This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62009CC0118
Opinion of Advocate General Trstenjak delivered on 2 June 2010. # Robert Koller. # Reference for a preliminary ruling: Oberste Berufungs- und Disziplinarkommission - Austria. # ‘Court or tribunal’ within the meaning of Article 234 EC - Recognition of diplomas - Directive 89/48/EEC - Lawyer - Entry on the professional roll of a Member State other than that in which the diploma was recognised as equivalent. # Case C-118/09.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Trstenjak - 2 ta' Ġunju 2010.
Robert Koller.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberste Berufungs- und Disziplinarkommission - l-Awstrija.
Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ skont l-Artikolu 234 KE - Rikonoxximent tad-diplomi - Direttiva 89/48/KEE - Avukat - Reġistrazzjoni fl-elenku tal-ordni ta’ professjoni ta’ Stat Membru differenti minn dak li fih id-diploma ġiet approvata.
Kawża C-118/09.
Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Trstenjak - 2 ta' Ġunju 2010.
Robert Koller.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberste Berufungs- und Disziplinarkommission - l-Awstrija.
Kunċett ta’ ‘qorti nazzjonali’ skont l-Artikolu 234 KE - Rikonoxximent tad-diplomi - Direttiva 89/48/KEE - Avukat - Reġistrazzjoni fl-elenku tal-ordni ta’ professjoni ta’ Stat Membru differenti minn dak li fih id-diploma ġiet approvata.
Kawża C-118/09.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-13627
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:306
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
TRSTENJAK
ippreżentati fit-2 ta’ Ġunju 2010 1(1)
Kawża C‑118/09
Mag. Lic. Robert Koller
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Obersten Berufungs- und Disziplinarkommission (l-Awstrija)]
“Kunċett ta’ qorti nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 234 KE – Oberste Berufungs- und Disziplinarkommission – Direttiva 89/48/KEE – Moviment liberu tal-persuni – Rikonoxximent tat-taħriġ professjonali – Artikolu 1(a) – Kunċett ta’ diploma – Aċċess għall-professjoni ta’ avukat – Reġistrazzjoni ma’ ordni ta’ professjoni ta’ Stat Membru differenti minn dak li fiha d-diploma ġiet approvata – Abbuż ta’ dritt”
I – Introduzzjoni
1. Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 234 tat-Trattat KE (2), qed tintalab tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-Direttiva tal-Kunsill Nru 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (3). L’Oberste Berufungs- und Disziplinarkommission (iktar ’il quddiem l-OBDK) jixtieq ikun jaf speċifikament jekk, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 89/48, ċittadin Komunitarju, li spiċċa b’suċċess it-taħriġ akkademiku kollu tiegħu fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, l-Awstrija, u li kiseb, permezz ta’ approvazzjoni tal-grad akkademiku tiegħu fi Spanja, diploma li tippermettilu jibda’ jeżerċita l-professjoni ta’ avukat f’dan il-pajjiż, jistax jibbenefika, fl-Awstrija, mir-rikonoxximent reċiproku tal-grad akkademiku tiegħu Spanjol sabiex jeżerċita din il-professjoni fl-Istat ta’ oriġini tiegħu, minkejja li fi Spanja huwa ma kisibx il-grad ta’ esperjenza professjonali mitlub fl-Awstrija.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt Komunitarju
2. Id-Direttiva 89/48/KEE, applikabbli ratione temporis għall-kawża inkwistjoni, kienet tirregola, qabel ma tħassret permezz tad-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (4), li daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Ottubru 2007, ir-rikonoxximent reċiproku, bejn l-Istati Membri, tad-diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar tat-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin.
3. L-ewwel premessa tad-Direttiva 89/48 tgħid dan li ġej:
“Billi, skond l-Artikolu 3(ċ) tat-Trattat l-abolizzjoni, bejn l-Istati Membri, ta’ ostakoli għal-libertà ta’ moviment għal persuni u servizzi tikkostitwixxi waħda mill-objettivi tal-Komunità; billi, għal ċittadini ta’ l-Istati Membri, dan ifisser b'mod partikolari l-possibiltà li wieħed iwettaq professjoni, kemm jekk bħala persuna li taħdem għal rasha kemm jekk bħala impjegat, fi Stat Membru ta’ xort’ oħra minn dak li fih akkwistaw il-kwalifiki professjonali tagħhom”.
4. It-tielet premessa ta’ din id-direttiva tiddikjara dan li ġej:
“Billi, sabiex tiġi pprovduta risposta malajr għal dak li jistennew iċ-ċittadini ta’ pajjiżi Komunitarji li għandhom diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali maħruġa fi Stat Membru ta’ xort’ oħra minn dik li fih huma jixtiequ jwettqu l-professjoni tagħhom, metodu ieħor ta’ rikonoxximent ta’ dawn id-diplomi għandu wkoll jitwaqqaf sabiex ikun possibbli għal dawk kollha kkonċernati biex iwettqu dawk l-attivitajiet professjonali kollha li fi Stat Membru ospitanti huma dipendenti fuq il-kompletar ta’ edukazzjoni u taħriġ post-sekondarju, sakemm dawn għandhom dik id-diploma li tippreparahom għal dawk l-attivitajiet mogħtija mal-kompletar ta’ kors ta’ studji li jdum mill-inqas tliet snin u maħruġ fi Stat Membru ieħor”.
5. Il-ħames premessa tad-Direttiva 89/48 tgħid dan li ġej:
“Billi, għal dawk il-professjonijiet li għat-twettiq tagħhom il-Komunità ma stabbilitx il-livell minimu neċessarju ta’ kwalifiki, l-Istati Membri jirriservaw l-għażla li jistabbilixxu dan il-livell bl-iskop li jiggarantixxu l-kwalità tas-servizzi pprovduti fit-territorju tagħhom; billi, madanakollu, dawn ma jistgħux, mingħajr ma jiksru l-obbligi tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat, jeħtieġu li ċittadin ta’ Stat Membru jakkwista dawk il-kwalifiki li ġeneralment huma jiddeterminaw biss b’referenza għal diplomi maħruġa taħt is-sistemi proprji ta’ edukazzjoni nazzjonali, meta il-persuna kkonċernata tkun diġà akkwistat parti minn jew il-kwalifiki kollha fi Stat Membru ieħor; billi, bħala riżultat, kull Stat Membru ospitanti li fih tkun regolata professjoni hu meħtieġ jieħu kont tal-kwalifiki akkwistati fi Stat Membru ieħor u li jiddetermina jekk dawk il-kwalifiki jikkorrispondux għall-kwalifiki li jeħtieġ l-Istat Membru kkonċernat”.
6. L-Artikolu 1(a), (b) u (g) tad-Direttiva 89/48 jipprovdi dan li ġej:
“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
a) diploma: kull diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali jew kull sett ta’ dawn id-diplomi, ċertifikati jew provi oħrajn:
– li ngħatat minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, maħtur skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-disposizzjonijiet amministrattivi proprji;
– li turi li t-titolari ikun ikkompleta b’ suċċess kors post-sekondarju ta’ mill-inqas tliet snin, jew ta’ dewmien ekwivalenti part-time, f’università jew stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla jew stabbiliment ieħor ta’ livell simili u, meta approprjat, li huwa jkun ikkompleta b’ suċċess it-taħriġ professjonali meħtieġ minbarra il-kors post-sekondarju, u
– li turi li t-titolari jkollu l-kwalifiki professjonali meħtieġa għall-bidu jew it-twettiq ta’ professjoni regolata f’ dak l-Istat Membru,
sakemm l-edukazzjoni u t-taħriġ ivverifikati mid-diploma, iċ-ċertifikat jew provi oħrajn ta’ kwalifiki formali jkunu ġew irċevuti prinċipalment fil-Komunità, jew it-titolari tagħhom ikollu tliet snin esperjenza professjonali iċċertifikata mill-Istat Membru li rrikonoxxa diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali ta’ pajjiż terz.
Dan li ġej għandu jiġi trattat bl-istess mod bħal diploma, fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu: kull diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali jew kull sett ta’ diplomi, ċertifikati jew provi oħrajn bħal dawn mogħtija minn awtorità kompetenti fi Stat Membru jekk din tkun ingħatat mal-kompletar b’ suċċess ta’ edukazzjoni u taħriġ irċevut fil-Komunità u rikonoxxut minn awtorità kompetenti f’ dak l-Istat Membru bħala ta’ livell ekwivalenti u jekk dan jagħti l-istess drittijiet fir-rigward tal-bidu u t-twettiq ta’ professjoni regolata f’dak l-Istat Membru;
b) Stat Membru ospitanti: Kull Stat Membru li fih ċittadin ta’ Stat Membru japplika sabiex iwettaq professjoni soġġetta għar-regolament f’ dak l-Istat Membru, ta’ xort’oħra mill-Istat li fih huwa akkwista d-diploma tiegħu jew beda għall-ewwel darba l-professjoni inkwistjoni;
[…]
g) aptitude test: test limitat għat-tagħrif professjonali ta’ l-applikant, magħmul mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti bl-iskop li tiġi stmata l-abilità ta’ l-applikant li jwettaq professjoni regolata f’ dak l-Istat Membru.
Sabiex jiġi permess li dan it-test jitwettaq, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ifasslu lista ta’ suġġetti li, abbażi ta’ paragun ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ meħtieġa fl-Istat Membru u dak irċevut mill-applikant, mhumiex koperti mid-diploma jew prova oħra ta’ kwalifiki formali posseduti mill-applikant.
L-aptitude test għandu jieħu kont tal-fatt li l-applikant huwa professjonist kwalifikat fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew fl-Istat Membru minn fejn ikun ġej. Għandu jkopri suġġetti li għandhom jintagħżlu minn dawk fuq il-lista, li t-tagħrif tagħhom huwa essenzjali sabiex ikun possibli li wieħed jeżerċita l-professjoni fl-Istat Membru ospitanti. It-test jista’ wkoll jinkludi t-tagħrif tar-regoli professjonali applikabbli għall-attivitajiet inkwistjoni fl-Istat Membru ospitanti. L-applikazzjoni dettaljata ta’ l-aptitude test għandha tiġi determinata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat b’ konsiderazzjoni xierqa għar-regoli tal-liġi Komunitarja.
L-istatus, fl-Istat Membru ospitanti, ta’ l-applikant li jixtieq jipprepara ruħu għall-aptitude test dak l-Istat għandu jiġi determinat mill-awtoritajiet kompetenti f’dak l-Istat.”
7. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/48 jgħid dan li ġej:
“Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull ċittadin ta’ Stat Membru li jixtieq iwettaq professjoni regolata fi Stat Membru ospitanti bħala persuna li taħdem għal rasha jew bħala persuna impjegata.”
8. Fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 89/48 huwa indikat li:
“Meta, fi Stat Membru ospitanti, il-bidu jew it-twettiq ta’ professjoni regolata huwa soġġett għall-pussess ta’ diploma, l-awtorità kompetenti ma tistax, fuq il-bażi ta’ kwalifiki inadegwati, tirrifjuta li tawtorizza ċittadin ta’ Stat Membru milli jibda jew iwettaq dik il-professjoni bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini proprji stess:
a) jekk l-applikant għandu d-diploma meħtieġa fi Stat Membru ieħor għall-bidu jew it-twettiq tal-professjoni inkwistjoni fit-territorju tiegħu, u din id-diploma tkun ingħatat fi Stat Membru; […]”.
9. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/48 jipprovdi dan li ġej:
“1. Minkejja l-Artikolu 3, l-Istat Membru ospitanti jista’ wkoll jitlob lill-applikant:
a) jipprovdi prova ta’ esperjenza professjonali, meta d-dewmien ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ meħud bħala sostenn għal din l-applikazzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 3(a) u (b), huwa mill-anqas sena inqas minn dak meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti. F’dan il-każ, il-perjodu ta’ esperjenza professjonali meħtieġ:
– ma jistax jaqbeż id-doppju tan-nuqqas fid-dewmien ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ meta in-nuqqas jirrelata għal studji post-sekondarji u/jew għal perjodu ta’ prattika bi prova mwettqa taħt il-kontroll ta’ persuna professjonali ta’ sorveljanza u li jintemm b’ eżami,
– ma jistax jaqbeż in-nuqqas meta in-nuqqas jirrelata għall-prattika professjonali akkwistata bl-assistenza ta’ membru kwalifikat tal-professjoni.
Fil-każ ta’ diplomi fis-sens ta’ l-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(a), id-dewmien ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ rikonoxxut bħala ta’ livell ekwivalenti għandu jiġi determinat bħal dak għall-edukazzjoni u t-taħriġ definiti fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 1(a).
Meta jiġu applikati dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jittieħed kont ta’ l-esperjenza professjonali msemmija fl-Artikolu 3 (b).
Fil-każijiet kollha, l-esperjenza professjonali meħtieġa ma tistax taqbeż l-erba’ snin
b) jikkompleta perjodu ta’ addattament li ma jaqbiżx it-tliet snin jew jieħu aptitude test:
– meta l-kwistjonijiet koperti bl-edukazzjoni u t-taħriġ li huwa rċieva kif stabbilit fl-Artikolu 3(a) u (b), jvarjaw sostanzjalment minn dawk koperti mid-diploma meħtieġa fl-Istat Membru ospitanti, jew
– meta, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(a), il-professjoni regolata fl-Istat Membru ospitanti tikkomprendi attività professjonali waħda jew aktar li mhumiex fil-professjoni regolata fl-Istat Membru minn fejn joriġina jew ikun ġej l-applikant u dik id-differenza tikkorrispondi għall-edukazzjoni u t-taħriġ speċifiku meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti u tkopri materji li jvarjaw sostanzjalment minn dawk koperti mid-diploma murija mill-applikant, jew
– meta, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(b), il-professjoni regolata fl-Istat Membru ospitanti tikkomprendi attività professjonali waħda jew aktar li mhumiex fil-professjoni mwettqa mill-applikant fl-Istat Membru minn fejn huwa joriġina jew ikun ġej u dik id-differenza tikkorrispondi għal edukazzjoni u taħriġ speċifiku meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti u tkopri materji li jvarjaw sostanzjalment minn dawk koperti minn prova ta’ kwalifiki formali murija mill-applikant.
Jekk l-Istat Membru ospitanti juża din il-possibiltà, dan għandu jagħti lill-applikant id-dritt li jagħżel bejn il-perjodu ta’ addattament jew aptitude test. B’deroga minn dan il-prinċipju, għall-professjonijiet li l-prattika tagħhom titlob tagħrif preċiż tal-liġi nazzjonali u li fir-rigward tagħhom il-provvista ta’ pariri u/jew assistenza li tikkonċerna l-liġi nazzjonali hija aspett essenzjali u kostanti ta’ l-attività professjonali, l-Istat Membru ospitanti jista’ jistipula jew perjodu ta’ addattament jew aptitude test. Meta l-Istat Membru ospitanti jkun beħsiebu jintroduċi derogi għal professjonijiet oħrajn fir-rigward tad-dritt ta’ l-applikant li jagħżel, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10 għandha tapplika.
2. Madanakollu, l-Istat Membru ospitanti ma jistax japplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1(a) u (b) kumulattivament”.
B – Id-dritt nazzjonali
10. Il-qorti tar-rinviju tindika li f’dan il-każ għandha tiġi applikata l-liġi dwar il-moviment liberu ta’ servizzi u l-istabbiliment ta’ avukati Ewropej (Bundesgesetz über den freien Dienstleistungsverkehr und die Niederlassung von europäischen Rechtsanwälten – EuRAG).
11. L-Artikolu 24 tal-EuRAG jipprovdi li:
“(1) Iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u ta’ Stati oħra li huma partijiet kontraenti tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, li kisbu diploma li minnha jirriżulta li t-titolari jissodisfa l-kundizzjonijiet professjonali rikjesti għall-aċċess dirett għal professjoni msemmija fl-Anness tal-liġi preżenti, jitniżżlu fuq talba tagħhom fl-elenku tal-avukati (Artikolu 1(1) tal-Kodiċi tal-Avukati), meta huma jkunu għaddew b’suċċess mill-aptitude test.
(2) Diploma, skont il-paragrafu 1, għandha tfisser kull diploma, ċertifikat jew titolu ieħor, skont id-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar is-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mat-taħrig professjonali li jdum mill-inqas tliet snin. […]”.
L-Artikolu 27 tal-EuRAG jistabbilixxi dan li ġej:
“Il-President tal-bord tal-eżami għandu jiddeċiedi, bi ftehim mal-Kamra tal-Avukati ta’ Oberlandesgericht, fuq talba tal-kandidat, jekk dan tal-aħħar għandux jiġi ammess għall-aptitude test, mhux aktar tard minn erba’ xhur wara l-preżentazzjoni mill-kandidat ta’ fajl komplut”.
12. Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, huma applikabbli ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Avukati Awstrijak (RAO).
13. L-Artikolu 1 tar-RAO, dwar l-inklużjoni fl-elenku tal-avukati, jgħid dan li ġej:
“(1) Sabiex teżerċita l-professjoni ta’ avukat fir-[Repubblika tal-Awstrija], l-ebda ħatra minn awtorità ma hija neċessarja, iżda jeħtieġ sempliċement li tinġieb il-prova li l-kundizzjonijiet segwenti huma sodisfatti u li l-avukat tniżżel fl-elenku tal-avukati (Artikoli 5 u 5(a)).
[…]
(2) Dawn il-kundizzjonijiet huma s-segwenti:
[…]
d) il-perjodu ta’ prattika, skont il-modalitajiet u t-tul previsti mil-leġiżlazzjoni;
e) suċċess fl-eżami ta’ avukat; […]”
14. L-Artikolu 2 tar-RAO jipprovdi, f’dak li jikkonċerna l-perijodu ta’ prattika, li:
“(1) il-perjodu ta’ prattika meħtieġ biex tkun eżerċitata l-professjoni ta’ avukat tikkonsisti neċessarjament f’attività ġuridika fi ħdan qorti jew fl-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u ma’ avukat; […]
(2) Il-perjodu ta’ prattika skont il-paragrafu 1 għandu jkun ta’ ħames snin”.
15. L-eżami ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat huwa rregolat mir-Rechtsanwaltsprüfungsgesetz (il-liġi Awstrijaka dwar l-eżami ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat) li l-Artikolu 1 tiegħu jgħid li ġej:
“L-eżami ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat għandu juri l-kapaċitajiet u l-konoxxenzi tal-kandidat neċessarji biex jeżerċita l-professjoni ta’ avukat, b’mod partikolari l-kapaċità tiegħu li jibda u jieħu ħsieb il-proċeduri relatati mal-kawżi ta’ natura pubblika u privata fdati f’idejn avukat kif ukoll il-kapaċità tiegħu li jipprepara dokumenti u opinjonijiet legali u jippreżenta b’mod ordnat bil-miktub jew oralment l-elementi ġuridiċi u fattwali ta’ kawża”.
III – Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16. R. Koller, ċittadin Awstrijak, spiċċa b’suċċess il-kors tal-liġi fl-Università ta’ Graz u, fil-25 ta’ Novembru 2002, ġab it-titolu ta’ “Magister der Rechtswissenschaften”. Permezz tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2004, il-Ministeru Spanjol tal-Edukazzjoni u tax-Xjenza, wara ċiklu ta’ lezzjonijiet u ta’ eżamijiet komplementari fl-Università ta’ Madrid, irrikonoxxa dan it-titolu bħala ekwivalenti għat-titolu Spanjol ta’ “Licenciado en Derecho”, u awtorizza lill-applikant biex juża dan it-titolu (5). Abbażi ta’ dan, il-Kamra tal-Avukati ta’ Madrid, awtorizzat, fl-14 ta’ Marzu 2005, lil R. Koller sabiex juża t-titolu professjonali ta’ “abogado”.
17. Wara li eżerċita l-professjoni ta’ avukat matul xi ġimgħat fi Spanja, R. Koller talab, fil-5 ta’ April 2005, mingħand ir-Rechtsanwaltsprüfungskommission [il-bord responsabbli mill-eżami ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat, iktar ’il quddiem il-“bord tal-eżami”] tal-Oberlandesgericht Graz l-awtorizzazzjoni li jiġi ammess għall-aptitude test, skont l-Artikolu 28 tal-liġi dwar il-moviment liberu tas-servizzi u l-istabbiliment ta’ avukati Ewropej fl-Awstrija (Bundesgesetz über den freien Dienstleistungsverkehr und die Niederlassung von europäischen Rechtsanwälten in Österreich – EuRAG). Fl-istess ħin, huwa ppreżenta - skont l-Artikolu 29 tal-EuRAG - talba għall-eżenzjoni mis-suġġetti kollha tal-eżami.
18. Permezz tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Awwissu 2005, il-bord tal-eżami ċaħad dawn it-talbiet. R. Koller appella quddiem l-OBDK, iżda mingħajr suċċess. Il-Verfassunsgerichtshof, fuq azzjoni tal-appellant, annulat l-imsemmija deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2008 u talbet lill-OBDK jiddeċiedi mill-ġdid dwar it-talba ta’ awtorizzazzjoni ta’ R. Koller li jiġi ammess għall-aptitude test.
19. L-OBDK iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
1. Id-Direttiva 89/48/KEE hija applikabbli għall-każ ta’ ċittadin Awstrijak meta dan
a) temm b’suċċess fl-Awstrija ċiklu ta’ studji universitarji fil-liġi u ngħata, b’deċiżjoni f’dan is-sens, it-titolu akkademiku ta’ “Magister der Rechtswissenschaften”,
b) ġie sussegwentement awtorizzat, permezz ta’ att ta’ rikonoxximent mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u tax-Xjenza tar-Renju ta’ Spanja, wara li għadda mill-eżamijiet komplementari f’università Spanjola li madankollu involvew perijodu ta’ taħriġ ta’ inqas minn tliet snin, juża t-titolu Spanjol – ekwivalenti għat-titolu Awstrijak – ta’ “Licenciado en Derecho”, u
ċ) kiseb, billi rreġistra ruħu mal-Kamra tal-Avukati ta’ Madrid, l-awtorizzazzjoni li juża t-titolu professjonali ta’ “abogado” fi Spanja, u effettivament eżerċita l-professjoni ta’ avukat fi Spanja, u dan, qabel ma ppreżenta l-applikazzjoni tiegħu, għal tliet ġimgħat, u, fir-rigward tad-data tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza, għal mhux iktar minn ħames xhur?
2. Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:
L-interpretazzjoni tal-Artikolu 24 tal-EuRAG, fis-sens li l-kisba ta’ diploma Awstrijaka fil-liġi kif ukoll l-awtorizzazzjoni li jintuża t-titolu Spanjol ta’ “Licenciado en Derecho”, mogħtija wara li wieħed jgħaddi, f’perijodu ta’ inqas minn tliet snin, minn eżamijiet komplementari f’università Spanjola, mhumiex suffiċjenti sabiex wieħed jiġi ammess joqgħod għall-eżami tal-kapaċità (aptitude test) fl-Awstrija, skont l-Artikolu 24(1) tal-EuRAG, fin-nuqqas ta’ prova tal-esperjenza prattika mitluba mid-dritt nazzjonali (Artikolu 2(2) tar-[RAO]) anki jekk l-applikant, fi Spanja, huwa awtorizzat jeżerċita professjoni inkwantu “abogado”, mingħajr rekwiżit komparabbli ta’ esperjenza prattika, u eżerċita hemmhekk din il-professjoni, qabel ma ppreżenta l-applikazzjoni, għal tliet ġimgħat, u, fir-rigward tad-data tad-deċiżjoni tal-ewwel istanza, għal mhux iktar minn ħames xhur, hija kompatibbli mad-Direttiva 89/48/KEE?
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
20. Id-digriet tar-rinviju tas-16 ta’ Marzu 2009 ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ April 2009.
21. L-appellant fil-kawża prinċipali u l-Gvern tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika Ċeka u tar-Repubblika Ellenika, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu indikat fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.
22. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet mistoqsija lill-partijiet li ppreżentaw sottomissjonijiet, li min-naħa tagħhom tawha t-tweġiba tagħhom.
23. Peress li l-ebda waħda mill-partijiet ma talbet il-ftuħ tal-proċedura orali, il-konklużjonijiet, f’din il-kawża, setgħu jiġu fformulati wara l-laqgħa ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja li saret fid-9 ta’ Frar 2010.
V – L-argumenti prinċipali tal-partijiet
A – Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
24. Il-Gvern Elleniku u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-OBDK għandu l-karatteristiċi kollha meħtieġa skont il-ġurisprudenza sabiex ikun rikonoxxut bħala qorti skont l-Artikolu 234 tat-Trattat KE. Għalhekk, huma japprovaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
B – Fuq l-ewwel domanda preliminari
25. Il-partijiet kollha jaqblu biex jikkunsidraw li huwa xieraq li t-titoli miksuba minn R. Koller ikunu suġġetti għal eżami intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn jistgħux jikkwalifikaw bħala “diploma” skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48.
26. Il-Gvern Awstrijak, Elleniku u Ċek jindikaw li s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, mogħtija fil-kawża C‑311/06 (Cavallera) (6), kienet tittratta problema simili li tirrigwarda talba ta’ ċittadin Taljan intiża sabiex jirreġistra ruħu mal-Kamra tal-Inġiniera fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, wara li tkun irrikonoxxiet l-ekwivalenza tat-taħriġ universitarju tiegħu mat-taħriġ universitarju Spanjol permezz tal-proċedura ta’ approvazzjoni. Il-Gvern Awstrijak u Ċek jikkunsidraw li l-konklużjonijiet mogħtija fil-punti 55 et seq ta’ din is-sentenza jistgħu jkunu applikati f’din il-kawża.
27. Il-Gvern Awstrijak jikkunsidra li l-approvazzjoni tat-titolu akkademiku ta’ R. Koller fi Spanja u r-reġistrazzjoni mal-Kamra tal-Avukati ta’ Madrid ma ppermettew l-ebda verifika tal-kwalifiki u tal-esperjenza professjonali miskuba fi Spanja. L-aċċess għall-professjoni ta’ avukat, madankollu, jissoponi li jiġi vverifikat speċifikament jekk dawn r-rekwiżiti humiex sodisfatti.
28. Il-Gvern Ċek jikkunsidra li r-rikonoxximent tad-dritt li jintuża t-titolu professjonali ta’ “abogado” ma jistax ikun ikkunsidrat bħala diploma skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48, għaliex l-għoti ta’ dan id-dritt huwa marbut biss mar-rikonoxximent tad-dritt li jintuża t-titolu akkademiku ta’ “Licenciado en derecho”, mingħajr ma jkunu meħtieġa taħriġ, eżami jew esperjenza professjonali supplimentari.
29. Il-Gvern Elleniku jsostni, min-naħa tiegħu, li l-“ekwivalenza” ta’ diploma universitarja Awstrijaka ta’ “Magister der Rechtswissenschaften” mad-diploma Spanjola ta’ “Licenciado en Derecho” tirriżulta minn proċedura stabbilita prevista mil-leġiżlazzjoni Spanjola, iżda estranja kemm għall-kliem kif ukoll għall-ħsieb tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48/KEE. Huwa jikkunsidra li għalkemm ma jistax jiġi evitat li r-Renju ta’ Spanja jżomm sistema ta’ rikonoxximent akkademiku tad-diplomi, ir-rikonoxximent akkademiku fi Spanja, li jseħħ bejn it-titolu akkademiku u l-eżerċizzju (mixtieq) tal-professjoni ta’ avukat fl-Awstrija, madankollu jkisser l-unità tal-kunċett ta’ diploma, filwaqt li jissuġġetta parti mill-kunċett inkwistjoni għal proċedura li ma tirriżultax mid-direttiva. Fid-dawl tal-applikazzjoni tad-Direttiva 89/48 fl-Awstrija, ir-rikonoxximent akkademiku, li seħħ fi Spanja, ma jidhirx fost il-proċeduri kumpensatorji previsti mil-liġi u elenkati b’mod eżawrjenti mis-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla. Hija lanqas ma tikkostitwixxi mod “informali” ta’ kisba ta’ titolu ġdid li jista’ jwassal awtomatikament sabiex tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ “abogado” fi Spanja, biex imbagħad din id-diploma ġdida tiġi esportata fl-Awstrija, peress li l-kundizzjoni minima marbuta mal-ikkompletar ta’ kors ta’ tliet snin wara l-edukazzjoni ogħla lanqas ma tkun sodisfatta.
30. Barra minn hekk, il-Gvern Elleniku jsostni li, anki jekk jiġi preżunt li l-perijodu ta’ prattika professjonali li huwa nieqes jista’ jiġi assimilat mal-esperjenza professjonali miksuba permezz tal-eżerċizzju tal-professjoni fi Stat Membru ieħor, kif timponi l-proċedura kumpensatorja stabbilita mis-sistema ġenerali, R. Koller ma jistax jagħmel użu minn tali perijodu fiż-żewġ Stati Membri, minħabba l-kunsiderazzjoni li ilu jeżerċita din il-professjoni fi Spanja.
31. Għalhekk, il-Gvern Awstrijak, Elleniku u Ċek jipproponu li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv. Bħala prekawzjoni, il-Gvern Elleniku jindika li l-kawża preżenti, bħal fil-kawża Cavallera, tqajjem il-kwistjoni li jiġu evitati s-sistemi nazzjonali ta’ taħriġ. Huwa jistaqsi jekk hija tistax tiġi kkunsidrata mill-perspettiva ta’ abbuż ta’ dritt.
32. Min-naħa l-oħra, R. Koller, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni jsostnu li d-Direttiva 89/48 hija applikabbli għall-kawża preżenti, dejjem jekk it-titoli professjonali kkonċernati jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta’ “diploma” skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48.
33. L-ewwel nett, huma indikaw li l-Ministeru Spanjol tal-Edukazzjoni u tax-Xjenza u l-Kamra tal-Avukati ta’ Madrid kienu kompetenti, skont id-dritt Spanjol, sabiex japprovaw it-titolu Awstrijak u jagħtu t-titolu professjonali ta’ “abogado”.
34. It-tieni nett, jirriżulta, fl-opinjoni tagħhom, mit-titoli inkwistjoni li t-titolari tal-attestazzjoni “ikun ikkompleta b’suċċess kors post-sekondarju ta’ mill-inqas tliet snin [...] f’università”. Il-Kummissjoni tirrimarka li R. Koller għandu t-titolu ta’ “Magister der Rechtswissenschaften”, u tispjega li dan it-titolu ma jeħtieġx taħriġ professjonali mitlub flimkien mal-kors postsekondarji skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/487.
35. It-tielet nett, it-titoli inkwistjoni jaffermaw li t-“titolari jkollu l-kwalifiki professjonali meħtieġa għall-bidu jew it-twettiq ta’ professjoni regolata f’dak l-Istat Membru”. Il-Gvern Spanjol jippreċiża li l-approvazzjoni tad-diplomi barranin twassal, fi Spanja, għall-istess effetti professjonali bħat-titolu ta’ “Licenciado en dercho”, jiġifieri l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat. Dwar dan is-suġġett il-Kummissjoni u R. Koller isostnu li l-benefiċjarju għamel użu wkoll minn din il-fakultà.
36. Addizzjonalment, il-Kummissjoni tenfasizza li, b’konformità mal-eżiġenzi previsti fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48, R. Koller segwa b’suċċess it-taħriġ kollu tiegħu (kors universitarju fl-Awstrija u eżamijiet komplementari fi Spanja) fil-Komunità. R. Koller indika li, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 89/48, u b’konformità mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008 fil-kawża C-274/05 (Il-Kummissjoni vs il-Greċja) (7), Stat Membru ospitanti għandu jirrikonoxxi diploma mogħtija minn awtorità ta’ Stat Membru ieħor, anki jekk din id-diploma tiċċertifika taħriġ miksub, kompletament jew parzjalment, fl-Istat Membru ospitanti.
37. Barra minn hekk, R. Koller u l-Kummissjoni jispjegaw li l-kawża preżenti tiddistingwi ruħha b’mod konsiderevoli mill-kawża Cavallera, minħabba li s-sitwazzjoni ta’ R. Koller ma fiha ebda lakuni li dehru f’din l-aħħar kawża. Għalhekk, ir-rikonoxximent tal-Ministeru Spanjol tal-Edukazzjoni u tax-Xjenza ma jibbażax ruħu fuq l-unika konstatazzjoni li l-kors universitarju tlesta fl-Awstrija. Għall-kuntrarju, id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent hija bbażata fuq eżamijiet komplementari, miksuba fl-Università ta’ Madrid.
38. Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sentenza Cavallera teħtieġ mhux li l-kors postsekondarju ta’ tliet snin, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 1(a)(1) tad-Direttiva 89/48, jiġi segwit fi Stat Membru minbarra dak ospitanti, iżda biss li l-kwalifiki attestati bit-titolu jinkisbu, totalment jew parzjalment, “fil-kuntest tas-sistema edukattiva tal-Istat Membru li jagħti t-titolu inkwistjoni” (8). Il-Kummissjoni tenfasizza, f’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanza li R. Koller akkwista, għall-inqas parzjalment, fi Spanja, il-kwalifiki attestati permezz tat-titolu ta’ rikonoxximent tad-diploma, sa fejn jikkonċernaw il-konoxxenzi fid-dritt Spanjol issostanzjati permezz ta’ eżamijiet komplementari magħmula wara moduli differenti ta’ lezzjonijiet.
39. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fir-rigward tas-sinjifikat u tal-għan tad-Direttiva 89/48, huwa importanti li t-titolu inkwistjoni juri f’kull każ l-akkwist, fl-Istat Membru l-ieħor, ta’ kwalifiki supplimentari li hemmhekk jikkundizzjonaw l-aċċess għal professjoni rregolata. Dan ir-rekwiżit jostakola s-sempliċi approvazzjoni tad-diploma universitarja miksuba fl-Istat Membru ospitanti milli tagħti l-aċċess għal professjoni rregolata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, fis-sentenza Cavallera, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tpoġġix bħala kundizzjoni li titolu għandu sistematikament juri b’mod addizzjonali esperjenza professjonali. Għall-kuntrarju, mill-formulazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-assenza kumulattiva ta’ dawn l-elementi biss tostakola l-assimilazzjoni tat-titolu inkwistjoni ma’ “diploma” skont id-Direttiva 89/48 peress li din ma tirreferix għas-sistema edukattiva tal-Istat Membru li ħareġ id-diploma.
40. R. Koller min-naħa tiegħu jindika li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 89/48 jipprovdi li l-prova tal-esperjenza professjonali tista’ tintalab meta t-tul tat-taħriġ huwa mill-inqas sena iqsar minn dak mitlub fl-Istat Membru ospitanti. Huwa jikkunsidra li din il-prova ma tistax tintalab mingħandu, għaliex huwa temm b’suċċess kors sħiħ fl-Awstrija, u jista’ jippreżenta diploma li turi li temm kors ta’ tliet snin fi Spanja.
C – Fuq it-tieni domanda preliminari
41. Il-Kummissjoni tispjega li l-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 89/48 jipprojbixxi regola nazzjonali li ma tawtorizzax lit-titulari ta’ diploma li taqa’ fid-deskrizzjoni mogħtija fl-ewwel domanda preliminari li jiġi ammess għall-aptitude test fl-assenza ta’ prova ta’ esperjenza prattika meħtieġa mid-dritt nazzjonali. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru ospitanti ma jistax jirrifjuta li applikant ikollu aċċess għal professjoni rregolata minħabba nuqqas ta’ kwalifika jekk dan ikollu diploma skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/48.
42. Il-Kummissjoni tirrimarka li l-aptitude test għandu bħala għan li jistabbilixxi jekk l-applikant huwiex kapaċi jeżerċita professjoni rregolata fl-Istat Membru ospitanti. L-Awstrija ma tistax teskludi lill-applikanti mill-aptitude test għar-raġuni li l-kwalifiki tagħhom huma differenti minn dawk rikjesti fl-Istat Membru ospitanti.
43. Il-Gvern Spanjol dwar dan is-suġġett jiddikjara li ma jistax jitlob mit-titulari tat-titolu “Licenciado en Derecho”, li jagħti aċċess għall-professjoni ta’ avukat fi Spanja, li jagħmel perijodu ta’ prattika meħtieġ għat-twettiq ta’ din il-professjoni fl-Awstrija. Huwa jkompli billi jiddikjara li ma tistax tkun meħtieġa esperjenza professjonali. Barra minn hekk, l-ordni ministerjali tal-10 ta’ Novembru 2004 hija kumpatibbli mad-Direttiva 89/48 u għandha tippermetti lill-applikant jiġi ammess fl-Awstrija għall-aptitude test, mingħajr ma jkollu jġib prova li huwa għamel perijodu ta’ prattika.
44. Il-Kummissjoni u R. Koller jikkonkludu li d-Direttiva 89/48 tipprojbixxi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ma tawtorizzax t-titulari ta’ diploma, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jiġi ammess għall-aptitude test fin-nuqqas ta’ prova tal-esperjenza prattika meħtieġa mid-dritt nazzjonali.
45. R. Koller isostni b’mod partikolari li interpretazzjoni tad-Direttiva 89/48 u tal-Artikolu 24 tal-EuRAG, li teżiġi aptitude test jew kors ta’ adattazzjoni, mhijiex kompatibbbli mad-dritt Komunitarju. Huwa jispjega, b’riferiment għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/48 u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa xieraq li jingħatalu l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat mingħajr madankollu ma jkun meħtieġ aptitude test għal dan il-għan. Rigward dan is-suġġett, huwa jindika li ma teżisti l-ebda differenza sostanzjali bejn it-taħriġ tiegħu u dak previst fl-Istat Membru ospitanti.
46. R. Koller jikkunsidra li t-tieni domanda preliminari timplika li huwa qed jiġi akkużat b’abbuż ta’ dritt. Issa, il-Verfasssungsgerichtshof Awstrijak diġà kkonstatat in-nuqqas ta’ abbuż ta’ dritt għal dak li jikkonċerna r-rikorrent. L-ilment ibbażat fuq l-abbuż ta’ dritt ma jista jkun ibbażat la fuq id-dritt Komunitarju u lanqas fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, ma jistax jiġi preżunt li l-persuna kkonċernata għandha l-intenzjoni li tevita d-dispożizzjonijiet inkwistjoni.
VI – Evalwazzjoni ġuridika
A – Osservazzjonijiet preliminari
47. L-adozzjoni tad-Direttiva 89/48 tat lok għal bidla importanti li tikkonċerna l-leġiżlazzjoni tal-moviment liberu tal-persuni li jwettqu studji universitarji. Għalkemm, fis-snin 70, il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jwettaq qabel xejn l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li jirregolaw l-aċċess għal ċerti professjonijiet (approċċ settorjali jew vertikali), wara, huwa ddeċieda, fid-dawl tas-simplifikazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi akkademiċi, li titkompla l-armonizzazzjoni, mhux dejjem evidenti, ta’ ċerti oqsma professjonali, permezz ta’ approċċ ġdid li, billi jaqbeż l-oqsma professjonali, kellu jkun iktar ġenerali (approċċ imsejjaħ orizzontali), u jkun fih essenzjalment prinċipju ġdid: dak tal-fiduċja reċiproka fl-ekwivalenza tagħhom (9). F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur Komunitarju jitlaq mill-premessa bażika li dawn il-korsijiet universitarji li jeżistu fi ħdan l-Istat Membru għandhom ikunu sostanzjalment komparabbli (10). Il-leġiżlatur Komunitarju, konxju mid-diversi differenzi li jeżistu (11) f’ċerti oqsma u, qabel kollox, fit-taħriġ tal-avukati, madankollu kkunsidra ċerti liġijiet speċifiċi fid-Direttiva 89/48 li jippermettu lill-Istati Membri jwarrbu riżervi eventwali fir-rigward tal-ekwivalenza tad-diplomi, fejn ikollhom il-permess li jevalwaw eċċezzjonalment, taħt kundizzjonijiet simplifikati, il-kwalifiki professjonali ta’ persuni li jitolbu r-rikonoxximent tad-diplomi li kisbu barra mill-pajjiż.
48. Il-kawża preżenti tittratta riżerva ta’ dan it-tip, mogħtija mill-Awstrija li, fil-każ ta’ R. Koller, tinsisti kemm fuq l-obbligu li jagħmel aptitude test kif ukoll fuq dak li jikkonsisti fl-ikkompletar ta’ taħriġ prattiku ta’ ħames snin. Ir-raġuni ta’ din ir-riżerva essenzjalment tinsab fil-fatt li huwa presuppost li d-Direttiva 89/48 hija invokata manifestament bl-għan li tevadi s-sistema Awstrijaka ta’ taħriġ tal-avukati, minħabba li, l-ewwel nett, is-sistema Spanjola ta’ taħriġ ma tuża l-ebda taħriġ prattiku komparabbli u li, it-tieni nett, R. Koller ġab id-diploma Spanjola tiegħu mhux abbażi ta’ proċedura ta’ approvazzjoni rregolata mid-dritt Komunitarju, iżda esklużivament abbażi tad-dritt Spanjol.
49. Qabel xejn, għandu jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 89/48 tapplikax għal din il-kawża, waqt li jkun xieraq li tiġi ttratata b’mod partikolari l-kwistjoni intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dritt Komunitarju huwiex invokat b’mod abbużiv. Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk ir-riżerva tal-Awstrija hijiex ġustifikata u jekk, fir-rigward tal-kwalifiki professjonali miksuba barra mill-pajjiż minn R. Koller, dan jista’ wkoll jintalab, l-istess bħall-persuni l-oħrajn li temmew b’suċċess il-kors bażiku tal-liġi fl-Awstrija, li jsegwi l-integralità tal-hekk imsejjaħ perijodu ta’ prattika ta’ ħames snin qabel ma jiġi ammess għall-eżami ta’ avukat.
B – Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
50. Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-OBDK huwiex “qorti” skont l-Artikolu 234 tat-Trattat KE, u jekk konsegwentement il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq id-domanda preliminari.
51. It-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 tat-Trattat KE ma fih l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ qorti. Madankollu, jeżistu ċerti eżiġenzi minimi tad-dritt Komunitarju żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, biex jiġi evalwat jekk il-korp li qiegħed jagħmel ir-rinviju għandux il-karattru ta’ qorti skont l-Artikolu 234 tat-Trattat KE, liema kwistjoni taqa’ unikament fid-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra l-elementi kollha, bħall-oriġini ġuridika tal-korp, il-permanenza tiegħu, il-karattru obbligatorju tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-korp, tad-dispożizzjonijiet legali kif ukoll l-indipendenza tiegħu (12).
52. B’konformità mal-Artikolu 59 tal-liġi federali tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt dixxiplinarju tal-avukati u tal-avukati stagiaires (Disziplinarrecht für Rechtsanwälte und Rechtsanwaltsanwärter, DSt), l-OBDK huwa kompost minn president, viċipresident, tmien imħallfin tal-Oberster Gerishtshof, bħala minimu, u 16 massimu, kif ukoll 32 avukat (imħallfin-avukati). Dan il-Bord jiddeċiedi f’awli, b’konformità mal-Artikolu 63(1) tad-DSt. L-imħallfin (professjonisti) huma nnominati mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja għal perijodu ta’ ħames snin. L-imħallfin-avukati jintagħżlu mill-kmamar tal-avukati għal perijodu ta’ ħames snin. Il-liġi ma tipprevedix tneħħija qabel iż-żmien tal-membri tal-OBDK. Skont l-Artikolu 64(1) tad-DSt, il-membri tal-OBDK mhumiex suġġetti għall-ebda istruzzjoni. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda ċirkustanza li turi li l-membri tiegħu mhumiex indipendenti. Kemm l-imħallfin-avukati tal-OBDK u kif ukoll l-imħallfin ma jistgħux jiġu ttrasferiti. Huwa jiddeċiedi skont proċedura kontradittorja u jagħmel użu minn poter wiesa’ ta’ kontroll, billi jista’ jeżerċita l-kontroll tiegħu kemm dwar il-kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt kif ukoll dwar l-evalwazzjoni tal-provi. Barra minn hekk, hija wkoll istituzzjoni permanenti, u n-nominazzjoni tal-membri tiegħu għal għadd limitat biss ta’ snin hija wkoll irrilevanti (13). L-OBDK jeżerċita l-attività tiegħu skont il-prinċipji legali, irregolati b’mod iktar preċiż fil-Kodiċi tal-Avukati (RAO) u d-DSt.
53. Jiena nikkunsidra li dan il-korp jippreżenta l-ġabra ta’ karatteristiċi meħtieġa mill-ġurisprudenza sabiex jiġi rrikonoxxut bħala qorti skont l-Artikolu 234 tat-Trattat KE. Sakemm, b’konformità mal-indikazzjonijiet li jinsabu fid-digriet tar-rinviju, id-deċiżjonijiet tal-OBDK mhumiex suxxettibli għal rikors ordinarju ta’ dritt intern, l-OBDK għandu l-obbligu li jressaq, lill-Qorti tal-Ġustizzja, talba għal deċiżjoni preliminari skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 234 tat-Trattat KE (14).
Ċ- Fuq l-ewwel domanda preliminari
54. Permezz tal-ewwel domanda preliminari, l-OBDK jixtieq ikun jaf jekk id-Direttiva 89/48 tapplikax għall-kawża prinċipali. Din għandha taqa’ fl-ambitu rationae personae u rationae materiae ta’ din id-direttiva.
1. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 89/48
a) Il-kamp ta’ applikazzjoni rationae personae
55. Id-Direttiva 89/48 tistabbilixxi sistema ġenerali għar-rikonoxximent tad-diplomi ta’ edukazzjoni ogħla u, b’mod iktar preċiż, tal-kwalifiki professjonali bejn l-Istati Membri bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Id-Direttiva 89/48 tapplika, b’konformità mal-Artikolu 2 tagħha, għal “kull ċittadin ta’ Stat Membru li jixtieq iwettaq professjoni regolata fi Stat Membru ospitanti”. L-Istat Membru ospitanti huwa ddefinit fl-Artikolu 1(b) tad-direttiva bħala li jfisser “[k]ull Stat Membru li fih ċittadin ta’ Stat Membru japplika sabiex iwettaq professjoni soġġetta għar-regolament f’dak l-Istat Membru, ta’ xort’oħra mill-Istat li fih huwa akkwista d-diploma tiegħu jew beda għall-ewwel darba l-professjoni inkwistjoni”.
56. F’dan il-każ, dawn il-kundizzjonijiet huma sodisfatti, għaliex R. Koller huwa ċittadin Komunitarju li għandu diploma maħruġa fi Spanja, li tippermettilu jaċċedi, f’dan l-Istat Membru, għall-professjoni ta’ avukat, professjoni rregolata (15) skont l-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 89/48, u li huwa jixtieq ir-rikonoxximent tagħha fl-Awstrija, l-Istat Membru ospitanti, li huwa fl-istess ħin l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu.
b) Il-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae
i) L-ewwel u t-tielet kundizzjoni
57. Sabiex tapplika d-Direttiva 89/48 huwa ugwalment neċessarju li t-titolu invokat minn R. Koller jikkorrispondi mad-definizzjoni tal-kelma “diploma”, preżenti fid-Direttiva 89/48. B’konformità mal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva, tliet kundizzjonijiet kumulattivi għandhom ikunu sodisfatti sabiex it-titolu u/jew l-esperjenza professjonali li jkun qiegħed jintalab ir-rikonoxximent tagħhom ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala diploma.
58. L-ewwel nett, id-diploma għandha tinħareġ minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru. Huwa xieraq li jiġi rrimarkat rigward dan li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “diploma”, skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48, tista’ tkun ikkostitwita minn għadd ta’ titoli (16). F’dan il-każ, din il-kundizzjoni hija sodisfatta, għaliex id-diploma ta’ “Licenciado en Derecho” invokata minn R. Koller f’din il-kawża, inħarġet mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u tax-Xjenza Spanjol li, skont il-leġiżlazzjoni Spanjola, huwa awtorizzat joħroġ id-diplomi tal-persuni li temmew b’suċċess il-kors tal-liġi.
59. It-tieni nett, id-diploma għandha turi li t-titolari “ikun ikkompleta b’suċċess kors post-sekondarju ta’ mill-inqas tliet snin, jew ta’ dewmien ekwivalenti part-time, f’università jew stabbiliment ta’ edukazzjoni ogħla jew stabbiliment ieħor ta’ livell simili u, meta approprjat, li huwa jkun ikkompleta b’suċċess it-taħriġ professjonali meħtieġ minbarra il-kors post-sekondarju”. Minħabba li, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48, id-differenzi prinċipali jirrigwardaw din il-kundizzjoni, ser nittratta dan l-aspett fl-aħħar u nittratta aktar mill-qrib il-problemi ġuridiċi relatati.
60. It-tielet nett, id-diploma għandha tagħti aċċess għal professjoni fl-Istat ta’ oriġini. Għalhekk, hija għandha tippermetti l-eżerċizzju effettiv ta’ professjoni fl-Istat fejn inħarġet. Bil-kundizzjoni li tkun sodisfatta t-tieni kundizzjoni, dan l-aħħar rekwiżit għandu jiġi kkunsidrat bħala sodisfatt ukoll. Id-diploma Spanjola miksuba permezz tal-approvazzjoni tad-diploma Awstrijaka ta’ R. Koller effettivament tippermettilu jeżerċita l-professjoni ta’ avukat fl-Istat fejn inħarġet id-diploma. Kif il-Gvern Spanjol jispjega f’iktar dettal fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-approvazzjoni tad-diplomi uffiċjali barranin ta’ edukazzjoni ogħla, miksuba f’istituzzjonijiet rikonoxxuti, twassal, fi Spanja, għall-ekwivalenza tal-validità uffiċjali ta’ dawn tal-aħħar għad-diploma Spanjola rispettiva, għall-finijiet akkademiċi u professjonali. F’dak li jikkonċerna mill-ġdid l-effett tad-diploma uffiċjali ta’ edukazzjoni ogħla, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet Spanjoli jipprevedu, b’konformità mal-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol, li din id-diploma għandha effett doppju, akkademiku u professjonali, li permezz tiegħu t-titolari tagħha jibbenefika mill-integralità tad-drittijiet akkademiċi mogħtija minn din id-diploma u għandu, fl-istess ħin, u mingħajr restrizzjoni, id-dritt li jeżerċita l-professjoni inkwistjoni.
ii) It-tieni kundizzjoni
61. Id-diffikultà li t-tieni kundizzjoni tiġi kkunsidrata bħala sodisfatta toħroġ essenzjalment mill-fatt li d-direttiva teħtieġ speċifikament li t-titolari tad-diploma, li tagħha jfittex ir-rikonoxximent fl-Istat Membru ospitanti, għandu qabel xejn ikun ikkompleta b’suċċess “kors ta’ mill-inqas tliet snin”.
62. Jekk wieħed jikkunsidra biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, din il-kundizzjoni ma tistax tkun ikkunsidrata prima facie bħala sodisfatta, iktar u iktar ladarba R. Koller kiseb it-titolu Spanjol li jagħtih l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat fi Spanja mhux fit-terminu normali ta’ erba’ snin previst għall-istudji inkwistjoni – li jikkorrispondi għar-rekwiżiti tat-terminu tad-Direttiva 89/48 li jikkonċerna kors – iżda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ approvazzjoni, li t-tul tagħha kien fi kwalunkwe każ inqas minn tliet snin. Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li għaddew madwar sentejn mill-għoti tat-titolu akkademiku ta’ Magister (imsejjaħ Sponsion) fi Graz u r-rikonoxximent tat-titolu fi Spanja (17). Minħabba indikazzjonijiet iktar preċiżi, għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li t-tul tal-proċedura ta’ approvazzjoni jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għal dan il-perijodu ta’ żmien.
63. Madankollu, din l-interpretazzjoni tinjora l-fatt li, wara l-approvazzjoni, R. Koller ġab titolu li jikkorrispondi għal kors tal-liġi ta’ erba’ snin fi Spanja. Kif indika R. Koller fl-osservazzjonijiet tiegħu, huwa kellu, għal dan il-għan, jissottometti ruħu għal serje ta’ eżamijiet li jkopru diversi oqsma tal-liġi. B’konformità ma’ dawn l-osservazzjonijiet, is-suġġetti kienu jikkorrispondu eżattament għal dawk ta’ kors universitarju normali fil-liġi tal-università awtonoma ta’ Madrid (18). Ir-raġuni li ġġustifikat eżami daqstant komplet tal-konoxxenzi u l-kapaċitajiet tiegħu matul il-proċedura ta’ approvazzjoni tirriżulta mill-fatt li l-Ministeru kien osserva differenzi serji, fil-livell tat-taħriġ, bejn il-gradi akkademiċi Awstrijaki u Spanjoli, liema gradi kellhom jiġu ssupplimentati.
64. Fir-rigward tal-konstatazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jiena nikkunsidra li huwa possibbli, mill-kwalifika prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48, li nasal għall-konklużjonijiet prinċipali elenkati hawn taħt:
– L-Ikkompletar ta’ kors postsekondarju skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48.
65. L-ewwel nett, il-proċedura ta’ approvazzjoni li għaliha R. Koller kellu jissottometti ruħu, bla dubju tikkostitwixxi “kors post-sekondarju f’università” skont din id-dispożizzjoni tad-Direttiva. F’dan il-kuntest, huwa importanti li qabel xejn tinkiseb kwalifika supplimentari. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fis-sentenza Kraus (19), ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jibbaża ruħu, fl-imsemmi Stat, fuq diploma miksuba fi Stat Membru ieħor biss jekk id-dokument inkwistjoni “juri l-pussess ta’ kwalifika professjonali supplimentari [fir-rigward tat-taħriġ li jkun sar fl-Istat membru tal-oriġni] u, għaldaqstant, jikkonferma l-kapaċità tat-titolari tiegħu li jokkupa kariga partikolari”. Iċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni li R. Koller rċieva wara li għadda mill-eżamijiet bl-ebda mod ma jikkostitwixxi “att purament formali” jew “approvazzjoni sempliċi” (20) tat-titolu tiegħu ta’ studji Awstrijaċi, kuntrarjament għal dak li tat x’tifhem il-qorti tar-rinviju fid-digriet tagħha (21), iżda, għall-kuntrarju, il-prova uffiċjali ta’ kwalifika supplimentari fil-liġi Spanjola. F’dan ir-rigward, il-fatti tal-kawża prinċipali jiddistingwu rwieħhom fundamentalment minn dawk tal-kawża Cavallera, li l-partijiet kollha fil-kawża jagħmlu riferiment għalihom.
66. Din il-kawża kellha bħala suġġett talba ppreżentata minn M. Cavallera, ċittadin Taljan, titolari ta’ titolu ta’ studji ogħla ta’ inġinier mekkaniku maħruġ mill-università ta’ Turin. Sabiex jeżerċita din il-professjoni fl-Italja, il-persuna kkonċernata kellha, b’konformità mad-dritt Taljan, tgħaddi wkoll mill-eżami tal-Istat. Minflok għamel dan, M. Cavallera talab, fi Spanja, quddiem il-Ministeru tal-Edukazzjoni u tax-Xjenza, li t-titolu Taljan tiegħu ta’ studji jkun irrikonoxxut bħala l-ekwivalenti għat-titolu ta’ studji Spanjol korrispondenti, u dan b’konformità ma’ proċedura ta’ approvazzjoni rregolata biss mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u distinti mill-proċedura ta’ rikonoxximent introdotta fid-dritt Spanjol permezz tad-Direttiva 89/48. Wara li ġab ir-rikonoxximent, M. Cavallera rreġistra ruħu fl-elenku ta’ wieħed mill-kmamar professjonali tal-inġiniera f’Catalunya. Madankollu, huwa la eżerċita, barra mill-Italja, ix-xogħol li kien tgħallem, u lanqas ħa taħriġ supplimentari fi Spanja.
67. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ġustament, fis-sentenza fil-kawża msemmija, li l-approvazzjoni Spanjola ma tat xhieda ta’ ebda kwalifika supplimentari u allura ma ssodisfatx ir-rekwiżiti ta’ “diploma” skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48 (22). Fost ir-raġunijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja hemm il-kunsiderazzjoni li la l-approvazzjoni u lanqas ir-reġistrazzjoni fl-elenku ta’ waħda mill-kmamar professjonali ta’ Catalunya ma kienu bbażati fuq verifika ta’ kwalifiki jew esperjenzi professjonali akkwiżiti minn M. Cavallera. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefendiet l-argument skont liema jekk jiġi aċċettat, f’tali kundizzjonijet, li d-Direttiva 89/48 tista’ tiġi invokata sabiex jingħata l-benefiċċju, fl-Italja, ta’ aċċess għall-professjoni rregolata li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali jwassal għall-konsegwenza li persuna li ġabet biss titolu mogħti minn dan l-Istat Membru, li, minnu nnifsu, ma jagħtix aċċess għall-imsemmija professjoni rregolata, xorta waħda jkun jista’ jkollha aċċess għal din tal-aħħar, mingħajr maċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni miksub fi Spanja ma jixhedx madankollu l-kisba ta’ kwalifika supplimentari jew esperjenza professjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan ir-riżultat ikun kuntrarju għall-prinċipju msemmi fil-ħames premessa tad-Direttiva 89/48 mingħajr mal-Istati Membri jżommu l-fakultà li jistabbilixxu l-livell minimu ta’ kwalifika neċessarja bil-għan li jiggarantixxu l-kwalità tas-servizzi pprovduti fit-territorju tagħhom (23).
68. Madankollu, dan ir-riskju ma jeżistix fil-kawża prinċipali, għaliex iċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni mogħti lil R. Koller jibbaża ruħu kollu kemm hu fuq verifika ta’ kwalifiki professjonali miksuba minn dan tal-aħħar fi Spanja fil-kuntest ta’ programmi ta’ lezzjonijiet. Għal dak li jirrigwarda r-rapport eżistenti mad-diploma miksuba fl-Awstrija, mhuwiex rilevanti, fid-dawl tad-differenzi inkontestabbli li jeżistu bejn id-drittijiet Awstrijaċi u Spanjoli, li jiġi kkunsidrat li l-konoxxenzi u l-kwalifiki miksuba fi Spanja jikkostitwixxu biss suppliment għall-istudji tal-liġi mwettqa fl-Awstrija. Huwa xieraq, għall-kuntrarju, li jiġi kkunsidrat li t-taħriġ mwettaq fi Spanja matul il-proċedura ta’ approvazzjoni jikkostitwixxi kors indipendenti.
69. Billi fi Spanja l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat ma jitlob, l-ebda esperjenza professjonali, kuntrarjament għall-Awstrija, u li, fi Spanja, jiġu kkunsidrati biss il-“kwalifiki akkademiċi” ta’ gradwat, dawn tal-aħħar huma biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-“kwalifika professjonali” tat-titolari ta’ tali ċertifikat.
– L-ikkompletar ta’ “kors post-sekondarji ta’ mill-inqas tliet snin” skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48.
70. It-tieni nett, iċ-ċirkustanza li l-proċedura ta’ approvazzjoni damet inkontestabbilment inqas minn tliet snin ma tostakolax neċessarjament ir-rikonoxximent ta’ “kors post-sekondarji ta’ mill-inqas tliet snin” skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48.
71. Fil-fatt, minn naħa, l-applikazzjoni b’analoġija tal-klawżola ta’ assimilazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48 tapplika f’każ bħal dan. Skont din id-dispożizzjoni tad-direttiva, għandu jiġi assimilat ma’ “diploma” skont l-ewwel subparagrafu kull diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali jew kull sett ta’ diploma, ċertifikati jew provi oħrajn bħal dawk mogħtija minn awtorità kompetenti fi Stat Membru jekk din tkun ingħatat mal-“kompletar b’suċċess ta’ edukazzjoni u taħriġ irċevut fil-Komunità u rikonoxxut minn awtorità kompetenti f’ dak l-Istat Membru bħala ta’ livell ekwivalenti u jekk dan jagħti l-istess drittijiet fir-rigward tal-bidu u t-twettiq ta’ professjoni regolata f’dak l-Istat Membru”. Din id-dispożizzjoni, li, skont il-kunċett inizjali, tirregola t-“taħriġ” imsejjaħ “alternattiv”, ġiet introdotta, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Beuttenmüller (24), sabiex “jittieħdu inkunsiderazzjoni l-persuni li ma lestewx kors postsekondarju ta’ tliet snin, iżda li għandhom kwalifiki li jagħtuhom l-istess drittijiet professjonali” (25). Sa fejn il-proċedura ta’ approvazzjoni tipprevedi, bħal fil-kawża prinċipali, verifika tal-konoxxenzi tad-dritt Spanjol, hija tikkostitwixxi b’ċerta manjiera, permezz tas-sinjifikat u l-iskop tagħha, taħriġ alternattiv għall-istudji ogħla normalment magħmula fi Spanja, li twassal għar-rikonoxximent tal-gradi akkademiċi u tat-titoli professjonali barranin li jagħtu lil dawn tal-aħħar, fit-territorju, l-istess effetti ġuridiċi bħal dawk ta’ gradi u titoli nazzjonali. Fil-każ ta’ żvolġiment li jikkonkludi l-proċedura ta’ approvazzjoni, l-avukati barranin bħal R. Koller jingħataw l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat fi Spanja, professjoni rregolata.
72. Min-naħa l-oħra, wieħed ma jarax għalfejn R. Koller għandu jsofri żvantaġġ minħabba li segwa taħriġ ġuridiku f’sentejn biss, u għalhekk temm b’suċċess f’perijodu ta’ żmien inferjuri għat-tul normali ta’ studju, li jikkorrispondi, skont id-dritt nazzjonali, għal kors tal-liġi ta’ erba’ snin fi Spanja. In-nuqqas ta’ rikonoxximent, fuq il-livell tad-dritt Komunitarju, tal-ekwivalenza taċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni jkollu definittivament bħala konsegwenza li x-xogħol ma jkunx ivvalutat, iżda pjuttost issanzjonat, iktar u iktar għaliex l-applikanti li jgħaddu mill-eżamijiet rikjesti f’terminu iqsar mill-oħrajn isofru żvantaġġ. Dan la huwa xieraq u lanqas konformi mal-istat attwali tad-dritt Komunitarju, kif turi pereżempju s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (26).
73. L-għan ta’ din is-sentenza jikkonċerna l-ksur minn Spanja tad-Direttiva 89/48, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li Spanja naqset mill-obbligi tagħha billi rrifjutat li tirrikonoxxi l-kwalifiki professjonali ta’ inġinier miksuba fl-Italja wara taħriġ universitarju li sar biss fi Spanja, u billi ssuġġettat l-ammissjoni għall-eżamijiet interni ta’ promozzjoni fis-servizz pubbliku ta’ inġiniera bi kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor għar-rikonoxximent akkademiku ta’ dawn il-kwalifiki. Hemm lok li jiġi rrimarkat dwar dan is-suġġett li l-persuni kkonċernati kienu titolari ta’ diplomi mogħtija mill-università ta’ Alicante (Spanja) li l-ekwivalenza tagħhom kienet irrikonoxxuta mill-università politeknika ta’ Marche (l-Italja) skont ftehim qafas ta’ kolloborazzjoni. Konsegwentament, ingħatatilhom id-diploma Taljana “ta’ inġinier ċivili”. Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġi indikat li, wara li ġabu d-diploma fl-Italja, il-persuni kkonċernati għaddew eżami tal-Istat li jippermettilhom jeżerċitaw ix-xogħol ta’ inġinier f’dan l-Istat Membru.
74. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat qabel xejn li skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 89/48 l-Istat Membru ospitanti huwa obbligat jaċċetta, fi kwalunkwe każ, bħala prova li l-kundizzjonijiet ta’ rikonoxximent ta’ diploma huma sodisfatti, iċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra (27). Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja b’xi mod iddeċidiet kontra l-inugwaljanza ta’ trattament tal-persuni li kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom permezz ta’ approvazzjoni pjuttost milli permezz ta’ kors, ikkompletat f’università jew istituzzjoni ta’ edukazzjoni ogħla, billi għamlet, fil-punti 80 u 81 tas-sentenza msemmija, il-konstatazzjonijiet li ġejjin:
“[…] B’hekk, f’dan il-każ, għalkemm il-professjoni ta’ inġinier tal-pontijiet u tat-toroq hija normalment eżerċitata fi Spanja minn dawk li jkollhom diploma Spanjola miksuba wara ħames snin ta’ studju, it-titolari ta’ diploma maħruġa fi Stat Membru ieħor u li tawtorizza lill-persuna kkonċernata teżerċita, jekk ikun il-każ wara li jkun is-suġġett ta’ miżuri kumpensatorja, din l-istess professjoni fi Spanja għandu jkollhom l-istess possibbiltajiet ta’ promozzjoni bħat-titolari ta’ din id-diploma Spanjola. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma indipendenti min-numru ta’ snin ta’ studju meħtieġa mill-imsemmi titolari sabiex jikseb id-diploma inkwistjoni.
Fil-fatt, meta diploma maħruġa minn Stat Membru tkun rikonoxxuta skont id-Direttiva 89/48, jekk ikun il-każ wara li jiġu imposti miżuri kumpensatorji, hija titqies bħala li tagħti l-istess kwalifiki professjonali bħad-diploma Spanjola ekwivalenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li titolari ta’ diploma maħruġa fi Stat Membru ieħor ma jibbenefikax mill-istess possibbiltajiet ta’ promozzjoni li jkollu titolari tad-diploma Spanjola ekwivalenti, sempliċement minħabba l-fatt li din id-diploma tkun inkisbet wara taħriġ iqsar, joħloq żvantaġġ għat-titolari ta’ diploma ta’ Stat Membru ieħor sempliċement għaliex ikunu kisbu kwalifiki ekwivalenti iktar malajr”.
75. Jiena nikkunsidra li kemm il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata iktar ’il fuq, jippermettu li wieħed jasal għall-konklużjoni indikata hawn taħt. Qabel xejn, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-każ jirrigwardax “kors post-sekondarju ta’ mill-inqas tliet snin” skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48, mhuwiex importanti li jiġi stabbilit jekk it-titolu kkonċernat inkisibx wara kors universitarju regolari, ta’ mill-inqas tliet snin, jew wara proċedura ta’ approvazzjoni li damet inqas minn tliet snin. Fil-fatt, sa fejn, bħal fil-kawża prinċipali, tali proċedura hija komparabbli ma’ kors universitarju, billi hija tipprevedi taħriġ permezz ta’ ċikli ta’ lezzjonijiet u ta’ eżamijiet komplementari, u li t-titolu korrispondenti jipproduċi l-istess effetti tad-dritt fit-territorju, iż-żewg tipi ta’ titoli għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti.
76. Rigward il-kwistjoni dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 89/48 fil-kawża prinċipali li hija s-suġġett tal-ewwel domanda preliminari, in-nuqqas, f’ċerti ċirkustanzi, ta’ esperjenza professjonali bħala prinċipju mhuwiex rilevanti. Fil-fatt għandu jitfakkar li r-rikonoxximent reċiproku previst mid-Direttiva 89/48 huwa bbażat fuq il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka (28), b’tali mod li bħala prinċipju huwa pprojbit li l-Istat Membru ospitanti jikkontesta l-ekwivalenza ta’ kwalifika professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, għandu jiġi indikat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (29), id-Direttiva 89/48 ma għandhiex bħala għan, bil-kontra tad-direttivi settorjali, li tarmonizza l-kundizzjonijiet ta’ aċċess jew ta’ eżerċizzju tad-diversi professjonijiet li fir-rigward tagħhom hija tapplika. L-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu l-imsemmija kundizzjonijiet fil-limiti imposti mid-dritt Komunitarju (30).
77. Konsegwentement, Spanja għandha titqies li hija ħielsa li tistabbilixxi l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat fi Spanja kemm abbażi ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ taħriġ imwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, kif ukoll abbażi ta’ diploma universitarja mogħtija mal-ikkompletar tat-taħriġ fi Spanja stess, sa fejn l-uniku rekwiżit stabbilit mid-Direttiva 89/48 jikkonsisti fil-ħtieġa li t-titolu juri “li t-titolari ikun ikkompleta b’suċċess kors post-sekondarju ta’ mill-inqas tliet snin […] li juri li t-titolari jkollu l-kwalifiki professjonali meħtieġa għall-bidu jew it-twettiq ta’ professjoni regolata f’dak l-Istat Membru” (31). Il-kwistjoni dwar sa fejn l-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari jeżiġi tagħrif preċiż tal-liġi nazzjonali għandha għaldaqstant tiġi solvuta biss b’rigward għad-dispożizzjonijiet nazzjonali (32). Minn dan jirriżulta li, sabiex tikkontesta l-applikabbiltà tad-Direttiva 89/48 għall-kawża prinċipali, l-Awstrija ma tistax, bħala Stat ospitanti, tinvoka b’mod utli ċ-ċirkustanza li R. Koller ma għamilx “stage ta’ prattika” ta’ ħames snin previst mid-dritt ta’ dan l-Istat Membru.
78. Sa fejn it-titolu miksub permezz ta’ approvazzjoni fi Spanja minn R. Koller għandu l-istess effetti tad-dritt bħal kors universitarju ta’ erba’ snin u li huwa bbażat fuq il-kwalifiki supplimentari miġjuba fl-Istat Membru li ħareġ it-titolu, bħal pereżempju taħriġ fil-forma ta’ ċikli ta’ lezzjonijiet u eżamijiet komplementari, wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li t-tieni kundizzjoni tad-definizzjoni ta’ “diploma” skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 1(a), li jirregola l-applikabbiltà tad-Direttiva 89/48, hija sodisfatta.
ċ) Konklużjoni intermedjarja
79. Minn dan jirriżulta li t-titolu invokat minn R. Koller jaqbel mad-definizzjoni ta’ “diploma”, stabbilita fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48. Għalhekk il-kawża preżenti taqa’ fl-ambitu ta’ din id-direttiva.
2. Konstatazzjoni ta’ aġir abbużiv fil-kuntest tas-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent reċiproku tad-diplomi
a) Il-kunċett ta’ abbuż ta’ dritt fid-dritt Komunitarju
80. L-applikazzjoni ta’ prinċipju ta’ direttiva ma għandhiex tiġi konfuża mal-fakultà li dan jiġi invokat. Sa fejn wieħed għandu l-indikazzjonijiet konkreti għal każ ta’ abbuż ta’ dritt, il-possibbiltà li jiġi invokat id-dritt Komunitarju għandha tkun eskluża (33). Bħalma indikat reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja (34) dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 89/48, iċ-ċittadini ta’ Stat Membru ma jistgħux, biex jiffavorixxu l-faċilitajiet maħluqa skont id-dritt Komunitarju, jippruvaw jevitaw b’mod abbużiv l-influwenza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tagħti x’tifhem li jeżisti tali suspett ta’ abbuż ta’ dritt meta hija tispjega, fid-digriet tar-rinviju tagħha, li l-mod li bih ipproċeda R. Koller kellu l-għan li jiġi evitat l-istage ta’ prattika ta’ ħames snin impost mil-liġi għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat fl-Awstrija (35). Dan jiġġustifika li jiġi eżaminat jekk twettaqx abbuż ta’ dritt.
81. Fid-dritt Komunitarju jeżisti kunċett ta’ abbuż ta’ dritt (36) identifikat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (37), u li sa llum ġie ddefinit relattivament tajjeb (38). Dan il-kunċett, identifikat inizjalment fil-qasam tal-libertajiet fundamentali, twessa’ mill-Qorti tal-Ġustizzja għal oqsma oħrajn tad-dritt Komunitarju u kien is-suġġett ta’ żviluppi ulterjuri. B’mod issimplifikat ħafna, dan jista’ jiġi kkunsidrat bħala prinċipju ta’ projbizzjoni tal-prattiki abbużivi, li permezz tiegħu l-“individwi ma jistgħux jibbenefikaw b’mod abbużiv jew qarrieqi mill-istandards Komunitarji” (39). Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-konstatazzjoni li teżisti prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, għaqda ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma jintlaħaqx. Hija teħtieġ, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti mill-volontà li jinkiseb xi benefiċċju riżultanti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja billi jinħolqu b’mod artifiċjali l-kundizzjonijiet mitluba għall-kisba tiegħu (40).
82. Għalkemm hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet li jikkostitwixxu abbuż ta’ dritt huma sodisfatti (41) fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar talba għal deċiżjoni preliminari, tista’, skont il-każ, tagħmel xi preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha (42).
b) Evalwazzjoni mill-perspettiva tal-għanijiet tad-direttiva
83. L-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk fil-fatt hemmx każ ta’ abbuż ta’ dritt ma tistax issir b’mod astratt, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tad-Direttiva. Is-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent stabbilita mid-Direttiva 89/48 hija intiża speċifikatament sabiex tippermetti liċ-ċittadini ta’ Stat Membru awtorizzati jeżerċitaw professjoni rregolata fi Stat Membru jibdew jeżerċitaw din l-istess professjoni fi Stati Membri oħrajn (43). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt, għal ċittadin ta’ Stat li jixtieq jeżerċita professjoni rregolata, li jagħżel li jkollu aċċess għal din fl-Istat Membru tal-preferenza tiegħu ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, użu abbużiv tas-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent stabbilita permezz tad-Direttiva 89/48. Bħalma kkonstatat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt taċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jagħżlu l-Istat Membru li fih jixtiequ jakkwistaw il-kwalifiki professjonali tagħhom huwa inerenti għall-eżerċizzju, f’suq uniku, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE (44).
84. Fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji ġurisprudenzjali, ċittadin ta’ Stat Membru ma jistax ikun akkużat li xtaq iġib ir-rikonoxximent tad-diploma barranija tiegħu mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu wara li temm kors postsekondarju bażiku fil-pajjiż ta’ oriġini u ġab kwalifika supplimentari fi Stat Membru ieħor tal-għażla tiegħu. Bħala ċittadin tal-Unjoni, huwa għandu l-possibbiltà jinvoka d-dritt tal-libertà tal-moviment u li jistudja u/jew li jaħdem barra mill-pajjiż, mingħajr ma għandu joqgħod jibża’, fil-każ li jmur lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, li huwa b’dan il-mod żvantaġġat fil-karriera akkademika u/jew professjonali tiegħu. Din il-garanzija tikkorrispondi, barra minn hekk, għall-għan intiż sabiex jiġu pprojbiti bejn l-Istati Membri ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni, hekk kif iddikjarat fl-ewwel premessa tad-Direttiva 89/48. Naturalment, il-persuni jistgħu wkoll jinvokaw dan id-dritt meta jmorru lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.
85. L-ipoteżi deskritta hawn fuq taqbel, hija wkoll, mal-għan intiż għat-twettiq bl-iktar mod wiesa’ possibbli tal-libertà li tipprovdi servizzi bħal dawk mixtieqa mid-Direttiva 89/48 fl-ewwel premessa tagħha, billi, minn naħa, hija sservi sabiex iġġib servizz ta’ taħriġ ta’ istituzzjoni ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Il-kwalifika akkademika/professjonali miksuba barra mill-pajjiż, min-naħa l-oħra, hija ta’ benefiċċju preċiżament għall-Istat ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni, sa fejn dan l-Istat jagħti importanza lil fatt li ċ-ċittadini tiegħu jirċievu l-aħjar taħriġ possibbli. B’dan il-mod, tingħata kontribuzzjoni għall-ħolqien ta’ suq tat-taħriġ f’livell Ewropew. Min-naħa l-oħra, il-libertà li jipprovdu servizzi hija wkoll ikkonkretizzata permezz tal-possibbiltà li s-servizzi tal-avukati tipprovdi fil-qasam tar-rapporti ġuridiċi transkonfinali (45). Dawn jissoponu, fil-fatt, li jkollhom konoxxenzi tal-liġi ta’ Stati Membri oħra, miksuba, preferibbilment, permezz ta’ taħriġ ġuridiku supplimentari segwit fil-post. Dan il-għan (46) huwa vantaġġat permezz tar-rikonoxximent mill-Istat Membru ospitanti ta’ kwalifika ġuridika akkwistata barra mill-pajjiż fil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.
86. Kif irrikonoxxa ġustament l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro (47) fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-kawża Cavallera, il-fatt li ċittadin Komunitarju jista’ jġib aċċess iktar vantaġġat għal professjoni fi Stat Membru ieħor minn dak li fih huwa għamel l-istudji tiegħu, u li jibbenefika, barra minn hekk, minn din iċ-ċirkustanza, ma jistax jikkwalifika immedjatament bħala abbuż ta’ dritt. Fil-każ preżenti, min-naħa l-oħra, ma għandux jiġi rrikonoxxut abbuż ta’ dritt ħlief jekk iċ-ċittadin tal-Unjoni effettivament ma għamilx użu mid-dritt tiegħu tal-moviment liberu, pereżempju permezz ta’ taħriġ komplementari jew billi jġib esperjenza professjonali fi Stat Membru ieħor. Wieħed ma jistax jikkunsidra li ma kienx hemm verament “interpretazzjoni ekonomika u soċjali” (48), hekk kif mixtieqa mill-għan tas-suq intern ikkunsidrat fl-Artikolu 1(ċ) tat-Trattat KE, jekk il-persuna kkonċernata għamlet taħriġ ta’ dan it-tip jew ġabet esperjenza professjonali. Peress li diġà ġie kkonstatat li R. Koller kien kiseb kwalifika professjonali li tikkorrispondi (49) għal “kors post-sekondarju” skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 1(a), il-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-rikonoxximent ta’ abbuż ta’ dritt mhumiex sodisfatti espliċitament.
3. Konklużjoni
87. Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari hija li l-kunċett ta’ “diploma” skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48 jinkludi t-titoli mogħtija minn awtorità ta’ Stat Membru ieħor, li minnhom jirriżulta li applikant jissodisfa, fl-imsemmi Stat, il-kundizzjonijiet professjonali li jirregolaw l-aċċess għal professjoni rregolata, u li, madankollu mingħajr ma juru li temm kors universitarju ta’ mill-inqas tliet snin f’dan l-Istat, huma bbażati fuq ir-rikonoxximent ta’ titolu ta’ studji korrispondenti, miġjub fl-Istat Membru ospitanti, bil-kundizzjoni li l-istess rikonoxximent jibbaża ruħu fuq kwalifiki supplimentari, bħal pereżempju taħriġ taħt forma ta’ ċiklu ta’ lezzjonijiet u ta’ eżamijiet komplementari, miksuba fl-Istat Membru li ħareġ it-titolu.
D - Fuq it-tieni domanda preliminari
88. Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk id-Direttiva 89/48 tostakolax regola tad-dritt nazzjonali li tgħid li hemm lok li titolari ta’ diploma tat-tip deskritt fl-ewwel domanda preliminari ma jitħalliex jagħmel l-aptitude test, fin-nuqqas ta’ prova ta’ esperjenza prattika meħtieġa mid-dritt nazzjonali.
89. Wara li ġiet ikkonfermata l-applikabbiltà tad-Direttiva 89/48 fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tal-ewwel domanda preliminari, huwa xieraq għalhekk li jiġi vverifikat, f’dan li ġej, jekk id-dritt nazzjonali jikkorrispondix għar-rekwiżiti tad-direttiva. F’dan il-kuntest, għandha tiġi ttrattata l-kwistjoni dwar jekk, permezz ta’ deroga mill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, l-Awstrija tistax teżiġi minn R. Koller, titolari kemm tat-titolu Awstrijak ta’ “Magister Rerchtswissenschaften” u kemm tat-titolu Spanjol “Licenciado en Derecho”, kif ukoll tal-awtorizzazzjoni li jiġi użat it-titolu professjonali ta’ “abogado”, li jwettaq taħriġ prattiku ta’ ċertu tul bħala kundizzjoni għall-awtorizzazzjoni li jagħmel l-aptitude test.
90. L-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48 jista’ jiġi kkunsidrat bħala l-bażi legali ta’ miżura nazzjonali ta’ dan it-tip. Is-sens ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva mhuwiex evidenti, madankollu, għall-prattikant tal-liġi ħlief wara spjegazzjoni tal-mekkaniżmu tar-rikonoxximent reċiproku li fuqu hija bbażata d-direttiva, kif ukoll tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.
1. Nuqqas ta’ rikonoxximent reċiproku awtomatiku
91. Huwa xieraq li qabel xejn nirreferi għall-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 89/48, li jimplementa (50) l-prinċipju tal-fiduċja reċiproka relatata mar-rikonoxximent tad-diplomi, billi jipprovdi li Stat Membru ospitanti li jissuġġetta l-aċċess għal professjoni għall-pussess ta’ diploma ma jistax jirrifjuta milli jawtorizza lil ċittadin ta’ Stat Membru, abbażi ta’ nuqqas ta’ kwalifiki, milli jkollu aċċess għal din il-professjoni jekk l-applikant ikollu d-diploma li teħtieġ minn Stat Membru ieħor sabiex ikollu aċċess għal jew jeżerċita hemmhekk din l-istess professjoni fit-territorju tiegħu u li tinkiseb fi Stat Membru. Barra minn hekk, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 89/48, imsemmi iktar ’il fuq, li jobbliga l-Istat Membru ospitanti biex jirrikonoxxi ċ-ċertifikati maħruġa f’dan ir-rigward mill-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra.
a) Is-sentenza Morgenbesser tat-13 ta’ Novembru 2003
92. Madakollu kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Morgenbesser (51), id-Direttiva 89/48 bl-ebda mod ma tirrikjedi li r-rikonoxximent ta’ diploma jkun purament “awtomatiku” (52). Minn dan jirriżulta li l-awtorità kompetenti għandha tivverifika, b’konformità mal-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Vlassopoulou (53) u Fernandez de Bobadilla (54), jekk, u sa fejn, il-konoxxenzi ċċertifikati mid-diploma mogħtija fi Stat Membru ieħor u l-kwalifiki jew l-esperjenza professjonali miġjuba f’dan l-istess Stat, kif ukoll l-esperjenza miġjuba fl-Istat Membru li fih il-kandidat talab biex jiġi rreġistrat, għandhomx jiġu kkunsidrati bħala sodisfaċenti, anki parzjalment, għall-kundizzjonijiet mitluba sabiex ikollu aċċess għall-attività kkonċernata (55).
93. Din il-proċedura ta’ eżami għandha tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti li jiżguraw irwieħhom oġġettivament li d-diploma barranija tiċċertifika, fir-rigward tal-persuna li għandha dan it-titolu, konoxxenza u kwalifiki li jekk mhux identiċi huma għall-inqas ekwivalenti għal dawk iċċertifikati permezz tad-diploma nazzjonali. Din l-evalwazzjoni tal-ekwivalenza tad-diploma barranija għandha ssir esklużivament billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-livell tal-konoxxenza u tal-kwalifiki li dan it-titolu jippermetti, fid-dawl tan-natura u tat-tul ta’ żmien tal-istudji u tat-taħriġ prattiku relatati magħhom, li jiġi preżunt li l-persuna kkonċernata għandha (56).
94. Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, Stat Membru jista’ madankollu jieħu inkunsiderazzjoni differenzi oġġettivi relatati kemm mal-kuntest ġuridiku tal-professjoni inkwistjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll mal-kamp ta’ attività tagħha. Fil-każ tal-professjoni ta’ avukat inkwistjoni f’din il-kawża, Stat Membru għandu għaldaqstant id-dritt li jagħmel eżami komparattiv tad-diplomi billi jieħu inkunsiderazzjoni differenzi rrilevati bejn is-sistemi legali nazzjonali kkonċernati (57).
95. Jekk dan l-eżami komparattiv tad-diplomi jwassal għall-konstatazzjoni li l-konoxxenza u l-kwalifiki ċċertifikati mid-diploma barranija jikkorrispondu għal dawk meħtieġa mid-dispożizzjonijiet nazzjonali, l-Istat Membru għandu l-obbligu li jaċċetta li din id-diploma tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti minnhom. Jekk, min-naħa l-oħra, il-paragun juri biss korrispondenza parzjali bejn din il-konoxxenza u l-kwalifiki, l-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt li jeħtieġ li l-persuna kkonċernata turi li hija kisbet il-konoxxenza u l-kwalifiki neqsin (58). F’dan ir-rigward, huma l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li għandhom jevalwaw jekk il-konoxxenza miksuba fi Stat Membru ospitanti, fil-kuntest kemm ta’ ċiklu ta’ studji, kemm ta’ esperjenza prattika, tistax tkun tali sabiex jiġi stabbilit il-pussess tal-konoxxenza li hija nieqsa (59).
b) Is-sentenza Peśla tal-10 ta’ Diċembru 2009
96. Il-kompatibbiltà, mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju, tal-eżami komparattiv imwettaq mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti dwar il-kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor, ġiet speċifikament ikkonfermata l-aħħar mill-Qorti tal-Ġustizzja (60) fis-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2009, mogħtija fil-kawża C‑345/08 (Pésla), dwar is-suġġett ta’ kwalifika għall-professjoni ta’ avukat.
97. Din il-kawża kellha bħala suġġett it-talba ta’ ammissjoni ta’ K. Peśla, ċittadin Pollakk, għall-perijodu ta’ preparazzjoni għall-professjonijiet ġuridiċi fil-Ġermanja. K. Peśla kien temm b’suċċess kors tal-liġi fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u sussegwentement, fil-kuntest tal-kors ta’ taħriġ ġuridiku Ġermaniż-Pollakk kiseb, kemm it-titolu akkademiku ta’ “Master of German and Polish Law” kif ukoll “Bachelor of German and Polish Law”. L-awtoritajiet Ġermaniżi ċaħdu t-talba għall-kisba ta’ dikjarazzjoni ta’ ekwivalenza minħabba li l-konoxxenza f’liġi barranija ma tistax tiġi rrikonoxxuta bħala ekwivalenti, fid-dawl tad-differenzi eżistenti meta mqabbla mal-liġi Ġermaniża. Barra minn hekk, huma sostnew li l-konoxxenza tal-liġi Ġermaniża meħtieġa għall-unitajiet ta’ valur miksuba minn K. Peśla fil-kors tal-Master of German and Polish Law hija ta’ livell ferm inferjuri minn dak tal-provi bil-miktub tal-ewwel eżami tal-Istat fis-suġġetti obbligatorji. Fid-deċiżjoni ta’ ċaħda, M. Pésla madankollu ngħata madankollu l-possibbiltà, jekk huwa jagħmel it-talba, li jipparteċipa f’aptitude test (61).
98. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment ikkonfermat, il-pożizzjoni ġuridika tal-awtoritajiet Ġermaniżi. B’hekk, hija kkonstatat, fost oħrajn, li “huwa fid-dawl tal-kwalifika professjonali meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti li l-konoxxenza ddikjarata mid-diploma mogħtija fi Stat Membru ieħor u l-kwalifiki u/jew l-esperjenza professjonali miksuba fi Stati Membri oħra, kif ukoll l-esperjenza miksuba fl-Istat Membru fejn il-kandidat jitlob li jirreġistra ruħu għandha tiġi eżaminata” (62).
99. Il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament irrikonoxxiet, f’dan il-kuntest, li fir-rigward tal-aċċess għall-professjonijiet ġuridiċi fl-Istat Membru ospitanti, il-konoxxenza tad-dritt tal-Istat Membru inkwistjoni kienet ta’ natura deċiżiva. Hija indikat li din il-konoxxenza ma setgħetx tkun sempliċement issostitwita minn ċerta konoxxenza tad-dritt tal-Istat ta’ oriġini, anki jekk l-istudji ġuridiċi taż-żewġ Stati Membri kienu komparabbli mill-perspettiva kemm tal-livell ta’ taħriġ riċevut kif ukoll tal-isforzi magħmula għal dan il-għan. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, sabiex tiċċara l-assurdità tal-argument kontradittorju mressaq minn K. Pésla, li dan, “applikat sal-konsegwenzi finali tiegħu, jwassal sabiex jiġi aċċettat li kandidat jista’ jaċċedi għat-traineeship preparatorju mingħajr ma jkollu l-inqas konoxxenza kemm tal-liġi Ġermaniża kif ukoll tal-lingwa Ġermaniża” (63).
100. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “l-Artikolu 39 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jeżaminaw it-talba ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor sabiex jikseb l-aċċess għal perijodu tat-taħriġ prattiku fid-dawl tal-eżerċizzju ulterjuri ta’ professjoni legali regolata, bħat-traineeship preparatorju, dan l-artikolu minnu nnifsu ma jimponix li dawn l-awtoritajiet jeħtieġu biss mill-kandidat, fil-kuntest tal-eżami tal-ekwivalenza meħtieġ mid-dritt Komunitarju, livell ta’ konoxxenza legali inqas minn dik iddikjarata mill-kwalifika meħtieġa f’dan l-Istat Membru għall-aċċess għal tali perijodu ta’ taħriġ prattiku” (64).
ċ) Konklużjonijiet
101. Għall-finijiet tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari preżenti, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imsemmija iktar ’il fuq, li r-rikonoxximent ta’ diploma fl-Istat Membru ospitanti bl-ebda mod ma għandu jkun awtomatiku (65). Għall-kuntrarju, huwa għandu d-dritt jivverifika, fil-kuntest ta’ proċedura komparabbli, l-ekwivalenza tad-diploma barranija mat-titolu rispettiv, li jeżisti fit-territorju tiegħu (66). Rigward it-titoli ġuridiċi, għandu jiġi kkunsidrat, bħala prinċipju, li s-sistemi legali tal-Istati Membri huma differenti, b’tali mod li, b’konformità mad-dritt Komunitarju, l-Istat Membru ospitanti għandu jitlob mit-titolari tad-diploma li dan ikollu konoxxenza preċiża tad-dritt tal-Istat Membru ospitanti (67). Mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju, huwa bla dubju aċċettat, iżda mhux obbligatorju, li jiġu stabbiliti, fl-interess tal-moviment liberu tal-ħaddiema, rekwiżiti inqas restrittivi dwar il-konoxxenza ġuridika tal-applikant minn dik li hija ċċertifikati permezz tal-kwalifika mitluba f’dan l-Istat Membru għall-aċċess għal dan il-perijodu ta’ taħriġ prattiku (68).
102. Il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat dawn il-prinċipji fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li jinsabu fl-Artikoli 39 u 43 KE dwar il-moviment liberu u l-istabbiliment tal-ħaddiema. Is-supremazija tal-leġiżlazzjoni sekondarja titlob, meta ssir l-evalwazzjoni tat-tieni domanda preliminari, li din tkun ibbażata qabel xejn fuq id-Direttiva 89/48. Madankollu, din iċ-ċirkustanza mhijiex ostakolu għal interpretazzjoni tad-Direttiva 89/48 fid-dawl tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq, minħabba li d-Direttiva ġiet adottata preċiżament bl-għan li timplementa l-libertajiet fundamentali, liema fatt jirriżulta mill-għażla ta’ bażijiet legali kif ukoll mill-ewwel premessa tad-Direttiva (69).
2. L-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48 bħala bażi legali
103. Il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja tforni indikazzjonijiet importanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48, billi din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-miżuri li l-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt jieħu fir-rigward tar-rikonoxximent tad-diploma barranija wara t-tmiem ta’ eżami komparattiv tal-kwalifiki tal-applikant. Fost dawn il-miżuri, tidher il-fakultà li jitlob, f’ċerti kundizzjonijiet, li l-applikant iwettaq perijodu ta’ adattazzjoni għal mhux iktar minn tliet snin jew jissottometti ruħu għal test tal-kapaċità.
104. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva, l-applikant għandu, bħala prinċipju, dritt ta’ għażla. L-Istat Membru ospitanti jista’, permezz ta’ deroga minn dan il-prinċipju, jippreskrivi perijodu ta’ adattament, jew aptitude test għall-professjonijiet li l-eżerċizzju tagħhom jitlob konoxxenza preċiża tad-dritt nazzjonali u li element essenzjali u kostanti tal-attività huwa l-għoti ta’ pariri u/jew assistenza dwar id-dritt nazzjonali. Il-professjoni ta’ avukat hija bla dubju kkonċernata, billi l-avukat għandu jagħti pariri u/jew assistenza lill-klijenti tiegħu dwar id-dritt nazzjonali (70). Minn dan jirriżulta li l-Awstrija hija intitolata titlob li l-persuna kkonċernata tagħmel l-eżami ta’ avukat bil-kundizzjoni li dan jissodisfa d-definizzjoni ta’ “aptitude test”.
L-eżami ta’ avukat bħala “aptitude test” fis-sens tal-Artikolu 1(g)
105. L-eżami ta’ avukat previst fl-Artikolu 1 tar-RAPG (Rechtsanwaltsprüfungsgesetz, liġi dwar l-eżami ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat) jikkorrispondi għad-definizzjoni ta’ “aptitude test” fis-sens tal-Artikolu 1(g) tad-Direttiva 89/48, għaliex jikkonċerna esklużivament il-konoxxenza professjonali tal-applikant. Dan l-eżami jippermetti li tiġi vverifikata l-ħila tal-applikant li jeżerċita l-professjoni ta’ avukat b’konformità mar-rekwiżiti previsti fl-Awstrija. Dawn ir-rekwiżiti huma previsti fl-Artikolu 1 tar-RAPG, skont liema għandha tiġi ċċertifikata l-“ħila li jibda u jassumi strateġiji relatati mal-kawżi ta’ natura pubblika u privata fdati lil avukat kif ukoll il-ħila tiegħu li jipprepara dokumenti u pariri legali u li jippreżenta b’mod ordnata bil-miktub u oralment il-punti ta’ liġi u ta’ fatt ta’ kawża”. Bħala Stat Membru ospitanti, l-Awstrija għandha s-setgħa (71), skont id-dritt Komunitarju, li tistabbilixxi dawn ir-rekwiżiti b’konformità mal-prinċipji żviluppati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(g) tad-Direttiva 89/48 jagħti s-setgħa lill-Awstrija li tiddetermina l-“modalitajiet” ta’ dan l-“aptitude test”.
b) Il-kundizzjonijiet li fihom l-Istat Membru ospitanti jista’ jirrikjedi
106. Mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48 jirriżulta li l-Istat Membru ospitanti jista’ jitlob li l-applikant jissottometti ruħu għal aptitude test, meta l-professjoni rregolata fl-Istat Membru ospitant tinkludi waħda jew diversi attivitajiet professjonali rregolati li ma jeżistux fil-professjoni rregolata fl-Istat Membru ta’ oriġini jew ta’ oriġini tal-applikant u li din id-differenza hija kkaratterizzata minn taħriġ speċifiku li huwa mitlub fl-Istat Membru ospitanti u li huwa dwar suġġetti sostanzjalment differenti minn dawk koperti mid-diploma li kiseb l-applikant.
i) Attività professjonali mhux prevista fl-Istat Membru ta’ oriġini jew ta’ oriġini tal-applikant
107. Għandu jiġi kkunsidrat li l-“istage ta’ prattika” previst fl-Awstrija b’konformità mal-Artikolu 1(2)(d) tar-RAO, iżda li mhux previst fit-taħriġ tal-professjoni ta’ avukat fi Spanja, jikkostitwixxi “attività professjonali” li “[...] [ma teżistix] fil-professjoni rregolata fl-Istat membru [...] ta’ oriġini tal-applikant”.
ii) Differenza sostanzjali fit-taħriġ
108. Id-differenza sostanzjali li, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(b), għandha tikkonsisti neċessarjament f’taħriġ speċifiku, mitlub fi Stat Membru ospitanti, għandha tiġi kkunsidrata li tirriżulta miċ-ċirkustanza li l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat fl-Awstrija ma huwiex definittivament permess ħlief għal dawk il-persuni li, minbarra l-kors universitarju bażiku, jgħaddu mill-eżami ta’ avukat u jkomplu l-perijodu ta’ prattika ta’ ħames snin. Fil-fatt, b’konformità mal-Artikolu 1(1) u (2) tar-RAO, dan jikkonċerna l-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-reġistrazzjoni fl-elenku tal-avukati, li tagħti d-dritt għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat. Min-naħa l-oħra, fi Spanja, għal dan huwa biżżejjed li wieħed iġib it-titolu ta’ “Licenciado en Derecho”, li jtemm b’suċċess il-kors universitarju u li jkun irreġistrat ma’ waħda mill-kmamar tal-avukati. Billi t-taħriġ għall-professjoni ta’ avukat li ma jitlob l-ebda esperjenza prattika fi Spanja, din id-differenza għandha tikkwalifika bħala sostanzjali.
iii) Ir-riferiment għal suġġetti mhux koperti mid-diploma tal-Istat ta’ oriġini
109. Fl-aħħar nett, l-Istat Membru ospitanti ma jistax jitlob li l-applikant jissottometti ruħu għal aptitude test jekk din id-differenza hija dwar suġġetti sostanzjalment differenti minn dawk koperti mit-titoli li kiseb l-applikant.
– Il-kwalifika miksuba fi Spanja
110. Kemm mid-Direttiva 89/48 kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (72) jirriżulta li hawnhekk hawn lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konoxxenza eventwali li l-applikant għandu diġà, pereżempju, fid-dritt tal-Istat Membru ospitanti. F’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanza li R. Koller temm b’suċċess mhux biss kors postsekondarji fi Spanja, iżda li qabel spiċċa l-kors bażiku tal-liġi fl-Awstrija, jista’ jkollha rwol essenzjali, iktar u iktar għaliex “diploma” skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48, tista’ tkun ikkostitwita (73), bħalma diġà indikajt, minn ġabra ta’ titoli, b’tali mod li t-titolu ta’ “Magister der Rechtswissentschaften” miżmum mill-persuna kkonċernata jista’ jiġi kkunsidrat, bħala prinċipju, bħala titolu supplimentari. Madankollu, id-differenzi fundamentali li jappartjenu għal kull sistema legali tal-Istati Membri jwasslu sabiex il-kors magħmul minn R. Koller fi Spanja jidher mhux bħala komplementari għall-kors bażiku magħmul fl-Awstrija, iżda bħala kors intrinsikament u fundamentalment differenti. Għalhekk, huma jistgħu jitqabblu biss b’mod limitat. Barra minn hekk, ma għandux jintesa li, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kwalifiki professjonali, il-profil tax-xogħol ta’ avukat jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor (74). Għalhekk, il-kompitu li jikkonsisti fl-eżaminazzjoni, każ b’każ, ta’ liema suġġetti tat-taħrig mitluba fl-Istat Membru ospitanti mhumiex koperti mid-diploma ppreżentata mill-applikant huwa l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(g) tad-Direttiva 89/48.
– Ir-relazzjoni li teżisti bejn kors bażiku u taħriġ għall-professjoni ta’ avukat
111. Jiena nikkunsidra li r-relazzjoni li teżisti bejn it-taħriġ għall-professjoni ta’ avukat u l-kors bażiku hija iktar ċara fl-Awstrija. It-taħriġ għall-professjoni ta’ avukat fi Stat Membru huwa bbażat, mill-konċepiment tiegħu, fuq kors bażiku minħabba li l-konoxxenza ġuridika miksuba f’dan il-kuntest tikkostitwixxi neċessarjament prerekwiżit. Huwa jikkostitwixxi f’dan ir-rigward taħriġ komplementari, sa fejn huwa intiż sabiex jippermetti lill-kandidat jagħmel l-eżami biex iġib il-kwalifika u l-esperjenza professjonali neċessarja. Għad-differenza tal-kors purament akkademiku fix-xjenzi ġuridiċi, segwit f’università, it-taħriġ għall-professjoni ta’ avukat għandu natura prattika. Bħalma jispjega l-Gvern Awstrijak (75), dan it-taħriġ, li jinkludi l-perijodu ta’ prattika ta’ ħames snin u l-eżami ta’ avukat, huwa legalment iġġustifikat mill-għan li jipprovdu, fl-interess tal-individwi, servizzi legali ta’ kwalità għolja li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-prattika.
112. B’mod parallel mal-organizzazzjoni prattika tat-taħriġ għall-professjoni ta’ avukat fl-Awstrija, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li dan it-taħriġ jinkludi suġġetti li mhumiex indirizzati jew mhumiex ittrattati biżżejjed fil-kuntest tal-kors bażiku, u li fosthom jinsab l-intaxxar tal-ispejjeż u tal-infiq ta’ avukat kif ukoll ir-regoli deontoloġiċi applikabbli għall-avukati. Kif jammetti (76) R. Koller stess fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-liġi dwar l-ispejjeż u l-infiq tal-avukati tgħallmet biss parzjalment fil-kuntest tal-lezzjonijiet ta’ proċedura ċivili u ta’ proċedura penali tal-università. Huwa lanqas ma jista’ juri esperjenza professjonali f’dawn l-oqsma. Għalhekk, il-konoxxenza tagħhom tikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali ta’ eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat. Huwa minħabba din ir-raġuni li huwa speċifikament indikat fl-Artikolu 1(g) tad-Direttiva 89/48 li r-regoli deontoloġiċi jistgħu wkoll ikunu s-suġġett ta’ aptitude test. L-argumenti tal-persuna kkonċernata, li jgħidu li jista’ jiġi kkunsidrat li wara li wieħed ikun eżerċita l-professjoni ta’ avukat għal iktar minn erba’ snin, dan kompla jiffamiljarizza ruħu mal-liġi dwar l-ispejjeż u l-infiq billi għallem lilu nnifsu, mhumiex rilevanti sabiex tiġi kkontestata n-neċċessità ta’ kontroll pubbliku tal-kwalifiki tiegħu.
113. Fl-aħħar nett, wieħed għandu jirrimarka li, fl-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħames premessa tagħha, li tgħid li, għall-professjonijiet li għall-eżerċizzju tagħhom il-Kummisjoni ma ddeterminatx il-livell minimu ta’ kwalifika neċessarju, l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jistabbilixxu dan il-livell bl-għan li jiggarantixxu l-kwalità tas-servizzi pprovduti fit-territorju tagħhom. Fir-rigward tal-fatt li la d-Direttiva 89/48 u lanqas il-bqija tad-dritt Komunitarju ma jirregolaw r-rekwiżiti ġenerali għall-aċċess għall-professjoni ta’ avukat u, b’hekk, li l-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, is-setgħa li jiddeterminaw ir-rekwiżiti kif ukoll, għaldaqstant, il-livell minimu nnifsu tat-taħriġ għall-professjoni ta’ avukat, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix obbligu impost fuq l-applikant li jissottometti ruħu għal aptitude test.
c) Konklużjoni parzjali
114. L-Awstrija tista’ tibbaża ruħha fuq ir-regola ta’ awtorizzazzjoni li tinsab fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48 sabiex titlob lil R. Koller jissottometti ruħu għall-eżami ta’ avukat.
4. L-obbligu li jintemm perijodu ta’ prattika ta’ ħames snin
115. Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn l-obbligu msemmi iktar ’il fuq u l-obbligu li l-applikant itemm perijodu ta’ prattika ta’ ħames snin.
116. L-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48 ma jistax, ħlief f’każ ta’ deroga, jintuża bħala bażi legali u sabiex jiġi ġġustifikat obbligu li jintemm perijodu ta’ taħriġ prattiku.
117. Skont l-Artikolu 4(1)(a), l-Istat Membru ospitanti jista’ bla dubju jitlob li l-applikant iġib il-prova ta’ esperjenza professjonali, iżda biss fil-każ li t-tul tat-taħriġ, li tiegħu l-applikant ġab il-prova b’konformità mal-Artikolu 3(a), huwa mill-inqas sena iqsar minn dak mitlub fl-Istat Membru ospitanti. Għalhekk, ma teżisti l-ebda indikazzjoni li tagħti x’wieħed jaħseb li t-tul normali tal-istudji fi Spanja jvarja daqshekk mit-tul tal-kors tal-liġi fl-Awstrija, li għandu jintuża bħala kriterju ta’ tqabbil f’dan ir-rigward. Bħalma diġà indikajt (77), fil-kawża prinċipali għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li R. Koller għamel f’sentejn biss taħriġ ġuridiku komplementari li jikkorrispondi, skont id-dritt Spanjol, għal kors tal-liġi ta’ tul normali ta’ erba’ snin fi Spanja.
118. Anki li kieku jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-perijodu ta’ madwar sentejn li matulu seħħet il-proċedura ta’ approvazzjoni, huwa estremament improbabbli li l-Artikolu 4(1)(a) jawtorizza perijodu ta’ taħriġ prattiku ta’ ħames snin, bħall-perijodu ta’ prattika previst fl-Awstrija, iktar u iktar peress li, skont l-ewwel inċiż, it-tul ta’ esperjenza professjonali mitluba ma tistax tkun iktar mid-doppju tal-perijodu ta’ taħriġ nieqes. Barra minn hekk, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 4(1)(a) jipprovdi b’mod ċar li, fi kwalunkwe każ, l-esperjenza professjonali mitluba ma tistax taqbeż erba’ snin. Konsegwentament, il-perijodu ta’ prattika ta’ ħames snin, obbligatorju fl-Awstrija, jaqbeż fi kwalunkwe każ it-tul massimu awtorizzat mid-Direttiva 89/48.
119. Fl-aħħar nett, għandha tingħata attenzjoni għar-regola fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/48, li tipprovdi speċifikament li l-Istat Membru ospitanti ma jistax japplika b’mod kumulattiv id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1(a) u (b). Din ir-regola għandha tinftiehem bħala projbizzjoni għall-applikazzjoni kumulattiva taż-żewġ sistemi ta’ kumpens (78). Dan ifisser li, għal dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, l-Awstrija ma għandhiex id-dritt li titlob prova ta’ esperjenza professjonali bħala kundizzjoni supplimentari għall-aptitude test.
120. Minn dan jirriżulta li d-Direttiva 89/48 ma toffri l-ebda bażi legali li tiġġustifika obbligu li jintemm perijodu ta’ prattika ta’ ħames snin fiċ-ċirkustanzi fil-kawża preżenti.
4. Konklużjoni
121. Fil-qosor, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Awstrija tista’ ċertament tobbliga lil R. Koller jissottometti ruħu għal aptitude test, iżda mhux li jagħmel, b’mod supplimentari, perijodu ta’ prattika ta’ ħames snin.
122. Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda preliminari hija li d-Direttiva 89/48 tipprojbixxi regola ta’ dritt nazzjonali li tgħid li t-titolari ta’ diploma tat-tip deskritt fl-ewwel domanda preliminari mhuwiex awtorizzat jagħmel l-aptitude test fin-nuqqas ta’ prova ta’ esperjenza prattika mitluba mid-dritt nazzjonali.
VII – Konklużjoni
123. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Obersten Berufungs- und Disziplinarkommission kif ġej:
1) Il-kunċett ta’ “diploma” skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/48 jinkludi t-titoli mogħtija minn awtorità ta’ Stat Membru ieħor, li minnhom jirriżulta li applikant jissodisfa, fl-imsemmi Stat, il-kundizzjonijiet professjonali li jirregolaw l-aċċess għal professjoni rregolata, u li, mingħajr ma juru madankollu li jkun ġie kkompletat kors universitarju ta’ mill-inqas tliet snin f’dan l-Istat, huma bbażati fuq ir-rikonoxximent ta’ titolu ta’ studji korrispondenti, miġjub fl-Istat Membru ospitanti, bil-kundizzjoni li l-istess rikonoxximent jibbaża ruħu fuq kwalifiki supplimentari, bħal pereżempju taħriġ f’forma ta’ ċiklu ta’ lezzjonijiet u ta’ eżamijiet komplementari, akkwistati fl-Istat Membru li ħareġ it-titolu.
2) Id-Direttiva 89/48 tipprojbixxi regola ta’ dritt nazzjonali li tgħid li t-titolari ta’ diploma tat-tip deskritt fl-ewwel domanda preliminari mhuwiex awtorizzat jagħmel l-aptitude test fin-nuqqas ta’ prova ta’ esperjenza prattika mitluba mid-dritt nazzjonali.
1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 – Skont it-Trattat ta’ Lisbona tat-13 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007 C 306, p. 1) li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari hija issa rregolata mill-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
3 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 337.
4 – Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22). Id-Direttiva 2005/36 tikkonsolida d-dritt pożittiv fil-qasam tar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali. Hija tintegra tliet direttivi orizzontali dwar regoli ġenerali u tnax-il direttiva partikolari. Hija tapplika għal kull ċittadin ta’ Stat Membru li jrid jeżerċita, b’mod indipendenti jew impjegat, professjoni rregolata fi Stat Membru differenti minn dak li fih kiseb il-kwalifiki professjonali tiegħu.
5 – Mill-proċess jirriżulta li l-approvazzjoni ngħatat abbażi tad-Digriet Irjali 86/1987 tas-16 ta’ Jannar 1987 (ĠU tat-23 ta’ Jannar 1987, li ġie ssostitwit mid-Digriet Irjali 285/2004 tal-20 ta’ Frar 2004, ĠU tal-4 ta’ Marzu 2004).
6 – Sentenza tad-29 ta’ Jannar 2009, Consiglio Nazionale degli Ingegneri (C‑311/06, Ġabra p. I‑415).
7 – Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑274/05, Ġabra p. I‑7969, punti 31 u 35).
8 – Sentenza Cavallera, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 6), punt 55.
9 – Ara, fir-rigward tas-sistema tal-leġiżlazzjoni sussidjarja tad-direttiva ta’ koordinazzjoni u ta’ rikonoxximent, kif ukoll ix-xogħol ta’ tħejjija tad-Direttiva 89/48, N. Görlitz, “Gemeinschaftsrechtliche Diplomanerkennungspflichten und Zugang zum deutschen Vorbereitungsdienst – Die primär- und sekundärrechtliche Verpflichtung der EU-Staaten zur Äquivalenzüberprüfung von den Ersten Staatsexamina vergleichbaren ausländischen Hochschulabschlüssen”, Europarecht, 2000, Ħarġa Nru 5, p. 840; A. Bianchi Conti, “Considerazioni sul riconoscimento delle qualifiche e dei titoli professionali”, La libera circolazione dei lavoratori, 1998, p. 205; J. Pertek “La reconnaissance mutuelle des diplômes d’enseignement supérieur”, Revue trimestrielle de droit européen, 1989, Nru 4, p. 629, 637; A. Boixareu, “Las profesiones jurídicas en la directiva relativa a un sistema general de reconocimiento de los títulos de enseñanza superior”, Gaceta jurídica de la C.E.E., 1999, Nru 44, p. 3, 4; C. Zilioli, “L’apertura delle frontiere intracomunitarie ai professionisti: la direttiva CEE Nru 89/48”, Diritto comunitario e degli scambi internazionali, 1989, Sena XXVIII, Nru 3, p. 422, li jispjegaw li l-leġiżlatur Komunitarju kellu għall-ewwel l-intenzjoni li jwettaq approssimazzjoni tal-kontenut u tal-kundizzjonijiet tal-aċċess ta’ ċerti korsijiet ta’ taħriġ nazzjonali biex wara telaq minn dan l-approċċ u introduċa, permezz tad-Direttiva 89/48, u abbażi tal-prinċipju msejjaħ ta’ fiduċja, obbligu ta’ rikonoxximent, mill-Istati Membri, ta’ diploma miġjuba skont id-dispożizzjonijiet, mhux armonizzati f’dan ir-rigward, ta’ kull Stat ta’ oriġini.
10 – F’dan is-sens, J. Pertek, “La reconnaissance des diplômes, un acquis original rationalisé et développé par la directive n° 2005/36 du 7 octobre 2005”, Europe, 2006, Nru 3, p. 7, dwar l-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/48 u d-dispożizzjoni ulterjuri kkostitwita mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva li skont l-awtur fihom preżunzjoni sempliċi ta’ ekwivalenza ta’ diplomi barranin.
11 – Skont J.-M. Visée, “L’application de la directive 89/48/CEE (système général de reconnaissance des diplômes) aux avocats”, La reconnaissance des qualifications dans un espace européen des formations et des professions, 1998, p. 212, il-miżuri (korsijiet u testijiet tal-kapaċità) previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/48 għandhom, pereżempju, jikkumpensaw għad-differenzi, f’partijiet sostanzjali, li jeżistu bejn it-tipi ta’ taħriġ.
12 – Ara b’mod partikolari s-sentenzi tas-17 ta’ Setembru 1997, Dorsch Consult C‑54/96, Ġabra p. I‑14961, punt 23, tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait, et, C‑53/03, Ġabra p. I-4609, punt 29, u tal-14 ta’ Ġunju 2007, Häupl, C‑246/05, Ġabra p. I-4673, punt 16.
13 – Ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 1999, HI, C‑258/97, Ġabra p. I-1405.
14 – L-interpretazzjoni tal-Verfassungsgerichtshof Awstrijak, mogħtija fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Settembru 2003 (numru tal-proċess B614/01 ua), hija għalhekk rilevanti.
15 – Ara, dwar il-professjoni ta’ avukat bħala professjoni rregolata, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 2003, Morgenbesser, C‑313/01, Ġabra p. I-13467, punt 60, u tal-10 ta’ Diċembru 2009, Pesla, C‑345/08, Ġabra p. I-11677, punt 27.
16 – Sentenzi Cavallera, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 6), punt 47, u tat-23 ta’ Ottubru 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑286/06, Ġabra p. I-8025, punt 55.
17 – Ara l-paġna 13 tad-digriet tar-rinviju.
18 – Ara l-paġna 4, punt 4 tal-osservazzjonijiet ta’ R. Koller.
19 – Sentenza tal-31 ta’ Marzu, Kraus (C‑19/92, Ġabra p. I-1663, punt 19).
20 – Fil-konkluzjonijiet tiegħu tat-28 ta’ Frar 2008, mogħtija fil-kawża Cavallera (C‑311/06, Ġabra p. I‑415, punt 23), l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro osserva ġustament li M. Cavallera la studja u lanqas ħadem fi Spanja, b’tali mod li ma kompla, b’mod iktar eżatt, l-ebda taħriġ ta’ tip professjonali jew akkademiku f’dan l-Istat. L-Avukat Ġenerali minn din iċ-ċirkustanza ġustament iddeduċa li d-diploma ta’ inġinier mekkaniku miġjuba fi Spanja kienet ir-riżultat ta’ approvazzjoni “sempliċi” ta’ titolu universitarju/akkademiku Taljan.
21 – Ara l-paġna 14 tad-digriet tar-rinviju.
22 – Sentenza Cavallera, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 6), punti 56 sa 59.
23 – Sentenza Cavallera, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 6), punt 57.
24 – Sentenza tad-29 ta’ April 2004, Beuttenmüller (C‑102/02, Ġabra p. I-5404).
25 – Idem, punt 42. Il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel referenza hawnhekk għar-“rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-istat ta’ applikazzjoni ta’ sistema ġenerali ta’ rikonoxximent ta’ diploma tal-edukazzjoni ogħla, stabbilita skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 89/48/KEE [COM(96) 46 final]”, ippreżentat mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Frar 1996.
26 – Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 16).
27 – Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2008, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 16), punt 61.
28 – Ara punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
29 – Ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Price, C-149/05, Ġabra p. I-7691, punt 54.
30 – Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-kundizzjoni ta’ aċċess għal professjoni, l-Istati Membri għandhom id-dritt jiddefinixxu l-konoxxenzi u l-kwalifiki neċessarji sabiex tiġi eżerċitata din il-professjoni u li jirrikjedu l-produzzjoni ta’ diploma li tiċċertifika l-pussess ta’ dawn il-konoxxenzi u kwalifiki. Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et, 222/86, Ġabra p. 4097, punt 10, tas-7 ta’ Mejju 1991, Vlossopoulou, C‑340/89, Ġabra p. I-2357, punt 9, tas-7 ta’ Mejju 1992, Aguirre Borrell et, C‑104/91, Ġabra p. I-3003, punt 7 u tal-10 ta’ Diċembru 2009, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 15). Ara wkoll P. Mengozzi, “La direttiva del Consiglio 89/48/CEE relative ad un sistema generale dei diploma di istruzione superior”, Le nouve leggi civili commentante, Sena XIII/1990, Nru 3-4, p. 1014.
31 – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro tat-28 ta’ Frar 2008 fil-kawża Cavallera (C‑311/06, Ġabra p. I-415, punt 34).
32 – Ara s-sentenza Price, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 29), punt 54.
33 – Il-fatt li jiġi invokat b’mod abbużiv id-dritt Komunitarju għandu bħala konsegwenza ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarji għal fatti partikolari. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat, pereżempju, fis-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke, C‑110/99, Ġabra p. I‑11569, punt 51 u tal-11 ta’ Ottubru 1977, Cremer, 125/76, Ġabra p. 1593, punt 21, li l-applikazzjoni tal-liġijiet Komunitarji ma tistax titwessa’ sabiex tkopri l-prattiki abbużivi ta’ operaturi ekonomiċi.
34 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 16), punt 69.
35 – Ara l-paġna 3 tad-digriet tar-rinviju. Indipendentement mill-fatt li abbuż ta’ dritt effettivament twettaq fil-kawża prinċipali, li jista’ jiġi kkonstatat biss permezz ta’ evalwazzjoni ġuridika oġġettiva, il-qorti tar-rinviju mhijiex l-unika waħda li għandha s-suspetti. Ir-riskju preżunt li d-differenzi li jeżistu fit-taħriġ tal-avukati jistgħu jwasslu għal “turiżmu” ta’ kandidati għall-professjoni ta’ avukat huwa evokat, pereżempju minn A. Mannino, “Anerkennung von Berufsqualifikationen: Anmerkung zu EuGH C‑313/01, 13.11.2003 – Morgenbesser”, Zeitschrift für Gemeinschaftsprivatrecht, 2004, Nru 5, p. 282, u għal dak li jikkonċerna speċifikament il-proċedura għal deċiżjoni preliminari li hija inkwistjoni f’din il-kawża J. Goldsmith, “Fancy a little law qualification forum shopping?”, Law Society Gazette, disponibbli fuq l-internet, impoġġi online fl-4 ta’ Awwissu 2009, madankollu, mingħajr ma jsemmi speċifikament l-abbuż ta’ dritt.
36 – Ara, fir-rigward tar-riskju li d-dritt għal leave annwali mħallas matul perijodi ta’ mard, rikonoxxuti fid-dritt Komunitarju fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ikun rikonoxxut b’mod abbużiv, il-konklużjonijiet tiegħi tal-24 ta’ Jannar 2008 fil-kawża C‑520/06, Stringer et, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 80. Fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena tajt definizzjoni ta’ abbuż ta’ dritt bħala użu ħażin ta’ dritt, li jillimita l-possibbiltajiet li jiġi eżerċitat dritt eżistenti. Dan ifisser li l-eżerċizzju ta’ dritt formali huwa limitat mill-prinċipju ta’ bona fede. Anki l-persuna li għandha dritt fundamentali li minnu tkun tista’ tibbenefika fi proċeduri ġudizzjarji ma tistax teżerċita dan b’mod abbużiv. Ara, f’dan l-istess sens, Creifelds, Rechtswörterbuch (dizzjunarju ġuridiku, ippubblikat minn Klaus Weber), is-17-il edizzjoni, Münich, 2002, p. 1109, skont liema, l-eżerċizzju ta’ dritt suġġettiv huwa abbużiv meta l-użu tiegħu huwa kuntrarju għall-bona fede minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ, anke jekk dan id-dritt huwa konformi b’mod formali mad-dritt.
37 – Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1979, Knoors, 115/78, Ġabra p. 399, punt 25, tat-30 ta’ Ottubru 1990, Bouchoucha, C‑61/89, Ġabra p. I-3551, punt 14, tas-7 ta’ Lulju 1992, Singh, C‑370/90, Ġabra p. I-4265, punt 24, tat-12 ta’ Mejju 1998, Kefalas et, C‑367/96, Ġabra p. I-2843, punt 20, tad-9 ta’ Marzu 1999, Centros, C‑212/97, Ġabra p. I-1459, punt 24, tat-23 ta’ Marzu 2000, Diamantis, C‑373/97, Ġabra p. I-1705, punt 33, tal-21 ta’ Novembru 2002, X u Y, C‑436/00, Ġabra p. I-10829, punti 41 u 45, tat-30 ta’ Settembru 2003, Inspire Art, C‑167/01, Ġabra p. I‑10155, punt 136, tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C‑255/02, Ġabra p. I-1609, punt 68, tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C‑196/04, Ġabra p. I‑7995, punt 35, tal-21 ta’ Frar 2008, Part Service, C‑425/06, Ġabra p. I-897, punt 42, u tal-25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C‑127/08, Ġabra p. I-6241, punt 75.
38 – Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro tat-28 ta’ Frar 2008 fil-kawża Cavallera, iċċitati iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), punti 43 et seq. Skont L. M. Baudenbacher, “Außer Spesen nicht gewesen – Die Spanienreise des italienischen Ingenieurs Cavallera”, European Law Reporter, 6/2009, p. 213 et seq u “Überlegungen zum Verbot des Rechtsmissbrauchs im Europäischen Gemeinschaftsrecht”, Zeitschrift für Europarecht, internationales Privatrecht und Rechtsvergleichung, 2008, p. 205 et seq, ma jistax jiġi eskluż li fil-futur il-Qorti tal-Ġustizzja ser tiżviluppa iktar il-ġurisprudenza tagħha dwar l-abbuż ta’ dritt, u li anki tirrikonoxxi dan il-kunċett bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. L-awtur jaqsam il-ġurisprudenza dwar l-abbuż ta’ dritt f’żewġ kategoriji: fl-ewwel waħda, individwu jinvoka b’mod abbużiv id-dritt Komunitarju sabiex jevita l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali. Fit-tieni waħda, hemm eżerċizzju abbużiv, saħansitra qarrieq, ta’ ċerti drittijiet li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju.
39 – Ara s-sentenzi Kefalas et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 37), punt 20, Diamantis, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 37), punt 33, Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 37), punt 68, u Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 37), punt 35.
40 – Ara s-sentenzi Emsland-Stärike (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33 iktar ’il fuq), punti 52 u 53, u tal-21 ta’ Lulju 2005, Eichsfelder Schlaschtbetrieb, C‑515/03, Ġabra p. I-7355, punti 39. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi tal-10 ta’ Frar 2010, fil-kawża C‑569/08, Internetportal, Ġabra p. I-4871, punt 113.
41 – Ara s-sentenzi Eichsfelder Schlachtbetrieb, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 40), punt 40 u Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 37), punt 76. Għalkemm, fis-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008 mogħtija fil-kawża bin-numru tal-proċess B 1098/06, il-Verfassungsgerishcshof Awstrijak ma setax jirrikonoxxi ebda abbuż ta’ dritt fil-komportament ta’ R. Koller (ara punt 2.3.8. tas-sentenza: “Mill-iżviluppi esposti iktar ’il fuq u miċ-ċirkustanza li l-appellant jeżerċita l-professjoni ta’ “Abogado” [avukat], jirriżulta li, kif jistabbilixxi, min-naħa l-oħra, iċ-ċertifikat tal-Kamra tal-Avukati ta’ Madrid, ippreżentata mill-appellant, il-fatt li appellant ikun akkużat b’abbuż huwa nieqes minn kull rilevanza”). Madankollu, huwa xieraq li wieħed jirrimarka li l-kunċett ta’ abbuż ta’ dritt rilevanti f’dan il-każ jaqa’ fid-dritt Komunitarju, li huwa għandu karatteristiċi speċifiċi u li għahekk hemm lok li jiġi interpretat b’mod awtonomu. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverfika, permezz ta’ kriterji tad-dritt Komunitarju, jekk twettaqx abbuż ta’ dritt fil-kawża prinċipali.
42 – Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2002, Payroll et, C‑79/01, Ġabra, p. I-8923, punt 29 u Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 37), punti 76 u 77.
43 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 16), punt 71.
44 – Ibid, punt 72, u s-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2008, Chatzithanasis, C‑151/07, Ġabra p. I-9013, punt 32.
45 – Ara U. Goll, “Anerkennung der Hochschuldiplome in Europa: Wunsch und Wirklichkeit”, EuropAîsche Integration ung globaler Wettbewerb, p. 196, li jikkunsidra li avukat ta’ Stat Membru ieħor li jixtieq jagħmel l-aptitude test fl-Istat Membru ospitanti probabbilment ma jistabbilix ruħu hemmhekk sabiex ikollu kawżi ta’ inċidenti tat-traffiku jew sabiex isegwi l-proċess ta’ kostruzzjoni ta’ djar unifamiljari. Pjuttost jixtieq ikun huwa li jintervjeni f’oqsma ġuridiċi partikolari li għandhom ċertu importanza li jinvolvu tranżazzjonijiert ġuridiċi internazzjonali, fejn teħtieġ l-ewwel u qabel kollox il-konoxxenza li l-persuna kkonċernata tistenna li jkollha dwar is-sistema legali barranija.
46 – F’dan is-sens ukoll D. Kraus, “Diplomas and the recognition of professional qualifications in the case law of the European Court of Justice”, A true European, 2003, p. 248, li jikkunsidra li d-dritt li għandu ċittadin tal-Unjoni li jaħdem u li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor, jew inkella li jipprovdi servizzi transkonfinali, ma jkollu l-ebda sens jekk id-diplomi u l-kwalifiki professjonali tal-persuna kkonċernata ma jkunux irrikonoxxuti barra mill-pajjiż.
47 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro tat-28 ta’ Frar 2008 fil-kawża Cavallera, iċċitati iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), punt 51.
48 – Imsemmija diġà fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro tat-28 ta’ Frar 2008, fil-kawża Cavallera, iċċitati iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 20), punt 56.
49 – Ara l-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
50 – Ara J. Pertek, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 9) p. 637, li jikkunsidra li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jinsab ukoll fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 89/48.
51 – Sentenza Morgenbesser, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 15).
52 – Ibid, punt 44.
53 – Sentenza Vlassopoulou, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 30).
54 – Sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Fernandez de Bobadilla (C‑234/97, Ġabra p. I-4773).
55 – Sentenza Morgenbesser, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 15), punt 67.
56 – Ibid, punt 68. Ara wkoll is-sentenza Pésla, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 15), punt 39.
57 – Sentenza Morgenbesser, iċċitata ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 15), punt 69.
58 – Ibid, punt 70. Ara wkoll is-sentenza Pésla, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 15), punt 40.
59 – Sentenza Morgenbesser, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 15), punt 71. Ara wkoll is-sentenza Pésla, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 15), punt 41.
60 – Sentenza Pésla, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 15), punt 41.
61 – Ibid, punti 12 sa 15.
62 – Ibid, punt 45, il-korsiv miżjud hawn biss.
63 – Ibid, punt 46, il-korsiv miżjud hawn biss.
64 – Ibid, punt 65, il-korsiv miżjud hawn biss.
65 – Ara l-punt 92 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan is-sens ukoll, P. Mengozzi, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 30), p. 1015, J. Pertek, (nota ta’ qiegħ il-paġna 9), p. 638, li jikkunsidra li d-Direttiva 89/48 tikkoordina r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi ekwivalenti iżda teskludi kull rikonoxximent awtomatiku. B’mod simili, ara wkoll D. Kraus, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 46), p. 253, li jirrimarka li ebda obbligu ġuridiku ta’ rikonoxximent awtomatiku u mingħajr kundizzjoni ta’ diplomi barranin mill-Istati Membri ma jirriżulta mit-Trattat KE jew inkella mid-Direttiva 89/48.
66 – Ara l-punti 92 sa 95 u 98 sa 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
67 – Ara l-punt 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
68 – Ara l-punt 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
69 – F’dan is-sens ukoll, N. Görlitz, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 9), p. 845, li jiddeduċi mill-għażla tal-bażijiet legali u mill-ewwel premessa tad-Direttiva 89/48 li din tikkonsisti f’att ta’ leġiżlazzjoni sekondarja li jservi preċiżament sabiex jimplementaw l-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari fil-każ preżenti, il-libertà tal-moviment. L-awtur jikkunsidra li l-preambolu tad-Direttiva jistabbilixxi rabta normattiva bejn l-attivitajiet professjonali li japplikaw għalihom il-libertajiet fundamentali u d-Direttiva. Ara wkoll A. Camelutti, “L’Europe des professions libérales: la reconnaissance mutuelles des diplômes d’enseignement supérieur”, Revue du marché unique européen, 1991, Nru 1, p. 35, li jikkunsidra li d-direttiva hija “manwal” ta’ prinċipji ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi.
70 – Ara wkoll J.-M. Visée, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 11), p. 212, li jikkunsidra li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 89/48 huwa applikabbli għall-professjonijiet ġuridiċi u qabel xejn għal dik ta’ avukat. Ara wkoll R. Baldi, “La liberalizzazione della professione forense nel quadro della direttiva comunitaria 21 dicembre 1988 (89/48 CEE) ”, Rivista di diritto internazionale privato e processuale, 1991, Sena XXVII, Nru 2, p. 349, li bl-ebda mod ma jiddubita li din id-dispożizzjoni tad-Direttiva hija relatata direttament mal-professjoni ta’ avukat. Fir-“rapport [tagħha] lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istat ta’ applikazzjoni tas-sistema ġenerali ta’ rikonoxximent tad-diplomi tal-edukazzjoni ogħla, stabbilit skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 89/48/KEE [COM(96) 46 finali]”, p. 25, il-Kummissjoni tindika li l-Istati Membri interpretaw din id-dispożizzjoni bħala li tinkludi l-avukati, l-imħallfin u l-membri l-oħra tal-korp ġuridiku, uffiċjali li għandhom kwalifiki ġuridiċi, aġenti ta’ brevett, konsulenti fiskali, awdituri u kontabilisti.
71 – Ara l-punt 101 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
72 – Sentenzi Morgenbesser, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 15), punti 57, 62 u 67, u tat-19 ta’ Jannar 2006, Colegio, C‑330/03, Ġabra p. I-801, punt 36.
73 – Ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
74 – Ara A. Carnelutti, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 69), p. 35, li juri d-differenzi li jikkonċernaw il-profil tal-professjoni ta’ avukat f’kull Stat Membru. L-awtur jiċċita, pereżempju, l-attribuzzjonijiet ta’ Solicitor Ingliż, li jista jeżerċita ċerti funzjonijiet li mhumiex kumpatibbli mal-profil tal-avukat fi Franza jew li jaqgħu fil-kompetenza ta’ kategoriji professjonali oħra (avukat jew konsulent ġuridiku u aġent ta’ beni immobbli).
75 – Ara l-punt 16, paġni 6 u 7 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak.
76 – Ara p. 24 tal-osservazzjonijiet ta’ R. Koller.
77 – Ara l-punt 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
78 – Ara A. Boixareau, iċċitat iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 9), p. 7, li jindika li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/48 ma jawtorizzax Stat Membru ospitanti li japplika b’mod kumulattiva s-sistemi ta’ kontroll elenkati fl-Artikolu 4(1)(a) u (b). J. Pertek, iċċitat iktar ‘il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 10), p. 8, jikkunsidra wkoll li huwa pprojbit li jintużaw b’mod kumulattiv miżuri kumpensatorji, iżda b’relazzjoni mad-dispożizzjoni ulterjuri fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2005/36.