Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0106

    Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jääskinen - 7 ta' April 2011.
    Il-Kummissjoni Ewropea (C-106/09 P) u ir-Renju ta' Spanja (C-107/09 P) vs Government of Gibraltar u ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq.
    Appell - Għajnuna mill-Istat - Selettività materjali - Sistema fiskali - Ġibiltà - Kumpanniji ‘off-shore’.
    Każijiet Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:215

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    JÄÄSKINEN

    ippreżentati fis-7 ta’ April 2011 (1)

    Kawżi magħquda C‑106/09 P u C‑107/09 P

    Il-Kummissjoni Ewropea (C‑106/09 P),

    Ir-Renju ta’ Spanja (C‑107/09 P)

    vs

    Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit

    “Appelli – Skemi ta’ għajnuna mill-Istat – Riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji ta’ Ġibiltà – Kompetenzi tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta – Kunċett ta’ vantaġġ – Selettività reġjonali u materjali – Rifuġju fiskali – Kumpanniji off-shore”






    I –    Introduzzjoni

    1.        Permezz tal-appelli tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju ta’ Spanja qegħdin jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-Qorti Ġenerali, iktar ’il quddiem, il-“Qorti Ġenerali”), tat-18 ta’ Diċembru 2008, Government of Gibraltar u r-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (T‑211/04 u T‑215/04, Ġabra p. II‑3745, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/261/KE, tat-30 ta’ Marzu 2004, dwar l-iskema ta’ għajnuna li r-Renju Unit qiegħed jippjana li jimplementa rigward ir-riforma tat-taxxa tal-kumpanniji mill-Government of Gibraltar (2). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-riforma inkwistjoni kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni.

    2.        Il-problema tal-eżistenza tal-vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, kif ukoll tas-selettività fuq livell reġjonali u materjali, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, tinsab fil-qalba ta’ dawn appelli. Minn naħa, il-kwistjoni hija jekk territorju fis-sens tal-Artikolu 299(4) KE (3), li ma jagħmilx parti mit-territorju ta’ Stat Membru jistax jintuża bħala qafas ta’ referenza għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. B’mod iktar partikolari, din il-kawża teħtieġ li tiġi eżaminata l-applikabbiltà għal Ġibiltà tal-ġurisprudenza eżistenti dwar is-selettività reġjonali.

    3.        Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tagħmel għażla b’konsegwenzi trażversali fir-rigward tal-metodoloġija li għandha tintuża fil-kuntest ta’ miżuri indiretti li jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Hija għandha tiddetermina l-metodu li jippermetti l-evalwazzjoni tas-selettività materjali ta’ miżura indiretta adottata fil-kuntest ta’ sistema fiskali nazzjonali, filwaqt li tirrispetta t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Unjoni fil-qasam tat-tassazzjoni diretta.

    4.        Fil-fatt, il-Kummissjoni tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi kunċett ġdid ta’ sistema fiskali “intrinsikament diskriminatorja” (4) kif ukoll metodu ta’ analiżi li jiddevja minn dak li jinsab fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni diretta tal-kumpanniji (5) (iktar ’il quddiem il-“metodu ad hoc”).

    5.        Madankollu, il-miżura li, fuq il-bażi ta’ dan il-kunċett tista’ tiġi kklassifikata, f’dan il-każ, bħala vantaġġ selettiv, hija miżura fiskali li tapplika għal iktar minn 99 % tal-impriżi ta’ Ġibiltà (6).

    6.        Il-kwistjoni prinċipali mqajma f’din il-kawża tirrigwarda għalhekk is-selettività materjali u l-kjarifika tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-fenomenu tal-kompetizzjoni fiskali dannuża.

    7.        Fil-kuntest tal-analiżi tiegħi, nipproponi li neżamina suċċessivament is-selettività reġjonali, u sussegwentement is-selettività materjali, mingħajr madankollu ma nsegwi l-ordni tal-aggravji mqajma mir-rikorrenti fl-appelli.

    II – Il-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza appellata

    A –    Ir-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-Government of Gibraltar

    8.        Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Awwissu 2002, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq innotifika lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 88(3) KE, dwar ir-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji li l-Government of Gibraltar kien qiegħed jippjana li jimplementa (7).

    9.        Is-sistema tat-taxxa li kellha tiġi introdotta permezz tar-riforma fiskali u applikabbli għall-kumpanniji kollha stabbiliti f’Ġibiltà tikkonsisti f’taxxa fuq in-numru ta’ impjegati (“payroll tax”), taxxa fuq l-okkupazzjoni ta’ proprjetà kummerċjali (“business property occupation tax”, iktar ’il quddiem il-“BPOT”) u taxxa ta’ reġistrazzjoni (“registration fee”) stabbiliti skont kif ġej:

    –        it-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati: il-kumpanniji kollha ta’ Ġibiltà għandhom ikunu suġġetti għal taxxa fuq in-numru ta’ ħaddiema impjegati f’Ġibiltà sa GBP 3 000 għal kull impjegat u għal kull sena;

    –        il-BPOT: il-kumpanniji kollha li jokkupaw postijiet f’Ġibiltà għal finijiet professjonali għandhom iħallsu taxxa fuq l-okkupazzjoni ta’ dawn il-postijiet iffissata b’rata ekwivalenti għal perċentwali tal-issuġġettar tagħhom għar-rata ġenerali tat-taxxa fuq l-art f’Ġibiltà;

    –        it-taxxa ta’ reġistrazzjoni: il-kumpanniji kollha ta’ Ġibiltà għandhom iħallsu taxxa ta’ reġistrazzjoni annwali li l-ammont tagħha jkun ta’ GBP 150 għall-kumpanniji mhux maħsuba li jiġġeneraw dħul u ta’ GBP 300 għall-kumpanniji maħsuba li jiġġeneraw dħul.

    10.      L-issuġġettar għat-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u għall-BPOT huwa limitat għal 15 % tal-profitti. Mill-introduzzjoni ta’ dan il-limitu jirriżulta li l-kumpanniji għandhom iħallsu t-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT biss jekk jagħmlu profitti.

    11.      Ċerti attivitajiet, jiġifieri s-servizzi finanzjarji u l-attivitajiet ta’ netwerk, huma suġġetti għal taxxa supplimentari fuq il-profitti ġġenerati minnhom.

    12.      It-taxxa totali tal-kumpanniji ta’ servizzi finanzjarji (taxxa fuq in-numru ta’ impjegati, BPOT u taxxa supplimentari fuq il-profitti ġġenerati mill-attivitajiet ta’ servizzi finanzjarji b’rata bejn 4 % u 6 % tal-profitti) hija limitata għal 15 % tal-profitti. L-impriżi ta’ netwerk huma suġġetti għal taxxa supplimentari fuq il-profitti ġġenerati mill-attivitajiet tagħhom li għandha tkun ugwali għal 35 % tal-profitti. Dawn l-impriżi huma awtorizzati jnaqqsu t-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT mit-taxxa supplimentari tagħhom (8).

    B –    Id-deċiżjoni kontenzjuża

    13.      Wara li eżaminat in-notifika skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-riforma tas-sistema ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji f’Ġibiltà, kif innotifikata mir-Renju Unit kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni li ma setgħetx, għalhekk, tiġi implementata.

    14.      Il-Kummissjoni indikat, essenzjalment, fil-premessi 98 sa 152 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li din ir-riforma kienet selettiva kemm fuq livell reġjonali kif ukoll fuq livell materjali. Minn naħa, sa fejn ir-riforma tipprovdi sistema ta’ taxxa fuq il-kumpanniji li skontha l-kumpanniji f’Ġibiltà huma suġġetti, b’mod ġenerali, għal rata li hija inqas minn dik għall-kumpanniji fir-Renju Unit, ir-riforma tagħti, skont il-Kummissjoni, vantaġġ selettiv lill-kumpanniji ta’ Ġibiltà.

    15.      Min-naħa l-oħra, l-aspetti li ġejjin tar-riforma fiskali dwar it-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT huma selettivi fuq livell materjali, skont il-Kummissjoni. L-ewwel nett, il-kundizzjoni li jsir profitt qabel l-issuġġettar tiffavorixxi lill-kumpanniji li ma jagħmlux profitt; it-tieni nett, il-limitu ta’ 15 % tal-profitti applikat għall-issuġġettar jiffavorixxi lill-impriżi li, għas-sena fiskali inkwistjoni, ikollhom profitti baxxi meta mqabbla man-numru ta’ impjegati tagħhom u l-okkupazzjoni tal-postijiet tan-negozju; it-tielet nett, it-taxxa fuq in-numru ta’ impjegati u l-BPOT jiffavorixxu, min-natura tagħhom, lill-impriżi li ma għandhomx preżenza fiżika reali f’Ġibiltà u li, minħabba f’hekk, ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji.

    16.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għoti ta’ eżenzjonijiet u ta’ tnaqqis fit-taxxa msemmija hawn fuq iwasslu għal telf ta’ dħul fiskali ekwivalenti għall-konsum ta’ riżorsi tal-Istat fil-forma ta’ nefqa fiskali. Il-miżuri inkwistjoni għaldaqstant ġew ikklassifikati bħala vantaġġ mogħti mill-Istat u permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

    C –    Il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward tas-sentenza appellata

    17.      Permezz ta’ talbiet ippreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Ġunju 2004, il-Government of Gibraltar, rikorrent fil-Kawża T‑211/04, u r-Renju Unit, rikorrent fil-Kawża T‑215/04, ippreżentaw ir-rikorsi għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Diċembru 2004, intlaqgħet it-talba għal intervent tar-Renju ta’ Spanja insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tal-18 ta’ Diċembru 2006, il-kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali.

    18.      Il-Qorti Ġenerali laqgħet tnejn mit-tliet motivi mqajma mir-rikorrenti fl-ewwel istanza dwar is-selettività reġjonali u s-selettività materjali, rispettivament, li kienet ir-raġuni għalfejn irrifjutat li tikkunsidra t-tielet motiv, ibbażat fuq ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali. Għaldaqstant, hija annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

    III – Fuq l-appelli

    A –    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    19.      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 2009, il-Kawżi C‑106/09 P u C‑107/09 P ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza. Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Settembru 2009, l-Irlanda ġiet ammessa tintervjeni f’dawn il-kawżi insostenn tat-talbiet tar-Renju Unit u tal-Government of Gibraltar.

    20.      Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka aggravju wieħed maqsum f’sitt partijiet dwar l-istħarriġ li sar mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tas-selettività materjali u bbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE. Fl-appell tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka ħdax-il aggravju fir-rigward tal-istħarriġ li sar mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tas-selettività kemm reġjonali kif ukoll materjali. Huwa jinvoka wkoll aggravji bbażati fuq irregolaritajiet proċedurali.

    21.      Fir-risposta tagħhom fir-rigward tal-appelli ppreżentati mill-Kummissjoni u mir-Renju ta’ Spanja, il-Government of Gibraltar u r-Renju Unit jitolbu li dawn l-appelli jiġu miċħuda. L-Irlanda interveniet insostenn tat-talbiet tar-Renju Unit fil-kawża C‑106/09 P biss.

    22.      Il-Kummissjoni, il-Government of Gibraltar, il-Gvern tar-Renju Unit, l-Irlanda u l-Gvern Spanjol ippreżentaw osservazzjonijiet fis-seduta li saret fis-16 ta’ Novembru 2010.

    B –    Osservazzjonijiet preliminari dwar l-aspetti proċedurali tal-appelli – dwar il-konsegwenzi ta’ annullament parzjali tas-sentenza appellata

    23.      Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni tikkritika biss il-parti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali dwar is-selettività materjali. Skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kontenzjuża kienet ikkonstatat in-natura selettiva tar-riforma minn perspettiva kemm reġjonali kif ukoll materjali. Għaldaqstant, l-annullament tagħha jista’ jiġi aċċettat biss jekk is-sentenza li tannullaha kienet stabbilixxiet debitament li dawn il-konklużjonijiet kienu t-tnejn li huma żbaljati. Għalhekk, fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell tal-Kummissjoni, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jitlef il-ġustifikazzjoni tiegħu u s-sentenza jkollha tiġi annullata.

    24.      F’dan ir-rigward, jidhirli li l-fatt li jintlaqa’ l-appell tal-Kummissjoni ma huwiex biżżejjed sabiex titħassar is-sentenza appellata kollha. Għall-kuntrarju, li kieku kellha tiġi annullata l-parti tas-sentenza appellata dwar is-selettività materjali, id-dispożittiv tas-sentenza appellata jibqa’ l-istess, li jkun biżżejjed sabiex jiġi ġġustifikat l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża ladarba s-soluzzjoni ġuridika li tinsab fiha fir-rigward tas-selettività reġjonali kienet żbaljata.

    25.      Fil-fatt, fl-ipoteżi ta’ territorju fis-sens tal-Artikolu 299(4) KE, jew komunitajiet infrastatali, l-analiżi tas-selettività reġjonali fid-deċiżjoni kontenzjuża hija komponent tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87 KE. Sabiex tikkompleta l-aspett dwar is-selettività reġjonali, il-Kummissjoni għaldaqstant ikollha tadotta deċiżjoni ġdida dwar il-legalità tal-iskema inkwistjoni fir-rigward tal-Artikolu 87 KE.

    26.      Barra minn hekk, fl-ipoteżi li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar is-selettività materjali jiġi rrifjutat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta l-annullament tal-motivazzjoni korrispondenti tas-sentenza appellata u mhux il-konferma tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx it-tielet motiv li r-rikorrenti ressqet quddiemha fl-ewwel istanza u, min-naħa l-oħra, ma setgħetx teżamina t-talbiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq komuni f’sitwazzjoni fejn il-qafas ta’ referenza ġeografiku kien differenti minn dak imsemmi fid-deċiżjoni kkontestata (jiġifieri Ġibiltà, pjuttost milli l-grupp iffurmat mir-Renju Unit u Ġibiltà).

    27.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jidhirli għaldaqstant li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew tiċħad iż-żewġ appelli fl-intier tagħhom, jew tilqa’ l-appelli filwaqt li tirrinvija lill-Qorti Ġenerali l-eżami tat-tielet motiv imqajjem fl-ewwel istanza. Fi kwalunkwe każ, inqis li l-kwistjoni kkonċernata ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l-aspetti kollha tagħha.

    IV – Fuq is-selettività reġjonali (9)

    A –    Fuq l-ammissibbiltà tal-appelli tar-Renju ta’ Spanja

    28.      Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Government of Gibraltar isostni li l-argumenti mressqa mir-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni dwar is-selettività reġjonali jirrepetu sempliċement u essenzjalment l-argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali.

    29.      F’dan ir-rigward, nosserva li quddiem il-Qorti Ġenerali r-Renju ta’ Spanja kien qed igawdi mill-istatus ta’ parti intervenjenti, filwaqt li l-Kummissjoni kienet qiegħda tiddefendi d-deċiżjoni kontenzjuża. Bħala prinċipju, il-kuntest tal-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali ma kienx ġie ddefinit mis-sottomissjonijiet orali tagħhom, iżda mill-motivi invokati fir-rikorsi mressqa mill-Government of Gibraltar u mill-Gvern tar-Renju Unit.

    30.      Skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali huma kkunsidrati bħala partijiet quddiem din il-qorti. Għalhekk, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-imsemmi Statut ma jipprekludix li l-intervenjent iressaq argumenti differenti minn dawk tal-parti li jkun qed isostni, sakemm il-ħsieb tiegħu jkun li jsostni t-talbiet ta’ din il-parti (10).

    31.      Nosserva li għalkemm ir-Renju ta’ Spanja kien ippreżenta l-appell tiegħu f’din il-kawża mingħajr ma intervjena qabel quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa kien biss suġġett għar-restrizzjoni marbuta mas-suġġett tal-kawża, hekk kif iddefinita mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali. L-istess kien jiġri li kieku r-Renju ta’ Spanja ma ppreżentax appell kontra s-sentenza appellata iżda sempliċement issottometta l-osservazzjonijiet tiegħu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Fil-fatt, parti intervenjenti li tibbenefika mid-dritt li tippreżenta risposta, skont l-Artikolu 115 tar-Regoli ta’ proċedura, għandha, fin-nuqqas ta’ limitazzjoni espressa, tkun tista’ tqajjem motivi fir-rigward ta’ kwalunkwe punt ta’ liġi li jikkostitwixxi l-bażi tas-sentenza appellata (11). Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-pożizzjoni proċedurali ta’ parti privileġġjata bħal Stat Membru li kellha l-istatus ta’ intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, timplika neċessarjament li l-portata sostantiva tal-appell ippreżentat minn tali parti jista’ jkun limitat biss mis-suġġett tat-tilwima, u mhux mill-portata tal-osservazzjonijiet li tkun ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali.

    32.      Barra minn hekk, mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li tagħha qed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba. L-appell li sempliċement jirrepeti l-motivi u l-argumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali ma jaqax taħt dan ir-rekwiżit, liema fatt fir-realtà jikkostitwixxi talba intiża sabiex jerġa’ jiġi eżaminat ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, b’tali mod li ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (12).

    33.      Madankollu, ladarba appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jiġu diskussi mill-ġdid fl-appell. Inkella l-proċedura tal-appell titlef parti mis-sens tagħha (13).

    34.      Għaldaqstant, l-argument kollu dwar l-inammissibbiltà tal-appell tar-Renju ta’ Spanja għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

    35.      Barra minn hekk, Spanja qed tiġi kkritikata wkoll talli qajmet il-ksur tal-Artikoli 5 KE u 307 KE b’mod tardiv, jiġifieri fl-istadju tar-replika. Fil-fatt, filwaqt li ħadet pożizzjoni fuq ir-risposti tal-Government of Gibraltar u tar-Renju Unit, ir-Renju ta’ Spanja jsostni fir-replika tiegħu li l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jwassal sabiex tiġi rikonoxxuta s-sovranità fiskali ta’ Ġibiltà minkejja l-istatus tagħha ta’ “territorju mhux awtonomu”, li jmur kontra l-Artikoli 5 KE u 307 KE.

    36.      Huwa minnu li bħala regola l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tikkunsidra motivi ppreżentati għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, ħlief f’waħda mit-tliet sitwazzjonijiet partikolari li ġejjin: jew ikun jidher li l-motiv inkwistjoni huwa fil-fatt elaborazzjoni ta’ motiv imsemmi qabel (14), jew li dan il-motiv ikun motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jiġi mqajjem ex ufficio (15), jew li huwa bbażat fuq element ġdid żvelat fil-mori tal-kawża (16).

    37.      F’dan il-każ, l-evokazzjoni tal-ksur tal-Artikoli 5 KE u 307 KE tista’ tiqies bħala elaborazzjoni tal-ewwel motiv tar-Renju ta’ Spanja msemmi qabel fl-appell u li hija konnessa mill-qrib ma’ dan il-motiv. Madankollu, peress li l-Gvern Spanjol ma jagħmilx konnessjoni espressa bejn din il-kwistjoni u l-imsemmi aggravju tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-obbligu tistabbilixxi tali konnessjoni minflok ir-rikorrenti fl-appell. Għaldaqstant, nipproponi li hija tiġi kkunsidrata bħala inammissibbli.

    B –    Dwar il-portata tal-isħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell dwar l-evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmul mill-Qorti Ġenerali

    38.      Fid-dawl tar-rilevanza tad-domanda mqajma fil-kuntest tas-sitt aggravju tar-Renju ta’ Spanja, nipproponi li neżaminaha fi stadju preliminari. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tiddeċiedi dwar il-valur li għandu jingħata lill-elementi tad-dritt nazzjonali li ġew eżaminati f’din il-kawża mill-Qorti Ġenerali.

    39.      Qabel kollox għandu jiġi enfażizzat li l-kwistjoni mqajma tirrigwarda rikors dirett (17).

    40.      Ninnota li fl-eqdem ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija ma kellhiex tagħti deċiżjonijiet dwar ir-regoli tad-dritt intern u, għalhekk, li ma setgħetx teżamina l-oġġezzjoni li, bid-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità Għolja kisret prinċipji jew dispożizzjonijiet tad-dritt kostituzzjonali nazzjonali (18).

    41.      Madankollu, ma hemm l-ebda dubju li, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi ġudizzjarji tagħha, il-Qorti Ġenerali jkollha, fil-kuntest ta’ rikorsi diretti, tibbaża ruħha fuq ċertu kunċett jew interpretazzjoni, li nikklassifika bħala “rikostruzzjoni interpretattiva”, tad-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tal-Istat Membru kkonċernat. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li nagħmlu distinzjoni bejn tliet każijiet.

    42.      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali jista’ jkollha tapplika u tinterpreta direttament ir-regoli tad-dritt intern ta’ Stat Membru. Din is-sitwazzjoni tista’ tinħoloq permezz ta’ riferiment għad-dritt nazzjonali f’dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ (19). F’każ bħal dan, il-Qorti Ġenerali tapplika d-dritt nazzjonali bħala qorti kompetenti. Għall-Qorti Ġenerali dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali b’hekk hija ekwivalenti għal regola ġuridika li torbot ċerti konsegwenzi mal-fatti legalment rilevanti. Għalhekk hija l-Qorti Ġenerali li għandha tislet konklużjonijiet ġuridiċi minnha (20) minkejja d-diffikultajiet apparenti f’dak li jirrigwarda l-verifika tal-kontenut tad-dritt nazzjonali.

    43.      It-tieni sitwazzjoni tikkonċerna l-applikazzjoni indiretta tad-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali. F’każ bħal dan, hija tapplika r-regoli tad-dritt nazzjonali bħala dispożizzjonijiet legali, iżda ma taġixxix bħala qorti kompetenti f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tagħhom. Eżempju ta’ din l-ipoteżi hija l-kwalifika, mill-Qorti Ġenerali, ta’ relazzjoni ġuridika li taqa’ taħt kunċett li ma huwiex kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, bħaż-żwieġ jew il-kuntratt (21). Jistgħu jaqgħu wkoll taħt din il-kategorija s-sitwazzjonijiet li fihom il-Qorti Ġenerali jkollha tagħti deċiżjoni preliminari, li tkun ta’ natura proċedurali, jew li titratta l-mertu, pereżempju fir-rigward tal-kwalità ta’ avukat tar-rappreżentant ta’ parti fis-sens tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (22) jew l-eżistenza ta’ trasferiment validu tad-dritt ta’ proprjetà fir-rigward ta’ impriża.

    44.      Jidher għalhekk li, f’ċerti każijiet ta’ applikazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha, fil-kuntest tal-appell, tikkontrolla l-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali bħala kwistjoni ta’ liġi u mhux bħala kwistjoni ta’ fatt.

    45.      It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali jista’ jkollha tibbaża ruħha fuq dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali sabiex tistabbilixxi sitwazzjoni fattwali speċifika. L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-għajnuna mill-Istat tipprovdi diversi eżempji, b’mod partikolari fir-rigward tal-kunċetti ta’ vantaġġ u ta’ selettività. F’dan it-tip ta’ sitwazzjoni, l-analiżi tad-dritt nazzjonali hija għaldaqstant meħtieġa sabiex tiġi stabblita sitwazzjoni ta’ fatt li tiġi kkunsidrata bħala parti mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (23).

    46.      F’dan il-każ, għandu jiġi enfażizzat li l-kwistjoni tal-istatus ta’ Ġibiltà kif irregolat mid-dritt tal-Unjoni jikkostitwixxi mingħajr ebda dubju kwistjoni ta’ liġi suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    47.      Kif jirriżulta mill-atti tal-proċess, l-istatus ta’ Ġibiltà huwa rregolat ukoll, fil-livell nazzjonali, mid-dispożizzjonijiet kostituzzjonali li kienu suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali (24). Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-istatus ta’ Ġibiltà mill-perspettiva politika u amministrattiva, jikkostitwixxu rikostruzzjoni interpretattiva tad-dritt nazzjonali maħsuba sabiex tiġi stabbilita s-sitwazzjoni fattwali ta’ Ġibiltà fir-rigward tal-kriterji identifikati mill-ġurisprudenza Açores (25). Il-Qorti Ġenerali għalhekk ma tapplikax, fit-twettiq tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha, id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali dwar l-istatus legali ta’ Ġibiltà bħala regoli ġuridiċi. Min-naħa l-oħra, hija tibbaża ruħha fuq l-imsemmija dispożizzjonijiet sabiex tevalwa s-sitwazzjoni ta’ Ġibiltà fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni.

    48.      Għalhekk, sabiex jinżamm il-bilanċ strutturali stabbilit bejn l-ordinament ġuridiku nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, meta l-Qorti Ġenerali tagħmel rikostruzzjoni interpretattiva tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, inklużi dawk ta’ valur kostituzzjonali sabiex tkun tista’ tapplika l-ġurisprudenza “Açores”, dawn ikunu, għall-finijiet ta’ dan l-appell, konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, li s-sempliċi distorsjoni tagħhom taqa’ taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    C –    Fuq l-istatus uniku ta’ Ġibiltà

    49.      Huwa paċifiku li Ġibiltà (26) hija territorju Ewropew li għar-relazzjonijiet esterni tagħha huwa responsabbli Stat Membru skont l-Artikolu 299(4) KE u li għaliha japplikaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE (27). L-att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq u l-emendi għat-Trattati madankollu jipprovdi li ċertu partijiet tat-Trattat ma japplikawx għal Ġibiltà (28).

    50.      Skont id-dikjarazzjoni nru 55 annessa mat-Trattat ta’ Lisbona, it-Trattati għandhom japplikaw għal Ġibiltà bħala territorju Ewropew li għar-relazzjonijiet esterni tagħha huwa responsabbli Stat Membru. Dan ma jimplikax bidliet fil-pożizzjonijiet rispettivi tal-Istati Membri kkonċernati.

    51.      Hekk kif spjegat fil-qosor il-Qorti tal-Ġustizzja (29), Ġibiltà ġiet ċeduta mir-Re ta’ Spanja lill-Kuruna Brittanika permezz tat-Trattat ta’ Utrecht konkluż bejn l-imsemmi Re u r-Reġina tal-Gran Brittanja fit-13 ta’ Lulju 1713, fil-kuntest tat-Trattati li ġabu fit-tmiem il-gwerra ta’ suċċessjoni ta’ Spanja. L-aħħar frażi tal-Artikolu X ta’ dan it-Trattat tippreċiża li jekk il-Kuruna Brittanika qatt ikollha l-intenzjoni li tagħti, tbiegħ jew tittrasferixxi bi kwalunkwe mezz ieħor il-proprjetà tal-belt ta’ Ġibiltà, hija għandha tagħti preferenza lill-Kuruna ta’ Spanja, bi prijorità fuq kull parti oħra interessata.

    52.      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li Ġibiltà kienet attwalment kolonja tal-Kuruna Brittanika, mingħajr ma tagħmel parti mir-Renju Unit. Il-poter eżekuttiv huwa eżerċitat minn gvernatur maħtur mir-Reġina u, għal kompetenzi interni speċifiċi, minn Chief minister u ministri eletti fuq il-livell lokali. Dawn tal-aħħar huma responsabbli lejn il-Kamra leġiżlattiva (House of Assembly), li tiġi eletta kull ħames snin. Il-Kamra leġiżlattiva għandha l-poter tivvota liġijiet dwar suġġetti interni speċifiċi. Madankollu, il-gvernatur għandu l-poter jirrifjuta li japprova liġi. Il-Parlament tar-Renju Unit u r-Reġina fi ħdan il-Kunsill privat tagħha (Queen in Council) għandhom il-poter jippromulgaw liġijiet applikabbli għal Ġibiltà. Ġibiltà għandha l-qrati tagħha stess. Madankollu, teżisti possibbiltà ta’ appell mis-sentenzi tal-ogħla qorti ta’ Ġibiltà quddiem il-kumitat ġudizzjarju tal-Kunsill Privat (Judicial Committee of the Privy Council) (30).

    53.      Fl-aħħar nett, huwa importanti li wieħed isemmi r-Riżoluzzjoni nru 1514 tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt għal awtodeterminazzjoni (self‑determination) mitlub mill-awtoritajiet ta’ Ġibiltà (31). Waqt sessjoni straordinarja li saret fl-4 ta’ Awwissu 2004, il-Parlament ta’ Ġibiltà adotta b’mod unanimu mozzjoni li tirrikonoxxi uffiċjalment id-“dritt inaljenabbli għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu ta’ Ġibiltà”. Kostituzzjoni ġdida, il-“Gibraltar Constitution Order” (32), daħlet fis-seħħ wara li ġiet approvata b’referendum (33), u tat lil Ġibiltà awtonomija kunsiderevoli filwaqt li affermat mill-ġdid is-sovranità Brittanika fuq dan it-territorju (34).

    D –    L-applikabbiltà tar-regoli fuq l-għajnuna mill-Istat għat-territorji msemmija fl-Artikolu 299(4) KE

    54.      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li s-selettività reġjonali ta’ miżura fiskali għandha tiġi evalwata fir-rigward r-rata normali tat-taxxa, jiġifieri r-rata fis-seħħ fiż-żona ġeografika li tikkostitwixxi ż-żona ta’ referenza. Id-diffikultà li kellha f’dan il-każ il-Qorti Ġenerali kienet biex tiddetermina jekk kellhiex tirraġuna kif għamlet il-Kummissjoni meta kkunsidrat lir-Renju Unit u Ġibiltà bħala grupp wieħed, jew jekk kellux jiġi rikonoxxut li Ġibiltà kienet tikkostitwixxi l-qafas ta’ referenza xieraq.

    55.      Din il-kwistjoni tqajjem, fil-fehma tiegħi, kwistjoni ta’ interpretazzjoni awtonoma tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-liġi primarja tat lil Ġibiltà status partikolari fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-effetti legali ta’ dan l-istatus fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat ma jiddependux mill-istatus ta’ Ġibiltà kif inhu definit fid-dritt internazzjonali, jew wisq inqas minn dak definit fid-dritt kostituzzjonali tar-Renju Unit, iżda jipproċedu biss fuq interpretazzjoni tat-Trattat. Ċertament, id-dritt internazzjonali u d-dritt kostituzzjonali ta’ Stat Membru kkonċernat jistgħu jiddefinixxu l-elementi li jikkostitwixxu l-fatti legali li għalihom japplika d-dritt tal-Unjoni. Madankollu, dawn l-elementi ma għandhom l-ebda impatt fuq in-natura esklużivament Komunitarja tal-kwistjonijiet legali li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa sabiex tiddeċiedi fil-kuntest ta’ dawn l-appelli.

    56.      Fis-sentenza “Açores” (35), il-kwistjoni fundamentali kienet dwar jekk it-tnaqqis fiskali inkwistjoni setax jitqies bħala miżura ta’ applikazzjoni ġenerali fl-Açores jew jekk kienx pjuttost miżura selettiva, li tagħti vantaġġ biss lill-operaturi stabbiliti fl-Açores, meta mqabbla ma’ dawk attivi fil-Portugall.

    57.      Kif ippropona l-Avukat Ġenerali Geelhoed, ir-reġjun għandu jkun awtonomu fis-sens istituzzjonali, proċedurali u ekonomiku sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li l-miżura ma hijiex selettiva (36). Fil-fatt, fis-sentenza Açores, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li sabiex deċiżjoni meħuda tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala li ġiet adottata fl-eżerċizzju ta’ setgħat suffiċjentement awtonomi, kien meħtieġ li din id-deċiżjoni tkun ittieħdet minn awtorità reġjonali jew lokali li, fuq livell kostituzzjonali tkun tgawdi minn status politiku u amministrattiv distint minn dak tal-gvern ċentrali. Barra minn hekk, hija għandha tkun ġiet adottata mingħajr ma l-gvern ċentrali seta’ jintervjeni direttament fir-rigward tal-kontenut tagħha. Fl-aħħar nett, il-konsegwenzi finanzjarji ta’ tnaqqis tar-rata ta’ tassazzjoni nazzjonali applikabbli għall-impriżi preżenti fir-reġjun ma għandhomx jiġu kkumpensati permezz ta’ għajnuna jew sussidji minn reġjuni oħra jew mill-gvern ċentrali (37). Il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet dawn il-prinċipji, u pprovdiet xi dettalji fil-kawża UGT‑Rioja. Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, hija speċifikat b’mod partikolari li din kienet “awtonomija ekonomika u finanzjarja” (38).

    58.      L-importanza tas-sentenza Açores tinsab bla dubju fil-fatt li, anki jekk ma kinitx tirrigwarda Stat Federali bi tqassim simetriku tal-kompetenzi fiskali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx li l-qafas ta’ referenza kellu neċessarjament jikkorrispondi għat-territorju kollu ta’ Stat Membru (39). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-qafas ta’ referenza ta’ leġiżlazzjoni fiskali ta’ awtorità reġjonali seta’ jikkorrispondi għat-territorju tagħha stess meta din l-entità tkun suffiċjentement awtonoma mill-gvern ċentrali tal-Istat Membru kkonċernat.

    59.      Fid-dawl tal-istatus tagħha taħt l-Artikolu 299(4) KE, ir-regoli tat-Trattat, b’mod partikolari dawk dwar l-għajnuna mill-Istat, japplikaw għal Ġibiltà. Barra minn hekk, l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Komunitajiet Ewropej kienet possibbli mingħajr sistema fiskali komuni bejn dan l-Istat Membru u t-territorju Ġibiltà, li jappartjeni għal kategorija ta’ territorji li għandhom relazzjoni speċifika mal-Unjoni Ewropea.

    60.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, huwa eskluż li interpretazzjoni konformi mal-għan tat-Trattat tippermetti li jkun rikjest li r-Renju Unit japplika s-sistema fiskali tiegħu fit-territorju ta’ Ġibiltà. Min-naħa l-oħra, sakemm it-Trattati ma jipprovdux derogi rigward l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fit-territorju inkwistjoni, jidher loġiku li l-kundizzjonijiet tas-selettività reġjonali jkunu evalwati skont l-istess prinċipji bħal dawk li japplikaw għall-entitajiet intrastatali l-oħra (40) li jkollhom il-kompetenzi fiskali tagħhom stess. Din l-interpretazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, l-unika waħda li tħares l-effettività tal-Artikolu 299(4) KE, flimkien mal-prinċipju li r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat japplikaw għal Ġibiltà.

    61.      Barra minn hekk, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt qabel ma ttrattat każ ta’ territorju li r-relazzjonijiet tiegħu huma żgurati minn Stat Membru, ma huwiex biżżejjed, bil-kuntrarju għall-allegazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja, sabiex jeskludi immedjatament l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza Açores fir-rigward ta’ Ġibiltà.

    62.      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali setgħet tapplika din il-ġurisprudenza għall-każ ta’ Ġibiltà mingħajr ma dan l-approċċ jikkostitwixxi, minnu nnifsu, ksur ta’ wieħed mill-kriterji tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE. Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet ġenerali li ser nibda l-analiżi tad-diversi aggravji invokati mir-Renju ta’ Spanja.

    E –    L-ewwel aggravju tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq in-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ Ġibiltà

    1.      L-argumenti

    63.      Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 299(4) KE peress li injorat l-istatus legali ta’ Ġibiltà fir-rigward tad-dritt internazzjonali, billi injorat l-Artikolu 74 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u tad-dritt tal-Unjoni, u billi kkunsidrat lil Ġibiltà bħala Stat Membru ġdid tal-Unjoni Ewropea mill-aspett ta’ tassazzjoni. Mill-approċċ tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li Ġibiltà tista’ tadotta miżuri fiskali dannużi mingħajr ma jkun jista’ jsir kontroll effettiv.

    2.      Fuq l-ammissibbiltà

    64.      Il-Government of Gibraltar jeċċepixxi l-inammissibbiltà tal-argument tar-Renju ta’ Spanja li l-Qorti Ġenerali jmissha rreferiet għall-Artikolu 74 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Fid-dawl tal-argumenti mressqa fil-punti 35 u 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, nipproponi li din il-parti tal-ewwel aggravju tiġi ddikjarata ammissibbli.

    3.      Fuq il-mertu

    65.      Nikkunsidra li l-aspett fundamentali u rilevanti fid-dawl tar-risposta għall-appell tar-Renju ta’ Spanja inġenerali huwa dak dwar jekk il-Qorti Ġenerali applikatx korrettament l-istatus ta’ Ġibiltà previst fid-dritt tal-Unjoni.

    66.      F’dan ir-rigward, biżżejjed li wieħed jinnota li, fil-punti 5 sa 10 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeskriviet fil-qosor l-istatus ta’ Ġibiltà f’termini analogi għal dawk użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Spanja vs Ir-Renju Unit iċċitata iktar ’il fuq. Fil-punt 10 tas-sentenza appellata, hija fakkret ukoll, ġustament, is-sitwazzjoni ta’ Ġibiltà fir-rigward tal-Artikolu 299(4) KE.

    67.      Fir-rigward tal-punti 98 sa 100 tas-sentenza appellata ddedikati għall-analiżi tad-dritt nazzjonali, hekk kif spjegajt iktar ’il fuq, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja jillimita ruħu għal dak taż-żnaturament tal-fatti, li ma ġiex allegat u, fi kwalunkwe każ, jidher eskluż meta wieħed jaqra l-punti rilevanti.

    68.      Barra minn hekk, nosserva li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, li jfakkar ukoll il-portata tal-Artikolu 73 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, jagħmel parti minn argument maħsub sabiex jivverifika jekk Ġibiltà tissodisfax it-tieni kundizzjoni stabbilita mis-sentenza Açores, jiġifieri, dik dwar l-awtonomija leġiżlattiva.

    69.      F’dan il-kuntest, għandu sempliċement jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja enfażizzat f’diversi okkażjonijiet li l-kompetenzi Komunitarji għandhom ikunu eżerċitati b’konformità mad-dritt internazzjonali (41), fejn l-iktar eżempju evidenti ta’ din il-ġurisprudenza hija s-sentenza Racke (42). Il-Qorti Ġenerali setgħet għalhekk ġustament tirreferi għall-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti fl-analiżi tagħha tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-sentenza Açores għal Ġibiltà. Madankollu dan ma jfissirx li l-Qorti Ġenerali kienet meħtieġa testendi l-analiżi tagħha għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Karta, bħall-Artikolu 74, li fil-fehma tiegħi, barra minn hekk, ikopri aspetti li, minn naħa, ma ġewx deċiżi fid-deċiżjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, ma dehrux fit-talbiet imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali.

    70.      Fil-fatt, fir-rigward tal-punt dwar jekk ir-riforma fiskali inkwistjoni kinitx imfassla mingħajr il-possibbiltà li l-gvern ċentrali tar-Renju Unit jintervjeni direttament fuq il-kontenut tagħha, il-problema tar-rispett tal-viċinat tajjeb iddefinit fl-Artikolu 74 tal-Karta tidher separata mill-analiżi li saret mill-Qorti Ġenerali fil-punti 90 sa 100 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, l-argument ta’ Spanja għandu jkun interpretat bħala li jindika nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata.

    71.      Fl-aħħar nett, ma jirriżulta minn ebda punt tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali ttrattat lil Ġibiltà bħala Stat Membru ġdid. B’mod partikolari, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar is-selettività reġjonali ma jistgħux jiġu interpretati f’dan is-sens, meta wara li eżaminat is-sitwazzjoni ta’ Ġibiltà fir-rigward tal-kriterji tal-ġurisprudenza Açores, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 115 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-qafas ta’ referenza kien jikkorrispondi esklużivament għal Ġibiltà.

    72.      B’hekk, hija applikat sempliċement il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistabbilixxi li, fl-evalwazzjoni tas-selettività tal-miżura, il-qafas ta’ referenza ma għandux neċessarjament ikun definit fil-limiti tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat (43).

    73.      Fid-dawl tal-elementi kollha preċedenti, nipproponi li l-ewwel aggravju ta’ Spanja jiġi miċħud bħala infondat.

    F –    Ir-raba’ aggravju ta’ Spanja bbażat fuq il-ksur tar-rekwiżit li għajnuna mill-Istat għandha tingħata minn Stat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat

    1.      L-argumenti

    74.      Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-qafas ta’ referenza ġeografiku għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE għandu neċessarjament ikun it-territorju ta’ Ġibiltà kif ukoll dak tar-Renju Unit jew tar-Renju ta’ Spanja. Fil-fatt, il-kunċett ta’ għajnuna taħt dan l-artikolu jimplika li l-vantaġġi jingħataw direttament jew indirettament permezz tar-riżorsi ta’ Stat Membru. Issa, Ġibiltà ma hijiex Stat Membru, iżda biss territorju li ma jagħmel parti minn ebda Stat Membru, skont l-Artikolu 299(4) KE.

    2.      Il-kunsiderazzjonijiet

    75.      Kif diġà kkonstatajt iktar ’il fuq, l-unika interpretazzjoni konformi mal-ispirtu tal-Artikolu 299(4) KE, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ applikabbiltà għal Ġibiltà tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, hija dik li tikkonsisti fl-applikazzjoni f’din il-kawża tal-prinċipji msemmija fil-ġurisprudenza dwar ir-reġjuni u t-territorji li għandhom kompetenzi fiskali tagħhom stess.

    76.      Għaldaqstant, nipproponi li r-raba’ aggravju tar-Renju ta’ Spanja jiġi miċħud bħala infondat.

    G –    Il-ħames aggravju ta’ Spanja bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni

    1.      L-argumenti

    77.      Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni peress li applikat il-ġurisprudenza Açores fil-każ inkwistjoni, li madankollu tirrigwarda sitwazzjoni kompletament differenti. Minn naħa waħda, il-Qorti Ġenerali applikat il-kriterji stabbiliti mis-sentenza Açores li ġew stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ reġjun ta’ Stat Membru għall-każ ta’ Ġibiltà li għandha l-istatus ta’ kolonja. Min-naħa l-oħra, il-kawża Açores kienet tikkonċerna biss it-tnaqqis tar-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji, u mhux fuq l-istabbiliment ta’ sistema sħiħa ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji.

    2.      Fuq l-ammissibbiltà

    78.      Il-Government of Gibraltar isostni li l-ħames aggravju għandu jitqies bħala motiv ġdid u li għaldaqstant għandu jiġi ddikkjarat inammissibbli.

    79.      Skont l-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ma jistax jibdel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-appell, hija fil-fatt limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi dibattuti fl-ewwel istanza. Għalhekk parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, ladarba dan jippermettilha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha bħala qorti tal-appell hija limitata, kawża li s-suġġett tagħha huwa iktar wiesa’ minn dak li kien ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali (44).

    80.      Madankollu, nosserva li interpretazzjoni restrittiva tal-ġurisprudenza tista’ ċċaħħad lil parti privileġġjata, bħal Stat Membru, mill-possibbiltà li tinvoka quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motivi differenti minn dawk imqajma quddiem il-Qorti Ġenerali. Issa, meta dawn ikunu mmirati kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, jidhirli li huwa naturali li dawn jevolvu fl-istadju tal-appell, meta jkunu mmirati kontra sentenza mogħtija b’risposta għall-ewwel rikorsi. Inqis li l-motivi li jistgħu jkunu invokati minn Stat Membru kontra sentenza tal-Qorti Ġenerali ma għandhomx ikunu limitati minħabba s-sempliċi fatt li jkun ħa sehem fil-proċedura fl-ewwel istanza, anki jekk biss bħala parti intervenjenti.

    81.      Għalkemm Ġibiltà għalhekk għandha l-intenzjoni li toġġezzjoni lir-Renju ta’ Spanja talli biddlet il-kawża, din l-oġġezzjoni ma tistax tiġi aċċettata inkwantu l-ebda bidla fil-kawża ma tirriżulta mill-invokazzjoni tal-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni b’rabta mal-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Açores. Din il-ġurisprudenza tinsab, għall-kuntrarju, fil-qalba tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali, u għaldaqstant nipproponi li l-ħames aggravju jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli.

    3.      Fuq il-mertu

    82.      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (45).

    83.      F’dan il-każ, ir-Renju ta’ Spanja jqajjem il-kwistjoni dwar jekk, minħabba d-differenzi bejn l-istatus tal-Açores u dak ta’ Ġibiltà, kienx legalment fondat li ssir applikazzjoni diretta tal-ġurisprudenza Açores għal Ġibiltà.

    84.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-imsemmija ġurisprudenza, ma għamlitx eżerċizzju ta’ paragun bejn dawn iż-żewġ territorji. Inqis għalhekk li l-kwistjoni mqajma minn Spanja ma hijiex rilevanti fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat.

    85.      Għall-kuntrarju, sa fejn is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Açores tikkostitwixxi mudell ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, li jista’ jkun applikat għal diversi territorji u komunitajiet, jidher li huwa essenzjali li jkun definit minn qabel il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’dawn l-ipoteżijiet.

    86.      Għalhekk, f’dak li jirrigwarda t-territorji u r-reġjuni li jgawdu minn relazzjonijiet partikolari ma’ ċerti Stati Membri minħabba l-passat komuni tagħhom jew minħabba żvilupp reċenti ta’ awtonomija reġjonali, jidhirli li għandu jiġi applikat raġunament f’żewġ partijiet.

    87.      L-ewwel nett, għandu jiġi stabbilit jekk it-Trattat KE japplikax għal tali territorju. Jekk iva u rrispettivament minn jekk huwiex entità infrastatali, territorju awtonomu jew territorju barra dak ta’ Stat Membru, it-tieni pass huwa li jiġi identifikat il-qafas ta’ referenza xieraq fir-rigward tal-ġurisprudenza Açores.

    88.      Huwa għal din ir-raġuni li nqis li l-Qorti Ġenerali kienet korretta meta, wara li stabbiliet l-istatus ta’ Ġibiltà fir-rigward tat-Trattat KE, applikat kriterji ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Açores mingħajr ma daħlet fir-riskju li tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

    89.      Fl-aħħar nett, kwalunkwe differenza fil-livell tal-intensità tar-riforma fiskali li tista’ tiġi implementata fl-Açores u f’Ġibiltà, fil-fehma tiegħi ma għandha l-ebda impatt f’dan ir-rigward.

    90.      Għalhekk, nipproponi li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    H –    Fuq is-sitt aggravju tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Açores

    1.      L-argumenti

    91.      Permezz tas-sitt aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 87(1) KE meta kkunsidrat b’mod żbaljat li l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Açores kienu sodisfatti sabiex ikkonkludiet li ma kienx hemm selettività reġjonali. Huwa jikkritika l-punti 76 sa 117 tas-sentenza appellata.

    2.      Il-kunsiderazzjonijiet

    92.      Kif spjegajt iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-istħarriġ tagħha tal-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-Qorti Ġenerali biss għall-iżnaturament tal-elementi tal-imsemmi dritt nazzjonali fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ġurisprudenza Açores.

    93.      Skont din il-ġurisprudenza, sabiex deċiżjoni meħuda minn awtorità reġjonali jew lokali tkun tista’ titqies li kienet adottata fl-eżerċizzju ta’ setgħat suffiċjentement awtonomi ta’ din l-awtorità, għandhom ikunu sodisfatti t-tliet kriterji tal-awtonomija istituzzjonali, proċedurali kif ukoll ekonomika u finanzjarja (46).

    94.      L-ewwel nett, fir-rigward tal-awtonomija istituzzjonali, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat fil-punt 89 tas-sentenza appellata li “l-partijiet prinċipali” jirrikonoxxu li l-awtoritajiet ta’ Ġibiltà għandhom status differenti fuq il-livell kostituzzjonali. Madankollu, ir-Renju ta’ Spanja jqajjem dubju dwar l-eżistenza ta’ tali ftehim billi juża l-kliem “ftehim bejn il-partijiet kollha” u jsostni li, min-naħa tiegħu, qatt ma qabel ma’ teżi ta’ awtonomija politika u amministrattiva ta’ Ġibiltà.

    95.      F’dan ir-rigward, ninnota li l-ftehim imsemmi fil-punt 89 tas-sentenza appellata jirreferi għall-“partijiet prinċipali”. Issa, ir-Renju ta’ Spanja ħa sehem fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kapaċità tiegħu ta’ parti intervenjenti, li jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tiegħu għall-finijiet ta’ dan il-ftehim. Għalhekk il-punt 89 tas-sentenza ma huwa vvizzjat minn ebda żnaturament, peress li jibbaża ruħu fuq l-eżistenza ta’ konverġenza ta’ opinjonijiet bejn il-partijiet prinċipali, element li, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat mill-partijiet l-oħra fil-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    96.      Barra minn hekk, għandha tiġi osservata n-natura kontradittorja tal-appell tar-Renju ta’ Spanja, inkwantu dan isostni fir-raba’ aggravju tiegħu li Ġibiltà ma tagħmilx parti mir-Renju Unit, filwaqt li jsostni, fis-sitt aggravju, li Ġibiltà ma għandhiex status politiku u amministrattiv differenti minn dak tal-gvern tar-Renju Unit.

    97.      It-tieni nett, fir-rigward tal-awtonomija proċedurali, il-Qorti Ġenerali, wara li fakkret id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-kostituzzjoni ta’ Ġibiltà, ikkonkludiet li s-setgħat mogħtija lill-gvernatur permezz tal-Artikoli 33 u 34 ta’ din il-Kostituzzjoni, li qatt ma ġew eżerċitati fil-qasam fiskali, ma jurux kapaċità ta’ intervent dirett tal-gvern tar-Renju Unit fuq il-kontenut tar-riforma fiskali.

    98.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikoli 225 KE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 112(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jimponu b’mod partikolari fuq rikorrent, meta dan jallega distorsjoni mill-Qorti Ġenerali, li jindika eżattament l-elementi li jkunu ġew żnaturati minnha u li juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, ikunu wasslu lill-Qorti Ġenerali għal din id-distorsjoni (47). Fil-fatt tali żnaturament jeżisti meta, mingħajr ma jsir riferiment għal provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher li tkun manifestament żbaljata (48).

    99.      Issa, fid-dawl tal-argumenti tar-Renju ta’ Spanja li essenzjalment jikkontestaw it-tifsira tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, u b’mod partikolari jenfażizzaw l-eżistenza ipotetika tas-setgħa ta’ intervent tar-Renju Unit, ma jista’ jiġi kkonstatat ebda tibdil mill-Qorti Ġenerali tat-tifsira eżatta tal-Kostituzzjoni ta’ Ġibiltà.

    100. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-awtonomija ekonomika u finanzjarja, nosserva li jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza li, sabiex ma tkunx sodisfatta t-tielet kundizzjoni tal-ġurisprudenza Açores, għandu jkun hemm tpaċija, jiġifieri rabta kawżali bejn miżura fiskali adottata mill-awtoritajiet li jkunu bdewha u l-ammonti mitluba lill-Istat (49). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ġustament ibbażat ruħha, fil-punt 106 tas-sentenza appellata, fuq tali interpretazzjoni tas-sentenza Açores.

    101. Barra minn hekk, fl-aggravju tagħha, ir-Renju ta’ Spanja ma jsemmi l-ebda element li jista’ jistabbilixxi żnaturament tal-elementi eżaminati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 108 sa 113 tas-sentenza appellata u li servewha bħala bażi sabiex tasal għall-konklużjoni li, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja mressqa mill-Kummissjoni, Ġibiltà ma tirċievi l-ebda għajnuna finanzjarja mir-Renju Unit sabiex tikkumpensa għall-konsegwenzi finanzjarji tar-riforma fiskali.

    102. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, nipproponi li s-sitt aggravju jitqies bħala kompletament infondat.

    I –    Fuq is-seba’ u d-disa’ aggravji tar-Renju ta’ Spanja, ibbażati fuq l-allegata eżistenza tar-raba’ kundizzjoni fil-kuntest tal-ġurisprudenza Açores

    1.      L-argumenti

    103. Permezz tas-seba’ aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza Açores peress li ma applikatx ir-raba’ kundizzjoni li tagħha r-Renju ta’ Spanja jallega l-eżistenza. Fil-fatt, skont ir-Renju ta’ Spanja, l-awtonomija għandha tkun iggwidata minn ċerti rekwiżiti minimi sabiex tkun evitata l-eżistenza, fuq il-livell reġjonali, ta’ sistemi fiskali ferm diverġenti li jipperikolaw is-suq komuni.

    104. Permezz tad-disa’ aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fis-sens li ċaħdet l-eżistenza ta’ din ir-raba’ kundizzjoni billi indikat sempliċement, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li din il-kundizzjoni ma ssib l-ebda sostenn fis-sentenza Açores.

    2.      Il-kunsiderazzjonijiet

    105. Permezz tas-seba’ aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jipprova juri żball ta’ liġi allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punt 88 tas-sentenza appellata. Ir-Renju ta’ Spanja għandu l-ħsieb, f’dan ir-rigward, li mill-punt 47 tas-sentenza Açores, jislet ir-raba’ kundizzjoni li tingħadd mat-tliet kundizzjonjiet stipulati mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza.

    106. Fis-sentenza UGT‑Rioja, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-eżistenza tar-raba’ kundizzjoni, f’dan il-każ qabel l-implementazzjoni tat-tliet kriterji stabbiliti fis-sentenza Açores (50). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-uniċi kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati sabiex it-territorju li jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ entità infrastatali jkun il-kuntest rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk deċiżjoni adottata minn din l-entità għandhiex natura selettiva huma l-kundizzjonijiet ta’ awtonomija istituzzjonali, ta’ awtonomija proċedurali kif ukoll ta’ awtonomija ekonomika u finanzjarja, hekk kif ippreċiżat fil-punt 67 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni”.

    107. Għandu jiġi konkluż għalhekk li r-raba’ kundizzjoni li r-Renju ta’ Spanja jemmen li jista’ jislet mis-sentenza Açores qatt ma kienet stipulata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant nipproponi li s-seba’ aggravju jiġi miċħud bħala infondat.

    108. Fid-dawl ta’ din ir-risposta, ma hemmx lok li jiġi eżaminat id-disa’ aggravju.

    J –    Fuq it-tieni u t-tielet aggravji tar-Renju ta’ Spanja

    109. Sa fejn dawn iż-żewġ aggravji huma ta’ natura simili, nipproponi li jiġu eżaminati flimkien.

    1.      L-argumenti

    110. Fit-tieni aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li meta l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma jistax isir paragun bejn is-sistema fiskali applikabbli għall-kumpanniji stabbiliti f’Ġibiltà u dik applikabbli għall-kumpanniji stabbiliti fir-Renju Unit, hija neħħiet l-effett tal-Artikolu 87(1) KE. L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandha tieħu inkunsidrerazzjoni l-fatt li Ġibiltà hija kkunsidrata bħala “rifuġju fiskali” mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (OKŻE) u bħala “ċentru finanzjarju off-shore” mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

    111. Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti Ġenerali kellha tinterpreta l-Artikolu 87 KE fid-dawl tal-linji gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tas-16 ta’ Lulju 2004. Minn dan id-dokument li jikkostitwixxi regola vinkolanti fid-dritt tal-Unjoni li Ġibiltà taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ċentru finanzjarju off-shore”. Fir-replika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni b’mod partikolari li r-Renju Unit jagħmel parti mis-Sistema Ewropea ta’ banek ċentrali (SEBĊ) u li l-Artikolu 5 tal-istatut tagħha jikkostitwixxi l-bażi legali għal-linja gwida tal-BĊE msemmija iktar ’il fuq.

    2.      Il-kunsiderazzjonijiet

    112. Permezz ta’ dawn iż-żewġ aggravji, ir-Renju ta’ Spanja essenzjalment jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tar-riforma fiskali ta’ Ġibiltà fid-dawl tal-Artikolu 87(1) KE, aspetti li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni ta’ Ġibiltà mill-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet finanzjarji fuq il-livell internazzjonali.

    113. Għalhekk, dawn l-aggravji jistgħu jinqraw bħala li jinvokaw allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, li jikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi li tista’ tkun, bħala tali, invokata f’appell (51).

    114. Madankollu, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet aggravji mill-perspettiva ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-aggravji huma ineffettivi, minħabba li, anki li kieku kienu fondati, ma jippermettux li jinkiseb l-annullament tas-sentenza appellata.

    115. Fil-fatt, fil-kuntest tal-appell, ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat sabiex teżamina jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi hija u teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. L-unika kwistjoni għalhekk hija li l-verifika dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx raġonevolment tiddetermina li l-pjan tar-riforma fiskali f’Ġibiltà kien josserva r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u, għalhekk, jekk setgħetx validament tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża. Issa, l-istudji internazzjonali fil-qasam tal-ġlieda kontra t-tassazzjoni dannuża ma jistgħux jinvalidaw il-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti Ġenerali.

    116. Għaldaqstant, it-tieni u t-tielet raġuni għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

    V –    It-tassazzjoni diretta u l-għajnuna mill-Istat (52)

    A –    Rimarki preliminari dwar l-istruttura tal-appell tal-Kummissjoni

    117. Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka aggravju wieħed ibbażat fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 87(1) KE. Għalkemm il-Kummissjoni qassmet l-aggravju tagħha f’sitt partijiet, jidhirli li l-Kummissjoni tikkritika prinċipalment tliet elementi mir-raġunament tal-Qorti Ġenerali.

    118. L-ewwel aspett, li huwa s-suġġett tal-ewwel parti, huwa l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tar-relazzjoni bejn ir-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat u l-kompetenzi tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta. It-tieni aspett, li huwa indirizzat mit-tieni sal-ħames parti, jirrigwarda essenzjalment l-evalwazzjoni allegatament żbaljata tal-kriterju tas-selettività. Fl-aħħar nett, is-sitt parti tal-uniku aggravju tal-Kummissjoni tindirizza t-tielet aspett, marbut mill-qrib mat-tieni wieħed, jiġifieri l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżami tat-tliet elementi tas-selettività identifikati fid-deċiżjoni kontenzjuża.

    119. Għaldaqstant, nipproponi li l-appell jiġi analizzat mill-perspettiva ta’ dawn it-tliet allegazzjonijiet ewlenin tal-Kummissjoni.

    120. Barra minn hekk, nixtieq nenfażizza minnufih li, permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tabbanduna sistema stabbilita sa llum, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE għal miżuri ta’ għajnuna indiretta li jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, bħall-eżenzjonijiet, l-eżenzjonijiet mit-taxxa, jew forom oħra ta’ għajnuna indiretta.

    121. L-evalwazzjoni ta’ tali miżuri timplika paragun bejn, minn naħa, is-sitwazzjoni tal-impriżi kkonċernati fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri u, min-naħa l-oħra, kriterju ta’ referenza, jiġifieri standard oġġettiv bħas-sistema fiskali ordinarja jew l-eżami tal-imġiba ta’ investitur privat. Fil-fatt, l-evalwazzjoni ta’ miżuri ta’ għajnuna fiskali hija bbażata fuq paragun bejn, minn naħa, is-sitwazzjoni fattwali tal-benefiċjarji tal-provvedimenti adottati mill-Istati Membri fl-eżerċizzju tal-kompetenzi fiskali tagħhom u, min-naħa l-oħra, is-sistema fiskali legali applikabbli fl-istess territorju ta’ referenza.

    B –    Fuq il-kunċett ta’ kompetizzjoni fiskali dannuża

    122. Il-globalizzazzjoni tal-attività ekonomika, tal-kummerċ u tal-investimenti, kif ukoll il-proliferazzjoni tal-impriżi li joperaw lil hinn mill-fruntieri nazzjonali huma fenomeni li joħolqu sfidi kbar għat-tassazzjoni u għas-sistemi fiskali. Fil-fatt, ħafna entitajiet suġġetti għat-taxxa llum jaqsmu l-fruntieri sabiex jistabbilixxu ruħhom fl-Istati li joffru kundizzjonijiet globali aqwa. Fost dawn, it-tassazzjoni għandha rwol importanti ħafna, għalkemm huwa diffiċli, fil-prattika, li wieħed jiddetermina b’eżattezza l-impatt reali tagħha (53).

    123. Għadd kbir ta’ territorji fiskalment sovrani u Stati jużaw inċentivi fiskali u mhux fiskali sabiex jattiraw attivitajiet finanzjarji u provvisti ta’ servizzi oħra. Dawn it-territorji ġeneralment joffru lill-investitur barrani ambjent fejn ebda tassazzjoni jew tassazzjoni minima normalment tkun akkumpanjata minn tnaqqis tar-restrizzjonijiet leġiżlattivi jew amministrattivi (54). Dawn il-“ġurisdizzjonijiet” ġeneralment jiġu kklassifikati bħala rifuġji fiskali u jikkostitwixxu wieħed mill-aspetti kruċjali tal-kunċett tat-tassazzjoni dannuża (55).

    124. Skont definizzjoni duttrinali, il-“kompetizzjoni fiskali” tfisser tnaqqis globali fir-rata tal-piż tat-taxxa sabiex titjieb is-sitwazzjoni makroekonomika tal-pajjiż billi ssaħħaħ il-kompetittività tal-industrija nazzjonali u/jew billi tattira l-investituri barranin (56). Dan il-kunċett għandu rwol importanti kemm fuq il-livell tar-relazzjonijiet ekonomiċi internazzjonali kif ukoll fi ħdan is-suq komuni tal-Unjoni.

    125. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tammetti li ċertu livell ta’ kompetizzjoni fiskali fi ħdan l-Unjoni huwa bla dubju inevitabbli u jista’ jikkontribwixxi sabiex jitnaqqas il-piż tat-taxxa (57). F’dak li jirrigwarda t-tassazzjoni diretta, hija tenfażizza li, jekk josservaw ir-regoli Komunitarji, l-Istati Membri jistgħu liberament jagħżlu s-sistemi fiskali li huma jqisu l-iktar xierqa u li l-iktar jikkorrispondu mal-preferenzi tagħhom (58).

    126. Għalhekk l-Unjoni Ewropea tadotta miżuri maħsuba sabiex tiġi rregolata l-kompetizzjoni fiskali, ladarba din tista’ tfixkel il-kompetizzjoni ekonomika u industrijali. L-iskop ma huwiex li titwaqqaf kull kompetizzjoni fiskali, iżda li titrażżan (59).

    127. F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari t-tassazzjoni diretta, il-Kummissjoni, wara ħafna tentattivi sabiex tarmonizza t-tassazzjoni tal-impriżi (60), li fallew minħabba l-biża’ tal-Istati Membri li jitilfu parti mid-dħul fiskali tagħhom, il-Kummissjoni ddeċidiet li tadotta approċċ ġdid billi tipproponi l-hekk imsejjaħ “pakkett fiskali” (61), li jinkludi sensiela ta’ miżuri maħsuba sabiex jiġġieldu kontra l-kompetizzjoni fiskali dannuża fl-Unjoni.

    128. Fost dawn il-miżuri kien hemm il-kodiċi ta’ kondotta dwar it-tassazzjoni tal-impriżi li kellu l-għan li jtejjeb it-trasparenza fis-settur tat-tassazzjoni permezz tal-introduzzjoni ta’ sistema ta’ informazzjoni reċiproka bejn l-Istati Membri (62).

    129. Fil-kuntest tad-dibattitu dwar il-politika fiskali dannuża, id-duttrina kkritikat nuqqas ta’ ċarezza f’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-kundizzjonijiet ġusti jew tas-sitwazzjoni paragunabbli (“level playing field”) fil-qasam tat-tassazzjoni internazzjonali (63). Madankollu huwa paċifiku li dan ma jfissirx l-applikazzjoni ta’ rata ugwali u bażi fiskali ugwali fil-pajjiżi kollha, minħabba li, l-Istati ż-żgħar, b’mod partikolari, jiffaċċjaw diffikultajiet speċifiċi marbuta mad-daqs tal-ġurisdizzjonijiet fiskali tagħhom (64).

    130. Fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tassazzjoni dannuża, jista’ jidher, fid-dawl tal-elementi preċedenti, li l-Kummissjoni użat l-uniku strumenti li kien fadlilha, jiġifieri l-Artikolu 87(1) KE (65). Il-kwistjoni li tqum allura hija jekk din id-dispożizzjoni hijiex strument adattat għal dan il-għan u, jekk dan ikun il-każ, x’għandhom ikunu l-limiti għall-użu tagħha fir-rigward tat-tqassim tal-kompetenzi fil-qasam tat-tassazzjoni diretta.

    131. Kif jirriżulta mill-preambolu tiegħu, il-kodiċi huwa impenn politiku li ma jaffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri u lanqas il-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-Komunità kif jirriżultaw mit-Trattat. Il-prattiki dannużi li jirriżultaw mill-kodiċi jirreferu għall-miżuri li għandhom, jew li jista’ jkollhom, impatt kunsiderevoli fuq il-lokalizzazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi fi ħdan il-Komunità. Jitqiesu wkoll bħala dannużi u, għalhekk, koperti mill-kodiċi, il-miżuri fiskali li jistabbilixxu rata ta’ taxxa effettiva sostanzjalment iktar baxxa, inkluża taxxa b’rata żero, meta mqabbla ma’ dawk applikati normalment fl-Istat Membru kkonċernat.

    132. Il-kodiċi għalhekk jirrigwarda l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri fejn jissieltu kontra xulxin sabiex jattiraw l-investimenti jew il-kapital barrani permezz tat-taxxa. L-intenzjoni tal-kodiċi għalhekk hija li jintlaħqu l-miżuri tal-Istati maħsuba sabiex jiffavorixxu impriżi jew kapital barrani, u mhux li jiġu protetti l-impriżi jew il-kapital nazzjonali. Dan ifisser li l-kodiċi huwa maħsub li japplika għad-diskriminazzjoni kuntrarja, jiġifieri dik li tiddiskrimina kontra r-residenti tal-Istati Membri (66).

    133. Min-naħa l-oħra, l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat għandha l-għan li tħares il-kompetizzjoni bejn il-kumpanniji mid-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jew tal-kummerċ intra-Komunitarju ġġenerati mill-Istati Membri permezz tal-għoti ta’ miżuri li jiffavorixxu ċerti impriżi jew prodotti għad-detriment tal-oħrajn. Barra minn hekk, għandu l-għan li jipproteġi s-suq intern kontra s-segmentazzjoni tiegħu permezz tal-għajnuna mill-Istat filwaqt li jiżgura ruħu li ma jkunx hemm diskriminazzjoni mhux ġustifikata lejn barranin jew persuni mhux residenti jew forom ta’ protezzjoniżmu favur kumpanniji u kapital domestiku (67).

    134. B’hekk il-kompetizzjoni istituzzjonali jew fiskali dannuża bejn l-Istati ma taqax, kif jirriżulta, taħt il-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat stabbilit mit-Trattat (68), anki jekk jeżistu każijiet li jistgħu jikkostitwixxu kemm miżuri ta’ kompetizzjoni fiskali dannuża kif ukoll għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni. Madankollu, l-għan leġittimu tal-ġlieda kontra l-kompetizzjoni fiskali dannuża ma tistax tiġġustifika distorsjoni tal-qafas legali tal-Unjoni, stabbilit fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni applikabbli għall-għajnuna mill-Istat, jew l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ad hoc, f’kontradizzjoni mal-prinċipju tal-istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE.

    135. Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi msemmija iktar ’il fuq li jeħtieġ li nanalizzaw l-appell tal-Kummissjoni.

    VI – Dwar il-kompetenzi tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u r-relazzjoni tagħhom mal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat (69)

    A –    L-argumenti fil-kuntest tal-ewwel parti tal-uniku aggravju tal-Kummissjoni

    136. Permezz tal-ewwel parti tal-uniku aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 87(1) KE u l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa. Il-Kummissjoni tqis, f’dan ir-rigward, li l-kompetenzi tal-Istati Membri fir-rigward tat-taxxa huma rregolati mil-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 87(1) KE, u li s-sempliċi fatt li regola nazzjonali taqa’ taħt il-liġi tat-taxxa ma jistax jeżenta lil din ir-regola milli tosserva dan l-artikolu peress li dan l-artikolu jiddefinixxi l-miżuri tal-Istat mhux skont il-kawża jew l-għan tagħhom, iżda skont l-effetti tagħhom. Ir-Renju ta’ Spanja jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni, iżda biss sa fejn din tirrigwarda l-kompetenzi tar-Renju Unit bħala Stat Membru fil-qasam tat-tassazzjoni diretta.

    B –    Osservazzjonijiet ġenerali

    137. Għalkemm, skont it-tqassim tal-kompetenzi stabbilit fit-Trattat, it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, huwa paċifiku li fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, l-Istati Membri għandhom josservaw it-Trattat. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-taxxi diretti jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom mandakollu jeżerċitaw din il-kompetenza skont id-dritt tal-Unjoni (70).

    138. Barra minn hekk, il-fatt li miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, ġiet adottata taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, li jidhirli li spiss ikun il-każ, fih innifsu ma jistax jaffettwa l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    139. Madankollu, fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, l-Istati Membri jgawdu minn livell għoli ta’ sovranità leġiżlattiva, regolatorja u amministrattiva. Is-setgħa ta’ impożizzjoni fiskali tibqa’ prerogattiva interna tal-gvernijiet li jistgħu jagħżlu s-sistemi fiskali l-iktar xierqa skont il-preferenzi tagħhom, suġġett għall-osservanza tad-dritt tal-Unjoni.

    140. Huwa paċifiku li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat huma maħsuba biss sabiex jindirizzaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mir-rieda ta’ Stat Membru li jagħti, minkejja l-linji gwida politiċi ġenerali tiegħu, vantaġġ partikolari lil ċerti impriżi jew produtturi. Għaldaqstant, kemm-il darba s-sistema fiskali tkun waħda ġenerali, din ma taqax taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (71). Fil-fatt, sa fejn il-miżuri adottati mill-Istat Membru jkunu jirrigwardaw is-sistema fiskali kollha, dawn ikunu żviluppi fil-politika fiskali ġenerali u mhux għajnuna mill-Istat (72).

    141. L-istess prinċipju japplika għall-miżuri fiskali dannużi, kemm-il darba dawn ma jissodisfawx il-kriterju tal-vantaġġ selettiv: l-uniku strument applikabbli kontrihom huwa l-kodiċi ta’ kondotta msemmi qabel (73). Fil-fatt, parti kbira mill-miżuri fiskali dannużi tikkonsisti f’miżuri fiskali ġenerali li għalihom, skont id-duttrina maġġoritarja, l-Artikolu 87(1) KE ma japplikax (74).

    142. Għall-kuntrarju, l-eżenzjonijiet mit-taxxa jew forom oħra ta’ għajnuna indiretta mogħtija fuq bażi settorjali jew reġjonali jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (75). B’hekk, miżura li ma tapplikax għall-operaturi kollha ma tistax titqies, bħala prinċipju, bħala miżura ġenerali ta’ politika ekonomika (76).

    143. Nosserva, f’dan ir-rigward, li fid-duttrina ġie kkonstatat li, permezz tal-kunċett ta’ selettività, l-Artikolu 87 KE fetaħ it-triq għal armonizzazzjoni vera tar-regoli fiskali, għalkemm dan ma huwiex l-għan aħħari tiegħu (77). Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-prinċipji li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat għall-politika fiskali nazzjonali hija kkunsidrata bħala li twassal għal regolazzjoni tal-kompetizzjoni tas-sistemi fiskali, billi l-Istati jkunu suġġetti għal obbligu indirett ta’ newtralità fiskali (78).

    144. Madankollu, inqis li huwa impossibbli li wieħed jasal għal newtralità fiskali fis-sens ekonomiku strett fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (79). Il-fehma tiegħi hija pjuttost li kull sistema fiskali hija bbażata fuq ċerta selettività skont l-għanijiet segwiti mil-leġiżlatur nazzjonali. Għalhekk, il-kwistjoni fundamentali hija dik tal-eżistenza ta’ vantaġġ fis-sens tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tirriżulta minn konfigurazzjoni stabbilita fis-sistema fiskali nazzjonali (80).

    145. Għaldaqstant, huwa essenzjali li tinżamm id-distinzjoni bejn miżuri fiskali li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u dawk li jikkorrispondu għall-konfigurazzjoni normali li l-leġiżlatur nazzjonali ried jagħti lis-sistema fiskali tiegħu u li tista’ tagħti lok għal distinzjonijiet meħtieġa għat-twettiq ta’ għanijiet ġenerali ta’ interess pubbliku stabbiliti mill-Istat fl-eżerċizzju tad-drittijiet sovrani tiegħu (81).

    C –    Fuq ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-kompetenzi tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta

    146. Fil-punt 146 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament iċċitat il-ġurisprudenza li tistabbilixxi li t-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri waqt li enfażizzat li l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat hija mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Istati li jagħżlu l-politika ekonomika tagħhom, u, għalhekk, is-sistema fiskali u s-sistema komuni jew “normali” tagħha. Imbagħad, eżaminat jekk il-Kummissjoni kkonformatx ma’ dawn il-prinċipji fl-evalwazzjoni tan-natura selettiva tal-miżura.

    147. Iċ-ċitazzjoni fil-punt 146 tas-sentenza appellata ssostni raġunament tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-Kummissjoni jmissha segwiet analiżi fi tliet fażijiet sabiex tkun tista’ tikklassifika miżura fiskali bħala selettiva. B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punt 145 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali riedet tenfażizza li l-ommissjoni tal-ewwel żewġ fażijiet twassal lill-Kummissjoni sabiex teċċedi l-kompetenzi tagħha, peress li din tkun qiegħda tieħu post l-Istat Membru fid-determinazzjoni tas-sistema fiskali tiegħu. Barra minn hekk, approċċ bħal dan, skont il-Qorti Ġenerali, iwassal sabiex l-Istat Membru ma jkunx jista’ jiġġustifika d-differenzi inkwistjoni bin-natura u l-iskop tas-sistema fiskali nnotifikata.

    148. Minn din il-perspettiva u irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il-metodoloġija użata mill-Qorti Ġenerali hijiex qafas ta’ referenza legali xieraq li setgħet timponi fuq il-Kummissjoni, il-konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ kompetenza fiskali tal-Istati Membri ċertament ma hijiex kompleta iżda ma hijiex żball ta’ liġi fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq fil-punti 137 sa 145 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    149. Għaldaqstant, nipproponi li l-ewwel parti tal-uniku aggravju tal-Kummissjoni tiġi miċħuda bħala infondata.

    VII – Diskussjoni dwar il-metodu li jippermetti li tiġi identifikata s-selettività ta’ għajnuna fiskali li jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat

    A –    Elementi tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni

    150. Skont id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni waqt is-seduta, is-sistema l-ġdida ta’ taxxa f’Ġibiltà tikkonsisti f’taħlita ta’ taxxi fuq in-numru ta’ impjegati u taxxa fuq l-okkupazzjoni ta’ postijiet ta’ negozju, limitata għal 15 % tal-profitti, kif ukoll minn żewġ tipi ta’ taxxi supplimentari għal ċerti tipi ta’ kumpanniji. Il-Kummissjoni ssostni li s-sistema ppreżentata bħala sistema unika hija fil-fatt taħlita ta’ sistemi fiskali differenti li huma reċiprokament inkompatibbli, b’mod li huwa impossibbli li tinstab sistema ta’ referenza u li tiġi identifikata sistema speċjali. Għall-kuntrarju, is-sistema nnifisha ppreżentata bħala sistema fiskali tagħmel distinzjoni bejn kategoriji ta’ kumpanniji, b’mod li tagħti vantaġġ lil ċerti kumpanniji, b’mod partikolari dawk tal-ekonomija off‑shore.

    151. Il-Kummissjoni toġġezzjona li s-sentenza appellata segwiet approċċ formali, ispirat mill-Komunikazzjoni tagħha tal-1998, approċċ li jaqa’ barra mir-realtà ekonomika, filwaqt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri tal-Istat għandhom ikunu ġġudikati abbażi tal-effetti tagħhom.

    152. Fid-dawl tad-deċiżjoni kontenzjuża, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja lejn aspett li jidhirli li huwa fundamentali għall-finijiet tas-soluzzjoni ta’ din il-kawża u li huwa marbut mill-qrib mar-rifjut mill-Kummissjoni tal-metodu derogatorju deskritt fil-Komunikazzjoni tagħha tal-1998.

    153. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tar-riforma tas-sistema fiskali ta’ Ġibiltà hija bbażata qabel kollox fuq l-analiżi tas-selettività reġjonali u materjali tas-sistema. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza tal-vantaġġ hija dedotta, fil-punt 153 tad-deċiżjoni, mill-prova relattiva tan-natura selettiva tar-riforma. Il-Kummissjoni teżamina s-sistema fiskali kollha ta’ Ġibiltà u tikkunsidra li hija ta’ natura intrinsikament diskriminatorja, li, fil-fehma tagħha, hija ekwivalenti għall-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, u għalhekk, għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat.

    154. Issa, irrispettivament mill-kwistjoni dwar liema għandu jkun il-qafas ta’ referenza f’dan il-każ, għażla ta’ metodoloġija bħal din fil-fehma tiegħi hija żbaljata għal raġunijiet relatati mal-istruttura tal-evalwazzjoni ta’ miżura indiretta li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Il-motivazzjoni ta’ dan l-approċċ hija bbażata fuq l-elementi spjegati hawn fuq.

    B –    Fuq ir-rwol fundamentali tal-vantaġġ fl-eżami tal-kunċett tas-selettività fil-każ tal-miżuri indiretti

    155. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna fis-sens tat-Trattat tippresupponi li kull wieħed mill-erba’ kriterji kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 87(1) KE jkunu sodisfatti (82). Hija għalhekk imsemmija kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija mill-Istati jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn Stati Membri. Il-kunċett ta’ għajnuna, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju għaliex jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi bħas-sussidji nfushom, iżda wkoll interventi li, f’forom diversi, inaqqsu l-ispejjeż li normalment ikunu inklużi fil-baġit ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriża li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli (83).

    156. Sabiex jiġi ddeterminat jekk vantaġġ bħal dan jikkostitwixxix għajnuna għall-finijiet tal-Artikolu 87 KE, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-impriża benefiċjarja tirċevix vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tirċievi f’kundizzjonijiet normali tas-suq (84). Fid-dawl tal-ispeċifiċità tal-miżuri fiskali, ġie ssuġġerit mid-duttrina li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat meta jkun hemm telf jew rinunzja ta’ dħul fiskali mill-awtoritajiet tat-taxxa jew mill-Gvern (85).

    157. F’dan ir-rigward, jiena konvint li l-kunċett ewlieni fil-kuntest ta’ dan l-appell tal-Kummissjoni huwa l-kunċett ta’ vantaġġ.

    158. Fil-fatt, jien tal-fehma li miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li tingħata f’forma indiretta, bħal miżura fiskali, ma tistax tkun iddefinita mingħajr qafas ta’ referenza (86). Approċċ oppost iwassal għal konfużjoni bejn il-kunċett ta’ selettività u dak tal-vantaġġ peress li s-selettività ta’ miżura tfisser, fil-fehma tiegħi, tqassim mhux ugwali tal-vantaġġi bejn l-impriżi li jkunu f’sitwazzjoni paragunabbli. Issa, l-eżami tal-kriterju ta’ selettività huwa differenti mill-eżami tal-kriterju tal-vantaġġ (87).

    159. F’din il-kawża, li kieku l-istruttura tas-sistema fiskali li twassal, finalment, sabiex ma jiġux intaxxati l-impriżi off-shore f’Ġibiltà kellha titqies bħala miżura li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, tibqa’ l-kwistjoni dwar kif għandu jkun ikkwantifikat l-ammont tal-għajnuna allegata mingħajr ma jkun ġie identifikat minn qabel liema hija s-sistema ta’ dritt komuni, jew il-qafas ta’ referenza ġenerali. Għalhekk, b’mod partikolari, il-limiti ta’ 15 % u 35 % ma jiżvelawx l-ammont tal-għajnuna, ladarba, fis-sistema fiskali ta’ Ġibiltà, hemm nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ referenza sabiex wieħed jifhem kif il-kumpanniji off-shore kellhom ikunu ntaxxati.

    160. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li miżura li tista’ tiġi kkunsidrata bħala għajnuna fiskali għandha tikkorrispondi għal spiża fiskali (88). Il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tidentifika l-valur tat-taxxa attwalment jew potenzjalment “mitluf” li jirrappreżenta l-ammont tal-għajnuna allegata. L-uniku mezz li għandha l-Kummissjoni sabiex tistma l-valur “mitluf” huwa li tirreferi għal sistema ġenerali applikabbli fil-qafas ta’ referenza suġġett għall-eżami.

    161. F’dan ir-rigward, infakkar il-ġurisprudenza li tistabbilixxi li anki vantaġġ mogħti permezz ta’ piż potenzjali addizzjonali għall-Istat jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (89). Dan huwa spiss il-każ ta’ garanziji li ġeneralment ikunu marbuta ma’ self jew obbligu finanzjarju ieħor li jkun daħal għalih min jissellef ma’ min jislef (90). Permezz tal-garanzija tal-Istat, min jissellef jista’ jibbenefika minn rata iktar baxxa jew joffri inqas sigurtà. Biex tkun iddeterminata l-eżistenza ta’ għajnuna, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-possibiltajiet ta’ impriża benefiċjarja li tikseb is-self fis-suq tal-kapital fl-assenza ta’ din il-garanzija (91). Sempliċi dikjarazzjoni ta’ rappreżentant tal-awtoritajiet pubbliċi, madankollu, jista’ jkollha impatt kunsiderevoli fis-sens li l-kumpannija terġa’ tikseb il-kunfidenza tas-swieq finanzjarji sabiex tkun tista’ taċċedi għal kreditu ġdid (92).

    162. Issa, fil-każ ta’ miżuri ta’ natura fiskali, ikun żbaljat li wieħed jikkunsidra li soluzzjoni fiskali tagħti vantaġġ awtomatiku lill-kumpannija kkonċernata. Huwa għal din ir-raġuni li jeħtieġ li l-Kummissjoni jkollha viżjoni tat-totalità tas-sistema applikabbli “normalment”.

    163. Il-punt tat-tluq tal-analiżi tal-miżuri fiskali għalhekk għandu jkun paragun fattwali, jiġifieri, xi tkun is-sitwazzjoni mingħajr l-adozzjoni tal-miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    164. Fis-sentenza Il-Belġju u Forum 187 (93), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex jiġi eżaminat jekk id-determinazzjoni tad-dħul taxxabbli, kif prevista fis-sistema taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, kinitx tikseb vantaġġ lil dawn tal-aħħar, kellu jsir paragun bejn l-imsemmija sistema u dik tad-dritt komuni bbażata fuq id-differenza bejn id-dħul u l-ħruġ ta’ impriża li teżerċita l-attivitajiet tagħha f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni libera.

    165. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi kkonstatat, inizjalment, jekk persuna kellhiex tkun intaxxata, u, jekk iva, jekk in-nuqqas ta’ tassazzjoni jikkostitwixxix vantaġġ. Sussegwentement, jeħtieġ li jiġi kkonstatat jekk l-impriżi l-oħra li jkunu f’sitwazzjoni paragunabbli jibbenefikawx mill-istess vantaġġ. Jekk dan ma jkunx il-każ, aktarx li dan ikun vantaġġ selettiv. Il-vantaġġ għalhekk jista’ jkun identifikat biss permezz tal-imsemmi paragun fattwali.

    166. Pereżempju, jekk, f’ġurisdizzjoni fiskali speċifika, l-istabbiliment ta’ limitu tat-taxxa jikkawża n-nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ nofs l-impriżi, filwaqt li n-nofs l-ieħor iħallsu taxxa ta’ 10 % tal-profitti, l-ewwel kategorija ta’ impriżi ma tantx tista’ tiġi kkunsidrata li qiegħda tgawdi minn vantaġġ. Fil-fatt, jekk Stat Membru jagħżel li ma jintaxxax ċerta proprjetà, fattur jew attività, dan ma jimplikax l-eżistenza ta’ vantaġġ, għaliex dan jirrappreżenta l-eżenzjoni mit-taxxa ineżistenti jew inapplikabbli (94).

    167. Eżempju ieħor jista’ jittieħed minn miżura ta’ politika ekonomika, applikabbli għall-impriżi kollha, li tagħti deprezzament iktar mgħaġġel lill-investimenti magħmula matul is-snin A u B. Tali miżura timplika vantaġġ, filwaqt li s-selettività tagħha hija inċerta mal-ewwel daqqa t’għajn. Fil-fatt, l-impriżi li ma għażlux li jinvestu fil-perjodu ta’ referenza ma jibbenefikawx. Għalhekk, il-miżura tidhirli li hija ekonomikament selettiva, iżda din is-selettività hija ġġustifikata mil-loġika inerenti għas-sistema fiskali, b’mod li l-eżistenza ta’ għajnuna tista’ tiġi eskluża. Min-naħa l-oħra, jekk il-miżura tkompli tapplika matul is-sena Ċ f’settur speċifiku, ikun hemm għajnuna mill-Istat.

    168. Barra minn hekk, huwa paċifiku li ċerti setturi jew ċerti tipi ta’ kumpanniji jistgħu jirrikjedu trattament fiskali separat minħabba n-natura u l-finijiet tagħhom. Eżempju tajjeb ta’ dan jista’ jkun organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru jew kumpannija kooperattiva (95).

    169. Kif indikajt iktar ’il fuq, l-approċċ segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża ma jidhirlix li huwa fondat. Il-Gvern Irlandiż ġustament osserva waqt is-seduta li jidher li huwa approċċ li l-Kummissjoni tiġġustifika minħabba d-daqs żgħir ta’ Ġibiltà. Issa, jidhirli li kriterju bħal dan ma jistax ikun il-bażi tal-analiżi li għandha twettaq il-Kummissjoni meta teżamina l-miżuri fiskali li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħżel l-approċċ propost mill-Kummissjoni, dan ikun ifisser li fil-kamp tal-Artikolu 87(1) KE jkun qed jiġi introdott kriterju supplimentari marbut mad-daqs tal-ġurisdizzjoni fiskali li tat bidu għall-miżura kontenzjuża.

    170. Il-qbil mal-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq kunċett ta’ sistema intrinsikament diskriminatorja jwassal ukoll għall-abbandun tal-metodoloġija tal-eżami tal-miżuri allokati f’forma indiretta fil-każ iżolat li, fil-fehma tiegħi, jaqa’ mhux taħt is-sistema ta’ għajnuna mill-Istat iżda taħt il-kwistjoni tal-kompetizzjoni fiskali dannuża. Fil-fatt, jiena konxju tal-fatt li Ġibiltà ġiet identifikata mill-OKŻE bħala rifuġju fiskali. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk mitluba tiddeċiedi jekk hijiex lesta li tinqata’ mill-analiżi klassika tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat f’forma indiretta sabiex tikkundanna s-sistema fiskali ta’ Ġibiltà (96).

    171. Għalkemm naqbel bis-sħiħ mar-rieda tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-ġlieda kontra t-tassazzjoni dannuża fi ħdan l-Unjoni, jiena tal-fehma li ma tistax tintuża interpretazzjoni innovattiva tal-Artikolu 87(1) KE għal tali skop. Il-ħolqien ta’ metodu ad hoc huwa maħsub sabiex jippermetti lill-Kummissjoni tiġġieled prattiki fiskali u ekonomiċi ħżiena, mingħajr ma’ dan ikun relatat fis-sens strett mas-sistema ta’ għajnuna mill-Istat (97).

    172. Fl-aħħar nett, jidhirli essenzjali wkoll li nenfażizza li, anki jekk is-sistema fiskali inkwistjoni twassal sabiex ma jiġux intaxxati kumpanniji off-shore, il-kumpanniji li l-attività tagħhom f’Ġibiltà la tkun tirrikjedi l-użu ta’ impjegati u lanqas l-okkupazzjoni ta’ bini f’Ġibiltà jinsabu fl-istess sitwazzjoni. Pereżempju, kumpanniji holdings li jidhru li jikkostitwixxu, mill-aspett kwantitattiv, l-ikbar kategorija fost il-kumpanniji ta’ Ġibiltà (98), jitpoġġew fl-istess sitwazzjoni fiskali minħabba li din ma tiddependix mill-fatt dwar jekk it-titoli jew il-proprjetà mobbli jew immobbli ta’ dawn il-kumpanniji jinsabux f’Ġibiltà jew barra mit-territorju tagħha. Is-sistema għalhekk ma hijiex selettiva fis-sens li l-effetti tagħha jkunu differenti skont il-post fejn isiru l-attivitajiet. Barra minn hekk, esklużjoni simili tal-attivitajiet off-shore tista’ tinkiseb permezz ta’ sistema ta’ tassazzjoni tal-impriżi li ddaħħal biss fil-bażi fiskali kriterji dwar il-konsum tal-enerġija jew il-ġenerazzjoni tal-iskart.

    173. Fil-każ ta’ Ġibiltà, is-sistema fiskali għażlet bħala approċċ ġenerali tassazzjoni b’rata kważi żero, billi ħalliet li l-entitajiet li jużaw fatturi ta’ produzzjoni lokali bħall-ħaddiema jew il-bini jkunu intaxxati. Paradossalment, sistema bħal din, fil-fehma tiegħi, tippreżenta essenzjalment ċerti żvantaġġi, b’mod li tista’ titqies li tikkostitwixxi sistema ta’ “anti-għajnuna mill-Istat”.

    174. Min-naħa l-oħra, kif spjegajt hawn fuq, ma hemmx dubju, fil-fehma tiegħi, li l-leġiżlatur ta’ Ġibiltà kellu l-intenzjoni li jkollu sistema ta’ kompetizzjoni fiskali żleali meta mqabbel mal-Istati Membri (99).

    175. Fin-nuqqas ta’ sistema fiskali fid-dritt tal-Unjoni, il-qafas ta’ referenza għandu jibqa’ l-qafas ta’ referenza nazzjonali jew dak identifikat skont il-ġurisprudenza Açores. Għaldaqstant, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li Ġibiltà tista’ tikkostitwixxi, waħedha, qafas ta’ referenza xieraq, jeħtieġ li nillimitaw ruħna għall-analiżi klassika tal-vantaġġ u tas-selettività.

    C –    Is-selettività materjali fil-qasam tat-tassazzjoni diretta

    176. L-Artikolu 87(1) KE jipprojbixxi l-għajnuna mill-Istat li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, jiġifieri l-għajnuna selettiva. Il-kundizzjoni ta’ selettività tagħmel parti mill-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (100). Minkejja l-abbundanza ta’ ġurisprudenza rigward dan is-suġġett, il-kunċett ta’ selettività jidher elużiv, partikolarment fir-rigward tal-miżuri fiskali.

    177. Il-kunċett ta’ selettività huwa eżaminat mill-aspett materjali, minħabba li huma miżuri applikabbli għal ċerti setturi tal-ekonomija jew għal ċerti forom ta’ impriżi (101) jew mill-aspett reġjonali (ġeografiku) (102). Is-selettività materjali tista’ tkopri kemm miżuri fiskali limitati għall-impriżi kkaratterizzati minn ċerti tipi ta’ attività (selettività settorjali) kif ukoll dawk applikabbli skont is-sitwazzjonijiet definiti minn qabel li jistgħu jsibu ruħhom fihom l-impriżi (selettività orizzontali), pereżempju fil-każ ta’ inċentivi fiskali jew fil-każ ta’ miżuri li jiffavorixxu ċertu tip ta’ ħaddiema (103).

    178. Fid-dawl tad-diversità tal-miżuri fiskali, huwa ferm ikkumplikat li wieħed joħloq linja diviżorja bejn miżuri ġenerali u miżuri selettivi (104). Għalhekk, id-determinazzjoni tal-qafas ta’ referenza, hi kemm hi diffiċli, hija għaldaqstant fundamentali sabiex wieħed ikun jaf jekk is-sistema inkwistjoni hijiex “anormali”, u għalhekk “selettiva”.

    179. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-osservanza tar-rekwiżit ta’ selettività għandha tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni li ssir skont il-każ, intiża sabiex jiġi vverifikat jekk il-miżura inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tagħha, tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, tal-metodi ta’ implementazzjoni tagħha u tal-effetti tagħha, tagħtix jew le vantaġġi għall-benefiċċju esklużiv ta’ ċerti impriżi jew ta’ ċerti setturi ta’ attività (105).

    180. Is-selettività tal-vantaġġ mogħti mill-miżura inkwistjoni tista’ tkun iġġustifikata, f’fażi suċċessiva, min-natura tas-sistema sakemm il-miżura, minn naħa, tingħata fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi (konformità interna tal-miżura mal-istruttura tas-sistema) u, min-naħa l-oħra, tkun kompatibbli man-natura tas-sistema (konformità esterna tal-miżura) (106). Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat ma jkoprix il-miżuri Statali li jintroduċu distinzjoni bejn impriżi meta din id-distinzjoni tirriżulta min-natura u mill-istruttura tas-sistema ta’ spejjeż li fiha joperaw. F’din l-ipoteżi, il-miżura inkwistjoni bħala prinċipju ma tistax titqies bħala selettiva, anki jekk toħloq vantaġġ lill-impriżi li jistgħu jinvokawha (107).

    181. Għaldaqstant jeħtieġ li tkun evalwata n-natura selettiva tal-vantaġġ mogħti mill-miżura inkwistjoni f’żewġ fażijiet suċċessivi.

    182. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni ta’ selettività fil-qasam fiskali, mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża Sloman Neptun, il-kriterju kkunsidrat huwa dak tad-“deroga” għas-sistema ġenerali ta’ tassazzjoni (108). Skont l-Avukat Ġenerali Darmon, “l-uniku element fundamentali meħtieġ għall-applikazzjoni tal-Artikolu 92(1), huwa n-natura derogatorja tal-miżura, fin-natura tagħha stess, fir-rigward tal-istruttura tas-sistema ġenerali li minnha tagħmel parti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    183. Din il-metodoloġija ġiet inkluża fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1998, li hija bbażata wkoll fuq l-approċċ tal-OKŻE (109). Skont il-Komunikazzjoni tal-1998, dak li huwa rilevanti qabel kollox għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 86(1) KE għal miżura fiskali huwa jekk din il-miżura tipprovdix favur ċerti impriżi fl-Istat Membru eċċezzjoni għall-applikazzjoni tas-sistema fiskali (110).

    184. Dan l-approċċ derogatorju huwa kkritikat fid-duttrina peress li la l-Kummissjoni u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja ma waslu sabiex jiddeterminaw eżattament xi jkopri l-kunċett ta’ “deroga għan-norma” jew “sistema ġenerali” (111). L-awturi enfażizzaw ukoll id-diffikultà sabiex tiġi ddeterminata rata ta’ taxxa “normalment applikabbli” sabiex tiġi ffissata rata li tista’ titqies bħala differenti min-normali (112).

    185. Barra minn hekk, minn analiżi tal-ġurisprudenza jirriżulta li ġew proposti diversi soluzzjonijiet mill-Avukati Ġenerali. Minbarra approċċ derogatorju, ġie ssuġġerit li miżura tiġi kkunsidrata ġenerali meta din tirriżulta mil-loġika interna tas-sistema fiskali (113) jew meta tkun maħsuba sabiex tikseb l-ugwaljanza bejn l-operaturi ekonomiċi (114).

    186. Fost l-approċċi proposti mid-duttrina, ġie ssuġġerit b’mod partikolari li jiġi kkunsidrat li miżura titqies ta’ natura ġenerali sakemm kwalunkwe impriża fi kwalunkwe settur ta’ attività tkun eliġibbli għall-benefiċċju tagħha. Għandu jkun hemm eżami f’żewġ stadji, l-ewwel wieħed li jikkonsisti fl-identifikazzjoni tal-għanijiet jew tal-miri tal-miżura (“revealed potential targets”), it-tieni wieħed intiż sabiex jidentifika l-portata tal-miżura (“revealed potential scope”). Fil-fatt, huwa fil-livell tat-tieni stadju li jkun possibbli li jiġu identifikati r-raġunijiet wara l-miżura proposta mill-Istat Membru (115).

    187. Skont proposta oħra, analiżi fi tliet stadji suċċessivi tikkonsisti, qabel kollox, fil-verifika dwar jekk il-miżura tistax tapplika għall-impriżi kollha li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli, u sussegwentement, fil-verifika dwar jekk ċerti impriżi jibbenefikawx minn trattament iktar favorevoli (diskriminazzjoni), u fl-aħħar nett, f’li jiġi żgurat li l-miżura tista’ tkun ġustifikata min-natura jew l-istruttura tas-sistema fiskali (116).

    188. Nammetti li l-kriterju tad-deroga, li jservi prinċipalment għad-determinazzjoni tal-vantaġġ, jista’ jkun inċert, meta wieħed ikun irid jistabbilixxi minn liema regola jidderoga (117). Madankollu, huwa fi ħdan sistema fiskali ddefinita mill-qafas ta’ referenza, li ħafna drabi tkun is-sistema fiskali nazzjonali, li jeħtieġ li tinstab subsistema eventwali u, allura, eċċezzjonijiet jew derogi.

    189. Minkejja l-kritika msemmija hawn fuq, l-approċċ derogatorju jidhirli li huwa l-iktar konformi mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Fil-fatt, filwaqt li nammetti li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddeterminaw is-sistemi fiskali tagħhom, jidhirli li huwa ġustifikat li nqis li l-awtorità li l-Kummissjoni tieħu mill-Artikolu 87(1) KE għandha tkun limitata biss għal dawk il-miżuri li jidderogaw mis-sistema ġeneralment applikabbli.

    190. Minbarra dan, jiena tal-fehma li l-ġustifikazzjoni tal-approċċ li tiġi identifikata, inizjalment, sistema ġenerali u, sussegwentement, deroga minn din is-sistema, tirriżulta mil-loġika li fuqha huwa bbażat il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, li jirrikjedi li tiġi identifikata l-eżistenza tal-vantaġġ qabel ma jiġi kkonstatat jekk huwiex vantaġġ selettiv.

    VIII – Dwar il-metodu kkunsidrat sabiex tiġi stabbilita s-selettività tar-riforma fiskali – analiżi tal-aggravji

    A –    Fuq il-metodu li jippermetti li tiġi identifikata s-sistema fiskali “ġenerali” ta’ Stat Membru (118)

    1.      L-argumenti tal-Kummissjoni fit-tieni u t-tielet parti tal-uniku aggravju

    191. Permezz tat-tieni parti tal-uniku aggravju tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat b’mod żbaljat li hija kienet obbligata tidentifika, minn qabel, is-sistema fiskali komuni jew “normali” u, sussegwentement, li turi n-natura derogatorja tal-miżuri inkwistjoni fir-rigward ta’ din is-sistema. Approċċ bħal dan jinjora, skont il-Kummissjoni, il-possibbiltà li Stat Membru jew territorju awtonomu ta’ Stat Membru jistabbilixxi sistema fiskali intrinsikament diskriminatorja minħabba l-istess struttura tagħha. Fil-fatt, permezz ta’ għażla għaqlija tal-kriterji li għandhom jiġu applikati fis-sistema ta’ tassazzjoni hekk imsejħa “normali”, Ġibiltà irnexxielha, fil-fehma tagħha, tirriproduċi fil-biċċa l-kbira l-effetti ta’ sistema li tinkorpora manifestament għajnuna mill-Istat favur ċerti kategoriji ta’ impriżi (119).

    192. Skont il-Kummissjoni, l-ebda prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ma jimponi li jkun segwit l-approċċ deskritt mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiċħad in-natura vinkolanti tal-Komunikazzjoni tagħha tal-1998. B’risposta għall-intervent fil-qosor tar-Repubblika tal-Irlanda, il-Kummissjoni tosserva, ukoll, li l-Komunikazzjoni tal-1998 ma kinitx tipprevedi każ speċjali simili għal dak tas-sistema fiskali ta’ Ġibiltà, u li, fi kwalunkwe każ, ma tistax tidderoga mill-Artikolu 87 KE. Peress li l-ispeċifiċità tal-każ inkwistjoni teħtieġ approċċ innovattiv sabiex jiġi evitat difett fil-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, tali approċċ għandu jkun limitat għall-każijiet ta’ selettività partikolarment ċari.

    193. Permezz tat-tielet parti tal-uniku aggravju, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, issostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju li jgħid li l-miżuri nazzjonali għandhom ikunu eżaminati fir-rigward tal-effetti tagħhom u mhux tal-għan imfittex (120). Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet obbligata li tieħu bħala punt tat-tluq tal-analiżi tagħha s-sistema li l-Istat Membru jew it-territorju awtonomu jsostni li hija s-sistema komuni jew “normali” (121). Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta kkunsidrat li l-loġika inerenti għal sistema fiskali u s-sistema komuni jew “normali” previst minnha jistgħu jkunu identifikati b’riferiment għall-għanijiet allegatament segwiti mill-awtoritajiet nazzjonali jew lokali.

    194. B’risposta għall-argumenti tal-Irlanda, il-Kummissjoni ssostni li ma jkunx ġustifikat li wieħed jibża’ li l-Istati Membri ma jistgħux isegwu iktar għanijiet leġittimi permezz tas-sistema fiskali tagħhom, ladarba l-approċċ sostnut mill-Kummissjoni japplika biss f’każijiet eċċezzjonali, mingħajr madankollu ma jirregola dawn il-“każijiet eċċezzjonali”.

    2.      Il-kunsiderazzjonijiet

    195. Qabel kollox nosserva li fil-punti 143 sa 146 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qajmet punt ħieles minn kwalunkwe distorsjoni tal-kliem tal-Komunikazzjoni tal-1998 li minnha jirriżulta li l-kwalifika mill-Kummissjoni ta’ miżura fiskali bħala selettiva tissupponi, inizjalment, l-identifikazzjoni u l-eżami minn qabel tas-sistema komuni sabiex tkun tista’, fi stadju ieħor, tevalwa u tistabbilixxi n-natura selettiva tal-vantaġġ mogħti. Il-Qorti Ġenerali, sussegwentement, iċċitat b’mod korrett fil-punt 144 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza li tammetti l-ġustifikazzjoni tan-natura selettiva ta’ miżura permezz tan-natura jew l-istruttura tas-sistema fiskali li fiha tkun tinsab.

    196. Huwa fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 170 tas-sentenza appellata, ikkritikat lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-elementi ppreżentati mill-Government of Gibraltar u r-Renju Unit, li naqset milli tagħmel id-dmir tagħha ta’ analiżi tas-sistema fiskali inkwistjoni fir-rigward tal-Artikolu 87 KE.

    197. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għalkemm nammetti l-ħtieġa u l-legalità tal-approċċ derogatorju bbażat fuq analiżi komparattiva fir-rigward ta’ miżuri ta’ għajnuna indiretta li jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u minħabba l-iżviluppi msemmija iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkritikat lill-Kummissjoni li ma segwietx l-approċċ irrakkomandat fil-Komunikazzjoni tagħha tal-1998.

    198. Nosserva li f’dan il-każ, l-argument tal-Qorti Ġenerali huwa bbażat iktar fuq il-problema tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-qasam tat-tassazzjoni milli fuq is-sempliċi status tal-Komunikazzjoni tal-1998.

    199. Fi kwalunkwe każ, jirriżulta ċar mill-ġurisprudenza, li billi tadotta regoli ta’ gwida u billi tħabbar, permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom, li hija ser tapplikahom għall-każijiet milquta minnhom, il-Kummissjoni tillimita ruħha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tmur kontra r-regoli tagħha mingħajr ma tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħal dak tat-trattament ugwali jew tal-aspettattivi leġittimi (122). Il-qrati Komunitarji ddikjaraw diversi drabi li l-Kummissjoni kienet marbuta bil-komunikazzjonijiet tagħha dwar il-kwistjonijiet ta’ liġi tal-kompetizzjoni, pereżempju, fir-rigward ta’ multi (123).

    200. Minn din il-ġurisprudenza, fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, jirriżulta li l-Kummissjoni hija marbuta bil-linji gwida u l-komunikazzjonijiet li tadotta, sakemm dawn ma jmorrux kontra r-regoli tat-Trattat (124). Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax tkun marbuta b’mod definittiv mill-komunikazzjonijiet tagħha.

    201. Il-problema tan-natura intrinsikament diskriminatorja tas-sistema fiskali ta’ Ġibiltà kienet indirizzata impliċitament mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża; kien biss waqt is-seduta li l-Kummissjoni spjegat ruħha dwar dan is-suġġett.

    202. Fil-fehma tiegħi, li jiġi ammess it-tali approċċ ifisser li tkun qiegħda ssir rivoluzzjoni metodoloġika fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Skont dan l-approċċ, l-eżistenza ta’ vantaġġ ma jkunx jista’ jiġi iktar evalwat abbażi ta’ paragun bejn il-miżura u s-sistema fiskali ġeneralment applikabbli, iżda skont paragun bejn is-sistema fiskali kif inhi bħalissa u sistema oħra, ipotetika u li ma teżistix. Issa, approċċ bħal dan ikun jirrikjedi l-bini ta’ tertium comparationis fiskali għall-Unjoni sabiex ikun jista’ jiġi evalwat l-effett allegatament diskriminatorju li jirriżulta mill-għażliet magħmula fir-rigward tal-bażi tat-taxxa (jew fir-rigward ir-rata tat-taxxa) fil-qasam tat-tassazzjoni fuq in-negozju. Issa, kriterju komuni bħal dan ma jeżistix u l-applikazzjoni tal-qafas ġuridiku dwar l-għajnuna mill-Istat ma tiġġustifikax l-adozzjoni de facto ta’ tali miżura ta’ armonizzazzjoni fiskali (125).

    203. L-argument li jgħid li dan l-approċċ huwa applikabbli biss f’każijiet eċċezzjonali ma jistax ikun aċċettat. Il-metodoloġija legali stabbilita sa issa hija direttament ibbażata fuq l-istruttura tal-Artikolu 87(1) KE, u tidher konformi mal-għanijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Hija ma tistax tiġi abbandunata għas-sempliċi raġuni li ma twassalx għar-riżultat mixtieq mill-Kummissjoni fil-każ individwali.

    204. Fir-rigward tal-allegat żball ta’ liġi kkritikat mit-tielet parti tal-uniku aggravju tal-Kummissjoni, huwa ċar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-għan imfittex minn interventi tal-Istat ma huwiex biżżejjed sabiex teskludihom minnufih mill-kwalifika ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 87 KE. Fil-fatt, l-Artikolu 87(1) KE ma jiddistingwix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinihom skont l-effetti tagħhom (126).

    205. Madankollu, fil-qari tas-sentenza appellata, jien tal-fehma li l-allegazzjonijiet imsemmija fit-tielet parti tal-uniku aggravju tal-Kummissjoni huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-punti 145, 146 u 171 sa 174 tas-sentenza appellata.

    206. Fil-fatt, il-punt 145 ta’ din is-sentenza jagħmel parti mir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali sabiex tistabbilixxi fejn kienet ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tapplika t-tliet fażijiet tal-approċċ derogatorju fil-kuntest tal-eżami tan-natura selettiva tas-sistema inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali indikat li billi tillimita ruħha għat-tielet stadju tal-approċċ imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni tista’ ċċaħħad lill-Istat Membru kkonċernat mill-possibbiltà li jiġġustifika d-differenzi fis-sistema fiskali, peress li l-Kummissjoni la tkun identifikat minn qabel is-sistema komuni jew “normali” u lanqas ma tkun stabbiliet in-natura derogatorja tad-differenzi inkwistjoni. Barra minn hekk, ma hemm ebda evidenza li l-Qorti Ġenerali imponiet lill-Kummissjoni li ssegwi pożizzjoni ddefinita minn qabel mingħajr ma tagħmel użu mill-prerogattivi ta’ analiżi li jirriżultaw mit-Trattat.

    207. Fid-dawl tal-elementi msemmija hawn fuq, nipproponi li t-tieni u t-tielet parti tal-uniku aggravju tal-Kummissjoni jiġu miċħuda bħala infondati.

    B –    Fuq in-natura tal-eżami ta’ sistema fiskali li saret mill-Kummissjoni (127)

    1.      L-argumenti żviluppati fir-raba’ parti tal-uniku aggravju tal-Kummissjoni

    208. Permezz tar-raba’ parti tal-uniku aggravju, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja, tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat b’mod żbaljat li l-loġika inerenti għal sistema fiskali u s-sistema komuni jew “normali” fil-kuntest ta’ din is-sistema tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ tekniki differenti għal diversi persuni taxxabbli. Fil-fehma tagħha, approċċ bħal dan iwassal sabiex jitqies li kwalunkwe karatteristika tas-sistema, mingħajr kunsiderazzjoni għall-vantaġġ li tagħti lil ċerti benefiċjarji, hija awtomatikament parti integrali mis-sistema u mhux deroga u għalhekk, taħrab mill-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (128).

    209. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta li qajjmet il-kwistjoni tal-oneru tal-prova. Hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi mhux billi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx issodisfat l-oneru tal-prova impost fuqha, iżda billi eskludiet minnufih li s-sistema fiskali “normali” ta’ awtorità territorjali tista’ titqies li taqa’ taħt il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

    2.      Il-kunsiderazzjonijiet fuq ir-raba’ parti tal-uniku aggravju

    210. Permezz ta’ din ir-raba’ parti, il-Kummissjoni tikkritika l-punti 175 sa 183 tas-sentenza appellata. Skont il-punt 175 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali enfażizzat li la l-konstatazzjonijiet inklużi fid-deċiżjoni kontenzjuża u lanqas l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni u mir-Renju ta’ Spanja ma kienu biżżejjed sabiex iqiegħdu f’dubju l-fondatezza tad-definizzjoni tas-sistema komuni jew “normali” tas-sistema fiskali notifikata.

    211. Mill-punt 187 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-problema inkwistjoni hija marbuta mal-oneru tal-prova. Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, bħala prinċipju, il-Qorti Ġenerali għandha setgħa esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti. Barra minn hekk, hija biss tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-elementi li jkunu tressqu quddiemha, ladarba l-provi li hija tkun qieset insostenn ta’ dawn il-fatti jkunu nkisbu b’mod regolari u ladarba l-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli tal-proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati (129). Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss il-ġurisdizzjoni li teżerċita, skont l-Artikolu 225 KE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali (130).

    212. Fir-rigward tal-ewwel element tal-argument tal-Qorti Ġenerali msemmi fil-punt 176 tas-sentenza appellata, nosserva li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 177 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx ċaħdet suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi l-argument ta’ Ġibiltà li l-kundizzjoni li jkun hemm profitti kienet inerenti fil-loġika ta’ sistema bbażata fuq in-numru ta’ impjegati u l-ispazju okkupat. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali indikat fil-punt 178 tas-sentenza appellata li s-sempliċi affermazzjoni tal-Kummissjoni li, f’sistema fiskali kif proposta mill-awtoritajiet ta’ Ġibiltà, iktar ma impriża tkun timpjega persuni u iktar ma din tokkupa proprjetà, iktar l-obbligu fiskali tagħha għandu jkun kbir, ma hijiex biżżejjed sabiex titqiegħed f’dubju l-fondatezza tal-għażla magħmula mill-imsemmija awtoritajiet fir-rigward tal-elementi li jikkostitwixxu l-iskema komuni jew “normali” tal-imsemmija sistema fiskali.

    213. Fir-rigward tat-tieni element tal-argument tal-Qorti Ġenerali li jinsab fil-punti 179 sa 181 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kwalifika tas-sistema fiskali ta’ Ġibiltà bħala sistema ibrida ma turix fiha nnifisha li sistema bħal din ma tikkostitwixxix sistema komuni jew “normali”. Il-Qorti Ġenerali kkritikat ukoll lill-Kummissjoni u lir-Renju ta’ Spanja talli qajjmu argumenti purament ipotetiċi fir-rigward taż-żewġ għanijiet assenjati lis-sistema fiskali u lis-sistema komuni introdotti mir-riforma.

    214. Fir-rigward tat-tielet element tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 182 sa 185 tas-sentenza appellata, wara li ċċitat ċerti punti tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma żnaturathom, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-argumenti tal-Kummissjoni ma kinux tali li jqiegħdu f’dubju l-pożizzjoni tal-awtoritajiet ta’ Ġibiltà.

    215. Peress li f’dan il-każ il-Kummissjoni ma tallega ebda żnaturament tal-elementi li fuqhom tat iddeċidiet il-Qorti Ġenerali, ir-raba’ parti tal-uniku aggravju tista’ minnufih titqies bħala infondata.

    216. Għalkemm, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja dehrilha li kien utli li tiddeċiedi dwar il-konsegwenzi ta’ dritt li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali mill-argumenti ssollevati mill-Government of Gibraltar, jirriżulta b’mod ċar mill-punt 184 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali bbażat ir-rifjut tagħha tal-argumenti tal-Kummissjoni fuq l-iżball metodoloġiku li l-Kummissjoni allegatament wettqet, skont il-Qorti Ġenerali, f’din il-kawża.

    217. F’dan ir-rigward, filwaqt li naqbel mal-analiżi tal-Qorti Ġenerali rigward l-approċċ metodoloġiku żbaljat segwit mill-Kummissjoni, nosserva, mill-perspettiva tat-tqassim tal-oneru tal-prova, li kien id-dmir tal-Kummissjoni li tidentifika l-eżistenza ta’ miżura li tagħti vantaġġ ta’ natura selettiva. Sussegwentement, huwa l‑Istat Membru kkonċernat, li introduċa tali trattament differenti bejn impriżi fil-qasam tal-oneri fiskali li għandu juri li dan it-trattament differenti huwa effettivament iġġustifikat min-natura u mill-istruttura tas‑sistema inkwistjoni. (131). Issa, billi ma segwietx l-istadji meħtieġa sabiex tistabbilixxi n-natura selettiva tal-vantaġġ mogħti mir-riforma fiskali ta’ Ġibiltà, il-Kummissjoni għamlet l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju impossibbli.

    218. Għalhekk, sa fejn il-Kummissjoni ma segwietx ir-raġunament dwar l-identifikazzjoni tas-sistema komuni jew “normali” u tad-derogi tagħha, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 184 tas-sentenza appellata li hija kienet imponiet il-loġika tagħha stess fir-rigward tal-kontenut u l-funzjonament tas-sistema fiskali nnotifikata.

    219. Minbarra dan, kif jirriżulta mis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx ressqet argument plawżibbli sabiex wieħed jifhem kif sistema fiskali bħal din inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    220. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 122 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar il-miżuri maħsuba għall-ġlieda kontra t-tassazzjoni dannuża fl-Unjoni kif ukoll fid-dawl tal-kompetenzi tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni ma setgħux ikunu bbażati fuq is-sistema ta’ għajnuna mill-Istat tat-Trattat. Fil-fatt, l-Artikolu 87 KE għandu l-għan li jipprevjeni li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun affettwat minn vantaġġi mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi li, f’forom differenti, joħolqu distorsjoni jew jheddu li joħolqu distorsjoni fuq il-kompetizzjoni billi jiffavorixxu ċerti impriżi jew ċerti prodotti (132). Peress li ma stabbilixxietx tali vantaġġ, il-Kummissjoni ma tistax tikkritika l-ħolqien ta’ sistema fiskali minn Stat Membru jew minn territorju li fih japplika t-Trattat KE.

    221. Naturalment, jekk l-Istat jew it-territorju inkwistjoni jistabbilixxi sistema fiskali dannuża u jinvoka l-appartenenza tal-miżuri inkwistjoni għal sistema fiskali ġenerali bħala ġustifikazzjoni, din is-sistema taħrab mill-kontroll eżerċitat mill-Kummissjoni taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, każ bħal dan jaqa’ taħt ir-regoli tal-kodiċi tal-imġiba, peress li l-problema mqajjma minn tali sistema fiskali tirreferi għall-possibbiltà ta’ kompetizzjoni fiskali dannuża u mhux għas-sistema ta’ għajnuna mill-Istat.

    222. Għar-raġunijiet spjegati hawn fuq, nipproponi li tiġi miċħuda bħala infondata r-raba’ parti tal-uniku aggravju tal-Kummissjoni.

    3.      L-argumenti żviluppati fil-kuntest tal-ħames parti tal-uniku aggravju tal-Kummissjoni

    223. Permezz tal-ħames parti tal-uniku aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli b’mod żbaljat ikkunsidrat li l-Kummissjoni la identifikat is-sistema fiskali komuni jew “normali” u lanqas ma pprovat li l-karatteristiċi speċifiċi tar-riforma kienu jikkostitwixxu derogi għal din is-sistema. Fil-fatt, il-Kummissjoni identifikat b’mod ċar u regolari is-sistema fiskali nnotifikata bħala waħda bbażata fuq it-tassazzjoni tal-ħaddiema u tal-okkupazzjoni tal-postijiet tan-negozju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfażizza li l-motiv invokat għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma kienx nuqqas ta’ motivazzjoni, iżda żball ta’ liġi (133).

    224. Ir-Renju ta’ Spanja jikkunsidra li l-Kummissjoni għamlet eżami komplet tar-riforma fiskali, li kien jippermettilha tasal għall-konklużjoni li s-sistema normali hija s-sistema ta’ tassazzjoni tal-kumpanniji bbażata fuq il-kriterji tan-numru ta’ impjegati u tal-ispazju okkupat, suġġetta għall-applikazzjoni tal-limitu ta’ 15 % tal-profitti. Kriterji bħal dawn jiffavorixxu tipi differenti ta’ impriżi: dawk li ma għandhomx dħul, dawk li fin-nuqqas ta’ dan il-limitu jkunu intaxxati iktar kif ukoll l-impriżi off-shore.

    4.      Il-kunsiderazzjonijiet fuq il-ħames parti tal-uniku aggravju

    225. Għalkemm hija marbuta mat-tieni parti tal-uniku aggravju dwar l-applikazzjoni tal-approċċ metodoloġiku, il-ħames parti tirrigwarda pjuttost il-prova tal-identifikazzjoni tan-natura tas-sistema fiskali inkwistjoni. Madankollu, fir-rigward tar-risposta mogħtija fit-tieni parti tal-uniku aggravju, jidhirli minnufih li din il-parti ma tistax tiġi milqugħa, inkwantu l-kritika tal-Kummissjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata.

    226. Fil-fatt, meta oġġezzjonat lill-Kummissjoni talli ma segwietx l-approċċ deskritt fil-Komunikazzjoni tal-1998, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx li l-Kummissjoni kienet naqset milli tagħmel analiżi ddettaljata tas-sistema fiskali inkwistjoni. Għall-kuntrarju, bosta punti tas-sentenza appellata jirrepetu siltiet mid-deċiżjoni kontenzjuża, li jikkonferma għalhekk li l-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni tal-eżami li sar mill-Kummissjoni.

    227. Għall-finijiet tal-analiżi tal-ħames parti tal-uniku aggravju tal-Kummissjoni, għandu jiġi madankollu ddeterminat biss jekk il-Kummissjoni kkonformatx ruħha mal-prinċipji ta’ analiżi tas-selettività mfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punti 143 sa 145 tas-sentenza appellata. Sa fejn il-Kummissjoni nnifisha targumenta fl-appell tagħha favur l-applikazzjoni ta’ metodu ad hoc li jiddevja minn dawn il-prinċipji, il-ħames parti tal-uniku aggravju tidher manifestament infondata.

    IX – It-tliet elementi ta’ selettività kkonstatati fid-deċiżjoni kontenzjuża

    A –    L-argumenti żviluppati fis-sitt parti tal-uniku aggravju tal-Kummissjoni kif ukoll fit-tmien aggravju tar-Renju ta’ Spanja

    228. Permezz tas-sitt parti tal-uniku aggravju, li huwa kkwalifikat bħala “essenzjali” mill-Kummissjoni nfisha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina t-tliet elementi ta’ selettività kkonstatati fid-deċiżjoni kontenzjuża, billi naqset b'mod partikolari milli tanalizza l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni bbażati fuq l-effetti konkreti tal-miżura, jiġifieri li hija tipprovdi livelli ta’ tassazzjoni differenti għal diversi setturi tal-ekonomija ta’ Ġibiltà u li hija tagħti vantaġġ selettiv lill-impriżi tal-ekonomija off-shore li ma għandhomx impjegati u li ma jokkupawx bini f’Ġibiltà.

    229. Il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx pożizzjoni dwar l-aspetti selettivi identifikati, minkejja li rriproduċiet il-partijiet rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata fil-punti 157 sa 162 tas-sentenza appellata. Huwa biss il-punt 186 tas-sentenza appellata li jinkludi osservazzjoni f’dan ir-rigward, iżda l-ġurisprudenza invokata ma hijiex relevanti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tammetti li paragun mas-sistema preċedenti ma huwiex rilevanti fih innifsu għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-selettività ta’ miżura, iżda tfakkar li hija enfażizzat, meta rreferiet għas-sistema preċedenti, li s-sistema eżaminata fid-deċiżjoni kontenzjuża kienet intiża li żżomm fis-seħħ is-sitwazzjoni preċedenti, billi tipproduċi l-istess effetti filwaqt li tuża teknika differenti. Fil-qosor, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jagħti piż deċiżiv lil kunsiderazzjonijiet tekniċi fiskali għad-detriment tal-kontenut waqt li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-effetti tagħha.

    230. Il-Government of Gibraltar u l-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidraw bħala żbaljat l-argument tal-Kummissjoni fejn hija tgħid li s-sistema fiskali għandha titqies bħala selettiva minħabba l-fatt li l-ekonomija off-shore ma hijiex intaxxata. Fil-fatt, f’kull sistema fiskali, il-kumpanniji li ma għandhomx bażi taxxabbli li tikkorrispondi għal dik iddefinita mis-sistema fiskali nazzjonali ma jħallsux taxxa f’dan it-territorju. B’hekk, l-argument tal-Kummissjoni jammonta għal impożizzjoni fuq l-Istati Membri, bi ksur tas-sovranità fiskali tagħhom, tal-argumenti tagħha dwar l-għażla tal-bażi fiskali. Il-fatt li tipi differenti ta’ kumpanniji huma intaxxati b’mod differenti ma jippermettix, fih innifsu, li jiġi konkluż li hemm selettività.

    231. Permezz tat-tmien aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) KE ma kinux sodisfatti mill-perspettiva tas-selettività materjali. Fil-fatt, il-maġġoranza kbira tal-impriżi stabbiliti f’Ġibiltà, jiġifieri 28 798 minn 29 000, waslu sabiex kisbu rata ta’ taxxa żero. B’hekk, is-sistema li l-Qorti Ġenerali tikkwalifika bħala “ġenerali” hija, fir-realtà, sistema speċjali li toħloq “selettività de facto”.

    B –    Il-kunsiderazzjonijiet

    232. Is-sitt parti tal-uniku aggravju tal-Kummissjoni donnu jallega nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżerċita l-kontroll tagħha f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-appell.

    233. Fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat tliet elementi ta’ selettività, li huma miġbura fil-qosor fil-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fir-rigward tal-vantaġġ selettiv li seta’ ngħata lill-impriżi tal-ekonomija off-shore li ma għandhomx impjegati u ma jokkupawx bini f’Ġibiltà, il-Kummissjoni sostniet li s-sistema tippreżenta wkoll selettività materjali billi żżomm de facto livelli ta’ taxxa baxxi ħafna għall-“kumpanniji eżenti” u, b’mod iktar ġenerali, billi tipprovdi livelli ta’ taxxa differenti skont is-setturi, li jagħti vantaġġ selettiv lill-impriżi li jappartjenu għas-setturi li għalihom huma applikabbli rati inqas għolja. Il-Kummissjoni, konsegwentement, ikkunsidrat li s-sistema kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna mill-Istat u li, peress li ebda waħda mid-derogi previsti mit-Trattat ma kienet applikabbli, l-għajnuna kienet inkompatibbli mas-suq komuni.

    234. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qabel kollox fakkret, fil-punti 143 sa 146 tas-sentenza appellata, il-prinċipji li fil-fehma tagħha jirregolaw l-eżami tan-natura selettiva ta’ miżura fiskali li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Sabiex tevalwa jekk il-Kummissjoni kkonformatx ruħha ma’ dawn il-prinċipji, il-Qorti Ġenerali ċċittat, mingħajr ma żnaturathom, is-siltiet rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata fil-punti 148 sa 162 tas-sentenza appellata.

    235. Fil-punti 163 sa 168 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet analizi tal-vantaġġ selettiv billi ppreżentat l-argument sostnut prinċipalment mill-Government of Gibraltar li jgħid li l-elementi kollha msemmija iktar ’il fuq tar-riforma fiskali jikkostitwixxu sistema fiskali parzjalment sħiħa li għandha titqies bħala sistema fiskali komuni jew “normali” introdotta fit-territorju ta’ Ġibiltà. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, ma hemmx rati “normali” ta’ tassazzjoni u ma hemmx taxxa “prinċipali” u taxxa “sekondarja” jew “derogatorja”. Il-piż fiskali ta’ kumpannija matul sena partikolari huwa stabbilit skont żewġ elementi relatati: minn naħa, in-numru ta’ impjegati u l-ispazju ta’ proprjetà okkupata mill-kumpannija, u min-naħa l-oħra, u l-profitti miksuba minnha.

    236. Huwa fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni li l-Qorti Ġenerali kkritikat lill-Kummissjoni, fil-punt 170 tas-sentenza appellata, li ma wettqitx l-obbligu tagħha li tidentifika minn qabel u, jekk ikun il-każ, li tikkontesta l-kwalifika mill-awtoritajiet ta’ Ġibiltà tas-sistema komuni jew “normali” tas-sistema nnotifikata.

    237. Sa fejn il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonfutat il-metodu ad hoc tal-Kummissjoni, jidhirli li hija ma wettqitx żball ta’ liġi billi naqset milli tanalizza l-aspetti kkunsidrati bħala selettivi mill-Kummissjoni.

    238. Peress li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat bħala żbaljata l-metodoloġija nnifisha użata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, kien aċċettabbli li hija tillimita ruħha sabiex tikkonstata, kif jirriżulta mill-punt 187 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet l-eżistenza ta’ vantaġġi selettivi li jirriżultaw mit-tliet aspetti kontenzjużi tar-riforma fiskali.

    239. Barra minn hekk, l-argument tar-Renju ta’ Spanja dwar is-“selettività de facto” tas-sistema fiskali inkwistjoni ma jistax jiġi aċċettat, peress li jissepara l-kunċett ta’ għajnuna fiskali mill-għoti ta’ vantaġġ, li, għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, huwa eskluż fin-nuqqas ta’ determinazzjoni preliminari ta’ sistema li tikkostitwixxi qafas ta’ referenza. Barra minn hekk, mill-perspettiva tal-effetti ekonomiċi tagħha, is-sistema ta’ Ġibiltà tidher pjuttost li għandha l-iskop li tagħti “żvantaġġi selettivi” peress li inqas minn 1 % tal-kumpanniji huma effettivament intaxxati.

    240. Konsegwentement, nipproponi li s-sitt parti tal-uniku aggravju tal-Kummissjoni kif ukoll it-tmien aggravju tal-appell tar-Renju ta’ Spanja jiġu miċħuda.

    X –    Fuq il-ksur tat-terminu raġonevoli u n-nuqqas ta’ sospensjoni tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali (134)

    A –    L-argumenti

    241. Permezz tal-għaxar aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka l-ksur tad-dritt ta’ kull persuna, stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li tingħata deċiżjoni ġudizzjarja fi żmien raġonevoli, u, b’mod partikolari, id-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli. Fil-fatt, is-sentenza ngħatat 54 xahar wara li l-kawża tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali, minkejja l-fatt li kellha tingħata trattament prijoritarju. Jidher li din iċ-ċirkustanza kellha effett fuq il-kawża peress li t-tul eċċessiv tal-proċedura ppermetta lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti s-sentenza tagħha fil-kawża Açores fi żmien meta l-Qorti Ġenerali suppost kienet diġà tat deċiżjoni.

    242. Il-ħdax-il aggravju tar-Renju ta’ Spanja jallega ksur tal-Artikolu 77(a) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, inkwantu din tal-aħħar ma ordnatx formalment is-sospensjoni tal-proċedura wara li semgħet lill-partijiet, minnflok ma “ħallietha rieqda”. Fil-fatt, peress li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat il-kawża mingħajr ma ssospendiet il-kawża formalment, ċaħħdet lill-partijiet mill-possibbiltà mogħtija fl-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom qabel ma l-Qorti Ġenerali tipproċedi biex tissospendi l-kawża.

    B –    Il-kunsiderazzjonijiet

    243. Qabel kollox, nixtieq nippreċiża l-portata tal-Artikolu 6 tal-KEDB sabiex sussegwentement niddikjara l-pożizzjoni tiegħi dwar il-possibbiltà ta’ ksur tad-dritt li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors f’terminu raġonevoli fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja quddiem il-Qorti Ġenerali.

    244. Fir-rigward tal-irregolarità invokata fil-kuntest tal-għaxar motiv, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tal-KEDB jipprovdi li kull persuna għandha dritt li għal smigħ xieraq, pubbliku, u f’terminu raġonevoli, minn qorti indipendenti u imparzjali mwaqqfa bil-liġi, li tiddeċiedi kontestazzjonijiet fuq id-drittijiet u l-obbligi tagħha ta’ natura ċivili, jew fuq il-fondatezza ta’ kull akkuża kriminali diretta kontra tagħha (135).

    245. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-garanzija li tinsab fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB huwa mqajjem mill-gvern ta’ Stat Membru. Issa, inqis li suġġett irregolat mid-dritt pubbliku, fl-eżerċizzju tal-prerogattivi tiegħu u li jgawdi mill-istatus ta’ Stat kontraenti, ma jistax jinvoka direttament id-dispożizzjonijiet tal-KEDB b’mod li jikseb vantaġġ għalih innifsu.

    246. Fi ħdan is-sistema tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-Artikolu 34 tal-KEDB jeskludi l-ammissibbiltà tar-rikorsi mressqa minn korpi pubbliċi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem tagħhom (136). Barra minn hekk, nikkunsidra li jirriżulta mill-Artikolu 1 tal-KEDB li l-Istati huma l-garanti tad-drittijiet elenkati fil-Konvenzjoni, u mhux il-benefiċjarji diretti tad-dispożizzjonijiet tagħha. Fihom huma ma jsibux is-sors tal-protezzjoni tagħhom, iżda s-sors tal-obbligi tagħhom.

    247. Dan ir-raġunament japplika wkoll, fil-fehma tiegħi, mutatis mutandis, fir-rigward tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (137). Fil-fatt, l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri huma marbuta bil-Karta, li jeskludi li huma jgawdu mid-drittiijiet iggarantiti minnha.

    248. Din il-konstatazzjoni ta’ prinċipju ma teskludix li dispożizzjoni tal-Karta tista’ tirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt li jipproteġi wkoll lill-Istati Membri. Madankollu, minn perspettiva kunċettwali, huwa importanti li tinżamm distinzjoni bejn, minn naħa, is-suġġetti li huma marbuta mad-drittijiet fundamentali, jiġifieri s-suġġetti passivi u min-naħa l-oħra, dawk li jibbenefikaw minnhom, jiġifieri s-suġġetti attivi, jiġifieri l-persuni fiżiċi u ġuridiċi ħlief għall-entitajiet pubbliċi li jeżerċitaw setgħat pubbliċi.

    249. Il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxi li kull persuna għandha dritt għal smigħ xieraq, li huwa ispirat minn dawn id-drittijiet fundamentali, u b’mod partikolari mid-dritt għal smigħ f’terminu raġonevoli, huwa applikabbli fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju (138). Fil-fatt, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (139) , u li ġie kkonfermat ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    250. B’hekk jidher li d-drittijiet marbuta mal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari, id-dritt għal smigħ xieraq, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u d-dritt għal smigħ, jistgħu jiġu invokati utilment ukoll minn suġġetti tad-dritt bħall-Istati Membri fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji (140).

    251. Fis-sentenza Der Grüne Punkt ‑ Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni (141), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza biex tistħarreġ jekk il-Qorti Ġenerali kkommettitx irregolaritajiet proċedurali li ppreġudikaw l-interessi tar-rikorrenti u għandha tiżgura li jkunu ġew rispettati l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (142). Madankollu, għandu jiġi mfakkar li r-raġonevolezza tat‑terminu li fih tingħata deċiżjoni għandha tiġi evalwata skont iċ‑ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ, bħal ma huma l‑kumplessità tal‑kawża u l‑aġir tal‑partijiet (143).

    252. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-lista tal-kriterji rilevanti ma hijiex eżawrjenti, u li l-evalwazzjoni tar-raġonevolezza ta’ dan it-terminu ma tirrikjedix eżami sistematiku tal-fatti tal-każ fid-dawl ta’ kull wieħed minn dawn il-kriterji, meta t-tul tal-proċeduri jkun jidher ġustifikat fir-rigward ta’ wieħed minnhom. B’hekk, il‑kumplessità tal‑kawża jew l‑aġir tar‑rikorrent li joħloq dewmien jistgħu jitqiesu li jiġġustifikaw terminu li prima facie jkun jidher twil wisq (144).

    253. F’dan il-każ, it-tul tal-proċedura kellu bħala punt ta’ tluq il-preżentata, fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, tar-rikorsi għal annullament mill-Government of Gibraltar u r-Renju Unit, fid-9 ta’ Ġunju 2004. Il-proċedura ngħalqet fit-18 ta’ Diċembru 2008, id-data meta ngħatat is-sentenza appellata. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali b’hekk damet madwar erba’ snin u sitt xhur.

    254. B’hekk ma jidhirlix li t-tul tal-proċedura jista’ jitqies bħala partikolarment twil għal kawża ta’ tali livell ta’ kumplessità u ta’ importanza. Barra minn hekk, l-argument tar-Renju ta’ Spanja ma jidhirlix li huwa konvinċenti fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ dan it-tul fuq l-eżitu tal-kawża. Għall-kuntrarju, il-kumplessità u l-isfidi tal-kawża li kellha quddiemha l-Qorti Ġenerali pjuttost jimmilitaw, fil-fehma tiegħi, favur ġustifikazzjoni tat-tul tal-proċedura.

    255. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li f’dan il-każ ma jistax jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt għal smigħ xieraq fi żmien raġonevoli.

    256. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ħdax-il aggravju, jidhirli li ebda ksur tad-drittijiet tal-partijiet fil-proċedura ma jista’ jiġi allegat. Effettivament, dan kien ikun il-każ li kieku l-Qorti Ġenerali kienet issospendiet il-proċedura mingħajr ma tkun semgħet lill-imsemmija partijiet qabel. Issa, il-fatt li ma applikatx l-Artikolu 78 tar-Regoli tal-proċedura ma jimplika ebda ksur ta’ regola proċedurali li jikkostitwixxi żball ta’ liġi li jaqa' taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell.

    XI – Konklużjoni

    257. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

    –        tiċħad bħala inammissibbli l-oġġezzjoni tar-Renju ta’ Spanja dwar ksur tal-Artikoli 5 KE u 370 KE;

    –        tiċħad barra minn hekk l-appelli tal-Kummissjoni Ewropea fil-kawża C‑106/09 u tar-Renju ta’ Spanja, fil-kawża C‑107/09;

    –        tikkundanna lil kull parti għall-ispejjeż tagħha.


    1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


    2 – (ĠU 2005 L 85, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”)


    3 – Sa fejn is-sentenza appellata ngħatat fit-18 ta’ Diċembru 2008, ir-riferimenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE jsegwu l-enumerazzjoni applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


    4 – Permezz ta’ dan il-kunċett ta’ sistema “intrinsikament diskriminatorja”, il-Kummissjoni tifhem sistema fiskali li bl-istruttura tagħha stess tagħti vantaġġ lil kategorija waħda jew iktar ta’ impriżi permezz ta’ għażla tal-kriterji li għandhom ikunu applikati fis-sistema ta’ tassazzjoni allegatament “normali”.


    5 – Avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna tal-istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 277, iktar ’il quddiem “il-Komunikazzjoni tal-1998”).


    6 – Għalkemm nammetti li, skont il-ġurisprudenza, il-kwalifika ta’ miżura Statali fir-rigward tal-Artikolu 87 KE għandha tkun ibbażata fuq l-effetti ekonomiċi tagħha fuq il-kompetizzjoni mingħajr ma tista’ tiġi kkontestata n-natura selettiva tal-miżura mill-għadd sinjifikanti ta’ impriżi li jistgħu jippretendu li jibbenefikaw mill-miżura (ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Heiser, C‑172/03, Ġabra p. I‑1627, punt 42), xorta jibqa’ l-fatt li jekk l-effetti ekonomiċi jkunu determinanti, miżura li tkopri kważi l-impriżi kollha ma tistax tiġi kklassifikata bħala vantaġġ selettiv.


    7 – Ta’ min jinnota li, qabel din in-notifika, fil-11 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 88(2) KE, kontra żewġ liġijiet applikati għal Ġibiltà relatati mat-taxxa fuq il-kumpanniji u li jirrigwardaw, rispettivament, il-“kumpanniji eżenti” (ĠU 2002, C 26, p. 13) u l-“kumpanniji kwalifikanti” (ĠU 2002, C 26, p. 9). Permezz ta’ sentenza tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il-Kummissjoni (T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra p. II‑2309), il-Qorti Ġenerali, minn naħa, annullat id-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-kumpanniji eżenti u, min-naħa l-oħra, ċaħdet it-talba għal annullament imressqa kontra d-deċiżjoni ta’ ftuħ fir-rigward tal-kumpanniji kwalifikanti. Fis-27 ta’ April 2002, il-Government of Gibraltar ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jdaħħal sistema fiskali kompletament ġdida għall-kumpanniji kollha ta’ Ġibiltà. Din ir-riforma tat-taxxa fuq il-kumpanniji mill-Government of Gibraltar hija s-suġġett ta’ din il-kawża.


    8 – Il-leġiżlazzjoni dwar ir-riforma fiskali għandha tiġi applikata mill-Government of Gibraltar wara li tkun ġiet adottata mill-House of Assembly. Ta’ min jinnota, barra minn hekk, li, skont il-kummenti tal-Government of Gibraltar, f’Ġunju 2009, iċ-Chief Minister of Gibraltar ħabbar li r-riforma ma kinitx sejra tidħol fis-seħħ, iżda li sistema ġdida ta’ taxxa fuq il-kumpanniji kienet ser tidħol fis-seħħ fl-2010.


    9 – L-ewwel sas-seba’ u d-disa’ aggravji tal-appell tar-Renju ta’ Spanja.


    10 – Sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Chemie Linz vs Il-Kummissjoni (C‑245/92 P, Ġabra p. I‑4643).


    11 – Sentenza tal-11 ta’ Frar 1999, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni (C‑390/95 P, Ġabra p. I‑769, punti 21 u 22).


    12 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni (C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punti 34 u 35), kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill (C‑76/01 P, Ġabra p. I‑10091, punti 46 u 47). Ara wkoll is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 2006, Comunità montana della Valnerina vs Il-Kummissjoni (C‑240/03 P, Ġabra p. I‑731, punti 105 u 106), u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, Ġabra p. I‑9555, punt 24).


    13 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2002, ARAP et vs Il-Kummissjoni (C‑321/99 P, Ġabra p. I‑4287, punt 49); tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni (C‑487/06 P, Ġabra p. I‑10505, punti 121 et seq), u Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 25). Ara wkoll is-sentenza Comunità montana della Valnerina vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 107), kif ukoll, ex multis, id-digrieti tal-11 ta’ Novembru 2003, Martinez vs Il-Parlament (C‑488/01 P, Ġabra p. I‑13355, punt 39), u tat-13 ta’ Lulju 2006, Front national et vs Il-Parlament u l-Kunsill (C‑338/05 P, punt 23).


    14 – Sentenza tat-30 ta’ Settembru 1982, Amylum vs Il-Kunsill (108/81, Ġabra p. 3107, punt 25).


    15 – Sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix (C‑166/95 P, Ġabra p. I‑983, punt 24).


    16 – Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 369 sa 379).


    17 – Konsegwentement, l-elementi ta’ ġurisprudenza li jirrigwardaw ir-rikorsi indiretti, bħall-kawżi preliminari, ma jidhrux li huma wisq deċiżivi (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C‑475/99, Ġabra p. I‑8089, punt 10; tat-2 ta’ Ġunju 2005, Dörr u Ünal, C‑136/03, Ġabra p. I‑4759, punt 46; tat-22 ta’ Ġunju 2006, Conseil général de la Vienne, C‑419/04, Ġabra p. I‑5645, punt 24, kif ukoll tal-14 ta’ Frar 2008, Dynamic medien, C‑244/06, punt 19).


    18 – Kawża 1/58 kif ukoll il-kawżi magħquda 36/59 sa 38/59 u 40/59.


    19 – Ara, fil-qasam tal-liġi tat-trade marks, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Diċembru 2010, Tresplain Investments vs UASI–Hoo Hing (Golden Elephant Brand) (T‑303/08, Ġabra p. II‑5659); tal-14 ta’ Mejju 2009, Fiorucci vs UASI–Edwin (ELIO FIORUCCI) (T‑165/06, Ġabra p. II‑1375). Din is-sentenza kienet is-suġġett ta’ appell, irreġistrat bin-numru tal-kawża C‑263/09 P; ara l-punti 49 sa 78 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott tas-27 ta’ Jannar 2011 f’din il-kawża. Ara, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Lulju 2009, Evropaïki Dynamiki vs BĊE (T‑279/06). Dan id-digriet kien is-suġġett ta’ appell irreġistrat bin-numru tal-kawża C‑401/09 P; ara l-punti 66 sa 76 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi tas-27 ta’ Jannar 2011 f’din il-kawża. Ara wkoll, reċentement, fil-qasam tal-klawżola ta’ arbitraġġ: is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ġunju 2009, ArchiMEDES vs Il‑Kummissjoni (T‑396/05 u T‑397/05) kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 2010, ArchiMEDES vs Il-Kummissjoni (C‑317/09 P, Ġabra p. I‑150); is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Acentro Turismo (T‑460/08, Ġabra p. II‑6351), u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Systran u Systran Luxembourg vs Il-Kummissjoni (T‑19/07, Ġabra p. II‑6083). Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, Klawżola ta’ arbitraġġ, Europe, Jannar 2011, p. 19.


    20 – Ninnota li d-differenza prinċipali bejn l-ewwel u t-tieni każ inkwistjoni hija bbażata fuq ir-res judicata li għandha, fil-fehma tiegħi, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fl-ewwel ipoteżi. Fit-tieni ipoteżi, is-sentenza għandha awtorità kunsiderevoli fil-fatti, iżda ma tistabbilixxix b’mod definittiv il-konklużjonijiet ġuridiċi li jirriżultaw mill-fatti legalment rilevanti tal-kawża skont dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali.


    21 – Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ April 2004, M vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (T‑172/01, Ġabra p. II‑1075) kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ April 2005, Gaki‑Kakouri vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (C‑243/04 P). Ara wkoll, fir-rigward il-ġurisprudenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2010, W vs Il-Kummissjoni (F‑86/09, Ġabra p. I‑0000) dwar l-analiżi tal-kunċett ta’ aċċess għaż-żwieġ ċivili u l-implikazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet tal-ordinament ġuridiku ta’ pajjiż terz. Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2010, Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni (T‑163/05, Ġabra p. II‑387)) fejn il-Qorti Ġenerali jmissha eżaminat id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ.


    22 – F’dak li jirrigwarda l-istatus ta’ avukat, ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Frar 2005, ET vs UASI ‑ Aparellaje eléctrico (UNEX) (T‑445/04, Ġabra p. II‑677, punti 7 u 9); is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2005, Cargo Partner vs UASI (CARGO PARTNER) (T‑123/04, Ġabra p. II‑3979, punti 20 u 22); id-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2004, Alto de Casablanca vs UASI ‑ Bodegas Chivite (VERAMONTE) (T‑14/04, Ġabra p. II‑3077, punt 11); sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ġunju 2005, Wilfer vs UASI (ROCKBASS) (T‑315/03, Ġabra p. II‑1981, punt 11), u tat-3 ta’ Frar 2010, Enercon vs UASI–Hasbro (ENERCON) (T‑472/07, punti 12 sa 15), kif ukoll id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2009, Hasbro (C‑59/09 P).


    23 – Pereżempju, fil-punt 82 tas-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Unión General de Trabajadores de la Rioja (C‑428/06 sa C‑434/06, Ġabra p. I‑6747), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “huma r-regoli applikabbli, kif interpretati mill-qrati nazzjonali, li jiddeterminaw il-limiti tal-kompetenzi ta’ entità infrastatali u li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk din tal-aħħar għandhiex awtonomija suffiċjenti”.


    24 – Fil-punti 98 sa 100 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat id-dispożizzjonijiet nazzjonali flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Ma għandhiex tkun il-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni esklużiva li jipprovdi l-Artikolu 220 KE, li tivverifika l-legalità ta’ tali att adottat mill-korp internazzjonali. Ara s-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 287). Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-kwalifika ta’ Ġibiltà bħala “territorju barrani” fil-liġi kostituzzjonali Brittanika adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 5 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Spanjol juża l-istess kwalifika. Ara, f’dan ir-rigward, “The Question of Gibraltar”, Govierno de España, Ministerio de asuntos exteriores y de cooperación, Madrid 2008, p. 15.


    25 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑88/03, Ġabra p. I‑7115) (iktar ’il quddiem is-sentenza “Açores”).


    26 – Għandu jiġi enfażizzat li l-firxa ġeografika ta’ Ġibiltà hija s-suġġett ta’ tilwima bejn ir-Renju Unit u r-Renju ta’ Spanja, b’dan tal-aħħar ma jirrikonoxxix l-appartenenza tal-istmu li jgħaqqad il-blata ta’ Ġibiltà mal-penisola Iberika għat-territorju ċedut lill-Kuruna Ingliża mir-Renju ta’ Spanja skont it-Trattat ta’ Utrecht tal-1713.


    27 – Meta nħolqot il-Komunità Ekonomika Ewropea fl-1957, id-dispożizzjoni tal-imsemmi paragrafu 4 ma kienet issemmi l-ebda ipoteżi konkreta, iżda pjuttost stabbilixxiet forma ta’ petizzjoni ta’ prinċipju, wirt tat-Trattat KEFA li kien jinkludi l-istess dettall fl-Artikolu 79 tiegħu, dettall li, fl-1951, kien maħsub sabiex ikopri l-każ tas-Saar. Kienet l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Komunitajiet li ppermettietilha tikseb portata utli. Ara, f’dan ir-rigward, J. Ziller, “Champ d’application du droit communautaire”, Juris Classeur, ed. 1991, Nru 36.


    28 – (ĠU 1972, L 73, p. 14). Ġibiltà għalhekk tgawdi minn deroga. Ara wkoll ir-rapport speċjali nru 2/93 tal-Qorti tal-Awdituri dwar it-territorju doganali Komunitarju (ĠU 1993 C 347). Għandu jiġi enfażizzat li għalkemm ma hija prevista l-ebda deroga espliċita f’dak li jirrigwarda r-regoli tal-kompetizzjoni, l-esklużjoni ta’ Ġibiltà mill-Unjoni doganali tinvolvi restrizzjonijiet ratione materiae f’dan il-qasam. Ara, f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑30/01, Ġabra p. I‑9481).


    29 – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir-Renju Unit (C‑145/04, Ġabra p. I‑7917, punti 14 sa 19).


    30 – Ara s-sentenza Spanja vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar ’il fuq (punti 14 sa 19).


    31 – S. Lincoln, “The Legal Status of Gibraltar, Whose Rock is it anyway? ”, Fordham International Law Journal, 1994‑1995, Vol. 18, nru 1‑5, p. 285‑330, p. 319.


    32 – Il-preambolu jgħid “this order […] gives the people of Gibraltar that degree of self‑government which is compatible with British sovereignty of Gibraltar and with the fact that the United Kingdom remains fully responsible for Gibraltar’s external relations”.


    33 – Iż-żewġ referenda l-oħrajn saru fl-1967 u fl-2002. Ninnota li l-Kostituzzjoni tal-2007 ma kinitx applikabbli fil-każ inkwistjoni.


    34 – L. Lombart, “Gibraltar et le droit à autodétermination – perspectives actuelles”, Annuaire français du droit international, LIII‑2007, p. 157.


    35 – Sentenza ċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25.


    36 – Konklużjonijiet fil-kawża Açores (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punt 54).


    37 – Sentenza “Açores” iċċitata iktar ’il fuq (punti 67 u 68).


    38 – Sentenza UGT‑Rioja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51).


    39 – Ninnota li, fl-Istati b’deċentralizzazzjoni simetrika, li tikkostitwixxi mudell tas-sovranità fiskali kondiviża, ma hemmx sistema ta’ referenza komuni fuq livell nazzjonali. Fil-fatt, f’sistema ta’ deċentralizzazzjoni simetrika, bħal fil-każ ta’ Stat Federali, il-poteri jitqassmu b’mod uniformi. Id-deċentralizzazzjoni asimetrika, min-naħa l-oħra, għandha mudell fejn hemm entitajiet infrastatali li jibbenefikaw minn poteri awtonomi, filwaqt li l-bqija tat-territorju tal-Istat Membru jkun suġġett għal sistema ġenerali. Ara l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni li jinsabu fil-punti 22 sa 24 tas-sentenza Açores, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll l-argumentazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinsab fil-punti 64 sa 65 tal-istess sentenza.


    40 – Nikkunsidra li l-kunċett ta’ entità intra jew infrastatali fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat jirreferi għas-suġġetti tad-dritt pubbliku minbarra għall-Istati sovrani.


    41 – Sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C‑286/90, Ġabra p. I‑6019); tal-5 ta’ Lulju 1994, Anastasiou et (C‑432/92, Ġabra p. I‑3087, punt 43); tat-2 ta’ Awwissu 1993, Levy (C‑158/91, Ġabra p. I‑4287, punt 19); tad-9 ta’ Awwissu 1994, Franza vs Il‑Kummissjoni (C‑327/91, Ġabra p. I‑3641, punt 25). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Jannar 1997, Opel Austria vs Il-Kunsill (T‑115/94, Ġabra p. II‑39, punti 79, 90 sa 93).


    42 – Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke (C‑162/96, Ġabra p. I‑3655). Il-prinċipju tal-osservanza tad-dritt internazzjonali ġie affermat mill-ġdid dan l-aħħar fis-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 291).


    43 – Ara s-sentenza Açores iċċitata iktar ’il fuq, punt 57.


    44 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punt 59); tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun vs Il-Kummissjoni (C‑68/05 P, Ġabra p. I‑10367, punt 96), kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2009, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C‑564/08 P, Ġabra p. I‑191, punt 22).


    45 – Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1959, Société des fonderies de Pont‑à‑Mousson vs L‑Awtorità Għolja (14/59, Ġabra p. 445). Ara wkoll, ex multis, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑304/01, Ġabra p. I‑7655), punt 31); tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match (C‑210/03, Ġabra p. I‑11893, punt 70), u tal-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni (C‑110/03, Ġabra p. I‑2801, punt 71).


    46 – Sentenzi Açores, iċċitata iktar ’il fuq (punt 67) kif ukoll UGT–Rioja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 51).


    47 – Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 50).


    48 – Sentenza tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni (C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 54).


    49 – Sentenza UGT‑Rioja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 129).


    50 – Sentenza UGT‑Rioja, iċċitata iktar ’il fuq (punti 53 sa 60): “Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-punti 58 u 66 tas-sentenza Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma jistabbilixxu l-ebda kundizzjoni preliminari għall-implementazzjoni tat-tliet kriterji ppreċiżati fil-punt 67 tal-istess sentenza”.


    51 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 90).


    52 – Is-sitt partijiet tal-uniku aggravju tal-Kummissjoni u t-tmien aggravju tar-Renju ta’ Spanja.


    53 – A. Carlos dos Santos, “Aides d’État, Code de conduite et concurrence fiscale dans l’Union européenne”, Revue internationale de Droit Économique, 2004, p. 9 sa 45.


    54 – Rapport OKŻE – kompetizzjoni fiskali dannuża, punt 47.


    55 – Skont ir-rapport tal-OKŻE, erba’ fatturi essenzjali jgħinu sabiex jiġu identifikati s-sistemi fiskali preferenzjali dannużi: a) ir-rata ta’ taxxa effettiva imposta mis-sistema fuq id-dħul ikkunsidrat tkun baxxa jew żero; b) is-sistema tkun “limitata”; ċ) il-funzjonament tas-sistema ma huwiex trasparenti; d) il-pajjiż li japplika din is-sistema ma jagħmilx skambju ġenwin ta’ informazzjoni mal-pajjiżi l-oħra.


    56 – C. Pinto, Tax Competition and EU Law, p. 1.


    57 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali – Politika Fiskali tal-Unjoni Ewropea – Prijoritajiet għas-Snin li Ġejjin, COM(2001) 260 finali, punt 2.3.


    58 – Komunikazzjoni (2001)260, punt 2.4. Madankollu, waqt in-negozjati ta’ sħubija, il-Finlandja tat l-impenn tagħha lill-Istati Membri, li ma kinitx sejra tħalli lill-gżejjer ta’ Åland jiżviluppaw f’rifuġju fiskali. Ara, A. Kuosmanen, Finland’s Journey to the European Union, Maastricht 2001, p. 262 u 264.


    59 – Waqt l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 1997 dwar kodiċi ta’ kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi, (ĠU 1998, C 2, p. 2, iktar ’il quddiem il-“kodiċi ta’ kondotta”) il-Kunsill irrikonoxxa li kompetizzjoni leali seta’ jkollha effetti ta’ ġid. Għalhekk il-kodiċi ġie mfassal speċifikament sabiex jiġu identifikati biss dawk il-miżuri li joħolqu distorsjoni fil-lokalizzazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi tal-Komunità minħabba li jolqtu biss lil dawk li ma humiex residenti u joffrulhom trattament fiskali aħjar minn dak normalment applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat. Il-kodiċi jiddefinixxi kriterji biex jiġu elenkati dawn il-miżuri potenzjalment ta’ ħsara. Waqt il-laqgħa tal-Kunsill “Ecofin” tal-14 ta’ Marzu 2008, il-Ministri tal-Finanzi ddefinixxew il-“governanza tajba” fil-qasam fiskali bħala waħda bbażata fuq il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ skambju ta’ informazzjoni u ta’ kompetizzjoni fiskali leali. Il-Kummissjoni adottat ukoll fl-2008 Komunikazzjoni f’dan ir-rigward. Ara Th. Lambert, “Réflexions sur la concurrence fiscale”, Recueil Dalloz, 2010, p. 1733.


    60 – W. Schön, “The European Commission Report”, European Taxation, 2002.


    61 – Konklużjonijiet tal-Kunsill “Ecofin” tal-1 ta’ Diċembru 1997, dwar il-politika fiskali (ĠU 1998, C 2, p. 1). Il-pakkett kien jinkludi kodiċi ta’ kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi, proposta ta’ direttiva dwar it-tassazzjoni ta’ riżervi mfaddla kif ukoll proposta ta’ direttiva dwar sistema fiskali komuni applikabbli għall-ħlasijiet ta’ interessi u ta’ ħlasijiet li jsiru bejn il-kumpanniji assoċjati ta’ Stati Membri differenti.


    62 – Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 1997 dwar kodiċi ta’ kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi, (ĠU 1998, C 2, p. 2). Huwa taħt il-kodiċi ta’ kondotta li l-Kummissjoni impenjat ruħha li tippubblika l-linji gwida għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-miżuri dwar it-tassazzjoni diretta. Ara l-Komunikazzjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna tal-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 277).


    63 – Dawn il-kundizzjonijiet huma żgurati fil-qasam tat-tassazzjoni tal-impriżi meta l-pajjiżi kollha japplikaw l-istess rata marġinali effettiva ta’ taxxa (marginal effective tax rate, METR) għall-finijiet tat-tassazzjoni tal-aħħar unità tal-investiment transkonfinali.


    64 – H. Vording, “A Level Playing Field for Business Taxation in Europe”, European Taxation, Novembru 1999.


    65 – Kif ġie kkonstatat mill-Kunsill fil-punt J tal-kodiċi ta’ kondotta, “parti mill-miżuri fiskali koperti mill-kodiċi jistgħu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet […] tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


    66 – A. Carlos dos Santos, “Aides d’État, Code de conduite et concurrence fiscale” (Għajnuna mill-Istat, Kodiċi ta’ Kondotta u l-Kompetizzjoni fiskali), op. cit., p. 29.


    67 – Ara, A. Carlos dos Santos, L’Union européenne et la régulation de la concurrence fiscale, Brussell, 2009, p  428.


    68 – Ara, fir-rigward tad-differenzi u l-punti komuni bejn is-sistema tal-kodiċi ta’ kondotta u dik tal-għajnuna mill-Istat, A. Carlos dos Santos, “Aides d’État, code de conduite et concurrence fiscale”, op. cit., p. 30 et seq.


    69 – L-ewwel parti tal-uniku aggravju tal-Kummissjoni.


    70 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C‑319/02, Ġabra p. I‑7477, punt 19); tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C‑292/04, Ġabra p. I‑1835, punt 19); tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck (C‑157/05, Ġabra p. I‑4051, punt 21), u tal-11 ta’ Ottubru 2007, ELISA (C‑451/05, Ġabra p. I‑8251, punt 68). Ara wkoll is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et (C‑397/98 u C‑410/98, Ġabra p. I‑1727, punt 37); tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer (C‑446/03, Ġabra p. I‑10837, punt 29); tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, Ġabra p. I‑7995, punt 40), u tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C‑524/04, Ġabra p. I‑2107, punt 25).


    71 – Ara, fid-duttrina: W. Schön, “Taxation and State aid Law in the European Union”, CMLR, 36(1999), p. 911; M. O’Brien, “Company taxation, State aid and fundamental freedoms”, ELRev, 2005, p. 209; C. Quigley, European State Aid Law, 2009, p. 65.


    72 – Għall-kuntrarju, meta l-awtoritajiet igawdu minn setgħa diskrezzjonali, dawn ikunu miżuri “speċifiċi”. Ara s-sentenza tas-26 ta’ Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑241/94, Ġabra p. I‑4551).


    73 – Id-duttrina osservat ir-riluttanza tal-Kummissjoni li tapplika l-kodiċi għall-miżuri fiskali ġenerali klassiċi, bħal fil-każ tal-Irlanda li daħlet rata ta’ taxxa ta’ 12.5 %, li hija ferm inqas minn dik tal-Istati Membri l-oħra, iżda li, sa issa, ma tidhirx li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kodiċi, ħlief sabiex turi li hija ta’ natura dannuża. Ara, A. Carlos dos Santos, “Aides d’État, Code de conduite et concurrence fiscale”, op. cit., p. 35.


    74 – Ara, Carlos dos Santos, L’Union européenne et la régulation de la concurrence fiscale,op. cit., p. 501.


    75 – Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (70/72, Ġabra p. 813). Ara wkoll Ph. Nicolaides, “Fiscal Aid in the EC, A Critical Review of Current Practice”, World Competition, 24(3) 2001, p. 319 sa 342.


    76 – Sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑66/02, Ġabra p. I‑10901, punt 10); tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano (C‑148/04, Ġabra p. I‑11137, punt 49); tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et (C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punt 135). Id-definizzjoni mogħtija mill-ġurisprudenza fil-fehma tiegħi hija wiesgħa wisq peress li, b’mod ġenerali, il-miżuri fiskali ma japplikawx għall-impriżi kollha, iżda biss għal dawk li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Għalhekk, pereżempju, riforma tat-tassazzjoni tal-kumpanniji b’kapital azzjonarju, ma tistax tiġi kklassifikata bħala miżura mhux ġenerali, minħabba s-sempliċi fatt li ma tagħtix benefiċċju lis-soċjetajiet bejn persuni jew imprendituri individwali. Ara, W. Schön, Die “Auswirkungen des gemeinschaftsrechtlichen Beihilferechts auf das Steuerrecht”, Österreichischer Juristentag (Hrsg.): Verhandlungen des Siebzehnten Österreichischen Juristentages Wien 2009, IV/2 Steuerrecht, Wien, Manzsche Verlags‑ und Universitätsbuchhandlung, 2010, p. 21 sa 46.


    77 – D. Waelbroeck, “La condition de sélectivité de la mesure”, Aides d’État, 2005, p. 90.


    78 – “Les aides d’État sous forme fiscale”, Revue de droit fiscal, nru 48, 2008. Barra minn hekk, waqt is-seduta, għandu jiġi osservat li l-aġent tal-Kummissjoni qal li, fil-każ ta’ tassazzjoni diretta, l-Istati Membri għandhom isegwu politika ta’ newtralità fiskali.


    79 – Ara, Ph. Nicolaides, “Fiscal Aid in the EC”, op. cit., p. 332 sa 333. Skont l-awtur, minn perspettiva ekonomika, l-ebda miżura fiskali tal-Istat ma hija newtrali peress li tibdel il-kundizzjonijiet tal-aġir ekonomiku tal-operaturi fis-suq. Barra minn hekk, l-effetti ta’ miżura fiskali jiddependu miċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-suġġetti kkonċernati. Minn dan jirriżulta li kwalunkwe sistema ta’ tassazzjoni diretta hija neċessarjament ibbażata fuq għażliet politiċi diskrezzjonali li jkollhom effetti ekonomiċi differenti skont l-impriżi kkonċernati. Ara, ukoll, A. Carlos dos Santos,, L’Union européenne et la régulation de la concurrence fiscale ,op. cit., p. 47, nota ta’ qiegħ il-paġna nru 100, li tfakkar li n-newtralità fiskali hija dejjem newtralità relattiva.


    80 – Ninnota li sakemm is-sistema ma tkunx kompletament uniformi, differenza fit-trattament bejn l-impriżi fuq kriterji li ma humiex dawk settorjali jew reġjonali tista’ madankollu twassal għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat. Ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza (270/83, Ġabra p. 273).


    81 – M. Merola, L. Capelletti, “Une analyse des dernières développements en matière d’aides d’États fiscales”, Fiscalité européenne, Bruylant, p. 87.


    82 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C‑237/04, Ġabra p. I‑2843, punti 38 u 39, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri (C‑169/08, Ġabra p. I‑10821, punt 52).


    83 – Sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España (C‑387/92, Ġabra p. I‑877, punt 13); tad-29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport (C‑256/97, Ġabra p. I‑3913, punt 19); tal-14 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑276/02, Ġabra p. I‑8091, punt 24); tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria‑Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke (C‑143/99, Ġabra p. I‑8365, punt 38), u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium (C‑393/04 u C‑41/05, Ġabra p. I‑5293, punt 29).


    84 – Dwar ir-rilevanza tal-konstatazzjoni tal-vantaġġ fl-eżami tas-selettività: ara s-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria‑Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41; tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑409/00, Ġabra p. I‑1487, punt 47); Açores, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 sa 56; UGT‑Rioja et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46; kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82.


    85 – Ph. Nicolaides, “Fiscal Aid in the EC”, op. cit., p. 325.


    86 – Ara wkoll, A. Carlos dos Santos, L’Union européenne et la regulation, op. cit., p. 506.


    87 – L-eżami tal-kriterju tas-selettività huwa separat mill-eżami tal-vantaġġ anki jekk skont il-ġurisprudenza “sabiex tkun iddeterminata s-selettività, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk taħt xi skema legali speċifika, miżura tikkostitwixxix vantaġġ għal ċerti impriżi fuq oħrajn” (ara s-sentenza Bristish Aggregates vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82). Kif jirriżulta mill-paragrafu 12 tal-Komunikazzjoni tal-1998, il-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni tan-natura selettiva abbażi tan-natura ġenerali tas-sistema tagħmel parti mill-evalwazzjoni tas-selettività.


    88 – Dan huwa rilevanti b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rimbors ta’ għajnuna allegatament illegali.


    89 – Sentenza tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C‑200/97, Ġabra p. I‑7907, punt 43), u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ġunju 2000, EPAC vs Il-Kummissjoni (T‑204/97 u T‑270/97, Ġabra p. II‑2267, punt 80).


    90 – Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 [KE] għal għajnuna mill-Istat f’forma ta’ garanziji (ĠU 2000, C 71, p. 14). Garanzija mill-Istat, skont il-Kummissjoni, tippreżenta l-vantaġġ li l-Istat jitgħabba bir-riskju assoċjat mal-garanzija li normalment għandu jiġi remunerat. Meta l-Istat jirrinunzja għal dan il-ħlas, ikun hemm kemm il-benefiċċju għall-impriża kif ukoll it-telf tar-riżorsi pubbliċi. Ara l-punt 2.1.2 tal-Komunikazzjoni.


    91 – Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑288/96, Ġabra p I‑8237), punt 30 et seq.


    92 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Mejju 2010, Franza vs Il-Kummissjoni (T‑425/04, T‑444/04, T‑450/04 u T‑456/04, Ġabra p. II‑2099). Madankollu, id-dikjarazzjonijiet għandhom ikunu ċari, speċifiċi u sodi biżżejjed sabiex juru l-eżistenza ta’ impenn kredibbli mill-Istat. Għandu jiġi osservat li s-sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kienet suġġetta għal appell irreġistrat bin-numru tal-kawża C‑399/10 P.


    93 – Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, (C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 95).


    94 – F’dak li jirrigwarda t-tassazzjoni tal-persuni fiżiċi, l-istess konstatazzjoni tgħodd għall-ġurisdizzjonijiet fiskali li jimponu taxxa fuq il-ġid tal-persuni taxxabbli l-iktar għonja. Ma jistax jitqies li l-persuni taxxabbli mhux intaxxati minħabba l-limitu ffissat jirċievu xi vantaġġ.


    95 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni (T‑67/94, Ġabra p. II‑1). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda C‑78/08 sa C‑80/08, Paint Graphos et.


    96 – Wara kollox, kif diġà osservajt iktar ’il fuq, huwa probabbli li s-sistema inkwistjoni qatt ma tidħol fis-seħħ.


    97 – Ta’ min jinnota li, fir-rapport tagħha dwar l-implementazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett [li jaqgħu taħt it-tassazzjoni diretta tan-negozju] [C (2004) 434], il-Kummissjoni indikat li kien għalkollox possibbli li miżura li tikkwalifika bħala dannuża fir-rigward tal-kodiċi ta’ kondotta ma taqax taħt il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (ara l-punt 66 ta’ dan ir-rapport).


    98 – Waqt is-seduta, ir-rappreżentant tal-Government of Gibraltar ikkonferma li parti kbira mill-kumpanniji rreġistrati f’Ġibiltà jżommu biss assi li jirrappreżentaw residenzi sekondarji, jottijiet u dgħajjes. Ladarba ma jkunx hemm attività kummerċjali u lanqas profitti, ma humiex persuni taxxabbli, tkun xi tkun is-sistema fiskali magħżula. Għalhekk is-sitwazzjoni tagħhom ma taqax taħt il-liġi tal-kompetizzjoni.


    99 – Għaldaqstant, jeħtieġ li jkun rikonoxxut, fl-istess waqt, li territorju ta’ madwar 5 km² b’popolazzjoni ta’ madwar 27 500 persuna ma għandux għażla f’dak li jirrigwarda l-istrateġija ta’ żvilupp ekonomiku tiegħu.


    100 – Sentenza Açores, iċċitata iktar ’il fuq (punt 54).


    101 – Sentenza Adria Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ’il fuq.


    102 – Sentenza UGT‑Rioja, iċċitata iktar ’il fuq.


    103 – Il-miżuri jistgħu madankollu jirriżultaw li huma selettivi mingħajr ma jkunu formalment limitati għal ċerti setturi. Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Frar 2003 dwar is-sistema ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni Belġjani, (ĠU L 282). Skont il-ġurisprudenza, la n-numru importanti tal-impriżi benefiċjarji u lanqas id-diversifikazzjoni u l-importanza tas-setturi industrijali li għalihom jappartjenu dawk l-impriżi ma jiggarantixxu n-natura ġenerali ta’ miżura. Ara, fuq dan is-suġġett, P. Rossi‑Maccanico, “Community Review of direct Business Tax Measures”, EStAL, 4/2009, p. 497. Id-duttrina tenfażizza li sistema li tapplika kważi għall-operaturi kollha ma tistax titqies bħala selettiva. Ara W. Schön, “Auswirkungen des gemeinschaftsrechtlichen Beihilferechts auf das Steuerrecht”, op. cit., p. 29.


    104 – Għal żviluppi dwar is-selettività, ara, ex multis, D. Waelbroeck, “La condition de sélectivité de la mesure”, op. cit.


    105 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża li tat lok għas-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 82.


    106 –      Ara, P. Rossi‑Maccanico, “Community Review of direct Business Tax Measures”, op. cit., p. 497.


    107 – F’dan is-sens, ara s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun (C‑72/91 u C‑73/91, Ġabra p. I‑887, punt 21). Ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑409/00, Ġabra p. I‑1487, punt 52). Parti tad-duttrina saħansitra ssuġġeriet li ma jistax ikun hemm vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, meta l-miżura tkun tirriżulta mill-istruttura ġenerali tas-sistema, ara, f’dan is-sens, W. Schön, “Auswirkungen des gemeinschaftsrechtlichen Beihilferechts auf das Steuerrecht”, op. cit.


    108 – Konklużjonijiet fil-kawża C‑72/91, Sloman Neptun, iċċitata iktar ’il fuq (punt 50).


    109 – Fir-rigward tal-approċċ tal-OKŻE, ara First Survey on State Aids in the European Community, Commission of the European Communities, Luxembourg, Office of Official Publications, 1989, p. 6 sa 8 u 13: “tax expenditure is usually defined as a departure from the generally accepted or benchmark tax structure, which produces a favourable tax treatment of particular types of activities or groups of payers”.


    110 – Komunikazzjoni tal-1998, punt 16.


    111 – Bacon, “State Aids and General Measures”, YEL 1997, Vol. 17 (ed. Barav u Wyatt) Clarendon Press, Oxford, p. 269-321; W. Schön, “Taxation and State aid Law in the European Union”, op. cit., p. 911 sa 936.


    112 – W. Schön, “Taxation and State aid Law in the European Union”, op. cit., p.911 sa 936.


    113 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Colomer fil-kawża L-Italja vs Il-Kummissjoni, (sentenza tad-19 ta’ Mejju 1999, C‑6/97, Ġabra p. I‑2981, punt 27).


    114 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali La Pergola, fil-kawża Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, imsejħa “Maribel” C‑75/97, Ġabra p. I‑3671).


    115 – Ph. Nicolaides, “Fiscal Aid in the EC. A Critical Review of Current Practice”, op. cit., p. 319 sa 342.


    116 – Ara, J. Bousin, u J. Piernas, “Developments in the Notion of Selectivity”, EStAL, 4/2008, p. 634 et seq.


    117 – Ara wkoll dwar dan is-suġġett, M. Aldestam, EC State aid rules applied to taxes, Uppsala, 2005, p. 182.


    118 – It-tieni u t-tielet partijiet tal-uniku aggravju tal-appell tal-Kummissjoni.


    119 – Il-Kummissjoni tirreferi għall-punti 170 sa 174 tas-sentenza appellata, kif ukoll għall-punti 143 sa 146.


    120 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.


    121 – Il-Kummissjoni tirreferi għall-punti 145 u 146, kif ukoll għall-punti 171 sa 174 tas-sentenza appellata.


    122 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja vs Kronofrance (C‑75/05 P u C‑80/05 P, Ġabra p. I‑6619, punt 60), u tat-2 ta’ Diċembru 2010, Holland Malt vs Il-Kummissjoni (C‑464/09 P, Ġabra p. I‑12443, punt 46).


    123 – Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri (C‑189/02 P, Ġabra p. I‑ 5425, punti 211 sa 213). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang (T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 77). Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ara s-sentenzi tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑409/00, Ġabra p. I‑1487, punt 95); tad-29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il-Kummissjoni (C‑91/01, Ġabra p. I‑4355, punt  45), u tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑351/98, Ġabra p. I‑8031, punt 53). Ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke (T‑198/01, Ġabra p. II‑2717, punt 149); tat-18 ta’ Novembru 2004, Ferriere Nord (T‑176/01, Ġabra p. II‑3931, punt 134), u tal-14 ta’ Ottubru 2004, Pollmeier Malchow (T‑137/02, Ġabra p. II‑3541, punt 54).


    124 – Sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑288/96, Ġabra p. I‑8237, punt 62), Il-Ġermanja et vs Kronofrance, iċċitata iktar ’il fuq (punt 61), u Holland Malt vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47).


    125 – Tali approċċ ġie propost xi kultant fid-duttrina. L-argument deċiżiv għall-finijiet li jiġi miċħud huwa bbażat fuq l-inkompatibbiltà mat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Unjoni fil-qasam tat-tassazzjoni diretta. Ara A. Carlos dos Santos, L’Union européenne et la régulation,op.cit., p. 505 sa 508 u 522 sa 528.


    126 – Sentenza British Aggregates vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 84 u 85 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


    127 – Ir-raba’ u l-ħames parti tal-uniku aggravju tal-Kummissjoni.


    128 – Il-Kummissjoni ssemmi l-punti 175 sa 183 tas-sentenza appellata.


    129 – Sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni (C‑167/04 P, Ġabra p. I‑8935, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni (C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    130 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq JCB Service vs Il-Kummissjoni (punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    131 – Sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (C‑159/01, Ġabra p. I‑4461, punt 43).


    132 – Sentenza tat-2 ta’ Lulju 1974, L-Italja vs Il-Kummissjoni (173/73, Ġabra p. 709).


    133 – Il-Kummissjoni tirreferi għall-punti 170 sa 174 tas-sentenza appellata.


    134 – L-għaxar u l-ħdax-il aggravju tar-Renju ta’ Spanja.


    135 – Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt ‑ Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni (C‑385/07 P, Ġabra p. I‑6155, punt 177).


    136 – Ara, b’mod partikolari: id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-ammissibbiltà tar-rikors nru 55346/00 ippreżentat minn Ayuntamiento de Mula kontra Spanja; deċiżjoni parzjali dwar l-ammissibbiltà tar-rikors Nru 48391/99 u 48392/99 ippreżentat minn Christos Hatzitakis u l-Muniċipalitajiet ta’ Thermaikos u Mikra kontra l-Greċja.


    137 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p 1).


    138 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 21), u tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punt 45).


    139 – Sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651, punti 18 u 19); tal-15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et (222/86, Ġabra p. 4097, punt 14); tas-27 ta’ Novembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑424/99, Ġabra p. I‑9285, punt 45); tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C‑50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 39), u tad-19 ta’ Ġunju 2003, Eribrand (C‑467/01, Ġabra p. I‑6471, punt 61).


    140 – Ara, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza mogħtija fil-kuntest ta’ rikorsi għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istati Membri skont l-Artikoli 226 KE u 228 KE u l-garanziji proċedurali applikabbli.


    141 – Iċċitata iktar ’il fuq (punti 176 sa 179).


    142 – Sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 19); tal-15 ta’ Ġunju 2000, TEAM vs Il-Kummissjoni (C‑13/99 P, Ġabra p. I‑4671, punt 36).


    143 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni (C‑403/04 P u C‑405/04 P, Ġabra p. I‑729, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll id-digriet tas-26 ta’ Marzu 2009, Efkon vs Il‑Parlament u Il-Kunsill (C‑146/08 P, Ġabra p. I‑49, punt 54).


    144 – Sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 188), u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni (C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 156).

    Top