Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CP0296

Opinjoni tal-Avukat Ġenerali - Kokott - 6 ta' Awwissu 2008.
Ignacio Pedro Santesteban Goicoechea.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour d'appel de Montpellier - Franza.
Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali - Deċiżjoni Qafas 2002/584/JHA - Artikoli 31 u 32 - Mandat ta' arrest Ewropew u proċeduri ta' konsenja bejn Stati Membri - Possibbiltà, għall-Istat Membru li jeżegwixxi talba għal estradizzjoni, li japplika konvenzjoni adottata qabel l-1 ta' Jannar 2004, imma applikabbli, f'dan l-Istat, minn data posterjuri.
Kawża C-296/08 PPU.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-06307

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:455

OPINJONI TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentata fis-6 ta’ Awwissu 2008 ( 1 )

Kawża C-296/08 PPU

Proċeduri ta’ estradizzjoni

vs

Ignacio Pedro Santesteban Goicoechea

“Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI — Artikoli 31 u 32 — Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri — Possibbiltà, għall-Istat Membru li jeżegwixxi talba għal estradizzjoni, li japplika konvenzjoni adottata qabel l-1 ta’ Jannar 2004, imma applikabbli, f’dan l-Istat, minn data posterjuri”

I — Introduzzjoni

1.

Wara talba għall-estradizzjoni mressqa mill-awtoritajiet Spanjoli fit-2 ta’ Ġunju 2008 abbażi tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1996 ( 2 ), Ignacio Santesteban Goicoechea ( 3 ) tqiegħed taħt arrest għall-finijiet tal-estradizzjoni, fi Franza ( 4 ).

2.

Skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, I. Santesteban Goicoechea huwa membru tal-organizzazzjoni terroristika Euskadi Ta Askatasuna/Tierra Vasca y Libertad/Pajjiż Bask u Libertà (ETA). Il-fatti li bihom ġie akkużat ġew kommessi fit-territorju Spanjol fi Frar u f’Marzu 1992; dawn huma ż-żamma ta’ armi tal-gwerra, id-detenzjoni illeċita ta’ splużivi, ir-reat tal-użu illeġittimu ta’ vettura bil-mutur ta’ terzi; ir-reat ta’ sostituzzjoni ta’ pjanċi ta’ reġistrazzjoni ta’ vetturi, u r-reat ta’ appartenenza għal organizzazzjoni terroristika ( 5 ).

3.

L-awla istruttorja tal-Cour d’appel de Montpellier (awla istruttorja tal-Qorti tal-Appell ta’ Montpellier, Franza), li ntalbet tiddeċiedi dwar it-talba għall-estradizzjoni, għandha xi dubji dwar l-applikabbiltà tal-konvenzjoni tal-1996. Hija tqis li l-applikazzjoni tagħha mir-Repubblika Franċiża tista’ tmur kontra d-deċiżjoni kwadru [qafas] fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri ( 6 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni qafas”). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awla istruttorja tal-Cour d’appel ta’ Montpellier iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni qafas:

“1)

In-nuqqas li Stat Membru, f’dan il-każ [ir-Renju ta’] Spanja, jinnotifika, skont l-Artikolu 31(2) tad-deċiżjoni qafas […], l-intenzjoni tiegħu li jibqa’ japplika ftehim bilaterali jew multilaterali jimplika, minħabba l-kelma ‘tibdel [tissostitwixxi]’ li tinsab fl-Artikolu 31 ta’ din id-deċiżjoni qafas, li huwa impossibbli għal dan l-Istat Membru li jagħmel użu minn proċeduri differenti minn dawk tal-mandat ta’ arrest Ewropew, ma’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ [ir-Repubblika Franċiża], li għamel dikjarazzjoni skont l-Artikolu 32 tad-deċiżjoni qafas?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għad-domanda preċedenti:

 

Ir-riżervi magħmulin mill-Istat li jeżegwixxi l-mandat jippermettu lil dan l-Istat japplika [konvenzjoni tal-1996], jiġifieri qabel l-1 ta’ Jannar 2004, iżda li daħlet fis-seħħ fl-Istat li jeżegwixxih wara d-data tal-1 ta’ Jannar 2004 msemmija fl-Artikolu 32 tad-deċiżjoni qafas?”

4.

Peress li l-unika raġuni għalfejn Santesteban Goicoechea qed jinżamm mill-awtoritajiet Franċiżi hija t-talba għall-estradizzjoni mressqa mill-awtoritajiet Spanjoli, il-qorti tar-rinviju talbet, u t-tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, li tiġi applikata għall-kawża preżenti l-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari (l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura).

II — Fuq l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari

5.

L-ammissibbiltà ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikoli 234 KE u 35 UE. F’dan ir-rigward trid issir distinzjoni, prinċipalment, bejn żewġ punti: minn naħa, irid jiġi stabbilit jekk il-Qorti tar-rinviju hijiex “qorti nazzjonali” fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari ( 7 ) u, min-naħa l-oħra, irid jiġi stabbilit jekk din il-qorti, fil-każ preżenti, teżerċitax funzjonijiet ġudizzjarji u mhux amministrattivi ( 8 ).

6.

Dwar l-ewwel punt, m’hemmx dubju li l-awla istruttorja ta’ qorti tal-appell Franċiza, li quddiemha titressaq talba għall-estradizzjoni, tista’ titqies li hija “qorti nazzjonali” għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jirregolaw il-proċedura preliminari. Fil-fatt, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti f’dan ir-rigward mill-Gvern Franċiż fis-sottomissjonijiet bil-miktub, l-imsemmija awla hija organu permanenti stabbilita bil-liġi, komposta minn maġistrati, li l-indipendenza u l-permanenza tagħhom hija ggarantita, teżerċita l-funzjonijiet tagħha fil-kuntest tal-proċeduri obbligatorji u kontradittorji u tapplika dispożizzjonijiet legali.

7.

Dwar it-tieni punt, wieħed jista’ ċertament jistaqsi jekk il-proċeduri għall-estradizzjoni, li fil-kuntest tagħhom qed tintervjeni l-awla istruttorja tal-qorti tal-appell, humiex verament ta’ natura ġudizzjarja. Fil-fatt, il-Conseil d’État Franċiż ġieli kkonstata fil-passat li din il-funzjoni hija waħda amministrattiva u mhux ġudizzjarja fis-sens tad-dritt Franċiż ( 9 ). Iżda din l-evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali ma tistax tippreġudika l-kwistjoni dwar jekk il-qorti tar-rinviju teżerċitax funzjoni ġudizzjarja fis-sens tad-dritt Komunitarju.

8.

Il-Gvern Franċiż bir-raġun jisħaq li f’dan il-każ l-awla istruttorja tal-cour d’appel ta’ Montpellier tabilħaqq għandha quddiemha kwistjoni. Din il-kwistjoni hija bejn il-Ministru pubbliku u l-persuna li tagħha qed tintalab l-estradizzjoni. In-natura kontenzjuża tal-proċeduri hija partikolarment evidenti f’din il-kawża, billi l-parti li għandha interess m’esprimitx il-kunsens tagħha għall-estradizzjoni tagħha, iżda, għall-kuntratju, ikkontestat il-legalità tagħha.

9.

Ċertament, l-awla istruttorja tal-qorti tal-appell ma tiddeċidix waħedha dwar l-estradizzjoni, peress li sussegwentement tissejjaħ awtorità amministrattiva biex tadotta d-digriet tal-estradizzjoni. Madankollu, huwa l-kompitu tal-awla istruttorja tal-qorti tal-appell li tevalwa b’mod indipendenti, u fil-kuntest ta’ proċeduri kontradittorji, il-legalità tal-estradizzjoni mitluba. Jekk din il-qorti hija kontra l-estradizzjoni, il-persuna rikjesta ma tkunx tista’ tiġi estradata u tiġi lliberata ex officio.

10.

B’mod iktar ġenerali, ma rridux ninsew li l-varji proċeduri nazzjonali għall-estradizzjoni, anki dawk introdotti sabiex tiġi implementata d-deċiżjoni qafas, spiss jipprovdu, b’mod jew ieħor, għall-involviment ta’ xi awtorità amministrattiva ( 10 ), bħal fil-każ tal-proċeduri applikabbli f’dan il-każ fi Franza. Jekk l-interpretazzjoni tal-kriterji li jirregolaw l-ammissibbiltà tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari tkun restrittiva wisq, jista’, ipotetikament, ikun hemm ir-riskju li f’każijiet bħal dawn jiġi eliminat l-aċċess għall-Qorti tal-Ġustizzja, bil-konsegwenza li jkun hemm interpretazzjonijiet differenti tad-deċiżjoni qafas.

11.

Fl-aħħar nett, fid-dawl tan-natura tad-deċiżjoni qafas, tista’ tiġi ddubitata l-ġurisdizzjoni tal-Qorti biex tirrispondi d-domandi. Skont l-Artikolu 34(2)(b) UE, id-deċiżjoni qafas ma tistax tipproduċi effetti diretti. Dan ifisser li d-deċiżjoni qafas ma tistax tiġi invokata kontra l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jirregolaw l-estradizzjoni. Konsegwentement, tista’ titqajjem il-kwistjoni dwar l-utilità tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ preżenti.

12.

Madankollu, wieħed irid jgħid li fil-każ tad-domandi għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali, hemm marbuta l-preżunzjoni tar-rilevanza li tista’ biss tiġi injorata f’każijiet eċċezzjonali. Dan ikun il-każ jekk pereżempju jirriżulta b’mod manifest illi l-interpretazzjoni mitluba, permezz tad-domandi, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea tkun nieqsa minn kull rabta mar-realtà jew mas-sustanza tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa biex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha. Ħlief għal dawn l-ipoteżijiet, il-Qorti, bħala regola, hija marbuta tagħti deċiżjoni fir-rigward tad-domandi għal deċiżjoni preliminari, dwar l-interpretazzjoni tal-atti msemmija fl-Artikolu 35(1) UE ( 11 ). L-utilità tar-risposta tal-Qorti, b’mod partikolari fir-rigward tal-interpretazzjoni konformi tad-dritt Franċiż, mhijiex inekwivokament eskluża a priori.

13.

Għal dawn ir-raġunijiet, jeħtieġ li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi ddikjarat bħala wieħed ammissibbli.

III — L-analiżi tad-domandi preliminari

A — Osservazzjonijiet preliminari

14.

Id-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar l-applikabbiltà tal-konvenzjoni tal-1996 huma, essenzjalment, imsejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet segwenti:

Minn naħa, id-deċiżjoni qafas tistipula li għandha tissostitwixxi l-konvenzjoni tal-1996 (ara l-Artikolu 31(1)(d), tad-deċiżjoni qafas), u r-Renju ta’ Spanja ma nnotifikax lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej il-fatt li jixtieq ikompli japplikaha (ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 31(2) tad-deċiżjoni qafas).

Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Franċiża ddikjarat, skont l-Artikolu 32 tad-deċiżjoni qafas, li ser tkompli tittratta t-talbiet, li huma relatati ma’ fatti kommessi qabel l-1 ta’ Novembru 1993, mhux skont il-mandat ta’ arrest iżda skont is-sistema ta’ estradizzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2004. Madankollu, il-Konvenzjoni kienet biss applikabbli fi Franza wara l-1 ta’ Lulju 2005.

15.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jirriżulta li għal dak li jirrigwarda fatti bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, kommessi qabel l-1 ta’ Novembru 1993, teżisti “lakuna” fis-sistema għall-estradizzjoni applikabbli bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju ta’ Spanja. Iż-żewġ domandi għal deċiżjoni preliminari għandhom l-għan li jikkjarifikaw jekk din il-lakuna teżistix jew le.

B — Fuq l-ewwel domanda preliminari

16.

Permezz tal-ewwel domanda, il-Qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf essenzjalment, jekk l-Artikolu 31(1) tad-deċiżjoni qafas jipprekludix li talba għall-estradizzjoni tiġi ttrattata skont ir-regoli stabbiliti f’konvenzjoni internazzjonali meta l-Istat Membru li jkun qed jitlob l-estradizzjoni ma jkunx, għall-finijiet tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 31(2) tad-deċiżjoni qafas, innotifika l-intenzjoni tiegħu li japplika l-imsemmija konvenzjoni internazzjonali, filwaqt li l-Istat Membru li jeżegwixxi jkun, min-naħa tiegħu, eskluda l-applikazzjoni tal-proċedura tal-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tad-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 32 tad-deċiżjoni qafas.

17.

Irid mill-ewwel jiġi enfasizzat li t-talbiet għall-estradizzjoni mressqa wara l-1 ta’ Jannar 2004, huma, bħala regola, irregolati mill-proċedura dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew ( 12 ). Din hija r-regola ġenerali stabbilita fit-tieni sentenza tal-Artikolu 32 tad-deċiżjoni qafas. Konsegwentement, talba għall-estradizzjoni bħal dik imressqa mir-Renju ta’ Spanja fit-2 ta’ Ġunju 2008 kellha, bħala regola, tiġi ttrattata skont il-proċedura tal-mandat Ewropew ( 13 ).

18.

Madankollu, din ir-regola ġenerali hija suġġetta għal xi eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 31(2) u (3) u 32 tad-deċiżjoni qafas. B’mod partikolari, l-Istati Membri huma liberi li jeskludu l-applikazzjoni tal-proċedura dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew f’dak li għandu x’jaqsam mal-fatti kommessi qabel data li għandha tiġi speċifikata (it-tielet sas-sitt sentenzi tal-Artikolu 32 tad-deċiżjoni qafas). Huwa b’dan il-mod li r-Repubblika Franċiża ddikjarat li ser tkompli tittratta t-talbiet li jikkonċernaw fatti kommessi qabel l-1 ta’ Novembru 1993 skont is-sistema tal-estradizzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2004. Peress li l-fatti allegati kontra I. Santesteban Goicoechea ġew kommessi qabel l-1992, it-talba preżenti għall-estradizzjoni mressqa mir-Renju ta’ Spanja għandha għalhekk tiġi ttrattata mir-Repubblika Franċiża skont is-sistema applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2004, u mhux skont il-proċedura tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

19.

Madankollu jrid jiġi eżaminat jekk l-applikazzjoni ta’ din is-sistema preċedenti, minbarra d-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 32 tad-deċiżjoni qafas tal-Istat Membru li jeżegwixxi (ir-Repubblika Franċiża), titlobx ukoll in-notifika skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 31(2) tad-deċiżjoni qafas, min-naħa tal-Istat li jkun qed jitlob l-estradizzjoni (ir-Renju ta’ Spanja).

20.

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, ir-Renju ta’ Spanja ma għamel l-ebda notifika dwar ix-xewqa tiegħu li jkompli japplika l-ftehim preeżistenti, bħall-konvenzjoni tal-1996, li abbażi tagħha ressaq din it-talba għall-estradizzjoni, jew il-konvenzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 ( 14 ).

21.

Mal-ewwel daqqa t’għajn, wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni li dan in-nuqqas ta’ notifika min-naħa tar-Renju ta’ Spanja, wassal biex il-konvenzjoni tal-1996 — u wara kollox anki dik tal-1957 — ġiet issostitwita bid-deċiżjoni qafas [ara l-Artikolu 31(1) tagħha], u li għaldaqstant ma tistax tiġi applikata f’dan il-każ. Madankollu, dan l-eżitu ma jidhirx li jkun konformi mal-istruttura ġenerali tad-deċiżjoni qafas u mal-għanijiet tagħha.

22.

L-ewwel nett, is-sistema tan-notifiki stabbilita fl-Artikolu 31(2) tad-deċiżjoni qafas m’għandhiex il-għan li tapplika għal strumenti bħalma huma l-konvenzjoni tal-1996. Fil-fatt, kif enfasizzat il-Kummissjoni, l-istrumenti multilaterali speċifikament imsemmija fl-Artikolu 31(1), inkluża l-konvenzjoni tal-1996, diġà jagħmlu parti mill-acquis tal-Unjoni Ewropea ( 15 ), u l-eżistenza tagħhom hija magħrufa sewwa mill-Istati Membri. Ir-Repubblika Franċiża bir-raġun iżżid li fir-realtà, l-Artikolu 31(2) tad-deċiżjoni qafas jirreferi biss għal proċeduri tal-estradizzjoni iktar ambizzjużi minn dik tal-mandat ta’ arrest Ewropew u li jistgħu jikkompletaw u jtejbu din il-proċedura, bħal pereżempju s-sistema ta’ estradizzjoni eżistenti bejn il-pajjiżi tal-kooperazzjoni Nordika. ( 16 ).

23.

Anki jekk jitqies li l-konvenzjoni tal-1996 tista’ tiġi nnotifikata fis-sens tal-Artikolu 31(2) tad-deċiżjoni qafas, in-nuqqas ta’ din in-notifika fil-każ preżenti ma jistax jitqies li huwa ostakolu għall-applikazzjoni effettiva tal-imsemmija konvenzjoni. Fil-fatt, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet previsti fl-Artikolu 32 tad-deċiżjoni qafas, in-notifiki previsti fir-raba’ u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 31(2) tad-deċiżjoni qafas qatt ma jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew ikkomunikati lill-Istati Membri l-oħra. Huwa raġonevoli li wieħed jikkonkludi minn dan li dawn in-notifiki għandhom jiġu kkwalifikati bħala atti purament dikjaratorji, li ma jikkostitwixxux prerekwiżit meħtieġ għall-applikazzjoni tal-ftehim preeżistenti jew ġodda.

24.

Barra minn hekk, l-Artikolu 31 tad-deċiżjoni qafas għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan ewlieni tiegħu, li huwa dak li jikkontribwixxi biex jinħoloq spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li jimplika titjib u iktar ħeffa fil-proċeduri għall-estradizzjoni ( 17 ). Is-sostituzzjoni ta’ ċerti ftehim preeżistenti, prevista fl-Artikolu 31(1) tad-deċiżjoni qafas, għandha wkoll l-għan li ttejjeb u tħaffef il-proċeduri għall-estradizzjoni u ċertament mhux li ttawalhom u tirrendihom iktar diffiċli. ( 18 ). Jidher inkonċepibbli li l-Artikolu 31(1) tad-deċiżjoni qafas għandu jkollu bħala effett id-deterjorament tas-sistema ta’ estradizzjoni applikabbli bejn żewġ Stati Membri fil-mument tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni qafas.

25.

Għaldaqstant, fir-relazzjonijiet bilaterali bejn żewġ Stati Membri, il-ftehim preeżistenti, bħall-konvenzjoni tal-1996 u l-konvenzjoni tal-1957, jistgħu jitqiesu li huma sostitwiti bid-deċiżjoni qafas biss sa fejn id-deċiżjoni qafas hija effettivament applikata bejn dawn l-Istati Membri. Sakemm wieħed mill-Istati Membri, f’dan il-każ ir-Repubblika Franċiża, ma japplikax id-deċiżjoni qafas għal ċerti talbiet għall-estradizzjoni, dawn l-istess talbiet jistgħu jkomplu jsiru u jiġu ttrattati skont il-ftehim preeżistenti, salv għall-Artikolu 32 tad-deċiżjoni qafas.

26.

Għar-raġunijiet kollha indikati, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fin-negattiv.

C — Fuq it-tieni domanda preliminari

27.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk huwiex permess li Stat Membru, li jkun għamel dikjarazzjoni fis-sens tal-Artikolu 32 tad-deċiżjoni qafas, jittratta t-talbiet għall-estradizzjoni b’mod konformi ma’ konvenzjoni ffirmata qabel l-1 ta’ Jannar 2004, iżda li tkun saret applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat wara din id-data. Kemm mill-kuntest tat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll mis-sottomissjonijiet tal-partijiet jirriżulta li din id-domanda qed tirreferi għall-konvenzjoni tal-1996 li fuqha r-Renju ta’ Spanja bbaża, f’dan il-każ, it-talba tiegħu għall-estradizzjoni tat-2 ta’ Ġunju 2008.

28.

Ċertament li l-konvenzjoni tal-1996, li għaliha jsir riferiment fl-Artikolu 32 tad-deċiżjoni qafas, ġiet iffirmata qabel l-1 ta’ Jannar 2004, iżda kien biss fl-1 ta’ Lulju 2005 li saret applikabbli għar-Repubblika Franċiża ( 19 ), u dan fir-rigward tat-talbiet għal estradizzjoni li sarulha wara din id-data ( 20 ). Għalhekk tqum il-kwistjoni jekk il-konvenzjoni tal-1996 tistax titqies li tagħmel parti mis-“sistema ta’ estradizzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2004”, fir-relazzjonijiet bejn ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża.

29.

Mal-ewwel daqqa t’għajn, jidher li din id-domanda jistħoqqilha risposta negattiva, peress li l-konvenzjoni tal-1996 ma kinitx applikabbli fi Franza fl-1 ta’ Jannar 2004, id-data li għaliha jirreferi l-Artikolu 32 tad-deċiżjoni qafas. F’dan il-każ għalhekk, tkun applikabbli l-konvenzjoni tal-1957 u mhux dik tal-1996.

30.

Madankollu, din ir-risposta ma tiħux biżżejjed inkunsiderazzjoni l-istruttura ġenerali u l-għanijiet tad-deċiżjoni qafas. Kif diġà tfisser iktar kmieni ( 21 ), l-għan ewlieni tad-deċiżjoni qafas huwa li jinħoloq spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, ħaġa li timplika proċeduri għall-estradizzjoni mtejba u iktar imħaffa ( 22 ).

31.

L-artikolu 32 tad-deċiżjoni qafas jipprevedi l-possibbiltà ta’ deroga mill-proċedura tal-mandat ta’ arrest Ewropew u għaldaqstant ma jeskludix li l-Istati Membri jiżviluppaw bejniethom proċeduri għall-estradizzjoni li biż-żmien jitjiebu u jitħaffu. Is-sempliċi fatt li l-Istat Membru, permezz ta’ dikjarazzjoni magħmula skont l-Artikolu 32 tad-deċiżjoni qafas, ineħħi ċerti talbiet għall-estradizzjoni mill-proċedura tal-mandat ta’ arrest Ewropew, ma jobbligax b’daqshekk lil dak l-Istat Membru li “jiffriża” l-liġi interna tiegħu għall-mod kif kienet tiġi applikata għal dawn it-talbiet qabel l-1 ta’ Jannar 2004. Ma jistax jingħad li l-Istat Membru kkonċernat huwa limitat għal għażla bejn l-istatus quo fid-data tal-1 ta’ Jannar 2004, minn naħa, u l-proċedura tal-mandat ta’ arrest Ewropew min-naħa l-oħra. Fid-dawl tal-għan aħħari tad-deċiżjoni qafas, m’hemm xejn li jwaqqaf Stat Membru milli ftit ftit jadatta l-proċedura għall-estradizzjoni li huwa japplika għall-każijiet il-qodma koperti mid-dikjarazzjoni magħmula skont l-Artikolu 32.

32.

Mill-banda l-oħra jibqa’ possibbli għal Stat Membru li ftit ftit itejjeb il-liġi proċedurali tiegħu applikabbli għat-talbiet għall-estradizzjoni, li inizjalment ma xtaqx jissottometti għall-proċedura tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Għal dan il-għan jista’ jdaħħal fis-seħħ xi konvenzjoni internazzjonali, bħalma hija l-konvenzjoni tal-1996 li kien diġà ffirma qabel l-1 ta’ Jannar 2004, iżda li ma kinitx għadha ġiet irratifikata u ma kinitx għadha daħlet fis-seħħ ( 23 ). Titjib proċedurali bħal dan huwa konformi għal kollox mal-istruttura ġenerali u l-għan tad-deċiżjoni qafas ( 24 ).

33.

Għall-inqas, l-Artikolu 32 tad-deċiżjoni qafas għandu jiġi interpretat fis-sens illi ma jipprekludix it-titjib ulterjuri ta’ sistema ta’ estradizzjoni applikabbli fl-Istat Memrbu li jeżegwixxi qabel l-1 ta’ Jannar 2004.

34.

Kienet sewwasew tali sistema ta’ estradizzjoni preeżistenti li tjiebet fl-1 ta’ Lulju 2005 permezz tal-implementazzjoni, min-naħa tar-Repubblika Franċiża, tal-konvenzjoni tal-1996. Fil-fatt, il-konvenzjoni tal-1996 għandha l-għan li tikkompleta d-dispożizzjonijiet u tiffaċilita l-applikazzjoni tal-konvenzjoni tal-1957 [ara l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-konvenzjoni tal-1996 u l-premessa ta’ qabel tal-aħħar tal-preambolu tagħha] ( 25 ). F’dan l-istess sens, il-konvenzjoni tal-1957 kienet diġà tistabbilixxi, fl-Artikolu 28 tagħha, il-possibbiltà għall-partijiet kontraenti li jikkonkludu bejniethom ftehim bilaterali jew multilaterali biex jikkompletaw id-dispożizzjonijiet tagħha jew jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipji li tistabbilixxi.

35.

Il-konklużjoni li l-konvenzjoni tal-1996 tikkompleta u ttejjeb sistema ta’ estradizzjoni preeżistenti, fis-sens tal-Artikolu 32 tad-deċiżjoni qafas hija, barra minn hekk, sostnuta mid-deċiżjoni qafas infisha li telenka l-imsemmija konvenzjoni fost l-istrumenti internazzjonali li jagħmlu parti mill-acquis tal-Unjoni Ewropea ( 26 ).

36.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha hawn fuq esposti, jeħtieġ li tingħata risposta pożittiva għat-tieni domanda.

D — Il-prinċipji ġenerali

37.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, I. Santesteban Goicoechea jesponi li l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1996 għall-każ preżenti tkun kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt u d-drittijiet fundamentali.

38.

Skont l-Artikolu 6 UE, l-Unjoni Ewropea tissejjes fuq il-prinċipju tal-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali, kif iggarantiti mill-KEDB ( 27 ) u li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Konsegwentement, l-Istati Membri huma suġġetti għall-kontroll tal-konformità tal-atti tagħhom mat-Trattati u għall-prinċipji ġenerali tad-dritt, meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni ( 28 ) [ara wkoll l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1)].

39.

Għaldaqstant, wieħed jista’ jargumenta li l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 32 tad-deċiżjoni qafas biex tiġi applikata sistema ta’ estradizzjoni li mhijiex konformi mad-drittijiet fundamentali ( 29 ). Madankollu, mhux indispensabbli li l-Qorti tippronunċja ruħha dwar din il-kwistjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. L-ewwel nett, il-kwistjoni ma tagħmilx parti mid-domanda għal deċiżjoni preliminari. It-tieni nett, ma jidhirx li l-prinċipji ġenerali nkisru, kif ser jintwera iktar ’il quddiem.

40.

Ċertament li l-KEDB infisha ma tagħtix id-dritt li wieħed ma jiġix estradat ( 30 ), u lanqas ma tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet li fihom tista’ tiġi awtorizzata l-estradizzjoni jew dwar il-proċedura li għandha tapplika ( 31 ). Barra minn hekk, il-proċedura għall-estradizzjoni ma tikkonċernax id-drittijiet u l-obbligi ċivili tar-rikorrent jew il-ġustifikazzjoni tal-akkuża kriminali istitwita kontrih fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB ( 32 ).

41.

Madankollu, għad irid jiġi eżaminat jekk il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprekludux li r-Repubblika Franċiża tittratta t-talba għall-estradizzjoni mressqa mir-Renju ta’ Spanja skont il-konvenzjoni tal-1996. I. Santesteban Goicoechea jirreferi b’mod partikolari għall-prinċipju tal-legalità u tan-nonretroattività tad-dispożizzjonijiet kriminali l-iktar severi kif ukoll għall-prinċipju taċ-ċertezza legali.

Il-prinċipju tal-legalità tal-pieni

42.

Dwar il-prinċipju tal-legalità tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege), irid jitfakkar li dan il-prinċipju jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li fuqhom jissejsu t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju, li ġie stabbilit f’diversi trattati internazzjonali u b’mod partikolari fl-Artikolu 7(1) tal-KEDB ( 33 ), u iktar reċentement, fl-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

43.

Jistgħu jitqajmu dubji dwar dan il-prinċipju minħabba l-fatt li, minkejja li l-Artikolu 32 tad-deċiżjoni qafas jirreferi għas-“sistema ta’ estradizzjoni applikabbli qabel l-1 ta’ Jannar 2004”, Stat Membru jixtieq japplika regoli li saru applikabbli wara din id-data.

44.

Il-prinċipju nullum crimen, nulla poena sine lege jimplika li l-liġi għandha tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni applikabbli għalihom ( 34 ). Huwa marbut intimament mal-prinċipju tan-nonretroattività tar-reati u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege praevia) li abbażi tiegħu l-leġiżlatur huwa pprojbit milli jintroduċi reat jew piena, jew milli jżid il-piena b’mod retroattiv.

45.

Madankollu, il-prinċipju nullum crimen, nulla poena sine lege (praevia) japplika biss għad-dritt sostantiv, jiġifieri għall-kwistjoni ta’ jekk l-għemil jistax jiġi ssanzjonat jew le. Iżda dan il-prinċipju mhuwiex intiż li japplika għall-aspetti proċedurali tal-liġi kriminali ( 35 ). Għalhekk, jistgħu jiġu applikati kontra persuna dispożizzjonijiet proċedurali introdotti jew emendati wara d-data li fiha ġew kommessi l-fatti allegati kontriha, mingħajr ma tkun seħħet vjolazzjoni tal-prinċipju nullum crimen, nulla poena sine lege (praevia). Dan huwa l-każ b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-estradizzjoni tal-persuni bejn l-Istati ( 36 ), peress li tali dispożizzjonijiet huma ta’ natura purament preċedurali.

46.

Konsegwentement, I. Santesteban Goicoechea ma jistax jinvoka l-prinċipju nullum crimen, nulla poena sine lege (praevia), biex jevita li tiġi applikata l-konvenzjoni tal-1996 għat-talba preżenti ta’ estradizzjoni mressqa mir-Renju ta’ Spanja.

Il-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-prinċipju non bis in idem

47.

Fil-każ preżenti, dawn iż-żewġ prinċipji huma invokati peress li s-sitwazzjoni ta’ I. Santesteban Goicoechea kienet tiġi “definittivament determinata” li kieku t-talba għall-estradizzjoni preċedenti mressqa mir-Renju ta’ Spanja fil-11 ta’ Ottubru 2000, nċaħdet ( 37 ). Wieħed għalhekk jista’ jistaqsi jekk it-talba preżenti għall-estradizzjoni, imressqa fit-2 ta’ Ġunju 2008, hijiex f’kunflitt maċ-ċertezza legali jew mar-regola tan-non bis in idem.

48.

Madankollu, din il-kwistjoni tidħol fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-talba għall-estradizzjoni bħala tali u mhux tal-eżami preliminari li jikkonċerna r-regoli applikabbli għal din l-evalwazzjoni. L-għan ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminmari huwa sempliċement li tiġi stabbilita s-sistema ta’ estradizzjoni applikabbli għall-każ preżenti. Dan premess, jibqa’ l-kompitu tal-qorti nazzjonali li fl-eżami tagħha tat-talba, tivverifika u tiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali, fosthom iċ-ċertezza legali u r-regola tan-non bis in idem. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti xi indikazzjonijiet f’dan ir-rigward.

49.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-prinċipju taċ-ċertezza legali, li r-regola tar-res judicata tagħmel parti integrali minnu, skont ġurisprudenza stabbilita, dan jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt, applikabbli mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 38 ). Madankollu, ir-regola tar-res judicata tolqot biss il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi fid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni ( 39 ).

50.

F’dan il-każ, id-deċiżjoni preċedenti kienet ċertament ittrattat talba għall-estradizzjoni relattiva għall-istess persuna u għall-istess fatti bħal dik preżenti. Madankollu, il-qorti kompetenti ma ppronunzjatx ruħha dwar din it-talba abbażi tal-konvenzjoni tal-1996, peress li din ma kinitx applikabbli dak iż-żmien. L-awtorità tar-res judicata ta’ opinjoni sfavorevoli mogħtija dak iż-żmien ma tistax għalhekk tostakola li t-talba preżenti għall-estradizzjoni, relattiva għall-istess persuna u għall-istess fatti, tiġi ttrattata fuq bażi ġuridika ġdida, jiġifieri l-konvenzjoni tal-1996 ( 40 ).

51.

Ma ninsewx, f’dan ir-rigward, li ċ-ċaħda tat-talba għall-estradizzjoni tal-11 ta’ Ottubru 2000, kienet saret abbażi tal-preskrizzjoni, taħt il-liġi Franċiża, tal-fatti li bihom ġie akkużat I. Santesteban Goicoechea. Preċiżament fuq dan il-punt tbiddlet il-liġi, peress li l-konvenzjoni tal-1996 ma tippermettix iktar li Stat Membru li jeżegwixxi jinvoka l-preskrizzjoni tal-fatti, abbażi tal-liġi interna tiegħu ( 41 ).

52.

Rigward il-prinċipju tan-non bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 anness mal-KEDB u fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, dan jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, li l-osservanza tiegħu hija żgurata mill-qorti ( 42 ).

53.

L-applikazzjoni tal-prinċipju non bis in idem hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet, jiġifieri l-identiċità tal-fatti, l-identiċità tal-imputat u l-identiċità tal-interess legali protett. Dan il-prinċipju għalhekk ma jippermettix li tiġi ssanzjonata [u tittella’ l-qorti ( 43 )] l-istess persuna iktar minn darba għall-istess għemil illeċitu, biex jitħares l-istess interess legali. ( 44 ).

54.

Għandu jiġi kkonstatat li skont l-informazzjoni li għandha f’idejha l-Qorti tal-Ġustizzja, I. Santesteban Goicoechea ma ttellgħax il-qorti diversi drabi għall-istess fatti u mhijiex l-intenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti li jimponu piena għall-istess fatti għal iktar minn darba ( 45 ). L-awtoritajiet Spanjoli sempliċiment ippruvaw kemm-il darba jiksbu l-estradizzjoni tiegħu mingħand ir-Repubblika Franċiża, u dan dejjem fil-kuntest tal-istess proċedimenti kriminali.

55.

Irid jingħad li l-estradizzjoni fiha nfisha mhijiex sanzjoni, u s-sempliċi fatt li persuna tiġi estradata, bl-ebda mod ma jippreġudika l-kwistjoni jekk, skont il-liġi, l-Istat li qed jitlob l-estradizzjoni ma jistax jimponi sanzjoni fuq din il-persuna u jeżegwiha kontriha.

56.

Konsegwentement, il-prinċipju non bis in idem ma japplikax għall-proċeduri tal-estradizzjoni nfushom. Għaldaqstant, dan il-prinċipju ma jistax iservi ta’ ostakolu għal talba ġdida ta’ estradizzjoni mressqa mir-Renju ta’ Spanja u ttrattata mir-Repubblika Franċiża, fir-rigward ta’ I. Santesteban Goicoechea.

IV — Konklużjoni

57.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposti għad-domandi preliminari magħmula mill-Cour d’appel ta’ Montpellier għandhom ikunu s-segwenti:

“1)

Meta l-Istat Membru li jeżegwixxi jkun eskluda l-applikazzjoni tal-proċedura tal-mandat ta’ arrest Ewropew permezz ta’ dikjarazzjoni magħmula skont l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, l-Artikolu 31 ta’ din id-deċiżjoni qafas ma jipprekludix li talba għall-estradizzjoni tiġi ttrattata skont ir-regoli stabbiliti f’konvenzjoni internazzjonali, u dan anki jekk l-Istat Membru li jkun qed jitlob l-estradizzjoni ma jkunx innotifika l-intenzjoni tiegħu li japplika l-imsemmija konvenzjoni internazzjonali skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 31(2) tad-deċiżjoni qafas.

2)

Stat Membru li jkun għamel dikjarazzjoni skont l-Artikolu 32 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI biex jeskludi, għal ċerti talbiet ta’ estradizzjoni, l-applikazzjoni tal-proċedura tal-mandat ta’ arrest Ewropew, jista’, fit-trattazzjoni tiegħu ta’ dawn it-talbiet bħala Stat Membru li jeżegwixxi, japplika konvenzjoni internazzjonali ffirmata qabel l-1 ta’ Jannar 2004, biex jikkompleta sistema ta’ estradizzjoni preeżistenti, anki jekk l-imsemmija konvenzjoni tkun saret applikabbli fl-imsemmi Stat Membru wara l-1 ta’ Jannar 2004.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Konvenzjoni magħrufa bħala l-“Konvenzjoni ta’ Dublin”, stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 313, p. 12, iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni tal-1996”).

( 3 ) Jew, skont in-nota ppreżentata minnu stess, Inaki Santesteban Goikoetxea.

( 4 ) Qabel din it-talba għall-estradizzjoni, l-awtoritajiet Spanjoli kienu diġà ppruvaw jieħdu lil I. Santesteban Goicoechea darbtejn taħt idejhom, iżda mingħajr suċċess: kienet saret talba għall-estradizzjoni fil-11 ta’ Ottubru 2000 lill-awtoritajiet Franċiżi, iżda l-cour d’appel de Versailles tat opinjoni kontra din l-estradizzjoni (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2001), minħabba raġunijiet ta’ preskrizzjoni taħt il-liġi Franċiża, tal-fatti li bihom kienet akkużata l-persuna kkonċernata u mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-31 ta’ Marzu 2004 lanqas ma ta lok għall-estradizzjoni ta’ I. Santesteban Goicoechea lejn Spanja.

( 5 ) Għandu jiġi ppreċiżat f’dan l-istadju li I. Santesteban Goicoechea għadu kemm skonta piena ta’ priġunerija fi Franza, li kien weħel għal reati differenti minn dawk li għalihom qed tintalab l-estradizzjoni tiegħu mill-awtoritajiet Spanjoli; dan jirriżulta mir-risposti bil-miktub li ntalab jagħti l-Gvern Franċiż għal domandi li għamlitlu l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari.

( 6 ) Deċiżjoni kwadru [qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 (ĠU L 190, p. 1, rettifika ĠU 2006, L 279, p. 30).

( 7 ) Ara, ex multis, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C-54/96, Ġabra p. I-4961, punt 23) u d-digriet tal-14 ta’ Mejju 2008, Pilato (C-109/07, Ġabra p. I-3503, punt 22).

( 8 ) Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 2005, Längst (C-165/03, Ġabra p. I-5637, punt 25), u tas-27 ta’ April 2006, Standesamt Stadt Niebüll (C-96/04, Ġabra p. I-3561, punt 13) kif ukoll id-digriet tat-18 ta’ Ġunju 1980, Borker (138/80, Ġabra p. 1975, punt 4).

( 9 ) Sentenza tal-Conseil d’État Franċiż tas-7 ta’ Lulju 1978, Croissant.

( 10 ) Fir-rigward tal-liġi Ġermaniża, ara pereżempju d-deskrizzjoni li tinsab fis-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozlowski (C-66/08, Ġabra p. I-6041, punti 14 u 15). F’dan l-aħħar każ, il-Qorti ma qajjmitx dubji dwar in-natura ġudizzjarja tal-proċeduri quddiem il-qorti Ġermaniża tar-rinviju.

( 11 ) Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C-105/03, Ġabra p. I-5285, punt 30).

( 12 ) Id-deċiżjoni qafas għalhekk għandha l-għan li tapplika għal talbiet għall-estradizzjoni li jikkonċernaw fatti li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħha.

( 13 ) Irid jitfakkar li kien inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew fl-2004 kontra I. Santesteban Goicoechea.

( 14 ) Il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi, konkluża fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa (iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni tal-1957”).

( 15 ) Ara l-premessa 4 tad-deċiżjoni qafas.

( 16 ) Skont l-indikazzjonijiet tal-Gvern Franċiż, huwa għalhekk li r-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Iżvezja biss eżegwew in-notifiki skont l-Atikolu 31(2) tad-deċiżjoni qafas.

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessi 1 u 5 tad-Deċizjoni Qafas.

( 18 ) Mill-istess perspettiva, l-applikazzjoni kontinwa ta’ ftehim preeżistenti, bħall-konklużjoni ta’ ftehim ġodda bejn l-Istati Membri, hija preżunta li tissimplifika jew tiffaċilita iktar il-proċeduri għall-konsenja tal-persuni li kontrihom ikun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew (ara l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 31(2) tad-deċiżjoni qafas).

( 19 ) Il-konvenzjoni tal-1996 għadha ma ġietx irratifikata mill-Istati Membri kollha u għaldaqstant għadha ma daħlitx formalment fis-seħħ [ara l-Artikolu 18(2) tagħha]. Madankollu, fl-1 ta’ Lulju 2005, il-konvenzjoni tal-1996 daħlet fis-seħħ bejn Franza u Spanja, peress li dawn iż-żewġ Stati Membri rratifikawha u għamlu dikjarazzjonijiet taħt l-Artikolu 18(4) tal-imsemmija konvenzjoni.

( 20 ) L-Artikolu 18(5) tal-konvenzjoni tal-1996.

( 21 ) Ara l-parti li tikkonċerna l-ewwel domanda għal deċiżjoni preliminari, b’mod partikolari l-punt 24 ta’ din l-opinjoni.

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessi 1 u 5 tad-deċiżjoni qafas.

( 23 ) Ara l-Artikolu 18 tal-konvenzjoni tal-1996.

( 24 ) Anki għal dak li għandu x’jaqsam mat-talbiet għall-estradizzjoni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, l-Artikolu 31(2) tad-deċiżjoni qafas jippermetti lill-Istati Membri li jmorru lil hinn u japplikaw arranġamenti bilaterali jew multilaterali — preeżistenti jew ġodda — li jikkontribwixxu biex jissemplifikaw jew jiffaċilitaw iktar il-proċeduri għall-konsenja tal-persuni li kontrihom ikun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew a fortiori, dan it-titjib fil-proċedura għandu jkun possibbli fil-każ ta’ dawk it-talbiet għall-estradizzjoni esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċedura tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

( 25 ) Mit-titjib li ġabet magħha l-konvenzjoni tal-1996, fuq is-sistema tal-1957, jeħtieġ li jiġi enfasizzat b’mod partikolari s-segwenti: l-ewwel nett, l-estradizzjoni ma tistax tiġi rrifjutata abbażi tal-preskrizzjoni tal-azzjoni jew tal-piena skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru li saritlu t-talba [l-Artikolu 8(1) tal-konvenzjoni tal-1996] u, t-tieni nett, l-ebda reat ma jista’ jiġi kkunsidrat mill-Istat Membru li tkun qed issirlu t-talba bħala reat politiku (l-Artikolu 5 tal-konvenzjoni tal-1996, “Lejn reati mhux politiċizzati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]). Konsegwentement, l-estradizzjoni ma tistax tiġi rrifjutata iktar għar-raġuni li r-reat huwa wieħed “politiku”.

( 26 ) Premessa 4 tad-deċiżjoni qafas.

( 27 ) Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem: il-“KEDB”).

( 28 ) Sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C-303/05, Ġabra p. I-3633, punt 45).

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-540/03, Ġabra p. I-5769, punti 70 u 71).

( 30 ) Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-7 ta’ Lulju 1989, Soering vs Ir-Renju Unit (Sensiela A Nru 161, p. 33, § 85).

( 31 ) Deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-31 ta’ Awwissu 1999, Di Giovine vs Il-Portugall, Rikors Nru 39912/98.

( 32 ) Ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Mamatkoulov u Askarov vs It-Turkija, tal-4 ta’ Frar 2005 (Rikors Nru 46827/99 u 46951/99), Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2005-I, § 82, Raf vs Spanja tal-21 ta’ Novembru 2000 (Rikors Nru 53652/00), Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2000-XI, Sardinas Albo vs L-Italja, tat-8 ta’ Jannar 2004 (Rikors Nru 56271/00), Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2004-I, u d-deċiżjoni Zaratin vs L-Italja, tat-23 ta’ Novembru 2006 (Rikors Nru 33104/06).

( 33 ) Ara s-sentenza Advocaten voor de Wereld iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2008, Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill (C-266/06 P, punt 38).

( 34 ) Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Advocaten voor de Wereld (nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 50) u Evonik Degussa vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill (nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 39).

( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 46, moqri flimkien mal-punti 44 u 45). Ara wkoll id-digriet tal-Bundesverfassungsgericht (il-Ġermanja), tas-26 ta’ Frar 1969, kawża 2 BvL 15, 23/68 (ippubblikata fin-Neue Juristische Wochenschrift 1969, p. 1059, 1061, kif ukoll fil-Ġabra tad-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża, BVerfGE vol. 25, p. 269, 286 et seq).

( 36 ) Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-6 ta’ Lulju 1976, X vs L-Olanda (rikors 7512/76, D. R. 6, p. 185), tas-6 ta’ Marzu 1991, Polley vs Il-Belġju (rikors 12192/86) u tat-18 ta’ Jannar 1996, Bakhtiar vs L-Iżvizzera (rikors 27292/95).

( 37 ) Irid jitfakkar li din it-talba għall-estradizzjoni rriżultat f’opinjoni mogħtija mill-Cour d’appel de Versailles (sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2001), li kienet kontra din l-estradizzjoni, minħabba raġunijiet ta’ preskrizzjoni, taħt il-liġi Franċiża, tal-fatti li bihom kienet akkużata l-persuna kkonċernata.

( 38 ) Sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter (C-2/06, Ġabra, p. I-411, punt 37).

( 39 ) Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-462/05, Ġabra, p. I-4183, punt 23).

( 40 ) Ara wkoll is-sentenzi tal-cour de cassation (Franza), awla kriminali, tal-15 ta’ Frar 2006, Nru 05-86.095 (Kawża Zurutuza Sarasola); tat-12 ta’ Mejju 1987, Bull. Crim. 1987, Nru 194 (Kawża Dario Fantig), u tad-9 ta’ Lulju 1987, Bull. Crim. 1987, Nru 229 (Kawża Imaz-Martiarena).

( 41 ) L-Artikolu 8(1) tal-konvenzjoni tal-1996.

( 42 ) Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C-308/04 P, Ġabra, p. I-5977, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

( 44 ) Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra, p. I-123, punt 338).

( 45 ) Kuntrarjament għas-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et (C-467/04, Ġabra p. I-9199).

Top