Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0133

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-30 ta' Settembru 2010.
    József Uzonyi vs Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Fővárosi Bíróság - l-Ungerija.
    Agrikoltura - Politika Agrikola Komuni - Skemi diretti ta’ appoġġ -Regolament (KE) Nru 1782/2003- Artikolu 143ba - Pagament separat għaz-zokkor - Għotja - Deċiżjoni tal-Istati Membri l-ġodda - Kundizzjonijiet - Kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji.
    Kawża C-133/09.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-08747

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:563

    Kawża C-133/09

    József Uzonyi

    vs

    Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Bíróság)

    “Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Skemi ta’ appoġġ — Regolament (KE) Nru 1782/2003 — Artikolu 143ba — Pagament separat għaz-zokkor — Għoti — Deċiżjoni tal-Istati Membri l-ġodda — Kundizzjonijiet — Kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji”

    Sommarju tas-sentenza

    Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Skemi ta’ appoġġ — Regoli komuni — Pagament separat għaz-zokkor

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1782/2003, Artikolu 143ba(1))

    L-Artikolu 143ba(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001, hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 319/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mill‑benefiċċju ta’ pagament separat għaz-zokkor bidwi li ma għandux drittijiet ta’ kunsinna li jikkunsinja l-pitravi zokkrija lil produttur ta’ zokkor permezz ta’ integratur li għandu tali drittijiet, filwaqt li tali leġiżlazzjoni tagħti pagament separat lil bidwi li għandu drittijiet ta’ kunsinna li jikkunsinja l-pitravi zokkrija direttament lill-produttur ta’ zokkor, kif ukoll bidwi li ma għandux drittijiet ta’ kunsinna, li huwa membru ta’ grupp ta’ produtturi, li jikkunsinja l-pitravi zokkrija lil produttur ta’ zokkor permezz ta’ dan il-grupp, li għandhom drittijiet ta’ kunsinna.

    (ara l-punt 46 u d-dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    30 ta' Settembru 2010(*)

    “Agrikoltura – Politika Agrikola Komuni – Skemi ta’ appoġġ –Regolament (KE) Nru 1782/2003– Artikolu 143ba – Pagament separat għaz-zokkor – Għoti – Deċiżjoni tal-Istati Membri l-ġodda – Kundizzjonijiet – Kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji”

    Fil-Kawża C‑133/09,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Fővárosi Bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ April 2009, fil-proċedura

    József Uzonyi

    vs

    Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, K. Schiemann, L. Bay Larsen (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Lulju 2010,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal J. Uzonyi, minn Y. Uzonyi, ügyvéd,

    –        għall-Gvern Ungeriż, minn R. Somssich, M. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Simon u F. Clotuche‑Duvieusart, bħala aġenti,

    wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 143ba(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269), hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 319/2006, tal-20 ta’ Frar 2006 (ĠU L 335M, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1782/2003”).

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn J. Uzonyi u Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve (korp ċentrali tal-Uffiċċju tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali, iktar ’il quddiem il-“Hivatal”), rigward talba ta’ pagament separat għaz-zokkor.

     Il-kuntest ġuridiku

     Id-dritt Komunitarju

    3        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 143ba(1) tar-Regolament Nru 1782/2003, intitolat “Pagament separat għaz-zokkor”, jiddisponi:

    “B’deroga mill-Artikolu 143b, l-Istati Membri l-ġodda li japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku bl-area [żona] jistgħu jiddeċiedu sat-30 ta’ April 2006, li fir-rigward tas-snin 2006, 2007 u 2008, jagħtu pagament separat għaz-zokkor lill-bdiewa eliġibbli taħt l-iskema ta’ pagament uniku bl-area. Dan għandu jingħata abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji bħal:

    –        il-kwantitajiet ta’ pitravi zokkrija, kannamieli jew ċikwejra koperti minn kuntratti ta' forniment konklużi skond l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001,

    –        il-kwantitajiet ta’ zokkor jew ta’ ġulepp ta’ l-inulina prodotti skond ir‑Regolament (KE) Nru 1260/2001,

    –        in-numru medju ta’ ettari ta’ pitravi zokkrija, kannamieli jew ċikwejra użati għall-produzzjoni taz-zokkor jew tal-ġulepp ta’ l-inulina u koperti permezz ta’ kuntratti ta’ forniment konklużi skond l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001;

    u fir-rigward ta’ perijodu rappreżentattiv li jista’ jkun differenti għal kull prodott ta’ waħda jew aktar mis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2004/2005, 2005/2006 u 2006/2007 li għandhom jiġu ddeterminati mill-Istati Membri qabel it-30 ta’ April 2006.”

    4        L-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2011/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jadatta r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, ir-Regolament (KE) Nru 318/2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor u r‑Regolament (KE) Nru 320/2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità, minħabba l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tal-Bulgarija u tar-Rumanija (ĠU L 352M, p. 945), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007, issostitwixxa t-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 143ba(1), bit-test segwenti:

    “Dan jingħata fir-rigward ta’ perjodu rappreżentattiv li jista’ jkun differenti għal kull prodott ta’ wieħed jew aktar minn wieħed fis-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2004/2005, 2005/2006 u 2006/2007 kif jiġi determinat mill-Istati Membri qabel it‑30 ta’ April 2006, u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji bħal:

    –        il-kwantitajiet ta’ pitravi taz-zokkor, ta’ kannamieli jew ċikwejra koperti permezz ta’ kuntratti ta’ forniment konklużi skond l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 jew l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, kif jixraq,

    –        il-kwantitajiet ta’ zokkor jew ta’ ġulepp ta’ l-inulina prodotti skond ir-Regolament (KE) Nru 1260/2001 jew ir-Regolament (KE) Nru 318/2006, kif jixraq;

    –        l-għadd medju ta’ ettari ta’ pitravi taz-zokkor, ta’ kannamieli jew ċikwejra użati għall-produzzjoni taz-zokkor jew tal-ġulepp ta’ inulina u koperti permezz ta’ kuntratti ta’ forniment konklużi skond l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 jew l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, kif jixraq;”

    5        Din l-emenda, mhux applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, hija invokata mill-konvenuta, bħala element ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 143ba tar-Regolament Nru 1782/2003.

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    6        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament 48/2006 (VI. 22.) tal-Ministeru tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (FVM) dwar pagament separat għaz-zokkor mogħti lill-bdiewa eliġibbli fil-kuntest tal-iskema ta’ pagament uniku biż-żona (Magyar Közlöny, 2006/75, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-Ministeru tal-Agrikoltura u l‑Iżvilupp Rurali”) jiddisponi:

    “Huma eliġibbli għall-pagament il-bdiewa li:

    a)       huma eliġibbli għall-pagament uniku biż-żona taħt il-leġiżlazzjoni speċifika matul is-sena ta’ referenza;

    b)       jiddisponu minn dritt ta’ kunsinna ta’ pitravi matul il-perijodu ta’ referenza jew minn kuntratt ibbażat fuq il-kwota ta’ zokkor ta’ Slovenja;

    c)       issodisfaw l-obbligi tagħhom relatati mad-dritt ta’ kunsinna tal-pitravi zokkrija.

    […]”

    7        Id-dritt ta’ kunsinna jikkorrispondi għall-kwantità ta’ pitravi zokkrija neċessarji għall-produzzjoni tal-kwantità ta’ zokkor koperta mill-kwota ta’ zokkor allokat lill-Istat Membru taħt id-dritt Komunitarju.

    8        L-Arikolu 5 tar-Regolament tal-Ministeru tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali jipprovdi:

    “1)      Id-dokumenti ġustifikattivi segwenti għandhom jiġu mehmuża mat-talba ta’ pagament:

    a)       dokument ipprovdut mill-Kunsill taz-zokkor dwar il-kwantità (f’tunnellati) ta’ drittijiet ta’ kunsinna (sa 16 %) mogħtija lill-applikant fl-1 ta’ Lulju 2004 u fl-1 ta’ Lulju 2005 (li għandha tiġi kkalkolata b’mod uniformi abbażi ta’ ammont ta’ produzzjoni ta’ 140 kg),

    b)      dokument ipprovdut mill-organu li jamministra l-kwota tal-ipproċessar tal-pitravi zokkrija relatata mal-kwantità (f’tunnellati) ta’ pitravi zokkrija “A” u “B” (sa 16 %) ikkunsinjati taħt kuntratti ta’ koltivazzjoni matul is-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni 2004/2005 jew 2005/2006 (id-dokumenti tal-impriżi ta’ proċessar għandhom jiġu koretti, jekk ikun il-każ, sabiex jittieħed kont tal-mod uniformi ta’ ammont ta’ produzzjoni ta’ zokkor ta’ 140 kg);

    c)       dokument ipprovdut mill-federazzjoni reġjonali kompetenti tal-produtturi tal-pitravi zokkrija li jiċċertifika li l-applikant issodisfa l‑obbligi relatati mad-drittijiet ta’ kunsinna;

    d)       kull dokument ieħor li jistabbilixxi l-eliġibbiltà.

    2)       Għal dak li jikkonċerna l-membri ta’ grupp ta’ produtturi, dawk li jipproċessaw għandhom jiċċertifikaw il-kwalità totali kkunsinjata mill-grupp ta’ produtturi, filwaqt li dan tal-aħħar għandu jiċċertifika l-kwantitajiet ikkunsinjati mill-membri fi ħdan il-grupp.

    […]”

     Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

    9        Fit-28 ta’ Ġunju 2006, J. Uzonyi, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ressaq quddiem il-Hivatal, għas-sena 2006, talba ta’ pagament separat għaz-zokkor fir-rigward tal-produzzjoni ta’ pitravi zokkrija tiegħu kkunsinjati permezz ta’ integratur, korp li jeżerċita rwol ta’ intermedjazzjoni, ta’ koordinazzjoni u ta’ għajnuna għall-attività ta’ produzzjoni tal-bdiewa li jagħmlu parti minnu.

    10      J. Uzonyi ma setax, madankollu, jipproduċi prova tad-drittijiet tiegħu ta’ kunsinna ta’ pitravi u tal-osservanza tal-obbligi relatati ma’ tali drittijiet biss fir-rigward tal-integratur.

    11      Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ April 2007, il-Hivatal ċaħad it-talba tiegħu minħabba li huwa ma kienx eliġibbli għall-għajnuna, peress li huwa ma kienx ipprovda d-dokumenti ġustifikattivi meħtieġa mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Ministeru tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali.

    12      J. Uzonyi ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda.

    13      L-imsemmi lment ġie miċħud bid-deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2007 tal-Ministru tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali, li s-suċċessur tiegħu huwa l-Hivatal, konvenut fil-kawża prinċipali.

    14      Insostenn taċ-ċaħda, ġie kkunsidrat li huma eliġibbli biss għall-pagament il‑bdiewa li għandhom drittijiet ta’ kunsinna ta’ pitravi u li jissodisfaw l-obbligi relatati magħhom. B’hekk, sa fejn id-dokumenti annessi mat-talba ma kinux jirrigwardaw id-drittijiet ta’ kunsinna u l-osservanza tal-obbligi relatati magħhom fir-rigward tal-applikant stess, iżda fir-rigward tal-integratur, huwa għalhekk ma ssodisfax l-ħtiġiet tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Ministeru tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali.

    15      J. Uzonyi appella d-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa jinvoka l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bejn il-produtturi li jikkunsinjaw huma stess pitravi zokkrija u dawk li jikkunsinjaw pitravi zokkrija permezz ta’ integraturi. Huwa jitlob l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Ministeru tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali, dwar il-kunsinni ta’ pitravi permezz ta’ gruppi ta’ produtturi.

    16      Il-konvenut fil-kawża prinċipali jsostni quddiem il-qorti tar-rinviju li l‑applikazzjoni ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji tikkonċerna l-perijodu rappreżentattiv li jirreferi għalih l-Artikolu 143ba tar-Regolament Nru 1782/2003 u mhux il-persuni eliġibbli għall-pagament imsemmija mill-istess dispożizzjoni. Huwa jikkonferma l-affermazzjoni tiegħu fl-emenda li saret fl-Artikolu 143ba tar-Regolament Nru 1782/2003 mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2011/2006. Din l-emenda sempliċiment ippreċiżat il-kliem tar-regola, mingħajr ma bidlet is‑sens tiegħu. Qabel l-istess bħal wara l-emenda, l-applikazzjoni ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji kienet tikkonċerna biss il-perijodu rappreżentattiv.

    17      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Artikoli 2 u 5 tar-Regolament tal-Ministeru tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali jeskludu mill-pagament il-bdiewa li ma humiex direttament marbuta b’kuntratt mal-produttur taz-zokkor, iżda li kkonkludu kuntratt ta’ koltivazzjoni ma’ integratur li għandu drittijiet ta’ kunsinna bbażati fuq iż-żoni kkoltivata mill-produtturi li jagħmlu parti minnu. Fil-fatt, dawn il‑bdiewa ma humiex f’pożizzjoni li juru li huma għandhom drittijiet ta’ kunsinna meħtieġa mir-Regolament tal-Ministeru tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali għall-finijiet tal-ksib tal-pagament.

    18      L-istess qorti tosserva li, min-naħa l-oħra, il-bdiewa membri ta’ grupp ta’ produtturi li ma humiex direttament marbuta b’kuntratt mal-produttur taz-zokkor, iżda li kkonkludew kuntratt ta’ koltivazzjoni ma’ grupp li għandu drittijiet ta’ kunsinna abbażi taż-żoni kkoltivati mill-membri tal-grupp, jistgħu jiksbu pagament separat għaz-zokkor taħt id-dispożizzjonijiet fis-seħħ tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Ministeru tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali, billi jipproduċu d-dokument ipprovdut minn dan il-grupp.

    19      Skontha, hemm lok li jittieħed kont tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34 KE, li jistabbilixxi l‑projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, huwa sempliċiment l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza.

    20      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kliem tad-dispożizzjoni Komunitarja li għandu jiġi interpretat ma huwiex ċar, fid-dawl, qabel kollox, tal-fatt li din id‑dispożizzjoni ġiet sussegwentement emendata. Hija żżid li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li, taħt l-Artikolu 143ba tar-Regolament Nru 1782/2003, il-produtturi ta’ pitravi li jikkunsinjaw dawn permezz ta’ integratur huma wkoll eliġibbli għall-pagament separat għaz-zokkor bħal dawk li jikkunsinjawhom huma stess, tali pagament jista’ mbagħad jingħata, għas-sena 2006, lir-rikorrent fil-kawża prinċipali kif ukoll lil diversi persuni li ressqu proċeduri attwalment pendenti, permezz ta’ applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Ministeru tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali.

    21      F’dan il-kuntest, il-Fővárosi Bíróság iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari inkwistjoni:

    “[Il-frażi] “[d]an [il-pagament] għandu jingħata abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskiminatorji” li tinsab fl-Artikolu143ba(1) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2006, timplika li ma kienx possibbli li ssir distinzjoni għall-finijiet tal-eliġibbiltà tal-pagament għaz-zokkor separatament mill-iskema ta’ pagament uniku li tipprovdi li l-bdiewa jipprovdu l-pitravi zokkrija direttament (huma stess) jew indirettament (permezz ta’ integratur) sabiex dawn jiġu pproċessati?”

     Fuq id-domanda preliminari

    22      Permezz tad-domanda tagħha, moqrija fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni preliminari, il-qorti nazzjonali qed issaqsi, essenzjalment, jekk l‑Artikolu 143ba(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju ta’ pagament separat għaz-zokkor bidwi li ma għandux drittijiet ta’ kunsinna li jikkunsinja l-pitravi zokkrija lil produttur ta’ zokkor permezz ta’ integratur li għandu tali drittijiet, filwaqt li tali leġiżlazzjoni tagħti pagament separat lil bidwi li għandu drittijiet ta’ kunsinna li jikkunsinja l‑pitravi zokkrija direttament lill-produttur ta’ zokkor, kif ukoll bidwi li ma għandux drittijiet ta’ kunsinna, li huwa membru ta’ grupp ta’ produtturi, li jikkunsinja l-pitravi zokkrija lil produttur ta’ zokkor permezz ta’ dan il-grupp, li għandhom drittijiet ta’ kunsinna.

    23      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxix diskriminazzjoni projbita mill-Artikolu 143ba tar-Regolament Nru 1782/2003.

    24      Fir-rigward tal-allegazzjonijiet imressqa fil-kuntest tal-kawża prinċipali mill-konvenut, għandu jiġi kkonstatat l-ewwel nett li:

    –        l-Artikolu 143ba tar-Regolament Nru 1782/2003, fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kawża prinċipali, jiddisponi b’mod ċar li l-pagament separat għaz-zokkor għandu jingħata abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji lill-bdiewa eliġibbli fil-kuntest tal-iskema ta’ pagament uniku biż-żona;

    –        ebda mill-verżjonijiet lingwistiċi tal-imsemmi artikolu ma tistabilixxi relazzjoni bejn, minn naħa, kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji u, min-naħa l-oħra, id-determinazzjoni ta’ perijodi rappreżentattivi.

    25      L-emenda sussegwenti tal-Artikolu 143ba li tirriżulta mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2011/2006 ma tqegħidx inkwistjoni dawn il-konstatazzjonijiet.

    26      Fil-fatt, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li, bħala eċċezzjoni, dispożizzjoni li temenda tista’ sservi ta’ element ta’ interpretazzjoni, tali possibbiltà hija a priori eskluża meta d-dispożizzjoni preċedenti hija ċara fil-verżjonijiet lingwistiċi tagħha kollha.

    27      F’kull każ, jidher li d-dispożizzjoni li temenda invokata f’din il-kawża ma hijiex ċara fid-dsatax-il verżjoni lingwistika disponibbli. Fil-fatt, f’sitta minnhom, jiġifieri l-verżjonijiet ta’ lingwa Daniża, Estonjana, Franċiża, Ungeriża, Pollakka u Portugiża, hija fiha differenzi fil-kliem li joħolqu, tal-anqas, ambigwità fuq il‑kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji għandhiex isseħħ waqt l-għoti tal-pagament jew waqt id-determinazzjoni tal-perijodu rappreżentattiv.

    28      Barra minn hekk, it-tlettax-il verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, jiġifieri l-verżjonijiet tal-lingwa Spanjola, Ċeka, Ġermaniża, Ingliża, Taljana, Latvjana, Litwana, Olandiża, Slovena, Slovakkja, Finlandiża u Svediża, għandhom l-istess sens ċar bħad-dispożizzjoni li għandha tiġi interpretata.

    29      Għaldaqstant, għandu jingħad li l-Artikolu 143ba tar-Regolament Nru 1782/2003 tissuġġetta l-għoti mill-Istati l-Membri l-ġodda ta’ pagament separat għaz-zokkor għall-applikazzjoni minnhom ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji.

    30      B’hekk, dan jirriproduċi sempliċiment il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita fis-subparagrafu 2 tal-Artikolu 34(2) KE.

    31      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fil-kuntest tal-politika agrikola komuni hija biss l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, li jirrikjedi li sitwazzjonijiet simili ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod simili sakemm differenza bħal din ma tkunx oġġettivament iġġustifikata (ara, b’mod partikolari, fir-rigward tas-subparagrafu 2 tal-Artikolu 34(2) KE, is‑sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2006, Franz Egenberger, C‑313/04, Ġabra p. I‑6331, punt 33; tal-11 ta’ Ġunju 2009, Agrana Zucker, C‑33/08, Ġabra p. I‑5035, punt 46, u tal-20 ta’ Mejju 2010, Agrana Zucker, C‑365/08, Ġabra p. I‑0000, punt 42).

    32      Ir-Regolament Nru 319/2006 daħħal l-Artikolu 143ba fir-Regolament Nru 1782/2003 fil-verżjoni tiegħu qabel l-emendi li saru fih.

    33      Jirriżulta mit-tieni, is-sitt, is-seba’, id-disa’ sal-ħdax-il premessa r-Regolament Nru 319/2006 li dan għandu bħala għan li jiġi żgurat sostenn għad-dħul tal-“bdiewa” li jipproduċu pitravi zokkrija u li huma eliġibbli fil-kuntest tal-iskema ta’ pagament uniku biż-żona.

    34      L-imsemmi regolament ma jistabbilixxi l-ebda rabta bejn l-għoti ta’ pagament separat għaz-zokkor u l-mod ta’ kunsinna, dirett jew indirett, ta’ pitravi zokkrija mill-bdiewa lill-produtturi ta’ zokkor. Lanqas ma hija stabbilita rabta bejn pagament separat għaz-zokkor u l-fatt li l-bidwi ma għandux drittijiet ta’ kunsinna.

    35      Fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 319/2006, bdiewa li jipproduċu pitravi zokkrija jinsabu għalhekk f’sitwazzjonijiet simili kemm jekk jikkunsinjaw dawn il-prodotti direttament jew indirettament lil produttur ta’ zokkor u kemm jekk għandhom jew ma għandhomx huma stess drittijiet ta’ kunsinna previsti minn leġiżlazzjoni nazzjonali.

    36      Issa, skont l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali, mogħtija mill-qorti tar-rinviju u kkonfermata minnha f’risposta għal domanda ta’ kjarifiki mibgħuta mill-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba d-differenzi ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li dehru fl-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiemha, bidwi li jagħmel parti minn intergratur, li ma għandux drittijiet ta’ kunsinna, li jikkunsinja pitravi zokkrija lill-produttur ta’ zokkor permezz ta’ integratur li għandu drittijiet ta’ kunsinna ma jistax jingħata direttament pagament separat għaz-zokkor, għall-kuntrarju, minn naħa, ta’ bidwi li għandu drittijiet ta’ kunsinna li jipproċedi hu stess għal kunsinna u, min-naħa l-oħra, bidwi li ma għandux drittijiet ta’ kunsinna li jikkunsinja l-pitravi lill-produttur ta’ zokkor permezz ta’ grupp ta’ produtturi li għandhom tali drittijiet, li tiegħu huwa membru.

    37      Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tittratta b’mod differenti sitwazzjonijiet simili.

    38      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk dan it-trattament differenti huwiex oġġettivament iġġustifikat.

    39      F’osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Ungeriż sostna li l-integratur huwa ġeneralment f’pożizzjoni aħjar sabiex jittratta xogħol amministrattiv relatat mal-pagament separat għaz-zokkor. Il-proċedura taħt id-dritt nazzjonali hija ġeneralment iktar favorevoli għall-produttur. Hija tgħin sabiex l-applikazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod iktar effikaċji peress li l-amministrazzjoni għandha tiddeċiedi biss fuq it-talbiet tal-integraturi u mhux fuq it-talbiet ta’ kull produttur li jagħmel parti minn integratur.

    40      Matul il-proċedura orali, il-Gvern Ungeriż ippreċiża li, skontu, sabiex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 143ba tar-Regolament Nru 1782/2003, integratur għandu hu stess ikun eliġibbli għall-iskema ta’ pagament uniku biż-żona.

    41      Madankollu, irid jiġi rrelevat li, skont l-interpretazzjoni tal-qorti tar-rinviju, il-fatt li bidwi jagħmel parti minn grupp li għandu drittijiet ta’ kunsinna ma jipprekludix l-għotja diretta lill-imsemmi bidwi ta’ pagament separat għaz-zokkor, anki jekk l‑interessat ma għandux hu stess drittijiet ta’ kunsinna.

    42      B’hekk jidher li l-bdiewa membri ta’ grupp ta’ produtturi jistgħu jippreżentaw talba ta’ pagament separat għaz-zokkor huma stess mingħajr ma jqumu oġġezzjonijiet li trattament kollettiv ta’ talbiet huwa iktar effikaċi. Issa, oġġezzjonijiet paralleli jistgħu jgħoddu kemm għal din il-kategorija ta’ bdiewa kif ukoll għal dik ta’ bdiewa li jagħmlu parti minn integratur, li ma għandhomx drittijiet ta’ kunsinna.

    43      Għall-bqija, anki jekk dawn l-oġġezzjonijiet jistgħu jitqajmu fir-rigward tal-bdiewa li jagħmlu parti minn integratur jew membri ta’ grupp li ma jikkunsinjawx huma stess lill-produtturi ta’ zokkor, dawn ma jistgħux, f’kull każ, jikkostitwixxu ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ trattament differenti ta’ dawn it-tipi ta’ bdiewa meta mqabbla ma’ bidwi li jikkunsinja hu stess lill-produttur ta’ zokkor.

    44      B’mod partikolari, huma ma jistgħux jiġu invokati jekk il-kundizzjonijiet previsti għall-għoti ta’ pagament separat fuq talba tal-intermedjarju kellhom bħala effett li jipprivaw il-bdiewa kkonċernati mill-benefiċċju ta’ dan il-pagament, pereżempju fil-każijiet fejn:

    –        dawn il-bdiewa, jekk l-intermedjarju naqas milli jaġixxi, ma jkunux ammessi sabiex jippreżentaw direttament, minflok dan, talba ta’ pagament separat;

    –        il-preżentazzjoni, mill-intermedjarju, ta’ talba ta’ pagament separat f’isem il‑bdiewa hija suġetta għall-kundizzjoni li huwa stess huwa eliġibbli għall-iskema ta’ pagament uniku biż-żona, filwaqt li l-Artikolu 143ba tar-Regolament Nru 1782/2003 ma jeħtieġx dan biss fir-rigward tal-bidwi li jrid pagament separat u mhux fir-rigward tal-intermedjarju li jippreżentah.

    45      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li trattament differenti bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex oġġettivament iġġustifikat.

    46      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda mressqa hija li l‑Artikolu 143ba(1) tar-Regolament Nru 1782/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju ta’ pagament separat għaz-zokkor bidwi li ma għandux drittijiet ta’ kunsinna li jikkunsinja l-pitravi zokkrija lil produttur ta’ zokkor permezz ta’ integratur li għandu tali drittijiet, filwaqt li tali leġiżlazzjoni tagħti pagament separat lil bidwi li għandu drittijiet ta’ kunsinna li jikkunsinja l‑pitravi zokkrija direttament lill-produttur ta’ zokkor, kif ukoll bidwi li ma għandux drittijiet ta’ kunsinna, li huwa membru ta’ grupp ta’ produtturi, li jikkunsinja l-pitravi zokkrija lil produttur ta’ zokkor permezz ta’ dan il-grupp, li għandhom drittijiet ta’ kunsinna.

    47      F’kull każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk huwiex possibbli li tingħata lill-leġiżlazzjoni nazzjonali interpretazzjoni konformi għad-dritt Komunitarju applikabbli.

     Fuq l-ispejjeż

    48      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    L-Artikolu 143ba(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001, hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 319/2006, tal-20 ta’ Frar 2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-benefiċċju ta’ pagament separat għaz-zokkor bidwi li ma għandux drittijiet ta’ kunsinna li jikkunsinja l-pitravi zokkrija lil produttur ta’ zokkor permezz ta’ integratur li għandu tali drittijiet, filwaqt li tali leġiżlazzjoni tagħti pagament separat lil bidwi li għandu drittijiet ta’ kunsinna li jikkunsinja l-pitravi zokkrija direttament lill-produttur ta’ zokkor, kif ukoll bidwi li ma għandux drittijiet ta’ kunsinna, li huwa membru ta’ grupp ta’ produtturi, li jikkunsinja l-pitravi zokkrija lil produttur ta’ zokkor permezz ta’ dan il-grupp, li għandhom drittijiet ta’ kunsinna.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

    Top