Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0551

    Kawża T-551/08: Rikors ippreżentat fil- 15 ta' Diċembru 2008 — H & R ChemPharm vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 55, 7.3.2009, p. 32–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 55/32


    Rikors ippreżentat fil-15 ta' Diċembru 2008 — H & R ChemPharm vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-551/08)

    (2009/C 55/60)

    Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: H & R ChemPharm GmbH (Salzbergen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Klusmann u S. Thomas, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

    sussidjarjament, tnaqqas b'mod xieraq l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti fid-deċiżjoni kkontestata;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5476 finali, tal-1 ta' Ottubru 2008, fil-Każ COMP/39.181 — Xemgħa bajda, li fiha l-konvenuta ddeċidiet li ċerti impriżi, fosthom ir-rikorrenti, permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fi ftehim kontinwu u/jew prattika miftiehma kontinwa fis-settur tax-xemgħa bajda (paraffin wax), kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

    Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni ksur tad-drittijiet tad-difiża, peress li fid-deċiżjoni kkontestata ma ssirx distinzjoni bejnha u bejn impriżi distinti oħra li ġiet imposta multa fuqhom, iżda jsir riferiment għalihom b'mod konġunt bħala “H & R/Tudapetrol”. Ir-rikorrenti ssostni li ma tistax tifhem liema parteċipazzjoni preċiża għandha tiġi attribwita lilha. Għaldaqstant, inkisru d-drittijiet tad-difiża tagħha sa fejn, mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u mid-deċiżjoni, għandu jirriżulta b'mod ċar liema atti preċiżi jwasslu għall-allegazzjoni ta' ksur ta' dritt u għall-multa konsegwenti.

    Sussidjarjament, ir-rikorrenti tilmenta, fit-tieni motiv tagħha, bin-nuqqas ta' prova ta' ksur min-naħa tagħha. Minħabba l-prova ta' natura ġenerali li hija ġabret fil-konfront tad-destinatarji kollha tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li ma kienet teżisti ebda prova fir-rigward tal-ksur tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni ma evalwatx il-provi b'mod suffiċjentement separat u individwali li seta' u kellu juri l-ineffettività tal-provi mressqa fir-rigward tal-ksur li bih hija akkużata r-rikorrenti.

    B'mod iktar sussidjarju, fit-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega żball fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, li huwa ogħli wisq.

    Permezz tar-raba' motiv tagħha, b'mod dejjem iktar sussidjarju, ir-rikorrenti tallega ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni minħabba żball ta' evalwazzjoni fil-kalkolu tal-multa. B'mod partikolari hija tallega żball ta' evalwazzjoni fl-iffissar tad-dħul mill-bejgħ għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-miżata tad-dħul bħala 17 % u nuqqas ta' proporzjonalità fl-ammont tal-multa minħabba evalwazzjoni spoporzjonata tad-daqs tal-impriża. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega applikazzjoni retroattiva inammissibbli tal-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi tal-2006 għal dan il-każ.


    Top