EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0307

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 9 ta' Settembru 2010.
Vicoplus SC PUH (C-307/09), BAM Vermeer Contracting sp. zoo (C-308/09) u Olbek Industrial Services sp. zoo (C-309/09) vs Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Raad van State - il-Pajjizi l-Baxxi.
Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Kollokament ta’ ħaddiema - Att ta’ Adeżjoni tal-2003 - Miżuri tranżitorji - Aċċess taċ-ċittadini Pollakki għas-suq tax-xogħol tal-Istati diġà membri tal-Unjoni fi żmien l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja - Ħtieġa ta’ permess tax-xogħol għall-fornitura ta’ ħaddiema - Direttiva 96/71/KE - Artikolu 1(3).
Każijiet Magħquda C-307/09, C-308/09 u C-309/09.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:510

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fid-9 ta’ Settembru 2010 1(1)

Kawżi Magħquda C‑307/09 sa C‑309/09

Vicoplus SC PUH (C‑307/09),

BAM Vermeer Contracting sp. zoo (C‑308/09),

Olbek Industrial Services sp. zoo (C‑309/09)

vs

Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid

[talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqin mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kollokament ta’ ħaddiema – Att ta’ Adeżjoni tal-2003 – Miżuri tranżitorji dwar l-aċċess taċ-ċittadini Pollakki għas-suq tax-xogħol tal-Istati diġà membri tal-Unjoni – Direttiva 96/71/KE – L-ewwel Artikolu – Ħtieġa ta’ permess tax-xogħol għall-provvista ta’ ħaddiema”





1.        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 KE u 50 KE kif ukoll tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni [provvista] ta’ servizzi (2).

2.        Dawn id-domandi saru fil-kuntest tal-kawżi bejn Vicoplus SC PUH (iktar ’il quddiem “Vicoplus”), BAM Vermeer Contracting sp. zoo (iktar ’il quddiem “BAM Vermeer”) u Olbek Industrial Services sp. zoo (iktar ’il quddiem “Olbek”), minn naħa, u l-Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid (Ministru tal-Affarijiet Soċjali u tal-Imjieg) min-naħa l-oħra fir-rigward tal-multi li ġew imposti fuqhom talli kkollokaw ħaddiema Pollakki fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr ma kellhom permess tax-xogħol (3).

3.        F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiffoka l-analiżi tagħha fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni tranżitorja li hemm fil-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka, u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (4). Din id-dispożizzjoni tranżitorja kienet tippermetti lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, li jidderoga, fir-relazzjonijiet tiegħu mar-Repubblika tal-Polonja, mill-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (5).

4.        Jiena ser insostni li, fid-dawl tal-għan tagħha u biex tiġi ppreżervata l-effettività tagħha, din id-dispożizzjoni tranżitorja għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-provvista ta’ ħaddiema.

5.        Imbagħad ser insemmi l-kriterji li jippermettu, fil-fehma tiegħi, li tiġi identifikata provvista ta’ ħaddiema għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fil-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. B’hekk ser nispjega li l-provvista ta’ ħaddiema hija kkaratterizzata, l-ewwel nett, miż-żamma tar-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-impriża li tipprovdi l-ħaddiem u dan tal-aħħar, it-tieni nett, mill-fatt li l-ħaddiem li ġie pprovdut lill-impriża utenti jagħmel ix-xogħol tiegħu taħt il-kontroll u d-direzzjoni ta’ din tal-aħħar u, it-tielet nett, mill-fatt li l-kollokament ta’ ħaddiema jikkostitwixxi l-uniku għan tal-provvista ta’ servizzi.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

6.        L-Artikolu 24 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 fih, għal dak li jirrigwarda r-Repubblika tal-Polonja, lista ta’ miżuri tranżitorji li jidhru fl-Anness XII tiegħu.

7.        Il-Kapitolu 2 ta’ dan l-anness, bl-isem “Il-libertà tal-moviment tal-persuni”, jipprovdi:

“[…]

1.      Fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema u tal-libertà li jiġu provduti servizzi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ispostament temporanju ta’ ħaddiema kif definit fl-Artikolu 1 tad Direttiva Nru. 96/71[…] bejn il-Polonja fuq naħa, u l-Belġju, r-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit fuq in-naħa l-oħra, l-Artikolu 39 u l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 49 tat-Trattat tal-KE għandhom japplikaw fl-intier tagħhom biss skond id-disposizzjonijiet transitorji stipulati fil-paragrafi 2 sa 14.

2.      B’deroga mill-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament […] Nru. 1612/68 u sa l-aħħar tal-perijodu ta’ sentejn wara d-data ta’ l-adeżjoni, l-Istati Membri attwali ser japplikaw miżuri nazzjonali, jew dawk li joħorġu minn xi ftehim bilaterali, biex jirregolaw l-aċċess għas-swieq tax-xogħol tagħhom minn ċittadini Pollakki. L-Istati Membri attwali jistgħu jkomplu japplikaw dawn il-miżuri sa l-aħħar tal-perijodu ta’ ħames snin wara d-data ta’ l-adeżjoni.

[…]

13.      Sabiex jilqgħu għal taqlib serju jew xi theddida ta’ taqlib serju f’setturi speċifiċi ta’ servizzi sensittivi fis-swieq tax-xogħol tagħhom li jistgħu jseħħu f’ċerti reġjuni minħabba l-provvista ta’ servizzi minn pajjiż għall-ieħor, kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71 […], u sakemm ikunu japplikaw miżuri nazzjonali jew dawk li joħorġu minn xi ftehim bilaterali fir-rigward tal-moviment liberu ta’ ħaddiema Pollakki bis-saħħa tad-disposizzjonijiet transitorji stipulati hawn qabel, il-Ġermanja u l-Awstrija jistgħu, wara li javżaw lill-Kummissjoni, jidderogaw mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 49 tat-Trattat tal-KE bl-iskop li jillimitaw fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi minn kumpanniji stabbiliti fil-Polonja, l-ispustament temporanju tal-ħaddiema li d-dritt tagħhom li jiksbu xogħol fil-Ġermanja u l-Awstrija huwa soġġett għal miżuri nazzjonali.

[…]”

8.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71, bl-isem “Il-Kamp ta’ l-applikazzjoni”, jistabbilixxi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:

a)      jibagħtu ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru għall-kont tagħhom proprju u taħt il-kontroll tagħhom fil-qafas ta’ kuntratt konkluż bejn l-impriża li tibgħat u d-destinatarju tal-prestazzjoni [provvista] ta’ servizzi li jopera f’dak l-Isat Membru, sakemm teżisti relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tibgħat u l-ħaddiem fil-perjodu tal-kollokazzjoni;

jew

[…]

c)      billi tkun impriża ta’ impjieg jew aġent ta’ kollokazzjoni temporanju, tibgħat ħaddiem lill-impriża utenti stabbilita jew li topera fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża ta’ impjieg jew aġent ta’ kollokament temporanju u l-ħaddiem matul il-perjodu tal-kollokament.”

B –    Id-dritt nazzjonali

9.        Taħt l-Artikolu 2(1) tal-Liġi fuq ix-Xogħol tal-Barranin (Wet arbeid vreemdelingen) (6), huwa pprojbit għal min iħaddem li jagħti xogħol lil barrani fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr permess tax-xogħol.

10.      L-Artikolu 1e(1) tad-digriet ta’ implementazzjoni tal-Wav (Besluit uitvoering Wav) (7), kif emendat bid-digriet tal-10 ta’ Novembru 2005 (8), jgħid dan li ġej:

“Il-projbizzjoni fl-Artikolu 2(1) tal-Wav ma tapplikax fir-rigward tal-barrani li, fil-kuntest ta’provvista ta’ servizzi tranżnazzjonali, jagħmel temporanjament xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi fis-servizz tal-persuna li tħaddmu li tkun stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li ma jkunx ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, bil-kundizzjoni li

a)      il-barrani jkollu d-dritt li jagħmel ix-xogħol bħala ħaddiem imħallas salarju minn min iħaddmu fl-Istat fejn huwa stabbilit min iħaddmu,

b)      min iħaddem ikun iddikjara minn qabel ix-xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi lis-Centrale Organisatie voor werk en inkomen (Organizzazzjoni Ċentrali tax-Xogħol u tad-Dħul), u

c)      ma jiġux ipprovduti servizzi li jikkonsistu fil-provvista ta’ ħaddiema.”

II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

A –    Il-Kawża C-307/09

11.      Matul kontroll imwettaq mill-Ispettorat tax-Xogħol, ġie kkonstatat li tliet ċittadini Pollakki li kienu impjegati ta’ Vicoplus kienu jaħdmu ma’ Maris li hija kumpannija Olandiża li bħala xogħol issewwi l-pompi għal impriżi oħra. Skont kuntratt konkluż minn Maris ma’ soċjetà oħra, ix-xogħol ta’ dawn tal-aħħar kellu jitwettaq matul il-perijodu li jmur mill-15 ta’ Awwissu sat-30 ta’ Novembru 2005.

B –    Il-Kawża C-308/09

12.      Skont rapport imħejji mill-Ispettorat tax-Xogħol fil-31 ta’ Lulju 2006, żewġ ċittadini Pollaki kienu qed jaħdmu, mill-10 ta’ Jannar 2006, bħala mekkaniks fil-garaxx tal-kumpannija Flevoservice en Flevowash BV. Huma kienu daħlu fis-servizz ta’ BAM Vermeer, li kienet ikkonkludiet kuntratt ma’ din l-impriża Olandiża biex issewwi u tadatta trakkijiet u trejlers.

C –    Il-Kawża C-309/09

13.      Fil-15 ta’ Novembru 2005, il-kumpannija predeċessura ta’ Olbek ikkonkludiet kuntratt mal-kumpannija HTG Nederveen BV biex tipprovdilha persunal biex twettaq is-servizzi tat-trattament tal-iskart matul perijodu ta’ diversi xhur. Spezzjoni fl-uffiċini ta’ HTG Nederveen BV żvelat il-preżenza ta’ 20 ċittadin Pollakk li kienu qed jagħmlu dan ix-xogħol. Skont ir-reġistri fil-Polonja, din il-kumpannija predeċessura kienet attiva kemm fil-qasam tal-kostruzzjoni tal-metall kif ukoll bħala aġenzija tax-xogħol temporanju.

14.      Wara li ġew skoperti ċ-ċittadini Pollakki msemmijin iktar ’il fuq, it-tliet rikorrenti fil-kawżi prinċipali ġew immultati għall-ksur tal-Artikolu 2(1) tal-Wav, talli dawn wettqu xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi permezz ta’ ċittadini Pollakki mingħajr ma kisbu permess tax-xogħol.

15.      Fiċ-ċaħda tal-ilmenti li saru kontra dawn il-multi, il-Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid [u, fil-Kawża C‑307/09, is-Staatsecretaris van Sociale Zaken en Werkgelegenheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Soċjali u għall-Impjieg)] ikkunsidra li l-provvista ta’ servizzi magħmula, rispettivament minn Vicoplus, BAM Vermeer u Olbek kienet tikkonsisti fil-provvista ta’ ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 1e(1)(c) tad-digriet ta’ implementazzjoni. Biex wasal għal din il-konklużjoni, huwa kkunsidra b’mod partikolari li x-xogħol ta’ dawn iċ-ċittadini kien twettaq taħt il-kontroll u r-responsabbiltà tal-kumpannija Olandiża inkwistjoni, bl-użu ta’ mezzi u materjali tagħha, u li dan ix-xogħol ma kellux x’jaqsam mal-attivitajiet prinċipali ta’ dawn l-impriżi Pollakki.

16.      Billi r-Rechtbank ’s-Gravenhage ċaħdet ir-rikorsi tagħhom ippreżentati kontra dawn id-deċiżjonijiet, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kollha ppreżentaw appell quddiem il-qorti tar-rinviju.

17.      Din tal-aħħar tikkunsidra li mis-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1990, Rush Portuguesa (9); tad-9 ta’ Awwissu 1994, Vander Elst (10); tal-21 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (11); tad-19 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (12), kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L‑Awstrija (13), jirriżulta li restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, tista’ tkun iġġustifikata, b’mod partikolari, mill-għan ta’ interess ġenerali li jikkonsisti fil-protezzjoni tas-suq nazzjonali tax-xogħol, meta kollokament huwa intiż biex il-ħaddiem inkwistjoni jidħol fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-kollokament temporanju jew biex jiġu evitati r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema. Ġeneralment dan ma jkunx il-każ meta l-ħaddiem ikkollokat huwa fis-servizz tal-awtur tal-provvista, jekk il-ħaddiem iwettaq l-attività prinċipali tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini u jerġa’ lura f’dan l-Istat Membru wara li jiġu pprovduti s-servizzi.

18.      Il-qorti tar-rinviju madankollu tirrimarka li l-Qorti tal-Ġustizzja ma reġgħetx affermat il-punt 16 tas-sentenza Rush Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq, fis-sentenzi ulterjuri msemmijin. Għalhekk, hija tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jipprojbixxix li l-provvista ta’ ħaddiema tkun suġġetta għal kisba ta’ permess tax-xogħol fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, filwaqt li tosserva li, f’dawn l-aħħar sentenzi, in-natura tas-servizzi inkwistjoni ma hijiex ippreċiżata u din ma hijiex kwistjoni ta’ ċittadini ta’ Stat Membru ġdid fil-perijodu tranżitorju, iżda dik ta’ ċittadini ta’ Stat terz. Barra minn hekk, il-portata tal-kunċett “provvista” li hemm fis-sentenza Rush Portuguesa ċċitata iktar ’il fuq ma hijiex ċara.

19.      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, għall-protezzjoni tas-suq nazzjonali tax-xogħol, il-permess tax-xogħol meħtieġ taħt l-Artikolu 2(1) tal-Wav biex jiġu pprovduti servizzi li jikkonsistu fil-provvista ta’ ħaddiema huwiex miżura proporzjonata fid-dawl tal-Artikoli 49 KE u 50 KE, wara li tiġi kkunsidrata wkoll ir-riżerva li hemm fil-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

20.      Jekk dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-portata tal-kunċett tal-provvista ta’ ħaddiema u, b’mod partikolari, fuq l-importanza li għandha tingħata lin-natura tal-attività prinċipali li min jipprovdi s-servizzi inkwistjoni jwettaq fl-Istat ta’ stabbiliment tiegħu.

21.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li ġew ifformulati f’termini identiċi fit-tliet Kawżi C‑307/09 sa C‑309/09:

“1)      L-Artikoli 49 [KE] u 50 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola nazzjonali bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 tal-[Wav] u tal-Artikolu 1e(1)(c) tad-digriet li jimplementaha, li tipprovdi li l-kollokament ta’ ħaddiema kif previst fl-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71[…] jeħtieġ permess ta’ xogħol?

2)      Fid-dawl ta’ liema kriterji għandu jiġi ddeterminat jekk kienx hemm kollokament ta’ ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71[…]?”

22.      Vicoplus, BAM Vermeer u Olbek, il-Gvern Olandiż, dak Ċek, dak Ġermaniż, dak Awstrijak u dak Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn l-istess partijiet intervenjenti, ħlief għal Vicoplus, iżda li magħhom żdied il-Gvern Daniż, ippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom matul is-seduta li saret fit-8 ta’ Lulju 2010.

III – Analiżi

23.      F’dawn il-kawżi, il-problema prinċipali hija li jiġi ddeterminat f’liema kundizzjonijiet l-attività tal-provvista ta’ ħaddiema, għalkemm tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikoli 49 KE u 50 KE, tista’, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, tikkonċerna wkoll il-moviment liberu tal-ħaddiema.

24.      Il-partikolarità ta’ dawn il-kawżi tinsab fil-fatt li, fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, kienu japplikaw id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 li, fir-rigward tal-ħaddiema Pollakki, kellhom deroga għall-moviment liberu tal-ħaddiema iżda mhux, għal dak li jirrigwarda r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jinvolvu l-moviment temporanju tal-ħaddiema, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71.

25.      F’dan il-kuntest, naħseb li l-ewwel domanda li għamlet il-qorti tar-rinviju għandha tiġi rriformulata biex l-interpretazzjoni tiffoka fuq id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. Għalhekk jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina jekk il-provvista ta’ ħaddiema taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga fil-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. Huwa biss jekk dan ma jkunx il-każ li jkun hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-miżuri fid-dritt Olandiż jikkostitwixxux restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tista’ tkun iġġustifikata.

26.      Sabiex tingħata risposta għal-ewwel domanda kif jiena fformulajtha mill-ġdid, ser nispjega li, għalkemm il-provvista ta’ ħaddiema tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 49 KE u 50 KE, in-natura partikolari ta’ din il-provvista ta’ servizzi twassal neċessarjament għal interazzjonijiet mar-regoli dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema.

A –    Il-provvista ta’ ħaddiema, provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikoli 49 KE u 50 KE

27.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50 KE, jitqiesu bħala servizzi dawk normalment mogħtija bi ħlas, sa fejn dawn ma jkunux irregolati minn dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital u tal-persuni. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 50 KE jelenka, bħala eżempju, ċerti attivitajiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ servizzi.

28.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tagħha Webb (14), li attività li tikkonsisti, għal impriża, fil-provvista, bi ħlas, ta’ ħaddiema li jibqgħu fis-servizz tal-impriża msemmija mingħajr ma jkun sar l-ebda kuntratt tax-xogħol mal-utent, tikkostitwixxi attività professjonali li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 50 KE. Għalhekk għandha tiġi kkunsidrata bħala servizz fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (15).

29.      Pereżempju dan jispjega li huwa fid-dawl ta’ regoli tat-Trattat KE li jirrigwardaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi li ġiet iddikjarata inkompatibbli dispożizzjoni tad-dritt Ġermaniż li kienet timponi fuq l-impriżi tax-xogħol temporanju stabbiliti fi Stati Membri oħra l-obbligu li jikkomunikaw bil-miktub lill-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti mhux biss il-bidu u t-tmiem tal-provvista ta’ ħaddiem għall-benefiċċju ta’ impriża li tużah fil-Ġermanja, iżda wkoll il-post fejn ikun qed jaħdem dan il-ħaddiem kif ukoll kull bidla fil-post, filwaqt li l-impriżi tal-istess tip stabbiliti fil-Ġermanja ma kinux suġġetti għal dan l-obbligu ulterjuri li dejjem kien impost fuq impriżi utenti (16).

30.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet enfasi diversi drabi fuq in-natura partikolari ta’ dan it-tip ta’ provvista ta’ servizzi.

B –    Il-provvista tal-ħaddiema, provvista ta’ servizzi ta’ natura partikolari

31.      Rajna li, fis-sentenza tagħha Webb, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja daħħlet il-provvista ta’ ħaddiema fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Madankollu hija rrikonoxxiet darbtejn, fl-istess sentenza, l-ispeċifiċità ta’ dan it-tip ta’ provvista ta’ servizzi.

32.      Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tammetti li l-ħaddiema impjegati mill-impriżi li jipprovdu ħaddiema, jistgħu, jekk ikun il-każ, jaqgħu taħt ir-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u r-regolamenti li jimplementawhom (17).

33.      Fit-tieni lok, fl-istadju tal-eżami tal-ġustifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali li tikkonsisti għal Stat Membru li jeżiġi minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor awtorizzazzjoni għall-provvista ta’ ħaddiema fit-territorju tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li għandu jiġi rrikonoxxut li l-provvista ta’ ħaddiema tikkostitwixxi qasam partikolarment sensittiv mill-aspett professjonali u soċjali. Hija tispjega li, minħabba n-natura partikolari tar-rabtiet tax-xogħol inerenti f’dan it-tip ta’ attività, it-twettiq tagħha jaffettwa direttament kemm ir-relazzjonijiet fis-suq tax-xogħol kif ukoll l-interessi leġittimi tal-ħaddiema kkonċernati (18).

34.      Fis-sentenza tagħha Rush Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet enfasi wkoll fuq in-natura partikolari tal-provvista ta’ ħaddiema. F’din il-kawża nqalgħet il-problema tar-relazzjoni bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif inhi ggarantita fl-Artikoli 49 KE u 50 KE u d-derogi mill-moviment liberu tal-ħaddiema stabbiliti fl-Artikoli 215 et seq tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża u l-adattamenti għat-Trattat (19), fuq il-kollokament ta’ ħaddiema Portugiżi magħmul fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi eżegwita fi Franza minn impriża stabbilita fil-Portugall, f’dan il-każ partikolari t-twettiq ta’ xogħol għall-bini ta’ linja ferrovjarja fil-punent ta’ Franza.

35.      B’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 49 KE u 50  KE jipprekludu lil Stat Membru milli jipprojbixxi li persuna li tipprovdi servizzi stabbilita fi Stat Membru ieħor tiċċaqlaq liberament fit-territorju tiegħu flimkien mal-persunal kollu tagħha jew li dan l-Istat Membru jissuġġetta l-kollokament tal-persunal inkwistjoni għal kundizzjonijiet restrittivi bħal kundizzjoni ta’ impjieg fil-post jew obbligu li jinkiseb permess tax-xogħol.

36.      Peress li l-Artikolu 216 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1985 eskluda, sal-1 ta’ Jannar 1993, l-applikazzjoni tal-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament Nru 1612/68, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tippreċiża l-impatt ta’ din id-dispożizzjoni tranżitorja f’din il-kawża. Hija tgħid f’dan ir-rigward li l-Artikolu 216 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1985 għandu bħala għan li jevita li, wara l-adeżjoni tar-Repubblika Portugiża, ikun hemm taqlib fis-suq tax-xogħol, kemm fil-Portugall kif ukoll fl-Istati Membri l-oħra, minħabba l-movimenti immedjati u kbar tal-ħaddiema, u li joħloq għal dan il-għan deroga mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema kif stabbilit fl-Artikolu 39 KE. Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid tgħid li din id-deroga għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ dan l-għan (20).

37.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li din id-deroga tapplika meta jkun hemm kwistjoni dwar l-aċċess, mill-ħaddiema Portugiżi, għas-suq tax-xogħol tal-Istati Membri l-oħra u s-sistema ta’ dħul u ta’ soġġorn tal-ħaddiema Portugiżi li talbu dan l-aċċess, kif ukoll tal-membri tal-familja tagħhom. Hija tgħid, fil-fatt, li din l-applikazzjoni hija ġġustifikata billi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, is-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti jkun f’riskju ta’ taqlib (21).

38.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tgħid li jkun differenti l-każ meta jkun hemm trasferiment temporanju ta’ ħaddiema li jintbagħtu fi Stat Membru ieħor biex jagħmlu xogħol ta’ kostruzzjoni jew xogħlijiet pubbliċi fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi ta’ min iħaddimhom. Fil-fatt, hija tippreċiża li dawn il-ħaddiema jerġgħu lura fl-Istat ta’ oriġini tagħhom wara li jwettqu l-missjoni tagħhom, mingħajr ma jidħlu fl-ebda mument fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti (22).

39.      Huwa f’dan l-istadju tar-raġunament tagħha li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riżerva minħabba l-ispeċifiċità tal-attività tal-provvista ta’ ħaddiema.

40.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li, sa fejn il-kunċett ta’ “servizzi mogħtija” kif iddefinit fl-Artikolu 50 KE jkopri attivitajiet ta’ natura diverġenti ħafna, ma jirriżultawx l-istess konklużjonijiet fil-każijiet kollha. B’mod partikolari, hija tgħid li hemm bżonn li jiġi rrikonoxxut li impriża li tipprovdi ħaddiema, għalkemm tipprovdi servizzi fis-sens tat-Trattat, tagħmel attivitajiet li għandhom preċiżament bħala għan li ħaddiema jkunu jistgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti. Għall-Qorti tal-Ġustizzja, f’każ bħal dan, l-Artikolu 216 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1985 jipprojbixxi l-provvista ta’ ħaddiema ġejjin mill-Portugall minn impriża li tipprovdi servizzi (23).

41.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel id-distinzjoni bejn is-sitwazzjoni fejn il-kollokament tal-ħaddiema jikkostitwixxi l-aċċessorju ta’ provvista ta’ servizzi u dik fejn l-għan stess tal-provvista ta’ servizzi huwa li l-ħaddiema jidħlu fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti. Huwa biss f’dan l-aħħar każ li d-dispożizzjoni tranżitorja li tissospendi l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema tista’ tiġi invokata.

42.      B’mod iktar ġenerali, u għalhekk indipendentement minn kull dispożizzjoni tranżitorja, il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli tindividwalizza l-provvista ta’ ħaddiema minn provvisti oħra ta’ servizzi. Għalhekk, hija tammetti li, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, Stat Membru jista’ jivverifika li l-impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, li tikkoloka fit-territorju tiegħu ħaddiema ta’ pajjiż terz, ma tużax il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għal għan ieħor ħlief li jiġi pprovdut is-servizz ikkonċernat, pereżempju dak li ġġib magħha l-persunal għall-finijiet tal-ingaġġ jew il-provvista ta’ ħaddiema (24).

43.      Dawn l-elementi meħudin mill-ġurisprudenza jippermettu li wieħed jikkonkludi li l-provvista ta’ ħaddiema tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi ta’ natura partikolari, għaliex din tiddistingwi ruħha bl-għan tagħha li huwa li l-ħaddiema jitħallew jidħlu fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti. Minn dan l-aspett, il-provvista ta’ ħaddiema, anki jekk din tikkostitwixxi attività ekonomika li taqa’ l-ewwel nett taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ma tistax tiġi iżolata totalment mill-problemi marbutin mal-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (25).

44.      Issa għandu jiġi vverifikat jekk, minħabba n-natura partikolari tagħha u b’analoġija mar-riżerva li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 16 tas-sentenza tagħha Rush Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq, il-provvista tal-ħaddiema tistax tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adezjoni tal-2003.

45.      Fil-fehma tiegħi, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni tranżitorja u l-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-effettività tagħha jirrikjedu risposta pożittiva.

C –    It-teħid inkunsiderazzjoni tal-għan tad-dispożizzjoni tranżitorja dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-ħtieġa li tiġi ppreżervata l-effettività tagħha

46.      Peress li tikkostitwixxi deroga għall-applikazzjoni immedjata u integrali tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għall-Istati Membri ġodda, skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjoni tranżitorja għandha tiġi interpretata b’mod strett u b’tali mod li tiġi ffaċilitata l-kisba tal-għanijiet tat-Trattat u applikazzjoni sħiħa tar-regoli tiegħu (26).

47.      Madankollu, fil-preżenza ta’ dispożizzjoni tranżitorja li tissospendi, għal ċertu żmien, l-applikazzjoni tal-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament Nru 1612/68 u li tawtorizza temporanjament lill-Istati Membri biex jilleġiżlaw fuq l-aċċess taċ-ċittadini Pollakki għas-suq tax-xogħol tagħhom, jidhirli li huwa indispensabbli li jiġi eżaminat x’inhu l-għan ta’ din id-dispożizzjoni tranżitorja biex jiġi ddeterminat l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

48.      F’dan ir-rigward, mis-sentenza Rush Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li dispożizzjoni tranżitorja li tissospendi l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema, għandha bħala għan li jiġi evitat li, wara l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid, ma jkunx hemm taqlib fis-suq tax-xogħol, kemm f’dan l-Istat ġdid kif ukoll fl-Istati Membri l-oħra, minħabba l-movimenti immedjati u kbar tal-ħaddiema.

49.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, deroga bħal din għandha tiġi interpretata skont l-imsemmi għan (27).

50.      Billi, kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-provvista ta’ ħaddiema hija intiża sabiex dawn ikunu jistgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti, interpretazzjoni teleoloġika tal-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 twassal neċessarjament biex din l-attività tiġi inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tranżitorja.

51.      Fid-dawl tal-għan ta’ din tal-aħħar, jidhirli li huwa artifiċjali li ssir distinzjoni skont jekk ħaddiem jidħolx direttament u b’mod awtonomu fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti jew jekk jidħolx permezz ta’ impriża li għandha bħala attività l-provvista ta’ ħaddiema. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, dawn huma movimenti ta’ ħaddiema potenzjalment kbar li jirriskjaw li joħolqu taqlib, wara l-adeżjonijiet il-ġodda, fis-suq tax-xogħol tal-Istati Membri. Għalhekk, il-fatt li l-provvista ta’ ħaddiema tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, fil-fehma tiegħi, imur kontra l-għan ta’ din id-dispożizzjoni tranżitorja u jwassal biex titneħħielha l-parti l-kbira mill-effettività tagħha.

52.      Għalhekk, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti interpretazzjoni lill-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 li mhux biss tikkorrispondi mal-għan tiegħu, iżda tippreżerva l-effettività tiegħu, billi tiddeċiedi li din id-dispożizzjoni tranżitorja tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-provvista ta’ ħaddiema.

53.      Jiena ma nikkondividix id-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk ir-raġunament li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 16 tas-sentenza tagħha Rush Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq, ġiex ikkonfermat fis-sentenzi ulterjuri ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu; tad-19 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, u Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, sa fejn in-nuqqas ta’ riferiment espress għall-punt ikkonċernat huwa spjegabbli miċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dawn ir-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jiġifieri li kienu jirrigwardaw ċittadini ta’ Stat terz u ma kien hemm inkwistjoni l-ebda miżura tranżitorja dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema. Għalhekk, xejn ma jindika li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ser tabbanduna l-ġurisprudenza tagħha fis-sens li l-attività eżerċitata minn impriża ta’ provvista ta’ ħaddiema hija intiża biex tipprovdi aċċess lill-ħaddiema għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti.

54.      Barra minn hekk, ma naħsibx li, bl-adozzjoni tad-Direttiva 96/71, b’mod partikolari l-Artikolu 1 tagħha, il-leġiżlatur Komunitarju ried jikkomprometti l-possibbiltà għall-Istati diġà membri tal-Unjoni li jikkontrollaw jew jillimitaw l-aċċess tal-ħaddiema tal-Istati Membri l-ġodda għas-suq tax-xogħol tagħhom biex ma jkunx hemm taqlib fih minħabba movimenti immedjati u kbar ta’ ħaddiema.

55.      Huwa veru li jidher li d-Direttiva 96/71, adottata wara s-sentenza Rush Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq, u li għandha bħala bażi legali r-regoli tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fl-Artikolu 1(3)(c) tagħha, tkopri din il-forma partikolari ta’ kollokament li tikkostitwixxi l-provvista ta’ ħaddiema. Madankollu, jidhirli li huwa konformi ma’ wieħed mill-għanijiet ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-ħaddiema, li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq jinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva msemmija firxa wiesa’ kemm jista’ jkun ta’ sitwazzjonijiet karatteristiċi ta’ kollokament ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ provvista ta’ servizzi, biex jibbenefikaw mir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 96/71 l-ikbar għadd ta’ ħaddiema possibbli. L-inklużjoni tal-provvista ta’ ħaddiema fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ma tipprekludix għalhekk, fil-fehma tiegħi, li dan it-tip ta’ attività jkun jista’ jaqa’ wkoll taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fil-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, fid-dawl tal-għanijiet differenti ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġ atti.

56.      Diversi partijiet intervenjenti osservaw ukoll li l-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jirreferi għall-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71 u jipprevedi deroga espressa, għal dak li jikkonċerna l-provvisti ta’ servizzi li hemm previsti fih, biss għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Awstrija. Huma jgħidu li wieħed jista’ jiddeduċi minn dan li jekk l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva fit-totalità tiegħu huwa kopert mill-Kapitolu 2(13) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, li huwa paragrafu li jikkonċerna biss lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Awstrija, dan ifisser li l-provvista ta’ ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) ta’ din id-direttiva ma tistax tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 li jikkonċerna l-moviment liberu tal-ħaddiema.

57.      Jiena ma naqbilx ma’ din l-analiżi. Fil-fehma tiegħi, l-għan tar-riferiment għall-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71 fid-dispożizzjoni tranżitorja li jinsab fil-Kapitolu 2(13) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, huwa li jenfasizza li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Awstrija nnegozjaw mhux biss is-sospensjoni tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, iżda wkoll dik tar-regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’ċerti setturi sensittivi għat-tipi kollha ta’ provvisti ta’ servizzi li jinvolvu moviment tal-ħaddiema. Riferiment bħal dan, fil-fehma tiegħi, ma għandhiex bħala għan, fin-nuqqas ta’ eċċezzjoni espressament stabbilita fil-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, li tiġi eskluża l-possibbilità għall-Istati Membri li jissuġġettaw għal awtorizzazzjoni l-provvista ta’ ħaddiema fit-territorju tagħhom matul perijodu tranżitorju.

58.      Sa fejn nikkunsidra li l-provvista ta’ ħaddiema taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fil-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, issa, sabiex tkun tista’ tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju għas-soluzzjoni tal-kawżi pendenti quddiemha, għandu jiġi ddeterminat liema huma l-kriterji prinċipali li jippermettu li tiġi identifikata din il-kategorija partikolari ta’ provvista ta’ servizzi.

D –    Il-kriterji prinċipali li jippermettu li tiġi identifikata l-provvista ta’ ħaddiema

59.      Id-dritt sekondarju jipprovdina b’informazzjoni biex tiġi ddefinita l-provvista ta’ ħaddiema.

60.      Iktar ’il fuq għamilt riferiment għall-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71 li jsemmi l-każ fejn l-impriża “billi tkun impriża ta’ impjieg jew aġent ta’ kollokazzjoni temporanju, tibgħat ħaddiem lill-impriża utenti stabbilita jew li topera fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża ta’ impjieg jew aġent ta’ kollokament temporanju u l-ħaddiem matul il-perjodu tal-kollokament”.

61.      Minn din id-definizzjoni jirriżulta l-ewwel kriterju, jiġifieri li, matul il-provvista ta’ ħaddiema, tinżamm ir-relazzjoni tax-xogħol bejn l-impriża li tipprovdi l-ħaddiem u dan tal-aħħar. Fi kliem ieħor, il-provvista ta’ ħaddiema lil impriża li tużahom ma ġġibx magħha kuntratt tax-xogħol bejnha u l-ħaddiem ipprovdut.

62.      Iżda, in-nuqqas ta’ riferiment għal dak li jingħad fl-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71, fejn il-kollokament tal-ħaddiem isir f’isem u taħt id-direzzjoni tal-impriża li tikkolloka dan il-ħaddiem, jagħti lil wieħed x’jifhem li l-impriża li tipprovdi ħaddiem ma teżerċitax awtorità fuq il-mod kif il-ħaddiem jagħmel ix-xogħol li jingħatalu.

63.      Dan huwa t-tieni kriterju li jippermetti li tiġi identifikata provvista ta’ ħaddiema, jiġifieri l-eżistenza ta’ subordinazzjoni de facto tal-ħaddiem fir-rigward tal-impriża utenti, għal dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni, it-twettiq u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Fi kliem ieħor, is-sitwazzjoni fejn min jimpjega jikkonkludi ma’ impriża utenti kuntratt li bih tal-ewwel jiddelega lit-tieni impriża l-awtorità li jkollu bħala dak li jimpjega għat-twettiq ta’ xogħol li jingħata lill-ħaddiem tikkaratterizza, fil-fehma tiegħi, provvista ta’ ħaddiema.

64.      Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (28) tikkonferma din l-analiżi. Fil-fatt mill-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tapplika “għall-ħaddiema b’kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg ma’ aġenzija ta’ xogħol temporanju li huma assenjati għal impriżi utenti biex jaħdmu b’mod temporanju taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tagħhom” (29). Din l-aħħar karatteristika tippermetti li ssir distinzjoni bejn il-provvista ta’ ħaddiema u s-sottokuntrattar. Fil-fatt, fir-relazzjonijiet tas-sottokuntrattar, iż-żewġ impriżi jżommu l-kontroll fuq il-persunal tagħhom, u ma hemm l-ebda trasferiment ta’ awtorità għal dak li jikkonċerna t-twettiq tax-xogħol mogħti lill-ħaddiema.

65.      It-tielet kriterju jinsab fil-għan tal-provvista. Biex tiġi identifikata l-eżistenza ta’ provvista ta’ ħaddiema, fil-fatt għandu jiġi vverifikat jekk l-għan tal-provvista ta’ servizzi huwiex esklużivament li l-ħaddiema jiġu pprovduti lil impriża utenti jew jekk il-kollokament ta’ ħaddiema jikkostitwixxix l-aċċessorju ta’ provvista ta’ servizzi li impriża stabbilita fi Stat A tkun intrabtet li tipprovdi lil impriża stabbilita fi Stat B. Jiena nikkunsidra, pereżempju, li s-sitwazzjoni fejn impriża speċjalizzata fl-installazzjoni ta’ softwer informatiku tintrabat kuntrattwalment li tibgħat lill-inġiniera tagħha f’impriża biex tiġi żviluppata s-sistema informatika ta’ din tal-aħħar ma tikkostitwixxix sempliċi provvista ta’ ħaddiema. Hawnhekk, l-element prinċipali huwa t-twettiq ta’ servizzi informatiċi minn ħaddiema ta’ impriża speċjalizzata fil-qasam informatiku, fejn dawn il-ħaddiema jeżegwixxu s-servizz tagħhom taħt il-kontroll ta’ din l-impriża. F’sitwazzjoni bħal din, il-kollokament ta’ ħaddiema huwa biss il-konsegwenza neċessarja tal-implementazzjoni ta’ ħila li hija speċjalità tal-impriża li tipprovdi s-servizzi.

66.      Għalhekk minn dawn l-elementi niddeduċi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fil-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, provvista ta’ ħaddiema hija kkaratterizzata, l-ewwel nett, miż-żamma tar-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-impriża li tipprovdi l-ħaddiem u dan tal-aħħar, it-tieni nett, mill-fatt li l-ħaddiem li ġie pprovdut lill-impriża utenti jagħmel ix-xogħol tiegħu taħt il-kontroll u d-direzzjoni ta’ din tal-aħħar u, it-tielet nett, mill-fatt li l-kollokament ta’ ħaddiema jikkostitwixxi l-uniku għan tal-provvista ta’ servizzi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, f’kull waħda mill-kawżi li għandha quddiemha, humiex sodisfatti dawn il-kriterji.

67.      Iżda ma jidhirlix li elementi oħra jikkostitwixxu kriterji affidabbli ta’ provvista ta’ ħaddiema.

68.      Għalhekk, fir-rigward tal-importanza li għandha tingħata lin-natura tal-attività prinċipali li min jipprovdi s-servizz iwettaq fl-Istat fejn huwa stabbilit, nikkunsidra li din tikkostitwixxi biss indizju biex jiġi ddeterminat jekk it-tielet kriterju huwiex sodisfatt, jiġifieri jekk l-għan tal-provvista ta’ servizzi huwiex esklużivament li l-ħaddiema jiġu pprovduti lil impriża utenti jew jekk il-kollokament tal-ħaddiema jikkostitwixxix l-aċċessorju ta’ provvista ta’ servizzi ta’ natura oħra li tikkorrispondi pereżempju mal-qasam ta’ attività tal-impriża li tibgħat il-ħaddiema.

69.      Barra minn hekk, nikkunsidra li l-fatt li l-ħaddiema jirritornaw fl-Istat Membru ta’ oriġini fi tmiem il-missjoni tagħhom ma huwiex rilevanti biex tiġi kkaratterizzata provvista ta’ ħaddiema. Fil-fehma tiegħi, dak li huwa importanti hu li, anki b’mod temporanju, huma ġew issekondati f’impjiegi effettivament offruti minn impriża li tinsab fl-Istat Membru ospitanti u għalhekk daħlu għal ċertu perijodu fis-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat.

70.      Matul is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li, fil-fehma tagħha, ħaddiem li jiġi pprovdut ma jidħolx fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti għaliex l-ebda kuntratt tax-xogħol ma jiġi konkluż bejn dan il-ħaddiem u l-impriża utenti. Jiena ma nistax naqbel ma’ dan ir-raġunament sa fejn la jiħu inkunsiderazzjoni l-karattru partikolari tal-provvista ta’ ħaddiema u lanqas l-impatt li din jista’ jkollha fuq is-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti.

71.      Provvista ta’ ħaddiema twassal għal diviżjoni tar-relazzjoni tax-xogħol fi tnejn. Kif indikajt iktar ’il fuq, il-ħaddiem jibqa’ jkun marbut ma’ min jimpjegah inizjalment iżda, fl-istess ħin, ix-xogħol materjali jiġi pprovdut minn min iħaddem li jinsab fl-Istat Membru ospitanti għall-bżonnijiet tal-impriża tiegħu, u jiġi eżegwit taħt il-kontroll u d-direzzjoni ta’ dan tal-aħħar. Il-ħaddiem li jiġi pprovdut jiġi ingaġġat bl-istess mod bħal ħaddiem lokali u, għaldaqstant, jidħol f’kompetizzjoni diretta mal-ħaddiema lokali fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti u dan ikollu neċessarjament effett fuq dan is-suq. L-influss f’daqqa ta’ ħaddiema pprovduti li tista’ ġġib magħha l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid jista’ biss jirriskja li jiddistabbilizza s-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti, u dan huwa preċiżament dak li jridu jevitaw id-dispożizzjonijiet tranżitorji bħal dik li dwarha jittrattaw dawn il-kawżi.

IV – Konklużjoni

72.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmijin iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi bil-mod li ġej id-domandi preliminari magħmulin mir-Raad van State:

“1)      Il-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Republika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka, u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dipożizzjoni tranżitorja tinkludi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-provvista ta’ ħaddiema.

2)      Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tranżitorja msemmija, provvista ta’ ħaddiema hija kkaratterizzata, l-ewwel nett, miż-żamma tar-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-impriża li tipprovdi l-ħaddiem u dan tal-aħħar, it-tieni nett, mill-fatt li l-ħaddiem li ġie pprovdut lill-impriża utenti jagħmel ix-xogħol tiegħu taħt il-kontroll u d-direzzjoni ta’ din tal-aħħar u, it-tielet nett, mill-fatt li l-kollokament ta’ ħaddiema jikkostitwixxi l-uniku għan tal-provvista ta’ servizzi.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, f’kull waħda mill-kawżi li għandha quddiemha, humiex sodisfatti dawn il-kriterji.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431.


3 – Għandu jingħad li jeżistu żewġ kawżi oħrajn li bħalissa huma pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u li ġew sospiżi sakemm tingħata s-sentenza f’dawn il-kawżi, jiġifieri Johan van Leendert Holding (C‑158/10), kif ukoll Jung u Hellweger (C‑241/10).


4 – ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni tal-2003”.


5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1 p. 15.


6 – Stb. 1994, nru 959, iktar ’il quddiem il-“Wav”.


7 – Stb. 1995, nru 406.


8 – Stb. 2005, nru 577, iktar ’il quddiem id-“digriet ta’ implementazzjoni”.


9 – C‑113/89, Ġabra p. I‑1417.


10 – C‑43/93, Ġabra p. I‑3803.


11 – C‑445/03, Ġabra p. I‑10191.


12 – C‑244/04, Ġabra p. I‑885.


13 – C‑168/04, Ġabra p. I‑9041.


14 – Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1981, (279/80, Ġabra p. 3305).


15 – Ara, ukoll, dwar l-attività ta’ kollokament ta’ ħaddiema, is-sentenzi tat-18 ta’ Jannar 1979, van Wesemael et (110/78 u 111/78, Ġabra p. 35, punt 7), kif ukoll tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC (C‑208/05, Ġabra p. I‑181, punt 54).


16 – Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑490/04, Ġabra p. I‑6095, punti 83 sa 89).


17 – Sentenza Webb, iċċitata iktar ’il fuq (punt 10).


18 – Ibidem (punt 18).


19 – ĠU 1985, L 302, p. 23, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni tal-1985”.


20 – Sentenza Rush Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq (punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 – Ibidem (punt 14).


22 – Ibidem (punt 15).


23 – Ibidem (punt 16).


24 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq (punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


25 – Għal eżempju ieħor ta’ interazzjoni bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-ħaddiema, ara s-sentenza ITC, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kollokament ta’ ħaddiema fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ libertàjiet.


26 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 1998, KappAhl (C‑233/97, Ġabra p. I‑8069, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27 – Sentenza Rush Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq (punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28 – ĠU L 327, p. 9.


29 – Nista’ niċċita wkoll id-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE, tal-25 ta’ Ġunju 1991, li tissupplementa l-miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta’ impjieg b’dewmien fiss jew ta’ impjieg temporanju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 418) kif emendata bid-Direttiva 2007/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ġunju 2007, (ĠU L 165, p.21) li tistabbilixxi, fl-Artikolu 1(2) tagħha li din tapplika għal “relazzjonijiet ta’ mpjieg temporanji bejn impriża ta’ mpjieg temporanju li hija min iħaddem u l-ħaddiem, fejn ta’ l-aħħar huwa assenjat xogħol għal u taħt il-kontroll ta’ mpriża u/jew ta’ stabbiliment li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi”.

Top