Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0213

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Trstenjak - 24 ta' Ġunju 2010.
    Barsoum Chabo vs Hauptzollamt Hamburg-Hafen.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Finanzgericht Hamburg - il-Ġermanja.
    Unjoni doganali - Regolament (KE) Nru 1719/2005 - Tariffa doganali komuni - Irkupru ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni - Importazzjoni ta’ prodotti tal-ikel ipproċessat - Faqqiegħ ippreservat - Subintestatura NM 2003 10 30 - Ġbir ta’ ammont addizzjonali - Prinċipju ta’ proporzjonalità.
    Kawża C-213/09.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-12109

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:372

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    TRSTENJAK

    ippreżentati fl-24 ta’ Ġunju 2010 1(1)

    Kawża C‑213/09

    Barsoum Chabo

    vs

    Hauptzollamt Hamburg-Hafen

    [talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill‑Finanzgericht Hamburg (il‑Ġermanja)]

    “Regolament (KE) Nru 1719/2005 – Tariffa doganali komuni – Dazju doganali speċifiku – Faqqiegħ ippreservat tal-ġeneru Agaricus – Proporzjonalità – Portata tal-istħarriġ fil-każ ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa – Għanijiet ta’ politika agrikola – Għanijiet ta’ politika kummerċjali – Neċessità – WTO – Ftehim dwar il-Biedja – Artikolu 4 – Klassifikazzjoni doganali – Illegalità ta’ dazji varjabbli”





    1.        B’din it‑talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa skont l‑Artikolu 234 KE (2), il‑Finanzgericht Hamburg (is‑Sezzjoni Fiskali tal‑Qorti ta’ Hamburg; iktar ’il quddiem il‑“qorti tar‑rinviju”) tixtieq tkun taf jekk huwiex kompatibbli mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità l‑ġbir ta’ dazju doganali speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott fuq il‑faqqiegħ ippreservat tal-ġeneru Agaricus (iktar ’il quddiem il‑“faqqiegħ ippreservat”) importat fil‑Komunità mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina, barra mill‑kwota stabbilita.

    2.        Fil‑passat, il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà kellha okkażjoni tesprimi ruħha fuq il‑kompatibbiltà mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità, tal‑ammonti addizzjonali fuq l‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat minn Stati terzi (3). Madankollu, dawn l‑ammonti addizzjonali kienu jikkostitwixxu dazji agrikoli indipendenti tal‑Komunità. It‑talba għal deċiżjoni preliminari ineżami tqajjem il‑punt dwar jekk il‑kriterji li l‑Qorti tal‑Ġustizzja applikat fl‑evalwazzjoni tad‑dazji agrikoli awtonomi jistgħux jiġu applikati wkoll għal xi dazju doganali partikolari, li ddaħħal minflok l‑ammonti addizzjonali inkwistjoni u li l‑ammont tagħhom jikkorrispondi għar‑rata massima tad‑dazju, li ġiet innegozjata u miftiehma fil‑kuntest tal‑Organizzazzjoni Dinjija tal‑Kummerċ (iktar ’il quddiem id‑“WTO”).

    I –    Il‑leġiżlazzjoni applikabbli

    A –    Id‑dritt tal‑kummerċ internazzjonali

    3.        Permezz tad‑Deċiżjoni tal‑Kunsill 94/800/KE, tat‑22 ta’ Diċembru 1994, dwar il‑konklużjoni f’isem il‑Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil‑kompetenza tagħha, fuq il‑ftehim milħuq fil‑Laqgħa ta’ Negozjati Multilaterali fl‑Urugwaj (1986‑1994) (4), il‑Komunità ssieħbet mal‑Ftehim tad‑WTO (il‑Ftehim li jistabbilixxi l‑Organizzazzjoni Dinjija tal‑Kummerċ) u ma’ diversi ftehim multilaterali u plurilaterali. Fost il‑ftehim multilaterali hemm, inter alia, il‑Ftehim Ġenerali dwar it‑Tariffi u l‑Kummerċ 1994 (5) (iktar ’il quddiem il‑“GATT 1994”) u l‑Ftehim dwar il-Biedja (6) (iktar ’il quddiem il‑“Ftehim dwar il-Biedja”).

    4.        Il‑GATT 1994 fih ukoll id‑dispożizzjonijiet tal‑Ftehim Ġenerali dwar it‑Tariffi u l‑Kummerċ 1947 (iktar ’il quddiem il‑“GATT 1947”), li fosthom hemm, b’mod partikolari, il‑klawżola tan‑nazzjon l‑iktar favorit prevista fl‑Artikolu I(1) tal‑GATT 1947. Permezz tal‑klawżola tan‑nazzjon l‑iktar favorit, kwalunkwe vantaġġ, favur, privileġġ jew immunità mogħtija minn kontraent lil xi prodott li joriġina minn pajjiż ieħor jew destinat għalih, jiġi estiż immedjatament u bla ebda kundizzjoni għal kull prodott simili li joriġina mit‑territorju ta’ kwalunkwe kontraent ieħor jew destinat lejh.

    5.        L‑Artikolu II tal‑GATT 1947 jirregola l‑listi ta’ konċessjonijiet tal‑Membri tad‑WTO. L‑Artikolu II(1)(a) jistabbilixxi li:

    “Kull kontraent għandu jagħti lill‑partijiet kontraenti l‑oħra, fil‑qasam kummerċjali, trattament li ma jkunx inqas favorevoli minn dak previst fil‑parti relattiva tal‑lista korrispondenti annessa ma’ dan il‑Ftehim”.

    6.        L‑Artikolu 4 tal‑Ftehim dwar il-Biedja jirregola l‑aċċess għas‑suq u jistabbilixxi li:

    “1. Il-konċessjonijiet għall-aċċess għas-swieq li jinsabu fl-Iskedi għandhom xjaqsmu mar-rbit u t-tnaqqis tat-tariffi, u għal impenji oħra ta' aċċess għas-swieq kif speċifikati fihom.

    2. Il-Membri ma għandhom iżommu, jinqdew jew jerġgħu lura għall-ebda miżura tal-kwalità li tkun ġiet meħtieġa li tiġi kkonvertita f'dazji ordinarji tad-dwana [1], għajr jekk ipprovvdut xorta oħra fl-Artikolu 5 u l-Anness 5.”

    7.        In‑nota 1, li tirrigwarda l‑kunċett ta’ “miżuri” msemmija fl‑Artikolu 4 tal‑Ftehim dwar il-Biedja, tipprovdi kif ġej:

    “Dawn il-miżuri jinkludu restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjonijiet, ġbir ta’ taxxi varjabbli fuq l-importazzjonijiet, prezzijiet minimi ta’ l-importazzjonijiet, liċenzji diskrezzjonali ta’ l-importazzjonijiet, miżuri mhux ta’ tariffa miżmuma permezz ta’ l-intrapriżi li jappartjienu għall-kummerċ ta’ l-Istat, trażżin volontarju fuq l-esportazzjonijiet, u miżuri oħra simili ta’ fuq il-fruntiera għajr id-dazji ordinarji tad-dwana [...]”.

    8.        L‑Artikolu 5 tal‑Ftehim dwar il-Biedja jipprovdi klawżola ta’ salvagwardja speċjali fir‑rigward tal‑importazzjoni ta’ prodotti agrikoli. Waħda mill‑kundizzjonijiet sabiex din il‑klawżola ta’ salvagwardja speċjali tkun tista’ tiġi invokata hija dik li l‑prodotti kkonċernati jridu jkunu indikati fl‑elenku tal‑impenji bis‑sinjal “SGS”. Fl‑elenki tal‑impenji tal‑Komunità, il‑prodotti taħt il‑kodiċi NM 2003 10 30 ma humiex indikati b’dan is‑simbolu.

    9.        Fil‑kuntest tan-Negozjati tal‑Urugwaj, il‑Komunità obbligat ruħha li fuq il‑prodotti li jaqgħu taħt il‑Kodiċi NM 2003 10 30 tiġbor dazju ad valorem mhux ogħla minn 23 %, u dan fuq kwota ta’ 62 660 tunnellata. Barra minn hekk, hija ntrabtet li, apparti din il‑kwota, tiġbor dazju ad valorem mhux ogħla minn 18.4 % u dazju speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott. Dawn l‑obbligi qegħdin indikati fl‑elenku tal‑impenji tal‑Komunità fil‑kuntest tad‑WTO. B’effett mill‑1 ta’ Diċembru 2001, ir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina saret membru tad‑WTO. Mill‑1 ta’ Jannar 2007, il‑Komunità żiedet il‑kwota għall‑prodotti taħt il‑Kodiċi NM 2003 10 30 li ġejjin mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina għal 23 750 tunnellata (7).

    B –    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja (8)

    10.      Skont l‑Artikolu 33(1) KE, il‑politika agrikola komuni għandha bħala għan:

    “a)      li tkabbar il‑produzzjoni agrikola billi tippromwovi progress tekniku u billi tassigura l‑iżvilupp razzjonali ta’ produzzjoni agrikola u l‑aħjar utilizzazzjoni possibbli tal‑fatturi ta’ produzzjoni, speċjalment tan‑nies tax‑xogħol,

    b)      li tassigura b’dan il‑mod livell ġust ta’ għajxien għall‑popolazzjoni agrikola, partikolarment billi jkabbar il‑qligħ individwali tal‑ħaddiema fl‑agrikoltura,

    ċ)      li tagħmel is‑swieq stabbli,

    d)      li tiggarantixxi d‑disponibilità tal‑provvisti,

    e)      li tassigura prezzijiet raġonevoli fil‑konsenja tal‑prodotti lill‑konsumatur”.

    11.      Bis‑saħħa tal‑Artikolu 1(1) tar‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat‑23 ta’ Lulju 1987, dwar in‑nomenklatura tat‑tariffa u l‑istatistika u dwar it‑Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana (9), fil‑verżjoni emendata bir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal‑31 ta’ Jannar 2000, li jemenda r‑Regolament (KEE) Nru 2658/87 (10) (iktar ’il quddiem il‑“verżjoni emendata tar‑Regolament Nru 2658/87”), il‑Kummissjoni stabbilixxiet nomenklatura magħquda (iktar ’il quddiem in‑“NM”). Bis‑saħħa tal‑ewwel sentenza tal‑Artikolu 1(3) tal‑verżjoni emendata tar‑Regolament Nru 2658/87, in‑NM ġiet riprodotta fl‑Anness I ta’ dan ir-regolament. Skont it‑tieni sentenza tal‑istess artikolu, dan l‑anness jipprovdi, b’mod partikolari, ir‑rati ta’ dazji doganali tat‑tarrifa doganali komuni (iktar ’il quddiem it‑“TDK”).

    12.      L‑Artikolu 12(1) tal‑verżjoni emendata tar‑Regolament Nru 2658/87, jistabbilixxi li:

    “Il‑Kummissjoni għandha ta’ kull sena tadotta regolament li jirriproduċi l‑verżjoni kompluta tan‑Nomenklatura Magħquda, flimkien mar‑rati tad‑dazju konformi ma’ l‑Artikolu 1, kif jirriżulta minn miżuri adottati mill‑Kunsill jew mill‑Kummissjoni. L‑imsemmi regolament għandu jiġi ppubblikat mhux aktar tard mill‑31 ta’ Ottubru fil‑Ġurnal Ufiċjali tal‑Komunitajiet Ewropej u għandu japplika mill‑1 ta’ Jannar tas‑sena ta’ wara”.

    13.      Skont l‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 9(2) tal‑verżjoni emendata tar‑Regolament Nru 2658/87, dan ma għandu jwassal għal ebda tibdil fir‑rati tad‑dazji doganali.

    14.      L‑Anness I tal‑verżjoni emendata tar‑Regolament Nru 2658/87 ġie ssostitwit, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2006, bir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tat-27 ta’ Ottubru 2005, li jemenda l‑Anness I tar‑Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (11).

    15.      Il-Parti I tal‑Anness I tar‑Regolament Nru 1719/2005 fiha dispożizzjonijiet preliminari li jinkludu elenku tas‑sinjali u tal‑abbrevjazzjonijiet użati. Skont dan l‑elenku, l‑abbrevjazzjoni “kg/nett eda” tfisser “Kilogramma piż nett xott”.

    16.      Il-Parti II tal‑istess anness jinkludi t‑TDK li tapplika, ratione temporis, għall‑każ ineżami. Il‑Kapitolu 20 tat‑TDK jikkonċerna l‑preparazzjonijiet ta’ ħxejjex, frott u partijiet oħrajn ta’ pjanti. F’dan il‑kapitolu jinsabu s‑segwenti:

    Kodiċi NM

    Isem tal‑oġġett

    Rata ta’ dazji konvenzjonali (%)

    Unità supplimentari

    1

    2

    3

    4

    2003

    Faqqiegħ u tartufi, ippreparati jew ippreservati iżda mhux fil‑ħall jew aċidu aċetiku:

       

    2003 10

    ‑ Faqqiegħ tal-ġeneru Agaricus

       

    2003 10 20

    ‑‑ ippreservati temporanjament, imsajrin kompletament

    18.4 + 191 €/100 kg/nett eda(1)

    kg/nett eda

    2003 10 30

    ‑‑ oħrajn

    18.4 + 222 €/100 kg/nett eda(1)

    kg/nett eda


    17.      In‑nota 1 tgħid kif ġej:

    “L‑ammont speċifiku għandu jingħadd, bħala miżura awtonoma, fuq il‑piż nett imqattar mill‑ilma”.

    18.      Ir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1864/2004, tas‑26 ta’ Ottubru 2004, li jiftaħ u jipprevedi l‑amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji għal faqqiegħ ippreservat importat minn pajjiżi terzi (12) jirregola l‑kwoti li fihom jiġi ggarantit l‑iktar aċċess konvenjenti għas‑suq. Il-premessi 1, 7 u 10 ta’ dan ir‑regolament, fil‑verżjoni ta’ wara r‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1995/2005, tas‑7 ta’ Diċembru 2005, li jemenda r‑Regolament (KE) Nru 1864/2004 (13) (iktar ’il quddiem il‑“verżjoni emendata tar‑Regolament Nru 1864/2004”) jipprovdu kif ġej:

    “(1)  Fil‑kuntest tal‑Ftehim dwar l‑Agrikultura [...] konkluż fl‑ambitu tan‑negozjati kummerċjali multilaterali tan-negozjati tal‑Urugwaj, il‑Komunità impenjat ruħha li tistabbilixxi, b’effett mill‑1 ta’ Lulju 1995, u taħt ċerti kundizzjonijiet, kwoti tariffarji Komunitarji għal‑faqqiegħ ippreservat tal-ġeneru Agaricus li jaqgħu taħt il‑Kodiċi NM 0711 90 40, 2003 10 20 u 2003 10 30.

    [...]

    (7)       Bla ħsara għall‑eżitu tan‑negozjati applikati taħt l‑Artikolu XXIV.6 tal‑GATT (1994) u bil‑għan li jinżammu t‑tendenzi ta’ kummerċ tradizzjonali u fl‑istess jiġi ggarantit li s‑suq Komunitarju jibqa’ miftuħ għal pajjiżi terzi ġodda fornituri, jeħtieġ li l‑ammont ta’ faqqiegħ ippreservat tal-ġeneru Agaricus li għandu jiġi importat fil‑Komunità fil‑kuntest tal‑kwoti tariffarji jieħu inkunsiderazzjoni l‑preferenzi previsti mill‑ftehim Ewropej mal‑Bulgarija u r‑Rumanija. [...]

    [...]

    (10) Għandha tiġi ggarantita l‑kontinwità u l-provvista ta’ faqqiegħ ippreservat fis‑suq Komunitarju, bi prezzijiet stabbli, li jevitaw ċaqliq mhux meħtieġ tas‑suq fil‑forma ta’ varjazzjonijiet qawwija fil‑prezzijiet u riperkussjonijiet negattivi għall‑produtturi Komunitarji. Għal dan il‑għan, għandha tiġi nkoraġġita kompetittività ikbar bejn l‑importaturi u għandhom jitnaqqsu l‑piżijiet amministrattivi minn fuqhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    19.      L‑Artikolu 1(1) ta’ dan ir‑regolament jipprovdi, inter alia, kwoti tariffarji għall‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat tal‑Kodiċi NM 2003 10 30. Skont l‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 1(2) ta’ dan ir‑regolament, id‑dazju ad valorem għall‑prodotti tal‑Kodiċi NM 2003 10 30 huwa ta’ 23 %.

    20.      Ir‑Regolament tal‑Kunsill (KE) Nru 980/2005, tas‑27 ta’ Ġunju 2005, li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (14) jipprevedi, fl‑Artikolu 1(1), sistema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati. Skont l‑Artikolu 1(2), is‑sistema inkwistjoni tinkludi sistema ġenerali kif ukoll sistema speċjali. Skont l‑Artikolu 2 ta’ dan ir‑regolament, il‑pajjiżi benefiċjarji huma elenkati fl‑Anness I. Fl‑imsemmi Anness I, iċ‑Ċina hija mniżżla bħala pajjiż li għalih tapplika s‑sistema ġenerali. Skont l‑Artikolu 4 ta’ dan ir‑regolament, il‑prodotti li għalihom tapplika s‑sistema ġenerali jinsabu elenkati fl‑Anness II, li jelenka l-Kapitolu 20 tat‑TDK, li taħtu jaqa’ l‑Kodiċi NM 2003 10 30.

    21.      L‑ewwel sentenza tal‑Artikolu 7(2) u l-Artikolu 7(5) ta’ dan ir‑regolament jipprovdu kif ġej:

    “(2) Dazji ad valorem tat-Tariffa Doganali Komuni fuq prodotti elenkati fl-Anness II bħala prodotti sensittivi għandhom jitnaqqsu bi 3.5 punti perċentwali.

    [...]

    (5) Fejn dazji tat-Tariffa Doganali Komuni fuq prodotti elenkati fl-Anness II bħala prodotti sensittivi jinkludu dazji ad valorem u dazji speċifiċi, id-dazji speċifiċi m’għandhomx jitnaqqsu”.

    22.      Skont l‑Anness II, il‑prodotti inklużi fil‑Kapitolu 20 tat‑TDK huma kklassifikati bħala sensittivi.

    II – Il‑fatti

    23.      Fis‑6 ta’ Marzu 2006, l‑impriża li l‑proprjetarju tagħha kien Barsoum Chabo (iktar ’il quddiem ir‑“rikorrent fil‑kawża prinċipali”), talab li jiġu rilaxxati fis‑suq 1 000 kartuna ta’ faqqiegħ ippreservat li kien joriġina mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina. Il‑merkanzija kienet iddikjarata bħala “faqqiegħ, ippreservat fis-salmura, mingħajr ħall” li kienu jaqgħu taħt il‑Kodiċi NM 2003 90 00 (faqqiegħ ieħor, li ma huwiex tal-ġeneru Agaricus). Ir‑rilaxx doganali seħħ skont id‑dikjarazzjoni, b’applikazzjoni ta’ dazju ad valorem ta’ 14.9 %.

    24.      Qabel is‑6 ta’ Marzu 2006, l‑impriża tar‑rikorrent fil‑kawża prinċipali kienet diġà importat merkanzija b’dikjarazzjoni identika fir‑rigward tal‑karatteristiċi tal‑prodott. Matul importazzjoni preċedenti, kienet saret spezzjoni doganali. Mir-rapport tal‑klassifikazzjoni, li kien sar fil‑kuntest ta’ dik l‑ispezzjoni, irriżulta li fil‑każ ta’ dik l‑importazzjoni preċedenti, ma kienx hemm prodotti li jaqgħu taħt il‑Kodiċi NM 2003 90 00. Skont ir-rapport tal‑klassifikazzjoni tal‑merkanzija, fil‑fatt il‑prodott kien faqqiegħ ippreservat li kien jaqa’ taħt il‑Kodiċi NM 2003 10 30.

    25.      B’avviż tas‑27 ta’ Frar 2007, il‑Hauptzollamt Hamburg‑Hafen (l‑Uffiċċju Doganali Ċentrali ta’ Hamburg; iktar ’il quddiem il‑“konvenut fil‑kawża prinċipali”) impona fuq ir‑rikorrent fil‑kawża prinċipali dazji tal‑importazzjoni a posteriori, ta’ ammont globali ta’ EUR 27 507 13 għall‑importazzjoni li seħħet fis‑6 ta’ Marzu 2006. Fl‑istess ħin, il‑konvenut fil‑kawża prinċipali kklassifika l‑faqqiegħ ippreservat taħt il‑Kodiċi NM 2003 10 30 skont ir-rapport tal‑klassifikazzjoni, u applika dazju ad valorem ta’ 14.9 % apparti dazju speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott. Fil‑5 ta’ Marzu 2007, ir‑rikorrent fil‑kawża prinċipali kkontesta din id‑deċiżjoni, iżda l‑ilment tiegħu ġie miċħud fis‑7 ta’ Diċembru 2007.

    III – Il‑proċeduri quddiem il‑qorti tar‑rinviju

    26.      Fid‑9 ta’ Jannar 2008, ir‑rikorrent fil‑kawża prinċipali ppreżenta rikors quddiem il‑qorti tar‑rinviju. Huwa talab li jiġi annullat l‑avviż tat‑taxxa tal‑21 ta’ Frar 2007 fil‑verżjoni tad‑deċiżjoni ta’ rifjut tal‑kontestazzjoni tas‑7 ta’ Diċembru 2007. F’dan il‑kuntest, huwa invoka, inter alia, il‑fatt li d‑dazju speċifiku tal‑ammont ta’ EUR 222 għal kull 100 kg ta’ piż nett xott kien sproporzjonat, peress li dan għandu l‑istess effetti ta’ projbizzjoni fuq l‑importazzjoni. Il‑konvenut fil‑kawża prinċipali talab li r‑rikors jiġi miċħud. Fil-fehma tiegħu, id‑dazju speċifiku ma huwiex miżura ta’ salvagwardja, iżda dazju doganali normali. Barra minn hekk, dan id‑dazju ma jammontax għal projbizzjoni fuq l‑importazzjoni.

    27.      Skont il‑konstatazzjonijiet tal‑qorti tar‑rinviju, il‑faqqiegħ ippreservat importat għandu jiġi kklassifikat taħt il‑Kodiċi NM 2003 10 30. Għal din ir‑raġuni, huwa d‑dazju li jikkorrispondi għal dan il‑kodiċi NM li huwa rilevanti. Madankollu, il‑qorti tar‑rinviju għandha dubji dwar il‑validità tar‑rata ta’ dazji li tapplika f’dan il‑każ. Hija tistaqsi jekk id‑dazju doganali speċifiku fl‑ammont ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott jistax jitqies proporzjonat. F’dan ir-rigward, il‑qorti tar‑rinviju tagħmel riferiment għas‑sentenzi tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑Kawża C‑26/90, Wünsche (15), u fil‑Kawża C‑296/94, Pietsch (16). F’dawn is‑sentenzi, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddikjarat li l‑ammonti addizzjonali li nġabru fuq il‑faqqiegħ ippreservat li joriġina minn Stati terzi sabiex tiġi evitata d‑distorsjoni tas‑suq Komunitarju, kienu sproporzjonati minħabba li kienu għoljin wisq.

    28.      Tqum il‑kwistjoni dwar jekk din il‑ġurisprudenza tistax tiġi applikata għad‑dazju speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott. Il-fatt li d‑dazju speċifiku, bħall‑ammonti addizzjonali, huwa miżura ta’ salvagwardja favur il‑produtturi Komunitarji jimplika li din il-ġurisprudenza tista’ tkun applikabbli. Id‑dazju speċifiku, li japplika fuq l‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat, li jaqa’ barra mill‑kwota permessa mir‑Regolament Nru 1864/2004, għandu jpaċi l‑vantaġġi fuq livell ta’ spejjeż tal‑faqqiegħ ippreservat li joriġina mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina. Ir‑rata ta’ dazju speċifika tilħaq ammont ħafna ogħla mill‑ammont li huwa meħtieġ sabiex il‑miżuri ta’ salvagwardja jkunu effikaċi. Għaldaqstant, ir‑rata ta’ dazju speċifika tammonta għal projbizzjoni de facto fuq l‑importazzjoni u għal sanzjoni finanzjarja fuq l‑importaturi. Dan jgħodd ukoll kieku kellu jittieħed inkunsiderazzjoni ċ‑ċaqliq fil‑prezz li jirriżulta minn differenzi fil‑kwalità.

    29.      F’dan ir‑rigward, il‑qorti tar‑rinviju tippreċiża li l‑prezz tal‑akkwist li, fil‑perijodu inkwistjoni, kellhom iħallsu l‑kummerċjanti ta’ faqqiegħ ippreservat li joriġina mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina, kien ta’ EUR 0.93 għal kull kilogramma. Il‑prezz tal‑faqqiegħ ippreservat li joriġina minn Franza, ta’ kwalità ewlenija, f’Ġunju 2007 kien ta’ EUR 2.70 għal kull kilogramma. Il‑prezz tal‑faqqiegħ ippreservat imqatta’, li joriġina mill‑Komunità, ta’ kwalità inferjuri, f’Ġunju 2006 kien ta’ EUR 2.70 għal kull kilogramma. Id‑dazju speċifiku jammonta għal EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, ekwivalenti għal EUR 2.22 kull kilogramma.

    30.      Il‑qorti tar‑rinviju tirrileva li d‑dazju doganali speċifiku jammonta għal iktar minn 200 % tal‑prezz ta’ importazzjoni tal‑faqqiegħ ippreservat li joriġina mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina. Barra minn hekk, dan il‑prezz, bħala prinċipju, jeċċedi d‑differenza fl‑ammont bejn il‑prezz tal‑produzzjoni fil‑Komunità u l‑prezz ta’ importazzjoni mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina. Fl‑aħħar nett, id‑dazju speċifiku ma jagħmel ebda differenza abbażi tal‑kategoriji differenti.

    IV – Id‑domanda preliminari u l‑proċeduri quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    31.      B’dawn id‑dubji fir‑rigward tal‑kompatibbiltà tad‑dazju speċifiku mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità, il‑qorti tar‑rinviju, b’digriet tat‑13 ta’ Mejju 2009, li wasal fir‑reġistru tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑15 ta’ Ġunju 2009, għamlet id‑domanda preliminari segwenti:

    “L‑ammont addizzjonali ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramm ta’ piż nett xott tal‑prodott, miġbur fuq l‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat tal-ġeneru Agaricus (Kodiċi NM 2003 10 30), li huwa riżervat għall‑pajjiżi terzi u li jirriżulta mit‑tariffa preferenzjali, huwa vvizzjat bin‑nullità minħabba li jmur kontra l‑prinċipju ta’ proporzjonalità?”

    32.      Ir‑rikorrent fil‑kawża prinċipali, il‑Kunsill u l‑Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil‑miktub fit‑terminu stabbilit fl‑Artikolu 23 tal‑Istatut tal‑Qorti tal‑Ġustizzja.

    33.      Waqt is‑seduta li nżammet fid‑29 ta’ April 2010, ipparteċipaw ir‑rappreżentanti tar‑rikorrent fil‑kawża prinċipali, tal‑Gvern Taljan, tal‑Kunsill u tal‑Kummissjoni.

    V –    L‑argumenti prinċipali tal‑partijiet

    34.      Ir‑rikorrent fil‑kawża prinċipali jsostni li d‑dazju speċifiku, għal prodotti li jaqgħu taħt il‑Kodiċi NM 2003 10 30, fl‑ammont ta’ EUR 222 għal 100 kilogramma ta’ piż nett xott, huwa sproporzjonat.

    35.      Fl‑ewwel lok, dazju f’dan l‑ammont jimpedixxi l‑bejgħ, fil‑Komunità, ta’ faqqiegħ li joriġina mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina. Mill‑perspettiva tal‑konsumaturi, il‑faqqiegħ Ċiniż huwa ta’ kwalità nettament inferjuri meta mqabbel ma’ faqqiegħ li joriġina mill‑Komunità. Għaldaqstant, il‑faqqiegħ Ċiniż jkun jista’ jinbiegħ fil‑Komunità biss jekk prezzu jinżamm deċiżament iktar baxx mill‑prezz tal‑faqqiegħ li joriġina mill‑Komunità. Dan it‑tip ta’ prezz ma jkunx possibbli jekk jinġabar dazju speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott. Barra minn hekk, jirriżulta li huwa possibbli li l‑faqqiegħ ippreservat jinqasam f’kategoriji skont il‑kwalità tiegħu mingħajr ħafna komplikazzjonijiet. Ma’ dan jingħad ukoll li bħala miżura inqas restrittiva, jista’ jiġi kkunsidrat l‑għoti ta’ sussidji lill‑produtturi Komunitarji sabiex ibaxxu l‑prezz tal‑faqqiegħ prodott fil‑Komunità. Il‑ġbir ta’ inqas dazju jkun konformi wkoll mal‑għan tal‑politika agrikola komuni li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tal‑provvista tal‑konsumaturi bi prodotti bi prezzijiet raġonevoli.

    36.      Mill‑informazzjoni ppreżentata mill‑Kummissjoni jirriżulta li d‑dazju speċifiku, flimkien mad‑dazju ad valorem u mal‑ammont tal‑kwota, diġà laħqu l‑għan tagħhom. Ma għandux ikun hemm iktar biża’ ta’ distorsjoni serja tas‑suq tal‑faqqiegħ fil‑Komunità. Barra minn hekk, il‑ġbir tad‑dazju jikkontradixxi l‑għan tal‑politika agrikola komuni li tiżdied il‑produttività u li jiġi żgurat l‑aħjar użu possibbli tal‑fatturi tal‑produzzjoni.

    37.      Skont il‑Gvern Taljan, id‑dazju speċifiku ta’ EUR 222 għal 100 kilogramma ta’ piż nett xott, għall‑prodotti taħt il‑Kodiċi NM 2003 10 30, huwa kompatibbli mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.

    38.      L‑għan tad‑dazju speċifiku huwa l‑protezzjoni tal‑produtturi Komunitarji tal‑faqqiegħ. Il‑ġbir tad‑dazju msemmi jimpedixxi li l‑prezzijiet tal‑faqqiegħ fil‑Komunità jitbaxxew wisq minħabba l‑importazzjonijiet mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina. Għaldaqstant, id-dazju huwa xieraq sabiex jintlaħaq l‑għan. Anki l‑ġbir tad‑dazju speċifiku huwa meħtieġ. Il‑faqqiegħ ma jistax jinqasam f’kategoriji skont il‑kwalità. Peress li, mill‑perspettiva tax-xerrejja, il‑merkanzija inkwistjoni hija faqqiegħ ippreservat, huma għandhom ikollhom il‑prezz tal‑ogħla kategorija. Kieku l‑kategoriji inferjuri jingħataw prezzijiet imnaqqsa, dan iwassal, fil‑fatt, sabiex il‑konsumaturi jduru għal dawn il‑prodotti. Barra minn hekk, id‑dazju speċifiku ma jammontax għal projbizzjoni de facto fuq l‑importazzjoni. Fl‑ewwel lok, id‑dazju speċifiku huwa intiż proprju sabiex jimpedixxi l‑importazzjonijiet eċċessivi minn Stati terzi. Fit‑tieni lok, għandu jiġi rrilevat xorta waħda li l‑faqqiegħ li joriġina mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina ġie importat lejn il‑Komunità anki f’ammonti ikbar mill‑kwota prevista. Għaldaqstant, id‑dazju speċifiku ma kellux, fil‑fatt, l‑effettività ta’ projbizzjoni fuq l‑importazzjoni.

    39.      Skont il‑Kunsill, id‑dazju speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott għall‑prodotti taħt il‑Kodiċi NM 2003 10 30, huwa kompatibbli mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.

    40.      Is‑sentenzi msemmija mir‑rikorrent fil‑kawża prinċipali kellhom bħala għan id-dazji agrikoli awtonomi. Dawn kienu miżuri unilaterali ta’ salvagwardja min‑naħa tal‑Komunità, intiżi sabiex jistabbilizzaw il‑prezzijiet tal‑prodotti Komunitarji. Minħabba dan l‑għan, fil‑każ tad‑dazji agrikoli awtonomi, kien possibbli u anki neċessarju li jiġi stabbilit il‑valur tal‑ammonti addizzjonali fid‑dawl tal‑prezzijiet mitluba fl‑Istat terz u tal‑kategoriji differenti.

    41.      Id‑dazju speċifiku huwa differenti, huwa suġġett għal kundizzjonijiet ġenerali oħra u għandu għanijiet oħra. Konsegwentement, il‑ġurisprudenza li tirrigwarda l‑miżuri awtonomi ta’ salvagwardja ma tistax tiġi applikata għad‑dazju speċifiku. Permezz tad‑dazju speċifiku jintlaħqu għanijiet mhux biss ta’ politika agrikola, iżda ukoll ta’ politika kummerċjali. Mill‑aspett tal‑politika agrikola, id‑dazju għandu jiggarantixxi lill‑produtturi Komunitarji li jkunu jistgħu jbigħu l‑prodotti tagħhom stess bi prezzijiet li jippermettulhom kwalità ta’ ħajja xierqa. Fl‑istess ħin, dan jiggarantixxi provvista suffiċjenti u jiżgura aċċess ikkontrollat u xieraq għall‑prodotti li joriġinaw minn Stati terzi. Kieku tfittxet biss il‑protezzjoni tal‑produtturi Komunitarji, setgħu ġew adottati wkoll miżuri iktar estiżi. Permezz tad‑dazju speċifiku, il‑Komunità tfittex ukoll għanijiet ta’ politika kummerċjali. Minħabba dawn l‑għanijiet ta’ politika kummerċjali, hija naqqset kunsiderevolment il‑marġni ta’ azzjoni tagħha. Ġew eliminati intenzjonalment dazji agrikoli varjabbli minħabba n‑natura mhux trasparenti tagħhom. Barra minn hekk, ma jistgħux jibqgħu jinġabru dazji ogħla mir‑rati massimi previsti fl‑elenki tal‑impenji tal‑Komunità.

    42.      Id‑dazju speċifiku għall‑faqqiegħ ippreservat ġie miftiehem fuq livell de facto ekwivalenti għall-istatus quo stabbilit mill‑Kunsill fil‑bidu tas‑snin 80, li kien fis‑seħħ dak iż‑żmien. Għalkemm il‑livell huwa effettivament għoli, id‑dazju speċifiku ma huwiex sproporzjonat. Fl‑ewwel lok, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l‑fatt li l‑Kunsill la kien obbligat jittratta bl‑istess mod il‑produtturi Komunitarji u l‑produtturi li joriġinaw minn Stati terzi, u lanqas jiggarantixxi lill‑produtturi li joriġinaw minn Stati terzi aċċess għas‑suq Komunitarju b’kundizzjonijiet li jippermettulhom jikkompetu mal‑produtturi Komunitarji. Barra minn hekk, il‑produtturi li joriġinaw minn Stati terzi ma humiex żvantaġġjati iktar minn kemm hu meħtieġ sabiex jintlaħqu l‑għanijiet ta’ politika agrikola u kummerċjali. Il‑valur tad‑dazju speċifiku għandu jkollu effett dissważiv. Barra minn hekk, trid tittieħed inkunsiderazzjoni l‑loġika li tispira s‑sistema tan‑negozjati fid‑WTO u li hija kkaratterizzata bil‑prinċipju ta’ do ut des għal dak li jirrigwarda l‑aċċess għas‑suq garantit reċiprokament. Ir‑rati massimi tad‑dazju miftiehem, li huma validi għall‑importazzjonijiet mill‑Istati membri kollha tad‑WTO għal żmien indefinit, ma jistgħux jinqabżu. In-negozjati mill‑ġdid fuq ir‑rati tad‑dazji miftiehma jqumu ħafna flus. Il‑prezzijiet ivarjaw b’mod kunsiderevoli u, konsegwentement, ivarjaw ukoll id‑differenzi bejn il‑prezzijiet għall‑prodotti Komunitarji u l‑prezzijiet għall‑prodotti li joriġinaw mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina. Minħabba dan, id‑dazju speċifiku ġie nnegozjat f’ammont tali li għandu jiggarantixxi li l‑effettività tiegħu ma tiġix newtralizzata fi żmien qasir mill‑varjazzjonijiet fil‑prezzijiet.

    43.      Globalment, għandu jiġi rrilevat li s‑sistema globali għall‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat laħqet l‑għan tagħha. F’dan ir‑rigward, ma jistax jiġi injorat il‑fatt li teżisti kwota tariffarja li minħabba fiha kien possibbli l‑aċċess iffaċilitat għas‑suq. Għal dak li jirrigwarda t‑tnaqqis (anki jekk bil‑mod) tal‑produzzjoni Komunitarja, wieħed jista’ jistaqsi jekk, mill‑aspett tal‑għanijiet ta’ politika agrikola, ir‑rata massima miftiehma għad‑dazju speċifiku hijiex baxxa żżejjed.

    44.      Id‑dazju speċifiku ma huwiex sproporzjonat peress li ma hemmx distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ kwalità ta’ faqqiegħ. Fil‑fatt, jeżistu effetti ta’ sostituzzjoni bejn il‑kategoriji differenti. Kieku jkun hemm distinzjoni bejn il‑kategoriji differenti, ikun hemm ir‑riskju ta’ ksur tal‑prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ applikazzjoni uniformi tad‑dritt Komunitarju. Tali distinzjoni, li hija intiża li tikkumpensa d‑differenzi fil‑prezzijiet, hija inkompatibbli wkoll mal‑obbligi tal‑Komunità taħt id‑dritt kummerċjali internazzjonali. Fi kwalunkwe każ, il‑klassifikazzjoni f’kategoriji tkun piż eċċessiv għall‑awtoritajiet doganali u għall‑persuni kkonċernati.

    45.      Fl‑aħħar nett, il‑Kunsill isostni li l-konstatazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja li d-dazju speċifiku huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ddgħajjef il-pożizzjoni tal‑Komunità fil‑kuntest tad‑WTO. Ir‑rati ta’ dazji indikati fl‑elenki tal‑impenji tal‑Komunità fil‑kuntest tad‑WTO huma bbażati fuq negozjati u, għaldaqstant, fuq konċessjonijiet reċiproċi multilaterali tal‑Istati membri tad‑WTO. Kieku l‑Komunità titlob li tikkonċedi unilateralment kundizzjonijiet iktar favorevoli għall‑aċċess għas‑suq Komunitarju tal‑faqqiegħ ippreservat li joriġina minn Stati terzi meta mqabbla mal‑kundizzjonijiet miftiehma multilateralment fin‑negozjati, ikun diffiċli li hija jirnexxilha tinnegozja kumpens korrispondenti għall‑aċċess tal‑produtturi Komunitarji għas‑suq tal‑Istati terzi kkonċernati.

    46.      Anki fil‑fehma tal‑Kummissjoni, id‑dazju speċifiku ta’ EUR 222 għal 100 kilogramma ta’ piż nett xott, għall‑prodotti taħt il‑Kodiċi NM 2003 10 30, huwa kompatibbli mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.

    47.      Il‑Kummissjoni tippreċiża, fl‑ewwel lok, li l‑ġurisprudenza msemmija mill‑qorti tar‑rinviju tagħmel riferiment għal miżuri awtonomi ta’ salvagwardja tal‑Komunità qabel ma nħalqet id-WTO u qabel id‑dħul fis‑seħħ tal‑Ftehim dwar il-Biedja. Qabel id‑dħul fis‑seħħ tal‑Ftehim dwar il-Biedja, il‑Komunità kienet intitolata taġġusta d‑dazji sabiex tipproteġi l‑industrija Komunitarja u kienet intitolata wkoll tadotta miżuri mhux tariffarji. Madankollu, tali ġurisprudenza ma tistax tiġi applikata għad‑dazju speċifiku.

    48.      Id‑dazju speċifiku huwa biss element wieħed f’sistema globali li tirregola l‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat minn Stati terzi. B’din is‑sistema globali jiġu segwiti, minn naħa, għanijiet ta’ politika agrikola li huma marbutin mal‑organizzazzjoni komuni tas‑suq. Wieħed mill‑għanijiet ta’ politika agrikola huwa li tiġi żgurata provvista xierqa ta’ faqqiegħ ippreservat fis‑suq Komunitarju permezz tal‑istabbiliment ta’ kwota. Għan ieħor tal‑politika agrikola huwa li tali provvista xierqa tkun tindirizza l‑eżiġenzi tas‑suq Komunitarju fir‑rigward ta’ domanda u provvista. Fl‑aħħar nett, hemm l‑għan li ma jitħalliex ikun hemm konsegwenzi negattivi fuq il‑produzzjoni Komunitarja li jistgħu jirriżultaw mill‑importazzjoni fil‑Komunità ta’ faqqiegħ ippreservat minn Stati terzi li taqbeż il‑kwota stabbilita.

    49.      Min-naħa l‑oħra, hemm ukoll għanijiet ta’ politika kummerċjali. Fil‑kuntest tan-negozjati tal‑Urugwaj tneħħew id-dazji agrikoli u ġew miftiehma dazji għal prodotti agrikoli. Barra minn hekk, kien hemm l‑għan li jitnaqqsu t‑taxxi fuq il‑prodotti agrikoli. Il‑Komunità osservat ukoll dawn l‑obbligi permezz tal‑organizzazzjoni tas‑sistema globali.

    50.      Barra minn hekk, il‑Kummissjoni tippreċiża li, fis‑setturi tal‑politika agrikola komuni u tal‑politika kummerċjali komuni, l‑entitajiet Komunitarji kellhom jieħdu deċiżjonijiet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali. Għaldaqstant, f’dawn is‑setturi huma għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Għal din ir‑raġuni, fl‑evalwazzjoni tal‑proporzjonalità tad‑dazju speċifiku, irid jiġi eżaminat biss jekk l‑istess dazju speċifiku huwiex manifestament inadegwat sabiex jilħaq l‑għanijiet imfittxija. Tali limitazzjoni fuq l‑istħarriġ ġudizzjarju hija meħtieġa anki minħabba l‑fatt li l‑leġiżlatur Komunitarju, fl‑implementazzjoni tal‑għanijiet stabbiliti, irid jilħaq bilanċ bejn l‑għanijiet ta’ politika agrikola u dawk ta’ politika kummerċjali.

    51.      Il‑ġbir tad‑dazju speċifiku ma huwiex manifestament inadegwat sabiex jintlaħqu l‑għanijiet imsemmija. Id‑dazju speċifiku jnaqqas, fil‑fatt, l‑interess ekonomiku għall‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat f’ammont ikbar mill‑kwota prevista. F’dan il‑każ fejn tinqabeż il‑kwota permessa, l‑importazzjoni tkun interessanti ekonomikament fil‑każ biss fejn id‑domanda ġewwa l‑Komunità tkun tant għolja li tippermetti lill‑importaturi jagħmlu marġni ta’ profitt suffiċjenti minkejja l‑piż fiskali tad‑dazju.

    52.      Matul in‑negozjati tal‑Urugwaj, li fl‑aħħar wasslu għar‑rata massima tad‑dazju miftiehem, il‑Kummissjoni bbażat ruħha fuq l‑ammont imsemmi fir‑Regolament tal‑Kunsill (KEE) Nru 1796/81, tat‑30 ta’ Ġunju 1981, dwar il‑miżuri li japplikaw għall‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat ikkoltivat (17). Dan l‑ammont ġie kkalkolat billi l‑piż nett ġie ssostitwit bil‑piż nett xott bħala t‑terminu ta’ riferiment, u wassal għal riżultat ta’ EUR 278 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott. Minħabba l‑ftehim li bih id‑dazji eżistenti kellhom jitnaqqsu b’20 % sa perijodu ta’ ħames snin, ġie stabbilit finalment l‑ammont ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott. Fil‑mument tan‑negozjati fuq l‑ammont tad‑dazju speċifiku, il‑Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l‑importazzjonijiet possibbli mill‑Istati Membri kollha tad‑WTO. F’dan il‑kuntest, irid jittieħed inkunsiderazzjoni l‑fatt li r‑rata ta’ dazju speċifiku tapplika għall‑importazzjoni mill‑Istati Membri kollha tad‑WTO. Barra minn hekk, irid jiġi kkunsidrat li l‑prezzijiet tal‑faqqiegħ ippreservat huma suġġetti għal ċaqliq sostanzjali. Madankollu, id‑dazju speċifiku huwa fiss u, għaldaqstant, ma jistax jogħla f’każ ta’ ċaqliq fil‑prezzijiet.

    53.      Rata ta’ dazju speċifiku f’dan l‑ammont huwa wkoll meħtieġ. L‑ammont għandu jimpedixxi li s‑settur tal‑produzzjoni Komunitarju jifga taħt il‑pressjoni tal‑importazzjonijiet miċ‑Ċina. L‑informazzjoni fuq l‑iżvilupp tal‑kummerċ tal‑faqqiegħ ippreservat tikkonferma li l‑ġbir tad‑dazju speċifiku ma kellu ebda effett li huwa ekwivalenti għal projbizzjoni fuq l‑importazzjoni. L‑importazzjonijiet ta’ faqqiegħ ippreservat mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina fil‑Komunità dejjem qabżu l‑valur tal‑kwota prevista. Għaldaqstant, il‑ġbir ta’ dazju speċifiku fl‑ammont ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott ma jwassalx sabiex l‑operaturi ekonomiċi jiġu preklużi milli jimpurtaw faqqiegħ ippreservat f’ammont ikbar mill‑kwota stabbilita. Konsegwentement, ma jistax jingħad li bħala regola, il‑ġbir tad‑dazju speċifiku jrendi l‑importazzjoni mhux attraenti mill‑perspettiva ekonomika.

    54.      L‑informazzjoni fuq l‑iżvilupp tal‑kummerċ tal‑faqqiegħ ippreservat turi wkoll li d‑dazju speċifiku, fl‑ammont ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, bħala wieħed mill‑elementi tas‑sistema globali għall‑importazzjoni tal‑faqqiegħ ippreservat, huwa intiż li jġib ċerta stabbilizzazzjoni fil‑prezzijiet u li jnaqqas it‑tendenza ta’ tnaqqis fil‑produzzjoni Komunitarja, mingħajr ma tiġi ppreġudikata l‑provvista xierqa ta’ faqqiegħ ippreservat li joriġina mis‑suq Komunitarju. Jidher li hemm relazzjoni bejn iċ‑ċaqliq fil‑prezzijiet u l‑iżvilupp tal‑volum ta’ importazzjonijiet li, madankollu, tirriżulta kronoloġikament iktar tard minħabba l‑mezzi tat‑trasport. Peress li d‑dazju speċifiku jinġabar fuq importazzjonijiet ta’ faqqiegħ ippreservat barra mill‑kwota, dan iwassal sabiex tiġi aġġustata l‑provvista u, għaldaqstant, iwassal indirettament għal ċerta stabbiltà fil‑prezzijiet ġewwa l‑Komunità. Fl‑aħħar nett, ir‑rikorrent fil‑kawża prinċipali kellu l‑possibbiltà li jġib liċenzja sabiex ikun jista’ jimporta. Il‑kwota fuq l‑importazzjonijiet mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina żdiedet b’effett mill‑2007.

    55.      Barra minn hekk, il‑Kummissjoni tippreċiża li, sabiex jintlaħqu l‑għanijiet imfittxija, kienu ġġustifikati wkoll miżuri li jinvolvu żvantaġġi ekonomiċi sostanzjali għal ċerti operaturi ekonomiċi. Fil‑prinċipju, il‑Komunità setgħet tuża mezzi iktar drastiċi, bħal pereżempju, iż‑żieda fid‑dazju speċifiku, it‑tnaqqis fl‑ammont tal‑kwota jew l‑annullament tiegħu jew, saħansitra, il‑projbizzjoni fuq l‑importazzjoni. Madankollu, il‑Ftehim dwar il-Biedja jillimita l‑mezzi tal‑Komunità li tirregola l‑aċċess għas‑suq Komunitarju, għad-dazji biss. Mill‑perspettiva tad‑dritt tal‑kummerċ internazzjonali, huwa permess, madankollu, li f’każ li tinqabeż il‑kwota stabbilita, jinġabar dazju speċifiku fl‑ammont li jinsab previst fl‑elenki tal‑impenji tal‑Komunità fil‑kuntest tad‑WTO. Il‑fatt li d‑dazji li jiġu applikati u l‑ammont tal‑kwota jkunu daqs ir‑rati tad‑dazji indikati fl‑elenki tal‑impenji tal‑Komunità fil‑kuntest tad‑WTO huwa ġġustifikat mill‑fatt li l‑iżvilupp tal‑kummerċ ta’ faqqiegħ ippreservat huwa konformi mal‑għanijiet li l‑Komunità kellha meta nnegozjat dawn ir‑rati ta’ dazji.

    56.      Fl‑aħħar nett, minħabba l‑obbligu li għandha l‑Komunità taħt id‑dritt internazzjonali, li żżomm rata ta’ dazju fissa, ma huwiex possibbli li ssir differenza skont il‑kategoriji ta’ kwalità differenti fil‑kuntest tal‑Kodiċi NM inkwistjoni.

    VI – Evalwazzjoni ġuridika

    57.      Il‑qorti tar‑rinviju għandha dubji dwar il‑proporzjonalità tad‑dazju speċifiku fl‑ammont ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, li, skont it‑TDK, jinġabar fuq prodotti li jaqgħu taħt il‑Kodiċi NM 2003 10 30, jiġifieri l‑faqqiegħ ippreservat, meta tali prodotti jiġu importati fil‑Komunità barra mill‑kwota stabbilita fil‑verżjoni emendata tar‑Regolament Nru 1864/2004. Peress li l‑qorti tar‑rinviju tirreferi għall‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar il‑proporzjonalità tad-dazji agrikoli, l‑ewwel ser nittratta dan (A). Sussegwentement, ser nanalizza jekk, fid‑dawl ta’ din il‑ġurisprudenza, id‑dazju speċifiku fl‑ammont ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott jistax jitqies li huwa kompatibbli mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità (B).

    A –    Fuq il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja rigward id-dazji agrikoli

    58.      F’diversi sentenzi (18), il‑Qorti tal‑Ġustizzja eżaminat il‑validità tar‑regolamenti tal‑Kummissjoni u tal‑Kunsill li bihom dawn l‑istituzzjonijiet kienu adottaw miżuri, temporanji u permanenti, sabiex jipproteġu lill‑produtturi Komunitarji tal‑faqqiegħ. Bis‑saħħa ta’ dawn ir‑regolamenti, kien inġabar ammont addizzjonali fuq l‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat minn ċerti Stati terzi, meta tali prodotti kienu ġew importati barra mill‑kwota stabbilita.

    59.      F’dawn is‑sentenzi, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddikjarat li sabiex tiġi evitata d‑distorsjoni tas‑suq Komunitarju, huwa meħtieġ, essenzjalment, li jinġabar ammont addizzjonali (19). Hija ppreċiżat ukoll li, minħabba dan l‑għan, l-ammont addizzjonali jista’ jiġi stabbilit f’livell li jrendi l‑importazzjonijiet minn pajjiżi terzi bħala ekonomikament mhux attraenti (20).

    60.      Madankollu, f’dawn il‑każijiet il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li l‑valur tal‑ammont addizzjonali ma kienx meħtieġ fid‑dawl tal‑għan imfittex. Hija ddikjarat li l‑ġbir tal‑ammont addizzjonali kien jammonta, fil‑fatt, għal sanzjoni finanzjarja u dan minħabba l‑ammont eċċessiv tiegħu. Peress li l‑miżura ta’ salvagwardja ma kinitx intiża sabiex timponi projbizzjoni fuq l‑importazzjoni akkumpanjata b’sanzjonijiet ekonomiċi, il‑valur tal‑ammont addizzjonali kien eċċessiv (21). Il‑Qorti tal‑Ġustizzja diġà rrikonoxxiet l‑effett, de facto, ta’ sanzjoni ekonomika fil-każ fejn l‑ammont addizzjonali miġbur kien jammonta għal madwar żewġ terzi tal‑prezz tal‑produzzjoni ta’ faqqiegħ tal‑ewwel kategorija fil‑Komunità (22).

    61.      Skont il‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, hemm żewġ livelli li wieħed irid jidentifika fl‑evalwazzjoni tal‑kompatibbiltà tal‑ammont ta’ dazju agrikolu mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.

    62.      L‑ewwel livell jintlaħaq meta l‑ammont addizzjonali jkun tant għoli li jrendi ekonomikament mhux attraenti l‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat minn Stati terzi barra mill‑kwota stabbilita. Il‑ġbir ta’ ammont addizzjonali f’dan l‑ammont jista’ jitqies li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l‑għan li tiġi evitata d‑distorsjoni tas‑suq Komunitarju. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja tirrikonoxxi li l‑istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta jiġu biex jevalwaw jekk intlaħaqx dan il‑livell (23).

    63.      It‑tieni livell jintlaħaq, madankollu, meta l‑ammont addizzjonali jkun tant għoli li mhux biss irendi ekonomikament mhux attraenti l‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat, iżda jwassal, fil‑fatt, għal sanzjoni ekonomika. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddikjarat li ammont addizzjonali ta’ dan it‑tip ma jibqax neċessarju. Din l‑evalwazzjoni hija ispirata mill‑idea li, sabiex tiġi evitata d‑distorsjoni tas‑suq Komunitarju minħabba importazzjonijiet minn Stati terzi, huwa biżżejjed li l‑importazzjonijiet isiru ekonomikament mhux attraenti. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li tiġi prekluża l‑importazzjoni u jiġi ppenalizzat il‑ksur ta’ din il‑projbizzjoni fuq l‑importazzjoni. Il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddikjarat li jkun hemm sanzjoni jekk jinġabar ammont addizzjonali tant għoli li jammonta għal sanzjoni finanzjarja de facto. Fil‑fatt, il‑ġbir ta’ ammont addizzjonali eċċessiv għandu l‑istess effett bħal projbizzjoni fuq l‑importazzjoni li tinkludi sanzjonijiet finanzjarji.

    64.      Qabel ma ngħaddi sabiex nevalwa d‑dazju speċifiku u l‑kwistjoni dwar jekk il‑ġurisprudenza msemmija tistax tiġi applikata għalih, nixtieq, qabel xejn, nagħmel enfasi fuq żewġ punti importanti fir‑rigward tal‑ammonti addizzjonali, li kienu s-suġġett ta’ dawn is‑sentenzi. Fl‑ewwel lok, fil‑każ tal‑ammonti addizzjonali, il‑kwistjoni kienet tirrigwarda dispożizzjonijiet tal‑Komunità li permezz tagħhom l‑istess Komunità kienet qiegħda tfittex, fuq kollox, l‑għan ta’ politika agrikola li tevita d‑distorsjoni li kienet isseħħ tas‑suq Komunitarju jew li setgħet isseħħ minħabba importazzjoni eċċessiva ta’ faqqiegħ ippreservat minn Stati terzi fil‑Komunità, u dan sabiex jiġu protetti l‑produtturi Komunitarji. Barra minn hekk, ġew diskussi miżuri li kienu ġew adottati qabel ma twaqqfet id‑WTO u, għaldaqstant, qabel id‑dħul fis‑seħħ tal‑Ftehim dwar il-Biedja, kif ukoll id‑dħul tar‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina fid‑WTO.

    B –    Fuq il‑proporzjonalità tad‑dazju speċifiku

    65.      Il‑qorti tar‑rinviju tistaqsi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja jekk il‑ġbir ta’ dazju speċifiku fl‑ammont ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, fuq faqqiegħ ippreservat li joriġina mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina, jistax jitqies proporzjonat fid‑dawl tal‑prinċipji li jirriżultaw mill‑ġurisprudenza msemmija fil‑qasam tal‑ammonti addizzjonali.

    66.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il‑miżuri li jissuġġettaw lill‑operaturi ekonomiċi għal piżijiet finanzjarji jkunu proporzjonati biss jekk huma jkunu adegwati u neċessarji sabiex jintlaħqu l‑għanijiet segwiti b’mod leġittimu mil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni, bil‑kundizzjoni li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tintgħażel l‑inqas waħda restrittiva u għandu jiġi żgurat li l‑piżijiet imposti ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal‑għanijiet mixtieqa (24).

    67.      Kif irrileva ġustament il‑Gvern Taljan, l‑analiżi tal‑kwistjoni dwar jekk il‑ġbir ta’ dazju speċifiku fl‑ammont ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott huwiex kompatibbli mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità tibda billi jiġu identifikati l‑għanijiet ta’ dik il‑miżura (1). Peress li dawn huma għanijiet inerenti għas‑setturi tal‑politika agrikola komuni u tal‑politika kummerċjali komuni u, f’dawn is‑setturi, l‑istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, tqum il‑kwistjoni dwar liema kriterju ta’ evalwazzjoni jrid jiġi applikat fil‑każ fejn ikun hemm setgħa diskrezzjonali wiesgħa (2). Peress li jidhirli li, anki fil‑preżenza ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal‑istituzzjonijiet Komunitarji, is‑sistema tal‑analiżi tal‑proporzjonalità ma tiġix affettwata, iżda titnaqqas biss l‑intensità tagħha skont dak li hu manifest, ser neżamina jekk l‑għanijiet imfittxija permezz tad‑dazju speċifiku humiex manifestament illegali (3) u jekk, fid‑dawl tal‑għanijiet imfittxija, il‑ġbir ta’ dan id‑dazju huwiex manifestament inadegwat (4), manifestament mhux neċessarju (5) jew manifestament irraġonevoli (6).

    1.      L‑għanijiet imfittxija bil‑miżuri

    68.      Il‑Kummissjoni tfakkar ġustament li d‑dazju speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, għal prodotti li jaqgħu taħt il‑Kodiċi NM 2003 10 30, huwa sempliċement element wieħed minn sistema sħiħa, li permezz tagħha tiġi rregolata l‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat li joriġina minn Stati terzi. Ir‑relazzjoni stretta bejn id‑dazju speċifiku u l‑elementi l‑oħra ta’ din is‑sistema globali trid tittieħed inkunsiderazzjoni fil‑kuntest tal‑verifika tal‑għanijiet imfittxija b’dan il‑mod.

    69.      Is‑sistema globali li kienet tapplika ratione temporis għall‑każ ineżami tikkonsisti, sostanzjalment,

    –        mid‑dazji previsti fit‑TDK għall‑importazzjoni ta’ prodotti li jaqgħu taħt il‑Kodiċi NM 2003 10 30

    –        mill‑verżjoni emendata tar‑Regolament Nru 1864/2004 li jiftaħ u jipprevedi l‑amministrazzjoni ta’ kwoti għal faqqiegħ

    –        u mis‑sistema ta’ preferenzi ġeneralizzati tal‑Komunità msemmija fir‑Regolament Nru 980/2005.

    70.      Skont il‑verżjoni emendata tar‑Regolament Nru 1864/2004, fuq il‑faqqiegħ ippreservat li jiġi importat f’ammont taħt il‑kwota stabbilita minn dan l‑istess regolament, irid jinġabar dazju ad valorem ta’ 23 %. Min‑naħa l‑oħra, fuq il‑faqqiegħ ippreservat li jiġi importat barra mill‑kwota, jinġabar dazju ad valorem ta’ 18.4 % li, fil‑każ ineżami, jitnaqqas għal 14.9 % skont is‑sistema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati tal‑Komunità (25), kif ukoll ir‑rata ta’ dazju speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott. B’din is‑sistema globali jiġu segwiti mhux biss għanijiet ta’ politika agrikola (a), iżda wkoll għanijiet ta’ politika kummerċjali (b).

    a)      Għanijiet ta’ politika agrikola

    71.      Mill‑perspettiva tal‑politika agrikola, l‑għan huwa, minn naħa, li tiġi limitata d‑distorsjoni tas‑suq Komunitarju. Il‑ġbir tad‑dazju speċifiku għandu jwaqqaf l‑importazzjoni minn Stati terzi ta’ faqqiegħ ippreservat. B’dan il‑mod, għandu jiġu evitat ċaqliq fil‑prezzijiet, għandhom jiġu limitati l‑waqgħat fil‑prezzijiet fis‑suq Komunitarju u għandu jiġi żgurat dħul suffiċjenti lill‑produtturi Komunitarji. Madankollu, peress li fis‑suq Komunitarju jrid ikun hemm ukoll provvista adegwata ta’ faqqiegħ ippreservat bi prezzijiet stabbli, jiġi ggarantit li l‑faqqiegħ ippreservat li joriġina minn Stati terzi, fil‑kwota konċessa skont il‑verżjoni emendata tar‑Regolament Nru 1864/2004, ikollu aċċess għas‑suq b’kundizzjonijiet vantaġġużi. Id‑dazju speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott ma jinġabarx fuq dawn l‑importazzjonijiet (26).

    b)      Għanijiet ta’ politika kummerċjali

    72.      Permezz tas‑sistema globali jiġu segwiti wkoll għanijiet ta’ politika kummerċjali. L‑ammont tar‑rata tad‑dazji u l‑mod kif is‑sistema nbniet ġuridikament jiddependu, fil‑fatt, mir‑regoli tad‑dritt kummerċjali internazzjonali u, b’mod partikolari, mill‑elenku tal‑impenji tal‑Komunità fil‑kuntest tad‑WTO u mill‑Ftehim dwar il-Biedja.

    73.      Qabel ma ġie konkluż il‑Ftehim dwar il-Biedja, il‑kummerċ dinji ta’ prodotti agrikoli kien influwenzat minn numru ta’ ostakoli kummerċjali, kemm ta’ natura tariffarja kif ukoll ta’ natura mhux tariffarja. L‑istrument tad-dazji varjabbli fuq l‑importazzjoni, li l‑Komunità kienet tuża biex tipproteġi lill‑produtturi Komunitarji, kien jiġi kkritikat minħabba r‑riperkussjonijiet tiegħu fuq il‑kummerċ dinji. Mill‑perspettiva tal‑esportaturi lejn Stati terzi, dan l‑istrument kien nieqes mit‑trasparenza u mill‑prevedibbiltà (27).

    74.      L‑għan tal‑Ftehim dwar il-Biedja huwa li jittejjeb l‑aċċess għas‑swieq agrikoli tal‑membri tad‑WTO. Bħala metodu sabiex jilħqu dan l‑għan, il‑membri tad‑WTO, fl‑Artikolu 4(1) tal‑Ftehim dwar il-Biedja, ftehmu li fis‑settur agrikolu jittrasformaw f’dazji doganali l‑ostakoli kummerċjali kollha li ma humiex tariffarji. Ir‑rati massimi għal dawn id‑dazji ġew iffissati fl‑elenki tal‑impenji tal‑membri fil‑kuntest tad‑WTO. Skont l‑Artikolu 4(2) tal‑Ftehim dwar il-Biedja, il‑membri tad‑WTO ma jistgħux jieħdu miżuri ta’ natura li ma hijiex tariffarja. Min‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 1 ta’ din id‑dispożizzjoni jirriżulta li anki d-dazji varjabbli fuq l‑importazzjoni jiffurmaw parti minn dawn il‑miżuri li huma pprojbiti.

    75.      Għaldaqstant, għan ta’ politika kummerċjali mfittex direttament bl‑Artikolu 4 tal‑Ftehim dwar il-Biedja huwa li jiġi organizzat l‑aċċess għas‑swieq agrikoli li jkun iktar trasparenti u prevedibbli u dan wara li l‑Istati membri tad‑WTO ġew ipprojbiti milli jintroduċu ostakoli għall‑kummerċ li ma humiex dazji. Mill‑perspettiva tal‑politika kummerċjali, vantaġġ ieħor li joħroġ mill‑fatt li jintużaw biss dazji, huwa l‑fatt li teknikament huwa iktar faċli li jiġi nnegozjat tnaqqis fid‑dazji milli tnaqqis fl‑ostakoli għall‑kummerċ li ma humiex tariffarji (28). Madankollu, iridu jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l‑għanijiet ta’ politika kummerċjali li l‑Komunità segwiet indirettament meta fetħet is‑suq agrikolu tagħha. Billi ffaċilitat l‑aċċess għas‑suq agrikolu tagħha, il‑Komunità timplementa, b’mod partikolari, l‑għan ta’ politika kummerċjali tagħha li min-naħa l-oħra, tiggarantixxi lill‑operaturi ekonomiċi li joriġinaw mill‑Komunità, aċċess iktar faċli għas‑swieq tagħhom min‑naħa tal‑membri l‑oħra tad‑WTO. Kif ġie korrettement indikat mill‑Kunsill, dan il‑prinċipju ta’ do ut des, li jaffettwa n‑negozjati fil‑kuntest tad‑WTO, irid jittieħed inkunsiderazzjoni fl‑evalwazzjoni tad‑dazju speċifiku.

    2.      Fuq il‑kriterju tal‑evalwazzjoni applikabbli

    76.      Skont l‑interpretazzjoni tal‑Kummissjoni, fil‑każ inkwistjoni, l‑eżami tal‑proporzjonalità għandu jiġi limitat għall‑kwistjoni dwar jekk id‑dazju speċifiku huwiex manifestament sproporzjonat sabiex jintlaħqu l‑għanijiet li huwa għandu. Hija ssemmi l‑fatt li l‑istituzzjonijiet tal‑Komunità għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl‑oqsma tal‑politika agrikola u tal‑politika kummerċjali u għandhom jilħqu bilanċ bejn interessi differenti.

    77.      Fl‑ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, fl‑oqsma tal‑politika kummerċjali komuni u tal‑politika agrikola komuni, l‑istituzzjonijiet Komunitarji jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l‑kumplessità tad‑deċiżjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom jieħdu (29).

    78.      Madankollu, dan ma jfissirx li jrid jiġi eżaminat biss jekk id‑dazju speċifiku huwiex manifestament inadegwat.

    79.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti, għalkemm mhux uniformi, li fl‑analiżi tal‑proporzjonalità ta’ xi miżura, f’qasam fejn l‑istituzzjoni Komunitarja kkonċernata jkollha ċerta diskrezzjoni, ma għandux jiġi vverifikat jekk il‑miżura adottata kinitx l‑unika jew l‑aħjar miżura possibbli, iżda sempliċement jekk il‑miżura inkwistjoni kinitx manifestament inapproprjata (30).

    80.      Kif diġà kelli l‑okkażjoni nispjega (31), dan l‑approċċ ma jikkonvinċinix. Anki f’oqsma fejn l‑istituzzjonijiet Komunitarji jkollhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il‑premessa sabiex japplika l‑prinċipju ta’ proporzjonalità trid tkun il‑fatt li s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa ma teskludix l‑istħarriġ ġudizzjarju tal‑atti tal‑istess istituzzjonijiet. Il‑fatt li l‑istituzzjonijiet Komunitarji jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’ċerti oqsma ma jiġġustifikax li l‑eżami tal‑proporzjonalità ta’ miżura jiġi limitat għall‑verifika li l‑miżura hija manifestament inadegwata. Tali approċċ ikun jinvolvi, fil‑fatt, li l‑għan imfittex mill‑istituzzjoni Komunitarja u d‑drittijiet tal‑individwi kkonċernati ma jibqgħux “ipparagunati” u l‑prinċipju ta’ proporzjonalità jitlef il‑karatteristika tiegħu ta’ protezzjoni individwali. B’dan il‑mod, il‑prinċipju ta’ proporzjonalità jiġi limitat għall‑istħarriġ oġġettiv tad‑diskrezzjonalità. Tali approċċ lanqas ma jista’ jiġi ġġustifikat billi jingħad li, minħabba d‑direzzjoni meħuda mill‑Qorti tal‑Ġustizzja, dan jirriżulta li huwa marbut neċessarjament mal‑marġni ta’ diskrezzjoni tal‑istituzzjonijiet Komunitarji. Ir‑rispett meħtieġ tal‑pożizzjoni meħuda mill‑Qorti tal‑Ġustizzja jista’ jkun possibbli anki fil‑kuntest tal‑verifika tal‑proporzjonalità fi tliet stadji. Għal din ir‑raġuni, huwa biżżejjed li qabel xejn, tittieħed inkunsiderazzjoni s-setgħa diskrezzjonali ta’ istituzzjoni Komunitarja meta tiġi biex tagħżel u tibbilanċja l‑għanijiet imfittxija u li, fit‑tieni lok, l‑intensità tal‑analiżi tal‑eżami tal‑proporzjonalità tiġi limitata għall‑verifika li l‑miżura kkonċernata tkun manifestament inadegwata, manifestament mhux neċessarja u manifestament irraġonevoli.

    81.      Għall‑finijiet ta’ din il‑proċedura huwa biżżejjed li jitfakkar li, bħala regola ġenerali, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma tillimitax ruħha sabiex teżamina jekk miżura hijiex manifestament inadegwata, iżda tikkunsidra wkoll jekk hijiex neċessarja u raġonevoli (32). F’dan ir‑rigward, għandu jitfakkar ukoll li fis‑sentenzi ċċitati, dwar id-dazji agrikoli (33), il‑Qorti tal‑Ġustizzja ma limitatx il‑kriterju tal‑ġudizzju għan‑natura manifestament inadegwata tal‑miżuri ta’ salvagwardja awtonomi.

    82.      Madankollu, ikun tajjeb, jekk xejn minħabba raġunijiet ta’ ċertezza legali, li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tippreċiża espressament li, anki fil-każ fejn l‑istituzzjonijiet Komunitarji jkollhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa, hija ma tillimitax ruħha sempliċiment li tivverifika jekk miżura hijiex manifestament inadegwata, iżda teżamina wkoll in‑neċessità u n‑natura raġonevoli tal‑miżura, anki jekk b’intensità inqas.

    3.      Nuqqas ta’ għanijiet manifestament illegali

    83.      Kif ingħad iktar ’il fuq (34), għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l‑istituzzjonijiet Komunitarji fl‑oqsma tal‑politika agrikola komuni u tal‑politika kummerċjali, b’mod partikolari fl‑għażla tal‑għanijiet imfittxija. Konsegwentement, f’dawn l‑oqsma, l‑għażla u l‑ibbilanċjar tal‑għanijiet imfittxija huma suġġetti biss għal stħarriġ limitat ħafna min‑naħa tal‑Qorti tal‑Ġustizzja. Dan japplika wkoll għall‑kwistjoni tal‑mod ta’ bbilanċjar tal‑għanijiet kontrastanti.

    84.      Mil‑lenti ġuridika, ma hemm xejn li jista’ jiġi kkritikat dwar il‑fatt li l‑Kunsill u l‑Kummissjoni, fl‑organizzazzjoni tas‑sistema globali li tirregola l‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat minn Stati terzi, fittxew mhux biss għanijiet ta’ politika agrikola, iżda wkoll għanijiet ta’ politika kummerċjali. Il‑Komunità lanqas ma għandha tiġi kkritikata għall‑fatt li sabiex tilħaq l‑imsemmija għanijiet ta’ politika kummerċjali (35), bis‑saħħa tad‑dritt internazzjonali, hija limitat l‑istrumenti tagħha ta’ politika agrikola permezz ta’ ftehim dwar il‑kummerċ (36).

    4.      Nuqqas ta’ natura manifestament inadegwata

    85.      Id‑dazju speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, għall‑prodotti li jaqgħu taħt il‑Kodiċi NM 2003 10 30 ma huwiex manifestament inapproprjat sabiex jintlaħqu l‑għanijiet ta’ politika agrikola u ta’ politika kummerċjali li għandu l‑istess dazju.

    86.      Qabel xejn, il‑ġbir tad‑dazju speċifiku ma huwiex manifestament inapproprjat għall‑finijiet tal‑għan ta’ politika agrikola sabiex issir ekonomikament mhux attraenti l‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat minn Stati terzi barra mill‑kwota stabbilita fil‑verżjoni emendata tar‑Regolament Nru 1864/2004 u, għaldaqstant, sabiex tillimita d‑distorsjoni tas‑suq li tirriżulta minn importazzjonijiet eċċessivi ta’ faqqiegħ ippreservat minn Stati terzi.

    87.      Fit‑tieni lok, l‑adozzjoni ta’ din il‑miżura għall‑finijiet ta’ protezzjoni tal‑produtturi Komunitarji fil‑forma ta’ dazju speċifiku b’rata fissa hija konformi mal‑prinċipju – inerenti għad‑dritt kummerċjali internazzjonali – tariffarju, li bih l‑aċċess għas‑swieq agrikoli għandu jkun iktar trasparenti u prevedibbli. Għaldaqstant, hija ma tistax titqies manifestament inadegwata fir‑rigward tal‑għanijiet ta’ politika kummerċjali mfittxija mill‑klassifikazzjoni tariffarja.

    5.      Nuqqas ta’ natura manifestament mhux neċessarja

    88.      Barra minn hekk, għandu jiġi analizzat jekk id‑dazju speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, għall‑prodotti li jaqgħu taħt il‑Kodiċi NM 2003 10 30, huwiex manifestament mhux neċessarju. Mil‑lenti tan‑neċessità, irid jiġi vverifikat jekk, apparti mill‑miżura inkwistjoni, jeżistux miżuri oħra li huma xierqa sabiex jintlaħqu l‑għanijiet imfittxija, li huma inqas restrittivi għall‑persuni kkonċernati, iżda li huma tali li jilħqu l‑għan imfittex bl‑istess effettività. Minħabba s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal‑istituzzjonijiet Komunitarji, il‑verifika dwar l‑eżistenza possibbli ta’ miżura alternattiva li hija inqas restrittiva trid tkun limitata għal analiżi ta’ natura manifesta (37).

    89.      Il‑miżura li trid tiġi eżaminata hija l‑ġbir ta’ dazju speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott. Dan il‑valur jikkorrispondi għall‑ammont miftiehem fl‑elenki ta’ impenji tal‑Komunità fil‑kuntest tad‑WTO. Għaldaqstant, fl‑ewwel lok, tqum il‑kwistjoni dwar jekk l‑għanijiet ta’ politika agrikola u kummerċjali mfittxija setgħux jintlaħqu bl‑istess effettività billi jiġi miftiehem ammont iżgħar (a). Barra minn hekk, irid jiġi eżaminat jekk sabiex jintlaħqu l‑għanijiet ta’ politika agrikola u kummerċjali tal‑Konunità, jistax jikkostitwixxi miżura inqas restrittiva l‑fatt li l‑Komunità stess, fit‑TDK, tistabbilixxi unilateralment dazju speċifiku iżgħar mir‑rata massima miftiehma fl‑elenki tal‑impenji tal‑Komunità fil‑kuntest tad‑WTO (b). Sussegwentement, irid jiġi vverifikat jekk l‑aġġustament tal‑ammont tad‑dazju speċifiku skont id‑diversi kategoriji huwiex miżura inqas restrittiva (ċ). Fl‑aħħar nett, trid tiġi analizzata t‑teżi tar‑rikorrent fil‑kawża prinċipali, li tipprovdi li jekk il‑produtturi Komunitarji jingħataw sussidji ikbar, din tkun miżura inqas restrittiva (d).

    a)      Ftehim fuq rata ta’ dazju inqas minn EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott fl‑elenki tal‑impenji tal‑Komunità fil‑kuntest tad‑WTO

    90.      L‑ewwel nett, tqum il‑kwistjoni dwar jekk il‑Komunità setgħetx tilħaq l‑għanijiet tagħha ta’ politika agrikola u ekonomika b’mod daqstant effikaċi kieku, fl‑elenki tal‑impenji fil‑kuntest tad‑WTO, ftiehmet fuq rata ta’ dazju inqas minn EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott.

    91.      Fil‑fehma tiegħi, din id-domanda għandha tingħata tweġiba fin‑negattiv.

    92.      L‑ewwel nett, għandu jitfakkar li l‑ġbir ta’ dazju speċifiku f’miżura li tirrendi ekonomikament mhux attraenti l‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat minn Stati terzi barra mill‑kwota prevista għandu jitqies li huwa neċessarju fid‑dawl tal‑għan ta’ politika ekonomika sabiex tiġi limitata d‑distorsjoni tas‑suq Komunitarju li tirriżulta minħabba l‑importazzjoni eċċessiva minn Stati terzi (38).

    93.      Fit‑tieni lok, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l‑fatt li l‑iffissar ta’ dazju speċifiku, li minħabba fih l‑importazzjonijiet minn Stati terzi jsiru ekonomikament mhux attraenti jeħtieġ eżami kumpless. Għal din ir‑raġuni, f’dan ir‑rigward, l‑istituzzjonijiet Komunitarji jridu jingħataw setgħa diskrezzjonali wiesgħa (39). Dan għandu japplika iktar u iktar, meta ma tkunx kwistjoni ta’ ffissar ta’ dazju speċifiku, iżda ta’ ftehim fuq rata massima ta’ dazju fl‑elenki tal‑impenji tal‑Komunità fil‑kuntest tad‑WTO. Din ir‑rata massima ta’ dazju li, fil‑fatt, ma tistax tinqabeż mill‑Komunità, hija ta’ natura permanenti (40) u, skont il‑prinċipju tan‑nazzjon l‑iktar favorit, taħt l‑Artikolu 1 tal‑GATT 1947, tapplika għall‑importazzjonijiet mill‑Istati membri kollha tad‑WTO. Għal din ir‑raġuni, l‑istituzzjonijiet kompetenti tal‑Komunità, meta jiġu biex jiftiehmu fuq rata massima ta’ dazju jridu jikkunsidraw ex ante b’liema mod id‑dazju speċifiku, li l‑iktar li jista’ jilħaq huwa r‑rata massima tad‑dazju miftiehem, huwa addattat sabiex, anki f’każ ta’ ċaqliq fil‑prezzijiet, jillimita l‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat fil‑Komunità barra mill‑kwota stabbilita.

    94.      Fit‑tielet lok, għandu jitfakkar li l‑Qorti tal‑Ġustizzja tqis li dazju varjabbli ma jibqax ta’ natura neċessarja mill‑mument fejn huwa jkun tant għoli li jkollu mhux biss l‑effett li jrendi ekonomikament mhux attraenti l‑importazzjonijiet ta’ faqqiegħ ippreservat fil‑Komunità, iżda għandu l-effett, barra minn hekk, ta’ projbizzjoni de facto fuq l‑importazzjoni akkumpanjata b’sanzjoni ekonomika (41).

    95.      Anki kieku dan il‑prinċipju kellu jiġi traspost għar‑rata massima tad‑dazji miftiehma, il‑kriterji li l‑Qorti tal‑Ġustizzja applikat għad‑dazji agrikoli varjabbli ma jkunux jistgħu jiġu applikati għal rata massima ta’ dazji miftiehma kuntrattwalment fil‑kuntest tad‑WTO. B’mod partikolari, minħabba l‑validità ġenerali u permanenti tagħha, ir‑rata massima ta’ dazji miftiehma ma tistax titqies mhux neċessarja sempliċement minħabba li ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed id‑differenzi li jkunu jeżistu, f’mument partikolari, bejn il‑prezzijiet tal‑prodotti Komunitarji u l‑prezzijiet tal‑prodotti importati minn xi Stat membru tad‑WTO. Min-naħa l‑oħra, fid‑dawl tal‑għan ta’ politika agrikola, il‑ftehim fuq tali dazju massimu jitqies li huwa manifestament mhux neċessarju biss meta tali dazju massimu, anki minħabba l‑importazzjonijiet possibbli mill‑Istati membri kollha tad‑WTO u minħabba ċ‑ċaqliq possibbli fil‑prezzijiet, jeċċedi b’ħafna dak li hu neċessarju sabiex jiġu limitati l‑importazzjonijiet minn Stati terzi barra mill‑kwota stabbilita, u dan sabiex tiġi protetta l‑industrija Komunitarja.

    96.      Fid‑dawl ta’ dawn il‑kunsiderazzjonijiet, ma nara ebda raġuni għalfejn, f’dan il‑każ, jirriżulta li huwa manifestament mhux neċessarju l‑ftehim fuq dazju massimu ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott fl‑elenki tal‑impenji tal‑Komunità fil‑kuntest tad‑WTO. Il‑Kummissjoni u l‑Kunsill jippreċiżaw li huma kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ‑ċaqliq, kultant kunsiderevoli, fil‑prezzijiet tal‑faqqiegħ ippreservat kemm ġewwa u kif ukoll barra l‑Komunità. Barra minn hekk, huma jaffermaw li l‑ftehim fuq dazju massimu fl‑ammont ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott kien neċessarju sabiex jiġi evitat li l‑produzzjoni Komunitarja tifga taħt il‑pressjoni tal‑importazzjonijiet minn Stati terzi. Mill‑atti tal‑kawża ma nista’ nsib ebda ħjiel fis‑sens li din l‑evalwazzjoni kienet manifestament żbaljata fiż‑żmien tan‑Negozjati tal‑Urugwaj.

    97.      Min-naħa l-oħra. din l‑evalwazzjoni tal‑istituzzjonijiet Komunitarji ġiet ikkonfermata ex post facto. Dan jirriżulta mill‑informazzjoni fuq is‑suq miġjuba mill‑Kummissjoni. Mill‑iskeda fuq it‑tendenzi tal‑prezzijiet li l‑Kummissjoni hemżet mal‑osservazzjonijiet bil‑miktub tagħha, fl‑Anness 3 jirriżulta li matul l‑2004 u fl‑2005 wkoll, id‑differenza bejn il‑prezzijiet medji għall‑faqqiegħ ippreservat importat mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina u l‑prezzijiet medji għall‑faqqiegħ ippreservat li joriġina mill‑Komunità kienet xi drabi tant għolja li l‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina fil‑Komunità ma kinitx ekonomikament mhux attraenti u dan anki bid‑dazju speċifiku għall‑ammont ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott.

    98.      Dan jinsab ikkonfermat mill‑informazzjoni li tinsab fl‑Anness 4 tal‑osservazzjonijiet bil‑miktub tal‑Kummissjoni, fejn jingħad li l‑faqqiegħ ippreservat li joriġina mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina ġie importat fil‑Komunità mhux biss f’ammonti li jaqgħu fil‑kwota prevista fil‑verżjoni emendata tar‑Regolament Nru 1864/2004, iżda fi kwantità kunsiderevoli barra mill‑kwota msemmija. Abbażi ta’ din l‑informazzjoni, id‑dazju speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott ma kienx, tal‑inqas f’ċerti każijiet, għoli biżżejjed biex irendi ekonomikament mhux attraenti l‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina fil‑Komunità barra mill‑kwota prevista. Fid‑dawl ta’ dawn il‑fatti, ċertament ma jistax jiġi preżunt li l‑ammont tad‑dazju speċifiku kien diġà laħaq il‑livell li minnu dan id-dazju seta’ jkollu l‑effetti ta’ projbizzjoni fuq l‑importazzjoni akkumpanjat b’sanzjoni finanzjarja.

    99.      Anki jekk biex tiġi evalwata l‑leġittimità tal‑miżura, wieħed irid jieħu inkunsiderazzjoni l‑mument li fih hija ġiet adottata, l‑iżvilupp tas‑suq tal‑faqqiegħ ippreservat iwassal sabiex jingħad li l‑istituzzjonijiet Komunitarji, fil‑kuntest tal‑ftehim fid‑WTO fuq ir‑rata massima ta’ dazji tal‑Komunità fl‑ammont ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, ma eċċedewx is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħhom. Il‑ftehim fuq rata massima ta’ dazju ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott fl‑elenki tal‑impenji tal‑Komunità fil‑kuntest tad‑WTO ma jistax jitqies, għaldaqstant, manifestament mhux neċessarju, u dan fid‑dawl tal‑għan ta’ politika agrikola li huwa għandu sabiex jipproteġi l‑produtturi Komunitarji minn importazzjonijiet eċċessivi ta’ faqqiegħ ippreservat li joriġina minn Stati terzi.

    b)      Użu ta’ dazju speċifiku b’valur inqas mir‑rata massima tad‑dazji miftiehma fl‑elenki tal‑impenji tal‑Komunità fil‑kuntest tad‑WTO

    100. Waqt is‑seduta, il‑Kunsill u l‑Kummissjoni kkonfermaw li d‑dazju speċifiku ġie stabbilit fit‑TDK għall-ammont ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, peress li dan jikkorrispondi mar‑rata ta’ dazju miftiehma fl‑elenki tal‑impenji tal‑Komunità fil‑kuntest tad‑WTO. Ma tteħdux inkunsiderazzjoni kriterji oħra.

    101. Għaldaqstant, tqum il‑kwistjoni dwar jekk l‑iffissar ta’ dazju speċifiku għall‑ammont ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott iridx jitqies manifestament mhux neċessarju, minħabba l‑fatt li l‑istituzzjonijiet Komunitarji – fid‑dawl tad‑differenzi fil‑prezzijiet eżistenti bejn il‑faqqiegħ ippreservat li joriġina mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina u dak li joriġina mill‑Komunità – ma kienux limitaw id‑dazju speċifiku għall‑miżura neċessarja sabiex jintlaħaq l‑għan ta’ politika agrikola li jiġu limitati d‑distorsjonijiet tas‑suq Komunitarju li jirriżultaw mill‑importazzjoni eċċessiva minn Stati terzi.

    102. Huwa minnu li n‑neċessità ta’ dazju speċifiku għall‑ammont ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott ma jistax jitqies li huwa ġġustifikat sempliċement minħabba l-fatt li, meta applikat id‑dazju speċifiku għal dak l‑ammont, il‑Komunità ssodisfat l‑impenji tagħha fil‑kuntest tad‑WTO. Fil‑fatt, fil‑każ tar‑rati ta’ dazji miftiehma fl‑elenki tal‑impenji tal‑Komunità fil‑kuntest tad‑WTO, dawn huma sempliċement rati ta’ dazji massimi. Skont l‑Artikolu 2(1)(a) tal‑GATT 1947, il‑Komunità tista’ tidderoga minn dak id‑dazju, ovvjament mhux billi tapplika dazju ikbar, iżda billi tapplika inqas dazju (42).

    103. Barra minn hekk, in‑neċessità ta’ dazji għal dak l‑ammont lanqas ma tista tiġi ġġustifikata billi jiġi invokat il‑fatt li l‑membri tad‑WTO, fil‑kuntest tan-Negozjati tal‑Urugwaj, ma kkontestawhomx. Effettivament, dan il‑fatt ma jista jkollu ebda effett, minnu nnifsu, fuq il‑kompatibbiltà tal‑ammont tar‑rata ta’ dazju speċifiku mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit mid‑dritt Komunitarju (43).

    104. Bħala argument favur in‑neċessità ta’ dazju speċifiku għal dan l‑ammont, lanqas ma jista’ jiġi invokat il‑fatt li skont l‑Artikolu 9(2) tar‑Regolament Nru 2658/87, il‑Kummissjoni ma hijiex awtorizzata tibdel unilateralment it‑tariffa tad‑dazji. Il‑prinċipju ta’ proporzjonalità jrid jiġi osservat, fil‑fatt, anki mil‑leġiżlatur Komunitarju li, jekk ikun il‑każ, irid jagħti s‑setgħat xierqa lill‑istituzzjonijiet Komunitarji.

    105. Approċċ ibbażat sempliċement fuq l‑ammont massimu tad‑dazju speċifiku neċessarju fid‑dawl tal‑għanijiet ta’ politika agrikola – u għaldaqstant sensittiv għad‑differenzi fil‑prezzijiet eżistenti bejn il‑faqqiegħ ippreservat li joriġina mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina u dak li joriġina mill‑Komunità – ma jiħux inkunsiderazzjoni biżżejjed il‑fatt li, bid‑dazju speċifiku, jiġu segwiti wkoll għanijiet ta’ politika kummerċjali. Għal dan il‑għan, id‑dazju speċifiku jista’ biss jitqies mhux neċessarju jekk l‑għanijiet kollha ta’ politika kummerċjali jistgħu jintlaħqu, b’daqstant effettività, permezz ta’ miżuri alternattivi (44). Bi tnaqqis unilaterali tar‑rata massima miftiehma fl‑elenki tal‑impenji tal‑Komunità fil‑kuntest tad‑WTO, il‑Komunità tista’ ssegwi l‑għanijiet tagħha ta’ politika kummerċjali, iżda mhux bl‑istess effettività.

    106. Fl‑ewwel lok, il‑metodu alternattiv, li permezz tiegħu l‑ammont tad‑dazju speċifiku jiġi aġġustat b’mod varjabbli skont id‑differenzi fil‑prezzijiet bejn il‑faqqiegħ ippreservat li joriġina mill‑Komunità u dak li joriġina mir‑Repubblika Popolari taċ‑Ċina, huwa inkompatibbli mal‑Artikolu 4(2) tal‑Ftehim dwar il-Biedja, l‑istess bħad-dazji varjabbli. Il‑metodu alternattiv jippreġudika l‑għan ta’ politika kummerċjali sabiex il‑kundizzjonijiet ta’ aċċess għas‑suq isiru iktar trasparenti u iktar prevedibbli permezz tal‑projbizzjoni fuq id-dazji varjabbli (45).

    107. Madankollu, wieħed jista’ jikkontempla sistema alternattiva li biha d‑dazju speċifiku jkollu, fil‑prinċipju, valur fiss iżda jinbidel perjodikament skont id‑differenza bejn il‑prezzijiet tal‑faqqiegħ ippreservat li joriġina mill‑Komunità u dak li joriġina minn Stati terzi. Fl‑aħħar nett, ma huwiex meħtieġ li nanalizza l‑kwistjoni dwar jekk tali approċċ huwiex kompatibbli mal‑Artikolu 4(2) tal‑Ftehim dwar il-Biedja (46). Fil‑fatt, b’approċċ ta’ dan it‑tip, l‑għanijiet ta’ politika kummerċjali tal‑Komunità ma jkunux jistgħu jintlaħqu bl‑istess effettività.

    108. L‑ewwel nett, tali approċċ jista’ jirriżulta pjuttost bħala piż, peress li jippreżumi li l‑istituzzjonijiet Komunitarji jqabblu l‑prezzijiet ġewwa l‑Komunità mal‑prezzijiet tal‑importazzjonijiet mill‑membri kollha tad‑WTO, li minnhom jista’ jiġi importat faqqiegħ ippreservat lejn il‑Komunità. Skont il‑prinċipju tan‑nazzjon l‑iktar favorit imsemmi fl‑Artikolu 1 tal‑GATT 1947, ma huwiex ammissibbli mbagħad li r‑rata tad‑dazju speċifiku tiġi stabbilita fil‑konfront ta’ kull wieħed mill‑membri tad‑WTO għal ammont differenti għal kull wieħed (47). Għal din ir‑raġuni, l‑approċċ li bih l‑ammont tar‑rata ta’ dazju speċifiku jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, id‑differenzi fil‑prezzijiet f’ċerti membri tal‑WTO ma jistax, a priori, jintuża.

    109. Fit‑tieni lok, it‑tnaqqis unilaterali tad‑dazju massimu miftiehem fl‑elenki tal‑impenji tal‑Komunità fil‑kuntest tad‑WTO jinvolvi l‑għoti ta’ aċċess għas‑suq agrikolu tal‑Komunità, min‑naħa tal‑Komunità lill‑operaturi ekonomiċi li joriġinaw minn membri oħra tad‑WTO, mingħajr ma tingħata ebda garanzija lill‑operaturi ekonomiċi tal‑Komunità li, bħala korrispettiv, ikunu jistgħu jidħlu fis‑swieq tal‑membri l‑oħra tad‑WTO. Kif irrilevaw tajjeb il‑Kunsill u l‑Kummissjoni, jista’ jkun diffiċli għall‑Komunità li tinnegozja a posteriori kumpens għat‑tnaqqis unilaterali tad‑dazji massimi miftiehma li jsir barra miċ‑ċiklu tan‑negozjati. It‑tnaqqis unilaterali jippreġudika, għaldaqstant, l‑għan ta’ politika kummerċjali tal‑Komunità li, abbażi tal‑prinċipju ta’ do ut des, tinnegozja vantaġġi għall‑operaturi ekonomiċi fir‑rigward tal‑aċċess għas‑swieq tal‑membri l‑oħra tad‑WTO.

    110. Huwa minnu li kontra din il‑biża’ wieħed jista’ jsostni li, f’dan il‑każ, ma hijiex kwistjoni ta’ għoti ta’ aċċess għas‑suq agrikolu tal‑Komunità lill‑operaturi ekonomiċi ta’ membri oħra tad‑WTO li jseħħ permezz tat‑tnaqqis fl‑ammont tad‑dazju speċifiku. Il‑prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi biss, fil‑fatt, li ma jinġabarx dazju speċifiku ħafna ogħla minn dak li hu neċessarju sabiex l‑importazzjoni ssir inqas ekonomikament attraenti.

    111. Madankollu din il‑kontestazzjoni, ta’ natura teoretika u astratta, ma hijiex konvinċenti. Kif intqal iktar ’il fuq, is‑suq tal‑faqqiegħ ippreservat huwa kkaratterizzat b’ċaqliq kunsiderevoli fil‑prezzijiet (48). Minn dan isegwi li d‑dazju speċifiku għall-ammont ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott iwassal għal konsegwenzi differenti skont kemm ikun hemm differenza fil‑prezz. Għaldaqstant, f’ċerti ċirkustanzi, id‑dazju jista’ jilħaq l‑ammont meħtieġ sabiex irendi l‑importazzjoni fil‑Komunità mhux attraenti jew saħansitra, imur lil hinn minn hekk; madankollu, huwa jista’ jibqa’ taħt dan il‑livell u għaldaqstant, irendi ekonomikament attraenti l‑aċċess għas‑suq. Minħabba ċ‑ċaqliq qawwi fil‑prezzijiet, ma jistax jiġi eskluż, għaldaqstant, li l‑iffissar ta’ dazju speċifiku, li, għal perijodu speċifiku, jirriżulta li huwa unilateralment inqas mill‑ammont tar‑rata ta’ dazji massimi miftiehma ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, irendi attraenti l‑aċċess għas‑suq għall‑operaturi ekonomiċi li joriġinaw minn membri oħra tad‑WTO, mingħajr ma jiġi ggarantit li l‑operaturi ekonomiċi tal‑Komunità jirċievu, bħala korrispettiv, aċċess ekwivalenti għas‑suq tal‑membri l‑oħra tad‑WTO.

    112. Bħala konklużjoni għandu jiġi rrilevat, għaldaqstant, li l‑applikazzjoni unilaterali ta’ dazju speċifiku li jkun inqas mir‑rata massima ta’ dazji miftiehma fl‑elenki tal‑impenji tal‑Komunità fil‑kuntest tad‑WTO ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni bħala miżura inqas restrittiva. Din ma hijiex adegwata sabiex tilħaq l‑istess għanijiet ta’ politika kummerċjali tal‑Komunità bl‑istess effettività.

    c)      Aġġustament fl‑ammont ta’ dazju speċifiku skont il‑kategoriji

    113. Fl‑aħħar nett, il‑qorti tar‑rinviju tfakkar li r‑rata tad‑dazji speċifika ma tagħmel ebda differenza skont il‑kategoriji ta’ faqqiegħ. L‑istess qorti tistaqsi għalhekk jekk id‑dazju speċifiku għall‑ammont ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott iridx jitqies manifestament mhux neċessarju minħabba l‑fatt li ma jagħmilx distinzjoni bejn il‑faqqiegħ ippreservat skont il‑kategoriji individwali.

    114. Fil‑fehma tiegħi, din id‑domanda wkoll trid tingħata tweġiba fin‑negattiv.

    115. Fl‑ewwel lok, għandu jitfakkar li rata ta’ dazju speċifika ma hijiex sproporzjonata minħabba l‑fatt biss li hija prevista rata fissa għal diversi kategoriji tal‑istess prodott. Il‑kwistjoni dwar jekk rata fissa hijiex neċessarja tiddependi minn serje ta’ ċirkustanzi, fosthom il‑fatt jekk hijiex xierqa sabiex tilħaq l‑għanijiet b’mod effikaċi (49).

    116. Fil‑każ ineżami, l‑użu ta’ rata fissa ma jidhirx li huwa manifestament mhux neċessarju.

    117. L‑ewwel nett, il‑Kunsill ifakkar li jeżistu effetti ta’ sostituzzjoni bejn il‑kategoriji individwali ta’ faqqiegħ ippreservat. Jekk il‑Komunità, kull darba, tiġbor dazju differenti skont il‑kategorija ta’ faqqiegħ ippreservat, l‑importaturi jkunu mħajra jiddikjaraw, mal‑importazzjoni, kategorija ta’ kwalità inferjuri minn dik vera, u dan biex igawdu minn rata ta’ dazju inferjuri; biex jiġi evitat dan l‑aġir jistgħu jissaħħu l‑kontrolli, iżda dan jitfa’ piż ikbar fuq l‑awtoritajiet doganali.

    118. Fit‑tieni lok, lanqas id‑distinzjoni unilaterali min‑naħa tal‑Komunità għall‑kategoriji differenti ta’ faqqiegħ ippreservat ma tirriżulta li hija xierqa sabiex jintlaħqu l‑għanijiet ta’ politika kummerċjali tagħha. Kif intwera iktar ’il fuq (50), minħabba ċaqliq sostanzjali fil‑prezzijiet tal‑faqqiegħ ippreservat, ma jistax jiġi eskluż li l‑użu ta’ inqas dazju għall‑faqqiegħ ippreservat ta’ livell inferjuri mhux biss iwassal għal‑livell ta’ dazju speċifiku li jrendi l‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat mhux attraenti, iżda jista’ jkollu effett ikbar. F’dan il‑każ, huwa jrendi l‑importazzjoni ta’ faqqiegħ ippreservat fil‑Komunità bħala ekonomikament mhux attraenti u, għaldaqstant, diffiċli ħafna li l‑Komunità tiftiehem fuq trattament ekwivalenti għal dak tal‑membri l‑oħra tad‑WTO, sabiex jitjieb l‑aċċess għas‑suq li jiġi ggarantit unilateralment u barra miċ‑ċiklu tan‑negozjati.

    119. Għaldaqstant, il‑klassifikazzjoni skont il‑kategoriji ma tistax evidentement titqies bħala miżura inqas restrittiva sabiex jintlaħqu l‑għanijiet ta’ politika kummerċjali tal‑Komunità.

    d)      Sussidji ikbar għall‑operaturi ekonomiċi Komunitarji

    120. Fl‑aħħar nett, trid tiġi miċħuda ukoll it‑teżi tar‑rikorrent fil‑kawża prinċipali fejn isostni li bħala miżura inqas restrittiva, jistgħu jingħataw sussidji ikbar lill‑produtturi Komunitarji. Indipendentement mill‑kompatibbiltà ta’ din il‑miżura mal‑Ftehim dwar il-Biedja, għandu jitfakkar li miżura alternattiva li tinvolvi piżijiet finanzjarji kunsiderevoli għall‑Komunità ċertament ma tistax titqies bħala miżura inqas restrittiva.

    e)      Konklużjoni

    121. Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fil‑każ ineżami, apparti mill‑użu ta’ dazju speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, ma jidher li hemm ebda miżura manifestament inqas restrittiva sabiex jintlaħqu l‑għanijiet ta’ politika agrikola u kummerċjali.

    6.      Nuqqas ta’ natura manifestament irraġonevoli

    122. Fl‑aħħar nett, il‑ġbir ta’ dazju speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott lanqas ma jista’ jitqies manifestament irraġonevoli. Fil‑fatt, l‑użu ta’ tali dazju jista’ jinvolvi piżijiet kunsiderevoli fuq l‑importatur. Madankollu, f’każ bħal dak ineżami, il‑fatt li l‑għanijiet ta’ politika kummerċjali jingħataw preċedenza ma jistax jitqies manifestament irraġonevoli. Minn naħa, fil‑fatt, iridu jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑vantaġġi sinjifikattivi ta’ politika kummerċjali li ġew segwiti permezz tal‑konverżjoni f’tariffi tal‑ostakoli kummerċjali. Min-naħa l‑oħra, ma jistax jiġi injorat il‑fatt li importatur prudenti jibqa’ jimporta merkanzija fil‑Komunità biss jekk dan jirriżulta li huwa ekonomikament vantaġġuż għalih. Għal din ir‑raġuni, fl‑ewwel lok, ikunu interessati dawk l‑importaturi biss li intenzjonalment ikunu taw informazzjoni falza fuq il‑merkanzija importata jew li jkunu għamlu xi żbalji. Indipendentement mill‑fatt jekk tkunx azzjoni intenzjonali jew żball, ma jidhirlix li huwa manifestament irraġonevoli li, f’każ simili, tingħata prijorità lill‑għanijiet ta’ politika kummerċjali tal‑Komunità.

    C –    Konklużjoni fil‑qosor

    123. L‑analiżi ma żvelat xejn dwar il‑fatt li l‑ġbir ta’ rata ta’ dazju speċifiku ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, fuq faqqiegħ importat mill‑Komunità barra mill‑kwota stabbilita mill‑verżjoni emendata tar‑Regolament Nru 1864/2004, jikser il‑prinċipju ta’ proporzjonalità.

    124. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l‑ammont tad‑dazju ad valorem ma huwiex ta’ 18.4 % kif qalet il‑qorti tar‑rinviju, iżda ta’ 14.9 % (51).

    VII – Konklużjoni

    125. Fid‑dawl ta’ dak li ntqal, nipproponi li r-risposta tal‑Qorti tal‑Ġustizzja għad‑domanda magħmula mill‑qorti tar‑rinviju tkun kif ġej:

    L‑analiżi tar‑rata ta’ dazju speċifika ta’ EUR 222 għal kull 100 kilogramma ta’ piż nett xott, li kienet tapplika bis‑saħħa tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas‑27 ta’ Ottubru 2005, li jemenda l‑Anness I tar‑Regolament (KEE) Nru 2658/87, u impost fuq importazzjonijiet ta’ faqqiegħ ippreservat tal-ġeneru Agaricus (Kodiċi NM 2003 10 30), barra mill‑kwota stabbilita mir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1864/2004, tas‑26 ta’ Ottubru 2004, li jiftaħ u jipprevedi l‑amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji għal faqqiegħ ippreservat importat minn pajjiżi terzi, fil‑verżjoni tiegħu kif emendat bir‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 1995/2005, tas‑7 ta’ Diċembru 2005, li jemenda r‑Regolament Nru 1864/2004, ma żvelat ebda element li jista’ jaffettwa l‑validità tiegħu fir-rigward tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità.


    1 – Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.


    2 – Il‑proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, illum il-ġurnata hija rregolata mill‑Artikolu 267 tat‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea, skont it‑Trattat ta’ Lisbona li jemenda t‑Trattat dwar l‑Unjoni Ewropea u t‑Trattat li jistabbilixxi l‑Komunità Ewropea, iffirmat f’Lisbona fit‑13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 306, pf. 1).


    3 – Ara s‑sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1982, Edeka Zentrale (245/81, Ġabra p. 2745); tat‑12 ta’ April 1984, Wünsche (345/82, Ġabra p. 1995); tas‑16 ta’ Ottubru 1991, Werner Faust (C‑24/90, Ġabra p. I‑4905); tas‑16 ta’ Ottubru 1991, Wünsche (C‑25/90, Ġabra p. I‑4939); tas‑16 ta’ Ottubru 1991, Wünsche (C‑26/90, Ġabra p. I‑4961); tal‑4 ta’ Lulju 1996, Hüpeden (C‑295/94, Ġabra p. I‑3375) u tal‑4 ta’ Lulju 1996, Pietsch (C‑296/94, Ġabra p. I‑3409).


    4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80.


    5 – Ibidem, p. 20.


    6 – Ibidem, p. 22.


    7 – Ara d‑Deċiżjoni tal‑Kunsill, 2006/398/KE, tal‑20 ta’ Marzu 2006, dwar il‑konklużjoni ta’ Ftehim fil‑forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il‑Komunità Ewropea u r‑Repubblika tal‑Poplu taċ‑Ċina bis‑saħħa tal‑Artikolu XXIV, paragrafu 6, u l‑Artikolu XXVIII tal‑Ftehim Ġenerali dwar it‑Tariffi u l‑Kummerċ (GATT) 1994 dwar il‑modifika ta’ konċessjonijiet fl‑iskedi tar‑Repubblika Ċeka, ir‑Repubblika tal‑Estonja, ir‑Repubblika ta’ Ċipru, ir‑Repubblika tal‑Latvja, ir‑Repubblika tal‑Litwanja, ir‑Repubblika tal‑Ungerija, ir‑Repubblika ta’ Malta, ir‑Repubblika tal‑Polonja, ir‑Repubblika tas‑Slovenja u r‑Repubblika tas‑Slovakkja matul l‑adeżjoni tagħhom mal‑Unjoni Ewropea (ĠU L 154, p. 22).


    8 –     F’dawn il‑konklużjonijiet ser tintuża l‑espressjoni “leġiżlazzjoni Komunitarja” kull darba li tapplika ratione temporis il‑leġiżlazzjoni Komunitarja u mhux il‑leġiżlazzjoni tal‑Unjoni.


    9 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 2, Vol 2, p. 382.


    10 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 2, Vol 9, p. 357.


    11 – ĠU L 286, p. 1.


    12 – ĠU L 325, p. 30.


    13 – ĠU L 320, p. 34.


    14 – ĠU 2010 L 238M, p. 256.


    15 – Iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3.


    16 – Iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3.


    17 – ĠU L 183, p. 1.


    18 – Sentenzi Wünsche (345/82); Faust, Wünsche (C‑25/90), Wünsche (C‑26/90), Wünsche (C‑295/94), Hüpeden u Pietsch, iċċitati kollha kemm huma iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3.


    19 – Sentenzi Faust (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punt 19); Wünsche (C‑25/90, iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punt 20); Wünsche (C‑26/90, iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punt 20); Hüpeden (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punt 19) u Pietsch (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punt 22).


    20 – Sentenza Pietsch (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punti  26 et seq).


    21 – Sentenzi Faust (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punti 23 u 28); Wünsche (C‑25/90, iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punti 24 u 29); Wünsche (C‑26/90, iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punti 24 u 29); Hüpeden (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punt 26) u Pietsch (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punti 29 u 34).


    22 – Sentenza Pietsch (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punt 34).


    23 – Sentenza Pietsch (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punt 29).


    24 – Sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1989, Schräder (265/87, Ġabra p. 2237, punt 21); Faust (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punt 12); Wünsche (C‑25/90, iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punt 13); Wünsche (C‑26/90, iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punt 13); Hüpeden (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punt 14) u Pietsch (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punt 15).


    25 – Ara l‑punti 19 sa 22 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


    26 – Ara l‑premessi 6 u 10 tar‑Regolament Nru 1864/2004 kif emendat.


    27 – M. Geboye Desta, The Law of International Trade in Agricultural Products, Kluwer Law International, 2002, p. 9, isemmi bħala l‑ikbar suċċess sinjifikattiv tal‑Ftehim dwar il-Biedja, l‑eżistenza attwali ta’ grad suffiċjenti ta’ ċertezza, prevedibbiltà u affermazzjoni tal‑prinċipju tal‑istat ta’ dritt fir‑relazzjonijiet internazzjonali fil‑kuntest agrikolu.


    28 – Ara J. McMahon, The WTO Agreement on Agriculture, Oxford University Press, 2006, p. 33, li josserva li s‑sistema tat‑tariffi tirrappreżenta l‑aspett l‑iktar importanti tal‑Ftehim dwar il-Biedja kollu, peress li t‑tariffi huma negozjabbli b’mod iktar trasparenti u sempliċi.


    29 – Sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale (C‑351/04, Ġabra p. I‑7723, punt 40) u tal‑14 ta’ Mejju 2009, Azienda Agricola Disarò Antonio et (C‑34/08, Ġabra p.I‑4023, punt 76).


    30 – Għall‑politika agrikola komuni ara s‑sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2009, Agrana Zucker (C‑33/08, Ġabra p. I-5035, punt 33); tas‑7 ta’ Settembru 2006, Ir‑Renju ta’ Spanja vs Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea, (C‑310/04, Ġabra p. I‑7285, punt 99); tat‑12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 83). Għal oqsma oħra, ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et (C‑58/08, Ġabra p. I-4999, punt 52), tas-7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et (C‑558/07, Ġabra p. I-5783, punt 42); tat‑12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et (Kawżi magħquda C‑154/04 u C‑155/04, Ġabra p. I‑6451, punt 52); tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Arnold André (C‑434/02, Ġabra p. I‑11825, punt 46); tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match (C‑210/03, Ġabra p. I‑11893, punt 48) u tal‑10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, Ġabra p. I‑11453, punt 123).


    31 – Ara l‑punti 62 et seq tal‑konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil‑kawża Azienda Agricola Disarò Antonio (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 29) u l‑punti 65 sa 72 tal‑konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil‑kawża Agrana Zucker (C‑365/08, Ġabra p. I-4341). Ara wkoll A.‑L., Mosbrucker, “Contrôle du système des quotas laitiers”, Europe, Revue mensuelle NexisLexis Jurisclasseur, Lulju 2009, p. 16, li jaqbel mal‑approċċ fuq tliet livelli propost u jikkritika l‑fatt li l‑verifika hija limitata biex jiġi vverifikat jekk il‑miżura hijiex manifestament inadegwata.


    32 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Vodafone et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punti 51 et seq., li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat in-neċessità fil-punti 61 sa 68, u n-natura sproporzjonata tal-miżura fil-punt 69; is-sentenzi ċċitati Agrana Zucker (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 30, punt 42), British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (iċċitati iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 30, punti 126 et seq.). Ara b’mod partikolari wkoll, O. Koch, Der Grundsatz der Verhältnismäßigkeit in der Rechtsprechung des Gerichtshofs der Europäischen Gemeinschaften, Berlin 2003, p. 212, li jenfasizza li kważi s‑sentenzi kollha li fihom il‑Qorti tal‑Ġustizzja limitat, apparentement, il‑verifika tagħha dwar jekk il‑miżura hijiex “inadegwata”, fihom analiżi tal‑miżuri alternattivi eventwali, u fihom motivazzjonijiet dettaljati fuq ir‑raġuni għaliex dawn il‑miżuri ma humiex ippreferuti. Għaldaqstant, il‑kunċett tal‑miżura “manifestament inadegwata” għandu jinftiehem sempliċement bħala sinonimu għal tnaqqis fl‑intensità tal‑istħarriġ li jsir bil‑verifika tal‑proporzjonalità fuq diversi livelli. F’dan is‑sens, ara wkoll U. Kischel, “Die Kontrolle der Verhältnismäßigkeit durch den Europäischen Gerichtshof”, fl-Euoparecht 2000, p. 380, 398 et seq., li jenfasizza li l‑Qorti tal‑Ġustizzja ma tagħtix lill‑interpretazzjoni adottata minnha – li l‑istħarriġ tal‑proporzjonalità għandu jkun limitat, fl‑oqsma relattivi, għal verifika tan‑natura manifestament inadegwata tal‑miżura – it‑tifsira li tidher mad‑daqqa ta’ għajn. Mis‑sentenzi kkonċernati jirriżulta b’mod ċar, min-naħa l‑oħra, li l‑marġni ta’ diskrezzjoni tal‑leġiżlatur Komunitarju ma tillimitax il‑proporzjonalità għan‑ natura manifestament inadegwata, iżda tillimita l‑istħarriġ tal‑proporzjonlità, b’mod globali, għall‑istħarriġ tal‑iżbalji manifesti. Ara wkoll C. Zatschler, “Finding facts”, European Advocate, Rebbiegħa 2010, p. 11, 12, et seq, li jenfasizza li s‑setgħa diskrezzjonali tista’ taffettwa biss l‑intensità tal‑istħarriġ, iżda mhux l‑istruttura tal‑istħarriġ tal‑proporzjonalità.


    33 – Ara l‑ġurisprudenza ċċitata fil‑punti 58 sa 64.


    34 – Ara l‑punt 80 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


    35 – Ara l‑punt 75 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


    36 – Din għandha tinżamm separata mill‑kwistjoni dwar jekk dan huwiex iġġustifikat, anki fid‑dawl tal‑piżijiet addizzjonali relatati li jiġu imposti fuq l‑operaturi ekonomiċi kkonċernati. Din il‑kwistjoni trid tiġi analizzata, b’mod partikolari, fil‑kuntest tan‑neċessità u tan‑natura adegwata tal‑miżura. Ara, f’dan ir‑rigward, il‑punt 122 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


    37 – Ara l‑punti 66 u 80 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


    38 – Ara l‑punt  59 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


    39 – Ara l‑punt 62 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


    40 – Fil‑każ ineżami, il‑klawżola ta’ salvagwardja msemmija fl‑Artikolu 5 tal‑Ftehim dwar il-Biedja ma tistax tiġi invokata peress li l‑prodotti li jaqgħu taħt il‑Kodiċi NM 2003 10 30 ma humiex indikati bis‑sinjal “SGS”.


    41 – Ara l‑punt 63 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


    42 – Ara M. Geboye Deste, (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 28, p. 21), li jenfasizza li fid‑dritt kummerċjali internazzjonali, it‑tnaqqis unilaterali tad‑dazju doganali miftiehem huwa permess.


    43 – Sentenza Hüpeden (iċċitata iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 3, punt 36).


    44 – Ara l‑punt 59 ta’ dawn il‑konklużjonijiet u l‑ġurisprudenza ċċitata.


    45 – Ara l‑punti 232 sa 234 tar‑Relazzjoni tal‑Kummissjoni ta’ Appell (Appellate Body) tad‑WTO tat‑23 ta’ Settembru 2002, Chile –Price Band System, WT/DS207/AB/R.


    46 – Fil‑punt 232 tar‑relazzjoni msemmija hemm enfasi fuq il‑fatt li s‑sempliċi fatt li d‑dazji jiġu aġġustati perjodikament ma jfissirx neċessarjament li huma għandhom jiġu kklassifikati bħala imposti varjabbli fuq l‑importazzjoni fis‑sens tan‑nota 1 tal‑Artikolu 4(2) tal‑Ftehim dwar il-Biedja. Anzi, fil‑punt 233 ta’ din ir‑relazzjoni jissemma l‑fatt li r‑rata ta’ dazji tvarja awtomatikament skont skema jew formula partikolari.


    47 – Ara M. Geboye Deste (iċċitat iktar ’il fuq fin‑nota ta’ qiegħ il‑paġna 28, p. 23), li jiġbed l‑attenzjoni fuq il‑fatt li l‑vantaġġi ggarantiti lil Stat Membru jiġu reżi universali permezz tal‑prinċipju tan‑nazzjon l‑iktar favorit.


    48 – Ara l‑punt 97 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


    49 – Ara s‑sentenza tal‑11 ta’ Frar 1988, The National Dried Fruit Trade Association (77/86, Ġabra p. 757, punt 29).


    50 – Ara hawn fuq il‑punti 109 sa 112 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.


    51 – F’dan ir‑rigward, ara r‑regoli msemmija fil‑punti 19 sa 22 u 70 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.

    Top