EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0265

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 6 ta' Mejju 2010.
l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI) vs BORCO-Marken-Import Matthiesen GmbH & Co. KG.
Appell - Trade mark Komunitarja - Applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sinjal figurattiv ‘α’ - Raġunijiet assoluti għal rifjut - Karattru distintiv - Trade mark magħmula minn ittra unika.
Kawża C-265/09 P.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-08265

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:256

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fis-6 ta’ Mejju 2010 1(1)

Kawża C‑265/09 P

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI)

vs

BORCO-Marken-Import Matthiesen GmbH & Co. KG

“Appell – Trade mark Komunitarja – Sinjal li jikkonsisti f’ittra – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Regolament (KE) Nru 40/94 – Artikolu 7(1)(b) – Karattru distintiv – Metodu ta’ evalwazzjoni – Eżami konkret fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni”






1.        Fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (2), l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI) jista’ jintroduċi esklużjoni a priori għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja ta’ ittra mingħajr stilizzazzjoni, mingħajr ma jikser l-imsemmi regolament?

2.        Din hija essenzjalment, il-kwistjoni li tqajmet fl-appell preżenti ppreżentat mill-UASI kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea) tad-29 ta’ April 2009, BORCO-Marken-Import Matthiesen vs UASI (α) (3).

3.        Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors għal annullament ippreżentat minn BORCO-Marken-Import Matthiesen GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem, “BORCO”) kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tat-30 ta’ Novembru 2006 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”) li permezz tagħha dan irrifjuta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tas-sinjal “α” abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament minħabba nuqqas ta’ karattru distintiv. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-metodu adottat mill-UASI għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ dan is-sinjal ma kienx konformi mal-imsemmija dispożizzjoni peress li dan ma pproċediex għal eżami konkret tal-karatturu distintiv tas-sinjal inkwistjoni fir-rigward tal-prodotti indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali rreferiet din l-applikazzjoni lura lill-UASI sabiex terġa’ teżaminaha mill-ġdid.

4.        Fl-appell preżenti, l-UASI jikkunsidra li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament peress li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Qorti Ġenerali, huwa ma kienx marbut jipproċedi b’tali eżami fir-rigward tas-sinjal inkwistjoni.

5.        Fil-konklużjonijiet preżenti, jiena neżamina r-raġunijiet li minħabba fihom nikkunsidra li l-kritika magħmula mill-UASI fir-rigward tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma hijiex fondata. Fil-fatt nirrileva li, peress li, b’mod konformi mal-Artikolu 4 tar-Regolament, l-ittri huma fost is-sinjali li jistgħu jiġu rreġistrati, l-evalwazzjoni tan-natura distintiva tagħhom fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament għandha ssir fil-kuntest ta’ kull każ konkret, bit-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura u tal-karatteristiċi partikolari tal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. B’hekk, fi qbil mal-Qorti Ġenerali, jiena tal-opinjoni li meta ma pproċeda għal ebda eżami konkret tan-natura distintiva tas-sinjal inkwistjoni, l-UASI spiċċa biex introduċa, fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament, esklużjoni a priori għal reġistrazzjoni ta’ ittra mingħajr stilizzazzjoni u, minħabba dan il-fatt, kiser id-dispożizzjonijiet tar-Regolament. Għalhekk, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell preżenti.

I –    Il-kuntest ġuridiku

6.        Skont il-kliem tal-Artikolu 4 tar-Regolament intitolat “Sinjali li jistgħu jintużaw fi trade mark Komunitarja”:

“Trade mark Komunitarja tista’ tikkonsisti f’sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra.”

7.        L-Artikolu 7 tar-Regolament, li jikkonċerna r-raġunijiet assoluti għal rifjut, huwa redatt hekk:

“1.      Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

b)      trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

[…]”

8.        Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirrepetu f’termini identiċi, id-dispożizzjonijiet previsti rispettivament fl-Artikoli 2 u 3(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (4).

II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

9.        Il-fatti, hekk kif jirriżultaw mis-sentenza kkontestata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

10.      Fl-14 ta’ Settembru 2005, BORCO ppreżentat quddiem l-UASI applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja skont ir-Regolament. It-trade mark, li għaliha ntalbet reġistrazzjoni bħala trade mark figurattiva, hija s-sinjal:

Image not found

11.      Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassi 33 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja “Xorb alkoħoliku ħlief birer, inbejjed, inbejjed bil-gass u xorb li jkollu fih l-inbid”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12.      Permezz tad-deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2006, l-eżaminatur irrifjuta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni minħabba nuqqas ta’ karattru distintiv tas-sinjal, fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament. L-eżaminatur ikkonkluda li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet tikkostitwixxi riproduzzjoni fidila tal-ittra Griega “α” miktuba b’ittri żgħar, mingħajr tibdil grafiku, u li x-xerrejja li jifhmu bil-Grieg ma jagħrfux f’dan is-sinjal indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

13.      Fil-15 ta’ Ġunju 2006, BORCO ressqet appell quddiem l-UASI kontra din id-deċiżjoni. Dan l-appell ġie miċħud permezz tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-bażi li s-sinjal ippreżentat kien nieqes mill-karattru distintiv meħtieġ mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontenstata

14.      Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fil-5 ta’ Frar 2007, BORCO ippreżentat appell intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Din qajmet tliet aggravji bbażati fuq il-ksur ta’ tliet dispożizzjonijiet tar-Regolament, jiġifieri l-Artikolu 7(1)(b), 7(1)(ċ), kif ukoll l-Artikolu 12.

15.      Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata u rreferiet lura lill-UASI l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni inkwistjoni sabiex dan jerġa’ jeżaminaha mill-ġdid fid-dawl tal-motivi tal-imsemmija sentenza.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

16.      Permezz tal-appell ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2009, l-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza kkontestata. Preliminarjament, huwa jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors għal annullament ippreżentat minn BORCO u, sussidjarjament, li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, l-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lil BORCO tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

17.      BORCO titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-UASI tkun ikkundannata tbati l-ispejjeż.

V –    L-appell

18.      L-appell preżenti joffri l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċċara l-pożizzjoni ta’ prinċipju fir-rigward tal-metodu li għandu jiġi adottat mill-UASI fl-analiżi tal-karattru distintiv ta’ sinjal li jikkonsisti f’ittra waħda, mingħajr stilizzazzjoni, għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja. Din il-pożizzjoni għandha twassal għal tmiem tan-nuqqas ta’ qbil bejn l-UASI u l-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward.

19.      Fil-fatt, skont prassi deċiżjonali stabbilita, l-UASI jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ ittri waħedhom bħala trade marks minħabba li dawn l-ittri huma, fil-fehma tiegħu, neqsin minn karattru distintiv fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament. Din il-prassi tinsab espressament fil-punt 7.5.3 tad-direttivi li jirrigwardaw il-proċeduri quddiem l-UASI (parti B, intitolata “Eżami”) (5). Dan il-punt huwa redatt kif ġej:

“[…]

[…] l-[UASI] jkompli joġġezzjona, taħt l-Artikolu 7(1)(b) tar-[Regolament], għal ittri jew numri waħedhom. Dan huwa ġustifikat b’mod partikolari minħabba n-numru limitat ta’ ittri jew ta’ numri disponibbli għall-negozjanti l-oħra. Pereżempju, in-numru ‘7’ ġie rrifjutat fir-rapreżentazzjoni ta’ vetturi […].

Madankollu, l-ittri jew in-numri waħedhom jistgħu jkunu rreġistrati jekk ikunu stilizzati biżżejjed, b’tali mod li l-impressjoni grafika globali tipprevali fuq is-sempliċi preżentazzjoni tal-ittra jew in-numru. B’hekk, it-trade marks li ġejjin ġew aċċettati għal reġistrazzjoni:

–        […] Image not found

–        […]Image not found

–        […] Image not found

–        […] Image not found

Fi kliem ieħor, tali sinjali jistgħu jiġu rreġistrati jekk ma jillimitawx ruħhom li jipproduċu s-sinjal jew l-ittra f’forma ta’ kitba oħra.”

20.      B’hekk l-UASI ċaħad ir-reġistrazzjoni tal-ittri kbar “I” u “E”, liema deċiżjonijiet ġew annullati t-tnejn mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2007, IVG Immobilien vs UASI (I) (6), u tad-9 ta’ Lulju 2008, Hartmann vs UASI (E) (7).

21.      Bħal fil-każ ta’ dawn l-aħħar imsemmija sentenzi, fis-sentenza appellata, l-Qorti Ġenerali tagħmel kritika ħarxa kontra l-metodu adottat mill-UASI fl-analiżi tan-natura tal-karattru distintiv ta’ sinjal li jikkonsisti f’ittra waħda biss mingħajr stilizzazzjoni.

22.      Il-kritika tal-Qorti Ġenerali tirrigwarda, l-ewwel nett, il-punti 17 sa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom il-Bord tal-Appell ikkunsidra li ittra waħda, bħal dik inkwistjoni, għandha tkun ikkunsidrata nieqsa minn kwalunkwe karattru distintiv peress li ma hemm ebda element ta’ rappreżentazzjoni grafika.

23.      Fil-punt 42 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li permezz ta’ tali analiżi, l-UASI impliċitament iżda neċessarjament ikkunsidra, bi ksur tal-Artikolu 4 tar-Regolament, li l-ittra inkwistjoni ma kellhiex, fiha nfisha, il-livell minimu meħtieġ ta’ karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament. Fil-punt 43 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali fakkret, b’mod partikolari, li skont ġurisprudenza stabbilita, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark ma hijiex suġġetta għal konstatazzjoni ta’ ċertu livell ta’ kreattività tal-applikant, iżda biss għall-kapaċità tas-sinjal li jidentifika l-prodotti tal-applikant tat-trade mark minn dawk offerti mill-kompetituri tiegħu.

24.      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Bord tal-Appell ma pproċeda b’ebda eżami konkret fuq dan il-punt. B’mod partikolari, hija kkunsidrat li permezz ta’ eżami konkret tal-kapaċitajiet potenzjali tas-sinjal propost għal reġistrazzjoni, dan kellu jirriċerka jekk kienx jidher eskluż li dan is-sinjal setax ikun kapaċi li jiddistingwi, f’għajnejn il-konsumaturi medji li jifhmu bil-Grieg, il-prodotti ta’ BORCO minn dawk ta’ provenjenza oħra.

25.      Din il-kritika tilħaq il-qofol tagħha fil-punt 45 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali tirrileva li n-“nuqqas ta’ rikonoxximent fir-rigward tal-ittri uniċi, bħala regola ġenerali, ta’ kull karattru distintiv, mingħajr riżerva u mingħajr ma jsir [tali] l-eżami konkret […], imur kontra l-istess termini tal-Artikolu 4 tar-[Regolament] li jinkludi l-ittri fost is-sinjali li jista’ jkollhom rappreżentazzjoni grafika u li jistgħu jikkostitwixxu trade marks, sakemm dawn ikunu adattati sabiex jiddistingwu l-prodotti u s-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra”.

26.      B’mod partikolari, huwa fil-punti 53 sa 56 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-mod li bih l-UASI analizza u mmotiva n-nuqqas ta’ karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament. Dawn il-punti huma redatti hekk:

“53      Fir-raba’ lok, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 25 tad-deċiżjoni [kkontestata], li l-pubbliku ta’ riferiment ‘forsi’ jinterpreta l-ittra “α” bħala riferiment għall-kwalità (kwalità ‘A’), indikazzjoni ta’ daqs jew li tirrapreżenta tip jew għamla ta’ xorb alkoħoliku bħal dak indikat fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark.

54      L-UASI ma jistax isostni li meta ppronunzja ruħu b’dan il-mod, il-Bord tal-Appell wettaq eżami konkret tal-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni. Fil-fatt, minbarra n-natura dubjuża tagħha li tneħħilha kull valur, din il-motivazzjoni ma tirreferi għal ebda fatt konkret li jista’ jiġġustifika l-konklużjoni li t-trade mark mitluba tiġi mifhuma mill-pubbliku rilevanti bħala riferiment għall-kwalità, indikazzjoni ta’ daqs jew li tirrapreżenta tip jew għamla tal-prodotti previsti fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza E, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44). Minn dan jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma stabbilixxiex in-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark mitluba.

[…]

56      Mill-assjem tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, meta kkonkluda li s-sinjal ippreżentat huwa nieqes minn karattru distintiv biss minħabba n-nuqqas tiegħu ta’ tibdil jew ornamenti grafiċi fir-rigward tal-forma ta’ kitba Times New Roman, mingħajr ma pproċeda għal eżami konkret tal-kapaċità tiegħu li jiddistingwi, mill-perspettiva tal-pubbliku ta’ riferiment, il-prodotti inkwistjoni minn dawk li joriġinaw minn kompetituri [ta’ BORCO], il-Bord tal-Appell għamel applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 7(1)(b) tar-[Regolament].”

27.      Insostenn tal-appell tiegħu, l-UASI jressaq aggravju uniku, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament. B’mod partikolari, l-UASI jikkontesta r-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 54 u 56 tas-sentenza appellata, imsemmija iktar ’il fuq.

28.      Dan l-aggravju huwa diviż fi tliet partijiet.

29.      L-ewwel nett, l-UASI jsostni li bis-saħħa tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament, fl-analiżi tal-karattru distintiv tas-sinjal ikkonċernat, huwa ma huwiex dejjem marbut li jipproċedi b’eżami konkret tad-diversi prodotti u servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. It-tieni nett, l-UASI jikkritika lill-Qorti Ġenerali li interpretat ħażin in-natura tal-evalwazzjoni li huwa għandu jwettaq skont din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, peress li din hija evalwazzjoni a priori, din hija neċessarjament ta’ natura dubjuża. It-tielet nett, l-UASI jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-oneru tal-prova fir-rigward tal-wiri tal-karattru distintiv tas-sinjal ikkonċernat.

30.      Sostanzjalment, l-eżami ta’ dan l-aggravju uniku jeħtieġ lill-Qorti tal-Ġustizzja tippronunċja ruħha fuq il-metodu li l-UASI għandu jadotta skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament fl-analiżi tal-karattru distintiv tas-sinjal li jintalab li jiġi rreġistrat.

A –    Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali tal-metodu ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv tas-sinjal ikkonċernat, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament

31.      Insostenn tal-ewwel parti tal-aggravju tiegħu, l-UASI jsostni li skont ġurisprudenza stabbilita, meta janalizza l-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni skont l-Artikolu 7(1)(b), huwa ma huwiex dejjem marbut li jipproċedi b’evalwazzjoni konkreta tad-diversi prodotti u servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. L-UASI jsostni li fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni, huwa jista’ jibbaża ruħu fuq konstatazzjonijiet ġenerali relattivi għall-perċezzjoni tal-konsumatur.

32.      Jiena tal-opinjoni li din l-ewwel parti ma hijiex fondata.

33.      Fil-fatt, il-kritika li jressaq l-UASI kontra l-Qorti Ġenerali tirriżulta minn konfużjoni bejn il-kliem u l-ispirtu tal-Artikolu 4 tar-Regolament u dawk tal-Artikolu 7(1)(b) tiegħu.

34.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-funzjoni essenzjali ta’ trade mark hija li tiggarantixxi l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz li huwa suġġett għat-trade mark lill-konsumatur jew lill-persuna li finalment tużah, billi tħallih jiddistingwi, mingħajr konfużjoni possibbli, dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom provenjenza oħra (8).

35.      B’hekk, l-Artikolu 4 tar-Regolament jipprovdi li s-sinjali kollha li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, bħal kliem, disinni, ittri, numri, jew ukoll il-forma jew l-imballaġġ tal-prodott, jistgħu jikkostitwixxu trade mark Komunitarja sakemm dawn is-sinjali huma kapaċi jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra.

36.      Din id-dispożizzjoni tippreżumi b’mod ċar li ittra tista’ tikkostitwixxi sinjal li jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja, jiġifieri li, bħala tali, hija jista’ jkollha karattru distintiv. Għalhekk, għalkemm huwa leġittimu li titqajjem il-kwistjoni dwar jekk kulur, ħoss jew riħa jistgħux ikunu “sinjal reġistrabbli”, min-naħa l-oħra tali kwistjoni ma titqajjimx fir-rigward ta’ ittra.

37.      Mandankollu, dan ma huwiex biżżejjed sabiex jiżgura r-reġistrazzjoni ta’ ittra bħala trade mark Komunitarja. Huwa meħtieġ ukoll li l-UASI jeżamina jekk jeżistux raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni. B’mod partikolari, dan irid jipproċedi bl-eżami imsemmi fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament li jeżiġi, f’kull każ speċifiku, evalwazzjoni in concreto tal-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni meta mqabbel mal-klassi tal-prodotti inkwistjoni, jiġifieri, tal-kapaċità tas-sinjal li jikkostitwixxi indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom tintalab ir-reġistrazzjoni.

38.      Dan jirrikjedi eżami speċifiku li fih, l-UASI għandu obbligi partikolari, u li l-biċċa l-kbira tal-kontenut tiegħu ġie speċifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

39.      B’hekk, eżami tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippermettili, mingħajr diffikultà kbira, li naqbel mar-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 54 u 56 tas-sentenza appellata u li niċħad l-argument imressaq mill-UASI insostenn tal-ewwel parti.

40.      Fil-fatt, fir-rigward tal-Artikolu 3 tad-Direttiva li għandha kliem identiku għal dawk tal-Artikolu 7 tar-Regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja ma waqfitx milli tfakkar li l-eżami magħmul matul l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma għandux ikun minimu, li l-eżami tal-motivi ta’ rifjut imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva għandu jkun rigoruż, fil-fond u komplet u li, minħabba f’hekk, l-awtorità kompetenti ma għandhiex tipproċedi b’eżami in abstracto (9).

41.      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali rekwiżiti huma ġustifikati fir-rigward tan-natura tal-kontroll, li huwa qabel xejn kontroll a priori, u tal-portata wiesgħa tar-rimedji disponibbli lill-applikanti meta l-UASI jirrifjuta li jirreġistra trade mark. Dan huwa sabiex, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba, jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati b’mod inopportun. Il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu wkoll inkunsiderazzjoni n-numru u n-natura dettaljata tal-ostakoli għal reġistrazzjoni msemmija fl-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva (b’analoġija, l-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament). F’dan ir-rigward, hija tfakkar li huwa biżżejjed li jkun jeżisti wieħed mill-motivi assoluti għal rifjut sabiex is-sinjal ikkonċernat ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja. Bl-istess mod, hekk kif tirrileva l-Qorti Ġenerali fil-punt 39 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar ukoll li huwa biżżejjed li s-sinjal inkwistjoni jkollu karattru distintiv minimu biex jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament.

42.      Għalhekk, sa fejn ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark hija dejjem mitluba fir-rigward ta’ prodotti jew ta’ servizzi partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-eżistenza ta’ raġuni assoluta għal rifjut, bħal dik ibbażata fuq nuqqas ta’ karattru distintiv, għandha tiġi eżaminata in concreto fir-rigward ta’ kull wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom tintalab ir-reġistrazzjoni (10). Għalkemm dan l-eżerċizzju jista’ effettivament ikun diffiċli għal ċerti trade marks, madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ma taċċettax li l-awtoritajiet kompetenti jużaw dawn il-problemi sabiex jassumu a priori li tali trade marks huma nieqsa minn karattru distintiv (11).

43.      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja tinsisti fuq l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa impost fuq kull awtorità kompetenti. Hekk kif fakkret reċentement, dan l-obbligu għandu jippermetti li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet rikonoxxuti lill-applikanti (12). B’mod partikolari, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li d-deċiżjoni adottata mill-awtorità kompetenti tkun motivata fir-rigward ta’ kull wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi meta din tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark (13).

44.      F’dan l-istadju, id-domanda li nkun nista’ nagħmel eventwalment hija dik dwar jekk l-eżami tal-karattru distintiv ta’ ittra waħda, mingħajr stilizzazzjoni, skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament, jiġġustifikax għalhekk eżami iktar flessibbli minn dak li teżiġi l-Qorti tal-Ġustizzja.

45.      Dan ma huwiex il-każ. Hekk kif ġustament irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 46 tas-sentenza appellata, din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda distinzjoni bejn is-sinjali ta’ natura differenti mill-perspettiva tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħhom. Għaldaqstant, hekk kif ġustament irrilevat, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade mark li tikkonsisti f’ittra waħda huma l-istess bħal dawk applikabbli għall-kategoriji oħra ta’ trade marks.

46.      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-argument imressaq mill-UASI li jipprovdi li meta jevalwa l-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament huwa ma huwiex dejjem marbut li jipproċedi għal eżami konkret tad-diversi prodotti u servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, ma jsib ebda appoġġ fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

47.      Peress li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament, l-ittri huma fost is-sinjali reġistrabbli, l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħhom fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament għandu jsir fil-kuntest ta’ kull każ konkret, b’kunsiderazzjoni tan-natura u tal-karatteristiċi partikolari tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

48.      Għalhekk, hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 53 sa 56 tas-sentenza appellata, huwa evidenti li meta kkunsidra li l-“pubbliku ta’ riferiment ‘forsi’ jinterpreta l-ittra ‘α’ bħala riferiment għall-kwalità (kwalità ‘A’), indikazzjoni ta’ daqs jew li tirrappreżenta tip jew għamla ta’ xorb alkoħoliku bħal dak indikat fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark”, jidher li l-UASI ma pproċediex b’eżami konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan huwa eżami minimu li fil-kuntest tiegħu r-referenza għal indikazzjoni ta’ daqs hija, fl-opinjoni tiegħi, ta’ ftit rilevanza għall-klassi tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni preżenti.

49.      Madankollu, dan ma jfissirx li fil-każ preżenti l-ittra “α” għandha tiġi rreġistrata biex tidentifika xarbiet alkoħoliċi. Dan ifisser sempliċement, l-ewwel nett, li l-UASI jmissu pproċeda b’eżami in concreto tal-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni fir-rigward tal-prodotti mitluba fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u mmotiva, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni ta’ rifjut tiegħu u, it-tieni nett, li fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament ma setax jintroduċi esklużjoni a priori għal reġistrazzjoni ta’ ittra mingħajr stilizzazzjoni mingħajr ma jikser ir-Regolament.

50.      Għalhekk, jiena naħseb li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li l-UASI applika b’mod ħażin l-Artikolu 7(1)(b).

51.      Fid-dawl ta’ dawn il-fatturi, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad bħala infondat l-ewwel parti tal-aggravju uniku mressaq mill-UASI, ibbażat fuq il-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tal-metodu ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament.

B –    Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-interpretazzjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali tan-natura tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament

52.      Insostenn tat-tieni parti tal-aggravju tiegħu, l-UASI jikkunsidra li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat in-natura tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv meħtieġ mill-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament. Fil-fatt, l-UASI jfakkar li dan huwa eżami a priori u li, għaldaqstant, id-deċiżjoni tiegħu hija dejjem ta’ natura dubjuża.

53.      Naħseb li fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, din it-tieni parti tista’ tiġi miċħuda wkoll.

54.      Fil-fatt, l-UASI jibbaża ruħu fuq in-natura a priori tal-kontroll li huwa għandu jagħmel skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament sabiex jiġġustifika l-eżami minimu li huwa wettaq u jispjega t-ton dubjuż tal-motivazzjoni tiegħu. Għalhekk, hija għal din l-istess raġuni u sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom trade mark tiġi rreġistrata b’mod inopportun u oħra tiġi inġustament rifjutata għal reġistrazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikjedi, għall-kuntrarju, li l-UASI jipproċedi b’eżami rigoruż, fil-fond u komplet tar-raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament.

55.      Għalhekk, il-kritika li jagħmel l-UASI fir-rigward tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali ma tistax tirnexxi u jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad it-tieni parti tal-aggravju uniku bħala infondata.

C –    Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq ksur tar-regoli dwar l-oneru tal-prova

56.      Insostenn tat-tielet parti tal-aggravju tiegħu, l-UASI jibbaża ruħu fuq is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI (14), sabiex isostni li fil-punt 54 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli dwar l-oneru tal-prova fir-rigward tal-wiri tal-karattru distintiv tat-trade mark fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament. Għalhekk, meta għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li l-UASI għandu dejjem jirreferi għal fatturi konkreti meta jistabbilixxi n-nuqqas tal-karattru distintiv ta’ trade mark li tintalab li tiġi rreġistrata.

57.      Fl-opinjoni tiegħi, din it-tielet parti għandha tiġi miċħuda wkoll.

58.      Minn naħa, l-UASI jinterpreta b’mod ħażin il-punt 54 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, fl-imsemmi punt, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat in-nuqqas ta’ kwalunkwe eżami konkret tal-karattru distintiv tas-sinjal inkwistjoni fir-rigward tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u kkonkludiet li l-Bord tal-Appell ma kienx stabbilixxa n-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark. Meta rraġunat b’dan il-mod il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kisret ir-regoli dwar l-oneru tal-prova, iżda applikat ir-regoli dwar l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tas-sinjali imposti mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

59.      Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li skont is-sentenza Develey vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, huwa l-kompitu tar-rikorrent li jipprovdi indikazzjonijiet konkreti u sostanzjati li jistabbilixxu li, minkejja l-analiżi tal-Bord tal-Appell, it-trade mark li tintalab li tiġi rreġistrata għandha karattru distintiv, xorta waħda huwa meħtieġ li l-UASI jwettaq dmirijietu billi jeżamina u jimmotiva b’mod adegwat in-nuqqas ta’ natura distintiva tas-sinjal inkwistjoni. Għalhekk, naħseb li huwa estremament diffiċli li jiġi ammess li l-UASI jista’ jibbaża ruħu fuq tali ġurisprudenza biex jevadi l-obbligi imposti fuqu speċjalment skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament.

60.      Għalhekk, jiena tal-opinjoni li t-tielet parti tal-uniku aggravju mressaq mill-UASI ma huwiex fondat.

61.      Fid-dawl tal-fatturi preċendenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara infondat l-aggravju uniku mressaq mill-UASI, ibbażat fuq interpretazzjoni ħażina, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament u, għaldaqstant, li tiċħad l-appell ippreżentat minn dan tal-aħħar.

VI – Konklużjoni

62.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi kif ġej:

“1)      L-appell huwa miċħud.

2)      L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) (UASI) huwa kkundannat għall-ispejjeż.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 364, regolament hekk kif emendat (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament”). Dan ġie mħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, (ĠU L 78, p.1), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009 u li, għaldaqstant, ma huwiex applikabbli għall-kawża preżenti.


3 – T‑23/07, Ġabra p. II‑887, iktar ’il quddiem, is-“sentenza kkontestata”.


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92-98, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva”.


5 – Disponsibbli fis-sit internet tal-UASI fl-indirizz segwenti: http://oami.europa.eu/ows/rw/resource/documents/CTM/guidelines/examination_fr.pdf.


6 – T‑441/05, Ġabra p. II‑1937.


7 – T‑302/06.


8 – Sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 28).


9 – Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland (C‑363/99, Ġabra p. I‑1619, punt 31), kif ukoll tal-15 ta’ Frar 2007, BVBA Management, Training en Consultancy (C‑239/05, Ġabra p. I‑1455, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10 – Sentenza BVBA Management, Training en Consultancy, iċċitata iktar ’il fuq (punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11 – Ara, fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’April 2004, Procter & Gamble vs UASI (C‑468/01 P sa C‑472/01 P, Ġabra p. I‑5141, punt 36).


12 – Digriet tat-18 ta’ Marzu 2010, CFCMCEE vs UASI (C‑282/09 P, Ġabra p. I‑2395, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13 – Ibidem (punt 37 u l-ġurisprdenza ċċitata).


14 – C‑238/06 P, Ġabra. p. I‑9375, punt 50.

Top