Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0054

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tad-29 ta' Lulju 2010.
    ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell - Agrikoltura - Organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid - Għajnuna għar-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni mill-ġdid tal-oqsma tad-dwieli - Regolament (KE) Nru 1493/1999 - Iffissar mill-Kummissjoni tal-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi għall-Istati Membri -Regolament (KE) Nru 1227/2000 - Artikolu 16(1) - Terminu - Natura perentorja.
    Kawża C-54/09 P.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-07537

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:451

    Kawża C-54/09 P

    Ir-Repubblika Ellenika

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Appell — Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni mill-ġdid tal-oqsma tad-dwieli — Regolament (KE) Nru 1493/1999 — Iffissar mill-Kummissjoni tal-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi għall-Istati Membri — Regolament (KE) Nru 1227/2000 — Artikolu 16(1) — Terminu — Natura perentorja”

    Sommarju tas-sentenza

    Agrikoltura — Organizzazzjoni komuni tas-swieq — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni u konverżjoni mill-ġdid fis-settur tal-inbid — Iffissar mill-Kummissjoni tal-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi għall-Istati Membri

    (Regolament tal-Kunsill Nru 1493/1999, Artikolu 14(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 1227/2000, Artikoli 16(1) u (2), u 17(1))

    Ma hemmx dubju li l-formulazzjoni tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, f’dak li jirrigwarda l-potenzjal tal-produzzjoni, trendi t-terminu previst minn dan l-artikolu bħala wieħed mandatorju. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata kemm mill-istruttura tar-Regolament Nru 1227/2000 kif ukoll mill-finalità tal-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament.

    In-natura mandatorja ta’ dan it-terminu hija kkonfermata mill-kliem tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1227/2000, li huwa intiż preċiżament sabiex jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jirrispettaw l-obbligu tagħhom ta’ dikjarazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 16(1).

    Ma hemm xejn fil-kliem tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 li jindika li l-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni reali u għaldaqstant tieħu inkunsiderazzjoni r-rettifiki magħmula mill-Istati Membri wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament. Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju tal-Arikolu 17(4) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tibbaża ruħha, għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi, fuq medda totali reali, iżda biss fuq dik li ġiet innotifikata lilha fit-terminu msemmi fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament.

    Jirriżulta wkoll mill-għan imfittex mid-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000, li d-data tal-10 ta’ Lulju hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tadotta fi żmien utli d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi mogħtija lill-Istati Membri, b’mod li din ma tistax tiġi obbligata tibbaża ruħha fuq informazzjoni emendata mibgħuta wara din id-data għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Hija biss interpretazzjoni stretta tat-terminu previst fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament li tippermetti li jiġi ggarantit li l-allokazzjonijiet finanzjarji allokati lill-Istati Membri, li huma inizjalment mogħtija biss provviżorjament skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1493/1999, ikunu jistgħu jiġu adattati fi żmien utli mill-Kummissjoni skont l-infiq reali. Fil-fatt, huwa neċessarju, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jħallsu, qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja kurrenti, l-aħħar pagamenti relatati man-nefqa ddikjarata taħt l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 u jiksbu r-rimbors tagħhom mill-Kummissjoni, qabel it-tmiem tas-sena baġitarja, fuq il-linji baġitarji disponibbli għal din is-sena finanzjarja, li d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi mogħtija lill-Istati Membri għas-sena finanzjarja kkonċernata tiġi adottata qabel it-tmiem tagħha, jiġifieri qabel il-15 ta’ Ottubru. Sabiex il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tadotta u tippubblika d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-imsemmija allokazzjonijiet finanzjarji definittivi qabel din id-data, huwa importanti, fid-dawl tar-restrizzjonijiet proċedurali imposti fuqha, li hija jkollha informazzjoni fuq l-Istati Membri kollha sa l-iktar tard fl-10 ta’ Lulju tas-sena kkonċernata.

    (ara l-punti 46, 47, 48, 54, 57, 59, 60, 63, 65, 66)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    29 ta’ Lulju 2010 (*)

    “Appell – Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni mill-ġdid tal-oqsma tad-dwieli – Regolament (KE) Nru 1493/1999 – Iffissar mill-Kummissjoni tal-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi għall-Istati Membri –Regolament (KE) Nru 1227/2000 – Artikolu 16(1) – Terminu – Natura perentorja”

    Fil-Kawża C‑54/09 P,

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fis-6 ta’ Frar 2009,

    Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn I. Chalkias u M. Tassopoulou, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    rikorrenti,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn H. Tserepa-Lacombe u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur), M. Ilešič, M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Kokott,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Marzu 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ellenika talbet l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-Qorti Ġenerali), tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (T‑339/06, Ġabra 2008 p. II‑3525, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/669/KE, tal-4 ta’ Ottubru 2006, li tistabbilixxi l-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi għas-sena finanzjarja 2006, lill-Istati Membri għal ċertu numru ta’ ettari, għar-ristrutturar u konverżjoni mill-ġdid tad-dwieli, fl-ambitu tar-Regolament Nru 1493/1999, (ĠU L 275, p. 62, iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”).

     Il-kuntest ġuridiku

     Ir-Regolament (KE) Nru 1493/1999

    2        L-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 3, Vol. 26, p. 25) jiddisponi:

    “1. Il-Kummissjoni għandha tagħmel allokazzjonijiet inizjali lejn l-Istati Membri kull sena fuq il-bażi ta’ kriterji objettivi li jieħdu in konsiderazzjoni sitwazzjonijiet u bżonnijiet partikolari, u l-ħidma li trid issir fid-dawl ta’ l-iskop ta’ l-iskema.

    2. Allokazzjonijiet inizjali għandhom jiġu addattati in vista ta’ l-infieq reali u fuq il-bażi tal-previżjonijiet ta’ l-infieq riveduti ppreżentati mill-Istati Membri wara li jittieħed akkont ta’ l-iskop ta’ l-iskema u soġġetti għall-fondi disponibbli.

    3. L-allokazzjoni finanzjarja bejn Stati Membri għandha tieħu akkont tal-proporzjon tal-qasam tad-dwieli Komunitarja fl-Istat Membru konċernat.

    […]”

     Ir-Regolament (KE) Nru 1227/2000

    3        Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1227/2000, tal-31 ta’ Mejju 2000 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE), Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid f’dak li jirrigwarda l-potenzjal tal-produzzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 29, p. 116) fil-verżjoni tiegħu applikabbli għas-sena finanzjarja 2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1227/2000”):

    “1. Sa mhux aktar tard mill-10 ta’ Lulju ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni, f’rabta mar-ristrutturazzjoni u s-sistema tal-konverżjoni:

    a)      dikjarazzjoni tan-nefqa li tkun saret fil-fatt sat-30 ta’ Ġunju tas-sena finanzjarja kurrenti u ż-żona totali kkonċe[r]nata;

    b)      dikjarazzjoni tan-nefqa vvalidata sat-30 ta’ Ġunju tas-sena finanzjarja kurrenti u ż-żona totali kkonċernata;

    c)      it-talbiet kollha għall-finanzjament sussegwenti ta’ l-ispiża fis-sena finanzjarja kurrenti li tkun teċċedi l-allokazzjonijiet finanzjarji magħmula b’konformità ma’ l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, u t-total taż-żona kkonċernata f’kull każ; u

    d)      it-tbassir emendat tan-nefqa, u t-total taż-żoni kkonċernati, għas-snin finanzjarji sussegwenti sat-tmiem tal-perjodu previst għall-implimentazzjoni tal-pjani tar-ristruttar u l-konverżjoni, b’konformità ma’ l-allokazzjoni għal kull Stat Membru.

    2. Mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali stabbiliti għal dixxiplina li għandha x’taqsam mal-budget, meta it-tagħrif li l-Istati Membri huma meħtieġa li jgħaddu lill-Kummissjoni skond il-paragrafu 1 ikun inkomplet jew l-iskadenza ma tkunx intlaħqet, il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-għotjiet fid-dħul tal-kontijiet ta’ l-ispejjeż agrikoli fuq bażi temporanja u b’rata fissa.”

    4        L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1227/2000 jiddisponi:

    “1. Għal kull Stat Membru, spejjeż li attwalment intefqu, ivvaliditati u ddikjarati għal kwalunkwe sena finanzjarja partikolari għandhom jiġu ffinanzjati ġol-limiti ta’ l-ammonti nnotifikati lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 16(1)(a) u (b), previst li dawk l-ammonti mhumiex fit-total iżjed mill-ammont finanzjarju allokat lill-Istat Membru skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament […] Nru 1493/1999.

    […]

    3. Talbiet magħmula mill-Istati Membri skond l-Artikolu 16(1)(c) għandhom jiġu aċċettati fuq bażi ta’ kull wieħed skond sehmu, billi jintużaw l-ammonti disponibbli wara li jitnaqqas, għall-Istati Membri kollha, it-total ta’ l-ammonti notifikati skond l-Artikolu 16(1)(a) u l-ammonti ddikjarati skond l-Artikolu 16(1)(b) mill-ammont totali allokat lill-Istati Membri skond l-Artikolu 14 tar-Regolament […] Nru 1493/1999. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri malajr kemm jista’ jkun wara t-30 ta’ Ġunju bil-punt sa fejn it-talba tista’ tintlaqa’.

    4. Minkejja l-paragrafi 1 u 2, fejn il-medda totali notifikata skond l-Artikolu 16(1)(a) hija inqas min-numru ta’ ettari indikati fl-allokazzjoni għas-sena finanzjarja magħmula lill-Istat Membru skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament […] Nru 1493/1999, f’dak il-każ infiq iddikjarat għas-sena finanzjarja inkwistjoni għandu jkun iffinanzjat biss sa limitu ugwali għal-medda totali nnotifikata mmultiplikata bl-ammont medju ta’ għajnuna għal kull ettaru; din il-figura hija kkalkulata bħala proporzjon bejn l-ammont allokat lill-Istat Membru skond l-Artikolu 14(1) tar-Regolament […] Nru 1493/1999 u n-numru ta’ ettari antiċipat.

    Dan l-ammont ma jistax f’kull każ ikun akbar mill-infiq dikjarat skond l-Artikolu 16(1)(a).

    Għall-għan li jiġi implimentat dan il-paragrafu, tolleranza ta’ 5 % għandha tkun applikata lill-medda totali notifikata kif imqabbla ma’ dik li tidher fl-allokazzjoni għas-sena finanzjarja

    Ammonti mhux iffinanzjati taħt dan il-paragrafu m’għandhomx ikunu mqegħdin għad-dispożizzjoni għall-iskop ta’ l-applikazzjoni tal-paragrafu 3.

    […]

    8. Referenzi għal xi sena finanzjarja għandhom jirreferu għal ħlasijiet fil-fatt magħmula mill-Istati Membri bejn is-16 ta’Ottubru u l-15 t’Ottubru ta’ wara.”

    […]”

     Ir-Regolament (KE) Nru 1258/1999

    5        L-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414) jiddisponi:

    “Ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex ikopru n-nefqa riferita fl-Artikoli 2 u 3 għandhom ikunu magħmula disponibbli għall-Istati Membri mill-Kummissjoni permezz ta’ avvanzi fuq il-provvediment tan-nefqa effettwati matul perjodu taż-żmien ta’ referenza.

    […]”

    6        Skont l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-regolament:

    “Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-avvanzi ta’ kull xahar fuq il-provvediment għan-nefqa effetwata mill-aġenziji akkreditati tal-ħlas.

    In-nefqa għal Ottubru għandha tiġi attribwita għal Ottubru jekk tkun effetwata mill-1 sal-15 ta’ Ottubru u għal Novembru jekk tkun effettwata mis-16 tal-31 ta’ Ottubru. L-avvanzi għandhom jiġu mħallsa lill-Istat Membru mhux aktar tard mit-tielet jum tax-xogħol tat-tieni xahar ta’ wara dak li fih tiġi effettwata n-nefqa.

    […]”

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    7        Il-fatti li wasslu għall-kawża kienu ġew esposti mill-Qorti Ġenerali kif ġej:

    “6      Għas-sena finanzjarja 2006 (16 ta’ Ottubru 2005 – 15 ta’ Ottubru 2006), it-tqassim indikattiv tal-fondi allokati skont ir-Regolament Nru 1493/1999 għar-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni tal-oqsma tad-dwieli ġie stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/716/KE, tal-10 ta’ Ottubru 2005, li tistabbilixxi allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi għall-Istati Membri, għal numru speċifiku ta’ ettari, għar-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni tal-oqsma tad-dwieli skont ir-Regolament Nru 1493/1999, għas-sena tas-suq 2005/2006 (ĠU L 271, p. 45). Fl-anness tal-imsemmija deċiżjoni, l-ammont tal-allokazzjoni finanzjarja indikattiva lir-Repubblika Ellenika ġie stabbilit għal EUR 8 574 504 għal medda ta’ 1 249 ettaru.

    7      Fl-10 ta’ Lulju 2006, b’applikazzjoni tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1493/1999 u tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1227/2000, l-awtoritajiet Griegi għaddew lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tan-nefqa marbutin mar-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni tal-oqsma tad-dwieli fil-Greċja matul is-sena finanzjarja 2006 sabiex jinkisbu allokazzjonijiet finanzjarji. Skont din il-komunikazzjoni, it-total tan-nefqa msemmija kien ta’ EUR 6 829 204.46 u l-medda korrispondenti kienet ta’ 788,002 ettaru.

    8      Fit-22 ta’ Settembru 2006, l-awtoritajiet Griegi bagħtu ittra lill-Kummissjoni sabiex jgħarrfuha bi żball fil-ġbir tat-tagħrif informatiku, peress li l-medda li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni kienet ta’ 1 102,271 ettaru. Huma spjegaw li din il-medda kienet tikkorrispondi għas-somma tal-medda totali indikata fit-tabella annessa mal-ittra tal-10 ta’ Lulju 2006 u li tirriproduċi n-nefqa ta’ ristrutturazzjoni u ta’ konverżjoni tal-oqsma tad-dwieli fil-Greċja li fil-fatt intefqu fit-30 ta’ Ġunju 2006, jiġifieri ta’ 1 085,391 ettaru, u tal-medda totali indikata fit-tabella annessa mal-ittra tal-10 ta’ Lulju 2006 u li tirriproduċi l-ispejjeż ta’ ristrutturazzjoni u ta’ konverżjoni tal-għelieqi tad-diewli fil-Greċja vvalidati fit-30 ta’ Ġunju 2006, jiġifieri ta’ 16,88 ettaru. Huma fakkru wkoll li n-nefqa totali kienet tammonta għal EUR 6 829 204.46.

    9      Fis-26 ta’ Settembru 2006, matul it-890 laqgħa tal-kumitat għall-ġestjoni tal-inbejjed, l-awtoritajiet Griegi rripetew it-talba tagħhom lill-Kummissjoni sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rettifikata. Il-Kummissjoni ċaħdet oralment it-talba tal-awtoritajiet Griegi, filwaqt li indikat li l-elementi rettifikati ġew ippreżentati tard.

    10      Fl-4 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni [kkontestata]. F’din l-istess data, rappreżentant tal-Kummisjoni ltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-awtoritajiet Griegi u spjegalhom li kien impossibbli, fid-dawl tat-termini, li tintlaqa’ t-talba tagħhom sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni t-tagħrif rettifikat kkomunikat fit-22 ta’ Settembru 2006.

    11      Fis-16 ta’ Ottubru 2006, l-awtoritajiet Griegi bagħtu ittra lill-Kummissjoni fejn talbuha sabiex jiġi emendat l-anness tad-deċiżjoni [kkontestata]. Il-Kummissjoni ma laqgħetx din it-talba.”

     Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

    8        Permezz ta’ att iddepożitat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Novembru 2006, ir-Repubblika Ellenika ppreżentat rikors intiż għall-annullament jew il-formulazzjoni mill-ġdid tad-deċiżjoni kkontestata fil-parti tagħha dwar l-allokazzjonijiet ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni u l-konverżjoni mill-ġdid tal-oqsma tad-dwieli fil-Greċja, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kkoreġuti mibgħuta lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Settembru 2006 u li jingħatawlha l-fondi korrispondenti.

    9        Insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Ellenika tinvoka ħames motivi, ibbażati rispettivament fuq in-natura indikattiva tat-terminu previst fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000, fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, fuq ksur tal-prinċipji ta’ bona fide u ta’ amministrazzjoni tajba, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u fuq ksur tal-prinċipju tal-effett utli.

    10      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmi rikors.

    11      Għal dak li jikkonċerna l-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 25 tas-sentenza appellata, li jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000, kif ukoll mill-istruttura ġenerali u l-għan tal-liġi li huwa jagħmel parti minnha, li t-terminu previst mill-imsemmi artikolu huwa terminu mandatorju.

    12      F’dan ir-rigward, hija osservat qabel kollox, fil-punt segwenti tal-imsemmija sentenza, iż-żieda tal-kliem “terminu perentorju” ma hijiex meħtieġa sabiex tingħata natura perentorja lit-terminu previst.

    13      Il-Qorti Ġenerali mbagħad ikkunsidrat li l-fatt li tliet verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, “sal-”10 ta’ Lulju ta’ kull sena, l-informazzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, ma jagħtix sens differenti minn dak tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra.

    14      Hija mbagħad qieset li n-natura perentorja tat-terminu previst hija kkonfermata mill-funzjoni ta’ dan it-terminu fil-kuntest tas-sistema ta’ ristrutturazzjoni u konverżjoni mill-ġdid tal-għelieqi għad-dwieli kif ukoll l-għan tad-dikjarazzjoni tan-nefqa u l-meded ikkonċernati msemmijin fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 li għaliha dan it-terminu huwa previst fil-kuntest tal-imsemmija sistema.

    15      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punt 29 tas-sentenza appellata, li t-terminu previst fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 għandu l-għan li jippermetti applikazzjoni effettiva tad-determinazzjoni tal-allokazzjonijiet previsti fl-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 1493/1999 b’mod li d-data li fiha l-Istati Membri huma marbutin li jibagħtu kull sena l-informazzjoni lill-Kummissjoni għandha tiġi osservata sabiex l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi, previsti fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1493/1999, jiġu adattati, b’mod partikolari skont l-ispejjeż reali, b’mod konformi mal-Artikolu 14(1) u (2) tal-imsemmi regolament.

    16      Hija tosserva wkoll, fil-punti 30 sa 32 tas-sentenza appellata, li d-data tal-10 ta’ Lulju, li hija marbuta ma’ dik tal-15 ta’ Ottubru, ġiet iddeterminata sabiex il-Kummissjoni jkollha ż-żmien meħtieġ sabiex tadotta u tippubblika d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-allokazzjonijiet finazjarji definittivi prevista fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1493/1999 qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja.

    17      Il-Qorti Ġenerali, barra minn hekk, ikkunsidrat, fil-punt 33 sa 35 tas-sentenza appellata li, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu l-aħħar ħlasijiet, marbutin man-nefqa ddikjarata skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000, qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja kurrenti u sabiex jinkiseb ir-rimbors tagħhom mill-Kummissjoni qabel tmiem is-sena tal-baġit, fuq il-linji tal-baġit disponibbli għal din is-sena finanzjarja, l-effett utli tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jimplika li d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi lill-Istati Membri għas-sena finanzjarja għandha tiġi adottata qabel l-aħħar ta’ din l-imsemmija sena, jiġifieri l-15 ta’ Ottubru.

    18      Il-Qorti Ġenerali mbagħad jikkunsidra, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, li ebda argument dwar in-natura perentorja jew le tat-terminu previst fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 ma jista’ jiġi bbażat fuq l-Artikolu 16(2), peress li dan tal-aħħar jikkonċerna l-konsegwenzi li jirriżultaw minn trażmissjoni ta’ informazzjoni inkompleta, jew minn nuqqas ta’ osservanza tat-terminu previst għal din it-trażmissjoni, mill-Istat Membru kkonċernat.

    19      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 41 tas-sentenza appellata, l-argument tar-Repubblika Ellenika li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 jikkonferma n-natura indikattiva tat-terminu previst inkwantu huwa jistabbilixxi l-prinċipju li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tiffinanzja n-nefqa li fil-fatt saret mill-Istati Membri, u dan jimplika l-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrettifikaw l-iżbalji tagħhom wara d-data tal-10 ta’ Lulju ta’ kull sena. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, wara li rrelevat li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 jikkonċerna l-finanzjament tal-ispejjeż li attwalment intefqu, ġew ivvalidati u ddikjarati għal sena finanzjarja partikolari, u mhux biss dak tal-ispejjeż li attwalment intefqu, li dan l-argument kien irrelevanti billi kien ibbażat fuq ċitazzjoni inkompleta ta’ din id-dispożizzjoni.

    20      Fil-punti 50 sa 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni u t-tielet motivi tar-rikors li permezz tagħhom ir-Repubblika Ellenika sostniet, essenzjalment, li n-natura allegatament żbaljata tal-informazzjoni mibgħuta minnha lill-Kummissjoni qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 kienet manifesta u li l-Kummissjoni kellha konsegwentement, skont il-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ta’ bona fide u ta’ amministrazzjoni tajba, tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rettifikata mibgħuta wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu.

    21      Wara li kkunsidrat li n-natura żbaljata tal-informazzjoni mibgħuta mill-awtoritajiet Griegi lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Lulju 2006 bl-ebda mod ma kienet evidenti, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li l-argumenti tar-Repubblika Ellenika huma bbażati fuq premessa fattwali żbaljata.

    22      Il-Qorti Ġenerali barra minn hekk iddeċidiet, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, li, fil-dawl tan-natura perentorja tat-terminu previst fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000, Stat Membru ma jistax jeżiġi li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni mibgħuta wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu. Hija wara ppreċiżat, fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, li għalkemm it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni mibgħuta tard minn Stat Membru ma huwiex totalment eskluż, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni tali informazzjoni jekk din tista’ tostakola l-adozzjoni, fi żmien utli, tad-deċiżjoni li tiffissa l-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi lill-Istat Membri għas-sena finanzjarja kkonċernata. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet minn dan li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipji invokati meta ddeċidiet li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rettifikata, sa fejn ir-Repubblika Ellenika bagħtithielha biss fit-22 ta’ Settembru 2006, jiġifieri xahrejn wara l-komunikazzjoni inizjali tal-informazzjoni allegatament żbaljata u biss tliet ġimgħat qabel id-data li fiha kellha tiġi adottata d-deċiżjoni, il-15 ta’ Ottubru 2006.

    23      Il-Qorti Ġenerali wkoll ċaħdet ir-raba’ motiv imqajjem mir-Repubblika Ellenika u bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    24      Qabel kollox hija qieset, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, li, kuntrarjament għall-argument tar-Repubblika Ellenika li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proprozjonalità inkwantu ġiet imposta fuqha sanzjoni doppja, b’applikazzjoni kumulattiva tal-Artikolu 16(2) u tal-Artikolu 17(4) tar-Regolament Nru 1227/2000, bi ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni applikat għal din l-Artikolu 16(2) tal-imsemmi regolament.

    25      Imbagħad, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 69 sa 75 tas-sentenza appellata, l-argument tar-Repubblika Ellenika li skontu l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta imponiet fuqha sanzjoni sproporzjonata fid-dawl tal-iżball tal-kompjuter tal-awtoritajiet Griegi.

    26      Il-Qorti Ġenerali wkoll ċaħdet il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ effett utli.

    27      Wara li fakkret li l-istabbiliment ta’ terminu mandatorju huwa neċessarju sabiex jippermetti l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi lill-Istati Membri qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja kkonċernata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dan, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ terminu mandatorju u r-rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-tagħrif mgħoddi minn Stat Membru wara dan it-terminu, anki jekk il-konsegwenza ta’ dan tkun it-tnaqqis tal-għajnuna mogħtija lill-Istat Membru kkonċernat.

     It-talbiet tal-partijiet

    28      Ir-Repubblika Ellenika titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    –        tiddikjara l-appell ammissibbli;

    –        tannulla s-sentenza appellata;

    –        tilqa’ t-talbiet tar-rikors;

    –        tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż, kemm tal-proċedura tal-appell kif ukoll tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

    29      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    –        tiċħad l-appell bħala inammissibbli u infondat;

    –        tikkundanna r-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż;

     Fuq l-appell

    30      Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ellenika tinvoka tliet aggravji bbażati, rispettivament, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 16(1) u (2) u 17 tar-Regolament Nru 1227/2000, fuq nuqqas mill-Qorti Ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni l-portata ta’ diversi prinċipji ġenerali tad-dritt u fuq motivazzjoni kontradittorja.

     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 16(1) u (2) u 17 tar-Regolament Nru 1227/2000

     L-argumenti tal-partijiet

    31      Ir-Repubblika Ellenika tilmenta li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikoli 16(1) u (2) u 17 tar-Regolament Nru 1227/2000, li l-interpretazzjoni flimkien tagħhom turi, għall-kuntrarju ta’ dak li qieset il-Qorti Ġenerali, li t-terminu msemmi fl-imsemmi Artikolu 16(1) huwa indikattiv.

    32      In-natura indikattiva tal-imsemmi terminu tirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1227/2000. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika ssostni li jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li t-trażmissjoni ta’ informazzjoni inkompleta jew barra mit-terminu tinvolvi biss l-applikazzjoni ta’ tnaqqis temporanju u b’rata fissa tal-avvanzi. Skont dan l-Istat Membru, minn dan jirriżulta li din is-sanzjoni tista’ titneħħa a posteriori meta l-Istat Membru kkonċernat ikun ikkompleta jew bgħat l-informazzjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi allokati lill-Istati Membri, b’mod li huwa ma jiġi impost l-ebda sanzjoni jew tnaqqis tal-ammonti li għalihom huwa għandu dritt.

    33      Skont ir-Repubblika Ellenika, huwa inkonċepibbli li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta, fir-rigward tal-Istati Membri li jibagħtu informazzjoni żbaljat fit-terminu, dispożizzjoni iktar oneruża minn dik applikabbli għal dawk li ma bagħtu ebda informazzjoni jew bagħtu informazzjoni inkompleta.

    34      In-natura indikattiva tat-terminu inkwistjoni tirriżulta wkoll mill-kliem tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1227/2000, li jipprovdi li huma ffinanzjati l-ispejjeż li attwalment intefqu u mhux l-ispejjeż li ntefqu u li ġew iddikjarati kif tafferma l-Qorti Ġenerali. Ir-Repubblika Ellenika tiddeduċi minn dan il-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrettifikaw l-iżbalji operattivi manifesti, u dan anki wara d-data tal-10 ta’ Lulju.

    35      Barra minn hekk hija ssostni li n-nuqqas, fil-verżjoni Griega tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000, tal-frażi “[s]a mhux aktar tard”, espressjoni li tidher f’verżjoni lingwistiċi oħra, tikkonferma n-natura indikattiva tat-terminu msemmi f’din id-dispożizzjoni.

    36      Il-fatt li l-Kummissjoni stess ammettiet li aċċettat informazzjoni mibgħuta wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu wkoll jimmilita favur dan is-sens.

    37      Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju tal-appell huwa inammissibbli sa fejn dan jirrepeti l-argumenti mqajma fl-ewwel istanza.

    38      B’mod partikolari, hija ssostni li l-argument tar-Repubblika Ellenika li n-natura indikattiva tat-terminu msemmi fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 hija kkonfermata mill-Artikolu 17(1) tal-istess regolament għandu jiġi ddikjarat inammissibbli inkwantu huwa intiż sabiex jikseb eżami mill-ġdid tal-fatti.

    39      Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li ma jistax jiġi dedott mill-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1227/2000 li t-terminu previst fl-Artikolu 16(1) għandu natura indikattiva, inkwantu r-rwol u l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huma differenti. B’hekk, l-Artikolu 16(2) japplika biss fil-każ ta’ trażmissjoni inkompleta jew tardiva tal-informazzjoni, u dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

    40      Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Ellenika bbażata fuq nuqqas tat-termini “[s]a mhux aktar tard” fil-verżjoni Griega tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000, il-Kummissjoni ssostni li huwa inammissabbli sa fejn huwa intiż sabiex jikseb eżami ġdid tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. Fuq il-mertu, hija ssostni li n-nuqqas tal-imsemmija termini fil-verżjoni Griega ma jikkostitwixxix element ta’ interpretazzjoni essenzjali sabiex tiġi evalwata n-natura tat-terminu kkontestat u li, f’kull każ, dan ma jurix li t-terminu huwa indikattiv.

    41      Fl-aħħar nett, b’risposta għall-argument li n-natura indikattiva tat-terminu previst fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 huwa msaħħaħ mill-fatt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li aċċettat informazzjoni mibgħuta barra t-terminu, din issostni li l-Qorti Ġenerali ġustament qieset li Stat Membru ma jistax jeżiġi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi mibgħuta barra t-terminu u li l-Kummissjoni tista’ tiċħad tali talba fil-każ fejn l-adozzjoni fi żmien utli tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi lill-Istati Membri tirriżulta impossibbli.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    –       Fuq l-ammissibbiltà

    42      Huwa minnu li jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFEU, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li tagħha jintalab l-annullament, kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. B’hekk appell li jillimita ruħu li jirrepeti jew li jirriproduċi kelma b’kelma l-motivi u l-argumenti li kien ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali ma jirriflettix ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara b’mod partikolari s-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 131).

    43      Madankollu, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju min-naħa tal-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi evalwati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mill-ġdid waqt l-appell. Fil-fatt, li kieku rikorrent ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell titlef parti mis-sens tagħha (sentenza tat-13 ta’ April 2009, AEPI vs Il-Kummissjoni, C‑425/07 P, Ġabra p. I‑3205, punt 24).

    44      Issa, l-ewwel aggravju mqajjem mir-Repubblika Ellenika huwa intiż preċiżament sabiex iqiegħed inkwistjoni l-interpretazzjoni tal-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament Nru 1227/2000 mogħtija mill-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant huwa għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

    –       Fuq il-mertu

    45      L-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 jiddisponi, fil-biċċa l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi, li l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni “[s]a mhux aktar tard” mill-10 ta’ Lulju ta’ kull sena l-informazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni.

    46      Ma hemmx dubju li tali formulazzjoni tagħti l-imsemmi terminu natura perentorja. Il-fatt li tliet verżjonijiet lingwistċi, waħda minnhom il-Griega, jiddisponu li l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-imsemmija informazzjoni lill-Kummissjoni “sal-”10 ta’ Lulju ta’ kull sena ma jagħtix lil dan l-artikolu sens differenti meta mqabbla ma’ verżjonijiet lingwistiċi oħra.

    47      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata kemm mill-istruttura tar-Regolament Nru 1227/2000 kif ukoll mill-finalità tal-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament.

    48      Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-Repubblika Ellenika, li n-natura indikattiva tat-terminu previst f’din id-dispożizzjoni tirriżulta mill-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1227/2000, huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll il-każ ta’ Stat Membru li naqas milli jibgħat lill-Kummissjoni dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament, filwaqt li jirriżulta b’mod ċar mill-kliem tagħha li huma biss ikkonċernati d-dikjarazzjonijiet inkompleti li ma ġewx ikkompletati fid-data tal-10 ta’ Lulju ta’ kull sena.

    49      Skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1227/2000 fil-fatt, meta l-informazzjoni li l-Istati Membri huma meħtieġa li jgħaddu lill-Kummissjoni skont l-imsemmi Artikolu 16(1) tkun inkompleta jew l-iskadenza ma tkunx intlaħqet, il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-avvanzi fid-dħul tal-kontijiet tal-ispejjeż agrikoli.

    50      Minn dan isegwi li l-argument tar-Repubblika Ellenika ma jistax jintlaqa’ fuq dan il-punt.

    51      Għall-bqija, għandu jiġi rrelevat li l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1227/2000 jikkonċerna l-avvanzi fid-dħul tal-kontijiet tal-ispejjeż agrikoli fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1258/1999, u mhux l-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi.

    52      Skont dan l-artikolu, għandhom ikunu magħmula disponibbli għall-Istati Membri mill-Kummissjoni permezz ta’ avvanzi fuq il-provvediment tan-nefqa effettwati matul perjodu taż-żmien ta’ referenza ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex ikopru n-nefqa riferita fl-Artikoli 2 u 3 ta’ dan ir-regolament. Skont l-Artikolu 7(2) tal-istess regolament, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-avvanzi ta’ kull xahar fuq il-provvediment għan-nefqa effetwata mill-aġenziji akkreditati tal-ħlas. L-avvanzi għandhom jiġu mħallsa lill-Istat Membru mhux aktar tard mit-tielet jum tax-xogħol tat-tieni xahar ta’ wara dak li fih tiġi effettwata n-nefqa.

    53      Huwa f’dan il-kuntest li l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1227/2000 jipprevedi li, meta l-informazzjoni li l-Istati Membri huma meħtieġa li jgħaddu lill-Kummissjoni skont l-istess Artikolu 16(1) tkun inkompleta jew l-iskadenza ma tkunx intlaħqet, il-Kummissjoni għandha tnaqqas l-għotjiet fid-dħul tal-kontijiet tal-ispejjeż agrikoli fuq bażi temporanja u b’rata fissa.

    54      Konsegwentement, l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1227/2000 huwa intiż preċiżament sabiex jinkoraġġixxi l-Istai Membri sabiex jirrispettaw l-obbligu tagħhom ta’ dikjarazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 16(1).

    55      Fit-tieni lok, l-argument tar-Repubblika Ellenika li l-kliem tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 jikkonfermaw in-natura indikattiva tat-terminu previst fl-Artikolu 16(1) tal-imsemmi regolament ma jistax jintlaqa’.

    56      Skont dan l-artikolu, spejjeż li attwalment intefqu, ivvalidati u ddikjarati għal kwalunkwe sena finanzjarja partikolari għandhom jiġu ffinanzjati ġol-limiti tal-ammonti nnotifikati lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 16(1) tal-istess regolament.

    57      Għal kuntrarju ta’ dak li tafferma r-Repubblika Ellenika, xejn fil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jindika li l-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni reali u għaldaqstant tieħu inkunsiderazzjoni r-rettifiki magħmula mill-Istati Membri wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000.

    58      Min-naħa l-oħra, jirriżulta espressament mill-Artikolu 17(4) tal-imsemmi regolament li, b’deroga għall-imsemmi Artikolu 17(1), hija imposta sanzjoni fejn il-medda totali nnotifikata taħt l-Artikolu 16(1)(a) ta’ dan ir-regolament hija inqas min-numru ta’ ettari indikati fl-allokazzjoni għas-sena finanzjarja magħmula lill-Istat Membru taħt l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1493/1999.

    59      Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tibbaża ruħha, għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi, fuq medda totali reali, iżda biss fuq dik li ġiet innotifikata lilha fit-terminu msemmi fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000.

    60      Fit-tielet lok, jirriżulta mill-għan imfittex mid-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000, li d-data tal-10 ta’ Lulju hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tadotta fi żmien utli d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi mogħtija lill-Istati Membri, b’mod li din ma tistax tiġi obbligata tibbaża ruħha fuq informazzjoni emendata mibgħuta wara din id-data għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

    61      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1493/1999, il-Kummissjoni għandha tagħmel allokazzjonijiet inizjali lejn l-Istati Membri kull sena fuq il-bażi ta’ kriterji objettivi li jieħdu inkunsiderazzjoni sitwazzjonijiet u bżonnijiet partikolari, u l-ħidma li trid issir fid-dawl tal-għan tal-iskema. Skont l-Artikolu 14(2), l-allokazzjonijiet inizjali għandhom, f’fażi sussegwenti, jiġu adattati skont l-infieq reali u fuq il-bażi tal-previżjonijiet tal-infieq rivedut ppreżentati mill-Istati Membri fid-dawl tal-għan tal-iskema u fil-limitu tal-fondi disponibbli.

    62      F’dan il-kuntest, l-obbligu previst fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 huwa intiż sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ jkollha l-elementi neċessarji sabiex tistabbilixxi b’mod definittiv l-allokazzjonijiet finanzjarji, skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1493/1999.

    63      Issa, hija biss interpretazzjoni stretta tat-terminu previst fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 li tippermetti li jiġi ggarantit li l-allokazzjonijiet finanzjarji allokati lill-Istati Membri, li huma inizjalment mogħtija biss provviżorjament skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1493/1999, ikunu jistgħu jiġu adattati fi żmien utli mill-Kummissjoni skont l-infiq reali.

    64      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li skont l-Artikolu 17(8) tar-Regolament Nru 1277/2000, referenzi għal xi sena finanzjarja għandhom jirreferu għal ħlasijiet fil-fatt magħmula mill-Istati Membri bejn is-16 ta’Ottubru ta’ sena u l-15 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara u, min-naħa l-oħra, li skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1258/1999, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-avvanzi ta’ kull xahar fuq il-provvediment għan-nefqa effettwata mill-aġenziji akkreditati tal-ħlas. In-nefqa għal Ottubru għandha tiġi attribwita għal Ottubru jekk tkun effettwata mill-1 sal-15 ta’ Ottubru u għal Novembru jekk tkun effettwata mis-16 sal-31 ta’ Ottubru. L-imsemmija avvanzi għandhom jitħallsu lill-Istat Membru mhux aktar tard mit-tielet jum tax-xogħol tat-tieni xahar ta’ wara dak li fih tiġi effettwata n-nefqa.

    65      F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa neċessarju, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jħallsu, qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja kurrenti, l-aħħar pagamenti relatati man-nefqa ddikjarata taħt l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 u jiksbu r-rimbors tagħhom mill-Kummissjoni, qabel it-tmiem tas-sena baġitarja, fuq il-linji baġitarji disponibbli għal din is-sena finanzjarja, li d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi mogħtija lill-Istati Membri għas-sena finanzjarja kkonċernata tiġi adottata qabel it-tmiem tagħha, jiġifieri qabel il-15 ta’ Ottubru.

    66      Sabiex il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tadotta u tippubblika d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-imsemmija allokazzjonijiet finanzjarji definittivi qabel din id-data, huwa importanti, fid-dawl tar-restrizzjonijiet proċedurali imposti fuqha, li hija jkollha informazzjoni fuq l-Istati Membri kollha sa l-iktar tard fl-10 ta’ Lulju tas-sena kkonċernata.

    67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 1227/2000, kull bidla iżolata tal-allokazzjoni finanzjarja mogħtija lil Stat Membru hija eskluża. Skont din id-dispożizzjoni fil-fatt, it-talbiet ta’ finanzjament ulterjuri tan-nefqa tas-sena kurrenti, imsemmija fl-Artikolu 16(1)(c) tal-imsemmi regolament, għandhom jiġu aċċettati biss sa fejn ikun hemm ammonti disponibbli wara li jitnaqqas, mill-ammont totali allokat lill-Istati Membri, is-somma għall-Istati Membri kollha, tal-ammonti nnotifikati skont l-Artikolu 16(1)(a) tar-Regolament Nru 1227/2000 u l-ammonti ddikjarati skont l-Artikolu 16(1)(b).

    68      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata taċċetta informazzjoni li ntbagħtitilha barra t-terminu, inkwantu dan jista’ jimpedixxi l-adozzjoni fi żmien utli tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi mogħtija mill-Istati Membri.

    69      Din l-interpretazzjoni ma ġietx invalidata mill-fatt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li teħid inkunsiderazzjoni min-naħa tagħha ta’ informazzjoni kkomunikata tard ma huwiex totalment eskluż, sa fejn it-terminu previst skada għal perijodu qasir jew fejn l-adozzjoni, qabel il-15 ta’ Ottubru, tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi mogħtija lill-Istati Membri għas-sena finanzjarja kkonċernata hija possibbli.

    70      Mill-kunsiderazzjoni preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel aggravju ma huwiex fondat. Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud.

     Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata ta’ diversi prinċipji ġenerali tad-dritt

    71      Dan l-aggravju jinqasam f’żewġ partijiet.

     Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggarvju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ kooperazzjoni leali, ta’ bona fide u ta’ amministrazzjoni tajba

    –       L-argumenti tal-partijiet

    72      Ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-Kummissjoni, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rettifikata li nbagħtitilha mill-awtoritajiet Griegi u billi żammet informazzjoni manifestament żbaljata, filwaqt li hija kellha żmien biżżejjed biex iddaħħal l-informazzjoni rettifikata fid-deċiżjoni tagħha, ma kisritx il-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ bona fide.

    73      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn din tirrepeti l-argumenti diġà mqajma fl-ewwel istanza mingħajr ma wriet fejn l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija żbaljata.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    74      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, ir-Repubblika Ellenika ssostni, essenzjalment, li l-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ bona fide kellhom iwasslu lill-Kummissjoni, minn naħa, sabiex ma tiħux inkunsiderazzjoni informazzjoni manifestament żbaljata li ntbagħtitilha u, min-naħa l-oħra, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rettifikata peress li hija kellha ż-żmien neċessarju sabiex iddaħħalhom fid-deċiżjoni kkontestata.

    75      Għandu jiġi rrelevat qabel kollox li, billi għamlet hekk, ir-Repubblika Ellenika qed tipprova, essenzjalment, tqiegħed inkwistjoni l-evalwazzjonijiet ta’ fatt mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 57 sa 59 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tqis, minn naħa, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li natura żbaljata tal-informazzjoni mibgħuta fl-10 ta’ Lulju 2006 mill-awtoritajiet Griegi ma kienet bl-ebda mod evidenti. Min-naħa l-oħra, fil-punt 59, hija tqis, essenzjalment, li meta l-informazzjoni rettifikata ġiet trażmessa lill-Kummissjoni, din ma kellhiex iktar żmien neċessarju sabiex teħodha inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-adozzjoni fi żmien utli tad-deċiżjoni kkontestata.

    76      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 225(1) KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali hija għaldaqstant unikament kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti u biex tevalwa l-provi. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u provi għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, punt ta’ liġi, suġġett bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara b’mod partikolari s-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C‑104/00 P, Ġabra p. I‑7561, punt 22, u tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche Sisi-Werke vs UASI, C‑173/04 P, Ġabra p. I‑551, punt 35 u tal-15 ta’ April 2010, Schräder vs OCVV, C‑38/09 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 69).

    77      Issa, f’dan il-każ, ir-Repubblika Ellenika la wriet u lanqas invokat xi żnaturament tal-fatti jew provi ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tat-tieni aggravju bħala inammmissibli.

     Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali

    –       L-argumenti tal-partijiet

    78      Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-Kummissjoni, billi rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rettifikata li ġew trażmessi lilha tard, ma kisritx il-prinċipju ġenerali ta’ trattament.

    79      Skont dan l-Istat Membru, l-aġir tal-Kummissjoni jmur kontra l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-Istati membri sa fejn l-imsemmija istituzzjoni taċċetta b’mod arbitrarju informazzjoni trażmessa barra mit-terminu minn Stati Membri oħra.

    80      Min-naħa tagħha, il-Kummmissjoni ssostni li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli peress li diġà ġie invokat għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell u ma jsemmix l-elementi ta’ dritt u ta’ fatti fondamentali li fuqhom huwa bbażat dan l-ilment. Sussidjarjament, hija ssostni li dan l-argument huwa infondat.

    –       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    81      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, jekk parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja aggravju li hija ma tkunx invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, dik il-parti tkun qiegħda titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fejn jidħol appell hija limitata, kawża iktar estiża minn dik imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat lill-motivi diskussi quddiem il-qorti tal-ewwel istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et , C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 58 u 59; tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs VGB et, C‑266/97 P, Ġabra p. I‑2135, punt 79; tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, Ġabra p. I‑5089, punt 50, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2008, C‑136/92 C‑266/97 C‑456/01 C‑457/01, Les Éditions Albert René vs UASI, C‑16/06 P, Ġabra p. I‑10053, punt 126).

    82      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment tar-Repubblika Ellenika li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta aċċettat barra mit-terminu informazzjoni li ġejja minn Stati Membri oħra ma ġietx invokata quddiem il-Qorti Ġenerali.

    83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    84      Konsegwentement, hemm lok li jiġi miċħud it-tieni aggravju fl-intier tiegħu bħala inammissibbli.

     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq motivazzjoni kontradittorja

     L-argumenti tal-partijiet

    85      Ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Qorti Ġenerali kkontradixxiet lilha nfisha meta affermat, min-naħa, fil-punti 25, 36 u 43 tas-sentenza appellata, li t-terminu previst fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 għandu natura perentorja, u billi kkunsidrat, min-naħa l-oħra, fil-punt 59 tal-imsemmija sentenza, li l-informazzjoni kkomunikata tard lill-Kummissjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni minn din tal-aħħar sa fejn ikun hemm żmien qasir wara l-iskadenza tat-terminu u meta dan ma jimpedixxix l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi mogħtija lill-Istati Membri.

    86      Skont il-Kummissjoni, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma hijiex kontradittorja iżda hija parti minn loġika waħda u l-istess, jiġifieri din tal-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni u, fl-istess waqt, tal-osservanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali mal-Istat Membru kkonċernat.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    87      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġenerali hijiex kontradittorja tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li tista’, bħala tali, tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 90, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt − Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑385/07 P, Ġabra p. I‑6155, punt 71).

    88      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali affermat, fil-punti 25, 36 u 43 tas-sentenza appellata, li t-terminu previst fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 għandu natura perentorja.

    89      Ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Qorti Ġenerali kkontradixxiet ruħha meta kkunsidrat imbagħad fil-punt 59 tas-sentenza appellata li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ informazzjoni kkomunikata tard minn Stat Membru lill-Kummissjoni, taħt l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 ma huwiex totalment eskluż.

    90      Dan l-argument ma jistax mandankollu jiġi milqugħ.

    91      Fil-fatt għandu jiġi rrelevat li, fil-punti 31 u 32 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-data tal-10 ta’ Lulju, prevista fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000 ġiet iddeterminata sabiex il-Kummissjoni jkollha ż-żmien meħtieġ sabiex tadotta u tippubblika d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-allokazzjonijiet finazjarji definittivi qabel il-15 ta’ Ottubru. L-imsemmija qorti indikat ukoll, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li dan it-terminu għandu natura perentorja għall-Istati Membri, fis-sens li dawn ma għandhomx id-dritt li jeżiġu mill-Kummissjoni li hija tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li ġew ikkomunikati lilha wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu.

    92      Sussegwentement, Il-Qorti Ġenerali setgħet tafferma, mingħajr ma tikkontradixxi lilha nfisha, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni kkomunikata barra t-terminu kien konċepibbli biss sa fejn kien hemm perijodu qasir wara l-iskadenza tat-terminu u fejn l-adozzjoni, qabel il-15 ta’ Ottubru, tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-allokazzjonijiet finanzjarji definittivi allokati lill-Istati Membri għas-sena finanzjarja kkonċernata ma kinitx kompromessa. Fil-fatt, jekk l-Istati għandhom l-obbligu li jibagħtu lill-Kummissjoni, sa l-iktar tard fl-10 ta’ Lulju ta’ kull sena, l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1227/2000, il-Kummissjoni għandha, min-naħa tagħha, il-fakultà li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li kellha tiġi trażmessa lilha wara din id-data, u għal dan il-għan li ma teskludix mid-deċiżjoni finali l-Istati Membri li qabżu dan it-terminu bi ftit ġranet biss.

    93      Għaldaqstant, il-kontradizzjoni ta’ aggravji invokati mir-Repubblika Ellenika ma tistax tiġi kkunsidrata bħala fondata. Għalhekk, it-tielet aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

    94      Mill-kunsiderazzjoni preċedenti kollha jirriżulta li ebda mill-aggravji invokati mir-Repubblika Ellenika insostenn tal-appell tagħha ma jistgħu jintlaqgħu u, għaldaqstant, dan jista’ biss jiġi miċħud.

     Fuq l-ispejjeż

    95      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

    96      Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet l-appell prinċipali, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hekk kif talbet il-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-appell huwa miċħud.

    2)      Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Grieg.

    Top