This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008TJ0069
Judgment of the General Court (Eighth Chamber) of 9 December 2010.#Republic of Poland v European Commission.#Approximation of laws - Directive 2001/18/EC - National provisions derogating from a harmonisation measure - Commission decision rejecting those provisions - Not notified within the six-month period laid down in the first subparagraph of Article 95(6) EC.#Case T-69/08.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tad- 9 ta' Diċembru 2010.
ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Approssimazzjoni tal-liġijiet - Direttiva 2001/18/KE - Dispożizzjonijiet nazzjonali li jiksru miżura ta’ armonizzazzjoni - Deċiżjoni ta’ rifjut tal-Kummissjoni - Nuqqas ta’ notifika fit-terminu ta’ sitt xhur previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE.
Kawża T-69/08.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tad- 9 ta' Diċembru 2010.
ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Approssimazzjoni tal-liġijiet - Direttiva 2001/18/KE - Dispożizzjonijiet nazzjonali li jiksru miżura ta’ armonizzazzjoni - Deċiżjoni ta’ rifjut tal-Kummissjoni - Nuqqas ta’ notifika fit-terminu ta’ sitt xhur previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE.
Kawża T-69/08.
Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 II-05629
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2010:504
Kawża T-69/08
Ir-Repubblika tal-Polonja
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Approssimazzjoni tal-liġijiet — Direttiva 2001/18/KE — Dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni — Deċiżjoni ta’ rifjut tal-Kummissjoni — Nuqqas ta’ notifika fit-terminu ta’ sitt xhur previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE”
Sommarju tas-sentenza
Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri intiżi għat-twettiq tas-suq uniku — Introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali derogatorji ġodda — Proċedura ta’ approvazzjoni jew ta’ rifjut mill-Kummissjoni — Termini
(l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(6))
Fir-rigward ta’ deċiżjoni li l-għan tagħha huwa dak li tipprekludi l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati lill-Kummissjoni minn Stat Membru, il‑mument li din ikollha effett, li għandu neċessarjament jikkoinċidi mal-interruzzjoni tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE, ma jistax ikun qabel id-data li fiha din issir infurzabbli fuq dan l-Istat Membru, jiġifieri qabel id-data tan-notifika tagħha.
Konsegwentement, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE li jipprevedi n‑nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni matul dan il-perijodu ta’ sitt xhur previst fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, ma jistax għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jagħti portata interruttiva biss lill-adozzjoni tad-deċiżjoni, indipendentement min-notifika tagħha. Fil-fatt, il-proċess deċiżjonali intern tal-Kummissjoni ma huwiex ġeneralment aċċessibbli għall-Istat Membru kkonċernat. Konsegwentement, jekk għall-interruzzjoni tad-dekorrenza tat-terminu wieħed kellu jibbaża ruħu fuq it-teħid tad-deċiżjoni u mhux fuq in-notifika tagħha lill-Istat Membru kkonċernat, dan it-terminu jitwal fir-rigward ta’ dan tal-aħħar.
(ara l-punti 68, 69)
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)
9 ta’ Diċembru 2010 (*)
“Approssimazzjoni tal-liġijiet – Direttiva 2001/18/KE – Dispożizzjonijiet nazzjonali li jidderogaw minn miżura ta’ armonizzazzjoni – Deċiżjoni ta’ rifjut tal-Kummissjoni – Nuqqas ta’ notifika fit-terminu ta’ sitt xhur previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE ”
Fil-Kawża T‑69/08,
Ir-Repubblika tal-Polonja, inizjalment irrappreżentata minn M. Dowgielewicz, sussegwentement minn M. Dowgielewicz, B. Majczyna u M. Jarosz, u fl-aħħar minn M. Szpunar, bħala aġenti,
rikorrenti,
sostnuta minn
Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, bħala aġent,
minn
Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn A. Samoni-Rantou u M. Tassopoulou, bħala aġenti,
u minn
Ir-Repubblika tal-Awstrija, inizjalment irrappreżentata minn E. Riedl, sussegwentement minn E. Riedl u C. Pesendorfer, u fl-aħħar minn E. Riedl, Pesendorfer, G. Hesse u M. Fruhmann, bħala aġenti,
intervenjenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Patakia, C. Zadra u K. Herrmann, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/62/KE, tat-12 ta’ Ottubru 2007, rigward l-Artikoli 111 u 172 tal-Abbozz ta’ Att Pollakk dwar Organiżmi Modifikati Ġenetikament, innotifikati mir-Repubblika tal-Polonja skont l-Artikoli 95(5) tat-Trattat tal-KE bħala deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU 2008, L 16, p. 17),
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),
komposta minn E. Martins Ribeiro (Relatur), President, S. Papasavvas u A. Dittrich, Imħallfin,
Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku
1 L-Artikolu 100a tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 95 KE), kien jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu:
“Jekk, wara l-adozzjoni mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li japplika disposizzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta’ neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 36 [tat-Trattat KE, li sar, wara emenda, l-Artikolu 30 KE], jew li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol, dan għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’dawn id-disposizzjonijiet.
Il-Kummissjoni għandha tapprova dawn id-disposizzjonijiet involuti, wara li tkun ivverifikat jekk humiex jew le mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ta’ restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.
B’deroga mill-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 169 u 170 [tat-Trattat KE, li saru, wara emenda, l-Artikoli 226 KE u 227 KE], il-Kummissjoni u xi Stat Membru jista’ jressaq il-materja direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk jikkunsidraw li xi Stat Membru ieħor ikun qiegħed jagħmel użu mhux xieraq tal-poteri previsti f’dan l-Artikolu.”
2 It-Trattat ta’ Amsterdam, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 1999, emenda b’mod sostanzjali l-Artikolu 100a tat-Trattat KE. L-Artikolu 95 KE jipprovdi:
“1. B’deroga mill-Artikolu 94 [KE] u ħlief fejn provdut xort’oħra f’dan it-Trattat, id-disposizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kisba ta’ l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 14 [KE]. Il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi skond il‑proċedura imsemmija fl-Artikolu 251 [KE] u wara li jikkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jadotta l-miżuri għall-approssimazzjoni tad-disposizzjonijiet stipulati bil-liġi, b’regolamenti jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.
2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għal disposizzjonijiet fiskali, għal dawk li għandhom x’jaqsmu mal-moviment liberu ta’ persuni u lanqas għal dawk li għandhom x’jaqsmu mad-drittijiet u l-interessi ta’ l-impjegati.
3. Il-Kummissjoni, fil-proposti tagħha kif maħsuba fil-paragrafu 1 li jikkonċerna s-saħħa, s-sigurtà, il-ħarsien ta’ l-ambjent u l-protezzjoni tal-konsumatur, għandha tieħu bħala bażi protezzjoni fl-għola livell, waqt li tieħu kont partikolarment ta’ kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi. Fil-limiti tal-poteri rispettivi tagħhom, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ukoll ifittxu li jilħqu dan l-objettiv.
4. Jekk, wara l-adozzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jżomm id-disposizzjonijiet nazzjonali fuq il-bażi ta’ neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 30 [KE], jew li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol, dan għandu jgħarraf lill-Kummissjoni b’dawn id-disposizzjonijiet kif ukoll dwar ir‑raġuni għaliex għandhom jinżammu.
5. Aktar minn hekk, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, jekk, wara l‑adozzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jħoss li jkun meħtieġ li jintroduċi disposizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq prova xjentifika ġdida li għandha x’taqsam mal-ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta’ xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina mill-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni bid-disposizzjonijiet li jkollu l-ħsieb jintroduċi kif ukoll bil-bażi għall-introduzzjoni tagħhom.
6. Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur min-notifika msemmija fil-paragrafi 4 u 5, tapprova jew tiċħad id-disposizzjonijiet nazzjonali involuti, wara li tkun ivverifikat jekk humiex, jew le meżż ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ta’ restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u jekk joħolqux, jew le ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern.
Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni matul dan il-perijodu, d‑disposizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafi 4 u 5 għandhom ikunu meqjusa bħala li kienu approvati.
Meta tkun iġġustifikata mill-komplessità tal-materja u meta m’hemmx periklu għas-saħħa umana, il-Kummissjoni tista’ tgħarraf lill-Istat Membru kkonċernat li l-perijodu msemmi f’dan il-paragrafu jista’ jittawwal b’perijodu ieħor sa sitt xhur.”
3 L’Artikolu 254 KE jipprovdi:
“1. Ir-regolamenti, d-direttivi u d-deċiżjonijiet li jiġu adottati skond il-proċedura li għaliha hemm riferenza fl-Artikolu 251 [KE] għandhom ikunu ffirmati mill President tal-Parlament Ewropew u mill-President tal-Kunsill u għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data indikata fihom jew, meta din ma tkunx imniżżla, fl-għoxrin jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni.
2. Ir-regolamenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll id-direttivi ta’ dawk l‑istituzzjonijiet li huma indirizzati lill-Istati Membri kollha, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Dawn għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data indikata fihom jew, meta din ma tkunx imniżżla, fl-għoxrin jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni.
3. Id-Direttivi l-oħra, u d-deċiżjonijiet, għandhom jiġu notifikati lil dawk li lilhom kienu ndirizzati u jidħlu fis-seħħ meta ssir dik in-notifika.”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
4 Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 77), ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE. Skont l-Artikolu 1 tagħha, hija tfittex li tapprossima l-liġijiet, ir‑regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri u li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, minn naħa, meta jkun hemm rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (iktar ’il quddiem “GMOs”) għal skopijiet oħra barra dawk li dawn jitqiegħdu fis-suq fi ħdan il‑Komunità Ewropea u, min-naħa l-oħra, meta jitqiegħdu fis-suq fi ħdan il‑Komunità GMOs bħala prodotti jew elementi ta’ prodotti.
5 B’ittra tat-13 ta’ April 2007, ir-Repubblika tal-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, skont l-Artikolu 95(5) KE, l-Artikoli 111 u 172 ta’ abbozz ta’ liġi Pollakka (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ liġi”) dwar il-GMOs, bħala derogi mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18.
6 Id-derogi li jidhru fl-abbozz ta’ liġi kienu dawn li ġejjin:
– l-obbligu impost fuq il-persuna li titlob awtorizzazzjoni sabiex tirrilaxxa b’mod intenzjonat GMOs fl-ambjent li tipproduċi dikjarazzjonijiet bil-miktub ta’ proprjetarji ta’ impriżi viċini għall-post tar-rilaxx intenzjonat, li fihom dawn jindikaw li ma jopponux għal dan ir-rilaxx kif ukoll dikjarazzjoni tas-sindku tal-lokal jew tal-belt, li tikkonferma li l-pjan ta’ żvilupp tat-territorju lokali jipprevedi l-possibbiltà ta’ rilaxx intenzjonat, fid-dawl tan-neċessità li jitħares l-ambjent lokali, in-natura u l-pajsaġġ ta’ kultivazzjoni taż-żona kkonċernata (il-punti 5 u 6 tal-Artikolu 111(2) tal-abbozz ta’ liġi);
– il-projbizzjoni tal-kultivazzjoni ta’ pjanti ġenetikament modifikati fit-territorju nazzjonali mingħajr ħsara għall-possibbiltà ta’ kultivazzjoni ta’ dawn il-pjanti f’żoni speċifikament magħżula mill-ministru responsabbli mill-agrikoltura (l-Artikolu 172 tal-abbozz ta’ liġi).
7 B’ittra tad-9 ta’ Lulju 2007 indirizzata lir-rappreżentanza permanenti tar-Repubblika tal-Polonja għall-Unjoni Ewropea, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni kkonferma li rċieva n-notifika tar-Repubblika tal-Polonja skont l‑Artikolu 95(5) KE. F’din l-ittra, il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari li hija kellha teżamina din in-notifika fi żmien sitt xhur dekorribbli mis-17 ta’ April 2007, jiġifieri l-ewwel jum tax-xogħol wara li l-Kummissjoni rċeviet it‑talba, u li hija tista’, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 95(6) KE, testendi dan il-perijodu b’sitt xhur oħra jekk dan jirriżulta li jkun ġġustifikat mill-kumplessità tal-kwistjoni u ma jkunx hemm periklu għas-saħħa tal-bniedem.
8 Fis-26 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea n-notifika magħmula mir-Repubblika tal-Polonja skont l‑Artikolu 95(5) KE (ĠU C 173, p. 8).
9 Fit-12 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni adottat, permezz tal-proċedura bil-miktub aċċellerata E/2254/2007, id-Deċiżjoni C (2007) 4697 li tiċħad, taħt l‑Artikolu 95(6) KE, id-derogi mid-dispożizzjonjiet tad-Direttiva 2001/18 innotifikati mir-Repubblika tal-Polonja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
10 Id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, li “[l]-punti 5 u 6 tal-Artikolu 111(2), u l-Artikolu 172 tal-abbozz ta’ liġi […] nnotifikati mill-Polonja taħt l-Artikolu 95(5) […] KE huma miċħuda”.
11 Permezz ta’ posta elettronika tat-12 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja kopja tad-deċiżjoni kkontestata. Din il-posta elettronika kienet taqra kif ġej:
“Għażiża [Sinjura], din hija d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar in-notifika Pollakka, kif adottata u nnotifikata lir-Repubblika tal-Polonja fit-12 ta’ Ottubru 2007 […]”
12 Permezz ta’ posta elettronika tat-30 ta’ Novembru 2007, ir-Repubblika tal-Polonja rrispondiet lill-Kummissjoni bil-mod kif ġej:
“Għażiż [Sinjur],
Fil-kuntest tal-aħħar kuntatti tagħna (u tal-posta elettronika tiegħek iktar ’il fuq), għandi nistaqsik jekk il-Kummissjoni bagħtitx uffiċjalment ir-risposta tagħha lill-awtorità Pollakka dwar in-notifika Pollakka fir-rigward tal-abbozz ta’ liġi dwar il‑GMOs. Aħna nistgħu biss nikkunsidraw id-dokumenti annessi mal-aħħar posta elettronika tiegħek bħala abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni (tal-11 ta’ Ottubru 2007), li kien is-suġġett tal-proċedura bil-miktub tal-Kummissjoni fil-jum ta’ wara.
Nispera li t-tnejn li aħna konxji li fin-nuqqas ta’ risposta uffiċjali mill-Kummissjoni, ser jirriżultaw ċerti konsegwenzi għall-proċedura sussegwenti, skont it-Trattat.
Nirringrazzjak għar-risposta tiegħek u għall-kjarifika tiegħek dwar din il‑kwistjoni.”
13 Fl-4 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni nnotifikat, skont l-Artikolu 254 KE, id‑deċiżjoni kkontestata lir-Repubblika tal-Polonja.
14 Permezz ta’ posta elettronika tal-5 ta’ Diċembru 2007, ir-Repubblika tal-Polonja staqsiet lill-Kummissjoni jekk kienx irnexxielha tikseb konferma li d-deċiżjoni kkontestata ġiet fil-fatt adottata u nnotifikata lir-Repubblika tal-Polonja. Permezz ta’ posta elettronika tal-istess jum, il-Kummissjoni wieġbet li d-deċiżjoni kkontestata ġiet fil-fatt innotifikata l-jum ta’ qabel.
15 Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2007, indirizzata lid-deputat rappreżentant tar-Repubblika tal-Polonja għall-Unjoni Ewropea, id-deputat segretarju ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, indika b’mod partikolari dan li ġej:
“Fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-abbozz ta’ liġi dwar l-organiżmi modifikati ġenetikament, li wasal fit-13 ta’ April 2007, il-Kummissjoni tat, fit-12 ta’ Ottubru 2007, deċiżjoni li tiċħad dan l-abbozz minħabba n-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ provi xjentifiċi ġodda, skont l-Artikolu 95(5) KE.
Minħabba żball tekniku, l-informazzjoni ma waslitx lill-Polonja fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni hawn fuq imsemmija. Wara li kkonstatat li l‑informazzjoni ma waslitx għand id-destinatarju, il-Kummissjoni bagħtet id‑deċiżjoni tagħha lill-Polonja fl-4 ta’ Diċembru 2007 […]
Minkejja d-dewmien tal-informazzjoni, il-Kummissjoni titlob lill-Polonja tosserva l-kontenut tad-deċiżjoni adottata fil-perijodu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 95(6) KE u sabiex ma tadotta ebda att legali li jidderoga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18. Nieħdu l-opportunità sabiex infakkru wkoll li l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw raġunijiet ta’ forma proċedurali sabiex jiġġustifikaw ksur ta’ ċerti aspetti essenzjali tad-dritt Komunitarju u lanqas ma jistgħu jostakolaw il-funzjonament tas-suq intern”.
16 Id-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Jannar 2008 (ĠU L 16, p. 17).
17 Matul il-perijodu bejn it-12 ta’ Ottubru u l-4 ta’ Diċembru 2007, ir-Repubblika tal-Polonja ma adottatx l-abbozz ta’ liġi.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
18 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 2008, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat din l-azzjoni.
19 Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Mejju, fit-23 ta’ Mejju, fis-26 ta’ Mejju u fit-30 ta’ Mejju 2008 rispettivament, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika tal-Awstrija talbu jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja.
20 Permezz ta’ digriet tal-4 ta’ Lulju 2008, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet għal intervent imsemmija fil-punt 19 iktar ’il fuq.
21 Fl-20 ta’ Awwissu u fis-17 ta’ Settembru 2008, ir-Repubblika Ċeka u r‑Repubblika tal-Awstrija ppreżentaw rispettivament in-noti ta’ intervent tagħhom. Il-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dawn in-noti. Ir-Repubblika Ellenika ma ppreżentatx nota ta’ intervent.
22 Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Marzu 2009, ir-Renju tad-Danimarka talab li jirtira t-talba tiegħu sabiex jintervjeni.
23 Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ April 2009, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba.
24 Ir-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
25 Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.
26 Ir-Repubblika Ċeka titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
27 Ir-Repubblika tal-Awstrija titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
28 Fuq il-bażi tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) iddeċidiet tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, tagħmel mistoqsija bil-miktub lill-Kummissjoni, li għaliha din wieġbet fit-terminu impost.
29 Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Awwissu, fit-18 ta’ Settembru u fit-2 ta’ Ottubru 2009 rispettivament, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Ċeka informaw lill-Qorti Ġenerali li ma kinux ser jiġu rrapreżentati fis-seduta.
30 Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet prinċipali u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2009.
Id-dritt
31 Ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha, ibbażati rispettivament fuq il-ksur tal-Artikolu 95(6) KE moqri flimkien mal-Artikolu 254(3) KE, il-ksur ta’ kundizzjoni essenzjali ta’ proċedura u l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.
32 Qabelxejn, għandu jiġi eżaminat l-ewwel wieħed minn dawn il-motivi.
L-argumenti tal-partijiet
33 Ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Awstrija, issostni li kien hemm ksur tal-Artikolu 95(6) KE moqri flimkien mal-Artikolu 254(3) KE.
34 Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li t-terminu previst mill-Artikolu 95(6) KE huwa terminu mandatorju peress li l-iskadenza tiegħu għandha l-effett materjali essenzjali li d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati jitqiesu approvati.
35 L-ewwel nett, in-natura mandatorja ta’ dan it-terminu tikkostitwixxi l-espressjoni tar-rieda tal-Istati Membri. Għaldaqstant, mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, il-possibbiltà li jiġu adottati dispożizzjonijiet nazzjonali li jinvolvu derogi mill-miżuri ta’ armonizzazzjoni ġiet suġġetta għall-approvazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mill-Kummissjoni. Madankollu, is-silenzju tal-Kummissjoni ġie kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ ftehim taċitu għall-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali.
36 It-tieni nett, in-natura mandatorja ta’ dan it-terminu kif ukoll l-approvazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali wara l-iskadenza tiegħu ġew ukoll ikkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Settembru 2007, Land Oberösterreich u L-Awstrija vs Il-Kummissjoni (C‑439/05 P u C‑454/05 P, Ġabra p. I‑7141, punti 40 u 41). Peress li l-Kummissjoni ma nnotifikatx lir-Repubblika tal-Polonja d-deċiżjoni li tapprova jew tiċħad id-dispożizzjonijiet nazzjonali fit-terminu ta’ sitt xhur previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE, u ma informathiex b’estensjoni tat-terminu li seta’ kien hemm skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE, l-Artikoli 111 u 172 tal-abbozz ta’ liġi huma għalhekk meqjusa approvati sa mill-14 ta’ Ottubru 2007.
37 It-tielet nett, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li minkejja li l-Artikolu 95(6) KE jsemmi espressament obbligu ta’ notifika għad-dispożizzjonijiet nazzjonali, mingħajr ma jipprovdi l-istess għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, l‑Artikolu 254(3) KE jistabbilixxi tali obbligu għad-deċiżjonijiet Komunitarji kollha, iżda mhux għad-dispożizzjonijiet nazzjonali. Barra minn hekk, il-qorti Komunitarja diġà għamlet użu mit-termini “adozzjoni tad-deċiżjoni” fis-sens wiesa’ sabiex tinkludi kemm l-adozzjoni interna kif ukoll in-notifika ta’ deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑398/00, Ġabra p. I‑5643, punt 34, u Land Oberösterreich u l-Awstrija vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 37).
38 Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja, sostnuta mir-Repubblika Ċeka u mir-Repubblika tal-Awstrija, issostni li hija biss id-data tan-notifika ta’ deċiżjoni lid-destinatarji tagħha li hija determinanti sabiex din ikollha effett.
39 Għalhekk, l-ewwel nett, is-sempliċi adozzjoni ta’ deċiżjoni ma tinvolvi ebda effett ġuridiku fir-rigward tad-destinatarji tagħha. Għall-kuntrarju, deċiżjoni jkollha effett, fis-sens tal-Artikolu 254(3) KE, biss fil-mument meta din tiġi nnotifikata, jiġifieri fil-mument meta d-destinatarji tagħha jkollhom il-possibbiltà li jieħdu konjizzjoni tal-kontenut tagħha. Konsegwentement, l-adozzjoni fit-12 ta’ Ottubru 2007 tad-deċiżjoni kkontestata ma għandha ebda effett fuq l-osservanza tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 95(6) KE.
40 Fil-każ ineżami, id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-Repubblika tal-Polonja fl-4 ta’ Diċembru 2007, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 95(6) KE. Ir-Repubblika tal-Polonja ma kinitx taf bl-adozzjoni, fit-12 ta’ Ottubru 2007, tad-deċiżjoni kkontestata, lanqas ma kienet taf il-kontenut tagħha, peress li din l-adozzjoni kkostitwixxiet biss att intern għall-Kummissjoni. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma seta’ jkollha ebda effett ġuridiku u għalhekk ma setgħetx iżżomm lid-dispożizzjonijiet nazzjonali milli jkollhom effett skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE, mal-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni.
41 It-tieni nett, id-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata fl-4 ta’ Diċembru 2007 b’applikazzjoni tal-Artikolu 254 KE li minnu jirriżulta li d-deċiżjonijiet ikollhom effett meta dawn jiġu nnotifikati lid-destinatarji tagħhom. A contrario sensu, id‑deċiżjonijiet ma jkollhomx effett qabel ma jiġu nnotifikati lid-destinatarji tagħhom. Din l-analiżi ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke (98/78, Ġabra p. 69, punt 15), u sussegwentement ippreċiżata fis-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq.
42 Fir-rigward tar-riferiment mill-Kummissjoni għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni (48/69, Ġabra p. 619); Geigy vs Il-Kummissjoni (52/69, Ġabra p. 787), u tad-29 ta’ Mejju 1974, König (185/73, Ġabra p. 607), ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li dawn il-kawżi kienu marbuta mal-irregolarità tan-notifika jew tal-pubblikazzjoni ta’ atti tad-dritt Komunutarju. Madankollu, ebda waħda minn dawn il-kawżi ma kienet tinvolvi l-ksur tal-Artikolu 95(6) KE jew ta’ dispożizzjoni simili li tiffissa terminu ta’ notifika jew ta’ pubblikazzjoni ta’ att u li tagħti “effett materjali essenzjali” mal-iskadenza ta’ dan it-terminu. Ċertament, is-sentenza König, iċċitata iktar ’il fuq, ikkonċernat terminu previst mit-Trattat. Madankollu, b’mod differenti minn dak it-terminu, it-terminu previst fl-Artikolu 95(6) KE huwa “terminu materjali”. Konsegwentement, għar-Repubblika tal-Polonja, id-dewmien tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata għandu “effett ġuridiku essenzjali”, jiġifieri li d-dispożizzjonijiet nazzjonali jitqiesu approvati.
43 It-tielet nett, fis-sentenza tagħha Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, (punt 31), dwar deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni ma setax ikollha l-effett li tinterrompi d-dekorrenza tat-terminu ta’ ħmistax-il jum tax-xogħol previst fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), peress li mill-Artikolu 254(3) KE jirriżulta li d-deċiżjonijiet huma nnotifikati lid-destinatarji tagħhom u jkollhom effett permezz ta’ din in-notifika. Barra minn hekk, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-obbligu ta’ notifika jirriżulta mid-dispożizzjoni ġenerali li tinsab fl-Artikolu 254(3) KE u li l-effett tad-deċiżjonijiet kollha jiddependi min-notifika tagħhom.
44 Ir-raba’ nett, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, rikors għal annullament kontra deċiżjoni jista’ jiġi ppreżentat biss wara li din tiġi nnotifikata, u dan jeskludi li deċiżjoni jista’ jkollha effett qabel in-notifika, għax altrimenti, fil-każ ta’ nuqqas ta’ notifika jew ta’ notifika tardiva ta’ deċiżjoni, ma jkun possibbli ebda stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tagħha (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża li wasslet għas-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, Ġabra p. I‑5646, punt 69). F’din l-ipoteżi, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li hija kienet tkun f’sitwazzjoni paradossali, peress li hija kienet tkun marbuta bid-deċiżjoni kkontestata sa mit-12 ta’ Ottubru 2007, mingħajr ma setgħet tippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni qabel in-notifika tagħha mill-Kummissjoni fl-4 ta’ Diċembru 2007.
45 Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja huma infondati.
46 Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li hija ssodisfat l-obbligu tagħha taħt l‑Artikolu 95(6) KE inkwantu adottat id-deċiżjoni kkontestata fit-terminu impost.
47 L-ewwel nett, fir-rigward tar-ratio legis tal-Artikolu 95(6) KE, il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 100a(4) tat-Trattat KE ma kien jipprevedi ebda terminu li fih hija kellha teżamina d-dispożizzjonijiet innotifikati minn Stat Membru li kienu jiksru d-dispożizzjonijiet tad-direttivi Komunitarji fis-suq intern. Il-Kummissjoni kellha biss l-obbligu, li joħroġ mill-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni leali fis-sens tal-Artikolu 10 KE, li taġixxi bid-diliġenza kollha meħtieġa u mill-iktar fis possibbli. It‑tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE, introdott mit-Trattat ta’ Amsterdam, impona ċerta dixxiplina fil-qasam tal-verifika. Fuq il-bażi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 1999, Kortas (C‑319/97, Ġabra p. I‑3143, punti 36 sa 38), il-Kummissjoni ssostni li din id-dispożizzjoni tipprevedi, madankollu, in-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni u mhux in-nuqqas ta’ notifika tad-deċiżjoni.
48 It-tieni nett, irrispettivament min-natura tardiva tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet l-Artikoli 111 u 172 tal-abbozz ta’ liġi u adottat id-deċiżjoni kkontestata fit-12 ta’ Ottubru 2007, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur dekorribbli min-notifika tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha taħt l‑Artikolu 95(6) KE. B’dan il-mod, in-notifika tad-deċiżjoni kkontestata wara li t‑terminu ta’ sitt xhur kien għadda (l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tat-12 ta’ Ottubru 2007 ma ġietx ikkontestata mir-Repubblika tal-Polonja) ma toħloqx is‑sitwazzjoni tal-preżunzjoni legali prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE, li tista’ tirriżulta biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ssostni li jekk l-obbligu ta’ notifika tad-deċiżjonijiet tagħha f’terminu ta’ sitt xhur min-notifika tad-dispożizzjonijiet nazzjonali jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 95(6) KE, u d-dispożizzjonijiet nazzjonali tqiesu approvati fin-nuqqas ta’ notifika tad-deċiżjoni tagħha f’dan it‑terminu, l-invokar tal-Artikolu 254(3) KE mir-Repubblika tal-Polonja jkun għalhekk superfluwu. Skont il-Kummissjoni, l-approvazzjoni impliċita li jista’ jkun hemm tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-iskadenza ta’ terminu ta’ sitt xhur dekorribbli min-notifika tagħha, fin-nuqqas ta’ notifika tad-deċiżjoni tagħha matul dan it-terminu, kellha tiġi espressament prevista mill-Artikolu 95(6) KE. Barra minn hekk, fis-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq (punt 30), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-att adottat mill-membri tal-Kummissjoni matul il-proċedura bil-miktub aċċellerata, skont l-Artikolu 12 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni, u awtentikat bil-firma tas-segretarju ġenerali, kiseb fl-istess jum tal-adozzjoni tiegħu n-natura ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 249 KE. Dan huwa applikabbli wkoll għall-każ ineżami.
49 It-tielet nett, skont il-Kummissjoni, jidher li r-Repubblika tal-Polonja qiegħda ssostni li t-tardività tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata tat-12 ta’ Ottubru 2007 wasslet għall-għoti tat-tieni deċiżjoni, jiġifieri deċiżjoni ta’ actus contrarius, li tiċħad l-allegata approvazzjoni tad-derogi proposti permezz tal-abbozz ta’ liġi nnotifikat. Issa, dan ir-raġonament huwa manifestament żbaljat u jmur kontra l‑kontenut stess tar-rikors, peress li r-Repubblika tal-Polonja ma hijiex qiegħda tikkontesta li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fit-12 ta’ Ottubru 2007.
50 Ir-raba’ nett, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni hija sostnuta mit-test tal-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 95(6) KE, li speċifikament jipprevedu “notifika”, b’mod kuntrarju għall-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, skont il‑Kummissjoni, l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 95(6) KE tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-unika kundizzjoni li għandha tiġi sodisfatta sabiex hija tissodisfa l‑obbligu tagħha ta’ verifika huwa dak li hija tadotta d-deċiżjoni tagħha fit-terminu ta’ sitt xhur impost fuqha. Din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Land Oberösterreich u L-Awstrija vs Il‑Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq (punti 37 u 40). Barra minn hekk, ir‑Repubblika tal-Polonja tirrikonoxxi li r-rekwiżit tan-notifika fit-terminu ta’ sitt xhur iqassar iż-żmien disponibbli għall-adozzjoni tad-deċiżjoni mill-Kummissjoni, bi ħsara għall-proċedura ta’ verifika u għall-obbligu ta’ motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Din l-interpretazzjoni tipprevali wkoll fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 95(6) KE li huwa dak li jiġi ddeterminat perijodu ta’ żmien li fih il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali lilha nnotifikati bil-għan li jsiru derogi mill-miżuri ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern.
51 Fit-tieni lok, it-Trattat KE jipprovdi li minkejja li n-notifika ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha effett fuq l-effett tal-istess deċiżjoni fuq id-destinatarji tagħha kif ukoll fuq id-determinazzjoni tal-bidu tat-terminu sabiex tittieħed azzjoni, din ma għandha ebda effett fuq il-validità tal-imsemmija deċiżjoni.
52 L-ewwel nett, fis-sentenza tagħha Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq (punt 39), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l‑irregularitajiet fil-proċedura ta’ notifika ta’ deċiżjoni, magħmula b’applikazzjoni tal-Artikolu 254(3) KE, huma esterni għall-att u ma jistgħux jivvizzjawh. Fil-każ ineżami, it-tardività li kien hemm fin-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, ikkawżata minn żball tekniku, tista’ tikkostitwixxi irregolarità bħal din. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha Geigy vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq (punt 18), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-kwistjoni tan-notifika fid-dawl tat-terminu għal preżentata ta’ rikors previst fl-Artikolu 230 KE. Wara li kkonstatat li l‑irregolaritajiet tan-notifika ma żammux lir-rikorrenti milli tippreżenta rikors, hija qieset, b’dan il-mod, li l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 254(3) KE kien inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ interess ġuridiku. Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha König, punt 42 iktar ’il fuq (punti 6 sa 8), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-dewmien li kien hemm fil-pubblikazzjoni ta’ regolament ma jaffettwax il-validità tiegħu, iżda biss id-data li minnha dan l-att jista’ jiġi applikat u jipproduċi effetti ġuridiċi. Fl-aħħar nett, fis-sentenza tagħha tat-23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill (C‑149/96, Ġabra p. I‑8395, punt 54), il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll li l-pubblikazzjoni tardiva ta’ deċiżjoni tal-Kunsill fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma taffettwax il-validità ta’ dan l‑att.
53 It-tieni nett, ir-riferiment tar-rikorrenti għas-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, jinjora l-kuntest speċifiku u l-effetti ġuridiċi tal-proċedura prevista fl-Artikolu 95(6) KE. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 95(6) KE jikkonċerna deroga manifesta mir-regoli tas-suq intern introdotta f’abbozz ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li madankollu tista’ titħalla ssir taħt ċerti kundizzjonijiet. Issa, in-nuqqas ta’ notifika fit-terminu ta’ sitt xhur ta’ deċiżjoni adottata skont id-dispożizzjoni inkwistjoni ma tistax twassal għall-illegalità ta’ din id-deċiżjoni, għax altrimenti l-Kummissjoni tiġi mċaħħda minn kull possibbiltà ta’ stħarriġ ġuridiku sussegwenti tad-dispożizzjonijet nazzjonali derogatorji, u dan ċertament ma huwiex skont l-intenzjonijiet tal-awturi tat-Trattat. Għall-kuntrarju, fis-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li n-notifika tagħha saret barra mit-terminu previst, kien iwassal biss għal klassifikazzjoni ġuridika ġdida tal-proġett ta’ għajnuna mill-Istat, b’mod li l-Kummissjoni kienet għadha tista’ tagħmel stħarriġ ġuridiku. Barra minn hekk, is-sentenza Spanja vs Il‑Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, tikkonċerna sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt kompletament differenti minn dik ta’ din il-kawża. B’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ notifika immedjata ta’ deċiżjoni adottata fuq il-bażi tar-Regolament Nru 659/1999 huwa previst b’mod espliċitu fl-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament, u dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-Artikolu 95(6) KE u l-Artikolu 254(3) KE. Għalhekk, ir-raġonament tal-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex ta’ natura assoluta.
54 It-tielet nett, l-effetti ġuridiċi tan-notifika, fl-4 ta’ Diċembru 2007, tad-deċiżjoni kkontestata jikkonsistu, minn naħa, fil-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għal preżentata ta’ rikors previst fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE u, min-naħa l-oħra, fl-infurzabbiltà tad-deċiżjoni kkontestata fuq ir-Repubblika tal-Polonja. Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li r-Repubblika tal-Polonja ma adottatx l-Artikoli 111 u 172 tal-abbozz ta’ liġi la matul il-perijodu ta’ qabel in-notifika tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas wara n-notifika tagħha, u, min-naħa l-oħra, li insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka biss in-notifika, fl-4 ta’ Diċembru 2007, tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li din in-notifika ma taffettwax il-validità tad-deċiżjoni kkontestata, iżda tikkostitwixxi biss ostakolu għall-infurzabbiltà tagħha fuq ir-Repubblika tal-Polonja matul il‑perijodu bejn it-12 ta’ Ottubru 2007 u l-4 ta’ Diċembru 2007. Barra minn hekk, jista’ jiġi kkunsidrat li r-Repubblika tal-Polonja kienet taf biċ-ċaħda tal-abbozz ta’ liġi qabel in-notifika uffiċjali tad-deċiżjoni kkontestata.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
55 B’mod preliminari, għandu jitfakkar li t-Trattat KE jipprevedi l-istabbiliment progressiv tas-suq intern, li jinvolvi żona mingħajr fruntieri interni li fihom il‑moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital huwa żgurat. Għal dan il-għan, it-Trattat KE ppreveda l-adozzjoni ta’ miżuri marbuta mal-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri. Fil-kuntest tal-iżvilupp tad-dritt primarju, l-Att Uniku Ewropew introduċa f’dan it-trattat dispożizzjoni ġdida, l-Artikolu 100a tat-Trattat KEE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Marzu 2003, Danimarka vs Il-Kummissjoni, C‑3/00, Ġabra p. I‑2643, punt 56), li ġiet issostitwita, mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam fl-1 ta’ Mejju 1999, bl-Artikolu 95 KE.
56 Għalhekk, it-Trattat ta’ Amsterdam introduċa emendi fil-Kapitolu 3, dwar l‑approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri, tat-Titolu V tat-Tielet parti tat-Trattat KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑512/99, Ġabra p. I‑845, point 38).
57 Skont l-Artikolu 100a(4) tat-Trattat KE, dispożizzjoni applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, meta, wara l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru li kien iqis meħtieġ li japplika dispożizzjonijiet nazzjonali ġġustifikati fuq il-bażi tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 36 tat-Trattat KE jew li jkunu marbuta mal-ħarsien tal-ambjent tax-xogħol jew tal-ambjent, dan kellu jgħarraf lill-Kummissjoni b’dawn id-dispożizzjonijiet. Din tikkonferma d-dispożizzjonijiet inkwistjoni wara li tkun ivverifikat li dawn ma jkunux mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew ta’ restrizzjoni moħbija fuq il‑kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Mejju 1994, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑41/93, Ġabra p. I‑1829, punt 27, u Il‑Ġermanja vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 39). Stat Membru kien awtorizzat japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati taħt l‑Artikolu 100a(4) tat-Trattat KE biss wara li jkun kiseb mingħand il‑Kummissjoni deċiżjoni li tikkonfermahom (sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).
58 L-Artikolu 100a(4) tat-Trattat KE ma kien jipprovdi ebda terminu li fih il‑Kummissjoni kellha tikkonferma d-dispożizzjonijiet lilha nnotifikati. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li n-nuqqas ta’ terminu f’dan il-qasam ma kienx jeżenta lill-Kummissjoni mill-obbligu li taġixxi, fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tagħha, bid-diliġenza kollha meħtieġa (sentenza Kortas, punt 47 iktar ’il fuq, punt 34).
59 L-Artikolu 95 KE, li, permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam, issostitwixxa u emenda l-Artikolu 100a tat-Trattat KE, jagħmel distinzjoni skont jekk id-dispożizzjonijiet innotifikati humiex dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu jeżistu qabel l‑approssimazzjoni jew dispożizzjonijiet nazzjonali li l-Istat Membru kkonċernat xtaq jintroduċi. Fl-ewwel każ, previst fl-Artikolu 95(4) KE, iż-żamma ta’ dispożizzjonijet nazzjonali li kienu jeżistu qabel għandha tiġi ġġustifikata mir-rekwiżiti importanti previsti fl-Artikolu 30 KE jew marbuta mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol. Fit-tieni każ, previst fl-Artikolu 95(5) KE, l‑Istati Membri għandhom l-obbligu li jissottomettu għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet nazzjonali derogatorji kollha li huma jqisu neċessarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l‑Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑405/07 P, Ġabra p. I‑8301, punt 51). F’każ simili, l‑introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ġodda għandha tkun ibbażata fuq provi xjentifiċi ġodda marbuta mal-ħarsien tal-ambjent jew tal-ambjent tax-xogħol fuq il-bażi ta’ xi problema speċifika għal dak l-Istat Membru li toriġina mill-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni (sentenza Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 40).
60 Għandu jiġi enfasizzat li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE, id‑dispożizzjonijiet nazzjonali derogatorji huma meqjusa approvati jekk il‑Kummissjoni ma tippronunzjax ruħha f’terminu ta’ sitt xhur wara n-notifiki previsti fil-paragrafi 4 u 5 ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE, l-estensjoni ta’ dan it-terminu ma huwiex possibbli meta l-kwistjoni ma hijiex kumplessa u fil-każ ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem (sentenza Land Oberösterreich u L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 40).
61 Għalhekk, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju qies li kien neċessarju, fit-Trattat ta’ Amsterdam, li jimponi fuq il-Kummissjoni terminu partikolari sabiex tagħmel il-verifika tad-dispożizzjonijiet nazzjonali lilha nnotifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kortas, punt 47 iktar ’il fuq, punt 33).
62 Skont il-ġurisprudenza, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE jirriżulta fil-fatt li l-awturi tat-Trattat riedu, kemm fl-interess tal-Istat Membru li jagħmel it‑talba sabiex jingħata l-informazzjoni dwar ir-regoli applikabbli kif ukoll fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, li l-proċedura prevista f’dan l‑artikolu tiġi konkluża fi żmien qasir (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punt 49, u Land Oberösterreich u L‑Awstrija vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punti 40 u 41; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ottubru 2005, Land Oberösterreich u L-Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑366/03 u T‑235/04, Ġabra p. II‑4005, punt 43).
63 F’dan il-każ, huwa paċifiku li d-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata lir-Repubblika tal-Polonja fl-4 ta’ Diċembru 2007, jiġifieri barra mit-terminu ta’ sitt xhur previst mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE.
64 Madankollu, il-Kummissjoni ssostni f’dan ir-rigward li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fit-12 ta’ Ottubru 2007, jiġifieri qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE, u li, għalhekk, hija ssodisfat l-obbligu tagħha taħt din id-dispożizzjoni.
65 Sabiex issostni din il-pożizzjoni, il-Kummissjoni pproduċiet diversi dokumenti dwar il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-kopja tan-nota għall-membri tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Ottubru 2007 dwar il-proċedura bil-miktub aċċellerata E/2254/2007, bil-għan li tiġi adottata d-deċiżjoni kkontestata, il-kopja ta’ addendum għal din in-nota tal-11 ta’ Ottubru 2007 (b’notament ittimbrat li jindika “APPROVAT 12 OTTUBRU 2007 SGAII – 11.00”) u l-kopja tan-nota għall-membri tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ottubru 2007, bit-titlu “Approvazzjoni tal-proċeduri bil-miktub”, li permezz tagħha d-direttur tar-reġistru tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni informa lill-membri tal-Kummissjoni li din ħadet id-deċiżjoni kkontestata, fit-12 ta’ Ottubru 2007, permezz tal-proċedura bil-miktub.
66 Minn dawn id-dokumenti jirriżulta li l-membri tal-Kummissjoni ġew fil-fatt mitluba jiddeċiedu fit-12 ta’ Ottubru 2007, permezz tal-proċedura bil-miktub aċċellerata, fuq il-proposta, li toriġina mid-Direttorat Ġenerali tal-“Ambjent”, li l‑abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq l-abbozz ta’ liġi jiġi approvat.
67 Madankollu, b’mod kuntrarju għall-argumenti tal-Kummissjoni, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dik id-data ma setax ikollha bħala effett l-interruzzjoni tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata, skont it-test tal-Artikolu 254(3) KE, kellha effett sa min-notifika tagħha lid-destinatarju tagħha, f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Polonja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 1979, Salumificio di Cornuda, 130/78, Ġabra p. 867, punt 23, u tal-20 ta’ Novembru 2008, Foselev Sud-Ouest, C‑18/08, Ġabra p. I‑8745, punt 18).
68 Ċertament, kif tirrileva l-Kummissjoni, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE jipprevedi, b’mod kuntrarju għat-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, in-“nuqqas ta’ deċiżjoni” tal-Kummissjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ deċiżjoni li l-għan tagħha huwa dak li tipprekludi l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali nnotifikati lill-Kummissjoni minn Stat Membru, il-mument li din ikollha effett, li għandu neċessarjament jikkoinċidi mal-interruzzjoni tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE, ma jistax ikun qabel id-data li fiha din issir infurzabbli fuq dan l-Istat Membru, jiġifieri qabel id-data tan-notifika tagħha (ara, b’analoġija, is‑sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 32). Barra minn hekk, fis-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat f’dan ir-rigward, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ebda deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 95(6) KE ma ġiet innotifikata lill-Istat Membru kkonċernat barra mit-terminu ta’ sitt xhur previst fl-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni.
69 Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet premessi, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE li jipprevedi “[n]-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni matul dan il-perijodu [ta’ sitt xhur previst fl-ewwel subparagrafu ta’ din id‑dispożizzjoni]”, ma jistax għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jagħti portata interruttiva biss lill-adozzjoni tad-deċiżjoni, indipendentement min-notifika tagħha. Fil-fatt, kif tirrileva r-Repubblika tal-Polonja, il-proċess deċiżjonali intern tal-Kummissjoni ma huwiex ġeneralment aċċessibbli għall-Istat Membru kkonċernat. Konsegwentement, jekk għall-interruzzjoni tad-dekorrenza tat-terminu wieħed kellu jibbaża ruħu fuq it-teħid tad-deċiżjoni u mhux fuq in‑notifika tagħha lill-Istat Membru kkonċernat, dan it-terminu jitwal fir-rigward ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża li wasslet għas-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punti 66 u 67).
70 Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata bl-argument tal-Kummissjoni li kien hemm “żball tekniku” meta saret in-notifika tad-deċiżjoni kkontestata, billi din tal-aħħar tħalliet barra mil-lista ta’ deċiżjonijiet li kellhom jiġu nnotifikati, ippreparata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, peress li tali żball huwa biss imputabbli lilha.
71 Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata, meħuda fit-12 ta’ Ottubru u nnotifikata lill-awtoritajiet Pollakki biss fl-4 ta’ Diċembru 2007, saret barra mit-terminu ta’ sitt xhur previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 95(6) KE. Għalhekk, sa mill-iskadenza ta’ dan it-terminu, l-abbozz ta’ liġi ġie meqjus approvat u ma jistax, għaldaqstant, jiġi miċħud mill-Kummissjoni bid-deċiżjoni kkontestata.
72 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha premessi jirriżulta li dan il-motiv għandu jintlaqa’ u li hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata.
Fuq l-ispejjeż
73 Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet il-kawża, din għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont kif mitlub mir-Repubblika tal-Polonja.
74 Skont l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Ċeka, ir‑Repubblika Ellenika u r-Repubblika tal-Awstrija għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/62/KE, tat-12 ta’ Ottubru 2007, rigward l-Artikoli 111 u 172 tal-Abbozz ta’ Att Pollakk dwar Organiżmi Modifikati Ġenetikament, innotifikati mir-Repubblika tal-Polonja skont l-Artikoli 95(5) tat-Trattat tal-KE bħala deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir‑rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament, hija annullata.
2) Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-Repubblika tal-Polonja.
3) Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika tal-Awstrija għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Martins Ribeiro |
Papasavvas |
Dittrich |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Diċembru 2010.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.