EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CC0077

Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali - Jääskinen - 15 ta' Lulju 2010.
Gowan Comércio Internacional e Serviços Lda vs Ministero della Salute.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Tribunale amministrativo regionale del Lazio - l-Italja.
Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti - Direttiva 2006/134/KE - Validità - Restrizzjonijiet fl-użu tal-fenarimol bħala sustanza attiva.
Kawża C-77/09.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-13533

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:432

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fil-15 ta’ Lulju 20101(1)

Kawża C‑77/09

Gowan Comércio Internacional e Serviços Lda

vs

Ministero della Salute

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (l-Italja)]

“Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Sustanza attiva fenarimol – Direttiva 91/414/KEE – Inklużjoni fl-Anness I – Kundizzjonijiet u limiti –Direttiva 2006/134/KE – Validità”





I –    Daħla

1.        F’din il-kawża, it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (l-Italja) jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-validità tad-Direttiva 2006/134/KE (2).

2.        Id-Direttiva 2006/134 emendat id-Direttiva 91/414/KEE (3), li tirrikjedi mill-Istati Membri li jiżguraw li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (jiġifieri, b’mod partikolari, l-erbiċidi, il-pestiċidi u l-fungiċidi maħsubin għat-trattament tal-pjanti) jitqiegħdu fis-suq jew jintużaw fit-territorju tagħhom biss meta jkunu awtorizzaw il-prodott inkwistjoni, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva. Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jista’ jiġi awtorizzat biss jekk is-sustanzi attivi tiegħu jkunu elenkati fl-Anness  I tad-Direttiva 91/414.

3.        Id-Direttiva 2006/134 żiedet il-fenarimol mal-Anness I tad-Direttiva 91/414, taħt ċerti kundizzjonijiet.

4.        Il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment dwar il-kwistjoni jekk il-validità tad-Direttiva 2006/134 tistax tiġi affettwata minn differenza eventwali bejn l-imsemmija direttiva u dokument preparatorju tagħha, f’dan il-każ rapport ippreparat mill-Istat Membru li jirrapporta li kien ġie nnominat sabiex jevalwa l-effetti tas-sustanza attiva inkwistjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-Direttiva 91/414

5.        Id-Direttiva 91/414 tistabbilixxi s-sistema Komunitarja applikabbli għall-awtorizzazzjoni u l-irtirar tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

6.        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li “[l-]Istati Membri għandhom jassiguraw illi prodott għall-ħarsien tal-pjanti ma jiġix awtorizzat kemm-il darba: [...]is-sustanzi attivi tiegħu ma jkunux elenkati fl-Anness I”.

7.        L-Artikoli 5(1) u (2), tad-Direttiva 91/414 jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I fit-termini li ġejjin:

“1. Fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku u tekniku preżenti, sustanza attiva għandha tiġi inkluża fl-Anness I għal perjodu inizjali li ma jkunx jaqbeż l-10 snin, jekk jista’ jiġi mistenni li prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva jkunu jwettqu l-kondizzjonijiet segwenti:

a)      il-fdalijiet tagħhom, wara użu konsistenti mal-prattika fl-użu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, ma jkollhomx effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bnedmin u l-annimali jew għall-ilma ta’ taħt l-art jew xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent, u l-imsemmija fdalijiet, jekk ikunu sinifikanti mil-lat tossikoloġiku jew ambjentali, ikunu jistgħu jiġu mkejla b’metodi li jkunu użati b’mod mifrux;

b)      l-użu tagħhom, li jrid ikun konsistenti mal-prattika fl-użu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, ma jkollux effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bnedmin u l-annimali jew xi influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent skond ma jiddisponi l-Artikolu 4(1)(b)(iv) u (v).

2. Għall-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I, dan li ġej għandu jiġi kkunsidrat b’mod partikolari:

a)      fejn ikun applikabbli, ammont aċċettabbli ta’ kuljum ikkunsmat mill-bniedem (ADI);

b)      livell aċċettabbli ta’ espożizzjoni tal-ħaddiema, jekk meħtieġ;

ċ)      fejn ikun relevanti, kalkolu ta’ dak li jista’ jseħħ minnha u d-distribuzzjoni tagħha fl-ambjent kif ukoll l-impatt tagħha fuq speċi li ma jkunux il-mira tagħha.”

8.        L-Artikolu 5(4), tad-Direttiva 91/414 jipprovdi li:

“Inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I tista’ tkun suġġetta għal rekwiżiti bħal ma huma:

[…]

–        restrizzjonijiet li ġejjin mill-evalwazzjoni ta’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6, meta jitqiesu l-kondizzjonijiet involuti ta’ natura agrarja, ta’ saħħa tal-pjanti u ambjentali (inklużi dawk klimatiċi),

[…]

–        il-mod ta’ użu.”

9.        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/414 huwa fformulat kif ġej:

“1. L-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I għandha tiġi deċiża skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 19.

[...]”

10.      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414 jirrigwarda l-miżuri tranżitorji u derogatorji. L-Artikolu 8(2), fit-tieni u r-raba’ subparagrafu, jipprovdi:

“Wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tagħti bidu għal programm ta’ xogħol sabiex jiġu eżaminati bil-mod dawn is-sustanzi attivi […] Dan il-programm jista’ jitlob lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-informazzjoni kollha rikjesta quddiem il-Kummissjoni u l-Istati Membri matul perjodu li jistabbilixxi l-istess programm. Regolament adottat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19, jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet kollha neċessarji għall-implimentazzjoni tal-programm.

[…]

[…], jista’ jiġi deċiż, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19, jekk, għal ċerti sustanzi, il-perjodu ta’ tnax-il sena msemmi fl-ewwel subparagrafu għandux jiġi estiż għal perjodu li jkun irid jiġi stabbilit. Matul il-perjodu ta’ 12-il sena li għalih jirreferi l-ewwel subparagrafu jista’, wara eżami ta’ tali sustanzi attivi mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 19, jiġi deċiż bil-proċedura stabbilita f’dak l-Artikolu illi s-sustanza tista tiġi inkluża fl-Anness I u taħt liema kondizzjonijiet jew, f’każijiet fejn ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 5 ma jkunux issodisfati jew it-tagħrif u l-informazzjoni ma jkunux ġew mogħtija fil-perjodu preskritt, li tali sustanzi attivi ma jiġux inklużi fl-Anness I. L-Istati Membri għandhom jaċċertaw ruħhom li l-awtorizzazzjonijiet relevanti jiġu mogħtija, irtirati jew varjati skond kif xieraq matul perjodu stabbilit.”

11.      L-Artikolu 19 tad-Direttiva 91/414 (4) jipprovdi li l-Kummissjoni tingħata assistenza minn Kumitat, il-Kumitat Permanenti tal-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali (iktar ’il quddiem il-“Kumitat”).

B –    Ir-Regolament (KEE) Nru 3600/92

12.      Il-proċedura li għandha tkun segwita, prevista fl-Artikolu 8(2), tad-Direttiva 91/414, għall-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 ta’ ċerti sustanzi attivi li jinsabu fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti tirriżulta mir-Regolament (KEE) Nru 3600/92 (5). Din il-proċedura tibda permezz ta’ notifika lill-Kummissjoni, li hija responsabbiltà tal-produttur skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament.

13.      Jirriżulta mill-preambolu tar-Regolament Nru 3600/92 li l-istudji tal-evalwazzjoni għandhom jiġu ddistribwiti fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u li l-Istat Membru relatur għandu jiġi nnominat għal kull sustanza attiva.

14.      F’dan il-każ, il-produttur tal-fenarimol, jiġifieri DowElanco Europe, ressaq in-notifika tiegħu, u sussegwentement il-Kummissjoni adottat, skont l‑Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 3600/92, ir-Regolament (KE) Nru 933/1994 (6). Minn dan tal-aħħar jirriżulta li l-Istat Membru li ntgħażel bħala relatur huwa r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

15.      L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3600/92 jipprovdi b’mod dettaljat l-obbligi rispettivi tal-Istat Membru relatur u l-Kummissjoni, kif ukoll il-proċedura li għandha tiġi segwita. L-Istat Membru relatur għandu jressaq rapport ta’ evalwazzjoni quddiem il-Kummissjoni li jinkludi rakkomandazzjoni (paragrafu 1). Il-Kummissjoni għandha, min-naħa tagħha, tirreferi d-dokumenti u r-rapport lill-Kumitat għal eżami (paragrafu 3) u wara, fejn xieraq, tissottometti abbozz tad-direttiva jew abbozz ta’ deċiżjoni lill-Kumitat (paragrafu 3a).

16.      Barra minn hekk, fil-każ li ċerti provi addizzjonali jew informazzjoni addizzjonali jkunu meħtieġa, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 3600/92 jiddetermina l-obbligi rispettivi tal-Istat Membru relatur u tal-Kummissjoni, kif ukoll il-proċedura li għanda tiġi segwita.

C –    Id-Direttiva 2006/134

17.      Id-Direttiva 2006/134 inkludiet il-fenarimol fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u t-30 ta’ Ġunju 2008 u ddefinixxiet ir-restrizzjonijiet għall-użu ta’ din is-sustanza attiva (7).

18.      It-tieni sat-tmien premessa tad-Direttiva 2006/134 jipprovdu sommarju taċ-ċirkustanzi li wasslu għall-adozzjoni tagħha u jipprovdu elementi ta’ motivazzjoni fir-rigward ta’ ċerti għażliet determinanti mwettqa mill-imsemmija direttiva, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna r-restrizzjonijiet għat-tip ta’ użi permessi (il-ħames u s-sitt premessa), il-limitazzjoni tal-perijodu ta’ inklużjoni (it-tmien premessa) u n-neċessità li tinkiseb informazzjoni addizzjonali (l-għaxar premessa).

19.      L-Anness tad-Direttiva 2006/134 jipprevedi, f’dak li jikkonċerna l-fenarimol, li l-użu tiegħu bħala fungiċida fuq ċerti uċuħ tar-raba’ biss huma awtorizzati (tadam, bżar imkabbar fis-serra, brunġiel, ħjar imkabbar fis-serra, bettieħ, pjanti ornamentali, siġar tal-imxietel u pjanti perenni). Hija tistabbilixxi ugwalment ir-rati massimi għal kull prodott tar-raba’. Barra minn hekk, l-Anness jipprojbixxi ċerti użi tal-fenarimol (applikazzjoni mill-ajru, apparati għall-bexx li jiddendlu fuq id-dahar jew apparati li jinżammu bl-idejn minn utenti dilettanti, ġardinaġġ). Fl-aħħar nett, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu applikati l-miżuri xierqa kollha maħsubin sabiex inaqqsu r-riskji u li tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-organiżmi tal-baħar, tal-ħniex, tal-għasafar u tal-mammiferi, kif ukoll għal dik tal-operaturi u tal-ħaddiema.

III – Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20.      Fit-28 ta’ Lulju 1993, il-kumpannija DowElanco Europe nnotifikat lill-Kummissjoni bl-interess tagħha li tinkludi l-fenarimol fl-Anness I tad-Direttiva 91/414. Wara li ħadet l-attivitajiet ta’ DowElanco Europe, il-kumpannija tad-dritt Portugiż Gowan Comércio Internacional e Serviços Lda (iktar ’il quddiem “Gowan”) segwiet il-proċedura għall-inklużjoni tal-fenarimol f’isimha proprju.

21.      Wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/134, ir-Repubblika tal-Italja, permezz ta’ deċiżjoni ministerjali tat-8 ta’ Ġunju 2007, irtirat l-awtorizzazzjonijiet maħruġa lil Gowan dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-fenarimol.

22.      Permezz ta’ deċiżjoni ministerjali tas-17 ta’ Ottubru 2007, il-fenarimol tniżżel fl-inventarju tas-sustanzi attivi awtorizzati fl-Italja, lista li tinsab fl-Anness I tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 194, tas-17 ta’ Marzu 1995.

23.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2007 ġiet sussegwentement emendata minn deċiżjoni, li d-data tagħha mhijiex indikata, bil-għan li ċerti prodotti abbażi ta’ fenarimol jerġgħu jiġu integrati b’mod proviżorju fost dawk li huma awtorizzati fl-Italja, b’mod konformi mat-termini tal-imsemmi Digriet Leġiżlattiv Nru 194, kif emendat fis-17 ta’ Ottubru 2007 fid-dawl tad-Direttiva 2006/134.

24.      Gowan ikkontestat dawn l-aħħar żewġ deċiżjonijiet billi ppreżentat rikors għal annullament quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio.

25.      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, Gowan tallega l-illegalità tad-Direttiva 2006/134. Hija ssostni essenzjalment li s-severità tar-restrizzjonijiet għall-użu tal-fenarimol mhijiex iġġustifikata mill-istudji xjentifiċi mwettqa matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni.

26.      Skont Gowan, it-termini tal-inklużjoni tal-fenarimol fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 jillimitaw l-użu ta’ din is-sustanza għal perijodu ta’ 18-il xahar għal ċerti prodotti tar-raba’ ta’ importanza marġinali meta mqabbla ma’ dawk li jikkostitwixxu, sa dak il-mument, is-suq prinċipali tagħha (dwieli, tuffieħ, lanġas, ħawħ, dulliegħ, qarabali, bżar imkabbar barra mis-serra u frawli).

27.      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-proċedura xjentifika ta’ evalwazzjoni kienet wasslet għal konklużjonijiet pożittivi u li l-Kummissjoni kienet inizjalment ipproponiet l-inklużjoni tal-fenarimol fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, mingħajr ebda restrizzjoni.

28.      Minħabba dubji li kellu dwar il-legalità tad-Direttiva 2006/134, it- Tribunale amministrativo regionale del Lazio iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-Direttiva [2006/134] li llimitat b’mod sinjifikattiv l-użu tal-fenarimol hija valida fid-dawl tal-eżitu tal-evalwazzjoni teknika-xjentifika mwettqa mill-Istat relatur, li jidher li jikkonkludi li r-riskju li jirriżulta minn dan l-użu huwa aċċettabbli?”

IV – Sommarju tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

29.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż u dak Elleniku, kif ukoll mill-Kummissjoni. Kollha, minbarra l-Gvern Ġermaniż, kienu rrapreżentati waqt is-seduta tad-29 ta’ April 2010.

30.      Minbarra r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-partijiet rappreżentati kollha ddikjaraw li huma kienu favur il-validità tad-Direttiva 2006/134.

V –    Evalwazzjoni tal-ammissibbiltà

31.      Il-Gvern Ġermaniz u l-Kummissjoni esprimew dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni u ċarezza tagħha.

32.      F’dan ir-rigward, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali tirrikjedi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, almenu, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (8).

33.      L-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma għandhiex biss tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda din għandha tagħti wkoll lill-Gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati l-oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiżgura li din il-possibbiltà tkun imħarsa, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet tar-rinviju biss huma nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati (9).

34.      F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi dettalji suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet interessati jippreżentaw osservazzjonijiet. Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Ġermaniż u dak Elleniku kif ukoll mill-Kummisjoni jirriżulta li dawn setgħu effettivament jieħdu pożizzjoni rigward id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

35.      Min-naħa tiegħi, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkunsidra lilha nnifisha bħala informata biżżejjed permezz tal-informazzjoni li tidher fid-deċiżjoni tar-rinviju u fl-osservazzjonijiet li ġew ippreżentati lilha sabiex tkun tista’ tirrispondi b’mod utli għad-domanda magħmula minnha.

36.      Madankollu, għandha tiġi eżaminata kwistjoni oħra li taffettwa l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, jistgħu jitqajmu dubji dwar jekk Gowan għadx għandha dritt li tinvoka l-illegalità tad-Direttiva 2006/134 quddiem il-qrati nazzjonali fid-dawl tal-fatt li l-kumpannija kkonċernata ma ppreżentatx rikors għal annullament kontra l-imsemmija direttiva quddiem il-Qorti Generali fit-terminu previst fl-Artikolu 230 KE, meta hija kellha d-dritt tagħmel dan (10).

37.      Fil-fatt, skont is-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf, persuna fiżika jew ġuridika ma tistax, fil-prinċipju, tikkontesta indirettament il-validità ta’ att maħruġ minn istituzzjoni Komunitarja permezz ta’ deċiżjoni preliminari meta din il-persuna tista’ tippreżenta rikors dirett kontra l-imsemmi att taħt l-Artikolu 230 KE (11).

38.      Din il-limitazzjoni tal-possibbiltà li jiġi kkontestat att Komunitarju permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari għandha l-għan li tipproteġi ċ-ċertezza legali, billi tevita li jiġu kkontestati b’mod indefinit atti Komunitarji li jinvolvu effetti ta’ dritt. Fil-każ invers, dan iwassal sabiex jiġi rrikonoxxut lil min ikun il-possibbiltà li jevita l-karattru definittiv tad-deċiżjoni wara li jkun skada t-terminu biex jitressaq ir-rikors previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 230 KE (12).

39.      Madankollu, jirriżulta b’mod ċar minn ġurisprudenza stabbilita li persuna ma tistax tiġi ostakolata milli teċċepixxi l-illegalità ta’ att Komunitarju quddiem qorti nazzjonali u milli tikkontesta l-validità tagħha indirettament taħt l-Artikolu 234 KE ħlief jekk id-dritt tagħha li titlob annullament ta’ dak l-att taħt l-Artikolu 230 KE jkun mingħajr dubju ammissibbli (13).

40.      Konsegwentement, minħabba li d-domanda preliminari tikkonċerna direttiva, għandu jiġi analizzat jekk rikors ippreżentat minn Gowan kontra d-Direttiva 2006/134 kienx ikun bla dubju ammissibbli minħabba li d-dispożizzjonijiet tagħha kienu jikkonċernawha direttament u individwalment (14).

41.      Fil-fehma tiegħi, dan mhuwiex il-każ hawnhekk.

42.      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li fil-kawża TWD Textilwerke Deggendorf l-impriża inkwistjoni kienet id-destinatarja tal-miżuri ta’ implementazzjoni. Din il-ġurisprudenza ġiet applikata għal ċerti regolamenti meta l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, f’ċerti ċirkustanzi, regolament jista’ jkun att li jistà jiġi kkontestat li jimplika l-inammissibbiltà ta’ tali deċiżjoni preliminari (15).

43.      Madankollu, dan huwa differenti fir-rigward tad-direttivi. Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat fil-kawża Eurotunnel li direttiva ma setgħetx tiġi analizzata bl-istess mod (16).

44.      Waqt li huwa minnu li, fil-kuntest speċifiku tad-Direttiva 91/414, il-Qorti Ġenerali aċċettat reċentement l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn impriża notifikanti kontra direttiva adottata abbażi ta’ din in-notifika (17), dan ma jagħmilx madankollu, f’dan il-każ, li r-rikorrenti prinċipali tkun mingħajr dubju ta’ xejn ammissibbli biex tippreżenta tali rikors, u dan għal tliet raġunijiet. L-ewwel nett, din is-sentenza tal-Qorti Ġenerali ngħatat fl-2009, filwaqt li r-rikorrenti prinċipali kellha tippreżenta r-rikors tagħha fil-bidu tas-sena 2007, jiġifieri sew qabel ma ngħatat l-imsemmija sentenza. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-opportunità tiddeċiedi dwar is-soluzzjoni meħuda mill-Qorti Generali. Fl-aħħar nett, fid-dawl tad-diċitura tat-trattat kif ukoll l-istruttura ġenerali tiegħu li ma jipprevedix, anki jekk indirettament, il-possibbiltà ta’ tali rikors, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi, fl-opinjoni tiegħi, l-istabbiliment ta’ tali estensjoni ta’ ammissibbiltà b’mod ġudizzjarju. Għaldaqstant, Gowan ma kinitx tkun ammissibbli li taġixxi kontra d-Direttiva 2006/134.

45.      Jirriżulta minn dan ta’ qabel li d-domanda preliminari tidher li hija ammissibbli.

VI – Analiżi tal-mertu

A –    Interpretazzjoni tad-domanda preliminari

46.      Fid-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li d-Direttiva 2006/134 illimitat b’mod sinjifikattiv l-użu tal-fenarimol. Hija tixtieq tkun taf jekk din id-direttiva hijiex valida fid-dawl tal-fatt li r-riżultat tal-evalwazzjoni teknika-xjentifika mwettqa mill-Istat Membru relatur jidher jikkonkludi li r-riskju li jirriżulta minn dan l-użu huwa aċċettabbli.

47.      Qabel xejn ninnota li din id-domanda, li tirrigwarda l-validità ta’ att Komunitarju, hija fformulata b’mod pjuttost ġenerali, mingħajr ma tippreċiża r-regola tad-dritt jew il-prinċipju legali li seta’ nkiser.

48.      Fil-kawżi preliminari dwar l-evalwazzjoni tal-validità, id-domandi u r-raġunijiet possibbli ġew sikwit ifformulati b’mod pjuttost preċiż mill-qorti tar-rinviju fid-domanda nnifisha (18). Meta dan ma kienx il-każ, xorta waħda kien possibli li d-domanda tiġi ċċarata fid-dawl tad-deċiżjoni tar-rinviju nnifisha (19).

49.      Madankollu, il-każ hawn huwa differenti. Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tifformula d-domanda f’termini pjuttost ġenerali. Biex id-domanda tiġi ċċarata, jistgħu jiġu mfittxija xi elementi fil-motivazzjoni tar-rinviju għad-deċiżjoni preliminari nnifisha, iżda din mhijiex wisq iktar preċiża.

50.      Infakkar li l-Artikolu 234 KE jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni stretta bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażata fuq tqassim ta’ kompetenzi bejniethom. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, il-possibbiltà li jiġu ddeterminati d-domandi li għandhom isiru lill-Ġustizzja tingħata biss lill-qorti nazzjonali u dawk li jipparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jillimitawhom jew jestenduhom.

51.      F’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ validità ta’ att, għandu jkun hemm ċerta paralleliżmu mar-rikors għal annullament. Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari fl-evalwazzjoni tal-validità jikkostitwixxi, bl-istess mod bħar-rikors għal annullament, modalità tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji (20). Rikors għal annullament li ma jindikax b’mod preċiż ir-raġunijiet li minħabba fihom l-att ikkontestat għandu jiġi annullat huwa inammissibbli. Bl-istess mod, rinviju għal deċiżjoni preliminari li jikkonċerna l-validità għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli jekk ir-raġunijiet ta’ invalidità ma jirriżultawx mid-domanda u lanqas, sussidjarjament, mid-deċiżjoni. Mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina ex officio r-raġunijiet kollha li jistgħu jaffettwaw il-validità ta’ att (21).

52.      F’dak li jikkonċerna d-domanda preliminari dwar il-validità ta’ att u l-formulazzjoni mill-ġdid eventwali tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-fehma tiegħi, fil-prinċipju żżomm ruħha u tastjeni milli testendiha. Żewġ settijiet ta’ argumenti jippuntaw favur dan l-approċċ.

53.      L-ewwel nett, f’rikors għal annullament, huwa r-rikorrent innifsu li għandu jagħżel u jifformula l-ilmenti kif jixtieq hu. Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, min-naħa l-oħra, hija forma ta’ kooperazzjoni bejn il-qorti nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, u l-persuni kkonċernati ma jikkontrollawx il-proċedura. Id-deċiżjoni li ssir domanda preliminari hija tal-qorti nazzjonali u tagħha biss. Huwa wkoll kompitu ta’ din il-qorti li tifformula d-domanda, u mhuwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, li teżamina l-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni jew li tifformula mill-ġdid id-domanda preliminari, fid-dawl tar-regoli tal-kooperazzjoni. A fortiori, il-partijiet ma jistgħux jestendu d-domanda fformulata mill-qorti tar-rinviju.

54.      It-tieni nett, il-proċedura għal deċiżjoni preliminari hija kkaratterizzata min-natura inċidentali tagħha b’relazzjoni mal-kawża prinċipali, fejn il-partijiet għandhom il-possibbiltà li jittrattaw skont il-prinċipju tal-kontradittorju. Barra minn hekk, għad-differenza ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn żewġ skambji suċċessivi huma preskritti (rikors u difiża, u wara replika u kontroreplika), talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għal nota waħda biss għal kull parti, ippreżentata fl-istess ħin, mingħajr ma l-partijiet ikunu jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fuq in-noti tal-partijiet l-oħra. Barra minn hekk, proċedura orali f’rikors għal annullament hija kważi sistematika quddiem il-Qorti Ġenerali, filwaqt li mhijiex għal rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (22).

55.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ċar li d-diċitura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari fiha nnifsha tibqa’ l-bażi ta’ din il-kooperazzjoni. Huwa d-dokument li abbażi tiegħu, minn naħa, l-Istati Membri jiddeċiedu li jippreżentaw jew le osservazzjonijiet bil-miktub u, min-naħa l-oħra, kull parti fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tipprepara l-pożizzjoni tagħha. Li kieku kien permess, b’mod ġenerali, li l-partijiet li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub jistgħu jikkontrollaw il-proċedura u, fil-fatt, jifformulaw mill-ġdid id-domandi preliminari sabiex jinvokaw motivi oħra ta’ invalidità, dan iwitti t-triq għal żnaturament tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’rikors għal annullament moħbi, bir-riskju li tiġi affettwata ħażin il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (23).

56.      Fil-kuntest ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandna nikkonċentraw fuq iż-żewġ tipi ta’ dubji dwar il-validità tad-Direttiva 2006/134 li tqajmu mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, jiġifieri, l-ewwel nett, id-domanda tar-relazzjoni bejn ir-rapport tal-Istat Membru relatur u d-Direttiva 2006/134 u, it-tieni nett, il-fatt li d-direttiva tissoġġetta l-użu tal-fenarimol għal diversi kundizzjonijiet.

B –    Dwar ir-relazzjoni tar-rapport bejn l-Istat Membru relatur u d-Direttiva 2006/134

57.      Il-qorti tar-rinviju tinvoka nuqqas ta’ qbil eventwali bejn ir-rapport tal-Istat Membru relatur u d-direttiva adottata bħala motiv ta’ invalidità.

58.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mir-Regolament Nru 3600/92, u b’mod partikolari mill-Artikoli 7 u 8 tiegħu, li l-adozzjoni ta’ kull att mill-Kummissjoni wara l-evalwazzjoni (jew mill-Kunsill, jekk ikun il-każ) hija preċeduta minn sett ta’ skambji bejn atturi differenti.

59.      Fir-rigward tar-rwol tal-Istat Membru relatur f’dan il-każ, ir-rikorrenti prinċipali u l-Kummissjoni, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ipprovdew ir-rapport tal-Istat Membru relatur ta’ Marzu 1996, kif ukoll tliet addenda ta’ dan ir-rapport, rispettivament ta’ Awwissu 2000, ta’ Frar 2001 u ta’ Ottubru 2003.

60.      Il-Kummissjoni tirrileva li, fir-rapport tal-1996, ma ġiex propost li jiddaħħal il-fenarimol fl-Anness I tad-Direttiva 91/414, iżda li tiddewwem id-deċiżjoni minħabba n-nuqqas ta’ ċerta data li tikkonċerna b’mod partikolari r-residwi tagħha u l-valur ekotossiku tagħha, jiġifieri r-riskji mġarrba mill-organiżmi akkwatiċi.

61.      Il-Kummissjoni ssostni ugwalment ukoll li r-rapporti u l-addenda ġew sottomessi għall-evalwazzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn. Matul dan l-eżami mill-esperti nazzjonali, li twettaq bejn l-1997 u l-2004, l-Istati Membri l-oħrajn ipproponew emendi jew żidiet mar-rapporti.

62.      Skont il-Kummissjoni, minn Novembru 2000, ir-rapport u l-addenda ġew diskussi bejn iż-żewġ gruppi ta’ ħidma. Il-grupp “evalwazzjoni” jieħu ħsieb li jeżamina s-sustanza minn aspett tekniku u xjentifiku u huwa maħsub b’mod partikolari sabiex jiddetermina l-livell ta’ riskju abbażi ta’ data xjentifika (“risk assessment” jew evalwazzjoni tar-riskju). Il-grupp “leġiżlazzjoni”, min-naħa tiegħu, kien inkarigat b’li jipprepara l-abbozz tad-direttiva ta’ reġistrar billi jieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, evalwazzjoni iktar estiża tal-ġestjoni ta’ riskju f’każ ta’ inċertezza xjentifika. Dan il-grupp għandu jieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari kunsiderazzjonijiet tat-tip politiku-soċjali. Huwa jistabbilixxi l-livell ta’ inċertezza xjentifika aċċettabbli mis-soċjetà u jevalwa l-possibbiltà li jiġġestixxi u jikkontrolla r-riskju li ġie rrikonoxxut (“risk management” jew ġestjoni tar-riskju).

63.      F’dan il-każ, l-attivitajiet tal-gruppi ta’ ħidma tkomplew mill-2000 sal-2004, fir-rigward tal-unika evalwazzjoni teknika u xjentifika. Anki qabel ma bdew, numru ta’ Stati Membri kienu ressqu l-kontribuzzjonijiet tagħhom f’forma ta’ addenda, matul l-evalwazzjoni ugwali.

64.      Skont il-Kummissjoni, l-ewwel verżjoni tal-abbozz tad-direttiva ma ġiex ippreżentat qabel l-2004. Madankollu, bejn is-27 ta’ Lulju 2004 u t-13 ta’ Settembru 2006, il-Kummissjoni kienet ippreparat mhux inqas minn tmien verżjonijiet differenti tad-direttiva, fejn tlieta minnhom ġew diskussi mill-grupp “leġiżlazzjoni”, u sottomessi għall-vot tal-Kumitat.

65.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni ppreżentaw rakkonti kemxejn differenti tal-proċess ta’ adozzjoni tad-direttiva inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tliet verżjonijiet differenti tal-avvenimenti, jiġifieri dik ta’ Gowan, dik tal-Kummissjoni u dik li tidher fil-preambolu tal-imsemmija direttiva. Fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, indubjament ma hemmx bżonn li jiġu eżaminati l-verżjonijiet differenti fid-dettall (24).

66.      F’dak li jikkonċerna d-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax kif l-allegata differenza bejn ir-rapport u d-direttiva tista’ taffetwa l-validità tad-direttiva. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax għal liema dokument qed tirreferi.

67.      F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li korrelazzjoni diretta bejn rapport ippreparat mill-Istat Membru relatur u l-att adottat mill-Kummissjoni ma setgħetx tiġi stabbilita.

68.      Fil-fatt, ir-rapport tal-Istat Membru relatur u l-addenda jintużaw bħala punt ta’ tluq għal diskussjonijiet mal-esperti tal-Istati Membri u matul l-eżami tal-inklużjoni tal-gruppi “evalwazzjoni” u “leġiżlazzjoni”. Huwa biss fi tmiem dan il-proċess kumpless li l-Kummissjoni tipprovdi l-ewwel abbozz tad-direttiva.

69.      Skont regola fundamentali tat-trattat, il-Kummissjoni tista’ f’kull mument timmodifika l-abbozz tagħha jew tissostitwixxih b’abbozz ġdid, fid-dawl tal-kummentarji, bħal ma kien il-każ inkwistjoni. F’dak li jikkonċerna l-proposti leġiżlattivi, l-Artikolu 293(2) TFUE huwa l-espressjoni ta’ din ir-regola.

70.      Fil-proċess ta’ adozzjoni ta’ kull direttiva implementata mid-Direttiva 91/414, il-Kummissjoni teżerċita setgħa diskrezzjonali fuq mill-inqas żewġ aspetti, jiġifieri hija tagħmel evalwazzjoni tar-riskji u evalwazzjoni politika dwar l-ammissibbiltà tagħhom.

71.      L-evalwazzjoni tar-riskji huwa eżerċizzju pjuttost oġġettiv, tant li teżisti metodoloġija stabbilita mhux ikkontestata, iżda li fin-nuqqas ta’ tali metodoloġija (bħal fil-każ tal-fenarimol) twassal neċessarjament għal teħid ta’ pożizzjoni diskrezzjonali (25). L-evalwazzjoni dwar l-ammissibbiltà tar-riskji rrilevata mill-analiżi timplika neċessarjament għażliet ta’ natura politika u soċjali, li jappartjenu lill-Kummissjoni.

72.      Fi kwalunkwe każ, dan huwa qasam ikkaratterizzat minn evalwazzjonijiet kumplessi u diskrezzjoni wiesgħa. Huwa qasam fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tiċċensura deċiżjonijiet meħuda f’każ ta’ żball manifest ta’ fatt jew ta’ dritt jew ta’ abbuż ta’ poter. Fil-fatt, bħal ma rrilevat il-Qorti Ġenerali, sabiex il-għan assenjat lilha jkun jista’ jintlaħaq, u fid-dawl ta’ evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li hija għandha tagħmel, il-Kummissjoni għandha jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa (26).

73.      F’dan il-każ, mhuwiex possibli li wieħed jidħol fid-dettall, fid-dawl tal-qosor tad-domanda preliminari fuq dan il-punt. Barra minn hekk, jeżistu diverġenzi fl-espożizzjoni tal-kuntest fattwali bejn ir-rikorrenti prinċipali u l-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-passi li ppreċedew l-adozzjoni tad-Direttiva. In-natura stess tal-proċedura preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tidhirx li tippermetti kjarifika ta’ tali domandi fattwali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jista’ jingħad xejn iktar.

74.      Il-konklużjoni li għandha tintlaħaq minn dak li ntqal iktar ’il fuq hija li kull dokument imniedi mill-Istat Membru relatur fil-kuntest tar-Regolament Nru 3600/92 jikkostitwixxi att neċessarju u utli għall-preparazzjoni tat-teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni, iżda tali dokument mhuwiex fih innifsu deċiżiv jew determinanti. Dawn huma biss dokumenti preparatorji. Inkoerenza ovvja biss bejn rapport ibbażat fuq metodoloġija kkontestata u li ma jħalli ebda inċertezza xjentifika, minn naħa, u t-teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, tista’ twassal għal nuqqas ta’ validità tal-att ikkonċernat.

75.      Madankollu, il-proċess ma jurix l-eżistenza ta’ tali inkoerenza li waħedha hija ta’ natura li tippermetti l-invalidità tad-Direttiva 2006/134.

C –    Dwar is-sottomissjoni tal-użu tal-fenarimol għal kundizzjonijiet imsemmija mid-Direttiva 2006/134

76.      Il-qorti tar-rinviju tiddubita mill-validità tad-Direttiva 2006/134 anki billi tibbaża fuq il-fatt li din illimitat l-użu tal-fenarimol b’mod sinjifikattiv. Madankollu, hija ma tippreċiżax liema kundizzjonijiet partikolari jista’ jkollhom impatt fuq il-validità tal-imsemmija direttiva. B’hekk l-analiżi tiegħi ser tibqa’ ġenerali.

77.      Għandu jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414, jistgħu jiġu imposti kundizzjonijiet differenti ladarba sustanza attiva hija mniżżla fl-Anness I ta’ din id-direttiva.

78.      F’dak li għandu x’jaqsam mal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2006/134 għall-fenarimol, għandu jitfakkar li l-prinċipju ġenerali tal-proporzjonalità jirrikjedi li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, minħabba li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u li l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati b’relazzjoni mal-għanijiet previsti (27).

79.      Isegwi li, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-implementazzjoni ta’ tali prinċipju, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li kellha l-Kummissjoni fl-adozzjoni tad-Direttiva 2006/134, hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura b’relazzjoni mal-għan imfittex minnha, li tistà taffettwa l-validità ta’ miżura bħal din (28).

80.      F’dak li jikkonċerna l-motivazzjoni tad-Direttiva 2006/134, għandhom jiġu kkunsidrati l-elementi li ġejjin li jirriżultaw mill-preambolu tagħha.

81.      Abbażi tad-diversi eżamijiet li saru, il-Kummisjoni tqis li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-fenarimol jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414, f’dak li jikkonċerna l-użi eżaminati u deskritti fir-rapport ta’ eżami li hija kienet niedet, bil-kundizzjoni li jiġu applikati miżuri bil-għan li jnaqqsu r-riskji (29).

82.      Madankollu l-Kummissjoni tenfasizza li l-fenarimol hija sustanza perikoluża. B’hekk kien neċessarju li l-użu tagħha ma jiġix awtorizzat mingħajr restrizzjoni. Hija tirreferi għat-tħassib espress, b’mod partikolari fir-rigward tal-effetti tossiċi intrinsiċi tagħha, u b’mod partikolari l-proprjetajiet li potenzjalment jikkawżaw tfixkil endokrinali, kif ukoll fin-nuqqas ta’ kunsens xjentifiku fuq il-portata preċiża tar-riskju. Billi applikat il-prinċipju ta’ prekawzjoni u billi ħadet inkunsiderazzjoni l-istat attwali ta’ tagħrif xjentifku, hija ddeċidiet li timponi miżuri bil-għan li tnaqqas ir-riskji, sabiex takkwista l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-annimali u tal-bnedmin kif ukoll tal-ambjent, li ġie adottat fil-Kommunità Ewropea (30).

83.      Għal dan il-għan, l-inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE hija limitata għall-użi proposti tal-fenarimol li effettivament kienu ġew eżaminati fil-kuntest tal-evalwazzjoni Komunitarja u li kienu ġew iddikjarati konformi għall-kundizzjonijiet tad-Direttiva 91/414. Konsegwentement, użi oħra, li ma kinux koperti jew li kienu parzjalment koperti minn din l-evalwazzjoni, għandhom l-ewwel nett ikunu suġġetti għal evalwazzjoni kompleta, qabel ma inklużjoni fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 tista’ tiġi kkunsidrata (31).

84.      Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna t-tul tal-inklużjoni, il-Kummissjoni ssib li huwa utli li tipprevedi limitu ta’ tmintax-il xahar. Fl-opinjoni tagħha, din il-limitazzjoni tkompli tnaqqas ir-riskji billi tiggarantixxi li s-sustanza kkonċernata tkun evalwata mill-ġdid bi prijorità (32).

85.      Jidhirli li dawn l-elementi elenkati fil-preambolu tad-Direttiva 2006/134 juru li l-Kummissjoni pproċediet għal evalwazzjoni globali tal-vantaġġi u l-inkonvenjenzi tas-sistema li għandha tiġi implementata u li din tal-aħħar ma kinitx fi kwalunkwe każ manifestament inadegwata fir-rigward tal-għanijiet imfittxija.

86.      Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tal-mertu u l-limitu ta’ żmien imposti fir-rigward tal-fenarimol ma jidhru bl-ebda mod eċċezzjonali meta mqabbla ma’ dawk adottati fl-istess ġurnata minn direttivi differenti għal sustanzi attivi oħrajn, bħall-metamidofos, il-proċimidon, il-flusilażol, il-karbendażim u d-dinokap (33).

87.      Għalhekk, il-fatt li l-imsemmija direttiva fiha kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti f’dan il-każ b’mod konformi mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 ma jaffetwax fih innifsu l-validità tagħha.

VII – Konklużjoni

88.      Fid-dawl tal-elementi preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lit-Tribunale amministrativo regionale del Lazio:

“L-eżami tad-domanda magħmula ma rrivela ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/134/KE, tal-11 ta’ Diċembru 2006, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni tal-fenarimol bħala sustanza attiva, ma ġietx adottata b’mod validu.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva tal-Kummissjoni 2006/134/KE, tal-11 ta’ Diċembru 2006, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni tas-sustanza attiva fenarimol (ĠU L 314M, .p. 463) .


3 – Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p 332), hekk kif emendata bid-Direttiva 2006/134 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/414”).


4 – Hekk kif emendata bir-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 806/2003, tal-14 ta’ April 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 17, p. 285).


5 – Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92, tal-11 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8 (2) tad-Direttiva tal-Kunsill tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Diċembru 1992, li jistabbilixxi l-modalitajiet għall-implimentazzjoni tal-ewwel fażi tal-programm ta’ xogħol imsemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE li jittratta dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 242), kif emendat bir-Regolament tal-Kummisjoni (KE) Nru 491/95, tat-3 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 17, p. 169), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1199/97, tas-27 ta’ Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 21, p. 166, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3600/92”).


6 – Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/94, tas-27 ta’ April 1994, li jipprovdi s-sustanzi attivi ta’ prodotti ta’ protezzjoni ta’ pjanti u jawtorizza r-rapporteur tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 3600/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 84).


7 – Id-Direttiva 2006/134 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414.


8 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany (C­‑67/96, Ġabra p. I‑5751, punt 39); tal-11 ta’ April 2000, Deliège (C‑51/96 u C‑191/97, Ġabra p. I‑2549, punt 30); tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, Ġabra p. I‑8613, punt 38), kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2009, Distillerie Smeets Hasselt et (C‑126/08, Ġabra p. I-6809, punt 16).


9 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Albany, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40); tat-12 ta’ April 2005, Keller (C‑145/03, Ġabra p. I‑2529, punt 30); Wilson, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39), kif ukoll Distillerie Smeets Hasselt et, iċċitata aktar ’il fuq (punt 17).


10 – Sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, Ġabra p. I‑833). Ara wkoll il-punti 17 sa 20 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott tas-6 ta’ Mejju 2010 fil-kawża Afton Chemical (C‑343/09) pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-punti 34 sa 37 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák, tat-18 ta’ Diċembru 2008, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Bavaria et Bavaria Italia (sentenza tat-2 ta’ Lulju 2009, C‑343/07, Ġabra p. I-5491).


11 – Is-sentenzi TWD Textilwerke Deggendorf, iċċitata iktar ’il fuq (punti 13 u 15), u tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe (C‑239/99, Ġabra p. I‑1197, punt 36).


12 – Ara, is-sentenzi TWD Textilwerke Deggendorf, iċċitata iktar ’il fuq (punti 16 sa 18); Nachi Europe, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37), u tat-8 ta’ Marzu 2007, Roquette Frères (C‑441/05, Ġabra p. I‑1993, punt 40).


13 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi TWD Textilwerke Deggendorf, iċċitata iktar ’il fuq (punti 24 u 25); Nachi Europe, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37); Roquette Frères, iċċitata iktar ’il fuq (punti 40 u 41), kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 1996, Accrington Beef (C‑241/95, Ġabra p. I‑6699, punt 15).


14 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Roquette Frères (punt 41), kif ukoll Nachi Europe (punt 37).


15 – Ara s-sentenza Nachi Europe, iċċitata iktar ’il fuq (punt 37). Din il-possibbiltà tirriżulta minn formulazzjoni stess tat-Trattat KE (ara l-Artikolu 230(4) KE, li issa sar, wara emenda, l-Artikolu 263(4) TFUE).


16 – Ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1997, Eurotunnel et (C‑408/95, Ġabra p. I‑6315, punt 32): li tipprovdi li: “[…] persuna fiżika jew ġuridika tista’ tqajjem l-invalidità tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-direttivi quddiem il-qorti nazzjonali, bħall-Artikoli 28 kontenzjużi, minkejja li […] hija ma ppreżentatx rikors għal annullament skont l-Artikolu 173 tat-Trattat kontra dawn id-dispożizzjonijiet […]”[traduzzjoni mhux uffiċjali].


17 – Ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Ottubru 2009, Vischim vs Il-Kummissjoni (T‑380/06, Ġabra p. I-9245, punti 57 sa 59).


18 – Ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, Ġabra p. I‑10423, punti 20, 30 u 31).


19 – Ara, pereżempju, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Zuid‑Hollandse Milieufederatie u Natuur en Milieu (C‑174/05, Ġabra p. I‑2443, punti 10 sa 16).


20 – Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1987, Foto‑Frost (314/85, Ġabra p. 4199, punt 16).


21 – Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika ex officio l-osservanza tal-garanziji proċedurali mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoni. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1991, Interhotel vs Il-Kummissjoni (C‑291/89, Ġabra p. I‑2257, punti 14 u 15) kif ukoll tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑160/08, Ġabra p. I-3713, punt 40).


22 – Ara l-Artikolu 104(4), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.


23 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 1982, Dorca Marina et (50/82 à 58/82, Ġabra p. 3949, punt 13). Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Gowan tikkontesta l-validità tad-Direttiva 2006/134 billi tiżviluppa ħdax-il ilment, jiġifieri l-ksur tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414, in-nuqqas ta’ motivazzjoni, il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tar-rispett tal-aspettativi leġittimi, l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, l-abbuż ta’ poter, il-ksur tad-dritt għal proċedura ekwa, l-evalwazzjoni żbaljata ta’ riskju, il-ksur ta’ prinċipju tal-eċċellenza xjentifika, il-ksib tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju u l-ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali. Madankollu, dawn l-ilmenti jmorru lil hinn sew miż-żewġ motivi ta’ invalidità mqajma mill-qorti tar-rinviju fid-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.


24 – Fid-dawl tar-restrizzjonijiet li jirriżultaw min-natura tal-proċedura preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx kompletament informata dwar din il-proċedura. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Settembru 2008, Bayer CropScience et vs Il‑Kummissjoni (T‑75/06, Ġabra p. II‑2081), li d-dettalji tekniċi rilevanti kollha li jikkonċernaw emenda oħra tal-Anness I tad-Direttiva 91/414 jistgħu jkunu stabbiliti bir-reqqa quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, wara żewġ skambji ta’ trattazzjoni u domandi addizzjonali f’dan il-każ.


25 – Waqt is-seduta, il-Kummissjoni rriferiet, b’mod partikolari, għan-nuqqas ta’ linji gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) f’dak li jikkonċerna t-testijiet ta’ tfixkil tas-sistema endokrinali.


26 – Ara s-sentenza Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 82).


27 – Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter (265/87, Ġabra p. 2237, punt 21); tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et (C‑331/88, Ġabra p. I‑4023, punt 13); tal-5 ta’ Ottubru 1994, Crispoltoni et (C‑133/93, C‑300/93 u C‑362/93, Ġabra p. I 4863, punt 41); tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punt 81), kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2006, Zuid‑Hollandse Milieufederatie u Natuur en Milieu (C‑174/05, Ġabra p. I‑2443, punt 28).


28 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schräder HS Kraftfutter (punt 22); Fedesa et (punt 14); Crispoltoni et (punt 42); Jippes et (punt 82), kif ukoll Zuid‑Hollandse Milieufederatie u Natuur en Milieu (punt 29).


29 – Ara l-ħames premessa tad-Direttiva 2006/134.


30 – Ibid.


31 – Ibid.


32 – Ara l-premessa 8 tad-Direttiva 2006/134.


33 – Ara d-Direttivi tal-Kummissjoni 2006/131/CE, 2006/132/KE, 2006/133/KE, 2006/135/KE u 2006/136/KE li jemendaw id-Direttiva 91/414 (ĠU L 314M , p. 463).

Top