Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TJ0580

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) tad-19 ta' Mejju 2011.
    PJ Hungary Szolgáltató kft (PJ Hungary kft) vs l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trademarks u disinni) (UASI).
    Trade mark Komunitarja - Proċedimenti ta’ oppożizzjoni - Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali PEPEQUILLO - Trade marks nazzjonali u Komunitarji verbali u figurattivi preċedenti PEPE u PEPE JEANS - Restitutio in integrum - Raġuni relattiva għal rifjut - Probabbiltà ta’ konfużjoni - Xebh tal-prodotti - Artikolu 78 tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 81 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] - Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Aritkolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009].
    Kawża T-580/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011 II-02423

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2011:227

    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

    19 ta’ Mejju 2011 ( *1 )

    Fil-Kawża T-580/08,

    PJ Hungary Szolgáltató kft (PJ Hungary kft), stabbilita f’Budapest (l-Ungerija), irrappreżentata minn H. Granado Carpenter u C. Gutiérrez Martínez, avukati,

    rikorrenti,

    vs

    L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn O. Mondéjar Ortuño, bħala aġent,

    konvenut,

    il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

    PEPEkillo, SL, stabbilita f’Algésiras (Spanja), irrappreżentata minn J. Garrido Pastor, avukat,

    li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjonijiet tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI tat-30 ta’ April u tal-24 ta’ Settembru 2008 (it-tnejn li huma mogħtija fil-Każ R 722/2007-1), li jirrigwardaw, rispettivament, l-applikazzjoni gћal restitutio in integrum ta’ PEPEkillo, SL, u l-proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn PJ Hungary Szolgáltató kft (PJ Hungary kft) u PEPEkillo,

    IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

    komposta minn S. Papasavvas, President, V. Vadapalas (Relatur) u K. O’Higgins, Imħallfin,

    Reġistratur: E. Coulon,

    wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Diċembru 2008,

    wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ April 2009,

    wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Marzu 2009,

    wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-9 ta’ Lulju 2009,

    wara li rat li l-partijiet ma ressqux talba għall-iffissar ta’ seduta fi żmien xahar min-notifika tal-għeluq tal-proċedura bil-miktub u wara li għaldaqstant iddeċidiet, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u skont l-Artikolu 135a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi mingħajr il-fażi orali tal-proċedura,

    wara li rat il-bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Fl-20 ta’ Novembru 2003, M. S. L. ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)].

    2

    It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali PEPEQUILLO

    3

    Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 18, 25 u 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

    klassi 18: “Ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, oġġetti oħra magħmula minn dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud tal-annimali; bagolli u valiġġi; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti u oġġetti tas-sarraġ”;

    klassi 25: “Ħwejjeġ, żraben u kpiepel”;

    klassi 35: “Servizzi ta’ bejgħ bl-imnut fil-ħwienet ta’ kwalunke oġġett; servizzi ta’ assistenza fil-ġestjoni ta’ impriża kummerċjali fir-rigward ta’ franchises; servizzi ta’ promozzjoni u ta’ bejgħ permezz ta’ netwerks informatiċi; servizzi ta’ aġenziji tal-importazzjoni/esportazzjoni”.

    4

    L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 36/2004, tas-6 ta’ Settembru 2004.

    5

    L-applikazzjoni ntbagħtet sussegwentement lill-intervenjenti, Pepkillo, SL.

    6

    Fl-1 ta’ Diċembru 2004, kumpannija terza għamlet oppożizzjoni skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, (li sar l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009), kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għall-prodotti u servizzi msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

    7

    L-oppożizzjoni hija bbażata fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin:

    reġistrazzjoni fi Spanja bin-numru 1627317 tat-trade mark verbali PEPE, fl-1997;

    reġistrazzjoni fi Spanja bin-numru 1719159 tat-trade mark figurattiva li ġejja:

    Image

    reġistrazzjoni Komunitarja bin-numru 345496 tat-trade mark verbali PEPE, fl-20 ta’ Ottubru 1998;

    reġistrazzjoni fi Spanja bin-numru 1290744 tat-trade mark verbali PEPE JEANS, fl-1991;

    reġistrazzjoni Komunitarja bin-numru 1807379 tat-trade mark verbali PEPE JEANS, fit-3 ta’ Awwissu 2001;

    reġistrazzjoni fi Spanja bin-numri 1905641, 1769728 u 1769576, fl-1995 u fl-1996, tat-trade marks figurattivi li ġejjin:

    it-trade mark figurattiva kif tidher hawn taħt:

    Image

    it-trade mark figurattiva kif tidher hawn taħt:

    Image

    reġistrazzjoni Komunitarja bin-numru 287029, fis-16 ta’ Lulju 1998, tat-trade mark figurattiva kif tidher hawn taħt:

    Image

    reġistrazzjonijiet oħra, b’mod partikolari fi Spanja, li fihom l-espressjoni “PEPE jeans” jew il-kelma “PEPE”, bħat-trade marks PEPE JEANS PORTOBELLO (numru 1789013), PEPE JEANS WEST ELEVEN (numru 2222218), PEPE JEANS Est. 73 W11 (numri 2181476 u 2181477), PEPE JEANS M2 (numru 2096733), PEPE BETTY (numru 1193156), PEPECO (numru 1652022), PEPE JEANS VINTAGE (reġistrazzjoni Komunitarja bin-numru 3342649), PEPE CLOTHING (numru 1293444), PEPE F4 (numru 1704783), PEPE M3 (numru 1704784), PEPE 2XL (numru 1172266), PEPE M99 (numru 1704781).

    8

    It-trade marks preċedenti jirreferu għall-prodotti li ġejjin:

    għar-reġistrazzjoni fi Spanja bin-numru 1627317, il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 18 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Prodotti tal-ġilda u imitazzjoni tal-ġilda; tikketti tal-ġilda, basktijiet għall-ivvjaġġar, barżakki, kaxxetti tad-dokumenti, portmonijiet, portafolli, basktijiet ċatti, umbrelel, parasoli u bsaten”.

    għar-reġistrazzjoni fi Spanja bin-numru 1719159, il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Konfezzjonijiet ta’ kull tip”.

    għar-reġistrazzjoni Komunitarja bin-numru 345496, il-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 18 u 25 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

    klassi 18: “Basktijiet, basktijiet tal-idejn, barżakki, basktijiet tal-iskola, barżakki [haversacks], duffel bags, valiġġi, hold-alls, kaxxetti, valiġetti, basktijiet tal-ivvjaġġar, portmonijiet, portafolli, basktijiet ċatti, umbrelel, parasoli”;

    klassi 25: “Ħwejjeġ; ċinturini; jeans; żraben u kpiepel”.

    għar-reġistrazzjoni fi Spanja bin-numru 1290744, il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “ Ħwejjeġ, żraben u kpiepel”.

    għar-reġistrazzjoni Komunitarja bin-numru 1807379, il-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 3 u 18 u li jikkorrispondu, b’mod partikolari, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

    klassi 3: “Fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozzjonijiet għax-xagħar, xagħar artifiċjali ta’ xfar il-għajn, kolla għat-twaħħil ta’ xagħar artifiċjali ta’ xfar il-għajn”;

    klassi 18: “Portmonijiet, barżakki, basktijiet tal-iskola, barżakki, valiġġi, basktijiet kbar, kaxxetti, valiġetti, basktijiet tal-ivvjaġġar, portmonijiet, kartieri tad-dokumenti (tal-ġilda), umbrelel, parasoli”.

    għar-reġistrazzjonijiet fi Spanja bin-numri 1905641, 1769728 u 1769576, il-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 3, 18 u 25 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

    klassi 3: “Fwejjaħ, żjut essenzjali, kożmetiċi, lozzjonijiet għax-xagħar, xagħar artifiċjali ta’ xfar il-għajn, kolla għat-twaħħil ta’ xagħar artifiċjali ta’ xfar il-għajn”

    klassi 18: “Prodotti tal-ġilda u imitazzjoni tal-ġilda, tikketti tal-ġilda, basktijiet tal-idejn, valiġġi, oġġetti tal-ivvjaġġar, parasoli, bsaten, basktijiet tal-iskola u barżakki, kollha tal-ġilda”;

    klassi 25: “Ħwejjeġ, żraben bl-eċċezzjoni ta’ żraben ortopediċi u kpiepel”.

    għar-reġistrazzjoni Komunitarja bin-numru 287029, il-prodotti li jaqgħu, b’mod partikolari, fil-klassijiet 18 u 25 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

    klassi 18: “Basktijiet, basktijiet tal-idejn, barżakki, basktijiet tal-iskola, barżakki [haversacks], duffel bags, barżakki, valiġġi, hold-alls, kaxxetti, valiġetti, basktijiet tal-ivvjaġġar, portmonijiet, portafolli tal-but, basktijiet ċatti, umbrelel, parasoli”

    klassi 25: “Artikoli ta’ ħwejjeġ; ċinturini; jeans; żraben u kpiepel”.

    għar-reġistrazzjonijiet fi Spanja bin-numri 2181476, 2181477 u 1704783, il-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 18 u 25 u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

    klassi 18: “Ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, oġġetti oħra magħmula minn dan il-materjal u mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud tal-annimali; bagolli u valiġġi; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti u oġġetti tas-sarraġ”;

    klassi 25: “Ħwejjeġ, żraben (bl-eċċezzjoni ta’ żraben ortopediċi), kpiepel”.

    għar-reġistrazzjonijiet fi Spanja bin-numri 1704781, 1704784 u 2222218, il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ħwejjeġ, żraben (bl-eċċezzjoni ta’ żraben ortopediċi), kpiepel”.

    għar-reġistrazzjonijiet fi Spanja bin-numri 1172266, 1193156, 1293444 u 1652022, il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ħwejjeġ, żraben, kpiepel”.

    għar-reġistrazzjoni fi Spanja bin-numru 1789013, il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ħwejjeġ, żraben tal-isport (bl-eċċezzjoni ta’ żraben ortopediċi), kpiepel”.

    għar-reġistrazzjoni fi Spanja bin-numru 2096733, il-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Ħwejjeġ prêt-à-porter, ċinturini (tal-ilbies); jeans; żraben u kpiepel”.

    għar-reġistrazzjoni Komunitarja bin-numru 3342649, il-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 18 u 25 u li jikkorrispondu, b’mod partikolari, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

    klassi 18: “Artikoli tal-ġilda jew imitazzjoni tal-ġilda, oġġetti oħra magħmula minn dan il-materjal, mhux inklużi fi klassijiet oħra; ġlud tal-annimali; bagolli u valiġġi; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti u oġġetti tas-sarraġ; basktijiet, portmonijiet, barżakki, portafolli, wallets, hold-alls, kaxxetti inklużi fil-klassi 18, serviettes, basktijiet tal-ivvjaġġar, portafolli (tal-but)”;

    klassi 25: “Ħwejjeġ, ħwejjeġ prêt-à-porter, ċinturini, jeans, żraben u kpiepel”.

    9

    Dawn ir-reġistrazzjonijiet intbagħtu sussegwentement lir-rikorrenti, PJ Hungary Szolgáltató kft (PJ Hungary kft).

    10

    Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 207/2009].

    11

    Fid-9 ta’ Marzu 2007, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni laqgħat l-oppożizzjoni għall-prodotti u s-servizzi kollha li kontrihom din kienet saret u rrifjutat li tirreġistra t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, billi qieset li, fl-użu tal-imsemmija trade mark, l-intervenjenti kienet ser tapprofitta mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti PEPE u PEPE JEANS.

    12

    Fl-10 ta’ Mejju 2007, l-intervenjenti appellat quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 (li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009), mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

    13

    L-intervenjenti ressqet ir-raġunijiet tal-appell tagħha quddiem l-UASI fit-13 ta’ Lulju 2007, jiġifieri ġurnata wara d-data ta’ skadenza tat-12 ta’ Lulju 2007 għall-preżentata ta’ dawn ir-raġunijiet. Permezz ta’ ittra mir-Reġistru tad-19 ta’ Lulju 2007, l-UASI informa lill-intervenjenti li r-raġunijiet tal-appell tagħha kienu waslu wara d-data ta’ skadenza u li l-appell seta’ jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    14

    L-intervenjenti ppreżentat għalhekk quddiem l-UASI applikazzjoni gћal restitutio in integrum, fit-12 ta’ Settembru 2007, skont l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 207/2009), li tesponi li hija aġixxiet b’attenzjoni u li d-dewmien fil-preżentata tar-raġunijiet ma setax jiġi imputat lilha, sa fejn dan kien ir-responsabbiltà tal-impriża ta’ kunsinna.

    15

    Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar ir-restitutio in integrum”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-applikazzjoni għal restitutio in integrum tal-intervenjent u, konsegwentement, iddeċieda li “ir-raġunijiet tal-appell għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ġew ippreżentati fit-terminu stabbilit mir-Regolament Nru 40/94”.

    16

    Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2008 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni fuq il-mertu”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI laqa’ l-appell ippreżentat mill-intervenjenti, u b’deċiżjoni annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u ċaħad l-oppożizzjoni tar-rikorrenti. B’mod partikolari, huwa kkunsidra li, minn naħa, ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, u li, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(5) ta’ dan ir-regolament ma kinux japplikaw għal dan il-każ, billi t-trade marks kunfliġġenti ma kinux simili.

    17

    Il-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod partikolari li t-trade marks kienu differenti fuq livell viżiv, fonetiku u kunċettwali, li ma ntweriex li s-sinjali preċedenti jifformaw familja ta’ trade marks (u mhux biss familja “ta’ reġistrazzjoni”) u fl-aħħar nett, li l-argument dwar il-fama u l-karattru partikolarment distintiv tas-sinjali preċedenti ma jistax jiġi aċċettat f’dan il-każ.

    It-talbiet tal-partijiet

    18

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-deċiżjoni dwar ir-restitutio in integrum;

    tannulla d-deċiżjoni fuq il-mertu;

    tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri kif ukoll dawk tal-proċedimenti amministrattivi quddiem l-UASI.

    19

    L-UASI u l-intervenjenti jitlobu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    20

    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    Fuq id-dokumenti prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali

    21

    Fl-anness mar-rikors, ir-rikorrenti pproduċiet kopja ta’ artiklu, ippubblikat fit-22 ta’ April 2008 f’ġurnal ta’ kuljum Spanjol, li jittratta l-iktar għaxar kelmiet użati fil-lingwaġġ kurrenti Spanjol, u li b’mod partikolari jirreferi għall-kelma “quillo”, bħala taqsira tal-kelma “chiquillo”.

    22

    Dawn id-dokumenti, li ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jistgħux jiġu kkunsidrati. Fil-fatt, ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali huwa intiż sabiex tiġi eżaminata l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI fis-sens tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009), b’mod li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali mhijiex li teżamina mill-ġdid iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha. Għaldaqstant, id-dokumenti hawn fuq imsemmija għandhom jiġu skartati mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom [ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI — LTJ Diffusion (ARTHUR U FELICIE), T-346/04, Ġabra p. II-4891, punt 19, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    Fuq l-ewwel kap tat-talbiet

    23

    Insostenn tal-ewwel kap tat-talbiet li bihom qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni dwar ir-restitutio in integrum, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94.

    L-argumenti tal-partijiet

    24

    Ir-rikorrenti ssostni li l-intervenjenti ma aġixxietx bl-attenzjoni dovuta skont l-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94 u li, għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma kellux raġun jilqa’ t-talba tagħha għal restitutio in integrum.

    25

    Skont ir-rikorrenti, l-intervenjenti, fl-ewwel lok, użat kemm setgħet iż-żmien li kellha sabiex tippreżenta r-rikors kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI, fit-tieni lok, hija la semmiet u lanqas tat lill-impriża ta’ kunsinna l-informazzjoni kollha tad-destinatarja, fit-tielet lok, hija ma segwietx il-kunsinna tagħha u, fir-raba’ lok, hija ma ppreżentatx in-nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell bil-faks minkejja d-dewmien li bih hija bagħtitha.

    26

    B’hekk, kif irrikonoxxa l-UASI fir-risposta tiegħu, l-intervenjenti wriet attenzjoni minima filwaqt li l-Artikolu 78(1) tar-regolament Nru 40/94 jeżiġi li tkun ingħatat l-attenzjoni kollha neċessarja mill-persuna li tkun qed titlob ir-restitutio in integrum.

    27

    Ir-rikorrenti żżid li, jekk l-UASI u l-intervenjenti kienu qed jinvokaw żball tal-impriża ta’ kunsinna sabiex jispjegaw il-preżentata tardiva tar-raġunijiet tal-appell, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni minn dan li obbligu ta’ viġilanza jaqa’ fuq ir-rappreżentant tal-intervenjenti, li kellha, għaldaqstant, tibgħat ir-raġunijiet tal-appell bil-faks u li kellha timla aħjar l-avviż tan-notifika tan-nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell li ġiet trażmessa lis-servizz ta’ kunsinna.

    28

    Fl-aħħar nett, ir-rappreżentant tal-intervenjenti kellu jivverifika l-iktar affarijiet elementari dwar il-preċiżjoni tal-informazzjoni li tidher fl-avviż tan-notifika tan-nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell li ġie trażmess lis-servizz ta’ kunsinna, b’mod partikolari minħabba li kellu l-obbligu li jagħti l-indirizz u l-istruzzjonijiet it-tajba lis-servizz ta’ kunsinna.

    29

    L-UASI jsostni li t-talba għal annullament tad-deċiżjoni dwar restitutio in integrum għandha tiġi ddikarata inammissibbli jew, f’kull każ, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    30

    L-intervenjenti tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    31

    Ir-rikors għal restitutio in integrum huwa rregolat mill-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94, li jimponi bħala waħda mill-kundizzjonijiet għall-għoti tar-restitutio in integrum il-fatt li min jitlobha jkun “[wera l-attenzjoni meħtieġa] miċ-ċirkustanzi”.

    32

    Għandu għaldaqstant jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, l-intervenjenti effettivament werietx l-attenzjoni kollha meħtieġa miċ-ċirkustanzi biex tosserva t-terminu li ngħata lilha sabiex tippreżenta l-appell mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.

    33

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, it-terminu mogħti lill-intervenjenti għall-preżentata tar-raġunijiet tal-appell kien prattikament wasal fi tmiemu, peress li hija użat l-impriża ta’ kunsinna lejliet il-ġurnata tal-iskadenza tat-terminu u li, min-naħa l-oħra, is-sedi tal-UASI, tal-intervenjenti u tal-konsulent tagħha jinsabu f’ibliet differenti, rispettivament f’Alicante (Spanja), f’Algésiras (Spanja), Cadice (Spanja) u f’Madrid (Spanja).

    34

    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument imressaq mir-rikorrenti li jgħid li l-intervenjenti użat kemm setgħet it-terminu għall-preżentata tal-appell, dan ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni sa fejn it-termini jiġu stabbiliti, bħala regola, sabiex jiġu użati (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Ġunju 2006, Il-Ġreċja vs Il-Kummissjoni, T-251/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 53).

    35

    Fir-rigward, fit-tieni lok, tan-nuqqas allegat ta’ indikazzjoni tal-koordinati tal-UASI fl-avviż tan-notifika tan-nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell li ġiet trażmessa lis-servizz ta’ kunsinna, hemm lok li jiġi rrilevat li, hekk kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fid-dawl tal-provi prodotti quddiemu mill-intervenjenti (ara l-punt 25 tad-deċiżjoni dwar ir-restitutio in integrum), l-imsemmi avviż ma mteliex mill-intervenjenti, imma mill-impriża ta’ kunsinna.

    36

    Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-UASI li għaliha tirreferi r-rikorrenti fil-punt 9 tar-replika, jiġifieri d-deċiżjoni tar-raba’ Bord tal-Appell tas-6 ta’ April 2005 dwar il-Każ R 636/2003-4, SimpleTech, Inc., hija ma hijiex rilevanti għal dan il-każ, għaliex f’dan il-każ, ir-rappreżentant tar-rikorrenti kien ta l-koordinati antiki tal-UASI. Issa, ma hemm xejn minn dan kollu f’din il-kawża u huwa bir-raġun li, fil-punt 25 tad-deċiżjoni dwar ir-restitutio in integrum, il-Bord tal-Appell iddeċieda li “huwa t-trasportatur (u mhux min bagħat) li mela l-avviż tan-notifika, b’tali mod li ma jista’ jiġi imputat l-ebda żball lill-[intervenjenti]”.

    37

    Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas mill-intervenjenti li ssegwi t-trażmissjoni tagħha, hemm lok li jiġi rrilevat, kif ġustament għamel il-Bord tal-Appell fil-punt 21 tad-deċiżjoni dwar ir-restitutio in integrum, li l-intervenjenti għażlet il-“metodu ta’ notifika xieraq”, sa fejn is-servizz li hija użat, jiġifieri n-notifika SEUR 10, żguralha t-trażmissjoni tan-nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell sal-għada fl-10 ta’ filgħodu.

    38

    Fi kliem ieħor, l-intervenjenti għażlet notifika li kienet tiżguralha li n-nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell kienet ser tasal fil-ħin. Jidher għaldaqstant leġittimu li l-intervenjenti ma segwietx il-progress tat-trażmissjoni tagħha, peress li, kif osservat ir-rikorrenti fil-punt 5 tar-rikors, ir-rappreżentant tagħha kien normalment jinqeda b’din l-impriża ta’ kunsinna. Ir-rappreżentant tal-intervenjenti kellu għaldaqstant fiduċja suffiċjenti fl-impriża ta’ kunsinna sabiex ma jivverifikax jekk in-nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell tasalx fil-ħin.

    39

    Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ trażmissjoni bil-faks tan-nota li tispjega r-raġunijiet tal-appell, biżżejjed jingħad li din it-trażmissjoni ma hijiex obbligatorja.

    40

    Fl-aħħar nett, anki jekk, fil-punt 20 tar-risposta tiegħu, l-UASI jindika li “[l-intervenjenti] [w]riet, fil-kuntest ta’ dan il-każ, l-attenzjoni minima meħtieġa miċ-ċirkustanzi”, hemm kull lok li wieħed jaħseb li dan kien żball tal-pinna, għaliex mhux biss l-UASI jindika, fil-punt 21 tal-imsemmija risposta, li l-intervenjenti wriet kull diliġenza dovuta, imma wkoll, li hija l-pożizzjoni adottata mill-Bord tal-Appell sabiex jagħti r-restitutio in integrum (ara, f’dan is-sens, il-punt 15 tad-deċiżjoni dwar ir-restitutio in integrum).

    41

    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-motiv uniku bbażat fuq ksur tal-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 40/94 huwa infondat u għandu jitwarrab. Hemm għaldaqstant lok li jiġi miċħud l-ewwel kap tat-talbiet, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

    Fuq it-tieni kap tat-talbiet

    42

    Insostenn tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, li bih hija qed titlob l-annullament tad-deċiżjoni fuq il-mertu, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, u, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

    — L-argumenti tal-partijiet

    43

    Ir-rikorrenti ssostni li, fid-deċiżjoni fuq il-mertu, il-Bord tal-Appell kiser, permezz ta’ interpretazzjoni żbaljata, l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 billi qies li ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni PEPEQUILLO u l-familja ta’ trade marks preċedenti PEPE li tagħha hija l-proprjetarja.

    44

    L-UASI u l-intervenjenti jsostnu li d-deċiżjoni fuq il-mertu applikat korrettament l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, sa fejn it-trade marks preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma jixxibhux u li, minħabba f’hekk, ma hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni fis-suq.

    Fuq it-tqabbil tas-sinjali

    45

    Ir-rikorrenti ssostni li fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-tqabbil viżiv tas-sinjali inkwistjoni, dan kellu jitwettaq bejn, minn naħa, il-familja ta’ trade marks preċedenti PEPE u, min-naħa l-oħra, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni PEPEQUILLO.

    46

    Dan it-tqabbil kien jippermetti li jiġi kkonstatat li l-kelma “PEPE” hija inkluża kollha kemm hi fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li tagħha hija tokkupa l-“parti dominanti”, jiġifieri l-bidu tal-imsemmija trade mark. Minn dan, iż-żewġ sinjali jixxiebhu, peress li l-kelma “PEPE” tiddomina waħedha l-immaġini li l-pubbliku rilevanti jista’ jżomm fil-memorja tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni PEPEQUILLO.

    47

    Barra minn hekk, kontra dak li afferma l-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni fuq il-mertu, il-kelma “PEPE”, minkejja li hija laqam użat ħafna fi Spanja, għandha karattru distintiv għoli, u dan għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, din il-kelma ma hijiex milquta minn raġuni ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni, bħal dak li jirriżulta minn karattru ġeneriku jew deskrittiv tat-trade mark, u, min-naħa l-oħra, ir-reputazzjoni tat-trade mark PEPE tagħti lil din il-kelma karattru distintiv għoli.

    48

    Il-grad ta’ xebh viżiv bejn is-sinjali inkwistjoni huwa għaldaqstant ta’ 50 %, peress li t-trade mark PEPEQUILLO tieħu l-kelma “PEPE” kollha kemm hi.

    49

    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, it-tqabbil kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni, għandha ssir distinzjoni skont is-suq li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. B’hekk, fir-rigward tal-pubbliku rrappreżentat mill-konsumatur Komunitarju medju, bl-eċċezzjoni tal-konsumatur medju Spanjol, ma huwiex neċessarju li jsir dan it-tqabbil, peress li l-kelmiet “PEPE” u “quillo” ma għandhom l-ebda sinjifikat għalih. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-pubbliku rrappreżentat mill-konsumatur medju Spanjol, dawn is-sinjali huma kunċettwalment identiċi fir-rigward tal-kelma “PEPE”. Fir-rigward tal-kelma “quillo”, din hija taqsira familjari u ta’ affett tal-kelma Spanjola “chiquillo”, li tfisser minuri jew tifel żgħir li hija użata ħafna fi Spanja.

    50

    Għaldaqstant, u peress li huwa magħruf li, fi Spanja, il-kelma “quillo” hija taqsira ta’ “chiquillo”, il-konsumatur medju Spanjol jipperċepixxi t-trade mark PEPEQUILLO bħala li tfisser “PEPE ż-żgħiru”, “PEPE ż-żgħir” jew “PEPE t-tifel”.

    51

    Konsegwentement, is-sinjali inkwistjoni għandhom grad ta’ xebh għoli mil-lat viżiv, fonetiku u kunċettwali, u grad ta’ xebh medju mil-lat grafiku.

    52

    L-UASI u l-intervenjenti jsostnu li, kontra dak li tafferma r-rikorrenti, is-sinjali inkwistjoni ma jixxibhux.

    53

    Billi tafferma li l-kelma “PEPE” hija l-element dominanti tas-sinjal PEPEQUILLO, ir-rikorrenti qed taqsam arbitrarjament l-imsemmi sinjal f’żewġ partijiet, jiġifieri l-element “PEPE”, minn naħa, u l-element “quillo”, min-naħa l-oħra, u b’hekk issostni li l-imsemmi sinjal isir derivazzjoni tal-isem PEPE. Madankollu, l-ebda raġuni bbażata fuq argumenti loġiċi jew lingwistiċi ma tippermetti li wieħed jikkonkludi li l-konsumaturi jidentifikaw naturalment il-kelmiet “PEPE” u “quillo” fl-impressjoni globali prodotta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u mhux, pereżempju, il-kelmiet “pe” u “pequillo”.

    54

    Barra minn hekk, skont l-UASI, jekk tqabbil tas-sinjali inkwistjoni fuq livell viżiv jippermetti li wieħed jikkonkludi li jeżisti ċertu xebh mill-fatt li s-sinjal PEPE jinsab “inkluż kompletament” fil-parti inizjali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, hemm lok li wieħed iqis, fir-rigward ta’ sinjali relattivament qosra, li l-elementi ċentrali huma importanti daqs l-elementi tal-bidu u tal-aħħar tal-imsemmija sinjali.

    55

    L-intervenjenti tqis, fir-rigward tagħha, li l-istruttura tas-sinjali inkwistjoni hija inkontestabbilment differenti, għaliex jekk is-sinjal PEPEQUILLO huwa kompost minn erba’ sillabi, is-sinjali preċedenti huma komposti minn mhux iktar minn tliet sillabi.

    56

    Barra minn hekk, minkejja li hija setgħet tirrikonoxxi r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti PEPE, l-intervenjenti ssostni li din ma tikkontradixxix il-fatt li l-kelma “PEPE”, almenu fi Spanja, għandha karattru distintiv dgħajjef ab initio, għaliex hija d-diminuttiv tal-isem José.

    57

    Issa, ir-reputazzjoni tal-kelma “PEPE” għal ħwejjeġ tal-jeans ma toħloqx awtomatikament ix-xebh tas-sinjali kollha inkwistjoni, kemm jekk ikunu sempliċi jew kumplessi, li jkollhom din il-kelma, anki jekk jidhru fil-parti inizjali tagħhom.

    58

    Barra minn hekk, fir-rigward tat-tqabbil tas-sinjali inkwistjoni fuq livell kunċettwali, għandha ssir distinzjoni bejn il-konsumatur medju Komunitarju, li għalih dan it-tqabbil ma huwiex rilevanti, u l-konsumatur medju Spanjol. F’dan l-aħħar każ, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li r-rikorrenti ma hijiex ġustifikata li taqsam is-sinjal PEPEQUILLO. Fil-fatt, dan huwa sinjal sempliċi, mingħajr sinjifikat partikolari, li s-Sur M.S.L. kien ħoloq u vvinta.

    59

    Fit-tieni lok, anki jekk kien possibbli li jiġi rrikonoxxut li l-kelma “quillo” hija t-taqsira tal-kelma “chiquillo” u jekk, effettivament, il-kelmiet “PEPE” u “quillo”, meħuda separatament, setgħu jkollhom is-sinjifikat tagħhom, ma jistax madankollu jiġi konkluż li huma neċessarjament kellhom sinjifikat ladarba ngħaqdu.

    60

    Fl-aħħar nett, mil-lat fonetiku, l-aċċent toniku ma jirrigwardax l-istess sillabi, peress jinsab fl-ewwel sillaba fil-każ tas-sinjal PEPE u fit-tielet sillaba fil-każ tas-sinjal PEPEQUILLO.

    Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

    61

    Ir-rikorrenti ssostni li, fil-punt 24 tad-deċiżjoni fuq il-mertu, il-Bord tal-Appell wettaq żball serju meta qies li l-familja ta’ trade marks PEPE kienet biss familja ta’ reġistrazzjoni peress li l-użu tagħhom fis-suq ma kienx ġie pprovat.

    62

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li diversi dokumenti li hija pproduċiet quddiem l-UASI matul il-fażi ta’ oppożizzjoni, bħall-attestazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ uffiċjali l-iktar importanti ta’ Spanja, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji kif ukoll il-publikazzjonijiet li dehru fl-istampa, juru mhux biss ir-reputazzjoni, imma wkoll l-intensità tal-użu tal-familja ta’ trade marks PEPE.

    63

    Barra minn hekk, id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni stess irrikonoxxiet, fid-deċiżjoni tad-9 ta’ Marzu 2007 (paġni 9 u 10), li l-prova tal-eżistenza ta’ familja ta’ trade marks fi Spanja kienet ġiet prodotta.

    64

    Minn dan, kien hemm riskju manifest li l-konsumatur medju seta’ jaħseb li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni PEPEQUILLO hija trade mark derivata ta’ trade mark prinċipali PEPE u li hija l-isem ta’ firxa speċifika li kienet “parti mill-familja ta’ trade marks PEPE”.

    65

    Konsegwentement, meta injora l-karattru distintiv għoli tat-trade mark PEPE, il-Bord tal-Appell wettaq żball, liema żball huwa ikbar peress li r-reputazzjoni tat-trade mark PEPE kienet ġiet irrikonoxxuta mill-intervenjenti u mill-UASI, u b’hekk naqas mill-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu kif previst mill-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009).

    66

    L-UASI u l-intervenjenti jsostnu li, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fid-dawl tar-reputazzjoni tal-familja ta’ trade marks preċedenti, ikun suffiċjenti li jingħad li l-eżistenza ta’ din il-familja ta’ trade marks, barra mir-reġistrazzjoni, ma ġietx ipprovata mir-rikorrenti. Peress li t-trade marks kollha preċedenti ma jintużawx fis-suq, ma huwiex possibbli li l-konsumaturi medji Ewropej jaħsbu li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni PEPEQUILLO tkun parti mill-familja ta’ trade marks PEPE.

    67

    Barra minn hekk, l-allegata fama fi Spanja tas-sinjal PEPE, jew ukoll tal-familja ta’ trade marks PEPE, hija wisq insuffiċjenti sabiex il-konsumaturi medji Spanjoli jkunu jistgħu jassoċjaw is-sinjali inkwistjoni, u dan sa fejn, fid-dawl ta’ dak li ntqal, jidher ftit probabbli li l-imsemmija konsumaturi jkunu jistgħu jidentifikaw, b’mod artifiċjali, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, element analogu għad-“dritt preċedenti li fil-konfront tiegħu l-vis atractiva tar-reputazzjoni setgħet tiġi eżerċitata”.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    68

    Skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark ma għandhiex tintlaqa’ jekk, minħabba l-identiċità jew ix-xebh bejn din it-trade mark u t-trade mark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti minn dawn iż-żewġ trade marks, ikun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 207/2009], trade mark preċedenti għandha tfisser trade mark li kienet is-suġġett ta’ reġistrazzjoni internazzjonali li għandha effett fi Stat Membru, li tagħha d-data tal-preżentata tiġi qabel dik tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

    69

    Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-riskju li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi li għandhom konnessjoni ekonomika, jikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni. Skont din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, u fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI — Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 sa 33, u l-ġurispudenza ċċitata].

    70

    Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, probabbiltà ta’ konfużjoni tippresupponi jew identiċità jew xebh tat-trade marks kunfliġġenti kif ukoll identiċità tal-prodotti jew tas-servizzi indikati minnhom. Dan jirrigwarda kundizzjonijiet kumulattivi [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Jannar 2009, Commercy vs UASI — easyGroup IP Licensing (easyHotel), T-316/07, Ġabra p. II-43, punt 42, u l-ġursprudenza ċċitata].

    71

    Fir-rigward tal-pubbliku rilevanti, hemm lok li jitqies, kif intqal mill-partijiet fil-kawża, li dan huwa kompost mill-konsumatur medju Komunitarju, inkluż il-konsumatur medju Spanjol, sa fejn il-prodotti f’dan il-każ huma prodotti ta’ konsum ġenerali [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs UASI — Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 41]. Il-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati huwa meqjus li huwa normalment informat u raġonevolment attent u avżat.

    72

    Fir-rigward tat-tqabbil tal-prodotti inkwistjoni, il-partijiet fil-kawża ma jikkontestawx il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tidher fil-punt 15 tad-deċiżjoni fuq il-mertu, li tgħid li l-imsemmija prodotti huma identiċi jew jixxiebhu.

    Fuq it-tqabbil tas-sinjali

    73

    Hemm lok li jitfakkar li l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha, f’dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali inkwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni sħiħa prodotta minnhom, filwaqt li b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. Il-perċezzjoni tat-trade marks li l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni għandha tilgħab rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali ta’ din il-probabbiltà. F’dan ir-rigward, il-konsumatur medju jipperċepixxi normalment trade mark fit-totalità tagħha u ma jeżaminax id-diversi dettalji tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C-334/05 P, Ġabra p. I-4529, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    74

    Xorta waħda, fil-perċezzjoni ta’ sinjal verbali, huwa jaqsam dan f’elementi verbali li, għalih, jissuġġerixxu tifsira konkreta jew li tixbaħ kliem li huwa jaf [ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Ottubru 2004, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI — Krafft (VITAKRAFT),T-356/02, Ġabra p. II-3445, punt 51, u tat-13 ta’ Frar 2007, Mundipharma vs UASI — Altana Pharma (RESPICUR), T-256/04, Ġabra p. II-449, punt 57].

    75

    Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda t-tqabbil ta’ sinjali fuq livell viżiv, għandu jitfakkar li ma hemm xejn li jipprekludi li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ xebh viżiv bejn trade mark verbali u trade mark figurattiva peress li dawn iż-żewġ tipi ta’ trade marks għandhom konfigurazzjoni grafika li tista’ toħloq impressjoni viżiva [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Mejju 2005, Chum vs UASI — Star TV (STAR TV), T-359/02, Ġabra p. II-1515, punt 43, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    76

    F’dan il-każ, fil-punt 20 tad-deċiżjoni fuq il-mertu, il-Bord tal-Appell jindika li “t-trade mark PEPEQUILLO tiddistingwi ruħha [mit-trade mark preċedenti PEPE] kemm fuq livell viżiv kif ukoll fuq livell fonetiku, għaliex hija ħafna itwal u l-aċċent toniku jaqa’ fuq it-[tielet] sillaba”.

    77

    Hemm lok li jiġi rrilevat li l-kelma “PEPE” tidher fil-bidu tas-sinjal PEPEQUILLO. Barra minn hekk, għalkemm is-sinjal PEPEQUILLO jiddistingwi ruħu mis-sinjal preċedenti PEPE minħabba l-aħħar żewġ sillabi tiegħu, li huma itwal mill-ewwel żewġ sillabi, u mis-sinjali preċedenti kollha minħabba li huwa jikkostitwixxi kelma waħda relattivament twila, filwaqt li s-sinjali preċedenti l-oħra huma ġeneralment komposti minn kelma qasira, bħas-sinjal PEPE, jew minn żewġ kelmiet, bħas-sinjal PEPE JEANS, għandu madankollu jiġi rrilevat li dan ma huwiex determinanti sabiex jitneħħa kull xebh viżiv, għaliex skont ġurisprudenza stabbilita, il-konsumatur ġeneralment jagħti iktar attenzjoni lill-bidu ta’ trade mark milli lit-tmiem tagħha [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Settembru 2006, Meric vs UASI — Arbora & Ausonia (PAM-PIM’S BABY-PROP), T-133/05, Ġabra p. II-2737, punt 51, u tal-25 ta’ Marzu 2009, L’Oréal vs UASI — Spa Monopole (SPA THERAPY), T-109/07, Ġabra p. II-675, punt 30]. Barra minn hekk, fost is-sinjali preċedenti, is-sinjal preċedenti PEPECO huwa kompost mill-kelma “PEPE” li miegħu tqiegħed is-suffiss “co”, li jagħtiha struttura li tixxiebah ma’ dik tas-sinjal PEPEQUILLO. Għalhekk, hemm lok li jitqies li l-impressjoni viżiva mogħtija mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija analoga għal dik mogħtija mit-trade marks preċedenti.

    78

    Għaldaqstant, fuq livell viżiv, għandu jiġi rrikonoxxut grad medju ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni.

    79

    F’dak li jirrigwarda t-tqabbil tas-sinjali inkwistjoni fuq livell fonetiku, hemm lok li jitfakkar li l-fatt li n-numru ta’ sillabi huwa differenti ma huwiex bizzejjed biex tiġi skartata l-eżistenza ta’ xebh fonetiku bejn is-sinjali [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ottubru 2010, Farmeco vs UASI — Allergan (BOTUMAX), T-131/09, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata]. Issa, f’dan il-każ, l-ewwel żewġ sillabi tas-sinjali inkwistjoni huma identiċi u jiġu ppronunċjati bl-istess mod. Ċertament, l-aċċent toniku jaqa’ fuq it-tielet sillaba fis-sinjal PEPEQUILLO u fuq l-ewwel fis-sinjali preċedenti, imma dan ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi skartat kull xebh fonetiku.

    80

    Minn dan, hemm lok li jitqies li jeżisti almenu grad dgħajjef ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni mil-lat fonetiku.

    81

    F’dak li jirrigwarda t-tqabbil tas-sinjali inkwistjoni fuq livell kunċettwali, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-pubbliku medju Komunitarju, bl-eċċezzjoni tal-konsumatur medju Spanjol, parti tal-pubbliku rilevanti li għalih dan it-tqabbil ma huwiex rilevanti sa fejn il-kelmiet “PEPE” u “quillo” ma għandhom l-ebda sinjifikat, u, min-naħa l-oħra, il-konsumatur medju Spanjol, li għalih huma jistgħu jkollhom sinjifikat.

    82

    Minkejja li s-sinjal PEPEQUILLO huwa, fih innifsu, bla sinjifikat, għaliex ma huwiex isem kurrenti, huwa possibbli li l-konsumatur medju Spanjol jaqsamhom f’żewġ kelmiet li jagħtu għalih sinjifikat, jiġifieri l-kelmiet “PEPE” u “quillo”, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 73 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, dawn iż-żewġ kelmiet, meħuda separatament, għandhom sinjifikat preċiż għall-konsumaturi Spanjoli : il-kelma “PEPE” hija d-diminuttiv tal-isem José u l-kelma “quillo” hija t-taqsira familjari tal-kelma “chiquillo”. Għalhekk, anki jekk, kif jindika l-Bord tal-Appell fil-punt 20 tad-deċiżjoni fuq il-mertu, id-diminuttivi kurrenti ta’ “PEPE” huma l-kelmiet “pepito” u “pepillo”, ma jistax jiġi eskluż li l-konsumatur medju Spanjol jista’ jaħseb li s-sinjal PEPEQUILLO jfisser “PEPE ż-żgħiru”.

    83

    Għalhekk għandu jiġi konkluż li s-sinjali inkwistjoni ma jixxibhux fuq livell kunċettwali. Isegwi li l-konsumatur medju Spanjol jitwassal jaħseb li sar logħob bil-kliem sabiex issir it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mid-diminuttiv PEPE, bħalma huwa l-każ tat-trade marks preċedenti. Għalhekk, hemm lok li jitqies li s-sinjali inkwistjoni jixxiebhu fuq livell kunċettwali.

    84

    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li s-sinjali inkwistjoni għandhom xebh fuq il-livelli viżivi, fonetiċi u kunċettwali.

    Fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni

    85

    L-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. B’hekk, livell żgħir ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u bil-kontra [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 17, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Mast-Jägermeister vs UASI — Licorera Zacapaneca (VENADO b’rigal et), T-81/03, T-82/03 u T-103/03, Ġabra p. II-5409, punt 74].

    86

    Il-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat suffiċjentement skont il-liġi l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks preċedenti tagħha u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni PEPEQUILLO. Fil-fatt, fl-ewwel lok, ma kinitx teżisti familja ta’ trade marks PEPE jew PEPE JEANS fis-suq u, f’kull każ, it-trade mark PEPEQUILLO ma kellhiex l-istess struttura tat-trade marks preċedenti. Fit-tieni lok, ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti ma timplikax li kull trade mark li għandha l-kelma “PEPE” ser twassal għal konfużjoni fis-suq u, barra minn hekk, għandu jintqal li l-imsemmija kelma tkun l-element dominanti tat-trade mark PEPEQUILLO, li ma huwiex hekk f’dan il-każ.

    87

    Kif jirriżulta mis-seba’ premessa tar-Regolament Nru 40/94 (li sar it-tmien premessa tar-Regolament Nru 207/2009), l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni tiddependi minn numru ta’ fatturi, u b’mod partikolari mill-għarfien li l-pubbliku għandu tat-trade mark fis-suq inkwistjoni. Hekk kif il-probabbiltà ta’ konfużjoni hija ikbar meta l-karattru distintiv ta’ trade mark ikun importanti, it-trade marks li għandhom karattru distintiv qawwi, kemm intrinsikament kif ukoll minħabba l-għarfien li għandu l-pubbliku, igawdu minn protezzjoni iktar wiesgħa minn dawk li għandhom karattru distintiv iktar dgħajjef (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C-251/95, Ġabra p. I-6191, punt 24 ; Canon, iċċitata iktar ’il quddiem, punt 18, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 20).

    88

    L-eżistenza ta’ karattru iktar distintiv minn dak normali, minħabba l-għarfien li l-pubbliku għandu ta’ trade mark fis-suq, tippresupponi neċessarjament li din it-trade mark tkun magħrufa għall-inqas mill-parti l-kbira tal-pubbliku kkonċernat, mingħajr ma huwa neċessarju li jkollha reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Ma jistax jiġi stabbilit b’mod ġenerali, pereżempju billi wieħed jirrikorri għal perċentwali speċifiċi dwar il-livell ta’ għarfien li l-pubbliku għandu tat-trade mark f’postijiet ikkonċernati, li trade mark għandha karattru distintiv qawwi minħabba l-għarfien li l-pubbliku għandu tagħha. Madankollu, wieħed għandu jirrikonoxxi ċerta interdipendenza bejn l-għarfien li l-pubbliku għandu ta’ trade mark u l-karattru distintiv tagħha fis-sens li, iktar ma t-trade mark tkun magħrufa mill-pubbliku kkonċernat, iktar il-karattru distintiv ta’ din it-trade mark ikun qawwi. Sabiex jiġi eżaminat jekk trade mark għandhiex karattru distintiv qawwi minħabba l-għarfien li l-pubbliku għandu tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti inkwistjoni, jiġifieri, b’mod partikolari, is-sehem tas-suq miżmum mit-trade mark, l-intensità, il-firxa ġeografika u t-tul ta’ żmien tal-użu tagħha, l-importanza tal-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tippromwoviha, il-proporzjon tal-pubbliku kkonċernat li bis-saħħa tat-trade mark jidentifikaw il-prodotti jew servizzi bħala li jkunu ġejjin minn impriża speċifika, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew ta’ assoċjazzjonijiet oħra professjonali [ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2006, Vitakraft-Werke Wührmann vs UASI — Johnson’s Veterinary Products (VITACOAT), T-277/04, Ġabra p. II-2211, punti 34 u 35, u l-ġurisprudenza ċċitata].

    89

    F’dan il-każ, bħala anness mar-rikors, ir-rikorrenti pproduċiet tabella li tindika l-investimenti ta’ reklamar magħmula fi Spanja kif ukoll tabella li tindika l-bejgħ fi Spanja, it-tnejn bis-sinjal PEPE JEANS LONDON, sabiex tiġi pprovata r-reputazzjoni tat-trade mark tagħha.

    90

    Barra minn hekk, bħala anness mar-rikors, ir-rikorrenti pproduċiet ukoll varji dokumenti li juru r-reputazzjoni tat-trade marks PEPE u PEPE JEANS, li f’isimhom wieħed isib attestazzjonijiet tal-kmamar tal-kummerċ Spanjoli kif ukoll ta’ deċiżjonijiet ta’qrati Spanjoli.

    91

    Minn dan, it-trade mark PEPE tgawdi minn ċerta reputazzjoni, almenu għall-parti Spanjola tal-pubbliku kkonċernat, u setgħet b’hekk tikseb karattru distintiv għoli. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, jekk it-trade mark preċedenti ma jkollhiex karattru distintiv bil-kwalitajiet intrinsiċi tagħha, hija tkun tista’ tiksbu permezz tar-reputazzjoni tagħha [ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Novembru 2003, Diaz vs UASI — Granjas Castelló (CASTILLO), T-85/02, Ġabra p. II-4835, punti 43 u 44, u tal-15 ta’ Settembru 2009, Royal Appliance International vs UASI — BSH Bosch und Siemens Hausgeräte (Centrixx), T-446/07, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 58]. Issa, f’dan il-każ, jekk huwa veru li l-kelma “PEPE” hija relattivament kurrenti fi Spanja u ma għandhiex fiha nnifisha karattru distintiv importanti, ir-reputazzjoni tat-trade mark, min-naħa l-oħra, ippermettilha tikseb karattru distintiv għoli. Barra minn hekk, ir-reputazzjoni tat-trade mark PEPE ġiet irrikonoxxuta espliċitament mill-intervenjenti fir-risposta tagħha u ġiet irrikonoxxuta mill-UASI f’numru ta’ deċiżjonijiet ippreżentati bħala annessi mar-rikors.

    92

    Fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha kienet tali li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali inkwistjoni, għandu madankollu jitfakkar li, jekk ir-reputazzjoni ta’ trade mark tikkostitwixxi element li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, hija ma tippermettix, waħedha, li tiġi stabbilita din il-probabbiltà. Hija tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk ix-xebh bejn is-sinjali jew bejn il-prodotti u servizzi huwiex suffiċjenti sabiex tinħoloq probabbiltà ta’ konfużjoni [sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Lulju 2006, Torres vs UASI — Bodegas Muga (Torre Muga), T-247/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 72, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Diċembru 2008, Torres vs UASI — Bodegas Peñalba López (Torre Albéniz), T-287/06, Ġabra p. II-3817, punt 75].

    93

    Issa, f’dan il-każ, ġie stabbilit fil-punti 72 u 84 li s-sinjali inkwistjoni kienu jixxiebhu u jikkonċernaw prodotti identiċi jew li jixxiebhu. Minn dan, teżisti sewwa probabbiltà ta’ konfużjoni, li l-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti ma jagħmel xejn ħlief isaħħaħ.

    94

    Fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni marbuta mal-eżistenza ta’ familja ta’ trade marks PEPE, għandhom jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet, imposti mill-ġurisprudenza, sabiex tiġi stabbilita. L-ewwel nett, il-proprjetarju ta’ serje ta’ reġistrazzjonijiet preċedenti għandu jagħti l-prova tal-użu tat-trade marks li huma parti minn serje jew, almenu, ta’ numru ta’ trade marks li jistgħu jikkostitwixxu familja u, it-tieni nett, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha mhux biss tkun analoga mat-trade marks li jifformaw parti mill-familja, imma għandhom ukoll ikollhom karatteristiċi li jistgħu jidentifikawhom mal-familja [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-23 ta’ Frar 2006, Il Ponte Finanziaria vs UASI — Marine Enterprise Projects (BAINBRIDGE), T-194/03, Ġabra p. II-445, punti 126 u 127].

    95

    F’dan il-każ, jekk ir-rikorrenti pprovat l-użu tat-trade marks PEPE u PEPE JEANS, hija ma rnexxilhiex tipprova, kif osserva l-Bord tal-Appell fil-punt 24 tad-deċiżjoni fuq il-mertu, l-użu tat-trade marks preċedenti l-oħra li jifformaw parti mill-allegata familja ta’ trade marks, bħal PEPE F4, PEPE 2XL, PEPE M99.

    96

    F’kull każ, il-kwistjoni li jsir magħruf jekk teżistix jew le familja ta’ trade marks PEPE ma hijiex tali li tqiegħed inkwistjoni l-konklużjoni li tgħid li t-trade marks PEPE u PEPE JEANS igawdu minn karattru distintiv tali li x-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti u l-identiċità tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni huma suffiċjenti biex joħolqu probabbiltà ta’ konfużjoni.

    97

    Għaldaqstant hemm lok li dan il-motiv jintlaqa’.

    Fuq it-tieni motiv, fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94

    — L-argumenti tal-partijiet

    98

    Ir-rikorrenti tqis, minn naħa, li ma hemmx differenzi viżivi, fonetiċi jew kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni li jopponu l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 u li ma kienx hemm “dritt” għar-reġistrazzjoni tat-trade mark PEPEQUILLO.

    99

    Jeżisti b’hekk riskju manifest u reali li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade marks PEPE billi tagħti b’mod qarrieqi x’jifhem lill-konsumaturi li s-sinjal PEPEQUILLO huwa trade mark barra minn hekk tal-familja ta’ trade marks PEPE.

    100

    Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell ma wettaq l-ebda analiżi tax-xebh jew tal-identiċità fid-dawl tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 u sempliċement aċċetta analiżi tal-applikabbiltà tal-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament. Issa, l-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament jeżiġi rabta bejn is-sinjali kunfliġġenti u mhux probabbiltà ta’ konfużjoni, kif osservat l-intervenjenti fir-risposta tagħha.

    101

    Għalhekk, il-Bord tal-Appell ma mmotivax suffiċjentement id-deċiżjoni tiegħu u kiser ukoll l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 meta ddikjara li l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks preċedenti u s-sinjal PEPEQUILLO kien ineżistenti, b’mod li l-kundizzjoni ta’ xebh bejn is-sinjali indikata fl-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament ma kienx sodisfatt.

    102

    L-UASI u l-intervenjenti jsostnu li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ma nkisirx, sa fejn it-trade marks preċedenti u s-sinjal PEPEQUILLO ma jixxibhux.

    103

    Barra minn hekk, ir-rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti ma ġiex stabbilit mir-rikorrenti u din tal-aħħar ma spjegatx sa fejn kien hemm riskju ta’ ħsara għall-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti tagħha, jew riskju ta’ ħsara għar-reputazzjoni tagħha jew ukoll riskju ta’ vantaġġ inġust mir-reputazzjoni jew mill-karattru distintiv tat-trade marks preċedenti tagħha.

    — Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    104

    Skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, fuq oppożizzjoni tal-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti fis-sens tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tiġilha rrifjutata r-reġistrazzjoni jekk hija tkun identika jew tixbah lit-trade mark preċedenti u jekk hija tkun trid tiġi rreġistrata għal prodotti jew għal servizzi li ma jkollhomx xebh ma’ dawk li għalihom it-trade mark preċedenti tiġi rreġistrata, meta, fil-każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti, hija tgawdi minn reputazzjoni fil-Komunità u, fil-każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, hija tgawdi minn reputazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat, u li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew li lilhom tikkawża ħsara.

    105

    L-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 japplika wkoll meta l-prodotti jew servizzi jkunu jixxiebhu. Fil-fatt, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li trade mark b’reputazzjoni għandha tkun tista’ tibbenefika, fil-każ ta’ użu ta’ sinjal għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu, minn protezzjoni almenu daqstant wiesgħa daqs il-każ ta’ użu ta’ sinjal għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux [sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Marzu 2007, Sigla vs UASI — Elleni Holding (VIPS), T-215/03, Ġabra p. II-711, punt 32, ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Jannar 2003, Davidoff, C-292/00, Ġabra p. I-389, punti 24 sa 26, u tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux, C-408/01, Ġabra p. I-12537, punti 19 sa 22].

    106

    Il-protezzjoni estiża mogħtija lit-trade mark preċedenti mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 tippreżumi għalhekk l-għaqda ta’ numru ta’ kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, it-trade mark preċedenti allegatament ta’ reputazzjoni għandha tkun irreġistrata. Fit-tieni lok, din tal-aħħar u t-trade mark li ntalbet l-invalidità tagħha għandhom ikunu identiċi jew simili. Fit-tielet lok, it-trade mark preċedenti għandha jkollha reputazzjoni fil-Komunità, fil-każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti, jew fl-Istat Membru kkonċernat, fil-każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti. Fir-raba’ lok, l-użu mingħajr dritt tat-trade mark Komunitarja għandu jwassal għal probabbiltà li jista’ jittieħed vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew li tista’ ssir ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Peress li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, in-nuqqas ta’ waħda minnhom hija suffiċjenti sabiex tirrendi l-imsemmija dispożizzjoni inapplikabbli [sentenzi tal-Qorti Ġenerali VIPS, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35, u tal-11 ta’ Lulju 2007, Mülhens vs UASI — Minoronzoni (TOSCA BLU), T-150/04, Ġabra p. II-2353, punti 54 u 55].

    107

    F’dan il-każ, it-trade marks allegatament ta’ reputazzjoni li huma PEPE u PEPE JEANS huma s-suġġett ta’ reġistrazzjoni kemm nazzjonali kif ukoll Komunitarja (ara l-punt 7 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, kif stabbilixxiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 83 iktar ’il fuq, is-sinjali inkwistjoni jixxiebhu.

    108

    Fid-dawl tal-provi prodotti mir-rikorrenti u kif stabbilit fil-punti 88 sa 90 iktar ’il fuq, it-trade marks preċedenti jgawdu minn reputazzjoni almenu fi Spanja.

    109

    Għalhekk, il-kwistjoni li tqum hija dik li jiġi ddeterminat jekk l-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwiex ta’ natura li joħloq riskju ta’ vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jew li tiġi kkawżata ħsara lill-karattru distintiv jew lir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti.

    110

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li hemm riskju li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade marks PEPE, filwaqt li ma hemmx “dritt” għar-reġistrazzjoni tat-trade mark PEPEQUILLO.

    111

    Hemm lok li jitfakkar li l-kunċett ta’ vantaġġ li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb indebitament mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti jinkludi l-każijiet fejn ikun hemm sfruttament jew parassitiżmu manifesti ta’ trade mark famuża jew tentattiv li jittieħed vantaġġ mir-reputazzjoni tagħha. Fi kliem ieħor, dan jirrigwarda l-probabbiltà li l-immaġni tat-trade mark li għandha reputazzjoni jew il-karatteristiċi li din tal-aħħar tirrifletti jiġu ttrasferiti fuq il-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b’tali mod li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom tiġi ffaċċilitata b’din l-assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni (ara s-sentenza VIPS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    112

    Barra minn hekk, kif osservat ir-rikorrenti (ara l-punt 100 tas-sentenza), għandha ssir distinzjoni bejn il-probabbiltà ta’ konfużjoni, indikata fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94, u l-konnessjoni bejn is-sinjali inkwistjoni previst mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

    113

    Fil-fatt, jekk il-probabbiltà ta’ konfużjoni hija ddefinita bħala l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża bħal dawk tat-trade mark preċedenti jew, skont il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament, min-naħa l-oħra, fil-każijiet stipulati fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni, jiġifieri jistabbilixxi rabta, bejn it-trade marks kunfliġġenti mingħajr, madankollu, ma jħawwadhom. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ma hijiex kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza VIPS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    114

    Għalhekk, il-probabbiltà li l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jikseb vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti tissussisti meta l-konsumatur, mingħajr ma neċessarjament jikkonfondi l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni, ikun attirat mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni stess u jixtri l-prodott jew is-servizz kopert minnha minħabba li għandu din it-trade mark, li hija identika jew simili għal trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni (sentenza VIPS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

    115

    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-għan tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 huwa, b’mod partikolari, li jippermetti lill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni li jopponi r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jistgħu jippreġudikaw ir-reputazzjoni jew il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, jew li jittieħed vantaġġ inġust minn din ir-reputazzjoni jew minn dan il-karattru distintiv. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma huwiex obbligat jagħti prova tal-eżistenza ta’ preġudizzju effettiv u attwali għat-trade mark tiegħu. Madankollu, huwa għandu jressaq il-provi li abbażi tagħhom ikun jista’ jiġi konkluż li prima facie teżisti probabbiltà futura, li ma tkunx ipotetika, ta’ vantaġġ inġust jew preġudizzju (ara s-sentenza VIPS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    116

    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tindika li dan ir-riskju jirriżulta mill-fatt li l-konsumaturi jiġu mġiegħla jemmnu li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tkun trade mark oħra tal-familja ta’ trade marks PEPE.

    117

    Kif diġà ġie deċiż fil-punti 93 u 94 iktar ’il fuq, fid-dawl tal-fatti tal-każ, ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ familja ta’ trade marks PEPE. Madankollu, ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti PEPE fil-qasam tal-artikoli ta’ ħwejjeġ u ta’ aċċessorji oħra ta’ ħwejjeġ ġie stabbilit sewwa.

    118

    Barra minn hekk, il-konsumatur ser jixtri prodott tat-trade mark PEPEQUILLO mhux biss għax ikun jixtieq jixtri qalziet tal-jeans jew basket, imma wkoll għar-raġuni li jkollu din it-trade mark li tixxiebah mat-trade marks preċedenti ta’ reputazzjoni PEPE.

    119

    Issa, il-prodotti msemmija mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jixxiebhu. Minn dan il-fatt u fid-dawl tax-xebh tas-sinjali inkwistjoni, il-konsumaturi Spanjoli jistgħu jistabbilixxu rabta bejn it-trade marks preċedenti PEPE u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

    120

    Għalhekk, it-trade mark PEPEQUILLO jirriskja li jieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti billi jiġbed lill-konsumaturi li jfittxu jixtru prodotti li jkollhom trade mark li tixxiebah mat-trade marks preċedenti ta’ reputazzjoni PEPE.

    121

    Għaldaqstant hemm lok li dan il-motiv jintlaqa’.

    122

    Konsegwentement, hemm lok li jintlaqa’ t-tieni kap tat-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni fuq il-mertu.

    Fuq l-ispejjeż

    123

    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull parti li titlef għandha tiġi kkundanata għall-ispejjeż, jekk issir talba f’dan is-sens. Jekk diversi partijiet jitilfu, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi t-tqassim tal-ispejjeż. Fiċ-ċirkustanzi tal-każ, peress li l-UASI u l-intervenjenti essenzjalment tilfu fit-talbiet tagħhom, hemm lok li jiġi deċiż li huma jbatu l-ispejjeż tagħhom u l-ispejjeż tar-rikorrenti, san-nofs għal kull wieħed minnhom.

    124

    Ir-rikorrenti talbet il-kundanna tal-UASI għall-ispejjeż sostnuti minnha fil-proċedimenti amministrattivi quddiem l-UASI. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż indispensabbli sostnuti mill-partijiet għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. Madankollu, l-istess ma jgħoddx għall-ispejjeż sostnuti għall-proċedimenti quddiem l-eżaminatur. Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti li l-UASI, peress li tilef il-kawża, jiġi kkundannat għall-ispejjeż tal-proċedimenti amministrattivi quddiem l-UASI tista’ tintlaqa’ biss għall-ispejjeż indispensabbli sostnuti mir-rikorrenti għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

    Taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    Id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-24 ta’ Settembru 2008 (Każ R 722/2007-1) hija annullata.

     

    2)

    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

     

    3)

    L-UASI għandha tbati l-ispejjeż tagħha, nofs l-ispejjeż ta’ PJ Hungary Szolgáltató kft (PJ Hungary kft), kif ukoll l-ispejjeż indispensabbli sostnuti minn PJ Hungary kif ukoll għall-finijiet tal-proċedimenti quddiem l-ewwel Bord tal-Appell tal-UASI.

     

    4)

    PEPEkillo, SL, għandha tbati l-ispejjeż tagħha u nofs l-ispejjeż ta’ PJ Hungary kft.

     

    Papasavvas

    Vadapalas

    O’Higgins

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Mejju 2011.

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top