Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0368

    Kawża T-368/08: Rikors ippreżentat fis- 26 ta' Awwissu 2008 — Atlantean Ltd vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    ĠU C 301, 22.11.2008, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 301/43


    Rikors ippreżentat fis-26 ta' Awwissu 2008 — Atlantean Ltd vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    (Kawża T-368/08)

    (2008/C 301/74)

    Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Atlantean (Killybegs, l-Irlanda) (rappreżentanti: M. Fraser, D. Hennessy, Solicitors, G. Hogan SC, E. Regan, u C. Toland, barristers)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3236, tas-26 ta' Ġunju 2008, indirizzata lill-Irlanda fir-risposta tagħha għat-talba tal-Irlanda dwar l-Atlantean;

    tikkundanna l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    F'din il-kawża, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3236, tas-26 ta' Ġunju 2008, li tiċħad it-talba tal-Irlanda sabiex iżżid il-kapaċità — fir-rigward tal-bastiment tagħha Atlantean — skont ir-raba' programm multiannwali ta' linji gwida (MAGP IV) intiż li jtejjeb is-sigurtà, in-navigazzjoni fuq il-baħar, l-iġjene, il-kwalità tal-prodott u l-kundizzjonijiet ta' xogħol għal bastimenti ta' tul approssimattiv ta' iktar minn 12-il metru. L-ewwel Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/245/KE, tal-4 ta' April 2003 (1), li tiċħad it-talba tal-Irlanda ġiet annullata mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Ġunju 2006, sa fejn din kienet tapplika għall-bastiment Atlantean (2) tar-rikorrenti.

    Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tgħid li d-deċiżjoni kkontestata ttieħdet, mhux fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/413/KE (3), li hija tikkunsidra bħala l-bażi legali rilevanti, iżda taħt l-Artikolu 11(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002/KE (4). Konsegwentement, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni mhux biss ma kellhiex kompetenza sabiex tieħu din id-deċiżjoni iżda li barra minn hekk, hija kisret il-prinċipji ta' non-retroattività, ta' ċertezza legali, tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta' non-diskriminazzjoni, ta' trattament ugwali kif ukoll il-prinċipju ta' proporzjonalità. Hija ssostni li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tagħti raġunijiet skont l-Artikolu 253 KE, u kisret id-dritt ta' smiegħ tar-rikorrenti u d-dritt tagħha ta' proprjetà. Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni abbużat mill-poteri tagħha, aġixxiet b'mala fide u għamlet żbalji manifesti u li ma jistgħu jiġu skużati fid-deċiżjoni tagħha. Hija ssostni wkoll li l-Kummissjoni aġixxiet lilhinn mil-limiti tad-diskrezzjoni tagħha.

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppruvat topponi għal talba għad-danni mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza mir-rikorrenti fil-Kawża T-125/08 (5) u li konsegwentement, il-Kummissjoni ma kinitx qed taġixxi bona fide.


    (1)  ĠU L 90, 8.4.2003, p. 48.

    (2)  Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-13 ta' Ġunju 2006, Atlantean vs Il-Kummissjoni, T-192/03, Ġabra 2006 p. II-42.

    (3)  Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-26 ta' Ġunju 1997, dwar l-għanijiet u r-regoli dettaljati għar-ristrutturar, għall-perijodu bejn l-1 ta' Jannar 1997 u l-31 ta' Diċembru 2001, is-settur Komunitarju tas-sajd bl-għan li jintlaħaq bilanċ sostenibbli bejn ir-riżorsi u l-użu tagħhom, ĠU L 175, 3.7.1997, p. 27.

    (4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, tal-20 ta' Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd, ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

    (5)  Kawża T-125/08, Atlantean vs Il-Kummissjoni, ĠU C 116, 9.5.2008, p. 28.


    Top