Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0396

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Kokott - 10 ta' Marzu 2011.
    Interedil Srl, fi stralċ vs Fallimento Interedil Srl u Intesa Gestione Crediti SpA.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale di Bari - l-Italja.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Setgħa ta’ qorti inferjuri li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja - Regolament (KE) Nru 1346/2000 - Proċeduri ta’ falliment - Ġurisdizzjoni internazzjonali - Ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur - Trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru ieħor - Kunċett ta’ stabbiliment.
    Kawża C-396/09.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 I-09915

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:132

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    KOKOTT

    ippreżentati fl-10 ta’ Marzu 2011 (1)

    Kawża C‑396/09

    Interedil Srl, fi stralċ

    vs

    Fallimento Interedil Srl

    Intesa Gestione Crediti SpA

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Bari (l-Italja)]

    “Talba għal deċiżjoni preliminari – Regolament Nru 1346/2000 – Proċeduri ta’ falliment – Ġurisdizzjoni internazzjonali – Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 – Ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur – Preżunzjoni favur il-post tal-uffiċċju rreġistrat – Trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru ieħor – Artikoli 2(h) u 3(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 – Kunċett ta’ ‘stabbiliment’ – Setgħa ta’ qorti nazzjonali li ma hijiex tal-aħħar istanza li tressaq talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”





    I –    Introduzzjoni

    1.        L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (2) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 1346/2000”) jiddetermina l-Istati Membri li l-qrati tagħhom għandhom ġurisdizzjoni għal ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment f’sitwazzjonijiet transkonfinali li jaqgħu fis-suq intern (3). Huma l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur li għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni biex jiftħu l-proċedura ta’ falliment. Il-kawża preżenti tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża l-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali”.

    2.        Din il-kawża hija kkaratterizzata mill-fatt li kumpannija Taljana ttrasferiet l-uffiċċju rreġistrat tagħha mill-Italja għar-Renju Unit. Iktar minn sena wara l-likwidazzjoni u l-kanċellament tal-kumpannija mir-reġistru tal-kumpanniji fl-Ingilterra, kreditur talab li tinfetaħ proċedura ta’ falliment fl-Italja. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fil-kawża miġjuba quddiemha.

    II – Il-kuntest ġuridiku

    A –    Id-dritt tal-Unjoni

    3.        Fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1346/2000, il-kunċett ta’ “stabbiliment” huwa ddefinit kif ġej:

    “Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

    […]

    h)      ‘stabbiliment’ għandu jfisser xi post ta’ operazzjonijiet fejn id-debitur iwettaq l-attività ekonomika tiegħu mhux tranżitorja b’meżżi umani jew oġġetti.”

    4.        L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1346/2000 jirrigwarda l-ġurisdizzjoni internazzjonali u jistipula li:

    “(1) Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.

    (2) Meta ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ falliment kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandu jkun ristrett għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju tal-Istat Membru l-ieħor.

    […].”

    5.        Il-premessa 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 tipprovdi dan li ġej:

    “Iċ-‘ċentru prinċipali ta’ interessi’ [‘ċentru tal-interessi prinċipali’] għandu jikkorrispondi mal-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni ta’ l-interessi tiegħu fuq bażi regolari u huwa għalhekk aċċertabbli minn partijiet terzi.”

    B –    Fuq id-dritt nazzjonali

    6.        It-Tribunale di Bari (l-Italja) tiddikjara li, bis-saħħa tal-Artikolu 382 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Taljana (codice di procedura civile) u tal-ġurisprudenza stabbilita u rilevanti, sentenza preliminari mogħtija mill-Corte di Cassazione fuq il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni hija definittiva u torbot lill-qorti tal-mertu li teżamina l-każ.

    III – Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    7.        Skont id-digriet tar-rinviju, il-fatti huma kif ġejjin:

    8.        Il-kumpannija Interedil Srl kienet ġiet stabbilita fl-Italja u l-uffiċċju rreġistrat tagħha kien f’Monopoli. Fit-18 ta’ Lulju 2001, hija ttrasferiet l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Londra (ir-Renju Unit). Hija kienet ġiet iskritta fir-reġistru tal-kamra tal-kummerċ Ingliż (4) bir-riferiment “FC” (Foreign Company). Fit-18 ta’ Lulju 2001 ukoll, hija kienet ġiet ikkanċellata mir-reġistru tal-kumpanniji (5) Taljan (6).

    9.        Id-digriet tar-rinviju jindika li Interedil SRL invokat il-fatt li, fil-mument tat-trasferiment tal-uffiċċju tagħha, jiġifieri fit-18 ta’ Lulju 2001, hija wettqet operazzjonijiet kummerċjali f’Londra, li jikkonsistu fl-akkwist tal-kumpannija Interedil Srl mill-grupp Ingliż Canopus u n-negozjar u l-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ ċessjoni ta’ impriża. Il-kumpannija Interedil Srl turi wkoll li, xi ftit xhur wara, l-immobbli li kienu jinsabu f’Taranto (l-Italja) ġew ittrasferiti lill-kumpannija Windowmist Limited bħala elementi li kienu jiffurmaw parti mill-impriża ttrasferita.

    10.      Skont id-digriet tar-rinviju, il-kumpannija Interedil Srl kienet ġiet “magħluqa” (7) u “ikkanċellata” mir-reġistru tal-kumpanniji fir-Renju Unit fit-22 ta’ Lulju 2002.

    11.      F’Ottubru 2003, il-kumpannija Intesa Gestione Crediti Spa talbet lit-Tribunale di Bari biex tiddikjara l-falliment tal-kumpannija Interedil Srl.

    12.      Il-kumpannija Interedil Srl, fi stralċ, (iktar ’il quddiem, “Interedil”) ikkontestat il-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti Taljana, u f’Diċembru 2003, hija ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Corte di Cassazione Taljana fuq il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni. Hija sostniet li, minħabba t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija mill-Italja għar-Renju Unit, il-qrati Taljani ma kienx għad fadlilhom ġurisdizzjoni għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment.

    13.      Wara li kkunsidrat li l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni kienet manifestament infondata u l-istat ta’ falliment tal-kumpannija kien ġie stabbilit, it-Tribunale di Bari, f’Mejju 2004 u mingħajr ma qagħdet tistenna l-eżitu tal-proċedura quddiem il-Corte di Cassazione fuq il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni, iddikjarat il-falliment tal-“kumpannija Interedil Srl, fi stat ta’ stralċ, bl-uffiċċju rreġistrat f’Chelsea Chambers, 262 Fulham Road, Londra”.

    14.      B’att ippreżentat fit-18 ta’ Ġunju 2004, Interedil appellat kontra din is-sentenza li ddikjarat il-falliment.

    15.      Bid-digriet Nru 10606/2005, tal-20 ta’ Mejju 2005, il-Corte di Cassazione ddeċidiet li l-qrati Taljani kellhom ġurisdizzjoni. Hija kkunsidrat li sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, li tipprovdi li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali jikkorrispondi għall-uffiċċju rreġistrat, iċ-ċirkustanzi li ġejjin kienu suffiċjenti, jiġifieri, l-eżistenza, fl-Italja, ta’ beni immobbli appartenenti lil Interedil, ta’ kuntratt ta’ kiri rigward żewġ kumplessi ta’ lukandi, u ta’ kuntratt iffirmat ma’ istituzzjoni bankarja, kif ukoll in-nuqqas ta’ notifika lir-reġistru tal-kumpanniji f’Bari dwar it-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat lejn Londra.

    16.      Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Eurofood IFSC (8), it-Tribunale di Bari esprimiet dubji dwar din l-evalwazzjoni tal-Corte di Cassazione. Għalhekk iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemu u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    1.       Il-kunċett ta’ “ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur” imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000, għandu jiġi interpretat skont id-dritt Komunitarju jew skont id-dritt nazzjonali u, f’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel parti tal-alternattiva, dan il-kunċett fhiex jikkonsisti u liema huma l-fatturi jew kunsiderazzjonijiet determinanti sabiex jiġi identifikat iċ-“ċentru ta’ l-interessi prinċipali”?

    2.       Il-preżunzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament 1346/2000, li abbażi tagħha “[f]il-każ ta’ kumpannija […] il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju” hija konfutabbli fuq il-bażi tal-konstatazzjoni ta’ attività imprenditorjali effettiva fl-Istat li mhuwiex dak li fih jinstab l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija, jew, sabiex il-preżunzjoni tkun tista’ tiġi kkonfutata huwa neċessarju li jiġi kkonstatat li l-kumpannija ma eżerċitat ebda attività imprenditorjali fl-Istat li fih hija għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha?

    3.      L-eżistenza, fi Stat Membru ieħor għajr dak li fih jinstab l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija, ta’ beni immobbli tal-kumpannija, ta’ kuntratt ta’ kiri relatat ma’ żewġ kumplessi ta’ lukandi, konkluż mill-kumpannija debitriċi ma’ kumpannija oħra, kif ukoll ta’ kuntratt konkluż mill-kumpannija ma’ istituzzjoni bankarja huma kunsiderazzjonijiet jew fatturi suffiċjenti sabiex tiġi kkunsidrata kkonfutata l-preżunzjoni prevista mill-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) 1346/2000 favur l-“uffiċċju rreġistrat” tal-kumpannija u dawn iċ-ċirkustanzi huma suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-kumpannija għandha “stabbiliment” f’dan l-Istat, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) 1346/2000?

    4.       Fil-każ fejn id-deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni mogħtija mill-Corte di Cassazione fid-Digriet 10606/2005 ċċitat iktar ’il fuq tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) 1346/2000 differenti minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, l-Artikolu 382 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Taljan, li abbażi tiegħu l-Corte di Cassazione għandha tiddeċiedi dwar il-ġurisdizzjoni permezz ta’ sentenza definittiva u vinkolanti, jipprekludi l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni Komunitarja, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja?

    IV – Il-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi

    A –    Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

    17.      Qabel ma jiġu eżaminati d-domandi preliminari, jixraq li l-ewwel nett jiġi ddeterminat jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari mit-Tribunale di Bari hijiex ammissibbli.

    1.      Fuq is-setgħa ristretta tal-qrati li jressqu talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 68 KE

    18.      It-Tribunale di Bari rreferiet dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja bid-digriet tas-6 ta’ Lulju 2009, riċevut mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ottubru 2009. F’dik id-data, it-Trattat ta’ Lisbona kien għadu ma daħalx fis-seħħ.

    19.      Ir-Regolament Nru 1346/2000 kien ġie adottat bis-saħħa tal-Artikolu 61(ċ) u tal-Artikolu 67(1) KE. Għalhekk dan huwa att ġuridiku li dwaru l-qrati li ma humiex tal-aħħar istanza ma humiex obbligati, skont l-Artikolu 68 KE, li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari. Kif indikat mill-Kummissjoni, is-sentenzi tal-qorti tar-rinviju jistgħu, bħala regola ġenerali, ikunu suġġetti għal azzjoni ġudizzjarja skont id-dritt intern (9). Mill-perspettiva tal-Artikolu 68 KE, għalhekk, il-qorti tar-rinviju ma kellhiex is-setgħa li tipproċedi b’rinviju preliminari.

    20.      Madankollu ta’ min jinnota li bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 68 KE tneħħa u b’hekk illum l-imsemmija restrizzjoni tad-dritt għal rinviju ma għadhiex fis-seħħ (10). Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Weryński, huwa meħtieġ li, f’każ simili, tiġi evalwata s-setgħa li ssir talba għal deċiżjoni preliminari skont il-liġi fis-seħħ dakinhar tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari u mhux dik fis-seħħ dakinhar li titressaq it-talba (11). Għalhekk, wara l-1 ta’ Diċembru 2009, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tilqa’ talba għal deċiżjoni preliminari li ssir minn qorti li s-sentenzi tagħha jkunu suġġetti għal azzjoni ġudizzjarja skont il-liġi interna, u dan anki jekk it-talba tkun saret qabel dik id-data (12). It-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex għalhekk inammissibbli abbażi ta’ nuqqas ta’ setgħa li ssir talba għal deċiżjoni preliminari.

    2.      Fuq l-inammissibbiltà minħabba l-ineżistenza tal-kumpannija

    21.      Fil-proċeduri orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Interedil sostniet li d-domandi preliminari kienu ipotetiċi u għalhekk inammissibbli, peress li Interedil ma baqgħetx teżisti wara l-kanċellament mir-reġistru tal-kamra tal-kummerċ fl-Ingilterra u d-domandi li saru lill-Qorti tal-Ġustizzja kienu għalhekk ta’ natura ipotetika. Il-Kummissjoni wkoll qajmet din il-problema fin-nota tagħha.

    22.      F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari li titressaq quddiemha minn qorti nazzjonali meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni tar-regoli tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma għandha l-ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex quddiemha l-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domandi magħmula lilha (13).

    23.      Ma jirriżultawx b’mod manifest mit-talba għal deċiżjoni preliminari xi indikazzjonijiet li d-domandi li saru ma għandhom ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Anki jekk Interedil ma għadhiex teżisti, ma huwiex eskluż li l-liġi Taljana tipprovdi, f’dan il-każ, xi possibbiltajiet li tissodisfa lill-kredituri abbażi ta’ likwidazzjoni iktar tard u li l-qorti tar-rinviju tixtieq tiftaħ proċedura ta’ falliment għal din ir-raġuni.

    3.      Fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenuti fil-kawża prinċipali rigward it-talba għal deċiżjoni preliminari u r-risposta għar-raba’ domanda preliminari

    24.      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jqisu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli għal tliet raġunijiet addizzjonali. Huma jirreferu għas-sentenza tal-Corte di Cassazione Taljana li, fil-kuntest ta’ sentenza preċedenti diġà ddeċidiet b’mod vinkolanti dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Taljani fil-proċedura ta’ falliment. Il-konvenuti jsostnu li dik is-sentenza akkwistat l-awtorità ta’ res judicata. Minn dan huma jiddeduċu li, minn naħa, ma għadx hemm kawża pendenti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

    25.      Min-naħa l-oħra, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jikkritikaw il-mod li bih ġew ifformulati d-domandi preliminari. Fl-opinjoni tagħhom, l-ewwel u r-raba’ domandi ma jirrigwardawx kontradizzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u l-applikazzjoni tagħhom mill-qrati nazzjonali. Għal dak li jirrigwarda t-tieni u t-tielet domandi, huma jikkunsidraw li dawn jimponu fuq il-Qorti tal-Ġustizzja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għall-każ konkret.

    26.      Meta ressqet l-ewwel tliet domandi, il-qorti tar-rinviju xtaqet essenzjalment tkun taf kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “ċentru ta’ interessi prinċipali” fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1346/2000. Domanda preliminari fuq dan is-suġġett hija ammissibbli.

    27.      Għalhekk, huwa biżżejjed li jiġu eżaminati l-ewwel żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, li jirrigwardaw is-sentenza tal-Corte di Cassazione li akkwistat l-awtorità ta’ res judicata.

    28.      F’dan il-kuntest, huwa ukoll rilevanti li tiġi eżaminata r-raba’ domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju. B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju qegħda tfittex essenzjalment li ssir taf jekk hija hijiex marbuta bis-sentenza tal-Corte di Cassazione, vinkolanti skont id-dritt nazzjonali, li permezz tagħha l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Taljani ġiet ikkonfermata, anki jekk jirriżulta li dik is-sentenza hija inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk dan huwa l-każ, id-domandi l-oħra ma jkollhom ebda rilevanza għall-kawża prinċipali u jkunu għalhekk inammissibbli.

    29.      Bis-saħħa tal-Artikolu 382 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Taljan, qorti li ma hijiex tal-aħħar istanza hija marbuta bis-sentenza preċedenti mogħtija mill-Corte di Cassazione fuq kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni.

    30.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li regola ta’ proċedura nazzjonali, li permezz tagħha qorti, li għandha tiddeċiedi fuq il-mertu wara rinviju li jkun sarilha minn qorti superjuri kompetenti sabiex tisma’ l-appell, hija marbuta bil-kunsiderazzjonijiet ta’ dritt imwettqa mill-qorti superjuri, ma tistax tqiegħed inkwistjoni l-fakultà tal-qrati li ma humiex tal-aħħar istanza milli jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari meta huma jkollhom dubju dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (14).

    31.      Ma jistax ikun mod ieħor f’din il-kawża, fejn hija involuta regola ta’ proċedura nazzjonali li tikkonċerna l-effett vinkolanti ta’ sentenzi ta’ qorti superjuri fil-kuntest ta’ sentenza preċedenti dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali.

    32.      Fil-fatt huwa opportun li jiġi nnutat illi, skont ġurisprudenza stabbilita ferm, il-qorti nazzjonali li għandha l-obbligu li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u jekk meħtieġ tonqos milli tapplika kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir tagħha minn qabel permezz ta’ leġiżlazzjoni jew bi kwalunkwe proċedura kostituzzjonali (15). Dan jista’ wkoll jirrigwarda regola ta’ proċedura nazzjonali, bħal dik involuta fil-każ inkwistjoni, fejn jirriżulta l-effett vinkolanti ta’ sentenza tal-qorti superjuri (16).

    33.      Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ tkun, għalhekk, waħedha determinanti għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, irrispettivament mill-kwistjoni jekk qorti superjuri nazzjonali tkunx diġà għaddiet biex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ sentenza definittiva.

    4. Konklużjoni intermedja:

    34.      Bħala konklużjoni intermedja, għalhekk hemm lok li jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    35.      Għaldaqstant ir-risposta għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tiddeċiedi wara sentenza preliminari vinkolanti minn qorti superjuri fuq kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni, tkun marbuta, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, bil-kunsiderazzjonijiet ta’ dritt magħmula mill-qorti superjuri, jekk hija tikkunsidra li, fir-rigward tal-interpretazzjoni li hija talbet mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija kunsiderazzjonijiet ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

    B –    Fuq id-domandi preliminari

    36.      L-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000; u huma jistgħu għalhekk ikunu suġġett ta’ eżami wieħed (iktar ’il quddiem, punt 1). Barra minn hekk, it-tielet domanda tirrigwarda l-preċiżazzjoni tal-kunċett ta’ “stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 (iktar ’il quddiem, punt 2).

    1.      Fuq il-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000

    37.      L-Artikolu 3(1) jirregola l-ġurisdizzjoni internazzjonali għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment. Skont dan l-artikolu, huma l-qrati ta’ dak l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur li għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni sabiex jiftħu proċedura ta’ falliment.

    a)      Definizzjoni awtonoma tal-kunċett ta’ ċentru tal-interessi prinċipali

    38.      Bl-ewwel domanda peliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq preliminarjament tkun taf jekk il-kunċett ta’ ċentru tal-interessi prinċipali għandux ikun iddeterminat b’manjiera awtonoma mir-regolament jew jekk għandux ikun iddeterminat b’rabta mal-liġi nazzjonali.

    39.      Skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mill-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju tat-trattament ugwali jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma tinvolvi ebda riferiment espress għal-liġi tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment ikollhom interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha, fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (17).

    40.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fis-sentenza tagħha fil-kawża Eurofood IFSC rigward l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, li “[i]l-kunċett ta’ ċentru ta’ l-interessi prinċipali joriġina mir-Regolament. Għaldaqstant, huwa għandu tifsira awtonoma u għandu għalhekk jiġi interpretat b’mod uniformi u indipendenti mil-liġijiet nazzjonali” (18).

    b)      Fuq id-determinazzjoni taċ-ċentru tal-interessi prinċipali

    41.      Fil-każ ta’ kumpanniji jew persuni ġuridiċi, il-post tal-uffiċċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru tal-interessi prinċipali, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja.

    42.      Il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ ċentru tal-interessi prinċipali u tindikalha l-kriterji li jippermettulha tikkonfuta l-preżunzjoni stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000.

    i)      Mument deċiżiv

    43.      Il-każ inkwistjoni huwa kkaratterizzat minn żewġ ċirkustanzi partikolari. Minn naħa, jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li, fil-mument li tressqet it-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment, il-kumpannija inkwistjoni kienet diġà “magħluqa” u “kkanċellata” mir-reġistru tal-kumpanniji tar-Renju Unit għal iktar minn sena. Min-naħa l-oħra, qabel il-likwidazzjoni, il-kumpannija kienet ittrasferiet l-uffiċċju rreġistrat tagħha mill-Italja għar-Renju Unit. Għalhekk jixraq li qabel xejn jiġi ddeterminat l-effett tat-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat fuq il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni. Imbagħad, jixraq li tiġi identifikata d-data rilevanti sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat il-forum li għandu ġurisdizzjoni għall-proċedura ta’ falliment, jekk, fil-mument li tressqet it-talba sabiex tinfetaħ il-proċedura ta’ falliment, il-kumpannija kienet diġà kkanċellata mir-reġistru tal-kumpanniji għal ċertu żmien.

    44.      Ir-regolament ma fihx dispożizzjonijiet espliċiti rigward it-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat. Konformement mad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Artikolu 3, jixraq għalhekk li jsir riferiment għall-aħħar uffiċċju rreġistrat, ħlief jekk il-preżunzjoni tal-Artikolu 3(1) hija kkonfutata bil-prova li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ma segwiex il-bidla fl-uffiċċju rreġistrat imma baqa’ fl-Istat ta’ oriġini.

    45.      Dawn il-konsegwenzi ta’ trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat fuq id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni fuq il-proċedura ta’ falliment jistgħu, skont il-każ, iservu ta’ żvantaġġ għall-kredituri li jkunu daħlu f’relazzjoni ġuridika mad-debitur fl-Istat ta’ oriġini. Fil-fatt, fil-mument li huma jkunu daħlu f’relazzjoni ġuridika mad-debitur, il-kredituri jkunu jissupponu li l-eventwali proċedura ta’ falliment isseħħ f’post iddeterminat, li mbagħad, wara t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat, ma jibqax rilevanti. Għalhekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tat-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat għandu r-riżultat li jmur kontra l-interessi tal-kredituri fl-Istat ta’ oriġini.

    46.      Huwa ċar li d-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali għandhom preċiżament l-iskop li jippermettu lill-kredituri potenzjali li jkunu jafu bil-quddiem liema hija s-sistema ġuridika li ssolvi l-kwistjonijiet kollha ta’ falliment li jaffettwaw l-interessi tagħhom (19). Il-ġurisdizzjoni internazzjonali, li, bis-saħħa tal-Artikolu 4(1) twassal ukoll għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet sostanzjali tal-Istat inkwistjoni f’każ ta’ falliment, hija bbażata fuq post magħruf mill-kredituri potenzjali tad-debitur, li jippermettilhom ukoll jikkalkolaw ir-riskji ġudizzjarji li huma jridu jiffaċċjaw f’każ ta’ falliment (20).

    47.      Madankollu, ir-riskju ta’ kambjament a posteriori tal-ġurisdizzjoni internazzjonali għal proċedura ta’ falliment fil-każ ta’ bidla tal-uffiċċju rreġistrat ġie aċċettat b’mod konxju mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet previsti mill-abbozz tal-konvenzjoni Komunitarja tal-1980 dwar falliment (21), dan fil-fatt ma fih ebda regolamentazzjoni speċifika dwar il-possibbiltà ta’ trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat, li permezz tagħha l-qorti tal-Istat ta’ oriġini kienet tibqa’ xorta waħda kompetenti għal perijodu tranżitorju wara t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat.

    48.      Billi, għall-kuntrarju, jadotta bħala kriterju uniku, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali, b’mod li t-trasferiment effettiv tiegħu jwassal ukoll għal bidla fil-livell tal-ġurisdizzjoni internazzjonali għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment, ir-Regolament Nru 1346/2000 josserva, pjuttost b’mod iktar konsistenti, il-libertà fundamentali fil-qasam tal-istabbiliment, li jġarrab preġudizzju – tal-inqas b’mod indirett – li kieku hemm leġiżlazzjoni iktar restrittiva. Bħala regola ġenerali, għalhekk, wieħed ma jistax jibqa’ jeżiġi li l-uffiċċju rreġistrat il-ġdid ikun eżista għal ċertu żmien qabel ma tiġi ppreżentata t-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment. Fil-każ inkwistjoni, mhux neċessarju li jiġi ddeterminat jekk ir-regoli għandhomx ikunu differenti f’każi eċċezzjonali – fir-rigward taż-żmien immedjat bejn it-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat u l-preżentata tal-proċedura tal-falliment – ġaladarba huwa paċifiku li għaddiet iktar minn sena bejn it-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat u t-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment.

    49.      Minn issa ’l quddiem, jonqos li tiġi ddeterminata d-data ta’ referenza fil-każ fejn kumpannija hija diġà kkanċellata mir-reġistru tal-kumpanniji fiż-żmien tat-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment.

    50.      Fir-rigward ta’ trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat wara t-tressiq tat-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment, imma qabel ma l-proċedura tkun infetħet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istat ta’ oriġini jibqa’ dak li għandu ġurisprudenza sabiex jiddeċiedi dwar il-ftuħ ta’ dik il-proċedura (22). Jidher għalhekk li bħala regola ġenerali, hija d-data tat-tressiq tat-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment li għandha tiddetermina l-evalwazzjoni taċ-ċentru tal-interessi prinċipali.

    51.      F’każ bħal dan fil-kawża inkwistjoni, fejn il-kumpannija kienet, għal ċertu tul ta’ żmien, diġà likwidata u kkanċellata mir-reġistru tal-kumpanniji fil-mument li tressqet it-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment, il-problema li tqum f’dan ir-rigward mal-ewwel daqqa ta’ għajn hija dik li tirrigwarda l-fatt li fil-mument tat-tressiq tat-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment, il-kumpannija ma kellhiex iktar interessi fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-regolament, peress li hija ma għadhiex teżisti.

    52.      Din il-problema tista’ tiġi solvuta billi wieħed jirreferi biss, f’każ bħal dak, għall-uffiċċju rreġistrat u ma jippermettix iktar li l-preżunzjoni tiġi kkonfutata. Fil-fatt, anki wara l-likwidazzjoni, kumpannija tibqa’ tgawdi minn uffiċċju rreġistrat. Fil-każ ta’ kumpannija likwidata, l-Istat kompetenti għal proċedura ta’ falliment ikun, mingħajr eċċezzjoni, l-Istat fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat.

    53.      Madankollu, din l-evalwazzjoni puntwali ma tidhirx li hija definittivament konvinċenti. Wieħed jista’ ċertament jargumenta favur tiegħu li, anki fil-każ ta’ kumpannija likwidata, l-uffiċċju rreġistrat jista’ faċilment jiġi ddeterminat u li r-rabta ma’ dan l-uffiċċju tiggarantixxi għalhekk iċ-ċertezza legali. Għall-kuntrarju, dak li jikkuntrasta din l-evalwazzjoni, huwa l-fatt li dan ser iwassal sabiex anki fil-każ fejn iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tal-kumpannija qabel ma ġiet ikkanċellata ma kien jinstab qatt fil-post tal-uffiċċju rreġistrat, dan tal-aħħar xorta waħda jiddetermina l-ġurisdizzjoni. Madankollu din il-possibbiltà għandha tiġi miċħuda, peress li r-regolament għandu l-iskop li joħloq, permezz tal-kunċett ta’ ċentru tal-interessi prinċipali, rabta mal-post li miegħu l-kumpannija għandha, oġġettivament u b’mod viżibbli għall-kredituri tagħha, l-iktar rabtiet mill-qrib. Jekk, pereżempju, jiġri li l-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija attiva ma jkunx ħlief kaxxa postali u li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha jkun x’imkien ieħor, l-uffiċċju rreġistrat ma jkunx iktar rilevanti bħala kriterju ta’ rabta lanqas wara li l-kumpannija tiġi kkanċellata.

    54.      Għalhekk, anki fil-każ fejn kumpannija tkun ġiet ikkanċellata, il-preżunzjoni tal-Artikolu 3(1) tista’ tiġi kkonfutata, jekk jiġi ppruvat li, qabel il-kanċellament, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tal-kumpannija ma kienx jinsab fl-Istat fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat. F’dan il-każ, huwa l-post tal-aħħar ċentru tal-interessi prinċipali qabel ma din tiġi kkanċellata li huwa deċiżiv. Il-perijodu ta’ referenza għandu għalhekk jiġi ddeterminat fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali li titlaq mill-perspettiva tal-kredituri.

    ii)    Fuq l-intepretazzjoni tal-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali”

    55.      Minn issa ’l quddiem, jixraq li jiġu identifikati l-kriterji li jiddeterminaw iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000.

    56.      Sfortunatament, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1346/2000 li jiddefinixxi l-kunċetti essenzjali tar-regolament ma fihx definizzjoni taċ-ċentru tal-interessi prinċipali. Huwa bir-raġun li l-Kummissjoni dwar il-Libertajiet u d-Drittijiet taċ-Ċittadini, tal-Ġustizzja u tal-Affarijiet Interni diġà kkritikat dan il-punt fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva (23). Hija biss it-tielet premess tar-regolament li tindika li ċ-“‘ċentru prinċipali ta’ interessi’ għandu jikkorispondi mal-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni ta’ l-interessi tiegħu fuq bażi regolari u huwa għalhekk aċċertabbli minn partijiet terzi.”

    57.      B’riferiment għat-tielet premessa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kawża Eurofood IFSC, “li ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali għandu jiġi identifikat skond kriterji li huma kemm oġġettivi, kif ukoll aċċertabbli minn terzi. Din l-oġġettività u din il-possibbiltà ta’ verifika minn terzi huma meħtieġa sabiex tiġi garantita ċ-ċertezza legali u l-previdibbiltà rigward id-determinazzjoni tal-qorti kompetenti biex tiftaħ proċedimenti prinċipali ta’ falliment” (24). Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet l-importanza taċ-ċertezza legali u tal-prevedibbiltà, preċiżament, fid-dawl tal-fatt li skont l-Artikolu 4(1) tar-regolament, id-determinazzjoni tal-Istat kompetenti tiddetermina wkoll il-liġi applikabbli.

    58.      Il-preżunzjoni dwar l-uffiċċju rreġistrat, stabbilita fl-Artikolu 3, ma tistax għalhekk tiġi skartata ħlief jekk elementi oġġettivi u verifikabbli minn terzi jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni reali differenti minn dik li l-post tal-uffiċċju rreġistrat mistenni juri (25). Bħala eżempju ta’ konfutazzjoni tal-preżunzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċita l-każ ta’ kumpannija “b’kaxxa postali” li ma teżerċita l-ebda attività fit-territorju tal-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat tagħha (26).

    59.      Fis-sentenza preliminari tagħha, il-Corte di Cassazione tirrileva li, wara li ttrasferiet l-uffiċċju rreġistrat tagħha fir-Renju Unit, Interedil ma kellha ebda attività, li hija ma kkonkludiet ebda negozju, lanqas l-attivitajiet fil-kuntest tal-likwidazzjoni nfisha, u li, fir-realtà, iċ-ċentru tal-amministazzjoni u tal-organizzazzjoni assolutament ma kinux ġew ittrasferiti għal Londra.

    60.      Fir-rigward ta’ kumpannija li ma teżerċita l-ebda attività ta’ negozju jew amministrattiva fl-Istat fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat tagħha, il-preżunzjoni stabbilita fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1346/2000 tista’ fil-fatt tiġi kkonfutata.

    61.      It-tieni domanda preliminari timplika madankollu li l-qorti tar-rinviju ma titlaqx mill-prinċipju li Interedil ma kienet wettqet ebda attività fl-uffiċċju rreġistrat ġdid tagħha f’Londra. Kuntrarjament għall-każ ta’ sempliċi kumpannija “b’kaxxa postali”, kif iċċitat fil-kawża Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, bħala eżempju biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni, il-mistoqsija li tqum għalhekk hija dik dwar kif għandu jiġi ddeterminat, hawn taħt, b’mod iktar preċiż iċ-ċentru tal-interessi prinċipali.

    62.      Ma huwiex partikolarment utli, f’dan ir-rigward, li jsir riferiment għall-ġenesi tar-regolament. Fid-dawl ta’ dan il-ġenesi, jiġi kkonstatat fil-fatt li t-terminoloġija konkreta kienet diġà l-oġġett ta’ diskussjoni fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv. Il-punt tat-tluq ingħata permezz ta’ inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika tal-Finlandja, billi rriproduċew it-termini tal-Konvenzjoni dwar il-Proċeduri ta’ Falliment li ma kinitx daħlet fis-seħħ (27). Din il-proposta kien fiha, fil-premessa tlettax tagħha, definizzjoni iktar kompleta tal-kunċett ta’ ċentru tal-interessi prinċipali. Hija kienet tindika li “ċ-ċentru tal-interessi prinċipali jfisser il-post li miegħu d-debitur għandu b’mod regolari r-rabtiet l-iktar mill-qrib, fejn huma kkonċentrati l-multipliċità tar-relazzjonijiet kummerċjali tiegħu u fejn jinsabu l-ikbar massa tal-assi essenzjali tiegħu; dan il-post huwa wkoll magħruf aħjar mill-kredituri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Id-delegazzjoni tal-Lussemburgu kkritikat li dan it-test jadotta bħala kriterju l-essenzjal tal-beni, u mhux, kif xtaqet hija, l-attività tad-debitur u l-amministrazzjoni tal-assi tiegħu (28).

    63.      Peress li l-abbozz immodifikat (29) mis-Segratarju tal-Kunsill kien intlaqa’ wkoll bi kritika (30), il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jadotta l-ewwel sentenza tal-punt 75 tar-rapport fuq il-Konvenzjoni dwar il-proċeduri ta’ falliment (31) bħala l-premessa tlettax, u għalhekk adotta bħala kriterju l-post tal-amministrazzjoni tal-interessi.

    64.      Fid-dawl ta’ dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-kunċett inkwistjoni, fis-sentenza Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament adottat bħala kriterju deċiżiv il-perspettiva tal-kredituri (32). Biex għamlet hekk, hija bbażat ruħha fuq il-kliem tal-premessa tlettax, li jirreferi għall-possibbiltà, għal terzi, li jipproċedu għal verifika. Il-kredituri potenzjali għandhom ikollhom il-possibbiltà li jkunu jafu minn qabel liema Stat Membru – skont l-istatus quo – għandu l-ġurisdizzjoni f’proċedura ta’ falliment u għalhekk liema liġi kienet ser tirregola dik il-proċedura.

    65.      Sabiex jiġi ddeterminat iċ-ċentru tal-interessi prinċipali, huwa meħtieġ għalhekk li ssir evalwazzjoni globali li titlaq mill-perspettiva tal-kredituri. Kif l-Avukat Ġenerali Jacobs diġà enfasizza fil-konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fil-kawża Eurofood IFSC, huwa meħtieġ, f’dan ir-rigward, li kull każ jiġi ġġudikat miċ-ċirkustanzi partikolari tiegħu (33).

    66.      Għalhekk evalwazzjoni iżolata, applikabbli b’mod ġenerali, tal-fatturi varji għandha tiġi eskluża minn qabel. La l-post fejn jinsabu l-beni immobbli tad-debitriċi jew il-post fejn jinsabu l-immobbli mikrija li dwarhom hija tkun daħlet f’kuntratti ta’ kiri ma’ kumpannija oħra, u lanqas l-eżistenza ta’ kuntratt tal-kumpannija falluta ma’ istituzzjoni bankarja fi Stat Membru partikolari ma jikkostitwixxu fihom infushom fatturi li jippermettu li jiġi ddeterminat b’mod definittiv iċ-ċentru tal-interessi prinċipali.

    67.      Kif turi l-ġenesi tar-Regolament Nru 1346/2000, il-leġiżlatur, barra minn hekk, irrinunzja milli jirreferi għall-beni essenzjali fid-definizzjoni taċ-ċentru tal-interessi prinċipali. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi eskluż is-sempliċi riferiment għall-post fejn jinsabu l-beni essenzjali tal-kumpannija. Dan jidher ukoll bħala evidenza għar-raġuni, fost oħrajn li mhux faċli għal oħrajn li jiddeterminaw b’mod ċert fejn jinsabu l-assi essenzjali tad-debitur, b’mod partikolari għaliex dawn ikunu mferrxin f’iktar minn Stat Membru wieħed.

    68.      Filwaqt li nibbaża ruħi fuq il-preżunzjoni konfutabbli tal-Artikolu 3(1), u l-kliem tal-premessa tlettax li jirreferi għall-ġestjoni tal-interessi, huwa xieraq, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali meħtieġa, għall-kuntrarju, li nistaqsi liema attivitajiet twettaq il-kumpannija, b’mod li jidher oġġettivament lil terzi, fil-post tal-uffiċċju rreġistrat.

    69.      Meta l-amministrazzjoni ċentrali ta’ kumpannija tinsab fil-post tal-uffiċċju rreġistrat, jiġifieri li huwa hemmhekk li tinsab it-tmexxija u li huwa minn hemmhekk li hija tmexxi d-destin tal-kumpannija u li hija tippreżenta ruħha b’mod viżibbli, ftit jimporta, fid-dawl tal-istruttura tar-regolament, li jkun magħruf, bl-iskop li tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni, fejn jinsabu l-beni essenzjali jew il-postijiet prinċipali tan-negozju tal-kumpannija. Il-preżunzjoni tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, u r-riferiment li nsibu hemmhekk għall-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija huma, min-naħa tagħhom, diġà bbażati fuq ix-xewqa li jinstab il-post tal-amministrazzjoni ċentrali tal-kumpannija, li normalment jinstab hemmhekk, bħala punt ta’ riferiment ukoll rikonoxxibbli mit-terzi. Ir-rapport fuq il-Konvenzjoni, li minnu ħarġet il-formulazzjoni tal-premessa tlettax, jitlaq mill-prinċipju li l-uffiċċju rreġistrat normalment jirrikorrispondi għas-sede prinċipali tad-debitur (34). Dan għaliex, meta l-amministrazzjoni ċentrali effettivament tinsab fl-uffiċċju rreġistrat, post ieħor tal-interessi prinċipali huwa eskluż a priori.

    70.      Minn dan jirriżulta li konfutazzjoni tal-preżunzjoni tal-Artikolu 3(1), ibbażata fuq il-kunsiderazzjoni tal-post tal-assi tal-kumpannija, tal-postijiet ta’ operazzjoni jew tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha, issir rilevanti minn meta, mill-perspettiva tal-kredituri, il-post tal-amministrazzjoni ma jkunx jinstab fl-uffiċċju rreġistrat. F’dan il-każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun hemm, elementi oġġettivi oħra, li għandhom ukoll jiġu kkunsidrati mill-perspettiva tal-kredituri, sabiex tissolva l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni għall-proċedura ta’ falliment. F’dan ir-rigward, jixraq li ssir evalwazzjoni globali tal-każ inkwistjoni.

    71.      Jidher li, fil-kawża prinċipali, id-debitriċi kienet, wara t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat, wettqet biss attivitajiet marbuta mal-likwidazzjoni. L-atti ġuridiċi u oħrajn li hija wettqet fil-kuntest tal-likwidazzjoni ta’ kumpannija huma wkoll, bħala regola ġenerali, rilevanti sabiex jiġi ddeterminat iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ kumpannija. Fil-fatt it-trasferiment ta’ kumpannija fi Stat Membru ieħor bl-iskop li din tipproċedi għal-likwidazzjoni huwa wkoll inkluż fil-libertajiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. Sa fejn il-ġestjoni ta’ din l-attività ta’ likwidazzjoni twettqet għalhekk, b’mod rikonoxxibbli minn terzi, mill-uffiċċju rreġistrat il-ġdid, għandu jkun ikkunsidrat li, matul il-perijodu rilevanti, qabel il-kanċellament tal-kumpannija, l-amministrazzjni tal-interessi prinċipali tal-kumpannija saret fl-uffiċċju rreġistrat tagħha, b’mod li konfutazzjoni tal-preżunzjoni tal-Artikolu 3(1) għandha tiġi eskluża.

    72.      Fil-kuntest tal-każ inkwistjoni, mhux neċessarju li tiġi eżaminata l-problema tat-trasferiment taċ-ċentru tal-interessi prinċipali bl-iskop li ma jiġux applikati d-dispożizzjonijiet dwar il-falliment jew tar-responsabbiltà tal-Istat ta’ oriġini jew biex il-proprjetà tal-kumpannija tiġi sottratta mill-ħakma tal-kredituri. Il-kwistjoni tal-karattru possibbilment abbużiv tat-trasferiment tqajjem mistoqsijiet interessanti fil-kuntest tal-kuntrast bejn il-libertajiet fundamentali tad-debitur fuq naħa, u l-protezzjoni tal-kredituri u l-prevenzjoni ta’ “forum shopping” taħt ir-raba’ premessa tar-regolament, min-naħa l-oħra (35). Madankollu, peress li l-qorti tar-rinviju ma ressqet ebda domanda f’dan is-sens u ma jirriżultawx provi biżżejjed mid-deskrizzjoni tal-fatti tal-każ biex wieħed jissupponi l-eżistenza ta’ abbuż tal-liġi, il-każ inkwistjoni ma jippermettix li dawn il-mistoqsijiet jiġu indirizzati b’mod definittiv.

    73.      Lanqas ma huwa neċessarju – il-qorti tar-rinviju lanqas ma talbet dan – li jiġi eżaminat wieħed mill-aspetti li jirriżultaw minn qari tas-sentenza preliminari li tat il-Corte di Cassazione fil-kawża prinċipali. Din tirrileva li t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ma kienx ġie nnotifikat lir-reġistru tal-kumpanniji Taljan. It-talba għal deċiżjoni preliminari tindika madankollu li Interedil kienet ġiet ikkanċellata mill-imsemmi reġistru Taljan fit-18 ta’ Lulju 2001. Jekk huwa l-każ li kumpannija kienet, fil-mument li tressqet it-talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment, tidher fir-reġistru ta’ żewġ Stati Membri, jistgħu jitqajmu mistoqsijiet legali mill-perspettiva tal-kredituri. Sa fejn il-qorti tar-rinviju tissupponi madankollu li l-kumpannija kienet ġiet ikkanċellata mir-reġistru Taljan, ma hemmx raġuni sabiex din il-kwistjoni tiġi approfondita.

     ċ)     Konklużjoni intermedja

    74.      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi, kif ukoll għall-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari, għandha tkun kif ġej:

    Il-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu sinjifikat awtonomu u għandu, għalhekk, jiġi interpretat b’mod uniformi u awtonomu fil-konfront tad-dispożizzjonijiet nazzjonali.

    75.      L-eżistenza, fi Stat Membru ieħor li mhux dak fejn jinstab l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija, ta’ beni immobbli ta’ din il-kumpannija, l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ kera ta’ żewġ kumplessi ta’ lukandi, iffirmat mill-kumpannija debitriċi ma’ kumpannija oħra, kif ukoll ta’ kuntratt iffirmat mill-kumpannija ma’ istituzzjoni bankarja ma jippermettux, waħedhom, li jitqies li ġiet ikkonfutata l-preżunzjoni prevista fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1346/2000 favur l-“uffiċċju rreġistrat” tal-kumpannija. Għandha ssir evalwazzjoni globali li tiddetermina, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u, fl-istess ħin, verifikabbli mit-terzi, il-post fejn il-kumpannija tmexxi l-interessi tagħha. Jekk l-amministrazzjoni ċentrali tinsab effettivament fl-uffiċċju rreġistrat, kull post ieħor ta’ interessi prinċipali huwa eskluż.

    2.      Fuq il-kunċett ta’ “stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1346/2000

    76.      Fit-tieni parti tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju ssemmi ċ-ċirkustanzi li għandhom jiġu sodisfatti sabiex tkun tista’ titqajjem il-kwistjoni ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1346/2000. Fil-fatt, jekk jirriżulta li ċ-ċentru tal-interessi ta’ Interedil ma jinstabx fl-Italja, u li l-qrati Taljani ma għandhomx għalhekk ġurisdizzjoni fuq il-ftuħ ta’ proċedura prinċipali ta’ falliment, jista’ jkun utli li tinfetaħ proċedura sekondarja ta’ falliment fl-Italja. Bis-saħħa tal-Artikolu 3(2) dan jissupponi li Interedil għandha stabbiliment fl-Italja. L-eżistenza ta’ beni immobbli, ta’ kuntratt ta’ kera rigward żewġ kumplessi ta’ lukandi u ta’ kuntratt iffirmat mill-kumpannija ma’ istituzzjoni bankarja huma minnhom infushom suffiċjenti sabiex jistabbilixxu stabbiliment?

    77.      Skont l-Artikolu 2(h) tar-Regolament Nru 1346/2000, stabbiliment huwa kull post tal-operazzjonijiet fejn id-debitur jeżerċita b’mod mhux temporanju attività ekonomika b’mezzi umani u oġġetti tiegħu.

    78.      Fuq dan il-punt, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1346/2000 jirriproduċu t-termini tal-Konvenzjoni dwar il-proċeduri ta’ falliment, tat-23 ta’ Novembru 1995, iffirmata mill-Istati Membri. F’dan ir-rigward, ir-rapport relattiv għal din il-Konvenzjoni jindika li: “Il-post tal-operazzjonijiet ifisser il-post minn fejn l-attivitaijiet ekonomiċi huma eżerċitati fis-suq (jiġifieri indirizzati ’l barra), kemm jekk huma attivitajiet kummerċjali, industrijali jew professjonali. L-insistenza sabiex l-attività ekonomika tiġi rrealizzata bir-riżorsi umani turi l-bżonn ta’ ċertu livell ta’ organizzazzjoni. Post ta’ operazzjonijiet li jintuża b’mod sempliċement okkażjonali ma jistax jiġi kkwalifikat bħala stabbiliment. Ċertu livell ta’ stabbiltà huwa neċessarju. […] Il-fattur determinanti huwa dak li jkun hemm prova li l-attività hija viżibbli minn barra u mhux l-intenzjonijiet tad-debitur” (36). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    79.      L-istess bħall-konfutazzjoni tal-preżunzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament, l-eżistenza ta’ diversi assi ma hijiex waħedha suffiċjenti fir-rigward tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament. Il-qorti tar-rinviju għandha, għall-kuntrarju, tivverifika l-preżenza ta’ riżorsi umani u l-eżistenza ta’ ċertu livell ta’ organizzazzjoni.

    80.      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni parti tat-tielet domanda preliminari għandha tkun kif ġej:

    L-eżistenza, fi Stat Membru ieħor li mhux dak fejn ikun jinstab l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija, ta’ beni immobbli ta’ din il-kumpannija, l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ kera dwar żewġ kumplessi ta’ lukandi, iffirmat mill-kumpannija debitriċi ma’ kumpannija oħra, kif ukoll ta’ kuntratt iffirmat mill-kumpannija ma’ istituzzjoni bankarja ma humiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-kumpannija għandha “stabbiliment” f’dak l-Istat fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 ħlief jekk dawn l-elementi huma, fil-kuntest ta’ struttura maħluqa b’mod stabbli fuq il-pjan ta’ organizzazzjoni, integrati, waħedhom jew b’mod globali, fil-post tal-operazzjonijiet fejn id-debitur jeżerċita b’mod mhux temporanju attività ekonomika permezz tal-ħaddiema u tal-assi tiegħu.

    V –    Konklużjoni

    81.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet hawn fuq magħmula, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula kif ġej:

    “1. Il-kunċett ta’ “ċentru tal-interessi prinċipali” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment għandu sinjifikat awtonomu u għandu, għalhekk, jiġi interpretat b’mod uniformi u awtonomu fil-konfront tad-dispożizzjonijiet nazzjonali.

    2. L-eżistenza fi Stat Membru ieħor li mhux dak fejn ikun jinstab l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija, ta’ beni immobbli ta’ din il-kumpannija, l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ kera dwar żewġ kumplessi ta’ lukandi, iffirmat mill-kumpannija debitriċi ma’ kumpannija oħra, kif ukoll ta’ kuntratt iffirmat mill-kumpannija ma’ istituzzjoni bankarja ma jippermettux, waħedhom, li jiġi kkunsidrat li ġiet ikkonfutata l-preżunzjoni stabbilita fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1346/2000 favur l-“uffiċju rreġistrat” tal-kumpannija. Għandha ssir evalwazzjoni globali li tiddetermina, abbażi ta’ kriterji oġġettivi u, fl-istess ħin, verifikabbli minn terzi, il-post fejn il-kumpannija tmexxi l-interessi tagħha. Jekk l-amministrazzjoni ċentrali tinsab effettivament fl-uffiċċju rreġistrat, kull post ieħor ta’ interessi prinċipali huwa eskluż.

    3. L-eżistanza, fi Stat Membru ieħor li mhux dak fejn jinstab l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija, ta’ beni immobbli tal-kumpannija, l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ kera dwar żewġ kumplessi ta’ lukandi, iffirmat mill-kumpannija debitriċi ma’ kumpannija oħra, kif ukoll ta’ kuntratt iffirmat mill-kumpannija ma’ istituzzjoni bankarja ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-kumpannija għandha “stabbiliment” f’dak l-Istat fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1346/2000 ħlief jekk dawk l-elementi huma, fil-kuntest ta’ struttura maħluqa b’mod stabbli fuq il-pjan ta’ organizzazzjoni, integrati, waħedhom jew b’mod globali, fil-post tal-operazzjonijiet fejn id-debitur jeżerċita b’mod mhux temporanju attività ekonomika permezz tal-ħaddiema u tal-assi tiegħu.

    4. Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tiddeċiedi wara sentenza preċedenti vinkolanti mogħtija minn qorti superjuri fuq il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni, tkun marbuta, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, bil-kunsiderazzjonijiet ta’ dritt magħmula mill-qorti superjuri, jekk hija tikkunsidra li, fir-rigward tal-interpretazzjoni li hija talbet mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija kunsiderazzjonijiet ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.”


    1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


    2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191. Ir-regolament huwa attwalment fis-seħħ fil-verżjoni emendata bir-Regolament ta’ implementazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 210/2010, tal-25 ta’ Frar 2010 (ĠU L 65, p. 1).


    3 – Kif jirriżulta mill-premessa 33 tiegħu, ir-Regolament 1346/2000 ma huwiex applikabbli fir-Renju tad-Danimarka, u barra minn hekk, l-applikazzjoni tiegħu hija ristretta fit-termini tal-Artikolu 44 tiegħu, sabiex jirregola r-relazzjonijiet tiegħu mal-konvenzjonijiet l-oħra ffirmati mill-Istati Membri.


    4 – “Companies House”.


    5 – “Registro delle imprese”.


    6 – It-Tribunale di Bari tidher li tikkunsidra dan il-kanċellament illegali, iżda ma tindikax preċiżament għaliex.


    7 – Id-digriet tar-rinviju oriġinali bit-Taljan jaqra: “Chiusa e dunque cancellata dal Registro delle Imprese”.


    8 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC (C‑341/01, Ġabra. p. I‑3813).


    9 – Bis-saħħa tal-Artikolu 18 tal-Legge Fallimentare (Liġi dwar il-Falliment) Taljana, kif insibuha fid-Decreto Legislativo (Digriet Leġiżlattiv) Nru 169, tat-12 ta’ Settembru 2007, is-sentenza tat-Tribunale di Bari tista’ tkun suġġetta għal azzjoni ġudizzjarja.


    10 – Rigward il-liġi tranżitorja, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 tal-konklużjonijiet tiegħi li wasslu għas-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Weryński (C-283/09, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra).


    11 – Sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Weryński (C-283/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30), ara wkoll il-konklużjonijiet tat-2 ta’ Settembru 2010, Weryński (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punti 23 sa 25).


    12 – Sentenza Weryński (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 31).


    13 – Ġurisprudenza stabbilita, ara biss is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio (C‑77/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25).


    14 – Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 25).


    15 – Sentenza Elchinov (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 31 b’referenza għas-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra, p. 629, punt 24, u tad-19 ta’ Novembru 2009, Filipiak, C‑314/08, Ġabra p. I‑11049, punt 81).


    16 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Elchinov (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 31).


    17 – Sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2007, Österreichischer Rundfunk (C‑195/06, Ġabra p. I‑8817, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tad-29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danemark (C‑174/08, Ġabra p. I‑10567, punt 24).


    18 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 31.


    19 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs ippreżentati fis-27 ta’ Settembru 2005 fil-kawża Eurofood IFSC iċċitata iktar ’il fuq..


    20 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs ippreżentati fil-kawża Eurofood IFSC (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 122).


    21 – Ara l-Artikoli 6 et seq tal-abbozz tal-konvenzjoni dwar il-falliment, għall-ftehim u għall-proċeduri analogi tal-1980, dokument KE III/D/72/80/FR, irriprodott minn: G. Kegel (editur) u J. Thieme (redattur), Vorschläge und Gutachten zum Entwurf eines EG-Konkursübereinkommens, Tübingen 1988.


    22 – Sentenza tas-17 ta’ Jannar 2006, Staubitz-Schreiber (C‑1/04, Ġabra p. I‑701, punt 29).


    23 – Ara r-rapport fuq il-proposta tar-Regolament tal-Kunsill dwar il-proċeduri ta’ falliment tal-Kummissjoni Legali u dwar is-suq intern (K. Lechner, relatur, dokument A5-0039/2000). Dan ir-rapport jindika li d-definizzjoni li ġejja kienet ġiet proposta għall-Artikolu 2 tar-regolament: “‘ċentru tal-interessi prinċipali’ il-post minn fejn id-debitur iwettaq il-ġestjoni essenzjali tan-negozju tiegħu u jeżerċita l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu u li miegħu huwa għalhekk marbut l-iktar mill-qrib”. [N.B.: jiena kkoreġejt ex ufficio l-iżball fit-traduzzjoni Franċiża ta’ dan id-dokument li tindika “kreditur” minflok “debitur”.]


    24 – Sentenza Eurofood IFSC (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 33).


    25 – Ibidem (punt 34)


    26 – Ibidem (punti 34 u 35).


    27 – Inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika tal-Finlandja fid-dawl tal-adozzjoni ta’ Regolament tal-Kunsill dwar il-proċeduri ta’ falliment, sottomess lill-Kunsill fis-26 ta’ Mejju 1999, ĠU C 221, p. 8.


    28 – Nota tad-delegazzjoni tal-Lussemburgu, dokument tal-Kunsill 10342/99, tal-20 ta’ Lulju 1999.


    29 – Ara d-dokument tal-Kunsill Nru 9934/1/99, tad-29 ta’ Lulju 1999, ara, dwar riformulazzjoni ġdida, id-dokument tal-Kunsill Nru 9934/2/99, tat-22 ta’ Ottubru 1999.


    30 – B’hekk, pereżempju, id-delegazzjoni Britannika kkritikat il-karattru problematiku tad-definizzjoni, filwaqt li tenfasizza li debitur jista’ jiġġestixxi l-interessi tiegħu minn postijiet differenti, u barra minn hekk, il-kriterji sabiex jiġu ddeterminati l-interessi “prinċipali” ma kinux ċari biżżejjed, (ara d-dokument tal-Kunsill Nru 10683/99 tat-13 ta’ Settembru 1999).


    31 – M. Virgós, u E. Schmit, rapport fuq il-konvenzjoni dwar il-proċeduri ta’ falliment, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, id-dokument Nru 6500/1/96 REV 1, punt 75.


    32 – F’dan ir-rigward jeħtieġ li nibbażaw ruħna fuq interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett tal-kredituri, li jista’ wkoll jinkludi l-impjegati ta’ kumpannija.


    33 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs li wasslu għas-sentenza Eurofood IFSC (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 125).


    34 – Rapport fuq il-Konvenzjoni dwar il-proċeduri ta’ falliment (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 75).


    35 – Ara wkoll, fuq dan il-punt, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, Ġabra p. I‑1459), tal-5 ta’ Novembru 2002, Überseering (C‑208/00, Ġabra p. I‑9919), u tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art (C‑167/01, Ġabra p. I‑10155).


    36 – Rapport (iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 71).

    Top