Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0250

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Bot - 2 ta' Settembru 2010.
    Vasil Ivanov Georgiev vs Tehnicheski universitet - Sofia, filial Plovdiv.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Rayonen sad Plovdiv - il-Bulgarija.
    Direttiva 2000/78/KE - Artikolu 6(1) - Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età - Professuri universitarji - Dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat lil hinn minn 65 sena - Irtirar obbligatorju mat-68 sena - Ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età.
    Każijiet Magħquda C-250/09 u C-268/09.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-11869

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:487

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentati fit-2 ta’ Settembru 2010 1(1)

    Kawżi Magħquda C‑250/09 u C‑268/09

    Vasil Ivanov Georgiev

    vs

    Tehnicheski universitet – Sofia, filial Plovdiv

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rajonen sad Plovdiv (il‑Bulgarija)]

    “Politika soċjali – Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol – Kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat għall-professuri universitarji li għandhom ’il fuq minn 65 sena – Iffissar tal-età definittiva tal-irtirar għall-professuri universitarji għal 68 sena – Ġustifikazzjoni għal trattament differenti bbażat fuq l-età”





    1.        Il-kwistjonijiet relatati mal-irtirar obbligatorju, mal-awtorizzazzjoni sabiex jitkeċċa ħaddiem li jkun laħaq l-età tal-irtirar, kif ukoll mal-impjieg ta’ ħaddiem, permezz ta’ kuntratti għal żmien determinat, wara età partikolari diġà kienu ttrattati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi sentenzi jew ser ikunu ttrattati fil-futur qarib (2). Il-kawża preżenti ser tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkompleta l-ġurisprudenza tagħha billi din id-darba tittratta dawn id-diversi kwistjonijiet flimkien.

    2.        Ir-Rajonen sad Plovdiv (il-Bulgarija) issaqsi, fil-fatt, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (3), ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-persuna li timpjega ttemm kuntratt ta’ xogħol ta’ professur universitarju li jkun għalaq il-65 sena u li tipprovdi li ’l fuq minn din l-età, ir-relazzjoni ta’ xogħol tista’ tiġġedded biss fil-forma ta’ kuntratti għal żmien determinat ta’ sena sa massimu ta’ tliet snin.

    3.        Fil-konklużjonijiet preżenti, billi nibbaża ruħi ħafna fuq il-ġurisprudenza eżistenti, ser nuri r-raġunijiet għalfejn inqis li d-Direttiva ma tipprekludix tali leġiżlazzjoni.

    I –    Il-kuntest ġuridiku

    A –    Id-dritt tal-Unjoni

    4.        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva, “[l]-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”.

    5.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva jistabbilixxi:

    “1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

    2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

    a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

    […]”

    6.        L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jipprovdi:

    “Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.


    Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

    (a)       l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

    (b)       [l]-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

    (ċ)       l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.”

    B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

    7.        L-Artikolu 325(3) tal-Kodiċi tax-Xogħol (4) jipprovdi li l-kuntratt ta’ xogħol jintemm mingħajr notifika minn qabel min-naħa tal-partijiet meta jiskadi t-terminu kuntrattwali.

    8.        Skont l-Artikolu 328 tal-Kodiċi tax-Xogħol:

    “1)      Il-persuna li timpjega tista’ ttemm il-kuntratt ta’ xogħol permezz ta’ notifika minn qabel bil-miktub indirizzata lill-ħaddiem jew lill-impjegat fit-termini msemmija fl-Artikolu 326(2) fil-każijiet li ġejjin:

    […]

    10.      Meta jinkiseb id-dritt għall-pensjoni ta’ irtirar, u fil-każ tal-professuri, tas-senior lecturers u tal-assistenti fil-livelli I u II u ta’ persuni li għandhom dottorat fix-xjenza – meta jagħlqu il-65 sena;

    […]”

    9.        Il-paragrafu 11 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Kodiċi tal-Edukazzjoni Terzjarja (5) jipprovdi:

    “Fuq suġġeriment tal-Kunsill tal-Professuri u tal-Kunsill tas-sede Akkademika u/jew tal‑Kunsill tal-fergħa Akkademika, b’deċiżjoni tal-Kunsill Akkademiku, il-kuntratti ta’ xogħol tal-persuni kkwalifikati sabiex jgħallmu jistgħu, meta dawn il-persuni jilħqu l-età msemmija fil-punt 10 tal-Artikolu 328(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol, jiġġeddu għal sena, sa massimu ta’ tliet snin meta l-persuna kkonċernata tkun tokkupa pożizzjoni ta’ ‘professur’ u sa massimu ta’ sentejn meta l-persuna kkonċernata tkun tokkupa pożizzjoni ta’ ‘senior lecturer’.”

    10.      Il-punt 6 tal-Artikolu 7(1) tal-Kodiċi tal-Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni(6) jistipula li ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni “l-iffissar ta’ limitu ta’ età għall-impjieg li jkun marbut mal-ħtieġa ta’ taħriġ għall-okkupazzjoni ta’ funzjoni korrispondenti jew mal-ħtieġa ta’ terminu raġonevoli bejn l-okkupazzjoni tal-pożizzjoni u l-irtirar, sakemm tkun kundizzjoni oġġettiva intiża għat-twettiq ta’ għan leġittimu b’mezzi li ma jmorrux lilhinn minn dak li huwa realment meħtieġ”.

    II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    11.      Id-domandi preliminari preżenti jirrigwardaw l-istess persuna, V. I. Georgiev, u huma bbażati fuq l-istess fatti. Id-differenzi bejn iż-żewġ domandi hija li t-tieni waħda (Kawża C‑268/09) fiha domanda supplimentari meta imqabbla mal-ewwel waħda (Kawża C‑250/09).

    12.      V. I. Georgiev beda jaħdem mat-Tehnicheski universitet – Sofia, filial Plovdiv [Università Teknika ta’ Sofia – fergħa ta’ Plovdiv (iktar ’il quddiem, l-“Università”)] fl-1985, bħala assistant lecturer.

    13.      Il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu ġie mitmum fl-2006 meta għalaq il-65 sena peress li kien laħaq l-età tal-irtirar.

    14.      Il-Kunsill Akkademiku tal-Universtà madankollu awtorizza lil V. I. Georgiev sabiex ikompli jaħdem skont il-paragrafu 11 tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali tal-Kodiċi tal-Edukazzjoni Terzjarja. Ġie ffirmat kuntratt ta’ xogħol ġdid ta’ sena, li kien jipprevedi li V. I. Georgiev kellu jaħdem bħala lecturer fil-Fakultà tal-Inġinerija.

    15.      Bis-saħħa ta’ addendum iffirmat fl-2006, il-kuntratt ġie mġedded b’sena.

    16.      V. I. Georgiev ġie maħtur professur fl-2007.

    17.      Bis-saħħa ta’ addendum ieħor iffirmat fl-2008, il-kuntratt reġa’ ġie mġedded b’sena.

    18.      Fl-2009, intemmet ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn l-Università u V. I. Georgiev, bis-saħħa tal-Artikolu 325(3) tal-Kodiċi tax-Xogħol, permezz ta’ deċiżjoni tad-Direttur tal-Università.

    19.      V. I. Georgiev ippreżenta żewġ rikorsi quddiem il-Qorti ta’ Plovdiv. Wieħed huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-klawżola tal-ewwel kuntratt għal żmien determinat tiegħu, li tillimita l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu għal sena hija nulla u li tali kuntratt għandu jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala kuntratt għal żmien indeterminat (rikors li fuqu hija bbażata l-Kawża C‑268/09). L-ieħor jirrigwarda d-deċiżjoni tad-Direttur tal-Università li tintemm ir-relazzjoni ta’ xogħol mal-Università meta huwa għalaq it-68 sena (rikors li fuqu hija bbażata l-Kawża C‑250/09). Ir-Rajonen sad Plovdiv iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja t-tliet domandi preliminari li ġejjin. L-ewwel tnejn huma identiċi għaż-żewġ kawżi. It-tielet waħda hija mressqa biss fil-Kawża C‑268/09:

    “1)      Id-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva], jostakolaw l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali li ma tawtorizzax il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal perijodu indeterminat minn professuri li jkunu għalqu l-65 sena? F’dan ir-rigward, u b’mod iktar partikolari fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tad‑Direttiva, id-dispożizzjoni [tal-punt 6] tal-Artikolu 7(1) tal-Liġi dwar il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, li tipprovdi limiti ta’ età għal ċerti karigi, hija miżura ġġustifikata b’mod oġġettiv u raġonevoli minn għan leġittimu u hija proporzjonata, meta jitqies li d-Direttiva hija kompletament trasposta fil-leġiżlazzjoni Bulgara?

    2)      Id-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva] jostakolaw l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali li tipprovdi għall-irtirar obbligatorju ta’ professuri li jkunu għalqu t-68 sena? Fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, u meta titqies l-inkompatibbiltà li teżisti bejn id-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2000/78/KE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li biha ġiet trasposta d-Direttiva, huwa possibbli li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju twassal sabiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tiġix applikata?

    3)      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi l-għeluq ta’ età speċifika bħala l-unika kundizzjoni sabiex tintemm ir-relazzjoni ta’ xogħol għal perijodu indeterminat u sabiex din ir-relazzjoni tkun tista’ titkompla bħala waħda għal perijodu determinat bejn l-istess ħaddiem u l-istess persuna li timpjega, għall-istess kariga? Sa fejn, wara li l-kuntratt għal perijodu indeterminat jiġi mibdul għal kuntratt għal perijodu determinat, il-liġi nazzjonali tistabbilixxi limitu massimu għall-kontinwazzjoni u numru massimu ta’ prorogi tar-relazzjoni ta’ xogħol għal perijodu determinat mal-istess ħaddiem, meta ma jibqax iktar possibbli li r-relazzjoni ta’ xogħol titkompla bejn il-partijiet?”

    20.      V. I. Georgiev, l-Università, il-Gvern Bulgaru, Ġermaniż u Slovakk, kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

    III – Analiżi

    21.      Ser neżamina flimkien it-tliet domandi preliminari li essenzjalment huma intiżi sabiex jiġi kkonstatat jekk id-Direttiva għandhiex tiġi interpretata fis-sens li din tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-persuna li timpjega ttemm il-kuntratt ta’ xogħol ta’ professur universitarju li jkun għalaq il-65 sena u li tipprovdi li wara dik l-età r-relazzjoni ta’ xogħol tista’ tiġġedded biss fil-forma ta’ kuntratti għal żmien determinat ta’ sena sa massimu ta’ tliet snin.

    22.      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, jeħtieġ li jiġi kkonstatat jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, jekk din tinkludix trattament differenti bbażat fuq l-età, u fil-każ ta’ risposta pożittiva, jekk id-direttiva tipprekludix tali trattament differenti.

    23.      Qabel kollox, għal dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, għandu jiġi kkonstatat li mill-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha jirriżulta li, fil-kuntest tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni, hija tapplika għall-persuni kollha għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet tat-tkeċċija u r-remunerazzjoni. Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni taffettwa direttament it-tul u l-modalitajiet tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot lill-partijiet kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, l-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali tal-professuri universitarji, billi tillimita l-parteċipazzjoni futura tagħhom fil-ħajja attiva mill-età ta’ 65 sena u twaqqaf kompletament tali parteċipazzjoni wara t-68 sena. Fl-opinjoni tiegħi ma hemm għalhekk ebda dubju li tali leġiżlazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (7).

    24.      Sussegwentement, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludix trattament differenti ibbażat fuq l-età għal dak li jikkonċerna l-impjieg u x-xogħol, hemm lok li jiġi kkonstatat li skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” ifisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tagħha jippreċiża li, għall-finijiet tal-Artikolu 2(1), għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva.

    25.      Billi tawtorizza lill-persuna li timpjega sabiex ittemm il-kuntratt ta’ xogħol ta’ professur universitarju li jkun għalaq il-65 sena u billi tipprovdi li ’l fuq minn din l-età r-relazzjoni ta’ xogħol tista’ tiġġedded biss fil-forma ta’ kuntratti għal żmien determinat ta’ sena sa massimu ta’ tliet snin, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tittratta lill-professuri universitarji li jkunu għalqu l-65 sena kif ukoll lil dawk li jkunu għalqu t-68 sena, b’mod inqas favorevoli mill-professuri universitarji oħrajn li jkunu għadhom jaħdmu. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ professuri oħrajn li jkunu għadhom jaħdmu li, fil-prinċipju, igawdu minn kuntratt għal żmien indeterminat, il-professuri ta’ 65 sena huma mġiegħla jaċċettaw kuntratt għal żmien determinat jekk ikunu jridu jkomplu jaħdmu. Barra minn hekk, il-professuri li jagħlqu t-68 sena huma mġiegħla jieqfu jaħdmu fi ħdan l-Università. Tali leġiżlazzjoni toħloq għalhekk differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq l-età, kif imsemmi fl-Artikolu 2(1) u (2)(a) tad-Direttiva (8).

    26.      Issa jeħtieġ li neżamina jekk it-trattament differenti li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex konformi mad-Direttiva jew le. F’dan ir-rigward, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jirriżulta li t-trattament differenti bbażat fuq l-età ma huwiex diskriminazzjoni pprojbita skont l-Artikolu 2 tagħha “jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji”.

    27.      L-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jirriżultax espressament mill-kliem tagħha. Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tkunx preċiża dwar l-għan tagħha, huwa importanti li elementi oħrajn, meħuda mill-kuntest ġenerali tal-miżura inkwistjoni, jippermettu l-identifikazzjoni tal-għan li għandha din tal-aħħar għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-leġittimità tagħha kif ukoll ta’ kemm huma xierqa u neċessarji l-mezzi implementati sabiex dan l-għan jintlaħaq (9).

    28.      Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, hija l-qorti nazzjonali, l-unika qorti kompetenti sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża li hija adita biha u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li fl-aħħar lok għandha tidentifika l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni u li tivverifika jekk huwiex għan leġittimu fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva (10).

    29.      Madankollu, sabiex il-qorti nazzjonali tingħata risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża prinċipali, hemm lok li jiġi eżaminat jekk id-Direttiva tipprekludix trattament differenti bbażat fuq l-età, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-għanijiet li ġew invokati bħala ġustifikazzjonijiet potenzjali fl-osservazzjonijiet bil-miktub imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    30.      L-għan li ġie prinċipalment imsemmi huwa dak tat-tqassim tal-possibbiltajiet ta’ impjieg bejn il-ġenerazzjonijiet fi ħdan il-professjoni. Skont l-argumenti mressqa minn diversi intervenjenti fil-proċedura preżenti, jiġifieri l-Gvern Bulgaru, Ġermaniż u Slovakk, kif ukoll il-Kummissjoni, billi tipprova tikseb dan l-għan, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti li l-ġenerazzjonijiet żagħżugħa jiġu ggarantiti l-possibbiltà ta’ aċċess għal pożizzjonijiet ta’ professuri u li tiżgura l-kwalità tat-tagħlim u tar-riċerka.

    31.      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, l-għanijiet li jistgħu jitqiesu bħala “leġittimi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni huma, b’mod partikolari, għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjiegi, tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ professjonali. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-promozzjoni tar-reklutaġġ ċertament jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ politika soċjali jew ta’ impjiegi tal-Istati Membri u li din l-evalwazzjoni għandha evidentement tapplika għall-istrumenti ta’ politika tas-suq nazzjonali tax-xogħol bl-għan li jittejbu l-possibbiltajiet ta’ inklużjoni fil-ħajja tax-xogħol ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema. Bl-istess mod, miżura meħuda sabiex tiffaċilita l-aċċess liż-żgħażagħ għall-prattika tal-professjoni ta’ professur universitarju tista’ tiġi meqjusa bħala miżura li taqa’ taħt il-politika tal-impjiegi (11).

    32.      Issa, għandu jiġi verifikat, skont it-termini tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, jekk il-mezzi implementati sabiex l-għanijiet jintlaħqu humiex “appropjati u neċessarji”. F’dan ir-rigward huwa importanti li jitfakkar li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tal-miżuri li jistgħu jilħqu l-għanijiet tagħhom fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjiegi (12).

    33.      Fis-sentenza tagħha Petersen, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, skont l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tal-impjiegi fis-settur ikkonċernat, ma jidhirx li ma huwiex raġonevoli għall-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jqisu li l-applikazzjoni ta’ limitu ta’ età, li twassal għall-ħruġ mis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema l-iktar anzjani, tista’ tippermetti li tiffaċilita l-impjieg tal-professjonisti iżgħar fl-età. Fir-rigward tal-iffissar tal-limitu tal-età għal 68 sena, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din l-età tidher li hija avvanzata biżżejjed sabiex titqies bħala l-età ta’ tmiem il-prattika tal-professjoni (13). Mis-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li tista’ ssir l-istess evalwazzjoni fir-rigward tal-limitu tal-età ta’ 65 sena (14), a fortiori meta, bl-istess mod bħalma huwa l-każ fil-kawża preżenti, din l-età ma twassalx neċessarjament għall-irtirar tal-ħaddiema li jilħquha.

    34.      Fl-opinjoni tiegħi għandu jiġi rikonoxxut li Stat Membru jista’ leġittimament jipprova jiggarantixxi l-eżistenza ta’ piramida ekwilibrata ta’ etajiet fi ħdan il-korp ta’ professuri universitarji billi jistabbilixxi limitu ta’ età. Il-koeżistenza ta’ diversi ġenerazzjonijiet ta’ għalliema u riċerkaturi tiffavorixxi, fl-opinjoni tiegħi, l-iskambju ta’ esperjenzi kif ukoll l-innovazzjoni u għalhekk l-iżvilupp tal-kwalità tat-tagħlim u tar-riċerka fi ħdan l-universitajiet. Apparti minn hekk, fid-dawl tal-fatt li n-numru ta’ postijiet disponibbli f’dan is-settur huwa limitat u li l-karrieri jistgħu jkunu relattivament twal, huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li limitu ta’ età jiffaċilita l-aċċess taż-żgħażagħ għall-professjoni.

    35.      F’din il-perspettiva, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidhirx li tmur lilhinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan li jitqassmu l-possibbiltajiet ta’ impjieg bejn il-ġenerazzjonijiet fi ħdan il-professjoni inkwistjoni.

    36.      In-natura proporzjonata ta’ din il-leġiżlazzjoni tinsab qabel kollox fil-fatt li kemm fl-età ta’ 65 sena kif ukoll fl-età ta’ 68 sena, professur universitarju li jkun imġiegħel jieqaf jaħdem, igawdi minn pensjoni ta’ rtirar. L-imsemmija leġiżlazzjoni għalhekk ma tistax titqies bħala waħda li tippreġudika eċċessivament il-pretensjonijiet leġittimi tal-ħaddiema li jkollhom jieqfu jaħdmu u li jkollhom bejn il-65 u t-68 sena peress li tali leġiżlazzjoni ma hijiex ibbażata biss fuq età speċifika, iżda tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, fit-tmiem tal-karriera professjonali tagħhom, il-partijiet ikkonċernati jgawdu, minn kumpens finanzjarju permezz ta’ għoti ta’ pensjoni ta’ rtirar (15) li, barra minn hekk, V. I. Georgiev ma jikkontestax l-ammont tagħha.

    37.      Sussegwentement, huwa importanti li jiġi rrilevat li l-possibbiltà li l-professuri jaħdmu ’l fuq mill-65 sena permezz ta’ kuntratti għal żmien determinat twassal sabiex ittaffi r-regola tal-irtirar sa minn din l-età filwaqt li tippermetti lil dawn il-professuri jkomplu bl-attività tagħhom għal tliet snin. Għalhekk, din il-possibbiltà tikkontribwixxi sabiex titnaqqas id-differenza fit-trattament li huma suġġetti għaliha l-professuri li jkunu għalqu l-65 sena.

    38.      Fuq dan l-aspett tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha ssir distinzjoni ċara bejn il-kawża preżenti u dik li wasslet għas‑sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq. Infakkar li f’din is-sentenza il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura nazzjonali li tawtorizza l-konklużjoni ta’ kuntratt għal żmien determinat, mingħajr ebda raġuni oġġettiva, mal-ħaddiema li jkunu għalqu l-età ta’ 52 sena tmur kontra d-Direttiva. Għall-kuntrarju tal-kawża preżenti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fl-imsemmija sentenza kienet tikkonċerna ħaddiema li kienu għadhom ma kisbux id-dritt għall-pensjoni ta’ rtirar u l-kuntratti setgħu jiġu mġedda għal numru indefinit ta’ drabi. Apparti minn hekk, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tikkonċerna biss kategorija speċifika ta’ ħaddiema, filwaqt li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fis-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, kienet tapplika b’mod ġenerali.

    39.      Fl-aħħar nett, nosserva li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kellha diversi drabi l-opportunità li tindika li l-benefiċċju tal-istabbiltà tal-impjieg huwa maħsub bħala element prinċipali tal-protezzjoni tal-ħaddiema, fl-istess waqt, hija ammettiet li jeżistu ċirkustanzi li fihom il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet kemm tal-persuna li timpjega kif ukoll tal-ħaddiema (16).

    40.      Dan jidhirli li huwa preċiżament il-każ fil-kawża preżenti. Fil-fatt, l-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat huwa tali li jgħaqqad ix-xewqa li jistgħu jesprimu l-professuri li jkomplu bl-attività tagħhom wara li jagħlqu l-65 sena mal-ħtieġa għall-universitajiet li, kull sena, jkunu jistgħu jevalwaw mill-ġdid, skont il-ħtiġijiet tagħhom u tal-karatteristiċi speċifiċi tas-suġġetti akkademiċi inkwistjoni, jekk tali estensjoni tkunx ta’ ħsara għat-tqassim ġust tal-possibbiltajiet ta’ impjieg bejn il-ġenerazzjonijiet fi ħdan din il-professjoni.

    41.      Minn dawn l-elementi kollha niddeduċi li l-Artikoli 2(2)(a) u 6(1) tad‑Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-persuna li timpjega ttemm il-kuntratt ta’ xogħol ta’ professur universitarju li jkun għalaq il-65 sena u li tipprovdi li ’l fuq minn din l-età, ir-relazzjoni ta’ xogħol tista’ tiġġedded biss fil-forma ta’ kuntratti għal żmien determinat ta’ sena sa massimu ta’ tliet snin, sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun intiża sabiex tqassam il-possibbiltajiet ta’ impjieg bejn il-ġenerazzjonijiet fi ħdan din il-professjoni, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

    IV – Konklużjoni

    42.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mir-Rajonen sad Plovdiv kif ġej:

    “L-Artikoli 2(2)(a) u 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lill-persuna li timpjega ttemm il-kuntratt ta’ xogħol ta’ professur universitarju li jkun għalaq il-65 sena u li tipprovdi li ’l fuq minn din l-età, ir-relazzjoni ta’ xogħol tista’ tiġġedded biss fil-forma ta’ kuntratti għal żmien determinat ta’ sena sa massimu ta’ tliet snin, sakemm din il-leġiżlazzjoni tkun intiża sabiex tqassam il-possibbiltajiet ta’ impjieg bejn il-ġenerazzjonijiet fi ħdan din il-professjoni, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.”


    1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


    2 – Fir-rigward tal-irtirar obbligatorju, ara s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑411/05, Ġabra. p. I‑8531) u l-kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Rosenbladt (C‑45/09), kif ukoll Fuchs u Köhler (C‑159/10 u C‑160/10); fir-rigward tal-awtorizzazzjoni sabiex jitkeċċa ħaddiem li jkun laħaq l-età tal-irtirar, ara s-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England (C‑388/07, Ġabra. p. I‑1569); fir-rigward tal-impjieg ta’ ħaddiem, permezz ta’ kuntratti għal żmien determinat, wara età partikolari, ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, Ġabra p. I‑9981), kif ukoll il-kawża pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Deutsche Lufthansa (C‑109/09). Ara wkoll is-sentenza, tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C‑341/08, Ġabra p. I-47), dwar dispożizzjoni nazzjonali li tiffissa l-età ta’ 68 sena bħala l-età massima għall-prattika tal-professjoni ta’ dentist li jaħdem fuq bażi kuntrattwali mal-fond tal-assigurazzjoni tas-saħħa.


    3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79, iktar ’il quddiem, id-“Direttiva”.


    4 – DV Nru 26, tal-1 ta’ April 1986, emendata sussegwentement u pubblikata fid-DV Nru 41, tat-2 ta’ Ġunju 2009, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2009.


    5 –      DV Nru 112, tas-27 ta’ Diċembru 1995, emendata l-aħħar u ppubblikata fid-DV Nru. 74, tal-15 ta’ Settembru 2009.


    6 – DV Nru 86, tat-30 ta’ Settembru 2003, li daħlet fis-seħħ tal-1 ta’ Jannar 2004, emendata u ppubblikata fid-DV Nru 74, tal-15 ta’ Settembru 2009, li daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Settembru 2009.


    7 – Ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Palacios de la Villa (punti 45 u 46) u Age Concern England (punti 27 u 28).


    8 – Mill-proċess jirriżulta li, skont id-dritt Bulgaru, il-kuntratt ta’ xogħol ta’ impjegati jista’ jintemm, fil-prinċipju, mill-età ta’ 63 fil-każ tal-irġiel. Għalkemm il-professuri universitarji jidhru, minn din il-perspettiva, li huma f’pożizzjoni vantaġġuża meta mqabbla mal-impjegati l-oħrajn, dan ma jeskludix madankollu li jistgħu jkunu vittmi ta’ trattament differenti bbażat fuq l-età li jista’ tmur kontra d-Direttiva peress li l-paragun qed isir bejn is-sitwazzjoni tal-professuri universitarji li ma jkunux għalqu l-65 sena jew it-68 sena.


    9 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Petersen, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    10 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Age Concern England (punt 47) u Petersen (punt 42).


    11 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Petersen, iċċitata iktar ’il fuq (punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    12 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Kücükdeveci (C‑555/07, Ġabra p. I-365, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    13 – Sentenza Petersen, iċċitata iktar ’il fuq (punt 70).


    14 – Sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq (punt 72).


    15 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Palacios de la Villa, iċċitata iktar ’il fuq (punt 73), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għal pensjoni ta’ rtirar “li l-livell [ammont] tagħha ma jistax jitqies li huwa irraġonevoli”. Id-definizzjoni ta’ dak li tkopri din il-formula hija waħda mill-kwistjonijiet prinċipali fis-sentenza Rosenbladt, iċċitata iktar ’il fuq.


    16 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Top