Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0148

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tat-22 ta' Settembru 2011.
    ir-Renju tal-Belġju vs Deutsche Post AG u DHL International.
    Appell - Rikors għal annullament - Għajnuna mill-Istat - Artikolu 88(3) KE - Regolament (KE) Nru 659/1999 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet - Kunċett ta’ ‘dubji’ - Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.
    Kawża C-148/09 P.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-08573

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:603

    Kawża C-148/09 P

    Ir-Renju tal-Belġju

    vs

    Deutsche Post AG

    u

    DHL International

    “Appell — Rikors għal annullament — Għajnuna mill-Istati — Artikolu 88(3) KE — Regolament (KE) Nru 659/1999 — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet — Kunċett ta’ ‘dubji’ — Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna statali mas-suq komuni mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Rikors mill-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

    (Artikolu 88(2)KE u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 1(h), 4(3) u 6(1))

    2.        Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ għajnuna statali mas-suq komuni mingħajr il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali — Rikors mill-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE — Identifikazzjoni tas-suġġett tar-rikors

    (Artikolu 88(2) u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 1(h), 4(3) u 6(1))

    3.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proġetti ta’ għajnuna — Eżami mill-Kummissjoni — Fażi preliminari u fażi kontradittorja — Kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Diffikultajiet ta’ evalwazzjoni — Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja — Kunċett ta’ dubji — Natura oġġettiva

    (Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikoli 4(3),(4) u (5) u 6(1))

    1.        Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, tiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk jeżistux dubji dwar il‑kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni. Meta dubji bħal dawn jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li għaliha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 1(h) tal-imsemmi regolament, għandu jitqies li kull parti interessata fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni hija direttament u individwalment ikkonċernata minn tali deċiżjoni. Fil-fatt, il‑benefiċjarji tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jistgħu biss jiksbu l-osservanza tagħhom kemm-il darba huma jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni.

    (ara l-punt 54)

    2.        Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, rikorrent li jikkontesta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-miżura notifikata, kellha tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. L-użu ta’ tali argumenti ma jistax, madankollu, ikollu l-konsegwenza li jibdel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jibdel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet marbuta tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 88(2) KE kif ukoll fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE.

    Ma hijiex il-kompetenza tal-Qorti tal-Unjoni li tinterpreta r-rikors ta’ rikorrent li jikkontesta esklużivament il-mertu ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna bħala li hija intiża fir-realtà li tipproteġi d‑drittijiet proċedurali tar-rikorrent ibbażati fuq l-Artikoli 88(2) KE u 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 meta r-rikorrent ma jkunx espressament qajjem motiv li jsegwi dan l-għan. F’din l-ipoteżi, l-interpretazzjoni tal-motiv twassal għal klassifikazzjoni mill-ġdid tas-suġġett tar-rikors.

    (ara l-punti 55, 58)

    3.        Mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, jirriżulta li jekk il-Kummissjoni tikkonstata, wara l-eżami preliminari, li l-proġett ta’ għajnuna jqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tiegħu mas-suq komuni, hija marbuta tieħu deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE u fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament.

    Peress li l-kunċett ta’ “dubji” previst fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 huwa ta’ natura oġġettiva, l-eżistenza tiegħu għandha titfittex mhux biss fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tal-att ikkontestat, iżda wkoll fl-evalwazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni tkun ibbażat ruħha.

    Fir-rigward tat-tul ta’ żmien u taċ-ċirkustanzi tal-proċedura ta’ eżami preliminari, minkejja li perijodu li jeċċedi t-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll in-numru ta’ talbiet għal informazzjoni indirizzati lill-Istat Belġjan ma jippermettux, fihom infushom, li jiġi dedott li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn l-elementi jistgħu jikkostitwixxu indizji tal-fatt li l-Kummissjoni seta’ kellha dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni.

    (ara l-punti 77, 79, 81)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    22 ta’ Settembru 2011 (*)

    “Appell – Rikors għal annullament – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 88(3) KE –Regolament (KE) Nru 659/1999– Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Kunċett ta’ ‘dubji’ – Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”

    Fil-Kawża C‑148/09 P,

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fl-24 ta’ April 2009,

    Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet u T. Materne, bħala aġenti, assistiti minn J. Meyers, avukat,

    appellant,

    il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

    Deutsche Post AG, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Lübbig u J. Sedemund, avukati,

    DHL International, stabbilita f’Diegem (il-Belġju), irrappreżentata minn T. Lübbig u J. Sedemund, avukati,

    rikorrenti fl-ewwel istanza,

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Martenczuk u D. Grespan, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.-J. Kasel, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Settembru 2010,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-2 ta’ Diċembru 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Bl-appell tiegħu, ir-Renju tal-Belġju, sostnut mill-Kummissjoni Ewropea, qiegħed jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-Qorti Ġenerali) tal-10 ta’ Frar 2009, Deutsche Post u DHL International vs Il-Kummissjoni (T‑388/03, Ġabra p. II-199, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Lulju 2003, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, wara l-proċedura ta’ eżami preliminari prevista fl-Artikolu 88(3) KE kontra diversi miżuri meħuda mill-awtoritajiet Belġjani għall-benefiċċju tal-impriża pubblika Belġjana tal-posta La Poste SA [C(2003) 2508 finali, iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”].

     Il-kuntest ġuridiku

    2        Mit-tieni premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1 p. 339) jirriżulta li dan ir-regolament huwa intiż sabiex tinġabar u tkun rinforzata l-prassi stabbilita tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    3        L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

    “Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

    [...]

    (h)      ‘parti interessata’ għandha tfisser kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ.”

    4        L-Artikolu 4 tal-istess regolament bit-titolu “Abbozz preliminari tan-notifika u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 2 sa 4:

    “2.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

    3.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f’dik li l-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, safejn taqa’ fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu [87](1) tat-Trattat, għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni (minn issa ’l quddiem imsejjaħ ‘deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet’). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni taħt it-Trattat kienet applikata.

    4.      Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajjmu dubji dwar il-kompatibilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond l-Artikolu [88](2) tat-Trattat (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni li tinbeda l-proċedura formali għall-investigazzjoni’).”

    5        Fi kliem l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999:

    “Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet relevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Id-deċiżjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni għandha testendi l-perjodu preskritt.”

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    6        La Poste SA (iktar ’il quddiem “La Poste”) kienet ġiet ittrasformata f’kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata fl-1992, iżda għadha l-operatur tas-servizz postali kollu fil-Belġju u għandha twettaq obbligi speċifiċi fil-qasam tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (iktar ’il quddiem is-“SIEĠ”). Il-modalitajiet ta’ kumpens għall-ispejjeż addizzjonali netti tas-SIEĠ huma stabbiliti fil-kuntratt ta’ ġestjoni konkluż mal-Istat tal-Belġju.

    7        Is-settur tat-tqassim espress tal-pakketti jirrappreżenta 4 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ La Poste, illi min-naħa tiegħu jirrappreżenta sehem mis-suq ta’ 18 % f’dan is-settur. Deutsche Post AG (iktar ’il quddiem “Deutsche Post”) u s-sussidjarja Belġjana tagħha DHL International ghandhom bejn 35 u 45 % ta’ dan is-suq.

    8        Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Diċembru 2002, l-awtoritajiet Belġjani nnotifikaw lill-Kummissjoni bil-ħsieb tagħhom li jżidu l-kapital ta’ La Poste b’ammont ta’ EUR 297.5 miljun.

    9        Fit-22 ta’ Lulju 2003, ir-rikorrenti talbu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-istadju tal-proċedura ta’ eżami tal-miżura nnotifikata bl-iskop illi possibbilment jieħdu sehem fiha.

    10      Fit-23 ta’ Lulju 2003, peress illi hija qieset illi ż-żieda fil-kapital innotifikata ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fi tmiem il-proċedura ta’ eżami preliminari prevista fl-Artikolu 88(3) KE.

     Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni u d-deċiżjoni kkontestata

    11      Wara tliet laqgħat mal-awtoritajiet Belġjani kif ukoll diversi skambji ta’ ittri, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kontribuzzjoni ta’ kapital innotifikata minn dawn l-awtoritajiet kienet kompatibbli mas-suq komuni.

    12      Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni eżaminat, qabelxejn, sitt miżuri mhux innotifikati li minnhom ibbenfikat La Poste sa minn meta hija ġiet ittrasformata f’impriża pubblika awtonoma, billi qieset li dawn kienu jikkundizzjonaw il-legalità taż-żieda fil-kapital innotifikata.

    13      L-ewwel miżura kienet tikkonsisti f’eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa fuq il-kumpanniji. Peress li La Poste kellha telf nett akkumulat ta’ EUR 238.4 miljun mill-1992 sal-2002, il-Kummissjoni kkunsidrat li tali eżenzjoni ma involviet ebda trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

    14      It-tieni miżura kienet tikkonsisti fit-trasferiment mill-Istat Belġjan tal-immobbli neċessarji għas-servizz pubbliku favur La Poste inkambju għall-kanċellazzjoni ta’ fond għall-irtirar fl-ammont ta’ EUR 100 miljun stabbilit minn La Poste. Il-Kummissjoni qieset li din il-miżura ma ħolqot ebda vantaġġ lil din tal-aħħar.

    15      It-tielet miżura kienet tikkonsisti f’garanzija mill-Istat għal self ikkuntrattat. Filwaqt li l-Kummissjoni kkonstatat li La Poste ma rrikorriet qatt għal din il-garanzija, hija qieset li din ma kinitx għajnuna mill-Istat.

    16      Ir-raba’ miżura kienet tikkonsisti f’eżenzjoni mit-taxxa miżmuma fuq il-proprjetà immobbli għall-proprjetà immobbli użata għal servizz pubbliku. Il-Kummissjoni qieset li tali miżura setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    17      Il-ħames miżura kienet tikkonsisti f’kumpens eċċessiv ta’ servizzi finanzjarji ta’ interess ġenerali għall-perijodu 1992‑1997. Il-Kummissjoni qieset li tali miżura setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    18      Is-sitt miżura kienet tikkonsisti f’żewġ żidiet fil-kapital li saru fix-xhur ta’ Marzu u ta’ Diċembru 1997 f’ammont totali ta’ EUR 62 miljun u li kienu intiżi sabiex jibbilanċjaw kumpens insuffiċjenti tas-SIEĠ. Il-Kummissjoni qieset li tali miżura setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat

    19      Fir-rigward tar-raba’, il-ħames u s-sitt miżuri mhux innotifikati, kif ukoll il-miżura nnotifikata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, anki jekk wieħed kellu jqis li dawn il-miżuri kellhom elementi ta’ għajnuna, dawn huma xorta waħda kompatibbli mas-suq komuni taħt l-Artikolu 86(2) KE peress li dawn ma jinvolvu ebda kumpens eċċessiv tal-ispiża nett addizzjonali tas-SIEĠ.

    20      Finalment, il-Kummissjoni indikat li l-miżura nnotifikata li tikkonsisti f’żieda fil-kapital ta’ EUR 297.5 miljun kienet ta’ ammont iżgħar mis-sottokumpens oriġinali tal-ispiża nett addizzjonali tal-attivitajiet tas-SIEĠ, b’mod li ma kinitx tikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

     Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

    21      Ir-rikorrenti ppreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u sostnew seba’ motivi insostenn tiegħu. Il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in‑nuqqas ta’ locus standi u ta’ interess ġuridiku tar‑rikorrenti.

    22      Permezz ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Diċembru 2004, it-talba għal deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà ngħaqdet mal-mertu.

    23      Fir-rigward tal-ammissibbiltà, il-Qorti Ġenerali għamlet suċċessivament eżami tal-locus standi u tal-interess ġuridiku tar-rikorrenti.

    24      Fl-ewwel lok, hija indikat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-benefiċjarji ta’ garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE jistgħu biss ikunu żgurati bl-osservanza tagħhom kemm-il darba jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw quddiem il-qrati tal-Unjoni d-deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 88(3) KE, li tiddikjara li għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni mingħajr ma tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    25      Fil-punt 43 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji huma l-partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2)  TFUE, jiġifieri, b’mod partikolari, l-impriżi kompetituri tal-benefiċjarji tal-għajnuna kkontestata.

    26      Filwaqt li fakkret li f’dan il-kuntest il-locus standi jista’ biss jiġi rrikonoxxut meta l-partijiet interessati jfittxu permezz tar-rikors tagħhom is-salvagwardja tal-garanziji proċedurali tagħhom u mhux meta jikkontestaw il-mertu ta’ deċiżjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 88(3) TFUE, il-Qorti Ġenerali għamlet analiżi tal-motivi tar-rikors invokati mir-rikorrenti u kkonstatat li dawn tal-aħħar kienu taż-żewġ kategoriji.

    27      Fir-rigward tal-motivi li jikkontestaw il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali qieset fil-punt 49 tas-sentenza appellata li r-rikorrenti baqgħu ma wrewx li l-għajnuna suġġett tad-deċiżjoni kkontestata kienet taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħhom bħala kompetituri fis-suq. Għalhekk, hija ddeċidiet li r-rikorrenti ma kellhomx il-locus standi sabiex jikkontestaw il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata.

    28      Fir-rigward tal-motivi intiżi għas-salvagwardja tal-garanziji proċedurali tagħhom, hija ddeċidiet, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, li r-rikorrenti, bħala kompetituri diretti ta’ La Poste, kienu partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE. F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti Ġenerali identifikat fil-punt 55 tas-sentenza appellata t-tieni motiv bħala motiv illi jqajjem b’mod espliċitu l-ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, hija qieset fil-punt 56 ta’ dik is-sentenza li t-tielet, ir-raba’, il-ħames u s-seba’ motivi pprovdew elementi insostenn tat-tieni motiv. Għalhekk, hija kkonstatat il-locus standi tar-rikorrenti, kif ukoll l-ammissibbiltà tat-tieni motiv u tal-argumenti mressqa insostenn tiegħu.

    29      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 62 tas-sentenza appellata li r-rikorrenti, bħala partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 88(2) KE għandhom interess jiksbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tali annullament iġġiegħel lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    30      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

    31      Fir-rigward tal-mertu, wara li fakkret illi l-kunċett ta’ diffikultajiet serji, li fil-preżenza tagħhom il-Kummissjoni għandha, fl-eżami ta’ miżura ta’ għajnuna, tiftaħ il-proċedura formali, huwa fih innifsu ta’ natura oġġettiva, il-Qorti Ġenerali identifikat, fil-punti 96 sa 107 tas-sentenza appellata, l-indizji li jistabbilixxu l-preżenza ta’ tali diffikultajiet serji matul l-eżami ta’ miżura ta’ għajnuna, jiġifieri t-tul u ċ-ċirkustanzi tal-eżami, in-natura insuffiċjenti u inkompleta tal-eżami u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

    32      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat qabelxejn li kienu għaddew seba’ xhur bejn in-notifika tal-għajnuna nnotifikata u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri terminu li huwa ferm ikbar minn dak ta’ xahrejn previst għal eżami preliminari skont l-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999.

    33      Barra minn hekk, il-proċedura ġiet aċċentwata minn tliet laqgħat bejn l-awtoritajiet Belġjani u l-Kummissjoni kif ukoll minn diversi talbiet għal informazzjoni li fl-okkażjoni tagħhom il-Kummissjoni ma naqsitx milli tenfasizza l-kumplessità tal-fajl u l-kamp wiesa’ ta’ investigazzjoni li kellha tkopri, ladarba hija għamlet il-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata dipendenti fuq dik tas-sitt miżuri li ma ġewx innotifikati.

    34      Finalment, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni eżitat fir-rigward tal-għażla tal-bażi legali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bejn approċċ ibbażat fuq l-Artikolu 87 KE u approċċ ibbażat fuq l-Artikolu 86(2) KE.

    35      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, li l-proċedura mmexxija mill‑Kummissjoni eċċediet b’mod sinjifikattiv dak li normalment jinvolvi l-ewwel eżami magħmul fil-kuntest tal-Artikolu 88(3) KE.

    36      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali vverifikat jekk elementi marbuta mal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata setgħux ukoll jikkostitwixxu indizji li jindikaw li l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikutajiet serji fl-eżami tal-miżuri inkwistjoni.

    37      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, ikkonstatat li l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni tat-tieni miżura mhux innotifikata favur La Poste, jiġifieri l-kanċellazzjoni tal-fond għall-irtirar, kien insuffiċjenti, inkwantu l-Kummissjoni ma kellhiex quddiemha l-elementi meħtieġa sabiex tevalwa l-vantaġġ mogħti mit-tqegħid għad-dispozizzjoni mingħajr ħlas ta’ proprjetà immobbli mill-Istat Belġjan.

    38      Min-naħa l-oħra, wara li fakkret illi, skont il-punt 93 tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, Ġabra p. I-77472), illi ngħatat wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha teżamina jekk l-ispejjeż tas-SIEĠ li għamel tajjeb għalihom l-Istat kinux daqs jew inqas minn dawk ta’ impriża tipika mmexxija tajjeb (il-kriterju tal-“benchmarking”), il-Qorti Ġenerali kkonkludiet illi din il-verifika ma kinitx saret f’dan il-każ. Għalhekk, hija kkonkludiet illi l-eżami tal-miżura nnotifikata ma kienx komplet.

    39      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata.

     Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    40      Fl-appell tiegħu, ir-Renju tal-Belġju, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –        tannulla s-sentenza appellata u

    –        tikkundanna lil Deutsche Post u lil DHL International għall-ispejjeż.

    41      Deutsche Post u DHL International jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    –        tiċħad l-appell u

    –        tikkundanna lir-Renju tal-Belġju u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Fuq l-appell

    42      Ir-Renju tal-Belġju jressaq tliet aggravji insostenn tal-appell tiegħu bbażati, l-ewwel nett, fuq klassifikazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, it-tieni nett, fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u, it-tielet nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Il-Kummissjoni, li ssostni lir-Renju tal-Belġju fit-talbiet tiegħu, tqajjem, barra minn hekk, aggravju awtonomu billi ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

    43      Qabelxejn, għandhom l-ewwel jiġu eżaminati l-aggravji li permezz tagħhom ir-Renju tal-Belġju u l-Kummissjoni jikkontestaw l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza u kif ukoll dik ta’ ċerti motivi li hija aċċettat.

     Fuq it-tieni aggravju tal-appell u l-aggravju awtonomu tal-Kummissjoni

     L-argumenti tal-partijiet

    44      Ir-Renju tal-Belġju jsostni illi l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi meta ddikjarat ammissibbli r-raba’ u s-seba’ motivi tar-rikors, anki jekk permezz ta’ dawn il-motivi r-rikorrenti kkontestaw il-mertu tad-deċiżjoni kkontestata.

    45      Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kisret ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE meta ddikjarat illi r-rikors tar-rikorrenti kien ammissibbli minħabba li dawn tal-aħħar kienu invokaw is-salvagwardja tal-garanziji proċedurali illi joħorġu mill-Artikolu 88(3) KE. Fil-fatt, tali pretensjoni ma tidher f’ebda wieħed mill-motivi tar-rikors esposti mir-rikorrenti, b’mod li huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla ex officio s-sentenza appellata fuq din il-bażi.

    46      Barra minn hekk, meta għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ġġudikat minn qabel il-kwistjoni tal-legalità tal-għajnuna kkontestata.

    47      Deutsche Post u DHL International, isostnu, b’mod preliminari, l-inammissibbiltà tal-aggravju awtonomu mqajjem mill-Kummissjoni.

    48      Fir-rigward tal-mertu, huma jirrilevaw li l-Qorti Ġenerali sempliċement ħadet inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha flimkien sabiex tevalwa l-preżenza ta’ diffikultajiet serji li seta’ kien hemm. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiżbalja meta tikkunsidra illi l-aggravju dwar is-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali ma kienx tqajjem fl-ewwel istanza. Ir-rikorrenti jelenkaw, f’dan ir-rigward, il-partijiet differenti mir-rikors tagħhom illi jirreferu għal din il-problema.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    –       Ammissibbiltà tal-aggravju awtonomu tal-Kummissjoni

    49      B’mod preliminari, għandha l-ewwel tiġi eżaminata l-ammissibbiltà quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-aggravju awtonomu tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur mill-Qorti Ġenerali tar-raba’ paragafu tal-Artikolu 230 KE.

    50      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jitressaq appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn kull parti li tkun tilfet parzjalment jew għal kollox it-talbiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali. Peress li l-Kummissjoni kienet konvenuta quddiem il-Qorti Ġenerali, hija tista’, skont l-Artikolu 115(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, tippreżenta risposta tal-appell fi żmien xahrejn li jibdew jgħoddu min-notifika tar-rikors tal-appell, u dan skont ir-rekwiżiti tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu u kif ukoll tal-Artikolu 116 ta’ dawn ir-regoli.

    51      Konsegwentement, l-aggravju awtonomu mqajjem mill-Kummissjoni huwa ammissibbli.

    –       Fuq il-mertu

    52      Fir-rigward tal-mertu, il-Kummissjoni ssostni ksur tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, inkwantu, billi ħolqot b’mod artifiċjali mill-argumenti tar-rikors, motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali, il-Qorti Ġenerali għamlet riklassifikazzjoni tar-rikors tal-ewwel istanza li kien intiż kontra l-mertu tad-deċiżjoni. Ir-Renju tal-Belġju jirrileva wkoll li, permezz tar-raba’ u s-seba’ motivi tagħhom, ir-rikorrenti kkontestaw biss il-mertu ta’ din id-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ddikjarat, b’mod żbaljat, dawn il-motivi ammissibbli.

    53      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-kundizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, għandu qabelxejn jitfakkar li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 659/1999 jistabbilixxi fażi ta’ eżami preliminari tal-miżuri ta’ għajnuna nnotifikati li għandha l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma l‑ewwel opinjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni. Fit-tmiem ta’ din il-fażi, il-Kummissjoni tikkonstata li din il-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna jew inkella li din l-istess miżura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. F’din l-aħħar eventwalità, l-imsemmija miżura tista’ ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, jew għall-kuntrarju, tista’ tqajjem tali dubji (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43).

    54      Fil-każ ineżami, id-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni li ma għandhomx jitqajmu oġġezzjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999 li l‑legalità tagħha tiddependi fuq il-kwistjoni ta’ jekk jeżistux dubji dwar il‑kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni. Meta dubji bħal dawn jagħtu lok għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali li għaliha jistgħu jipparteċipaw il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, għandu jitqies li kull parti interessata fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni hija direttament u individwalment ikkonċernata minn tali deċiżjoni. Fil-fatt, il‑benefiċjarji tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE u fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jistgħu biss jiksbu l-osservanza tagħhom kemm-il darba huma jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    55      Meta jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, rikorrent essenzjalment ikun qed jikkontesta l-fatt li d-deċiżjoni meħuda mill-Kummisjoni fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni tkun ittieħdet mingħajr ma din l-istituzzjoni tkun fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u b’hekk bi ksur tad-drittijiet proċedurali tiegħu. Sabiex it-talba għal annullament tiegħu tintlaqa’, ir-rikorrent jista’ jinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-miżura notifikata, kellha tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni. L-użu ta’ tali argumenti ma jistax, madankollu, ikollu l-konsegwenza li jibdel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jibdel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet marbuta tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali stipulata fl-Artikolu 88(2) KE kif ukoll fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

    56      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-evalwazzjoni adoperata mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-motivi tar-rikors għal annullament għandha tiġi eżaminata.

    57      Fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 45 tas-sentenza kkontestata, li t-tieni motiv tar-rikors fl-ewwel istanza kien ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 88(3) KE, peress li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tiftaħx il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, għalkemm hija kellha diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-miżuri kkontestati mas-suq komuni.

    58      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali korrettament irrilevat, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li ma hijiex il-kompetenza tal-Qorti tal-Unjoni li tinterpreta r-rikors ta’ rikorrent li jikkontesta esklużivament il-mertu ta’ deċiżjoni ta’ evalwazzjoni tal‑għajnuna bħala li hija intiża fir-realtà li tipproteġi d-drittijiet proċedurali tar-rikorrent ibbażati fuq l-Artikoli 88(2) KE u 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999 meta r-rikorrent ma jkunx espressament qajjem motiv li jsegwi dan l-għan. F’din l‑ipoteżi, l‑interpretazzjoni tal-motiv twassal għal klassifikazzjoni mill-ġdid tas-suġġett tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni, C‑176/06 P, punt 25, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

    59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 55 tas-sentenza kkontestata, li r-rikorrenti sostnew b’mod espliċitu, permezz tat-tieni motiv tagħhom, li fl‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kien hemm ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom li huma jisiltu mill-Artikolu 88(2) KE.

    60      B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ dritt.

    61      Fil-fatt, minn naħa, ma huwiex ikkontestat li s-suġġett tar-rikors tar-rikorrenti fl-ewwel istanza jipprevedi fil-fatt l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tiftaħx il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikoli 88(2) KE u 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

    62      Min-naħa l-oħra, minkejja li r-rikors fl-ewwel istanza ma jippreżentax b’mod partikolarment ċar il-motivi tar-rikorrenti u, b’mod speċifiku, motiv distintivament identifikabbli bħala li jipprevedi s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali li huma jibbażaw fuq l-Artikoli 88(2) KE u 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fi kliem dan ir-rikors, ir-rikorrenti jsostnu li n-nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni pprekludihom mill-benefiċċju tal-garanziji proċedurali li għalihom huma għandhom dritt taħt dawn id-dispożizzjonijiet, filwaqt li jippreżentaw l-argumenti intiżi sabiex juru li l-Kummissjoni kellha timplementa l-proċedura prevista fihom.

    63      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali setgħet, korrettament, tikkunsidra li r-rikors kellu motiv li permezz tiegħu r-rikorrenti riedu jiddefendu d-drittijiet proċedurali li jirriżultaw mill-Artikoli 88(2) KE u 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, mingħajr għaldaqstant ksur tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

    64      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tieni motiv, l-elementi tar-rikors fl-ewwel istanza li permezz tagħhom ir-rikorrenti riedu juru li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri kkontestati mas-suq komuni.

    65      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punt 45 tas-sentenza appellata, li fir-raba’ u s-seba’ premessi, ir-rikorrenti sostnew li l-eżami mill-Kummissjoni tal-miżuri li jikkostitwixxu l-miżuri kkontestati kienu insuffiċjenti u inkompleti. Għalhekk, wara li qieset, fil-punt 52 tas-sentenza appellata, li r-rikorrenti, bħala kompetituri diretti ta’ La Poste fis-suq tat-tqassim espress tal-pakketti, kellhom biss il-locus standi bħala partijiet interessati fis-sens tal-Artikoli 88(2) KE u 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat korrettament, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li hija setgħet teżamina b’mod partikolari r-raba’ u s-seba’ motivi tar-rikors, biss sa fejn dawn huma intiżi sabiex jistabbilixxu li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-fażi formali tal-investigazzjoni.

    66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas ma tista’ l-Qorti Ġenerali tiġi kkritikata li ddikjarat ammissibbli motivi li permezz tagħhom ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li l-miżuri eżaminati ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali espressament iddikjarat dawn il-motivi ammissibbli fil-punt 67 tas-sentenza appellata.

    67      Għaldaqstant, it-tieni aggravju tar-Renju tal-Belġju u kif ukoll l-aggravju awtonomu tal-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

     Fuq l-ewwel u t-tielet aggravji

     L-argumenti tal-partijiet

    68      Ir-Renju tal-Belġju jsostni, permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, li l-Qorti Ġenerali għamlet klassifikazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami.

    69      Fil-każ ineżami, fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom tmexxiet l-proċedura ta’ eżami, it-terminu ta’ riferiment ta’ xahrejn applikat mill-Qorti Ġenerali huwa biss indikattiv, b’tali mod illi l-fatt li dan ikun iddekorra ma jistax ifisser awtomatikament illi l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji. Il-Kummissjoni żżid li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ, it-tul tal-eżami preliminari ma kienx eċċessiv.

    70      Barra minn hekk, skont ir-Renju tal-Belġju, il-Qorti Ġenerali naqset milli tidentifika rabta bejn, minn naħa, il-kamp vast ta’ investigazzjoni li l-eżami tal-miżuri kkontestati kien jimplika kif ukoll il-kumplessità apparenti tiegħu u, min-naħa l-oħra, il-preżenza ta’ diffikultajiet serji. Skont il-Kummissjoni, diffikultajiet ta’ fatt ma jinvolvux neċessarjament diffikultajiet serji.

    71      Finalment, ir-Renju tal-Belġju jenfasizza li l-eżitazzjoni fir-rigward tal-bażi legali hija pjuttost evidenza tal-għażla illi l-Kummissjoni kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tagħlaq il-każ iktar milli evidenza ta’ diffikultajiet serji. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssostni li, indipendentement mill-bażi legali, id-deċiżjoni finali kienet l-istess.

    72      Fir-rigward tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Renju tal-Belġju jqis li, fl-analiżi tagħha dwar in-natura adegwata tal-eżami tal-miżuri kkontestati, il-Qorti Ġenerali waslet għal riżultat differenti fil-mertu minn dak illi waslet għalih il-Kummissjoni. Madankollu, tali differenza ma tistax tintuża sabiex jiġi konkluż illi jeżistu diffikultajiet serji. Fi kwalunkwe każ, tali fatt ma jistax iwassal għall-kunsiderazzjoni li l-eżami li sar mill-Kummissjoni huwa inkomplet.

    73      Barra minn hekk, ir-Renju tal-Belġju u l-Kummissjoni jsostnu, permezz tat-tielet aggravju tagħhom, li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali billi għamlet applikazzjoni retroattiva tar-raba’ kriterju stipulat fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq.

    74      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni żżid, barra minn hekk, li l-eżami tal-kriterju msejjaħ “benchmarking” applikat fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, huwa irrilevanti fil-kuntest tal-istħarriġ tas-salvagwardja tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 88(2) KE.

    75      Minn perspettiva ġenerali, Deutsche Post u DHL International jikkunsidraw li l-proċeduri ta’ eżami tal-Kummissjoni, applikati fil-kuntest tal-privatizzazzjoni ta’ impriżi statali tal-posta huma tradizzjonalment ittrattati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fil-fatt, tranżazzjonijiet bħal dawn huma kkaratterizzati minn kuntest fattwali kumpless li jwassal neċessarjament għall-preżenza ta’ diffikultajiet serji.

    76      B’mod partikolari, ir-rikorrenti jfakkru, qabelxejn, li, matul il-proċedura ta’ eżami, il-Kummissjoni stess enfasizzat il-kumplessità tal-fajl li kien ġie sottomess quddiemha. Imbagħad, ir-Renju tal-Belġju naqas li jirrispondi għall-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma kellhiex l-informazzjoni fattwali kollha sabiex teżamina t-trasferiment ta’ proprjetà immobbli u l-kanċellazzjoni tal-fond għall-irtirar. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jfakkru li l-“benchmarking” tal-ispejjeż tas-SIEĠ fis-sens tar-raba’ kriterju li jissemma fis-sentenza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, kien iwieġeb dak iż-żmien għal aspettattiva, b’mod partikolari min-naħa tal-Kummissjoni nfisha.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    77      Qabelxejn, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li, jekk il-Kummissjoni tikkonstata, wara l-eżami preliminari, li l-miżura kkontestata tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, hija marbuta tieħu deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE u fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

    78      Fil-każ ineżami, id-deċiżjoni kkontestata hija deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet ibbażata fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999 li l-legalità tagħha tiddependi mill-kwistjoni ta’ jekk hemmx dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni.

    79      Peress li l-kunċett ta’ “dubji” previst fl-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 huwa ta’ natura oġġettiva, l-eżistenza tiegħu għandha titfittex mhux biss fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tal-att ikkontestat, iżda wkoll fl-evalwazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni tkun ibbażat ruħha (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑431/07 P, Ġabra p. I‑2665, punt 63).

    80      Fil-każ ineżami, qabelxejn, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tul ta’ żmien u ċ-ċirkustanzi tal-proċedura ta’ eżami preliminari, fil-punti 96 sa 107 tas-sentenza appellata. Imbagħad, fil-kuntest tal-eżami tal-elemeni marbuta mal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, fil-punti 108 sa 110 tal-imsemmija sentenza, in-natura insuffiċjenti tal-eżami tal-kanċellazzjoni tal-fond għall-irtirar u, min-naħa l-oħra, fil-punti 111 sa 117 ta’ din l-istess sentenza, in-natura inkompleta tal-eżami tal-ispiża tal-fornitura tas-SIEĠ. Fl-aħħar nett, hija kkonkludiet, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li dawn l-elementi kollha kienu jikkostitwixxu indizji oġġettivi u korroboranti li jikkonfermaw li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    81      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-tul ta’ żmien u taċ-ċirkustanzi tal-proċedura ta’ eżami preliminari, minkejja li perijodu li jeċċedi t-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll in-numru ta’ talbiet għal informazzjoni indirizzati lill-awtoritajiet Belġjani ma jippermettux, fihom infushom, li jiġi dedott li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, kif il-Qorti Ġenerali enfasizzat fil-punt 106 tas-sentenza appellata, dawn l-elementi jistgħu jikkostitwixxu indizji tal-fatt li l-Kummissjoni seta’ kellha dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni.

    82      F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kellha tipproċedi, sabiex tiddikjara l-miżura nnotifikata kompatibbli mas-suq komuni, bl-eżami tal-kompatibbiltà ta’ sitt miżuri mhux innotifikati adottati bejn l-1992 u l-1997.

    83      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali sostniet b’mod partikolari li dan kien juri eżami insuffiċjenti tal-miżuri kkontestati.

    84      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 109 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma kellha provi li setgħu jippermettulha li tevalwa l-vantaġġ mogħti permezz tat-tqegħid ta’ immobbli għad-dispożizzjoni ta’ La Poste mingħajr ħlas inkambju għall-kanċellazzjoni tar-riżerva għall-irtirar.

    85      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex tkopri d-drittijiet għal pensjoni tal-uffiċjali impjegati tagħha, La Poste stabbilixxiet, fl-1992, fond ta’ EUR 100 miljun fiż-żmien tat-trasformazzjoni tagħha f’impriża awtonoma li ġie kkanċellat fl-1997. Inkambju għal dan il-fond sar it-trasferiment ta’ immobbli neċessarji għas-servizz pubbliku.

    86      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali setgħet korrettament tikkunsidra li l-Kummissjoni kellha titlob informazzjoni preċiża mingħand l-awtoritajiet Belġjani, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-valur tal-immobbli mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ La Poste mingħajr ħlas mill-Istat Belġjan.

    87      Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li kkunsidrat li tali ċirkustanza tista’ tikkostitwixxi indizju tal-fatt li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura kkontestata mas-suq komuni. Fil-fatt, hija ma eskludietx li, fid-dawl tal-valur tal-beni immobbli mgħoddija, La Poste tikseb vantaġġ ekonomiku sostanzjali minn din l-operazzjoni li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Issa, sabiex tasal għaċ-ċertezza tal-kuntrarju, il-Kummissjoni kellha, tal-inqas, tagħmel evalwazzjonijiet tal-vantaġġ finanzjarju għal La Poste li t-tqegħid ta’ dawn l-immobbli għad-dispożizzjoni tagħha jikkostitwixxi.

    88      Fir-rigward tat-tielet aggravju, ibbażat fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 81 u 87 ta’ din is-sentenza, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali taċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni u kif ukoll tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata ħarġet id-dubji li l-Kummissjoni kellha fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq komuni, dubji li huma suffiċjenti sabiex isostnu l-konklużjoni li hija kellha tiftaħ il-fażi formali tal-investigazzjoni prevista fl-Artikoli 88(2) KE u 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

    89      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx ħtieġa li jsir eżami ta’ dan l-aggravju.

    90      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat u t-tielet aggravju bħala ineffettiv.

    91      Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

     Fuq l-ispejjeż

    92      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 tagħhom, kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Belġju u l-Kummissjoni tilfu l-kawża, dawn għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-appell huwa miċħud.

    2)      Ir-Renju tal-Belġju kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea huma kkundannati għall-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top