Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0199

    Kawża T-199/08: Rikors ippreżentat fit- 3 ta' Ġunju 2008 — Ziegler vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 183, 19.7.2008, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.7.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 183/28


    Rikors ippreżentat fit-3 ta' Ġunju 2008 — Ziegler vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-199/08)

    (2008/C 183/53)

    Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Ziegler SA (rappreżentant: J.-L. Lodomez, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-11 ta' Marzu 2008 dwar proċedura skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38.543 — Servizzi ta' ġarr internazzjonali), li timponi fuq ir-rikorrenti multa ta' EUR 9 200 000,00;

    sussidjarjament, tikkanċella l-multa;

    b'mod aktar sussidjarju, tnaqqas b'mod sostanzjali l-ammont ta' din il-multa;

    u, fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 926 finali tal-11 ta' Marzu 2008 fil-Każ COMP/38.543 — Servizzi ta' ġarr internazzjonali, li permezz tagħha l-Kummissjoni stabbiliet li ċerti impriżi, fosthom ir-rikorrenti, kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea billi fissaw prezzijiet għas-servizzi ta' ġarr internazzjonali fil-Belġju, billi qassmu bejniethom parti minn dak is-suq u billi aġixxew b'mod qarrieqi fil-proċedura tas-sejħa għal offerti.

    In sostenn tal-pretensjonijiet tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni u ta' liġi fid-definizzjoni tas-suq in kwistjoni u fl-evalwazzjoni tad-daqs tas-suq u tas-sehem mis-suq ta' kull kumpannija in kwistjoni.

    Ir-rikorrenti minbarra dan tqajjem motivi bbażati fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża, tad-dritt ta' aċċess għall-fajl, tad-dritt għal proċedura ġusta u tal-prinċipju ġenerali ta' amministrazzjoni tajba.

    Għal dak li jikkonċerna l-multa imposta u l-ammont tagħha, ir-rikorrenti ssostni li:

    il-Kummissjoni ma wrietx li l-prattiċi in kwistjoni kienu affettwaw b'mod kunsiderevoli l-kummerċ bejn l-Istati Membri;

    l-ammont tal-multa huwa sproporzjonat fil-konfront tal-portata effettiva tal-prattiċi u ta' l-effett reali fuq is-suq; u

    il-prattika ta' stimi foloz kienet magħrufa u ttollerata mill-Kummissjoni għal żmien twil; in-nuqqas ta' reazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni wasslet lir-rikorrenti sabiex taħseb li l-prattika kienet legali.

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kenitx ħadet in kunsiderazzjoni, bħala ċirkustanzi attenwanti, li l-prattika miftiehma kienet waqfet ħafna żmien qabel għal dak li jirrigwarda r-rikorrenti u li l-istimi foloz kienu risposta għad-domanda tas-suq u mhux akkordju jew prattika miftiehma. Ir-rikorrenti tallega wkoll ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.


    Top