Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0482

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Trstenjak - 3 ta' Frar 2011.
    Budějovický Budvar, národní podnik vs Anheuser-Busch Inc..
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - ir-Renju Unit.
    Trade marks - Direttiva 89/104/KEE - Artikolu 9(1) - Kunċett ta’ ‘qbil’ - Limitazzjoni b’konsegwenza ta’ qbil - Bidu tal-perijodu ta’ limitazzjoni - Kundizzjonijiet neċessarji biex jibda jiddekorri l-perijodu ta’ limitazzjoni - Artikolu 4(1)(a) - Reġistrazzjoni ta’ żewġ trade marks identiċi li jkopru prodotti identiċi - Funzjonijiet tat-trade mark - Użu onest kontemporanju.
    Kawża C-482/09.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-08701

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:46

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    TRSTENJAK

    ippreżentati fit-3 ta’ Frar 2011 (1)

    Kawża C‑482/09

    Budějovický Budvar, národní podnik

    vs

    Anheuser-Busch, Inc.

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal, England & Wales (ir-Renju Unit)]

    “Direttiva 89/104/KEE – Approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks – Artikoli 4(1)(a) u 9(1) – Dekadenza b’konsegwenza ta’ akkwixxenza – Kunċett ta’ akkwixxenza – Kunċett tad-dritt tal-Unjoni Ewropea – Possibbiltà li jiġi applikat id-dritt nazzjonali dwar trade marks, inklużi dispożizzjonijiet dwar l-użu onest simultanju ta’ żewġ trade marks identiċi”





    Werrej

    I –   Introduzzjoni

    II – Il-kuntest ġuridiku

    A –   Id-dritt tal-Unjoni Ewropea 

    B –   Id-dritt nazzjonali

    III – Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    1.     Xi jfisser “qabel” fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104 u b’mod partikolari:

    IV – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    V –   L-argumenti prinċipali tal-partijiet

    A –   Fuq l-ewwel domanda preliminari

    B –   Fuq it-tieni domanda preliminari

    C –   Fuq it-tielet domanda preliminari

    VI – Evalwazzjoni legali

    A –   Osservazzjonijiet preliminari

    B –   Evalwazzjoni tad-domandi preliminari

    1.     Il-kunċett ta’ “akkwixxenza” fid-dritt tal-Unjoni Ewropea

    a)     Ma hemm ebda riferiment speċifiku għad-dritt tal-Istati Membri

    b)     Approssimazzjoni tad-drittijiet mogħtija bit-trade marks u d-difiżi kontra tagħhom

    c)     Ħtieġa ta’ regoli uniformi

    d)     Konklużjoni

    2.     Ir-regola ta’ dekadenza fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva Nru 89/104

    a)     Definizzjoni tal-kunċett ta’ “akkwixxenza”

    b)     Esklużjoni tal-każ ta’ “inerzja furzata”

    c)     Forma tar-regola ta’ dekadenza

    i)     Kundizzjonijiet sabiex jibda jiddekorri l-perijodu ta’ ħames snin ta’ akkwixxenza

    ii)   Għarfien tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti bħala element suġġettiv

    iii) Mhux meħtieġ li t-trade mark preċedenti tkun irreġistrata

    iv)   Konklużjoni

    3.     Kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni tad-duttrina ta’ użu onest simultanju

    C –   Punti ta’ liġi oħra rilevanti

    1.     Applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 ratione temporis

    a)     Ġeneralitajiet

    b)     Il-proċeduri tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark

    i)     Dati rilevanti

    ii)   Nuqqas ta’ applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104

    iii) Nuqqas ta’ applikazzjoni mid-data ta’ meta d-Direttiva 89/104 daħlet fis-seħħ

    c)     Il-proċeduri li jirrigwardaw il-validità ta’ trade mark irreġistrata

    d)     Konklużjoni

    2.     L-ilment ta’ abbuż ta’ dritt

    VII – Sunt

    VIII – Konklużjoni

    I –    Introduzzjoni

    1.        Il-proċeduri preżenti joriġinaw minn talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal of England and Wales (Civil Division) skont l-Artikolu 234 KE (2), li fiha saru numru ta’ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(1)(a) u 9(1) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (3).

    2.        Din it-talba toriġina minn proċeduri bejn Budějovický Budvar, národní podnik (iktar ’il quddiem “BB”), birrerija stabbilita f’České Budějovice (ir-Repubblika Ċeka), u Anheuser-Busch Inc. (iktar ’il quddiem “AB”), birrerija stabbilita f’St. Louis (Missouri, l-Istati Uniti tal-Amerka), wara talba li saret minn AB lill-Patent Office, Trade Marks Registry għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark “Budweiser” irreġistrata għal BB, li AB ilha wkoll il-proprjetarja tagħha għal diversi snin. It-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ġabet fi tmiem perijodu ta’ kważi ħames snin li matul tiegħu ż-żewġ trade marks bl-istess isem ikkoeżistew fil-paċi fir-Renju Unit.

    3.        Il-kwistjoni legali prinċipali li tqum fil-kawża prinċipali hija jekk BB tistax topponi t-talba ta’ AB għal dikjarazzjoni ta’ invalidità billi tressaq l-oġġezzjoni ta’ dekadenza ta’ drittijiet taħt trade mark preċedenti. Ir-risposta mbagħad tiddependi mill-kjarifika dwar jekk fil-fatt laħaqx skada l-perijodu ta’ ħames snin stabbilit fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104, li wara l-iskadenza tiegħu sseħħ dekadenza b’konsegwenza ta’ akkwixxenza. Il-fattur partikolari fil-kawża prinċipali jinsab fil-fatt li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ġiet ippreżentata, skont il-qorti tar-rinviju, eżattament ġurnata qabel ma skada l-perijodu ta’ ħames snin. Madankollu, id-dettalji dwar dan il-punt, għadhom iridu jiġu kkjarifikati. Id-digriet tar-rinviju għalhekk huwa intiż sabiex jikseb informazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kundizzjonijiet li taħthom isseħħ id-dekadenza tad-drittijiet, id-data li minnha jibda jiddekorri l-perijodu ta’ ħames snin, u jekk hemm bżonn, jekk id-dritt tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxix prinċipju li taħtu jistgħu legalment jikkoeżistu trade mark preċedenti u waħda sussegwenti, it-tnejn bl-istess isem, iżda li jkopru oġġetti differenti.

    II – Il-kuntest ġuridiku

    A –    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea (4)

    4.        Skont l-ewwel u t-tielet premessi tagħha, l-għan tad-Direttiva 89/104 huwa l-approssimazzjoni tal-liġijiet dwar it-trade marks fl-Istati Membri. Madankollu, id-direttiva hija limitata għal dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-iktar jaffettwaw b’mod dirett il-funzjonament tas-suq intern, billi jistgħu jimpedixxu l-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà biex jiġu pprovduti s-servizzi, jew li jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq komuni.

    5.        Il-ħdax-il premessa tad-Direttiva 89/104 tiddikjara illi “huwa importanti għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u mingħajr preġudizzju inekwitabbli ta’ l-interessi ta’ proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, li jkun stipulat li dan ta’ l-aħħar ma jistax jitlob aktar dikjarazzjoni ta’ invalidità u l-anqas ma jista’ jopponi l-użu ta’ trade mark li tiġi wara tiegħu u li hu xjentement ittollera l-użu tagħha għal tul ta’ żmien sostanzjali, jekk l-applikazzjoni għat-trade mark sussegwenti ma tkunx saret in mala fede.”

    6.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/104, intitolat “Raġunijiet aktar għar-rifjut jew invalidità li tikkonċerna [jikkonċernaw] l-konflitti mad-drittijiet preċedenti”, jipprovdi:

    “1. Trade mark ma tiġix reġistrata jew, jekk reġistrata, għandha tkun suġġetta li tiġi dikjarata invalida

    (a) jekk hija identika għat-trade mark preċedenti, u l-merkanzija jew is-servizzi li għalihom t-trade mark hi applikata jew reġistrata huma identiċi għall-merkanzija jew is-servizzi li għalihom t-trade mark preċedenti hi protetta;

    […]

    (2) ‘Trade marks preċedenti’ fis-sens tal-paragrafu 1 ifissru:

    (a) trade marks tas-segwenti tipi b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li hija preċedenti mid-data ta’ l-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark, tenut kont, fejn xieraq, tal-prijoritajiet pretiżi fuq dawk it-trade marks:

    trade marks tal-Komunità;

    trade marks reġistrati fl-Istati Membri jew, fil-każ tal-Belġju, Lussemburgu jew l-Olanda, fl-Uffiċċju tat-Trade Marks tal-Benelux;

    trade marks reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fl-Istat Membru;

    […]

    (d) trade marks li, fid-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, jew, fejn xieraq, tal-prijorità pretiża dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, huma magħrufa sew fi Stat Membru, fis-sens li fih il-kliem ‘magħrufa sew’ huma użati fl-Artikolu 6 biss tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

    […]

    (4) Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistabbilixxi li trade mark mhux għandha [ma għandhiex] tiġi reġistrata jew, jekk reġistrata, għandha tkun suġġetta li tkun dikjarata invalida fejn, u sakemm li:

    (a) t-trade mark hija identika ma’, jew simili għal trade mark preċedenti nazzjonali fis-sens tat-tifsira tal-paragrafu 2 u għandha tkun, jew kienet, irreġistrata għall-merkanzija jew is-servizzi li mhumiex simili għal dawk li għalihom it-trade mark preċedenti hi reġistrata, fejn it-trade mark preċedenti għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat u fejn l-użu tat-trade mark ta’ l-aħħar [sussegwenti] mingħajr raġuni valida tieħu [jieħu] vantaġġ inġust mill-, jew tkun [ikun] ta’ detriment għall-, kwalitajiet distintivi [karattru distintiv] jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti;

    (b) xi drittijiet għat-trade mark mhux reġistrata jew għal simbolu [sinjal] ieħor użat matul il-kummerċ kienu miksuba qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti, jew id-data tal-prijorità pretiża għall-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti u li trade mark mhux reġistrata jew simbolu ieħor jagħtu lil proprjetarju tagħha d-dritt li jipprojbixxi l-użu tat-trade mark sussegwenti;

    ċ) l-użu tat-trade mark jista’ jkun ipprojbit minħabba dritt preċedenti barra d-drittijiet li hemm riferenza għalihom fil-paragrafi 2 u 4(b) u b’mod partikolari:

    (i) xi dritt għal isem;

    (ii) xi dritt għal deskrizzjoni grafika turija personali;

    (iii) xi dritt ta’ l-awtur;

    (iv) xi dritt għall-proprjetà industrijali;

    […]

    (5) L-Istat Membri jistgħu jippermettu li f’ċirkostanzi xierqa r-reġistrazzjoni ma għandhiex għalfejn tkun rifjutata jew it-trade mark ma għandhiex tiġi dikjarata invalida fejn il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jew dritt ieħor preċedenti jagħti l-kunsens għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ta’ l-aħħar.

    (6) Kwalunkwe Stat Membru jista’ jistabbilixxi li, permezz ta’ derogazzjoni mill-paragrafi 1 sa 5, ir-raġunijiet għal rifjut tar-reġistrazzjoni jew invalidità fis-seħħ f’dak l-Istat qabel id-data li fiha d-disposizzjonijiet neċessarji biex iħarsu din id-Direttiva jidħlu fis-seħħ, għandhom japplikaw għal trade marks li għalihom saret applikazzjoni qabel dik id-data.”

    7.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark” jipprovdi:

    “1.      It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

    (a)      kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi ghal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

    […]”

    8.        L-Artikolu 9 tad-Direttiva 89/104 intitolat “Limitazzjoni [Dekadenza] b’konsegwenza taż-żamma tas-skiet [tal-akkwixxenza]” jipprovdi kif ġej:

    “1.      Fejn fi Stat Membru, il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti kif hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 4(2) qabel għal perjodu ta’ ħames snin suċċessivi, fl-użu ta’ trade mark reġistrata wara f’dak l-Istat Membru filwaqt li jkun konxju ta’ tali użu, hu mhux għandu jkollu l-jedd aktar, abbażi tat-trade mark preċedenti jew li japplika għal dikjarazzjoni li t-trade mark hi invalida jew li jopponi l-użu tat-trade mark dwar merkanzija jew servizzi li għalihom t-trade mark ta’ wara ġiet użata, sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ta’ wara ma saritx in mala fede.

    2.      Kwalunkwe Stat Membru jista’ jistabbilixxi li l-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis għall-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 4(4)(a) jew dritt ieħor preċedenti li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 4(4)(b) jew (ċ).

    […]”

    9.        Id-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (Verżjoni Kodifikata) (5), li daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Novembru 2008, issostitwixxiet id-Direttiva 89/104. Fid-dawl tal-fatt li l-avventimenti li taw lok għall-kawża prinċipali seħħew qabel ma daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2008/95, hija biss id-Direttiva 89/104 li jeħtieġ isir riferiment għaliha fl-evalwazzjoni legali tal-kawża inkwistjoni.

    B –    Id-dritt nazzjonali

    10.      Id-Direttiva 89/104 ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali bis-saħħa tat-Trade Marks Act 1994 (il-Liġi tal-1994 dwar it-Trade Marks). Id-dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għall-Artikoli 4(1)(a) u 9 tad-direttiva huma l-Artikoli 6(1) u 48 rispettivament tat-Trade Marks Act 1994.

    11.      L-Artikolu 7 tat-Trade Marks Act 1994 (6) fih dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark u li jirreferu għad-duttrina magħrufa fil-liġi Ingliża dwar it-trade marks bħala l-użu onest simultanju (“honest concurrent use”) ta’ żewġ trade marks identiċi:

    “Invokazzjoni ta’ raġunijiet relattivi f’każ ta’ użu onest simultanju

    (1)      Dan l-artikolu japplika fejn, meta ssir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ir-reġistratur jidhirlu –

    (a)      illi teżisti trade mark preċedenti li għaliha japplikaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5(1), (2) jew (3), jew

    (b)      illi jeżisti dritt preċedenti li għalih il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(4) hija sodisfatta,

    iżda l-applikant juri b’mod sodisfaċenti għar-reġistratur li kien hemm użu onest simultanju tat-trade mark li tagħha tintalab ir-reġistrazzjoni.

    (2)      F’dak il-każ, ir-reġistratur ma għandux jirrifjuta l-applikazzjoni minħabba t-trade mark jew id-dritt preċedenti sakemm ma titqajjimx oġġezzjoni abbażi ta’ dik ir-raġuni fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ dik it-trade mark preċedenti jew ta’ dak id-dritt preċedenti.

    (3)      Għall-iskop ta’ dan l-artikolu “użu onest simultanju” ifisser dak l-użu fir-Renju Unit, mill-applikant jew bil-kunsens tiegħu, li qabel kien jammonta għal użu onest simultanju għall-iskopijet tal-Artikolu 12(2) tat-Trade Marks Act 1938.

    (4)      Xejn f’dan l-artikolu ma għandu jaffettwa –

    (a)      ir-rifjut tar-reġistrazzjoni għar-raġunijiet li jissemmew fl-Artikolu 3 (raġunijiet assoluti għar-rifjut), jew

    (b)      it-tressiq ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità taħt l-Artikolu 47(2) (talba bbażata fuq raġunijiet relattivi fejn ma hemmx kunsens għar-reġistrazzjoni).

    […]”

    III – Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    12.      Skont id-digriet tar-rinviju, BB u AB saru attivi fis-suq Ingliż l-ewwel darba fl-1973 u fl-1974 rispettivament. It-tnejn iqassmu l-birra taħt trade mark li tikkonsisti fil-kelma, jew tinkludi l-kelma “Budweiser”.

    13.      Dejjem skont id-digriet tar-rinviju, l-ismijiet huma l-istess iżda l-birra ma hijiex l-istess. Iż-żewġ tipi ta’ birra minn dejjem kienu differenti fit-togħma, fil-prezz u fil-preżentazzjoni. Fi swieq fejn huma jikkoeżistu, il-konsumaturi huma fil-parti l-kbira tagħhom konxji tad-differenza, għalkemm dejjem jeżisti xi riskju ta’ konfużjoni.

    14.      F’Novembru 1976, BB applikat għar-reġistrazzjoni tat-trade mark “Bud”. AB opponiet għaliha.

    15.      Fl-1979 AB fetħet kawża kontra BB għal abbuż tad-denominazzjoni (passing off), u talbet mandat ta’ inibizzjoni sabiex tipprojbixxi lil BB milli tuża l-kelma “Budweiser”. BB ppreżentat kontro-talba kontra AB minħabba abbuż tad-denominazzjoni (passing off) bl-użu tal-kelma “Budweiser”. Il-proċedimenti ta’ oppożizzjoni kontra t-trade mark ġew sospiżi sakemm jinqatgħu dawn il-proċeduri. Madankollu, kemm it-talba oriġinali kif ukoll il-kontro-talba ġew miċħudin, għaliex il-qrati ddeċidew li ebda parti ma kienet wettqet rappreżentazzjoni falza: it-trade mark u l-isem kienu magħrufin fiż-żewġ forom.

    16.      Fil-11 ta’ Diċembru 1979, AB applikat sabiex tirreġistra l-kelma “Budweiser” għal “birra, ale u porter”. BB oġġezzjonat. Fit-28 ta’ Ġunju 1989, BB applikat min-naħa tagħha sabiex tirreġistra “Budweiser”, u AB oġġezzjonat.

    17.      Fi Frar 2000, il-Court of Appeal ċaħdet iż-żewġ oġġezzjonijiet, u għalhekk kull waħda miż-żewġ partijiet setgħet tirreġistra “Budweiser”. Din id-deċiżjoni ttieħdet taħt il-liġi antika tar-Renju Unit, it-Trade Mark Act 1938, li kienet espressament tippermetti r-reġistrazzjoni simultanja ta’ trade marks identiċi jew li jixbhu lil xulxin b’mod li jistgħu joħolqu konfużjoni f’każ li jkun jeżisti użu onest simultanju jew ċirkustanzi speċjali oħra. Wara dik id-deċiżjoni, kull waħda miż-żewġ partijiet ġiet inkluża fir-reġistru tat-trade marks bħala proprjetarja tat-trade mark verbali “Budweiser” fid-19 ta’ Mejju 2000. Ir-riżultat kien illi BB kellha żewġ reġistrazzjonijiet, waħda għal “Bud” (applikazzjoni ta’ Novembru 1976) u l-oħra għal “Budweiser” (applikazzjoni ta’ Lulju 1989). AB kellha reġistrazzjoni għal “Budweiser” (applikazzjoni ta’ Diċembru 1979).

    18.      Fit-18 ta’ Mejju 2005, jiġifieri erba’ snin u 364 jum wara r-reġistrazzjoni tat-trade mark “Budweiser” taż-żewġ partijiet, AB talbet lit-Trade Marks Registry għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark “Budweiser” irreġistrata f’isem BB. Din it-talba kienet ibbażata fuq is-segwenti motivi:

    –        Għalkemm it-trade marks taż-żewġ partijiet tpoġġew fir-reġistru fl-istess data, dik ta’ AB kienet “trade mark preċedenti” bis-saħħa tal-Artikolu 4(2): id-data tal-applikazzjoni tagħha kienet qabel, u dik hija d-data li kienet importanti.

    –        It-trade marks u l-merkanzija kienu identiċi, u għalhekk bis-saħħa tal-Artikolu 4(1)(a), it-trade mark ta’ BB kellha tiġi ddikjarata invalida.

    –        Ma tidħolx il-kwistjoni ta’ akkwixxenza għaliex il-perijodu ta’ ħames snin stabbilit fl-Artikolu 9 kien għadu ma skadiex.

    19.      Ir-Reġistru tat-Trade Marks (Trade Marks Registry) kien tal-fehma li AB ma kinitx prekluża milli titlob dikjarazzjoni ta’ invalidità, peress li l-perijodu ta’ ħames snin ta’ akkwixxenza stabbilit fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104 kien beda jiddekorri mid-data tar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti. Ir-reġistru għalhekk laqa’ t-talba għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità.

    20.      BB appellat kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-High Court of Justice of England and Wales. Dik il-Qorti ddeċidiet b’mod partikolari li għall-iskop tal-Artikolu 48 tat-Trade Marks Act 1994 il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, jiġifieri AB, kellu jaqbel mal-użu ta’ trade mark irreġistrata, u mhux, pereżempju, mal-użu ta’ trade mark mhux irreġistrata, li dwarha kienet saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, iżda li kienet għadha mhix irreġistrata. Peress li AB ma kinitx qablet mal-użu, il-High Court laqgħet it-talba għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità.

    21.      Konsegwentement, BB appellat quddiem il-Court of Appeal. Din il-Qorti tesprimi d-dubji tagħha dwar it-tifsira tal-kelma “akkwixxenza” għall-iskop tal-Artikolu 9, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni taż-żmien minn meta tibda l-akkwixxenza ta’ proprjetarju ta’ trade mark preċedenti. Madankollu, dawn id-dubji dwar l-interpretazzjoni jirrigwardaw ukoll l-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/104. Hija għalhekk iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    1.      Xi jfisser “qabel” fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104 u b’mod partikolari:

    a)      “qabel” huwa kunċett tad-dritt Komunitarju, jew il-qorti nazzjonali għandha d-diskrezzjoni li tapplika r-regoli nazzjonali rigward il-qbil [l-akkwixxenza] (inkluż dewmien jew użu onest kontemporanju stabbilit fit-tul)?

    b)      jekk “qabel” huwa kunċett tad-dritt Komunitarju, il-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jiġi kkunsidrat li qabel ma’ użu onest twil u stabbilit sew ta’ trade mark identika minn persuna oħra meta kien jaf għal żmien twil dwar dak l-użu iżda ma seta’ jagħmel xejn sabiex iwaqqfu?

    ċ)      fi kwalunkwe każ, huwa neċessarju li l-proprjetarju ta’ trade mark ikollu t-trade mark tiegħu rreġistrata qabel ma jista’ jibda “jaqbel” mal-użu minn persuna oħra ta’ (i) trade mark identika jew (ii) simili tant li tikkawża konfużjoni?

    2.      Meta jibda jiddekorri l-perijodu ta’ “ħames snin suċċessivi”, u b’mod partikolari, dan jista’ jibda (u jekk iva jista’ jiskadi) qabel ma l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti attwalment jikseb ir-reġistrazzjoni tat-trade mark tiegħu; u jekk ikun il-każ, x’kundizzjonijiet huma neċessarji sabiex jibda jiddekorri t-terminu?

    3.      L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104 japplika sabiex jippermetti lill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jipprevali anki fejn kien hemm perijodu twil ta’ użu onest kontemporanju ta’ żewġ trade marks identiċi għal oġġetti identiċi sabiex il-garanzija tal-oriġini tat-trade mark preċedenti ma tfissirx li t-trade mark tindika l-oġġetti tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti u xejn iktar, iżda minflok tindika l-oġġetti tiegħu jew l-oġġetti tal-proprjetarju l-ieħor?

    IV – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    22.      Id-digriet tar-rinviju tal-20 ta’ Ottubru 2008 wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Novembru 2008.

    23.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn AB, BB, mill-Gvern tar-Renju Unit, minn dak Ċek, dak Taljan, dak Slovakk u dak Portugiż, u mill-Kummissjoni Ewropea fiż-żmien stabbilit skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    24.      Fis-seduta tal-24 ta’ Novembru 2010 dehru r-rappreżentanti ta’ AB, BB, tal-Gvern Ċek u tal-Kummissjoni u ppreżentaw l-argumenti tagħhom.

    V –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

    A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

    25.      BB tissottometti li l-kunċett ta’ “akkwixxenza” fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 89/104 huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Dan il-kunċett jinkludi n-nuqqas ta’ parti milli twaqqaf lil terz milli juża t-trade mark jekk dan kien possibbli għaliha.

    26.      AB ukoll tissottometi li l-kunċett ta’ “akkwixxenza” huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, u li l-qrati tal-Istati Membri ma humiex intitolati japplikaw regoli tad-dritt nazzjonali sabiex jiddefinixxu dan il-kunċett.

    27.      Fid-dawl tad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett, proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jrid neċessarjament ikun f’pożizzjoni li jwaqqaf l-użu ta’ trade mark sussegwenti sabiex ikun jista’ jaqbel mal-użu tagħha b’xi mod. Huwa ma jistax jitqies li qabel mal-użu onest għal żmien twil ta’ trade mark sussegwenti jekk huwa kien jaf b’dak l-użu iżda ma kienx f’pożizzjoni li jwaqqaf dak l-użu. AB tkompli targumenta li sabiex ikun hemm “akkwixxenza” fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 89/104, huwa neċessarju li l-proprjetarju jkollu t-trade mark irreġistrata qabel ma effettivament tibda l-akkwixxenza mal-użu ta’ trade mark identika jew li tant tixxiebah li x’aktarx toħloq konfużjoni.

    28.      Il-Gvern tar-Renju Unit jissottometti li l-kunċett ta’ “akkwixxenza” huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Il-proprjetarju ta’ trade mark ma jistax jitqies li qabel mal-użu onest għal żmien twil ta’ trade mark identika minn persuna oħra jekk huwa kien jaf b’dak l-użu iżda ma seta’ jagħmel xejn biex iwaqqaf dak l-użu. Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li l-proprjetarju ta’ trade mark ikollu dik it-trade mark irreġistrata qabel ma tibda l-akkwixxenza mal-użu ta’ trade mark identika jew li tixxiebah.

    29.      Il-Gvern Taljan jissottometti li l-kunċett ta’ akkwixxenza fis-sens tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 89/104 huwa kunċett armonizzat tad-dritt tal-Unjoni u jimplika li hu legalment possibbli għal proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li jopponi l-użu minn ħaddieħor ta’ trade mark sussegwenti li hija identika jew tant tixxiebah li x’aktarx toħloq konfużjoni.

    30.      Ladarba l-kunċett ta’ trade mark preċedenti kif iddefinit fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/104 ma jeħtieġx reġistrazzjoni, ma huwiex neċessarju għall-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li jkun kiseb ir-reġistrazzjoni tagħha sabiex huwa jkun jista’ “jaqbel” mal-użu minn ħaddieħor ta’ trade mark identika jew li tixxiebah. L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 89/104 ma jipprobixxix lill-Istati Membri milli jipprovdu li sitwazzjoni ta’ akkwixxenza kif iddefinita fl-Artikolu 9(1) tkun tista’ teżisti anki qabel ma trade mark preċedenti tkun ġiet irreġistrata, inkluż fil-każijiet previsti fl-Artikolu 4(4)(a), (b) u (c).

    31.      Il-Gvern Portugiż huwa tal-fehma li fil-każ ta’ koeżistenza stabbilita għal żmien twil ta’ żewġ trade marks fis-suq, fl-interess tal-bona fides u taċ-ċertezza legali, it-terminu ta’ dekadenza stabbilit fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 89/104 għandu jikkoinċidi maż-żmien li fih ikun attwalment beda l-użu tat-trade marks u ż-żmien li fih il-proprjetarji tat-trade marks preċedenti jkollhom il-mezzi disponibbli – pereżempju, il-mezzi stabbiliti fir-regoli dwar il-kompetizzjoni żleali – sabiex ikunu jistgħu jwaqqfu użu li jista’ jippreġudika l-interessi tagħhom.

    32.      Il-Kummissjoni tissottometti li l-kuncett ta’ “akkwixxenza” huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jingħata interpretazzjoni uniformi.

    33.      Il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti ma jistax jitqies li qabel mal-użu ta’ trade mark irreġistra sussegwentement qabel ma din it-trade mark tkun ġiet effettivament irreġistrata, anki jekk huwa kien jaf bl-użu tagħha u ma setax jieħu l-passi sabiex iwaqqaf dak l-użu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(2), mhux necessarju li t-trade mark preċedenti tkun ġiet irreġistrata qabel ma l-proprjetarju tagħha jkun qabel mal-użu ta’ trade mark sussegwenti rreġistrata f’dak l-Istat Membru.

    B –    Fuq it-tieni domanda preliminari

    34.      Skont BB, il-perijodu ta’ akkwixxenza stabbilit fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104 jibda minn meta l-persuna kkonċernata ssir taf bl-użu minn persuna oħra. Huwa immaterjali jekk dak il-perijodu jibdiex minn qabel jew wara r-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti.

    35.      Madankollu, AB hija tal-fehma li l-perijodu ta’ “ħames snin suċċessivi” jibda jiddekorri malli s-segwenti tliet kundizzjonijiet ikunu ġew sodisfatti: it-trade mark preċedenti tiġi rreġistrata; il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkun jaf bl-użu ta’ trade mark identika jew li tixxiebah; u t-trade mark sussegwenti tiġi hija wkoll irreġistrata. Il-perijodu la jista’ jibda u lanqas jiskadi qabel ma t-trade mark preċedenti tkun effettivament irreġistrata.

    36.      Il-Gvern tar-Renju Unit josserva li l-perijodu ta’ “ħames snin suċċessivi” jibda jiddekorri ladarba t-trade mark sussegwenti tkun ġiet irreġistrata u użata u l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jsir jaf b’dak l-użu.

    37.      Il-Gvern Slovakk jibda billi jikkunsidra t-tieni domanda qabel ma jindirizza l-ewwel domanda preliminari. Fil-fehma tiegħu, il-perijodu ta’ ħames snin jibda jiddekorri mid-data tar-reġistrazzjoi tat-trade mark sussegwenti, jekk il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkun jaf bl-użu tat-trade mark sussegwenti u l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha tkun saret onestament, immaterjalment mill-fatt jekk it-trade mark preċedenti tkunx diġà ġiet irreġistrata mal-uffiċċju tat-trade marks, jew jekk tkunx saret applikazzjoni għal dik ir-reġistrazzjoni.

    38.      Il-Gvern Taljan jipproponi li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun li l-perijodu ta’ akkwixxenza stabbilit fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104 jibda jiddekorri, u jista’ anki jiskadi, qabel ma l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkollu t-trade mark tiegħu rreġistrata, iżda ma jistax jibda qabel ir-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti, jew qabel iż-żmien li fih il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkun effettivament sar jaf bit-trade mark irreġistrata sussegwentement.

    39.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-perijodu ta’ akkwixxenza jibda jiddekorri minn meta l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jsir jaf bl-użu tat-trade mark irreġistrata sussegwentement. L-iktar kmieni li jista’ jibda jiddekorri dak il-perijodu, għalhekk, hija d-data tar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti, jekk dik it-trade tibda tintuża minn dak iż-żmien, u l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jsir jaf bl-użu minn dakinhar. Id-data tar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti tiġi ddeterminata skont ir-regoli applikabbli għall-proċedura ta’ reġistrazzjoni f’kull Stat Membru. Barra minn hekk, il-perijodu ta’ akkwixxenza jista’ jibda jiddekorri anki qabel ma l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkun irreġistra t-trade mark tiegħu.

    C –    Fuq it-tielet domanda preliminari

    40.      BB tissottometti li fil-każ ta’ użu simultanju, onest u stabbilit għal żmien twil ta’ żewġ trade marks identiċi li jkopru żewġ prodotti identiċi, b’mod tali li t-trade mark ma tirreferix biss għall-prodotti tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti iżda anki għall-prodotti tal-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti, u fejn ma teżisti ebda probabbiltà ta’ konfużjoni sinjifikattiva, allura ma jkun jeżisti ebda preġudizzju għall-funzjoni prinċipali tat-trade mark preċedenti, kif jippresupponi l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104.

    41.      AB hija tal-fehma li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 jipprovdi protezzjoni assoluta, u għalhekk jagħti l-possibbiltà lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti li jinforza d-drittijiet tiegħu, anki fil-każ ta’ użu simultanju, onest u stabbilit għal żmien twil ta’ żewġ trade marks identiċi li jkopru oġġetti identiċi, sabiex il-garanzija tal-oriġini tat-trade mark preċedenti ma tfissirx li dik it-trade mark tindika biss il-prodotti tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti u xejn iktar iżda pjuttost il-prodotti tiegħu u dawk tal-proprjetarju l-ieħor ugwalment.

    42.      Il-Gvern tar-Renju Unit jipproponi li r-risposta għal din id-domanda għandha tkun dik li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6(2) u 9, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 japplika, b’mod li jagħti l-fakultà lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti li jinforza d-drittijiet tiegħu, anki f’każ ta’ użu simultanju, onest u stabbilit għal żmien twil ta’ żewġ trade marks li jkopru prodotti identiċi.

    43.      Fil-fehma tal-Gvern Ċek, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/104 ma japplikax għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li d-direttiva tassumi li, f’każ ta’ żewġ trade marks identiċi jew tal-inqas simili, u magħrufin sew, l-ebda waħda minnhom ma tista’ tikseb livell ta’ protezzjoni formalizzata, jiġifieri li ż-żewġ trade marks igawdu l-istess livell ta’ protezzjoni, u għalhekk jistgħu jintużaw b’mod parallel skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jew internazzjonali dwar it-trade marks li ma humiex irreġistrati.

    44.      Il-Gvern Ċek jissottometti li, sussidjarjament, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-perijodu stabbilit sabiex jintilef id-dritt minħabba akkwixxenza ma jibdiex jiddekorri qabel id-data li fiha t-trade mark ikkontestata tkun ġiet irreġistrata.

    45.      Skont il-Gvern Ċek, fil-każ ta’ abbuż ta’ drittijiet, wieħed ma jistax jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/104. Abbuż tad-drittijiet ifisser tentattiv sabiex wieħed jikseb vantaġġ a skapitu ta’ ħaddieħor, kuntrarjament għall-għan tad-dispożizzjoni. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk jissussistix abbuż ta’ drittijiet.

    46.      Il-Gvern Slovakk jikkunsidra li d-Direttiva 89/104 ma tippermettix lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jinforza d-drittijiet tiegħu fis-sens tal-Artikolu 4 jekk l-infurzar ta’ dawk id-drittijiet huwa abbużiv.

    47.      Sabiex jiġi ppruvat dan l-abbuż ta’ drittijiet huwa neċessarju li l-ewwelnett, l-infurzar tad-dritt għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jkun ser iwassal, minkejja konformità formali mal-kundizzjonijiet tad-direttiva u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali relattiva li tittrasponi dik id-direttiva, għal vantaġġ tattiku li l-għoti tiegħu jmur kontra l-għanijiet ta’ dik id-direttiva. It-tieni nett, evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha għandha turi li l-għan prinċipali ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità huwa dak illi jinkiseb vantaġġ tattiku. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk jeżistix abbuż ta’ drittijiet fil-każ inkwistjoni.

    48.      Il-Gvern Taljan jinnota li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 ma jagħtix id-dritt lill-proprjetarju tat-trade mark, li hija apparentement preċedenti, id-dritt li jwaqqaf l-użu ta’ trade mark apparentement sussegwenti jew anki d-dritt li jġegħelha tiġi ddikjarata invalida. F’sitwazzjoni fejn ikun hemm użu simultanju, onest u stabbilit għal żmien twil ta’ trade marks identiċi jew li tant jixxiebhu li joħolqu konfużjoni, għandu jiġi konkluż li d-Direttiva 89/104 ma teskludix id-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jċaħħad lill-proprjetarji taż-żewġ trade marks id-dritt għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark l-oħra jew ta’ projbizzjoni tal-użu tagħha, irrispettivament mill-ordni kronoloġika li fih huma jkunu ġew irreġistrati, jew anki minn kwalsijasi akkwixxenza.

    49.      Il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 ma jeskludix il-koeżistenza ta’ żewġ trade marks identiċi li jkopru żewġ prodotti identiċi kkummerċjalizzati minn produtturi differenti bħala riżultat ta’ użu in bona fides għal żmien twil, fejn il-funzjoni prinċipali tat-trade mark preċedenti li tindika l-oriġini tal-prodotti inkwistjoni ma tiġix affettwata.

    VI – Evalwazzjoni legali

    A –    Osservazzjonijiet preliminari

    50.      L-iżvilupp ta’ normi fuq il-livell tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali huwa l-iktar avvanzat fil-qasam tad-dritt dwar it-trade marks. L-approssimazzjoni tal-liġijiet f’dan il-qasam hija bbażata fuq żewġ approċċi differenti applikati b’mod parallel iżda b’interrelazzjoni bejniethom f’diversi aspetti u li jikkumplimentaw lil xulxin (7). L-ewwel, hemm is-sistema introdotta bir-Regolament (KE) Nru 40/94 (8) dwar it-trade mark Komunitarja bħala dritt ta’ proprjetà industrijali supranazzjonali, li, meta daħal fis-seħħ ir-regolament fil-15 ta’ Marzu 1994, ħoloq liġi dwar it-trade marks uniformi li taqsam il-fruntieri nazzjonali u tapplika għat-territorju kollu tal-Unjoni. It-tieni, hemm l-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali fi proċess ta’ approssimazzjoni permezz tal-istrument legali tad-direttiva. Dan il-metodu ta’ approssimazzjoni tal-liġijiet ma jabolixxix il-prinċipju ta’ territorjalità (9), jiġifieri r-rabta tal-effetti legali ta’ trade mark ma’ territorju ta’ Stat Membru partikolari, li minn dejjem kienet element li jikkaratterizza d-dritt dwar it-trade marks, iżda jikkontribwixxi għat-tneħħija tad-differenzi eżistenti bejn ir-regoli nazzjonali u l-ostakoli riżultanti għall-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq komuni (10).

    51.      Dan kien l-għan li l-leġiżlatura tal-Unjoni kienet qed tipprova tilħaq meta adottat id-Direttiva 89/104, kif jidher mill-ewwel premessa tagħha. Madankollu, skont it-tielet premessa, ma kien hemm l-ebda intenzjoni sabiex b’hekk titwettaq approssimazzjoni kompleta tal-liġijiet nazzjonali dwar it-trade marks. Minflok, il-ħsieb kien li jkun biżżejjed jekk l-approssimazzjoni tkun limitata għal dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li kienu jaffettwaw l-iktar il-funzjonament tas-suq intern. Dawn kienu jinkludu fost oħrajn, kif tindika s-seba’ premessa, “il-kondizzjonijiet għall-kisba u ż-żamma ta’ trade mark irreġistrata.” Dan japplika b’mod partikolari għar-raġunijiet ta’ rifjut jew invalidità, li kellhom jiġu elenkati b’mod eżawrjenti. Il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet identiċi f’dan il-qasam ġie ddikjarat bħala rekwiżit sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxa. Skont il-ħames premessa, min-naħa l-oħra, il-poter tal-Istati Membri li jiddeterminaw ir-regoli proċedurali rigward ir-reġistrazzjoni, tħassir u invalidità ta’ trade marks miksubin bir-reġistrazzjoni kellu jibqa’ prattikament mhux affettwat.

    52.      Fil-kuntest ta’ approssimazzjoni parzjali biss tal-liġijiet nazzjonali dwar it-trade marks, tqum il-kwistjoni, li hija rilevanti għal dan il-każ, dwar jekk u sa liema grad il-kunċett ta’ “akkwixxenza” fl-Artikolu 9 tad-direttiva huwa suġġett għar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Id-domanda 1(a) tal-Court of Appeal tirrigwarda l-klassifikazzjoni legali fundamentali ta’ dak il-kunċett fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni filwaqt li d-domandi 1(b) sa 2 jirrigwardaw il-kontenut tal-kunċett u l-formulazzjoni preċiża tar-regola dwar il-limitazzjoni tad-drittijiet taħt trade mark preċedenti bħala riżultat tal-akkwixxenza. Huma differenti wkoll mit-tielet domanda għaliex din primarjament tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tad-direttiva u l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni Ewropea tad-duttrina ta’ “honest concurrent use” (użu onest simultanju) sa issa magħrufa fid-dritt Ingliż dwar it-trade marks. Fl-interess tal-kjarezza, jiena ser nirranġa mill-ġdid id-domandi tal-Court of Appeal sabiex dawn jikkorrispondu ma’ dawn it-tliet suġġetti tematiċi, u nirrispondihom ukoll f’dik l-ordni. Fl-aħħar nett, l-aspett tal-applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 4(1)(a) tad-direttiva fil-kawża prinċipali għandu jiġi diskuss ukoll, kif ukoll l-akkużi mqajma mill-Gvern Ċek u dak Slovakk fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-infurzar abbużiv tad-drittijiet tagħha minn AB.

    B –    Evalwazzjoni tad-domandi preliminari

    1.      Il-kunċett ta’ “akkwixxenza” fid-dritt tal-Unjoni Ewropea

    53.      L-ewwel domanda li għandha tiġi indirizzata hija jekk il-kunċett ta’ “akkwixxenza” fl-Artikolu 9 tad-direttiva huwiex kunċett tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi. Id-direttiva nfisha ma tagħti ebda definizzjoni legali tal-kunċett. Tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk dan jipprekludix il-klassifikazzjoni ta’ dan il-kunċett bħala wieħed tad-dritt tal-Unjoni.

    a)      Ma hemm ebda riferiment speċifiku għad-dritt tal-Istati Membri

    54.      Fl-ewwel lok, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (11), li fil-frattemp mingħajr dubju saret stabbilita, tista’ tiġi ċċitata favur tali klassifikazzjoni: l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju u l-prinċipju ta’ ugwaljanza jeħtieġu li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jinkludi ebda riferiment speċifiku għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-portata tagħha għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan tal-leġiżlazzjoni rilevanti. Jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni jirriferi b’mod impliċitu, f’att tal-Unjoni (12), għall-użanzi nazzjonali, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lit-terminu użat definizzjoni uniformi fid-dritt tal-Unjoni.

    55.      Dwar dan il-punt, għandu jingħad li d-direttiva ma fiha ebda riferiment speċifiku għad-dritt tal-Istati Membri li minnu jista’ jiġi dedott li l-ħsieb kien li l-poter sabiex jiddefinixxu dan il-kunċett legali li għadu mhux iddefinit jitħalla f’idejn dawk l-Istati (13).

    b)      Approssimazzjoni tad-drittijiet mogħtija bit-trade marks u d-difiżi kontra tagħhom

    56.      Il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri lanqas ma tista’ tiġi dedotta impliċitament mill-fatt li d-Direttiva 89/104, kif jingħad fit-tielet premessa tagħha, tipprovdi biss għal approssimazzjoni parzjali. Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-fatt ma jipprekludix b’mod partikolari li dawk id-dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali li l-iktar jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern huma s-suġġett ta’ approssimazzjoni komprensiva (14). Dan huwa l-każ fir-rigward tal-limitazzjoni tad-drittijiet taħt trade mark preċedenti, li hija inkwistjoni f’din il-kawża, irregolata bl-Artikolu 9 tad-direttiva. Kif diġà ssemma’ (15), is-seba’ premessa tagħha tagħmilha ċar li l-approssimazzjoni tad-dritt dwar it-trade marks li hija l-għan tad-direttiva tkopri l-aspetti ta’ “kisba” u “żamma” ta’ trade mark irreġistrata fl-Istati Membri kollha. Jista’ jiġi konkluż b’mod partikolari li dawk l-aspetti li jirrigwardaw kemm l-“eżistenza” (16) kif ukoll l-“infurzar” tad-drittijiet ikkonferiti minn trade mark irreġistrata huma l-oġġett tal-approssimazzjoni.

    57.      L-“infurzar” tad-drittijiet ikkonferiti bi trade mark huwa kopert bl-Artikoli 4(1) u 5(1) tad-direttiva. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma l-espressjoni ta’ “prinċipju ta’ prijorità” applikabbli fil-liġi dwar it-trade marks, li jistipula li tista’ tittieħed azzjoni taħt trade mark preċedenti kontra kull trade mark oħra konfliġġenti li tiġi wara (17). L-Artikolu 4(1) jagħti lill-proprjetarju ta’ dik it-trade mark id-dritt li jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark sussegwenti li tista’ tagħti lok għal konfużjoni minħabba li tkun identika jew simili għat-trade mark tiegħu. L-Artikolu 5(1), min-naħa l-oħra, jagħti lill-proprjetarju tat-trade mark id-dritt esklużiv fuq dik it-trade mark u d-dritt li jipprojbixxi lil ħaddieħor milli jużaha fin-negozju tiegħu (18).

    58.      L-aspetti li huma s-suġġett tal-approssimazzjoni għandhom madankollu jinkludu wkoll id-difiżi sostantivi kollha li jkunu disponibbli għal proprjetarju ta’ trade mark sussegwenti li jiġi akkużat li kiser id-drittijiet ta’ trade mark preċedenti. Id-dekadenza tad-drittijiet irregolata mill-Artikolu 9 tad-direttiva tikkostitwixxi dan it-tip ta’ difiża kontra d-dritt li jissemma’ fl-Artikolu 4(1)(a) tal-proprjetarju tat-trade mark li jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ dik it-trade mark l-oħra.

    59.      Dan l-approċċ isib il-konferma tiegħu fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 7 tad-direttiva, li jirregola l-eżawriment tad-drittijiet ikkonferiti mit-trade mark u sa ċertu punt jikkostitwixxi wkoll difiza kontra d-dritt taħt l-Artikolu 5. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk korrettement ikkunsidrat li d-direttiva ġġib fis-seħħ approssimazzjoni kompleta f’dan il-qasam tad-dritt dwar it-trade marks (19). Ma nista’ nara ebda raġuni sabiex naslu għal konklużjoni differenti f’dak illi jirrigwarda l-limitazzjoni tad-drittijiet (20).

    60.      Mill-perspettiva ta’ metodoloġija legali, il-kunċett tal-limitazzjoni tad-drittijiet jikkonkretizza l-prinċipju tal-bona fides, iktar speċifikament il-kunċett legali li nsibu espress fil-massima venire contra factum proprium, jiġifieri li fejn jirriżulta atteġġjament kontradittorju minn detentur ta’ dritt, huwa mhux ser jitħalla jeżerċita dak id-dritt kontra s-suġġett passiv tiegħu (21). Taħt il-liġijiet tal-Istati Membri, dritt ġeneralment jitqies li ntilef minħabba limitazzjoni jekk it-titular tad-dritt, għal perijodu determinat (kriterju ta’ żmien), naqas milli jeżerċitah (inattività tat-titular tad-dritt) u s-suġġett passiv ta’ dak id-dritt aġixxa taħt l-aspettattiva, u, fuq evalwazzjoni oġġettiva tal-atteġġjament tat-titular tad-dritt, kien ukoll intitolat li jaġixxi fuq l-aspettattiva (aspettattiva leġittima), li t-titular tad-dritt ma kienx sejjer jeżercita dak id-dritt lanqas fil-futur. F’dak il-każ, in-nuqqas ta’ bona fides insibuh fid-dewmien mhux iġġustifikat sabiex wieħed jeżerċita d-dritt tiegħu. Dik li hi protetta hija l-aspettattiva f’sitwazzjoni legali speċifika mill-persuna li fil-prinċipju kienet suġġetta għal dak id-dritt, aspettattiva li l-liġi tqis bħala ġġustifikata fid-dawl tal-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ każ partikolari.

    61.      Dan il-kunċett legali nsibuh anki fil-qasam speċifiku tad-dritt dwar it-trade marks. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Levi Strauss (22), id-Direttiva 89/104 tipprova ssib bilanċ bejn l-interess ta’ proprjetarju ta’ trade mark li jissalvagwardja l-funzjoni essenzjali tagħha u l-interessi ta’ operaturi ekonomiċi oħrajn li jsibu sinjali li jindikaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom. Dan insibuh iddikjarat espressament fil-ħdax-il premessa tad-direttiva, li tgħid li għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, u mingħajr ma jiġu ppreġudikati inġustament l-interessi tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, huwa importanti li jiġi stipulat li dan tal-aħħar ma jistax jitlob iktar dikjarazzjoni ta’ invalidità u lanqas ma jista’ jopponi l-użu ta’ trade mark li tiġi wara tiegħu li tagħha huwa kuxjentement ittollera l-użu għal tul ta’ żmien sostanzjali, jekk l-applikazzjoni għat-trade mark sussegwenti ma tkunx saret in mala fide.

    c)      Ħtieġa ta’ regoli uniformi

    62.      B’mod partikolari minħabba l-funzjoni essenzjali tal-limitazzjoni tad-drittijiet sabiex tinħoloq ċertezza legali (23), il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea stabilixxa regoli uniformi fl-Artikolu 9 tad-direttiva. In-natura ddettaljata ta’ dawn ir-regoli, speċjalment fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex effettivament isseħħ il-konsegwenza legali tal-limitazzjoni (li jiena ser neżamina f’iktar dettal fir-rigward tat-tieni suġġett tematiku) (24), tippermettilna naslu għall-konklużjoni li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jintroduċi regoli li kienu kemm jista’ jkun uniformi fl-Istati Membri kollha. La l-għan ta’ approssimazzjoni u lanqas l-għan li tinħoloq ċertezza legali fis-suq komuni ma jintlaħqu jekk l-Istati Membri jitħallew jippromulgaw id-dispożizzjonijiet legali proprji tagħhom, li jistgħu jkunu anki differenti minn xulxin, sabiex jiddefinixxu l-akkwixxenza tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti.

    63.      Fir-rigward speċifikament tad-definizzjoni ta’ “akkwixxenza”, li tiddependi minn tip ta’ aġir partikolari min-naħa tal-proprjetarju, jiena nikkunsidra li għandna nżommu quddiem għajnejna s-sinjifikat tagħha fil-kuntest ġenerali tad-dritt dwar it-trade marks. Il-funzjoni prinċipali ta’ trade mark hija dik li tippermetti lill-klijenti li jidentifikaw operaturi u l-prodotti u s-servizzi tagħhom fis-suq mingħajr periklu ta’ konfużjoni (25). Iżda b’dan il-mod hija twettaq ukoll għadd ta’ funzjonijiet ekonomiċi u legali importanti (26) fil-kompetizzjoni bejn operaturi ekonomiċi, li huma rikonoxxuti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet (27) li d-drittijiet ta’ trade marks huma element essenzjali fis-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li t-Trattat jimmira li jistabbilixxi. F’din is-sistema, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, impriża għandha tkun f’qagħda tali li żżomm il-klijenti tagħha minħabba l-kwalità tal-prodotti u s-servizzi tagħha, u dan ikun possibbli biss jekk ikun hemm sinjali distintivi li jpoġġu lill-klijenti f’qagħda li jidentifikawhom. Sabiex trade mark tkun tista’ taqdi dik il-funzjoni, huwa neċessarju li hija toffri garanzija li dawk il-prodotti kollha li tidher fuqhom ikunu ġew immanifatturati taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li tkun hija responsabbli għall-kwalità tagħhom.

    64.      Kif irriteniet ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja (28), is-suġġett speċifiku ta’ dritt ta’ trade mark huwa għalhekk b’mod partikolari li l-proprjetarju, permezz tad-dritt esklużiv li juża dik it-trade mark meta jpoġġi prodotti fuq is-suq għall-ewwel darba, jakkwista protezzjoni kontra kompetituri li jkunu jridu jieħdu vantaġġ mill-istatus u r-reputazzjoni tat-trade mark billi jbigħu prodotti li illegalment tidher fuqhom dik it-trade mark. Madankollu, mill-perspettiva legali, trade mark hija wkoll espressjoni tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali tal-proprjetarju (29), li finalment huwa ristrett kunsiderevolment bir-rikonoxximent mil-liġi tal-possibbiltà tad-dekadenza tad-drittijiet. Il-ħdax-il premessa tad-direttiva titkellem dwar il-preġudizzju kontra l-interessi tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti. Bħala konsegwenza, jidher iġġustifikat li wieħed jinsisti li d-dritt esklużiv li tagħti trade mark jista’ jkun suġġett għal limitazzjoni biss eċċezzjonalment u taħt kundizzjonijiet li jkunu ġew kjarament iddefiniti mil-liġi. Ikun stramb li wieħed jassumi li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-konsegwenzi serji għas-sitwazzjoni legali ta’ proprjetarju ta’ trade mark li jkollu d-drittijiet tiegħu limitati, iddeċieda li jiddefinixxi fid-direttiva l-kundizzjonijiet kollha għal-limitazzjoni tad-drittijiet ħlief il-kunċett ta’ “akkwixxenza”. Interpretazzjoni f’dak is-sens ma tkunx kompatibbli mal-għanijiet tad-direttiva.

    d)      Konklużjoni

    65.      Abbażi ta’ din l-interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tad-Direttiva 89/104, jiena nikkonkludi li “akkwixxenza” fis-sens tal-Artikolu 9(1) huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni li għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi (30).

    2.      Ir-regola ta’ dekadenza fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva Nru 89/104

    66.      Kif indikajt hawn fuq, is-suġġett tad-domandi 1(b) sa 2 huwa l-kontenut normattiv ta’ dak il-kunċett u l-forma preċiża tar-regola dwar id-dekadenza tad-drittijiet ikkonferiti bi trade mark preċedenti bħala riżultat tal-akkwixxenza.

    a)      Definizzjoni tal-kunċett ta’ “akkwixxenza”

    67.      Sabiex insegwi l-ordni loġika tad-domandi, l-ewwel punt li għandi nikkunsidra huwa t-tifsira legali ta’ “akkwixxenza” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-mod li bih ġiet ifformulata d-domanda 1(b) jindika li l-Court of Appeal għandha dubji dwar jekk l-inabbiltà tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li jwaqqaf lil ħaddieħor milli juża trade mark identika sussegwenti taffettwax l-evalwazzjoni ta’ dak il-każ partikolari bħala wieħed ta’ “akkwixxenza”. Fid-digriet tar-rinviju (31), il-Court of Appeal tiddistingwi bejn interpretazzjoni “ristrettiva” tal-kunċett, skont liema parti tista’ taqbel mal-aġir ta’ ħaddieħor biss jekk hija f’pożizzjoni li twaqqaf dak l-aġir, u interpretazzjoni “wiesgħa”, skont liema l-fatt li parti ma’ tista’ tagħmel xejn dwar sitwazzjoni partikolari wkoll jammonta għal akkwixxenza. Il-Court of Appeal tispjega li jekk il-kuntest tal-Artikolu 9 jirrikjedi interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett, AB u BB neċessarjament qablu mal-użu ta’ kull waħda minnhom tat-trade mark Budweiser għal iktar minn tletin sena.

    68.      Sabiex tistabbilixxi t-tifsira legali tal-kunċett, l-interpretazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni kemm id-diċitura kif ukoll l-istruttura u l-għan tal-Artikolu 9(1) tad-direttiva. Skont il-prinċipji tradizzjonali tal-ermenewtika, il-punt tat-tluq ta’ kull interpretazzjoni, kif ukoll il-limitu tagħha, huwa dejjem il-mod li bih hija fformulata dispożizzjoni partikolari (32). Interpretazzjoni litterali tinvestiga u tindaga dwar l-użu normali tal-kliem. It-tifsira litterali u l-kontenut ta’ dispożizzjoni partikolari jistgħu jiġu stabbiliti abbażi tal-użu normali tal-kliem (33). Iżda d-dritt tal-Unjoni għandu karatteristika partikolari, mhux l-inqas minħabba l-kotra ta’ lingwi (34), u differenzi żgħar jistgħu jimmanifestaw ruħhom bejn verżjonijiet ta’ lingwi differenti (35). Madankollu, dispożizzjoni legali tibqa’ vinkolanti fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, b’tali mod li l-verżjonijiet fil-lingwi l-oħra kollha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta din tiġi interpretata (36). L-eseġesi tar-regola tad-dritt tal-Unjoni għalhekk tirrikjedi approċċ kumpless f’każ li jkun hemm dubju, u dan jimplika li l-verżjonijiet f’kull lingwa uffiċjali jiġu ssuġġettati għal eżami komparattiv (37).

    69.      Dwar il-kunċett ta’ “akkwixxenza” inkwistjoni f’din il-kawża għandu jiġi ssenjalat li l-verżjoni Ingliża tad-direttiva tuża żewġ frażijiet sabiex tiddeskrivi l-aġir tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti. Anki l-Court of Appeal tagħmel dan il-punt. Waqt li fl-Artikolu 9, kemm fl-intestatura kif ukoll fis-subparagrafu 1 tal-artikolu, tintuża l-frażi “acquiescence” jew “to acquiesce”, fil-preambolu tad-direttiva, li huwa rilevanti għal skopijiet ta’ interpretazzjoni, jintuża l-verb “to tolerate”. Din l-aħħar espressjoni, li hija derivattiva tal-verb Latin tolerare, tintuża wkoll konsistement u b’mod uniformi fil-verżjonijiet kollha tal-lingwi Rumanzi. Minn dak li stajt nara jiena, l-ebda verżjoni f’xi lingwa oħra ma għandha differenza simili fil-kliem li jintuża (38). Madankollu, dawn id-differenzi finalment ma għandhom ebda effett fuq l-interpretazzjoni, speċjalment għaliex eżami semantiku tat-termini differenti użati jagħti indikazzjoni ċara biżżejjed ta’ dak li kellu f’moħħu l-leġiżlatur.

    70.      L-espressjonijiet użati fil-verżjonijiet fil-lingwi differenti lkoll jiddeskrivu aġir individwali kkaratterizzat b’tolleranza u nuqqas ta’ oppożizzjoni għal sitwazzjoni li ma tkunx neċessarjament waħda mixtieqa. Element ta’ inerzja jista’ jiġi identifikat bħala wieħed tipiku ta’ dan l-aġir, fis-sens li l-persuna li taqbel, għalkemm tkun konxja mis-sitwazzjoni, tagħżel li ma tirreaġixxix (39). Dan l-aspett huwa enfasizzat fil-verżjonijiet bil-lingwa Daniża u dik Svediża (40). Din l-inerzja tikkontrasta mal-aġir attiv ta’ persuna oħra li l-aġir tagħha jiġi effettivament inkoraġġut bl-inerzja tal-persuna li taqbel (41). Loġikament, l-akkwixxenza tispiċca biss meta l-persuna kkonċernata tiddefendi ruħha pubblikament.

    71.      Dan kollu ma jeskludix il-possibbiltà li f’sitwazzjonijiet partikolari, il-kunsens impliċitu tal-persuna li tkun qed taqbel ikun jista’ anki jiġi dedott minn dan l-aġir inattiv. Dan ukoll jispjega għalfejn il-liġi torbot ma’ din l-inerzja l-konsegwenza tat-telf tad-dritt li kien formalment gawdut mill-parti li taqbel. Għandha madankollu ssir differenza bejn sempliċi “akkwixxenza” u “kunsens”, li, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha (42), għandu jintwera b’mod li l-intenzjoni ta’ rinunzja għad-dritt tirriżulta inekwivokalment. Din l-intenzjoni ġeneralment issegwi minn għoti tal-kunsens b’mod espress. Mhux impossibbli, madankollu, illi f’ċerti każi, hija tirriżulta impliċitament minn indikazzjonijiet u ċirkustanzi li, skont l-evalwazzjoni tal-qrati nazzjonali, jindikaw ukoll b’mod inekwivoku li l-proprjetarju rrinunzja għad-dritt tiegħu.

    b)      Esklużjoni tal-każ ta’ “inerzja furzata”

    72.      Madankollu, ikun inkompatibbli mat-tifsira ta’ dan il-kunċett jekk sitwazzjoni imposta minn elementi esterni, pereżempju l-impossibbiltà legali jew fattwali li ssir oppożizzjoni, tiġi deskritta bħala “akkwixxenza”. Fl-aħħar mill-aħħar, il-kunċett ta’ “akkwixxenza” jimplika li l-persuna li tkun qablet kienet teoretikament f’pożizzjoni li tagħmel xi ħaġa dwar sitwazzjoni mhux mixtieqa iżda konxjament għażlet li ma tagħmel xejn dwarha. Inerzja furzata fil-fehma tiegħi ma tikkorrispondi la għat-tifsira naturali tal-kunċett u lanqas għall-kunċett tat-telf ta’ drittijiet deskritt iktar ’il fuq (43). Barra minn hekk, irridu nżommu quddiem għajnejna li fil-ħdax-il premessa tad-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea espressament ippermetta li d-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jiġu ppreġudikati biss jekk dan ikun “ekwitabbli”. Fid-dawl tal-fatt li ħadd ma jista’ jiġi legalment kostrett jagħmel xi ħaġa impossibbli (impossibilium nulla obligatio est) (44), ikollu jitqies bħala mhux ġust li d-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jintilfu minħabba l-limitazzjoni tad-drittijiet għaliex huwa naqas li jiddefendi lilu nnifsu kontra l-użu illegali tat-trade mark tiegħu minn ħaddieħor anki jekk huwa ma seta’ jagħmel xejn dwar dan.

    c)      Forma tar-regola ta’ dekadenza

    73.      Id-domandi 1(c) u 2 jirrigwardaw il-forma li ngħatat lir-regola li nsibu fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104, u l-iskop tagħhom huwa essenzjalment li l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tiddeċiedi dwar meta jibda jiddekorri l-perijodu ta’ ħames snin li jissemma’ f’dik id-dispożizzjoni u l-kundizzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu sodisfatti.

    i)      Kundizzjonijiet sabiex jibda jiddekorri l-perijodu ta’ ħames snin ta’ akkwixxenza

    74.      Il-mod li bih huwa fformulat l-Artikolu 9(1) tad-direttiva u l-ispirtu u l-għan ta’ dawk id-dispożizzjonijiet juru b’mod ċar, fil-fehma tiegħi, li sabiex il-perijodu ta’ ħames snin jibda jiddekorri, is-segwenti tliet kundizzjonijiet għandhom ilkoll jiġu sodisfatti. L-ewwel, huwa neċessarju li t-trade mark sussegwenti tiġi rreġistrata; it-tieni, dik it-trade mark għandha tkun użata; it-tielet, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jkun jaf bir-reġistrazzjoni u bl-użu tat-trade mark l-oħra. Ir-regola hija mfassla b’mod li kull waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet trid tiġi sodisfatta.

    ii)    Għarfien tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti bħala element suġġettiv

    75.      It-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija ta’ rilevanza partikolari fid-dawl tal-kwistjonijiet legali involuti u għalhekk jeħtieġ li tiġi diskussa f’iktar dettall.

    76.      Għandu jiġi nnutat fl-ewwel lok li meta kien qed jifformula l-Artikolu 9(1), il-leġiżlatur għażel id-dekadenza bħala konsegwenza tal-akkwixxenza, u mhux il-preskrizzjoni, u bla dubju din l-għażla kienet waħda intenzjonali. Hemm differenzi sostanzjali bejn dawn iż-żewġ kunċetti legali. Il-preskrizzjoni hija kkaratterizzata inter alia mill-fatt illi hija tikkonċentra biss fuq l-inerzja tat-titular tad-dritt għal żmien stabbilit (l-element oġġettiv), filwaqt li d-dekadenza bħala riżultat ta’ akkwixxenza hija bbażata wkoll fuq element suġġettiv. Din il-kawża tirrigwarda proprju dan l-element suġġettiv. Huwa meħtieġ li l-proprjetarju tat-trade mark baqa’ inattiv għal perijodu stabbilit ta’ żmien meta kien jaf li persuna oħra kienet qed tikser id-drittijiet tiegħu (45). L-importanza ta’ dan l-element ma tistax tiġi ttraskurata meta niġu biex ninterpretaw l-Artikolu 9 tad-direttiva, speċjalment meta niġu biex nistabbilixxu ż-żmien minn meta jibda jiddekorri l-perijodu ta’ ħames snin. Għalhekk għandu jkun meħtieġ li d-data tal-konoxxenza u l-bidu tal-perijodu ta’ akkwixxenza jikkoinċidu.

    77.      Madankollu, dan kollu ma jgħidilna xejn dwar jekk il-perijodu ta’ ħames snin għandux jibda jiddekorri biss minn meta l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti attwalment isir jaf bir-reġistrazzjoni u l-użu tat-trade mark sussegwenti (“għarfien attwali”). Huwa daqstant ieħor possibbli li l-mument rilevanti jkun dak li minnu dak il-proprjetarju kien mistenni jkun jaf b’dan l-użu (“għarfien potenzjali”).

    78.      Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-leġiżlatur ovvjament adotta d-data tar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti (“l-użu ta’ trade mark sussegwenti rreġistrata”) bħala d-data rilevanti, għaliex altrimenti huwa kien iqis li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti bħala suffiċjenti sabiex tingħata protezzjoni kontra d-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti. B’danakollu, għandu jiġi rrimarkat li d-direttiva nfisha timmira biss li tipproteġi trade marks irreġistrati (46), filwaqt li tħalli lill-Istati Membri d-dritt li jkomplu jipproteġu trade marks li jkunu ġew akkwistati permezz tal-użu, kif turi mingħajr dubju r-raba’ premessa. Ir-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti għalhekk tikkostitwixxi ċeżura temporali importanti. Ir-reġistrazzjoni nfisha hija rregolata, skont ma jingħad fil-ħames premessa tad-direttiva, bir-regoli proċedurali tal-Istati Membri.

    79.      Jidher ukoll f’loku illi fl-interess taċ-ċertezza legali, id-data tar-reġistrazzjoni titqies bħala d-data li fiha jibda jiddekorri l-perijodu ta’ ħames snin peress li r-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti tikkostitwixxi att pubbliku b’effett pubbliċitarju, li fuqha l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jibbaża ruħu sabiex iqajjem id-difiża ta’ dekadenza tad-drittijiet taħt l-Artikolu 9(1) tad-direttiva kontra talba mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità taħt l-Artikolu 4(1)(a) tad-direttiva.

    80.      L-aspettattiva tal-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti li wara ħames snin mid-data tar-reġistrazzjoni tat-trade mark tiegħu ma ssir l-ebda talba simili għal dikjarazzjoni ta’ invalidità wkoll tidher li jistħoqqilha protezzjoni, speċjalment ladarba huwa raġonevolment mistenni li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti neċessarjament għandu, matul dak il-perijodu, ikun sar jaf bl-użu ta’ trade mark identika u xorta waħda ma ħa ebda azzjoni. L-effett huwa li l-perijodu ta’ ħames snin mid-data tar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti jirriżulta, fuq eżami iktar akkurat, li huwa forma ta’ preżunzjoni. Preżunzjoni legali hija stabbilita peress li fi kwalsijasi każ jirriżulta li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti seta’ jkun jaf bl-użu mid-data tar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti. Ikun għalhekk leċitu għall-awtoritajiet u l-qrati, kif ukoll għall-operaturi ekonomiċi, li jikkonkludu mill-kronoloġija oġġettiva li l-proprjetarju tat-trade mark kien jaf b’dak li qed jiġri.

    81.      Din ir-regola ta’ preżunzjoni ma hijiex rari fil-liġi dwar it-trade marks, kif qalet korrettement il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (47). F’dik is-senteza, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li “preżunzjoni ta’ għarfien, mill-applikant, tal-użu minn terz ta’ sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodott identiku jew li jixxiebah li jista’ jwassal għal konfużjoni mas-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tista’ tirriżulta b’mod partikolari minn għarfien ġenerali, fis-settur ekonomiku kkonċernat, ta’ tali użu, u dan l-għarfien jista’ jiġi dedott, b’mod partikolari, mid-dewmien ta’ tali użu”. Kif qalet korrettement il-Qorti tal-Ġustizzja “aktar ma kien hemm użu twil, aktar huwa probabbli li l-applikant kellu għarfien fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni”.

    82.      Din il-preżunzjoni legali, madankollu, ma teskludix il-possibbiltà li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkun jista’ jirribattiha f’xi każ partikolari (praesumptio juris tantum). Sabiex tinżamm ċara d-distinzjoni bejn il-kunċetti legali ta’ dekadenza tad-drittijiet u preskrizzjoni, u sabiex ikun id-dekors taż-żmien l-uniku fattur deċiżiv sabiex isseħħ id-dekadenza, meta ssir l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) għandu jkun neċessarju li effettivament ikun determinanti l-għarfien attwali (48), jekk il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkun jista’ juri li huwa akkwista dak l-għarfien f’xi żmien ieħor. Ir-rekwiżit tal-għarfien pożittiv jikkorrispondi mal-importanza partikolari mogħtija liċ-ċertezza legali mid-dispożizzjoni dwar id-dekadenza wara li jkun għadda żmien determinat.

    83.      Għall-iskop ta’ din il-kawża ma hemmx bżonn li naslu għal deċiżjoni finali fuq il-punt dwar jekk huwiex rilevanti l-għarfien effettiv jew dak potenzjali, peress li dak il-punt kien ikun rilevanti biss f’sitwazzjoni fejn il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma sarx jaf bit-trade mark sussegwenti ħlief ċertu żmien wara r-reġistrazzjoni tagħha. Dan ma huwiex il-każ fil-kawża prinċipali, peress li nistgħu nassumu b’ċertezza li AB kienet taf bir-reġistrazzjoni tat-trade mark “Budweiser” minn BB fid-19 ta’ Mejju 2000. F’dik id-data, wara kawża li damet ferm, iż-żewġ partijiet kienu ġew irreġistrati fir-reġistru tat-trade marks bħala proprjetarji ta’ dik it-trade mark verbali. Barra minn hekk, AB kienet taf li l-użu minn BB tat-trade mark “Budweiser” kien ilu għaddej sa mis-snin sebgħin. Għalhekk, id-data tar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti u d-data tal-għarfien tar-reġistrazzjoni u l-użu jikkoinċidu.

    iii) Mhux meħtieġ li t-trade mark preċedenti tkun irreġistrata

    84.      Id-domanda jekk huwiex possibbli li l-perijodu ta’ ħames snin jibda jiddekorri anki qabel mal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkollu t-trade mark tiegħu irreġistrata, kif il-Court of Appeal tissupponi u tissuġġerixxi fid-domandi 1(ċ) u 2 tagħha, għandha fl-opinjoni tiegħi, fid-dawl tar-riferiment li nsibu fl-Artikolu 9(1) għall-Artikolu 4(2) tad-direttiva, tingħata mingħajr ebda ambigwità risposta affermattiva.

    85.      Mill-kliem użat u mir-rabta sistematika bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet (“trade mark preċedenti kif hemm riferenza għaliha”) jirriżulta li l-Artikolu 4(2) fih definizzjoni ta’ x’għandna nifhmu bi “trade mark preċedenti” fis-sens tad-direttiva. Dik id-dispożizzjoni tagħmilha ċara li d-distinzjoni bejn it-trade mark preċedenti u dik sussegwenti tiddependi fuq id-dati li fihom tkun saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, u mhux id-data ta’ reġistrazzjoni effettiva. Il-kunċett ta’ “trade mark preċedenti”, għalhekk, ma huwiex limitat għal trade marks li jkunu ġew irreġistrati qabel trade mark identika jew li tixxiebah tant li tista’ toħloq konfużjoni. Isegwi għalhekk li, fejn it-tliet kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq ikunu ġew sodisfatti f’każ partikolari, il-fatt li r-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti tkun għadha ma saritx effettiva ma jżommx il-perijodu ta’ ħames snin milli jibda jiddekorri.

    86.      Ir-risposta għad-domanda 1(ċ) hija għalhekk li l-proprjetarju tat-trade mark mhux meħtieġ li jkollu t-trade mark tiegħu rreġistrata qabel ma jkun jista’ jibda “jaqbel” mal-użu minn ħaddieħor ta’ trade mark identika jew li tixxiebah tant li tista’ toħloq konfużjoni. Ir-risposta għat-tieni domanda konsegwentement hija wkoll li l-perijodu ta’ ħames snin ta’ akkwixxenza jista’ jibda, u teoritikament anki jispiċċa, qabel ma l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti effettivament jirnexxilu jirreġistra t-trade mark tiegħu.

    iv)    Konklużjoni

    87.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nistgħu nisiltu l-konklużjonijiet li ġejjin:

    –        Il-perijodu ta’ ħames snin ta’ akkwixxenza li jissemma’ fl-Artikolu 9(1) tad-direttiva jibda jiddekorri mill-mument li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jsir jaf bir-reġistrazzjoni u bl-użu tat-trade mark sussegwenti fl-Istat Membru li fih tkun ġiet irreġistrata dik it-trade mark sussegwenti. L-iktar kmieni li l-perijodu ta’ akkwixxenza jista’ jibda jiddekorri huwa mid-data ta’ dik ir-reġistrazzjoni jekk it-trade mark sussegwenti jkun ilha li bdiet tintuża minn dik id-data, u l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti sar jaf b’dak l-użu dakinhar.

    –        Id-data tar-reġistrazzjoni, imbagħad, tiġi ddeterminata skont ir-regoli proċedurali rilevanti tal-Istati Membri.

    –        Il-perijodu ta’ ħames snin ta’ akkwixxenza jista’ jibda jiddekorri anki qabel ma l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti effettivament ikollu t-trade mark tiegħu rreġistrata.

    3.      Kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni tad-duttrina ta’ użu onest simultanju

    88.      Bit-tielet domanda tagħha, il-Court of Appeal essenzjalment trid tkun taf jekk huwiex possibbli, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li ssir talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark sussegwenti taħt l-Artikolu 4(1)(a) tad-direttiva. Il-Court of Appeal speċifikament tqajjem il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprovdix għal eċċezzjoni fil-każ ta’ użu onest u simultanju għal żmien twil ta’ żewġ trade marks identiċi li tipprovdi protezzjoni lill-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti. Mill-perspettiva dottrinali, il-punt involut jirrigwarda l-portata fid-dritt tal-Unjoni tal-prinċipju ta’ prijorità applikabbli fil-qasam tad-dritt dwar it-trade marks, u jekk il-liġi tippermettix koeżistenza ta’ żewġ trade marks identiċi.

    89.      Skont il-kronoloġija proċedurali tal-kawża prinċipali miġbura fil-qosor fid-digriet tar-rinviju, id-deċiżjoni tal-Court of Appeal ta’ Frar 2000 li tippermetti r-reġistrazzjoni tat-trade mark “Budweiser” għal AB u BB kienet legalment ibbażata fuq duttrina (“użu simultanju onest”) li ilha minn żmien twil irrikonoxxuta fil-common law u fil-liġi statutorja tal-Ingilterra, li taħt ċerti kundizzjonijiet tippermetti tali koeżistenza. Dik id-duttrina ġiet ikkodifikata fl-Artikolu 7 tat-Trade Marks Act 1994 għal dak li għandu x’jaqsam mal-applikazzjoni proċedurali tagħha (49). Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni nazzjonali ma ssemmi xejn dwar ir-rekwiżiti sostantivi, li ġew iddefiniti biss mill-ġurisprudenza (50).

    90.      Dan kollu jqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 4(1)(a) tad-direttiva jeskludix l-applikazzjoni ta’ dik id-duttrina. Legalment, din hija eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ prijorità li nsibu stabbilit f’dik id-dispożizzjoni. Madankollu, għandu jiġi nnutat li fid-direttiva ma hemmx dispożizzjonijiet li jikkorrispondu għal tali eċċezzjoni u li jistghu jservu ta’ bażi legali għaliha.

    91.      Imma dan ma jfissirx neċessarjament li bħala regola ġenerali d-dritt tal-Unjoni jeskludi din id-duttrina tad-dritt nazzjonali, speċjalment għaliex id-Direttiva 89/104 tipprovdi biss għal approssimazzjoni parzjali (51). Għalhekk huwa teoretikament possibbli li dik id-duttrina taqa’ f’qasam li jibqa’ fil-kompetenza tal-Istati Membri. Mill-banda l-oħra, din id-duttrina tieħu l-forma ta’ difiża, l-istess bħar-regola ta’ dekadenza tad-drittijiet stabbilita fl-Artikolu 9 tad-direttiva. L-Artikolu 7 tat-Trade Marks Act 1994 (52) jippermetti lill-applikant tat-trade mark sussegwenti, fil-proċeduri quddiem ir-reġistratur, li jikkontesta d-drittijiet preċedenti billi jeċċepixxi l-użu onest simultanju tat-trade mark li tagħha tintalab ir-reġistrazzjoni iktar tard (53). Fl-aħħar nett, dik id-dispożizzjoni taffettwa wkoll l-“infurzar” tad-drittijiet mogħtija bit-trade mark. Dan ifisser li tirrigwarda materja li, kif diġà kkonkludejt, hija s-suġġtt tal-approssimazzjoni (54).

    92.      Jekk id-Direttiva 89/104 ma tippermettix eċċezzjoni nazzjonali simili, din ikollha neċessarjament titqies bħala inkompatibbli mad-direttiva, speċjalment ġaladarba l-Artikolu 4(1) ma jħalli ebda ambigwità jew lok għal interpretazzjoni. Dik id-dispożizzjoni tistipula espressament li trade mark “ma tiġix reġistrata jew, jekk reġistrata, għandha tkun suġġetta li tiġi dikjarata invalida” jekk tikkonfliġġi ma’ trade mark preċedenti jew ma’ dritt preċedenti.

    93.      Interpretazzjoni sistematika tad-direttiva tipprovdi argumenti validi kontra l-kompatibbiltà ta’ dik id-duttrina mad-direttiva. Jista’ jiġi argumentat li l-eċċezzjonijiet għall-Artikolu 4(1) huma elenkati b’mod eżawrjenti u l-ebda waħda minnhom ma tkopri s-sitwazzjoni li tat lok għall-kawża prinċipali.

    94.      L-Artikolu 4(5) tad-direttiva, pereżempju, jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jippermettu li, f’ċirkustanzi xierqa, ir-reġistrazzjoni ma għandhiex għalfejn tkun rifjutata jew it-trade mark ma għandhiex tiġi ddikjarata invalida fejn il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jew dritt ieħor preċedenti jagħti l-kunsens tiegħu għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti. Madankollu, il-fatti fil-kawża prinċipali ma jikkorrispondux ma’ din is-sitwazzjoni. L-awtorizzazzjoni sabiex żewġ trade marks identiċi jikkoeżistu abbażi tad-duttrina msemmija hawn fuq tirriżulta biss mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti u mhux minn xi “kunsens” fil-forma ta’ dikjarazzjoni dwar l-intenzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti, kif rikjest mill-kliem użat fid-dispożizzjoni tad-direttiva. Tali deċiżjoni tal-awtoritajiet – bħas-sentenza tal-Court of Appeal ta’ Frar 2000 – ma tistax għalhekk titqies li qed timplementa dik l-eċċezzjoni.

    95.      L-Artikolu 4(6) ukoll huwa ftit li xejn rilevanti (55) speċjalment għaliex din id-dispożizzjoni sempliċement tippermetti lill-Istati Membri li, għal perijodu ta’ tranżizzjoni, ikomplu japplikaw ċerti raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni jew invalidità taħt il-liġi nazzjonali li kienu applikabbli qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tad-disposizzjonijiet neċessarji biex jimplementaw id-direttiva. Id-duttrina ta’ “użu onest simultanju” inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ikkodifikata fl-Artikolu 7 tat-Trade Marks Act 1994, madankollu, la tikkostitwixxi raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni u lanqas raġuni għal invalidità fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-direttiva, iżda pjuttost difiża li l-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti jista’ jqajjem quddiem ir-Reġistratur tat-Trade Marks Registry jekk, fil-kuntest tal-eżami uffiċjali tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, ir-Reġistratur jindika raġunijiet li jistgħu jagħtu lok għal rifjut ta’ protezzjoni bħal, pereżempju, l-eżistenza ta’ trade mark identika preċedenti fis-sens tal-Artikolu 5(2) tat-Trade Marks Act 1994, li tittrasponi l-Artikolu 4(1)(a) tad-direttiva. B’hekk, dan ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-eċċezzjoni u għalhekk il-fatt li l-applikazzjonijiet ta’ AB u BB għar-reġistrazzjoni tat-trade mark “Budweiser” kienu saru meta kienet għadha fis-seħħ it-Trade Marks Act 1938, jiġifieri qabel ma ġiet trasposta d-Direttiva 89/104 fid-dritt Ingliż, għandu jitqies, f’dan ir-rigward, li ma huwiex rilevanti għal din il-kawża.

    96.      Argument ieħor sistematiku li jista’ jitressaq jittratta, finalment, ir-regola ta’ dekadenza tad-drittijiet taħt l-Artikolu 9, diġà eżaminata iktar ’il fuq, li l-leġiżlatur ħoloq preċiżament fl-interess taċ-ċertezza legali u li għandha essenzjalment l-istess skop bħad-duttrina tad-dritt nazzjonali fuq imsemmija. Fid-dawl ta’ dispożizzjoni daqstant ċara fid-direttiva, jidher li ma huwiex neċessarju li nfittxu eċċezzjoni oħra sabiex tilleġittima l-koeżistenza ta’ żewġ trade marks identiċi.

    97.      Għalhekk, id-Direttiva 89/104 ma tipprovdix għal eċċezzjoni fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun tippermetti l-koeżistenza ta’ żewġ trade marks identiċi abbażi tad-duttrina kkontestata ta’ “użu onest simultanju”. Għandu għalhekk jiġi preżunt li d-duttrina hija inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (56). Il-koeżistenza ta’ żewġ trade marks identiċi ma tistax għalhekk, bħala regola ġenerali, taħt id-dritt tal-Unjoni applikabbli attwalment, tiġi ġġustifikata bl-argument tal-użu onest simultanju għal perijodu ta’ żmien stabbilit.

    98.      Fil-qosor, jista’ jiġi konkluż li d-Direttiva 89/104 ma tipprovdix għal eċċezzjoni li tippermetti l-koeżistenza ta’ żewġ trade marks identiċi f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. L-Artikolu 4(1)(a) tad-direttiva – jekk nassumu li japplika ratione temporis għall-kawża prinċipali – għalhekk jipprekludi, bħala regola, l-użu onest u simultanju għal żmien twil ta’ żewġ trade marks identiċi li jkopru prodotti identiċi minn żewġ proprjetarji differenti tat-trade marks.

    C –    Punti ta’ liġi oħra rilevanti

    99.      Barra dawn it-tliet suġġetti tematiċi, il-każ inkwistjoni jqajjem ukoll żewġ punti oħra ta’ liġi rilevanti. L-ewwel kwistjoni hija dik tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tad-direttiva ratione temporis fil-kawża prinċipali, filwaqt li t-tieni waħda tirrigwarda l-ilment tal-użu abbużiv tad-dritt mogħti b’dik id-dispożizzjoni tad-direttiva mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti meta japplika għal dikjarazzjoni li t-trade mark identika sussegwenti hija invalida.

    1.      Applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 ratione temporis

    a)      Ġeneralitajiet

    100. Kif diġà ġie spjegat fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet (57), il-kwistjoni fil-kawża prinċipali toriġina essenzjalment mill-mistoqsija dwar jekk AB tistax tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 4(1)(a) jew fuq xi dispożizzjoni nazzjonali korrispondenti li tittrasponi dik id-dispożizzjoni sabiex titlob dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark irreġistrata bl-istess isem “Budweiser”. F’dan ir-rigward – għalkemm il-Court of Appeal ma ssemmi xejn dwar dan il-punt fid-digriet tar-rinviju – tqum il-kwistjoni tal-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 fir-rigward tal-fatti fil-kawża prinċipali. Jiena tal-fehma li din id-dispożizzjoni ma tapplikax, kif sejjer issa nispjega.

    101. Qabel xejn għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu ta’ għajnuna lil dik il-qorti sabiex tiddeċiedi dwar il-każ ta’ quddiemha, kemm jekk din l-aħħar qorti tkun irreferiet għalihom fid-domandi tagħha, kemm jekk le (58). Huwa rilevanti b’mod partikolari li dan il-punt jiġi ċċarat għaliex id-duttrina ta’ “użu onest simultanju” ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 4(1)(a), kif rajna hawn fuq. Dan ikun ifisser imbagħad li, jekk id-dispożizzjoni tad-direttiva kienet applikabbli ratione temporis, id-deċiżjoni tal-Court of Appeal ta’ Frar 2000 li tippermetti l-koeżistenza ta’ żewġ trade marks abbażi ta’ dik id-duttrina ma kinitx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    102. Madankollu, dik is-sentenza tal-qorti kkonkludiet waħda biss minn żewġ proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali, li fl-istess waqt jirrappreżentaw iż-żewġ perijodi rilevanti għall-eventwali applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104, jiġifieri, l-ewwel, il-proċeduri għar-reġistrazzjoni ta’ żewġ trade marks “Budweiser” identiċi, inklużi l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, u t-tieni l-proċeduri dwar il-validità tat-trade mark irreġistrata f’isem BB li nbdew bit-talba ta’ AB tat-18 ta’ Mejju 2005. Dawn tal-aħħar huma l-proċeduri li fihom saret it-talba għal deċiżjoni preliminari, u għalhekk huma wkoll l-uniku perijodu ta’ żmien li hu rilevanti għal dawn il-proċeduri. Madankollu, peress li ma jistax jiġi eskluż li n-nuqqas ta’ applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 4(1)(a) fil-kuntest tal-ewwel proċeduri jkollu riperkussjonijiet fuq it-tieni proċeduri, l-applikabbiltà ratione temporis tad-dispożizzjoni tad-direttiva għandha tiġi eżaminata b’ordni kronoloġiku għaż-żewġ proċeduri u perijodi ta’ żmien.

    b)      Il-proċeduri tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark

    i)      Dati rilevanti

    103. Il-kwistjoni tal-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 hija waħda pjuttost kumplessa, speċjalment peress li l-fatti rilevanti seħħew fi żmien meta dik id-dispożizzjoni kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ jew kienet għadha ma hijiex trasposta fil-liġi nazzjonali.

    104. Id-Direttiva 89/104 nfisha daħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Diċembru 1988. Skont l-Artikolu 16(1) tad-direttiva, l-Istati Membri kienu obbligati li jimplementaw il-miżuri neċessarji sabiex jittrasponu din id-direttiva sa mhux iktar tard mit-28 ta’ Diċembru 1991. Bis-saħħa tal-Artikolu 16(2), il-Kunsill kien ġie awtorizzat li jestendi dik id-data, fuq proposta tal-Kummissjoni, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1992. Fi kwalunkwe każ, ir-Renju Unit kien tardiv sabiex jottempera ruħu mal-obbligu tiegħu li jittrasponi din id-direttiva, peress li għamel dan biss fil-31 ta’ Ottubru 1994 meta daħlet fis-seħħ it-Trade Marks Act 1994.

    105. Madankollu, fid-deċiżjoni tagħha ta’ Frar 2000, il-Court of Appeal ma applikatx it-Trade Marks Act 1994, l-att leġiżlattiv li fil-fatt kien intiż sabiex jittrasponi d-Direttiva 89/104, iżda biss it-Trade Marks Act 1938, l-unika liġi li kienet tapplika fiż-żmien relattiv, jiġifieri ż-żmien li fih saru l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni fl-1979 u fl-1989. F’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-applikabbiltà ratione temporis tat-Trade Marks Act 1938, il-Court of Appeal kinitx diġà obbligata tapplika d-Direttiva 89/104. Dan imbagħad jippresupponi l-applikabbiltà retroattiva tad-Direttiva 89/104 (rigward l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-1979) u l-applikabbiltà tagħha minn meta daħlet fis-seħħ iżda qabel ma din ġiet trasposta fil-liġi nazzjonali (rigward l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-1989).

    ii)    Nuqqas ta’ applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104

    106. Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni tassumi li bħala regola u sabiex tiggarantixxi aħjar il-prinċipji ta’ ċertezza legali u l-protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi, ir-regoli sostantivi tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati bħala li japplikaw biss għal sitwazzjonijiet li seħħew wara li huma jkunu daħlu fis-seħħ (59). Jista’ jkun hemm eċċezzjoni għal dan il-prinċipju bażilari fejn jirriżulta indubjament mit-terminoloġija, mill-għanijiet jew mill-istruttra ġenerali ta’ dawk ir-regoli sostantivi li japplikaw ukoll għal sitwazzjonijiet li kienu jeżistu qabel ma huma daħlu fis-seħħ (60). Huwa veru li f’dan l-aħħar każ, kuntrarjament għall-ewwel każ, ma jkun hemm ebda konsegwenzi legali qabel ma d-dispożizzjoni tkun daħlet fis-seħħ, biex hekk ma jkun hemm ebda retroattività fis-sens proprju tal-kelma (61). Iżda l-prinċipji ta’ ċertezza legali u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni anki f’dan il-każ, peress li konsegwenzi legali għall-preżent u għall-futur huma marbuta ma’ fatti li ġraw fil-passat u għalhekk ma jistgħux jinbidlu (62).

    107. Ma hemm xejn fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 li jissuġġerixxi li dan kien intiż li jipproduċi effetti legali għal perijodu qabel ma d-direttiva daħlet fis-seħħ. Huwa minnu li l-Artikolu 4(6) tad-direttiva, pereżempju, jinkludi dispożizzjoni tranżitorja fis-sens li tippermetti li jkomplu japplikaw għal perijodu tranżitorju xi raġunijiet għal rifjut ta’ reġistrazzjoni u invalidità taħt il-liġi nazzjonali li kienu applikabbli qabel id-data li fiha d-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni tad-direttiva jkunu daħlu fis-seħħ. B’danakollu, jirriżulta ċar mill-ispirtu u mill-għan ta’ dik id-dispożizzjoni li l-effetti legali tagħha huma mmirati esklużivament għall-futur. Applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 għad-data tal-ewwel applikazzjoni għal reġistrazzjoni fl-1979 hija għalhekk eskluża.

    iii) Nuqqas ta’ applikazzjoni mid-data ta’ meta d-Direttiva 89/104 daħlet fis-seħħ

    108. It-tweġiba setgħet kienet differenti rigward l-applikazzjoni ta’ BB għar-reġistrazzjoni tat-trade mark “Budweiser”, speċjalment ladarba din saret fit-28 ta’ Ġunju 1989, wara li kienet daħlet fis-seħħ id-Direttiva 89/104. Il-mistoqsija hija jekk, ġaladarba dik l-applikazzjoni kienet saret meta l-perijodu għat-traspożizzjoni tad-direttiva kien diġà beda, il-Court of Appeal kinitx obbligata li teżamina jekk il-koeżistenza ta’ żewġ trade marks identiċi abbażi tad-duttrina ta’ “użu onest simultanju” kellhiex tiġi eskluża minħabba l-possibbiltà ta’ inkompatibbiltà mal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104.

    109. Għandu qabel xejn jiġi nnutat li, qabel ma jkun skada l-perijodu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva, Stat Membru ma jistax jiġi kkritikat talli jkun għadu ma adottax il-miżuri neċessarji sabiex jittrasponiha fil-liġi nazzjonali (63). Madankollu, anki matul il-perijodu ta’ traspożizzjoni, l-Istati Membri huma marbuta bil-kontenut ta’ direttiva fis-sens ta’ effett bil-quddiem, b’mod li ma jkunux jistgħu jaġixxu b’manjiera li s-suġġett u l-għan tad-direttiva jiġu stultifikati fis-sens li, minħabba l-azzjonijiet tal-Istati Membru, ma jkunx possibbli għalihom li iktar tard jaġixxu b’mod konformi mad-direttiva. Ma għandhomx jintroduċu liġijiet li jistgħu serjament jikkompromettu l-għan iddikjarat tad-direttiva (64).

    110. Għal dak li jirrigwarda l-qrati tal-Istati Membri responsabbli sabiex japplikaw il-liġi, għandu jiġi osservat li anki huma, bħala organi ta’ awtorità pubblika, huma obbligati illi ma jaġixxux b’dan il-mod, biex hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, mid-data ta’ meta direttiva tkun daħlet fis-seħħ, huma għandhom kemm jista’ jkun jieqfu milli jinterpretaw il-liġi nazzjonali b’mod li serjament jippreġudika, wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ traspożizzjoni, il-possibbiltà li jintlaħqu l-għanijiet ta’ dik id-direttiva (65).

    111. Kif spjegat ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, dak l-obbligu li l-liġi nazzjonali tiġi interpretata konformement ma’ direttiva huwa madankollu limitat bil-prinċipji ġenerali tad-dritt, speċjalment il-prinċipju ta’ ċertezza legali, u għalhekk dan l-obbligu ma jistax iservi ta’ bażi għall-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali contra legem (66).

    112. Fid-dawl tal-fatt li interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali li kienet konformi mad-direttiva kienet finalment tkun tfisser li ma tiġix applikata, contra legem, id-duttrina ta’ “użu onest simultanju”, il-Court of Appeal ma tistax tiġi kkritikata ex post factum talli mxiet kontra d-dritt tal-Unjoni fis-sentenza tagħha ta’ Frar 2000, li hija bbażata fuq il-liġi nazzjonali li kienet fis-seħħ fl-1979 u fl-1989.

    c)      Il-proċeduri li jirrigwardaw il-validità ta’ trade mark irreġistrata

    113. Irridu finalment naraw jekk l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 huwiex applikabbli ratione temporis fil-kawża inkwistjoni rigward il-validità tat-trade mark irreġistrata f’isem BB.

    114. Fil-fehma tiegħi, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni ta’ aspettativi leġittimi, fid-dawl tal-fatti li jmorru lura fis-snin, jimmilitaw favur il-pożizzjoni li, eċċezzjonalment, tiġi permessa l-koeżistenza ta’ żewg trade marks identiċi u b’hekk is-sentenza tal-Court of Appeal ta’ Frar 2000, u l-effetti legali tagħha, inklużi l-effetti fuq il-kawża prinċipali, jitħallew mhux mittiefsa. Dan jirrikjedi neċessarjament deċiżjoni li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 ma japplikax ratione temporis għall-kawża prinċipali. Jiena tal-opinjoni li l-kundizzjonijiet għal tali deċiżjoni huma sodisfatti. Sejjer nispjega din l-opinjoni tiegħi hawn taħt.

    115. Fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta korretta għad-domandi, b’tali mod li tkun tal-iktar utilità sabiex tiddeċiedi l-vertenza fil-kawża prinċipali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tasal għal deċiżjoni mingħajr ma tikkunsidra b’mod adegwat iċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali, liema ċirkustanzi huma kkaratterizzati bil-kumplessità partikolari tagħhom. B’mod speċjali, ma tistax tinjora l-fatt li s-sitwazzjoni taż-żewġ impriżi llum hija primarjament dovuta għall-pożizzjoni legali li kienet teżisti fir-Renju Unit qabel ma daħlet fis-seħħ id-direttiva, u li kienet tippermetti l-koeżistenza ta’ żewġ trade marks identiċi. Lanqas ma kien possibbli li din is-sitwazzjoni legali tiġi aġġustata iktar tard sabiex tirrifletti l-ħtiġijiet tad-dritt tal-Unjoni wara dik id-data, għaliex dan kien ifisser li l-qorti nazzjonali jkollha tinjora l-liġi tagħha stess (67). Lanqas ma kienet possibbli tranżizzjoni gradwali għal sitwazzjoni legali konformi mad-dritt tal-Unjoni wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 89/104 fil-liġi nazzjonali. Dik is-sitwazzjoni legali kellha r-riżultat li, minkejja l-identità tal-kelma użata fil-kummerċ (“Budweiser”) u l-fatt li kienu jikkompetu fl-istess settur fis-suq, iż-żewġ impriżi operaw maġenb xulxin għal ħafna deċenni u evidentement kienu kapaċi jibnu ċerta reputazzjoni (goodwill) (68) li tagħti lil kull waħda miż-żewġ trade marks natura rikonoxxibbli (69). Iż-żewġ impriżi komplew jinnegozjaw b’mod parallel għal xulxin u akkwistaw sehem mis-suq billi bbażaw ruħhom fuq dik is-sitwazzjoni legali. Dik il-fiduċja tintilef jekk impriża minnhom tinġiegħel bil-liġi tabbanduna l-isem li lilu l-klijenti tagħha jattribwixxu ċertu valur. Imma dak huwa preċiżament dak li jiġri jekk it-trade mark irreġistrata f’isem BB jkollha tiġi ddikjarata invalida.

    116. Barra minn hekk, l-argument kuntrarju – l-applikazzjoni mingħajr restrizzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali – ikollu r-riżultat li jestendi b’mod retroattiv il-kamp tal-applikazzjoni tad-direttiva għall-1979, is-sena li fiha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark “Budweiser” minn AB. Imma l-leġiżlatur ma jistax jiġi preżunt li ried ikopri sitwazzjoni li ġrat fl-1979.

    d)      Konklużjoni

    117. Abbażi tas-suespost, jiena nikkonkludi li ma teżisti ebda ġustifikazzjoni la għall-applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 u lanqas għall-applikazzjoni tiegħu mid-data meta daħlet fis-seħħ id-direttiva. Għalhekk, l-Artikolu 4(1)(a) tad-direttiva għandu jitqies li ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali ratione temporis. Id-domandi preliminari għandhom għalhekk jitqiesu bħala superfluwi.

    2.      L-ilment ta’ abbuż ta’ dritt

    118. Finalment, trid tiġi indirizzata d-domanda addizzjonali dwar jekk l-eżerċizzju minn AB fil-kawża prinċipali tad-dritt taħt l-Artikolu 4(1)(a) tad-direttiva għandux jitqies bħala abbuż ta’ drittijiet għaliex AB talbet dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark irreġistrata f’isem BB jum biss qabel ma skada t-terminu ta’ ħames snin ta’ akkwixxenza. Dan il-punt ma jissemmiex speċifikament mill-Court of Appeal, iżda huwa tal-anqas impliċitu fil-kummenti tagħha (70). Għall-kuntrarju, il-Gvern Ċek u dak Slovakk espressament jakkużaw lil AB b’abbuż ta’ dritt. F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja hija libera li, fl-interess li tagħti risposta utili għat-talba għal deċiżjoni preliminari, tislet il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fir-rigward tal-suġġett tal-vertenza (71). Jiena nemmen li, preċiżament fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali u d-diversi insinwazzjonijiet li saru, huwa f’loku li l-ilment dwar l-abbuż ta’ drittijiet jiġi eżaminat.

    119. Fid-dritt tal-Unjoni jeżisti kunċett ta’ abbuż ta’ dritt (72), identifikat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (73), u li sa llum ġie ddefinit b’mod relattivament ċar (74). Dan il-kunċett, identifikat inizjalment fil-qasam tal-libertajiet fundamentali, twessa’ mill-Qorti tal-Ġustizzja għal oqsma oħrajn tad-dritt tal-Unjoni u kien is-suġġett ta’ żviluppi ulterjuri. B’mod issimplifikat ħafna, dan jista’ jiġi kkunsidrat bħala prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi, li permezz tiegħu l-“persuni ma jistgħux b’mod frawdolenti jew abbużiv jieħdu vantaġġ min-normi Komunitarji” (75). Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-konstatazzjoni li teżisti prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, għadd ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx. Hija teħtieġ, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti mill-volontà li jinkiseb xi benefiċċju riżultanti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet mitluba għall-kisba tiegħu (76).

    120. Nirrikonoxxi li hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk saritx xi azzjoni li tikkostitwixxi prattika abbużiva fil-każ quddiemha (77). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, meta tagħti deċiżjoni preliminari, tipprovdi kjarifika intiża sabiex isservi ta’ gwida għall-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha (78).

    121. Is-sottomissjonijiet tal-Gvern Ċek u dak Slovakk għandhom jinftiehmu li qegħdin isostnu li, fl-opinjoni tagħhom, l-abbuż ta’ dritt taħt l-Artikolu  4(1)(a) tad-direttiva jinsab fil-fatt li AB għamlet it-talba għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark “Budweiser” irreġistrata f’isem BB ġurnata waħda qabel ma skada t-terminu ta’ ħames snin ta’ akkwixxenza, biex b’hekk iċċaħħad lil BB mill-possibbiltà li tiddefendi ruħha kontra dik it-talba. Jiena nħoss li dan l-argument ma huwiex wieħed konvinċenti, għaliex huwa bbażat fuq l-assunzjoni dubjuża li l-parti li taqbel mal-użu għandha tiġi mċaħħda milli tagħmel użu mill-perijodu sħiħ stabbilit fl-Artikolu 9(1), b’rispett lejn il-parti l-oħra, li, bħala regola ġenerali, tkun qed tagħmel użu minn trade mark identika b’mod illegali. Madankollu għandu jiġi rrikonoxxut id-dritt lit-titular ta’ dritt li japplika r-regoli ta’ liġi sostantiva u proċedurali bil-mod li jidhirlu l-iktar vantaġġjuż għalih mingħajr ma jsib ruħu akkużat b’abbuż ta’ dritt (79).

    122. Irrispettivament mill-kwistjoni li diġà kkunsidrajt fid-dettal jekk il-koeżistenza ta’ żewġ trade marks abbażi tad-duttrina ta’ użu onest simultanju, irrikonoxxuta fid-dritt nazzjonali hijiex permessa fid-dritt tal-Unjoni, dan l-argument għandu jiġi rribattut bid-dikjarazzjoni li għandu jkun possibbli, bħala regola ġenerali, li azzjoni neċessarja sabiex terminu ma jitħalliex jiskadi titwettaq sal-aħħar mument tal-aħħar ġurnata ta’ dak it-terminu. Dan jikkorrispondi kemm mal-prinċipji tal-liġijiet proċedurali tal-Unjoni Ewropea (80) u tal-Istati Membri tagħha (81) u mal-għanijiet tad-direttiva. L-aspettattiva tal-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti li huwa ser ikun jista’ jużaha ħielsa minn kull oġġezzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti hija diġà suffiċjentement protetta bil-fatt li d-dritt tal-Unjoni jipprovdi sabiex id-dekadenza tad-drittijiet isseħħ fi tmiem il-perijodu ta’ ħames snin ta’ akkwixxenza. Sakemm dak il-perijodu ma jkunx għadu skada, il-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti għandu jkun ippreparat sabiex il-proprjetarju l-ieħor jieħu l-kontro-miżuri fi kwalunkwe mument. Kif diġà ġie spjegat, id-determinazzjoni ta’ perijodu fiss ta’ ħames snin tippromwovi ċertezza legali u effettivament tipproteġi liż-żewġ partijiet billi toħloq stabbiltà legali (82). Jekk il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma jitħalliex jeżerċita d-drittijiet tiegħu taħt l-Artikolu 4(1)(a) tad-direttiva ġurnata qabel ma jiskadi l-perijodu ta’ ħames snin ta’ akkwixxenza ikun finalment ifisser li l-validità ta’ dik id-dispożizzjoni tkun qed tiġi kkontestata. Li perijodu ta’ żmien fiss jitpoġġa fid-dubju għal raġunijiet ta’ ħniena, kif jipprospettaw il-Gvern Ċek u dak Slovakk, ikun qed jimmina l-prinċipju ta’ ċertezza legali u għalhekk ma setax kien l-intenzjoni tal-leġiżlatur. Dan l-argument tagħhom għandu għalhekk jiġi miċħud.

    123. Konsegwentement, ma jidher li hemm ebda abbuż ta’ dritt taħt l-Artikolu 4(1)(a) tad-direttiva minħabba l-fatt li t-talba ta’ AB għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark sussegwenti saret ġurnata waħda qabel ma skada l-perijodu ta’ ħames snin ta’ akkwixxenza.

    VII – Sunt

    124. Fil-qosor, għandna nikkonkludu li la l-applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 u lanqas l-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni b’effett mid-dħul fis-seħħ tad-direttiva ma huma possibbli fil-kawża prinċipali. Għalhekk ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għad-diversi domandi preliminari magħmula. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tagħti r-risposta li ġejja:

    –        L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 ma huwiex applikabbli ratione temporis għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    –        Konsegwentement, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni dwar jekk proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jistax japplika sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark oħra, jew, jekk irreġistrata, jistax jitlob li tiġi ddikjarata invalida, anki fejn jissussisti użu onest simultanju għal żmien twil taż-żewġ trade marks fir-rigward ta’ prodotti identiċi, għandha tittieħed abbażi tad-dritt nazzjonali.

    125. Jekk, kuntrarjament għall-opinjoni hawn avvanzata, il-Qorti tal-Ġustizzja tassumi li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 japplika ratione temporis għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-risposti li għandhom jingħataw lid-domandi preliminari għandhom ikunu kif ġej:

    –        Il-kunċett ta’ “akkwixxenza” fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104 huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha. Dan il-kunċett jippresupponi li huwa legalment possibbli għal proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li jopponi ruħu għall-użu ta’ trade mark sussegwenti rreġistrata li minħabba li din hija identika għal jew tixbah lit-trade mark preċedenti u minħabba li l-prodotti koperti miż-żewġ trade marks huma identiċi jew jixxiebhu jkun hemm ir-riskju ta’ konfużjoni mill-pubbliku.

    –        Ma huwiex meħtieġ li l-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jkollu t-trade mark tiegħu rreġistrata qabel ma tkun tista’ tibda l-akkwixxenza min-naħa tiegħu mal-użu tat-trade mark sussegwenti minn persuna oħra fl-istess Stat Membru. It-terminu ta’ akkwixxenza stabbilit fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104 jibda jiddekorri mid-data meta l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jsir jaf bl-użu tat-trade mark sussegwenti rreġistrata f’dak l-Istat Membru. Il-perijodu ta’ akkwixxenza jista’ għalhekk jibda l-iktar kmieni mid-data tar-reġistrazzjoni, jekk it-trade mark sussegwenti hija użata minn dik id-data u l-proprjetarju jaf b’dak l-użu. Il-perijodu ta’ akkwixxenza jista’ jibda jiddekorri, u jista’ anki jiskadi, qabel ma l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jkun kiseb ir-reġistrazzjoni tat-trade mark tiegħu.

    –        Bħala regola ġenerali, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/104 jeskludi l-użu onest u simultanju għal żmien twil ta’ żewġ trade marks identiċi li jkopru prodotti identiċi minn żewġ proprjetarji differenti tat-trade marks.

    VIII – Konklużjoni

    126. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Court of Appeal, England and Wales:

    1.      L-Artikolu 4(1)(a) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, ma huwiex applikabbli ratione temporis għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    2.      Konsegwentement, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni dwar jekk proprjetarju ta’ trade mark preċedenti jistax japplika sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark oħra, jew, jekk irreġistrata, jistax jitlob li tiġi ddikjarata invalida, anki fejn jissussisti użu onest simultanju għal żmien twil taż-żewġ trade marks fir-rigward ta’ prodotti identiċi, għandha tittieħed abbażi tad-dritt nazzjonali.


    1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż. Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


    2 – Skont it-Trattat ta’ Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, tat-13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007 C-306, p. 1), il-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija llum irregolata mill-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


    3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92.


    4 – Abbażi tat-termini użati fit-TUE u fit-TFUE, qed nuża l-espressjoni “dritt tal-Unjoni Ewropea” sabiex tkopri kemm id-dritt tal-Komunità kif ukoll id-dritt tal-Unjoni. Fejn, iktar ’il quddiem, ikunu jridu jiġu indikati dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt primarju, ser niċċita d-dispożizzjonijiet applikabbli ratione temporis.


    5 – ĠU 2008 L 299, p. 25.


    6 – Id-dispożizzjoni preċedenti hija l-Artikolu 12(2) tal-Liġi tal-1938 dwar it-Trade Marks (Trade Marks Act 1938), li fih essenzjalment l-istess kontenut.


    7 – Ara, f’dan is-sens, R. Knaak, Gemeinschaftsmarke und Recht der EU-Mitgliedstaaten (editjat minn Eva-Marina Bastian, Roland Knaak u Gerhard Schricker), Munich 2006, p. 71; ara A. Mühlendahl, “Territorialität und Einheitlichkeit im europäischen Markenrecht”, Perspektiven des geistigen Eigentums und Wettbewerbsrechts – Festschrift für Gerhard Schricker zum 70. Geburtstag, Munich 2005, p. 853.


    8 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).


    9 – Bis-saħħa tal-prinċipju tat-territorjalità tad-dritt dwar it-trade marks, l-effetti legali ta’ trade mark huma limitati għat-territorju tal-Istat partikolari li fih hija protetta. F’kull Stat, il-protezzjoni ta’ trade marks hija rregolata mill-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ dak l-Istat (ara K.-H. Fezer, Markenrecht, ir-raba’ edizzjoni, Munich 2009, Parti 1, F. I 1, par. 1; G. Kaiser,, Strafrechtliche Nebengesetze (editjat minn Georg Erbs, Max Kohlhaas u Friedrich Ambs), suppliment 178, Munich 2010, Markengesetz, Vorbemerkungen, par. 18).


    10 – Ara, f’dan is-sens, M. Novak,, “Rechtsprechung der Europäischen Gerichtshöfe zum Markenrecht”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, 2001, p 613.


    11 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2010, SGAE (C‑467/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32); tas-16 ta’ Lulju 2009, Hadadi (C‑168/08, Ġabra I‑6871, punt 38); tat-2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, Ġabra I‑2805, punt 34); tat-18 ta’ Diċembru 2007, Société Pipeline Méditerranée et Rhône (C‑314/06, Ġabra I‑12273, punt 21); tas-27 ta’ Jannar 2005, Junk (C‑188/03, Ġabra I‑885, punt 29); tat-12 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugal (C‑55/02, Ġabra I‑9387, punt 45); tat-22 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑103/0, Ġabra I‑5369, punt 33); tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster (C‑287/98 Ġabra I‑6917, punt 43); tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et (C‑296/95, Ġabra I‑1605, punt 30); u tat-18 ta’ Jannar 1984, Ekro (327/82, Ġabra 107, punt 14).


    12 – Bħala eżempju ta’ riferiment għat-terminoloġija użata fid-dritt nazzjonali, wieħed jista’ jiċċita l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE, tad-9 ta’ Marzu 1968, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi tal-membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f'kull parti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 3). Din id-direttiva ma fihiex definizzjoni uniformi ta’ kumpannija b’azzjonijiet jew b’responsabbiltà limitata. Hija ma tispeċifikax kif għandha tkun tali kumpannija, iżda tillimita ruħha sabiex tippreskrivi regoli li għandhom jiġu applikati għal ċerti tipi ta’ kumpanniji identifikati bħala kumpanniji b’azzjonijiet jew b’responsabbiltà limitata mil-leġiżlatur tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Idrima Tipou (C‑81/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 40 u 41, u l-konklużjonijiet li ppreżentajt jien fit-2 ta’ Ġunju 2010 f’din il-kawża, punti 42 u 43). Eżempju ieħor huwa t-terminu “impjegat” fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, tal-20 ta’ Ottubru 1980, dwar it-taqrib tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217). Hija l-liġi nazzjonali li għandha tispeċifika dawn it-termini u tiddefinixxi l-kontenut tagħhom (ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Rodríguez Caballero (C‑442/00, Ġabra I‑11915, punt 27), u l-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħi tat-2 ta’ April 2009, fil-Kawża Visciano (C‑69/08, Ġabra I‑6741, punt 63).


    13 – Ara A. Meyer,, “Das deutsche und französische Markenrecht nach der Umsetzung der Ersten Markenrichtlinie (RL 89/104/EWG)”, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht, Internationaler Teil, 1996, p. 592, li jindika li l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks għandhom jiġu interpretati b’mod konsistenti mad-direttiva. Id-direttiva dwar it-trade marks tuża terminoloġija awtonoma mingħajr ma tirreferi għal-liġijiet eżistenti tal-Istati Membri. Il-kunċetti legali li qabel setgħu jiġu interpretati indipendentement mill-awtoritajiet nazzjonali li japplikaw il-liġi huma ta’ natura Komunitarju u għandhom kontenut speċifikament tad-dritt Ewropew.


    14 – Sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, Silhouette International Schmied (C‑355/96, Ġabra I‑4799, punt 23), u tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul (C‑40/01, Ġabra I‑2439, punt 27).


    15 – Ara l-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    16 – Hija l-konklużjoni li għaliha jidher li jasal anki M. Novak,, op.cit., (nota ta’ qiegħ il-paġna 10, p 613).


    17 – Ara C. Neu,, “Die Verwirkung im Wettbewerbs- und Warenzeichenrecht”, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht, 1987, p. 683.


    18 – Ara s-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Gerolsteiner Brunnen (C‑100/02, Ġabra I‑691, punt 17).


    19 – Sentenzi Silhouette International Schmied (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti 25 u 29); tal-20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss (C‑414/99 sa C‑416/99, Ġabra I‑8691, punt 39); tat-30 ta’ Novembru 2004, Peak Holding (C‑16/03, Ġabra I‑11313, punt 30); tat-23 ta’ April 2009, Copad (C‑59/08, Ġabra I‑3421, punt 40); u tal-15 ta’ Ottubru 2009, Makro Zelfbedieningsgroothandel et (C‑324/08, Ġabra I‑10019, punti 20 u 21).


    20 – Ara, fl-istess sens M. Stuckel,, Kommentar zum Markenrecht, it-tieni edizzjoni, Frankfurt am Main 2007, § 21, p. 468, paragrafu 14, li jirrileva li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 89/104 huwa intiż għal approssimazzjoni kompleta tal-limitazzjoni tad-drittijiet ta’ trade mark preċedenti f’każ ta’ akkwixxenza mal-użu ta’ trade mark sussegwenti sa fejn huma affettwati drittijiet taħt l-Artikolu 4(1). Fil-fehma ta’ dan l-awtur, ma huwiex ċar għaliex il-pożizzjoni f’dan ir-rigward għandha tkun differenti mill-pożizzjoni taħt l-Artikolu 5 tad-direttiva, li jikkonċerna d-“drittijiet mogħtija minn trade mark”, u l-Artikolu 7 tad-direttiva, li jirregola l-“eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark”.


    21 – K. Haft,, K.‑U. Jonas, R. Nack, C. Schulte u S. Schweyer, “Duldung (Tolerierung) der Verletzung von Rechten des geistigen Eigentums”, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht, Internationaler Teil, 2006, p. 793.


    22 – Sentenza tas-27 ta’ April 2006 (C‑145/05, Ġabra I‑3703, punt 29).


    23 – M. Stuckel,, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), § 21, p. 464, paragrafu 1, jenfasizza l-importanza tal-eċċezzjoni tal-limitazzjoni tad-drittijiet sabiex tinħoloq iċ-ċertezza legali.


    24 – Ara l-punti 66 sa 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    25 – Sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs UASI (C‑37/03 P, Ġabra p. I‑7975, punt 27); tal-20 ta’ Marzu 2003, LTJ Diffusion (C‑291/00, Ġabra I‑2799, punt 44); u tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, Ġabra I‑5507, punt 28).


    26 – Il-funzjonijiet inerenti għal trade mark, jew għan-natura tagħha jew li huma attribwiti lilha huma differenti ħafna. Skont id-duttrina dwar it-trade marks, dawn huma b’mod partikolari, il-funzjoni ta’ kodifikazzjoni, ta’ garanzija, ta’ oriġini, ta’ identifikazzjoni u ta’ individwalizzazzjoni, ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni, ta’ monopolizzazzjoni, tal-għoti ta’ isem, ta’ kwalità, ta’ distinzjoni, ta’ kunfidenza, ta’ distribuzzjoni u ta’ reklamar, mingħajr ma dawn il-funzjonijiet differenti jkollhom dejjem xi rilevanza legali (ara C. Marx,, Deutsches, europäisches und internationales Markenrecht, it-tieni edizzjoni, Cologne 2007, p. 23, paragrafu 64; K.-H. Fezer,, Markenrecht, it-Tieni Edizzjoni, introduzzjoni, p. 68, paragrafu 30; J. Phillips,, Trade Mark Law – A Practical Anatomy, Oxford 2003, paġni 23-24; P. Torremans, u J. Holyoak,, Intellectual Property Law, it-tieni edizzjoni, Londra 1998, p. 347; Kucsko, G., Geistiges Eigentum, Vienna 2003, paragrafu 37; M. Novak,, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), p. 614). Fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, flimkien mal-funzjoni prinċipali tat-trade mark – li hija li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz – hemm ukoll funzjonijiet oħra bħal, b’mod partikolari, li tiggarantixxi l-kwalità ta’ dan il-prodott jew ta’ dan is-servizz, jew il-funzjonijiet ta’ komunikazzjoni, ta’ investiment jew ta’ reklamar (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et (C‑487/07, Ġabra I‑5185, punt 58).


    27 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG II (C‑10/89, Ġabra I‑3711, punt 13; tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationaler Heiztechnik and Danziger (C‑9/93, Ġabra I‑2789, punti 37 u 45); tal-11 ta’ Lulju 1996, Bristol-Myers Squibb et (C‑427/93, C‑429/93 u C‑436/93, Ġabra I‑3457, punt 43); tal-11 ta’ Lulju 1996, MPA Pharma (C‑232/94, Ġabra I‑3671, punt 16); tal-11 ta’ Lulju 1996, Eurim-Pharm Arzneimittel (C‑71/94 sa C‑73/94, Ġabra I‑3603, punt 30); tal-11 ta’ Novembru 1997, Loendersloot (C‑349/95, Ġabra I‑6227, punt 22); Canon (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 28); tat-23 ta’ Frar 1999, BMW (C‑63/97, Ġabra I‑905, punt 52); tal-4 ta’ Ottubru 2001, Merz & Krell (C‑517/99, Ġabra I‑6959, punt 21); tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club (C‑206/01, Ġabra I‑10273, punt 47); Gerolsteiner Brunnen, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 17); u tas-17 ta’ Marzu 2005, Gillette Company u Gillette Group Finland (C‑228/03, Ġabra I‑2337, punt 25).


    28 – Ara s-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1978, Hoffmann-La Roche (C‑102/77, Ġabra p. 1139, punt 7); HAG II, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 14); Bristol-Myers Squibb et, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 44); u Loendersloot ( iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 22).


    29 – Id-dritt għall-proprjetà, li jinkludi d-dritt għall-proprjetà intellettwali, huwa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dritt fundamentali protett fis-sistema ġuridika tal-Unjoni bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Laserdisken, C‑479/04, Ġabra I‑8089, punt 65, u tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, Ġabra I‑271, punt 62). Barra minn hekk, l-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittjiet Fundamentali, li hija espressjoni tal-volontà tal-Unjoni li tosserva d-drittijiet fundamentali u li akkwistat l-istatus ta’ dritt primarju meta daħal fis-seħh it-Trattat ta’ Lisbona, jipprovdi li l-proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi tal-11 ta’ Mejju 2010 fil-Kawża Padawan, (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 80).


    30 – Ara, fl-istess sens, M. Stuckel,, [op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), §21, p. 466, punt 9].


    31 – Ara l-punt 41 tad-digriet tar-rinviju.


    32 – Ara, f’dan is-sens, D. Ehlers,, Allgemeines Verwaltungsrecht (editjat, b’mod partikolari, minn Hans-Uwe Erichsen) § 2 I 6, p. 59, punt 14. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-28 ta’ Settembru 2004 fil-Kawża Schulte (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, C‑350/03, Ġabra I‑9215), punti 84 et seq, l-Avukat Ġenerali Léger sa ċertu punt ta prijorità lill-interpretazzjoni litterali meta qal li interpretazzjoni bbażata fuq l-objettiv tintuża biss meta d-dispożizzjoni inkwistjoni tista’ tagħti lok għal diversi interpretazzjonijiet, jew meta t-test inkwistjoni huwa diffiċli li jiġi interpretat biss mill-kliem tiegħu, pereżempju minħabba ambigwità.


    33 – Ara, f’dan is-sens, M. Pechstein, u C. Drechsler,, “Die Auslegung und Fortbildung des Primärrechts”, Europäische Methodenlehre (editjat minn Karl Riesenhuber), Berlin 2006, p. 167, punt 18.


    34 – Filwaqt li fl-1952 kien hemm erba’ lingwi uffiċjali, sal-1973 kien hemm sitta, sebgħa fl-1981, disgħa fl-1986, u ħdax fl-1995. Imbagħad l-għadd ta’ lingwi żdied għal għoxrin fl-2004, wieħed u għoxrin fl-2005 u fl-aħħar nett għal tlieta u għoxrin fl-2007 (ara M.-A. Gaudissart,, “Le régime et la pratique lingusitiques de la Cour de Justice des Communautés européennes”, Langues et construction européenne, Brussel 2010, p. 146).


    35 – C. Baldus, u F. Vogel, “Gedanken zu einer europäischen Auslegungslehre: grammatikalisches und historisches Element”, Fiat iustitia – Recht als Aufgabe der Vernunft, Festschrift für Peter Krause zum 70. Geburtstag, Berlin 2006, p 247 et seq, ma jikkontestawx li l-interpretazzjoni litterali hija l-punt ta’ tluq tal-interpretazzjoni ta’ kull regola ta’ dritt Komunitarju. Iżda huma jenfasizzaw id-diffikultà sabiex tinstab interpretazzjoni affidabbli fid-dawl tal-ħafna lingwi fil-Koumunità, li tirrendi l-użu ta’ metodi oħra ta’ interpretazzjoni, bħall-interpretazzjoni teleoloġika u storika, neċessarju.


    36 – Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Kik vs UASI (C‑361/01 P, Ġabra I‑8283, punt 87). Dwar is-sistema lingwistika fl-Unjoni Ewropea, ara A.‑L. Sibony, u N. De Sadeleer, “La traduction en droit positif: les régimes linguistiques en droit communautaire”, Traduction et droits européens: hommage au recteur Michel Van de Kerchove, 2009, p. 78.


    37 – Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju teskludi li, f’każ ta’ dubju, il-verżjoni ta’ dispożizzjoni partikolari tiġi kkunsidrata waħidha, iżda titlob li din tiġi interpretata fid-dawl tal-verżjonijiet eżistenti fil-lingwi ufficjali l-oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1979, Koschniske, 9/79, Ġabra 2717, punt 6). Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tispjega li bħala regola ġenerali, il-verżjonijiet fil-lingwi kollha għandhom jiġu kkunsidrati li għandhom l-istess importanza, li ma tistax tvarja skont il-kobor tal-popolazzjoni tal-Istati Membri li jużaw dik il-lingwa partikolari (ara EMU Tabac et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 36).


    38 – Ħlief il-verżjoni fil-lingwa Slovena, li tuża “dopuščal” fil-preambolu iżda “privolitve” u “privolil” fl-Artikolu 9. Ara, barra minn hekk, il-verżjonijiet fil-lingwa Ġermaniża (“geduldet”/“Duldung”), Franċiża (“toléré”/“tolérance”), Spanjola (“tolerado”/“tolerancia”), Portugiża (“tolerado”/“tolerância”), Taljana (“tollerato”/“tolleranza”) u Olandiża (“gedoogt”/“gedogen”).


    39 – Fil-fehma ta’ M. Stuckel,, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), p. 464, punt 6, “akkwixxenza” fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament 89/104 jista’ jiġi preżunt jekk il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jibqa’ inattiv u ma jieħu ebda passi kontra l-parti li vvjolat id-drittijiet tiegħu.


    40 – Ara l-intestatura tal-Artikolu 9 fil-verżjoni Daniża (“Rettighedsfortabelse på grund af passivitet”) u dik Svediża (“Begränsingner till fjöld av passivitet”).


    41 – Ara, f’dan is-sens, C. Fernández-Nóvoa,, “Die Verwirkung durch Duldung im System der Gemeinschaftsmarke”, Gewerblicher Rechtsschutz und Urheberrecht, Internationaler Teil, 1996, p. 443.


    42 – Sentenza Zino Davidoff u Levi Strauss (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 45).


    43 – Ara l-punt 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara Palandt u H. Heinrichs, Bürgerliches Gesetzbuch, edizzjoni 64, Munich 2005, § 242 BGB, p. 257, punt 93, li wkoll jassumu li t-titolari tad-dritt għandu jkollu l-possibiltà li jeżerċita d-dritt tiegħu. Hekk ukoll Ingerl u Rohnke, Markengesetz, it-tielet edizzjoni, Munich 2010, punt 11, huma tal-fehma li l-akkwixxenza tippresupponi li t-titolari tad-dritt seta’ jaġixxi legalment kontra l-parti li tkun ivvjolat id-drittijiet tiegħu.


    44 – Din il-massima tad-dritt Ruman hija rripetuta fil-paġni 50, 17 u 185 tad-Digests.


    45 –      Mill-banda l-oħra – kuntrarjament għall-preskrizzjoni – id-dekadenza tad-drittijiet bħala riżultat tal-akkwixxenza tippresupponi aġir speċifiku tal-benefiċjarju. Fil-fatt, huwa meħtieġ li l-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti jkun għamel użu serju mit-trade mark preċiżament fiż-żmien li matul tiegħu l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti delibaratament baqa’ ma ħa ebda azzjoni. Barra dawn id-differenzi, hemm aspett ieħor, partikolarment sinjifikattiv: il-preskrizzjoni twassal għal esklużjoni definittiva tad-drittijiet, bil-konsegwenza li l-pożizzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti ma tkun tista’ tiġi attakkata minn ħadd iktar. Għall-kuntrarju, id-dekadenza bħala riżultat ta’ akkwixxenza ma twassalx għal dan l-istat li ħadd ma jista’ jattakkaha, iżda teskludi biss il-pretensjonijiet tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti li jkun deliberatament ittollera l-użu tat-trade mark sussegwenti (ara, fuq dan il-punt, C. Fernández-Nóvoa,, op. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 41, p. 443).


    46 – Ara wkoll Knaak, R., op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 7, p. 72), li jirrileva li fid-dritt dwar it-trade marks hija biss parti mil-liġi sostantiva dwar it-trade marks li ġiet armonizzata bid-direttiva dwar it-trade marks, jiġifieri l-protezzjoni ta’ trade marks irreġistrati.


    47 – Sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009 (C‑529/07, Ġabra p. I‑4893, punt 39).


    48 – Ara Ingerl u Rohnke, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 10), li huma wkoll tal-fehma li għandu jiġi kkunsidrat l-għarfien pożittiv tat-titular tad-dritt. Fil-fehma tagħhom, mhux suffiċjenti li persuna messha kienet taf; sempliċi nuqqas ta’ għarfien minħabba traskuraġni (anki grassa) lanqas ma hi suffiċjenti. Ara wkoll, f’dan is-sens, W. Nordemann, Wettbewerbs- und Markenrecht, id-disa’ edizzjoni, Baden-Baden 2003, p. 400, punt 2413.


    49 – C. Morcom, A. Roughton, J. Graham, u S. Malynicz, The Modern Law of Trade Marks, it-tieni edizzjoni, Suffolk, 2005, p. 221, punt 6.87, jirrimarkaw li l-Artikolu 7 tal-Liġi tal-1994 dwar it-Trade Marks huwa biss regola proċedurali u ma għandu ebda effett fuq il-liġi sostantiva.


    50 – L-awturi ġeneralment jirreferu għas-sentenza Hammerhill Paper Co’s Opposition to Application for Registration by Alex Pirie (1933) 50 RPC 147. F’din is-sentenza, Lord Tomlin stabbilixxa l-kriterji li jippermettu li jiġi evalwat jekk hemmx l-użu simultanju onest ta’ żewġ trade marks identiċi. Dawn il-kriterji huma (1) it-tul u l-portata tal-użu u s-settur ekonomiku inkwistjoni; (2) il-grad ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni li tista’ tirriżulta minħabba x-xebh bejn iż-żewġ trade marks; (3) l-onestà fil-kuntest tal-użu simultanju; (4) il-prova ta’ każ ta’ konfużjoni; u (5) il- konfużjoni li kienet tirriżulta mir-reġistrazzjoni tat-trade mark.


    51 – Ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    52 – Ara d-dispożizzjonijiet ta’ qabel, li essenzjalment kien fihom l-istess kontenut, tal-Artikolu 12(2) tal-Liġi tal-1938 dwar it-Trade Marks.


    53 – Ara l-kummenti ta’ T. Pfeiffer, “Markenanmeldung in Großbritannien – Ein praktischer Leitfaden”, Wettbewerb in Recht und Praxis, 2000, p. 1386; A. Mountstephens, u A. Ohly, Gemeinschaftsmarke und Recht der EU-Mitgliedstaaten (editjat minn Eva-Marina Bastian, Roland Knaak u Gerhard Schricker), Munich, 2006,, p. 634 u H.‑J. Schumann, , Der Schutz von Unternehmenskennzeichen und Wortmarken in England und Deutschland, 2000, p.195.


    54 – Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    55 – Ara, f’dan is-sens, R. Annand, u H. Norman, Blackstone’s Guide to the Trade Marks Act 1994, Londra 1994, p. 110.


    56 – Din hija wkoll il-fehma ta’ ħafna ġuristi Ingliżi. P. Torremans, u J. Holyoak,, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 26, p. 367), jirrimarkaw li d-Direttiva 89/104 ma tipprovdix għal eċċezzjoni f’dan is-sens. L-awturi saħansitra jikkonstataw kontradizzjoni bejn id-dritt Komunitarju u l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Abbażi ta’ dan, huma tal-fehma li “ma hemmx raġuni għalfejn il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li d-drittijiet tiegħu jkunu ġew ippreġudikati b’reġistrazzjoni ta’ trade mark sussegwenti ma jaqbadx l-ewwel titjira għal-Lussemburgu u jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea] tħassar l-Artikolu 7 tal-Liġi tal-1994 dwar it-Trade Marks għaliex kompletament inkompatibbli mad-direttiva li huwa suppost jittrasponi”. C. Morcom, A. Roughton, J. Graham, u S. Malynicz, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 49, p. 174, punt 6.79), u E. Smith, “The approach of the UK-IPO to co-ownership of registered trade marks: nanny leaves the Registry, but not completely”, Trade Mark Law and Sharing Names – Exploring Use of the Same Mark by Multiple Undertakings (editjat minn Llana Simon Fhina), Cheltenham 2009, p. 74, jindikaw sempliċement li din l-eċċezzjoni ma tinsabx fid-direttiva. Kitchin, D., Kerly’s Law of Trade Marks and Trade Names, l-14-il edizzjoni, Londra 2005, p. 275, punti 9-150 u 9-153, jispjega li l-Artikolu 7 tal-Liġi dwar it-Trade Marks, li jikkodifika d-duttrina legali tal-“honest concurrent use” (użu onest simultanju), ma għandu ebda bażi fid-Direttiva 89/104. Hu jfakkar ukoll li l-inklużjoni ta’ dik id-dispożizzjoni fil-liġi kienet ġiet oriġinarjament opposta mill-Gvern tar-Renju Unit, peress li dan kellu dubji dwar kemm din id-duttrina kienet kompatibbli mad-dispożizzjonijiet mandatorji tal-Artikolu 4 tad-direttiva. Huwa jikkonkludi li huwa diffiċli li l-Artikolu 7 tal-Liġi dwar it-Trade Marks jiġi rrikonċiljat mat-termini mandatorji tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/104. Fil-fehma ta’ R. Annand u H. Norman, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 55, p. 110-111), l-Artikolu 7 tal-Liġi dwar it-Trade Marks jikkontradixxi l-kliem mandatorju tal-Artikolu 4 tad-direttiva, li jgħid espressament li t-trade mark “ma tiġix reġistrata” jekk tikkonfliġġi ma’ trade mark jew ma’ dritt preċedenti. Ara wkoll H.-J. Schumann, , op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 53, p. 46, 47, 195), li wkoll jikkunsidra li l-kunċett ta’ “honest concurrent use” huwa inkompatibbli mad-direttiva, peress li d-direttiva ma tipprovdix għal xi eċċezzjoni f’dan is-sens. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 4, li jipprovdi l-istess raġunijiet relattivi għal rifjut bħall-Artikolu 5, ma jħalli lill-Istati Membri ebda fakoltà biex jadottaw xi regoli simili. Il-Liġi dwar it-trade marks tal-1994 tikkonfliġġi mad-direttiva fuq dan il-punt, u tant illi tista’ tinbeda kawża kontra r-Renju Unit għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.


    57 – Ara l-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    58 – Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1990, SARPP (C‑241/89, Ġabra I‑4695, punt 8); tat-2 ta’ Frar 1994, Verband Sozialer Wettbewerb, magħrufa bħala “Clinique” (C‑315/92, Ġabra I‑317, punt 7); tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, Ġabra I‑1301, punt 16); tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani (C‑456/02, Ġabra I‑7573, punt 38); u tas-17 ta’ Frar 2005, Oulane (C‑215/03, Ġabra I‑1215, punt 47).


    59 – Sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumiet (212/80 sa 217/80, Ġabra 2735, punti 9 u 10); tal-15 ta’ Lulju 1993, GruSa Fleisch (C‑34/92, Ġabra I‑4147, punt 22); tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni (C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra I‑7869, punt 119) u tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services (C‑293/04, Ġabra I‑2263, punt 21).


    60      Sentenzi (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 59) Meridionale Industria Salumi et, (punti 9 et seq., GruSa Fleisch (punt 22), Falck e Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni (punt 119), u Beemsterboer Coldstore Services (punt 21).


    61 – Sentenza tal-14 ta’ Jannar 1987, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (278/84, Ġabra p. 1, punt 35). Ara Berger, T., Zulässigkeitsgrenzen der Rückwirkung von Gesetzen, 2002, p. 180 u 196 et seq, li jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi strutturali billi tibbaża ruħha wkoll fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-regola inkwistjoni. Id-dħul fis-seħħ ta’ dispożizzjoni ta’ liġi fir-rigward tad-data tal-pubblikazzjoni tagħha huwa l-kriterju rilevanti għall-effett retroattiv tagħha.


    62      Sentenzi (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 59) Meridionale Industria Salumiet, (punti 9 u 10), GruSa Fleisch (punt 22), Falck e Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni (punt 119) u Beemsterboer Coldstore Services (punt 21).


    63 – Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C‑129/96, Ġabra I‑7411, punt 43) u tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, Ġabra I‑6057, punt 114).


    64 – Ara W. Kahl, EUV/EGV Kommentar (editjat minn Christian Calliess u Matthias Ruffert), it-tielet edizzjoni, Munich 2007, p. 459, punt 63. Ara s-sentenzi Inter-Environnement Wallonie, (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, punt 45) u tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, Ġabra I‑9981, punt 67).


    65 – Sentenzi tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft (C‑304/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra , punt 29); tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea (C‑261/07 u C‑299/07, Ġabra I‑2949, punt 39) u Adeneler et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, punti 122 u 123). Ara, fl-aħħar nett, il-punt 34 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi tas-17 ta’ Novembru 2010 fil-Kawża pendenti Defossez (C‑477/09).


    66 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru 1987, Kolpinghuis Nijmegen (80/86, Ġabra 3969, punt 13); Adeneleret (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63, punt 110); tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, Ġabra I‑2483, punt 100); tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et (C‑387/07, Ġabra I‑3071, punt 199) u tas-16 ta’ Lulju 2009, Mono Car Styling (C‑12/08, Ġabra I‑6653, punt 61).


    67 – Ara l-punt 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


    68 – It-terminu “goodwill” fil-liġi Ingliża dwar it-trade marks ġeneralment tindika t-tifsira, l-indikazzjoni tal-oriġini, jew il-kwalità issuġġerita minn sinjal fi ħdan parti sostanzjali mill-pubbliku nazzjonali inkwistjoni (ara A. Mountstephens, u A. Ohly, op. cit., nota ta’ qiegħ il-paġna 53, p. 621).


    69 – Ara l-punt 5 tad-digriet tar-rinviju. Kif tispjega l-qorti tar-rinviju, minkejja li l-ismijiet huma identiċi, il-birer ma humiex l-istess. Fil-fatt, it-togħma tagħhom, il-prezz u l-preżentazzjoni tagħħom minn dejjem kienu differenti, biex hekk il-konsumaturi huma ġeneralment konxji mid-differenza bejniethom, anki jekk ċerta probabbiltà ta’ konfużjoni ma tistax tiġi eskluża.


    70 – Ara l-punti 1, 18, 22 u 23 tad-digriet tar-rinviju.


    71 – Ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 1978, Pigs Marketing Board v Redmond (83/78, Ġabra 2347, punt 26).


    72 – Ara, dwar ir-riskju li d-dritt għal leave annwali bi ħlas, irrikonoxxut fid-dritt Komunitarju taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381) jiġi invokat abbużivament matul il-perijodi ta’ mard, il-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħi tal-24 ta’ Jannar 2008 fil-Kawża Schultz-Hoffet (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, C‑350/06 u C‑520/06 Ġabra I‑179). Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53 ta’ dawk il-konklużjonijiet jiena ddefinixxejt l-abbuż ta’ dritt bħala użu mhux korrett ta’ pożizzjoni legali li tillimita l-possibbiltà ta’ eżerċizzju ta’ dritt eżistenti. Dan ifisser li l-eżerċizzju ta’ dritt formalment rikonoxxut huwa limitat bil-prinċipju tal-bona fide. Anki l-persuna li tgawdi minn dritt li hija tista’ formalment tinvoka legalment ma tistax tabbuża minn dak id-dritt. Ara, f’dan l-istess sens, C. Creifelds, Rechtswörterbuch (editjat minn Klaus Weber), is-17-il edizzjoni, Munich 2002, p. 1109, li skontu l-eżerċizzju ta’ dritt suġġettiv huwa abbużiv meta jkun kuntrarju għall-bona fide minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ, anki jekk formalment konformi mal-liġi.


    73 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Knoors (115/78, Ġabra 399, punt 25); tat-3 ta’ Ottubru 1990, Bouchoucha (C‑61/89, Ġabra I‑3551, punt 14); tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh (C‑370/90, Ġabra I‑4265, punt 24); tat-12 ta’ Mejju 1998, Kefalas et (C‑367/96, Ġabra I‑2843, punt 20); tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, Ġabra I‑1459, punt 24); tat-23 ta’ Marzu 2000, Diamantis (C‑373/97, Ġabra I‑1705, punt 33); tal-21 ta’ Novembru 2002, X u Y (C‑436/00, Ġabra I‑10829, punti 41 u 45); tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art (C‑167/01, Ġabra I‑10155, punt 136); tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, Ġabra I‑1609, punt 68); tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, Ġabra I‑7995, punt 35); tal-21 ta’ Frar 2008, Part Service (C‑425/06, Ġabra I‑897, punt 42) u tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et (C‑127/08, Ġabra I‑6241, punt 75).


    74 – Din hija wkoll l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-punti 43 et seq tal-konklużjonijiet li ppreżenta fit-28 ta’ Frar 2008 fil-Kawża Consiglio Nazionale degli Ingegneri (sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, C‑311/06, Ġabra I‑415, punt 43 et seq).


    75 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 73, Kefalaset (punt 20), Diamantis (punt 33), Halifax et (punt 68), u Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (punt 35).


    76 – Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C‑110/99, Ġabra p. I‑11569, punti 52 u 53) u tal-21 ta’ Lulju 2005, Eichsfelder Schlachtbetrieb (C‑515/03, Ġabra p. I‑7355, punt 39). Ara wkoll il-punt 113 tal-konklużjonijiet tiegħi tal-10 ta’ Frar 2010 fil-Kawża Internetportal (C‑569/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), u l-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħi tat-2 ta’ Gunju 2010 fil-Kawża Koller (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, C‑118/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).


    77 – Ara s-sentenzi Eichsfelder Schlachtbetrieb (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 76, punt 40), u Halifaxet (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 73, punt 76).


    78 – Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2002, Payroll et (C‑79/01, Ġabra I‑8923, punt 29), u Halifax et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 73, punti 76 u 77).


    79 – Ara J. Drew, u H. Priestley, “Anheuser-Busch and Budvar march on to the ECJ”, Journal of Intellectual Property Law & Practice, 2010, Vol. 5, Nru. 2, p. 80, li jgħidu li t-titular tad-dritt għandu jitħalla japplika r-regoli tad-dritt sostantiv u tad-dritt proċedurali għall-aħjar vantaġġ tiegħu.


    80 – Pereżempju, meta jintbagħtu sottomissjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ faks jew mezzi tekniċi oħra ta’ komunikazzjoni disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-Artikolu 37(6) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura, jista’ jintuża t-terminu applikabbli fl-intier tiegħu (ara B. Wägenbaur, EuGH Satzung und Verfahrensordnungen – Kommentar, Munich 2008, Art. 37, p. 142, punt 8).


    81 – Skont l-Artikolu 188(1) tal-Bürgerliches Gesetzbuch Ġermaniżi, terminu li huwa ddefinit bil-ġranet jispiċċa fi tmiem l-aħħar ġurnata ta’ dak it-terminu. Kif jispjegaw b’mod rilevanti H. Heinrichs, u O. Palandt, BGB Kommentar, Munich 2005, § 188, para. 4, p. 199, l-att neċessarju sabiex jigi rrispettat it-terminu jista’, bħala regola ġenerali, isir sa tmiem l-aħħar ġurnata (nofsillejl). U. Schroeter, “Die Fristenberechnung im Bürgerlichen Recht”, Juristische Schulung, 2007, p. 31, jirrileva wkoll li l-persuna kkonċernata għandha l-aħħar ġurnata kollha tat-terminu u tista’ għalhekk twettaq l-att meħtieġ biex jiġi osservat it-terminu sa nofsillejl tal-aħhar ġurnata ta’ dak it-terminu. Skont l-Artikolu 2229 tal-Code Civil Franċiż, il-preskrizzjoni sseħħ wara li tkun għaddiet l-aħhar ġurnata tat-terminu. L-Artikolu 2228 jagħmilha ċara li termini ta’ preskrizzjoni huma kkalkolati bil-ġranet u mhux bis-sigħat. Ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 2261 u 2260 tal-Code Civil Belġjan jgħidu l-istess ħaġa. Skont l-Artikolu 2962 tal-Codice Civile Taljan, il-preskrizzjoni sseħh fi tmiem l-aħħar ġurnata tat-terminu. Skont l-Artikolu 1961 tal-Código Civil Spanjol, il-preskrizzjoni sseħh fi tmiem l-aħhar ġurnata tat-terminu legali.


    82 – Ara, fl-istess sens, A. Meyer,, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 13, p. 597), li josserva li din ir-regola tissodisfa kemm l-interessi leġittimi individwali relatati mat-trade mark sussegwenti kif ukoll il-ħtieġa ġenerali għal ċertezza legali.

    Top