidher li min-natura tagħhom tali karatteristiċi, bħall‑prezz innifsu, jistgħu jikkundizzjonaw b’mod sensibbli l‑għażla tax‑xerrej.
55 F’dawn il‑każijiet, il‑fatt li l‑konsumatur ma jiġix informat dwar id‑differenzi li jeżistu bejn prodotti li huma s‑suġġett ta’ paragun mill‑perspettiva tal‑prezz biss jista’ jqarraq bil‑konsumatur rigward ir‑raġunijiet għad-differenza fil-prezzijiet iddikjarati u l‑vantaġġ finanzjarju li jista’ realment jinkiseb minn dan il‑konsumatur billi jixtri mingħand min jirreklama pjuttost mingħand kompetitur partikolari, u jkollu effett korrispondenti fuq l-aġir ekomomiku tal-imsemmi konsumatur. Fil‑fatt, dan tal‑aħħar jista’ għaldaqstant jasal biex jemmen li ser jikseb effettivament vantaġġ finanzjarju li jista’ jiġi spjegat min‑natura kompettettiva tal‑offerta ta’ min jirreklama u mhux mill‑eżistenza ta’ differenzi oġġettivi bejn il‑prodotti pparagunati.
56 Fid‑dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, il‑qorti tar‑rinviju għandha tingħata t‑tieni risposta li tipprovdi li l‑Artikolu 3a(1)(a) tad‑Direttiva 84/450 għandu jiġi interpretat fis‑sens li reklamar bħal dak inkwistjoni fil‑kawża prinċipali jista’ jkun qarrieqi, b’mod partikolari:
– jekk ikun ikkonstatat, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi rilevanti ta’ din il‑kawża, u partikolarment tal‑indikazzjonijiet jew tal‑omissjonijiet li jakkumpanjaw dan ir‑reklamar, li d‑deċiżjoni ta’ xiri ta’ numru sinjifikattiv ta’ konsumaturi li lilhom huwa indirizzat tista’ tittieħed bil‑fehma żbaljata li l‑għażla ta’ prodotti magħmula minn min jirreklama tirrappreżenta l‑livell ġenerali tal‑prezzijiet tiegħu meta mqabbla ma’ dak tal‑kompetitur tiegħu li, għaldaqstant, dawn il-konsumaturi jiffrankaw bil-mod kif iddikjarat mill‑imsemmi reklamar billi jixtru regolarment oġġetti tal‑ikel ta’ kuljum mingħand min jirreklama pjuttost milli mingħand l‑imsemmi kompetitur, jew ukoll bil‑fehma żbaljata li l‑prodotti kollha tal‑kompetitur huma irħas minn dawk tal‑kompetitur tiegħu, jew
– jekk ikun ikkonstatat li, għall‑finijiet ta’ paragun magħmul mill‑perspettiva esklużiva tal‑prezz, intgħażlu prodotti tal‑ikel li jippreżentaw għaldaqstant differenzi ta’ natura li tikkundizzjona b’mod sensibbli l‑għażla tal‑konsumatur medju, mingħajr ma l‑imsemmija differenzi jirriżultaw mir‑reklamar ikkonċernat.
Fuq l‑Artikolu 3a(1)(ċ) tad‑Direttiva 84/450
57 L‑Artikolu 3a(1)(ċ) tad‑Direttiva 84/450 jipprovdi li sabiex ir‑reklamar komparattiv ikun permess għandu jkun suġġett għall‑kundizzjoni li dan jipparaguna oġġettivament karatteristika jew diversi karatteristiċi materjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattivi ta’ dawn l‑oġġetti u servizzi, li jistgħu jinkludu l‑prezz.
58 Il‑premessa 5 tad‑Direttiva 97/55 tenfasizza f’dan ir‑rigward li r‑reklamar komparattiv, meta jipparaguna karatteristiċi materjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattivi u ma jkunx qarrieqi, jista’ jkun mezz leġittimu biex jinforma lill‑konsumaturi bil‑vantaġġ tagħhom (sentenza De Landtsheer Emmanuel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).
59 Fid‑dawl tal‑elementi kollha li hija għandha għad‑dispożizzjoni tagħha u fid‑dawl tad‑dibattiti li saru quddiemha, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma hijiex, f’dan il‑każ, ser tiddeċiedi dwar ir‑rekwiżit ta’ verifikabbiltà.
60 F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar li, fis‑sentenza tagħha Lidl Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet tirrigwarda reklamar komparattiv magħmul mill‑perspettiva tal‑prezzijiet, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li l‑verifikabbiltà tal‑prezzijiet tal-oġġetti li jikkomponu żewġ assortimenti ta’ prodotti tippresupponi neċessarjament li l‑oġġetti li l‑prezzijiet tagħhom ġew b’hekk ipparagunati jistgħu jiġu identifikati individwalment u konkretament fuq il‑bażi tal‑informazzjoni li tinsab fil‑messaġġ pubbliċitarju. Kull verifikabbiltà tal‑prezzijiet ta’ oġġetti hija, fil‑fatt, neċessarjament suġġetta għall‑possibiltà li dawn l‑imsemmija oġġetti jiġu identifikati (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Lidl Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).
61 Tali identifikazzjoni hija ta’ natura li tippermetti, skont l‑għan ta’ protezzjoni tal‑konsumaturi mfittex mid‑Direttiva 84/450, li d‑destinatarju ta’ tali messaġġ ikun jista’ jiżgura ruħu li ġie informat korrettament mill‑perspettiva tax‑xiri ta’ oġġetti tal‑ikel ta’ kuljum li huwa jkollu jagħmel (sentenza Lidl Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72).
62 Hija l‑qorti tar‑rinviju li għandha, f’dan il‑każ, tivverifika jekk id‑deskrizzjoni tal‑prodotti pparagunati, kif din tirriżulta mir‑reklamar kontenzjuż, hijiex suffiċjentement preċiża sabiex tippermetti lill‑konsumatur jidentifika l‑prodotti li huma s‑suġġett tal‑paragun sabiex tiġi vverifikat l‑eżatezza tal‑prezzijiet li huma msemmija f’dan ir‑reklamar.
63 Kif irrilevat il‑Kummissjoni waqt is‑seduta, jista’ jkun il‑każ, partikolarment, jekk ikollu jirriżulta li l‑ħwienet imsemmija fir‑reklamar kontenzjuż ibigħu diversi prodotti tal‑ikel li jistgħu jirrispondu għall‑isem imsemmi fil‑kontijiet ta’ xirjiet li jipproduċi dan ir‑reklamar, b’tali mod li l‑identifikazzjoni preċiża tal‑oġġetti pparagunati b’dan il‑mod ma tkunx possibbli.
64 Fid‑dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, il‑qorti tar‑rinviju għandha tingħata t‑tielet risposta li tipprovdi li l‑Artikolu 3a(1)(ċ) tad‑Direttiva 84/450 għandu jiġi intepretat fis‑sens li l‑kundizzjoni ta’ verifikabbiltà li tipprovdi l‑imsemmija dispożizzjoni teżiġi, fir‑rigward ta’ reklamar bħal dak inkwistjoni fil‑kawża prinċipali li jipparaguna l‑prezzijiet taż‑żewġ assortimenti ta’ oġġetti, li l‑oġġetti inkwistjoni jistgħu jiġu preċiżament identifikati abbażi tal‑informazzjoni li tinsab fl‑imsemmi reklamar.
Fuq l‑ispejjeż
65 Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija din il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 3a(1)(b) tad‑Direttiva tal‑Kunsill 84/450/KEE, tal-10 ta’ Settembru 1984, dwar reklamar qarrieqi u komparattiv, kif emendata bid-Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ottubru 1997, għandu jiġi intepretata fis-sens li l-fatt biss li l-prodotti tal-ikel jiddifferenzjaw fir-rigward tal-fatt li dawn jittieklu u rigward il‑gost li jesperjenzaw il-konsumaturi waqt li jiekluhom, skont il‑kundizzjonijiet u l-post ta’ produzzjoni tagħhom, l-ingredjenti tagħhom u l-identità tal-produttur tagħhom, ma huwiex ta’ natura li jeskludi li l-paragun ta’ tali prodotti jista’ jissodisfa r-rekwiżit stabbilit bl-imsemmija dispożizzjoni u jeħtieġ li dawn il-prodotti jservu l-istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan, jiġifieri li jippreżentaw bejniethom livell suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà.
L‑Artikolu 3a(1)(a) tad-Direttiva 84/450, kif emendata bid-Diretteva 97/55, għandu jiġi interpretat fis‑sens li reklamar bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jkun qarrieqi, b’mod partikolari:
– jekk ikun ikkonstatat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti ta’ din il-kawża, u partikolarment tal-indikazzjonijiet jew tal-omissjonijiet li jakkumpanjaw dan ir-reklamar, li d-deċiżjoni ta’ xiri ta’ numru sinjifikattiv ta’ konsumaturi li lilhom huwa indirizzat tista’ tittieħed bil-fehma żbaljata li l-għażla ta’ prodotti magħmula minn min jirreklama tirrappreżenta l-livell ġenerali tal-prezzijiet tiegħu meta mqabbla ma’ dak tal-kompetitur tiegħu li, għaldaqstant, dawn il-konsumaturi jiffrankaw bil-mod kif iddikjarat mill-imsemmi reklamar billi jixtru regolarment oġġetti tal-ikel ta’ kuljum mingħand min jirreklama pjuttost milli mingħand l-imsemmi kompetitur, jew ukoll bil-fehma żbaljata li l-prodotti kollha tal-kompetitur huma irħas minn dawk tal-kompetitur tiegħu, jew
– jekk ikun ikkonstatat li, għall-finijiet ta’ paragun magħmul mill- perspettiva esklużiva tal-prezz, intgħażlu prodotti tal-ikel li jippreżentaw għaldaqstant differenzi ta’ natura li tikkundizzjona b’mod sensibbli l-għażla tal-konsumatur medju, mingħajr ma l-imsemmija differenzi jirriżultaw mir-reklamar ikkonċernat.
L-Artikolu 3a(1)(ċ) tad-Direttiva 84/450, kif emendata bid-Direttiva 97/55, għandu jiġi intepretat fis-sens li l-kundizzjoni ta’ verifikabbiltà li tipprovdi l-imsemmija dispożizzjoni teżiġi,fir-rigward ta’ reklamar bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jipparaguna l-prezzijiet taż-żewġ assortimenti ta’ oġġetti, li l-oġġetti inkwistjoni jistgħu jiġu preċiżament identifikati abbażi tal-informazzjoni li tinsab fl-imsemmi reklamar.
Firem
* Lingwa tal‑kawża: il‑Franċiż.