EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0457

Kawża T-457/08: Rikors ippreżentat fl- 10 ta' Ottubru 2008 — Intel vs Il-Kummissjoni

ĠU C 301, 22.11.2008, p. 60–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 301/60


Rikors ippreżentat fl-10 ta' Ottubru 2008 — Intel vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-457/08)

(2008/C 301/99)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Intel (Wilmington, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: N. Green QC, K. Bacon, Barrister)

Konvenuti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjonijiet;

testendi t-terminu sabiex tiġi ppreżentata r-risposta ta' Intel għad-Dikjarazzjoni Supplimentari tal-Oġġezzjonijiet (DSO) għal perjodu ta' 30 ġurnata mid-data li fiha Intel tingħata aċċess għad-dokumenti rilevanti ta' min iressaq l-ilment;

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż ta' Intel.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament, skont l-Artikolu 230 KE, tad-deċiżjoni adottata mill-Uffiċjal tas-Seduta fil-15 ta' Settembru 2008 meħuda skont l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/462/KE (1) fil-każ KOMP/C-3/37.990 — Intel dwar proċediment skont l-Artikolu 82 KE, kif ukoll deċiżjoni mill-Kummissarju fis-6 ta' Ottubru 2008 jew viċin din id-data. Id-deċiżjonijiet ikkontestati jirrigwardaw ir-rifjut mill-Kummissjoni li tikseb, b'mod partikolari minn min iressaq l-ilment f'din il-kawża, ċerti provi dokumentarji li r-rikorrenti tiddikjara li huma direttament rilevanti għall-allegazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fid-DSO. L-Uffiċjal tas-Seduta ċaħad ukoll l-argument ta' Intel li hija ma tistax tirrispondi adegwatament għad-DSO mingħajr ma jkollha dawn id-dokumenti, u rrifjuta li jestendi b'iktar it-terminu ta' Intel sabiex tippreżenta r-risposta tagħha quddiem id-DSO.

Ir-rikorrenti tressaq żewġ motivi in sostenn tat-talbiet tagħha.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet għandhom żbalji ta' liġi u hija ssostni li t-terminu stabbilit għat-tweġiba tagħha quddiem id-DSSO ma jistax jibda jiddekorri sakemm il-fajl ikun materjalment komplet; fil-każ kuntrarju l-impriża ma tistax effettivament teżerċita effettivament id-drittijiet tagħha ta' difiża.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet kkontestati huma manifestament illegali peress li jippermettu lill-Kummissjoni tkompli b'investigazzjoni li hija diskriminatorja u parzjali, u li tipprevjeni lir-rikorrenti milli teżerċita d-drittijiet tagħha ta' difiża. Ir-rikorrenti issostni li dan jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, li jeżiġi li l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha abbażi tal-informazzjoni fattwali u legali kollha li jista' jkollha effett fuq l-eżitu.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Mejju 2001 dwar it-termini ta' riferenza tal-Uffiċjali tas-Seduta f'ċerti proċedimenti ta' kompetizzjoni, ĠU L 162, p. 21.


Top