EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0256

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 20 ta' Mejju 2010.
Bianca Purrucker vs Guillermo Vallés Pérez.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesgerichtshof - il-Ġermanja.
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri - Regolament Nru 2201/2003 - Miżuri provviżorji u kawtelatorji - Rikonoxximent u infurzar.
Kawża C-256/09.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-07353

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:296

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-20 ta’ Mejju 2010 1(1)

Kawża C‑256/09

Bianca Purrucker

vs

Guillermo Vallés Pérez

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja))

“Rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Miżuri provviżorji – Kustodja”





1.        Tewmin, wieħed minnhom issa jinsab fil-Ġermanja ma’ ommu filwaqt li l-oħra tinsab fi Spanja flimkien ma’ missierha, huma s-suġġett ta’ tilwima dwar kustodja bejn il-ġenituri li qatt ma kienu miżżewġin u li temmew il-koabitazzjoni preċedenti tagħhom. Qorti Spanjola ħarġet digriet provviżorju li bih assenjat il-kustodja taż-żewġ minuri lill-missier, li qed jitlob ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ dan id-digriet fil-Ġermanja. Il-Bundesgerichtshof (Qorti Federali tal-Ġustizzja) qed titlob li tingħata gwida dwar jekk dan id-digriet provviżorju għandux jiġi rrikonoxxut u infurzat fi Stat Membru ieħor bl-istess mod bħal sentenza tal-qorti kompetenti li tassenja l-kustodja b’mod definittiv.

 L-isfond legali

2.        Il-qorti tar-rinviju qed titlob li tingħata deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(4), 20 u 21 et seq tar-Regolament ‘Brussels II bis’ (jew ‘IIa’) (2). Madankollu hemm partijiet oħrajn tar-Regolament li huma wkoll rilevanti.

 Il-Preambolu

3.        Il-preambolu għar-Regolament jinkludi, inter alia, il-premessi li ġejjin:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew ta’ Tampere ndorsja l-principju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji bħala bażi għall-ħolqien ta’ żona ġuridika ġenwina, u identifikat id-dritt taż-żjara bħala prijorità.

[…]

(5)      Sabiex l-ugwaljanza għal minuri kollha tkun assigurata, dan ir-Regolament ikopri d-deċiżjonijiet kollha dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, inklużi l-miżuri ta’ protezzjoni għall-minuri, indipendentement minn xi konnessjoni ma’ xi proċedura matrimonjali.

[…]

(12)      Ir-raġunijiet tal-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi tal-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwel nett mal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-minuri ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza tal-minuri jew skont ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabbiltà.

[…]

(16)      Dan ir-Regolament m’għandux jimpedixxi lill-qrati ta’ xi Stat Membru milli jieħdu miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi, f’każijiet urġenti, fir-rigward ta’ persuni jew proprjetà li tinstab f’dak l-Istat.

(17)      F’każijiet ta’ tneħħija jew żamma nġusta ta’ minuri, ir-ritorn tal-minuri għandu jinkiseb mingħajr dewmien, u għal dan il-għan l-Konvenzjoni tal-Aja [Den Haag] tal-25 ta’ Ottubru 1980 [(3)] [għ]andha tkompli tapplika kif kumplementata mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u partikolarment l-Artikolu 11. […]

[…]

(21)      Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandu jiġi bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-bażi għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għall-minimu neċessarju.

(22)      L-istrumenti awtentiċi u l-ftehim bejn partijiet li huma nfurzabbli fi Stat Membru wieħed għandhom jiġu ttrattati bħala ugwali għal “sentenzi” għall-iskop tal-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar.

[…]

(23)      Il-Kunsill Ewropew ta’ Tampere kkunsidra fil-konklużjonijiet tiegħu (punt 34) li sentenzi fil-qasam tat-tilwim familjari għandhom ikunu “awtomatikament rikonoxxuti f’kull parti tal-Unjoni mingħajr ebda proċedimenti intermedji jew bażi għar-rifjut ta’ infurzar”. Huwa għalhekk li sentenzi dwar id-drittijiet ta’ aċċess u sentenzi dwar ir-ritorn li ġew ċertifikati ġewwa l-Istati Membri fejn oriġinaw skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu rikonoxxuti u nfurzati fl-Istati Membri kollha mingħajr ma tkun neċessarja ebda proċedura oħra. L-arranġamenti għall-infurzar ta’ dawn is-sentenzi jkomplu jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali.

(24)      Iċ-ċertifikat maħruġ sabiex jiffaċilita l-infurzar tas-sentenza m’għandux ikun suġġett għall-appell. Għandu jiġi kkoreġut biss fejn hemm żball materjali, jiġifieri fejn ma jirriflettix b’mod korrett is-sentenza.

[…]”

 L-istruttura tar-Regolament

4.        Ir-Regolament ikopri kemm kwistjonijiet matrimonjali kif ukoll kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. Uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu huma rilevanti biss għall-wieħed jew l-ieħor miż-żewġ oqsma, filwaqt li oħrajn huma komuni għat-tnejn. Jien hawnhekk ser nirreferi biss għal dawk li huma rilevanti għall-kwistjonijiet dwar responsabbiltà tal-ġenituri li tqajmu fil-każ preżenti. Madankollu, jista’ jkun utli li wieħed iżomm f’moħħu l-istruttura ġenerali tar-Regolament.

5.        Il-Kapitolu I jirrigwarda l-iskop u d-definizzjonijiet. Il-Kapitolu II jirrigwarda l-ġurisdizzjoni, u huwa maqsum fi tliet taqsimiet: Taqsima 1 (divorzju, separazzjoni legali u annullament taż-żwieġ) jinkludi l-Artikoli 3 sa 7; Taqsima 2 (responsabbiltà tal-ġenituri), l-Artikoli 8 sa 15; u Taqsima 3 (dispożizzjonijiet komuni), l-Artikoli 16 sa 20. Il-Kapitolu III, dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar, jinkludi sitt taqsimiet: Taqsima 1, (rikonoxximent) jinkludi l-Artikoli 21 sa 27; Taqsima 2 (applikazzjoni għall-dikjarazzjoni tal-infurzabbiltà), l-Artikoli 28 sa 36; Taqsima 3 (dispożizzjonijiet komuni għal Taqsima 1 u 2), l-Artikoli 37 sa 39; Taqsima 4 (infurzabbiltà ta’ ċerti sentenzi dwar id-drittijiet tal-aċċess u ċerti sentenzi li jeħtieġu r-ritorn tal-minuri), l-Artikoli 40 sa 45; Taqsima 5 (strumenti awtentiċi), l-Artikolu 46; u Taqsima 6 (dispożizzjonijiet oħra), l-Artikoli 47 sa 52). Il-Kapitolu IV, dwar il-kooperazzjoni bejn awtoritajiet ċentrali fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, jinkludi l-Artikoli 53 sa 58. Il-Kapitolu V, dwar ir-relazzjonijiet ma’ strumenti oħra, jinkludi l-Artikoli 59 sa 63, filwaqt li l-Kapitoli VI u VII, li jinkludu dispożizzjonijiet tranżitorji u finali rispettivament, jammontaw għall-bqija tat-test.

 Skop u definizzjonijiet

6.        Skont l-Artikolu 1(1)(b) u (2)(a) ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura tal-qorti jew tribunal, għal kwistjonijiet ċivili dwar l-attribuzzjoni, l-eżerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri inkluż, b’mod partikolari, drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess.

7.        L-Artikolu 2 jistipula numru ta’ definizzjonijiet. B’mod partikolari:

“1.      ll-kelma ‘qorti’ għandha tkopri l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt u li huma nkluzi fil-kompetenza ta’ dan ir-Regolament skont l-Artikolu 1;

[…]

4.      il-kelma ‘sentenza’ għandha tfisser [inter alia] sentenza dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, iddikjarata minn qorti ta’ Stat Membru, huwa x’inhu t-terminu li tista’ tiġi msejjħa bih is-sentenza, inklużi diġriet, ordni jew deċiżjoni;

5.      ‘l-oriġini tal-Istati Membri’ għandhom ifissru l-Istat Membru fejn is-sentenza li għandha tiġi nfurzata ġiet maħruġa;

6.      il-kliem ‘l-Istat Membru tal-infurzar’ għandu jfisser l-Istat Membru fejn qed tipprova tiġi nfurzata s-sentenza;

7.      il-kliem ‘responsabbiltà tal-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbiltajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà tal-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b'sentenza, bl-operazzjoni tal-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet tal-aċċess;

8.      il-kliem ‘min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri’ se tfisser kwalunkwe persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri fuq il-minuri;

9.      il-kliem ‘drittijiet ta’ kustodja’ għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura tal-persuna tal-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza tal-minuri;

10.      il-kliem ‘drittijiet ta’ aċċess’ għandhom jinkludu partikolarment id-dritt li tieħu l-minuri f’post ’l barra minn dak li huwa l-post residenzjali proprju, għal perijodu ta’ żmien limitat;

11.      il-kliem ‘tneħħija nġusta jew iż-żamma’ għandhom ifissru t-tneħħija tal-minuri jew iż-żamma fejn:

a)      hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi tal-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma;

u

(b)      iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu jkunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il-kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skont sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill-ġenituri li għandu jew għandha r-responsabbiltà ma tistax tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza tal-minuri mingħajr il-kunsens ta’ persuna oħra li għandha r-responsabbiltà tal-ġenitur.

[...]”

 Ġurisdizzjoni

8.        L-Artikolu 8 tar-Regolament, li jkopri ġurisdizzjoni ġenerali fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, jistipula:

“1.      Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess.

2.      Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 10 u 12.”

9.        L-Artikolu 9 jistipula:

“1.      Fejn minuri jiċċaqalqu legalment minn Stat Membru wieħed għall-ieħor u jakkwistaw residenza abitwali ġdida hemmhekk, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel se, skont eċċezzjoni għall-Artikolu 8, iżżomm il-ġurisdizzjoni matul perijodu ta’ tlett xhur wara ċ-ċaqliqa għall-iskop ta’ modifika ta’ sentenza dwar drittijiet ta’ aċċess maħruġa f’dak l-Istat Membru qabel il-minuri ġew imċaqalqin, fejn il-pussessur tad-drittijiet ta’ aċċess skont is-sentenza dwar id-drittijiet ta’ aċċess ikompli jkollu jew ikollha r-residenza abitwali fl-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel, tal-minuri.

2.      Il-Paragrafu 1 m’għandux japplika jekk il-pussessur tad-drittijiet ta’ aċċess imsemmija fil-paragrafu 1 aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ġdida tal-minuri billi jipparteċipa fi proċedimenti quddiem dawk il-qrati mingħajr jopponi l-ġurisdizzjoni tagħhom.”

10.      L-Artikolu 10 jirrigwarda l-ġurisdizzjoni fil-każijiet ta’ ħtif ta’ minuri. Fil-qosor, l-effett tiegħu huwa li, jekk minuri jitneħħa jew jinżamm b’mod inġust fi Stat Membru li mhuwiex dak fejn huwa jew hija jkunu abitwalment residenti sa dak il-punt, l-ebda residenza abitwali ġdida li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Istat Membru ġdid ma tinkiseb b’mod awtomatiku, biex b’hekk il-qrati tal-Istat Membru oriġinali jżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom. (L-Artikolu 11 jipprovdi li jiġi ordnat ir-ritorn tal-minuri f’dawn iċ-ċirkustanzi).

11.      L-Artikolu 12 jirrigwarda l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni. B’mod partikolari taħt l-Artikolu 12(3), fi proċedimenti mhux relatati ma’ applikazzjoni għal divorzju, separazzjoni jew annullament ta’ żwieġ, il-qrati ta’ Stat Membru jistgħu jkollhom ġurisdizzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, fejn (a) wieħed mid-detenturi tar-responsabbiltà huwa/hija abitwalment residenti hemmhekk jew li l-minuri huwa ċittadin ta’ dak l-Istat Membru u (b) il-ġurisdizzjoni tal-qrati tkun ġiet espressament aċċettata jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-partijiet kollha fil-proċedimenti fil-ħin li l-qorti ħadet il-pussess u dan fl-aħjar interess għall-minuri (4).

12.      Taħt l-Artikolu 13(1), fejn ir-residenza abitwali tal-minuri ma tistax tiġi stabbilita u l-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi ddeterminata dwar il-bażi tal-Artikolu 12, il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsabu l-minuri għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni.

13.      L-Artikolu 15 jippermetti qorti li għandha ġurisdizzjoni dwar il-mertu tal-kwistjoni li eċċezzjonalment tittrasferixxi l-ġurisdizzjoni lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu konnessjoni partikolari (b’mod partikolari fejn dan huwa l-Istat il-ġdid jew preċedenti ta’ residenza abitwali tiegħu, l-Istat ta’ nazzjonalità tal-minuri jew l-Istat ta’ residenza abitwali tad-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri), jekk dik il-qorti tkun f’pożizzjoni aħjar biex tisma’ l-kawża u jekk dan ikun fl-aħjar interessi tal-minuri.

14.      L-Artikolu 17 jobbliga lil qorti ta’ Stat Membru tiddikjara ex officio li ma għandhiex ġurisdizzjoni jekk għandha l-pussess dwar il-każ li fuqu, taħt ir-Regolament, ma għandhiex ġurisdizzjoni imma qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha ġurisdizzjoni.

15.      L-Artikolu 19 jirrigwarda lis pendens u azzjonijiet marbuta miegħu. Dan jistipula, b’mod partikolari:

“[…]

2.      Fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri dwar l-istess minuri u li tinkludi l-istess kawża se jidhru quddiem qrati fi Stati Membri differenti, it-tieni qorti li ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni tagħha stess żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti tiġi stabbilita.

3.      Fejn il-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti li ħadet il-pussess tiġi stabbilita, it-tieni qorti bil-pussess għandha ċċedi l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

[…]”

16.      L-Artikolu 20, intitolat “Il-Miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi”, jistipula:

“1.      F’każijiet urgenti, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament mhux se jħallu l-qrati ta’ Stat Membru milli jieħu dawk il-miżuri provviżorji, inkluzi dawk protettivi fir-rigward ta’ persuni jew assi f’dak l-Istat kif huma disponibbli taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, anke jekk, taħt dan ir-Regolament, il-qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni nkwantu għas-sustanza [tal-mertu] tal-kwistjoni.

2.      Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx jibqgħu japplikaw meta l-qorti tal-Istat Membru li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament nkwantu għas-sustanza tal-kwistjoni, ħadet il-miżuri li dehrilha xierqa.”

 Ir-Rikonoxximent

17.      L-Artikolu 21 tar-Regolament jistipula, sa fejn huwa rilevanti:

“1.      Sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali.

[…]

3.      Mingħajr preġudizzju għal Taqsima 4 ta’ dan il-Kapitolu, kwalsiasi parti nteressata tista’, skont il-proċedimenti msemmija f’Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu, tapplika għal deċizjoni li s-sentenza tiġi jew ma tiġix rikonoxxuta.

[…]

4.      Fejn ir-rikonoxximent ta’ xi sentenza titressaq bħala kwistjoni nċidentali f’qorti ta’ xi Stat Membru, dik il-qorti tista’ tiddetermina dik il-kwistjoni.”

18.      L-Artikolu 23 jelenka lista ta’ raġunijiet għalfejn sentenza li għandha x’taqsam mar-responsabbiltà tal-ġenituri ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta. Fil-qosor, dawn ir-raġunijiet għandhom x’jaqsmu ma’ politika pubblika, man-nuqqas ta’ smiegħ tal-minuri jew ta’ xi parti, mal-irrikonċjabbilità ma’ xi sentenza mogħtija iktar tard jew in-nuqqas ta’ konformità ma’ proċeduri dwar it-tqegħid tal-minuri. L-ebda waħda minnhom ma tidher li ġiet invokata bħala rilevanti fil-każ preżenti.

19.      L-Artikoli 24 u 26 jeskludu kull reviżjoni (fl-Istat Membru tal-infurzar) ta’, rispettivament, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini jew il-mertu tas-sentenza.

 L-Infurzar

20.      L-Artikolu 28(1) tar-Regolament jistipula:

“Sentenza dwar l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri dwar il-minuri mogħtija fi Stat Membru li hija nfurzabbli f’dak l-Istat Membru u li ġiet innotifikata għandha tiġi nfurzata fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ kwalsiasi parti nteressata, ġiet iddikjarata nfurzabbli hemmhekk.”

21.      Skont l-Artikolu 30(1), il-proċedura biex issir l-applikazzjoni għandha tiġi rregolata mil-liġi tal-Istat Membru tal-infurzar. Taħt l-Artikolu 30(3), moqri flimkien mal-Artikoli 37 u 39, l-applikazzjoni għandha jkollha magħha (a) kopja tas-sentenza li tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji biex tistabbilixxi l-awtentiċità tagħha u (b) ċertifikat maħruġ mill-qorti jew awtorità kompetenti tal-Stat Membru tal-oriġini fil-forma stabbilita fl-Anness II. Dan iċ-ċertifikat jieħu l-forma, fil-mertu, ta’ lista ta’ dettalji tal-qorti li tat is-sentenza, tal-partijiet u tal-minuri kkonċernati, u tas-sentenza, l-infurzabbiltà tagħha, fl-Stat Membru tal-oriġini u l-kontenut essenzjali tagħha.

22.      Taħt l-Artikolu 31(1) u (3), il-qorti li ssirilha applikazzjoni għad-dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha mingħajr dewmien, mingħajr ma ssir reviżjoni tas-sentenza dwar il-mertu tagħha. F’dan l-istadju, la l-persuna li kontriha qiegħed jintalab l-infurzar u lanqas il-minuri ma huma intitolati jagħmlu xi sottomissjonijiet dwar l-applikazzjoni. Madankollu, id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tista’ tiġi appellata, skont ir-regoli stipulati fl-Artikoli 33 sa 35, minn xi waħda mill-partijiet. Skont l-Artikoli 22, 23 u 24, l-applikazzjoni tista’ tiġi miċħuda biss għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 23 (għalkemm, preżumibbilment, din tista’ wkoll tiġi miċħuda jekk xi waħda mill-kundizzjonijiet fl-Artikolu 28(1) – infurzabbiltà fl-Stat Membru tal-oriġini u notifika tal-konvenut – ma jkunux ġew osservati).

 Strumenti u ftehim awtentiċi

23.      L-Artikolu 46 tar-Regolament jistipula:

“Id-dokumenti li jkunu ġew formalment magħmula jew irreġistrati bħala strumenti awtentiċi u li jkunu nfurzabbli fi Stat Membru wieħed u kif ukoll il-ftehim bejn il-partijiet li huma nfurzabbli fl-Istat Membru fejn ġew konkluzi għandhom jiġu rikonoxxuti u ddikjarati li huma nfurzabbli taħt l-istess kondizzjonijiet tas-sentenzi.”

Kooperazzjoni transkonfinali

24.      L-Artikolu 53 jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu awtoritajiet ċentrali biex jassistu fl-applikazzjoni tar-regolament. Skont l-Artikolu 55, id-dmirijiet ta’ dawn l-awtoritajiet jinkludu, fir-rigward ta’ każijiet speċifiċi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, li jiġu ffaċilitati l-komunikazzjonijiet bejn il-qrati, b’mod partikolari fl-applikazzjoni tal-Artikolu 15 (li jippermetti t-trasferiment lil qorti li tinsab f’sitwazzjoni aħjar biex tisma’ l-każ).

 Deċiżjonijiet preliminari

25.      Għandu jingħad ukoll li r-Regolament ġie adottat abbażi tal-Artikoli 61(ċ) u 67(1) KE, fit-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat KE, dwar il-visa, l-asil, l-immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment ħieles ta’ persuni.

26.      Konsegwentement, sakemm dan it-Trattat kien fis-seħħ (sat-30 ta’ Novembru 2009), skont l-Artikolu 68(1) KE, kienu biss il-qrati jew it-tribunali li kontra d-deċiżjoni tagħhom ma kienx hemm rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali li setgħu jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tagħha.

27.      Madankollu mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 68(1) KE ġie abrogat, u l-kompetenza biex tintalab deċiżjoni preliminari dwar il-kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-qasam inkwistjoni ma għadux iktar limitat għal qrati li kontra d-deċiżjonijiet tagħhom ma hemmx rimedju ġudizzjarju.

28.      Barra minn hekk (kemm qabel jew wara t-30 ta’ Novembru 2009), qorti jew tribunal ta’ dan l-aħħar tip mhux biss għandhom ġurisdizzjoni, imma huma obbligati jitlobu li tingħata deċiżjoni bħal din jekk jidhrilhom li deċiżjoni dwar dik il-kwistjoni hija meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza (5).

29.      Fl-aħħar nett, fejn huwa xieraq, din il-Qorti tista’, jew fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew ex officio (filwaqt li żżomm f’moħħha l-għan aħħari li tinkiseb, kemm jista’ jkun malajr, l-istabbiltà fit-tul fil-ħajja tat-tfal żgħar), tittratta talba għal deċiżjoni preliminari f’dan il-qasam permezz ta’ proċedura speċjali u urġenti skont l-Artikolu 23a tal-Istatut tagħha u l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

 Il-prekursuri tar-Regolament fid-dritt tal-Unjoni Ewropea

30.      Ir-Regolament huwa parti minn proċess tal-iżvilupp organiku tad-dritt tal-Komunità Ewropea (issa msejħa l-Unjoni) li beda bil-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 (6), li issa ġiet kważi sorpassata għal kollox bir-Regolament Nru 44/2001 (7). Madankollu, dawn l-istrumenti ma jkoprux materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, li ġew ittrattati għall-ewwel darba (għalkemm fir-rigward biss tat-tfal ta’ koppji miżżewġin) fir-Regolament Nru 1347/2000 (8), li issa ġie abrogat u ssostitwit bir-Regolament preżenti (9). Madankollu, ħafna mid-dispożizzjonijiet tagħhom li jirrigwardaw ir-rikonoxximent u l-infurzar, b’mod partikolari fir-rigward ta’ miżuri provviżorji, huma simili għal dawk fir-regolament. Fejn dan huwa l-każ, il-ġurisprudenza u awtoritajiet oħra (10) rigward dawk id-dispożizzjonijiet jistgħu jkunu rilevanti wkoll fil-kuntest tar-regolament preżenti.

31.      Ebda waħda mir-regoli dwar ġurisdizzjoni f’xi wieħed mill-istrumenti prekursuri ma tikkonċerna materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri li huma indipendenti minn proċedimenti matrimonjali.

32.      Fir-rigward tal-lis pendens, l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1347/2000 u l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 44/2001 li jinkludu dispożizzjonijiet li għandhom l-istess effett, mutatis mutandis, bħall-Artikolu 19(2) u (3) tar-Regolament preżenti (11).

33.      Fir-rigward ta’ miżuri provviżorji, ir-Regolament Nru 1347/2000 kien jinkludi, fl-Artikolu 12, dispożizzjoni fformulata b’mod identiku għall-Artikolu 20(1) tar-regolament preżenti (12), u l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinkludu sostanzjalment dispożizzjonijiet simili.

34.      Fir-rigward tar-rikonoxximent, wieħed jista’ jsib dispożizzjonijiet simili (għalkemm mhux identiċi) għal dawk iċċitati hawn fuq (13) fl-Artikoli 26 sa 29 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-Artikoli 14, 15, 17 u 19 tar-Regolament 1347/2000 u l-Artikoli 33 sa 36 tar-Regolament Nru 44/2001. Madankollu, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent huma, kif wieħed jista’ jifhem, speċifiċi għat-tip ta’ miżura kkonċernata, u la l-Konvenzjoni ta’ Brussell u lanqas ir-Regolament Nru 44/2001 ma jeskludu għal kollox reviżjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini, kif jagħmel l-Artikolu 24 tar-regolament preżenti.

35.      Fir-rigward tal-infurzar, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 31 et seq tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-Artikoli 21 et seq tar-Regolament Nru 1347/2000 u l-Artikoli 38 et seq tar-Regolament Nru 44/2001 jippreżentaw ċertu xebh ma’ dawk tal-Artikoli 28 et seq tar-Regolament (14).

36.      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ strumenti u ftehim awtentiċi, l-Artikoli 50 u 51 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-Artikoli 57 u 58 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdu għall-infurzar taħt ċerti kundizzjonijiet simili għal dawk fl-Artikolu 46 tar-Regolament (15), għalkemm ma kien hemm l-ebda dispożizzjoni bħal din fir-Regolament Nru 1347/2000.

37.      Jien ser nirreferi għad-dispożizzjonijiet prekursuri f’iktar dettall fl-analiżi tiegħi, sal-punt li jistgħu jkunu utli għall-interpretazzjoni tar-Regolament.

 Prekursuri internazzjonali għar-regolament

38.      Madankollu – kif x’aktarx huwa xieraq għal miżura li tittratta l-liġi tal-familja – ir-Regolament għandu iktar minn linja waħda ta’ antenati.

39.      L-ewwel Konvenzjoni ta’ Den Haag (16) dwar id-determinazzjoni tal-kustodja ta’ minuri kienet ġiet konkluża fl-1902 (17). Fil-parti l-kbira tagħha din ġiet sorpassata mill-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (18). Mill-banda l-oħra din tal-aħħar ġiet segwita (għalkemm ma ġietx sorpassata bl-istess mod, peress li r-ratifika ma kinitx kompluta) mill-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Minuri tal-1996 l-iktar reċenti (19). F’qasam relatat, hemm il-Konvenzjoni ta’ Den Haag dwar il-Ħtif tal-Minuri (20).

40.      Barra dan, hemm ukoll il-Konvenzjoni Ewropea tal-20 ta’ Mejju tal-1980 dwar ir-Rikonoxximent u l-Infurzar tad-Deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-Kustodja tal-Minuri u r-ritorn tal-Kustodja tal-Minuri (21).

41.      Skont l-Artikoli 60 sa 62 tar-Regolament, essenzjalment, fir-relazzjonijiet bejn Stati Membri li huma partijiet għalihom, il-Konvenzjonijiet tal-1961, 1980 u l-1996 jibqa’ jkollhom effett f’materji li mhumiex regolati bir-Regolament, għalkemm din tal-aħħar tieħu preċedenza f’materji li hija tirregola.

42.      Fir-rigward ta’ ġurisdizzjoni f’materji ta’ kustodja, il-Konvenzjoni tal-1992 essenzjalment tagħti l-kompetenza lill-awtoritajiet tal-pajjiż li tiegħu l-minuri huwa ċittadin. Madankollu, l-Artikolu 7 kien jistipula li, waqt li tingħata deċiżjoni dwar il-kustodja, u fil-każijiet kollha urġenti, kull miżuri meħtieġa biex iħarsu l-persuna jew l-interessi ta’ minuri barrani setgħu jittieħdu mill-awtoritajiet lokali. Il-konvenzjoni ma kienet tgħid xejn dwar ir-rikonoxximent jew l-infurzar jew kull miżuri bħal dawn f’xi Stat Membru ieħor.

43.      Il-Konvenzjoni tal-1961 tiffavorixxi l-liġi tal-pajjiż li tiegħu l-minuri huwa ċittadin għar-rigward ta’ “li l-minuri jkun soġġett għall-awtorità”, imma fir-rigward ta’ affarijiet oħra tagħti l-kompetenza lill-awtoritajiet tal-Istat tar-residenza abitwali biex jieħdu miżuri bil-għan li jingħata ħarsien lill-proprjetà jew il-persuna tal-minuri. Taħt l-Artikolu 7, il-miżuri kollha bħal dawn għandhom jiġu rrikonoxxuti fl-Istati Kontraenti kollha imma, fejn l-infurzar ikun meħtieġ fi Stat ieħor, ir-rikonoxximent u l-infurzar għandhom jiġu rregolati jew bil-liġi domestika tal-pajjiż fejn ikun mitlub l-infurzar, jew bil-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti. L-Artikolu 9 – li madankollu r-regoli dwar rikonoxximent reċiproku u infurzar fl-Artikolu 7 ma japplikawx għalih – jistipula li, fil-każijiet ta’ urġenza kollha, l-awtoritajiet ta’ kull Stat Kontraenti fejn il-minuri huwa preżenti jew għandu l-proprjetà jistgħu jieħdu kull miżura ta’ protezzjoni neċessarja.

44.      Il-Konvenzjoni tal-1996 tabbanduna kull riferiment għan-nazzjonalità u tagħti ġurisdizzjoni fil-materji kollha ta’ responsabbiltà tal-ġenituri (mogħtija tifsira wiegħsa fl-Artikolu 3) lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi tal-Istat Kontraenti tar-residenza abitwali tal-minuri. Madankollu, taħt l-Artikolu 11, fil-każijiet kollha ta’ urġenza, l-awtoritajiet ta’ kull Stat Kontraenti fejn il-minuri jkun preżenti jew għandu proprjetà jista’ jieħu kull miżura ta’ protezzjoni meħtieġa, li jispiċċa l-effett tagħhom hekk kif l-awtoritajiet tal-Istat tar-residenza abitwali jieħdu l-miżuri meħtieġa fis-sitwazzjoni. Taħt l-Artikolu 12, l-awtoritajiet tal-Istat Kontraenti fejn il-minuri huwa preżenti (ħlief meta dan jinsab hemm b’riżultat ta’ rimozzjoni jew ritenzjoni illegali) jew għandu proprjetà jistgħu jieħdu miżuri protettivi provviżorji li l-effett territorjali tagħhom huwa limitat għall-Istat inkwistjoni. L-Artikoli 23 sa 28 jipprovdu għar-rikonoxximent reċiproku u l-infurzar fuq linji komparabbli mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament imma f’termini iktar ġenerali. B’mod sinjifikattiv, l-Artikolu 23(2)(a) jippermetti li ssir reviżjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini.

45.      Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 għandha l-għan li (a) tiżgura r-ritorn malajr ta’ minuri li jkunu tneħħew jew inżammu illegalment f’xi Stat Kontraenti; u (b) li tiżgura li d-drittijiet ta’ kustodja jew ta’ aċċess taħt il-liġi ta’ xi Stat Kontraenti jiġu rrispettati effettivament fl-Istati Kontraenti l-oħra (l-Artikolu 1). Din tistipula, inter alia, li t-tneħħija jew iż-żamma ta’ minuri għandhom jitqiesu li huma illegali fejn (a) dan isir bi ksur tad-drittijiet ta’ kustodja mogħtija taħt il-liġi tal-Istat fejn il-minuri kien is-soltu joqgħod minnufih qabel it-tneħħija u (b) fil-waqt tat-tneħħija dawk id-drittijiet kienu attwalment eżerċitati, jew konġuntement sew singolarment, jew kienu jkunu hekk eżerċitati kieku ma kienx għat-tneħħija jew iż-żamma, u tispeċifika li d-drittijiet ta’ kustodja msemmija jistgħu joriġinaw b’mod partikolari mill-operat tal-liġi jew bis-saħħa ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva, jew bis-saħħa ta’ ftehim li jkollu effett legali skont il-liġi ta’ dak l-Istat (l-Artikolu 3). Taħt l-Artikolu 16, l-awtoritajiet li ġew innotifikati bi tneħħija jew żamma illegali ma jistgħux jiddeċiedu dwar drittijiet ta’ kustodja sakemm jiġi stabbilit jekk il-minuri għandux jiġi rritornat, jew jekk l-ebda applikazzjoni għar-ritorn ma tiġi ppreżentata fi żmien raġjonevoli.

46.      Il-Konvenzjoni Ewropea tal-1980 ma tinkludi ebda dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni imma tistabbilixxi regola ġenerali dwar ir-rikonoxximent reċiproku u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet rigward il-kustodja mogħtija f’xi Stat Kontraenti, suġġett għal ċerti eċċezzjonijiet, komparabbli ma’, imma iktar wiesgħa minn, dawk stipulati fl-Artikolu 23 tar-Regolament (22). B’mod partikolari, il-kompetenza tal-awtorità li tagħti d-deċiżjoni tista’ tiġi kkontestata għal ċerti raġunijiet (Artikoli 9(1)(b) u 10(1)). Madankollu, ma ssir ebda distinzjoni skont jekk miżura hijiex jew le ta’ natura provviżorja jew urġenti. Il-konvenzjoni tistabbilixxi qafas proċedurali ġenerali biex jinkiseb ir-rikonoxximent u l-infurzar, imma f’inqas dettall mir-Regolament (Artikoli 13 sa 16).

47.      Għal darb’oħra, jien ser nirreferi għad-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-konvenzjonijiet sal-punt li jkun utli għall-interpretazzjoni tar-Regolament.

 Il-konvenzjoni bilaterali bejn il-Ġermanja u Spanja

48.      Il-konvenzjoni bejn il-Ġermanja u Spanja, dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji u ta’ ftehim u ta’ dokumenti pubbliċi infurzabbli f’materji ċivili u kummerċjali (23), ġiet iffirmata f’Bonn fl-14 ta’ Novembru 1983. Din tipprovdi għar-rikonoxximent reċiproku u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet (inklużi dawk f’materji matrimonjali u materji ta’ relazzjonijiet fil-familja) li jittieħdu minn qorti ta’ wieħed minn dawn l-Istati li kellha ġurisdizzjoni skont ir-regoli stabbiliti fil-konvenzjoni. Dik il-konvenzjoni tissemma fid-digriet provviżorju inkwistjoni fil-każ preżenti. Madankollu, l-Artikolu 59(1) tar-Regolament jispeċifika li (bla ħsara għal ċerti dispożizzjonijiet oħra li mhumiex rilevanti hawnhekk), għall-Istati Membri, ir-Regolament iwarrab “il-konvenzjonijiet eżistenti waqt iż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament li kienu ġew konklużi bejn żewġ Stati Membri jew aktar u jirrigwardaw kwistjonijiet regolati minn dan ir-Regolament”.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domanda rrinvijata

49.      L-omm tat-tewmin li hemm kontestazzjoni dwar il-kustodja tagħhom hija ċittadina Ġermaniża. Il-missier huwa ċittadin Spanjol. Dawn qatt ma kienu miżżewġin, imma għexu flimkien fi Spanja min-nofs l-2005 sa kmieni fl-2007. It-tfal – M, tifel, u S, tifla – twieldu qabel iż-żmien fil-31 ta’ Mejju 2006. Il-kundizzjoni tagħhom kienet teħtieġ kura fl-isptar għal diversi xhur wara. M seta’ jħalli l-isptar f’Settembru 2006, imma S ma ħarġietx qabel Marzu 2007.

50.      Madankollu, sa dak iż-żmien, il-ġenituri ma xtaqux jgħixu iktar flimkien. Fil-25 ta’ Jannar 2007, huma ffirmaw ftehim li jirregola t-terminazzjoni tar-relazzjoni tagħhom. Fir-rigward tat-tfal, għalkemm iż-żewġ ġenituri kellhom iżommu l-awtorità tal-ġenituri u l-kustodja, l-omm kellha tirritorna biż-żewġ tewmin fil-Ġermanja, fejn il-missier ikollu dritt ta’ aċċess.

51.      Dan il-ftehim ġie mbagħad ifformalizzat minn nutar pubbliku fil-preżenza u bil-kunsens taż-żewġ partijiet, fit-30 ta’ Jannar 2007, fil-forma ta’ convenio regulador (ftehim li jirregola t-terminazzjoni ta’ relazzjoni ekwivalenti għal żwieġ, li jrid jiġi approvat minn qorti sabiex ikun infurzabbli (24)). L-att notarili kien jispeċifika li, sabiex ikun effettiv, il-ftehim kellu jkollu l-approvazzjoni tal-qorti (25), u l-partijiet espliċitament ftehmu li jissottomettu ruħhom għal kull deċiżjoni sussegwenti tal-qorti fir-rigward tal-materji koperti.

52.      Madankollu, peress li S ma setgħetx titħalla titlaq qabel id-data ppjanata għal vjaġġ tat-2 ta’ Frar 2007, l-omm fil-fatt ivvjaġġat lejn il-Ġermanja f’dik id-data, flimkien ma’ M biss mit-tewmin, imma flimkien ma’ binha ieħor li huwa akbar, tifel minn relazzjoni preċedenti.

 Il-proċedimenti mressqa mill-missier fi Spanja

53.      Fit-28 ta’ Ġunju 2007, il-missier għamel rikors quddiem il-qorti tal-ewwel istanza lokali tiegħu (Juzgado de Primera Instancia No 4 de San Lorenzo de El Escorial, iktar ’il quddiem il-“qorti Spanjola”), għal “miżuri preliminari immedjati u urġenti” (26) li assenjatlu l-kustodja taż-żewġ minuri, u ordnat ir-ritorn ta’ M lejn Spanja u ordnat lill-omm tħallas EUR 300 kull xahar għall-manteniment taż-żewġ minuri.

54.      Il-qorti Spanjola kkunsidrat espressament jekk kellhiex ġurisdizzjoni biex tordna miżuri bħal dawn, u kkonkludiet li kellha.

55.      Id-digriet tagħha jsemmi li r-rikors tal-missier għal miżuri provviżorji kien ibbażat fuq l-Artikoli 1 u 2 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, fuq ir-Regolament u fuq l-Artikolu 8 tal-konvenzjoni bilaterali tal-1983 rigward il-ġurisdizzjoni tal-qrati Spanjoli.

56.      Huwa jsemmi wkoll li l-omm innifisha ma kinitx preżenti għas-seduta fis-26 ta’ Settembru 2007 (27), imma ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub bil-Ġermaniż (li ġew tradotti bl-Ispanjol u li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti), li fihom hija kkontestat il-ġurisdizzjoni tal-qrati Spanjoli u talbet li l-proċedimenti jitkomplew fil-Ġermanja, fejn sadanittant kienu nbdew (28). Hija kienet ukoll irrappreżentata fil-qorti minn avukat, li argumenta li M kien mar illegalment fil-Ġermanja, abbażi tal-ftehim notarili, u li kien hemmhekk li l-interessi tiegħu kellhom jiġu ttrattati.

57.      Meta ddeċidiet li kellha ġurisdizzjoni, il-qorti Spanjola għamlet riferiment ġenerali għal-“leġiżlazzjoni Ewropea msemmija u għall-konvenzjonijiet rattifikati minn Spanja u l-Ġermanja”. B’mod iktar speċifiku, hija ċċitat l-Artikolu 769(3) tal-LEC, li jikkonferixxi ġurisdizzjoni, fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu biss mal-kustodja ta’ minuri jew talbiet bejn il-ġenituri għall-manteniment fir-rigward ta’ minuri, lill-qorti tal-ewwel istanza tal-post tal-aħħar residenza konġunta tal-ġenituri. Din għamlet riferiment ukoll għall-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 li jikkonferixxi l-ġurisdizzjoni lill-qorti kompetenti tal-post ta’ residenza tal-minuri, u M kien residenti abitwali fi Spanja sat-2 ta’ Frar 2007.

58.      Hija rreferiet espliċitament ukoll għall-Artikolu 19 tar-Regolament, li jirrigwarda l-lis pendens, u kkunsidrat li, jekk il-proċedimenti mibdija mill-omm fil-Ġermanja (29) kienu jinvolvu kawża identika bħar-rikors preċedenti tal-missier fi Spanja, il-qorti Ġermaniża għandha żżomm il-proċedimenti quddiemha.

59.      Madankollu l-qorti Spanjola ma għamlitx riferiment għall-Artikolu 20 tar-Regolament, li jirrigwarda miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi, li jittieħdu f’każijiet ta’ urġenza. Dan jista’ jindika li qieset lilha nnifisha li kellha ġurisdizzjoni fil-mertu, u mhux biss il-ġurisdizzjoni iktar limitata (li tippermetti b’mod eċċezzjonali) li jittieħdu miżuri urġenti u provviżorji jew protettivi fir-rigward ta’ persuni fi ħdan il-ġurisdizzjoni territorjali tagħha.

60.      L-qorti Spanjola osservat ukoll li l-avukat pubbliku, li għamel sottomissjonijiet favur il-ġurisdizzjoni tagħha, poġġa fid-dubju l-legalità tat-tluq ta’ M minn Spanja, u rrileva li l-ftehim bl-att notarili ma kellux l-approvazzjoni tal-qorti (30). Il-qorti semmiet ukoll (għalkemm mhux espliċitament bħala bażi għall-ġurisdizzjoni) li l-missier kien sostna li kienet saret pressjoni fuqu jew ġie mqarraq biex jiffirma l-ftehim u, fil-jum li ffirma l-att notarili, kien mar għand il-pulizija f’tentattiv biex iżomm lil omm milli titlaq lejn il-Ġermanja bit-tfal.

61.      Meħudin flimkien, dawn l-aspetti jistgħu jissuġġerixxu li l-qorti Spanjola kkunsidrat li M tneħħa illegalment skont it-tifsira tar-Regolament u tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, u għalhekk hija żammet il-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament. Madankollu, id-digriet ma jagħmel riferiment espliċitu la għal din id-dispożizzjoni u lanqas għall-Artikolu 8, li abbażi tiegħu setgħet ukoll tqis li għandha ġurisdizzjoni fid-dawl tal-pożizzjoni tagħha dwar ir-residenza abitwali ta’ M (31).

62.      Wara li ddeċidiet li hija kellha ġurisdizzjoni biex tordna l-miżuri li għalihom sar ir-rikors, il-qorti Spanjola tat digriet fit-8 ta’ Novembru 2007 li ġie rrettifikat fir-rigward tal-kustodja fit-28 ta’ Novembru 2007 (id-“digriet ikkontestat”). Bħala miżura ta’ protezzjoni urġenti u immedjata, hija provviżorjament:

–        fdat il-kustodja tat-tewmin lill-missier (32), filwaqt li ħalliet il-patria potestad (l-awtorità, id-drittijiet u d-dmirijiet tal-ġenituri) bejn iż-żewġ ġenituri; f’dan ir-rigward, l-omm ġiet ordnata tirritorna lil M lil missieru fi Spanja, filwaqt li żżomm drittijiet ta’ aċċess illimitati għaż-żewġ ulied;

–        pprojbixxiet li l-minuri jittieħdu barra mit-territorju Spanjol mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel;

–        ordnat li l-passaporti tagħhom jinżammu mill-missier;

–        eżiġiet li kull tibdil fid-domiċilju tagħhom jiġi awtorizzat mill-qorti; u

–        ma tat l-ebda ordni kontra l-omm biex tħallas il-manteniment għall-minuri.

63.      Jidher minn dokument anness mad-digriet ikkontestat, tal-11 ta’ Jannar 2008, u mill-Artikoli 451 u 452 tal-LEC li jirreferi għalihom id-dokument, li seta’ sar rikors (“recurso de reposición”) lill-istess qorti fi żmien ħamest ijiem biex jiġi rrevokat jew mibdul id-digriet. Fl-osservazzjonijiet tiegħu lil din il-qorti, il-Gvern Spanjol jirrileva li ma hemmx appell minn digriet interlokutorju bħal ma huwa d-digriet ikkontestat, imma dan jista’ jinbidel matul il-proċedimenti prinċipali sussegwenti. Dan jispjega li miżuri interlokutorji jsiru effettivi biss jekk jiġu segwiti b’rikors biex tingħata sentenza fil-mertu u, fil-każ preżenti, kien hemm proċedura sussegwenti f’Jannar 2008.

64.      Barra dan fil-11 ta’ Jannar 2008, il-qorti Spanjola ħarġet ċertifikat fil-forma stabbilita fl-Anness II għar-Regolament (33). Dan iċ-ċertifkat kien jistqarr, inter alia, li s-sentenza ma ngħatatx in kontumaċja, li kienet infurzabbli skont il-liġi tal-Stat Membru tal-oriġini, li kienet ġiet innotifikata lill-omm, li kontra tagħha ntalab l-infurzar, u li dan kien jinvolvi r-ritorn tal-minuri lill-missier.

65.      Il-proċess nazzjonali li ntbagħat mill-Bundesgerichtshof jinkludi d-dokumenti ppreżentati mill-avukat tal-omm fil-Ġermanja, li jgħidu li d-digriet tat-8 ta’ Novembru 2007 ġie nnotifikat lill-avukat tagħha fi Spanja fis-16 ta Novembru 2007, u li hija tissupponi li l-avukat tal-missier ukoll irċieva n-notifika tiegħu fl-istess data. hija tistqarr ukoll li r-rikors tal-missier għal sentenza fil-mertu ġie ppreżentat fil-qorti Spanjola fil-21 ta’ Jannar 2008, filwaqt li biex jiġi vvalidat id-digriet interlokutorju, dan kellu jiġi ppreżentat fi żmien 30 ġurnata tax-xogħol min-notifika (34).

66.      Barra dan, bi tweġiba għal mistoqsijiet minn din il-Qorti, l-avukat Ġermaniż tal-omm indika li, fit-28 ta’ Ottubru 2008, il-Qorti Spanjola kkonfermat il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha u għal darb’oħra indikat lilha nnifisha bħala l-“qorti li l-ewwel ħadet pussess [konjizzjoni]” skont it-tifsira tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament. L-omm imbagħad appellat quddiem l-Audiencia Provincial (qorti Provinċjali) f’Madrid, fejn ikkontestat dik id-deċiżjoni dwar ġurisdizzjoni fil-proċedimenti fil-mertu. Ftit qabel is-seduta fil-proċeduri preliminari tar-rinviju, il-qorti tal-appell caħdet din il-kontestazzjoni, ikkonfermat il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-ewwel istanza fir-rigward taż-żewġ tewmin, u semmiet l-Artikolu 20 tar-Regolament fid-deċiżjoni tagħha. Madankollu, l-ebda deċiżjoni fil-mertu oħra ma kienet għadha ttieħdet mill-qorti tal-ewwel istanza.

 Il-proċedimenti mressqa mill-omm fil-Ġermanja

67.      Fl-20 ta’ Settembru 2007, filwaqt li l-proċedimenti msemmija hawn fuq kienu diġà pendenti fi Spanja imma qabel ma ngħata d-digriet ikkontestat, l-omm kienet diġà tat bidu għall-proċedimenti quddiem l-Amtsgericht (qorti lokali) f’Albstadt, fejn talbet il-kustodja taż-żewġt itfal.

68.      Id-digriet tar-rinviju jgħid li l-proċedimenti dwar il-kustodja ġew posposti skont l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 (35). L-Amtsgericht ta’ Stuttgart, li quddiemha mbagħad ġie assenjat il-każ għal raġunijiet proċedurali, għandha dubju jekk għandhiex ġurisdizzjoni u, meta qieset il-proċedimenti fil-mertu pendenti fi Spanja, hija għandha l-ħsieb li żżomm il-proċedimenti skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament.

69.      Wara d-deċiżjonijiet li ġew prodotti mill-avukat tal-omm fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Amtsgericht issospendiet il-proċedimenti fuq dik il-bażi, fit-8 ta’ Diċembru 2008. Madankollu, wara appell li sar mill-omm quddiem l-Oberlandesgericht (qorti reġjonali) ta’ Stuttgart, id-deċiżjoni tagħha li tagħmel hekk nbidlet, fl-14 ta’ Mejju 2009. Il-qorti tal-appell osservat li l-proċedimenti fi Spanja kienu ta’ natura interlokutorja filwaqt li l-proċedimenti fil-Ġermanja kienu jirrigwardaw deċiżjoni definittiva dwar il-kustodja; għalhekk, hija kkunsidrat li ż-żewġ proċedimenti ma kinux jinvolvu l-istess kawża skont it-tifsira tal-Artikolu 19(2), u fid-dawl ta’ dan il-qorti inferjuri għandha terġa’ tikkunsidra l-ġurisdizzjoni tagħha.

70.      Madankollu, f’deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2009, l-Amtsgericht indikat li kienet għadha mhijiex konvinta – primarjament għax ma kinitx ċerta jekk it-trasferiment ta’ M lejn il-Ġermanja kienx legali, u b’hekk ikollhom ġurisdizzjoni l-qrati Ġermaniżi bis-saħħa tal-Artikolu 9 tar-Regolament, jew illegali, f’liema każ il-qrati Spanjoli jżommu l-ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 10. Hija kkunsidrat ukoll li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tista’ tiġi riżolta biss billi ssir domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja għal kjarifikazzjoni (36).

 Il-proċedimenti mressqa mill-missier fil-Ġermanja

71.      Fil-proċedimenti li taw lok għat-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari, il-missier qed jitlob li d-digriet ikkontestat jiġi ddikjarat infurzabbli fil-Ġermanja.

72.      Skont id-digriet tar-rinviju, oriġinarjament huwa kien għamel rikors biex jingħata ordni għar-ritorn ta’ M, u huwa biss bħala prekawzjoni li d-digriet ikkontestat jiġi ddikjarat infurzabbli. Madankollu, sussegwentement huwa sostna li l-prijorità kienet id-dikjarazzjoni tal-infurzabbiltà.

73.      Il-proċess nazzjonali mibgħut mill-Qorti tal-Ġustizzja jinkludi kopji ċertifikati (u traduzzjonijiet ċertifikati għall-Ġermaniż) tad-digriet oriġinali u tad-digriet ta’ rettifika mill-qorti Spanjola flimkien maċ-ċertifikat tal-qorti tal-11 ta’ Jannar 2008 fil-forma stabbilita fl-Anness II għar-Regolament.

74.      Il-qrati kompetenti tal-ewwel istanza u tal-appell (għal darb’oħra l-Amtsgericht u l-Oberlandesgericht Stuttgart) għalhekk żiedu klawżola għall-infurzar mas-sentenza tal-qorti Spanjola, u wissew lill-omm li hija tista’ tiġi mmultata fl-eventwalità li hija tonqos li tikkonforma magħha. Huwa kontra dawn is-sentenzi li hija ressqet appell fuq punt ta’ liġi quddiem il-Bundesgerichtshof, li tiġbor fil-qosor is-sentenza tal-qorti tal-appell kif ġej.

75.      Ma hemm l-ebda raġuni ovvja għalfejn is-sentenza tal-qorti Spanjola ma għandhiex tkun infurzabbli. Hija miżura provviżorja, imma l-Artikolu 2(4) tar-Regolament ma jiddistingwix bejn forom differenti ta’ deċiżjoni għall-iskopijiet ta’ rikonoxximent u infurzar. Il-minuri ma nstemgħux mill-qorti Spanjola, imma dan ma jiksirx xi obbligu proċedurali essenzjali tal-liġi Ġermaniża, speċjalment peress li dawn kellhom biss sena u nofs dak iż-żmien. L-omm targumenta li s-sentenza Spanjola mhijiex infurzabbli għaliex il-proċedimenti prinċipali tressqu wara li kien skada ż-żmien, imma l-qorti Spanjola ħarġet ċertifikat skont l-Artikolu 39 tar-Regolament. Lanqas hemm xi raġunijiet biex jiġi miċħud l-infurzar taħt l-Artikolu 23 tar-Regolament. Ma hemm l-ebda ksur ovvju tal-politika pubblika Ġermaniża, u d-dritt tal-omm li tinstema’ ġie ppreżervat bit-taħrika lilha biex tidher quddiem il-qorti. Il-fatt li hija ma dehritx personalment, imma kienet rappreżentata mill-avukat tagħha, hija deċiżjoni tagħha. Fi proċedimenti dwar ir-rikonoxximent u l-infurzabbiltà, il-qorti hija mwaqqfa milli teżamina l-mertu tal-proċedimenti dwar il-kustodja li ġew iddeterminati fi Spanja.

76.      L-omm targumenta quddiem il-Bundesgerichtshof li d-dispożizzjonijiet dwar rikonoxximent u infurzar tar-Regolament ma japplikawx għall-miżuri provviżorji regolati bl-Artikolu 20, li ma jistgħux jiġu klassifikati bħala “sentenza dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri” fis-sens tal-Artikolu 2(4).

77.      Il-Bundesgerichtshof tikkunsidra diversi approċċi li jiġu invokati fil-letteratura.

78.      L-ewwel grupp ta’ awturi jeskludi miżuri li jittieħdu fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament mill-iskop tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar. Dawn jikklassifikaw din id-dispożizzjoni purament bħala regola dwar il-ġurisdizzjoni – interpretazzjoni li tista’ tiġi appoġġjata mis-sentenza A (37), li tgħid li miżuri provviżorji fis-sens tal-Artikolu 20 iridu jkunu ta’ natura provviżorja u l-implementazzjoni u n-natura vinkolanti tagħhom tiġi ddeterminata skont il-liġi nazzjonali. Bil-kundizzjoni li jinstemgħu ż-żewġ partijiet, il-miżuri provviżorji (għajr dawk fil-qasam matrimonjali u fil-qasam ta’ responsabbiltà tal-ġenituri) għandhom jiġu rrikonoxxuti u infurzati taħt il-Konvenzjoni ta’ Brussell u r-Regolament Nru 44/2001, bħa ħsara għar-restrizzjonijiet imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalkemm il-pożizzjoni taħt ir-Regolament tidher komparabbli, l-Artikolu 20(1) jirrigwarda miżuri li jittieħdu taħt il-liġi tal-Istat Membru “fir-rigward ta’ persuni jew assi f’dak l-Istat”, b’hekk jorbot is-suġġett tal-miżura mal-ġurisdizzjoni territorjali. Mill-Artikoli 1(1), 2(4) u 20(1) isegwi li l-iskop tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar fir-Regolament huwa limitat għal deċiżjonijiet fil-proċedimenti prinċipali.

79.      It-tieni grupp jestendi l-iskop tal-Artikolu 2(4) għall-miżuri provviżorji li jittieħdu minn qorti kompetenti fl-ambitu tal-proċedimenti prinċipali, sakemm id-dritt għas-smigħ ikun tal-inqas ingħata b’mod retroattiv. Bil-kontra tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u r-Regolament Nru 44/2001, ir-Regolament preżenti jittratta relazzjonijiet triangulari fejn terza persuna – il-minuri – għandu bżonn ta’ protezzjoni partikolari. Id-dritt għas-smigħ għalhekk għandu jiġi żgurat f’xi stadju, anke jekk wara biss li jkun ingħata d-digriet provviżorju (38).

80.      It-tielet grupp jirrestrinġi l-applikazzjoni tar-Regolament għal miżuri provviżorji li jittieħdu biss wara li l-partijiet ikunu nstemgħu. It-twettiq retroattiv biss tal-obbligu għal smigħ xieraq mhuwiex biżżejjed. Huwa nuqqas tar-Regolament li jadotta għal materja ta’ kustodja strumenti maħsuba għal proċedimenti inter partes; li ma għandhomx jiġu estiżi a spejjeż tas-sistema bilanċjata tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980.

81.      Fl-aħħar nett, ir-raba’ grupp jargumenta li l-miżuri provviżorji kollha għandhom jiġu inklużi fi ħdan is-sistema tar-Regolament għar-rikonoxximent u l-infurzar. Uħud minn dan il-grupp iqisu l-miżuri li jittieħdu fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 bħala “sentenzi” fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(4), filwaqt li oħrajn ma jagħmlux hekk, imma lkoll jaqblu li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 et seq japplikaw għalihom.

82.      L-eżitu tal-appell tal-omm u tat-talba tal-missier għar-rikonoxximent tad-digriet ikkontestat, għalhekk ikun ivarja skont l-approċċ li jiġi segwit. Madankollu, bħall-qorti tal-appell, il-Bundesgerichtshof taċċetta li d-digriet ma joffendix il-politika pubblika Ġermaniża, li l-omm kellha opportunità adegwata biex tressaq il-każ tagħha quddiem il-qorti Spanjola u l-fatt li minuri ta’ 18-il xahar ma nstemgħax mhuwiex raġuni biex jiġi miċħud ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-digriet.

83.      Għaldaqstant, wara li qieset dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Bundesfinanzhof għamlet id-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 et seq tar-[Regolament], dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet ta’ Stati Membri oħra skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Brussell IIa, japplikaw ukoll għal miżuri provviżorji infurzabbli, fil-qasam tad-dritt tal-kustodja, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament IIa?’

84.      Bi tweġiba għall-mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-proċedura b’urġenza skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura għandhiex tiġi applikata, il-Bundesgerichtshof ikkonfermat li ma kkunsidratx li kien meħtieġ pass bħal dan. Il-Qorti lanqas ma tat bidu għall-proċedura ex officio, għalkemm il-President iddeċieda li l-każ għandu jingħata prijorità skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) ta’ dawn ir-regoli.

85.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-omm, mill-Gvern Ċek, Ġermaniż, Ungeriż, Taljan, Portugiż, Spanjol u tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni. Waqt is-seduta tas-17 ta’ Marzu 2010, l-istess partijiet, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Taljan, Ungeriż u Portugiż, kienu rrappreżentati u għamlu trattazzjoni verbali. Il-missier ma għamel l-ebda sottomissjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Evalwazzjoni

 Kunsiderazzjonijiet ġenerali

86.      Kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kustodja ta’ minuri wara li tkun spiċċat ir-relazzjoni tal-ġenituri huma fost dawk li huma l-iktar sensittivi u emotivament diffiċli li l-qrati tal-liġi jissejjħu jaqtgħu. It-tfittxija sabiex jiġu rrikonċiljati passjonijiet vixxerali li kwistjonijiet bħal dawn iqajmu toffri sfida għall-kaġaċitajiet ta’ counsellors, ħaddiema soċjali u avukati bl-istess mod. Meta tkun meħtieġa deċiżjoni ta’ qorti, ħafna drabi titqies li hija inġusta minn tal-inqas wieħed mill-ġenituri kkonċernati.

87.      Meta kwistjoni bħal din tifrex fuq iktar minn pajjiż wieħed u fuq iktar minn sistema legali waħda – kif qed ikun iktar komuni fl-Unjoni Ewropea tal-lum iktar ma jmur iż-żmien - id-diffikultajiet jistgħu tabilħaqq jiġu kkumplikati bl-inċertezza dwar liema awtoritajiet huma kompetenti, u bil-probabbiltà li wieħed mill-ġenituri jkollu jittratta ma’ sistema legali li jkun inqas familjari magħha milli ma’ tiegħu, ħafna drabi b’lingwa li ma tkunx tiegħu jew tagħha.

88.      Bħal li kieku dan ma kienx biżżejjed, fl-immaġinazzjoni popolari hemm is-suspett mifrux imma mhux daqstant ċar – li ħafna drabi jiġi nkuraġġit mill-media popolari – li l-qrati ta’ art barranija huma inqas ġusti mill-qrati domestiċi ta’ dak li jkun, u li x’aktarx ser jiffavorixxu liċ-ċittadini tagħhom.

89.      Ma tistax issir leġiżlazzjoni biex titneħħa l-eżistenza ta’ diffikultajiet bħal dawn. Madankollu, dawn jenfasizzaw in-neċessità assoluta ta’ sett ta’ regoli ċari għall-UE kollha dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’dan il-qasam, fejn id-dewmien u l-inċertezza jistgħu jkunu partikolarment ta’ ħsara għall-aħjar interessi ta’ dawk li huma involuti l-iktar – il-minuri. Huwa sett ta’ regoli bħal dawn li r-Regolament ifittex li jipprovdi. Fil-każ ta’ dubju (li jidher li hemm f’ċerti każijiet, għall-inqas fost awturi akkademiċi Ġermaniżi li sar sommarju tax-xogħol tagħhom mill-Bundesgerichtshof), l-interpretazzjoni tagħhom għandha tiġi ċċarata mill-Qorti tal-Ġustizzja (39).

90.      Dawn ir-regoli għandhom jiġu applikati b’mod oġġettiv, mingħajr ma jitqies xi impatt li jista’ jidher li huwa probabbli li jkollhom fuq id-deċiżjoni fil-mertu. Dawn huma purament ta’ natura proċedurali. L-iskop tagħhom huwa li jiġi żgurat, l-ewwel, li l-kwistjonijiet fil-mertu jiġu deċiżi minnufih – mhux bil-għaġġla, imma mhux imfixkla bid-dewmien li jista’ jiġi kkaġunat minn kwistjonijiet fit-tul dwar il-ġurisdizzjoni – minn qorti li l-ġurisdizzjoni tagħha, stabbilita fid-dawl tal-aħjar interessi tal-minuri, billi jingħata qies partikolari għall-kriterju tal-prossimità, tista’ faċilment tiġi vverifikata; u t-tieni, li d-deċiżjonijiet ta’ dik il-qorti jingħataw effett sħiħ, għal darb’oħra mingħajr dewmien, f’kull parti tal-Unjoni Ewropea.

91.      Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni, ir-Regolament ġie fformulat bil-ħsieb li jiġi pprovdut qafas ċar li fih tiġi deċiża liema hija l-qorti kompetenti. Madankollu, inevitabbilment ser ikun hemm sitwazzjonijiet li fihom ikun hemm grad ta’ inċertezza. Għal din ir-raġuni, u minħabba l-periklu li ġenitur iddiżappuntat ser jara d-dikjarazzjoni tal-qorti dwar il-ġurisdizzjoni tagħha stess marbuta mad-deċiżjoni fil-mertu negattiva tagħha, u x’aktarx ser titqies li hija inġusta, jidher li huwa essenzjali li l-konstatazzjoni dwar il-ġurisdizzjoni għandha f’kull każ tkun raġunata b’mod kemm jista’ jkun espliċitu, u b’mod kemm jista’ jkun ċar u komplet. Sfortunatament id-digriet ikkontestat ma jilħaqx dan l-għan essenzjali.

92.      Fir-rigward tar-rikonoxximent u tal-infurzar, ir-Regolament huwa bbażat fuq grad partikolarment għoli ta’ fiduċja reċiproka, u jisħaq fuq ir-rikonoxximent mingħajr rikors għal xi proċedura speċjali, jillimita r-raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent għall-minimu u jipprojbixxi r-reviżjoni kemm tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini u tal-mertu tas-sentenza. Dan il-grad ta’ fiduċja reċiproka – li huwa essenzjali sabiex jiġu evitati d-dewmien u l-kunflitti li kieku joħolqu problemi fil-proċedimenti tat-tip ikkonċernat – mill-banda l-oħra jimponi grad għoli ta’ responsabbiltà fuq il-qorti li taċċetta l-ġurisdizzjoni u jeżiġi salvagwardji proċedurali adegwati li jkunu disponibbli fl-Stat Membru tal-oriġini, peress li b’mod ġenerali d-digriet sussegwenti ma jistax jiġi kkontestat fl-Istat Membru tar-rikonoxximent jew l-infurzar.

93.      F’dan ir-rigward, ma nistax nagħmel aħjar ħlief li nikkwota minn inizjattiva għall-adozzjoni ta’ direttiva dwar l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, li ġiet ippubblikata fil-ġurnata ta’ wara s-seduta fil-kawża preżenti (40). Il-premessa 4 fil-preambolu għad-direttiva proposta taqra kif ġej:

“Ir-rikonoxximent reċiproku jista’ jaħdem b’mod effettiv biss fi spirtu ta’ fiduċja, fejn mhux biss l-awtoritajiet ġudizzjarji, iżda l-atturi kollha fil-proċess kriminali jqisu d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stati Membri oħra bħala ekwivalenti għal tagħhom, li jimplika “mhux biss fiduċja fl-adegwatezza tar-regoli tas-sieħeb, iżda wkoll fiduċja li dawk ir-regoli huma applikati korrettament.”

94.      Din id-dikjarazzjoni tista’, fil-fehma tiegħi, tiġi trasposta b’mod sħiħ mill-kamp tal-proċess kriminali għal dak tal-proċeduri rigward ir-responsabbiltà tal-ġenituri, il-kustodja u l-kura fir-rigward tal-minuri.

 It-tewmin u r-Regolament

95.      Aspett ta’ dan il-każ li għandu jiġi nnotat huwa dak li jirrigwarda kwistjoni dwar il-kustodja tat-tewmin, li fil-preżent – u x’aktarx issa huma residenti b’mod abitwali, għall-iskopijiet tar-Regolament – fi Stati Membri differenti. Prinċipju qawwi ħafna li jirregola kull deċiżjoni li tikkonċerna r-responsabbiltà tal-ġenitur, il-kustodja u l-kura, huwa li t-tfal aħwa – u fuq kollox it-tewmin kollha - għandhom jibqgħu flimkien sakemm ma jkunx hemm raġunijiet eċċezzjonali li jindikaw il-kontra. Tal-inqas, jidher li huwa essenzjali li l-kwistjoni dwar il-kustodja tagħhom għandha tiġi ttrattata mill-istess qorti – punt li sar, tabilħaqq, fid-digriet ikkontestat.

96.      Ir-Regolament ma fih l-ebda dispożizzjoni speċifika għal sitwazzjoni bħal din (41). Din tidher li hija ommissjoni sfortunata, għalkemm naċċetta li l-formulazzjoni preċiża ta’ dispożizzjoni bħal din taf tkun materja delikata. Fl-assenza ta’ xi regola bħal din, madankollu, ir-Regolament jipprovdi (fl-Artikolu 15) li l-qrati jittrasferixxu każ lil qorti ta’ xi Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu xi konnessjoni partikolari, jekk din il-qorti tal-aħħar tkun f’pożizzjoni aħjar biex tisma’ l-kawża jekk dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri, u teżiġi li l-qrati jikkooperaw għal dan il-għan. Huwa (fl-Artikolu 55) jeżiġi wkoll li l-awtoritajiet ċentrali jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn il-qrati bil-għan li tiġi applikata dik id-dispożizzjoni. F’A, (42) il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-obbligu fuq il-qrati nazzjonali li jikkomunikaw direttament jew permezz tal-awtoritajiet ċentrali tagħhom.

97.      Jidher li jkun mixtieq ħafna li, f’każ bħal dak preżenti – li jinvolvi kwistjoni unika dwar il-kustodja taż-żewġ tewmin u li għalhekk ikun meħtieġ bħala minimu, apprezzament uniku u koerenti tas-sitwazzjoni kollha kemm hi – il-qrati u l-awtoritajiet ċentrali kkonċernati għandhom jikkontemplaw attivament l-użu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet bil-ħsieb li jintlaħaq qbil li l-materja għandha tiġi ttrattata mill-istess qorti, jiġifieri għal liema waħda mit-tnejn li tidher li hija fl-aħjar pożizzjoni, wara li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi kollha, b’mod partikolari l-aħjar interessi tat-tewmin.

98.      Ftehim bħal dan, li jintlaħaq fi stadju bikri, jista’ jkun kapaċi jevita proċeduri tal-appell fit-tul, kwistjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni u rinviji lil din il-Qorti – ukoll fl-aħjar interessi tal-minuri. Huwa possibbli li għal waħda mill-qrati, abbażi ta’ xhieda ppreżentata lilha minn wieħed mill-ġenituri biss, it-trasferiment tal-ġurisdizzjoni lill-qorti l-oħra jista’ jidher li huwa mimli problemi u perikli. Imma l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni jistgħu tabilħaqq ineħħu impressjoni inizjali bħal din, u tentattiv biex wieħed jikkomunika u jikkoopera jidher li huwa essenzjali fl-interessi tal-minuri.

99.      Sfortunatament, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ngħatat l-ebda indikazzjoni li ttieħdet xi inizjattiva bħal din fil-każ preżenti.

100. Tkun anki ħasra akbar - tabilħaqq, tkun tindika nuqqas min-naħa tal-leġiżlatura tal-Komunità – jekk applikazzjoni mekkanika tar-Regolament kellha twassal għall-konsegwenza li kwistjoni unika ta’ reponsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ tewmin kellha mingħajr ebda mistoqsija tiġi maqsuma bejn qrati f’żewġ Stati Membri differenti, li jistgħu tabilħaqq jaslu għal deċiżjonijiet differenti li jagħtu lok għal sitwazzjonijiet li ma jaqblux, għad-detriment ċar tal-minuri.

 L-iskop tad-domanda u tal-Artikolu 20

101. Il-qrati Ġermaniżi għandhom jiddeċiedu jekk id-digriet ikkontestat għandux jiġi rrikonoxxut u infurzat fil-Ġermanja skont ir-Regolament.

102. Id-domanda li l-Bundesgerichtshof għamlet lill-Qorti hija, essenzjalment, jekk miżuri provviżorji skont it-tifsira tal-Artikolu 20 tar-Regolament, li huma infurzabbli fl-Istat Membru fejn ġew ordnati, għandhomx jiġu rrikonoxxuti u infurzati fi Stati Membri oħrajn bl-istess mod bħal sentenzi infurzabbli oħra.

103. Is-suppożizzjoni għalhekk hija li d-digriet ikkontestat jaqa’ fi ħdan l-Artikolu 20. Il-bażi għal din is-suppożizzjoni mhijiex għal kollox ċara. Din tista’ tkun imposta fuq il-Bundesgerichtshof bil-formulazzjoni tal-appell tal-omm fuq punt ta’ liġi jew mill-konstatazzjonijiet tal-qorti isfel, kif spjegat mill-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta. F’kull każ, jidher li huwa plawżibbli li din fl-aħħar mill-aħħar hija bbażata fuq il-fehma li jew il-qorti Spanjola kkunsidrat il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20(1) li twettqu jew li l-miżuri provviżorji kollha jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 20, indipendentement minn liema qorti tkun ħadithom. Madankollu, jekk dan huwa l-każ, l-ebda waħda minn dawn il-fehmiet ma tidher għalija li hija ġustifikata.

104. Fir-rigward tal-ewwel, ġie rrilevat li f’uħud mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li d-digriet ikkontestat ma jagħmel ebda riferiment għall-Artikolu 20 u li M, fiż-żmien materjali, ma kinitx għadha iktar fi Spanja. Il-bażi preċiża li fuqha l-Qorti Spanjola assumiet il-ġurisdizzjoni ma ġietx iddikjarata. Madankollu, l-indikazzjonijiet fid-digriet tagħha kollha jidhru li jistgħu jiġu ġustifikati bl-ipoteżi li hija kkunsidrat ruħha li għandha ġurisdizzjoni fil-mertu biex tirregola r-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward taż-żewġ minuri (43) u li d-digriet provviżorju kien, proċeduralment, preludju interlokutorju qabel ittieħdet deċiżjoni iktar definittiva f’dan ir-rigward wara sottomissjonijiet iktar kompleti miż-żewġ ġenituri fil-proċedimenti fil-mertu, iktar milli miżura urġenti meħuda fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20.

105. Fir-rigward tat-tieni, fil-fehma tiegħi l-interpretazzjoni ma treġix għall-iskrutinju.

106. L-ewwel nett, fl-Artikoli 8 sa 15, ir-Regolament jistabbilixxi sett eżawrjenti ta’ regoli dwar ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. Huwa fin-natura ta’ materji bħal dawn li ħafna deċiżjonijiet ser jkunu ta’ natura provviżorja. Imbagħad, l-Artikolu 20 jagħmilha ċara li dawn ir-regoli ma jżommux lil qrati ta’ Stat Membru milli jieħdu miżuri provviżorji urġenti taħt il-liġi nazzjonali fir-rigward ta’ persuni f’dak l-Istat, anki jekk qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha ġurisdizzjoni fir-rigward tal-mertu, u li dawn il-miżuri ser jieqfu milli jkomplu japplikaw meta l-qorti tal-aħħar tkun ħadet azzjoni xierqa. Din id-dispożizzjoni ma tippruvax tirregola l-miżuri provviżorji kollha. Lanqas ma tipprova tagħti xi ġurisdizzjoni fil-mertu. Din tippermetti biss, f’ċirkustanzi speċifiċi, li qorti oħra, li temporanjament tkun f’pożizzjoni aħjar għal dak il-għan mill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fil-mertu, li tieħu b’mod urġenti l-miżuri provviżorji neċessarji li jibqgħu subordinati għall-miżuri deċiżi mill-aħħar qorti (44).

107. Ladarba huwa hekk, tweġiba limitata għall-istatus tal-miżuri meħuda fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 mhux ser tgħin issolvi l-kwistjoni fil-mertu inerenti tar-rikonoxximent u l-infurzar tad-digriet ikkontestat – anki jekk din tista’ forsi tkun ta’ għajnuna għall-Bundesgerichtshof biex tasal għal deċiżjoni fl-appell li jinsab quddiemha jekk (konsegwenza ta’ impożizzjoni mill-proċedura nazzjonali) li d-deċiżjoni għandha tipproċedi abbażi li d-digriet ikkontestat ittieħed fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20. Ikun anki inqas ta’ għajnuna li wieħed jirrifjuta li jwieġeb għad-domanda, kif ġie suġġerit mill-Gvern Ċek, għar-raġuni li, fid-dawl tal-fatti din hija ipotetika.

108. Pjuttost, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat b’mod konsistenti li l-proċedura dwar deċiżjoni preliminari, li tinvolvi kif hija tagħmel il-kooperazzjoni bejnha u l-qrati nazzjonali, teżiġi li għandha tipprovdi tweġiba li tkun ta’ għajnuna għall-qorti nazzjonali u li tagħmilha possibbli għal din tal-aħħar li tiddeċiedi l-każ quddiemha. Hija u tagħmel dan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha d-dmir li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-UE meħtieġa għal dak il-għan, inklużi dispożizzjonijiet li mhumiex espressament indikati fid-domandi rinvjati, u jista’ jkollha tirriformula dawk id-domandi (45).

109. Approċċ bħal dan jidher li jkun iktar u iktar meħtieġ fi kwistjoni li tikkonċerna r-responsabbiltà tal-ġenitur li tkun diġà twalet b’mod eċċessiv. Sa issa għaddew iktar minn sentejn, u iktar min-nofs l-età tat-tewmin, minn meta sar id-digriet ikkontestat u ġie ċċertifikat mill-qorti Spanjola. Dan huwa f’kontradizzjoni totali mal-għan ċentrali tar-Regolament li jservi l-aħjar interessi tal-minuri billi jiżgura li d-deċiżjonijiet jittieħdu u jingħataw effett minnufih, ħielsa minn dewmien proċedurali konsegwenza tan-natura transkonfinali tas-sitwazzjoni.

110. Għalhekk, jien ma naqbilx mal-approċċ restrittiv tal-Gvern Ġermaniż (li hija l-qorti tar-rinviju biss, li jkollha għarfien komplet dwar il-proċedimenti quddiemha li, fil-prinċipju hija kwalifikata biex tiddefinixxi u tiddelimita d-domanda li għandha tiġi mwieġba). Jien pjuttost ser nagħmel mill-aħjar biex nindirizza l-kwistjonijiet u d-dispożizzjonijiet li jidhru li huma rilevanti b’tali mod li tingħata risposta li tkun l-iktar ta’ għajnuna possibbli bil-għan ta’ soluzzjoni kemm jista’ jkun ta’ malajr u kompleta, fl-aħjar interess tat-tewmin.

111. Punt li għandu jiġi osservat meta jiġu identifikati l-argumenti importanti għad-diskussjoni huwa li r-rikors tal-missier, li dwaru huwa kkonċernat l-każ quddiem il-Bundesgerichtshof fil-fatt jitlob ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-digriet ikkontestat fir-rigward biss ta’ M, li jinsab fil-Ġermanja. Fir-rigward ta’ S, li baqgħet fi Spanja, ma hemmx bżonn li d-digriet jiġi rrikonoxxut, u ma hemmx skop li dan jiġi rrikonoxxut, fil-Ġermanja. Kwistjoni separata li nqalgħet matul il-proċedimenti pendenti quddiem l-Amtsgericht Stuttgart (u li apparentement ukoll ġiet ikkunsidrata matul il-proċedimenti tal-appell quddiem l-Audiencia Provincial f’Madrid), hija jekk humiex il-qrati Ġermaniżi jew Spanjoli li għandhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ wieħed jew iż-żewġ tewmin, imma l-ebda domanda ma ġiet rinvjata lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni. Madankollu, peress li ż-żewġ argumenti importanti għad-diskussjoni huma interkonnessi, xi kunsiderazzjonijiet jistgħu jaffettwaw ukoll, għall-inqas indirettament, dan l-aħħar argument importanti għad-diskussjoni.

112. Kif rajna, ir-Regolament jipprovdi għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi kważi b’mod awtomatiku, ibbażat fuq grad għoli ta’ fiduċja reċiproka, li mbagħad jeżiġi grad għoli ta’ responsabbiltà u kooperazzjoni. Hemm xi eċċezzjonijiet għar-rekwiżit tar-rikonoxximent u l-infurzar imma wieħed għalhekk kien jistenna, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, li d-digriet ikkontestat tal-qorti Spanjola għandu jiġi rrikonoxxut u infurzat fil-Ġermanja.

113. Madankollu ġew avvanzati numru ta’ oġġezzjonijiet għal dan l-eżitu – prinċipalment mill-omm, għalkemm diversi Stati Membri ressqu ’il quddiem kunsiderazzjonijiet li jirkbu fuq xulxin. Hemm, essenzjalment, ħames argumenti: (i) il-qorti Spanjola ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni fil-mertu taħt ir-Regolament biex tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ M; (ii) id-digriet ikkontestat kien miżura provviżorja, u l-ebda miżura provviżorja ta’ kull tip ma hija meħtieġa li tiġi rrikonoxxuta jew infurzata taħt l-Artikoli 21 et seq tar-Regolament; (iii) id-digriet ikkontestat kien miżura provviżorja skont it-tifsira tal-Artikolu 20 tar-Regolament, u miżuri provviżorji ta’ dan it-tip speċifiku mhumiex meħtieġa li jiġu rrikonoxxuti jew infurzati taħt l-Artikoli 21 et seq; (iv) il-qorti Spanjola ma kinitx awtorizzata bl-Artikolu 20 tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenitur fir-rigward ta’ M; u (v) minkejja ċ-ċertifikat maħruġ mill-qorti Spanjola skont l-Artikolu 39 tar-Regolament, id-digriet ikkontestat waqaf milli jkun infurzabbli fi Spanja meta l-missier naqas milli jibda proċedura fil-mertu fit-terminu ta’ 30 ġurnata tax-xogħol mid-data tad-digriet.

114. Jien ser nagħmel mill-aħjar biex nindirizza dawn il-punti kollha fi ħdan qafas sistematiku, li fih ser nikkunsidra n-natura tad-digriet ikkontestat, materja li tidher li hija essenzjali għad-deċiżjoni finali dwar jekk għandhiex tiġi rrikonoxxuta jew infurzata.

115. L-ewwel nett, jien ser nieħu l-ipoteżi li l-qorti Spanjola kkunsidrat lilha nnifisha li għandha ġurisdizzjoni fil-mertu, taħt l-Artikoli 8 et seq tar-Regolament, fir-rigward taż-żewġ tewmin. Jien ser neżamina kif ir-Regolament jista’ jippermetti lill-omm, jekk din tikkontesta din il-ġurisdizzjoni, li tiżgura li d-digriet ma jiġix irrikonoxxut jew infurzat fil-Ġermanja. F’dan il-kuntest, jien ser nikkunsidra jekk il-fatt li d-digriet ikkontestat kien provviżorju jagħmilx differenza.

116. It-tieni nett, jien ser nassumi li l-qorti Spanjola kkunsidrat li (fir-rigward ta’ M) hija ma kellhiex ġurisdizzjoni fil-mertu imma li d-digriet provviżorju tagħha seta’ jingħata taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament, u nistaqsi jekk il-miżuri li magħhom huwa kkonċernat dan l-artikolu normalment għandhomx jiġu rrikonoxxuti u infurzati fi Stati Membri oħra. Jekk huwa hekk, jien ser nindirizza l-passi li għandhom jittieħdu jekk il-ġurisdizzjoni tiġi kkontestata.

117. Madankollu qabel nindirizza kull waħda min dawn l-ipoteżi, naħseb li jkun ta’ għajnuna li jiġi kjarifikat fil-qosor x’inhuwa mfisser b’miżura “provviżorja”.

 Miżuri “provviżorji”

118. Mal-ewwel daqqa t’għajn, il-ħtieġa li ssir kjarifikazzjoni tista’ tidher dubjuża: miżura provviżorja hija, evidentement minnha nnifisha, waħda li hija maħsuba tipproduċi l-effetti tagħha għal perijodu limitat biss – sakemm iseħħ avveniment partikolari jew ikun għadda ċertu perijodu ta’ żmien.

119. Madankollu, huwa min-natura u l-essenza tal-liġi tal-familja, li peress li l-minuri jikbru u ċ-ċirkustanzi jinbidlu, deċiżjonijiet fil-mertu dwar ir-responsabbiltà tal-ġenitur jista’ jkollhom bżonn li jiġu emendati (jew tabilħaqq mibdula). Konsegwentement, l-ebda deċiżjoni bħal din ma hija waħda definittiva jew finali bħal ma huwa finali jew definittiv digriet ta’ divorzju. U d-deċiżjonijiet kollha dwar ir-responsabbiltà tal-ġenitur jipproduċu l-effetti tagħhom biss għal perijodu limitat, peress li dawn neċessarjament jiskadu meta l-minuri jsir maġġorenni.

120. Fil-kuntest tal-Artikolu 20 tar-Regolament, is-sitwazzjoni hija ċara: miżura provviżorja hija waħda li tittieħed f’ċirkustanzi ta’ urġenza, li ma tibqax tapplika meta l-qorti li jkollha l-ġurisdizzjoni fil-mertu tieħu l-miżuri li tikkunsidra li jkunu xierqa.

121. B’analoġija, wieħed jista’ jgħid li deċiżjoni provviżorja dwar responsabbiltà tal-ġenituri li ttieħed minn qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-mertu hija waħda li ħafna drabi tittieħed biex jiġu ttrattati ċirkustanzi li jkunu qed jippressaw u li ma jippermettux li tingħata kunsiderazzjoni sħiħa tal-materja, u skont l-intenzjoni speċifika li din tiġi ssostitwita permezz ta’ deċiżjoni sussegwenti li għandha tittieħed wara kunsiderazzjoni iktar dettaljata, hija nnifisha li mhijiex speċifikament maħsuba biex tiġi mibdula jew emendata sakemm ma jkunx hemm tibdil fiċ-ċirkustanzi. Għal preċiżjoni jien ser nirreferi għal din l-aħħar tip ta’ deċiżjoni bħala “ferma”, peress li din mhijiex eżattament finali jew definittiva.

122. Għalhekk, f’dan il-kuntest, li jkun hemm grad ta’ urġenza hija karatteristika normali ta’ miżura provviżorja (u waħda neċessarja fejn ikun involut l-Artikolu 20). Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li ħafna drabi jiġu adottati miżuri urġenti permezz ta’ proċedura sommarja li tista’ tkun nieqsa minn xi wħud jew ħafna mis-salvagwardji normali. Jista’ ma jkunx possibbli li jinstemgħu l-partijiet interessati kollha jew li tiġi kkunsidrata l-evidenza rilevanti kollha. Xi deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu anki permezz tat-telefon, li jwasslu sempliċement għal nota miktuba bl-idejn fil-fajl (46).

123. B’dawn il-kunsiderazzjonijiet f’moħħi, jien issa ser ngħaddi biex nindirizza ż-żewġ ipoteżi msemmija hawn fuq.

 L-ewwel ipoteżi: il-ġurisdizzjoni fil-mertu

 Deċiżjoni ferma

124. It-termini u l-iskema tar-Regolament huma pjuttost ċari: sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rrikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħrajn mingħajr ma tkun meħtieġa xi proċedura speċjali oħra, u sentenza mogħtija fi Stat Membru li hija infurzabbli hemmhekk u li ġiet innotifikata għandha tiġi infurzata fi Stat Membru ieħor meta tkun ġiet iddikjarata infurzabbli hemmhekk skont il-proċeduri stipulati fir-Regolament. Ir-raġunijiet speċifiċi u limitati għan-nuqqas ta’ rikonoxximent u għar-rifjut ta’ rikors għal dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà huma stipulati fl-Artikolu 23, meħud flimkien mal-Artikolu 31(2) – li magħhom preżumibbilment wieħed għandu jżid in-nuqqas ta’ infurzabbiltà fl-Istat Membru tal-oriġini u n-nuqqas li jiġi nnotifikat il-konvenut, kif jidher ċar mill-Artikolu 28(1). Fejn l-ebda waħda minn dawn ir-raġunijiet ma japplikaw, ma hemm sempliċement l-ebda skop li jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent jew l-infurzar. Fil-każ preżenti, l-unika raġuni bħal din li ġiet allegata (mill-omm, quddiem l-Amtsgericht Stuttgart) hija li l-validità tad-digriet ikkontestat kienet tilfet l-effett tagħha fi Spanja hekk kif il-missier ressaq proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà fil-Ġermanja – punt li jien ser nindirizza iktar ’il quddiem, fil-punti 148 et seq.

125. Barra minn dan, huwa pjuttost ċar li l-qrati tal-Istati Membri tar-rikonoxximent jew l-infurzar ma jistgħux jagħmlu stħarriġ dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-oriġini jew il-mertu tad-deċiżjoni tagħhom.

126. Il-projbizzjoni ta’ stħarriġ tal-ġurisdizzjoni hija inerenti wkoll fl-Artikolu 19 tar-Regolament, fir-rigward tal-lis pendens. Fejn jitressqu proċedimenti rigward l-istess minuri u li jinvolvu l-istess kawża quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, it-tieni qorti li tkun ħadet konjizzjoni għandha ex officio tissospendi l-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni tal-qorti li tkun ħadet il-pussess l-ewwel tiġi stabbilita, u f’dan il-punt hija għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti. U, skont il-ġurisprudenza dwar id-dispożizzjoni li sostanzjalment hija ekwivalenti fl-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, hija l-qorti li tkun ħadet il-pussess l-ewwel li għandha tiddeċiedi jekk il-ġurisdizzjoni tagħha tkunx ġiet stabbilita (47). (Jien naqbel li l-ġurisprudenza dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell jew is-suċċessur tagħha, ir-Regolament Nru 44/2001, ma tistax tiġi applikata awtomatikament jew b’mod indiskriminat għar-Regolament preżenti (48) imma, f’dan l-aspett partikolari, ma jidhirx li hemm xi raġuni biex ma ssirx it-traspożizzjoni tagħha.)

127. Imbagħad, x’jista’ jsir jekk, bħal fil-każ preżenti, parti tikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti li tkun ħadet id-deċiżjoni li jkun qed jintalab ir-rikonoxximent jew l-infurzar tagħha? It-tweġiba ovvja hija li għandha tagħmel dan quddiem dik il-qorti stess. Jekk id-digriet ikkontestat kien deċiżjoni ferma dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, ir-Regolament evidentement ma kienx jippermetti lill-omm li tikseb rifjut li din tiġi rrikonoxxuta jew infurzata fil-Ġermanja jew li tressaq proċedimenti sussegwenti hemmhekk biex tingħata deċiżjoni ferma ġdida abbażi li l-qrati Ġermaniżi, mhux dawk Spanjoli, kellhom ġurisdizzjoni. Għalhekk, l-uniku rikors għaliha kien ikun li tappella, fi ħdan is-sistema Spanjola, kontra l-assunzjoni tal-ġurisdizzjoni mill-qorti Spanjola (49), bil-possibbiltà – l-iktar tard fil-qorti tal-istanza finali – li ssir talba għal deċiżjoni preliminari minn din il-Qorti.

128. Din il-linja ta’ azzjoni taf tkun waħda li tieħu fit-tul (50) (għalkemm wieħed jittama li l-proċedimenti jitħaffu sa fejn huwa possibbli u, sintendi, fil-każ ta’ dubju anki l-qorti tal-ewwel istanza tista’ issa tagħmel domanda lil din il-Qorti u titlob proċedura urġenti), imma hija l-unika linja ta’ azzjoni disponibbli taħt ir-Regolament. Dan għal darb’oħra jenfasizza l-grad għoli ta’ responsabbiltà li jitqiegħed fuq il-qrati nazzjonali meta jassumu l-ġurisdizzjoni, u l-bżonn li dawn jagħtu raġunijiet espliċiti, kompleti u ċari għalfejn jagħmlu dan. Huwa biss b’dan il-mod kuxjenzuż li tiġi inkoraġġat klima li tkun tabilħaqq ta’ fiduċja reċiproka kif meħtieġ bir-Regolament, u huma biss raġunijiet bħal dawn li jagħmluha possibbli għal qorti tal-appell, qorti ta’ infurzar fi Stat Membru ieħor jew il-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-każ, jiddeċiedu dwar punti kontestati kemm jista’ jkun malajr.

 Id-deċiżjoni provviżorja

129. X’differenza tagħmel, jekk tagħmel, li d-deċiżjoni (li ttieħdet minn qorti li kkunsidrat ruħha li għandha ġurisdizzjoni dwar il-mertu) hija evidentement waħda provviżorja? Din tista’ tkun analiżi plawżibbli tas-sitwazzjoni fil-każ preżenti.

130. L-ewwel nett, kif ġie rrilevat f’uħud min-noti tal-osservazzjonijiet, ir-Regolament ma jagħmel l-ebda distinzjoni espliċita bejn deċiżjonijiet finali jew fermi minn banda u deċiżjonijiet provviżorji mill-banda l-oħra. L-Artikolu 2(4) jiddefinixxi l-kelma “sentenza” b’mod wiegħsa, mingħajr ma tiġi kkunsidrata t-terminoloġija formali użata, u ma jinkludi ebda suġġeriment li xi kategorija għandha tiġi eskluża; id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II dwar il-ġurisdizzjoni (51) ma jagħmlux distinzjoni bejn proċedimenti skont jekk is-sentenza, hekk imfissra b’mod wiegħsa, għandhiex tkun waħda provviżorja jew le; id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar jirreferu għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi, għal darb’oħra mingħajr distinzjoni; u fi ħdan dan il-kapitolu, l-Artikolu 23(b) jikkontempla li “sentenza” tista’ tingħata f’każijiet ta’ urġenza, u b’hekk jimplika li dan jista’ jkun provviżorju.

131. Lanqas ma nara li hemm xi raġuni urġenti, konnessa man-natura tal-miżuri provviżorji, biex issir distinzjoni. Qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-mertu hija qorti tal-Istat Membru li miegħu l-minuri, bħala prinċipju, għandu l-iktar rabta mill-qrib (bħala minimu, konnessjoni sostanzjali). Hija wkoll il-qorti li ser tieħu d-deċiżjoni fil-mertu dwar ir-responsabbiltà tal-ġenitur, deċiżjoni li għandha, taħt ir-Regolament, tiġi rrikonoxxuta u infurzata fl-Istati Membri kollha. Din għandha neċessarjament ikollha wkoll ġurisdizzjoni biex tieħu kull miżura provviżorja li tista’ tkunu neċessarja sakemm tkun tista’ tintlaħaq deċiżjoni ferma (52). U dawn il-miżuri provviżorji ser ikunu marbutin mill-viċin mad-deċiżjoni ferma sussegwenti. Il-qorti ser tiddeċiedi fuq dawk il-miżuri fid-dawl ta’, inter alia, id-dmir tagħha li tilħaq deċiżjoni ferma bħal din kemm jista’ jkun malajr kif ikun kompatibbli ma kunsiderazzjoni dettaljata tal-merti, u ser tipprova tiżgura, sa fejn possibli, li l-miżuri temporanji la jikkompromettu u lanqas jiddeterminaw minn qabel din id-deċiżjoni.

132. Minn dik il-perspettiva, jidhirli li l-miżuri provviżorji meħuda mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-mertu taħt ir-Regolament għandha tiġi rrikonoxxuta u infurzata fi Stati Membri oħrajn taħt l-istess kundizzjonijiet bħas-sentenza sussegwenti li l-istess qorti ser tiġi msejħa tagħti. Kull approċċ ieħor ser iġorr miegħu r-riskju li jippreġudika din is-sentenza sussegwenti billi jdgħajjef kull sforz li jsir biex tiġi żgurata l-kontinwità – u jkun jirrendi r-Regolament b’mod ġenerali mhux effettiv fir-rigward ta’ medda wiesgħa ta’ deċiżjonijiet li jittieħdu ta’ kuljum mill-qrati tal-familja f’kull parti tal-Unjoni Ewropea.

133. Jista’ jiġi argumentat, madankollu, li n-natura sommarja tal-proċedimenti li jwasslu għall-adozzjoni ta’ miżura provviżorja, li x’aktarx hija nieqsa mis-salvagwardji proċedurali li normalment jiżguraw smiegħ xieraq, imorru kontra r-rikonoxximent u l-infurzar b’mod awtomatiku.

134. Madankollu, għal dan, tista’ tingħata t-tweġiba li l-Artikolu 23 tar-Regolament jispeċifika ċ-ċirkustanzi meta r-rikonoxximent u l-infurzar jistgħu jiġu rrifjutati, u li tali proċedimenti sommarji kienu evidentement f’moħħ il-leġiżlatur: jista’ jinħareġ rifjut, inter alia, jekk il-minuri ma kienx ingħata l-opportunità li jinstema (ħlief f’każijiet ta’ urġenza); jew jekk is-sentenza tingħata in kontumaċja jekk il-persuna in kontumaċja ma tkunx ingħatat preavviż adegwat biex tipprepara d-difiża tagħha; jew jekk din tikser ir-responsabbiltà tal-ġenituri ta’ persuna li ma kinitx ingħatat l-opportunità li tinstema (53).

135. Għalhekk, jidher li r-Regolament ma jagħmel l-ebda esklużjoni ġenerali mis-sistema normali tar-rikonoxximent u l-infurzar sempliċement għax il-proċedimenti huma tali li wħud mis-salvagwardji ordinarji jistgħu jkunu assenti. Ikun hemm esklużjoni biss fejn ċerti salvagwardji speċifiċi jiġu attwalment miċħuda. Mhux qed jiġi ssuġġerit fil-każ preżenti li xi wieħed minn dawn is-salvagwardji ġie miċħud; il-minuri kienu għadhom żgħar wisq biex jinstemgħu, u l-omm kienet ingħatat opportunità iktar minn biżżejjed, li għamlet użu minnha, biex tippreżenta l-każ tagħha.

136. Argument possibbli ieħor biex miżuri provviżorji jiġu ttrattati b’mod iktar kawt huwa li d-deċiżjoni provviżorja x’aktarx li mhux ser tkun suġġetta għal appell, biex b’hekk il-parti li tixtieq tikkontesta l-ġurisdizzjoni jista’ ma jkollha ebda possibbiltà li tagħmel dan fl-Stat Membru tal-oriġini jew fl-Istat Membru tal-infurzar.

137. Ma joħroġx ċar mid-dokumenti f’dan il-każ jekk fil-każ preżenti hemmx sitwazzjoni bħal din (54). Lanqas, fil-fehma tiegħi, ma dan joħroġ għal kollox ċar mit-tweġibiet tal-Gvern Spanjol għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm miktubin jew orali. F’kull każ, qed jiġi ssuġġerit tal-inqas li xi forma ta’ appell setgħet kienet disponibbli kontra l-assunzjoni tal-ġurisdizzjoni mill-qorti Spanjola biex tagħti d-digriet ikkontestat, u jidher li l-omm tal-inqas setgħet tikkontesta din il-ġurisdizzjoni fil-kuntest tal-proċedimenti prinċipali sussegwenti. Madankollu, hija x’inhi l-verità tal-kwistjoni fil-kuntest preżenti, jekk, f’xi każ partikolari, ma jkun hemm l-ebda appell kontra l-assunzjoni tal-ġurisdizzjoni mill-qorti, imbagħad, fl-eventwalità ta’ kontestazzjoni quddiemha, din il-qorti hija waħda minn dawk li huma obbligati, taħt it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE (l-Artikolu 234 KE), li titlob deċiżjoni prelminari mill-Qorti tal-Ġustizzja – u t-talba tagħha, wieħed jittama, tiġi ttrattata bi proċedura urġenti.

138. Fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-omm issuġġeriet raġuni oħra għalfejn ma għandhomx jiġu rrikonoxxuti jew infurzati deċiżjonijiet provviżorji (ta’ qorti li tassumi ġurisdizzjoni fil-mertu) bl-istess mod bħal fil-każ ta’ deċiżjonijiet fermi. Wara li argumentat l-ewwel li l-miżuri li ttieħdu fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 ma għandhomx jiġu rrikonoxxuti jew infurzati fi Stati Membri oħrajn (punt li jien ser nindirizza iktar ’l isfel (55)), hija targumenta li għandu jittieħed l-istess approċċ meta l-qorti ma tkunx qed taġixxi f’tali ċirkustanzi imma tassumi ġurisdizzjoni fil-mertu u tieħu miżuri fil-mertu fl-ambitu ta’ dik il-ġurisdizzjoni. Biex jittieħed approċċ differenti jkun jeħtieġ li l-qorti tal-Istat Membru tal-infurzar tiddetermina jekk il-qorti tal-oriġini kinitx ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha fuq l-Artikoli 8 sa 14 jew fuq l-Artikolu 20 – filwaqt li l-istħarriġ dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini hija espressament ipprojbita bl-Artikolu 24 tar-Regolament.

139. Din l-analiżi, fil-fehma tiegħi, hija żbaljata, indipendentement minn jekk għandhiex issir distinzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ miżuri provviżorji. Sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura provviżorja tkunx ittieħdet abbażi ta’ ġurisdizzjoni fil-mertu derivata mir-regoli f’dan ir-Regolament jew fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20, mhuwiex meħtieġ li jsir stħarriġ dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini imma li sempliċement tiġi vverifikata l-bażi li fuqha kkunsidrat ruħha li għandha ġurisdizzjoni.

140. Nammetti, li mhux dejjem ikun faċli li din tiġi vverifikata fuq dik il-bażi. Fil-każ preżenti, id-digriet ikkontestat mhuwiex raġunat għal kollox u b’mod ċar kif wieħed jixtieq – għalkemm jidher li l-qorti Spanjola kkunsidrat il-materja minn diversi angoli u kienet konvinta dwar il-ġurisdizzjoni tagħha, billi rreferiet għal diversi raġunijiet possibbli ta’ ġurisdizzjoni fil-mertu imma mhux għall-Artikolu 20. F’każijiet oħrajn, ir-raġunament jista’ jkun ferm iktar konċiż, u anki kompletament assenti, u b’hekk jonqos kompletament milli josserva d-dmirijiet li jorbtu lill-qrati nazzjonali bħala korollarju għall-prinċipju tal-fiduċja reċiproka li huwa mifrux mar-Regolament.

141. Il-Kummissjoni u l-Gvern Ġermaniż b’mod partikolari jissuġġerixxu, li jekk il-bażi li fuqha l-ġurisdizzjoni tiġi assunta ma tistax tiġi vverifikata b’mod ċar mill-kliem jew mill-kontenut tad-deċiżjoni li jintalab ir-rikonoxximent jew l-infurzar tagħha, imbagħad, b’analoġija ma’ Mietz (56), għandu jiġi dedott li hija bbażata fuq l-Artikolu 20. Waqt is-seduta, il-Gvern Ċek deher li qed isostni l-approċċ oppost.

142. F’Mietz, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat (fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell) li meta ordnat il-ħlas provviżorju l-qorti tal-oriġini ma rreferietx espressament għall-ġurisdizzjoni fil-mertu taħt il-Konvenzjoni, u li ebda ġurisdizzjoni bħal din ma kienet evidenti mill-kliem tas-sentenza tagħha (kif kien ikun il-każ jekk, pereżempju, is-sentenza kienet turi li l-konvenut kien domiċiljat fl-Istat Kontraenti tal-qorti tal-oriġini u l-ebda waħda mit-tipi ta’ ġurisdizzjoni esklużiva msemmija fil-Konvenzjoni ma kienet applikabbli). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fejn il-qorti tal-oriġini ma tgħid xejn dwar il-bażi tal-ġurisdizzjoni tagħha, il-bżonn li jiġi żgurat li r-regoli tal-Konvenzjoni ma jiġux evitati jeżiġi li s-sentenza tagħha tiġi interpretata fis-sens li hija bbażat il-ġurisdizzjoni tagħha biex tordna miżuri provviżorji fuq il-liġi nazzjonali tagħha u mhux fuq xi ġurisdizzjoni fil-mertu li toriġina mill-Konvenzjoni.

143. Kif osservajt, mhux l-aspetti kollha tal-ġurisprudenza dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell u r-Regolament Nru 44/2001 huma adattati għal traspożizzjoni mhux kwalifikata fil-kuntest tar-Regolament preżenti. Dan l-aspett, fil-fehma tiegħi, jitlob li għandu jiġi kkwalifikat – għalkemm ma nara l-ebda raġuni għall-inverżjoni totali li ġiet proposta mill-Gvern Ċek.

144. Ir-regolament preżenti – kuntrarju għall-Konvenzjoni ta’ Brussell u r-Regolament Nru 44/2001 – speċifikament jikkontempla li jkun hemm komunikazzjoni bejn il-qrati, li tiġi ffaċilitata fejn meħtieġ mill-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri rilevanti. Huwa konformi mal-ispirtu tal-kooperazzjoni reċiproka li jinsab fir-Regolament li din il-komunikazzjoni għandha testendi għal materji kollha li jistgħu jiffaċilitaw jew iħaffu l-proċedimenti kkonċernati bir-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi. Peress li dak kollu li huwa meħtieġ hawnhekk huwa li tiġi vverifikata l-bażi li fuqha l-qorti tal-oriġini kkunsidrat ruħha li għandha ġurisdizzjoni, il-komunikazzjoni ma għandhiex tkun diffiċli ħafna.

145. Jien għalhekk ser nagħti sfumatura għall-approċċ li ħadet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell. Il-kooperazzjoni intensifikata u d-dispożizzjoni speċifika għall-komunikazzjoni bejn il-qrati fir-Regolament – id-dmir li jsir użu minnha huwa evidenti mill-ġurisprudenza (57) – jobbliga lil qorti tal-infurzar, li tinsab fid-dubju dwar il-bażi tal-ġurisdizzjoni assunta mill-qorti tal-oriġini, li tfittex li tivverifika din il-bażi mal-qorti kkonċernata. Huwa biss jekk dan l-isforz jonqos li jipproduċi riżultat kemm jista’ jkun malajr li għandu jiġi dedott li l-ġurisdizzjoni tkun ġiet assunta fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20(1).

146. Fil-każ preżenti, fil-fehma tiegħi, anki jekk id-digriet ikkontestat mhuwiex espliċitu daqs kemm seta’ kien mixtieq, konklużjoni naturali ħafna li tista’ li tinsilet minnu hija li l-qorti Spanjola kkunsidrat ruħha li għandha ġurisdizzjoni fil-mertu u bl-ebda mod ma bbażat ruħha fuq l-Artikolu 20 (58).

147. Jista’ jingħad ukoll li fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma setax proprjament jiġi invokat l-Artikolu 20, peress li M ma kinitx preżenti fi Spanja fl-ebda stadju matul il-kors tal-proċedimenti quddiem il-qorti Spanjola. (Mill-punti 50 sa 52 tas-sentenza f’Detiček (59), jista’ jidher li biex tittieħed miżura provviżorja dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20, mhux biss il-minuri imma anki l-persuni li qabel kienu u/jew li issa qegħdin jeżerċitaw dik ir-responsabbiltà għandhom ikunu preżenti fl-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, jien naqbel mal-fehma li ġiet espressa minn uħud minn dawk preżenti li dan l-approċċ ma kienx ikun korrett, u li hija l-preżenza tal-minuri biss li tiddetermina jekk jistgħux jittieħdu miżuri provviżorji urġenti fir-rigward tiegħu jew tagħha.) Fir-rigward ta’ S, il-fatt li hija qatt ma telqet mit-territorju Spanjol mit-twelid jfisser li l-ġurisdizzjoni fil-mertu tal-qrati Spanjoli taħt l-Artikolu 8 hija inkontestabbli, u li (fil-preżent) ma hemm l-ebda kwistjoni ta’ rikonoxximent jew infurzar f’xi Stat Membru ieħor.

148. Fl-aħħar nett, l-omm allegat quddiem l-Amtsgericht Stuttgart li, minkejja ċ-ċertifikat maħruġ mill-Qorti Spanjola skont l-Artikolu 39 tar-Regolament, id-digriet ikkontestat mhuwiex infurzabbli fi Spanja peress li miżuri provviżorji tat-tip ikkonċernat jitilfu l-effett tagħhom sakemm ma jinbdewx proċedimenti fil-mertu fi żmien 30 ġurnata tax-xogħol, u fil-każ preżenti, il-missier ma bediex dawn il-proċedimenti qabel skada dan il-perijodu (60).

149. Jekk dik l-allegazzjoni hijiex fondata sew jew le fil-fatt u fil-liġi proċedurali Spanjola mhijiex materja li tista’ tiġi ddeterminata minn din il-Qorti. Madankollu, tista’ tinqala’ kwistjoni relatata ma’ dan ir-Regolament jekk parti li titlob dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà fi Stat Membru ieħor ta’ miżura li waqfet tkun infurzabbli fl-Stat Membru tal-oriġini imma li fir-rigward tagħha jkun inħareġ ċertifikat.

150. Skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament, sabiex tiġi infurzata fi Stat Membru ieħor, sentenza dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenitur għandha tkun infurzabli fl-Stat Membru tal-oriġini. Skont l-Artikoli 37(1)(b) u 39, ir-rikors għal dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà għandu jkollu miegħu ċertifikat fil-forma stabbilita fl-Anness II, maħruġ mill-qorti kompetenti tal-Stat Membru tal-oriġini. Fil-punt 9.1 ta’ dan iċ-ċertifikat, il-qorti inkwistjoni hija obbligata tistqarr jekk is-sentenza hijiex infurzabbli skont il-liġi ta’ dak l-Istat. Għalhekk tqum il-kwistjoni ta’ jekk il-qorti tal-Istat Membru tal-infurzar tistax tħares lil hinn minn dan iċ-ċertifikat, ladarba jkun inħareġ, sabiex tivverifika jekk is-sentenza tkunx (għadha) infurzabbli.

151. Jidhirli li possibbiltà bħal din hija miftuħa għall-qorti li quddiemha jkun sar rikors għal dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà. Għalkemm l-Artikolu 31(2) jistipula li r-rikors jista’ jiġi rrifjutat biss minħabba xi waħda mir-raġunijiet speċifikati fl-Artikolu 23, jidher li loġikament huwa neċessarju li r-rifjut ikun ukoll possibbli jekk is-sentenza mhjiex infurzabbli fl-Stat Membru tal-oriġini, peress li tali infurzabbiltà hija kundizzjoni espliċita stipulata fl-Artikolu 28(1). Il-produzzjoni ta’ ċertifikat skont l-Anness II madankollu mhijiex rekwiżit assolut għat-twettiq ta’ din il-kundizzjoni, peress li l-Artikolu 38(1) jippermetti lill-qorti tal-Istat Membru tal-infurzar li taċċetta dokumenti ekwivalenti jew informazzjoni oħra. Madankollu, ma hemm xejn fit-Taqsima 2 u 3 tal-Kapitolu III, li jirregola l-proċedimenti għal dikjarazzjoni tal-infurzabbiltà ta’ sentenzi rigward responsabbiltà tal-ġenitur, li jgħid li ċ-ċertifikat skont l-Anness II huwa vinkolanti jew inkontestabbli.

152. Dan jikkuntrasta b’mod ċar mad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4, li tirregola l-infurzabbiltà ta’ ċerti sentenzi li jirrigwardaw id-drittijiet tal-aċċess jew li jeżiġu r-ritorn tal-minuri. Din it-taqsima tipprovdi għal ċerifikati li jużaw il-forma fl-Anness III u IV rispettivament, u għar-rikonoxximent u l-infurzar “mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni tal-infurzabilità u mingħajr ebda possibbiltà li ssir oppożizzjoni għar-rikonoxximent tagħhom jekk is-sentenza tkun ġiet iċċertifikata fl-Istat Membru tal-oriġini skond il-paragrafu 2” (61). Hija tistipula wkoll li ma għandu jkun hemm l-ebda appell kontra l-ħrug taċ-ċertifikat (62). imma, billi ma tħalli l-ebda possibbiltà li jiġu aċċettati dokumenti jew informazzjoni ekwivalenti oħra, fil-fatt tagħmel il-produzzjoni ta’ ċertifikat prerekwiżit assolut għall-infurzar.

153. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li ssir distinzjoni bejn, minn banda waħda, sentenzi dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenitur u, mill-banda l-oħra, dawk li jirrigwardaw drittijiet tal-aċċess jew li jeħtieġu r-ritorn tal-minuri (63). Fil-każ ta’ dawn tal-aħħar, iċ-ċertifikat dwar, inter alia, l-infurzabbiltà fl-Istat Membru tal-oriġini huwa kruċjali; huwa kemm neċessarju u anki vinkolanti. Għal tal-ewwel, iċ-ċertifikat huwa importanti, imma la huwa neċessità assoluta u lanqas ma għandu l-immunità milli jiġi kkontestat.

154. Fejn miżura mhijiex infurzabbli indefinittivament fl-Istat Membru tal-oriġini, imma li ser tiddekadi jew tista’ tiddekadi wara perijodu ta’ żmien, billi jseħħ jew ma jseħħx xi avveniment, ikun, sintendi, mhux sempliċement mixtieq imma inerenti fis-sistema ta’ fiduċja reċiproka li tinsab fir-Regolament li r-restrizzjoni għandha tkun indikata mill-qorti tal-oriġini fiċ-ċertifikat tagħha. Meta ma jkun hemm l-ebda indikazzjoni bħal din, kull parti interessata jkollha d-dritt li tipproduċi provi li l-miżura ma għadhiex iktar infurzabbli. F’kull każ, l-istess mezzi ta’ komunikazzjoni bejn il-qrati u l-awtoritajiet ċentrali huma disponibbli kull meta jkun meħtieġ li tiġi vverifikata l-bażi tal-ġurisdizzjoni. Meta dawn il-mezzi jipprovdu risposta sodisfaċenti, il-qorti tal-infurzar ovvjament ma għandhiex x’teżamina iktar imma, fl-assenza ta’ risposta bħal din, dan ma għandux jipprekludi lill-partijiet milli jipproduċu fil-ħin provi b’mezzi oħrajn.

155. Għalhekk jien nasal għall-konklużjoni li l-miżuri provviżorji adottati minn qorti ta’ Stat Membru abbażi ta’ ġurisdizzjoni miksuba minn din il-qorti mir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni fil-mertu f’dan ir-Regolament għandhom jiġu rrikonoxxuti u infurzati fl-Istati Membri l-oħrajn bl-istess mod bħal kull sentenza oħra adottata skont din il-bażi, skont l-Artikoli 21 et seq tar-Regolament. Qorti li tisma’ rikors għar-rikonoxximent jew in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ din il-miżura, jew għal dikjarazzjoni tal-infurzabbiltà, hija intitolata tivverifika l-bażi ta’ ġurisdizzjoni invokata mill-qorti tal-oriġini kemm mill-kliem jew mill-kontenut tad-deċiżjoni tagħha jew, jekk meħtieġ, billi tikkomunika ma’ dik il-qorti direttament jew permezz tal-awtoritajiet ċentrali kompetenti. Jekk, u biss jekk, din il-komunikazzjoni tonqos milli tipproduċi riżultat raġonevolment fil-ħin, għandu jiġi preżunt li l-ġurisdizzjoni ġiet assunta fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20(1). Fil-każ ta’ deċiżjonijiet (provviżorji) dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, l-istess mezzi ta’ komunikazzjoni jistgħu jiġu użati biex jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni (għadhiex) infurzabbli fl-Istat Membru tal-oriġini, jekk il-korrettezza ta’ ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 39 tiġi kkontestata.

 It-tieni ipoteżi: miżura permessa bl-Artikolu 20

156. Tapplika l-istess konklużjoni, fir-rigward tar-rikonoxximent u l-infurzar, meta l-miżuri provviżorji inkwistjoni ma jiġux adottati abbażi tal-ġurisdizzjoni fil-mertu taħt ir-Regolament imma abbażi tal-liġi nazzjonali fiċ-ċirkustanzi limitati permessi bl-Artikolu 20?

157. Osservazzjoni inizjali ovvja hija li l-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 20 tillimita n-natura tal-miżuri koperti (“fir-rigward ta’ persuni jew assi f’dak l-Istat”) b’tali mod li ħafna drabi jistgħu ma jqumux kwistjonijiet ta’ rikonoxximent fi Stat Membru ieħor. Barra minn dan, il-fatt li dawn il-miżuri jaqgħu hekk kif il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fil-mertu tieħu azzjoni jfisser li kull rikonoxximent jew infurzar jista’ tabilħaqq ikun biss ta’ valur temporanju għall-parti li titlobhom (64). Madankollu, il-fatt li dawn is-sitwazzjonijiet x’aktarx li huwa ħafna inqas probabbli li jqumu fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 milli fil-każ ta’ miżuri provviżorji li jittieħdu minn qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-mertu ma jfissirx li dawn ma jistgħu sseħħu qatt, partikolarment f’ċirkustanzi fejn iseħħ inċident matul il-preżenza temporanja u legali tal-minuri fi Stat Membru terz.

158. Minn dawk li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, il-Gvernijiet ta’ Spanja u l-Italja biss jikkunsidraw li miżuri li jittieħdu fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 għandhom jiġu rrikonoxxuti u infurzati fi Stati Membri oħra. It-tnejn li huma jindikaw it-tifsira ferm wiegħsa ta’ “sentenza” fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (65), li hija l-kelma użata fid-dispożizzjonijiet kollha dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar u li, huma jikkunsidraw, għandha tkopri kull deċiżjoni infurzabbli ta’ kull qorti, indipendentement mill-bażi li fuqha ġiet adottata. Il-Gvern Taljan jenfasizza l-importanza tad-dritt għas-smigħ, li huwa jqis bħala l-uniku kriterju essenzjali għal deċiżjoni biex tkun infurzabbli fi Stati Membri oħrajn. Il-Gvern Spanjol jikkunsidra li s-saħħa tal-effett utli tar-Regolament jitneħħielu jekk miżuri li jittieħdu fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 jiġi esklużi mid-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar (66).

159. Il-Kummissjoni, għalkemm fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha esprimiet il-fehma li l-Artikolu 20 ma kienx rilevanti fil-kuntest tal-proċedimenti prinċipali, żviluppat approċċ pjuttost oriġinali waqt is-seduta. Hija ssuġġeriet li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21 et seq tar-Regolament kienu tabilħaqq applikabbli għal miżuri meħuda fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20(1), imma biss jekk kull waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi – il-preżenza tal-persuna jew tal-proprjetà inkwistjoni, l-urġenza, u n-natura provviżorja tal-miżura – tista’ tiġi vverifikata b’mod rigoruż, u d-dritt għas-smigħ ikun ġie ggarantit. B’mod partikolari, hija argumentat li n-natura provviżorja tal-miżura għandha tkun espliċita fid-deċiżjoni li tittieħed u t-terminu tal-validità jkun ġie indikat.

160. Filwaqt li dan seta’ kien approċċ mixtieq, fil-fehma tiegħi dan ma għandu l-ebda bażi fir-Regolament innifsu. B’mod partikolari, dan jidher li jinvolvi l-applikazzjoni tal-Artikoli 21 et seq filwaqt li jimmodifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 24, li jipprojbixxi kull reviżjoni tal-ġurisdizzjoni. Għalhekk jien ma nikkunsidrax li dan l-approċċ huwa ġġustifikat bil-leġiżlazzjoni kif inhi llum. 

161. Il-partijiet l-oħra li ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub ressqu numru ta’ argumenti li f’ħafna każijiet jirkbu fuq xulxin, peress li lkoll kemm huma jtendu lejn il-fehma li r-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-infuzar fl-Artikoli 21 et seq ma japplikawx għal miżuri provviżorji adottati unikament abbażi tal-Artikolu 20.

162. L-ewwel nett, il-Gvernijiet tal-Portugall u tar-Renju Unit jissuġġerixxu li, peress li l-Artikolu 20 jirreferi għal “miżuri” provviżorji minflok “sentenzi”, dan kien speċifikament maħsub biex jeskludi dawn il-miżuri mis-“sentenzi” li jsir riferiment għalihom fil-bqija tar-Regolament, b’mod partikolari fid-dispożizzjonijiet rigward ir-rikonoxximent u l-infurzar. Jien ma naħsibx li dan huwa argument konvinċenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-kliem “hu x’inhu t-terminu li tista’ tiġi msejjħa bih is-sentenza, inklużi digriet, ordni jew deċiżjoni” fl-Artikolu 2(4), moqri flimkien mat-tifsira wiegħsa ħafna ta’ “qorti” fl-Artikolu 2(1). F’dak il-kuntest, jekk il-leġiżlatura kellha l-ħsieb li tiddistingwi fl-Artikolu 20 bejn “miżura” u “sentenza”, jien kont nistenna li din tkun iktar espliċita. Pjuttost, fil-fehma tiegħi, l-għażla tal-kelma ġejja x’aktarx mill-oriġini tad-dispożizzjoni, billi l-prekursuri tagħha (67) jirreferu kważi esklużivament għal “miżuri”.

163. Imbagħad, il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, tal-Portugall u tar-Renju Unit ilkoll jenfasizzaw li l-Artikolu 20 huwa eċċezzjoni għall-iskema oriġinali tar-Regolament u, bħala tali għandu jiġi interpretat b’mod strett. Jien naċċetta li l-Artikolu 20 huwa eċċezzjoni – imma huwa eċċezzjoni għar-regoli ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni (inkluż il-lis pendens (68)) fil-Kapitolu II, li jinsab fosthom, u mhux għal dawk dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar fil-Kapitolu III. Għalhekk, jien naqbel li l-Artikolu 20 għandu jiġi interpretat b’mod strett meta jiġi deċiż jekk sitwazzjoni taqax fi ħdan l-iskop tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-urġenza u tal-preżenza ġewwa t-territorju. Madankollu jien mhux konvinta li dan għandu jagħti lok, bħala korollarju awtomatiku, għal applikazzjoni ristretta tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar, b’mod partikolarment minħabba l-lista apparentement eżawrjenti ta’ raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent fl-Artikolu 23 tar-Regolament (69).

164. Argument addizzjonali, li ġie avvanzat mill-omm u mill-Gvernijiet tal-Ungerija u tar-Renju Unit, huwa bbażat fuq il-punti 50 sa 52 tas-sentenza f’A (70), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat essenzjalment li, peress li l-miżuri li magħhom għandu x’jaqsam l-Artikolu 20 huma dawk “disponibbli taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru”, hija l-leġiżlatura nazzjonali li tistipulahom u li, peress li ġew adottati abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, in-natura vinkolanti tagħhom trid toriġina mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata. Għalhekk, dawn il-partijiet jissottomettu li miżuri provviżorji adottati abbażi tal-Artikolu 20 waħdu ma jiksbu l-ebda saħħa vinkolanti mir-Regolament innifsu u, peress li din is-saħħa tinkiseb mil-liġi nazzjonali, din għandha tiġi ristretta għat-territorju fejn dik il-liġi hija applikabbli.

165. Madankollu, fil-fehma tiegħi kull deċiżjoni li għandu x’jaqsam miegħu r-Regolament, kemm jekk provviżorja jew xort’oħra, kemm jekk tittieħed abbażi tal-ġurisdizzjoni fil-mertu taħt ir-Regolament jew sempliċement abbażi tal-Artikolu 20, tikseb is-saħħa vinkolanti tagħha fl-ewwel lok mil-liġi nazzjonali tal-qorti li tadottaha u sussegwentement biss mir-Regolament (71). Tabilħaqq, taħt l-Artikolu 28(1), hija kundizzjoni espliċita għal dikjarazzjoni tal-infurzabbiltà fi Stat Membru ieħor li sentenza dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenitur għandha tkun infurzabbli fl-Istat Membru tal-oriġini. Għalhekk jidher li ma hemm ebda raġuni li kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-infurzar ta’ miżuri provviżorji meħuda fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 jiġu ttrattati b’mod differenti minn kull miżura oħra abbażi biss tas-sors tas-saħħa vinkolanti tagħhom (72).

166. Argument ieħor li tressaq mir-Renju Unit fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha huwa li r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ “miżuri tal-Artikolu 20” barra mit-territorju tal-Istat tal-oriġini jista’ jnaqqas mis-saħħa tal-iskema kollha kemm hi tar-Regolament u r-regola ġenerali li l-ġurisdizzjoni għandha tmiss lill-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-minuri. L-Artikolu 20 jiżgura li ma jkunx hemm xi vojt f’dik li hija ġurisdizzjoni, imma jinvolvi riskju ta’ dewmien qabel mal-qorti bil-ġurisidizzjoni sostantiva tkun tista’ taġixxi. Dan ir-riskju jista’ jiżdied jekk miżuri taħt l-Artikolu 20 għandhom jiġu infurzati fi Stati Membri oħrajn. Pereżempju, wieħed mill-ġenituri jista’ jagħmel rikors għal ordni ta’ kustodja provviżorja minn qorti li ma jkollhiex ġurisdizzjoni fil-mertu taħt ir-Regolament, fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20. Jekk il-ġenitur l-ieħor ikun ipprova li l-qorti bil-ġurisdizzjoni fil-mertu fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-minuri tieħu pussess, dik il-qorti ma tistax tieħu ġurisdizzjoni sakemm il-qorti li l-ewwel tkun ħadet konjizzjoni tirrinunzja għaliha. Fil-prattika, dan jista’ jieħu xi ftit taż-żmien – u fil-frattemp l-ewwel ġenitur ikun kiseb digriet li kien irrikonoxxut u infurzabbli f’kull parti tal-Ewropa.

167. Għalhekk dan l-approċċ jidher li jassumi li, meta jsir rikors lil qorti ta’ Stat Membru abbażi biss li ċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 ikunu preżenti, dik il-qorti hija l-“qorti li l-ewwel ħadet pussess [konjizzjoni]” għall-iskopijiet tar-regoli dwar lis pendens fl-Artikolu 19, biex b’hekk il-“qorti li tkun ħadet pussess [konjizzjoni] it-tieni”, ma tistax taġixxi qabel tal-ewwel tkun irrinunzjat għall-ġurisdizzjoni (73).

168. Madankollu, waqt is-seduta, ir-Renju Unit ħa approċċ differenti, billi qies l-Artikolu 20 bħala li “qata’ għalih” mir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni fil-bqija tar-Regolament, qasam speċifiku fejn dawk ir-regoli ma japplikawx imma jiġu ppreżervati r-regoli nazzjonali dwar il-ġurisdizzjoni. Il-Gvern Ġermaniż żied jgħid li, fuq livell purament formali, l-Artikolu 20 segwa l-Artikolu 19, li kien japplika biss għar-regoli preċedenti dwar il-ġurisdizzjoni, u li l-Artikolu 20 jitneħħilu ħafna mill-effett utli tiegħu jekk ir-regoli dwar lis pendens kienu japplikaw għalih. Il-Kummissjoni kkunsidrat li r-regoli dwar il-lis pendens kienu japplikaw, imma li t-test tal-Artikolu 19 ta’ “l-istess kawża” għandu jiġi applikat b’mod riġoruż bil-konsegwenza, fil-fehma tagħha, li fil-prattika, il-kawża virtwalment qatt ma hija ser tkun l-istess fil-proċedimenti fil-mertu u fil-proċedimenti fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20(1).

169. Fil-fehma tiegħi qorti li taġixxi bis-saħħa tal-Artikolu 20 biss ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni mogħtija bir-Regolament. Din sempliċement “mhjiex miżmuma” milli tieħu tali miżuri urġenti li huma neċessarji u li huma disponibbli taħt il-liġi nazzjonali, fir-rigward ta’ persuni jew assi fi ħdan il-ġurisdizzjoni territorjali tagħha, u li japplikaw biss sa meta l-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-mertu tieħu l-azzjoni xierqa. Il-fatt minnu nnifsu li din taġixxi biss abbażi tal-Artikolu 20 jfisser li l-ġurisdizzjoni tagħha ma tistax tiġi stabbilita għall-iskopijiet tal-Artikolu 19, biex b’hekk il-proċedimenti quddiemha ma jagħtux bidu għar-regoli dwar il-lis pendens. Jidher ċar mill-istruttura tal-Artikolu 20, u b’mod partikolari mill-Artikolu 20(2), li d-dispożizzjoni ma toħloq ebda impediment biex tieħu pussess il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni fil-mertu taħt ir-Regolament, li d-deċiżjonijiet tagħha b’mod immedjat ser jipprevalu fuq dawk li jkunu ttieħdu abbażi tal-Artikolu 20. Mill-banda l-oħra l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, filwaqt li fil-prattika x’aktarx li tasal għall-istess konklużjoni, tidher li hija kumplikata bla bżonn u mħawwda.

170. Għalhekk jien ma nara l-ebda periklu li tiġi mnaqqsa s-saħħa tal-iskema kollha kemm hija tar-Regolament jew tar-regola ġenerali li tagħti l-ġurisdizzjoni fuq l-Istati Membri tar-residenza abitwali tal-minuri jekk il-miżuri provviżorji li jittieħdu fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 jiġu rrikonoxxuti jew infurzati fi Stati Membri minbarra dak fejn ġew maħruġa. Kif nifhem jien l-iskema kollha kemm hi, ladarba tkun ħadet konjizzjoni, il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fil-mertu tibqa’ kompetenti f’kull ħin li tieħu miżuri provviżorji xierqa. Kull ġurisdizzjoni ta’ xi qorti oħra li tieħu miżuri provviżorji fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 tibqa’ subordinata għal dik il-ġurisdizzjoni fil-mertu. Jekk ikun hemm xi riskju ta’ dewmien, dan joriġina mhux mir-regoli dwar il-lis pendens jew mill-infurzabbiltà tal-miżuri meħuda fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 imma biss minn nuqqas possibbli ta’ diliġenza meta jingħata pussess lill-qorti bil-ġurisdizzjoni fil-mertu. Mill-banda l-oħra l-effettività tal-miżuri li jittieħdu f’dawn iċ-ċirkustanzi – li huma, minnhom innifishom, neċessarji b’mod urġenti – potenzjalment ikunu faċli li jiġu evitati, waqt li jittieħed tali pussess, jekk l-infurzabbiltà kellha tevapora hekk kif il-minuri jkun ittieħed biex jaqsam fruntiera nazzjonali.

171. Għalhekk mill-argumenti li eżaminajt sa issa, l-ebda wieħed ma kkonvinċini li l-miżuri provviżorji li ttieħdu fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament għandhom jiġu ttrattati b’mod differenti, fir-rigward tar-rikonoxximent u l-infurzar fi Stati Membri oħrajn, minn miżuri, provviżorji jew mod ieħor, meħuda minn qorti li għandha ġurisdizzjoni taħt ir-Regolament. Madankollu, argument ieħor avvanzat mill-omm u mill-Gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Ungerija, jidhru li huma pjuttost iktar konvinċenti.

172. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament preżenti hija identika għal dik tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1347/2000 u (apparti r-riferiment għal “Konvenzjoni” pjuttost milli għar-“Regolament”) għal dik tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell II. Il-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta tal-Kummissjoni tal-1999 li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1347/2000 (74) u r-Rapport Borrás dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell II (75) it-tnejn jistqarru (fi kliem identiku) fir-rigward ta’ dawn id-dispożizzjonijiet: “Ir-regola stipulata f’dan l-Artikolu hija ristretta biex jiġu stabbiliti l-effetti territorjali fl-Istat fejn il-miżuri jiġu adottati”. Mill-banda l-oħra, il-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta tal-Kummissjoni tal-2002 għar-Regolament preżenti (76) jistqarr, fir-rigward tal-Artikolu 20: “Dan l-Artikolu jsegwi mill-qrib l-Artikolu 12 tar-Regolment tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000. […]”, għalhekk ma jagħmel l-ebda riferiment espliċitu għall-effett territorjali.

173. Għalhekk il-kuntest huwa indikattiv tal-intenzjoni deliberata min-naħa ta’ dawk li abbozzaw it-tliet strumenti li jeskludu miżuri provviżorji li jittieħdu sempliċement abbażi tal-urġenza u tal-preżenza, minn qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni fil-mertu, mill-iskop tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar fi Stati Membri oħrajn. Għandu jiġi preżunt li l-Kunsill kien konxju ta’ din l-intenzjoni meta adotta r-Regolament Nru 1347/2000 u li kien approvaha meta ma għamel l-ebda tibdil għall-Artikolu 12 tiegħu. Fil-fehma tiegħi, jista’ jiġi preżunt ukoll li kien ikun meħtieġ xi tibdil espliċitu sabiex jinbidel dan l-approċċ fil-kuntest tar-Regolament preżenti.

174. Għandu jiġi rrikonoxxut li xi elementi oħrajn fl-oriġini l-iktar remoti tar-Regolament jistgħu jimmilitaw favur ir-rikonoxximent u l-infurzar. Ir-Rapport Schlosser dwar l-adeżjonijiet tal-1978 għall-Konvenzjoni ta’ Brussell (77), pereżempju, kien jgħid li, fir-rigward tad-dispożizzjoni ekwivalenti tal-Konvenzjoni, li l-varjetà wiesgħa ta’ miżuri provviżorji disponibbli fil-liġi tal-Irlanda u tar-Renju Unit tkun tinvolvi ċerti diffikultajiet “meta sentenzi provviżorji mogħtija f’dawn l-Istati jridu jingħataw effett bil-proċeduri ta’ infurzar tal-Istati Membri oriġinali tal-Komunità” – b’hekk jagħmilha ċara li kien ikkontemplat l-infurzar fi Stati Membri oħrajn. U r-Rapport Lagarde dwar il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996 (78) juri li miżuri ta’ protezzjoni li jittieħdu abbażi ta’ urġenza taħt l-Artikolu 11 ta’ din il-Konvenzjoni għandhom jiġu rrikonoxxuti fl-Istati Kontraenti kollha, filwaqt li miżuri provviżorji mhux urġenti taħt l-Artikolu 12 għandhom biss effett territorjali.

175. Madankollu, minkejja dawn l-indikazzjonijiet, persważivi kemm jistgħu jkunu, u minkejja l-vantaġġi li nista’ nara (79) fil-possibbiltà tar-rikonoxximent u infurzar taħt ir-Regolament, fi Stati Membri oħrajn, miżuri li jkunu ordnati fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20(1) sa meta l-qorti bil-ġurisdizzjoni fil-mertu tkun ħadet azzjoni, fil-fehma tiegħi huwa ċar mill-istorja leġiżlattiva diretta tad-dispożizzjoni li miżuri bħal dawn huma maħsuba biex ikollhom l-effett primarju tagħhom fi ħdan l-Istat Membru fejn ikunu ġew ordnati. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21 et seq tar-Regolament, li jipprovdu għar-rikonoxximent u infurzar kważi awtomatiku minn Stati Membri oħrajn, għalhekk ma japplikawx għalihom.

176. Għalhekk, jien nenfasizza li l-konklużjoni li wasal għaliha r-Regolament ma tfissirx li dan jeskludi xi rikonoxximent jew infurzar, fi Stati Membri oħrajn, ta’ miżuri ordnati fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20(1). Dan ifisser, pjuttost, li r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ tali miżuri mhumiex irregolati bir-Regolament. U, għal materji mhux regolati bir-Regolament, il-konvenzjonijiet preeżistenti jibqgħu applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri (80). Konvenzjoni waħda tista’ tkun rilevanti, il-Konvenzjoni Ewropea tal-1980 (81), li ma tiddistingwix bejn miżuri provviżorji u miżuri oħrajn, li l-Artikolu 14 tiegħu jeħtieġ l-Istati Kontraenti “japplikaw proċedura sempliċi u mħaffa għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet rigward il-kustodja ta’ minuri”. Fil-każ preżenti, il-konvenzjoni bilaterali tal-1983 (82) tista’ wkoll tkun rilevanti.

177. Għaldaqstant, jekk miżura provviżorja li ttieħed fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20(1) – u għalhekk abbażi tal-ġurisdizzjoni u r-rimedji disponibbli taħt il-liġi nazzjonali – ma tistax tibbenefika mir-rikonoxximent kważi awtomatiku u l-proċeduri tal-infurzar stipulati fir-Regolament, din tista’ madankollu tibbenefika minn proċeduri possibbilment inqas kumplikati li joriġinaw mil-liġi nazzjonali, u b’mod partikolari dawk mitluba minn konvenzjonijiet multilaterali jew bilaterali li tagħhom l-Istati Membri huma partijiet.

178. Wara li wasalt għal din il-konklużjoni, ma naħsibx li huwa neċessarju li tiġi indirizzata l-kwistjoni (oġġezzjoni (iv) fil-punt 113 hawn fuq) ta’ jekk il-qorti tal-Istat Membru tal-infurzar tistax tqanqal dubji dwar il-ġurisdizzjoni assunta abbażi tal-Artikolu 20. Il-fatt li M ma kinitx fi Spanja meta ngħata d-digriet ikkontestat, u li waħda mill-kundizzjonijiet fl-Artikolu 20(1) għalhekk ma twettqietx, ma hija ta’ ebda rilevanza għall-qrati Ġermaniżi jekk id-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar fir-Regolament f’kull każ, ma japplikawx meta l-ġurisdizzjoni tiġi assunta fuq din il-bażi. L-istess tip ta’ kunsiderazzjoni tapplika, f’dan il-każ, għall-allegazzjoni li l-validità tad-digriet ikkontestat kienet tilfet l-effett tagħha meta ntalab l-infurzar tagħha.

179. F’kull każ, jekk ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ miżura li ttieħed fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20(1) ma humiex materji rregolati bir-Regolament, il-projbizzjoni tal-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni fl-Artikolu 24 mhux ser tapplika meta jintalab l-infurzar.

 Rimarki finali

180. Jien sibt li huwa neċessarju, meta analizzajt il-kwistjonijiet imqajma f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li nieħu approċċ wiesa’, u li nikkunsidra materji, li jistgħu fl-aħħar mill-aħħar, jiġu ppruvati li mhumiex għal kollox rilevanti biex jiġu riżolti l-kwistjonijiet li għandhom jiġu deċiżi.

181. Dan kien fil-parti l-kbira tiegħu dovut għad-diskrepanza apparenti bejn il-bażi (kienet li ma kienet) li fuqha l-qorti Spanjola kkunsidrat li hija kellha ġurisduzzjoni u s-suppożizzjoni, fil-proċedimenti quddiem il-qorti tar-rinviju, dwar x’kienet din il-bażi.

182. Din id-diskrepanza – meħuda flimkien, għandu jingħad, man-nuqqas ta’ kull sottomissjoni ta’ kull tip mill-missier – kienet ser ixxekkel mhux biss lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-isforzi tagħha li tipprovdi risposta utli għall-kwistjoni bażika li tqajmet imma anki lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fit-tentattivi tagħhom biex jassistu lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward. B’mod ġenerali, hija probabbilment ikkontribwiet biex titwal proċedura, li għal kuntrarju, tħaffet sa fejn kien possibbli, wara li ngħata qies għall-aħjar interessi tal-minuri kkonċernati.

183. Minn kif jidher id-diskrepanza qamet, in parti bħala konsegwenza tan-nuqqas ta’ ċarezza tad-digriet ikkontestat meta ġiet ikkonstata l-bażi tal-ġurisdizzjoni li fuqha ġie adottata u in parti, x’aktarx, minħabba l-limitazzjonijiet proċedurali imposti minn jew fuq il-forma tal-appell tal-omm fuq punt ta’ liġi lill-Bundesgerichtshof.

184. Madankollu, huma x’inhuma l-kawżi tagħha, l-eżistenza u l-effetti tad-diskrepanza jwassluni biex nenfasizza għal darb’oħra d-dmirijiet li għandhom il-qrati nazzjonali bħala korollarju għas-sistema ta’ fiduċja reċiproka stipulata bir-Regolament, bl-għan essenzjali tiegħu li tiġi żgurata r-riżoluzzjoni minnufih ta’ tilwim li jirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri mill-qorti li tkun fl-aħjar pożizzjoni li tieħu deċiżjoni fl-aħjar interessi tal-minuri – u f’dan il-każ fl-aħjar interessi ta’ tewmin żgħar ħafna.

185. Dan l-għan ma ntlaħaqx fil-każ preżenti.

 Konklużjoni

186. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domanda magħmulha mill-Bundesgerichtshof kif ġej:

–        Miżuri provviżorji adottati minn qorti ta’ Stat Membru abbażi tal-ġurisdizzjoni mogħtija lil din il-qorti skont ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni fil-mertu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri , għandhom jiġu rrikonoxxuti u infurzati fl-Istati Membri l-oħra bl-istess mod bħal kull sentenza oħra adottata fuq l-istess bażi, skont l-Artikoli 21 et seq ta’ dan ir-regolament.

–        Miżuri provviżorji adottati minn qorti ta’ Stat Membru abbażi tal-liġi nazzjonali fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma għandhomx jiġu rrikonoxxuti jew infurzati fl-Istati Membri l-oħra bis-saħħa tal-Artikolu 21 tar-Regolament. Dan ir-regolament, madankollu, ma jipprekludix ir-rikonoxximent jew l-infurzar tagħhom skont il-proċeduri taħt id-dritt nazzjonali, b’mod partikolari dawk il-proċeduri mitluba mill-konvenzjonijiet multilaterali jew bilaterali li tagħhom l-Istati Membri jkunu partijiet.

–        Qorti li tieħu konjizzjoni ta’ rikors għal rikonoxximent jew għal nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ miżura provviżorja, jew ta’ rikors għal dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tagħha, għandha d-dritt tivverifika l-bażi tal-ġurisdizzjoni invokata mill-qorti tal-oriġini jew mill-formulazzjoni jew mill-kontenut tad-deċiżjoni tagħha jew, fil-każ ta’ neċessità, billi tikkomunika mal-qorti tal-oriġini direttament jew permezz tal-awtoritajiet ċentrali kompetenti. Jekk, u biss jekk, l-ebda wieħed minn dawk il-mezzi ma jipproduċi riżultat ċar u sodisfaċenti, għandu jiġi dedott li l-qorti tkun tkun irrikonoxxiet il-ġurisdizzjoni tagħha fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20(1). Għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet provviżorji dwar ir-responsabbiltà tal-ġenitur, l-istess mezzi ta’ komunikazzjoni jistgħu jiġu użati biex jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni hijiex (dejjem) eżekuttiva fl-Istat Membru tal-oriġini, jekk l-eżattezza taċ-ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 2201/2003 ġietx ikkontestata; u jekk din il-komunikazzjoni ma twassal għal ebda riżultat, jistgħu jiġu użati mezzi oħrajn ta’ prova, bil-kundizzjoni li dawn jiġu prodotti fil-ħin.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament” jew, meta jkun xieraq li wieħed jiddistingwih minn regolamenti oħra, ir-“Regolament preżenti”).


3 –      Konvenzjoni dwar aspetti ċivili ta’ ħtif internazzjonali ta’ minuri, konkluża fil-25 ta’ Ottubru 1980 (il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980”).


4 – Għalkemm, x’aktarx, ma huwiex direttament rilevanti hawnhekk, taħt l-Artikolu 12(1), qorti li teżerċita l-ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 3 dwar l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieġ għandha ġurisdizzjoni dwar kull kwistjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li għandha x’taqsam ma’ din l-applikazzjoni fejn: mill-inqas wieħed mill-konjuġi għandu jew għandha r-responsabbiltà bħala ġenitur fir-rigward tal-minuri; u (b) il-ġurisdizzjoni tal-qrati tkun ġiet aċċettata espressament jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-konjuġi u bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabbiltà, fil-ħin li l-qorti tieħu konjizzjoni ta’ dan, u tkun fl-aqwa interessi tal-minuri.


5 – It-tielet paragrafu ta’, rispettivament, l-Artikolu 234 KE u l-Artikolu 267 TFUE.


6 – Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi dwar kwistjonijiet ċivili u kummerċjali tas-27 ta’ Settembru 1968. Verżjoni konsolidata tal-Konvenzjoni, kif emendata permezz ta’ erba’ Konvenzjonijiet ta’ Adeżjoni sussegwenti, hija ppubblikata fil-ĠU 1998, C 27, p. 1. Din għadha fis-seħħ fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn id-Danimarka u l-Istati Membri l-oħra, kif ukoll fir-rigward ta’ ċerti territorji barranin.


7 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19 Vol. 4 p. 42), kif emendat – magħruf ukoll bħala r-“Regolament ta’ Brussell”.


8 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f'materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19 Vol. 1 p. 209) – magħruf ukoll bħala r-“Regolament Brussell II”. Dan ir-regolament kien ippreċedut bi, u fil-parti l-kbira tiegħu jirripproduċi t-termini tal-‘Konvenzjoni ta’ Brussell II’ dwar il-Ġurisdizzjoni u r-Rikonoxximent u l-Infurzar ta’ Sentenzi f’Materji Matrimonjali (ĠU 1998 C 221, p. 2), li fil-fatt qatt ma ġiet irrattifikata, imma dwar il-formulazzjoni tagħha hemm rapport ta’ spjegazzjoni (Borrás Report, ibidem, p. 27).


9 – Kien hemm ukoll proposta intermedjarja mill-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi dwar materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri (COM(2001) 505 finali, ĠU 2001, C 332E, p. 269), li qatt ma ġiet adottata bħala tali.


10 – Pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’ħafna okkażjonijiet għamlet riferiment bħala gwida għar-Rapport Jenard dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell (ĠU 1979, C 59, p. 1) u r-Rapport dwar il-Konvenzjoni dwar l-adeżjoni tad-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit għall-istess Konvenzjoni (ibidem, p. 71). Ir-Rapport Borrás imsemmi fin-nota 8 jista’ bl-istess mod jipprovdi xi gwida għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1347/2000 u s-suċċessur tiegħu, ir-regolament preżenti, kif jistgħu jkunu l-memoranda ta’ spjegazzjoni għad-diversi proposti ta’ Regolamenti tal-Kummissjoni.


11 – Ara l-punt 15 hawn fuq.


12 – Ara l-punt 16 hawn fuq; dan huwa identiku wkoll (ħlief għall-użu tal-kelma ‘Regolament’ pjuttost milli ‘Konvenzjoni’) għall-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell II ċċitata fin-nota 8.


13 – Ara l-punti 17 sa 19 hawn fuq.


14 – Ara l-punti 20 u 22 hawn fuq.


15 – Ara l-punt 23 hawn fuq.


16 – Id-diversi Konvenzjonijiet ta’ Den Haag li sar riferiment għalihom wieħed jista’ jsibuhom fis-sit internet (http://www.hcch.net) u fil-pubblikazzjonijiet tal-Konferenza ta’ Den Haag dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, li tagħhom l-Istati Membri kollha u l-Unjoni Ewropea nnifisha (ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/719/KE tal-5 ta’ Otttubru 2006 dwar l-adeżjoni tal-Komunità għall-Konferenza tal-Aja [Den Haag] dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, ĠU 2006, L 297, p. 1, moqrija flimkien mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 1 TUE) huma membri. Is-sit jinkludi wkoll ir-Rapport Steiger dwar il-Konvenzjoni tal-1961, ir-Rapport Pérez-Vera dwar il-Konvenzjoni tal-1980 u r-Rapport Lagarde dwar il-Konvenzjoni tal-1996, li jista’ jsir riferiment għalihom.


17 – Convention du 12 juin 1902 pour régler la tutelle des mineurs (“Konvenzjoni tal-1902”).


18 – Konvenzjoni li tikkonċerna l-poteri tal-awtoritajiet u l-liġi applikabbli fir-rigward tal-protezzjoni tal-minuri, konkluża fil-5 ta’ Ottubru 1961 (“Konvenzjoni tal-1961”). Għall-Istati li huma partijiet kemm għall-Konvenzjonijiet tal-1902 u l-1961, tapplika din tal-aħħar. Il-Konvenzjoni tal-1902 hija, sa fejn huma kkonċernati l-Istati Membri, li għadhom fis-seħħ fir-rigward ta’ relazzjonijiet bejn il-Lussemburgu, il-Belġju u r-Rumanija (ara l-Comparative study on enforcement procedures of family rights, T.M.C. Asser Instituut, Den Haag, 2007, p. 84). Il-Konvenzjoni tal-1961 ġiet irratifikata minn 11 mill-Istati Membri kurrenti, inklużi kemm il-Ġermanja u Spanja.


19 – Il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni, l-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, l-infurzar u l-koperazzjoni għar-rigward tar-responsabbiltà u l-miżuri għall-protezzjoni ta’ minuri, konkluża fid-19 ta’ Ottubru 1996 (ĠU 2008, L 151, p. 39; il-“Konvenzjoni tal-1996”). Din ġiet iffirmata mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni, imma fil-preżent ġiet irrattifikata biss minn tmienja minnhom, li ma jinkludux il-Ġermanja jew Spanja; l-Istati Membri kollha rimanenti ħlief id-Danimarka ġew awtorizzati jirrattifikawha jew jaċċedu għaliha, fl-istess ħin, fl-interessi tal-Unjoni (ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/431/KE, ibidem, p. 36).


20 – Iċċitata fin-nota hawn fuq. Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag ġiet irrattifikata mill-Istati Membri kollha.


21 – Konkluża fil-Lussemburgu fl-20 ta’ Mejju 1980, Serje Trattati Ewropej Nru 105 (“Konvenzjoni Ewropea tal-1980”). Sa issa din ġiet irrattifikata mill-Istati Membri kollha ħlief is-Slovenja.


22 – Ara l-punt 18 hawn fuq.


23 – Vertrag zwischen der Bundesrepublik Deutschland und Spanien über die Anerkennung und Vollstreckung von gerichtlichen Entscheidungen und Vergleichen sowie vollstreckbaren öffentlichen Urkunden in Zivil- und Handelssachen; Convenio entre España y la República Federal de Alemania sobre reconocimiento y ejecución de resoluciones y transacciones judiciales y documentos públicos con fuerza ejecutiva en materia civil y mercantil (il-“konvenzjoni bilaterali tal-1983”).


24 – L-Artikoli 81, 86 u 90 tal-Kodiċi Ċivili Spanjol; l-Artikolu 777 tal-Ley de enjuiciamiento civil (liġi dwar il-proċedura ċivili, ‘LEC’).


25 – Ara l-Artikolu 46 tar-Regolament, ikkwotat fil-punt 23 hawn fuq. Madankollu, jidher li sussegwentement din l-approvazzjoni tal-qorti, fil-fatt ma nkisbitx.


26 – Jidher li l-miżuri provviżorji “preliminari” jistgħu jintalbu qabel ma jiġi ppreżentat rikors għal divorzju, separazzjoni jew annullament ta’ żwieġ taħt l-Artikolu 771 tal-LEC, bil-kundizzjoni li r-rikors prinċipali jiġi ppreżentat f’perijodu ta’ żmien partikolari, u fin-nuqqas dawn jitilfu l-effett tagħhom. Jidher li dik il-proċedura ntalbet u ġiet applikata b’analoġija fil-każ preżenti, fejn il-ġenituri ma kinux miżżewwġin. Ara iktar dwar dan fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34 iktar ’il quddiem.


27 – Fl-osservazzjonijiet tagħha lill-qorti, hija ddikjarat li kellha tieħu ħsieb lil M, li ma kienx jiflaħ dak iż-żmien.


28 – Fl-20 ta’ Settembru 2007; ara l-punti 67 et seq iktar ’il quddiem.


29 – Ara l-punti 67 et seq iktar ’il quddiem.


30 – Ara l-punt 51 hawn fuq, u l-Artikolu 46 tar-Regolament, fil-punt 23.


31 – B’kuntrast ma’ dan, sal-punt li ċ-ċaqliq ta’ M għall-Ġermanja seta’ kien legali, l-Artikoli 8 u 9, moqrija flimkien, kienu jimplikaw li huwa kiseb residenza abitwali ġdida hemmhekk, u b’hekk jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati Ġermaniżi.


32 – Qabel ir-rettifika, id-digriet kien ta kustodja konġunta lill-missier; dak li jiġi deskritt bħala ‘żball materjali’ fid-digriet ta’ rettifika.


33 – Ara l-punt 21 hawn fuq. Dik il-forma ta’ ċertifikat tikkonċerna sentenzi dwar ir-responsabbiltà tal-ġenitur. Għalkemm waħda mill-miżuri ordnati kienet teżiġi li l-omm tirritorna lil M għand il-missier, il-qorti Spanjola ma użatx il-forma ta’ ċertifikat fl-Anness IV, li hija għal sentenzi li jirrigwardaw ir-ritorn tal-minuri f’sitwazzjonijiet wara ħtif, digriet inizjali għar-ritorn tal-minuri u sentenza għan-nuqqas ta’ ritorn skont il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 (ara l-Artikoli 11(8), 40(1)(b) u 42 tar-Regolament u l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980).


34 – Dan jidher li huwa skont l-Artikolu 771(5) tal-LEC (“Los efectos y medidas acordados de conformidad con lo dispuesto en este artículo sólo subsistirán si, dentro de los treinta días siguientes a su adopción se presenta la demanda de nulidad, separación o divorcio” – enfażi miżjuda). L-Artikolu 771, li għalih tirreferi l-qorti Spanjola fid-digriet tagħha, jirrigwarda miżuri provviżorji preliminari għal rikors għall-annullament, separazzjoni jew divorzju. Taħt l-Artikolu 772(1), jekk ir-rikors jiġi aċċettat bħala ammissibbli, il-miżuri provviżorji preċedenti mbagħad jiġu inklużi fi ħdan il-proċedura l-ġdida. Għalkemm il-ġenituri qatt ma żżewġu, dawn id-dispożizzjonijiet jidhru li huma applikabbli b’analoġija, fid-dawl, ta’ kif stqarr il-Gvern Spanjol, tal-Artikolu 748(4), li jgħid li d-dispożizzjonijiet tat-titolu li jifformaw parti minnu japplikaw għal proċeduri li jirrigwardaw esklużivament il-kustodja tat-tfal minuri.


35 – Ara l-punt 45 iktar ’il fuq.


36 – Il-Qorti tal-Ġustizzja s’issa għadha ma rċeviet ebda domanda bħal din mill-Amtsgericht – li, ovvjament, ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tagħmel domanda f’dan il-qasam qabel ma ġie fis-seħħ it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Diċembru 2009.


37 – Sentenza tat-2 ta’ April 2009, Kawża C‑523/07, Ġabra I‑0000.


38 – Qabbel mas-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1981, Klomps vs Michel, Ġabra 1593.


39 – Ara wkoll il-punti 70 sa 74 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-Kawża C‑403/09, PPU Detiček, Ġabra I‑0000.


40 – Inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika ta’ Franza, ir-Repubblika tal-Italja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Portugall, ir-Rumanija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja bil-għan li tiġi adottata Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2010 C 69, p. 1).


41 – Huwa plawżibbli – għalkemm ma stajt ninnota l-ebda dikjarazzjoni espliċita f’dan is-sens fl-ebda waħda mill-kawżi – li l-qorti Spanjola fid-digriet ikkontestat tagħha, u l-Gvern Spanjol fis-sottomissjonijiet tiegħu – waqt is-seduta, ħadu l-pożizzjoni li, għall-għanijiet tar-Regolament, tewmin jitqiesu li għandhom residenza abitwali konġunta, u dawn ma jiksbux waħda ġdida sakemm it-tnejn li huma ma jkunux iċċaqilqu għal Stat Membru ġdid. Kienet x’kienet il-pożizzjoni li setgħu ħadu, l-ebda regola bħal din ma ġiet stipulata fir-Regolament, lanqas, fil-fehma tiegħi, ma tista’ tiġi dedotta minnu b’mod raġjonevoli.


42 – Iċċitata fin-nota 27 iktar ’il fuq, punti 61 et seq, punti 4 u 5 tad-deċiżjoni.


43 – Ara l-punti 54 sa 61 hawn fuq. F’ċerti ċirkustanzi, l-aħħar residenza konġunta tal-ġenituri, u r-residenza kontinwa tal-missier, fi Spanja setgħu jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 12(1) (ara n-nota 4 hawn fuq), filwaqt li r-residenza abitwali preċedenti ta’ M hemmhekk, flimkien mal-oġġezzjonijiet tal-missier (anki jekk pjuttost b’mod inċert) għat-tneħħija tiegħu setgħu jiġġustifikaw il-ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 10 (ara l-punt 10 hawn fuq); u r-riferiment għall-prijorità taħt l-Artikolu 19 jidher li huwa rilevanti biss fir-rigward ta’ kunflitti dwar ġurisdizzjoni fil-mertu (ara iktar dwar dan fil-punt 169 hawn isfel).


44 – Ara iktar dwar dan fil-punt 169 iktar ’il quddiem.


45 – Ara, pereżempju s-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2008, Wiedermann u Funk, Kawżi Maqgħudin C‑329/06 u C‑343/06, Ġabra I‑4635, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.


46 – Eżempju mogħti fir-Rapport Lagarde dwar il-Konvenzjoni ta’ Den Haag, iċċitata fin-nota hawn fuq, punt 120.


47 – Fis-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1991, Overseas Union Insurance et, Kawża C‑351/89, Ġabra I‑3317, punti 22 et seq, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-għan li jiġu evitati kunflitti negattivi dwar ġurisdizzjoni jistgħu jintlaħqu mingħajr ma t-tieni qorti li tkun ħadet konjizzjoni teżamina l-ġurisdizzjoni tal-qorti li l-ewwel tkun ħadet konjizzjoni, u li fl-ebda każ ma hija f’pożizzjoni aħjar biex tiddetermina jekk din tal-aħħar għandhiex ġurisdizzjoni; ir-Regoli tal-Konvenzjoni huma komuni għaż-żewġ qrati u jistgħu jiġu nterpretati u applikati bl-istess awtorità minn kull waħda minhom. Fejn il-ġurisdizzjoni tal-qorti li tkun ħadet il-pussess l-ewwel tiġi kkontestata, il-qorti li tkun ħadet konjizzjoni it-tieni tista’ biss, jekk ma tirrinunzjax għal-ġurisdizzjoni, twaqqaf il-proċedimenti u ma tistax hija nnifisha teżamina l-ġurisdizzjoni tal-qorti li tkun ħadet il-pussess l-ewwel. Fis-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003, Gasser, Kawża C‑116/02, Ġabra I‑14693, punti 46 et seq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat dawn id-dikjarazzjonijiet, u rrilevat li l-Artikolu 21 kien regola proċedurali bbażata b’mod ċar u unikament fuq l-ordni kronoloġiku li bih il-qrati involuti jkunu ħadu konjizzjoni tal-każ.


48 – Ara, pereżempju, il-punti 63 u 64 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott f’A, iċċitata fin-nota 37 hawn fuq.


49 – Kif, tabilħaqq, hija tidher li għamlet fil-proċedimenti prinċipali sussegwenti fi Spanja, anki qabel ma ttieħdet xi deċiżjoni ferma.


50 – Jien nosserva, mid-dikjarazzjonijiet tal-omm bil-miktub u waqt is-seduta, li l-appell tagħha kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Spanjola tat-28 ta’ Ottubru 2008, li kkonfermat il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fir-rigward taż-żewġ tewmin fil-proċedimenti prinċipali, ma ġietx deċiża qabel Frar jew Marzu 2010.


51 – Ħlief għall-Artikolu 20, li miegħu l-ipoteżi preżenti ma hijiex ikkonċernata.


52 – Kif ġie rrikonoxxut reċentent, għall-inqas b’mod impliċitu, mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Detiček (iċċitata fin-nota 39 hawn fuq), fejn ikkonstatat li digriet provviżorju dwar kustodja minn qorti li għandha l-ġurisdizzjoni fil-mertu kienet tipprevali fuq digriet provviżorju sussegwenti, ibbażata preżumibbilment fuq l-Artikolu 20, minn qorti fi Stat Membru ieħor fejn il-minuri jkun ittieħed illegalment skont it-termini ta’ digriet preċedenti.


53 – L-Artikolu 23(b), (c) u (d) rispettivament.


54 – Ara l-punt 63 iktar ’il fuq. Ara wkoll is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2008, Roda Golf & Beach Resort, Kawża C‑14/08, Ġabra I‑0000, punti 24 sa 30.


55 – Ara l-punti 156 et seq hawn isfel.


56 – Sentenza tas-27 ta’ April 1999, Kawża C‑99/96, Ġabra I‑2277, b’mod partikolari, ara l-punti 50 u 55.


57 – Ara l-punt 96 u n-nota 42 hawn fuq.


58 – Ara l-punti 54 sa 61 u 104, u n-nota 43 hawn fuq.


59 – Iċċitata fin-nota 39.


60 – Ara l-punt 65 hawn fuq.


61 – Ara l-Artikoli 41(1) u 42(1).


62 – L-Artikolu 43(2).


63 – Din il-fehma tidher li hija kkonfermata mill-premessi 23 u 24 fil-preambolu, li jidhru li għandhom x’jaqsmu biss ma’ “sentenzi dwar id-dritt tal-aċċess u sentenzi dwar ir-ritorn” meta jitkellmu dwar ir-rikonoxximent awtomatiku mingħajr ma jingħataw raġunijiet għar-rifjut tal-infurzar u tal-impossibbiltà li wieħed jappella kontra ċertifikat.


64 – Xi miżuri, sintendi, bħall-awtorizzazzjoni ġudizzjarja għall-bejgħ ta’ proprjetà li titħassar malajr u li tappartjeni lill-minuri (jew lill-koppja, peress li l-Artikolu 20 ikopri wkoll id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ), jew għal operazzjoni kirurġika fuq il-minuri (iż-żewġ eżempji huma ċċitati fir-Rapport Lagarde dwar il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996, iċċitat fin-nota 16 hawn fuq, punt 68, fir-rigward tal-Artikolu 11(1) ta’ din il-konvenzjoni), ser ikollu effetti de facto li ma jistgħux ħlief jiġu rrikonoxxuti fi Stati Membri oħra.


65 – – “[...] sentenza dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, iddikjarata minn qorti ta’ Stat Membru, hu x’inhu t-terminu li tista' tiġi msejjħa bih is-sentenza, inkluzi diġriet, ordni jew deċiżjoni”.


66 – Ġiet iċċitata sentenza tal-11 ta’ Lulju 2008, Rinau, Kawża C‑195/08, Ġabra I‑5271, punti 80 et seq.


67 – Ara l-punti 30 sa 47 hawn fuq.


68 – Ara l-punt 169 iktar ’il quddiem.


69 – Ara l-punt 18 iktar ’il fuq; lista li tikkorrispondi ta’ raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenzi rigward divorzju, separazzjoni legali jew annullament ta’ żwieġ tinsab fl-Artikolu 22. Barra minn dan, nosserva li fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tagħha f’A (iċċitati fin-nota 37 hawn fuq), li fuqhom jibbaża ruħu l-Gvern tar-Renju Unit, l-Avukat Ġenerali Kokott kienet qed tindirizza biss il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni, li kellu x’jaqsam magħha l-każ, u mhux il-kwistjoni tar-rikonoxximent u l-infurzar.


70 – Iċċitata fin-nota 37 hawn fuq.


71 – Barra minn dan, peress li r-Regolament ma jinkludi ebda dispożizzjoni ta’ liġi sostantiva fl-ebda wieħed mill-oqsma li huwa relatat miegħu, ser ikun dejjem il-każ, anki meta l-ġurisdizzjoni tkun ibbażata b’mod ċar fuq xi waħda mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 sa 15, li kull miżura ordnata għandha tkun, fil-prattika, “disponibbli taħt il-liġi nazzjonali”.


72 – Jien nerġa’ nenfasizza (ara n-nota 69 hawn fuq fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott) li, fis-sentenza tagħha f’A, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx qed tindirizza xi kwistjoni ta’ infurzar f’xi Stat Membru ieħor, imma staqsiet sempliċement jekk dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jirrigwardaw miżura provviżorja li tittieħed fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 kinux vinkolanti – u wieġbet li din kienet materja ta’ liġi nazzjonali.


73 – Suppożizzjoni li jista’ jkun jaqbel magħha l-Amtsgericht u l-Oberlandesgericht Stuttgart (ara l-punti 69 u 70 hawn fuq).


74 – COM(1999) 220 finali.


75 – Iċċitat fin-nota 8 hawn fuq.


76 – COM(2002) 222 finali.


77 – Iċċitat fin-nota iktar ’il fuq, punt 183.


78 – Iċċitata fin-nota 16 hawn fuq, punti 72 u 75.


79 – Ara l-punt 170 hawn fuq, in fine.


80 – Ara l-Artikoli 59 sa 62 tar-Regolament.


81 – Ara l-punti 40 u 46 hawn fuq.


82 – Ara l-punt 48 hawn fuq.

Top