EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CA0347

Kawża C-347/09: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal- 15 ta’ Settembru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bezirksgericht Linz — l-Awstrija) — proċeduri kriminali kontra Jochen Dickinger, Franz Ömer ( Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Libertà ta’ stabbiliment — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi monopolju tal-operat għal-logħob tal-każinò fuq l-Internet — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Politika kummerċjali espansiva — Kontrolli tal-operaturi ta’ logħob tal-ażżard magħmula fi Stati Membri oħra — Għoti tal-monopolju lil kumpannija privata — Possibbiltà għall-akkwist ta’ dan il-monopolju rriżervata biss lil kumpanniji b’kapital azzjonarju li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju nazzjonali — Projbizzjoni għad-detentur tal-monopolju li jistabbilixxi fergħa barra mit-territorju tal-Istat Membru ta’ stabbiliment )

ĠU C 319, 29.10.2011, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 319/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-15 ta’ Settembru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bezirksgericht Linz — l-Awstrija) — proċeduri kriminali kontra Jochen Dickinger, Franz Ömer

(Kawża C-347/09) (1)

(Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Libertà ta’ stabbiliment - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi monopolju tal-operat għal-logħob tal-każinò fuq l-Internet - Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà - Politika kummerċjali espansiva - Kontrolli tal-operaturi ta’ logħob tal-ażżard magħmula fi Stati Membri oħra - Għoti tal-monopolju lil kumpannija privata - Possibbiltà għall-akkwist ta’ dan il-monopolju rriżervata biss lil kumpanniji b’kapital azzjonarju li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju nazzjonali - Projbizzjoni għad-detentur tal-monopolju li jistabbilixxi fergħa barra mit-territorju tal-Istat Membru ta’ stabbiliment)

2011/C 319/04

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bezirksgericht Linz

Partijiet fil-proċedura kriminali prinċipali

Jochen Dickinger, Franz Ömer

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Bezirksgericht Linz — Interpretazzjoni tal-Artikoli 43 u 49 KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali, il-provvista ta’ logħob tal-ażżard mingħajr liċenzja maħruġa mill-awtorità kompetenti, iżda li tirriżerva l-possibbiltà li tinkiseb tali liċenzja, għal perijodu massimu ta’ 15-il sena, lill-kumpanniji b’kapital azzjonarju stabbiliti fit-territorju nazzjonali u li ma għandhomx kumpanniji sussidjarji barra l-pajjiż

Dispożittiv

(1)

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 49 KE, jipprekludi li jiġi ssanzjonat kriminalment il ksur ta’ monopolju għall-operat tal-logħob tal-ażżard, bħall-monopolju għall-operat tal-logħob ta’ każinò kkummerċjalizzat fuq l-Internet skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk tali leġiżlazzjoni ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt.

(2)

L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għas-servizzi tal-logħob tal-ażżard ikkummerċjalizzati bl-Internet fit-territorju ta’ Stat Membru ospitanti minn operatur stabbilit fi Stat Membru ieħor minkejja l-fatt li dan l-operatur:

stabilixxa fl-Istat Membru ospitanti ċerta infrastruttura bħal server, u

jinqeda b’servizzi ta’ appoġġ minn fornitur stabbilit fl-Istat Membru ospitanti biex jipprovdi s-servizzi tiegħu lil konsumaturi li wkoll huma stabbiliti f’dan l-Istat Membru.

(3)

L-Artikolu 49 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li:

(a)

Stat Membru li jfittex li jiżgura livell ta’ protezzjoni partikolarment għoli tal-konsumaturi fis-settur tal-logħob tal-ażżard jista’ jkun intitolat li jikkunsidra li huwa biss l-għoti ta’ monopolju favur organu uniku suġġett għal kontroll strett min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi li jista’ jippermettilu li jikkontrolla l-kriminalità marbuta ma’ dan is-settur u li jfittex l-għan ta’ prevenzjoni tal-inkoraġġiment għal infiq eċċessiv marbut mal-logħob u mal-ġlieda kontra l-vizzju tal-logħob b’mod suffiċjentement effettiv;

(b)

biex tkun konsistenti mal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità kif ukoll biex jitnaqqsu l-opportunitajiet għal-logħob, leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi monopolju fir-rigward tal-logħob tal-ażżard li tippermetti lid-detentur tal-monopolju li jimplementa politika ta’ espansjoni għandha:

tkun ibbażata fuq il-konstatazzjoni li tgħid li l-attivitajiet kriminali u frawdolenti relatati mal-logħob u mal-vizzju tal-logħob jikkostitwixxu problema fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat li fih, espansjoni tal-attivitajiet awtorizzati u rregolati tkun ta’ natura li tindirizza, u

tippermetti biss l-implementazzjoni ta’ reklamar bil-qies u strettament limitat għal dak li huwa meħtieġ biex il-konsumaturi jiġu diretti lejn networks tal-logħob ikkontrollati;

(ċ)

il-fatt li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ma jistax jaffettwa l-evalwazzjoni tal-ħtieġa u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati fir-rigward, li għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u tal-livell ta’ protezzjoni li huma maħsuba biex jiżguraw.


(1)  ĠU C 282, 21.11.2009.


Top