Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0151

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Sharpston - 6 ta' Mejju 2010.
Federación de Servicios Públicos de la UGT (UGT-FSP) vs Ayuntamiento de La Línea de la Concepción, María del Rosario Vecino Uribe u Ministerio Fiscal.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Juzgado de lo Social Único de Algeciras - Spanja.
Trasferiment ta’ impriżi - Direttiva 2001/23/KE - Salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema - Rappreżentanti tal-ħaddiema - Awtonomija tal-entità trasferita.
Kawża C-151/09.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-07591

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:255

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-6 ta’ Mejju 2010 1(1)

Kawża C‑151/09

Federación de Servicios Públicos de la UGT (UGT-FSP)

vs

Ayuntamiento de la Línea de la Concepción

María del Rosario Vecino Uribe (u 19-il individwu ieħor)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social Único de Algeciras (Spanja)]

“Trasferiment ta’ impriżi – Salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema – Rappreżentanti tal-ħaddiema – Awtonomija tal-entità ttrasferita”





1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tinterpreta għal darba oħra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati [ħaddiema] fil-każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/23” jew id-“directiva”) (2). Madankollu, f’din l-okkażjoni, il-kwistjoni mqajma hija waħda li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwarha, jiġifieri, it-tifsira tal-espressjoni “jippreżervaw l-awtonomija tagħhom” fl-Artikolu 6(1) tad-direttiva.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-liġi tal-Unjoni Ewropea

2.        Il-premessa 3 tad-Direttiva 2001/23 tiddikjara li huwa “neċessarju li jigi pprovdut għall-protezzjoni tal-impjegati [ħaddiema] fil-każ li jinbidel min jimpjega, b’mod partikulari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati”.

3.        Il-premessa 5 tfakkar li l-“Il-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fondamentali tal-Ħaddiema adottata fid-9 ta’ Diċembru 1989 (‘Karta Soċjali’) tiddikjara, fil-punti 7, 17 u 18 b’mod partikulari li: ‘Il-kompletazzjoni tas-suq intern għandha twassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tal-għixien u tax-xogħol tal-ħaddiema fil-Komunità Ewropea. It-titjib għandu jkopri, meta neċessarju, l-iżvilupp ta’ ċerti aspetti tar-regolamenti tal-impjieg bħal proċeduri għall-disimpieg kollettiv u dawk li jirrigwardjaw fallimenti. L-informazzjoni, l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema għandha tiġi żviluppata fuq linji xierqa b’kont meħud tal-prattika fis-seħħ fl-Istati Membri varji. Din l-informazzjoni, l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni għandha tiġi implimentata fiż-żmien dovut, b’mod partikulari inkonnessjoni ma’ operazzjonijiet ta’ ristrutturazzjoni fl-impriżi jew f’każijiet ta’ inkorporazzjonijiet li jkollhom impatt fuq l-impjieg tal-ħaddiema’”.

4.        L-Artikolu 1 ta’ dik id-direttiva jirregola l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Dan jipprovdi :

“1(a) Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali.

(b)       Bla ħsara għas-subparagrafu (a) u għad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan l-Artikolu, ikun hemm trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari [...].

(ċ)       Din id-Direttiva għandha tapplika għal impriżi pubbliċi u privati li huma involuti f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk jaħdmu għall-qligħ kemm jekk le. […]”

5.        L-Artikolu 2 tad-direttiva jistabbilixxi ċerti definizzjonijiet. Sa fejn huwa rilevanti għal dawn il-Konklużjonijiet, dan jiddikjara :

“1.    Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva :

(a)      ‘min jagħmel it-trasferiment’ għandu jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, għar-raġuni ta’ trasferiment fis-sens tal-Artikolu 1(1), ma tibqax il-persuna li timpjega għar-rigward tal-impriża, in-negozju jew il-parti ta’ impriża jew negozju;

(b)      ‘min lilu jsir trasferiment’ għandu jfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, għal raġuni ta’ trasferiment fis-sens ta’ l-Artikolu 1(1), isir dak li jimpjega f’dak li jirrigwarda l-impriża, n-negozju jew parti ta’ impriża jew negozju;

(ċ)      ‘rappreżentanti ta’ min jimpjega [tal-ħaddiema]’ u espressjonijiet relatati għandhom ifissru ir-rappreżentanti tal-impjegati [ħaddiema] previsti mil-liġijiet jew mill-prattika tal-Istati Membri;

(d)      ‘impjegat’ [ħaddiem] għandu jfisser kull persuna li, fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala impjegata taħt il-liġi nazzjonali tal-impjieg.

2.     Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta’ kuntratt ta’ mpjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg.

[…]”

6.        L-Artikolu 3 jifforma parti mill-Kapitolu II li huwa intitolat “Is-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati [ħaddiema]”. Skont Artikolu 3(1), id-drittijiet u l-obbligi ta’ min jagħmel it-trasferiment li jirriżultaw minn kuntratt ta’ impjieg jew minn relazzjoni ta’ impjieg li teżisti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba tali trasferiment, ikunu ttrasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.

7.        L-Artikolu 3(3) jistabbilixxi regoli rigward il-ftehim kollettiv għal meta jseħħ trasferiment. Dan jipprovdi :

“Wara t-trasferiment, min lilu jsir it-trasferiment għandu jkompli josserva t-termini u l-kundizzjonijiet miftiehma f’kull ftehim kollettiv skond l-istess kondizzjonijiet applikabbli għal min jagħmel it-trasferiment taħt dak il-ftehim, sad-data li fiha l-ftehim kollettiv jispiċċa jew jiskadi jew sad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv ieħor.

[…]”

8.        L-Artikolu 6 tad-Direttiva jikkonċerna l-istatus u l-funzjoni tar-rappreżentanti jew tar-rappreżentanza tal-ħaddiema wara trasferiment. Dan jipprovdi:

“1.   Jekk l-impriża, in-negozju jew parti mill-impriża jew min-negozju jippreservaw l-awtonomija tagħhom, l-istatus u l-funzjoni tar-rappreżentanti jew tar-rappreżentazzjoni [rappreżentanza] tal-impjegati [ħaddiema] milquta mit-trasferiment għandhom jiġu ppreservati skond l-istess termini u soġġett għall-istess kundizzjonijiet li kien jeżistu qabel id-data tat-trasferiment minħabba l-liġi, ir-regolament, id-dispożizzjoni jew il-ftehim amminstrattiv, sakemm il-kundizzjonijiet neċessarji għat-twaqqif tar-rappreżentazzjoni tal-impjegat ikunu sodisfatti.

L-ewwel subparagrafu m’għandux japplika jekk, skond il-liġijiet, ir-regolamenti, id-dispożizzjonijiet amministrattivi jew il-prattika fl-Istati Membri, jew skond ftehim mar-rappreżentanti tal-impjegati, il-kundizzjonijiet neċessarji biex jerġgħu jiġu maħtura r-rappreżentanti tal-impjegati jew biex terġa’ titwaqqaf ir-rappreżentanza tal-impjegati jkunu sodisfatti.

Meta min jagħmel it-trasferiment ikun is-suġġett ta’ proċedimenti ta’ falliment jew xi proċedimenti analogi ta’ falliment awtorizzata minn awtorità pubblika kompetenti), l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-impjegati trasferiti jkunu rappreżentati b’mod addattat sakemm issir l-elezzjoni jew il-ħatra ġdida tar-rappreżentanti tal-impjegati.

Jekk l-impriża, in-negozju jew parti mill-impriża jew min-negozju ma jippreservawx l-awtonomija tagħha, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-impjegati trasferiti li kienu rappreżentati qabel it-trasferiment jibqgħu jiġu rappreżentati b’mod addattat waqt il-perjodu neċessarju biex terġa’ titwaqqaf jew terġa’ tiġi maħtura r-rappreżentanza tal-impjegati skond il-liġi jew il-prattika nazzjonali.

2.     Jekk il-kariga tar-rappreżentanti ta’ l-impjegati effettwati mit-trasferiment jagħlaq bħala riżultat tat-trasferiment, ir-rappreżentanti għandhom ikomplu jgawdu il-protezzjoni li hemm provduta fil-liġijiet, fir-regolamenti, fid-dispożizzjonijiet amminstrattivi jew fil-prattika ta’ l-Istati Membri.”

 Il-liġi nazzjonali

9.        L-Artikolu 67(1) in fine tal-Estatuto de los Trabajadores (Kodiċi tal-Ħaddiema Spanjoli) jipprovdi:

“elezzjonijiet parzjali jistgħu jiġu organizzati wara riżenji jew tkeċċijiet jew sabiex ikun hemm aġġustament tar-rappreżentanza tal-impjegati wara żieda fil-persunal. Il-ftehim kollettivi għandhom jipprovdu l-miżuri neċessarji biex ir-rappreżentanza tal-impjegati tiġi adattata għal tnaqqis sinjifikattiv fil-persunal li jista’ jseħħ fi ħdan impriża. Jekk tali dispożizzjoni ma ssirx, tali adattazzjoni għandha tkun is-suġġett ta’ ftehim bejn l-impriża u r-rappreżentanti tal-impjegati.”

 Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10.      Permezz tad-Digriet Nru 5983/80 tal-Uffiċċju tas-Sindku ta’ La Línea de la Concepción tal-25 ta’ Awwissu 2008, ġie deċiż li ċerti servizzi pubbliċi muniċipali li qabel kienu esternalizzati għandhom jittieħdu lura internament. B’mod partikolari, l-istaff kollu tal-impriżi li jipprovdu s-servizzi esternalizzati li ġejjin kellhom jittieħdu: (i) servizzi ta’ purtinara fi skejjel tas-settur pubbliku, (ii) tindif ta’ skejjel fis-settur pubbliku, (iii) tindif tat-toroq, u (iv) manutenzjoni ta’ parks u ġonna.

11.      Sadakinhar, dawk is-servizzi kienu pprovduti minn erba’ kumpanniji separati li joperaw fis-settur privat. L-20 individwu li huma ko-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu r-rappreżentanti legali tal-ħaddiema koperti mit-trasferiment qabel mas-servizzi ttieħdu lura internament.

12.      Fl-10 ta’ Settembru 2008, b’reazzjoni għal diversi talbiet magħmula mill-individwi kkonċernati, l-awtorità muniċipali rrifjutat li tirrikonoxxi l-istatus tagħhom bħala rappreżentanti tal-ħaddiema. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li r-rifjut kien ibbażat fuq ir-raġuni li: “minħabba li l-ħaddiema msemmija issa jiffurmaw parti mill-istaff muniċipali, tali rappreżentanti għandhom ikunu kkunsidrati bħala li temmu l-funzjonijiet tagħhom, indipendentement mir-rispett lejn il-garanziji li tipprovdilhom il-liġi.”

13.      Id-digriet tar-rinviju jikkonstata wkoll li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-UGT-FSP (it-trejdjunjin li tirrappreżenta l-impjegati kkonċernati) talbet imbagħad diversi kjarifiki mill-awtorità konvenuta dwar dik id-deċiżjoni. Wara, fit-13 ta’ Novembru 2008, it-trejdjunjin ressqet il-kawża quddiem Juzgado de lo Social Único de Algeciras (tribunal tal-impjieg ta’ Algeciras) li fiha talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara, inter alia, li r-rappreżentanti inkwistjoni kienu intitolati jżommu l-mandati tagħhom sal-iskadenza normali tagħhom.

14.      Id-digriet tar-rinviju hija lakonika fid-deskrizzjoni tal-isfond fattwali tat-tranżazzjoni li kellha bħala riżultat li s-servizzi kkonċernati ttieħdu lura internament.

15.      Dan sempliċiment jiddikjara li, ladarba d-diversi servizzi pubbliċi esternalizzati ttieħdu lura internament mill-awtoritajiet muniċipali, l-impjegati li kienu parti mill-persunal tal-impriżi li sa dak iż-żmien ipprovdew is-servizzi pubbliċi esternalizzati, ittieħdu minn dik l-awtorità muniċipali u kienu “integrati” fil-persunal tagħha, iżda li dawk l-istess impjegati jkomplu kollha fl-istess karigi u jwettqu l-istess dmirijiet bħal qabel, fl-istess postijiet tax-xogħol u taħt l-ordnijiet tal-istess superjuri immedjati, mingħajr ebda tibdiliet sostanzjali fil-kundizzjonijiet tal-impjieg tagħhom, bl-unika differenza li issa dawk fl-aħħar mill-aħħar responsabbli huma l-uffiċjali rilevanti eletti b’mod pubbliku (kunsilliera jew sindku).

16.      Billi nirreferi għall-impjegati inkwistjoni bħala li huma “integrati” fil-persunal tal-persuna li tħaddem il-ġdida, nifhem li l-qorti nazzjonali qiegħda sempliċiment tindika li dawk l-impjegati issa jiffurmaw parti mill-persunal tal-persuna li tħaddem il-ġdida. F’dan l-istadju tal-kawża quddiemha, hija ma tipprovax tiddeċiedi dwar il-grad li fih l-impjegati kkonċernati ġew assorbiti fil-persunal tal-persuna li tħaddem il-ġdida.

17.      Id-digriet tar-rinviju ma jittrattax il-kwistjoni dwar jekk il-qorti nazzjonali sabitx jekk kienx hemm trasferiment tas-servizzi inkwistjoni għall-iskopijiet tad-Direttiva 2001/23. B’mod partikolari, hija ma tikkonstatax jekk, bħala parti mill-arranġamenti biex jittieħdu lura internament is-servizzi, xi assi tanġibbli kinux trasferiti jew, fil-fatt, sa fejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawk is-servizzi talbu l-użu ta’ tali assi.

18.      Minħabba li kkunsidrat li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “awtonomija” msemmi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/23 kienet neċessarja biex tiddeċiedi rigward il-kawża prinċipali, il-Juzgado de lo Social Único de Algeciras ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tirrinvija d-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Ir-rekwiżit taż-żamma tal-awtonomija li jirreferi għalih l-Artikolu 6(1) tad-[Direttiva 2001/23], huwa sodisfatt f’sitwazzjoni fattwali (bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali) fejn, wara l-irkupru ta’ diversi kuntratti ta’ servizz pubbliku min-naħa ta’ kunsill muniċipali, il-ħaddiema li kienu jiffurmaw parti mill-persunal tal-impriżi inkwistjoni li sa dakinhar kellhom l-imsemmija kuntratti jittieħdu mill-amministrazzjoni muniċipali u jiġu integrati mal-persunal tagħha, meta dawn huma l-istess ħaddiema (mingħajr eċċezzjoni) li jkomplu jokuppaw l-istess karigi tax-xogħol u jaqdu l-istess funzjonijiet li kellhom qabel l-imsemmi irkupru, fl-istess postijiet tax-xogħol u suġġetti għall-awtorità tal-istess superjuri diretti (superjuri ġerakiċi), mingħajr tibdil kunsiderevoli fil-kundizzjonijiet tal-impjieg u fejn l-unika differenza hija li issa l-għola superjuri ġerarkiċi tagħhom (superjuri għas-superjuri preċedenti tagħhom) huma r-rapreżentanti pubbliċi eletti inkwistjoni (kunsilliera muniċipali jew sindku)?”

19.      L-osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi mill-Ministerio Fiscal (prosekutur pubbliku), mill-Gvern Spanjol u mill-Kumissjoni Ewropea. Ma ntalbitx seduta u ma kienx hemm smigħ ta’ waħda.

 Analiżi

 Punt preliminari

20.      Għalkemm l-prosekutur pubbliku jikkritika r-rinviju preliminari mill-qorti nazzjonali (għaliex fl-opinjoni tiegħu, it-tifsira tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/23 hija ċara ħafna), huwa ma jikkontestax ir-rilevanza tad-domanda rrinvijata u lanqas l-ammissibbiltà tad-domanda. Min-naħa tiegħi, ma għandi l-ebda dubju f’dan ir-rigward. Id-domanda preliminari hija b’mod ċar ammissibbli.

 Il-kunċett ta’ “trasferiment” skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/23

21.      Għalkemm id-domanda rrinvijata mill-qorti nazzjonali tirrigwarda biss kwistjonijiet dwar ir-rappreżentanza tal-impjegati skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/23, huwa neċessarju wkoll li tingħata ftit kunsiderazzjoni lill-kunċett ta’ “trasferiment” skont l-Artikolu 1.

22.      Dan għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Spanjol jistaqsi jekk fil-fatt kienx hemm trasferiment rilevanti fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-digriet tar-rinviju. Il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi fuq il-bażi li kien hemm tali trasferiment. It-tieni, ftehim ta’ x’inhu mfisser permezz tad-domanda, fl-Artikolu 1(1)(b), lill-entità ekonomika trasferita li żżomm l-”identità” tagħha huwa fl-opinjoni tiegħi essenzjali għal għarfien xieraq tal-kunċett ta’ “awtonomija” msemmi fl-Artikolu 6(1).

23.      Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Spanjol jirreferi fi ftit dettall għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni ta’ meta hemm, u meta ma hemmx, trasferiment taħt id-direttiva. Dak ir-raġunament, kif nifhmu jiena, ġej minn suppożizzjoni li biex ikun determinat jekk impriża trasferita tippreservax l-awtonomija tagħha għall-iskopijiet tal-Artikolu 6, huwa suffiċjenti li jkun determinat jekk l-impriża hijiex trasferita skont Artikolu 1(1)(b).

24.      Sejra nikkunsidra l-interrelazzjoni ta’ dawk iż-żewġ artikoli hawn taħt (3). L-ewwel nett, peress li tqajmet id-domanda dwar jekk it-tranżizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ammontatx għal trasferiment taħt Artikolu 1(1)(b) tad-direttiva, sejra neżamina dak il-punt.

25.      Waqt li nagħmel dan, ma nipproponix f’dawn il-konklużjonijiet li titwettaq reviżjoni estensiva tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sal-lum. Tali eżerċizzju twettaq minn diversi Avukati Ġenerali, l-iktar wieħed reċenti mill-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-konklużjonijiet tiegħu fi Klarenberg (4).

26.      Minflok, għandi sempliċiment l-intenzjoni li nirreferi fil-qosor għal dawk l-elementi elenkati fil-leġiżlazzjoni u b’mod partikolari fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni tagħhom sabiex telimina kull dubju, jekk ikun hemm dubju, dwar jekk it-trasferiment fil-kawża preżenti kienx wieħed li l-Artikolu 1(1)(b) tad-direttiva applika għalih, u għaldaqstant it-trasferiment ta’ impriża. Sakemm għal dik id-domanda ma tingħatax risposta fl-affermattiv, ma tqumx il-kwistjoni tal-awtonomija taħt Artikolu 6.

27.      Ġeneralment, id-direttivi tad-drittijiet kweżiti ġew irrikonoxxuti kull meta, fil-kuntest ta’ relazzjoni kuntrattwali, “hemm tibdil fil-persuna ġuridika jew fiżika responsabbli biex jitkompla n-negozju u li għandha l-obbligi ta’ persuna li tħaddem lejn l-impjegati tal-impriża” (5). Bidla ta’ dan it-tip hija essenzjali biex ikun hemm trasferiment tal-impriża għall-iskopijiet tad-Direttiva 2001/23 (6). Evidentement, dan ma jipprekludix ir-relazzjoni ta’ impjieg ittrasferita mill-persuna li tħaddem preċedenti għall-persuna li tħaddem il-ġdida taħt trasferiment sempliċi ta’ assi, iżda l-konsegwenzi ta’ tali trasferiment ikunu kwistjoni għal-liġi nazzjonali weħidha.

28.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li d-direttivi tad-drittijiet kweżiti huma intenzjonati biex jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-ħaddiema f’każ li tinbidel il-persuna li tħaddem billi jippermettulhom li jkomplu jaħdmu għall-persuna li tħaddem li lilha jkun sar it-trasferiment bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk mifthiema mal-persuna li titrasferixxi (7).

29.      Rigward il-forma li “trasferiment legali” msemmi fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 2001/23 għandu jieħu, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat interpretazzjoni flessibbli, u żammet mal-għan tad-direttiva (8). Għaldaqstant, nikkunsidra li l-fatt li l-bidla fis-sidien u fid-direzzjoni li seħħet fil-każ preżenti kienet imwettqa permezz ta’ Digriet maħruġ mis-Sindku responsabbli ma għandux, per se, jipprekludi l-applikazzjoni tad-direttiva.

30.      Fi Spijkers (9), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-kriterju deċiżiv li jistabbilixxi jekk trasferiment rilevanti seħħx huwa li kellu jkun hemm trasferiment ta’ entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha. Skont dik is-sentenza, li d-diċitura tagħha ġiet imtennija fil-ġurisprudenza sussegwenti kollha, “huwa neċessarju li jkunu kkunsidrati l-fatti kollha li jikkaratterizzaw it-tranżazzjoni inkwistjoni, inklużi t-tip ta’ impriża jew negozju, irrilevanti minn jekk l-assi tanġibbli tan-negozju, bħall-bini u l-proprjetà mobbli, humiex trasferiti, il-valur tal-assi mhux tanġibbli tagħha fiż-żmien tat-trasferiment, irrilevanti minn jekk il-maġġoranza tal-impjegati tagħha jittieħdux mill-persuna li tħaddem il-ġdida, irrilevanti minn jekk il-konsumaturi tagħha humiex trasferiti u l-grad ta’ similarità bejn l-attivitajiet imwettqa qabel u wara t-trasferiment u l-perijodu, jekk hemm, li matulhu dawn l-attivitajiet ġew sospiżi.” Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi kollha “huma sempliċement fatturi singoli fil-valutazzjoni globali li għandha ssir u għalhekk ma jistgħux ikunu kkunsidrati b’mod iżolat” (10).

31.      Il-lista ta’ fatturi stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fi Spijkers inżammet matul iż-żmien. Madankollu, huwa neċessarju li jitqiesu t-tip ta’ impriża trasferita u l-grad ta’ importanza mogħtija lil kull kriterju neċessarjament ivarja skont l-attività ttrasferita u l-metodi ta’ produzzjoni jew ta’ operazzjoni użati (11). Minn meta ddeċidiet fid-digriet Schmidt (12) fl-1994, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet f’diversi okkażjonijiet biex tagħti kunsiderazzjoni dettaljata għall-kwistjonijiet li jirriżultaw meta t-trasferiment jinvolvi attivitajiet mogħtija b’kuntratt, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-prinċipji sussegwenti jistgħu jkunu dderivati mill-ġurisprudenza li tindirizza dawk il-kwistjonijiet.

32.      L-ewwel nett, huwa ċar li trasferiment rilevanti jista’ jseħħ minkejja l-fatt li min lilu jsir trasferiment huwa korp tas-settur pubbliku (13), jew li t-trasferiment inkwistjoni jinvolvi servizzi mogħtija b’kuntratt lis-settur privat (14). Id-direttivi tad-drittijiet kweżiti japplikaw ukoll minkejja li l-attività inkwistjoni hija anċillari għall-attivitajiet inġenerali ta’ min jagħmel it-trasferiment u ma hijiex konnessa mal-għanijiet tagħha (15).

33.      Lanqas mal-fatt li t-trasferiment jinkludi t-teħid lura internament mill-awtorità kontraenti ta’ qabel tas-servizzi mwettqa qabel f’isimha minn kumpannija jew kumpanniji tas-settur privat ma jipprekludi li kien hemm trasferiment rilevanti (16). L-istess japplika għall-fatt li l-attività inkwistjoni ma għandhiex għan lukrattiv. Huwa ċar li tali attività tista’ tikkostitwixxi attività ekonomika skont id-direttivi tad-drittijiet kweżiti (17).

34.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li, f’każijiet li jinvolvu attivitajiet mogħtija b’kuntratt, ir-rekwiżit stabbilit fi Spijkers biex jitqies it-trasferiment tal-assi tanġibbli ta’ negozju jista’ ma jkunx realistiku. Ir-raġuni hija sempliċi. Negozji li jeżerċitaw din it-tip ta’ attività jistgħu fil-fatt ma jkollhomx assi, jew ikollhom biss assi li l-importanza tagħhom hija negliġibbli f’relazzjoni mat-twettiq globali tal-attivitajiet tagħhom. Għalhekk, fi Schmidt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li “l-assenza ta’ assi [tanġibbli] [ma tipprekludix] l-eżistenza ta’ trasferiment” (18). Hija kompliet tiddikjara, fis-sentenza tagħha Süzen, (19) li “meta b’mod partikolari entità ekonomika tista’, f’ċerti setturi, tiffunzjona mingħajr ebda assi tanġibbli jew mhux tanġibbli sinjifikattivi, iż-żamma tal-identità tagħha wara t-tranżazzjoni li taffettwaha ma tistax, loġikament, tiddependi fuq it-trasferiment ta’ tali assi” (20).

35.      Dan ma jfissirx li f’kull każ li jinvolvi trasferiment ta’ servizzi mogħtija b’kuntratt, l-assi jsiru irrilevanti. Is-servizzi kkonċernati għandhom ikunu jikkonsistu f’ħidma intensiva sabiex il-prinċipju deskritt f’punt 33 iktar ’il fuq ikun applikabbli. Min-naħa l-oħra, meta l-attivitajiet imwettqa mill-fornituri tas-servizzi jirrikjedu l-użu ta’ impjant u apparat sostanzjali u ma jistgħux jitqiesu bħala essenzjalment ibbażati fuq il-persunal, l-assenza ta’ trasferiment sa punt sinjifikattiv ta’ dawk l-assi twassal għal konklużjoni li l-entità trasferita ma żżommx l-identità tagħha (21).

36.      Bl-istess mod, it-trasferiment inkwistjoni għandu f’kull każ ikun wieħed ta’ entità ekonomika stabbli, jiġifieri, “grupp ta’ persuni u assi organizzati li jiffaċilitaw l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika li għandha għan ekonomiku” (22).

37.      Madankollu, il-fatt li kwalunkwe assi użati fl-attivitajiet tan-negozju jew tal-impriża kkonċernata jsiru disponibbli mill-awtorità kontraenti lill-fornitur tas-servizz oriġinali, u jsiru sussegwentament disponibbli mill-awtorità kontraenti għal min lilu jsir it-trasferiment bħala parti mill-arranġamenti tat-trasferiment, ma għandux għalfejn jipprevjeni t-trasferiment milli jkun trasferiment rilevanti (23). Ma huwiex essenzjali li l-assi kkonċernati jkunu għall-“użu kummerċjali indipendenti” tal-kuntrattur, kemm qabel kif ukoll wara t-trasferiment (24).

38.      Il-fatt li l-persunal kollu allokat lin-negozju jew l-impriża inkwistjoni ġie ittrasferit min-naħa għal oħra bħala parti mit-trasferiment jista’ jkun fattur rilevanti x’jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari meta, bħal fil-każ preżenti, l-attivitajiet ikkonċernati probabbilment ikunu jinkludu xogħol intensiv. Madankollu, għal darba oħra, dan mhux determinattiv (25).

39.      Madankollu, għandi niċċara li, meta nsemmu l-assi (jekk ikun hemm) użati fin-negozju kkonċernat, dak li huwa rilevanti huwa kwalunkwe impjant, makkinarju u/jew tagħmir li huwa fil-fatt użat biex jipprovdi s-servizzi inkwistjoni. Kuntrarjament għal dak li l-Gvern Spanjol jidher li qed jissuġġerixxi fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-fatt li ma kienx hemm trasferiment fil-każ tal-kawża prinċipali tal-assi li f’relazzjoni magħhom is-servizzi kienu pprovduti, bħall-bini ta’ skejjel, toroq, parks u ġonna pubbliċi, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

40.      Huwa f’idejn il-qorti nazzjonali, u mhux f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja, li tagħmel il-valutazzjoni fattwali neċessarja, fid-dawl ta’ dawn il-kriterji, biex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ trasferiment. Jekk u fil-każ li l-qorti nazzjonali għadha ma għamlitx valutazzjoni, ikun jeħtieġ tagħmel dan qabel ma tikkunsidra l-kwistjonijiet analizzati fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet.

 Il-kunċett ta’ “awtonomija” skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/23

41.      Filwaqt li l-kunċett ta’ “trasferiment” skont Artikolu 1 tad-direttivi tad-drittijiet kweżiti kien is-suġġett ta’ volum sinjifikattiv ta’ ġurisprudenza, din hija l-ewwel darba li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “awtonomija” fil-kuntest tar-rappreżentanza tal-impjegati skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/23.

42.      Huwa evidenti li l-rwol tar-rappreżentanza tal-impjegati fl-operazzjoni tad-direttivi tad-drittijiet kweżiti, u fil-fatt fil-kamp usa’ tal-politika soċjali tal-Unjoni Ewropea ġeneralment, huwa wieħed importanti. Tali rappreżentanza hija essenzjali għall-“informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema” li l-Artikolu 137 KE jfittex li jippromwovi u jifforma parti integrali mid-“djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema” imsemmi fl-Artikolu 136 KE (26).

43.      Lanqas id-direttivi tad-drittijiet kweżiti ma huma l-unika leġiżlazzjoni sekondarja adottata mil-leġiżlatura Komunitarja li fiha l-importanza ta’ dan l-irwol hija apparenti. B’mod partikolari, id-Direttiva 2002/14 tipprovdi għal informazzjoni u/jew konsultazzjoni fil-livell adegwat “dwar żvilupp reċenti u probabbli tal-attivitajiet u tas-sitwazzjoni ekonomika tal-impriża [...]”, “dwar is-sitwazzjoni, l-istruttura u l-iżvilupp probabbli tal-impjieg fi ħdan l-impriża [...] u dwar kwalunkwe miżuri antiċipatorji intiżi, partikolarment meta jkun hemm theddida għall-impjieg” u “dwar deċiżjonijiet li jwasslu għall-tibdil sostanzjali fl-organizzazzjoni tax-xogħol jew fir-relazzjonijiet kontrattwali [...]” (27). L-Artikolu 4(2)(ċ) tad-direttiva jagħmilha ċara li tali informazzjoni u konsultazzjoni jinkludu kwistjonijiet koperti bid-Direttiva 2001/23 (28).

44.      L-importanza tar-rappreżentanza tal-impjegati hija wkoll riflessa fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’Maurissen (29), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li “l-libertà biex teżerċita l-attivitajiet tat-trejdjunjin tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tal-liġi tax-xogħol” (30). F’Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (31), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru għandu d-dmir li jiżgura li s-sistema legali nazzjonali tiegħu tipprovdi għall-ħatra tar-rappreżentanti tal-impjegati għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet rigward l-informazzjoni u l-konsultazzjoni dwar it-trasferiment ta’ impriża inklużi fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 77/187 (issa l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/23) (32).

 L-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23 għal impriża li ġiet ittrasferita

45.      Sabiex id-Direttiva 2001/23 tapplika għal trasferiment, l-impriża, in-negozju jew parti minn negozju trasferita għandha żżomm l-identità tagħha immedjatament wara t-trasferiment, skont it-testijiet imsemmija fil-punti 26 sa 39 iktar ’il fuq. Madankollu, din id-direttiva ma tirrikjedix li impriża trasferita tinżamm għal dejjem. Hija sempliċement tistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi li l-persuna li tħaddem il-ġdida mitluba tosserva biex tipproteġi d-drittijiet tal-impjegati ttrasferiti.

46.      Kwalunkwe tibdiliet magħmula mill-persuna li tħaddem il-ġdida lill-entità trasferita jistgħu jkunu purament kożmetiċi. Jekk huwa hekk, l-impatt tagħhom, jekk ikun hemm, fuq il-persunal inkwistjoni jkun probabbilment minimu. F’każijiet oħrajn, l-effett tagħhom jista’ jkun iktar profond. Persuna li tħaddem li riċentement ħadet f’idejha impriża bħala riżultat ta’ trasferiment rilevanti tista’ tkun tixtieq twettaq operazzjonijiet ristrutturali sinjifikattiv. It-teħid ta’ tali miżuri mill-persuna li tħaddem il-ġdida jista’ jkun ta’ interess kunsiderabbli, biex ma ngħidux tħassib, għall-impjegati trasferiti. F’tali ċirkustanzi, ir-rappreżentanti tal-impjegati huma msejħa jaqdu rwol importanti, tabilħaqq fundamentali (33). F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/23 jispeċifika li t-termini u l-kundizzjonijiet għal kwalunkwe ftehim kollettiv applikabbli għall-impjegati trasferiti jorbtu lill-persuna li tħaddem il-ġdida għal perijodu minimu ta’ sena wara t-trasferiment.

47.      Huwa f’dan il-kuntest ġenerali li jeħtieġ jiġi interpretat il-kunċett ta’ impriża jew negozju li jippreserva l-awtonomija tiegħu fis-sens tal-Artikolu 6 tad-direttiva.

 Il-kunċetti ta’ “identità” skont Artikolu 1(1)(b) u ta’ “awtonomija” skont Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/23 għandhom jitqiesu bl-istess mod ?

48.       Il-Gvern Spanjol isostni li l-kunċett ta’ “awtonomija” skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/23 għandu jkun interpretat bħala ekwivalenti għal jew koestensiv mal-kunċett ta’ trasferiment li fih l-attività ekonomika ttrasferita “żżomm l-identità tagħha” u li hija għalhekk trasferiment rilevanti għall-iskopijiet tal-Artikolu 1.

49.      Ma nistgħax naqbel ma’ dak l-argument.

50.      Mid-diċitura tal-Artikolu 6, huwa ċar li dak li huwa mifhum b’”awtonomija” skont l-Artikolu 6 u “identità” skont l-Artikolu 1 ma huwiex l-istess. Li kieku l-pożizzjoni kienet mod ieħor, la d-diċitura introduttiva tal-ewwel subparagrafu ta’ Artikolu 6(1) (“jekk l-impriża, in-negozju jew parti minn impriża jew negozju tippreserva l-awtonomija tagħha” (34)) lanqas ir-riferiment fir-raba’ subparagrafu ta’ Artikolu 6(1) għas-sitwazzjoni ta’ meta impriża ma tippreservax l-awtonomija tagħha ma kienu jagħmlu sens (35).

51.      Huwa inkontestabbli li d-domanda jekk impriża ppreservatx l-awtonomija tagħha, għall-finijiet tal-Artikolu 6, għandha tiġi indirizzata wara li jiġi ddeterminat li trasferiment rilevanti seħħ għall-finijiet tal-Artikolu 1.

52.      B’hekk il-kunċett ta’ “awtonomija” għandu jingħata interpretazzjoni separata. Ma jistax ikun sempliċiment ikkunsidrat b’tali mod li jingħata l-istess tifsira bħall-kunċett ta’ “identità” skont l-Artikolu 1(1)(b).

53.      Nissoponu li impriża li żżomm l-identità tagħha hija trasferita (u għalhekk, trasferiment rilevanti jseħħ għall-finijiet tal-Artikolu 1(1)(b), meħud b’mod konġunt mal-Artikolu 1(1)(a)). X’jiġri wara? Jidhirli li, b’mod ġenerali, hemm żewġ possibbiltajiet. Sussegwentament għat-trasferiment, l-entità li kienet ittrasferita tista’ tiġi xolta u assorbita fin-negozju ta’ min lilu sar it-trasferiment. B’mod alternattiv, hija tista’ tkompli topera bħala entità identifikabbli fl-impriża ta’ min lilu sar it-trasferiment.

54.      Jidhirli li wieħed għandu jittratta l-kompitu li jiddefinixxi l-“awtonomija” fl-Artikolu 6 skont dak il-kuntest. Madankollu, l-interpretazzjoni ppreferita għandha tirrifletti wkoll l-importanza essenzjali li r-rappreżentanza tal-impjegati għandha fix-xogħol ta’ kwalunkwe impriża jew negozju (36). Din għandha tirrifletti l-għan tad-Direttiva 2001/23 li l-“kundizzjonijiet tax-xogħol” (biex nużaw it-terminu b’mod ġenerali) tal-impjegati trasferiti ma għandhomx, sa fejn huwa possibbli u prattikabbli, ikunu affettwati mit-trasferiment. Madankollu, din għandha wkoll tirrifletti r-realtà operazzjonali li, wara t-trasferiment, il-persuna li tħaddem il-ġdida tista’ tagħmel tibdil organizzativ. Għaldaqstant, iż-żamma ta’ rappreżentanza separata tal-impjegati trasferiti tista’ ma tibqax iktar sensibbli jew xierqa bħala mod biex tirrifletti l-interessi tal-persunal.

55.      Fil-Memorandum tagħha tal-1997 (37), il-Kummissjoni ddikjarat li r-rekwiżit tal-awtonomija kien sodisfatt meta n-negozju trasferit “ikompli jeżisti bħala unità operazzjonali separata iktar milli jkun assorbit minn struttura iktar kumplessa” (38). Approċċ kważi identiku ttieħed fir-rapport tal-2007 tal-Kummissjoni (39), li fih tintuża l-frażi “jkompli jeżisti bħala unità operazzjonali distinta u mhux assorbit minn struttura operazzjonali iktar kumplessa” (40).

56.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub fil-każ preżenti, il-Kummissjoni tipproponi test kemmxejn iktar komplut. Hija tissottometti, filwaqt li tagħmel riferiment għal Klarenberg (41), li t-test għad-determinazzjoni ta’ jekk entità ppreservatx l-awtonomija tagħha huwa jekk, wara t-trasferiment, hija żżommx l-istruttura speċifika operazzjonali imposta mill-persuna li titrasferixxi fuq id-diversi elementi ta’ produzzjoni li huma ttrasferiti. Għall-kuntrarju, entità ma tippreservax l-awtonomija tagħha meta, minkejja ż-żamma tar-rabta funzjonali ta’ interdipendenza u komplementarjetà bejn l-elementi ta’ produzzjoni ttrasferiti (tali rabta hija rikjesta għall-entità trasferita biex iżżomm l-identità tagħha wara t-trasferiment), dawk l-elementi huma integrati fi struttura organizzattiva ġdida u differenti wara t-trasferiment.

57.      Il-Kummissjoni tissottometti li tali approċċ huwa konformi mal-miri sottostanti tal-Artikolu 6. Dan l-artikolu jagħmel il-kontinwazzjoni tal-mandat tar-rappreżentanza tal-impjegati kundizzjonali dwar il-preservazzjoni tal-awtonomija u l-funzjonijiet tal-entità għaliex, jekk l-awtonomija tisparixxi, l-impjegati kkonċernati jsibu rwieħhom assorbiti fl-organizzazzjoni tal-impriża ta’ min lilu sar it-trasferiment flimkien mal-persunal eżistenti, li jkollha diġà r-rappreżentanza tagħha. Ikun sempliċiment “inutli, kontroproduttiv u sors potenzjali ta’ kunflitt” li jkun hemm rappreżentanti differenti tal-impjegati li jipprovdu l-istess servizzi u jwettqu funzjonijiet simili. Madankollu, huwa ugwalment evidenti li sostituzzjoni sempliċi ta’ dawk fl-aħħar mill-aħħar responsabbli mill-impriża ma tqajjimx kwistjonijiet ta’ din in-natura. Għalhekk, ma għandhiex tiġġustifika t-terminu tal-mandati tar-rappreżentanti kkonċernati.

58.      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-interpretazzjoni li tipproponi hija neċessarja biex tagħti effett prattiku lill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/23. Wara kollox, it-trasferiment ta’ impriża huwa kważi dejjem akkumpanjat minn sostituzzjoni tal-għola superjuri ġerarkiċi.

59.      Naqbel mal-Kummissjoni, madankollu b’riżerva importanti. Fl-opinjoni tiegħi, huwa essenzjali li t-test li għandu jiġi applikat għandu jieħu inkunsiderazzjoni r-realtà organizzattiva tal-entità kkonċernata wara t-trasferiment. Bidla li hija sempliċiment ta’ natura kożmetika ma taffetwax dik ir-realtà. Lanqas bidla minuri, li ma taffettwax is-sustanza ta’ dik l-istruttura organizzattiva b’mod materjali, ma taffettwa dik ir-realtà. Li kieku kwalunkwe bidla, hija kemm hija kożmetika jew minuri, kienet ikkunsidrata suffiċjenti biex tikkomprometti l-awtonomija tal-entità trasferita, kien ikun faċli għal persuna li tħaddem mingħajr skruplu biex iċċaħħad lill-impjegati trasferiti mill-benefiċċju tar-rappreżentanza kontinwa tagħhom. Dan imur kontra l-ispirtu u l-għan tad-Direttiva 2001/23.

60.      Il-Gvern Spanjol jissottometti, min-naħa tiegħu, li element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni ta’ jekk awtonomija hijiex ippreservata wara trasferiment huwa dak tal-identità tal-persunal li eleġġa r-rappreżentanti kkonċernati. Fi kliem ieħor, kif nifhem l-argument, meta hemm grupp ta’ impjegati identifikabbli li eleġġa sett ta’ rappreżentanti qabel trasferiment u dak il-grupp jibqa’ unità diskreta wara trasferiment, jagħmel sens li jkun konkluż li l-awtonomija kienet ippreservata.

61.      Naqbel li tali test jista’ jkun utli fil-prattika, dejjem jekk huwa applikat b’mod prudenti. Ikun ħażin, pereżempju, li tkun rikjesta identità kompluta. Skont il-Gvern Spanjol, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola t-terminu tal-mandat tar-rappreżentanti tipprovdi għal perijodu ta’ mandat ta’ erba’ snin (42). F’ħafna każijiet, għandha tkun possibbiltà reali li l-kompożizzjoni tal-grupp ta’ impjegati kkonċernati tkun diġà inbidlet, jekk b’mod mhux rikonoxxibbli, għall-inqas b’mod sinjifikattiv, qabel l-impriża tiġi ttrasferita.

62.      L-osservazzjonijiet preċedenti huma suffiċjenti biex tingħata risposta għad-domanda speċifika magħmula mill-qorti nazzjonali, b’mod partikolari x’inhu mifhum bit-terminu “awtonomija” fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/23. Madankollu, biex tingħata risposta utli għall-qorti nazzjonali u biex ikunu ttrattati b’mod adegwat id-diversi elementi mressqa mill-Gvern Spanjol, huwa neċessarju li l-Artikolu 6 ikun ikkunsidrat kollu kemm huwa, b’mod partikolari, il-firxa ta’ ċirkustanzi li fihom ir-rappreżentanza tal-impjegati għandha tkompli wara trasferiment rilevanti u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet.

 L-istruttura tal-Artikolu 6

63.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/23 huwa maqsum f’ħames partijiet (li minnhom l-ewwel erbgħa jidhru bħala subparagrafi tal-Artikolu 6(1) u l-punt finali bħala l-Artikolu 6(2)). L-ewwel parti tapplika meta l-impriża tippreserva l-awtonomija wara t-trasferiment. F’dak il-każ, “l-istatus u l-funzjoni tar-rappreżentanti jew tar-rappreżentanza tal-impjegati milquta mit-trasferiment għandhom jiġu ppreservati skond l-istess termini u suġġett għall-istess kundizzjonijiet li kien jeżistu qabel id-data tat-trasferiment minħabba l-liġi, ir-regolament, id-dispożizzjoni jew il-ftehim amminstrattiv” (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1)). Fi kliem ieħor, sakemm l-impriża tippreserva l-awtonomija tagħha, hemm statu quo ante. L-impjegati trasferiti jkomplu jkunu rrappreżentati wara t-trasferiment preċiżament kif kienu qabel ma seħħ it-trasferiment, permezz tar-regoli nazzjonali li japplikaw għal tali rappreżentanza.

64.      Madankollu, din il-parti hija suġġetta għal żewġ eċċezzjonijiet. L-ewwel waħda minn dawn tirriżulta permezz tad-diċitura fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) innifsu, “sakemm il-kundizzjonijiet neċessarji għat-twaqqif tar-rappreżentazzjoni [rappreżentanza] tal-impjegat ikunu sodisfatti”. Sejra nittratta din l-eċċezzjoni iktar ’il quddiem (43).

65.      It-tieni parti hija wkoll eċċezzjoni għall-ewwel parti. Hija tapplika meta, taħt id-dispożizzjonijiet jew prattika nazzjonali rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat jew skont it-termini ta’ ftehim mir-rappreżentanti tal-impjegati ttrasferiti, il-“kundizzjonijiet neċessarji biex jerġgħu jiġu maħtura r-rappreżentanti tal-impjegati jew biex terġa’ titwaqqaf ir-rappreżentanza tal-impjegati jkunu sodisfatti” (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1)). F’tali każ, id-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu ma japplikawx. Ir-raġuni ta’ dan hija ovvja. Minħabba li l-impjegati kkonċernati ser jieħdu ħsiebhom ir-rappreżentanti ġodda, mhux iktar neċessarju li jkunu ppreservati l-istatus u l-funzjonijiet tar-rappreżentanti preċedenti tagħhom. Ir-rekwiżit tal-politika stabbilit fl-ewwel parti għalhekk jaqa’.

66.      It-tielet parti tirriżulta biss fil-każijiet meta min jagħmel it-trasferiment huwa insolventi. F’dan il-każ, l-Istati Membri “jistgħu” jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-impjegati trasferiti jkunu rappreżentati b’mod addattat sakemm issir l-elezzjoni jew il-ħatra ġdida tar-rappreżentanti tal-impjegati (it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1)). Minħabba li l-kwistjoni tal-insolvenza ma tirriżultax fil-kawża quddiem il-qorti nazzjonali, mhux ser nikkunsidraha iktar.

67.      Ir-raba’ parti tapplika meta l-impriża, in-negozju jew parti minn impriża jew negozju ttrasferita ma tippreservax l-awtonomija tagħha. Jekk dan ikun il-każ, l-Istati Membri għandhom id-dmir li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-impjegati ttrasferiti li kienu rrappreżentati qabel it-trasferiment, ikomplu jkunu rrappreżentati b’mod adattat matul il-perijodu neċessarju biex ir-rappreżentanza tagħhom tkun rikostitwita jew biex ir-rappreżentanti jinħatru mill-ġdid (ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 6(1)).

68.      Sa hawn, l-istruttura tal-Artikolu 6 hija ċara. Barra mill-każijiet ta’ insolvenza, f’kull każ li jinvolvi trasferiment rilevanti, l-impjegati ttrasferiti għandhom ikunu rappreżentati wara t-trasferiment. Dik ir-rappreżentanza ser tkun ikkostitwita (i) minn “tmexxija ’l quddiem” tar-rappreżentanza eżistenti tagħhom (meta l-impriża tippreserva l-awtonomija tagħha u l-kundizzjonijiet neċessarji għar-rappreżentanza l-ġdida ma humiex sodisfatti), jew (ii) (meta dawk il-kundizzjonijiet huma sodisfatti) b’rappreżentanza ġdida, jew (iii) (meta l-impriża ma tippreservax l-awtonomija tagħha) b’forma ta’ “holding operation” li permezz tagħha l-impjegati jkomplu jkunu rrappreżentati b’mod xieraq għal tali żmien neċessarju sabiex ir-rappreżentanza tkun rikostitwita jew biex ir-rappreżentanti jinħatru mill-ġdid.

69.      Madankollu, f’ċerti każijiet, livell ta’ protezzjoni kemmxejn iktar baxx huwa previst.

70.      Il-ħames parti tikkonċerna s-sitwazzjoni deskritta fl-Artikolu 6(2). Din tapplika meta “bħala riżultat tat-trasferiment” it-terminu ta’ kariga tar-rappreżentanti tal-impjegati jiskadi. F’tali ċirkustanzi, l-Istati Membri għandhom id-dmir li jiżguraw li r-rappreżentanti tal-impjegati trasferiti jkomplu jgawdu mill-protezzjoni mogħtija mil-liġi u l-prattika nazzjonali. Eżempju taċ-ċirkustanzi li fiha din id-dispożizzjoni tista’ tapplika tinstab fl-eċċezzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), li jagħmel it-trasferiment tar-rappreżentanza tal-impjegati suġġetta għall-kundizzjoni li “l-kundizzjonijiet neċessarji għat-twaqqif tar-rappreżentazzjoni [rappreżentanza] tal-impjegat ikunu sodisfatti”.

71.      Id-dispożizzjoni hija neċessarja għaliex id-direttivi tad-drittijiet kweżiti huma (jew kienu) maħsuba biss biex tintlaħaq armonizzazzjoni parzjali tal-liġijiet tal-impjieg tal-Istati Membri (44). Minħabba l-varjazzjonijiet wesgħin f’termini ta’ liġi u prattika bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam, kull ħaġa oħra kienet tkun impossibbli li tintlaħaq. Dan jidher, pereżempju, fil-premessa 5 tad-Direttiva 2001/86 (45), li tirreferi għad-“diversità kbira fir-regoli u l-prattiki illi teżisti fl-Istati Membri rigward il-manjiera li fiha r-rappreżentanti tal-ħaddiema huma involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet ġewwa l-kumpaniji”.

72.      Bħala riżultat, id-Direttiva 2001/23 tista’ tapplika b’mod differenti f’sitwazzjonijiet differenti – b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, parti mit-trasferiment hija persuna ġuridika ta’ dritt pubbliku. Għalhekk, fis-sentenza Mayeur, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi dwar sitwazzjoni li tinvolvi trasferiment ta’ attivitajiet għal persuna li tħaddem tas-settur pubbliku li rriżultat fit-tkeċċija tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-direttiva applikat għat-trasferiment inkwistjoni. Madankollu, hija ma komplietx billi tirrikonoxxi li, meta liġi nazzjonali pprovdiet kuntratti ta’ impjieg biex jaslu fit-terminu bi trasferiment mis-settur privat għas-settur pubbliku, tali dispożizzjoni kienet inkompatibbli b’mod inerenti mad-Direttiva 77/187. Minflok, hija rrikonoxxiet li kwalunkwe tkeċċija li tirriżulta permezz ta’ implementazzjoni ta’ dik il-liġi twassal għal bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol skont dak li issa huwa l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23, bir-riżultat li t-tkeċċija għandha tkun ikkunsidrata bħala li rriżultat mill-azzjoni tal-persuna li tħaddem il-ġdida mis-settur pubbliku (46).

73.      Bl-istess mod, f’Delahaye (47), meta s-salarju ta’ impjegat tnaqqas b’riżultat ta’ regoli nazzjonali li japplikaw fil-każ ta’ trasferiment minn persuna li tħaddem mis-settur privat għall-persuna li tħaddem mis-settur pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li rrilevat li d-Direttiva 77/187 ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li tipprovdi għat-tmiem ta’ kuntratti ta’ impjieg irregolati minn liġi privata fil-każ ta’ trasferiment ta’ attività għal persuna ġuridika ta’ dritt pubbliku, kompliet biex tirrikonoxxi li l-istess għandu japplika meta l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali li jirregolaw il-pożizzjoni tal-impjegati tal-Istat tinvolvi tnaqqis fir-remunerazzjoni tal-impjegati kkonċernati mit-trasferiment. (48)

74.      Bl-istess mod, kif din ma tipprekludix l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jirriżultaw fit-tnaqqis tar-remunerazzjoni tal-impjegati wara trasferiment u lanqas li huma jitkeċċew suġġett għal salvagwardji xierqa, id-Direttiva 2001/23 ma tipprekludix li l-applikazzjoni ta’ regoli nazzjonali twassal, direttament jew indirettament, biex iċ-ċaqliq min-naħa għall-oħra tal-iskema tar-rappreżentanza tal-impjegati jkun evitat. Nifhem, pereżempju, li dan jista’ jkun il-każ taħt xi sistemi legali nazzjonali, li skonthom id-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-rappreżentanza tal-impjegati fis-settur pubbliku huma differenti minn dawk li japplikaw għall-impjegati fis-settur privat. Dan huwa l-iskop wara l-eċċezzjoni stabbilita fit-tmiem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1).

75.      Bla dubju, dan ma jfissirx li l-impjegati kkonċernati minn tali ċirkustanzi jitħallew kompletament mhux protetti. L-Artikolu 6(2) jiżgura li dan ma jkunx il-każ. Madankollu, il-kontenut preċiż ta’ din il-protezzjoni f’każ partikolari u, jekk ikun il-każ, il-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet japplikawx, jaqgħtu taħt il-liġijiet u/jew il-prattika tal-Istati Membri.

76.      Jifdal żewġ linji oħra ta’ argumentazzjoni mressqa mill-Gvern Spanjol xi jkunu kkunsidrati.

 Fuq ir-rappreżentanza doppja tal-persunal

77.      L-ewwel nett, il-Gvern Spanjol jargumenta li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “awtonomija” skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/23 li jkollha l-effett tat-tkomplija tar-rappreżentanza eżistenti tal-impjegati fil-każ preżenti toħloq forma ta’ “rappreżentazzjoni [rappreżentanza] doppja” fi ħdan il-persunal tal-persuna li tħaddem il-ġdida. Minħabba li l-persunal eżistenti jkun diġà rrappreżentat tajjeb, dan joħloq problema prattika serja. Għalhekk, tali riżultat ma jistax ikun aċċettabbli.

78.      Jibqa’ l-fatt li, jekk u sakemm is-sitwazzjoni fattwali hija waħda li għaliha japplika l-Artikolu 6(1), tali rappreżentanza doppja hija konsegwenza inevitabbli tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1); li l-persuna li tħaddem jkollha sempliċiment taċċettaha.

79.      Madankollu, jekk is-sitwazzjoni reali tirrikjedi l-applikazzjoni tat-tieni jew tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 6(1) jew tal-Artikolu 6(2) japplikaw, il-kwistjoni tar-rappreżentanza doppja ma tqumx jew, jekk tqum, għandha tiġi limitata għal perijodu relattivament qasir.

80.      Għalhekk, l-ewwel argument tal-Gvern Spanjol għandu jiġi miċħud.

 Id-diskriminazzjoni u l-prinċipju tat-trattament ugwali, id-dritt li jittieħed sehem f’attivitajiet tat-trejdjunjins u l-bżonn li jkunu kkunsidrati l-interessi ta’ min lilu jsir it-trasferiment.

81.      It-tieni nett, il-Gvern Spanjol isostni li, li kieku wieħed jassumi li l-awtonomija ppreservata fil-każ preżenti, ir-riżultat ikun diskriminatorju rigward ir-rappreżentanti tal-impjegati u r-rappreżentanti tat-trejdjunjin tal-persunal eżistenti tal-persuna li tħaddem il-ġdida. In-nuqqas ta’ kwalunkwe elezzjonijiet ġodda li jirriżultaw minn trasferiment joħloq żbilanċ fi ħdan l-organizazzjoni tal-persuna li tħaddem il-ġdida, b’detriment mhux biss għat-trejdjunjins li huma diġà rrappreżentati f’dik l-entità iżda wkoll għar-rappreżentanti legali tal-persunal ikkonċernat. Tali żbilanċ jikser il-prinċipju tat-trattament ugwali u jfixkel il-libertà tar-rappreżentanti legali tal-persunal eżistenti tal-muniċipalità milli jieħdu sehem f’attivitajiet tat-trejdjunjins. Barra minn hekk, approċċ tali jwassal biex jiġi ttraskurat d-dannu ekonomiku kkawżat lill-persuna li tħaddem il-ġdida li tirriżulta mill-obbligu tagħha li tagħti, lir-rappreżentanti tal-impjegati ttrasferiti, “siegħat ta’ delegazzjoni” skont id-diċitura tad-digriet tar-rinviju (49).

82.      Ma nistax naqbel ma’ dawn l-argumenti.

83.      Ċertament, l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/23 għal impjegati ttrasferiti tista’ tirriżulta fi grad li l-Gvern Spanjol isejjaħ “żbilanċ” fi ħdan l-organizzazzjoni tal-persuna li tħaddem il-ġdida. Effett tat-teħid min-naħa għall-oħra tar-rappreżentanza ta’ dawk l-impjegati jista’ fil-fatt verament ikun biex iżid mal-piż amministrattiv involut fir-rappreżentanza tal-persunal diġà impjegat mill-persuna li tħaddem il-ġdida.

84.      Madankollu, tali effett għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tad-Direttiva 2001/23 kollha kemm hi, li l-iskop primarju tagħha huwa, bħama diġà fakkart, biex tissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema f’każ ta’ bidla tal-persuna li tħaddem billi tippermettilhom ikomplu jaħdmu għall-persuna li tħaddem li lilha jkun sar it-trasferiment bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk miftiehma mal-persuna li titrasferixxi (50). Permezz tad-direttiva, mhux biss id-drittijiet relatati mar-rappreżentanza tal-impjegati iżda wkoll it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tal-entità trasferita jittieħdu min-naħa għall-oħra għar-relazzjoni ġdida tal-impjieg bħala riżultat tat-trasferiment. Dawk it-termini u l-kundizzjonijiet jistgħu jkunu aħjar jew agħar (totalment jew parzjalment) minn dawk relatati mal-persunal eżistenti tal-persuna li tħaddem il-ġdida. Madankollu, huwa inevitabbli li jirriżulta xi żbilanċ. Dan huwa riżultat, mhux ta’ kwalunkwe illegalità inerenti fl-implementazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/23 iżda fl-implementazzjoni tad-direttiva kollha kemm hija.

85.      Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq diskriminazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju tat-trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni jirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx ikunu trattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx ikunu ttrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma huwiex oġġettivament iġġustifikat (51).

86.      Filwaqt li indirizzat kwistjonijiet ta’ tqabbil, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa neċessarju li jkunu kkunsidrati l-kwistjonijiet kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjonijiet inkwistjoni (52). Dawn l-elementi, u għalhekk it-tqabbil tagħhom, “għandhom, b’mod partikolari, jiġu stabbiliti u evalwati fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-att Komunitarju li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni” (53).

87.      F’dan il-każ, l-eventwali distinzjoni, tirriżulta mill-kuntest tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2001/23, u fid-dawl tal-għan primarju tagħha. F’dan il-kuntest, jidhirli li fil-fatt ma hemmx diskriminazzjoni u ma hemmx ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali. Iż-żewġ kategoriji ta’ impjegati inkwistjoni ma humiex sitwazzjonijiet komparabbli fid-dawl tal-politika Komunitarja f’dan ir-rigward. L-implementazzjoni ta’ din il-politika għandha bħala għan li jinħolqu żewġ sitwazzjonijiet differenti fi ħdan l-istess impriża. L-ewwel waħda tikkostitwixxi l-impjegati l-ġodda li t-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom kienu legalment ittrasferiti. It-tieni waħda hija rrappreżentata mill-persunal eżistenti. Għaldaqstant, regoli differenti jistgħu jkunu applikabbli b’mod ġustifikat.

88.      Anki jekk iż-żewġ sitwazzjonijiet inkwistjoni kienu paragunabbli, jiena tal-opinjoni li kwalunkwe differenza li tirriżulta f’dawn is-sitwazzjonijiet tkun oġġettivament iġġustifikata fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 2001/23 li tiżgura, sa fejn possibbli u fil-prattika, li l-impjegati l-ġodda ma humiex żvantaġġati minħabba t-trasferiment.

89.      Għal dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq preġudizzju għal-libertà tal-persunal eżistenti biex jieħu sehem f’attivitajiet tat-trejdjunjins, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt irrikonoxxiet li dik il-libertà tikkostitwixxi “prinċipju ġenerali tal-liġi tax-xogħol”. Madankollu, ma nista’ nara xejn fir-raġunament imressaq mill-Gvern Spanjol biex nissuġġerixxi li tali libertà hija imxekkla sensittivament jew b’mod inġustifikat fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

90.      Rigward l-argument relatat mad-dannu potenzjali kkawżat lill-persuna li tħaddem il-ġdida, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li jista’ jkun li l-interessi ta’ dik il-persuna li tħaddem ikollhom jittieħdu inkunsiderazzjoni (54), tali approċċ ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, ikun elevat għal prinċipju superjuri ta’ interpretazzjoni tad-direttiva biex tinnega d-diċitura ċara tad-dispożizzjonijiet tagħha u tikkomprometti l-effet utile tagħhom.

 Applikazzjoni fil-proċeduri tal-kawża prinċipali

91.      Bla dubju, huwa f’idejn il-qorti nazzjonali li tapplika l-prinċipji stabbiliti mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża għall-fatti tal-kawża quddiemha, billi b’mod partikolari tikkunsidra r-regoli u l-prattiki nazzjonali li huma rilevanti.

92.      Madankollu, il-kwistjonijiet sussegwenti probabbilment ikunu rilevanti għal kwalunkwe valutazzjoni tal-awtonomija magħmula mill-qorti nazzjonali:

–        il-kontinwità tal-funzjonijiet u tas-servizzi pprovduti mill-impjegati ttrasferiti;

–        sa fejn l-impjegati ttrasferiti jkomplu jiffurmaw unità operattiva diskreta fl-impjieg tagħhom fl-impriża meħuda (hawn, l-awtorità muniċipali);

–        sa fejn is-superjuri immedjati ta’ dawn l-impjegati jibqgħu l-istess;

–        sa fejn l-elettorat tal-impjegati li ħatar ir-rappreżentanti kkonċernati jibqa’ l-istess (għalkemm, minħabba r-raġunijiet imsemmija f’punt 61 iktar ’il fuq, dan huwa test li għandu jkun applikat f’sens wiesa’);

–        sa fejn kwalunkwe operazzjonijiet ristrutturali sinjifikattiv mwettqa minn min lilu jkun sar it-trasferiment wara t-trasferiment jista’ jkun li rriżultaw fl-entità trasferita li titlef l-indipendenza organizzattiva u finanzjarja tagħha.

93.      Min-naħa l-oħra, nixtieq nenfasizzaw li l-qorti nazzjonali għandha sempliċiment tikkunsidra operazzjonijiet ristrutturali minuri li twettqu minn min lilu jkun sar it-trasferiment wara t-trasferiment. Pereżempju, rilokazzjoni tal-bini li minnu l-impjegati jwettqu x-xogħol tagħhom, jkun improbabbli ħafna, li waħdu, jkollu kwalunkwe effett sinjifikattiv fuq il-preservazzjoni tal-awtonomija. L-istess japplika għal kwalunkwe bidla fl-identità tal-bażi tal-konsumatrui li għaliha l-impjegati kienu jwettqu d-dmirijiet tagħhom.

94.      Kwalunkwe bidla f’dawk fl-aħħar mill-aħħar responsabbli mill-impjegati trasferiti hija bl-istess mod fattur li għandu jkun injorat. Kif il-Kummissjoni tosserva tajjeb, bidla ta’ din in-natura hija virtwalement inevitabbli wara kwalunkwe trasferiment rilevanti.

95.      Fl-aħħar, il-Gvern Spanjol issuġġerixxa li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 67(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema Spanjoli (55) jimplikaw li r-rappreżentanza tal-impjegati ttrasferiti hija rregolata mhux mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/23, iżda pjuttost mit-tieni subparagrafu. Jista’ jkun li l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli tirriżulta fil-“il-kundizzjonijiet neċessarji għat-twaqqif tar-rappreżentazzjoni [rappreżentanza] ta’ l-impjegat ikunu sodisfatti”. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

 Konklużjoni

96.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Juzgado de lo Social Único de Algeciras kif ġej:

“Għall-għanijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju tippreserva l-awtonomija tagħha jekk, wara t-trasferiment, iżżomm l-istruttura organizzattiva speċifika tagħha imposta mill-persuna li titrasferixxi fuq l-elementi ta’ produzzjoni diversi li huma ttrasferiti. Min-naħa l-oħra, entità ma tippreservax l-awtonomija tagħha jekk, minkejja ż-żamma tar-rabta funzjonali tal-interdipendenza u l-kumplementarjetà bejn l-elementi ta’ produzzjoni trasferiti (tali rabta hija neċessarja sabiex l-entità ttrasferita żżomm l-identità tagħha wara t-trasferiment), dawk l-elementi huma integrati fi struttura organizzattiva ġdida u differenti wara t-trasferiment. Fl-implementazzjoni ta’ dawn il-kriterji, huwa neċessarju li tkun ikkunsidrata r-realtà organizzattiva tal-entità kkonċernata wara t-trasferiment.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 98. Id-direttiva tikkodifika u tissostitwixxi d-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati [ħaddiema] fil-każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU 1977 L 61, p. 26) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 77/187”), li min-naħa tagħha kienet emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU 1998 L 201, p. 88) (“Direttiva 98/50”). Qegħda hawn taħt nirreferi għal dawn id-direttivi b’mod konġunt bħala d-“direttivi tad-drittijiet kweżiti”.


3 – Ara l-punti 48 et seq, iktar ’l isfel.


4 – Kawża C‑466/07 [2009] fil-punti 20 et seq.


5 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 1988, Tellerup, imsejħa “Daddy’s Dance Hall” (324/86, Ġabra p. 739, punt 9).


6 – Għal raġunijiet ta’ ekonomija, f’dawn il-konklużjonijiet, il-kelma “impriża”, tinkludi negozju, stabbiliment jew parti minn impriża, u l-kelma “trasferiment” tirreferi għal trasferimenti li għalihom id-direttivi tad-drittijiet kweżiti japplikaw.


7 – Ara s-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Juuri (C‑396/07, Ġabra p. I‑8883, punt 28) u l-ġurisiprudenza ċċitata. Ara wkoll il-premessa 3 tad-Direttiva 2001/23.


8 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Jouini et (C‑458/05, Ġabra p. I‑7301, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata)


9 – Sentenza tat-18 ta’ Marzu 1986, Spijkers (24/85, Ġabra p. 1119).


10 – Sentenza Spijkers, iċċitata iktar ’il fuq, punti 11 u 13.


11 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi maqgħuda tal-10 ta’ Diċembru 1998, Hidalgo et (C‑173/96 u C‑247/96 Ġabra p. I‑8237, punt 31).


12 – Sentenza tal-14 ta’ April 1994, Schmidt (C‑392/92, Ġabra p. I‑1311).


13 – Ara s-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Mayeur (C‑175/99, Ġabra p. I‑7755, punt 33), u l-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva 2001/23.


14 – Sentenza Schmidt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20.


15Ibidem, punt 14. Ara wkoll l-Artikolu 1(1)(ċ) tad-Direttiva 2001/23.


16 – Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1998, Hernández Vidal et (C‑127/96, C‑229/96 u C‑74/97, Ġabra p. I‑8179, punt 35).


17 – Ara s-sentenza Mayeur, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40.


18 – Punt 16. Huwa pjuttost diffiċli biex jiġi identifikat trasferiment ta’ impriża li tinvolvi inqas, fir-rigward ta’ assi tanġibbli, milli f’dak il-każ.


19 – Sentenza tal-11 ta’ Marzu 1997, (C‑13/95, Ġabra p. I‑1259).


20 – Ibidem, punt 18.


21 – Sentenza tal-25 ta’ Jannar 2001, Liikenne (C‑172/99, Ġabra p. I‑745, punti 39 u 42).


22 – Ara s-sentenza Mayeur iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2001/23.


23 – Sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, Abler et, C‑340/01, Ġabra p. I‑14023, punt 43.


24 – Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, Güney-Görres u Demir (C‑232/04 u C‑233/04, Ġabra p. I‑11237, punt 41).


25 – Ara punt 10 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola fil-kawża Süzen, iċċitata iktar ’il fuq. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-kawża Hernández Vidal et., iċċitata iktar ’il fuq.


26 – Prinċipji simili huma riflessi, inter alia, fil-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, li l-Artikoli 7, 17 u 18 tagħha huma msemmija fi Premessa 5 tad-Direttiva 2001/23 (ara punt 3 iktar ’il fuq).


27 – Artikolu 4(2)(a), (b) u (ċ) tad-Direttiva 2002/14 KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2002, li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 219).


28 – Ara wkoll id-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE, tat-22 ta’ Settembru 1994, dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ tagħrif u ta’ konsultazzjoni għall-impjegati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 2, p. 232); Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE, tat-8 ta’ Ottubru 2001, li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 4, p. 272) u, għal raġunijiet ta’ kompletezza, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE, tat-22 ta’ Lulju 2003, li tissupplimenta l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 338); u d-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 3, p. 327).


29 – Sentenza tat-18 ta’ Jannar 1990, (C‑193/87 u C‑194/87, Ġabra p. I‑95).


30Ibidem, punt 21.


31 – Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑382/92, Ġabra p. I‑2435).


32Ibidem, punt 24.


33 – F’dan il-kuntest, wieħed għandu jżomm f’moħħu li d-direttiva ma tipprevedix li l-impjegati trasferiti ma jistgħu jitkeċċew qatt. Fil-fatt, l-Artikolu 4(1) jipprovdi espliċitament li “Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew tal-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu”.


34 – Enfasi tiegħi.


35 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Klarenberg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50. In fine, dan il-punt huma b’mod ċar intenzjonat biex jinkludi kemm l-ipoteżi ta’ meta l-entità ekonomika ttrasferita żżomm l-awtonomija tagħha (b’hekk jiġi attivat l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1)) u kemm dik meta ma żżommhiex (koperti mir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 6(1)).


36 – Ara l-punti 42 sa 44 iktar ’il fuq.


37 – Memorandum tal-Kummissjoni, tal-4 ta’ Marzu 1997, dwar id-drittijiet kweżiti tal-ħaddiema f’każijiet ta’ trasferiment ta’ impriżi [COM (97) 85 finali].


38 – Punt 2.7.


39 – Rapport tal-Kummissjoni fuq id-Direttiva 2001/23 tat-18 ta’ Ġunju 2007 [COM (2007) 334 finali].


40 – Ma naħsibx li għandha tingħata xi importanza lill-bidla żgħira fil-kliem (għall-inqas fil-verżjoni Ingliża) bejn iż-żewġ dokumenti tal-Kummissjoni. Il-verżjonijiet Franċiżi ta’ dawk id-dokumenti huma għal skopijiet prattiċi, l-istess.


41 – sentenza ċċitata, punti 47 u 48.


42 – Artikolu 67(3) tal-Istatut tal-Ħaddiema Spanjoli.


43 – Ara punti 70 u 74 iktar ’il quddiem.


44 – Ara, rigward id-Direttiva 77/187, inter alia, Daddy’s Dance Hall, iċċitata fin-nota 5 iktar ’il fuq, punt 16, u tas-6 ta’ Novembru 2003, Martin et (C‑4/01, Ġabra p. I‑12859, punt 41). Ara, rigward id-Direttiva 2001/23, is-sentenza Juuri, punt 23.


45 – Iċċitata ikta ’il fuq.


46 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, punt 56.


47 – Sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Delahaye (C‑425/02, Ġabra p. I‑10823).


48 – Ibidem, punti 32 u 33.


49 – Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 68 tal-Istatut tal-Ħaddiema Spanjoli jattribwixxi kull xahar lir-rappreżentanti tal-impjegati “ħin ta’ delegazzjoni” li jvarja skont id-daqs tal-impriża kkonċernata. Fil-każ ta’ impriża li għandha sa 100 impjegat, pereżempju, il-kreditu huwa ta’ 15-il siegħa. Fil-każ ta’ impriża li għandha iktar minn 751 impjegat, il-kreditu huwa ta’ 40 siegħa.


50 – Ara l-punt 28 iktar ’il fuq.


51 – Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 95), u tal-10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines (C‑173/07, Ġabra p. 5237, punt 39).


52 – Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07 Ġabra p. I‑9895, punt 25).


53 – Ibidem, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata.


54 – Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Werhof (C‑499/04, Ġabra p. I‑2397, punt 31).


55 – Ara l-punt 9 iktar ’il fuq.

Top