Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0209

    Kawża T-209/08: Rikors ippreżentat fl- 4 ta' Ġunju 2008 — Stichting Administratiekantoor Portielje vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 197, 2.8.2008, p. 30–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.8.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 197/30


    Rikors ippreżentat fl-4 ta' Ġunju 2008 — Stichting Administratiekantoor Portielje vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-209/08)

    (2008/C 197/52)

    Lingwa tal-kawża: L-Olandiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Stichting Administratiekantoor Portielje (Rotterdam, l-Olanda) (rappreżentanti: D. Van Hove, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 926 finali tal-11 ta' Marzu 2008, innotifikata lir-rikorrenti fil-25 ta' Marzu 2008, dwar proċeduri ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE (Każ COMP/38.543 — Servizzi ta' ġarr internazzjonali) fil-parti fejn tissemma r-rikorrenti;

    sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2(e) tad-deċiżjoni, fil-parti fejn tissemma r-rikorrenti, għall-motivi msemmija fir-raba' u/jew fil-ħames motivi, u t-tnaqqis tal-multa imposta fl-Artikolu 2, fil-parti fejn tissemma r-rikorrenti;

    tikkundanna lil-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    L-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti jgħid li d-deċiżjoni kisret l-Artikoli 81 KE u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (1), peress li l-Kummissjoni ma wrietx skond il-liġi li r-rikorrenti hija impriża skond l-artikoli msemmija.

    Fit-tieni motiv, ir-rikorrenti tgħid li d-deċiżjoni kisret l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li l-Kummissjoni, fid-dawl tal-fatti, bi żball attribwiet ir-responsabbiltà ta' l-aġir ta' Gosselin lir-rikorrenti.

    Fit-tielet motiv, ir-rikorrenti tgħid li d-deċiżjoni kisret l-Artikolu 81 KE. L-ewwel parti ta' l-imsemmi motiv tgħid li l-Kummissjoni ma wrietx skond il-liġi li l-atti li jistgħu jiġu kkontestati lil Gosselin għandhom ikunu kkwalifikati bħala restrizzjoni evidenti għall-kompetizzjoni skond l-Artikolu 81 KE. It-tieni parti tgħid li l-Kummissjoni ma wrietx skond il-liġi li l-akkordju li fih Gosselin ħadet sehem jista' jolqot b'mod rilevanti l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    Ir-raba' motiv jgħid li d-deċiżjoni kisret l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 (2), l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17/62 (3) u l-linji gwida għall-kalolku tal-multi (4). Il-Kummissjoni kisret dawn id-dispożizzjonijiet meta kkonstatat il-gravità tal-ksur, il-valur tal-bejgħ li jservi sabiex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Gosselin u, fl-aħħar nett, ma kkunsidratx cirkustanzi attenwanti għal Gosselin fil-kuntest tal-kalkolu tal-multa.

    Il-ħames motiv jgħid li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' trattament ugwali, u b'mod partikolari meta kkonstatat il-gravità tal-ksur u l-valur tal-bejgħ li ttieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkolata l-multa.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, p. 1).

    (2)  Diġà ċċitat fin-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

    (3)  Regolament Nru 17: L-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204).

    (4)  Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).


    Top