Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TN0068

    Kawża T-68/08: Rikors ippreżentat fis- 6 ta' Frar 2008 — FIFA vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 107, 26.4.2008, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.4.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 107/30


    Rikors ippreżentat fis-6 ta' Frar 2008 — FIFA vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-68/08)

    (2008/C 107/51)

    Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Fédération Internationale de Football Association (FIFA) (Zurich, L-Iżvizzera) (rappreżentanti: E. Batchelor, F. Young, Solicitors, u A. Barav, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tar-rikorrenti

    Tannulla, kompletament jew parzjalment, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/730/KE tas-16 ta' Ottubru 2007 dwar il-kompatibbiltà mal-liġi Komunitarja tal-miżuri meħuda mir-Renju Unit skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni, b'mod partikolari l-Artikoli 1 sa 3 tagħha, safejn hija tikkonċerna t-Tazza tad-Dinja FIFATM; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż tal-FIFA fir-rigward ta' dawn il-proċeduri.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Skond l-Artikolu 3a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE (1) Stat Membru jista' jfassal lista ta' avvenimenti sportivi jew oħrajn li huma meqjusa bħala avvenimenti ta' “importanza kbira għas-soċjetà”. L-avvenimenti fuq il-lista ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' drittijiet esklużivi ta' xandir li jċaħħdu lil proporzjoni sostanzjali tal-pubbliku f'dak l-Istat Membru milli jsegwi l-avveniment permezz ta' xandira diretta jew differita fuq it-televiżjoni mingħajr ħlas.

    Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/730/KE tas-16 ta' Ottubru 2007 (2) li permezz tagħha l-Kummissjoni ddikjarat li l-lista mfassla mir-Renju Unit skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552/KEE, li telenka s-64 logħba kollha tat-Tazza tad-Dinja FIFA, kienet kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Din ma timpedixxi lill-FIFA milli tagħti liċenzji esklużivi lix-xandara fir-rigward ta' xandir dirett fir-Renju Unit ta' kwalunkwe logħba tat-Tazza tad-Dinja FIFA.

    In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tissottometti li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija vvizzjata minn ksur ta' rekwiżit proċedurali essenzjali billi tonqos milli tiddikjara r-raġunijiet għall-approvazzjoni ta' l-inklużjoni ta' l-64 logħba kollha fit-Tazza tad-Dinja FIFA fuq il-lista tar-Renju Unit.

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-Direttiva 89/552/KEE, peress li l-proċedura segwita mill-awtoritajiet Britanniċi għall-adozzjoni tal-miżura ma kinitx ċara u trasparenti, u peress li l-logħob kollu li ntlagħab fil-kuntest tat-Tazza tad-Dinja FIFA ma kinux ta' importanza kbira għas-soċjetà Britannika.

    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-drittijiet ta' proprjetà tar-rikorrenti billi ma tħallihiex tagħti liċenzji esklużivi fir-rigward ta' xandir dirett fir-Renju Unit għal kwalunkwe logħba li tintlagħab fil-kuntest tat-Tazza tad-Dinja FIFA.

    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi billi ċċaħħad lir-rikorrenti milli tagħti liċenzji fir-rigward ta', u lix-xandara milli jakkwistaw, drittijiet esklużivi ta' xandir dirett għal kwalunkwe logħba tat-Tazza tad-Dinja FIFA mxandra fir-Renju Unit.

    Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-kompetizzjoni billi tippermetti mġiba abbużiva ta' pożizzjoni dominanti konġunta u/jew ftehim anti-kompetittiv għall-akkwist ta' drittijiet ta' xandir dirett ta' logħob tal-futbol internazzjonali fir-Renju Unit u billi tirrestrinġi l-kompetizzjoni fuq it-televiżjoni mingħajr ħlas, reklamar u swieq tat-televiżjoni bi ħlas li xxandar avvenimenti sportivi mill-aqwa relattivi.

    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar id-dritt ta' stabbiliment billi tirrestrinġi l-aċċess għad-drittijiet esklużivi ta' xandir dirett fir-Renju Unit ta' kwalunkwe logħba li tintlagħab fil-kuntest tat-Tazza tad-Dinja FIFA għal min jidħol jew għal min potenzjalment jista' jidħol fis-suq Britanniku rilevanti.


    (1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta' Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, 1989, p. 23).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/730/KE tas-16 ta' Ottubru 2007 dwar il-kompatibbiltà mal-liġi Komunitarja tal-miżuri meħuda mir-Renju Unit skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (ĠU L 295, 2007, p. 12).


    Top