Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0016

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-14 ta' Ottubru 2010.
    Gudrun Schwemmer vs Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen - Familienkasse.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
    Sigurtà soċjali - Regolament (KEE) Nri 1408/71 u 574/72 - Benefiċċji tal-familja - Regoli "kontra l-akkumulazzjoni"- Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 - Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 - Tfal li jirresjedu fi Stat Membru ma’ ommhom li tissodisfa il-kundizzjonijiet sabiex tirċievi hemmhekk il-benefiċċji tal-familja, u li missierhom, li jaħdem fl-Isvizzera u li jissodisfa , a priori, il-kundizzjonijiet sabiex jirċievi benefiċċji tal-familja tal-istess tip skont il-leġiżlazzjoni Svizzera, jastjeni milli japplika għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji.
    Kawża C-16/09.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-09717

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:605

    Kawża C-16/09

    Gudrun Schwemmer

    vs

    Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen - Familienkasse

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)

    “Sigurtà soċjali — Regolamenti (KEE) Nri 1408/71 u 574/72 — Benefiċċji tal familja — Regoli ‘antikumulu’ — Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 — Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 — Tfal li jirrisjedu fi Stat Membru ma’ ommhom li tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tirċievi hemmhekk il-benefiċċji tal-familja, u li missierhom, li jaħdem fl-Isvizzera u li jissodisfa, a priori, il-kundizzjonijiet sabiex jirċievi benefiċċji tal-familja tal-istess tip skont il-leġiżlazzjoni Svizzera, jastjeni milli japplika għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji”

    Sommarju tas-sentenza

    Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Benefiċċji tal-familja — Regoli Komunitarji antikumulu

    (Regolamenti tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikoli 73 u 76, u Nru 574/72, Artikolu 10)

    L-Artikoli 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u 10 tar-Regolament Nru 574/72, fil-verżjoni tagħhom emendata u implementata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendati bir-Regolament Nru 647/2005, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dritt, li ma huwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ impjieg ta’ persuna li taħdem għal rasha, għall-benefiċċji, dovuti skont il‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li fih ġenitur jirrisjedi mat-tfal tiegħu li favurihom dawn il-benefiċċji jingħataw, ma jistax jiġi sospiżi parzjalment f’sitwazzjoni li fiha l-ex konjuġi, li huwa l-ġenitur l-ieħor tat-tfal ikkonċernati, ikollu fil-prinċipju dritt għall-benefiċċji tal-familja skont il‑leġiżlazzjoni tal-Istat li fih huwa impjegat, jew sempliċement skont il‑leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat, inkella bl-applikazzjoni tal-Artikolu 73 tal-imsemmi Regolament Nru 1408/71, iżda ma jircevix effettivament l-imsemmija benefiċċji, għar-raġuni li huwa ma ppreżentax applikazzjoni għal dan il-għan.

    Fil-fatt, sabiex il-benefiċċji tal-familja jistgħu jitqiesu li huma dovuti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, il-liġi ta’ dan l-Istat Membru trid tirrikonoxxi d‑dritt għall-ħlas ta’ benefiċċji favur membru tal-familja li jaħdem f’dan l-Istat. Għaldaqstant huwa neċessarju li l-persuna kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha, kemm ta’ forma kif ukoll ta’ sustanza, imposti mil-leġiżlazzjoni interna ta’ dan l-Istat sabiex tkun tista’ teżerċita dan id-dritt, fosthom tista’ tkun inkluża, skont il-każ, il‑kundizzjoni li applikazzjoni preċedenti kellha tkun ġiet ippreżentata għall-ħlas ta’ tali benefiċċji.

    (ara l-punti 53, 59 u dispożittiv)







    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    14 ta’ Ottubru 2010 (*)

    “Sigurtà soċjali – Regolamenti (KEE) Nri 1408/71 u 574/72 – Benefiċċji tal-familja – Regoli ‘antikumulu’ – Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71 – Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 – Tfal li jirrisjedu fi Stat Membru ma’ ommhom li tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tirċievi hemmhekk il-benefiċċji tal-familja, u li missierhom, li jaħdem fl-Isvizzera u li jissodisfa , a priori, il-kundizzjonijiet sabiex jirċievi benefiċċji tal-familja tal-istess tip skont il-leġiżlazzjoni Svizzera, jastjeni milli japplika għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji”

    Fil-Kawża C-16/09,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat- 30 ta’ Ottubru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Jannar 2009, fil-proċedura

    Gudrun Schwemmer

    vs

    Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen – Familienkasse,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President ta’ Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, A. Ó Caoimh (Relatur) u P. Lindh, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: J. Mazák,

    Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal- 10 ta’ Frar 2010,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal G. Schwemmer, minn R. Romeyko, avukat,

    –        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u C. Blaschke, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Litwan, minn E. Matulionytė, bħala aġent,

    –        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz, bħala aġent,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal- 15 ta’ April 2010,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 76 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal‑14 ta’ Ġunju 1971, dwar l‑applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità u tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni tagħhom kif emendati u aġġornati bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat‑2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendati bir-Regolament (KE) Nru 647/2005, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 1) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 1408/71” u r-“Regolament Nru 574/72”, rispettivament).

    2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri tal-appell (“Revision”) bejn G. Schwemmer u l-Agentur für Arbeit Villingen-Schwenningen – Familienkasse (Aġenzija tal-Impjieg, Villingen-Schwenningen – Uffiċċju tal-Allowances tal-Familja, iktar ’il quddiem il-“Familienkasse”), dwar rifjut ta’ ħlas lill-persuna kkonċernata tal-ammont sħiħ tal-benefiċċji tal-familja fil-Ġermanja, minn Jannar 2006.

     Il-kuntest ġuridiku

     Il-ftehim tal-1999

    3        Il-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l‑Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2002, L 114, p. 6, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-1999”), jipprovdi, fl-Artikolu 8 tiegħu, koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali.

    4        L-Anness II ta’ dan il-ftehim, bit-titolu “Koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali”, fl-Artikolu 1 tiegħu jipprovdi li:

    “1.      Il-partijiet kontraenti jaqblu, fir-rigward tal-kuntest tal-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, li japplikaw bejniethom l-atti Komunitarji li għalihom isir riferiment, kif inhuma fis-seħħ fid-data tal-firma tal-ftehim [tal-1999] u kif emendati bis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness jew ir-regoli ekwivalenti għal dawn l-atti.

    2.      Il-frażi “Stat membru(i)” fl-atti li għalihom isir riferiment fis-Sezzjoni A ta’ dan l-Anness għandha tinftiehem li tinkludi l-Isvizzera, flimkien mal-Istati koperti mill-atti Komunitarji inkwistjoni.”

    5        Fis-Sezzjoni A, punti 1 u 2 tal-Anness II tal-Ftehim tal-1999, isir riferiment għar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 rispettivament, kif aġġornati minn diversi atti enumerati fl-imsemmija punti, fosthom jinkludu, fl-aħħar lok, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 307/1999, tat-8 ta’ Frar 1999, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u r-Regolament Nru 574/72, bil-ħsieb li jestenduhom sabiex ikopru studenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 355).

     Ir-Regolament Nru 1408/71

    6        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li, għall-għan ta’ dan ir‑Regolament:

    “a)      ‘persuna impjegata’ u ‘persuna li taħdem għal rasha’ jfissru rispettivament:

    i)      kull persuna li tkun assigurata, fuq bażi obbligatorja jew fuq bażi mhux obbligatorja l-ħin kollu, għal kontinġenza waħda jew aktar, koperti mill-fergħat ta’ skema tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom jew minn skema speċjali għall-uffiċjali;

    ii)      kull persuna li għandha polza ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja għall-waħda jew iktar mill-kontinġenzi koperti mill-friegħi tas-sigurtà soċjali trattati f’dan ir-Regolament, fuq skema ta’ sigurtà soċjali għar-residenti kollha jew għall-popolazzjoni kollha tax-xogħol jekk dawn il-persuni:

    –        jistgħu jiġu identifikati bħala persuni [impjegati jew] qiegħda [jaħdmu għal rashom] bis-saħħa tal-manjiera li fiha hija amministrata jew finanzjata din l-iskema,

    jew

    –        fin-nuqqas ta’ dawn il-kriterji, għandhom polza ta’ l‑assigurazzjoni għal xi kontinġenza oħra speċifikata fl-Anness [I] fuq skema għall-persuni fuq ix-xogħol [impjegati jew li jaħdmu għal rashom], jew bil-fors jew b’għażla fuq bażi kontinwa jew fejn ebda skema ma teżisti fl-Istat Membru konċernat, taqbel mad-definizzjoni mogħtija fl-Anness I;

    [...]

    iv)      kwalunkwe persuna li hija volontarjament assigurata għall-kontinġenza waħda jew iktar koperti mill-friegħi li tkellimna dwarhom f’dan ir‑Regolament, taħt skema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru għall-impjegati jew dawk li jaħdmu għal rashom jew għar-residenti kollha inkella għal ċerti kategoriji ta’ residenti:

    –        jekk tali persuna twettaq xi attività bħala impjegata jew taħdem għal rasha

    jew

    –        jekk tali persuna kienet qabel assigurata bilfors għall-istess kontinġenza taħt skema għall-persuni impjegati jew jaħdmu għal rashom għall-istess Stat Membru;

    [...]

    f)      i)     ‘membru tal-familja’ tfisser kwalunkwe persuna definita jew magħrufa bħala membru tal-familja jew iddisinjat bħala membru ta’ dar bil-leġislazzjoni taħt liema benefiċċji huma pprovduti [...]; madanakollu, l‑imsemmija leġislazzjonijiet iqisu bħala membru ta’ familja jew membru ta’ dar biss persuna li tgħix taħt l-istess saqaf bħall-impjegat jew bħal dak li jaħdem għal rasu, din il-kondizzjoni tkun ikkunsidrata sodisfatta jekk il-persuna inkwestjoni tkun prinċipalment dipendenti fuq dik il-persuna. [...];

    [...]

    [...]

    o)      ‘istituzzjoni kompetenti’ tfisser:

    i)       l-istituzzjoni li magħha l-persuna kkonċernata hija assigurata fiż-żmien ta’ l-applikazzjoni għall-benefiċċji;

    jew

    ii)      l-istituzzjoni li mingħandha l-persuna kkonċernata hija intitolata jew se tkun intitolata għall-benefiċċji jekk hi jew membru inkella membri tal-familja tagħha kienu residenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih tinsab l-istituzzjoni

          [...]

    [...]

    q)      ‘Stat kompetenti’ jfisser l-Istat Membru fit-territorju ta’ liema tinsab l‑istituzzjoni kompetenti;

    [...]

    u)      i)     it-terminu ‘benefiċċju tal-familja’ jfisser il-benefiċċji kollha in natura u fi flus intenzjonati li jlaħħqu ma’ l-ispejjeż tal-familja taħt il‑leġislazzjoni li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 4(1)(h), [...]

    ii)      ‘kumpensi tal-familja’ [allowance tal-familja] jfissru l-benefiċċji perjodiċi fi flus mogħtija esklussivament b’riferenza għan-numru u, fejn meħtieġ, bl-età tal-membri tal-familja;

    [...]”

    7        L-Artikolu 2(1) tar-Regolametn Nru 1408/71 jipprovdi li:

    “[D]an ir-Regolament se japplika għall-impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom [u għall-istudenti] li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ wieħed jew iktar mill-Istati Membri u li huma ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla Stat jew rifuġjati li jabitaw fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll membri tal-familji tagħhom u tas-superstiti tagħhom.”

    8        Skont l-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1408/71, dan tal-aħħar japplika “għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali [...] benefiċċji tal-familja.”

    9        Skont l-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament, dan tal-aħħar la jista’ jagħti u lanqas iżomm id-dritt għal diversi benefiċċji tal-istess tip għall-istess perijodu ta’ assigurazzjoni.

    10      Skont l-Artikolu 13 tal-istess regolament, fit-Titolu II tiegħu u bit-titolu “Regoli ġenerali”:

    “1.      […] persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament jkunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru singolu biss. Dik il-leġislazzjoni tkun determinata skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

    2.      [...]

    a)      persuna impjegata fit-territorju ta' Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor […]

    [...]”

    11      Taħt it-Titolu III, Kapitolu 7 tar-Regolament Nru 1408/71, l-Artikolu 73 ta’ dan tal-aħħar, bit-titolu “Persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom li l-membri tal-familji tagħhom jabitaw fi Stat Membru differenti mill-Istat kompetenti”, jipprovdi:

    “Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li qegħdin jabitaw fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mill-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-ewwel, bħallikieku huma kienu jabitaw f’dak l-Istat, suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness VI.”

    12      Fl-imsemmi Kapitolu 7 wkoll, l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, bit-titolu “Regoli jew [ta’] prijorità fil-każijiet ta’ intitolamenti sovrapposti (overlapping) [akkumulazzjoni ta’ drittijiet] għall-benefiċċji tal-familja taħt il‑leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti u taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru tar-residenza tal-membri tal-familja”, jipprovdi:

    “1.      Fejn, matul l-istess perjodu, għall-istess membru tal-familja u minħabba t‑twettiq ta’ okkupazzjoni, il-benefiċċji tal-familja jkunu pprovduti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-familja tabita, l‑intitolament tal-benefiċċji tal-familja dovuti skond il-leġislazzjoni ta' Stat Membru ieħor, jekk ikun xieraq taħt l-Artikolu 73 jew 74, jiġu sospiżi sa l‑ammont ipprovdut fil-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru.

    2.      Jekk applikazzjoni għall-benefiċċji ma ssirx fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jabitaw il-membri tal-familja, l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru l‑ieħor tista’ tapplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 bħallikieku l-benefiċċji jkunu ngħataw fl-ewwel Stat Membru.”

    13      Il-Punt I tal-Anness tar-Regolament Nru 1408/71, bit-titolu “Persuni impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom [L-Artikolu 1(a)(ii) u (iii) tar-Regolament]”, jipprovdi li:

    “[...]

    D.      IL-ĠERMANJA

    Jekk l-istituzzjoni kompetenti biex tagħti benefiċċji tal-familja skond il‑Kapitolu 7 tat-Titolu III tar-Regolament hija istituzzjoni Ġermaniża, allura fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(a)(ii) tar-Regolament:

    a)      persuna impjegata tfisser assigurata bil-fors kontra d-disimpjieg jew kwalunkwe persuna li, bħala riżultat ta' tali assigurazzjoni, tottjeni benefiċċji fi flus taħt assigurazzjoni għal mard jew benefiċċji komparabbli, jew kwalunkwe impjegat fis-servizz ċivili stabbilit salarjat minħabba l-pożizzjoni tiegħu/tagħha fis-servizz ċivili li huwa mill-inqas ekwivalenti għal dak illi fil-każ ta' persuna impjegata tirriżulta f'assikurazzjoni obbligatorja kontra d-disimpjieg;

    b)      persuna li taħdem għal rasha tfisser kwalunkwe persuna li taħdem għal rasha li hija marbuta:

    –         li tingħaqad, jew tħallas kontribuzzjonijiet fejn tidħol, assigurazzjoni tax-xjuħija fi skema għall-persuni li jaħdmu għal rashom,

    jew

    –         li tingħaqad fi skema fl-ambitu ta’ assigurazzjoni bil-fors tal-pensjoni.

    [...]»

     Ir-Regolament Nru 574/72

    14      L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72, bit-titolu “Regoli applikabbli fil-każ ta’ dħul fuq xulxin (overlapping) [akkumulazzjoni] tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja jew ta’ l-allowances tal-familja għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom”, jipprovdi li:

    “1.      a)     L-intitolament għall-benefiċċji jew allowances tal-familja dovuti taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, skond liema l-akkwist tad-dritt għal dawk il-benefiċċji jew allowances mhux suġġett għall-kondizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni, l-impjieg jew l-impjieg [ta’ persuna għal rasha], ikun sospiż meta, waqt l-istess perjodu u għall-istess membru tal-familja, il-benefiċċji huma dovuti biss insegwitu għal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor jew fl-applikazzjoni ta’ l‑Artikoli 73, 74, 77 jew 78 tar-Regolament, sas-somma ta’dawk il‑benefiċċji.

    b)      Madanakollu, fejn attività professjonali jew kummerċjali titwettaq fit-territorju ta’ l-ewwel Stat Membru:

    i)      fil-każ tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni biss ta’ Stat Membru ieħor jew taħt l-Artikoli 73 jew 74 tar-Regolament [Nru 1408/71] lill-persuna intitolata għall-benefiċċji tal-familja jew lill-persuna li lilha għandhom jitħallsu, id-dritt tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor biss jew taħt dawn l-Artikoli jkunu sospiżi sas-somma tal-benefiċċji tal-familja pprovdut għalihom mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qiegħed jabita. L-ispiża tal-benefiċċji mħallsa mill-Istati Membri li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qed jabita jitħallsu minn dak l-Istat Membru;

          [...]”

     Id-dritt Ġermaniż

    15      L-Artikolu 62 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz, iktar ’il quddiem l-“EstG”) jipprovdi li persuna li jkollha domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħha fil-Ġermanja tkun intitolata għall-“benefiċċji tat-tfal” (“Kindergeld”) mħallsa favur it-tfal fis-sens tal-Artikolu 63 ta’ din il-liġi.

    16      Il-kunċett ta’ “tfal” huwa ddefinit kif ġej fl-Artikolu 32(1) tal-EstG:

    “‘It-tfal’ huma dawk li huma relatati fl-ewwel grad mal-persuna li tħallas it‑taxxa”.

    17      L-Artikolu 65(1) tal-EStG jipprovdi li ma għandhomx jitħallsu benefiċċji tat-tfal lil taf li jibbenefikaw minn tali benefiċċji f’pajjiż ieħor jew li, jibbenefikaw minnhom jekk applikazzjoni f’dan is-sens kienet ippreżentata.

    18      Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 27(2) tal-Ktieb III tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali (Sozialgesetzbuch, Drittes Buch), moqri flimkien mal-Artikolu 8(1) tal-Ktieb IV tal-imsemmi kodiċi (Sozialgesetzbuch, Viertes Buch), il-persuni li jeżerċitaw “impjieg minuri” (“geringfügige Beschäftigung”), fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, mhumiex assigurati obbligatorjament kontra r-riskju ta’qgħad.

    19      Mill-proċess jirriżulta wkoll li, skont l-Artikolu 5(2) tal-Ktieb VI tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali (Sozialgesetzbuch, Sechstes Buch), moqri flimkien mal-Artikolu 8(3) tal-Ktieb IV ta’ dan il-kodiċi, il-persuni li “jaħdmu għal rashom b’mod minuri” (“geringfügige selbständige Tätigkeit”), fis-sens ta’ din il‑leġiżlazzjoni, mhumiex obbligati li jassiguraw ruħhom jew li jikkontribwixxu fir-rigward tar-riskju tax-xjuħija għal skema ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, jew li jassiguraw ruħhom fil-kuntest tal-assigurazzjoni obbligatorja għall-irtirar.

     Id-dritt Svizzeru

    20      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-allowances cantonali għat-tfal dipendenti u tal-edukazzjoni jitħallsu biss, b’mod partikolari, jekk issir applikazzjoni għalihom.

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    21      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, G. Schwemmer tirrisjedi fil-Ġermanja flimkien maż-żewġ it-tfal tagħha, li twieldu fl‑1992 u fl-1995, matul l‑2005, hija bdiet “attività rasha fil-qasam tas-servizzi tal-immaniġġjar, sorveljanza u tindif tal-proprjetà”. Minn Mejju 2006, hija eżerċitat “impjieg minimali” ma’ impriża. Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan kien jirrigwarda “minijob” (impjieg minuri bi ħlas). Din l-atttività kienet eżenti mill-assigurazzjoni soċjali.

    22      Matul il-perijodu inkwistjoni, G. Schwemmer ħallset volontarjament kontribuzzjonijiet lill-korpi Ġermaniżi fir-rigward tal-assigurazzjoni għall-irtirar, l-assigurazzjoni għall-mard u tal-assigurazzjoni għad-dipendenza.

    23      Missier it-tfal, li G. Schwemmer kienet ilha li ddivorzjat minn miegħu mill‑1997, jaħdem fl-Isvizzera. Huwa ma applikax f’dan l-Istat għall-benefiċċji tal-familja, għall-ammont ta’ EUR 109.75 għal kull wild, li għalihom, skont il-qorti tar-rinviju, huwa kien intitolat taħt il-liġi Svizzera.

    24      B’deċiżjoni tal‑ 21 ta’ Marzu 2006, ikkonfermata b’rikors amministrativ fit-8 ta’ Mejju 2006, il-Familienkasse ffissa l-benefiċċju tat-tfal għall-ammont parzjali ta’ EUR 44.25 għal kull wild minn Jannar 2006, li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont tal-benefiċċji tat-tfal stabbilit bil-liġi Ġermaniża, jiġifieri EUR 154, u dak tal-benefiċċji tal-familja li għaliha kien intitolat il-missier fl-Isvizzera, jiġifieri EUR 109.75 għal kull wild

    25      Il-Familienkasse jikkunsidra li, id-dritt ta’ G. Schwemmer għall-benefiċċju tat-tfal irid jiġi ddeterminat b’riferiment għad-dispożizzjonijiet dwar l-akkumulazzjoni ta’ benefiċċji stabbiliti fir-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72. Skont dan il-korp, peress li G. Schwemmer ma wettqitx attività professjonali jew kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja fl-Isvizzera jieħu l-prijorità fuq id-dritt għall-benefiċċju tat-tfal fil-Ġermanja, skont l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72. Skont l‑Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71, li japplika b’analoġija, il-kwistjoni dwar jekk il-benefiċċji tal-familja stabbiliti bil-liġi Svizzera ġewx effettivament imħallsa, dejjem skont il-Familienkasse, hija irrilevanti. Skont dan il-korp, u l‑Finanzgericht (Qorti tal-Finanzi) li quddiemha tressqu l-proċeduri legali, l-unika interpretazzjoni possibbli tas-setgħa diskrezzjonali li baqagħlu l-Istat Membru hija biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali u ġustifikati li jista’ jitqies li l-ebda benefiċċju tal-familja ma jkun ingħata fil-pajjiż tal-impjieg.

    26      G. Schwemmer tikkontesta din l-interpretazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, billi ssostni b’mod partikolari li missier it-tfal kien astjena milli japplika għall-benefiċċji tal-familja fl-Isvizzera u dan sabiex jikkaġunalha ħsara. Din is‑sitwazzjoni mhijiex irregolata bir-Regolament Nru 574/72.

    27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)      Id-dispożizzjoni tal-Artikolu 76 (2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandha tapplika mutatis mutandis għall-Artikolu 10 (1) (a) tar-Regolament Nru 574/72 fil-każijiet meta l-ġenitur li jkollu dritt li jitlob għall-benefiċċji tal-familja li għalihom jkun intitolat ma japplikax għalihom fil-pajjiż ta’ impjieg?

    2)      Fil-każ li l-Artikolu 76, [paragrafu 2], tar-Regolament Nru 1408/71 għandu japplika mutatis mutandis: liema kunsiderazzjonijiet ta’ diskrezzjoni tista’ tibbaża fuqhom l-istituzzjoni responsabbli għall-benefiċċji tal-familja fil-pajjiż ta’ residenza biex tapplika l-Artikolu 10 (1) (a) tar-Regolament Nru 574/72, bħallikieku l-benefiċċji kienu ngħataw fil-pajjiż ta’ impjieg? Is-setgħa diskrezzjonali biex wieħed jippreżumi li l-benefiċċji tal-familja jkunu tħallsu fil-pajjiż ta’ impjieg tista’ tiġi limitata meta l-persuna li tkun intitolata għalihom, intenzjonalment ma tapplikax għall-benefiċċji tal-familja u dan sabiex tikkaġuna ħsara lill-persuna intitolata għall-benefiċċju tat-tfal fil-pajjiż ta’ residenza?”

     Fuq id-domandi preliminari

    28      Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, essenzjalment, il‑kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi għandhomx id-dritt li jnaqqsu l-benefiċċji tat-tfal li għalihom G. Schwemmer hija intitolata, skont il-liġi Ġermaniża, għat-tfal ikkonċernati – dritt li mhumiex suġġetti għal kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ impjieg ta’ persuna għal rasha – għal ammont li jikkorrispondi għall-benefiċċji tal-familja li huma dovuti fl-Isvizzera, skont dawn l-istess awtoritajiet, lill-ex konjuġi ta’ G. Schwemmer, jekk dan tal-aħħar sempliċement japplika għalihom.

    29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz ta’ dawn iż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju għandha l‑intenzjoni, essenzjalment, li tiddetermna jekk, fid-dawl tar-regoli antikumulu tad-drittijiet għall-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72, dritt, li mhuwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew impjieg ta’ persuna għal rasha, għall-benefiċċji dovuti skont il-liġi ta’ Stat Membru li fih wieħed mill-ġenituri jirrisjedi mat-tfal tiegħu li favurihom jingħataw dawn il‑benefiċċji jistax jiġi sospiż parzjalment f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fih ex konjuġi, li huwa l-ġenitur l-ieħor tat-tfal ikkonċernati, ikun fil-prinċipju intitolat għall-benefiċċju tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat li fih huwa impjegat, jew sempliċiment skont il-liġi nazzjonali ta’ dan l-Istat, inkella skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, iżda ma jirċevix effettivament l-imsemmija benefiċċji peress li ma applikax għalihom.

    30      Fil-kuntest tat-tieni domanda tagħha, l-imsemmija qorti tistaqsi b’mod iktar partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-raġuni li għaliha l-benefiċċji tal-familja inkwistjoni ma ġewx mitluba jistax ikollha rilevanza fuq is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Din id-domanda qed issir biss fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tikkunsidra jekk l-awtoritajiet nazzjonali għandhomx setgħa diskrezzjonali li jnaqqsu jew le l-imsemmija benefiċċji.

    31      F’dan il-każ, huwa paċifiku li, f’sitwazzjonijiet bħal dawk tal-kawża prinċipali, skont il-Ftehim tal-1999, b’mod iktar partikolari l-Anness II tiegħu, u kif jirriżulta mill-punt 4 ta’ din is-sentenza, il-frażijiet “Stat(i) membru(i)” li jinsabu fir-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 jitqiesu li jirreferu, minbarra l-Istati tal-Unjoni Ewropea koperti minn dawn l-atti, għall-Konfederazzjoni Svizzera, b’tali mod li dawn ir-regolamenti jistgħu jiġu fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

    32      F’dawn il-proċeduri, fid-dawl tal-għan tal-kawża prinċipali, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-Regolament Nru 647/2005 huwiex kopert bil-Ftehim tal-1999, bħala regola ekwivalenti, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tal-Anness II ta’ dan il-ftehim, għall-atti tal-Unjoni li għalihom jirreferi l-imsemmi anness. Fil-fatt, kemm jekk hija l-verżjoni tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 li jirriżultaw mir-Regolament Nru 307/1999, jiġifieri l-aħħar regolament li jemenda espressament imsemmi għal dak li jirrigwarda r-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 fl-imsemmi Anness II, jew dak li jirriżulta mir-Regolament Nru 647/2005 li jittieħed inkunsiderazzjoni, jeħtieg li jiġi kkonstatat li, f’dan il‑każ, id-dispożizzjonijiet rilevanti huma l-istess.

    33      Mhuwiex ikkontestat li l-benefiċċji tat-tfal stabbiliti bil-liġi Ġermaniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfaw il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jitqiesu bħala “benefiċċju tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(u) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara wkoll, għal dawk li jirrigwarda l-benefiċċiji stabbiliti fl-Artikolu 62 tal-EStG, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Bosmann, C‑352/06, Ġabra p. I‑3827, punti 10 u 27).

    34      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni personali tar-Regolament Nru 1408/71, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li, meta hija istituzzjoni Ġermaniża li hija kompetenti sabiex tagħti l-benefiċċji tal-familja skont it-Titolu III, Kapitolu 7 tar-Regolament Nru 1408/71, id-definizzjoni fl-Artikolu 1a) ta’ dan ir-Regolament hija eskluża minn dik fl-Anness I, punt I, D (“Il-Ġermanja”), tal-imsemmi regolament (ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 1998, Kulzer, C‑194/96, Ġabra p. I‑895, punt 35), b’tali mod li l-persuni biss li huma, għad-differenza ta’ G. Schwemmer, assigurati obbligatorjament fil-kuntest ta’ waħda mill-iskemi msemmija fl-Anness I, punt I, D tar-Regolament Nru 1408/71 jistgħu jitqiesu li huma “persuna impjegata” u “persuna li taħdem għal rasha” fis-sens tal-Artikolu 1(a)(ii) ta’ dan ir-regolament (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1997, Stöber u Piosa Pereira, C‑4/95 u C‑5/95, Ġabra p. I‑511, punti 29 sa 36; tat-12 ta’ Ġunju 1997, Merino García, C‑266/95, Ġabra p. I‑3279, punti 24 sa 26; tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C‑85/96, Ġabra p. I‑2691, punti 42 u 43, kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 1999, Sürül, C‑262/96, Ġabra p. I‑2685, punt 89).

    35      Madankollu, anki jekk jiġi aċċettat il-fatt li persuna li tinsab fis-sitwazzjoni ta’ Ġ. Schwemmer ma tistax, għall-finijiet tal-għoti ta’ benefiċċji tal-familja skont it‑Titolu III, Kapitolu 7 tar-Regolament Nru 1408/71, titqies bħala “persuna impjegata” jew “persuna li taħdem għal rasha” fis-sens tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-Punt I, D tal-Anness I tiegħu, għandu jiġi rrilevat li f’dan il-każ huwa paċifiku li l-ex konjuġi ta’ G. Schwemmer, missier it-tfal ikkonċernati, jeżerċita, fl-Isvizzera, attività bħala “persuna impjegata” fis-sens tal-Artikolu 1(a) tal-imsemmi regolament.

    36      Barra minn hekk, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l‑imsemmija tfal, li huma dipendenti fuq G. Schwemmer u li favurihom il‑benefiċċji għat-tfal jitħallsu skont l-Artikolu 62 tal-EStG, għandhom jitqiesu bħala “membr[i] tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 1(f)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 tal-ex konjuġi ta’ G. Schwemmer.

    37      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm huwa minnu li r-Regolament Nru 1408/71 ma jsemmix speċifikament is‑sitwazzjonijiet familjari wara divorzju, ma hemm xejn li jiġġustifika li jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Frar 1983, Robards, 149/82, Ġabra p. 171, punt 15; Kulzer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32; tal-5 ta’ Frar 2002, Humer, C‑255/99, Ġabra p. I‑1205, punt 42, u tas-26 ta’ Novembru 2009, Slanina, C‑363/08, Ġabra p. I-11111, punt 30).

    38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 1408/71 u 574/72 dwar il-benefiċċji tal-familja għandhom jiġu interpretati li jistgħu jiġu applikati għal sitwazzjonijiet bħal dawk li taw lok għal-kawża prinċipali. Fil-fatt, minn naħa, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, tagħti lok għall-bidu, fir-rigward tal-istess perijodu, ta’ drittijiet paralleli għal benefiċċji tal-familja, uħud min-naħa tal-omm, favur it-tfal ikkonċernati, u oħrajn min-naħa tal-missier. Min-naħa l-oħra, dawn it-tfal jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni personali tar-Regolament Nru 1408/71, bħala membri tal-familja tal-ġenitur li għandu l-istatus ta’ impjegat, u dan irrispettivament minn jekk il-ġenitur l-ieħor jifformax parti jew le mill-familja ta’ dan l-ewwel ġenitur (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1985, Kromhout, 104/84, Ġabra p. 2205, punt 15).

    39      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri  1408/71 u 574/72.

    40      Għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, li jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l‑Komunità hija b’mod partikolari intiża sabiex il-persuni kkonċernati jkunu, fil-prinċipju, suġġetti għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss, b’mod li l-akkumulazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l‑kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minħabba f’hekk. Dan il-prinċipju jinsab stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 1986, Ten Holder, 302/84, Ġabra p. 1821, punti 19 u 20, kif ukoll Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

    41      Fir-rigward tal-benefiċċji tal-familja, l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li ħaddiem suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għandu jkun intitolat, fir-rigward tal-membri tal-familja tiegħu li jirrisjedu fit-territoju ta’ Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-ewwel, daqs li kieku kienu residenti fit-territorju tiegħu l-ewwel (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2005, Weide, C‑153/03, Ġabra p. I‑6017, punt 20, u Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17). Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tiffaċilita lill-ħaddiema emigranti l-ġabra tal-allowances tal-familja fl-Istati fejn huma impjegati, meta l-familja tagħhom ma tiċċaqlaqx magħhom (ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1990, Kracht, C‑117/89, Ġabra p. I‑2781, punt 15), u b’mod partikolari sabiex twaqqaf Stat Membru milli jissuġġetta l-għotja u l-ammont tal-benefiċċji tal-familja fuq ir-residenza tal-membri tal-familja tal-ħaddiem fl-Istat Membru li jipprovdi l-benefiċċji (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Dodl u Oberhollenzer, C‑543/03, Ġabra p. I‑5049, punt 46, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    42      Madankollu, jeħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-imsemmi Artikolu 73, filwaqt li jikkostitwixxi regola ġenerali fil-qasam tal-benefiċċji tal-familja, mhuwiex regola assoluta (ara s-sentenza Dodl u Oberhollenzer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

    43      B’hekk, peress li hemm riskju li jkun hemm akkumulazzjoni tad-drittijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza flimkien ma’ dawk li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg, id-dispożizzjonijiet bħal dawk tal-Artikoli 13 u 73 tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu mwieżna mar-regoli antikumulu li jinsabu f’dan tal-aħħar u fir-Regolament Nru 574/72 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dodl u Oberhollenzer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

    44      Konsegwentement, din il-kawża għandha tiġi trattata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet preventivi ta’ akkumulazzjoni, jiġifieri l-Artikoli 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u 10 tar-Regolament Nru 574/72, li jipprovdu r-regoli sabiex intemmu akkumulazzjoni ta’ drittijiet stabbiliti bil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza tat-tfal ikkonċernati flimkien ma’ dawk li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ impjieg ta’ wieħed mill-ġenituri tagħhom.

    45      L-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 jinkludi, skont l-istess titolu tiegħu, “[r]egoli jew [ta’] prijorità fil-każijiet ta’ intitolamenti sovrapposti (overlapping) [akkumulazzjoni ta’ drittijiet] għall-benefiċċji tal-familja taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti u taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru tar-residenza tal-membri tal-familja.” Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li hija għandha l-għan li tirregola l-akkumulazzjoni ta’ drittijiet għal benefiċċji tal-familja dovuti, minn naħa, skont l-Artikolu 73 ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, skont il‑leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat ta’ residenza tal-membri tal-familja li għandhom dritt għall-benefiċċji tal-familja minħabba l-eżerċizzju ta’ attività professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Dodl u Oberhollenzer, punt 53, kif ukoll Slanina, punt 37).

    46      Madankollu, huwa paċifiku f’dawn il-proċeduri li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tagħti dritt għall-benefiċċji tal-familja bil-kundizzjoni ta’ domiċilju jew residenza abitwali fil-Ġermanja, u mhux, “minħabba t-twettiq ta’ okkupazzjoni”, kif jeżiġi l‑imsemmi Artikolu 76 sabiex japplika. Konsegwentement, l-imsemmi Artikolu 76 ma japplikax għal sitwazzjoni bħalma hija dik fil-kawża prinċipali.

    47      Għaldaqstant hemm lok li tiġi eżaminata l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 għal sitwazzjonijiet bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    48      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, essenzjalment, mir-regola antikumulu fl-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 jirriżulta li l‑benefiċċji dovuti fl-Istat Membru ieħor minn dak li fih jirrisjedi t-tifel ikkonċernat, jew skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali biss ta’ dan l-Istat Membru, inkella skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, jipprevalu l-benefiċċji dovuti skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza ta’ dan it-tifel, li huma, bħala konsegwenza, sospiżi. Min-naħa l-oħra, fil-każ li tiġi mwettqa attività professjonali f’dan l-Istat tal-aħħar, l-Artikolu 10(1)(b)(i) tal-istess regolament jipprovdi s-soluzzjoni kuntrarja, jiġifieri li d-dritt għall-benefiċċji mogħtija mill-Istat Membru ta’ residenza tat-tifel jipprevali fuq id-dritt għall-benefiċċji mogħtija mill-Istat Membru ta’ impjieg, li huma mbagħad sospiżi (ara f’dan il-każ, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 1992, McMenamin, C‑119/91, Ġabra p. I‑6393, punti 17 u 18, kif ukoll Weide, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

    49      Minkejja li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 ma jinkludix dispożizzjoni analoga għall-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71, il-Familienkasse jsostni, fil-kawża prinċipali, li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 574/72 għandu jinqara flimkien ma’/jew b’analoġija mal-imsemmi Artikolu 76(2), li jipprovdi, f’sitwazzjoni “kuntrarja” minn dik tal-kawża prinċipali, ikkaratterizzata b’mod partikolari min-nuqqas ta’ applikazzjoni għall-għoti tal-benefiċċji tal-familja ppreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza tat-tfal ikkonċernati, setgħa li jitnaqqsu l-benefiċċji tal-familja mogħtija mill-Istat ta’ impjieg, meta applikazzjoni għal benefiċċju ma ġietx ippreżentata fl-imsemmi Stat ta’ residenza.

    50      G. Schwemmer issostni quddiem il-qorti tar-rinviju, għalkemm b’mod sussidjarjament li, fil-każ li l-imsemmi Artikolu 10(1) għandu jiġi interpretat b’analoġija mal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 1408/71, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonalimogħtija lilhom minn tali interpretazzjoni b’analoġija, fid-dawl tal-fatt li l-ex konjuġi tagħha naqas milli japplika għall-benefiċċji stabbiliti bil-leġiżlazzjoni Svizzera, li għalihom huwa kien intitolat, u dan, fil-fehma tagħha, sabiex jikkawżalha ħsara.

    51      Fuq dawn il-punti, jeħtieġ madankollu jitfakkar li l-imsemmi Artikolu 10(1)(a), hekk kif jirriżulta mit-titolu tiegħu u mill-mod kif inhu fformulat, ifittex biss soluzzjoni għall-każijiet ta’ akkumulazzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja meta huma dovuti, fl-istess ħin, fl-Istat Membru ta’ residenza tat-tifel ikkonċernat, irrispettivament mill-kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni jew ta’ impjieg, minn naħa, u, skont jew il-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor, jew l‑Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, fl-Istat Membru ta’ impjieg, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

    52      Sabiex ikun jista’ jitqies li tali akkumulazzjoni teżisti f’każ partikolari, mhuwiex biżżejjed, pereżempju, li tali benefiċċji jkunu dovuti fl-Istat Membru ta’ residenza tat-tifel ikkonċernat u jkun, parallalment, biss jistgħu jkunu dovuti fi Stat Membru ieħor, fejn jaħdem wieħed mill-ġenituri ta’ dan it-tifel (ara, b’analoġija, is‑sentenza McMenamin, iċċitata iktar’il fuq, punt 26).

    53      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex il-benefiċċji tal-familja jistgħu jitqiesu bħala li huma dovuti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, il-liġi ta’ dan l-Istat Membru trid tirrikonoxxi d-dritt għall-ħlas ta’ benefiċċji favur membru tal-familja li jaħdem f’dan l-Istat. Għaldaqstant huwa neċessarju li l-persuna kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha, kemm ta’ forma kif ukoll ta’ sustanza, imposti mil-leġiżlazzjoni interna ta’ dan l-Istat sabiex tkun tista’ teżerċita dan id-dritt, fosthom tista’ tkun inkluża, skont il-każ, il‑kundizzjoni li applikazzjoni preċedenti kellha tkun ġiet ippreżentata għall-ħlas ta’ tali benefiċċji (ara, b’analoġija mal-verżjoni preċedenti tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, is-sentenza tal-20 ta’ April 1978, Ragazzoni, 134/77, Ġabra p. 963, punti 8 sa 11; tat-13 ta’ Novembru 1984, Salzano, 191/83, Ġabra p. 3741, punti 7 u 10; tat-23 ta’ April 1986, Ferraioli, 153/84, Ġabra p. 1401, punt 14, u Kracht, iċċitat iktar ’il fuq, punt 11).

    54      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, f’dawn is-sentenzi tal-aħħar, ir-raġunijiet tan-nuqqas ta’ applikazzjoni preċedenti baqgħu irrilevanti fuq ir-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċeduri kkonċernati.

    55      Għaldaqstant hemm lok li jitqies li s-sospensjoni, skont l-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, tad-dritt għall-benefiċċji tal-familja dovuti skont il‑leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-kisba tad-dritt għal dawn il-benefiċċji mhijiex suġġetta għal kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ impjieg ta’ persuna li taħdem għal rasha, bħad-dritt li jirriżulta mill-Artikolu 62 tal-EStG, ma seħħx jekk il-benefiċċji ma tħallsux fl-Istat Membru kkonċernat, għar-raġuni li ma ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru sabiex l-imsemmija benefiċċji jkunu effettivament mħallsa, inkluża l-kundizzjoni li applikazzjoni preċedenti kellha tkun ġiet ippreżentata (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Ragazzoni, punt 12; Salzano, punt 11; Ferraioli, punt 15, u Kracht, punt 11).

    56      Huwa minnu li, kif jirrileva l-Familienkasse, wara l-perijodu li matulu seħħew il‑fatti rilevanti fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ dak iż-żmien, li fuqu dawn is-sentenza jirrigwardaw, kien ġie emendat sabiex jinkludi paragrafu 2 intiż biex jippermetti lill-Istat Membru ta’ impjieg li jissospendi d-dritt għall-benefiċċji tal-familja jekk applikazzjoni intiża biex jingħataw dawn il-benefiċċju ma kinitx ġiet ippreżentata fl-Istat Membru ta’ residenza u li, konsegwentement, dan tal-aħħar ma għamel ebda ħlas.

    57      Madankollu, dan il-fatt ma naqqasx mill-importanza tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 55 ta’ din is-sentenza għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72, li, għad-differenza tal-imsemmija verżjoni preċedenti tal-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71, ma kinitx ġiet issupplimentata bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3427/89, tat-30 ta’ Ottubru 1989 (ĠU L 331, p. 1), li madankollu emenda f’diversi aspetti kemm il-verżjoni fis-seħħ dak iż‑żmien tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll dik tar-Regolament Nru 574/72.

    58      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ koordinazzjoni tal-liġijiet nazzjonali ta’ sigurtà soċjali, fid-dawl b’mod partikolari tal-għanijiet li fuqhom hija bbażata, ma tistax, ħlief f’każ ta’ eċċezzjoni espliċita skont dawn l-għanijiet, tiġi applikata b’mod li ċċaħħad il-ħaddiem emigrant jew lil dawk li għandhom dritt li jibbenefikaw mill-benefiċċji mogħtija skont il-leġiżlazzjoni biss ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1979, Rossi, 100/78, Ġabra p. 831, punt 14, tat-12 ta’ Ġunju 1980, Laterza, 733/79, Ġabra p. 1915, punt 8; tad-9 ta’ Lulju 1980, Gravina, 807/79, Ġabra p. 2205, punt 7; tal-24 ta’ Novembru 1983, D’Amario, 320/82, Ġabra p. 3811, punt 4, u Kromhout, iċċitata iktar’il fuq, punt 21). Minn dan isegwi li ma jkunx konformi mal-imsemmi għanijiet li dispożizzjoni preventiva ta’ akkumulazzjoni, bħal dik tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 tiġi interpretata b’mod li jwassal għall-għoti effettiv ta’ ammont li huwa inferjuri għal kull benefiċċju meħud individwalment (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 1979, Rossi, iċċitata iktar ’il fuq, punti 14 et seq.; tad-19 ta’ Frar 1981, Beeck, 104/80, Ġabra p. 503, punt 12, kif ukoll Kromhout, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

    59      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dritt, li mhuwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ impjieg ta’ persuna li taħdem għal rasha, għall-benefiċċji dovuti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li fih ġenitur jirrisjedi mat-tfal tiegħu li favurihom dawn il-benefiċċji jingħataw ma jistgħux jiġu sospiżi parzjalment f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ex konjuġi, li huwa l-ġenitur l-ieħor tat-tfal ikkonċernati, ikollu fil-prinċipju dritt għall-benefiċċji tal-familja skont il‑leġiżlazzjoni tal-Istat li fih huwa impjegat, jew sempliċement skont il‑leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat, inkella bl-applikazzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, iżda ma jircevix effettivament l-imsemmija benefiċċji għar-raġuni li huwa ma ppreżentax applikazzjoni għal dan il-għan.

     Fuq l-ispejjeż

    60      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    L-Artikolu 76 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità u l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendati bir-Regolament (KE) Nru 647/2005, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dritt, li mhuwiex suġġett għal kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni, ta’ impjieg jew ta’ impjieg ta’ persuna li taħdem għal rasha, għall-benefiċċji dovuti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li fih ġenitur jirrisjedi mat-tfal tiegħu li favurihom dawn il‑benefiċċji jingħataw ma jistgħux jiġu sospiżi parzjalment f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ex konjuġi, li huwa l-ġenitur l-ieħor tat-tfal ikkonċernati, ikollu fil-prinċipju dritt għall-benefiċċji tal-familja skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat li fih huwa impjegat, jew sempliċement skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat, inkella bl-applikazzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, iżda ma jircevix effettivament l‑imsemmija benefiċċji għar-raġuni li huwa ma ppreżentax applikazzjoni għal dan il-għan.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top