Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0544

    Kawża T-544/08: Rikors ippreżentat fil- 15 ta' Diċembru 2008 — Hansen & Rosenthal u H & R Wax Company Vertrieb vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 55, 7.3.2009, p. 31–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 55/31


    Rikors ippreżentat fil-15 ta' Diċembru 2008 — Hansen & Rosenthal u H & R Wax Company Vertrieb vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-544/08)

    (2009/C 55/57)

    Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Hansen & Rosenthal KG (Amburgu, il-Ġermanja), H & R Wax Company Vertrieb GmbH (Amburgu, il-Ġermanja) (rappreżentanti: J. Schulte u A. Lober, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5476 finali, tal-1 ta' Ottubru 2008, fil-każ COMP/39181 — Xemgħa bajda, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

    sussidjarjament, tannulla l-multa imposta fuq ir-rikorrenti jew — b'mod iktar sussidjarju — tnaqqas l-ammont tagħha;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-rikorrenti jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5476 finali, tal-1 ta' Ottubru 2008, fil-Każ COMP/39.181 — Xemgħa bajda, li fiha l-konvenuta ddeċidiet li ċerti impriżi, fosthom ir-rikorrenti, kisru l-Artikolu 81 (1) KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fi ftehim kontinwu u/jew fi prattika miftiehma kontinwa fis-settur tax-xemgħa bajda (paraffin wax).

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

    Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas serju ta' motivazzjoni. Għaldaqstant hija għandha tiġi annullata minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u minħabba ksur relatat tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

    Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li ma jeżistux ir-rekwiżiti għal ksur tal-Artikolu 81 KE. Diġà jonqos għan komuni bejn ir-rikorrenti u l-produtturi l-oħra tax-xemgħa bajda. Ir-rikorrenti ma ħadux sehem fi ftehim antikompetittiv jew fi prattiċi miftiehma. It-trażmissjoni ta' avviż dwar żieda fil-prezz għaldaqstant ma kellhiex bħala għan l-applikazzjoni ta' ftehim antikompetittiv iżda seħħet fil-kuntest ta' relazzjonijiet ta' kunsinna. Mill-bqija, ma kienx hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-iskambju ta' informazzjoni.

    Fit-tielet sas-sitt motiv, ir-rikorrenti sussidjarjament jikkontestaw l-ammont tal-multi stabbiliti:

    il-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat il-Linji gwida dwar il-kalkolu tal-multi, li ġew ippubblikati biss fl-2006, minkejja li l-allegat ksur kien intemm fil-bidu tas-sena 2005. B'dan il-mod il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' projbizzjoni ta' venire contra factum proprio, il-prinċipju ta' projbizzjoni ta' retroattività u l-prinċipju ta' ċertezza legali.

    fir-raba' motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni żbaljata mwettqa mill-Kummissjoni tad-dħul mill-bejgħ rilevanti għall-multa. Fis-snin rilevanti, jiġifieri mill-2002 sal-2004, ir-rikorrenti kisbu dħul mill-bejgħ ta' EUR 18.97 miljuni mill-prodotti tax-xemgħa bajda. Madankollu, il-Kummissjoni bbażat il-kalkolu tal-multa fuq dħul mill-bejgħ ta' EUR 26 miljun.

    fil-ħames motiv, ir-rikorrenti jsostnu li, barra minn hekk, il-Kummissjoni evalwat b'mod żbaljat il-gravità tal-ksur. L-iffissar tad-dħul mill-bejgħ rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tal-miżata tad-dħul bħala 17 % jikser il-prinċipju ta' proporzjonalità. Barra minn hekk, id-daqs u l-importanza tal-impriżi ma ġewx meqjusa suffiċjentement.

    permezz tas-sitt motiv ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kkalkolat b'mod żbaljat it-tul ta' żmien li fih ir-rikorrenti allegatament kienu fi ksur. Hija ma pprovatx il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-allegata restrizzjoni tal-kompetizzjoni għall-perijodu kollu li għalih huma ġew akkużati.


    Top