EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CA0127

Kawża C-127/09: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat- 3 ta’ Ġunju 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberlandesgericht Nürnberg — il-Ġermanja) — Coty Prestige Lancaster Group GmbH vs Simex Trading AG ( “Dritt tat-trade marks — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikolu 13(1) — Direttiva 89/104/KEE — Artikolu 7(1) — Eżawriment tad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark — Kunċett ta’ ‘prodott li jkun tqiegħed fis-suq’ — Kunsens tal-proprjetarju — Fliexken ta’ fwieħa, imsemmija ‘testers’ , li l-proprjetarju ta’ trade mark qiegħed għad-dispożizzjoni ta’ depożitarju li jagħmel parti min-netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva” )

ĠU C 209, 31.7.2010, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 209/8


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-3 ta’ Ġunju 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberlandesgericht Nürnberg — il-Ġermanja) — Coty Prestige Lancaster Group GmbH vs Simex Trading AG

(Kawża C-127/09) (1)

(Dritt tat-trade marks - Regolament (KE) Nru 40/94 - Artikolu 13(1) - Direttiva 89/104/KEE - Artikolu 7(1) - Eżawriment tad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark - Kunċett ta’ ‘prodott li jkun tqiegħed fis-suq’ - Kunsens tal-proprjetarju - Fliexken ta’ fwieħa, imsemmija ‘testers’, li l-proprjetarju ta’ trade mark qiegħed għad-dispożizzjoni ta’ depożitarju li jagħmel parti min-netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva)

2010/C 209/11

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Nürnberg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Coty Prestige Lancaster Group GmbH

Konvenuta: Simex Trading AG

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Oberlandesgericht Nürnberg — Interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146) u tal-Artikolu 7 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex ikunu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92) — Eżawriment tad-dritt li jirriżulta mit-trade mark — Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “prodott li jkun tqiegħed fis-suq” — Kampjuni ta’ fwieħa li l-imballaġġ tagħhom jindika li l-prodott huwa intiż għall-promozzjoni u mhux għall-bejgħ, u li jkunu provviżorjament disponibbli għad-distributuri kuntrattwali mingħajr ma jkun hemm trasferiment ta’ proprjetà

Dispożittiv

F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 13(1) tar Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja, u l-Artikolu 7(1) tal-Ewwel Direttiva tal Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, kif emendata bil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-eżawriment tad-drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark iseħħ biss, skont evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti nazzjonali, jekk ikun hemm il-kunsens espliċitu jew impliċitu tal-proprjetarju tagħha għal tqegħid fis-suq, kemm fil-Komunità Ewropea jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea, rispettivament, tal prodotti li fir-rigward tagħhom ikun qiegħed jiġi invokat l-eżawriment.

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ “testers ta’ fwieħa” lill-intermedjarji li huma marbuta b’kuntratt mal-proprjetarju tat-trade mark sabiex il-klijenti tagħhom ikunu jistgħu jipprovaw il-kontenut iseħħ mingħajr trasferiment ta’ proprjetà u bi projbizzjoni ta’ bejgħ, fejn il-proprjetarju tat-trade mark jista’ f’kull waqt jirtira dawn il-prodotti u fejn l-imballaġġ ta’ dawn il-prodotti jiddistingwi ruħu b’mod ċar minn dak tal-fliexken tal-fwieħa li abitwalment jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-imsemmija intermedjarji mill-proprjetarju tat-trade mark, il-fatt li dawn it-testers huma fliexken tal-fwieħa li jinkludu t-tikketti “demostrazzjoni” u “mhux għall-bejgħ” jipprekludi l-konstatazzjoni li, fin-nuqqas ta’ kull prova kuntrarja li l-evalwazzjoni tagħha għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, kien hemm kunsens impliċitu tal-proprjetarju tat-trade mark għat-tqegħid fis-suq tagħhom.


(1)  ĠU C 141, 20.06.2009


Top