This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008TJ0427
Judgment of the General Court (Fourth Chamber) of 15 December 2010.#Confédération européenne des associations d’horlogers-réparateurs (CEAHR) v European Commission.#Agreements, decisions and concerted practices - Abuse of dominant position - Refusal of Swiss watch producers to supply spare parts to independent watch repairers - Community interest - Relevant market - Primary market and after market - Duty to give reasons - Manifest error of assessment.#Case T-427/08.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (ir-Raba' Awla) tal-15 ta' Diċembru 2010.
Confédération européenne des associations d’horlogers-réparateurs (CEAHR) vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Akkordji - Abbuż minn pożizzjoni dominanti - Deċiżjoni li lment jiġi miċħud - Rifjut tal-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri li jipprovdu spare parts lill-arluġġara indipendenti - Interess Komunitarju - Suq rilevanti - Suq primarju u suq ta’ wara l-bejgħ - Obbligu ta’ motivazzjoni - Żball manifest ta’ evalwazzjoni.
Kawża T-427/08.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (ir-Raba' Awla) tal-15 ta' Diċembru 2010.
Confédération européenne des associations d’horlogers-réparateurs (CEAHR) vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Akkordji - Abbuż minn pożizzjoni dominanti - Deċiżjoni li lment jiġi miċħud - Rifjut tal-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri li jipprovdu spare parts lill-arluġġara indipendenti - Interess Komunitarju - Suq rilevanti - Suq primarju u suq ta’ wara l-bejgħ - Obbligu ta’ motivazzjoni - Żball manifest ta’ evalwazzjoni.
Kawża T-427/08.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 II-05865
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2010:517
Kawża T-427/08
Confédération européenne des associations d’horlogers-réparateurs (CEAHR)
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Akkordji — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Deċiżjoni li lment jiġi miċħud — Rifjut tal-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri li jipprovdu spare parts lil arluġġara indipendenti — Interess Komunitarju — Suq rilevanti — Suq primarju u suq ta’ wara l-bejgħ — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Eżami tal-ilmenti — Iffissar tal-prijoritajiet mill-Kummissjoni
(Artikoli 81 KE, 82 KE u 85 KE)
2. Kompetizzjoni — Pożizzjoni dominanti — Suq inkwistjoni — Delimitazzjoni — Kriterji — Suq primarju u suq ta’ wara l-bejgħ
(Artikolu 82 KE)
3. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Eżami tal-ilmenti — Teħid inkunsiderazzjoni tal-interess Komunitarju fl-istruttorja ta’ kawża – Kriterji ta’ evalwazzjoni
(Artikoli 81 KE u 82 KE)
4. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Eżami tal-ilmenti — Deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni motivata mill-fatt li l-persuna li tagħmel l-ilment tista’ tressaq kawża quddiem il-qorti nazzjonali — Legalità — Kundizzjoni
(Artikoli 81 KE u 82 KE)
1. Il-Kummissjoni, inkarigata mill-Artikolu 85(1) KE li tiżgura l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, għandha tiddefinixxi u timplementa l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u għal dan il-għan għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-mod kif tittratta l-ilmenti.
Meta, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti gradi differenti ta’ prijorità lill-ilmenti mressqa quddiemha, hija mhux biss tista’ tistabbilixxi l-ordni li fiha ser jiġu eżaminati l-ilmenti, iżda tista’ wkoll tiċħad ilment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed sabiex jitkompla l-eżami tal-każ.
Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni ma hijiex illimitata. Hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sabiex tiddeċiedi x’passi għandha tieħu fir-rigward ta’ lment. B’mod partikolari, hija għandha teżamina bir-reqqa l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li l-persuna li tilmenta tgħarrafha bihom. Bl-istess mod, hija suġġetta għal obbligu ta’ motivazzjoni meta tirrifjuta li tkompli għaddejja bl-eżami ta’ lment, u din il-motivazzjoni għandha tkun preċiża u dettaljata biżżejjed sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ twettaq stħarriġ effettiv tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha li tistabbilixxi prijoritajiet.
L-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni tal-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tas-setgħa diskrezzjonali rikonoxxuta lilha fit-trattament tal-ilmenti ma għandux iwassalha biex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-interess Komunitarju magħmula mill-Kummissjoni b’dik tagħha, iżda huwa intiż biex jiġi vverifikat li d-deċiżjoni inkwistjoni ma tkunx ibbażata fuq fatti ineżatti sostantivament u li ma tkun ivvizzjata b’ebda żball ta’ liġi jew b’xi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’użu ħażin ta’ poter.
(ara l-punti 26-28, 65)
2. Fil-kuntest ta’ proċeduri għal abbuż minn pożizzjoni dominanti, il-kunċett ta’ suq rilevanti jimplika li kompetizzjoni effettiva tista’ teżisti bejn il-prodotti jew is-servizzi li jagħmlu parti minnu, li jippresupponi grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà minħabba l-istess użu bejn il-prodotti jew is-servizzi kollha li jiffurmaw parti mill-istess suq. L-interkambjabbiltà jew il-possibbiltà ta’ sostituzzjoni ma tiġix evalwata biss fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tat-talba u tal-offerta fis-suq.
Mill-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità jirriżulta wkoll li suq ta’ prodotti rilevanti hu magħmul minn dawk il-prodotti u/jew servizzi illi huma kkunsidrati bħala li kapaċi li jiġu mibdula jew ikunu sostitwibbli mill-konsumatur, minħabba l-karatteristiċi tal-prodotti, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub tagħhom.
Skont l-imsemmija komunikazzjoni, l-evalwazzjoni tal-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tat-talba tinvolvi determinazzjoni tal-medda ta’ prodotti illi huma kkunsidrati bħala sostitwibbli mill-konsumatur. Mod wieħed kif tista’ ssir din id-determinazzjoni huwa li jsir eżerċizzju mentali li jippresupponi kambjament ipotetiku żgħir, iżda li jdum, fil-prezzijiet relattivi u tiġi evalwata r-reazzjoni li x’aktarx ikollhom il-klijenti għal dik iż-żieda. Fil-paragrafu 17 ta’ dan l-att il-mistoqsija illi għandha tkun imwieġba hija jekk il-klijenti tal-partijiet ibiddlu għal sostituti li huma disponibbli faċilment bħala risposta għal żieda ipotekalment żgħira (bejn il-5 % sal-10 %) iżda permanenti fil-prodotti u fiż-żoni li jkunu qed jiġu kkonsidrati. Jekk is-sostituzzjoni tkun biżżejjed illi tagħmel iż-żieda fil-prezz mhux profittabbli minħabba nuqqas fil-bejgħ, sostituzzjonijiet addizzjonali huma inklużi fis-suq rilevanti.
Barra minn hekk, skont il-paragrafu 56 tal-imsemmija komunikazzjoni, hemm ċerti żoni fejn l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ hawn fuq għandhom ikunu meħuda b’ċerta ħsieb. Dan huwa l-każ fejn meta wieħed ikun qed jikkonsidra swieq primarji u sekondarji, partikolarment, fejn l-atteġġjament tal-impriża f’dak il-punt ta’ ħin għandu jkun analizzat skont l-Artikolu 82 KE. Il-metodu ta’ kif tiddefinixxi suq f’dawn il-każijiet huwa l-istess, jiġifieri ssir stima tar-risposti tal-klijenti bbażata fuq d-deċiżjonijiet dwar ix-xiri tagħhom għal kambjamenti fil-prezzijiet, iżda jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, xkiel għas-sostituzzjoni imposta b’kundizzjonijiet fis-swieq konnessi. Definizzjoni dejqa għal suq għal prodotti sekondarji, pereżempju għall-spare parts, tista’ tirriżulta meta l-kompatibbiltà ma’ prodotti primarji hija importanti. Problemi biex jinstabu prodotti sekondarji kompatibbli flimkien ma’ eżistenza ta’ prezzijiet għolja u ħajja twila ta’ prodotti primarji jistgħu jwasslu għal żidiet relattivi fil-prezzijiet ta’ prodotti sekondarja li jagħtu profit. Definizzjoni ta’ suq differenti tista’ tingħata jekk sostituzzjoni sinjifikanti bejn prodotti sekondarji hija possibbli jew jekk il-karatteristiċi tal-prodotti primarji jrendu possibbli risposti malajr u diretti mill-konsumatur għal żidiet fil-prezzijiet relattivi tal-prodotti sekondarji possibbli.
Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra ġustament li suq tal-ispare parts għal prodotti primarji ta’ ċerta ditta jista’ ma jikkostitwixxix suq rilevanti separat f’żewġ sitwazzjonijiet : fl-ewwel lok, f’każ li l-konsumatur ikun jista’ jdur għall-ispare parts immanifatturati minn manifattur ieħor; fit-tieni lok, f’każ li l-konsumatur jista’ jdur għal prodott primarju ieħor sabiex jevita żieda fil-prezz fis-suq tal-ispare parts. Madankollu, din il-konstatazzjoni tapplika bil-kundizzjoni li jintwera li, f’każ ta’ żieda moderata u permanenti fil-prezz tal-prodotti sekondarji, numru suffiċjenti ta’ konsumaturi jduru għal prodotti oħra, primarji jew sekondarji, sabiex irendu tali żieda mhux vantaġġuża. Konsegwentement, possibbiltà purament teoretika li konsumatur idur għal prodott primarju ieħor ma tistax tkun prova biżżejjed għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq rilevanti.
Barra minn hekk, mis-suespost jirriżulta wkoll li s-sempliċi possibbiltà għall-konsumatur li jagħżel minn fost diversi trade marks eżistenti tal-prodott primarju ma hijiex biżżejjed sabiex is-suq primarju u s-swieq ta’ wara l-bejgħ jiġu ttrattati bħala suq wieħed, jekk ma jiġix stabbilit li din l-għażla tiġi eżerċitata b’mod partikolari skont il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq sekondarju. Barra minn hekk, jekk uħud mill-operaturi ekonomiċi huma speċjalizzati u huma attivi biss fis-suq ta’ wara l-bejgħ ta’ suq primarju, dan fih innifsu jikkostitwixxi indikazzjoni serja tal-eżistenza ta’ suq speċifiku.
(ara l-punti 67-70, 79, 80, 102, 105, 108)
3. Sabiex jiġi evalwat l-interess Komunitarju biex titkompla l-investigazzjoni ta’ każ, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jiġu ppreżentati lilha fl-ilment imressaq quddiemha. B’mod partikolari, għandha tibbilanċja l-importanza tal-ksur allegat fuq il-funzjonament tas-suq komuni, il-probabbiltà li tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza tiegħu u l-portata tal-miżuri investigattivi meħtieġa, sabiex tkun tista’ taqdi, fl-aħjar kundizzjonijiet, id-dmir tagħha ta’ sorveljanza tal-osservanza tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.
(ara l-punt 158)
4. Meta l-effetti tal-ksur allegat fl-ilment jinħassu biss, essenzjalment, fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u l-kawżi relattivi għal dan il-ksur ikunu tressqu mill-persuna li tilmenta quddiem il-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha d-dritt tiċħad l-ilment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju, iżda bil-kundizzjoni li d-drittijiet tal-persuna li tilmenta jkunu jistgħu jiġu protetti b’mod sodisfaċenti mill-qrati nazzjonali, ħaġa li tippresupponi li dawn ikunu f’pożizzjoni li jiġbru informazzjoni fuq il-fatti biex jiddeterminaw jekk il-prattiki inkwistjoni jikkostitwixxux ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat iċċitati iktar ’il fuq.
Madankollu, din il-kunsiderazzjoni waħedha li l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali huma f’pożizzjoni tajba biex jittrattaw l-eventwali ksur li huwa s-suġġett tal-ilment ma hijiex biżżejjed biex jiġi sostnut li hemm nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed, meta l-prattika kkritikata hija preżenti f’għall-inqas ħames Stati Membri, jekk mhux, eventwalment, fl-Istati Membri kollha, u hija imputabbli lil impriżi li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom u l-postijiet ta’ produzzjoni tagħhom barra mill-Unjoni, ħaġa li tikkostitwixxi indizju li azzjoni fuq il-livell tal-Unjoni tista’ tkun iktar effettiva milli diversi azzjonijiet fuq il-livell nazzjonali.
(ara l-punti 173, 176)
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
15 ta’ Diċembru 2010(*)
“Akkordji – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Deċiżjoni li lment jiġi miċħud – Rifjut tal-manifatturi tal-arloġġi Svizzeri li jipprovdu spare parts lil arluġġara indipendenti – Interess Komunitarju – Suq rilevanti – Suq primarju u suq ta’ wara l-bejgħ – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”
Fil-Kawża T-427/08,
Confédération européenne des associations d’horlogers-réparateurs (CEAHR), stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn P. Mathijsen, avukat,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn X. Lewis u F. Ronkes Agerbeek, sussegwentement minn M. Ronkes Agerbeek u F. Castilla Contreras, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn
Richemont International SA, stabbilita f’Bellevue (l-Isvizzera), irrappreżentata minn J. Ysewyn, avukat, u H. Crossley, solicitor,
intervenjenti,
li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3600, tal-10 ta’ Lulju 2008, li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrenti fil‑Każ COMP/E‑1/39097,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u K. O’Higgins, Imħallfin,
Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Frar 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 Ir-rikorrenti, il-Confédération européenne des associations d’horlogers-réparateurs (CEAHR), hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru kkostitwita minn seba’ assoċjazzjonijiet nazzjonali ta’ sitt Stati Membri li jirrappreżentaw l-interessi tal‑arluġġara indipendenti.
2 Fl-20 ta’ Lulju 2004, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kontra diversi impriżi, fosthom l-intervenjenti, attivi fis-settur tal-manifattura tal-arloġġi (iktar ’il quddiem il-“manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri”), li fih allegat l-eżistenza ta’ ftehim jew prattika miftiehma bejn dawn l-impriżi u abbuż minn pożizzjoni dominanti riżultanti mir-rifjut, minn dawn il-manifatturi, li jkomplu jipprovdu spare parts lill-arluġġara indipendenti.
3 B’ittra tat-28 ta’ April 2005, il-Kummissjoni għarrfet lir-rikorrenti bil-pożizzjoni provviżorja tagħha fir-rigward tal-ilment (iktar ’il quddiem il-“pożizzjoni provviżorja”). Hija indikat li, fi tmiem l-investigazzjoni tagħha, ma kienet sabet ebda prova li turi l-eżistenza ta’ prattika miftiehma jew ta’ ftehim bejn il-manifatturi ta’ arloġġi lussużi. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li ma kienx jeżisti suq separat tas-servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni, iżda li l-provvista ta’ dawn is-servizzi kienet tikkostitwixxi karatteristika tas-suq tal-arloġġi lussużi, li kien kompetittiv ħafna. Konsegwentement, hija kkonkludiet li l-fatti esposti fl-ilment ma kinux jiksru l-Artikoli 81 KE u 82 KE.
4 B’ittra tal-20 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha b’risposta għall-pożizzjoni provviżorja, fejn hija sostniet li r-rifjut tal-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri li jkomplu jipprovdu spare parts kien jikkostitwixxi ksur tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni.
5 B’ittra tat-13 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li, b’mod konformi mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 [KE] sa 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), wara eżami tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi sottomessi mir-rikorrenti fl-ilment tagħha u l-osservazzjonijiet l-oħra tagħha, hija kkonfermat il-konklużjoni preliminari tagħha li ma kienx jeżisti interess Komunitarju biżżejjed biex titkompla l-investigazzjoni fuq il-ksur allegat. B’ittra tat-30 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti rrispondiet din l-ittra u baqgħet issostni l-pożizzjoni inizjali tagħha.
6 Fl-10 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2008) 3600, li permezz tagħha ċaħdet l-ilment billi invokat in-nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed biex tkompli l-investigazzjoni fuq il-ksur allegat (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
7 Il-Kummissjoni bbażat din il-konklużjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed fuq erba’ kunsiderazzjonijiet prinċipali.
8 Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni indikat li l-ilment kien jikkonċerna l-iktar l-iktar suq jew segment minn suq ta’ daqs limitat, u b’hekk l-importanza ekonomika tiegħu ukoll hi limitata (il-paragrafu 8 tad-deċiżjoni kkontestata).
9 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni żiedet li, abbażi tal-informazzjoni fil-pussess tagħha, hija ma setgħetx tikkonkludi li jeżistu ftehim jew prattika miftiehma antikompetittivi bejn il-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri u li, b’mod partikolari, kien improbabbli li s-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva adottati minnhom ma kinux koperti minn eżenzjoni ġenerali (block exemption) mogħtija mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) [KE] għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 364) (il-paragrafu 43 tad-deċiżjoni kkontestata).
10 Fit-tielet lok, il-Kummissjoni indikat li kienet eżaminat is-suq primarju tal-arloġġi lussużi u prestiġġjużi, kif ukoll żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ, jiġifieri dak tal-ispare parts u dak tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi lussużi u prestiġġjużi, u kienet waslet għall-konklużjoni prima facie li dawn iż-żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ ma kinux jikkostitwixxu swieq separati, u li, għaldaqstant, ma kien jidher li teżisti ebda pożizzjoni dominanti, b’mod li l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ abbuż ma kinitx rilevanti (il-paragrafu 44 tad-deċiżjoni kkontestata).
11 Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni rrilevat li, jidher li fid-dawl tal-evalwazzjoni tagħha tal-ksur allegat, anki f’każ ta’ allokazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali għall-investigazzjoni tal-ilment, il-probabbiltà li jiġi stabbilit ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni kienet tibqa’ minima, b’mod li tali allokazzjoni kienet tkun sproporzjonata (il-paragrafi 8 u 45 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija żiedet li, fi kwalunkwe każ, jekk kellu jiġi stabbilit ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, jidher li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew il-qrati nazzjonali, billi għandhom il-kompetenza biex japplikaw l-Artikoli 81 KE u 82 KE, huma f’pożizzjoni tajba biex jittrattaw tali ksur (il-paragrafu 8 tad-deċiżjoni kkontestata).
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
12 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Settembru 2008, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.
13 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Jannar 2009, Richemont International talbet sabiex tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Marzu 2009, il-president tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent.
14 L-intervenjenti ppreżentat in-nota tagħha u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ din in-nota fit-termini mogħtija.
15 Fuq rapport tal-Imħallef relatur, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija stiednet lill-partijiet iwieġbu bil-miktub għal ċerti mistoqsijiet u sabiex jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet issodisfaw din it-talba fit-terminu mogħti.
16 It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-3 ta’ Frar 2010. Matul is-seduta, ir-rikorrenti talbet li titneħħa mill-proċess silta mit-tweġiba tal-Kummissjoni għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, billi sostniet li kien fiha argumentazzjoni li ma kellhiex x’taqsam mal-mistoqsija magħmula u li barra min hekk kienet ġdida fir-rigward tal-argumenti ppreżentati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, fir-risposta u fir-replika.
17 Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;
– tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż li hija sostniet minħabba l-intervent.
18 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
19 L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti minnha.
Id-dritt
20 Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. L-ewwel motiv, diviż f’żewġ partijiet, huwa bbażat, minn naħa, fuq evalwazzjoni żbaljata tal-eżistenza ta’ interess Komunitarju u, min-naħa l-oħra, fuq l-illegalitajiet fir-rigward tal-konstatazzjoni li d-daqs tas-suq ikkonċernat mill-ilment u b’hekk l-importanza ekonomika tiegħu huma limitati. It-tieni motiv huwa bbażat fuq definizzjoni żbaljata tas-suq rilevanti. It-tielet u r-raba’ motivi huma bbażati fuq ksur tal-Artikolu 81 KE u fuq ksur tal-Artikolu 82 KE, rispettivament. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq abbuż minn poter ikkostitwit mill-invokazzjoni tardiva tan-nuqqas ta’ interess Komunitarju, fuq żnaturament tal-kontenut tar-rikors kif ukoll fuq nuqqas ta’ oġġettività tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
21 Għandu jiġi rrilevat li l-motivi li jsostnu l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li ma jeżistix interess Komunitarju biżżejjed biex titkompla l-investigazzjoni tal-ilment, huma kkontestati mir-rikorrenti mhux biss permezz tal-ewwel, iżda wkoll tat-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi. B’hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li jkun aħjar jekk tibda billi teżamina t-tieni parti tal-ewwel motiv, li tirrigwarda d-daqs tas-suq ikkonċernat mill-ilment u l-importanza ekonomika tiegħu, u li teżamina l-ewwel parti tat-tieni motiv, dwar l-eżistenza ta’ interess Komunitarju biżżejjed, biss wara li tkun iddeċidiet fuq il-fondatezza tat-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi.
1. Fuq id-daqs tas-suq ikkonċernat mill-ilment u l-importanza ekonomika tiegħu
L-argumenti tal-partijiet
22 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni invokat, fil-paragrafu 8 tad-deċiżjoni kkontestata, insostenn tal-konklużjoni tagħha li ma jeżistix interess Komunitarju biżżejjed biex tkompli l-investigazzjoni, li l-ilment kien jikkonċerna biss (segment minn) suq “ta’ daqs limitat u b’hekk [li] l-importanza ekonomika tiegħu wkoll [kienet] limitata” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, hija ma identifikatx dan is-suq, ma kkwantifikatx id-daqs tiegħu u ma ddeskrivietx l-importanza ekonomika tiegħu, u b’hekk kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt, irrilevat mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li arluġġara indipendenti fis-27 Stat Membru huma affettwati mill-prattika tal-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri u li din il-prattika thedded professjoni artiġġjanali sħiħa li qed tintilef.
23 Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tirrileva li l-analiżi kompleta u l-motivazzjoni tal-pożizzjoni tagħha fir-rigward tan-nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed jinsabu mhux biss fil-parti introduttiva tad-deċiżjoni kkontestata kkritikata mir-rikorrenti, iżda wkoll fid-deċiżjoni kkontestata kollha, u b’mod partikolari fil-paragrafi 12 sa 26. F’dawn il-paragrafi msemmija l-aħħar huma ppreżentati b’mod ċar is-suq primarju rilevanti (dak tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi) u s-swieq ta’ wara l-bejgħ (dak tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-imsemmija arloġġi u dak tal-ispare parts għall-imsemmija arloġġi).
24 Il-Kummissjoni żżid li l-konstatazzjoni li tinsab fil-paragrafu 8 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-suq huwa ta’ daqs limitat u, konsegwentement, l-importanza ekonomika tiegħu ukoll hi limitata, hija sostnuta mill-affermazzjoni li tinsab fl-istess paragrafu li tafferma li mill-informazzjoni li rċeviet jirriżulta li “d-daqs tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ relattivi għall-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jirrappreżenta biss parti insinjifikattiva tad-dħul mill-bejgħ globali marbut mal-bejgħ tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi, filwaqt li wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-imsemmija arloġġi jirrappreżentaw biss segment partikolari mis-suq globali tal-arloġġi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
25 Il-Kummissjoni żżid li n-nuqqas ta’ motivazzjoni allegata tirriżulta mill-fatt li r-rikorrenti ma taqbilx mad-definizzjoni tagħha tas-suq rilevanti. Skont il-Kummissjoni, iż-żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ għandhom jiġu eżaminati flimkien mas-suq primarju, jiġifieri dak tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi (il-paragrafu 16 tad-deċiżjoni kkontestata), li miegħu huma marbuta b’mod strett. Fid-deċiżjoni kkontestata ġie indikat li, billi s-suq primarju huwa kompetittiv, is-swieq ta’ wara l-bejgħ ukoll huma kompetittivi (il-paragrafu 18 tad-deċiżjoni kkontestata), b’mod li ma kienx meħtieġ li jiġi ddeterminat id-daqs u l-importanza ekonomika tas-swieq ta’ wara l-bejgħ, peress illi dawn tal-aħħar mhumiex l-uniċi swieq li huma s-suġġet tal-evalwazzjoni tal-kompetizzjoni. Il-fatt li r-rikorrenti ma taqbilx ma’ din id-definizzjoni tas-suq ma jfissirx li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata biżżejjed f’dan ir-rigward.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
26 Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni, inkarigata mill-Artikolu 85(1) KE li tiżgura l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, għandha tiddefinixxi u timplementa l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u għal dan il-għan għandha setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-mod kif tittratta l-ilmenti (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il-Kummissjoni, T‑193/02, Ġabra p. II‑209, punt 80, u tat-12 ta’ Lulju 2007, AEPI vs Il-Kummissjoni, T‑229/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).
27 Meta, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti gradi differenti ta’ prijorità lill-ilmenti mressqa quddiemha, hija mhux biss tista’ tisabbilixxi l-ordni li fiha ser jiġu eżaminati l-ilmenti, iżda tista’ wkoll tiċħad ilment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed sabiex jitkompla l-eżami tal-każ (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2001, Sodima vs Il-Kummissjoni, T‑62/99, Ġabra p. II‑655, punt 36; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 1995, Tremblay et vs Il-Kummissjoni, T‑5/93, Ġabra p. II‑185, punti 59 u 60).
28 Madankollu, is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni ma hijiex illimitata. Hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sabiex tiddeċiedi x’passi għandha tieħu fir-rigward ta’ lment. B’mod partikolari, hija għandha teżamina bir-reqqa l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li l-persuna li tilmenta tgħarrafha bihom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C‑450/98 P, Ġabra p. I‑3947, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, il-Kummissjoni hija suġġetta għal obbligu ta’ motivazzjoni meta tirrifjuta li tkompli għaddejja bl-eżami ta’ lment, u din il-motivazzjoni għandha tkun preċiża u dettaljata biżżejjed sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ twettaq stħarriġ effettiv tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħa diskrezzjonali tagħha biex tistabbilixxi prijoritajiet (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il-Kummissjoni, C‑119/97 P, Ġabra p. I‑1341, punti 89 sa 91, u sentenza Sodima vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punti 41 u 42).
29 F’dan il-każ, fil-paragrafi 8 u 9 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat dan li ġej:
“8 B’mod partikolari, il-Kummissjoni tosserva li l-ilment jikkonċerna l-iktar l-iktar (segment minn) suq ta’ daqs limitat, u b’hekk l-importanza ekonomika tiegħu wkoll hi limitata. Huwa minnu li għalkemm intbagħtu diversi kwestjonarji lill-manifatturi tal-arloġġi, kien diffiċli li tinkiseb statistika u figuri preċiżi dwar id-daqs tas-swieq – primarji jew sekondarji – li huma s-suġġet tal-ilment. Madankollu, fid-dawl tal-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni, kien immedjatament ċar li d-daqs tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ relattivi għall-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jirrappreżenta biss parti insinjifikattiva tad-dħul mill-bejgħ globali marbut mal-bejgħ tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi, filwaqt li wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-imsemmija arloġġi jirrappreżentaw biss segment partikolari mis-suq globali tal-arloġġi. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni prima facie tal-argumenti tal-persuna li tilmenta ma pprovdietx informazzjoni affidabbli li abbażi tagħha jista’ jiġi konkluż f’dan l-istadju li probabbilment inkiser id-dritt tal-kompetizzjoni f’dan il-każ. Jidher ukoll li huwa improbabbli li jinsab xi ksur wara li tant riżorsi ntużaw għall-investigazzjoni. Fl-aħħar nett, anki li kieku kien possibbli li jiġi stabbilit ksur f’dan il-każ, jidher li l-awtoritajiet jew il-qrati nazzjonali huma f’pożizzjoni tajba biex iwettqu l-investigazzjoni u biex jittrattaw tali ksur. Huma għandhom is-setgħa u l-obbligu li japplikaw l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE].
9 Konsegwentment, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet suesposti, jidher li jkun sproporzjonat li r-riżorsi limitati tal-Kummissjoni jintużaw biex titkompla l-investigazzjoni ta’ dan il-każ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-ilment għandu jiġi miċħud minħabba n-nuqqas ta’ interess Komunitarju abbażi ta’ impatt limitat tal-effetti possibbli tal-allegat ksur fuq il-funzjonament tas-suq komuni, tal-kumplessità tal-investigazzjoni meħtieġa, u tal-probabbiltà limitata li jiġu stabbiliti provi tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
30 Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti li jallega li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt, indikat fl-ilment, li l-prattiki rrappurtati fl-ilment jikkonċernaw it-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea.
31 Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-affermazzjoni tar-rikorrenti, fl-ilment, fir-rigward tal-portata ġeografika tal-prattiki miftiehma la ġiet ikkontestata mill-Kummissjoni fil-pożizzjoni provviżorja u lanqas fid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ammettiet li kellha informazzjoni li kienet turi li l-imsemmija prattiki kienu jeżistu f’“ħames jew sitt Stati Membri” u li la setgħet tikkonferma u lanqas ma setgħet tinnega li kienu jeżistu fl-Istati l-oħrajn ukoll.
32 Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li l-portata tat-territorju kkonċernat neċessarjament hija rilevanti għad-daqs tas-suq jew tas-swieq ikkonċernat(i) mill-ilment u għall-importanza ekonomika ta’ dan is-suq jew ta’ dawn is-swieq. Barra minn hekk, l-importanza ta’ dan l-element ipprovdut mir-rikorrenti fl-ilment tagħha hija msaħħa, f’dan il-każ, mill-fatt li jindika b’mod ċar li l-ilment ma jikkonċernax suq lokali, iżda suq jew swieq li jinkludi jew jinkludu t-territorju ta’ għall-inqas ħames Stati Membri, jekk mhux it-territorju kollu tal-Unjoni, eventwalment.
33 B’hekk, billi naqset milli ssemmi dan l-element fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tad-daqs tas-suq ikkonċernat u tal-importanza ekonomika tiegħu, il-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha rilevanti u li teżamina bir-reqqa l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li r-rikorrenti tgħarrafha bihom (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 iktar ’il fuq).
34 Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tal-konklużjoni, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, dwar id-daqs limitat tas-suq ikkonċernat mill-ilment.
35 L-ewwel nett, fir-rigward tal-identifikazzjoni tas-suq li għalih tirreferi din il-konklużjoni, għandu jiġi rrilevat, hekk kif tosserva l-Kummissjoni, li d-deċiżjoni kkontestata fiha konstatazzjonijiet iktar preċiżi fir-rigward tas-swieq eżaminati b’mod partikolari fil-paragrafu 15. Il-Kummissjoni rrilevat hemmhekk li kienet wettqet l-investigazzjoni tagħha billi assumiet li “s-suq tal-arloġġi lussużi u prestiġġjużi [kien] suq primarju rilevanti separat” u li għaldaqstant kienet “eżaminat is-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi bħala suq primarju, kif ukoll żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ – wieħed għas-[servizzi ta’] tiswija u [ta’] manutenzjoni tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi u l-ieħor għall-ispare parts għall-[imsemmija] arloġġi”. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-ipoteżi li ż-żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ ma jikkostiwixxux swieq rilevanti indipendenti, iżda kellhom jiġu eżaminati flimkien mas-suq primarju, jiġifieri s-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi.
36 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni affermat waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, li l-konstatazzjoni tagħha fir-rigward tad-daqs limitat (tas-segment) mis-suq li huwa s-suġġett tal-ilment kienet tikkonċerna s-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi peress li l-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri koperti mill-ilment jipproduċu biss tali arloġġi.
37 Madankollu, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, fil-paragrafu 3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess speċifikat li, skont l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, l-ilment tagħha kien jikkonċerna restrizzjoni tal-kompetizzjoni “fis-suq tat-tiswija u l-manutenzjoni tal-arloġġi”.
38 Imbagħad, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni sentenza tal-paragrafu 8 tad-deċiżjoni kkontestata ssemmi diversi swieq ikkonċernati mill-ilment, peress li l-Kummissjoni tindika li “kien diffiċli li tinkiseb statistika u figuri preċiżi dwar id-daqs tas-swieq – primarji jew sekondarji – li huma s-suġġet tal-ilment”. Din l-indikazzjoni tikkontradixxi l-użu tas-singular fl-ewwel sentenza tal-istess paragrafu, fejn jingħad li “l-ilment jikkonċerna l-iktar l-iktar (segment minn) suq ta’ daqs limitat”.
39 Minn dan isegwi li huwa impossibbli għall-Qorti Ġenerali li tistabbilixxi b’ċertezza jekk il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni relattiva għan-natura limitata tad-daqs tas-suq jew swieq rilevanti tikkonċernax is-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi, dak tas-servizzi ta’ tiswija jew manutenzjoni ta’ tali arloġġi jew iż-żewġt iswieq.
40 It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma fihiex figuri jew stimi fir-rigward tad-daqs ta’ dawn is-swieq, u lanqas fir-rigward tad-daqs tas-suq tal-arloġġi b’mod ġenerali jew ta’ dak tal-ispare parts. Fil-fatt, il-Kummissjoni tibbaża l-konklużjoni tagħha li s-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi u/jew is-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni ta’ tali arloġġi huma ta’ daqs limitat biss fuq l-argument li s-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi huwa iktar limitat minn dak tal-arloġġi b’mod ġenerali u li d-daqs tas-suq tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ ta’ tali arloġġi huwa saħansitra iktar limitat minn dak tas-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi.
41 Fin-nuqqas ta’ punt ta’ riferiment assolut, li jista’ jkun ikkostitwit b’mod partikolari minn figuri jew stimi fir-rigward tad-daqs ta’ għall-inqas wieħed minn dawn is-swieq, is-sempliċi indikazzjonijiet dwar id-daqsijiet relattivi ta’ dawn is-swieq fil-konfront ta’ xulxin ma jippermettux lill-Qorti Ġenerali tivverifika l-eżattezza tal-konstatazzjoni li l-ilment jikkonċerna, l-iktar l-iktar, suq ta’ daqs limitat u, għalhekk, l-importanza ekonomika tal-imsemmi suq ukoll hu limitat.
42 Barra minn hekk, il-Kummissjoni ammettiet waqt is-seduta li l-imsemmija konstatazzjoni ma kinitx ibbażata fuq figuri eżatti.
43 Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma mmotivatx biżżejjed l-affermazzjoni tagħha li l-ilment jikkonċerna l-iktar l-iktar (segment minn) suq ta’ daqs limitat u b’hekk l-importanza ekonomika tiegħu wkoll hi limitata.
44 Il-kunsiderazzjonijiet l-oħra msemmija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u invokati quddiem il-Qorti Ġenerali ma jistgħux iqajmu dubji dwar din il-konklużjoni.
45 Fl-ewwel lok, l-osservazzjoni tal-Kummissjoni, fil-paragrafu 8 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar id-diffikultajiet biex tinkiseb informazzjoni dwar id-daqs tas-swieq li huma s-suġġett tal-ilment ma tistax issostni l-pożizzjoni tagħha. Fil-fatt, ebda dispożizzjoni legali ma kienet tobbliga lill-Kummissjoni tagħti l-opinjoni tagħha fuq id-daqs tas-suq jew tas-swieq li huma s-suġġett tal-ilment. Min-naħa l-oħra, peress li ddeċidiet tagħmel użu mill-konstatazzjoni li “l-ilment [kien] jikkonċerna l-iktar l-iktar (segment minn) suq ta’ daqs limitat, u b’hekk l-importanza ekonomika tiegħu wkoll [kienet] limitata”, sabiex tiġġustifika l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tan-nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed sabiex jitkompla l-eżami tal-ilment, il-Kummissjoni kienet obbligata timmotiva biżżejjed din il-konstatazzjoni.
46 Fit-tieni lok, l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li hija kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata li s-swieq ta’ wara l-bejgħ kellhom jiġu eżaminati flimkien mas-suq primarju tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi ma jistax jaffettwa l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 43 iktar ’il fuq, dwar il-motivazzjoni insuffiċjenti. Fil-fatt, il-Kummissjoni lanqas ma kkomunikat figuri jew stimi fir-rigward tad-daqs ta’ dawn is-swieq kollha flimkien.
47 Fit-tielet lok, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li, essenzjalment, is-swieq ta’ wara l-bejgħ huma kompetittivi, peress li s-suq primarju huwa kompetittiv, b’ebda mod ma taffettwa l-motivazzjoni tal-konstatazzjoni tagħha dwar id-daqs limitat tas-(segment minn) suq li huwa s-suġġett tal-ilment, billi l-konstatazzjoni li d-daqs tas-suq huwa limitat ma tistax tiġi dedotta mill-fatt li huwa kompetittiv.
48 Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha dwar il-probabbiltà żgħira li jiġi stabbilit ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni essenzjlament fuq il-konstatazzjoni dwar in-natura kompetittiva tas-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi, jibqa’ l-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-paragrafu 8 tad-deċiżjoni kkontestata, il-konstatazzjoni dwar id-daqs limitat tas-(segment minn) suq ikkonċernat mill-ilment tikkostitwixxi motiv awtonomu, fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni, fir-raġunament tagħha intiż biex jistabbilixxi n-nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed.
49 Minn dan isegwi li l-ilmenti tar-rikorrenti relattivi għad-daqs u l-importanza ekonomika limitati tas-(segment minn) suq li huwa s-suġġett tal-ilment għandhom jintlaqgħu. B’hekk, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-punti kollha ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti u li teżamina bir-reqqa l-elementi kollha li r-rikorrenti għarrfitha bihom, kif ukoll l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.
2. Fuq id-definizzjoni tas-suq rilevanti
L-argumenti tal-partijiet
50 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball meta rrifjutat id-definizzjoni tas-suq rilevanti li hija kienet ipproponiet fl-ilment tagħha u li kienet iddefendiet matul il-proċedura amministrattiva kollha, jiġifieri dik tas-“suq tas-servizzi ta’ tiswija u ta’ manutenzjoni tal-arloġġi li vallapena jissewwew”.
51 Fl-ewwel lok, meta ssostitwiet il-kunċett ta’ “arloġġi li vallapena jissewwew” b’dak ta’ “arloġġi lussużi jew prestiġġjużi”, il-Kummissjoni biddlet b’mod artifiċjali l-portata tal-ilment b’mod partikolari fil-paragrafu 12 tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk hija ppruvat iċċekken is-suq eżaminat għal parti żgħira mis-suq inkwistjoni, ħaġa li ffaċilitat il-konklużjoni tagħha fir-rigward tad-daqs insinjifikattiv tas-suq jew tas-segment mis-suq ikkonċernat. Id-definizzjoni tas-suq bħala dak tal-“arloġġi lussużi jew prestiġġjużi” ma hija sostnuta minn ebda dokument mibgħut lill-Kummissjoni u hija purament invenzjoni tagħha.
52 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni tirreferi għas-suq tal-“prodotti” u għas-“suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi”, minkejja l-indikazzjonijiet li ġew irripetuti mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva li kienu jindikaw li dan is-suq ta’ prodotti ma huwa ta’ ebda interess dirett għall-arluġġara indipendenti.
53 Imbagħad il-Kummissjoni kkunsidrat bi żball, fil-paragrafi 17 u 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-suq tas-servizzi ta’ manutenzjoni u tiswija ma kienx jikkostitwixxi “suq rilevanti separat”, iżda għall-kuntrarju kellu jiġi “eżaminat flimkien mas-suq primarju”. Billi qieset dawn is-swieq flimkien u billi ppretendiet li s-suq tal-prodotti kien kompetittiv, il-Kummissjoni kkonkludiet bi żball li anki s-suq tas-servizzi kien kompetittiv.
54 Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li “s-suq tal-ispare parts” għall-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi ma jikkostitwixxix suq rilevanti separat. Għal dak li jikkonċerna l-paragrafi 24 u 25 tad-deċiżjoni kkontestata, hija tirrileva li l-Kumissjoni bbażat id-dikjarazzjonijiet tagħha li “s-suq tal-ispare parts” ma huwiex is-suq rilevanti, qabel kollox, fuq il-fatt li l-konsumaturi jistgħu jirrikorru għal prodotti sekondarji ta’ manifattur ieħor. Issa, l-possibbiltà ta’ sostituzzjoni teżisti biss fil-każ tal-ispare parts għall-mekkaniżmi tal-arloġġi manifatturati mill-kumpannija ETA, li jinsabu fil-biċċa l-kbira tal-arloġġi Svizzeri, preċiżament peress li dawn il-mekkaniżmi, u l-ispare parts kompatibbli, jiġu mmanifatturati minn impriża differenti mill-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri li kontrihom sar dan l-ilment. Min-naħa l-oħra, l-ispare parts l-oħra huma speċifiċi għal kull manifattur ta’ arloġġi Svizzeri u l-ispare parts immanifatturat għall-arloġġi ta’ manifattur partikolari ma jistgħux jiġi ssostitwiti b’dawk immanifatturati għal manifattur ieħor. B’hekk, il-provvista ta’ servizzi ta’ manutenzjoni u tiswija tiddependi kompletament mill-provvista tal-ispare parts tal-manifattur ikkonċernat, li b’hekk qiegħed f’pożizzjoni ta’ monopolju.
55 Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-paragrafu 26 tad-deċiżjoni kkontestata li “s-suq tal-ispare parts” ma huwiex suq rilevanti jekk il-konsumatur jista’ jdur għal prodott primarju ieħor. Skont ir-rikorrenti, anki jekk huwa possibbli għall-konsumatur biex biex idur għal ditta oħra fis-suq tal-arloġġi, il-Kummissjoni ma turix li l-proprjetarju ta’ arloġġ Svizzeru effettivament idur għal ditta oħra, b’mod li l-fatt li l-Kummissjoni semmiet dan l-element, huwa irrilevanti.
56 Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-investigazzjoni tagħha wriet li s-servizzi ta’ manutenzjoni u tiswija kif ukoll il-provvista ta’ spare parts jikkostitwixxu suq ta’ wara l-bejgħ separat mis-suq primarju tal-manifattura ta’ arloġġi.
57 Imbagħad, il-Kummissjoni tirrileva li indikat fil-paragrafu 14 tad-deċiżjoni kkontestata li ma kienx possibbli għaliha li tiddefinixxi s-suq preċiż billi tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni fil-pussess tagħha. Hija b’hekk ippreżumiet (paragrafu 15 tad-deċiżjoni kkontestata), anki jekk kellha xi dubji f’dan ir-rigward (paragrafu 14 tad-deċiżjoni kkontestata), li s-suq primarju tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi kien jikkostitwixxi, mas-swieq konnessi ta’ wara l-bejgħ ta’ tiswija u manutenzjoni, minn naħa, u ta’ spare parts, min-naħa l-oħra, is-suq rilevanti.
58 Minkejja d-diffikultajiet fid-definizzjoni tas-suq, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda prova tal-eżistenza ta’ ftehim jew prattika miftiehma bejn l-impriżi koperti mill-ilment. Hija kkonstatat ukoll li l-impriżi li l-ilment kien dirett kontrihom ma kellhomx, flimkien, pożizzjoni dominanti, minħabba l-kompetizzjoni kbira li teżisti bejniethom (paragrafu 40 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, hija setgħet tikkonkludi b’mod leġittimu li ma kienet sabet ebda prova li turi l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni f’ebda wieħed mis-swieq, tkun xi tkun id-definizzjoni tiegħu.
59 Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti li ġie kkonstatat b’mod żbaljat fid-deċiżjoni kkontestata li s-suq tas-“servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi” ma jikkostitwixxix suq separat, iżda għandu jiġi eżaminat flimkien mas-suq primarju.
60 Il-Kummissjoni setgħet leġittimament tistabbilixxi rabta bejn is-suq primarju tal-manifattura u l-bejgħ ta’ arloġġi lussużi u ż-żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ (ara, b’mod partikolari, il-paragrafu 18 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-rikorrenti sempliċiment turi li ma taqbilx mal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni mingħajr ma tippreżenta provi jew argumenti li juru li din l-evalwazzjoni hija żbaljata.
61 Skont il-Kummissjoni, il-konklużjoni tagħha fid-deċiżjoni kkontestata dwar is-suq rilevanti hija bbażata kemm fuq l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti fl-ilment tagħha kif ukoll fuq ir-riżultati tal-investigazzjoni tagħha. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata hija ssemmi informazzjoni speċifika dwar is-suq ta’ prodotti rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward tas-swieq ta’ wara l-bejgħ tal-manutenzjoni u tiswija, minn naħa, u tal-komponenti u l-ispare parts, min-naħa l-oħra (paragrafi 19 sa 26 u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 15 u 18 sa 20 tad-deċiżjoni kkontestata).
62 L-intervenjenti ssostni li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi, fil-paragrafu 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ispejjeż għall-klijent tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ tul il-ħajja tal-arloġġi kienu jikkostitwixxu spiża żgħira, meta mqabbla mal-prezz inizjali tal-arloġġ stess, u li l-konsumatur kien jikkunsidrahom bħala element relativament mhux importanti fil-prezz sħiħ. L-esperjenza tal-intervenjenti turi li l-ispejjeż tas-servizzi ta’ manutenzjoni u tiswija mhumiex preokkupazzjoni immedjata u ewlenija għax-xerrej ta’ arloġġ. Bl-istess mod, is-servizzi ta’ wara l-bejgħ għall-arloġġi ta’ ditti ta’ kwalità tajba, tekniċi ħafna, għandhom karatteristiċi speċifiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Kull arloġġ hu kompost minn ħafna komponenti u, għal kull mudell ta’ arloġġi, dawn il-komponenti huma differenti. B’hekk, il-kompetenza, il-ħila u l-istrumenti meħtieġa għat-tiswija ta’ dan it-tip ta’ arloġġi huma importanti ħafna.
63 Barra minn hekk, l-intervenjenti ssostni li, għal kull ditta, huwa importanti ħafna li l-kwalità tas-servizz ta’ wara l-bejgħ u tax-xogħlijiet ta’ tiswija tkun għolja, peress li l-konsumaturi jirċievu dawn is-servizzi bħala ħaġa li tagħmel parti mill-kwalità tal-arloġġ stess. Fl-esperjenza tal-intervenjenti, dan jista’ jiġi ggarantit biss permezz ta’ taħriġ estiż, ta’ tagħmir, istruzzjonijiet u kontroll li jeħtieġu investiment kbir min-naħa tagħha.
64 Għaldaqstant, l-intervenjenti taqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li s-swieq ta’ wara l-bejgħ ta’ tiswija u tal-ispare parts ma humiex swieq suċċessivi separati. Għall-kuntrarju, dawn huma partijiet anċillari tas-suq primarju, suġġetti għal kompetizzjoni kbira, li huma totalment dipendenti minnu.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
65 Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni tal-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tas-setgħa diskrezzjonali rikonoxxuta lilha fit-trattament tal-ilmenti ma għandux iwassalha biex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-interess Komunitarju magħmula mill-Kummissjoni b’dik tagħha, iżda huwa intiż biex jiġi vverifikat li d-deċiżjoni inkwistjoni ma tkunx ibbażata fuq fatti ineżatti sostantivament u li ma tkun ivvizzjata b’ebda żball ta’ liġi jew b’xi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’użu ħażin ta’ poter (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2001, SEP vs Il-Kummissjoni, T‑115/99, Ġabra p. II‑691, punt 34, u Piau vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 81).
66 Bl-istess mod, id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni, is-suq ikkonċernat jew is-suq rilevanti, sa fejn tinvolvi evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mill-Kummissjoni, ma tistax tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ristrett min-naħa tal-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punt 482, u tas-7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il-Kummissjoni, T‑151/05, Ġabra p. II‑1219, punt 53).
67 Il-kunċett ta’ suq rilevanti jimplika, fil-fatt, li kompetizzjoni effettiva tista’ teżisti bejn il-prodotti jew is-servizzi li jagħmlu parti minnu, li jippresupponi grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà minħabba l-istess użu bejn il-prodotti jew is-servizzi kollha li jiffurmaw parti mill-istess suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni, 85/76, Ġabra p. 461, punt 28, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Jannar 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni, T‑340/03, Ġabra p. II‑107, punt 80). L-interkambjabbiltà jew il-possibbiltà ta’ sostituzzjoni ma tiġix evalwata biss fid-dawl tal-karatteristiċi oġġettivi tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tat-talba u tal-offerta fis-suq (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 37, u sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 2003, British Airways vs Il-Kummissjoni, T‑219/99, Ġabra p. II‑5917, punt 91).
68 Mill-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155, paragrafu 7) jirriżulta wkoll li “[s]uq ta’ prodotti rilevanti hu magħmul minn dawk il-prodotti u/jew servizzi illi huma kkonsidrati bħala li kappaċi li jiġu mibdula jew jkunu sostitwibbli mill-konsumatur, minħabba l-karatteristiċi tal-Prodotti, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub tagħhom”.
69 Skont l-imsemmi att, l-evalwazzjoni tal-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tat-talba tinvolvi determinazzjoni tal-medda ta’ prodotti illi huma kkunsidrati bħala sostitwibbli mill-konsumatur. Mod wieħed kif tista’ ssir din id-determinazzjoni huwa li jsir eżerċizzju mentali li jippresupponi kambjament ipotetiku żgħir, iżda li jdum, fil-prezzijiet relattivi u tiġi evalwata r-reazzjoni li x’aktarx ikollhom il-klijenti għal dik il-żieda. Fil-paragrafu 17 ta’ dan l-att, il-Kummissjoni tispeċifika:
“Il-mistoqsija illi għandha tkun imwieġba hija jekk il-klijenti tal-partijiet ibiddlu għal sostituti li huma disponibbli faċilment […] bħala risposta għal żieda ipotekalment żgħira (bejn il-5 % sal-10 %) iżda permanenti fil-prodotti u fiż-żoni li jkunu qed jiġu kkonsidrati. Jekk is-sostituzzjoni tkun biżżejjed illi tagħmel iż-żieda fil-prezz mhux profittabbli minħabba nuqqas fil-bejgħ, sostituzzjonijiet addizzjonali […] huma inklużi fis-suq rilevanti.”
70 Barra minn hekk, skont il-paragrafu 56 tal-imsemmi att:
“Hemm ċerti żoni fejn l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ hawn fuq għandhom ikunu meħuda b’ċerta ħsieb. Dan huwa l-każ fejn meta wieħed ikun qed jikkonsidra swieq primarji u sekondarji, partikolarment, fejn l-atteġġjament tal-impriża f’dak punt ta’ ħin għandhu jkun analizzat skond l-artikolu [82 KE]. Il-metodu ta’ kif tiddefinixxi suq f’dawn il-każijiet huwa l-istess, i.e. issir stima tar-risposti tal-klijenti bbażata fuq d-deċiżjonijiet dwar il-bejgħ [ix-xiri] tagħhom għal kambjamenti fil-prezzijiet, imma jittieħed in konsiderazzjoni wkoll, xkiel għas-sostituzzjoni imposta b’kondizzjonijiet fis-swieq konnessi. Definizzjoni dejqa għal suq għal prodotti sekondarji, per eżempju għall-spare parts, itsta’ tirriżulta meta l-kompatibilità ma’ prodotti primarji hija mportanti. Problemi biex jinstabu prodotti sekondarji kompatibbli flimkien ma’ eżistenza ta’ prezzijiet ogħlja u ħajja twila ta’ prodotti primarji jistgħu jwasslu għal żidiet relattivi fil-prezzijiet ta’ prodotti sekondarja li jagħtu profit. Definizzjoni ta’ suq differenti tista’ [tingħata] jekk sostituzzjoni sinjifikanti bejn prodotti sekondarji hija possibbli jew jekk il-karatteristiċi tal-prodotti primarji [irendu possibbli] risposti malajr u diretti mill-konsumatur għal żidiet fil-prezzijiet relattivi tal-prodotti sekondarji possibbli.”
71 F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat, qabel ma wettqet l-eżami prima facie tagħha dwar l-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi li huma s-suġġet tal-ilment (paragrafi 27 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata), li hija ssuponiet li kien jeżisti suq primarju ta’ prodotti, dak tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi, u żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ, dak tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi u dak tal-ispare parts għall-imsemmija arloġġi (paragrafu 15 tad-deċiżjoni kkontestata). Abbażi tal-eżami prima facie tagħha, hija kkunsidrat li ż-żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ ma kinux jikkostitwixxu swieq rilevanti separati, iżda kellhom jiġu kkunsidrati flimkien mas-suq primarju (paragrafu 17 tad-deċiżjoni kkontestata).
72 Ir-rikorrenti tressaq, essenzjalment, żewġ ilmenti fir-rigward ta’ dawn il-konstatazzjonijiet. Minn naħa, hija tqis li l-Kummissjoni għamelt żball meta ssostitwiet il-kunċett ta’ “arloġġi li vallapena jissewwew” li kienet użat matul il-proċedura amministrattiva b’dak ta’ “arloġġi lussużi jew prestiġġjużi”. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-Kummissjoni kellha żball tikkunsidra li s-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi u “s-suq tal-ispare parts” ma kinux jikkostitwixxu swieq separati, iżda kellhom jiġu eżaminti flimkien mas-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi. Hija tafferma wkoll li l-ispare parts speċifiċi għad-ditti mhumiewx sostitwibbli, b’mod li kull manifattur qiegħed f’pożizzjoni ta’ monopolju fir-rigward tal-ispare parts speċifiċi li jimmanifatura.
Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq sostituzzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “arloġġi li vallapena jissewwew” b’dak ta’ “arloġġi lussużi jew prestiġġjużi”
73 Fir-rigward tal-ewwel ilment tar-rikorrenti, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti stess indikat, fil-paġna 5 tal-ilment tagħha, li t-talba għall-ispare parts teżisti biss “għall-arloġġi għaljin”, peress li, f’każ li ma jibqgħux jaħdmu, l-arloġġi inqas għaljin jiġu sempliċiment issostitwiti b’arloġġ ieħor. Fit-tieni lok, fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Jannar 2008, ir-rikorrenti tindika li l-prezz tal-arloġġi ġodda kkonċernati mill-ilment tagħha huwa ta’ bejn EUR 1 500 u 4 000, filwaqt li, skont espert imsemmi mill-Kummissjoni fil-pożizzjoni provviżorja, il-funzjoni essenzjali ta’ arloġġ, jiġifieri li jikkalkola l-ħin, tinqeda b’mod sħiħ u preċiż minn apparat li jiswa madwar EUR 25.
74 Peress li l-prezzijiet tal-arloġġi li jaqgħu taħt il-gamma indikata mir-rikorrenti huma minn 60 sa 160 darba ogħla mill-prezz tal-irħas arloġġi li madankollu jaqdu l-funzjoni prinċipali tagħhom b’mod affidabbli, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta qieset li l-arloġġi kkonċernati mill-ilment huma “arloġġi lussużi jew prestiġġjużi”.
75 Għaldaqstant, l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami separat tas-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi u ta’ dak tal-ispare parts
76 Permezz tat-tieni lment tagħha, ir-rikorrenti tikkritika l-fatt li l-Kummissjoni ma ttrattax is-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi u dak jew dawk tal-ispare parts bħala swieq rilevanti separati, iżda eżaminathom flimkien mas-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi bħala ħaġa waħda. Barra minn hekk, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li ma ħaditx inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata l-fatt li l-ispare parts speċifiċi għad-ditti mhumiex sostitwibbli.
77 Għal dak li jikkonċerna dawn is-swieq ta’ wara l-bejgħ, il-Kummissjoni għamlet dawn il-konstatazzjonijiet ġenerali li ġejjin fid-deċiżjoni kkontestata:
“d) Swieq ta’ wara l-bejgħ
(17) Kif ġie spjegat fil-paragrafu 15 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni eżaminat żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ: dak tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ (tiswija u manutenzjoni), u dak tal-ispare parts peress li dawn iż-żewġt iswieq huma kkunsidrati bħala eżempji standard ta’ swieq ta’ wara l-bejgħ. L-evalwazzjoni prima facie tas-sitwazzjoni fis-suq primarju tal-manifattura u l-bejgħ tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi kif ukoll fis-swieq ta’ wara l-bejgħ twassal għall-konklużjoni li s-swieq ta’ wara l-bejgħ m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala swieq ta’ prodotti rilevanti separati, iżda għandhom jiġu eżaminati flimkien mas-suq primarju […]
(18) Barra minn hekk, anki jekk jitqies li dawn is-swieq għandhom jiġu kkunsidrati bħala swieq rilevanti separati, il-fatt li jidher li s-suq primarju huwa kompetittiv irendi l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi eventwali improbabbli ħafna. B’mod partikolari, normalment, iż-żidiet fil-prezzijiet fis-swieq ta’ wara l-bejgħ ma jkunux vantaġġużi minħabba l-impatt tagħhom fuq il-bejgħ fis-suq primarju, sakemm ma jkunx hemm tnaqqis fil-prezzijiet fis-suq primarju sabiex jiġu kkumpensati l-prezzijiet ogħla fis-swieq ta’ wara l-bejgħ. B’hekk, hemm probabbiltà kbira li l-kompetizzjoni fis-suq primarju tiżgura prezz globali kompetittiv għall-gamma ta’ prodotti u servizzi kemm fis-suq primarju kif ukoll fis-swieq ta’ wara l-bejgħ (anki jekk il-klijenti ma jkunux għamlu l-għażla tagħhom abbażi ta’ kalkoli preċiżi fuq iċ-ċiklu tal-ħajja) [traduzzjoni mhux uffiċjali].”
– Fuq l-eżami relattiv għas-suq tal-ispare parts
78 Qabel kollox għandha tiġi eżaminata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li s-suq tal-ispare parts għall-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi ma jikkostitwixxix suq rilevnati separat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat dan li ġej:
“(ii) Komponenti u spare parts għall-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi
(23) Kif ġie indikat preċedentement, jidher li s-suq ta’ wara l-bejgħ tal-komponenti tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jiddependi mis-suq primarju ta’ dawn l-arloġġi u huwa marbut b’mod strett miegħu. Din il-konstatazzjoni tikkontradixxi l-konklużjonijiet li nsiltu [mir-rikorrenti] li tikkunsidra li s-suq tal-ispare parts huwa suq separat f’dan il-każ [...]
(24) Barra min hekk, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li jista’ jkun li suq ta’ wara l-bejgħ li jikkonsisti f’prodotti sekondarji (spare parts) ta’ ditta ta’ prodotti primarji ma jkunx rilevanti f’żewġ sitwazzjonijiet: fl-ewwel lok, meta konsumatur jkollu l-possibbiltà jdur għal prodotti sekondarji ta’ manifattur ieħor u, fit-tieni lok, meta jkun possibbli għalih li jbiddel il-prodott primarju u b’hekk jevita prezzijiet iktar għoljin fis-suq ta’ wara l-bejgħ. F’dan il-każ, huwa ċar li l-konsumaturi ma humiex imblukkati mingħajr ma għandhom il-possibbiltà li jduru għal prodott primarju jew sekondarju ieħor.
(25) F’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li konsumatur idur għal prodotti sekondarji ta’ manifattur ieħor, għandu jiġi kkonstatat li [r-rikorrenti] ma rnexxilhiex tagħti spjegazzjoni kompleta, preċiża u koerenti fir-rigward tal-portata u l-limiti tal-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tal-ispare parts għall-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi.
(26) Madankollu, għal dak li jikkonċerna l-possibbiltà li konsumatur idur għal prodott primarju ieħor, ix-xerrejja potenzjali ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi għandhom il-libertà sħiħa li jagħżlu fost diversi ditti eżistenti ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi li jikkompetu ma’ xulxin. Għal dak li jirrigwarda l-klijenti li diġà għandhom arloġġi bħal dawn, bħala regola, huwa possibbli għalihom li jbiddlu l-prodott primarju, prinċipalment minħabba l-fatt li ħafna arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jista’ jkollhom valuri residwi għoljin f’diversi swieq tal-oġġetti użati u l-ispejjeż marbutin mal-bidla ma jinvolvu ebda investiment, bħat-taħriġ, tibdil ta’ rutina, installazzjonijiet, softwer, eċċ, ħaġa li tirrendi t-tibdil iktar u iktar faċli. Fid-dawl ta’ dak li ntqal, jidher li l-konsumaturi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom medda kbira ta’ possibbiltajiet li jibdlu, mingħajr ma jidħlu fi spejjeż eċċezzjonali, minn prodott primarju għal ieħor [traduzzjoni mhux uffiċjali]”.
79 B’hekk, skont il-konstatazzjoni ġenerali li tinsab fil-paragrafu 24 tad-deċiżjoni kkontestata, is-suq tal-ispare parts għall-prodotti primarji ta’ ċerta ditta jista’ ma jikkostitwixxix suq rilevanti separat f’żewġ sitwazzjonijiet : fl-ewwel lok, f’każ li l-konsumatur ikun jista’ jdur għall-ispare parts immanifatturati minn manifattur ieħor; fit-tieni lok, f’każ li l-konsumatur jista’ jdur għal prodott primarju ieħor sabiex jevita żieda fil-prezz fis-suq tal-ispare parts.
80 Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax din il-konstatazzjoni ġenerali fiha nfisha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li hija kompatibbli mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 67 iktar ’il fuq u mal-Att dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti, iżda bil-kundizzjoni li jintwera li, f’każ ta’ żieda moderata u permanenti fil-prezz tal-prodotti sekondarji, numru suffiċjenti ta’ konsumaturi jduru għall-prodotti l-oħrajn, primarji jew sekondarji, sabiex irendu tali żieda mhux vantaġġuża.
81 Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-kunsiderazzjonijiet, magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, dwar l-applikazzjoni tat-test li riedet tistabbilixxi fil-paragrafu 24 tal-imsemmija deċiżjoni.
82 B’mod preliminari, għandu jiġi osservat li, anki jekk, fil-bqija tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat is-“suq tal-ispare parts” bħala suq wieħed ta’ wara l-bejgħ (ara b’mod partikolari l-paragrafi 17 u 23 tad-deċiżjoni kkontestata), fil-paragrafu 24 tad-deċiżjoni kkontestata hija eżaminat is-sitwazzjonijiet fejn “suq ta’ [spare parts] ta’ ditta ta’ prodotti primarji” jista’ ma jikkostitwixxix suq rilevanti separat.
83 B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-paragrafi 24 sa 26 tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw żewġ partijiet parzjalment differenti tad-definizzjoni tas-suq rilevanti. Fl-ewwel lok, hemm il-kwistjoni jekk l-ispare parts kollha għall-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jiffurmawx suq wieħed, jew jikkostitwixxux diversi swieq u l-ispare parts speċifiċi għad-ditti jikkostitwixxu swieq separati. L-elementi relattivi għal din il-kwistjoni – il-possibbiltà għall-konsumatur li jdur għall-ispare parts immanifatturati mill-manifatturi l-oħrajn sabiex tiġi evitata żieda fil-prezz applikat minn manifattur partikolari – huma ttrattati mill-Kummissjoni fil-paragrafu 25 tad-deċiżjoni kkontestata. Fit-tieni lok, hemm il-kwistjoni jekk is-suq tal-ispare parts jew in-numru kbir ta’ swieq tal-ispare parts għandhomx jiġu ttrattati bħala swieq rilevanti separati jew jekk għandhomx jiġu eżaminati flimkien mas-suq primarju tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi, bħala suq rilevanti wieħed unifikat. L-elementi relattivi għal din il-kwistjoni – dwar il-possibbiltà għall-konsumatur li jdur għal prodott primarju ieħor sabiex jevita żieda fil-prezz tal-ispare parts ta’ ċertu manifattur – huma eżaminati mill-Kummissjoni fil-paragrafu 26 tad-deċiżjoni kkontestata.
84 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-possibbiltà tal-konsumatur li jdur għall-ispare parts immanifatturati mill-produtturi l-oħrajn, għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li, fis-sens tal-ġurisprudenza u tal-Att dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti, iċċitati fil-punti 67 sa 70 iktar ’il fuq, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ tali possibbiltà, u, b’hekk, dik dwar jekk hemmx suq wieħed tal-ispare parts jew numru kbir ta’ swieq tal-ispare parts speċifiċi għad-ditti, tiddependi prinċipalment mill-eżistenza ta’ grad biżżejjed ta’ possibbiltà ta’ sostituzzjoni tal-ispare parts immanifatturati mill-manifatturi differenti.
85 F’dan ir-rigward, mill-kliem tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni għażlet li ma tiħux pożizzjoni espressament fuq il-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tal-ispare parts immanifatturati mill-manifatturi differenti, inkwantu kkonstatat sempliċiment, fil-paragrafu 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[r-rikorrenti] ma rnexxilhiex tagħti spjegazzjoni kompleta, preċiża u koerenti fir-rigward tal-portata u l-limiti tal-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tal-ispare parts għall-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
86 Dan l-approċċ huwa f’kontradizzjoni mal-pożizzjoni provviżorja fejn il-Kummissjoni affermat b’mod espliċitu li, b’mod ġenerali, l-ispare parts li jappartjenu għad-ditti differenti mhumiex sostitwibbli, minħabba d-differenzi fid-daqs, id-disinn u minħabba fatturi oħrajn. B’hekk, skont il-pożizzjoni provviżorja, il-manifatturi ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi huma l-uniċi fornituri tal-gammi speċifiċi ta’ spare parts għad-ditti proprji tagħhom.
87 Bl-istess mod, l-intervenjenti ddikjarat li l-komponenti ta’ kull arloġġ huma differenti u parti kbira mill-ispare parts għal dawn l-arloġġi ma jistgħux jinbidlu ma’ spare parts immanifaturrati minn manifatturi oħrajn, minħabba n-nuqqas ta’ kompatibbiltà mal-prodotti primarji.
88 Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti pproduċiet, matul il-proċedura amministrattiva, kopji tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet Svizzeri tal-kompetizzjoni fil-każ ETA SA Manufacture horlogère suisse (Ġabra tad-deċiżjonijiet u komunikazzjonijiet tal-awtoritajiet Svizzeri tal-kompetizzjoni, 2005/1, p. 128) u ta’ pożizzjoni provviżorja, tat-12 ta’ Lulju 2002, tal-awtorità tal-kompetizzjoni Olandiża dwar ilment simili għal dak li ressqet quddiem il-Kummissjoni. L-awtorità tal-kompetizzjoni Olandiża kkunsidrat li “l-ispare parts tal-arloġġi kkonċernati [kienu] marbuta mad-ditta u ma [kinux] sostitwibbli”, b’mod li kien jeżisti numru ta’ swieq, jiġifieri suq għall-isapre parts speċifiċi li jappartjenu għal kull ditta. L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Svizzeri kkunsidraw li l-komponenti tal-arloġġi, kompatibbli ma’ familja partikolari ta’ arloġġi, ma kinux sostitwibbli mal-komponenti kompatibbli ma’ familji oħra, b’mod li l-komponenti u l-ispare parts immanifatturati minn ETA kienu jappartjenu għal numru ta’ swieq rilevanti.
89 Indipendentment mill-kwistjoni jekk dawn l-elementi kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jew jekk humiex ta’ tali natura li jinvalidaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-possibbiltà għal konsumatur li jdur għall-ispare parts immanifatturati minn produttur ieħor sabiex tiġi evitata żieda fil-prezz tal-ispare parts b’ebda mod ma ġiet stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma kellhiex dritt tibbaża ruħha fuq din l-ipoteżi fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq rilevanti f’dan il-każ.
90 Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li, kieku l-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tieħu pożizzjoni fuq il-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tal-ispare partss, kienet tasal għall-konklużjoni, b’mod partikolari abbażi tal-evalwazzjoni tagħha fil-pożizzjoni provviżorja u tal-fatti li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Svizzeri tal-kompetizzjoni u l-pożizzjoni provviżorja tal-awtorità Olandiża tal-kompetizzjoni kien fihom, li, b’mod ġenerali, l-ispare parts li jappartjenu għad-ditti differenti ma kinux sostitwibbli, b’mod li ma tistax teżisti kompetizzjoni effettiva bejn l-imsemmija spare parts, għall-inqas għal dak li jikkonċerna l-ispare parts speċifiċi għad-ditti.
91 Fit-tieni lok, għandha tiġi eżaminata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-konsumaturi jistgħu jevitaw żieda fil-prezz tal-ispare parts billi jduru għal prodott primarju ieħor.
92 L-ewwel nett, skont id-deċiżjoni kkontestata, din il-possibbiltà teżisti anki jekk il-konsumatur diġà jipposjedi arloġġ lussuż jew prestiġġjuż, peress li dan l-arloġġ jista’ jkollu valur residwu għoli fis-suq tal-oġġetti użati. Barra minn hekk, din il-possibbiltà hija ffaċilitata mill-fatt li ma tinvolvi, b’mod partikolari, ebda taħriġ, ebda tibdil ta’ rutina, ebda installazzjoni, u ebda softwer.
93 Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, minħabba l-kumplessità tat-tiswija u l-manutenzjoni tal-arloġġi, ġeneralment, it-talba għall-ispare parts ma toriġinax mill-persuni li jużaw l-arloġġi, iżda mill-ispeċjalisti li jipprovdu dawn is-servizzi. B’hekk, mill-perspettiva tal-konsumatur, żieda fil-prezz tal-ispare parts normalment tiġi integrata fil-prezz ta’ dawn is-servizzi.
94 Imbagħad, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-analiżi tagħha li wasslet għall-konklużjoni tagħha dwar il-possibbiltà għall-konsumatur li jdur għal prodott primarju ieħor, il-Kummissjoni b’ebda mod ma tieħu inkunsiderazzjoni l-konstatazzjoni tagħha, fil-paragrafu 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-prezz tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ fuq it-tul tal-ħajja tal-arloġġi huwa spiża żgħira, meta mqabbel mal-ispiża inizjali tal-arloġġ lussuż jew prestiġġjuż stess, u l-konsumatur jikkunsidrah bħala element relativament mhux importanti fil-prezz sħiħ.
95 F’dan ir-rigward, mid-dokumenti prodotti fuq talba tal-Qorti Ġenerali u mid-dikjarazzjonijiet tal-intervenjenti jirriżulta li l-prezz totali tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni ta’ dawn l-arloġġi, fuq perijodu ta’ għaxar snin, jibqa’ għall-maġġoranza tal-mudelli, ta’ inqas minn 5 % tal-prezz tal-arloġġ ġdid. Għandu jiġi enfasizzat, barra minn hekk, li l-prezz tal-ispare parts normalment jiġi integrat f’dan il-prezz, b’mod li jirrappreżenta perċentwali saħansitra iktar limitata tal-prezz tal-arloġġ ġdid. B’hekk, jidher li żieda moderata fil-prezz tal-ispare parts tibqa’ ammont negliġibbli meta mqabbla mal-prezz ta’ arloġġ lussuż jew prestiġġjuż ġdid.
96 Dan l-element fih innifsu jista’ jikkomprometti l-validità tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà għall-konsumatur li jdur għal prodott primarju ieħor. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma turix li l-konsumatur jista’ raġonevolment jagħżel li jdur għal prodott primarju ieħor, bil-għan li jevita żieda fil-prezz tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni li tirriżulta minn żieda moderata fil-prezz tal-ispare parts, fid-dawl tal-fatt li x-xiri ta’ prodott primarju ieħor jimplika prezz sostanzjlament ogħla.
97 L-indikazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-eżistenza ta’ suq tal-oġġetti użati għall-arloġġi ma tistax tagħmel tajjeb għal din l-ommissjoni fl-evalwazzjoni tagħha. Hija tindika sempliċiment, fil-paragrafu 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “bħala regola, huwa possibbli għalihom li jbiddlu l-prodott primarju, prinċipalment minħabba l-fatt li ħafna arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jista’ jkollhom valuri residwi għoljin f’diversi swieq tal-oġġetti użati”.
98 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma taffermax li l-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi kollha, jew anki l-maġġoranza tagħhom, għandhom valur residwu għoli fis-suq tal-oġġetti użati. B’hekk, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li bejgħ ta’ arloġġ lussuż jew prestiġġjuż bi prezz raġonevoli fis-suq tal-oġġetti użati huwa biss eventwalità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni b’ebda mod ma eżaminat il-kwistjoni jekk, anki f’każ ta’ bejgħ fis-suq tal-oġġetti użati, id-differenza bejn il-prezz riċevut u l-prezz imħallas għal arloġġ ieħor – u b’hekk it-telf subit mill-konsumatur riżultanti mit-tibdil tal-arloġġ – tibqax inqas mill-ammont li jista’ jitfaddal billi tiġi evitata b’dan il-mod żieda moderata fil-prezz tal-ispare parts ta’ ċerta ditta.
99 Għandu jingħad ukoll li, sabiex jinbigħ arloġġ fis-suq tal-oġġetti użati, bħala regola għandu jiġi żgurat li jinsab fi stat tajjeb. B’hekk, bħala regola, il-konsumatur ikollu jsewwi arloġġ qabel ma jbigħu u jekk ma jagħmilx hekk, huwa x-xerrej li jkollu jassumi l-ispiża ta’ tali tiswija, ħaġa li xorta waħda tiġi riflessa fil-prezz li jirċievi l-konsumatur. B’hekk, l-argument tal-Kummissjoni li l-konsumatur jista’ jevita żieda fil-prezz tal-ispare parts billi jbigħ l-arloġġ tiegħu fis-suq tal-oġġetti użati u jixtri arloġġ ġdid hija pprivata minn kul plawżibbiltà mill-fatt li ż-żieda eventwali fil-prezz tal-ispare parts fi kwalunkwe każ għandha tiġi aċċettata mill-konsumatur.
100 Fl-aħħar, il-Kummissjoni tikkunsidra fil-paragrafu 26 tad-deċiżjoni kkontestata li l-ispejjeż ta’ bidla għal prodott primarju ieħor ma jinvolvu ebda investiment bħat-taħriġ, tibdil fl-rutina, installazzjonijiet jew softwer, ħaġa li tirrendi tali bidla iktar faċli.
101 F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni għażlet li tikkunsidra s-suq tal-ispare parts mill-perspettiva tal-konsumatur finali (dak li juża l-arloġġ). Issa, l-użu ta’ tali oġġett is-soltu ma jinvolvi ebda investiment fit-taħriġ, tibdil ta’ rutina, installazjonijiet jew softwer. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidra b’mod validu li n-nuqqas ta’ ħtieġa ta’ tali investimenti jiffaċilita t-tibdil għal prodott primarju ieħor.
102 Abbażi tas-suespost, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wrietx, fil-paragrafu 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konsumaturi li diġà għandhom arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jistgħu b’mod raġonevoli jduru għal prodott primarju ieħor sabiex jevitaw żieda fil-prezz tal-ispare parts. Il-provi prodotti mill-Kummissjoni jindikaw biss possibbiltà purament teoretika li konsumatur idur għal prodott primarju ieħor, ħaġa li ma tistax tkun prova biżżejjed għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq rilevanti. Fil-fatt, din hija bbażata fuq il-kunċett tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni effettiva, li tippresupponi li numru biżżejjed ta’ konsumaturi jdur realment għal prodott primarju ieħor, f’każ ta’ żieda moderata fil-prezz tal-ispare parts, sabiex tali żieda ma tkunx profitabbli (ara l-punti 67, 69 u 70 iktar ’il fuq).
103 It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat l-impatt tal-affermazzjoni li tinsab fil-paragrafu 26 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li x-xerrejja potenzjali tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jistgħu jagħżlu liberament fost diversi trade marks eżistenti ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi li jikkompetu ma’ xulxin. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni indikat, fis-seduta, li l-elementi msemmija, fid-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-konsumaturi li diġà għandhom arloġġi ma kinux jikkostitwixxu l-bażi prinċipali tal-konklużjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti. Hija ssostni li r-raġuni għalfejn is-suq primarju u s-swieq ta’ wara l-bejgħ għandhom jiġu ttrattati flimkien bħala suq wieħed unifikat (“marché de système”) hija li ż-żidiet fil-prezz fis-swieq ta’ wara l-bejgħ ikollhom il-konsegwenza li t-talba ddur għall-prodotti tal-manifatturi l-oħrajn fis-suq primarju, ħaġa li tirrendi tali żieda mhux profitabbli.
104 Għandu jiġi rrilevat li dan il-pass huwa kompatibbli mal-ġurisprudenza, peress li, fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq rilevanti, mhemmx lok li wieħed jillimita ruħu biss għall-eżami tal-karatteristiċi oġġettivi tal-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u l-istruttura tat-talba u tal-offerta fis-suq (ara l-punt 67 iktar ’il fuq).
105 Madankollu, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 67 iktar ’il fuq u mill-Att dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti jirriżulta li, sabiex is-suq primarju u s-swieq ta’ wara l-bejgħ ikunu jistgħu jiġu ttrattati flimkien, eventwalment bħala suq unifikat wieħed jew “marché de système”, għandu jintwera, fl-ipoteżi kkunsidrata mill-Kummissjoni (ara l-punt 103 iktar ’il fuq), li numru biżżejjed ta’ konsumaturi jduru għall-prodotti primarji l-oħrajn fil-każ ta’ żieda moderata fil-prezzijiet tal-prodotti jew servizzi li jappartjenu għas-suq ta’ wara l-bejgħ sabiex irendu tali żieda mhux profitabbli (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1991, Hilti vs Il-Kummissjoni, T‑30/89, Ġabra p. II‑1439, punt 75). Fi kliem ieħor, għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni fil-paragrafu 26 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 27 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sempliċi possibbiltà għall-konsumatur li jagħżel minn fost diversi trade marks eżistenti tal-prodott primarju ma hijiex biżżejjed sabiex is-suq primarju u s-swieq ta’ wara l-bejgħ jiġu ttrattati bħala suq wieħed, jekk ma jiġix stabbilit li din l-għażla tiġi eżerċitata b’mod partikolari skont il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq sekondarju.
106 F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma wrietx, fid-deċiżjoni kkontestata, li ż-żidiet fil-prezz ta’ manifattur partikolari fis-swieq ta’ wara l-bejgħ ikollhom xi impatt kwalunkwe fuq il-volum tal-bejgħ fis-suq primarju. Għall-kuntrarju, hija enfasizzat kemm-il darba li l-prezz tas-servizzi ta’ manutenzjoni u tiswija (li fihom huwa inkluż il-prezz tal-ispare parts) huwa żgħir ħafna u ma huwiex importanti meta mqabbel mal-prezz inizjali tal-arloġġ lussuż jew prestiġġjuż stess (ara l-punt 94 iktar ’il fuq). Skont l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 27 tad-deċiżjoni kkontestata, dan il-prezz jibqa’ żgħir ħafna meta mqabel mal-prezz inizjali jekk jiġi kkunsidrat it-tul ta’ ħajja kollha tal-prodott, b’mod li ma tantx huwa probabbli li x-xerrejja potenzjali jikkalkolaw dan il-prezz għat-tul ta’ ħajja kollha tal-prodott primarju. Minn dan, il-Kummissjoni tikkonkludi, fl-istess nota ta’ qiegħ il-paġna, li “l-konsumatur ma jikkunsidrax il-prezz tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ bħala kriterju meta jagħżel arloġġ”.
107 Għaldaqstant, mis-suespost jirriżulta li l-Kummissjoni ma wrietx li l-konsumaturi li diġà għandhom arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jistgħu raġonevolment iduru għal prodott primarju ieħor sabiex jevitaw żieda fil-prezz tal-ispare parts, lanqas li, b’mod ġenerali, il-prezz tal-ispare parts jinfluwenza l-kompetizzjoni bejn il-prodotti primarji. Konsegwentement, ma wrietx li żieda moderata fil-prezz tal-ispare parts minn ċertu manifattur tikkawża bidla fit-talba lejn l-arloġġi tal-produtturi l-oħrajn, li tirrendi tali żieda mhux profitabbli. B’hekk, hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta eżaminathom flimkien, bħala li jagħmlu parti minn suq wieħed.
108 Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tal-awtoritajiet Svizzeri tal-kompetizzjoni fil-każ ETA SA Manufacture horlogère suisse, ETA hija l-ikbar manifattur ta’ komponenti u spare parts ta’ arloġġi Svizzeri – inklużi dawk lussużi jew prestiġġjużi. Madankollu, din il-kumpannija ma timmanifatturax arloġġi sħaħ. Issa, skont il-ġurisprudenza, jekk uħud mill-operaturi ekonomiċi huma speċjalizzati u huma attivi biss fis-suq ta’ wara l-bejgħ ta’ suq primarju, dan jikkostitwixxi fih innifsu indizju serju tal-eżistenza ta’ suq speċifiku (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Hilti vs Il-Kummissjoni, punt 105 iktar ’il fuq, punt 67).
109 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas ta’ dan l-iżball, u li kieku l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-konstatazzjoni tagħha li tinsab fil-pożizzjoni provviżorja dwar in-nuqqas ġenerali ta’ possibbiltà ta’ sostituzzjoni bejn l-ispare parts li jappartjenu għad-ditti differenti, kif ukoll l-elementi pprovduti mir-rikorrenti f’dan ir-rigward (ara l-punti 86, 88 u 89 iktar ’il fuq), kienet tikkonkludi li jeżistu swieq rilevanti separati kkostitwiti mill-ispare parts speċifiċi għad-ditti, skont is-sostitwibbiltà tagħhom.
– Fuq l-eżami dwar is-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni
110 Fir-rigward tas-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk il-konklużjoni tal-Kummissjoni, fil-paragrafu 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmi suq ma għandux jiġi ttrattat bħala suq rilevanti separat hijiex iġġustifikata mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-paragrafi 19 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata.
111 F’dawn l-aħħar paragrafi, il-Kummissjoni affermat dan li ġej:
“(i) Manutenzjoni u tiswija wara l-bejgħ
(19) Jidher li l-iżvilupp naturali tas-suq ikkaratterizzat miż-żieda fit-talba ta’ mekkaniżimi kumplessi fis-settur tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi wassal lill-biċċa l-kbira tal-manifatturi ta’ tali arloġġi sabiex ibiddlu l-politika tagħhom u jawtorizzaw il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ dawn l-arloġġi biss fi ħdan is-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva tagħhom. Dawn l-aħħar għoxrin sena, il-manifatturi ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi adottaw din l-istrateġija speċifika għall-provvista ta’ dawn is-servizzi ta’ wara l-bejgħ, wieħed wara l-ieħor, u skont il-prijorità mogħtija minn kull manifattur individwali lis-segment tal-prodotti lussużi.
(20) Il-Kummissjoni tosserva li l-manifatturi ta’ arloġġi jikkunsidraw il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ wara l-bejgħ bħala servizz anċillari għad-distribuzzjoni tal-arloġġi, ħaġa li juri b’mod partikolari l-ammont ta’ dħul tal-manifatturi ta’ arloġġi fl-imsemmi suq. Dan l-ammont ma huwiex kbir u bħala medja jikkostitwixxi parti żgħira mid-dħul totali miksub. Barra minn hekk, il-manifatturi ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi jipperċepixxu t-twaqqif ta’ netwerk ta’ servizzi ta’ wara l-bejgħ ta’ kwalità tajba konsistenti u uniformi bħala element essenzjali ggwidat mit-talba tal-klijent, u bħala komponent fundamentali li jagħmel parti integrali mill-istrateġija ta’ kompetizzjoni tagħhom fis-suq primarju. Skont il-manifatturi, il-prodott primarju jitlef mill-valur tiegħu f’għajnejn il-klijenti jekk l-immaġni tiegħu tiġi assoċjata ma’ xi ħaġa differenti minn servizzi ta’ wara l-bejgħ state-of-the-art, partikolari għad-ditta, li jingħataw jew mill-manifatturi tal-arloġġi stess jew f’ċentri ta’ servizzi approvati.
(21) Għal dak li jirrigwarda l-arloġġara indipendenti, ma jidhirx li dejjem huma kapaċi jissodisfaw il-kriterji ta’ għażla bbażati fuq il-kwalità stabbiliti mill-manifatturi ta’ arloġġi għall-ħwienet ta’ tiswija approvati tagħhom […] Barra minn hekk, skont ċerti manifatturi tal-arloġġi, sa 30 % tat-tiswijiet li jsiru fiċ-ċentri ta’ servizz ta’ wara l-bejgħ tagħhom jirrigwardaw danni kkawżati minn tiswija inadegwata u ħażina magħmula minn arloġġara li m’għandhomx l-għarfien u l-kompetenzi xierqa.
(22) Għandu jiġi rrilevat ukoll li partikolarità oħra tal-prodott inkwistjoni tikkonsisti fil-fatt li l-ispiża għall-klijent tas-servizz ta’ wara l-bejgħ matul iċ-ċiklu ta’ ħajja ta’ arloġġ lussuż jew prestiġġjuż hija minima meta mqabbla mal-prezz inizjali tal-arloġġ stess, u li l-klijent b’hekk jikkunsidraha bħala element relativament żgħir tal-prezz tal-‘pakkett’ globali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
112 Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li (ara l-punt 108 iktar ’il fuq), jekk uħud mill-operaturi ekonomiċi huma speċjalizzati u huma attivi biss fis-suq marbut mas-suq primarju jew mas-suq ta’ wara l-bejgħ, dan fih innifsu jikkostitwixxi indizju serju tal-eżistenza ta’ suq speċifiku.
113 Ir-rikorrenti sostniet, matul il-proċedura amministrattiva, li l-fatt li arloġġara indipendenti, li jikkostitwixxu professjoni, mhumiex attivi fis-suq tal-arloġġi, iżda biss fis-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi, jikkostitwixxi indikazzjoni fih innifsu tal-eżistenza ta’ suq separat tal-imsemmija servizzi. Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dan l-indizju serju ppreżentat mir-rikorrenti.
114 Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, anki jekk iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ huma speċifiċi ħafna, fid-dawl tal-fatt li dan huwa, minn naħa, suq ta’ prodotti u, min-naħa l-oħra, suq ta’ servizzi ta’ wara l-bejgħ, il-Kummissjoni ma tistax ma tiħux inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti meta tagħżel li tikkunsidra s-suq ta’ wara l-bejgħ flimkien mas-suq primarju, eventwalment bħala suq wieħed rilevanti.
115 Bl-eċċezzjoni tal-indikazzjoni li l-ispiża għas-servizzi ta’ wara l-bejgħ hija minima meta mqabbla mal-prezz inizjali ta’ arloġġ lussuż jew prestiġġjuż, ebda waħda mill-kunsiderazzjonijiet elenkati mill-Kummissjoni fil-paragrafi 19 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata ma hija relatata mal-elementi msemmija mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 67 iktar ’il fuq, u lanqas, barra minn hekk, ma’ dawk li jinsabu fl-att dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti (ara l-punti 68 sa 70 iktar ’il fuq).
116 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni m’għamlitx l-analiżi li kkunsidrat li hija l-iktar waħda rilevanti fir-rigward tas-suq jew tas-swieq tal-ispare parts, jiġifieri, mutatis mutandis, dik biex jiġi ddeterminat jekk il-konsumaturi jistgħux jevitaw żieda fil-prezz tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni billi jduru għall-prodotti primarji ta’ manifatturi oħrajn.
117 Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, skont il-paragrafu 22 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ispiża tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ hija żgħira ħafna meta mqabbla mal-prezz inizjali tal-arloġġ stess, u li, skont in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 27 tad-deċiżjoni kkontestata, “il-konsumatur ma jqisx l-ispiża għas-servizzi ta’ wara l-bejgħ bħala kriterju meta jagħżel arloġġ”.
118 Għaldaqstnat, fid-dawl ta’ dawn l-elementi u fin-nuqqas ta’ prova oħra fid-deċiżjoni kkontestata li tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza u l-att dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti (ċċitati fil-punti 67 sa 70 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li żieda moderata fil-prezzijiet fis-suq tas-servizzi tikkawża bidla fit-talba fis-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi li tista’ tirrendi tali żieda mhux profittabbli, u lanqas li, b’mod ġenerali, il-prezz tas-servizzi għandu influwenza fuq il-kompetizzjoni bejn il-prodotti primarji.
119 Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li hija esponiet fil-paragrafi 19 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi ma kienx jikkostitwixxi suq rilevanti separat, iżda, għall-kuntrarju, kellu jiġi eżaminat flimkien ma’ dak tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi. B’hekk, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.
120 Peress li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, li s-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi u dak jew dawk tal-ispare parts ma jikkostitwixxux swieq rilevanti li għandhom jiġu eżaminati b’mod separat huma vvizzjati bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk, minkejja dawn il-vizzji, il-Kummissjoni setgħetx leġittimament tikkonkludi li ma kienx jeżisti interess Komunitarju biżżejjed biex tkompli bl-investigazzjoni tagħha.
121 Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-probabbiltà żgħira li nkisru l-Artikoli 81 KE u 82 KE tinsab fost il-motivi prinċipali li jsostnu l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ tali interess. B’hekk, għandu jiġi eżaminat jekk id-definizzjoni żbaljata tas-suq rilevanti setgħetx ikollha effett fuq il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-probabbiltà li nkisru r-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni.
3. Fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE
L-argumenti tal-partijiet
122 Ir-rikorrenti ssostni li l-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri effettivament ftehmu biex jeliminaw l-arloġġara indipendenti tas-suq Komunitarju tas-servizzi ta’ manutenzjoni u tiswija tal-arloġġi u b’hekk kisru l-Artikolu 81 KE. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkunsidrat li l-prattika li tiġi rrifjutata l-provvista tal-ispare parts lill-arloġġara indipendenti tikkostitwixxi sistema ta’ distribuzzjoni selettiva li tibbenefika mill-eżenzjoni ġenerali prevista fir-Regolament Nru 2790/1999.
123 Fir-rigward tal-paragrafi 27 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni tippretendi li ma sabet ebda prova dwar l-eżistenza ta’ prattika miftiehma, ir-rikorrenti ssostni li l-eżistenza ta’ tali prattika normalment ma tiġix indikata bi provi diretti, iżda minn provi ċirkostanzjali. F’dan il-każ, matul il-proċedura amministrattiva, ir-rikorrenti pprovdiet diversi indizji f’dan ir-rigward. Hija indikat, l-ewwel nett, li l-maġġoranza tal- manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri kienu interrompew il-provvista tal-ispare parts matul perijodu partikolari, it-tieni nett, li kważi t-totalità tal-manifatturi li kontrihom sar l-ilment kienu jappartjenu għal “gruppi” ta’ manifatturi organizzati sew u, it-tielet nett, li lkoll kienu jiltaqgħu b’mod regolari sabiex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ strateġija bħala membri tal-Fédération horlogère suisse (FHS). Issa, il-Kummisjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dawn l-elementi u sempliċiment ikkontestat it-tul tal-perijodu li matulu seħħ ir-rifjut effettiv tal-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri milli jkomplu jipprovdu l-ispare parts (paragrafu 16 tad-deċiżjoni kkontestata). Anki din il-kontestazzjoni, mill-Kummissjoni, ma hijiex fondata, peress li r-rikorrenti pprovditilha dokument li jindika l-konċentrazzjoni tar-rifjuti kkontestati tul ċertu żmien fi Stat Membru partikolari.
124 Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kkonkludiet bi żball li l-prattika inkwistjoni setgħet tibbenefika minn eżenzjoni mill-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, peress li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 81(3) KE kif ippreċiżati fir-Regolament Nru 2790/1999, ma humiex sodisfatti.
125 Il-Kummissjoni ssostni li, hekk kif spjegat fil-paragrafi 27 u 28 tad-deċiżjoni kkontestata, matul l-investigazzjoni tagħha, hija ma sabet ebda prova li turi l-eżistenza ta’ prattika miftiehma jew ta’ akkordju bejn il-manifatturi ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi. Ir-rikorrenti ma pprovditilha ebda informazzjoni affidabbli li fuqha setgħet ibbażat ruħha sabiex tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 81 KE. Għall-kuntrarju, jidher li s-suq primarju tal-arloġġi huwa kompetittiv, ħaġa li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti.
126 Għal dak li jikkonċerna d-dokument, prodott mir-rikorrenti, dwar il-konċentrazzjoni tar-rifjuti tul ċertu żmien, il-Kummissjoni tenfasizza li tfassal mir-rikorrenti stess, mingħajr ma speċifikat is-sors tagħha, u li jikkonċerna Stat Membru wieħed biss. Konsegwentement, l-imsemmi dokument għandu valur probatorju dgħajjef ħafna. Fi kwalunkwe każ, juri r-rifjut progressiv li jiġu pprovduti spare parts ta’ arloġġi bejn l-1985 u l-2008, ħaġa li tirrifletti żvilupp naturali tas-suq.
127 Il-Kummissjoni ssostni li s-sistema ta’ distribuzzjoni selettiva stabbilita mill-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri hija konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2790/1999 u li ma teżisti ebda prova tal-eżistenza ta’ prattiki li jmorru kontra l-Artikolu 4(a) tal-imsemmi regolament. Il-fatt li l-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri biddlu l-prattika tagħhom billi għażlu sistema ta’ distribuzzjoni selettiva bbażata fuq kriterji kwalitattivi jirriżulta għalkollox mid-dinamika tas-suq u jwieġeb għat-talba tal-konsumaturi kif ukoll għall-għan tal-manifatturi li jiggarantixxu servizzi tal-aqwa kwalità.
128 L-intervenjenti ssostni li l-allegazzjoni tar-rikorrenti fir-rigward tal-konċentrazzjoni tar-rifjuti tul ċertu żmien – matul perijodu ta’ “bejn wieħed u ieħor sentejn” qabel ma tressaq l-ilment – hija sostanzjalment skorretta.
129 Barra minn hekk, l-intervenjenti taqbel mal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-kwalità tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ ipprovduti mill-arloġġara indipendenti hija s-suġġett ta’ iktar ilmenti minn dik tat-tiswijiet li jsiru mill-ħwienet approvati jew mill-manifattur stess.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
130 Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti dwar l-eżistenza ta’ akkordju bejn il-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma rnexxilhiex tistabbilixxi li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, esposta fil-paragrafu 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ma ressqet ebda prova li tippermetti li tiġi suspettata l-eżistenza ta’ akkordju jew ta’ prattika miftiehma intiża biex jiġu eliminati l-arloġġara indipendenti tas-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi, hija vvizzjata b’illegalità.
131 B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li d-dokument intitolat “progressjoni tar-rifjut” juri li fl-1985 tliet ditti biss irrifjutaw li jipprovdu l-ispare parts, li fl-1990, dan in-numru kien tela’ għal 5, fl-1995 għal 15, fl-2000 għal 35, fl-2005 għal 38 u, fl-aħħar, fl-2008, dan in-numru kien ta’ 50.
132 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, anki dan id-dokument, li tfassal mir-rikorrenti, pjuttost jikkonferma l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-progressjoni tar-rifjut ma kinitx ir-riżultat ta’ akkordju, iżda ta’ sensiela ta’ deċiżjonijiet kummerċjali indipendenti adottati mill-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri.
133 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-prattika ta’ distribuzzjoni selettiva tal-ispare parts – li kienet tinvolvi r-rifjut li l-imsemmija spare parts jiġu pprovduti lill-arloġġara indipendenti u l-projbizzjoni lill-impriżi inklużi fin-netwerk milli jipprovdu l-imsemmija spare parts lil operaturi li ma kinux jagħmlu parti min-netwerk – hija prattika li tmur kontra l-Artikolu 81 KE u ma tistax tibbenefika mill-eżenzjoni ġenerali mogħtija mir-Regolament Nru 2790/1999.
134 Għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament jistipula kif ġej:
“Skond l-Artikolu 81(3)[KE] u suġġett għad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, huwa dikjarat li l-Artikolu 81(1)[KE] m’għandux japplika għal ftehim jew prattiċi miftiehma li ddaħlu bejn żewġ intrapriżi jew aktar li kull wieħed minnhom jopera, għall-għanijiet tal-ftehim, f’livell differenti tal-katina ta’ produzzjoni jew distribuzzjoni, u li tirrelata mal-kondizzjonijiet li fihom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid ċerti oġġetti jew servizzi (‘ftehim vertikali’).
Din l-eżenzjoni għandha tapplika sal-punt li dawn il-ftehim ikollhom restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li jaqgħu fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu 81(1) (‘restrizzjonijiet vertikali’).”
135 Skont l-Artikolu 3 tal-istess regolament, “l-eżenzjoni li hemm provdut għaliha fl-Artkolu 2 għandha tapplika fuq il-kondizzjoni li s-sehem tas-suq miżmum mill-fornitur ma jkunx aktar minn 30 % tas-suq relevanti li fih ibiegħ l-oġġetti jew servizzi tal-kuntratt”.
136 Barra minn hekk, skont il-paragrafu 94 tal-Linji gwida fuq trażżin vertikali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 8, Vol. 1, p. 390):
“Fejn fornitur jipproduċi kemm tagħmir oriġinali u t-tiswija jew tibdil tal-parts għal dan it-tagħmir, il-fornitur ħafna drabi jkun l-uniku jew il-fornitur maġġuri fis-suq ta’ wara għat-tiswija u bdil tal-parts […] Is-suq relevanti għall-applikazzjoni tar-Regolament [Nru 2790/1999] jista’ jkun it-tagħmir oriġinali li jinkludi l-‘ispare parts’ jew suq tat-tagħmir oriġinali separat u suq ta’ wara li jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi tal-każ, bħalma huma l-effetti tar-restrizzjonijiet involuti, t-tul ta’ ħajja tat-tagħmir u l-importanza ta’ l-ispiża tat-tiswija jew tibdil”.
137 F’dan il-każ, fil-paragrafu 33 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet f’dan ir-rigward kif ġej:
“[...] Kif diġà ġie spjegat, l-analiżi li twettqet mill-Kummissjoni għall-finijiet ta’ din il-proċedura wasslet għall-konklużjoni li s-suq ta’ wara l-bejgħ tal-ispare parts m’għandux jiġi pperċepit bħala suq separat mis-suq primarju. Għaldaqstant, hemm lok li tiġi evalwata s-setgħa ta’ manifattur partikolari ta’ arloġġi fis-suq b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tiegħu u s-saħħa tiegħu fis-suq primarju. Din hija r-raġuni għalfejn, meta jitqies il-fatt li ebda wieħed mill-manifatturi jidher li għandu pożizzjoni dominanti fis-suq primarju, jew li għandu sehem mis-suq ta’ iktar minn 30 %, jidher li jistgħu jibbenefikaw mir-regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
138 Għandu jitfakkar li ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni rrilevat fil-punt 107 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet tikkonkludi li jeżistu swieq rilevanti separati kkostitwiti mill-ispare parts speċifiċi għad-ditti, skont is-sostitwibbiltà tagħhom.
139 Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma fiha xejn x’juri li s-sehem mis-suq tal-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri jibqa’ inqas minn 30 % anki fis-swieq tal-ispare parts speċifiċi għad-ditti.
140 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni rrilevat fil-punt 107 iktar ’il fuq, u li kieku l-Kummissjoni kienet irriproduċiet fid-deċiżjoni kkontestata l-konstatazzjoni li tinsab fil-pożizzjoni provviżorja li l-manifatturi ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi kienu l-uniċi fornituri ta’ gammi speċifiċi ta’ spare parts għad-ditti proprji tagħhom, kienet tikkonkludi li l-eżenzjoni mogħtija mir-Regolament Nru 2790/1999 ma hijiex applikabbli, fid-dawl tad-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3 tiegħu.
141 Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fil-paragrafu 43 tad-deċiżjoni kkontestata, bit-titolu “Konklużjoni”, fir-rigward tal-probabbiltà żgħira li s-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva jiksru l-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni ma ssemmi ebda element ieħor minbarra l-applikabbiltà tal-eżenzjoni ġenerali skont ir-Regolament Nru 2790/1999. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tikkunsdira li dan l-element kellu importanza deċiżiva f’dan ir-rigward.
142 B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni rrilevat fil-punt 107 iktar ’il fuq jivvizzja wkoll il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar il-probabbiltà żgħira li seħħ ksur tal-Artikolu 81 KE.
4. Fuq il-ksur tal-Artikolu 82 KE
L-argumenti tal-partijiet
143 Ir-rikorrenti ssostni, fir-rigward tal-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-paragrafi 39 sa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti jew ta’ monopolju ta’ kull manifattur ta’ arloġġi Svizzeri fir-rigward tal-ispare parts speċifiċi għat-trade mark tiegħu fil-pożizzjoni provviżorja. Meta rrifjutaw li jkomplu jipprovdu l-ispare parts tagħhom, dawn il-manifatturi wettqu abbuż.
144 Skont ir-rikorrenti, il-fatt li s-suq tal-arloġġi Svizzeri hu, skont il-Kummissjoni, suq kompetittiv ma għandu ebda effett fuq il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi ta’ manutenzjoni u tiswija, li jmissu ġie kkunsidrat bħala suq rilevanti separat f’dan il-każ. Hija tirrileva li s-suq imsemmi l-aħħar m’għadux kompetittiv, ħlief għal ċerta kompetizzjoni residwa bejn l-arloġġara indipendenti u l-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri. Il-prattika tal-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri li jirrifjutaw li jkomplu jipprovdu l-ispare parts hija intiża biex telimina anki din il-kompetizzjoni residwa.
145 Il-Kummissjoni tenfasizza li, skont l-analiżi tagħha, is-suq primarju huwa dak tal-arloġġi, li minnu jiddependi għalkollox is-suq ta’ wara l-bejgħ tal-ispare parts għall-arloġġi. Is-suq tal-arloġġi hu kompetittiv biżżejjed u ebda prova ma turi l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva tal-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri, lanqas a fortiori ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti.
146 L-intervenjenti tafferma li m’għandhiex pożizzjoni dominanti fis-suq primarju. Bl-istess mod, il-kundizzjonijiet neċessarji biex tkun tista’ tiġi stabbilita pożizzjoni dominanti kollettiva mhumiex sodisfatti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
147 Fil-paragrafu 41 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkunsidra dan li ġej:
“[G]ħal dak li jikkonċerna s-swieq ta’ wara l-bejgħ, diġà ġie stabbilit li jidher li ma huwiex probabbli li dawn jikkostitwixxu suq li għandu jiġi evalwat separatament, u b’hekk il-kwistjoni tad-dominanza fuqhom m’għandhiex tiġi evalwata b’mod separat mis-suq primarju” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
148 Fil-paragrafu 44 tad-deċiżjoni kkontestata, bit-titolu “Konklużjoni”, il-Kummissjoni tafferma dan li ġej:
“[L-]analiżi wasslet għall-konklużjoni, prima facie, li s-swieq ta’ wara l-bejgħ ma jikkostitwixxux swieq separati f’dan il-każ, u li b’hekk ma jidhirx li teżisti pożizzjoni dominanti, la kollettiva u lanqas individwali, fis-swieq ta’ wara l-bejgħ eżaminati. Fin-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti, il-kwistjoni tal-abbuż tilfet kull rilevanza” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
149 Hekk kif diġà ġie osservat fil-punt 109 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni rrilevat fil-punt 107 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kienet tikkunsidra li l-ispare parts speċifiċi għad-ditti kienu jikkostitwixxu swieq rilevanti separati skont il-possibbiltà ta’ sostituzzjoni tagħhom.
150 Għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda analiżi dwar il-pożizzjoni dominanti li l-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri għandhom fis-swieq tal-ispare parts speċfiċi għad-ditti proprji tagħhom. B’hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma tbegħditx mill-konstatazzjoni tagħha li tinsab fil-pożizzjoni provviżorja, li l-manifatturi ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi kienu l-uniċi fornituri tal-gammi speċifiċi ta’ spare parts għad-ditti proprji tagħhom, u lanqas ma ħadet pożizzjoni fuq l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri kellhom pożizzjoni dominanti fis-swieq tal-ispare parts speċifiċi għad-ditti proprji tagħhom.
151 Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li, kieku l-Kummissjoni kkonkludiet li jeżistu swieq rilevanti separati kkostitwiti mill-ispare parts speċifiċi għad-ditti, u b’hekk eżaminat il-pożizzjoni tal-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri f’dawn is-swieq, kienet tirriproduċi l-konstatazzjoni tagħha li tinsab fil-pożizzjoni provviżorja, li l-manifatturi ta’ arloġġi lussużi jew prestiġġjużi kienu l-uniċi fornituri tal-gammi speċifiċi ta’ spare parts għad-ditti proprji tagħhom. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li kienet tistabbilixxi, fuq din il-bażi, li l-imsemmija manifatturi kellhom pożizzjoni dominanti, jekk mhux monopolju, għall-inqas għal dak li jikkonċerna ċerti gammi tal-ispare parts tagħhom, li jikkostitwixxu swieq rilevanti.
152 Peress li l-Kummissjoni bbażat ruħha, sabiex tikkonkludi dwar il-probabbiltà żgħira li sar ksur tal-Artikolu 82 KE, fuq in-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti tal-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri, l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li twettaq fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq rilevanti jivvizzja wkoll l-imsemmija konklużjoni.
5. Fuq l-evalwazzjoni ta’ interess Komunitarju biżżejjed sabiex titkompla l-investigazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
153 Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-paragrafu 9 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-effett limitat tal-ksur allegat fuq il-funzjonament tas-suq komuni, il-kumplessità tal-investigazzjoni meħtieġa u l-probabbiltà limitata li jiġi stabbilit ksur huma żbaljati, jew, għall-inqas, ma huma sostnuti minn ebda prova jew argument. B’mod partikolari, hija ssostni li l-affermazzjoni dwar l-effett limitat tal-allegat ksur hija żbaljata, peress li qed tintilef professjoni artiġġjanali fl-Unjoni.
154 Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, fil-paragrafu 14 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, filwaqt li rrikonoxxiet li “ma hijiex konvinta li s-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi huwa s-suq (primarju) rilevanti f’dan il-każ”, madankollu żammet din id-definizzjoni bħala bażi tal-evalwazzjoni tagħha. Bl-istess mod, fin-nuqqas li tiddefinixxi s-suq rilevanti, il-Kummissjoni ma kinitx tkun tista’, mingħajr ma twettaq żball ta’ loġika, tikkonkludi li “ma [kien] hemm ebda indikazzjoni li l-funzjonament ta’ dan is-suq ikun imxekkel”.
155 Il-Kummissjoni lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-aġir antikompetittiv allegat jikkonċerna l-Istati Membri kollha, b’mod li hija hi fl-aħjar pożizzjoni biex tadotta miżuri li jerġgħu jistabbilixxu kompetizzjoni b’saħħitha fi ħdan is-suq komuni. Ir-rikorrenti tirreferi għall-ġurisprudenza li tirrigwarda l-kwistjoni jekk, billi rreferiet lill-persuna li lmentat għall-qrati nazzjonali, il-Kummissjoni ħaditx inkunsiderazzjoni l-portata tal-protezzjoni li tista’ tingħata minn dawn tal-aħħar. F’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ awtorità waħda jew ta’ qorti waħda ma tistax issolvi l-problemi ta’ funzjonament ħażin tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari peress li d-ditti ta’ arloġġi Svizzeri mhumiex irrappreżentati lkoll fl-Istati Membri kollha.
156 Il-Kummissjoni tirreferi għas-sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq (punt 79). Hija tinvoka li l-interess Komunitarju biżżejjed biex titkompla investigazzjoni għandu jiġi evalwat skont kriterju ta’ bbilanċjar. Meta tapplika dan il-kriterju, hija tkun tista’ tikkonkludi li lment ma għandux interess Komunitarju biżżejjed biex titkompla investigazzjoni dwaru, u dan abbażi ta’ fattur wieħed biss jew ta’ diversi fatturi. Peress li l-evalwazzjoni tal-interess Komunitarju ta’ ilment tiddependi miċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari, in-numru ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni li tista’ tirreferi għalihom ma għandux ikun limitat u lanqas, għall-kuntrarju, għandu jiġi impost fuqha l-użu esklużiv ta’ ċerti kriterji.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
157 Skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti gradi ta’ prijorità lill-ilmenti mressqa quddiemha, hija tista’ tistabbilixxi l-ordni li fiha ser jiġu eżaminati l-ilmenti u tista’ tirreferi għall-interess Komunitarju li jkollu każ, bħala kriterju ta’ prijorità (sentenza Tremblay et vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 60; ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settemrbu 1992, Automec vs Il-Kummissjoni, T‑24/90, Ġabra p. II‑2223, punti 83 sa 85).
158 Sabiex jiġi evalwat l-interess Komunitarju biex titkompla l-investigazzjoni ta’ każ, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jiġu ppreżentati lilha fl-ilment imressaq quddiemha. B’mod partikolari, għandha tibbilanċja l-importanza tal-ksur allegat fuq il-funzjonament tas-suq komuni, il-probabbiltà li tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza tiegħu u l-portata tal-miżuri investigattivi meħtieġa, sabiex tkun tista’ taqdi, fl-aħjar kundizzjonijiet, id-dmir tagħha ta’ sorveljanza tal-osservanza tal-Artikoli 81 KE u 82 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Automec vs Il-Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, punt 86; Tremblay et vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 62, u Sodima vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 46).
159 F’dan ir-rigward, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika, b’mod partikolari, jekk jirriżultax mid-deċiżjoni li l-Kummissjoni bbilanċjat l-importanza tad-dannu li l-ksur allegat jista’ jagħmel għall-funzjonament tas-suq komuni, il-probabbiltà li tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza tiegħu u l-portata tal-miżuri investigattivi meħtieġa sabiex taqdi, fl-aħjar kundizzjonijiet, id-dmir tagħha li tissorvelja l-osservanza tal-Artikoli 81 KE u 82 KE (ara s-sentenza Sodima vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata)
160 Barra minn hekk, għandha titfakkar il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq, fis-sens li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni tal-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, tas-setgħa diskrezzjonali fit-trattament tal-ilmenti ma għandux iwassalha biex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-interess Komunitarju magħmula mill-Kummissjoni b’dik tagħha, iżda huwa intiż biex jiġi vverifikat li d-deċiżjoni inkwistjoni ma tkunx ibbażata fuq fatti ineżatti sostantivament u li ma tkun ivvizzjata b’ebda żball ta’ liġi jew b’xi żball manifest ta’ evalwazzjoni jew b’abbuż ta’ poter .
161 Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar ukoll li żball manifest ta’ evalwazzjoni ma jistax ikun biżżejjed biex jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, jekk, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, ma setax ikollu influwenza determinanti fuq ir-riżultat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, UFEX et vs Il-Kummissjoni, T‑60/05, Ġabra p. II‑3397, punt 77; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, T‑126/99, Ġabra p. II‑2427, punti 48 u 49). Bl-istess mod, sabiex tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, hu biżżejjed li l-Kummissjoni tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-4 ta’ Settembru 2009, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑211/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 68, u l-ġurisprudenza ċċitata).
162 Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-importanza, fl-istruttura tad-deċiżjoni, tal-kunsiderazzjonijiet ivvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni (ara l-punt 49 iktar ’il fuq), minħabba n-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi rilevanti, minkejja l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina bir-reqqa l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li l-persuna li lmentat għarrfitha bihom (ara l-punt 33 iktar ’il fuq), u bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni (ara l-punti 107 u 199 iktar ’il fuq), sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn l-illegalitajiet setgħux jaffettwaw l-ibbilanċjar mill-Kummissjoni tal-importanza tal-ksur allegat fuq il-funzjonament tas-suq komuni, tal-probabbiltà li tkun tista’ tiġi stabbilita l-eżistenza tiegħu u tal-portata tal-miżuri investigattivi neċessarji.
163 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejed biex titkompla l-investigazzjoni hija bbażata fuq erba’ kunsiderazzjonijiet essenzjali. L-ewwel nett, l-ilment jikkonċerna suq jew segment minn suq ta’ daqs limitat biss, b’mod li l-importanza ekonomika tagħhom ukoll hi limitata. It-tieni nett, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi, abbażi tal-informazzjoni fil-pussess tagħha, li jeżisti akkordju jew prattika miftiehma u ma huwiex probabbli li s-sistemi ta’ distribuzzjoni selettiva stabbiliti mill-manifatturi ta’ arloġġi Svizzeri mhumiex koperti mill-eżenzjoni ġenerali mogħtija mir-Regolament Nru 2790/1999. It-tielet nett, peress li ż-żewġt iswieq ta’ wara l-bejgħ ma jikkostitwixxux swieq separati, ma jidher li teżisti ebda pożizzjoni dominanti, b’mod li l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ abbuż ma hijiex rilevanti. Ir-raba’ nett, fid-dawl tal-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-ksur allegat, anki fil-każ ta’ allokazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali għall-investigazzjoni tal-ilment, il-probabbiltà li jiġi stabbilit ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tibqa’ żgħira. Fi kwalunkwe każ, anki jekk seta’ jiġi stabbilit ksur, jidher li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali huma f’pożizzjoni tajba biex jittrattawh (ara l-punti 8 sa 11 iktar ’il fuq).
164 Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tqis li l-kunsiderazzjoni li l-ilment jikkonċerna biss suq jew segment minn suq ta’ daqs limitat, b’mod li l-importanza ekonomika tagħhom ukoll hi limitata, kellha rwol importanti fl-ibbilanċjar, mill-Kummissjoni, tal-fatturi li għandhom jiġu evalwati sabiex tiġi ddetminata l-eżistenza ta’ interess Komunitarju biżżejjed biex titkompla l-investigazzjoni. Din il-kunsiderazzjoni hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni u bi ksur tal-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ liġi u ta’ fatt rilevanti kollha u li teżamina bir-reqqa l-elementi kollha li r-rikorrenti għarrfitha bihom (ara l-punt 49 iktar ’il fuq).
165 Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fid-definizzjoni tas-suq rilevanti jivvizzjaw ukoll il-konklużjonijiet tagħha dwar il-probabbiltà żgħira tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.
166 Il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni, fil-paragrafu 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li “ma hijiex konvinta li s-suq tal-arloġġi lussużi jew prestiġġjużi huwa s-suq (primarju) rilevanti f’dan il-każ”, u li, fi kwalunkwe każ, ma kienx neċessarju li tagħti delimitazzjoni eżatta tas-suq rilevanti peress li “ma [kien] hemm ebda indikazzjoni li l-funzjonament ta’ dan is-suq ikun imxekkel” ma tistax tagħmel tajjeb għal dawn l-illegalitajiet.
167 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kkunsidrat, fil-paragrafu 33 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 137 iktar ’il fuq) dan li ġej:
“[L]-analiżi li twettqet […] wasslet għall-konklużjoni li s-suq ta’ wara l-bejgħ tal-ispare parts m’għandux jiġi pperċepit bħala suq separat mis-suq primarju. Għaldaqstant, hemm lok li tiġi evalwata s-setgħa ta’ manifattur partikolari ta’ arloġġi fis-suq b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tiegħu u s-saħħa tiegħu fis-suq primarju. Din hija r-raġuni għalfejn, meta jitqies il-fatt li ebda wieħed mill-manifatturi jidher li għandu pożizzjoni dominanti fis-suq primarju, jew li għandu sehem mis-suq ta’ iktar minn 30 %, jidher li jistgħu jibbenefikaw mir-regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
168 Bl-istess mod, għandu jitfakkar li, fil-paragrafu 44 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 148 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni kkunsidrat dan li ġej:
“[L-]analiżi wasslet għall-konklużjoni, prima facie, li s-swieq ta’ wara l-bejgħ ma jikkostitwixxux swieq separati f’dan il-każ, u li b’hekk ma jidhirx li teżisti pożizzjoni dominanti […] fis-swieq ta’ wara l-bejgħ eżaminati. Fin-nuqqas ta’ pożizzjoni dominanti, il-kwistjoni tal-abbuż tilfet kull rilevanza” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
169 Għaldaqstant, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-definizzjoni tas-suq prima facie biex issostni l-konklużjoni tagħha dwar il-probabbiltà żgħira tal-eżistenza tal-ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, u fuq din l-aħħar konklużjoni biex issostni l-konstatazzjoni tagħha dwar in-nuqqas ta’ indikazzjonijiet ta’ tfixkil fis-suq inkwistjoni. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax tippretendi b’mod validu li ma kellhiex bżonn tiddefinixxi s-suq rilevanti minħabba nuqqas ta’ indikazzjonijiet ta’ tfixkil fis-suq, peress li l-konstatazzjoni tagħha dwar in-nuqqas tal-imsemmi tfixkil kienet ibbażata preċiżament fuq id-definizzjoni tas-suq rilevanti li xorta waħda tat.
170 Bl-istess mod, l-illegalitajiet kommessi mill-Kummissjoni fid-definizzjoni tas-suq rilevanti ma jistgħux jiġu nnewtralizzati mill-affermazzjoni tagħha, li tinsab fil-paragrafu 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li “anki jekk jitqies li dawn is-swieq għandhom jiġu kkunsidrati bħala swieq rilevanti separati, il-fatt li jidher li s-suq primarju huwa kompetittiv irendi l-eżistenza ta’ effetti antikompetittivi eventwali improbabbli ħafna[; b’]mod partikolari, normalment, iż-żidiet fil-prezzijiet fis-swieq ta’ wara l-bejgħ ma jkunux vantaġġużi minħabba l-impatt tagħhom fuq il-bejgħ fis-suq primarju, sakemm ma jkunx hemm tnaqqis fil-prezzijiet fis-suq primarju sabiex jiġu kkumpensati l-prezzijiet ogħla fis-swieq ta’ wara l-bejgħ [traduzzjoni mhux uffiċjali].”
171 Fil-fatt, il-Kummissjoni tibbaża l-affermazzjoni tagħha li “normalment, iż-żidiet fil-prezzijiet fis-swieq ta’ wara l-bejgħ ma jkunux vantaġġużi minħabba l-impatt tagħhom fuq il-bejgħ fis-suq primarju” fuq ebda analiżi jew prova. Għall-kuntrarju, hija tinvoka, fid-deċiżjoni kkontestata, element li jqajjem dubji dwarha, billi tenfasizza li “l-konsumatur ma jikkunsidrax l-ispiża għas-servizzi ta’ wara l-bejgħ bħala kriterju meta jagħżel arloġġ”. Fil-fatt, dan l-element għandu l-konsegwenza plawżibbli li ż-żieda fil-prezz tal-imsemmija servizzi – jew fil-prezz tal-ispare parts inklużi fil-prezz tal-imsemmija servizzi – ma taffettwax it-talba għall-arloġġi tad-ditta li żżid il-prezzijiet fis-swieq ta’ wara l-bejgħ (ara l-punt 106 iktar ’il fuq).
172 Fit-tielet lok, peress li l-maġġoranza tal-kunsiderazzjonijiet li jsostnu l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed biex titkompla l-investigazzjoni huma vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni, bin-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni element rilevanti, imsemmi fl-ilment, u bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk l-uniku motiv validu li fadal, li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali huma f’pożizzjoni tajba biex jinvestigaw l-eventwali ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE u biex jittrattawh, jistax fih innifsu jiġġustifika l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed.
173 Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, meta l-effetti tal-ksur allegat fl-ilment jinħassu biss, essenzjalment, fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u l-kawżi relattivi għal dan il-ksur ikunu tressqu mill-persuna li tilmenta quddiem il-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta’ dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha d-dritt tiċħad l-ilment minħabba nuqqas ta’ interess Komunitarju, iżda bil-kundizzjoni li d-drittijiet tal-persuna li tilmenta jkunu jistgħu jiġu protetti b’mod sodisfaċenti mill-qrati nazzjonali, ħaġa li tippresupponi li dawn ikunu f’pożizzjoni li jiġbru informazzjoni fuq il-fatti biex jiddeterminaw jekk il-prattiki inkwistjoni jikkostitwixxux ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat iċċitati iktar ’il fuq (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Lulju 2007, Au lys de France vs Il-Kummissjoni, T‑458/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 83; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali Automec vs Il-Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, punti 89 sa 96).
174 Bl-istess mod, għandu jiġi rrilevat li l-kawżi preċedenti li fihom il-Qorti Ġenerali diġà kellha l-opportunità tiddeċiedi fuq motiv tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li għandhom il-persuni li jilmentaw li jiddefendu d-drittijiet tagħhom quddiem l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali jikkonċernaw sitwazzjonijiet fejn il-portata tal-prattiki kkritikati mill-imsemmija persuni li jilmentaw kienet essenzjalment limitata għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed biss u l-imsemmiija awtoritajiet jew qrati kienu diġà ġew aditi bil-każ (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Jannar 1995, BEMIM vs Il-Kummissjoni, T‑114/92, Ġabra p. II‑147, punti 76 u 77; Tremblay et vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punti 73 u 74; AEPI vs Il-Kummissjoni, punt 26 iktar ’il fuq, punt 46, u UFEX et vs Il-Kummissjoni, punt 161 iktar ’il fuq, punt 157).
175 Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, anki jekk il-Kummissjoni tirrileva li jeżistu varjazzjonijiet żgħar bejn l-Istati Membri differenti għal dak li jikkonċerna l-portata tal-prattika kkritikata mir-rikorrenti, hija ammettiet li l-imsemmija prattika tikkonċerna għall-inqas it-terrritorju ta’ ħames Stati Membri, u la tikkontesta u lanqas ma tikkonferma li hija preżenti fit-territorju kollu tal-Unjoni.
176 B’ehkk, f’dan il-każ, anki jekk jitqies li l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali huma f’pożizzjoni tajba biex jittrattaw l-eventwali ksur li huwa s-suġġett tal-ilment, kif ikkonkludiet il-Kummissjoni fil-paragrafu 8 tad-deċiżjoni kkontestata, din il-kunsiderazzjoni waħedha ma hijiex biżżejjed biex issostni l-konklużjoni finali tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ interess Komunitarju biżżejjed. Fil-fatt, il-prattika kkritikata hija preżenti f’għall-inqas ġames stati Membri, jekk mhux, eventwalment, fl-Istati Membri kollha, u hija imputabbli lil impriżi li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom u l-postijiet ta’ produzzjoni tagħhom barra mill-Unjoni, ħaġa li tikkostitwixxi indizju li azzjoni fuq il-livell tal-Unjoni tista’ tkun iktar effettiva milli diversi azzjonijiet fuq il-livell nazzjonali.
177 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha suesposti, għandu jiġi konkluż li l-illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni huma ta’ tali natura li jaffettwaw l-evalwazzjonit agħha dwar l-eżistenza ta’ interess Komunitarju biżżejjed biex titkompla l-investigazzjoni tal-ilment.
178 Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata għadnha tiġi annullata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi u l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti, jew it-talba tagħha li tiġi sfilzata mill-proċess silta mit-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali.
Fuq l-ispejjeż
179 Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Jekk ikun hemm aktar minn parti waħda li titlef, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.
180 F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni u l-intervenjenti tilfu, għandu jiġi deċiż li l-intervenjenti għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-rikorrenti minħabba l-intervent u li l-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, il-kumplament tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)
taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3600, tal-10 ta’ Lulju 2008, fil-Każ COMP/E‑1/39097 hija annullata.
2) Richemont International SA għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Confédération européenne des associations d’horlogers-réparateurs (CEAHR), minħabba l-intervent.
3) Il-Kummissjoni Ewropea għanda tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, il-kumplament tal-ispejjeż sostnuti mis-CEAHR.
Czúcz |
Labucka |
O’Higgins |
Firem
Werrej
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
Id-dritt
1. Fuq id-daqs tas-suq ikkonċernat mill-ilment u l-importanza ekonomika tiegħu
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
2. Fuq id-definizzjoni tas-suq rilevanti
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq sostituzzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “arloġġi li vallapena jissewwew” b’dak ta’ “arloġġi lussużi jew prestiġġjużi”
Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżami separat tas-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni tal-arloġġi u ta’ dak tal-ispare parts
– Fuq l-eżami relattiv għas-suq tal-ispare parts
– Fuq l-eżami dwar is-suq tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni
3. Fuq il-ksur tal-Artikolu 81 KE
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
4. Fuq il-ksur tal-Artikolu 82 KE
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
5. Fuq l-evalwazzjoni ta’ interess Komunitarju biżżejjed sabiex titkompla l-investigazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq l-ispejjeż
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.