Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0433

    Kawża T-433/08: Rikors ippreżentat fit- 30 ta' Settembru 2008 — SIAE vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 301, 22.11.2008, p. 57–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 301/57


    Rikors ippreżentat fit-30 ta' Settembru 2008 — SIAE vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-433/08)

    (2008/C 301/95)

    Lingwa tal-kawża: It-Taljan

    Partijiet

    Rikorrenti: Società Italiana degli Autori ed Editori — SIAE (Ruma, l-Italja) (rappreżentanti: M. Siragusa, avukat, M. Mandel, avukat, L. Vullo, avukat, S. Valentino, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla l-Artikoli 3 u 4(2) tad-deċiżjoni;

    tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti fil-kawża preżenti;

    tordna kwalunkwe miżura oħra, anke istruttorja, li hija tqis li hija xierqa.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Id-deċiżjoni kkontestata fil-kawża preżenti hija l-istess waħda kkontestata fil-kawża T-392/08, AEPI vs Il-Kummissjoni.

    In sostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tressaq ħames motivi.

    Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni l-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 81 KE u nuqqas ta' investigazzjoni safejn id-deċiżjoni tikkonstata l-eżistenza ta' prattika miftiehma minkejja nuqqas ta' kwalunkwe element ta' prova ħlief is-sempliċi sitwazzjoni li ħafna mill-ftehim ta' rappreżentanza reċiproka jillimita l-eżerċizzju tas-setgħa li jinħarġu liċenzji għat-territorju li fih topera l-kumpannija ta' amministrazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni injorat li ħafna kumpanniji ta' amministrazzjoni jsostnu fil-fatt li jistgħu jiggarantixxu bl-aħjar mod id-drittijiet tal-membri tagħhom billi jafdaw ir-repertorju tagħhom lil dawk il-kumpanniji ta' amministrazzjoni li jistgħu jassigurawlhom protezzjoni effikaċji tad-drittijiet tal-awtur u li huwa minnu li l-kumpanniji bi preżenza stabbilita fuq it-territorju huma kompletament kapaċi biex jissodisfaw tali bżonn.

    Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni l-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 81 KE u l-motivazzjoni illoġika tad-deċiżjoni fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni stess, meta ppruvat turi l-vijabbiltà ta' amministrazzjoni ta' liċenzji multiterritorjali għax-xandir ta' xogħlijiet mużiklali permezz ta' satellita, bil-kejbil jew fuq l-internet, tispiċċa biex turi l-ineżistenza ta' aġir parallel tal-kumpanniji ta' amministrazzjoni. L-ilment tal-Kummissjoni huwa fil-fatt ivvizjat mill-eżempji stess iċċitati mill-Kummissjoni tal-għoti minn naħa tal-kumpanniji ta' amministrazzjoni tal-mandati b'estensjoni iktar wiesgħa tat-territorji li fih topera kumppannija waħda.

    Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni l-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 81 KE safejn, fl-ipoteżi nnegata li fiha l-Kummissjoni taċċerta l-eżistenza ta' prattika miftiehma, din tal-aħħar ma jkollha ebda effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni safejn id-demarkazzjonijiet territorjali jikkostitwixxu l-korollarju neċessarju għan-natura esklużiva tad-drittijiet tal-awturi.

    Permezz tar-raba' motiv, ir-rikorrenti ssostni l-ksur minn naħa tal-Kummissjoni tad-dritt għal smigħ xieraq u l-ksur tal-Artikolu 253 KE minħabba nuqqas ta' motivazzjoni fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni ma informatx lill-kumpanniji bl-elementi essenzjali ta' fatt li fuqhom ibbażat ruħha sabiex ma tilqax, wara l-verifika tas-suq, l-obbligi proposti minn SIAE.

    Permezz tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni l-ksur tal-Artikolu 253 KE minħabba nuqqas ta' motivazzjoni, ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, tal-prinċipju ta' ċertezza legali, tad-dritt għal smigħ xieraq u l-motivazzjoni illoġika tal-miżuri preskritti mill-Artikolu 4(2) tad-deċiżjoni. In-nuqqas ta' preċiżjoni assoluta tal-attività ta' “reviżjoni” mitluba mill-kumpannija ta' amministrazzjoni tissuġġetta inġustament lil SIAE għal sitwazzjoni ta' inċertezza sabiex tidentifika sitwazzjonijiet li huma kkunsidrati mill-Kummissjoni bħala suffiċjenti sabiex itemmu l-allegata prattika miftiehma. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni tirrikonoxxi espressament li l-fatt li jiġi limitat il-mandat għat-territorju tal-kumpannija ta' amministrazzjoni ma jikkostitwix restrizzjoni għall-kompetizzjoni, imur manifestament kontra dan li l-kumpannija ta' amministrazzjoni tiġi ordnata tirrevedi b'mod bilaterali d- demarkazzjonijiet territorjali fil-mandati kollha tagħha għax-xandir permezz ta' satellita, bil-kejbil jew fuq l-internet u, għaldaqstant, li tipprovdi lill-Kummissjoni kopja tar-reviżjoni ta' tali ftehim ta' rappreżentanza reċiproka. Barra minn hekk, peress li l-Kummissjoni titlob reviżjoni “bilaterali” tad-demarkazzjonijiet territorjali, l-osservanza kompleta mis-SIAE tal-Artikolu 4(2) tad-deċiżjoni madankollu mneħħija mill-kamp deċiżjonali tas-SIAE stess, peress li hija suġġetta wkoll għad-deliberazzjonijiet awtonomi ta' 23 kumpannija ta' amministrazzjoni oħra.


    Top