Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TO0012

    Digriet tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) tal-11 ta' Marzu 2010.
    M vs L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA).
    Kawża T-12/08 P-RENV-RX-AJ.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2010:84

    Kawża T‑12/08 P-RENV-RX-AJ

    M

    vs

    L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)

    “Għajnuna legali”

    Sommarju tad-digriet

    Proċedura — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Talba għal għajnuna legali bla ħlas

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 96(4) u 121c(1))

    L-Artikolu 96(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li jgħid li l‑preżentata ta’ talba għal għajnuna legali tissospendi t-terminu previst għall‑preżentata tar‑rikors sad-data tan-notifika tad-digriet li jiddeċiedi din it‑talba, għandu jiġi applikat, b’analoġija, għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali wara eżami mill‑ġdid u rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja u dan ifisser li l‑preżentata ta’ talba għal għajnuna legali, ippreżentata mingħajr l-assistenza ta’ avukat, tissospendi t‑terminu previst mill-Artikolu 121c(1) tal-imsemmija Regoli tal‑Proċedura sad-data tan-notifika tad-digriet li jiddeċiedi din it-talba, u dan sabiex tiġi żgurata l-effettività tiegħu.

    (ara l-punti 15-17)







    DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

    11 ta’ Marzu 2010 (*)

    “Għajnuna legali”

    Fil-Kawża T-12/08 P‑RENV‑RX‑AJ,

    M, ex membru tal-persunal temporanju tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, residenti f’Broxbourne, Hertfordshire (ir-Renju Unit), irrappreżentat minn Jean‑Noël Louis, avukat,

    rikorrent,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija

    Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), irrappreżentata minn V. Salvatore u N. Rampal Olmedo, bħala aġenti,

    konvenuta fl-ewwel istanza,

    li għandha bħala suġġett talba għal għajnuna legali skont l-Artikolu 95 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali,

    IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell),

    komposta minn M. Jaeger (Relatur), President, J. Azizi, N. J. Forwood, O. Czúcz u I. Pelikánová, Imħallfin,

    Reġistratur: E. Coulon,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Jannar 2010, ir-rikorrent M talab li jingħata l-benefiċċju tal-għajnuna legal, skont l-Artikolu 95 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 2009, Eżami mill-ġdid M vs EMEA (C‑197/09 RX-II, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali [li issa saret il-Qorti Ġenerali wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Jannar 2010] tas-6 ta’ Mejju 2009, M vs EMEA (T‑12/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), kienet tippreġudika l-unità u l-koerenza tad-dritt Komunitarju, annullat il-punti 3 u 5 tad-dispożittiv tas-sentenza M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq, u rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

    2        Insostenn ta’ din it-talba r-rikorrent isostni li, wara l-31 ta’ Ottubru 2009, meta ntemm il-perijodu li matulu huwa rċieva benefiċċji tal-qgħad ta’ kull xahar, huwa ma għandu l-ebda riżorsa oħra ħlief id-dħul tal-mara tiegħu [kunfidenzjali] (1). Ir-rikorrenti jispeċifika li l-imsemmi dħul jintuża sabiex jitħallsu l-ispejjeż tad-dar [kunfidenzjali].

    3        Skont l-Artikolu 144 tar-Regoli tal-Proċedura, id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna legali previsti fl-Artikoli 94 sa 97 tal-imsemmija regoli japplikaw għall-proċedura ta’ appell.

    4        Skont l-Artikolu 96(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) tippreżentalha l-osservazzjonijiet tagħha fuq it-talba tar-rikorrent. Hija ma rrispondietx fit-terminu previst.

    5        Skont l-Artikolu 96(2) tar-Regoli tal-Proċedura, id-deċiżjoni dwar it-talba għal għajnuna legali tittieħed mill-President permezz ta’ digriet, li jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti Ġenerali.

    6        F’din il-kawża l-President tal-Awla tal-Appell iddeċieda li juża din il-possibbiltà.

    7        Skont l-Artikolu 94(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-għoti tal-għajnuna legali huwa suġġett għal żewġ rekwiżiti, minn naħa, li r-rikorrent ma jkunx jista’, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tiegħu, totalment jew parzjalment ikopri l-ispejjeż marbuta mal-għajnuna u r-rappreżentazzjoni legali quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, li l-azzjoni tiegħu ma tidhirx manifestament inammissibbli jew manifestament infondata.

    8        F’din il-kawża, fir-rigward tal-ewwel rekwiżit, mill-elementi prodotti insostenn tat-talba għal għajnuna legali jirriżulta li M ma jistax, minn tal-inqas parzjalment, isostni l-ispejjeż marbuta mal-għajnuna u r-rappreżentazzjoni legali minn avukat, għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali wara s-sentenza ta’ Eżami mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq.

    9        Wara dan, għandu jitfakkar li fis-sentenza M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li l-appell ta’ M kien manifestament inammissibbli jew manifestament infondat u dan il-punt ma ġiex ikkonfutat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid.

    10      Peress li M mhuwiex qiegħed jitlob l-għajnuna legali sabiex jibda azzjoni ġdida iżda biss sabiex jesponi l-opinjoni tiegħu fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali wara s-sentenza ta’ Eżami mill-ġdid M vs EMEA, iċċitata iktar ’il fuq, it-tieni rekwiżit għall-għoti tal-għajnuna legali huwa sodisfatt.

    11      Mill-ewwel u mit-tieni pragrafi tal-Artikolu 96(3) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li fil-każ fejn, fit-talba tagħha għal għajnuna legali, il-parti kkonċernata tkun ipproponiet hija stess avukat, id-digriet li jiddeċiedi din it-talba għandu jaħtar lil dan l-avukat sabiex jirrappreżenta lill-parti kkonċernata, ħlief jekk ma jkunx hemm lok li l-għażla tagħha tkun ikkonfermata.

    12      F’din il-kawża, M ippropona li Jean-Noël Louis jinħatar bħala rappreżentant tiegħu. Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li ma hemm xejn li jipprekludi din il-ħatra.

    13      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 96(3) tar-Regoli tal-Proċedura, id-digriet li jagħti l-għajnuna legali jista’ jistabbilixxi somma li tingħata lill-avukat inkarigat sabiex jirrappreżenta lill-parti kkonċernata jew jistabbilixxi limitu massimu li, bħala prinċipju, ma jkunx jista’ jinqabeż mill-ispejjeż u mill-onorarju tal-avukat.

    14      F’din il-kawża, hemm lok li M jingħata l-benefiċċju tal-għajnuna legali sal-limitu ta’ EUR 2 000, abbażi ta’ dokumenti ta’ sostenn.

    15      Skont l-Artikolu 96(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-preżentata ta’ talba għal għajnuna legali tissospendi t-terminu previst għall-preżentata tar-rikors sad-data tan-notifika tad-digriet li jiddeċiedi din it-talba.

    16      Għandu jitfakkar li, qabel l-introduzzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni fir-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali kienet diġà ddeċidiet li, sabiex tiġi żgurata l-effettività tat-talba għal għajnuna legali mressqa mingħajr rappreżentanza ta’ avukat, il-fatt li tali talba tiġi ppreżentata qabel il-preżentata tar-rikors u matul it-terminu previst għal dan il-għan għandu jiġi kkunsidrat bħala li jissospendi t-terminu għall-preżentata tar-rikors sad-data tan-notifika lill-parti kkonċernata, tad-digriet li jiddeċiedi t-talba għal għajnuna legali (digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Jannar 1993, Lallemand-Zeller vs Il‑Kummissjoni, T‑92/92 AJ, Ġabra p. II‑31).

    17      Isegwi li, f’din il-kawża, l-Artikolu 96(4) tar-Regoli tal-Proċedura għandu jiġi applikat, b’analoġija, għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali wara eżami mill-ġdid u rinviju u dan ifisser li l-preżentata ta’ talba għal għajnuna legali tissospendi t-terminu previst mill-Artikolu 121c(1) tar-Regoli tal-Proċedura sad-data tan-notifika ta’ dan id-digriet.

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

    tordna li:

    1)      Ma għandux jingħata l-benefiċċju tal-għajnuna legali.

    2)      Jean-Noël Louis huwa maħtur avukat inkarigat li jirrappreżenta lil M fil-Kawża T‑12/08 P‑RENV‑RX.

    3)      Ammont li jikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ għajnuna u ta’ rappreżentazzjoni ta’ M ser jitħallas lil J‑N Louis, abbażi ta’ dokumenti ta’ sostenn, sal-limitu ta’ EUR 2 000.

    Il-Lussemburgu, 11 ta’ Marzu 2010.

    E. Coulon

     

          M. Jaeger

    Reġistratur

     

          President


    * Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


    1 – Data kunfidenzjali mħollija barra.

    Top