Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008TJ0053

    Sentenza tal-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) ta’ l-1 ta' Lulju 2010.
    ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Għajnuna mill-Istat - Kumpens għal esproprjazzjoni minħabba raġunijiet ta’ utilità pubblika - Estensjoni ta’ tariffa preferenzjali għall-provvista tal-elettriku - Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni - Kunċett ta’ vantaġġ - Prinċipju ta’ kontradittorju.
    Kawża T-53/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 II-03187

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2010:267

    Kawża T-53/08

    Ir-Repubblika Taljana

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea

    “Għajnuna mill-Istat — Kumpens għal esproprjazzjoni minħabba raġunijiet ta’ utilità pubblika — Proroga ta’ tariffa preferenzjali għall-provvista tal-elettriku — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Kunċett ta’ vantaġġ — Prinċipju ta’ kontradittorju”

    Sommarju tas-sentenza

    1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Ħlas mogħti bħala kumpens għall-esproprjazzjoni ta’ assi — Esklużjoni

    (Artikolu 87(1) KE)

    2.      Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Applikazzjoni għall-proċeduri amministrattivi mibdija mill-Kummissjoni — Eżami tal-proġetti ta’ għajnuna — Portata

    (Artikolu 88(2) KE)

    3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ miżura statali — Għan u portata tal-proċedura

    (Artikolu 88(2) KE)

    1.      Miżuri li, taħt diversi forom, itaffu l-piżijiet li normalment jaqgħu fuq il-baġit ta’ impriża u li, għalhekk, jixbħu sussidju, bħalma huma, b’mod partikolari, il-provvisti ta’ oġġetti jew servizzi b’kundizzjonijiet preferenzjali jikkostitwixxu vantaġġi fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Min-naħa l-oħra, interessi li l-awtoritajiet nazzjonali jiġu, eventwalment, ikkundannati jħallsu lill-individwi bħala kumpens għad-dannu li huma jkunu kkawżawlhom huma ta’ natura legali fundamentalment differenti u ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikoli 87 KE u 88 KE.

    Min-naħa l-oħra, għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat miżura li testendi miżura li tagħti lill-impriża tariffa preferenzjali applikabbli għall-provvista tal-elettriku, u dan bħala kumpens għal esproprjazzjoni fil-kuntest tan-nazzjonalizzazzjoni tas-settur tal-elettriku, meta t-tariffa preferenzjali ngħatat bħala kumpens għal perijodu tabilħaqq speċifiku, mingħajr il-possibbiltà ta’ estensjoni. Barra minn hekk, miżura li hija biss waħda mill-kundizzjonijiet tariffarji favorevoli li l-proroga tagħhom hija intiża sabiex “il-produzzjoni tal-impriżi kkonċernati tkun tista’ tiżviluppa u tiġi ristrutturata” ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kontinwazzjoni legali tal-kumpens li minnu bbenefikat l-impriża wara n-nazzjonalizzazzjoni.

    (ara l-punti 49, 52, 55, 63, 65, 75, 77)

    2.      Fil-qasam tal-investigazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-Istat Membru inkwistjoni jitqiegħed f’pożizzjoni li jesponi b’mod utli l-fehma tiegħu dwar dawk il-kummenti, sottomessi minn terzi interessati skont l-Artikolu 88(2) KE, li fuqhom il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha, u li, sa fejn l-Istat Membru ma jkunx tqiegħed f’pożizzjoni li jikkummenta dwar dawn il-kummenti, il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidrahom fid-deċiżjoni tagħha kontra dan l-Istat. Madankollu, sabiex tali ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għal annullament, huwa meħtieġ li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

    (ara l-punt 115)

    3.      Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha l-għan li tippermetti li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jesponu l-fehma tagħhom u li l-Kummissjoni jkollha għarfien sħiħ tad-data kollha tal-kawża qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha. Il-portata tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tistax tkun differenti u, b’mod partikolari, ma għandiex tinkludi s-setgħa li tittieħed deċiżjoni definittiva, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, fuq ċerti dokumenti tal-fajl. Barra minn hekk, minn ebda dispożizzjonijiet relatati mal-għajnuna mill-Istat u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżulta li l-Kummissjoni hija marbuta tisma’ lill-benefiċjarju ta’ riżorsi tal-Istat dwar l-evalwazzjoni legali tagħha tal-miżura inkwistjoni jew li hija marbuta tinforma lill-Istat Membru kkonċernat – u, a fortiori, lill-benefiċjarja tal-għajnuna – dwar il-pożizzjoni tagħha qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha meta l-partijiet interessati u l-Istat Membru kienu ġew intimati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom.

    (ara l-punti 122, 123)







    SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

    1 ta’ Lulju 2010 (*)

    “Għajnuna mill-Istat − Kumpens għal esproprjazzjoni minħabba raġunijiet ta’ utilità pubblika − Proroga ta’ tariffa preferenzjali għall-provvista tal-elettriku − Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni − Kunċett ta’ vantaġġ − Prinċipju ta’ kontradittorju”

    Fil-Kawża T‑53/08,

    Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

    rikorrenti

    vs

    Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito u G. Conte, bħala aġenti,

    konvenuta

    li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/408/KE, tal-20 ta’ Novembru 2007, dwar l-għajnuna tal-Istat C 36/A/06 (ex NN 38/06) implimentata mill-Italja favur ThyssenKrupp, Cementir u Nuova Terni Industrie Chimiche (ĠU 2008, L 144, p. 37),

    IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

    komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, M. Prek u V. M. Ciucă, Imħallfin,

    Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Lulju 2009,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

     Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1        Ir-Repubblika Taljana nnazzjonalizzat is-settur tal-elettriku permezz tal-Liġi Nru 1643, tas-6 ta’ Diċembru 1962, li tistabbilixxi l-Ente nazionale per l’energia elettrica (ENEL) u li titrasferixxi lil dan tal-aħħar impriżi tal-industrija tal-elettriku (GURI Nru 316, tat-12 ta’ Diċembru 1962, p. 5007, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 1643/62”). Permezz ta’ din il-liġi, hija fdat f’idejn ENEL il-monopolju tal-eżerċiżżju, fit-territorju nazzjonali, tal-attivitajiet ta’ produzzjoni, ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni, ta’ trasport, ta’ trasformazzjoni, ta’ distribuzzjoni u ta’ bejgħ tal-enerġija elettrika indipendentement mis-sors ta’ produzzjoni, madankollu, kien hemm ċerti eċċezzjonijiet.

    2        Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(6) tal-Liġi Nru 1643/62, l-impriżi li jipproduċu l-elettriku prinċipalment għal finijiet ta’ konsum intern (iktar ’il quddiem l-“awtoprodutturi”) ġew esklużi mill-proċess ta’ nazzjonalizzazzjoni tas-settur tal-elettriku.

    3        Dak iż-żmien, Terni, kumpannija fejn l-Istat kien l-azzjonist b’maġġuranza, kienet attiva fis-setturi tal-azzar, tal-prodotti kimiċi u tal-produzzjoni tas-siment. Barra minn hekk, hija kellha u kienet topera installazzjonijiet idroelettriċi li l-produzzjoni tagħhom kienet prinċipalment intiża għat-tħaddim tal-proċessi ta’ manifatturar tagħha.

    4        Fid-dawl tal-importanza strateġika tagħha fil-kuntest tal-provvista enerġetika tal-pajjiż, u minkejja l-istatus ta’ awtoproduttur ta’ Terni, il-fergħa idroelettrika ta’ din tal-aħħar ġiet inkluża fin-nazzjonalizzazzjoni.

    5        Permezz tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 1165, tal-21 ta’ Awwissu 1963, dwar it-trasferiment lil ENEL tal-assi kollha użati għall-attivitajiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 1643/62 imwettqa minn “Terni: società per l’Industria e l’Elettricità” S.p.A (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 230, tal-31 ta’ Awwissu 1963, p. 58, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 1165/63”) ir-Repubblika Taljana kkumpensat lill-Terni għat-trasferiment tal-assi tagħha billi tatha tariffa tal-elettriku preferenzjali (iktar ’il quddiem it-“tariffa Terni”) għall-perijodu ta’ bejn l-1963 u l-1992.

    6        Fl-1964, Terni nqasmet fi tliet kumpanniji: Terni Acciai Speciali, li tipproduċi l-azzar, Nuova Terni Industrie Chimiche, li topera fis-settur kimiku, u Cementir, li tipproduċi s-siment (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji Terni”). Dawn il-kumpanniji kienu sussegwentement privatizzati u mixtrija minn ThyssenKrupp, Norsk Hydro u Caltagirone rispettivament. Dawn l-aħħar operazzjonijiet wasslu għall-ħolqien, rispettivament, ta’ ThyssenKrupp Acciai Speciali Terni SpA, Nuova Terni Industrie Chimiche SpA u Cementir SpA, li komplew jibbenefikaw mit-tariffa Terni.

    7        Permezz tal-Liġi Nru 9, tad-9 ta’ Jannar 1991, dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-pjan il-ġdid tal-enerġija nazzjonali: aspetti istituzzjonali, impjanti idroelettriċi u netwerks, idrokarboni u enerġija ġeotermali, awtoprodutturi u dispożizzjonijiet fiskali (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 13, tas-16 ta’ Jannar 1991, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 9/91”), ir-Repubblika Taljana estendiet il-konċessjonijiet idroelettriċi eżistenti sal-31 ta’ Diċembru 2001. Dawn il-konċessjonijiet kienu jservu bħala bażi għall-operat tal-kumpanniji li kienu jużaw riżorsi idriċi pubbliċi għall-produzzjoni tal-enerġija elettrika.

    8        Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 20(4) ta’ din il-liġi, ir-Repubblika Taljana estendiet it-tariffa Terni sal-31 ta’ Diċembru 2001. Kien ukoll previst li matul is-sitt snin segwenti (2002-2007), il-kwantità ta’ enerġija elettrika ssussidjata pprovduta lill-kumpanniji Terni kellha tonqos progressivament b’tali mod li l-vantaġġ tariffarju jintemm qabel tmiem l-2007.

    9        L-awtoritajiet Taljani nnotifikaw il-Liġi Nru 9/91 lill-Kummissjoni li min-naħa tagħha adottat, fis-6 ta’ Awwissu 1991, deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet (deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat NN 52/91).

    10      Ir-Repubblika Taljana, permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 79, tas-16 ta’ Marzu 1999, dwar id-Direttiva 96/92/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (GURI Nru 75, tal-31 ta’ Marzu 1999, p. 8, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 79/99”), estendiet il-konċessjonijiet idroelettriċi eżistenti. L-Artikolu 12(7) u (8) tal-imsemmi digriet jipprovdi:

    “7. Il-konċessjonijiet li skadew jew li għandhom jiskadu sal-31 ta’ Diċembru 2010 huma estiżi sa din l-aħħar data u l-prorjetarji ta’ konċessjonijiet ikkonċernati, mingħajr il-ħtieġa ta’ xi att amministrattiv, għandhom ikomplu l-attivitá billi jinformaw b’dan, fi żmien disgħin ġurnata mid-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet […]

    8. Fir-rigward tal-konċessjonijiet li jiskadu wara l-31 ta’ Diċembru 2010, japplikaw it-termini ta’ skadenza previsti fl-att tal-konċessjoni.”

    11      Skont l-Artikolu 11(11) tad-Digriet Liġi Nru 35, tal-14 ta’ Marzu 2005, dwar dispożizzjonijiet urġenti fil-kuntest tal-Pjan ta’ azzjoni għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali (GURI Nru 62, tas-16 ta’ Marzu 2005, p. 4), mibdul fil-Liġi Nru 80, tal-14 ta’ Mejju 2005 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 80/05”), ir-Repubblika Taljana reġgħet estendiet it-tariffa Terni sal-2010 u din il-miżura kellha tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2005 (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”). Il-Liġi Nru 80/2005 tistabbilixxi li, sal-2010, il-kumpanniji Terni għandhom ikomplu jibbenefikaw mit-trattament li kienu jibbenefikaw minnu fil-31 ta’ Diċembru 2004 f’termini ta’ kwantitajiet ipprovduti (926 GWh għat-tliet kumpanniji Terni) u minn prezzijiet ta’ 1.32 ċenteżmu/kWh). Ftit wara, il-konċessjonijiet idroelettriċi ġġeddew, b’mod ġenerali, sal-2020 permezz tal-Liġi Nru 266, tat-23 ta’ Diċembru 2005.

    12      Il-Kummissjoni saret taf b’din il-miżura ta’ proroga fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ każ ieħor u b’ittra tat-23 ta’ Diċembru 2005 talbet lill-awtoritajiet Taljani jipprovdulha informazzjoni, dawn tal-aħħar ipprovdew din l-informazzjoni b’ittra tal-24 ta’ Frar 2006 segwita b’żewġ ittri oħra tat-2 ta’ Marzu 2006 u tas-27 ta’ April 2006.

    13      Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 214, p. 5) u l-Kummissjoni stiednet lit-terzi interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom fuq il-miżuri inkwistjoni.

    14      Ir-repubblika Taljana ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha permezza ta’ ittra tal-25 ta’ Ottubru 2006 u pprovdiet informazzjoni supplimentari permezza tal-ittri tad-9 ta’ Novembru 2006 u tas-7 ta’ Diċembru 2006.

    15      Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand terzi interessati u għaddiethom lill-awtoritajiet Taljani li ngħataw l-opportunità li jissottomettu l-kummenti tagħhom fuqhom. Il-kummenti tar-Repubblika Taljana waslu għand il-Kummissjoni permezz tal-ittra tat-22 ta’ Diċembru 2006.

    16      Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Frar 2007, il-Kummissjoni talbet informazzjoni supplimentari. L-awtoritajiet Taljani pprovdew din l-informazzjoni permezz ta’ ittri tas-16 ta’ April 2007, tal-10 ta’ Mejju 2007 u tal-14 ta’ Mejju 2007.

    17      Fl-20 ta’ Novembru 2007 il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni dwar l-għajnuna tal-Istat C 36/A/06 (ex NN 38/06) implimentata mill-Italja favur ThyssenKrupp, Cementir u Nuova Terni Industrie Chimiche (ĠU 2008, L 144, p. 37, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    18      Il-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi:

    “Il-Kummissjoni ssib li l-Italja implimentat illegalment, bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) [KE], id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 11, paragrafu 11 tad-Decreto-legge [35/2005], maqlub f’Liġi [Nru 80/05], li tipprovdi għall-modifikazzjoni u l-estensjoni fiż-żmien sa l-2010 tat-tariffa preferenzjali ta’ l-elettriku applikabbli għat-tliet kumpaniji Terni. Il-Kummissjoni tikkunsidra li miżura simili, li tikkostitwixxi għajnuna pura ta’ l-operar, m’hija eliġibbli għall-ebda deroga taħt it-trattat tal-KE, u għalhekk hija inkompatibbli mas-suq komuni. Għalhekk, il-partijiet tal-miżura t’hawn fuq li għadhom ma ġewx mogħtija [jew] imħallsa ma jridux jiġu implimentati. L-għajnuna li diġà tħallset trid tiġi rkuprata. L-ammonti li l-benefiċjarji kienu jkunu intitolati għalihom fl-2005, l-2006 u l-2007 taħt il-Liġi [Nru 9/91] jistgħu jitnaqqsu mill-ammont totali li jrid jiġi rkuprat.”

    19      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jinkludi d-dispożizzjonijiet segwenti:

    “Artikolu 1

    1.       L-għajnuna ta’ l-Istat li [r-Repubblika Taljana] implimentat favur ThyssenKrupp, Cementir u Nuova Terni Industrie Chimiche hija inkompatibbli mas-suq komuni.

    2.       L-għajnuna ta’ l-Istat li [r-Repubblika Taljana] tat imma għadha ma ħallsitx lil ThyssenKrupp, Cementir u Nuova Terni Industrie Chimiche hija wkoll inkompatibbli mas-suq komuni u għalhekk ma tistax tiġi implimentata.

    Artikolu 2

    1.        [Ir-Repubblika Taljana] għandha tirkupra mill-benefiċjarji l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(1).

    […]”

     Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    20      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fil-31 ta’ Jannar 2008, ir-Repubblika Taljana ppreżentat dan ir-rikors.

    21      Hija titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

    22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    –        tiċħad ir-rikors;

    –        tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

     Id-dritt

    23      Ir-Repubblika Taljana tinvoka tliet motivi li huma bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE u tal-Artikolu 88(3) KE peress li l-miżura inkwistjoni hija ta’ natura kumpensatorja, it-tieni wieħed, fuq ksur ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet peress li l-miżura inkwistjoni ma tagħtix lok għal trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi u, it-tielet wieħed, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    24      Matul is-seduta, madankollu, ir-Repubblika Taljana espliċitament irrinunzjat għat-tieni motiv tagħha u l-Qorti Ġenerali ħadet nota ta’ dan fil-verbal tas-seduta. Għalhekk il-Qorti Ġenerali ser teżamina biss l-ewwel u t-tielet motiv.

     Fuq il-motiv ibbażat fuq il-karattru allegatament kumpensatarju tal-miżura inkwistjoni

     L-argumenti tal-partijiet

    25      Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikata meta kklassifikat il-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat u meta kkunsidrat li, b’konsegwenza ta’ dan, l-imsemmija miżura kellha tiġi nnotifikata lilha.

    26      Hija ssostni li għoti ta’ riżorsi li jikkostitwixxi kumpens għal sagrifiċċju patrimonjali subit fl-interess ġenerali, sa fejn dan ma jeċċedix, b’mod inġustifikat, ir-remunerazzjoni li l-parti interessata kienet tikseb inkambju – għall-istess sagrifiċċju patrimonjali – mingħand investitur privat li jopera f’ekonomija tas-suq, ma jikkostitwixxix vantaġġ ekonomiku.

    27      Il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-miżura inkwistjoni tat vantaġġ lill-kumpanniji Terni hija bbażata fuq interpretazzjoni ineżatta tas-suġġett tal-esproprjazzjoni li Terni subiet fl-1962. Is-suġġett ta’ din l-esproprjazzjoni ma kienx jikkonsisti biss f’assi materjali iżda kien jinkludi wkoll id-dritt għall-produzzjoni tal-enerġija elettrika, li allegatament jikkostitwixxi l-kontenut tal-konċessjonijiet idroelettriċi li kienu jeżistu meta daħlet fis-seħħ il-Liġi Nru 1643/62.

    28      Ir-Repubblika Taljana ssostni li f’dawn iċ-ċirkustanzi kien essenzjali li jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-konċessjoni, ikkunsidrata b’mod separat bħala ass mhux materjali inkluż fil-patrimonju tal-impriża, u li dan il-valur kien suġġett għat-tul tal-konċessjoni. Għalhekk, ma jkunx korrett li jiġi ddikjarat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li l-problema mqajma mill-preżenti kawża hija dik li Terni tiġi kkumpensata bil-“valur tas-suq ta’ l-assi esproprjati”, skont il-prinċipju li jgħid li l-kumpens għall-esproprjazzjoni ta’ ass għandu jiġi ddeterminat billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur ta’ dan l-ass fid-data ta’ meta seħħet l-esproprjazzjoni.

    29      Is-suġġett tal-esproprjazzjoni subita minn Terni, deskritt b’dan il-mod, għalhekk wassal sabiex l-awtoritajiet Taljani joħolqu mekkaniżmu ta’ kumpens li abbażi tiegħu l-valur tal-kumpens huwa relatat direttament mat-tul tal-konċessjoni. Għalhekk, kien hemm allinjament bejn it-tul tas-sistema tariffarja u t-tul residwu tal-konċessjoni, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 1992.

    30      Ir-Repubblika Taljana tindika li din ir-relazzjoni diretta bejn it-tul tat-tariffa Terni, li l-għan tagħha kien li, fir-rigward tal-enerġija, Terni tkun suġġetta għal spejjeż analogi għal dawk li kienet tkun suġġetta għalihom li kieku setgħet iżżomm id-dritt li tipproduċi l-enerġija, u t-tul tal-konċessjonijiet kienet tikkostitwixxi garanzija, fir-rigward taż-żewġ partijiet ikkonċernati, kontra kumpens żejjed jew kumpens nieqes. Din ir-relazzjoni diretta tikkostitwixxi element fundamentali tal-ftehim ta’ kumpens konkluż bejn il-partijiet, kif deskritt mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, peress li tiggarantixxi l-bilanċ ekonomiku ta’ dan tal-aħħar.

    31      Fid-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li qajmet il-kwistjoni, effettivament essenzjali, ta’ jekk il-prorogi tas-sistema tariffarja speċjali setgħux jiġu kkunsidrati bħala li jifformaw parti integrali mill-kumpens, il-Kummissjoni nnifisha qieset li din is-sistema ta’ kumpens kienet aċċettabbli.

    32      F’dan ir-rigward ir-repubblika Taljana ssostni li l-kumpens addizzjonali ma huwiex ibbażat fuq il-kundizzjonijiet li nħolqu fis-suq tal-elettriku. Il-bidliet f’dan is-suq jaqgħu taħt ir-riskji normali tal-ftehim ta’ kumpens. Iż-żewġ prorogi, deċiżi fl-1991 u fl-2005, huma fil-verità ġġustifikati mill-fatt li liġijiet sussegwenti, li ma kinux prevedibbli meta ġie konkluż il-ftehim ta’ kumpens, kienu estendew it-tul tal-konċessjonijiet tal-awtoprodutturi.

    33      In-natura effettivament eċċezzjonali tal-esproprjazzjoni subita min Terni kienet teħtieġ li, fir-rigward ta’ din tal-aħħar, terġa’ tiġi stabbilita sitwazzjoni li tkun kemm jista’ jkun qrib għal dik li kienet tirriżulta li kieku ma kienx hemm tali esproprjazzjoni, u dan jispjega għaliex fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ kumpens stabbilit mill-awtoritajiet Taljani Terni ġiet ikkunsidrata bħala “awtoproduttur virtwali”. Ir-Repubblika Taljana tindika li, f’tali kuntest, il-kwistjoni ewlenija ma hijiex dik li jiġi vverifikat jekk kienx hemm relazzjoni bejn il-mekkaniżmu ta’ kumpens previst għal Terni u l-konċessjonijiet tal-awtoprodutturi l-oħra, iżda pjuttost li jiġi eżaminat jekk il-liġijiet ta’ proroga kinux ikunu applikabbli għal Terni li kieku din tal-aħħar ma kinitx is-suġġett ta’ esproprjazzjoni.

    34      Ma hemm l-ebda dubju li l-liġijiet li jestendu t-tul tal-konċessjonijiet kienu jkopru wkoll il-konċessjonijiet ta’ Terni li kieku din il-kumpannija żammet id-dritt għalihom. Il-fatt li l-kumpanniji Terni jiġu preklużi milli jibbenefikaw minn dawn il-prorogi, fil-forma ta’ tiġdidiet tat-tariffa Terni, kien jippreġudika l-pożizzjoni tagħhom ta’ “awtoprodutturi virtwali”, pożizzjoni li, kif tammetti l-Kummissjoni stess, kellha raġonevolment tinżamm fir-rigward ta’ dawn il-kumpanniji.

    35      Għalhekk, iż-żewġ prorogi tal-1991 u tal-2005, mhux talli ma jikkostitwixxux reviżjoni tar-ratio tal-miżuri oriġinali, iżda talli jikkostitwixxu, skont ir-Repubblika Taljana, l-applikazzjoni kemm ta’ dan ir-ratio u kif ukoll tal-prinċipju komuni tad-dritt tal-kuntratti tal-Istati Membri, li jgħid li, fir-relazzjonijiet legali kontinwati, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni dak il-bdil fil-bilanċ kuntrattwali li huwa ddeterminat mill-materjalizzazzjoni ta’ riskju normali li l-partijiet assumew meta kkonkludew il-ftehim, iżda dak il-bdil li jirriżulta minn ġrajja li seħħet sussegwentement u li la kienet prevista u lanqas prevedibbli meta ġie konkluż il-ftehim.

    36      Ir-Repubblika Taljana, filwaqt li tirreferi għal prinċipju ta’ bona fide u ta’ ekwità, tkompli tgħid li l-prinċipju msemmi fil-punt 35 iktar ’il fuq ġie kkodifikat fil-klawżola msejħa “hardship” prevista kemm mill-prinċipji li jirrigwardaw il-kuntratti ta’ kummerċ internazzjonali kif ukoll mid-dritt Ewropew li jirregola l-kuntratti. Ir-rekwiżiti għall-applikabbiltà ta’ dawn il-prinċipji huma, f’din il-kawża, sodisfatti.

    37      Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li Terni setgħet tikkontesta l-mekkaniżmu ta’ kumpens li kieku kkunsidrat li dan ma kienx xieraq, ma huwiex rilevanti. Fil-fatt meta ġie adottat id-Digriet Nru 1165/63, Terni kienet tkun tista’ tilmenta biss li kieku t-tul tat-tariffa Terni ġie stabbilit għall-perijodu iqsar mit-tul tal-konċessjonijiet, li kellhom, dak iż-żmien, jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 1992, jiġifieri d-data li ngħażlet għat-tmiem tal-applikazzjoni tat-tariffa Terni. Ir-Repubblika Taljana ssostni wkoll li, ladarba jiġi stabbilit li d-data tal-iskadenza tat-tariffa Terni ma ġietx stabbilita abbażi ta’ kalkolu tal-profitti globali li Terni kellha tikseb sa dik id-data, iżda biss fid-dawl ta’ allinjament bejn it-tul tat-tariffa Terni u t-tul tal-konċessjonijiet, Terni ma kellha ebda raġuni sabiex tilmenta mill-mekkaniżmu peress li l-applikazzjoni tiegħu kellha tinvolvi l-proroga awtomatika tal-imsemmija tariffa b’mod parallel mal-proroga tal-konċessjonijiet.

    38      Fir-rigward tad-dubju tal-Kummissjoni dwar l-għan reali tad-dispożizzjonijiet ta’ proroga tat-tariffa Terni, li kien dak li l-kumpens inizjali jiżdied fid-dawl tal-estensjoni, anki jekk virtwali, tat-tul tal-konċessjoni esproprjata, ir-Repubblika Taljana ssostni li sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-effetti, reali jew potenzjali, tagħha u li, għalkemm huwa paċifiku li l-kumpanniji Terni kellhom dritt għal proroga tat-tariffa Terni, li kienet intiża sabiex iżżid b’mod xieraq il-kumpens inizjali, madankollu l-miżura li effettivament tagħti l-imsemmija proroga ma tistax tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat, indipendentement mill-għanijiet li l-leġiżlatur nazzjonali kien qed ifittex li jilħaq permezz tal-adozzjoni tagħha.

    39      Ir-Repubblika Taljana tagħlaq billi tindika li l-miżura inkwistjoni kellha l-għan li żżomm l-attwalità ekonomika ta’ mekkaniżmu li kien neċessarjament iddestinat li jtul fiż-żmien u li, billi pprekludiet bdil fit-termini fundamentali tal-kuntratt, hija mhux talli ma tat ebda vantaġġ indebitu lill-kumpanniji Terni iżda talli, bil-kontra ta’ dan, evitat li dawn tal-aħħar isofru dannu inġust.

    40      Il-Kummissjoni twieġeb billi ssostni li l-motiv tar-Repubblika Taljana għandu jiġi miċħud bħala bbażat fuq premessa żbaljata.

    41      Skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika Taljana donnha tinjora li l-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 1165/63 kien jipprovdi, bħala kumpens għat-trasferiment tal-installazzjonijiet ta’ Terni lill-ENEL, il-provvista ta’ elettriku b’tariffa mnaqqsa sal-31 ta’ Diċembru 1992. Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta b’mod ċar li t-tariffa Terni ngħatat, bħala kumpens, għal perijodu determinat stabbilit b’mod definittiv meta seħħet l-esproprjazzjoni u li probabbilment dan it-terminu ġie stabbilit billi ttieħed inkunsiderazzjoni t-tul residwu tal-konċessjoni idroelettrika ta’ Terni, li kien jikkostitwixxi element fundamentali għad-determinazzjoni tal-valur tal-konċessjoni esproprjata.

    42      Il-Kummissjoni ssostni li la d-Digriet Nru 1165/63 u lanqas il-Liġi Nru 9/91 ma rabtu l-proroga tat-tariffa Terni mal-proroga ta’ konċessjonijiet idroelettriċi mhux esproprjati ta’ awtoprodutturi oħra. Ma hemm ebda raġuni sabiex jiġi kkunsidrat li l-proroga, fl-2005, tal-imsemmija tariffa permezz tal-miżura inkwistjoni hija, b’mod partikolari, marbuta mal-proroga tal-konċessjonijiet mogħtija, sitt snin qabel, mid-Digriet Nru 79/99. Bil-kontra ta’ dan, mil-Liġi Nru 80/05 jirriżulta b’mod ċar li l-proroga tat-tariffi favorevoli, fosthom it-tariffa Terni, ingħatat globalment sabiex “tippermetti l-iżvilupp u r-ristrutturazzjoni tal-produzzjoni tal-impriżi kkonċernati”.

    43      Hija ssostni li, li kieku d-Digriet Nru 1165/63 ipprovda għal estensjoni awtomatika tat-tariffa Terni fil-każ ta’ proroga tal-konċessjonijiet ta’ awtoprodutturi oħra, l-imsemmi digriet kien ikun qiegħed jikser il-prinċipju li jgħid li l-ħlas mogħti bħala kumpens għall-esproprjazzjoni ta’ ass (inkluż ass mhux materjali bħalma hija konċessjoni) għandu jiġi stabbilit billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-valur tal-ass fid-data ta’ meta seħħet l-esproprjazzjoni.

    44      Barra minn hekk, ikun falz li jiġi allegat, kif tagħmel ir-Repubblika Taljan, li l-“kumpanniji Terni setgħu jinvokaw dritt għall-proroga tat-tariffa Terni abbażi tal-kumpens addizzjonali oriġinali”. Il-Kummissjoni tindika li b’dan il-mod l-awtoritajiet Taljani donnhom isostnu li l-kumpanniji Terni għandhom “dritt” għall-proroga tat-tariffa Terni biss abbażi tal-fatt li, li kieku ma kienx hemm l-esproprjazzjoni fil-konfront tagħhom, huma kienu jibbenefikaw mill-proroga tal-konċessjonijiet idroelettriċi.

    45      Skont il-Kummissjoni, il-kumpanniji Terni ma setgħu jinvokaw ebda “dritt” għal proroga abbażi tad-Digriet Nru 1165/63, li jipprovdi għall-provvista ta’ elettriku b’tariffa mnaqqsa sal-31 ta’ Diċembru 1992 mingħajr ma jipprovdi għall-possibbiltà li din id-data tiġi estiża. In-nuqqas ta’ “dritt” għall-proroga tat-tariffa Terni jirriżulta wkoll mill-fatt li l-prorogi previsti mil-Liġi Nru 9/91 u mill-miżura inkwistjoni ngħataw unilateralment mill-awtoritajiet Taljani fil-kuntest tal-eżerċiżżju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tikkaratterizza l-attività leġiżlattiva.

    46      Skont il-Kummissjoni anki l-argumenti li jgħidu li l-bdil fit-tul tat-tariffa Terni huwa bbażat fuq ir-regoli tad-dritt privat li jirrigwardaw il-prezz eċċessiv ta’ servizzi kuntrattwali sussegwenti huwa infondat peress li jidher li l-imsemmija regoli ma japplikawx għall-esproprjazzjonijiet minħabba raġunijiet ta’ utilità pubblika. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li anki li kieku l-esproprjazzjoni kellha tiġi assimilata għal sempliċi fatt kuntrattwali, xorta jibqa l-att li l-obbligu ta’ Terni li titrasferixxi lill-ENEL il-konċessjoni idroelettrika, flimkien mal-installazzjonijiet korrispondenti, għandu jiġi kkwalifikat bħala servizz “immedjat” u mhux bħala servizz kontinwat li jista’ jsir eċċessivament għoli wara li jkun għadda ċertu żmien. Barra minn dan, il-proroga tal-konċessjonijiet idroelettriċi ma tistax tiġi kwalifikata bħala ġrajja “straordinarja u imprevedibbli”.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    47      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwalifika ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni jiġu sodisfatti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Tubemeuse”, C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punt 25 u tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs Ufex et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punt 121).

    48      L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, irid iwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, Ġabra p. I‑2941, punt 56 u Chronopost u La Poste vs Ufex et, punt 47 iktar ’il fuq, punt 122).

    49      Għandu jitfakkar li jikkostitwixxu vantaġġi fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE l-miżuri li, taħt diversi forom, itaffu l-piżijiet li normalment jaqgħu fuq il-baġit ta’ impriża u li, għalhekk, jixbhu sussidju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport, C‑256/97. Ġabra p. I‑3913, punt 19, u tal-14 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑276/02, Ġabra p. I‑8091, punt 24), bħalma huma, b’mod partikolari, il-provvisti ta’ oġġetti jew servizzi b’kundizzjonijiet preferenzjali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”), tas-16 ta’ Settembru 2004, Valmont vs Il-Kummissjoni, T‑274/01, Ġabra p. II‑3145, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata).

    50      Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-miżura inkwistjoni ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat sa fejn ir-rekwiżit tal-għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarju ma huwiex sodifatt peress li l-imsemmija miżura hija ta’ natura purament kumpensatorja.

    51      Huwa paċifiku li ċerti forom ta’ kumpens mogħtija lill-impriżi ma jikkostitwixxux għajnuna.

    52      Għalhekk, f’sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Asteris et (106/87 sa 120/87, Ġabra p. 5515, punti 23 u 24), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li n-natura legali tal-għajnuna pubblika, peress li tikkostitwixxi miżura tal-awtorità pubblika li tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti prodotti, hija fundamentalment differenti minn dik tad-danni li l-awtoritajiet nazzjonali jiġu, eventwalment, ikkundannati jħallsu lill-individwi bħala kumpens għad-dannu li huma jkunu kkawżawlhom u li għalhekk, l-imsemmija danni ma jikkostitwixxux għajnuna fis-sens tal-Artikoli 87 KE u 88 KE.

    53      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li sussidji pubbliċi mogħtija lill-impriżi li huma espliċitament inkarigati b’obbligi ta’ servizz pubbliku sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż magħmula fit-twettiq ta’ tali obbligi u li jissodisfaw ċerti rekwiżiti, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, punt 94).

    54      Il-Kummissjoni tindika li kumpens mogħti mill-Istat inkambju ta’ esproprjazzjoni ta’ assi ma jikkostitwixxix, ġeneralment, għajnuna mill-Istat (premessa 70 tad-deċiżjoni kkontestata).

    55      Il-miżura inkwistjoni hija komposta mill-proroga ta’ miżura preċedenti li kienet tagħti lil Terni tariffa preferenzjali applikabbli għall-provvista tal-elettriku, u dan bħala kumpens wara li l-fergħa idroelettrika ta’ din il-kumpannija ġiet nazzjonalizzata fl-1962.

    56      L-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 1165/63, li jiddefinixxi dan il-kumpens, jipprovdi:

    “L-ENEL hija obbligata li tipprovdi lil Terni […] 1 025 000 000 kWh (biljun u ħamsa u għoxrin miljun) kull sena b’saħħa ta’ 170 000 kW (mija u sebgħin elf), kwantità ta’ enerġija elettrika użata fl-1961 minn Terni […] għall-attivitajiet li mhumiex inklużi fost dawk imsemmija fl-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 1643[/62], u 595 000 000 kWh (ħames mija u ħamsa u disgħin miljun) fis-sena, permezz ta’ saħħa addizzjonali ta’ 100 000 kW (mitt elf), għall-attivitajiet li jkunu qegħdin jitwettqu fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 1643[/62]. L-imsemmija provvisti għandhom jibqgħu jingħataw sal-31 ta’ Diċembru 1992 fil-punti ta’ provvista li jinsabu fl-istabbilimenti ta’ Terni miftehma bejn il-partijiet”.

    57      Din il-kwantità fissa ta’ enerġija elettrika kellha tiġi pprovduta b’tariffa preferenzjali ddefinita, fl-Artikolu 7 tad-Digriet Nru 1165/63, kif ġej:

    “Fir-rigward tal-provvista ta’ 1 025 000 000 kWh […] fis-sena, il-prezz tal-provvista għal kull kWh għandu jiġi ddeterminat skont il-prezzijiet ta’ ċessjoni interna medjament miżmuma, matul il-perijodu ta’ bejn l-1959 u l-1961, mis-settur tal-produzzjoni tal-elettriku ta’ Terni […], lill-istabbilimenti tal-kumpannija li joperaw f’setturi oħra.

    Fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ enerġija li Terni tikkonsma […] lill hinn minn 1 025 000 000 kWh […] fis-sena, sal-kwantità ta’ 595 000 000 kWh […] fis-sena, il-prezz imsemmi fil-paragrafu preċedenti jiżdied b’0.45 Lire [Taljani] għal kull kWh.”

    58      Għalhekk jidher li l-miżura li tagħha Terni kienet destinatarja kienet ir-riżultat ta’ tliet fatturi: il-kwantità ta’ elettriku, il-prezz tiegħu u t-tul tas-sistema preferenzjali.

    59      Il-Kummissjoni tqis li l-miżura inizjali kienet tikostitwixxi kumpens, kienet xierqa u li t-tariffa Terni ma tat l-ebda vantaġġ lill-benefiċjarji matul il-perijodu kollu previst mill-imsemmija miżura, jiġifieri sal-1992. Filwaqt li tirreferi għal interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 1165/63 u għall-iffissar ċar ta’ perijodu ta’ 30 sena għall-applikazzjoni tal-imsemmija tariffa, il-Kummissjoni ssostni li l-proroga ta’ din it-tariffa ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tifforma parti integrali mill-kumpens u tikkonkludi li l-awtorizzazzjoni tagħha b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(11) tal-Liġi Nru 80/05, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (premessi 78, 79, 94 u 177 tad-deċiżjoni kkontestata).

    60      Ir-Repubblika Taljana ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq evalwazzjoni żbaljata, min-naħa tal-Kummissjoni, tan-natura u tal-funzjoni reali tal-miżura ta’ kumpens prevista mil-leġiżlazzjoni dwar in-nazzjonalizzazzjoni ta’ Terni. L-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni huwa li Terni tiġi kkumpensata għall-esproprjazzjoni li subiet fl-1962, li kienet tirrappreżenta eċċezzjoni fil-kuntest tas-sistema ġenerali tal-awtoprodutturi u li mhux biss kienet tikkonċerna diversi installazzjonijiet iżda wkoll id-dritt, li jirriżulta minn konċessjoni idroelettrika, li tiġi prodotta l-enerġija.

    61      Skont ir-Repubblika Taljana din is-sitwazzjoni tispjega għaliex il-leġiżlatur nazzjonali adotta mekkaniżmu ta’ kumpens speċifiku li kellu jippermetti li Terni tirċievi provvista ta’ enerġija b’kundizzjonijiet ekonomiċi analogi għal dawk li hija kien ikollha li kieku ma kienx hemm in-nazzjonalizzazzjoni, matul perijodu li jieħu inkunsiderazzjoni t-tul tal-konċessjoni.

    62      L-ewwel nett, hija tindika li meta l-leġiżlatur nazzjonali ddeċieda li l-31 ta’ Diċembru 1992 kellha tkun id-data ta’ skadenza tat-tariffa Terni, l-imsemmi leġiżlatur kien iddeċieda li għandu jkun hemm allinjament bejn it-tul ta’ din it-tariffa u t-tul tal-konċessjonijiet idroelettriċi tal-awtoprodutturi l-oħra li ma kinux subew esproprjazzjoni, u b’dan il-mod stabbilixxa relazzjoni diretta bejn dawn iż-żewġ elementi. Hija ssostni li ż-żewġ prorogi tat-tariffa Terni huma ġġustifikati mill-fatt li liġijiet, li ċertament ma kinux prevedibbli meta ġie stabbilit il-kumpens inizjali, estendew it-tul tal-konċessjonijiet tal-awtoprodutturi u dan peress li dan it-tul kien jikkostitwixxi l-parametru tal-kumpens dovut lill-Terni. Dawn iż-żewġ miżuri ta’ proroga mhux talli ma jikkostitwixxuw reviżjoni tar-ratio tal-mekkaniżmu ta’ kumpens oriġinali iżda talli jikkostitwixxu preċiżament l-applikazzjoni ta’ din ir-ratio.

    63      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li din il-kawża tidħol fil-kuntest tan-nazzjonalizzazzjoni tas-settur tal-elettriku fl-Italja, ibbażata fuq l-Artikolu 43 tal-Kostituzzjoni Taljana, u li l-att legali li jimplimentaha huwa kompost mil-Liġi Nru 1643/62, ikkompletata bid-Digriet Nru 1165/63.

    64      Għaldaqstant, huma dawn l-aħħar testi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex wieħed ikun jista’ jifhem l-aspetti kollha tan-nazzjonalizzazzjoni inkwistjoni, inkluż il-kumpens li l-liġi teħtieġ f’sitwazzjoni bħal din ta’ trasferiment ta’ proprjetà deċiż unilateralment minn Stat.

    65      Mill-kliem tal-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 1165/63 jirriżulta mingħajr ebda dubju li t-tariffa Terni ngħatat bħala kumpens għal perijodu tabilħaqq speċifiku, mingħajr il-possibbiltà ta’ estensjoni. Għalhekk, l-imsemmi artikolu jipprovdi li l-provvisti ta’ elettriku lil Terni “għandhom jibqgħu jingħataw sal-31 ta’ Diċembru 1992”. Il-fatt li tissemma data speċifika jeskludi, a priori, kull diffikultà ta’ interpretazzjoni fir-rigward tal-portata ratione temporis tad-dispożizzjoni.

    66      Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana ma tindika ebda dispożizzjoni tal-Liġi Nru 1643/62 jew tad-Digriet Nru 1165/63 li tipprovdi għal reviżjoni tat-tul tal-applikazzjoni tat-tariffa Terni, bil-possibiltà li dan jiġi estiż lil hinn mid-data ta’ skadenza prevista. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-leġiżlatur nazzjonali espliċitament ipprovda, fl-Artikolu 8 tad-Digriet Nru 1165/63, għall-possibbiltà ta’ reviżjoni tal-prezz tal-provvista ta’ elettriku lil Terni.

    67      Filwaqt li tenfasizza li l-leġiżlatur nazzjonali kien ħa inkunsiderazzjoni, meta seħħet in-nazzjonalizzazzjoni, id-data ta’ skadenza tal-konċessjonijiet idroelettriċi tal-awtoprodutturi sabiex jagħżel il-31 ta’ Diċembru 1992 fid-Digriet Nru 1165/63, ir-Repubblika Taljana ssostni li n-nuqqas ta’ dispożizjoni espliċita fir-rigward tal-possibbiltà li t-tul tal-applikazzjoni tat-tariffa Terni jiġi rivedut skont it-tul tal-konċessjonijiet huwa spjegat mill-fatt li t-tiġdid ta’ dawn tal-aħħar kien jikkostitwixxi, għall-istess leġiżlatur u fl-istess żmien, ġrajja “ċertament imprevedibbli”.

    68      Għandu jiġi osservat li, fiħ innifsu, l-iffissar inizjali ta’ perijodu ta’ validità għal konċessjonijiet kien diġà jqajjem il-kwistjoni ta’ x’ser jiġri minnhom wara li jiskadu u li l-possibbiltá li dawn jinżammu, wara proroga prevista b’liġi jew wara proċedura ta’ sejħa għal offerti, kienet prevedibbli u mhux ġrajja “ċertament imprevedibbli”. Mill-proċess jirriżulta li n-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-possibblità li t-tul tal-applikazzjoni tat-tariffa Terni jiġi rivedut jidher li huwa s-sempliċi konsegwenza ta’ għażla, min-naħa tal-leġiżlatur, li Terni tiġi kkumpensata permezz ta’ tariffa preferenzjali għall-provvista ta’ elettriku għal perijodu tabilħaqq determinat, iffissat b’mod definittiv meta seħħet in-nazzjonalizzazzjoni.

    69      Għandu jingħad ukoll li l-leġiżlazzjoni dwar il-prorogi tal-konċessjonijiet idroelettriċi, wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 1643/62 u tad-Digriet Nru 1165/63, tikkontradixxi l-interpretazzjoni proposta mir-Repubblika Taljana, li tgħid li dawn tal-aħħar jorbtu t-tul tat-tariffa Terni, permezz ta’ speċi ta’ riferiment dinamiku u impliċitu, mat-tul tal-konċessjonijiet idroelettriċi tal-awtoprodutturi u li l-proroga ta’ dawn il-konċessjonijiet awtomatikament iġġib magħha l-proroga tal-imsemmija tariffa.

    70      Din l-interpretazzjoni diġà hija mittiefsa mill-fatt li l-prorogi tat-tariffa terni mhux talli ma kinux awtomatiċi iżda talli ħtieġu intervent leġiżlattiv sabiex jiġi emendat il-kumpens inizjalment stabbilit bid-Digriet Nru 1165/63.

    71      L-ewwel proroga tat-tariffa Terni tirriżulta mill-Artikolu 20(4) tal-Liġi Nru 9/91, li estendiet ukoll il-konċessjonijiet idroelettriċi eżistenti sal-2001. Din il-liġi ma tistax tiġi meqjusa bħala limitata biss għall-proroga, fl-istess ħin, tat-tul tat-tariffa Terni u tat-tul tal-konċessjonijiet idroelettriċi tal-awtoprodutturi sal-2001, sa fejn din kellha għan doppju, jiġifieri kemm dak li testendi t-tariffa Terni iżda wkoll dak li din it-tariffa titneħħa sal-2007 (ara l-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata), jiġifieri data posterjuri u għalhekk indipendenti minn dik tal-iskadenza tal-konċessjonijiet idroelettriċi eżistenti. Dawn iż-żewġ elementi ma jistgħux jiġu separati minn xulxin u fir-relatà juru l-awtonomija tal-kwistjoni tat-tul tal-imsemmija tariffa meta mqabbla mas-sitwazzjoni tal-awtoprodutturi.

    72      Is-separazzjoni bejn ix-xorti tal-kumpanniji Terni u dik tal-awtoprodutturi hija kkonfermata mill-fatt li fl-1999 l-awtoritajiet Taljani intervjenew biss sabiex iġeddu, sal-2010, il-konċessjonijiet idroelettriċi eżistenti.

    73      It-tieni proroga tat-tariffa Terni tirriżulta mill-Artikolu 11(11) tal-Liġi Nru 80/05, li jipprovdi:

    “Sabiex il-produzzjoni tal-impriżi kkonċernati tkun tista’ tiżviluppa u tiġi ristrutturata, l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tariffarji favorevoli għal provvista ta’ enerġija elettrika previsti fl-Artikolu 1(1)(c) tad-Digriet Liġi Nru 25, tat-18 ta’ Frar 2003, mibdula, wara emendi, fil‑Liġi […] Nru 83, tas-17 ta’ April 2003, hija estiża għall-2010 kollha taħt il-kundizzjonijiet tariffarji aplikabbli fil-31 ta’ Diċembru 2004”.

    74      L-imsemmija dispożizzjoni lanqas biss ma tagħmel riferiment għall-konċessjonijiet idroelettriċi u ma tinkludi ebda indikazzjoni li tagħti ’l wieħed x’jifhem li l-intenzjoni tal-leġiżlatur kienet li jkun hemm allinjament bejn it-tul tat-tariffa Terni u t-tul tal-konċessjonijiet.

    75      Bil-kontra ta’ dan, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li t-tariffa Terni hija biss waħda mill-kundizzjonijiet tariffarji favorevoli li l-proroga tagħhom hija intiża sabiex “il-produzzjoni tal-impriżi kkonċernati tkun tista’ tiżviluppa u tiġi ristrutturata”. Il-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, li tifforma parti mir-riassunt tal-osservazzjonijiet li l-awtoritajiet Taljani għamlu matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, tispeċifika li l-imsemmija awtoritajiet jinsistu fuq il-fatt li “l-estensjoni kontestata tat-tariffa stabbilita fl-Artikolu 11, paragrafu 11 tal-Liġi 80/2005 hija marbuta ma’ programm ta’ investimenti mifrux li ThyssenKrupp qed iwettaq fiż-żona industrijali Terni-Narni” u li “[t]aħt dan il-pjan ta’ azzjoni, kapaċità ġdida ta’ ġenerazzjoni se tiġi żviluppata f’din iż-żona”. Jiġi osservat li “[i]t-tariffa hija għalhekk […] soluzzjoni temporanja sakemm kapaċità ġenerattiva simili tidħol fis-seħħ, minħabba li l-abolizzjoni tagħha jipperikola l-investimenti li hemm bħalissa.”

    76      Kif espost fil-premessa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar “ir-raġunijiet ta’ politika għat-tieni estensjoni”, l-awtoritajiet Taljani indikaw:

    “[Li, fl-istennija tat-tlestija tal-proġetti mibdija fir-rigward tal-produzzjoni u t-trasport tal-elettriku,] it-tariffa hija meħtieġa biex tistabbilixxi livell ugwali [trattament ugwali] bejn dawn il-kumpaniji intensivi fl-enerġija attivi [konsumaturi kbar tal-enerġija] fl-Italja u l-kompetituri tagħhom fl-[Unjoni Ewropea], li wkoll jibbenefikaw minn prezzijiet imnaqqsa ta’ l-enerġija (tariffi jew bażati fuq kuntratt). Jekk it-tariffa tiġi mneħħija, il-kumpaniji fil-kwistjoni jmexxu l-operazzjonijiet tagħhom barra l-[Unjoni]. Inevitabbilment dan iwassal għal kriżi industrijali u jġib telf ta’ impjiegi fir-reġjun. Għalhekk, skond [ir-Repubblika Taljana], id-dewmien [il-proroga] tat-tariffa għandu jiġi meqjus bħala soluzzjoni tranżizzjonali.”

    77      Għalhekk din ċertament ma hijiex miżura li tikkostitwixxi t-tkomplija legali tal-kumpens li minnu bbenefikat Terni wara n-nazzjonalizzazzjoni tal-fergħa idroelettrika tagħha fl-1962.

    78      It-tieni nett, wara li speċifikat, fir-replika, li t-tul tas-sistema tariffarja kien ġie alineat mat-tul “residwu” tal-konċessjoni ta’ Terni, ir-Repubblika Taljan indikat li “il-kwistjoni ewlenija [ma kinitx] dik li jiġi vverifikat jekk kienx hemm relazzjoni bejn il-mekkaniżmu ta’ kumpens previst għal Terni u l-konċessjonijiet tal-awtoprodutturi l-oħra, iżda pjuttost li jiġi eżaminat jekk il-liġijiet ta’ estensjoni kinux ikunu applikabbli għal Terni li kieku din tal-aħħar ma kinitx, skont ir-regola ġenerali, suġġetta għall-esproprjazzjoni tal-installazzjonijiet u tal-konċessjoni tagħha”

    79      Hija ssostni li ma hemm l-ebda dubju li d-dispożizzjonijiet ta’ proroga (jiġifieri l-Artikolu 24 tal-Liġi Nru 9/91 u l-Artikolu 12(7) tad-Digriet Nru 79/99) kienu jkopru wkoll il-konċessjonijiet ta’ Terni “li kieku din il-kumpannija żammet id-dritt għalihom”, u li huwa evidenti li l-fatt li l-kumpanniji Terni jiġu preklużi milli jibbenefikaw minn dawn il-prorogi kien itemm il-pożizzjoni tagħhom ta’ awtoprodutturi virtwali, pożizzjoni li, kif tammetti l-Kummissjoni stess, kellha raġonevolment tinżamm fir-rigward ta’ dawn il-kumpanniji.

    80      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-argument żviluppat mir-Repubblika Taljana huwa intiż li jipprovdi interpretazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kumpens, stabbilit bl-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 1165/63, ibbażata fuq ipoteżi li tinjora kemm is-sitwazzjoni ta’ esproprjazzjoni li wasslet għal din il-kawża u kif ukoll id-diskussjoni fuq il-portata tal-imsemmi mekkaniżmu.

    81      Huwa possibbli li, li kieku l-fergħa idroelettrika ta’ Terni ma ġietx nazzjonalizzata, il-konċessjoni ta’ din il-kumpannija kienet tiġġedded l-istess bħalma ġġeddu dawk tal-awtoprodutturi l-oħra. Huwa wkoll possibbli li f’tali ipoteżi ma kinitx tqum il-kwistjoni tal-kumpens ta’ Terni permezz tal-provvista ta’ tariffa tal-elettriku preferenzjali.

    82      Madankollu, xorta jibqa l-fatt li dawn huma argumenti purament ipotetiċi intiżi sabiex jevitaw l-ostakolu tal-limitu ratione temporis stabbilit b’mod ċar ħafna fl-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 1165/63 għall-applikazzjoni tat-tariffa Terni u għandhom jiġu miċħuda.

    83      Ir-Repubblika Taljana tenfasizza wkoll li l-Kummissjoni tiddubita li l-għan reali tad-dispożizzjonijiet ta’ proroga tat-tariffa Terni kien dak li l-kumpens inizjali previst bl-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 1165/63 jiżdied, filwaqt li, skont il-ġurisprudenza, sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-effetti reali jew potenzjali.

    84      Madankollu għandu jiġi osservat li fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni indikat b’mod ċar li ma hemm ebda dubju li l-provvista ta’ enerġija elettrika bi prezzijiet iktar baxxi mit-tariffa normali fis-seħħ tagħti vantaġġ ekonomiku ċar lill-benefiċjarji, li jaraw l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom imnaqqsa u l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom imsaħħa.

    85      Ir-riferiment għall-għan reali tal-miżura inkwistjoni jifforma parti mid-diskussjoni fuq il-portata eżatta tal-mekkaniżmu ta’ kumpens previst bl-Artikolu 6 tad-Digriet Nru 1165/63, peress li r-Repubblika Taljana ssostni li din il-miżura tikkostitwixxi t-tkomplija legali tal-kumpens li minnu bbenefikat Terni wara n-nazzjonalizzazzjoni tal-fergħa idroelettrika tagħha fl-1962.

    86      Din il-kontradizzjoni hija kontradetta kemm mill-kliem tal-Artikolu 11(11) tal-Liġi Nru 80/05, li estendiet it-tariffa Terni sal-2010, kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet li l-awtoritajiet Taljani għamlu matul il-proċedura amministrattiva, riassunti fil-premessi 61 u 67 tad-deċiżjoni kkontestata, li minnhom jirriżulta li l-proroga kkontestata tat-tariffa Terni ngħatat, fir-realtà, inkambju ta’ programm vast ta’ investiment mibdi minn ThyssenKrupp fiż-żona industrijali ta’ Terni-Narni.

    87      It-tielet nett, ir-Repubblika Taljana ssostni li ż-żewġ prorogi tal-1991 u tal-2005 jikkostitwixxu wkoll l-applikazzjoni ta’ prinċipju komuni tad-dritt tal-kuntratti tal-Istati Membri, li jgħid li, fir-relazzjonijiet legali kontinwati, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni dak il-bdil fil-bilanċ kuntrattwali li huwa ddeterminat mill-materjalizzazzjoni ta’ riskju normali li l-partijiet assumew meta kkonkludew il-kuntratt, iżda dak il-bdil li jirriżulta minn ġrajja li seħħet sussegwentement u li la kienet prevista u lanqas prevedibbli meta ġie konkluż il-ftehim, jiġifieri l-adozzjoni ta’ liġijiet li jestendu t-tul tal-konċessjonijiet idroelettriċi tal-awtoprodutturi.

    88      Minbarra li tagħmel riferiment għal prinċipju ta’ bona fide u ta’ ekwità, ir-Repubblika Taljana tkompli tgħid li l-prinċipju msemmi fil-punt 87 iktar ’il fuq ġie kkodifikat fil-klawżola msejħa “hardship” prevista kemm mill-prinċipji li jirrigwardaw il-kuntratti ta’ kummerċ internazzjonali kif ukoll mid-dritt Ewropew li jirregola l-kuntratti, elaborati mill-Kummissjoni fuq id-dritt Ewropew tal-kuntratti.

    89      Dan l-argument għandu jiġi miċħud peress li huwa bbażat fuq premessa żbaljata, jiġifieri li sitwazzjoni ta’ nazzjonalizzazzjoni ta’ diversi assi, li ġġib magħha l-ħtieġa li jingħata kumpens, tiġi assimilata għal sempliċi fatt kuntrattwali.

    90      Fil-fatt, għandu jitfakkar li din il-kawża tidħol fil-kuntest tan-nazzjonalizzazzjoni tas-settur tal-elettriku fl-Italja, ibbażata fuq l-Artikolu 43 tal-Kostituzzjoni Taljana, li jgħid li, “[g]ħal raġunijiet ta’ interess pubbliku l-liġi tista’ tirriżerva mill-bidu jew titrasferixxi, permezz ta’ esproprjazzjoni u kontra l-ħlas ta’ kumpens, lill-Istat, lill-organi pubbliċi jew lill-komunitajiet ta’ ħaddiema jew utenti, impriżi speċifiċi jew kategorija ta’ impriżi li jirrigwardaw servizzi pubbliċi essenzjali jew ma sorsi ta’ enerġija jew sitwazzjonijiet ta’ monopolju u li jkunu ta’ interess pubbliku essenzjali”.

    91      L-att legali li jimplementa n-nazjonalizzazzjoni huwa kompost biss mil-Liġi Nru 1643/62, ikkompletata bid-Digriet Nru 1165/63.

    92      Għalhekk jidher li t-trasferiment ta’ proprjeta huwa deċiż unilateralment mill-Istat, għal finijiet ta’ interess pubbliku, u li għandu jsir riferiment għad-dispożizjonijiet tal-imsemmija liġi u tal-imsemmi digriet sabiex wieħed ikun jista’ jifhem l-aspetti kollha tan-nazzjonalizzazzjoni inkwistjoni, inkluż il-kumpens li l-liġi teħtieġ f’din is-sitwazzjoni.

    93      Ir-Repubblika Taljana bl-ebda mod ma turi li r-regoli jew il-prinċipji li jirregolaw ir-relazzjonijiet kuntrattwali huma applikabbli għal sitwazzjoni bħal din. Il-fatt li d-Digriet Nru 1165/63 ipprovda mekkaniżmu ta’ kumpens speċifiku fil-forma tal-provvista ta’ elettriku b’tariffa preferenzjali għal-30 sena ma jistax iservi bħala bażi għall-assimilazzjoni li r-Repubblika Taljana tagħmel bejn din il-kawża u relazzjoni kuntrattwali kontinwata.

    94      F’kull każ, anki li kieku jitqies li tali assimilazzjoni hija aċċettabbli, xorta jibqa’ l-fatt li l-argument li jiġġustifika l-miżura inkwistjoni permezz tal-eżistenza tal-prinċipji li jippermettu li jerġa’ jiġi stabbilit il-bilanċ ta’ relazzjoni kuntrattwali kontinwata, li allegatament ġie mfixkel bi ġrajja li la kienet prevista u lanqas prevedibbli meta l-ftehim ġie konkluż, ma jistax jiġi aċċettat.

    95      Minbarra l-fatt li t-trasferiment tal-assi ta’ Terni lill-ENEL twettaq ftit żmien wara l-adozzjoni tad-Digriet Nru 1165/63 u għalhekk għandu jiġi kkwalifikat bħala servizz “immedjat” u mhux “kontinwat”, il-proroga tal-konċessjonijiet idroelettriċi tal-awtoprodutturi ma tistax tiġi kkwalifikata bħala ġrajja “imprevedibbli”.

    96      Għandu jitfakkar li, fiħ innifsu, l-iffissar inizjali ta’ perijodu ta’ validità għal konċessjonijiet kien diġà jqajjem il-kwistjoni ta’ x’ser jiġri minnhom wara li jiskadu u li l-possibbiltà li dawn jinżammu, wara proroga prevista b’liġi jew wara proċedura ta’ sejħa għal offerti, kienet pjuttost prevedibbli iktar milli imprevedibbli. L-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jestendu l-konċessjonijiet idroelettriċi tal-awtoprodutturi fl-1991, fl-1999 u fl-2005 jikkonfermaw dan a posteriori.

    97      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-motiv li jikkontesta l-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat u li huwa bbażat fuq in-natura kumpensatorja tal-miżura inkwistjoni, għandu jiġi miċħud.

     Fuq il-motiv ibbażżat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

     L-argumenti tal-partijiet

    98      Ir-Repubblika Taljana ssostni li, fuq talba espliċita tal-Kummissjoni, hija pprovditilha studju li jipparaguna l-valur finanzjarju tal-assi esproprjati u l-valur tal-benefiċċji mogħtija, matul is-snin, permezz tat-tariffa Terni, studju li kien wera li ma kienx hemm kumpens żejjed.

    99      Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkunsidrat li dan l-istudju kien irrilevanti minħabba li n-natura xierqa tal-mekkaniżmu ta’ kumpens setgħet tiġi evalwata biss ex-ante, jiġifieri meta seħħet l-esproprjazzjoni. Għalhekk il-Kummissjoni eżaminat il-kontenut tal-istudju biss sussidjarjament u kkonkludiet li l-konklużjonijiet tiegħu kienu żbaljati.

    100    Ir-Repubblika Taljana ssostni li peress li l-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel pass lura fir-rigward tal-utilità ta’ evalwazzjoni ex post tan-natura xierqa tal-mekkaniżmu ta’ kumpens, hija kien imissha terġa tiftaħ id-diskussjoni kontradittorja, billi tissuġġerixxi perspettiva ta’ analiżi differenti jew saħansitra billi taċċetta proposti alternattivi ssuġġeriti mir-Repubblika Taljana, ħaġa li hija ma għamlitx. Li kieku ġiet segwita din il-proċedura r-Repubblika Taljana kienet, bla dubju ta’ xejn, tkun tista’ tesponi l-argumenti magħmula fil-kuntest tal-ewwel motiv.

    101    Hija tkompli tgħid li, li kieku l-Kummissjoni, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, indikat li kienet bidlet l-opinjoni tagħha jew li kieku esprimiet id-dubji tagħha dwar il-metodu ta’ evalwazzjoni propost mill-istudju inkwistjoni, hija kienet tkun tista’ tinvoka l-fatt li, jekk l-imsemmija istituzzjoni tissottovaluta l-vantaġġ tariffarju ta’ Terni, hija tkun qiegħda tissottovaluta wkoll is-sagrifiċċju ekonomiku ta’ din il-kumpannija, billi tillimitaha għall-valur tal-installazzjonijiet, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni bħala suġġett ta’ evalwazzjoni awtonomu d-dritt esproprjat, jiġifieri l-konċessjoni ta’ produzzjoni.

    102    Anki l-evalwazzjoni tal-mertu li l-Kummissjoni għamlet tal-istudju inkwistjoni hija vvizzjata minn dan id-difett proċedurali

    103    Wara li enfasizzat in-natura, minn tal-inqas, kontradittorja tal-aġir tal‑Kummissjoni, ir-Repubblika Taljana sostniet, fir-replika, li l‑Kummissjoni, billi talbet l-istudju inkwistjoni sabiex tevalwa l‑eventwali eżistenza ta’ kumpens żejjed, kienet ħolqot aspettattivi leġittimi fi ħdan l-awtoritajiet Taljani dwar il-fatt li r-riżultati ta’ dawn ix-xogħolijiet kellhom jiġu, b’xi mod, evalwati għall-finijiet tad‑deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni, billi ddikjarat li l-istudju kien irrilevanti jew, f’kull każ, billi esponiet din l-evalwazzjoni biss fid‑deċiżjoni kkontestata u billi eżaminat il-kontenut tal-imsemmi studju biss sussidjarjament, kissret dawn l-aspettattivi leġittimi maħluqa permezz tat-talba għal informazzjoni magħmula fl-ittra tal-20 ta’ Frar 2007.

    104    Il-Kummissjoni ssostni li matul il-proċedura hija qatt ma indikat lir-Repubblika Taljana li hija kellha tevalwa ex post in-natura xierqa tat-tariffa Terni mingħajr ma teżamina jekk il-proroga ta’ din it-tariffa prevista mill-miżura inkwistjoni kinitx iġġustifikata abbażi tal-kumpens għall-esproprjazzjoni li Terni subiet fl-1962, u dan huwa kkonfermat mill-fatt li matul il-proċedura l-awtoritajiet Taljani u l-kumpanniji Terni effettivament sostnew l-argumenti esposti fil-kuntest tal-ewwel motiv sabiex juru li l-imsemmija proroga kellha tiġi kkunsidrata bħala li tifforma parti integrali mill-kriterju previst ex ante mid-Digriet Nru 1165/63 sabiex Terni tiġi kkumpensata.

    105    Hija ssostni li, sa fejn l-awtoritajiet Taljani effettivament ippreżentaw l-argumenti inkwistjoni matul il-proċedura amministrattiva u sa fejn dawn l-argumenti huma għalkollox infondati, kif jirriżulta mill-analiżi tal-ewwel motiv, l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża invokat mir-Repubblika Taljana ma jista’ bl-ebda mod jaffettwa l-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

    106    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-allegazzjoni tar-Repubblika Taljana li tgħid li, li kieku kienet taf bl-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istudju inkwistjoni, “hija wkoll kienet tkun tista’ tesponi d-dubji tagħha”. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni huwa evidenti li, peress li l-istudju ġie eżaminat biss sussidjarjament, l-eventwali dubji tar-Repubblika Taljana dwar il-kredibbiltà tiegħu ma seta’, f’kull każ, ikollhom l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni prinċipali li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani bl-ebda mod ma wrew li l-evalwazzjoni tal-mertu li l-Kummissjoni għamlet tal-istudju inkwistjoni hija vvizzjata minn xi żball ta’ fatt jew ta’ liġi.

    107    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-ilmenti bbażati fuq l-attitudni allegatament kontradittorja tagħha u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, peress li ġew invokati għall ewwel darba fir-replika, bi ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. F’kull każ, il-fatt li l-Kummissjoni eżaminat, biss sussidjarjament, l-istudju tal-awtoritajiet Taljani ma jistax iservi bħala bażi sabiex jiġi sostnut li kien hemm xi kontradizzjoni jew ksur tal-prinċipju msemmi iktar ’il fuq. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li jista’ jkun hemm ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi biss jekk l-amministrazzjoni tat “garanziji preċiżi” lill-persuni interessati. Huwa evidenti li dan ma kienx il-każ f’din il-kawża.

     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

    108    Għandu jitfakkar li, permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika Taljana dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE u li, bil-pubblikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom fuq il-miżura inkwistjoni.

    109    Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Frar 2007, wara li kkonstatat li informazzjoni oħra “kienet neċessarja sabiex tintlaħaq konklużjoni”, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Taljana tipprovdilha, b’mod partikolari, informazzjoni li tippermettilha tipparaguna oġġettivament il-valur tal-assi esproprjati mal-valur tal-vantaġġ li t-tariffa Terni tat b’effett minn meta bdiet tapplika din l-iskema sal-2010, b’attwalizzazzjoni tal-valuri inkwistjoni.

    110    B’risposta għal din it-talba, f’April 2007, ir-Repubblika Taljana bagħtet lill-Kummissjoni studju mwettaq minn konsulent indipendenti fuq talba tal-kumpanniji Terni. Dan l-istudju jgħid li l-valur totali tal-vantaġġ mogħti permezz tat-tariffa Terni kien inqas mill-valur kontabbli (attwalizzat fl-2006) tal-assi esproprjati abbażi tan-nazzjonalizzazzjoni, u għalhekk jikkonkludi li ma kienx hemm kumpens żejjed.

    111    Mill-premessi 82 u 83 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat, prinċipalment, li dan l-istudju ma kienx rilevanti peress li kull analiżi tal-adegwatezza tal-mekkaniżmu ta’ kumpens kellha neċessarjament titwettaq ex-ante, jiġifieri meta seħħet l-esproprjazzjoni. Abbażi ta’ dan l-approċċ, il-Kummissjoni kkonkludiet li, sal-iskadenza tal-miżura tariffarja ta’ kumpens inizjali, u biss sa din id-data, il-benefiċjarji ma kienu gawdew minn ebda vantaġġ. Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata minn kalkoli ta’ profitt u telf, speċjalment dawk imwettqa a posteriori.

    112    Il-Kummissjoni eżaminat fuq il-mertu, sussidjarjament, l-istudju pprovdut mill-awtoritajiet Taljani u kkonkludiet li l-metodu li fuqu kien ibbażat dan l-istudju kien ineżatt u inkorrett peress li kien sistematikament jissottovaluta l-vantaġġ mogħti lill-kumpanniji Terni u x’aktarx jissopravaluta l-valur tal-assi esproprjati (premessi 87 sa 90 tad-deċiżjoni kkontestata).

    113    L-ewwel nett, l-ilment tar-Repubblika Taljana, espost fil-punti 101 sa 103 iktar ’il fuq, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tosserva, fl-evalwazzjoni tagħha tal-istudju pprovdut mill-awtoritajiet Taljani dwar il-valur tal-assi esproprjati, il-prinċipju ta’ kontradittorju, ma jistax jiġi milqugħ.

    114    F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ kontradittorju, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, jifforma parti, b’mod partikolari, mid-drittijiet tad-difiża (ara b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C‑413/06 P, Ġabra p. I-4951, punt 61). Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull kawża miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt u għandu jiġi ggarantit anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263. punt 27, u tal-11 ta’ Novembru 1987, Franza vs Il-Kummissjoni, 259/85, Ġabra p. 4393, punt 12).

    115    Fil-qasam tal-investigazzjoni tal-għajnuna pubblika, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-Istat Membru inkwistjoni jitqiegħed f’pożizzjoni li jesponi b’mod utli l-fehma tiegħu dwar dawk il-kummenti, sottomessi minn terzi interessati skont l-Artikolu 88(2) KE, li fuqhom il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha, u li, sa fejn l-Istat Membru ma jkunx tqiegħed f’pożizzjoni li jikkummenta dwar dawn il-kummenti, il-Kummissjoni ma tistax tikkunsidrahom fid-deċiżjoni tagħha kontra dan l-Istat. Madankollu, sabiex tali ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għal annullament, huwa meħtieġ li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Franza vs Il-Kummissjoni, punt 114 iktar ’il fuq, punti 12 u 13, u tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punti 30 u 31).

    116    F’din il-kawża huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma hija qiegħda tiġi kkritikata talli bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq kummenti ta’ terzi interessati li fir-rigward tagħhom ir-Repubblika Taljana ma setgħetx tesponi l-fehma tagħha. Skont ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 88(2) KE u fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 339), ir-Repubblika Taljana tqiegħdet f’pożizzjoni li tissottometti l-kummenti tagħha fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura u l-kummenti sottomessi f’dan il-kuntest mill-partijiet interessati ġew ikkomunikati lilha, u dan ta lok għar-reazzjoni tagħha esposta f’ittra tat-22 ta’ Diċembru 2006 (premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

    117    Għandu jiġi enfasizzat li fil-kuntest tal-kummenti li ssottomettiet quddiem il-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, ir-Repubblika Taljana indikat li la l-ftehim tariffarju inizjali – li kien jikkostitwixxi kumpens leġittimu lil Terni għall-esproprjazzjoni tal-assi tagħha – u lanqas il-prorogi ulterjuri tiegħu ma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Insostenn ta’ dan l-argument hija kkwotat diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li jgħidu li ċerti forom ta’ kumpens mogħtija lill-impriżi ma jikkostitwixxux għajnuna, b’mod partikolari f’każ ta’ danni u ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata).

    118    Barra minn hekk, il-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi:

    “Rigward l-aċċettazzjoni ta’ l-għajnuna ta’ l-Istat tat-Tariffi Terni, [ir-Repubblika Taljana] tissottolinea li l-Liġi 9/1991, li tistabbilixxi l-ewwel estensjoni tat-tariffa, kienet notifikata kif suppost lill-Kummissjoni u din approvatha. L-estensjonijiet sussegwenti tat-tariffa, li huma konkomitanti ma’ l-estensjonijiet tal-konċessjonijiet idroelettriċi għall-produtturi ta’ l-idroelettriku, isegwu l-istess loġika, u l-Kummissjoni qatt ma għamlet oġġezzjonijiet għalihom. Għalhekk, skond [ir-Repubblika Taljana], it-tariffa Terni għandha tiġi kunsidrata bħala miżura eżistenti li mhix għajnuna.”

    119    Għalhekk ir-Repubblika Taljana esponiet b’mod ċar, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-fehma tagħha fuq in-natura kumpensatorja tal-miżura inkwistjoni, u dan jikkorrispondi mal-kontenut tal-ewwel motiv għal annullament invokat fir-rikors. Issa, il-Kummissjoni ddeċidiet preċiżament u prinċipalment fuq dan il-punt sabiex tikkonkludi li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

    120    Sa fejn il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li tqis li l-proroga tat-tariffa preferenzjali mogħtija fl-2005 permezz tal-miżura inkwistjoni ma kinitx tifforma parti integrali mill-kumpens dovut lill-Terni għall-esproprjazzjoni li subiet fl-1962 u li tikkonkludi li t-tariffa preferenzjali mogħtija lill-kumpanniji Terni mill-1 ta’ Jannar 2005 kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (ara punt 97 iktar ’il fuq), l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża ma jista’ jkollu, f’kull każ, ebda effett fuq il-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

    121    Barra minn hekk, l-ilment tar-Repubblika Taljana jinjora s-suġġett tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u jagħti interpretazzjoni żbaljata tal-ittra tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Frar 2007, li tinkludi t-talba għal informazzjoni.

    122    Il-Kummissjoni effettivament qieset li kien neċessarju li tiġbor informazzjoni dwar il-valur kontabbli tal-assi li ġew ittrasferiti lill-Istat meta seħħet in-nazzjonalizzazzjoni. Madankollu, dan ma huwiex l-uniku suġġett tat-talba għal informazzjoni li tinsab fl-ittra tal-20 ta’ Frar 2007, li għandha tiġi kollokata fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u l-għanijiet tagħha, jiġifieri li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jesponu l-fehma tagħhom u li l-Kummissjoni jkollha għarfien sħiħ tad-data kollha tal-kawża qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-20 ta’ Marzu 1984, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, 84/82, Ġabra p. 1451, punt 13).

    123    Il-portata tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma tistax tkun usa minn kif deskritta iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, ma għandiex tinkludi s-setgħa li tittieħed deċiżjoni definittiva, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, fuq ċerti dokumenti tal-fajl. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li la mid-dispożizzjonijiet relatati mal-għajnuna mill-Istat u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżulta li l-Kummissjoni hija marbuta tisma’ lill-benefiċjarju ta’ riżorsi tal-Istat dwar l-evalwazzjoni legali tagħha tal-miżura inkwistjoni jew li hija marbuta tinforma lill-Istat Membru kkonċernat – u, a fortiori, lill-benefiċjarja tal-għajnuna – dwar il-pożizzjoni tagħha qabel ma tadotta d-deċiżjoni tagħha meta l-partijiet interessati u l-Istat Membru kienu ġew intimati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, T‑198/01, Ġabra p. II‑2717, point 198).

    124    L-allegazzjoni tar-Repubblika Taljana fir-rigward ta’ “pass lura” tal-Kummissjoni tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-kliem tal-ittra tal-20 ta’ Frar 2007. Minn din l-ittra ma jirriżultax li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-prova tal-fatt li l-valur (attwalizzat) ta’ dan il-kumpens kien daqs jew inqas mill-valur tal-assi esproprjati kienet deċiżiva sabiex tiddeċiedi l-kwistjoni tal-klassifikazzjoni tal-proroga tat-tariffa Terni bħala għajnuna mill-Istat.

    125    F’kull każ, il-Kummissjoni qatt ma indikat, la lir-Repubblika Taljana u lanqas lill-kumpanniji Terni, li hija kellha tevalwa ex post in-natura xierqa tat-tariffa Terni mingħajr ma teżamina jekk il-proroga ta’ din it-tariffa prevista mill-miżura inkwistjoni setgħetx tkun iġġustifikata abbażi tal-kumpens għall-esproprjazzjoni li Terni subiet fl-1962.

    126    It-tieni nett, wara li enfasizzat in-natura allegatament kontradittorja tal-aġir tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Taljana sostniet li din tal-aħħar, billi talbet l-istudju inkwistjoni sabiex tevalwa l-eventwali eżistenza ta’ kumpens żejjed, kienet ħolqot aspettattivi leġittimi fi ħdan l-awtoritajiet Taljani dwar il-fatt li “r-riżultati ta’ dawn ix-xogħolijiet kellhom jiġu, b’xi mod, evalwati għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata”. Il-Kummissjoni, billi ddikjarat li l-istudju kien irrilevanti jew, f’kull każ, billi esponiet din l-evalwazzjoni biss fid-deċiżjoni kkontestata u billi eżaminat il-kontenut tal-imsemmi studju biss ad abundantiam, kissret l-aspettattivi leġittimi maħluqa permezz tat-talba għal informazzjoni magħmula fl-ittra tal-20 ta’ Frar 2007.

    127    L-allegazzjoni dwar in-natura kontradittorja tal-aġir tal-Kummissjoni taqa’ taħt id-diskussjoni dwar l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika Taljana, li għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    128    F’dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-Kummissjoni titlob li dan l-ilment jiġi miċħud bħala inammissibbli billi tinvoka ksur tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura.

    129    Huwa paċifiku li kien biss fl-istadju tar-replika li r-Repubblika Taljana invokat għall-ewwel darba ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi bbażat ruħha fuq il-kontenut tal-ittra, tal-20 ta’ Frar 2007, li kienet tinkludi talba għal informazzjoni, punt ta’ fatt li kien diġà ssemma u ġie diskuss mill-partijiet fir-rikors u fir-risposta.

    130    Minn dan isegwi li l-motiv inkwistjoni għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

    131    F’kull każ, l-imsemmi motiv seta biss jiġi miċħud bħala infondat. Min-naħa l-oħra, l-ittra tal-20 ta’ Frar 2007 ma tinkludi l-ebda garanzija preċiża min-naħa tal-amministrazzjoni, kundizzjoni meħtieġa sabiex ikun jista’ jiġi validament invokat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 147, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Álava et vs Il‑Kummissjoni, T‑346/99 sa T‑348/99, Ġabra p. II‑4259, punt 93), dwar il-fatt li r-riżultati ta’ dawn ix-xogħlijiet kellhom jiġu, “b’xi mod, evalwati għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata”. Min-naħa l-oħra, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni, għalkemm sussidjarjament, effettivament ħadet inkunsiderazzjoni u eżaminat l-imsemmija riżultati.

    132    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba investigazzjoni insuffiċjenti u fuq ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju għandu jiġi miċħud, peress li għandu jingħad li fir-realtà l-allegazzjoni ta’ investigazzjoni insuffiċjenti ma tikkostitwixxix ilment awtonomu iżda taqa’ taħt id-diskussjoni dwar il-ksur tal-prinċipju msemmi iktar ’il fuq.

    133    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud.

     Fuq l-ispejjeż

    134    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

    Taqta’ u tiddeċiedi,

    1)      Ir-rikors huwa miċħud.

    2)      Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

    Vilaras

    Prek

    Ciucă

    Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-1 ta’ Lulju 2010.

    Firem


    * Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

    Top