Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0065

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tas-16 ta' Ġunju 2011.
    Gebr. Weber GmbH vs Jürgen Wittmer (C-65/09) u Ingrid Putz vs Medianess Electronics GmbH (C-87/09).
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Bundesgerichtshof (C-65/09) u Amtsgericht Schorndorf (C-87/09) - il-Ġermanja.
    Protezzjoni tal-konsumaturi - Bejgħ u garanzija ta’ oġġetti tal-konsum - Direttiva 1999/44/KE - Artikolu 3(2) u Artikolu 3(3) - Tibdil tal-oġġett difettuż bħala l-uniku rimedju - Oġġett difettuż li diġà ġie installat mill-konsumatur - Obbligu tal-bejjiegħ li jneħħi l-oġġett difettuż u li jinstalla l-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali - Sproporzjonalità assoluta - Konsegwenzi.
    Każijiet Magħquda C-65/09 u C-87/09.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:396

    Kawżi magħquda C-65/09 u C-87/09

    Gebr. Weber GmbH

    vs

    Jürgen Wittmer

    u

    Ingrid Putz

    vs

    Medianess Electronics GmbH

    (talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof)

    “Protezzjoni tal-konsumaturi — Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti tal-konsum — Direttiva 1999/44/KE — Artikolu 3(2) u (3) — Tibdil tal-oġġett difettuż bħala l-uniku rimedju — Oġġett difettuż li diġà ġie installat mill-konsumatur — Obbligu tal-bejjiegħ li jneħħi l-oġġett difettuż u li jinstalla l-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali — Sproporzjonalità assoluta — Konsegwenzi”

    Sommarju tas-sentenza

    1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni tal-konsumaturi — Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti tal-konsum — Drittijiet tal-konsumatur — Nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ikkunsinnat — Tqegħid inkonformità tal-oġġett li jeħtieġ it-tibdil tiegħu

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44, premessa 1 u Artikolu 3(2) u (3))

    2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni tal-konsumaturi — Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti tal-konsum — Drittijiet tal-konsumatur — Nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ikkunsinnat — Tqegħid inkonformità tal-oġġett li jeħtieġ it-tibdil tiegħu

    (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1999/44, Artikolu 3(3) u l-aħħar inċiż tal-Artikolu 3(5))

    1.        L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta oġġett tal-konsum mhux konformi li, qabel ma joħroġ fid-dieher id-difett, ikun ġie installat, in bona fide, mill-konsumatur inkonformità man-natura tiegħu u mal-użu mixtieq minnu, jitqiegħed fi stat ta’ konformità permezz ta’ tibdil, il‑bejjiegħ huwa obbligat li jew iwettaq huwa stess it-tneħħija ta’ dan l‑oġġett mill-post fejn ikun ġie installat u l-installazzjoni f’dan il-post tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, jew li jbati l-ispejjeż neċessarji marbuta ma’ din it-tneħħija u ma’ din l-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali. Dan l-obbligu tal-bejjiegħ jeżisti indipendentement mill-kwistjoni jekk, taħt il-kuntratt ta’ bejgħ, il‑bejjiegħ kienx intrabat li jinstalla l-oġġett tal-konsum akkwistat inizjalment.

    Tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan tad-Direttiva li, kif tindika l- premessa 1 tagħha, huwa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Għaldaqstant, f’sitwazzjoni fejn ebda waħda miż-żewġ partijiet fil-kuntratt ma tkun aġixxiet b’mod li jimplika ħtija, ikun ġustifikat li l-ispejjeż tat-tneħħija tal-oġġett mhux konformi u tal-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali jitqiegħdu għar-responsabbiltà tal-bejjiegħ, u dan sa fejn dawn l-ispejjeż addizzjonali, minn naħa, kienu jiġu evitati li kieku l-bejjiegħ kien eżegwixxa b’mod korrett l-obbligi kuntrattwali tiegħu mill-ewwel u, min-naħa l-oħra, ikunu saru neċessarji sabiex l-oġġett ikun jista’ jitqiegħed fi stat ta’ konformità.

    Fil-każ li l-bejjiegħ ma jwettaqx huwa stess it-tneħħija tal-oġġett mhux konformi u l-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, hija l‑qorti nazzjonali li għandha tiddetermina liema huma l-ispejjeż meħtieġa għat-tneħħija u għall-installazzjoni msemmija u li l-konsumatur jista’ jitlob ir-rimbors tagħhom.

    (ara l-punti 55, 57, 61, 62, u d-dispożittiv 1)

    2.        L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti lill-bejjiegħ id-dritt li jirrifjuta t-tibdil ta’ oġġett mhux konformi, liema tibdil ikun l-uniku rimedju possibbli, għar-raġuni li dan ir-rimedju jimponilu, minħabba l‑obbligu li jneħħi dan l-oġġett mill-post fejn ikun ġie installat u li jinstalla f’dan il-post l-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, spejjeż sproprozjonati fid-dawl tal-valur li kien ikollu l-oġġett li kieku kien konformi u tal-portata tan-nuqqas ta’ konformità. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li d-dritt tal-konsumatur għar-rimbors tal-ispejjeż tat-tneħħija tal-oġġett difettuż u tal-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali jkun, f’tali każ, limitat għat-teħid ta’ responsabbiltà, mill-bejjiegħ, ta’ ammont proporzjonat.

    Meta teżamina jekk hemmx lok li jitnaqqas id-dritt tal-konsumatur għar-rimbors tal-ispejjeż imsemmija, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-valur li kien ikollu l-oġġett li kieku kien konformi u l-portata tan-nuqqas ta’ konformità, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-għan tad-Direttiva, jiġifieri li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

    Barra minn hekk, fil-każ ta’ tnaqqis tad-dritt għar-rimbors tal-imsemmija spejjeż, ikun hemm lok li l-konsumatur jingħata l-possibbiltà li jeżiġi, minflok it-tibdil tal-oġġett mhux konformi, tnaqqis adegwat tal-prezz jew it-tħassir tal-kuntratt, inkonformità mal-aħħar inċiż tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva, u dan sa fejn il-fatt li l-konsumatur ma jkunx jista’ jikseb it-tqegħid inkonformità tal-oġġett difettuż ħlief billi jbati huwa stess parti minn dawn l-ispejjeż jikkostitwixxi inkonvenjent sinjifikattiv għalih.

    (ara l-punti 76-78, u d-dispożittiv 2)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    16 ta’ Ġunju 2011 (*)

    “Protezzjoni tal-konsumaturi – Bejgħ u garanziji ta’ oġġetti tal-konsum – Direttiva 1999/44/KE – Artikolu 3(2) u (3) – Tibdil tal-oġġett difettuż bħala l-uniku rimedju – Oġġett difettuż li diġà ġie installat mill-konsumatur – Obbligu tal-bejjiegħ li jneħħi l-oġġett difettuż u li jinstalla l-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali – Sproporzjonalità assoluta – Konsegwenzi”

    Fil-Kawżi magħquda C-65/09 u C‑87/09,

    li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (C-65/09) u mill-Amtsgericht Schorndorf (C-87/09) (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-14 ta’ Jannar u tal-25 ta’ Frar 2009, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Frar u fit-2 ta’ Marzu 2009, fil-proċeduri

    Gebr. Weber GmbH (C-65/09)

    vs

    Jürgen Wittmer,

    u

    Ingrid Putz (C‑87/09)

    vs

    Medianess Electronics GmbH,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.‑J. Kasel, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Frar 2010,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal Gebr. Weber GmbH, minn R. Lindner, avukat,

    –        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Kemper, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Spanjol, minn J. López-Medel Bascones, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Awstrijakk, minn E. Riedl u E. Handl-Petz, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Wils u H. Krämer, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Mejju 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

    2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, fil-Kawża C-65/09, Gebr. Weber GmbH (iktar ’il quddiem “Gebr. Weber”) u J. Wittmer, dwar il-kunsinna ta’ madum konformi mal-kuntratt ta’ bejgħ kif ukoll dwar il-ħlas ta’ kumpens, u, fil-Kawża C-87/09, I. Putz u Medianess Electronis GmbH (iktar ’il quddiem “Medianess Electronics”) dwar ir-rimbors tal-prezz tal-bejgħ ta’ magna tal-ħasil tal-platti, li ma kinitx konformi mal-kuntratt ta’ bejgħ, bħala korrispettiv għar-ritorn ta’ din il-magna.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

    3        Il-premessa 1 tad-Direttiva tipprovdi:

    “Billi l-Artikolu 153(1) u (3) [KE] jipprovdi li l-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur bil-miżuri li tadotta skond l-Artikolu 95 [KE]”.

    4        Il-premessi 9 sa 11 tad-Direttiva huma fformulati kif ġej:

    “(9)      Billi l-bejjiegħ għandu jkun responsabbli direttament lill-konsumatur għall-konformità ta’ l-oġġetti mal-kuntratt; [...] billi madankollu l-bejjiegħ għandu jkun ħieles, kif hemm provdut għalih fil-liġi nazzjonali, li jsegwi rimedji kontra l-produttur, bejjiegħ minn qabel fl-istess katina ta’ kuntratti jew kull intermedjarju ieħor, sakemm-il darba ma jkunx irrinunzja dak l-intitolament; billi din id-Direttiva ma taffettwax il-prinċipju ta’ ħelsien tal-kuntratt bejn il‑bejjiegħ, il-produttur, bejjiegħ ta’ qabel jew kull intermedjarju ieħor; billi r-regoli li jirregolaw kontra min u kif il-bejjiegħ għandu jsegwi dawn ir‑rimedji għandhom ikun determinati fil-liġi nazzjonali;

    (10)      Billi, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ l-oġġetti mal-kuntratt, il‑konsumaturi għandhom ikunu ntitolati li l-oġġetti tagħhom jiġu rrestawrati għall-konformità mal-kuntratt mingħajr ħlas, billi jagħżlu bejn tiswija u tibdil, jew, jekk dan ma jsirx, li l-prezz jitnaqqas jew il-kuntratt jitħassar;

    (11) Billi l-konsumatur jista’ mill-ewwel jeħtieġ li l-bejjiegħ isewwi l-affarijiet jew li jibdilhom sakemm-il darba dawk ir-rimedji jkunu [ma jkunux] mpossibbli jew disproporzjonati; billi jekk rimedju huwa disproporzjonat jew le għandu jkun determinat oġġettivament; billi rimedju jkun disproporzjonat jekk ikun impost [jimponi], f’paragun mar-rimedju l-ieħor, spejjeż mhux raġjonevoli; billi, sabiex ikun determinat jekk l-ispejjeż humiex raġjonevoli, l-ispejjeż ta’ rimedju wieħed għandhom ikun b’mod sinifikattiv akbar mill-ispejjeż tar-rimedju l-ieħor.”

    5        L-Artikolu 1 tad-Direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, jipprovdi:

    “1.      L-għan ta’ din id-Direttiva hija l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsumatur u garanziji assoċjati magħhom sabiex tiżgura livell uniformi minimu ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-kuntest tas-suq intern.

    2.      Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

    [...]

    (f)      tiswija: għandha tfisser, fl-eventwalità ta’ nuqqas ta’ konformità, li l-oġġetti tal-konsum jinġiebu f’konformità mal-kuntratt ta’ bejgħ.

    [...]”.

    6        L-Artikolu 2 tad-Direttiva, intitolat “Konformità mal-kuntratt”, jipprovdi:

    “1.      Il-bejjiegħ għandu jwassal sa għand il-konsumatur oġġetti li huma f’konformità mal-kuntratt ta’ bejgħ.

    [...]

    5.       Kull nuqqas ta’ konformità li jirriżulta minn installazzjoni mhux korretta ta’ l-oġġetti ta’ konsum għandu jinftiehem li hu ekwivalenti għal nuqqas ta’ konformità ta’ l-oġġetti jekk l-installazzjoni tifforma parti mill-kuntratt ta bejgħ ta’ l-oġġetti u l-oġġetti kienu installati mill-bejjiegħ jew kien risponsabbli għalih[a] hu. Dan għandu jgħodd jekk il-prodott, maħsub li jkun installat mill-konsumatur, ikun installat mill-konsumatur u l-installazzjoni ħażina hija minħabba nuqqas fl-istruzzjonijiet ta’ l-installazzjoni.”

    7        L-Artikolu 3 tad-Direttiva, intitolat “Drittijiet tal-konsumatur”, jipprovdi:

    “1.      Il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli għall-konsumatur għal kull nuqqas ta’ konformità li teżisti meta l-oġġetti kienu fornuti.

    2.      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-konsumatur għandu jkun intitolat li l‑oġġetti jinġiebu f’konformità mingħajr ħlas permezz ta’ tiswija jew tibdil, f’konformità mal-paragrafu 3, jew li jkollu tnaqqis xieraq fil-prezz jew il-kuntratt jitħassar rigward dawn l-oġġetti, f’konformità mal-paragrafi 5 u 6.

    3.      Fil-bidu, il-konsumatur jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jsewwi l-oġġetti jew jista’ jeħtieġ lill-bejjiegħ li jibdilhom, f’kull każ mingħajr ħlas, jekk kemm-il darba dan huwa [sakemm dan ma jkunx] impossibbli jew disproporzjonat.

    Rimedju jinftiehem li huwa disproporzjonat jekk jimponi spejjeż fuq il-bejjiegħ li, f’paragun mar-rimedju alternattiv, m’humiex raġjonevoli, b’konsiderazzjoni mogħtija:

    –        lill-valur li l-oġġetti jkollhom jekk ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità,

    –        lis-sinifikat [lill-portata] tan-nuqqas ta’ konformità, u

    –        jekk ir-rimedju alternattiv ikun[x] jista’ jitlesta mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.

    Kull tiswija jew tibdil għandha titlesta fi żmien raġjonevoli u mingħajr ebda inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur, b’konsiderazzjoni mogħtija lin-natura ta’ l-oġġetti u l-għan li għalihom il-konsumatur ħtieġhom.

    4.      It-termini ‘mingħajr ħlas’ fil-paragrafi 2 u 3 jirreferu għall-ispejjeż meħtieġa li jeħel sabiex iġib l-oġġetti f’konformità, partikolarment l-ispiża ta’ pustaġġ, xogħol u materjal.

    5.      Il-konsumatur jista’ jinħtieġ tnaqqis xieraq tal-prezz jew li jitħassar il-kuntratt:

    –        jekk il-konsumatur m’huwiex intitolat la għat-tiswija u lanqas għal tibdil, jew

    –        jekk il-bejjiegħ ma jkunx lesta r-rimedju fi żmien raġjonevoli, jew

    –        jekk il-bejjiegħ ma jkunx lest[a] r-rimedju mingħajr inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur.

    6.       Il-konsumatur m’huwiex intitolat li jħassar il-kuntratt jekk in-nuqqas ta’ konformità hija minuri.”

    8        L-Artikolu 4 tad-Direttiva, intitolat “Dritt ta’ rimedju”, jipprovdi:

    “Fejn il-bejjiegħ finali huwa responsabbli lill-konsumatur minħabba nuqqas ta’ konformità li tirriżulta minn att jew ommissjoni mill-produttur, bejjiegħ ta’ qabel fl-istess katina ta’ kuntratti jew kull intermedjarju ieħor, il-bejjiegħ finali għandu jkun intitolat li jfittex rimedji kontra l-persuna jew persuni responsabbli fil-katina kontrattwali. Il-persuna jew persuni responsabbli kontra min il-bejjiegħ finali jista’ jfittex ir-rimedji, flimkien ma’ l-azzonijiet rilevanti u kondizzjonijiet ta’ eżerċizzju għandhom ikunu determinati skond il-liġi nazzjonali.”

    9        L-Artikolu 5 tad-Direttiva, intitolat “Limiti ta’ żmien”, jipprovdi, fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu:

    “Il-bejjiegħ għandu jinżamm responsabbli skond l-Artikolu 3 fejn in-nuqqas ta’ konformità ssir [isir] apparenti fi żmien sentejn minn meta l-oġġetti twasslu għandu il-konsumatur.”

    10      L-Artikolu 7 tad-Direttiva, intitolat “Natura vinkolanti”, jipprovdi:

    “1.      Kull termini jew ftehim kontrattwali konkluż[i] mal-bejjiegħ qabel ma tinġieb għall-attenzjoni tal-bejjiegħ in-nuqqas ta’ konformità li direttament jew indirettament tirrinunzja jew tirrestrinġi d-drittijiet li jirriżultaw minn din id‑Direttiva għandhom, kif hemm provdut għalihom bil-liġi nazzjonali, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur.

    [...]”

    11      L-Artikolu 8 tad-Direttiva, intitolat “Liġi nazzjonali u protezzjoni minima”, jipprovdi:

    “1.      Id-drittijiet li jirriżultaw minn din id-Direttiva għandhom jiġu eserċitati mingħajr preġudizzju għal drittijiet oħra li l-konsumatur jista’ jinvoka skond ir‑regoli nazzjonali li jirregolaw responsabbiltà kontrattwali jew mhux kontrattwali.

    2.      L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew imantnu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar iebsa, kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, sabiex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.”

     Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    12      L-Artikolu 433(1) tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”), intitolat “Obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ bejgħ”, jipprovdi:

    “Permezz tal-kuntratt ta’ bejgħ, il-bejjiegħ ta’ oġġett huwa obbligat li jikkunsinna dan l-oġġett lix-xerrej u li jittrasferilu l-proprjetà fuq dan l-oġġett. Il-bejjiegħ huwa obbligat li jittrasferixxi l-oġġett lix-xerrej ħieles minn kull difett materjali jew legali.”

    13      L-Artikolu 434 tal-BGB, intitolat “Difett materjali”, jipprovdi:

    “1.      L-oġġett ikun ħieles minn difetti materjali jekk, meta jiġi ttrasferit ir-riskju, l-oġġett ikollu l-kwalitajiet miftiehma. [...]”.

    14      L-Artikolu 437 tal-BGB, intitolat “Drittijiet tax-xerrej fil-każ ta’ difett”, huwa fformulat kif ġej:

    “Jekk l-oġġetti jkunu difettużi, ix-xerrej jista’, meta jkunu sodisfatti r-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet li ġejjin u sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor,

    1)       jeżiġi l-eżekuzzjoni sussegwenti taħt l-Artikolu 439;

    2)       jittermina l-kuntratt skont l-Artikolu 440, l-Artikolu 323 u l-Artikolu 326(5), jew inaqqas il-prezz tal-bejgħ taħt l-Artikolu 441;

    3)       jitlob kumpens għad-danni skont l-Artikoli 440, 280, 281, 283 u 311a jew rimbors tal-ispejjeż inkorsi skont l-Artikolu 284.”

    15      L-Artikolu 439 tal-BGB, intitolat “Eżekuzzjoni sussegwenti”, huwa fformulat kif ġej:

    “1.      Permezz tal-eżekuzzjoni sussegwenti, ix-xerrej jista’ jeżiġi t-tiswija tad-difett jew il-kunsinna ta’ oġġetti li ma għandhomx difett, skont kif huwa jippreferi.

    2.      Il-bejjiegħ għandu jbati l-ispejjeż marbuta mal-eżekuzzjoni sussegwenti inkluż, b’mod partikolari, l-ispiża tat-trasport, kunsinna, xogħol u materjal.

    3.      [Il]-bejjiegħ jista’ jirrifjuta l-mod magħżul mix-xerrej għall-eżekuzzjoni sussegwenti jekk tali eżekuzzjoni tkun possibbli biss bi spejjeż sproporzjonati. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed kont, b’mod partikolari, tal-valur li l-oġġetti kien ikollhom kieku ma kienx hemm nuqqas ta’ konformità, il-portata tan-nuqqas ta’ konformità, u jekk ir-rimedju alternattiv setax jingħata mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv għax-xerrej. F’dawn il-każijiet, id-dritt tax-xerrej ikun limitat għall-modi alternattivi ta’ eżekuzzjoni sussegwenti; dan ma għandux jaffettwa d-dritt tal-bejjiegħ li jirrifjuta ukoll ir-rimedju alternattiv taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel sentenza.

    4.      Meta l-bejjiegħ jikkunsinna oġġetti mingħajr difetti fil-kuntest tal-eżekuzzjoni sussegwenti, huwa jista’ jeżiġi li x-xerrej jirritorna l-oġġetti difettużi [...]”

     Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

     Fil-Kawża C-65/09

    16      J. Wittmer u Gebr. Weber ikkonkludew kuntratt ta’ bejgħ dwar madum ippolixxjat għall-prezz ta’ EUR 1,382.27. Wara li madwar żewġ terzi minn dan il-madum kienu twaħħlu fid-dar tiegħu, J. Wittmer ikkonstata l-preżenza, fuq dan il-madum, ta’ sfumaturi li kienu jidhru mad-daqqa ta’ għajn.

    17      Għalhekk, J. Wittmer għamel ilment, li Gebr. Weber ċaħdet wara li kkuntattjat lill-fabbrikant tal-madum inkwistjoni. Fil-kuntest ta’ proċedura għall-ġbir tal-provi mibdija mir-rikorrent, l-espert innominat wasal għall-konklużjoni li l‑imsemmija sfumaturi kienu kkawżati minn brix fin li rriżulta mill-ippolixxjar u li kien impossibbli li jitneħħa dan il-brix, b’tali mod li t-tibdil komplet tal-madum kien l-uniku rimedju possibbli. L-espert stima l-ispejjeż ta’ din l-operazzjoni bħala EUR 5,830.57.

    18      Peress li Gebr. Weber baqgħet ma rrispondietx meta intimatha sabiex teżegwixxi l-kuntratt, J. Wittmer fetaħ proċeduri kontriha quddiem il-Langericht Kassel sa fejn jikseb il-kunsinna ta’ madum mingħajr difetti u l-ħlas ta’ somma ta’ EUR 5,830.57. Dik il-qorti kkundannat lil Gebr. Weber tħallas lil J. Wittmer is‑somma ta’ EUR 273.10 bħala tnaqqis fuq il-prezz tal-bejgħ u ċaħdet il-bqija tat-talba. Fuq appell imressaq minn J. Wittmer kontra d-deċiżjoni tal-Landgericht Kassel, l-Oberlandesgericht Frankfurt, minn naħa, ikkundannat lil Gebr. Weber sabiex tikkunsinna madum ġdid, mingħajr difetti, kif ukoll sabiex tħallas lil J. Wittmer is-somma ta’ EUR 2,122.37 fir-rigward tat-tneħħija u r-rimi tal-madum mhux konformi, u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-bqija tat-talba.

    19      Gebr. Weber ressqet appell fuq punt ta’ liġi kontra s-sentenza tal-Oberlandesgericht Frankfurt quddiem il-Bundesgerichtshof, li qiegħda tindika li d-deċiżjoni tagħha tiddependi mill-kwistjoni ta’ jekk il-qorti tal-appell ikkunsidratx ġustament li J. Wittmer seta’ jitlob ir-rimbors tal-ispejjeż tat-tneħħija tal-madum difettuż. Sa fejn J. Wittmer ma setax jitlob, taħt id-dritt Ġermaniż, tali rimbors, ir-risposta għal din id-domanda tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva, li inkonformità magħhom għandu jiġi interpretat, jekk ikun il-każ, l-Artikolu 439 tal-BGB.

    20      F’dan ir-rigward il-Bundesgerichtshof tosserva li mill-użu tal-kelma “tibdil” fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tista’ tiġi dedotta l-eżistenza ta’ obbligu li ma huwiex limitat għall-kunsinna ta’ oġġett konformi iżda li jinkludi wkoll it-tibdil tal-oġġett difettuż, u għalhekk it-tneħħija tiegħu. Barra minn hekk, l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-użu intenzjonat tal-oġġett, stabbilit fl-imsemmi Artikolu 3(3), marbut mal-obbligu li l-oġġett jitqiegħed fi stat ta’ konformità, jista’ jissuġġerixxi li l-obbligu tal-bejjiegħ, fil-kuntest tat-tibdil tal-oġġett, ma jinkludix biss il-kunsinna ta’ oġġett konformi iżda wkoll it-tneħħija tal-oġġett difettuż, b’tali mod li l-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali jkun jista’ jintuża inkonformità man-natura tiegħu u mal-użu intenzjonat tiegħu.

    21      Madankollu, il-Bundesgerichtshof tosserva li ma jkunx meħtieġ li tiġi deċiża din il-kwistjoni jekk Gebr. Weber setgħet ġustament tirrifjuta li tirrimborsa l-ispejjeż tat-tneħħija tal-madum mhux konformi minħabba l-fatt li dawn l-ispejjeż huma sproporzjonati. Dik il-qorti tispjega li, skont l-Artikolu 439(3) tal-BGB, il-bejjiegħ jista’ jirrifjuta l-mod ta’ eżekuzzjoni sussegwenti magħżul mix-xerrej mhux biss meta dan il-mod ta’ eżekuzzjoni jimponilu spejjeż sproporzjonati meta mqabbel mal-mod ta’ eżekuzzjoni l-ieħor (“sproporzjonalità relattiva”), iżda anki meta l‑ispiża tal-mod magħżul mix-xerrej, anki jekk dan ikun l-uniku mod possibbli, tkun intrinsikament sproporzjonata (“sproporzjonalità assoluta”). F’dan il-każ, it‑talba għal eżekuzzjoni sussegwenti permezz tal-kunsinna ta’ madum konformi tikkostitwixxi tali każ ta’ “sproporzjonalità assoluta”, sa fejn tobbliga lil Gebr. Weber tbati, minbarra l-ispejjeż ta’ din il-kunsinna, evalwati bħala EUR 1,200, spejjeż għat-tneħħija tal-madum mhux konformi, li jammontaw għal EUR 2,100, jiġifieri total ta’ EUR 3,300, ammont li jaqbeż il-limitu ta’ 150 % tal-valur tal-oġġett mingħajr difetti, li fuq il-bażi tiegħu tiġi evalwata, a priori, il‑proporzjonalità ta’ tali talba.

    22      Madankollu, il-Bundesgerichtshof tqis li l-possibbiltà, li d-dritt nazzjonali jagħti lill-bejjiegħ, li jirrifjuta l-eżekuzzjoni sussegwenti minħabba tali sproporzjonalità assoluta tal-ispejjeż ta’ din l-eżekuzzjoni, tista’ tkun inkompatibbli mal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva, liema artikolu, kif huwa fformulat, jidher li jirreferi biss għal sproporzjonalità relattiva. Madankollu, ma huwiex eskluż li rifjut ibbażat fuq sproporzjonalità assoluta jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “impossibbiltà”, previst fl-istess Artikolu 3(3), sa fejn ma jistax jiġi preżunt li d-Direttiva tirreferi biss għall-każijiet ta’ impossibbiltà fiżika u li hija intiża li timponi lill-bejjiegħ eżekuzzjoni sussegwenti li ma tagħmilx sens fuq il-livell ekonomiku.

    23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1.       Id-dispożizzjonijiet tal-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva [...], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tipprovdi li fil-każ ta’ kunsinna ta’ oġġett mhux konformi mal-kuntratt, il-bejjiegħ jista’ jirrifjuta t-tip ta’ rimedju mitlub mill-konsumatur meta dan jinvolvi spejjeż għall-bejjiegħ li, meta mqabbla mal-valur li kien ikollu l-oġġett kieku kien konformi u mal-importanza tan-nuqqas ta’ konformità, mhumiex raġonevoli (assolutament sproporzjonati)?

    2.      Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, id‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-[Direttiva] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-bejjiegħ li jqiegħed l-oġġett f’konformità permezz ta’ tibdil tal-oġġett għandu jbati l‑ispejjeż tat-tneħħija tal-oġġett mhux konformi mill-post li fih ġie inkorporat mill-konsumatur skont in-natura u l-użu tal-oġġett?”

     Fil-Kawża C-87/09

    24      I. Putz u Medianess Electronics ikkonkludew, permezz tal-internet, kuntratt ta’ bejgħ dwar magna tal-ħasil tal-platti ġdida bil-prezz ta’ EUR 367, li miegħu kienu miżjuda l-ispejjeż tal-kunsinna fl-ammont ta’ EUR 9.52. Il-partijiet ftiehmu li dan l-oġġett kellu jiġi kkunsinnat quddiem il-bieb tad-dar ta’ I. Putz. Il-kusinna tal-magna tal-ħasil tal-platti u l-ħlas tal-prezz saru kif miftiehem.

    25      Wara li I. Putz installat il-magna tal-ħasil tal-platti fid-dar tagħha, irriżulta, mingħajr ma l-operazzjoni tal-installazzjoni ta’ din il-magna ma setgħet kienet il‑kawża, li din il-magna kienet difettuża u li ma kienx possibbli li tissewwa.

    26      Għalhekk, il-partijiet qablu dwar it-tibdil tal-magna inkwistjoni. F’dan il-kuntest, I. Putz talbet lil Medianess Electronics sabiex mhux biss tikkunsinnalha magna ġdida iżda sabiex tieħu responsabbiltà wkoll għat-tneħħija tal-magna difettuża u għall-installazzjoni tal-magna l-ġdida, jew inkella għall-ispejjeż tat-tneħħija u tal-installazzjoni, responsabbiltà li din il-kumpannija rrifjutat. Peress li Medianess Electronics ma rrispondietx meta I. Putz intimatha, din tal-aħħar ħassret il-kuntratt ta’ bejgħ.

    27      I. Putz għalhekk fetħet proċeduri kontra Medianess Electronics quddiem l‑Amtsgericht Schorndorf fejn talbet ir-rimbors tal-prezz tal-bejgħ bħala korrispettiv għar-ritorn tal-magna tal-ħasil tal-platti difettuża.

    28      Id-deċiżjoni tar-rinviju tippreċiża li, skont id-dritt Ġermaniż, il-validità tat-tħassir tal-kuntratt ta’ bejgħ tiddependi mill-kwistjoni jekk I. Putz kinitx tat, inutilment, terminu lil Medianess Electronics li fih din tal-aħħar kellha twettaq l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-kuntratt, filwaqt li titlob mingħandha dak biss li Medianess Electronics kienet obbligata tagħmel. Għaldaqstant, għas-soluzzjoni tat-tilwima, huwa meħtieġ li jkun magħruf jekk I. Putz setgħetx titlob lil Medianess Electronics tneħħi l-magna difettuża u tinstalla l-magna l-ġdida, jew titlobha tieħu responsabbiltà għall-ispejjeż marbuta ma’ dawn l-operazzjonijiet.

    29      F’dan ir-rigward, l-Amtsgericht Schorndorf tosserva li d-dritt Ġermaniż ma jipprevedix obbligu għall-bejjiegħ li ma jkollux ħtija li jieħu responsabbiltà għat-tneħħija tal-oġġett difettuż jew għall-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l‑oġġett inizjali, u dan anki meta l-konsumatur ikun diġà installa l-oġġett difettuż inkonformità mal-użu intenzjonat tiegħu, qabel ma jimmaterjalizza d-difett. Madankollu, dik il-qorti tqis li tali obbligu jista’ jirriżulta mid-Direttiva sa fejn din hija intiża li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u sa fejn tipprovdi, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tagħha, li kull tibdil għandu jsir mingħajr inkonvenjenti sinjifikattivi għall-konsumatur.

    30      Dik il-qorti tosserva li, jekk ix-xerrej ma jiksibx ir-rimbors tal-ispejjeż tal-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, huwa jkollu jbati dawn l‑ispejjeż darbtejn, jiġifieri l-ewwel darba meta jiġi installat l-oġġett difettuż u t‑tieni darba meta jiġi installat l-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali. Issa, li kieku l-kunsinna kienet konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ix-xerrej kien ikollu jbati dawn l-ispejjeż darba biss. L-Amtsgericht Schorndorf tikkunsidra li wieħed jista’ ċertament jimmaġina li l-bejjiegħ ikun obbligat jieħu responsabbiltà għall-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali biss fil-każ ta’ ħtija. Madankollu, il-fatt li l-konsumatur ma jista’ jiġi akkużat b’ebda ħtija u li d-difett huwa imputabbli lill-bejjiegħ u mhux lill-konsumatur jiġġustifika li l-konsumatur jingħata dritt indipendenti mill-ħtija tal-bejjiegħ, liema bejjiegħ barra minn hekk jista’ jfittex iktar faċilment lill-fabbrikant.

    31      Fir-rigward tat-tneħħija tal-oġġett difettuż, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l‑konformità mal-kuntratt ma tinkludix biss il-kunsinna ta’ oġġett mingħajr difett iżda timplika wkoll li ebda oġġett difettuż ma jitħalla fid-dar tax-xerrej, u dan jimmilita favur interpretazzjoni fis-sens li l-bejjiegħ huwa obbligat ineħħi tali oġġett. Barra minn hekk, il-fatt li oġġett difettuż jibqa’ fid-dar tal-konsumatur jista’ jikkostitwixxi għal dan tal-aħħar inkonvenjent sinjifikattiv. Fl-aħħar nett, il‑kelma “tibdil”, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 3 tad-Direttiva, jidher li jindika li l-obbligu tal-bejjiegħ ma huwiex limitat għas-sempliċi kunsinna ta’ oġġett mingħajr difetti li bih jinbidel l-oġġett inizjali iżda li l-bejjiegħ huwa meħtieġ ukoll li jissostitwixxi l-oġġett difettuż bl-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali.

    32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Schorndorf iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1.       Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva [...], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li, fil-każ li l-bejjiegħ irendi l-oġġett konformi mal-kuntratt tal-bejgħ billi jibdel l-oġġett, huwa ma għandux ibati l-ispejjeż tal-installazzjoni tal-oġġett ipprovdut minflok dak oriġinali fil-każ fejn il-konsumatur ikun installa sew l-oġġett difettuż oriġinali, meta l‑installazzjoni ma kinitx oriġinarjament miftiehma fuq il-kuntratt?

    2.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) u u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-każ li l‑bejjiegħ irendi l-oġġett konformi mal-kuntratt tal-bejgħ billi jibdel l-oġġett, huwa għandu jbati l-ispejjeż sabiex jitneħħa l-oġġett ipprovdut minflok dak difettuż oriġinali fil-każ li l-konsumatur ikun installa sew l-oġġett?”

     Fuq it-tagħqid tal-kawżi

    33      Fid-dawl tal-konnessjoni bejn il-Kawżi C-65/09 u C-87/09, hemm lok li, skont l‑Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien mal-Artikolu 103 ta’ dawn ir-Regoli, dawn il-kawżi jingħaqdu għall-finijiet tas-sentenza.

     Fuq id-domandi preliminari

     Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi fil-Kawża C-65/09

    34      Gebr. Weber issostni li ż-żewġ domandi magħmula fil-Kawża C-65/09 huma inammissibbli. Skontha, l-ewwel domanda hija ta’ natura ipotetika sa fejn ir‑risposta għaliha ma jkollha ebda rilevanza għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, id-dritt Ġermaniż ma jimponix fuq il-bejjiegħ li ma jkollux ħtija l-obbligu li jneħħi l-oġġett mhux konformi, b’tali mod li t-talba għar-rimbors tal-ispiża marbuta ma’ din it-tneħħija għandha tiġi miċħuda, irrispettivament mill-ammont tal-ispejjeż inkwistjoni. L-inammissibbiltà tal-ewwel domanda twassal ukoll għall-inammissibbiltà tat-tieni waħda sa fejn il-qorti tar-rinviju ssuġġettat din tal-aħħar għal risposta affermattiva għall-ewwel domanda.

    35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura taħt l-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara bejn il-funzjonijiet tal-qrati nazzjonali u tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq it‑tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja eventwali, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ domanda preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d‑deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 2006, Conseil général de la Vienne, C‑419/04, Ġabra p. I‑5645, punt 19; tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, Ġabra p. I‑6199, punt 43, u tas-17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera, C‑52/09, Ġabra p. I‑0000, punt 15).

    36      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi msemmija iktar ’il fuq Conseil général de la Vienne, punt 20; Lucchini, punt 44, u TeliaSonera, punt 16).

    37      Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

    38      Fil-fatt, permezz tad-domandi tagħha, il-Bundesgerichtshof qiegħda titlob interpretazzjoni tad-Direttiva preċiżament sabiex tkun tista’ tiddetermina jekk id‑dritt nazzjonali huwiex kompatibbli magħha, u dan sa fejn dan id-dritt, minn naħa, ma jobbligax lill-bejjiegħ jieħu responsabbiltà għall-ispejjeż tat-tneħħija tal-oġġett mhux konformi u, min-naħa l-oħra, jagħtih il-possibbiltà li jirrifjuta l‑kunsinna ta’ oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali jekk din il-kunsinna timplika, minħabba b’mod partikolari l-ispejjeż imsemmija, spejjeż sproporzjonati. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-risposta għal dawn id-domandi hija deċiżiva għall-eżitu tat-tilwima fil-kawża prinċipali sa fejn il‑Bundesgerichtshof tindika li hija tista’ tinterpreta d-dritt imsemmi, jekk ikun il‑każ, inkonformità mad-Direttiva. L-ordni li fih isiru d-domandi ma huwiex rilevanti f’dan il-kuntest. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li Gebr. Weber stess sostniet, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar il-mertu, li, sabiex tkun tista’ tingħata risposta għall-ewwel domanda, kien meħtieġ li tkun magħrufa l‑portata tal-obbligu ta’ tibdil tal-oġġett mhux konformi li jirriżulta mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva, u għalhekk li tingħata risposta għat-tieni domanda, u hija ssuġġeriet li din id-domanda tiġi eżaminata fl-ewwel lok.

    39      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibiltà mqajma minn Gebr. Weber għandha tiġi miċħuda.

     Fuq l-obbligu tal-bejjiegħ li jieħu responsabbiltà għat-tneħħija tal-oġġett mhux konformi u għall-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali

    40      Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑65/09 kif ukoll permezz tal-ewwel u t‑tieni domandi fil-Kawża C‑87/09, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju qegħdin jistaqsu jekk l-Artikolu (3)2 u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta oġġett tal-konsum mhux konformi li, qabel ma joħroġ fid-dieher id-difett, ikun ġie installat mill-konsumatur inkonformità man-natura tiegħu u mal-użu mixtieq minnu, jitqiegħed fi stat ta’ konformità permezz ta’ tibdil, il-bejjiegħ huwa obbligat li jew ineħħi huwa stess dan l-oġġett mill-post fejn ikun ġie installat u li jinstalla mill-ġdid f’dan il-post l-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, jew li jbati l-ispejjeż marbuta ma’ din it-tneħħija u mal-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, u dan minkejja l-fatt li l-kuntratt ta’ bejgħ ma jipprevedix l-obbligu tal-bejjiegħ li jinstalla l-oġġett ta’ konsum mixtri inizjalment.

    41      Gebr. Weber kif ukoll il-Gvern Ġermaniż, dak Belġjan u dak Awstrijak iqisu li dawn id-domandi jeħtieġu risposta negattiva. Fil-fehma tagħhom, il-kelma “tibdil” użata fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tkopri biss il-kunsinna ta’ oġġett konformi mal-kuntratt ta’ bejgħ u dan l-artikolu ma jistax, għaldaqstant, jimponi fuq il-bejjiegħ obbligi li ma jkunux previsti f’dan il-kuntratt. Tali obbligi li jitneħħa l-oġġett difettuż u li jiġi installat l-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali lanqas ma jirriżultaw mill-Artikolu 3(3) u mill-Artikolu 3(4) tad-Direttiva, li jipprovdi li t-tibdil għandu jseħħ “mingħajr ħlas” u “mingħajr ebda inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur”. Fil-fatt, dawn il-kundizzjonijiet jikkonċernaw biss il‑kunsinna tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali u la għandhom l-għan li jimponu fuq il-bejjiegħ obbligi li jmorru lil hinn mill-kuntratt imsemmi u lanqas ma għandhom l-għan li jipproteġu lill-konsumatur mill-ispejjeż u mill-inkonvenjenti li jirriżultaw mill-użu li jkun għamel, taħt ir-responsabbiltà tiegħu stess, tal-oġġett mhux konformi. Għaldaqstant, id-danni mġarrba minħabba l‑installazzjoni tal-oġġett difettuż mill-konsumatur ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva iżda, jekk ikun il-każ, għandhom jintalbu fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali applikabbli fil-qasam tar-responsabbiltà kuntrattwali.

    42      Il-Gvern Spanjol u dak Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni, isostnu t-teżi opposta. Il-Gvern Spanjol jikkunsidra li l-bejjiegħ għandu jieħu responsabbiltà għall-ispejjeż kollha marbuta mat-tibdil tal-oġġett difettuż, inklużi l-ispejjeż tat-tneħħija ta’ dan l-oġġett u l-ispejjeż tal-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, għaliex altrimenti l-konsumatur ikollu jbati darbtejn dawn l-ispejjeż, sitwazzjoni din li tkun inkompatibbli mal-livell għoli ta’ protezzjoni mixtieq mid-Direttiva. Il-Gvern Pollakk jenfasizza li l-għan tal-Artikolu 3(3) u tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva huwa li jiġi ggarantit li l-konsumatur ma jkollu jbati ebda spejjeż fir-rigward tal-implementazzjoni tal-miżuri ta’ protezzjoni legali previsti fl-ewwel lok mid-Direttiva, jiġifieri t-tiswija jew it-tibdil tal-oġġett mhux konformi. Skont il-Kummissjoni, il-parallelliżmu stabbilit fl-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva bejn iż-żewġ modi kif l-oġġett difettuż jitqiegħed fi stat ta’ konformità jippermetti li jiġi kkunsidrat li t-tibdil, l-istess bħat-tiswija, jikkonċerna l-oġġett fis-sitwazzjoni li jkun fiha meta jimmaterjalizza n-nuqqas ta’ konformità. Jekk l-oġġett mhux konformi jkun diġà ġie installat, inkonformità man-natura tiegħu u mal-użu mixtieq minnu, huwa f’din is-sitwazzjoni li dan l‑oġġett ikun is-suġġett ta’ tqegħid inkonformità. Dan ifisser li t-tibdil għandu jsir b’mod li l-oġġett il-ġdid jitqiegħed fl-istess sitwazzjoni li fiha kien jinsab l-oġġett difettuż. Barra minn hekk, il-fatt li l-konsumatur ikollu, fin-nuqqas tat-tneħħija tal-oġġett mhux konformi mill-bejjiegħ, iżomm dan l-oġġett u ma jkunx jista’ juża l-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, minħabba li ma jkunx installat, jammonta għal “inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 3(3).

    43      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, il‑bejjiegħ huwa responsabbli, fil-konfront tal-konsumatur, għal kull nuqqas ta’ konformità eżistenti meta ssir il-kunsinna tal-oġġett.

    44      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva jelenka d-drittijiet li l-konsumatur jista’ jinvoka fil-konfront tal-bejjiegħ fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ikkunsinnat. Inizjalment, il-konsumatur għandu dritt jeżiġi li l-oġġett jitqiegħed fi stat ta’ konformità. Jekk ma jkunx jista’ jikseb dan, huwa jista’ jeżiġi, b’mod sekondarju, tnaqqis fil-prezz jew it-tħassir tal-kuntratt.

    45      Fir-rigward tat-tqegħid inkonformità tal-oġġett, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva jippreċiża li l-konsumatur għandu d-dritt jeżiġi li l-bejjiegħ isewwi l-oġġett jew jibdlu, fiż-żewġ każijiet mingħajr ħlas, u dan sakemm ma jkunx impossibbli li tiġi sodisfatta t-talba tiegħu jew sakemm din it-talba ma tkunx sproporzjonata.

    46      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tosserva li kemm mill-kliem tal-Artikolu 3 tad-Direttiva u kif ukoll, barra minn hekk, mill-ħidma preparatorja rilevanti għal din id-direttiva, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li t-tqegħid f’konformità tal-oġġett mill-bejjiegħ mingħajr ħlas ikun element essenzjali tal-protezzjoni żgurata lill-konsumatur minn din id-direttiva. Dan l‑obbligu, impost fuq il-bejjiegħ, li t-tqegħid inkonformità jsir mingħajr ħlas, irrispettivament jekk isirx fil-forma ta’ tiswija jew ta’ tibdil tal-oġġett mhux konformi, huwa intiż li jipproteġi lill-konsumatur mir-riskju ta’ piżijiet finanzjarji li jista’ jiddisswadih milli jinvoka d-drittijiet tiegħu fin-nuqqas ta’ tali protezzjoni (ara s-sentenza tas-17 ta’ April 2008, Quelle, C-404/06, Ġabra p. I‑2685, punti 33 u 34).

    47      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, jekk il-konsumatur, fil-każ ta’ tibdil ta’ oġġett mhux konformi, ma jkunx jista’ jitlob lill-bejjiegħ sabiex jieħu r-responsabbiltà għat-tneħħija tiegħu mill-post fejn dan l-oġġett jkun ġie installat inkonformità man-natura tiegħu u mal-użu mixtieq minnu, u għall-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali fl-istess post, dan it-tibdil joħloq għall-konsumatur piżijiet finanzjarji addizzjonali li huwa ma kienx ikollu jbati li kieku l-bejjiegħ kien eżegwixxa b’mod korrett il-kuntratt ta’ bejgħ. Fil-fatt, li kieku l-bejjiegħ kien ikkunsinna mill-ewwel oġġett konformi mal-kuntratt imsemmi, il-konsumatur kien ibati darba biss l-ispejjeż tal-installazzjoni u ma kienx ikollu għalfejn ibati l‑ispejjeż tat-tneħħija tal-oġġett difettuż.

    48      Jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-bejjiegħ jieħu r-responsabbiltà għat-tneħħija tal-oġġett mhux konformi u għall-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, dan ikun ifisser li l‑konsumatur, sabiex ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet mogħtija lilu mill-artikolu msemmi, ikollu jbati dawn l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-kunsinna, mill-bejjiegħ, ta’ oġġett mhux konformi.

    49      F”dan il-każ, it-tibdil ta’ dan l-oġġett ma jitwettaqx, għall-kuntrarju ta’ dak li jipprovdu l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva, mingħajr ħlas min-naħa tal-konsumatur.

    50      Huwa minnu li l-ispejjeż tat-tneħħija tal-oġġett mhux konformi u tal-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali ma humiex inklużi fost dawk elenkati b’mod espliċitu fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva, li jiddefinixxi l-espressjoni “mingħajr ħlas” fis-sens li tirreferi għall-“ispejjeż meħtieġa li jeħel sabiex iġib l‑oġġetti f’konformità, partikolarment l-ispiża ta’ pustaġġ, xogħol u materjal”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mill-użu, min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, tal-avverbju “partikolarment” jirriżulta li din il-lista hija ta’ natura indikattiva u mhux ta’ natura eżawrjenti (ara s-sentenza Quelle, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31). Barra minn hekk, dawn l-ispejjeż huma f’kull każ meħtieġa sabiex ikun jista’ jsir it-tibdil tal-oġġett mhux konformi u, għalhekk, jikkostitwixxu “spejjeż meħtieġa [...] sabiex iġib l-oġġetti f’konformità”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 3(4).

    51      Barra minn hekk, kif osservat il-Kummissjoni, mill-istruttura tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva jirriżulta li ż-żewġ modi ta’ tqegħid inkonformità stabbiliti fl-artikoli msemmija huma intiżi li jiżguraw l-istess livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Issa, huwa paċifiku li t-tiswija ta’ oġġett mhux konformi ssir, bħala regola ġenerali, fuq dan l-oġġett fis-sitwazzjoni li fiha jkun jinsab fil-mument meta joħroġ fid-dieher id-difett, b’tali mod li l-konsumatur ma jbatix, f’dan il-każ, l-ispejjeż tat-tneħħija u tal-installazzjoni l-ġdida.

    52      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva, it‑tiswija u t-tibdil ta’ oġġett mhux konformi mhux biss għandhom isiru mingħajr ħlas iżda għandhom isiru wkoll f’terminu raġonevoli u mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur. Dawn it-tliet rekwiżiti huma l-espressjoni tar-rieda manifesta tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiżgura lill-konsumatur protezzjoni effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Quelle, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

    53      Fir-rigward ta’ din ir-rieda tal-leġiżlatur, l-espressjoni “mingħajr ebda inkonvenjent sinifikattiv lill-konsumatur”, li tinsab fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva, ma tistax tingħata l-interpretazzjoni restrittiva proposta mill-Gvern Ġermaniż, minn dak Belġjan u minn dak Awstrijak. Għalhekk, ma hemm ebda dubju li l-fatt li l-oġġett mhux konformi ma jitneħħiex u l-fatt li l-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali ma jiġix installat mill-bejjiegħ jistgħu jikkostitwixxu inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawżi prinċipali fejn, sabiex ikun jista’ jintuża inkonformità mal-użu intenzjonat abitwali tiegħu, l-oġġett li bih jinbidel l‑oġġett inizjali għandu l-ewwel nett jiġi installat, u dan jeħtieġ li jitneħħa minn qabel l-oġġett mhux konformi. Barra minn hekk, l-imsemmi tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) jipprovdi b’mod espliċitu li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-“natura ta’ l-oġġetti u l-għan li għalihom il-konsumatur ħtieġhom”.

    54      Fir-rigward tal-kelma “tibdil”, għandu jiġi kkonstatat li l-portata preċiża tagħha tvarja fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi. Filwaqt li f’numru minn dawn il‑verżjonijiet, bħalma huma l-verżjonijiet bl-Ispanjol (“sustitución”), bl-Ingliż (“replacement”), bil-Franċiż (“remplacement”), bit-Taljan (“sostituzione”), bl-Olandiż (“vervanging”) u bil-Portugiż (“substituição”), din il-kelma tirreferi għall-operazzjoni fl-intier tagħha li fi tmiemha l-oġġett mhux konformi jkun effettivament “mibdul”, b’tali mod li l-bejjiegħ huwa meħtieġ iwettaq dak kollu li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan ir-riżultat, verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħalma hija b’mod partikolari l-verżjoni bil-Ġermaniż (“Ersatzlieferung”), jistgħu jissuġġerixxu interpretazzjoni kemxejn iktar limitata. Madankollu, kif josservaw il-qrati tar-rinviju, anki f’din il-verżjoni lingwistika tal-aħħar, il-kelma inkwistjoni ma hijiex limitata għas-sempliċi kunsinna ta’ oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali u tista’, għall-kuntrarju, tindika l-eżistenza ta’ obbligu li l-oġġett mhux konformi jinbidel bl-oġġett il-ġdid.

    55      Barra minn hekk, interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva fis-sens li dawn l-artikoli, fil-każ ta’ tibdil ta’ oġġett mhux konformi, jimponu fuq il-bejjiegħ l-obbligu li jieħu responsabbiltà għat-tneħħija ta’ dan l‑oġġett mill-post fejn il-konsumatur ikun installah inkonformità man-natura tiegħu u mal-użu mixtieq minnu, qabel ma jkun ħareġ fid-dieher id-difett, u għall-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, hija interpretazzjoni li tikkorrispondi mal-għan tad-Direttiva li, kif huwa indikat fil-premessa 1 tagħha, huwa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi.

    56      Għandu jiġi osservat, f’dan il-kuntest, li tali interpretazzjoni lanqas ma twassal għal riżultat inekwu. Fil-fatt, anki fil-każ li n-nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ma jirriżultax minn ħtija tal-bejjiegħ, xorta jibqa’ l-fatt li, billi kkunsinna oġġett mhux konformi, il-bejjiegħ ma eżegwixxiex b’mod korrett l-obbligu li daħal għalih taħt il-kuntratt ta’ bejgħ u għalhekk għandu jassumi l-konsegwenzi tal-eżekuzzjoni mhux korretta ta’ dan tal-aħħar. Għall-kuntrarju, il-konsumatur, min-naħa tiegħu, ikun ħallas il-prezz tal-bejgħ u jkun għalhekk eżegwixxa b’mod korrett l-obbligu kuntrattwali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Quelle, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41). Barra minn hekk, il-fatt li l-konsumatur, li jkollu l-aspettattiva li l-oġġett ikkunsinnat kien konformi, ikun installa, in bona fide, l-oġġett difettuż inkonformità man-natura tiegħu u mal-użu mixtieq minnu qabel ma ħareġ fid-dieher id-difett, ma jistax jikkostitwixxi ħtija li tista’ tiġi allegata fil-konfront tal-imsemmi konsumatur.

    57      Għaldaqstant, f’sitwazzjoni fejn ebda waħda miż-żewġ partijiet fil-kuntratt ma tkun aġixxiet b’mod li jimplika ħtija, ikun ġustifikat li l-ispejjeż tat-tneħħija tal-oġġett mhux konformi u tal-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali jitqiegħdu għar-responsabbiltà tal-bejjiegħ, u dan sa fejn dawn l-ispejjeż addizzjonali, minn naħa, kienu jiġu evitati li kieku l-bejjiegħ kien eżegwixxa b’mod korrett l-obbligi kuntrattwali tiegħu mill-ewwel u, min-naħa l-oħra, ikunu saru neċessarji sabiex l-oġġett ikun jista’ jitqiegħed fi stat ta’ konformità.

    58      Barra minn hekk, l-interessi finanzjarji tal-bejjiegħ ma humiex protetti biss bit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ sentejn previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva u bil-possibbiltà mogħtija lilu fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva li jirrifjuta li jibdel l-oġġett fil-każ li dan ir-rimedju jirriżulta sproporzjonat sa fejn jimponilu spejjeż irraġonevoli (ara s-sentenza Quelle, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42), iżda wkoll bid-dritt, imtenni fl-Artikolu 4 tad-Direttiva, li jieħu azzjoni kontra l-persuni responsabbli li jagħmlu parti mill-istess katina kuntrattwali. Il-fatt li d‑Direttiva żżomm lill-bejjiegħ responsabbli, fil-konfront tal-konsumatur, għal kull nuqqas ta’ konformità li jeżisti meta jiġi kkunsinnat l-oġġett (ara s-sentenza Quelle, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40) huwa għalhekk ikkumpensat bil-fatt li l‑bejjiegħ jista’, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli, ifittex lill-prodottur, lil bejjiegħ preċedenti li jkun jinsab fl-istess katina kuntrattwali jew lil kull intermedjarju ieħor.

    59      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva hija indipendenti mill-kwistjoni jekk il-bejjiegħ kienx obbligat, skont il-kuntratt ta’ bejgħ, li jinstalla l-oġġett ikkunsinnat. Fil-fatt, għalkemm il-kuntratt ta’ bejgħ jiddetermina, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva, il-konformità ta’ dan l-oġġett u għalhekk, b’mod partikolari, dak li jikkostitwixxi nuqqas ta’ konformità, xorta jibqa’ l-fatt li, fil-każ li jkun hemm tali nuqqas ta’ konformità, l-obbligi tal-bejjiegħ li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni mhux korretta ta’ dan il-kuntratt ma jirriżultawx biss minn dan il-kuntratt imma b’mod speċjali mir-regoli dwar il‑protezzjoni tal-konsumaturi u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 3 tad-Direttiva, liema regoli jimponu obbligi li l-portata tagħhom hija indipendenti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt imsemmi u li jistgħu, jekk ikun il-każ, imorru lil hinn minn dawk previsti f’dan tal-aħħar.

    60      Id-drittijiet mogħtija b’dan il-mod lill-konsumaturi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva, li ma humiex intiżi li jqiegħdu lill-konsumaturi f’sitwazzjoni iktar vantaġġuża minn dik li huma setgħu jistennew taħt il-kuntratt ta’ bejgħ iżda li huma intiżi sempliċement li jistabbilixxu mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet timmaterjalizza li kieku l-bejjiegħ kien ikkusinna mill-ewwel oġġett konformi, huma, skont l‑Artikolu 7 tad-Direttiva, ta’ natura vinkolanti għall-bejjiegħ. Barra minn hekk, mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva jirriżulta li l-protezzjoni prevista minn din tal-aħħar hija minima u li, għalkemm l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti, huma ma jistgħux jippreġudikaw il-garanziji previsti mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara s-sentenza Quelle, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

    61      Fl-aħħar nett, fil-każ li l-bejjiegħ ma jwettaqx huwa stess it-tneħħija tal-oġġett mhux konformi u l-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, hija l‑qorti nazzjonali li għandha tiddetermina liema huma l-ispejjeż meħtieġa għat-tneħħija u għall-installazzjoni msemmija u li l-konsumatur jista’ jitlob ir-rimbors tagħhom.

    62      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta oġġett tal-konsum mhux konformi li, qabel ma joħroġ fid-dieher id-difett, ikun ġie installat, in bona fide, mill-konsumatur inkonformità man-natura tiegħu u mal-użu mixtieq minnu, jitqiegħed fi stat ta’ konformità permezz ta’ tibdil, il-bejjiegħ huwa obbligat li jew iwettaq huwa stess it-tneħħija ta’ dan l-oġġett mill-post fejn ikun ġie installat u l‑installazzjoni f’dan il-post tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, jew li jbati l‑ispejjeż neċessarji marbuta ma’ din it-tneħħija u ma’ din l-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali. Dan l-obbligu tal-bejjiegħ jeżisti indipendentement mill-kwistjoni jekk, taħt il-kuntratt ta’ bejgħ, il-bejjiegħ kienx intrabat li jinstalla l-oġġett tal-konsum akkwistat inizjalment.

     Fuq il-possibbiltà, għall-bejjiegħ, li jirrifjuta li jieħu responsabbiltà għall-ispejjeż tat-tneħħija tal-oġġett difettuż u tal-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali meta dawn l-ispejjeż ikunu sproporzjonati

    63      Permezz tal-ewwel domanda fil-Kawża C-65/09, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lill-bejjiegħ milli jkun jista’, skont id-dritt nazzjonali, jirrifjuta t-tibdil tal-oġġett mhux konformi għar-raġuni li dan it-tibdil jikkawżalu, minħabba l-obbligu li jneħħi dan l-oġġett mill-post fejn ikun ġie installat u li jinstalla f’dan il-post l-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, spejjeż sproporzjonati meta mqabbla mal-valur li kien ikollu l-oġġett li kieku kien konformi u mal-portata tan-nuqqas ta’ konformità.

    64      Gebr. Weber kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u dak Awstrijak jipproponu li tingħata risposta negattiva għal din id-domanda. F’dan is-sens, id-Direttiva ma jistax ikollha l-għan li timponi fuq il-bejjiegħ l-obbligu li jieħu responsabbiltà għal spejjeż ekonomikament irraġonevoli fil-każ li jkun jeżisti rimedju wieħed biss. Barra minn hekk, il-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 3(3) ma tagħti ebda indikazzjoni dwar dan il-każ. Barra minn hekk, fid-dawl tal-istruttura tal-artikolu msemmi, huwa iktar u iktar f’loku li f’tali każ isir riferiment għall-kriterji stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3), li l-lista tagħhom ma hijiex eżawrjenti. Barra minn hekk, fil-każ li l-paragun mal-ispejjeż li jirriżultaw mir-rimedju alternattiv ikun ċertament impossibbli, eventwali sproporzjonalità xorta waħda tkun tista’ tiġi eżaminata fid-dawl tal-kriterji l-oħra elenkati fis-subparagrafu msemmi. Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan ta’ din id‑dispożizzjoni, jiġifieri li l-bejjiegħ jiġi protett minn inkonvenjenti ekonomiċi irraġonevoli, din id-dispożizzjoni għandha tingħata interpretazzjoni li tiżgura tali protezzjoni anki fin-nuqqas ta’ rimedju alternattiv.

    65      Għall-kuntrarju, il-Gvern Belġjan, dak Spanjol u dak Pollakk, kif ukoll il‑Kummissjoni, jargumentaw favur risposta affermattiva għal din id-domanda. Huma jsostnu li mill-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva jirriżulta b’mod ċar li din id-dispożizzjoni tirreferi biss għal sproporzjonalità relattiva, kif barra minn hekk tikkonferma l-premessa 11 tad-Direttiva. L-għan tad-dispożizzjoni msemmija huwa li jiġi evitat li l-konsumatur ikun jista’ jabbuża d-drittijiet tiegħu billi jeżiġi mingħand il-bejjiegħ mod ta’ tqegħid inkonformità partikolari meta l-mod l-ieħor ikun inqas oneruż għall-bejjiegħ u jwassal għall-istess riżultat. Issa, filwaqt li ż-żewġ modi ta’ tqegħid inkonformità huma intiżi li jiggarantixxu l-istess interessi tal-konsumatur, jiġifieri l-eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali u l-possibbiltà li jkollhom oġġett konformi, il-mezzi sekondarji, jiġifieri t-tnaqqis tal-prezz jew it-tħassir tal-kuntratt, ma jippermettux li jitħarsu dawn l-istess interessi. Jekk il-bejjiegħ ikun jista’ jirrifjuta l-uniku rimedju possibbli minħabba l-isproporzjonalità assoluta tiegħu, il‑konsumatur ikollu biss l-imsemmija mezzi sekondarji għad-dispożizzjoni tiegħu, għall-kuntrarju tal-istruttura tal-imsemmi Artikolu 3, li jagħti prijorità liż-żamma tal-obbligi reċiproċi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ bejgħ, u għall-kuntrarju tal-għan tad-Direttiva, jiġifieri li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Il-Kummissjoni żżid, madankollu, li ma huwiex eskluż li każijiet estremi, fejn l-uniku rimedju possibbli jimplika spiża ferm sproporzjonata meta mqabbla mal-interess tal-konsumatur li jingħata rimedju, jikkostitwixxu każijiet ta’ impossibbiltà, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva.

    66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva, inizjalment il-konsumatur għandu d-dritt jeżiġi li l-bejjiegħ isewwi l-oġġett jew jibdlu, fiż-żewġ każijiet mingħajr ħlas, sakemm dan ma jkunx impossibbli jew sproporzjonat.

    67      It-tieni subparagrafu tal-istess Artikolu 3(3) jippreċiża li rimedju jiġi kkunsidrat li huwa sproporzjonat jekk jimponi fuq il-bejjiegħ spejjeż li, meta mqabbla mar-rimedju l-ieħor, ikunu irraġonevoli fid-dawl tal-valur li kien ikollu l-oġġett li kieku ma kellux nuqqas ta’ konformità, tal-portata tan-nuqqas ta’ konformità u tal-kwistjoni jekk ir-rimedju l-ieħor ikunx jista’ jiġi implementat mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur.

    68      Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li għalkemm l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva huwa, bħala prinċipju, ifformulat b’mod suffiċjentement wiesa’ sabiex ikun jista’ jkopri wkoll il-każijiet ta’ sproporzjonalità assoluta, it-tieni subparagrafu tal-istess artikolu jiddefinixxi l-kelma “disproporzjonat” esklużivament fir-rigward tar-rimedju l-ieħor, u b’hekk jillimita din il-kelma għall-każijiet ta’ sproporzjonalità relattiva. Barra minn hekk, mill-formulazzjoni u mill-istruttura tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva jirriżulta li dan l-artikolu jirreferi għaż-żewġ rimedji previsti inizjalment, jiġifieri t-tiswija jew it-tibdil tal-oġġett mhux konformi.

    69      Dawn il-konstatazzjonijiet huma kkorroborati mill-premessa 11 tad-Direttiva, li tipprovdi li rimedju jkun sproporzjonat jekk jimponi spejjeż irraġonevoli meta mqabbel mar-rimedju l-ieħor u li, sabiex l-ispejjeż jitqiesu li huma irraġonevoli, huwa meħtieġ li dawn ikunu kunsiderevolment ogħla minn dawk tar-rimedju l‑ieħor.

    70      Għalkemm huwa minnu, kif isostnu Gebr. Weber u l-Gvern Ġermaniż, li ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ din il-premessa 11, b’mod partikolari dik bil-Ġermaniż, huma xi ftit ambigwi sa fejn jagħmlu riferiment għar-“rimedji l-oħra”, fil-plural, xorta jibqa’ l-fatt li numru kunsiderevoli ta’ verżjonijiet lingwistiċi, bħalma huma dawk bl-Ingliż, bil-Franċiż, bit-Taljan, bl-Olandiż u bil-Portugiż, ma jħallu ebda dubju dwar il-fatt li fl-imsemmija premessa l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni jirreferi biss, bħal fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva, li fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, inkluża f’dik bil-Ġermaniż, huwa fformulat fis-singular, għar-rimedju l-ieħor previst inizjalment minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri t-tiswija tal-oġġett mhux konformi jew it-tibdil tiegħu.

    71      Għaldaqstant, jidher li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jagħti lill-bejjiegħ id-dritt li jirrifjuta t-tiswija jew it-tibdil tal-oġġett difettuż biss fil-każ ta’ impossibbiltà jew fil-każ ta’ sproporzjonalità relattiva. Għalhekk, fil-każ li wieħed biss minn dawn iż-żewġ rimedji jkun possibbli, il-bejjiegħ ma jistax jirrifjuta l-uniku rimedju li jippermetti t-tqegħid tal-oġġett fi stat ta’ konformità mal-kuntratt.

    72      Din l-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva hija marbuta, kif osservaw il-Gvern Belġjan, dak Pollakk u l-Kummissjoni, mal-fatt li d-Direttiva tagħti prijorità, fl-interess taż-żewġ partijiet fil-kuntratt, lill-eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar, permezz taż-żewġ rimedji previsti inizjalment, fuq l-annullament tal-kuntratt jew it-tnaqqis tal-prezz tal-bejgħ. Barra minn hekk, din l-għażla hija dovuta għall-fatt li, ġeneralment, dawn iż-żewġ mezzi sussidjarji ma jippermettux li jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur bħat-tqegħid inkonformità tal-oġġett.

    73      Għaldaqstant, għalkemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-bejjiegħ id-dritt li jirrifjuta l-uniku rimedju possibbli, minħabba l-isproporzjonalità assoluta tiegħu, dan l-artikolu xorta waħda jippermetti protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji leġittimi tal-bejjiegħ, liema protezzjoni għandha tiġi kkunsidrata, kif ikkonstatat fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, ma’ dik prevista fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva.

    74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fir-rigward b’mod partikolari tas-sitwazzjoni speċifika mqajma mill-qorti tar-rinviju, fejn it-tibdil tal-oġġett difettuż, bħala l-uniku rimedju possibbli, jimplika spejjeż sproporzjonati minħabba l-ħtieġa li jitneħħa l-oġġett mhux konformi mill-post fejn ġie installat u li jiġi installat l-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva ma jipprekludix li d-dritt tal-konsumatur għar-rimbors tal-ispejjeż tat-tneħħija tal-oġġett difettuż u tal-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali jkun, jekk ikun neċessarju, limitat għal ammont li jkun proporzjonali għall-valur li kien ikollu l-oġġett li kieku kien konformi u għall-portata tan-nuqqas ta’ konformità. Fil-fatt, tali limitazzjoni tippreżerva d-dritt tal-konsumatur li jitlob it-tibdil tal-oġġett mhux konformi.

    75      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmi Artikolu 3 huwa intiż li jistabbilixxi bilanċ ġust bejn l-interessi tal-konsumatur u dawk tal-bejjiegħ, billi jiggarantixxi lil tal-ewwel, bħala l-parti dgħajfa fuq il-kuntratt, protezzjoni sħiħa u effikaċja kontra eżekuzzjoni mhux korretta mill-bejjiegħ tal-obbligi kuntrattwali tiegħu, filwaqt li jippermetti li jiġu kkunsidrati kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekonomika invokati mill-bejjiegħ.

    76      Meta teżamina jekk hemmx lok li jitnaqqas, fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-konsumatur għar-rimbors tal-ispejjeż tat-tneħħija tal-oġġett mhux konformi u tal‑installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-valur li kien ikollu l-oġġett li kieku kien konformi u l-portata tan-nuqqas ta’ konformità, kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-għan tad-Direttiva, jiġifieri li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Għalhekk, il-possibbiltà li jsir tali tnaqqis ma jistax ikollha l-konsegwenza li ġġib fix-xejn, fil-prattika, is-sustanza tad-dritt tal-konsumatur għar-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż fil-każijiet fejn ikun installa, in bona fide, l-oġġett difettuż inkonformità man-natura tiegħu u mal-użu mixtieq minnu, qabel ma ħareġ fid-dieher id-difett.

    77      Fl-aħħar nett, fil-każ ta’ tnaqqis tad-dritt għar-rimbors tal-imsemmija spejjeż, ikun hemm lok li l-konsumatur jingħata l-possibbiltà li jeżiġi, minflok it-tibdil tal-oġġett mhux konformi, tnaqqis adegwat tal-prezz jew it-tħassir tal-kuntratt, inkonformità mal-aħħar inċiż tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva, u dan sa fejn il-fatt li l-konsumatur ma jkunx jista’ jikseb it-tqegħid inkonformità tal-oġġett difettuż ħlief billi jbati huwa stess parti minn dawn l-ispejjeż jikkostitwixxi inkonvenjent sinjifikattiv għalih.

    78      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti lill-bejjiegħ id-dritt li jirrifjuta t-tibdil ta’ oġġett mhux konformi, liema tibdil ikun l‑uniku rimedju possibbli, għar-raġuni li dan ir-rimedju jimponilu, minħabba l‑obbligu li jneħħi dan l-oġġett mill-post fejn ikun ġie installat u li jinstalla f’dan il-post l-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, spejjeż sproprozjonati fid-dawl tal-valur li kien ikollu l-oġġett li kieku kien konformi u tal-portata tan-nuqqas ta’ konformità. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li d-dritt tal-konsumatur għar-rimbors tal-ispejjeż tat-tneħħija tal-oġġett difettuż u tal-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali jkun, f’tali każ, limitat għat-teħid ta’ responsabbiltà, mill-bejjiegħ, ta’ ammont proporzjonat.

     Fuq l-ispejjeż

    79      Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija dik il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Mejju 1999, dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta oġġett tal-konsum mhux konformi li, qabel ma joħroġ fid-dieher id-difett, ikun ġie installat, in bona fide, mill-konsumatur inkonformità man-natura tiegħu u mal-użu mixtieq minnu, jitqiegħed fi stat ta’ konformità permezz ta’ tibdil, il‑bejjiegħ huwa obbligat li jew iwettaq huwa stess it-tneħħija ta’ dan l‑oġġett mill-post fejn ikun ġie installat u l-installazzjoni f’dan il-post tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, jew li jbati l-ispejjeż neċessarji marbuta ma’ din it-tneħħija u ma’ din l-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali. Dan l-obbligu tal-bejjiegħ jeżisti indipendentement mill-kwistjoni jekk, taħt il-kuntratt ta’ bejgħ, il‑bejjiegħ kienx intrabat li jinstalla l-oġġett tal-konsum akkwistat inizjalment.

    2)      L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti lill-bejjiegħ id-dritt li jirrifjuta t-tibdil ta’ oġġett mhux konformi, liema tibdil ikun l-uniku rimedju possibbli, għar-raġuni li dan ir-rimedju jimponilu, minħabba l‑obbligu li jneħħi dan l-oġġett mill-post fejn ikun ġie installat u li jinstalla f’dan il-post l-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali, spejjeż sproprozjonati fid-dawl tal-valur li kien ikollu l-oġġett li kieku kien konformi u tal-portata tan-nuqqas ta’ konformità. Madankollu, din id‑dispożizzjoni ma tipprekludix li d-dritt tal-konsumatur għar-rimbors tal-ispejjeż tat-tneħħija tal-oġġett difettuż u tal-installazzjoni tal-oġġett li bih jinbidel l-oġġett inizjali jkun, f’tali każ, limitat għat-teħid ta’ responsabbiltà, mill-bejjiegħ, ta’ ammont proporzjonat.

    Firem


    *      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top