EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CP0195

Opinjoni tal-Avukat Ġenerali - Sharpston - 1 ta' Lulju 2008.
Inga Rinau.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Lietuvos Aukščiausiasis Teismas - il-Litwanja.
Kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili - Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta' sentenzi - Eżekuzzjoni fi kwistjonijiet matrimonjali u fi kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri - Regolament (KE) Nru 2201/2003 - Talba għal nuqqas ta' rikonoxximent ta' sentenza ta' ritorn ta' minuri miżmum illegalment fi Stat Membru ieħor - Proċedura ta' deċiżjoni preliminari b'urġenza.
Kawża C-195/08 PPU.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:377

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-1 ta’ Lulju 2008 1(1)

Kawża C-195/08 (PPU)

Rinau

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis teismas (il‑Litwanja)]

“Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Regolament ‘Brussell II bis’ – Talba sabiex ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni li tinvolvi r-ritorn ta’ minuri – Kundizzjonijiet għall-eżami tat-talba”





1.        Tifla li twieldet il-Ġermanja fl-2005, minn missier Ġermaniż u omm Litwana, li dak iż-żmien kienu miżżewġin, iżda li attwalment huma divorzjati, bħalissa tinsab il-Litwanja ma’ ommha, kontra r-rieda ta’ missierha. Fil-kuntest tal-proċeduri għad-divorzju, il-qrati Ġermaniżi attribwixxew il-kustodja tal-minuri lill-missier u ordnaw li l-minuri tmur lura miegħu. Il-Lietuvos Aukščiausiasis teismas (Qorti suprema tal-Litwanja) qed tagħmel sitt domandi dwar il-kundizzjonijiet għall-eżami tat-talba, imressqa mill-omm bl-għan li tikseb deċiżjoni sabiex ma jiġux irrikonoxxuti dawn l-aspetti tas-sentenza tad-divorzju.

2.        Sitwazzjoni bħal din hija rregolata fuq livell Komunitarju mir-Regolament “Brussell II bis” (2), moqri flimkien mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 (3). Id-dispożizzjonijiet rilevanti mhux ser jiġu kkwotati in extenso hawnhekk, iżda ser nirreferi għalihom fl-analiżi tiegħi.

3.        L-elementi prinċipali tal-qafas fattwali u proċedurali tal-kwistjoni jistgħu jinġabru ta’ tabella. Fit-tabella hawn taħt indikata:

–        l-indikazzjonijiet b’tipa ħoxna jikkonċernaw, minn naħa, il-proċeduri tad-divorzju fil-Ġermanja, riżultanti fis-sentenza li ddikjarat id-divorzju, li kkonċediet il-kustodja definittiva tal-minuri lill-missier u li ordnat li għandha tmur lura miegħu u, min-naħa l-oħra, il-proċeduri mibdija mill-omm fil-Litwanja, bl-għan li tikseb in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ dawn l-aħħar żewġ aspetti tas-sentenza tad-divorzju, li wasslu għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari;

–        l-indikazzjonijiet b’tipa korsiva jikkonċernaw il-proċeduri separati ppreżentati mill-missier fil-Litwanja, għal deċiżjoni mill-qrati ta’ dan l-Istat li tordna r-ritorn tal-minuri fil-Ġermanja; wara varji kontestazzjonijiet u sospensjonijiet tad-digriet mogħti, dawn il-proċeduri fil-Litwanja qed ikomplu b’mod parallel mal-proċeduri li taw lok għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

Data

Il-Ġermanja

Il-Litwanja

11/1/2005

It-twelid tat-tifla

 

3/2005

Il-ġenituri jisseparaw; il-kustodja tibqa’ konġunta; it-tifla tgħix ma’ ommha, iżda żżomm kuntatti kontinwi mal-missier.

Jinbdew il-proċeduri għad-divorzju.

 

21/7/2006

Bi ftehim mal-missier, l-omm titlaq il-Litwanja għal ġimagħtejn ta’ vaganzi mat-tifla.

 

6/8/2006

 

L-omm tibqa’ l-Litwanja mat-tifla.

14/8/2006

L-Amtsgericht Oranienburg (tribunal ta’ Oranienburg) (il-Ġermanja) jannulla l-kustodja konġunta u jattribwixxi l-kustodja provviżorja lill-missier.

 

?/2006

L-omm tippreżenta      appell mid-deċiżjoni tal-Amtsgericht Oranienburg.

 

11/10/2006

Il-Branderburgisches Oberlandesgericht (qorti tal-appell reġjonali ta’ Brandebourg) (il-Ġermanja) tiċħad l-appell tal-omm u tikkonferma l-kustodja provviżorja tal-missier.


30/10/2006

 

Il-missier jitlob lill-Klaipėdos apygardos teismas (tribunal reġjonali ta’ Klaipėda) (il-Litwanja) (4)      jordna r-ritorn tat-tifla fil-Ġermanja.

22/12/2006

 

Il-Klaipėdos apygardos teismas jiċħad it-talba tal-missier.

15/3/2007

 

Il-Lietuvos apeliacinis teismas (qorti tal-appell fil-Litwanja) tannulla d-digriet tal-Klaipėdos apygardos teismas u tordna li t-tifla tintbagħat lura qabel il- 15/4/2007.

4/6/2007

 

L-omm titlob li jerġgħu jinfetħu l-proċeduri li rriżultaw fl-għoti tad-digriet tal-15/3/2007, bl-invokazzjoni ta’ ċirkustanzi ġodda u tal-interess tat-tifla, abbażi tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni.

13/6/2007

 

Il-prokuratur ġenerali tar-Repubblika tal-Litwanja jitlob il-ftuħ mill-ġdid ta’ dawn l-istess proċeduri abbażi tal-applikazzjoni żbaljata tal-Konvenzjoni mil-Lietuvos apeliacinis teismas.

19/6/2007

 

Il-Klaipėdos apygardos teismas jiċħad dawn iż-żewġ talbiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri u jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni      tal-Amtsgericht Orianenburg.

20/6/2007

L-Amtsgericht Oranienburg jawtorizza d-divorzju, jattribwixxi l-kustodja lill-missier, jordna r-ritorn tat-tifla u joħroġ ċertifikat taħt l-Artikolu 42 tar-Regolament.

 

6/8/2007

L-omm tippreżenta appell mill-attribuzzjoni tal-kustodja u d-digriet għar-ritorn.

 

27/8/2007

 

Fuq      appell      tal-omm u tal-prokuratur ġenerali, il-Lietuvos apeliacinis teismas tikkonferma ċ-ċaħda tat-talbiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri.

?/2007

 

L-omm tagħmel talba għal deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent tad-deċiżjoni tal-Amtsgericht Oranienburg tal-20/6/2007, inkwantu din tattribwixxi l-kustodja lill-missier u tordna r-ritorn tat-tifla.

14/9/2007

 

Il-Lietuvos apeliacinis teismas tiċħad it-talba għal deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent.      

11/10/2007

 

L-omm tappella      fuq punt ta’ liġi kontra d-deċiżjoni tal-Lietuvos apeliacinis teismas tal-14/9/2007.

7/1/2008

 

Fuq appell tal-omm u tal-prokuratur ġenerali, il-Lietuvos Aukščiausiasis teismas taqleb id-deċiżjonijiet tad-19/6 u tas- 27/8/2007,      abbażi tan-nuqqas ta’ osservanza tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u tordna li t-talbiet għall-ftuħ mill-ġdid jiġu rrinvijati lill-Klaipėdos apygardos teismas.

20/2/2008

Il-Branderburgisches Oberlandesgericht tiċħad l-appell tal-omm kontra d-deċiżjoni tal-20/6/2007.

 

15/3/2008

 

Il-Lietuvos Aukščiausiasis teismas tissospendi l-eżekuzzjoni tad-digriet tal- Lietuvos apeliacinis teismas tal-15/3/2007.

21/3/2008

 

Il-Klaipėdos apygardos teismas jerġa’ jiċħad it-talbiet għall-ftuħ mill-ġdid, imressqa mill-omm u mill-prokuratur ġenerali.

30/4/2008

 

Il-Lietuvos apeliacinis teismas tikkonferma ċ-ċaħda tat-talbiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri.

Il-Lietuvos Aukščiausiasis teismas tiddeċiedi li tippreżenta sitt domandi preliminari fil-kuntest tal-appell fuq punt ta’ liġi kontra d-deċiżjoni tal-14/9/2007.

14/5/2008

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja tirċievi d-domandi preliminari.

21/5/2008

 

Il-Lietuvos Aukščiausiasis teismas titlob li t-talba għal deċiżjoni preliminari tinstema’ b’urġenza.

26/5/2008

 

Il-Lietuvos Aukščiausiasis teismas tiddeċiedi li      l-appell fuq punt ta’ liġi ppreżentat mill-omm mid-deċiżjonijiet tal-21/3 u tat-30/4/2008 huwa ammissibbli, u tissospendi l-eżekuzzjoni tad-digriet tal-Lietuvos apeliacinis teismas tal-15/3/2007.


4.        Fil-proċeduri li taw lok għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Lietuvos Aukščiausiasis teismas tal-Litwanja trid tiddeċiedi jekk għandhiex tiċħad id-deċiżjoni tal-Lietuvos apeliacinis teismas tal-14 ta’ Settembru 2007, li ċaħdet it-talba tal-omm għal deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sentenza tad-divorzju, inkwantu din tattribwixxi l-kustodja tal-minuri lill-missier u tordna r-ritorn tagħha fil-Ġermanja.

5.        Dwar dak li għandu x’jaqsam mar-ritorn tal-minuri, il-Lietuvos apeliacinis teismas kienet iddikjarat li skont l-Artikolu 11(8) tar-Regolament, minkejja d-deċiżjoni (5) għan-nuqqas ta’ ritorn, mogħtija abbażi tal-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni tal-Aja, kwalunkwe deċiżjoni ulterjuri li tordna r-ritorn tal-minuri, mogħtija minn qorti li għandha ġurisdizzjoni, tista’ tiġi eżegwita taħt il-Kapitolu III, Taqsima 4. Skont l-Artikolu 42(1), li jaqa’ taħt din it-taqsima, tali deċiżjoni ulterjuri hija rrikonoxxuta u tista’ tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor, mingħajr il-ħtieġa ta’ xi dikjarazzjoni li tattribbwixxilha l-forza eżekuttiva u mingħajr il-possibbiltà li ssir oppożizzjoni għar-rikonoxximent tagħha, jekk tkun eżekuttiva u tkun ġiet iċċertifikata fl-Istat Membru tal-oriġini. L-Amtsgericht Oranienburg ħareġ iċ-ċertifikat inkwistjoni li jindika li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għall-ħruġ tiegħu kienu sodisfatti. Peress li din id-deċiżjoni kien imissha ġiet eżegwita direttament, mingħajr il-proċedura speċjali tal-exequatur, it-talba għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tagħha kienet inammissibbli.

6.        Il-Lietuvos apeliacinis teismas fakkret ukoll li fil-15 ta’ Marzu 2007, kienet ordnat ir-ritorn tal-minuri abbażi tar-Regolament u tal-Konvenzjoni. Id-deċiżjoni tal-Amtsgericht Oranienburg tal-20 ta’ Ġunju 2007, kellha għalhekk tiġi eżegwita direttament skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III, Taqsima 4 tar-Regolament, mingħajr il-proċedura speċjali tal-exequatur. Il-Lietuvos apeliacinis teismas irrespinġiet l-argument li mill-Artikolu 11(8) tar-Regolament jirriżulta li r-ritorn tal-minuri, fin-nuqqas tal-proċedura għar-rikonoxximent tad-deċiżjoni tal-qorti, m’għandux ikun applikat ħlief fil-każ fejn id-deċiżjoni tal-qorti biex ma jsirx ir-ritorn tkun ittieħdet skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni. Skont il-Lietuvos apeliacinis teismas, il-kelmiet “minkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn” juru li anki fil-każ ta’ tali deċiżjoni, ir-ritorn huwa possibbli taħt ir-Regolament, mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura għar-rikonoxximent tad-deċiżjoni tal-qorti. Meta d-deċiżjoni favur ir-ritorn tkun diġà ttieħdet taħt il-Konvenzjoni, għandha tiġi eżegwita flimkien mad-deċiżjoni analoga, adottata taħt ir-Regolament, mingħajr il-proċedura preliminari tar-rikonoxximent (l-Artikolu 42(1) tar-Regolament).

7.        Dwar il-kustodja tal-minuri, il-Lietuvos apeliacinis teismas iddeċidiet li fin-nuqqas ta’ talba għar-rikonoxximent ta’ din il-parti tas-sentenza, it-talba għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ma setgħetx tiġi eżaminata.

8.        Meta kien qed jiġi eżaminat l-appell, qamu ċerti kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis teismas.

9.        L-ewwel nett l-Artikolu 21(3) tar-Regolament jistabbilixxi li kull parti li għandha interess tista’ tressaq talba għal deċiżjoni ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ rikonoxximent. Skont l-Artikolu 31(1), il-persuna li kontriha tintalab l-eżekuzzjoni ma tistax tippreżenta s-sottomissjonijiet tagħha f’dan l-istadju. F’dan il-każ, hija l-persuna li kontriha ġiet eżegwita d-deċiżjoni li ppreżentat it-talba għan-nuqqas ta’ rikonoxximent, filwaqt li l-parti l-oħra ma ppreżentat l-ebda talba għar-rikonoxximent. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tista’ l-persuna li kontriha għandha tiġi eżegwita d-deċiżjoni, titlob in-nuqqas ta’ rikonoxximent tagħha, u jekk iva, kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 31(1)?

10.      It-tieni nett, skont l-Artikolu 40(2) tar-Regolament, id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 ma jipprekludux li persuna li għandha r-responsabbiltà tal-ġenituri tinvoka r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni. Fil-każ ineżami, l-omm ressqet talba għan-nuqqas ta’ rikonoxximent quddiem il-Lietuvos apeliacinis teismas. Hija awtorizzata talba bħal din, u jekk iva, il-qorti li quddiemha titressaq it-talba, għandha teżamina r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent abbażi tal-Artikolu 23 tar-Regolament? X’tifsira għandha tingħata lill-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 21(3), li tistabbilixxi li l-possibbiltà li titressaq talba għal deċiżjoni ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ rikonoxximent hija bla ħsara għat-Taqsima 4, li tirregola l-eżekuzzjoni ta’ ċerti deċiżjonijiet li jeżiġu r-ritorn tal-minuri?

11.      Għalkemm ir-Regolament ma jiddeterminax direttament liema qorti għandha ġurisdizzjoni biex teżamina l-kwistjoni tar-ritorn tal-minuri, l-Artikolu 11(6) tiegħu jistabbilixxi li jekk qorti tkun tat deċiżjoni kontra r-ritorn skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni, għandha tibgħat kopja tagħha lill-qorti kompetenti tal-Istat Membru fejn il-minuri kellu r-residenza ordinarja tiegħu, qabel in-nuqqas ta’ ritorn illeċitu. Jirriżulta f’dan il-każ li l-qorti Ġermaniża ma jkollhiex id-dritt tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tar-ritorn tal-minuri, ħlief fil-każ fejn il-qorti Litwana tkun iddeċidiet kontra r-ritorn. Għalhekk jekk il-qorti Ġermaniża kellha tordna r-ritorn tal-minuri u toħroġ ċertifikat, din id-deċiżjoni tkun tista’ tiġi rrikonoxxuta u eżegwita direttament fil-Litwanja, mingħajr il-proċedura speċjali tal-exequatur (Artikoli 11(8) u 42 tar-Regolament). Għaldaqstant peress li l-Lietuvos apeliacinis teismas kienet diġà ordnat ir-ritorn tal-minuri, il-qorti Ġermaniża kellha ġurisdizzjoni biex teżamina din il-kwistjoni taħt l-Artikolu 11 u li toħroġ ċertifikat taħt l-Artikolu 42? L-adozzjoni tad-deċiżjoni li ordnat ir-ritorn u l-ħruġ taċ-ċertifikat kienu konformi mal-għanijiet u l-proċeduri tar-Regolament?

12.      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 24 tar-Regolament, qorti Litwana la tista’ tistħarreġ il-ġurisdizzjoni ta’ qorti Ġermaniża, u lanqas tistħarreġ jekk din il-ġurisdizzjoni hijiex konformi mal-ordni pubbliku. Madankollu, il-qorti li quddiemha tressqet it-talba għar-rikonoxximent, wara li tkun eżaminat ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent definiti fl-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament, għandha tiddeċiedi. Jekk ma tistabbilixxi l-ebda raġuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent, għandha tirrikonoxxi d-deċiżjoni Ġermaniża. F’din l-ipoteżi jkun hemm żewġ deċiżjonijiet li jordnaw ir-ritorn tal-minuri, li jkunu eżegwibbli fil-Litwanja – dik tat-tribunal Ġermaniż u dik tal-Lietuvos apeliacinis teismas. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti li quddiemha tressqet it-talba għan-nuqqas ta’ rikonoxximent, għandha tirrikonoxxi d-deċiżjoni li tordna r-ritorn, anki jekk il-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini ma rrispettatx proċedura stabbilita fir-Regolament?

13.      Il-Lietuvos Aukščiausiasis teismas qiegħda għalhekk tagħmel id-domandi segwenti:

“1)      Parti interessata fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 2201/2003 tista’ titlob li ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni ġudizzjarja, mingħajr ma tkun ġiet ippreżentata talba għar-rikonoxximent tad-deċiżjoni?

2)       Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, kif għandha l-qorti nazzjonali, meta tevalwa t-talba sabiex ma tiġix irrikonoxxuta d-deċiżjoni ppreżentata mill-persuna li fir-rigward tagħha d-deċiżjoni hija eżekuttiva, tapplika l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, li jiddisponi li ‘[…] la l-persuna li kontriha qiegħed jiġi mitlub l-infurzar, u lanqas il-minuri [ma jistgħu], f’dan l-istadju ta’ l-proċedimenti, ikunu intitolati jagħmlu xi sottomissjonijiet’?

3)      Il-qorti nazzjonali li quddiemha min għandu r-responsabbiltà parentali jkun ippreżenta t-talba li ma tiġix irrikonoxxuta d-deċiżjoni tal-qorti tal-Istat Membru minn fejn toriġina li biha tordna r-ritorn tal-minuri, li jgħix għandu, lejn l-Istat minn fejn toriġina, li għalih ikun ġie ppreżentat ċertifikat skont l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 2201/2003, għandha teżaminah skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsimiet 1 u 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 2201/2003, hekk kif jistabbilixxi l-Artikolu 40(2) ta’ dan ir-Regolament?

4)      Xi tfisser il-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament Nru 2201/2003 ‘Mingħajr preġudizzju għal Taqsima 4’?

5)      L-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn ta’ minuri u n-notifika taċ-ċertifikat imsemmija fl-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 2201/2003 mill-qorti tal-Istat Membru minn fejn toriġina d-deċiżjoni wara li l-qorti tal-Istat Membru fejn huwa miżmum il-minuri b’mod illegali tkun ħadet deċiżjoni li l-minuri jiġi rritornat lejn l-Istat minn fejn toriġina d-deċiżjoni [huma konformi] mal-għanijiet u l-proċeduri tar-Regolament Nru 2201/2003?

6)      Il-projbizzjoni tal-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti minn fejn toriġina d-deċiżjoni stabbilita fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003 tfisser li l-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet it-talba ta’ rikonoxximent jew ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent tad-deċiżjoni ta’ qorti barranija, li ma tistax tistħarreġ il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru minn fejn toriġina d-deċiżjoni u li ma sabitx motivi oħra għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 2201/2003, għandha tirrikonoxxi d-deċiżjoni ta’ ritorn tal-minuri tal-qorti tal-Istat Membru minn fejn toriġina d-deċiżjoni jekk il-qorti tal-Istat Membru minn fejn toriġina d-deċiżjoni ma tkunx irrispettat il-proċedura stabbilita mir-Regolament għall-finijiet li tiġi solvuta l-kwistjoni tar-ritorn tal-minuri?”

14.      Il-Qorti ddeċidiet li tisma’ l-każ b’urġenza, skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tagħha u ġew ippreżentati sottomissjonijiet bil-miktub mill-omm, mill-missier, mill-Gvern tal-Litwanja u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-uniċi partijiet li għandhom il-kapaċità li jintervjenu f’dan l-istadju. L‑imsemmija partijiet kif ukoll il-Gvern Ġermaniż, Franċiż, Litwan, Olandiż u tar-Renju Unit, kienu preżenti għas-seduti tas-26 u s-27 ta’ Lulju 2008.

 L-Analiżi

 L-għanijiet u l-prinċipji tal-Konvenzjoni u tar-Regolament

15.      Ir-rapport ta’ Perez-Vera dwar il-Konvenzjoni jagħmel sunt tal-għanijiet tagħha, stabbiliti fl-Artikolu 1, kif ġej: “peress li wieħed mill-fatturi karatteristiċi tas-sitwazzjonijiet ineżami jikkonsisti fil-fatt li min jaħtaf lill-minuri jippretendi li l-azzjoni tiegħu tiġi sanata mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat tar-refuġju, tkun għodda effiċjenti ta’ skoraġġiment jekk l-azzjonijiet tiegħu jiġu pprivati minn kwalunkwe konsegwenza prattika u ġuridika. Għal dan il-għan, il-Konvenzjoni għandha bħala wieħed mill-għanijiet primordjali tagħha li tirripristina l-istatus quo, permezz tar-‘ritorn immedjat tal-minuri maħruġ mill-pajjiż jew miżmum illegalment f’kull stat kontraenti’” (6). 

16.      Joħroġ ċar mill-preambolu tar-Regolament, b’mod partikolari mill-premessi 17, 21, 23 u 24, kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11, li dan għandu l-istess għan billi huwa intiż biex jiżgura, bħala prinċipju u ħlief f’ċirkustanzi partikolari, ir-ritorn immedjat u awtomatiku tal-minuri fl-Istat Membru minn fejn inħataf u fejn kellu r-residenza ordinarja tiegħu qabel il-ħtif (7).

17.      Barra minn hekk, joħroġ ċar mill-premessi 12 u 17 u mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8, 10 u 11, li r-Regolament huwa intiż li jagħti lill-qrati ta’ dan l-Istat Membru l-ġurisdizzjoni sostantiva biex jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet tal-kustodja u taż-żjara u biex jiżgura li din il-ġurisdizzjoni tinżamm, filwaqt li jikkonferma r-rwol tal-qrati tal-Istat Membru li fih ittieħed il-minuri, għal dak li għandu x’jaqsam mar-ritorn tiegħu.

18.      Il-prinċipju li fuqu huwa msejjes ir-Regolament kollu huwa dak tal-kooperazzjoni u tal-fiduċja reċiproka bejn il-qrati u l-awtoritajiet tal-Istati Membri, li jimplika fil-prinċipju r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni awtomatiċi tad-deċiżjonijiet tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja tal-minuri (8) (ara b’mod partikolari l-premessi 18, 21, 23 u 25, kif ukoll l-Artikoli 21, 24, 26 u 42).

19.      L-importanza fundamentali ta’ dan il-prinċipju ġiet enfasizzata waqt is-seduta, meta l-avukat tal-omm issottometta li l-qrati Litwani setgħu jikkunsidraw li l-oġġettività tal-qrati Ġermaniżi ma kinitx iggarantita fil-kuntest ta’ kwistjoni bejn missier Ġermaniż u omm Litwana. M’hemmx dubju li jekk in-nuqqas ta’ rikonoxximent jissejjes fuq dubji bħal dawn (inħassux jew le mill-qrati Litwani) tixxejjen is-sistema kollha stabbilita mir-Regolament. Dan ikun ukoll inkompatibbli għal kollox mal-għan li jinħoloq spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, aċċettata mill-Istati Membri kollha fit-Trattati.

20.      Fl-aħħar nett il-prinċipju l-iktar importanti li jirregola kemm il-Konvenzjoni kif ukoll ir-Regolament huwa bla dubju dak tar-rispett tal-aħjar interess tal-minuri (ara, b’mod partikolari, il-preambolu tal-Konvenzjoni u l-premessi 12 u 13, kif ukoll l-Artikoli 12, 15, u 23 tar-Regolament; ara wkoll l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti (9) u l-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (10)).

21.      Saret ukoll enfasi fuq dan il-prinċipju waqt is-seduta u ma nistax ma naqbilx mal-affermazzjoni li l-aħjar interess tal-minuri għandu effettivament jipprevali f’kull ċirkustanza.

22.      Madankollu nixtieq nikkwalifika din l-affermazzjoni għal dak li għandu x’jaqsam mar-ritorn tal-minuri fl-Istat Membru tar-residenza ordinarja tiegħu. Huwa ċar li l-Konvenzjoni u r-Regolament huma msejsa fuq il-prinċipju li fil-każ ta’ ħruġ mill-pajjiż jew nuqqas ta’ ritorn illeċitu tal-minuri, l-aħjar interess tal-minuri jitlob dejjem ir-ritorn tiegħu, b’riżerva għal ċerti ċirkustanzi preċiżi, stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 20 tal-Konvenzjoni [moqri, għal dak li għandu x’jaqsam mal-Artikolu 13(b), flimkien mal-Artikolu 11(4) tar-Regolament]. Jidhirli li dan huwa koerenti, u saħansitra meħtieġ. Qatt ma jista’ jkun fl-interess tal-minuri li jitkaxkar minn stat għall-ieħor minn xi ħadd mill-ġenituri, f’tiftixa għal xi tribunal li preżumibbilment ikun l-iktar dispost li jagħtih raġun. Inżid li r-ritorn tal-minuri fl-Istat Membru tar-residenza ordinarja tiegħu ma jimplikax neċessarjament ir-ritorn għand il-ġenitur li minnu ġie mifrud u s-separazzjoni mill-ġenitur li ħatfu. Dawn huma kwistjonijiet distinti, li għandhom jiġu eżaminati mill-qorti kompetenti b’kunsiderazzjoni tal-aspetti emozzjonali, psikoloġiċi u materjali tas-sitwazzjoni u l-aħjar interess tal-minuri għandu jipprevali fid-deċiżjoni tagħha.

23.      Huwa għalhekk fuq kollox fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet u prinċipji, li, fl-opinjoni tiegħi, għandu jiġi interpretat ir-Regolament.

24.      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li f’dan il-każ, l-għan ewlieni tal-fatt li l-azzjoni tal-ġenitur li ħareġ lill-minuri tiġi pprivata minn kull effett prattiku u ġuridiku billi jiġi żgurat ir-ritorn immedjat u effettiv tal-minuri, żgur li ma ntlaħaqx.

25.      Għalkemm mhux possibbli, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, li jiġu identifikati bi preċiżjoni u ċertezza l-fatturi kollha li kkontribwixxew għal din is-sitwazzjoni, jidher fi kwalunkwe każ, li din il-kooperazzjoni bejn il-qrati u l-awtoritajiet ċentrali, mixtieqa mill-Konvenzjoni u mir-Regolament, ma ħadmitx b’mod ideali. Barra minn hekk, meta wieħed iħares lura, jidher ċar li r-riżultat mixtieq mill-Konvenzjoni u mir-Regolament ma kienx ikun ostakolat bl-istess mod, li kieku l-missier ipproċeda direttament quddiem l-Amtsgericht Oranienburg, wara li l-Klaipėdos apygardos teismas kien ta d-deċiżjoni tiegħu kontra r-ritorn (11).

26.      Fi kwalunkwe każ, jidhirli li huwa utli, qabel ma nipprova nirrispondi d-domandi magħmula mil-Lietuvos Aukščiausiasis teismas, li neżamina l-andament tal-proċeduri fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni u r-Regolament.

 L-andament tal-proċeduri, eżaminat fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti

27.      L-ewwel nett mhux ikkontestat u mhux kontestabbli li l-qrati Ġermaniżi kellhom ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni tal-kawża tad-divorzju, taħt l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament, peress li meta ġiet intavolata l-kawża, il-kundizzjonijiet kollha mitluba ta’ residenza kienu sodisfatti.

28.      Barra minn hekk, jidher li huwa paċifiku li kien hemm “żamma” illeċita tal-minuri fis-sens tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni u tar-Regolament [l-Artikolu 2(11)]. Fil-mument li l-omm informat lill-missier bl-intenzjoni tagħha li ma tmurx lura l-Ġermanja mal-minuri, il-kustodja kienet eżerċitata konġuntament u effettivament miż-żewġ ġenituri, skont il-liġi Ġermaniża, u l-missier ma kienx ta l-kunsens tiegħu ħlief għal żjara ta’ ġimgħatejn fil-Litwanja.

29.      Għalhekk, peress li l-kundizzjonijiet għat-trasferiment tal-ġurisdizzjoni, previsti fl-Artikolu 10 tar-Regolament ma kinux sodisfatti, il-ġurisdizzjoni mogħtija mill-Artikolu 8 għal deċiżjonijiet dwar kull kwistjoni marbuta mar-responsabbiltà tal-ġenituri, baqgħet tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja tal-minuri immedjatament qabel iż-żamma illeċita, jiġifieri l-Ġermanja. B’loġika ċara – ikkonfermata, kieku kien meħtieġ, bl-Artikolu 12(1) tar-Regolament – kienet preċiżament il-Qorti li quddiemha kien hemm pendenti l-proċeduri għad-divorzju, jiġifieri l-Amtsgericht Oranienburg.

30.      Il-minuri kellha tmur lura l-Ġermanja fis-6 ta’ Awwissu 2006. Meta l-omm uriet l-intenzjoni tagħha li tibqa’ l-Litwanja mal-minuri, il-missier qabel kollox adixxa l-qorti kompetenti fi kwistjonijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri (l-Amtsgericht Oranienburg), li, fl-14 ta’ Awwissu 2006, tatu, provviżorjament, il-kustodja esklużiva. Din il-kustodja ġiet ikkonfermata mill-Branderburgisches Oberlandesgericht fil-11 ta’ Ottubru ta’ dik is-sena, fil-kuntest tal-proċeduri tal-appell, imressqa mill-omm.

31.      Jista’ jiġi nnotat f’dan l-istadju li, taħt l-Artikolu 21(1) tar-Regolament, din l-attribuzzjoni provviżorja tal-kustodja kellha tibbenifika mir-rikonoxximent fil-Litwanja “mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali” – għalkemm il-paragrafu 3 tal-istess artikolu kien jippermetti lill-missier jitlob ir-rikonoxximent, jew lill-omm li titlob deċiżjoni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent, “skond il-proċedimenti msemmija f’Taqsima 2”. Iżda ma tressqet l-ebda talba f’dan is-sens.

32.      Fit-30 ta’ Ottubru 2006, essenzjalment abbażi tal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni, il-missier talab lit-tribunal kompetenti tal-Litwanja (fil-każ preżenti, il-Klaipėdos apygardos teismas), biex jordna r-ritorn tal-minuri. Nixtieq nagħmel aċċenn f’dan l-istadju għall-fatt li, għalkemm il-missier ressaq din it-talba wara li l-kustodja esklużiva kienet diġà ġiet attribwita lilu u kkonfermata favurih, ma kien hemm xejn milli jwaqqfu li jressaq din it-talba immedjatament, man-nuqqas ta’ ritorn.

33.      Ladarba tressqet din it-talba quddiem it-tribunal Litwan, dan kellu, bħala regola, jordna r-ritorn tal-minuri, billi l-perijodu ta’ sena stabbilit fl-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ma kienx għadu skada. Kellu wkoll jagħti d-deċiżjoni tiegħu fi żmien sitt ġimgħat mill-preżentata tat-talba (l-Artikolu 11(3) tar-Regolament). Ir-raġunijiet li għalihom seta’ jirrifjuta r-ritorn kienu limitati għal dawk enumerati fl-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni, kif ikkompletat mill-Artikolu 11(4) u (5) tar-Regolament u l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni.

34.      Fil-każ preżenti, it-tribunal Litwan ta d-deċiżjoni – li rrifjutat ir-ritorn – fit-22 ta’ Diċembru 2006, ftit iktar minn seba’ ġimgħat wara l-preżentata tat-talba (12).

35.      F’dan l-istadju, it-Tribunal kellu, skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament, jibgħat immedjatament kopja tad-deċiżjoni u tad-dokumenti rilevanti lill-qorti kompetenti jew lill-awtorità ċentrali fil-Ġermanja, b’mod li l-qorti Ġermaniża tirċevihom fi żmien xahar. Skont l-ispjegazzjonijiet mogħtija seduta stante, kien fil-fatt l-avukat tal-missier li inizjalment innotifika d-deċiżjoni lill-awtorità ċentrali Ġermaniża, u wara ntbagħtet traduzzjoni mill-awtorità ċentrali Litwana.

36.      Sussegwentement, fuq talba tal-missier, l-Amtsgericht Oranienburg seta’, skont l-Artikolu 11(8) tar-Regolament, jordna r-ritorn tal-minuri. Dan it-Tribunal kien ikollu għalhekk l-aħħar kelma. Li kieku wara l-eżami tal-kwistjoni tal-kustodja, skont l-Artikolu 11(7), kien ordna r-ritorn u ċċertifika d-deċiżjoni tiegħu skont l-Artikolu 42 tar-Regolament, din id-deċiżjoni kienet tkun eżegwibbli fil-Litwanja taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 42 sa 45.

37.      Madankollu, minflok ma rrikorra minn din il-possibbiltà, il-missier intavola appell mid-deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ritorn quddiem il-Lietuvos apeliacinis teismas, li, fil-15 ta’ Marzu 2007, annullat id-deċiżjoni u ordnat ir-ritorn tal-minuri fi żmien xahar (13).

38.      Jidher li dan l-aħħar digriet kellu jiġi eżegwit fiż-żmien mogħti, peress illi kif jirriżulta mis-sentanza tal-Lietuvos Aukščiausiasis teismas tas-7 ta’ Jannar 2008, l-Artikolu 2(6) tal-liġi Litwana li timplementa r-Regolament espressament jipprojbixxi li jsir appell fuq punt ta’ liġi. L-eżekuzzjoni immedjata tiegħu, barra minn hekk, kienet tkun konformi mal-għanijiet fundamentali tal-Konvenjoni u tar-Regolament.

39.      Madankollu, minħabba t-talba li saret mill-omm biex jerġgħu jinfetħu l-proċeduri u l-għadd ta’ problemi preċedurali li segwew, id-deċiżjoni ma ġietx eżegwita u sal-ġurnata ta’ llum għadha ma ġietx eżegwita. Għall-kuntrarju, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Lietuvos apeliacinis teismas ġiet sospiża diversi drabi, inkluż mil-Lietuvos Aukščiausiasis teismas, u dan minkejja li din l-istess qorti (14) kienet iddikjarat, fis-sentenza tagħha li awtorizzat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri, li tali sospensjoni ma kinitx possibbli.

40.      Anki jekk l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, hija rregolata mid-dritt intern, wieħed ma jistax ħlief jikkonkludi, f’dan l-istadju, li s-sitwazzjoni li tirriżulta mis-sospensjonijiet suċċessivi – il-fatt li kważi sentejn wara n-nuqqas ta’ ritorn u iktar minn 15-il xahar wara li ngħatat is-sentenza li ordnat ir-ritorn, il-minuri għadha ma marritx lura l-Ġermanja – hija totalment inkompatibbli mal-għanijiet fundamentali tal-Konvenzjoni u tar-Regolament.

41.      Niġi issa għas-sentenza tal-Amtsgericht Oranienburg, tal-20 ta’ Ġunju 2007, li ddikjarat id-divorzju, li attribwixxiet il-kustodja definittiva u esklużiva lill-missier u (reġgħet) ordnat ir-ritorn tal-minuri (sentenza kkonfermata fis-17 ta’ Frar 2008 mill-Branderburgisches Oberlandesgericht). Din is-sentenza ġiet iċċertifikata skont l-Artikolu 42 tar-Regolament, li normalment ifisser li r-ritorn “[j]iġ[i] rikonoxxut[…] u [jkun] nfurzabbli” fil-Litwanja “mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ l-infurzabilità u mingħajr ebda possibbiltà li topponi r-rikonoxximent tagħha”.

42.      Nikkonstata li ċ-ċertifikat li nħareġ ma’ din id-deċiżjoni juża l-formola preskritta, li għandu l-informazzjoni u l-konfermi kollha meħtieġa u li d-deċiżjoni nfisha tindika, kif mitlub mill-Artikolu 42(2) tar-Regolament (a) li minħabba l-età tal-minuri ġie deċiż li mhux opportun li tinstema’, (b) li l-partijiet kellhom l-opportunità li jinstemgħu (għalkemm l-omm ma kinitx preżenti, kellha r-rappreżentant tagħha (15)) u (c) li l-motivi għan-nuqqas ta’ ritorn indikati mill-Klaipėdos apygardos teismas fid-digriet tiegħu għan-nuqqas ta’ ritorn (digriet tat-22 ta’ Diċembru 2006, illum annullat, b’riżerva għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri) ġew eżaminati u respinti. Għalhekk anki jekk il-proċedura ta’ trażmissjoni prevista fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament ma ġietx formalment osservata fid-dettalji kollha tagħha, l-għan ta’ din il-proċedura ċertament intlaħaq, u joħroġ ċar mid-deċiżjoni tal-Amtsgericht Oranienburg tal-20 ta’ Ġunju 2007, u mis-sentenza tal-Branderburgisches Oberlandesgericht tal-20 ta’ Frar 2008 li ċaħdet l-appell tal-omm, li dawn iż-żewġ qrati ddeċidew il-kawżi quddiemhom b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti.

43.      Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament, l-istatus tad-deċiżjoni u ċ-ċertifikat maħruġ magħha, qajmu ċerti dubji f’moħħ l-imħallfin tal-qorti tar-rinviju, espressi fil-ħames domanda tagħha. Jidhirli li huwa utli li fl-ewwel lok tiġi eżaminata din id-domanda, għaliex hija l-iktar waħda ċentrali u s-soluzzjoni tagħha tista’ tindika r-rispota għal diversi domandi oħra.

 Il-ħames domanda

44.      Permezz ta’ din id-domanda, il-Lietuvos Aukščiausiasis teismas tixtieq tkun taf essenzjalment, jekk fiċ-ċirkustanzi proċedurali tal-każ ineżami, it-tribunal Ġermaniż kienx awtorizzat, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament, li jordna r-ritorn tal-minuri u joħroġ iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 42.

45.      Jeħtieġ l-ewwel nett li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ aspetti: id-digriet tar-ritorn u ċ-ċertifikazzjoni tad-digriet.

 Id-digriet għar-ritorn

46.      Għal dak li għandu x’jaqsam mal-kompetenza tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja biex jordnaw ir-ritorn tal-minuri, trid issir distinzjoni oħra bejn iż-żewġ artikoli li fuqhom tista’ tissejjes il-ġurisdizzjoni: l-Artikolu 8 tar-Regolament (moqri flimkien mal-Artikolu 10 u, jekk ikun hemm bżonn, l-Artikolu 12(1)), u l-Artikolu 11 tar-Regolament, b’mod partikolari l-paragrafu 8 tiegħu (moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni).

47.      Waqt is-seduta rriżulta li jeżistu diverġenzi kunsiderevoli u anki totalment opposti bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, dwar dak li għandu jkun is-sinjifikat ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Minn banda hemm l-interpretazzjoni li huma biss il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri li għandhom ġurisdizzjoni, fil-kuntest tal-Konvenzjoni u tal-Artikolu 11 tar-Regolament, biex jordnaw ir-ritorn, u li din il-ġurisdizzjoni ma tistax tiġi eżerċitata mill-qrati tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja, ħlief jekk ikun hemm u mill-mument li tingħata deċiżjoni definittiva u eżegwibbli kontra r-ritorn tal-minuri ta’ qorti tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri. Min-naħa l-oħra hemm min huwa tal-opinjoni li l-qrati tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja wkoll għandhom, f’kull mument, ġurisdizzjoni biex jordnaw ir-ritorn tal-minuri, kemm taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament (moqri flimkien mal-Artikolu 10), kif ukoll fil-kuntest tal-Konvenzjoni u tal-Artikolu 11 tar-Regolament (16).

48.      Fid-dawl ta’ dawn l-interpretazzjonijiet differenti, jidhirli li huwa essenzjali li l-Qorti tippronunċja ruħha b’mod inekwivoku dwar dan l-aspett tar-Regolament.

49.      Min-naħa tiegħi nelimina mill-ewwel l-ipoteżi li l-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri, għandhom igawdu ġurisdizzjoni esklużiva, sakemm jiddeċiedu dwar in-nuqqas ta’ ritorn.

50.      Ċertament, l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni jipprevedi li jkunu l-qrati li jiġu aditi b’talba għal digriet li jordna r-ritorn u jidher fil-fatt loġiku li t-talba l-ewwel titressaq quddiemhom, peress li din id-deċiżjoni fl-ebda każ ma tkun teħtieġ il-proċedura tal-exequatur biex tiġi eżegwita. Huwa minnu wkoll li l-mod kif ġie abbozzat l-Artikolu 11 tar-Regolament jagħti x’jifhem li jipprevedi li l-ewwel tkun ingħatat deċiżjoni fl-Istat Membru fejn jinsab il-minuri.

51.      Madankollu, infakkar li l-Konvenzjoni ma tistabbilixxi l-ebda regola dwar il-ġurisdizzjoni, filwaqt li nikkonstata li r-Regolament m’għandu l-ebda dispożizzjoni li tillimita b’mod espliċitu l-ġurisdizzjoni biex jiġi ordnat ir-ritorn tal-minuri, għall-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab. Għalkemm din il-ġurisdizzjoni hija inekwivoka, xejn ma jeżiġi li għandha tkun esklużiva.

52.      Barra minn hekk, il-ġurisdizzjoni ġenerali fil-kamp tar-responsabbiltà tal-ġenituri, neċessarjament timplika ġurisdizzjoni biex jiġi ordnat ir-ritorn tal-minuri maħtuf.

53.      Effettivament, skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament, ir-responsabbiltà tal-ġenituri tinkludi b’mod partikolari d-dritt tal-kustodja, u skont l-Artikolu 2(9), id-dritt tal-kustodja jinkludi b’mod partikolari d-dritt li jiġi deċiż il-post tar-residenza tal-minuri. It-Taqsima 2 ta’ Kapitolu II, intitolata “Ir-Responsabbiltà tal-ġenituri”, tinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 11, intitolat “Ir-Ritorn tal-minuri”. Barra minn hekk, il-fatt li l-Artikolu 10(b)(iv) jitkellem dwar “sentenza dwar kustodja li ma tikkunsidrax li t-talba tar-ritorn [li ma tinvolvix ir-ritorn] tal-minuri tkun inħarġet mill-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment [ordinarjament] residenti immedjatament qabel it-tneħħija nġusta jew iż-żamma” (17), iwassal biex wieħed jiddeduċi li dawn l-istess qrati jistgħu wkoll jagħtu deċiżjoni dwar kustodja li tinvolvi r-ritorn. Fl-aħħar nett, jekk qorti għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 8 jew l-Artikolu 12 tar-Regolament, biex tiddeċiedi dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mar-responsabbiltà tal-ġenituri u għalhekk mal-kustodja, (marbuta jekk ikun il-każ, ma’ talba għad-divorzju), ma jreġġix li din il-ġurisdizzjoni ma tinkludix is-setgħa li tiġi żgurata l-preżenza effettiva tal-minuri mal-persuna li lilha ġiet fdata l-kustodja. U din is-setgħa għandha mbagħad tinkludi dik li tittieħed kull miżura provviżorja li ssir meħtieġa matul il-kawża. Jekk il-qorti li għandha ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri tkun ipprojbita milli tordna r-ritorn tal-minuri, hija titneżża’ minn kull ġurisdizzjoni effettiva biex tiddeċiedi dwar il-kustodja provviżorja jew definittiva.

54.      Għalhekk nasal għall-konklużjoni li ab initio, fil-każ ta’ ħtif ta’ minuri, huwa possibbli li wieħed jitlob deċiżjoni li tordna r-ritorn ta’ dan tal-aħħar, kemm lill-qorti kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab, kif ukoll lill-qorti kompetenti tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja tiegħu, jew anki lill-qorti kompetenti fi Stat Membru terz, jekk din tkun intalbet tiddeċiedi dwar talba għad-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ (18).

55.      Mill-banda l-oħra, l-effetti tad-digriet mogħti jistgħu jvarjaw skont il-qorti magħżula.

56.      Jekk id-digriet jinvolvi r-ritorn tal-minuri, ikun eżegwibbli, ipotetikament, fl-Istat Membru fejn jinsab il-minuri, jekk dan id-digriet ikun ingħata minn qorti ta’ dan l-Istat. Jekk ikun ingħata minn qorti ta’ Stat Membru ieħor, ikun irrikonoxxut fl-Istat Membru fejn jinsab il-minuri, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament, mingħajr il-ħtieġa li tiġi invokata xi proċedura (b’riżerva għall-possibbiltà ta’ talba għan-nuqqas ta’ rikonoxximent taħt l-Artikolu 21(3), għal waħda mir-raġunijiet esposti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 23), iżda l-eżekuzzjoni tiegħu tkun teħtieġ dikjarazzjoni biex jiġi eżegwit, li għandha tintalab skont il-proċeduri previsti f’Kapitoli III, Taqsima 2, tar-Regolament (preċiżament l-Artikoli 28 sa 36). Dan għaliex huma biss dawk id-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 11(8) tar-Regolament li għandhom il-forza eżekuttiva fi Stat Membru ieħor, mingħajr il-ħtieġa ta’ din id-dikjarazzjoni (jiġifieri wara l-ewwel deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ ritorn, mogħtija skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni) u ċċertifikati skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament.

57.      Jekk id-digriet ma jinvolvix ir-ritorn tal-minuri, u jekk ikun ingħata minn qorti ta’ Stat Membru li ma jkunx dak fejn jinsab il-minuri, huwa evidenti li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tiegħu mhux ser jintalbu f’kull Stat, iżda l-possibbiltajiet ta’ rimedji legali kontra d-deċiżjoni taħt il-liġi nazzjonali jibqgħu mingħajr dubju miftuħa.

58.      Jekk, min-naħa l-oħra, id-digriet għan-nuqqas ta’ ritorn jingħata minn qorti kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri, huwa l-mekkaniżmu tal-Artikolu 11(6) sa (8) tar-Regolament li jaħdem – in-notifika tad-deċiżjoni lill-qorti kompetenti tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja, it-taħrikiet tal-partijiet minn din il-qorti, l-eżami tal-kwistjoni tal-kustodja u finalment il-possibbiltà li din il-qorti tordna r-ritorn tal-minuri, deċiżjoni li tkun awtomatikament eżegwibbli f’kull Stat Membru ieħor u li kontriha ma tkun tista’ ssir ebda oppożizzjoni, jekk tkun iċċertifikata skont l-Artikolu 42(2).

59.      Għalhekk, il-qorti kompetenti tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja tal-minuri tista’, bis-saħħa tal-ġurisdizzjoni diġà mogħtija lilha mill-Artikoli 8,10 u eventwalment 12 tar-Regolament, tordna r-ritorn tal-minuri skont l-Artikolu 11(8), jekk tkun ingħatat deċiżjoni favur in-nuqqas ta’ ritorn taħt l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni. F’dan il-każ, id-deċiżjoni ma tkunx teżiġi dikjarazzjoni biex tiġi eżegwita skont il-proċedura speċifikata fil-Kapitoli III, Taqsima 2.

60.      Madankollu, id-domanda li qed tagħmel il-qorti tar-rinviju tippresupponi l-eżistenza preliminarja mhux ta’ deċiżjoni favur in-nuqqas ta’ ritorn skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni, iżda ta’ digriet għar-ritorn mogħti taħt l-Artikolu 12 tagħha, minn qorti kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri. F’każ bħal dan, il-qorti kompetenti tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja, tista’ wkoll tordna r-ritorn tal-minuri?

61.      Bla dubju, kwistjoni bħal din tista’ tqum biss f’ċirkustanzi estremi bħalma huma dawk tal-każ preżenti. Huwa evidenti li f’kull ipoteżi li wieħed jista’ normalment jimmaġina, il-minuri jintbagħat fl-Istat Membru tar-residenza ordinarja tiegħu wara l-ewwel digriet għar-ritorn, iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li ż-żmien mogħti biex tittieħed id-deċiżjoni huwa strett ħafna u ma tantx jippermetti li jsir appell (19). Huwa għalhekk komprensibbli, kif innota l-Gvern Olandiż waqt is-seduta, li l-leġiżlatur ma pprevediex b’mod espliċitu fir-Regolament, għas-sitwazzjoni li għandna quddiemna u li mhijiex daqshekk verosimili.

62.      Madankollu ser nipprova nsib fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament, interpretati skont l-għanijiet fundamentali tagħha, risposta għal din is-sitwazzjoni.

63.      Fl-ewwel lok wieħed jista’ jikkonsulta l-Artikolu 19 tar-Regolament, li jirregola l-lis alibi pendens. Skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu, meta jitressqu kawżi dwar ir-resposabbiltà tal-ġenituri, li għandhom l-istess għan u kawża, quddiem qrati fi Stati Membri differenti, il-qorti li quddiemha tressqet il-kawża fit-tieni lok għandha tieqaf ex officio milli tieħu konjizzjoni tal-każ, sakemm tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kwistjoni fl-ewwel lok. Meta din il-ġurisdizzjoni tiġi stabbilita, il-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża fit-tieni lok, għandha tieqaf milli tieħu konjizzjoni tal-każ, favur il-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża fl-ewwel lok. Minn dan nikkonkludi li f’każ normali, sakemm il-proċedura biex jinkiseb id-digriet għar-ritorn tkun għadha għaddejja fl-Istat Membru fejn jinsab il-minuri, il-qorti tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja m’għandhiex teżamina din l-istess kwistjoni. Sakemm jiġi applikat it-terminu ta’ sitt ġimgħat impost mill-Artikolu 11(3), din l-interpretazzjoni bl-ebda mod ma ttawal il-proċedura għar-ritorn, filwaqt li jekk ikunu għaddejjin żewġ kawżi bl-istess għan, fl-istess waqt, dan jista’ jagħti lok għal kumplikazzjonijiet.

64.      Madankollu, ladarba l-qorti tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri tagħti d-deċiżjoni tagħha, m’hemmx iktar lis alibi pendens u għalhekk m’hemmx iktar ostakoli għall-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mill-qorti tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja. Din il-ġurisdizzjoni hija espressament ikkonfermata mill-Artikolu 11(8) tar-Regolament, fejn l-ewwel deċiżjoni tkun favur in-nuqqas tar-ritorn, u ma hemm l-ebda raġuni għall-esklużjoni ta’ din il-ġurisdizzjoni (abbażi tal-Artikoli 8 u 10), fejn l-ewwel deċiżjoni tordna r-ritorn tal-minuri. L-unika differenza, f’dan il-każ, hija li d-dispożizzjonijiet partikulari tal-Artikolu 11(8) ma japplikawx u fil-prattika, it-tieni digriet għar-ritorn ikun normalment superfluwu.

65.      Nixtieq inżid li mingħajr ma jiġi adottat is-suġġeriment tal-Kummissjoni, jiġifieri li jekk il-qorti tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri ma tiddeċidix sa ċertu żmien, tirriżulta deċiżjoni de facto favur in-nuqqas ta’ ritorn, li tista’ tagħti lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(8), inħoss li r-regola dwar il-lis alibi pendens fl-Artikolu 19 għandha tinqara b’riżerva għall-perijodu ta’ sitt ġimgħat impost mill-Artikolu 11(3), u li l-iskadenza ta’ dan il-perjodu tista’, ukoll, telimina l-ostakolu għall-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni, taħt l-Artikoli 8 u 10, tal-qorti tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja.

66.      Konsegwentement, bħala sunt tal-analiżi tiegħi ta’ din il-parti tal-ħames domanda, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni favur ir-ritorn tal-minuri mill-qorti tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja, wara li l-qorti tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri tkun tat deċiżjoni favur ir-ritorn, bl-ebda mod ma hija inkompatibbli mal-għanijiet u l-proċeduri tar-Regolament.

 Iċ-ċertifikazzjoni tad-deċiżjoni

67.      Il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi wkoll jekk il-ħruġ taċ-ċertifikat taħt l-Artikolu 42 tar-Regolament ikunx konformi mal-istess għanijiet u proċeduri, ladarba din id-deċiżjoni tiġi adottata.

68.      Ir-risposta għal din il-parti tad-domanda hija iktar sempliċi, almenu fl-astratt. Iċ-ċertifkat inkwistjoni ma jista’ qatt jinħareġ jekk id-deċiżjoni ma tkunx ġiet adottata fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 11(8) tar-Regolament [l-Artikolu 42 jirreferi għall-Artikolu 40(1)(b), li min-naħa tiegħu jagħmel riferiment għall-Artikolu 11(8)]. L-adozzjoni ta’ deċiżjoni favur ir-ritorn f’ċirkustanzi bħal dawn, tippresupponi li tkun diġà ngħatat deċiżjoni favur in-nuqqas ta’ ritorn skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni. Huwa veru li meħuda waħedha, il-frażi “minkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn skond l-Artikolu 13 tal-konvenzjoni” (l-enfasi hija tiegħi), tista’ tiġi interpretata fis-sens “indipendentment minn jekk tali deċiżjoni tkunx ingħatat jew le” (20). Madankollu, jekk wieħed jaqra l-Artikoli 6 sa 8 tal-Artikolu 11 b’mod sistematiku, din l-interpretazzjoni hija eskluża. Barra minn hekk, iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 42 ma jistax jinħareġ ħlief jekk, b’mod partikolari, il-qorti tkun iddeċidiet fid-dawl tar-raġunijiet u l-provi li abbażi tagħhom ingħatat id-deċiżjoni skont l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni [l-Artikolu 42(2)(c)].

69.      Minn dan nikkonkludi li, bħala regola, il-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 42 tar-Regolament mill-qorti tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja tal-minuri, fir-rigward ta’ deċiżjoni favur ir-ritorn minnha mogħtija, wara li l-qorti tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri tkun hija stess iddeċidiet favur ir-ritorn, mhuwiex konformi mal-proċeduri tar-Regolament.

 Il-ġurisdizzjoni għall-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 42, fil-każ preżenti

70.      Il-ħames domanda preliminari, kif abbozzata, tinjora għal kollox ir-riferiment għal element li fil-każ inkwistjoni ma jistax jitħalla barra, jekk wieħed irid jagħti risposta ultli lill-qorti tar-rinviju.

71.      Effettivament, id-deċiżjoni tal-Amtsgericht Oranienburg tal-20 ta’ Ġunju 2007, li hija dik ikkontestata fil-proċedura preżenti, kienet preċeduta, ċertament, minn dik tal-Lietuvos apeliacinis teismas tal-15 ta’ Marzu 2007, li wkoll ordnat ir-ritorn tal-minuri, iżda din kienet ukoll preċeduta minn dik tal-Klaipėdos apygardos teismas, tat-22 ta’ Diċembru 2006, li żgur kienet “sentenza biex ma jsirx ir-ritorn skond l-Artikolu 13 ta’ l-Konvenzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 11(8) tar-Regolament. 

72.      Tista’ din iċ-ċirkustanza taffettwa l-kompatibbiltà mar-Regolament taċ-ċertifikat maħruġ mill-Amtsgericht Oranienburg fir-rigward tad-deċiżjoni tiegħu? Fi kliem ieħor, l-Amtsgericht Oranienburg, kellu d-dritt jikkonstata li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(6) sa (8) kienu sodisfatti?

73.      Mis-seduta rriżulta illi l-maġġoranza tal-Istati Membri li ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom huma tal-fehma illi r-risposta għandha tkun fin-negattiv – hija biss deċiżjoni definittiva u eżegwibbli favur in-nuqqas ta’ ritorn, li tkun saret res judicata, li tista’ tagħti lok għall-appikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Madankollu, fil-każ ineżami, id-deċiżjoni tal-Klaipėdos apygardos teismas tat-22 ta’ Diċembru 2006 mhux biss ġiet appellata iżda wkoll annullata qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Amtsgericht Oranienburg tal-20 ta’ Ġunju 2007. Barra minn hekk, ġie affermat illi d-deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2006 qatt ma saret eżekuttiva.

74.      Ma naqbilx ma’ din l-analiżi.

75.      L-Artikolu 11 juża l-kliem “il-qorti […] taqta’ s-sentenza tagħha” (it-tieni frazi tal-paragrafu 3,) “(j)ekk qorti ħarġet ordni kontra r-ritorn” (paragrafu 6) u “[m]inkejja sentenza biex ma jsirx ir-ritorn skond l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni” (paragrafu 8) (21). F’dispożizzjonijiet oħrajn, meta r-Regolament irid jippreċiża n-natura eżekuttiva tad-deċiżjoni, jagħmel dan b’mod espliċitu (ara b’mod partikolari l-Artikoli 28, 36 u 44). Iżda xejn ma jindika fit-test tal-Artikolu 11 li d-deċiżjoni favur in-nuqqas ta’ ritorn għandha tkun eżekuttiva, jew fis-seħħ fil-mument meta l-qorti tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja tagħti deċiżjoni fil-kuntest tal-Artikolu 11(8) (22).

76.      Għall-kuntrarju, dan it-test jidher li ma jurix interess fl-eżitu ulterjuri ta’ din id-deċiżjoni. Ma jistabbilixxi l-ebda proċedura għal rimedju fl-Istat Membru fejn jinsab il-minuri, la b’mod impliċitu u lanqas espliċitu. Il-paragrafu 6 jeżiġi li l-qorti li tat id-deċiżjoni tibgħatha immedjatament, flimkien ma’ dokumenti oħra rilevanti, lill-awtoritajiet tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja tal-minuri, b’mod illi l-qorti kompetenti ta’ dan l-Istat tirċevihom sa mhux iktar tard mit-terminu mandatorju ta’ xahar li jibda jiddekorri mid-data tad-deċiżjoni favur in-nuqqas ta’ ritorn. B’din in-notifika, skont l-Artikolu 7, jibda jiddekorri terminu ieħor ta’ tliet xhur biex il-partijiet jippreżentaw is-sottomissjonijiet tagħhom għall-eżami mill-qorti tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja, tal-kwistjoni tal-kustodja, li tippermettilha tordna r-ritorn tal-minuri skont kif stabbilit fil-paragrafu 8, bl-effetti kollha eżekuttivi riżultanti mill-Artikolu 42, fil-każ tal-ħruġ ta’ ċertifikat.

77.      Din is-sensiela ta’ obbligi u proċeduri tikkostitwixxi proċedura sħiħa, u tibda awtomatikament mill-mument tal-għoti tad-deċiżjoni favur in-nuqqas ta’ ritorn. L-uniku fattur previst li jista’ jinterrompiha huwa n-nuqqas tal-partijiet li jibagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom lill-qorti tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja (it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7), li jkun effettivament jimplika l-abbandun min-naħa tal-ġenitur li minnu ttieħed il-minuri.

78.      Jekk deċiżjoni favur in-nuqqas ta’ ritorn mogħtija mill-qorti tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri tiġi sussegwentement annullata minn qorti superjuri, dan ma jaffettwax l-elementi essenzjali, jiġifieri: a) li d-deċiżjoni tkun ingħatat; b) li l-minuri ma jkunx għadu ttieħed lura; c) li ż-żmien qed jiddekorri, u d) li l-qorti tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja tibqa’ l-unika waħda li jkollha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar il-kustodja tal-minuri, li jimplika neċessarjament is-setgħa li tiġi żgurata l-preżenza effettiva tiegħu mal-persuna li lilha kkonċediet il-kustodja, anki b’miżuri provviżorji.

79.      Huwa għal kollox koerenti mal-għanijiet u l-istruttura tar-Regolament, għal dak li jirrigwarda l-ħtif ta’ minuri, li l-paragrafi 6 sa 8 tal-Artikolu 11 jiġu interpretati fis-sens li japplikaw minkejja kwalunkwe appell li jista’ jitressaq kontra d-deċiżjoni oriġinali favur in-nuqqas ta’ ritorn fl-Istat Membru fejn ingħatat. L-għan tagħhom huwa li jittrasferixxu r-responsabbiltà definittiva għad-deċiżjoni dwar ir-ritorn tal-minuri lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi, kemm provviżorjament jew definitivament, dwar il-kustodja (li neċessarjament jimplika s-setgħa li tiġi żgurata l-preżenza effettiva tal-minuri mal-persuna li lilha ġiet attribwita l-kustodja), u dan fl-iqsar żmien possibbli, biex id-deċiżjoni definittiva dwar ir-ritorn tittieħed malajr kemm jista’ jkun.

80.      Din l-interpretazzjoni lanqas ma tikser id-drittijiet jew l-interessi proċedurali tal-partijiet. Il-ġenitur li ħataf il-minuri ma jkollu l-ebda interess li jikkontesta d-deċiżjoni favur in-nuqqas ta’ ritorn fl-Istat Membru fejn jinsab il-minuri u l-ġenitur li minnu ttieħed il-minuri jkun normalment f’pożizzjoni aħjar biex jippreżenta l-argumenti tiegħu quddiem il-qorti tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja tal-minuri.

81.      L-interpretazzjoni kuntrarja, min-naħa l-oħra, bilfors tintroduċi perijodi supplimentari fil-proċess tar-ritorn tal-minuri, f’kuntest fejn l-urġenza hija waħda mill-eżiġenzi primordjali kemm tal-Konvenzjoni kif ukoll tar-Regolament. F’każijiet estremi, bħall-każ preżenti, tista’ tippermetti differimenti kontinwi, li jikkompromettu b’mod irrimedjabbli l-applikazzjoni korretta ta’ dawn iż-żewġ strumenti.

82.      Fl-opinjoni tiegħi, it-test ma jobbliganiex naqraw ir-Regolament f’dan is-sens, u interpretazzjoni bħal din tkun kuntrarja għal wieħed mill-għanijiet prinċipali tiegħu.

83.      Konsegwentement, fil-każ ineżami, l-annullament ulterjuri tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2006 tal-Klaipėdos apygardos teismas, mil-Lietuvos apeliacinis teismas, fil-15 ta’ Marzu 2007, bl-ebda mod ma waqqaf lill-Amtsgericht Oranienburg milli jiddeċiedi fl-20 ta’ Ġunju 2007, dwar ir-ritorn tal-minuri, kif previst fl-Artikolu 11(8) tar-Regolament.

84.      Minn dan isegwi li din il-Qorti kellha l-ġurisdizzjoni biex toħroġ iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 42, li jimplika li d-deċiżjoni tagħha, ċertifikata kif preskritt, kienet eżegwibbli fil-Litwanja “mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ l-infurzabilità u mingħajr ebda possibilità li topponi r-rikonoxximent tagħha”.

85.      Biex nirrispondi għal preokkupazzjoni tal-omm riflessa wkoll mill-qorti tar-rinviju, dwar ir-relazzjoni bejn id-deċiżjoni tal-Lietuvos apeliacinis teismas tal-15 ta’ Marzu 2007 u dik tal-Amtsgericht Oranienburg, tal-20 ta’ Ġunju 2007, li t-tnejn jinvolvu r-ritorn tal-minuri, irrid ngħid l-ewwel nett li żewġ deċiżjonijiet tal-istess portata m’għandhomx normalment ixekklu lil xulxin. Jekk madankollu, din is-sitwazzjoni qajmet xi problema għal-liġi proċedurali tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri, ikun meħtieġ li d-dispożizzjonijeit rilevanti jiġu adattati jew interpretati u applikati fid-dawl tar-Regolament. U jekk iż-żewġ deċiżjonijiet jipprovdu metodi differenti għar-ritorn, tkun dik tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja li tipprevali, peress li din hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi kull kwistjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri. Barra minn hekk, la l-Konvenzjoni u lanqas ir-Regolament ma jistabbilixxu li l-qorti tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri għandha żżid xi kundizzjonijiet mad-deċiżjoni. Ir-rwol tagħha huwa limitat għall-assigurazzjoni (sakemm ikunu ġew esklużi r-raġunijiet għaċ-ċaħda msemmija fl-Artikoli 13 sa 20 tal-Konvenzjoni) tar-ritorn tal-minuri fl-Istat Membru tar-residenza ordinarja tiegħu, li l-awtoritajiet u l-qrati kompetenti tiegħu għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw il-benesseri tal-minuri u r-rispett tal-interessi tiegħu.

Il-possibbiltà għall-qorti tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri li teżamina l-validità ta’ ċertifikat maħruġ skont l-Artikolu 42

86.      Jibqa’ aspett ieħor ta’ din il-kwistjoni li ġie diskuss fis-sottomissjonijiet bil-miktub u anki waqt is-seduta, li iżda tkun mingħajr riperkussjonijiet fil-każ preżenti, kemm-il darba l-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-analiżi tiegħi. Jekk il-qorti tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja tordna r-ritorn tal-minuri u tiċċertifika d-deċiżjoni tagħha skont l-Artikolu 42(2) tar-Regolament, meta fil-fatt ma kellhiex il-ġurisdizzjoni li tagħmel dan, minħabba li l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ deċiżjoni preċedenti favur in-nuqqas ta’ ritorn, mogħtija mill-qorti tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri, ma ġietx sodisfatta, din l-aħhar qorti tista’ tivverifika din il-kompetenza u jekk ikun il-każ, tiddeżisti milli tirrikonoxxi l-validità taċ-ċertifikat?

87.      Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għandha tkun negattiva.

88.      L-ewwel nett, huwa ċar li r-Regolament ma jipprevedi l-ebda verifika ta’ din in-natura. Anzi, il-fatt li meta jinħareġ ċertifikat li huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42(2), id-deċiżjoni “tiġi rikonoxxuta u [tkun] nfurzabbli fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni tal-infurzabilità u mingħajr ebda possibilità li topponi r-rikonoxximent tagħha”, jeskludi b’mod espliċitu dan il-kontroll.

89.      Din l-esklużjoni hija konformi mal-għan li jiġi żgurat li d-deċiżjoni meħuda fiċ-ċirkustanzi tal-Artikolu 11(8) tkun definittiva (infakkar li meta tingħata din d-deċiżjoni, il-perjodu ta’ sitt ġimgħat normalment previst fl-Artikolu 11(3), ikun ilu li skada), kif ukoll mal-prinċipju tal-fiduċja u tar-rikonoxximent reċiproku bejn il-qrati tal-Istati Membri.

90.      Dan ir-riżultat lanqas ma jippreġudika d-drittijiet tal-ġenitur li jkun ħataf il-minuri.

91.      Fl-ewwel lok, l-Artikolu 42 jipprovdi għadd ta’ garanziji proċedurali qabel ma l-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini tkun f’pożizzjoni li toħroġ tali ċertifikat.

92.      Fit-tieni lok, għalkemm l-Artikolu 43 jeskludi kwalunkwe appell kontra l-ħruġ taċ-ċertifikat innifsu, il-ġenitur li jkun ħataf il-minuri dejjem jista’ jippreżenta (skont ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru tal-oriġini), rikors kontra d-deċiżjoni ċċertifikata stess. Jekk il-qorti tal-appell tilqa’ dan ir-rikors – abbażi pereżempju tal-fatt li l-elementi mitliba mill-Artikolu 11(6) u (7) ma ġewx ikkunsidrati - tannulla d-deċiżjoni u, konsegwentement, l-effetti taċ-ċertifikat.

93.      Barra minn hekk, ir-Regolament innifsu jipprevedi li “[i]ċ-ċertifikat għandu jkollu effett biss fil-limiti ta’ l-infurzabilità tas-sentenza” (l-Artikolu 44). Barra minn hekk, l-Artikolu 47 jippreċiża li “sentenza li tkun ġiet iċċertifikata skond […] l-Artikolu 42(1) ma tistax tiġi nfurzata jekk ma tkunx konċiljabbli ma xi sentenza ta’ l-infurzar sussegwenti [sentenza sussegwenti li tkun eżegwibbli]”. Deċiżjoni tal-appell li tannulla l-ewwel deċiżjoni tissodisfa din il-kundizzjoni u, konsegwentement, timpedixxi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ċċertifikata.

94.      Għalhekk il-parti li tkun tixtieq tikkontesta ċ-ċertifikat mhijiex ipprojbita milli tressaq talba f’dan is-sens; il-proċedura korretta titlob li ssir talba għall-annullament tad-deċiżjoni li tat lok għaċ-ċertifikat.

95.      Fl-opinjoni tiegħi, din il-possibbiltà tkopri suffiċjentement lill-ġenitur li jkun ħataf il-minuri kontra kull aberrazzjoni mill-qorti tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja tal-minuri.

96.      Irrid inżid ngħid li għalkemm fis-sitwazzjoni ineżami, ir-Regolament jitlob li l-qorti tal-Istat Membru li trid teżegwixxi d-deċiżjoni tagħti prova ta’ din il-fiduċja reċiproka li fuqha jiddependi l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, il-fiduċja rikjesta mhijiex madankollu waħda għamja. Għall-kuntrarju, is-sistema eżistenti titlobha sempliċiment tirrikonoxxi u tirrispetta l-integrità, l-oġġettività u l-indipendenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor, li d-deċiżjoni tagħha tista’ tiġi appellata mill-parti li kontriha qed tintalab l-eżekuzzjoni, bl-istess mod kif tagħmel fir-rigward tal-qrati tal-Istat membru tagħha. Fl-aħħar mill-aħħar mhux qed jintalab wisq.

 Is-sitt domanda

97.      Peress li l-analiżi tiegħi tal-ħames domanda riżultanti fil-konklużjoni li d-deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2007 ittieħdet b’osservanza tal-proċedura prevista fir-Regolament, is-sitt domanda għal deċiżjoni preliminari, fondata fuq l-ipoteżi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ din il-proċedura, hija irrilevanti għall-każ preżenti.

98.      Madankollu, wieħed jinnota li joħroġ ċar mill-Artikoli 21 u 31(2) tar-Regolament, meħuda flimkien, li, bħala regola ġenerali, deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri jkollha tiġi rrikonoxxuta u eżegwita fi Stat Membru ieħor, sakemm ma teżistix xi raġuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent imsemmija fl-Artikolu 23, u l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini ma jkunx espressament eskluż mill-Artikolu 24.

99.      Mill-punti 86 sa 96 tal-analiżi tiegħi, hawn fuq indikati, jirriżulta wkoll illi l-verifika dwar l-osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 11 tar-Regolament, hija wkoll eskluża.

 Ir-raba’ domanda

100. L-ewwel erba’ domandi jikkonċernaw it-talba tal-omm għal deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent tad-deċiżjoni kkontestata tal-Amtsgericht Oranienburg tal-20 ta’ Ġunju 2007, inkwantu din tiddeċiedi dwar il-kustodja u r-ritorn tal-minuri. Dehrli li għandi nibda bir-raba’ waħda minn fost dawn id-domandi.

101. Il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi dwar is-sinjifikat tal-kundizzjoni “mingħajr preġudizzju għal Taqsima 4”, fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament.

102. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(3) jistabbilixxi:

“Mingħajr preġudizzju għal Taqsima 4 ta’ dan il-Kapitolu, kwalsijasi parti nteressata tista’, skond il-proċedimenti imsemmija f’Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu, tapplika għal deċizjoni li s-sentenza tiġi jew ma tiġix rikonoxxuta.”

103. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi għalhekk regola ġenerali (l-Artikolu 21 ikopri d-deċiżjonijiet kollha fil-kamp matrimonjali u tar-responsabbiltà tal-ġenituri), li tippermetti lil kull parti li għandha interess tressaq talba għar-rikonoxximent jew għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni li taqa’ fl-ambitu tar-Regolament, bir-riżerva eventwali tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III, Taqsima 4.

104. L-imsemmija Taqsima tikkonċerna ċerti deċiżjonijiet dwar id-dritt taż-żjara jew deċiżjonijiet li jordnaw ir-ritorn tal-minuri. F’dan l-aħħar każ, tapplika fir-rigward tar-ritorn tal-minuri wara li tkun ingħatat deċiżjoni li tordna r-ritorn tal-minuri, taħt l-Artikolu 11(8) [l-Artikolu 40(1)(b)], bħalma hija dik tal-kawża preżenti.

105. Konsegwentement, kull parti li għandha interess tista’ tressaq talba għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni li tordna r-ritorn tal-minuri, mogħtija fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fl-Artikolu 11(8), sakemm dan ma jkunx inkompatibbli ma’ dispożizzjoni tal-Kapitlou III, Taqsima 4, li bħala lex specialis, tieħu preċedenza fuq ir-regola ġenerali.

106. F’din it-Taqsima, l-Artikolu 42(1) jipprovdi, b’mod partikolari:

“Ir-ritorn ta’ l-minuri imsemmija fl-Artikolu 40(1)(b) bħala konsegwenza ta’ sentenza ta’ l-infurzar mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta u [tkun] nfurzabbli fi Stat Membru ieħor mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ l-infurzabilità u mingħajr ebda possibilità li topponi r-rikonoxximent tagħha jekk is-sentenza ġiet iċċertifikata fl-Istat Membru ta’ l-oriġini skond il-paragrafu 2”.

107. Għalhekk, f’każijiet bħal dak preżenti fejn dan iċ-ċertifikat ikun inħareġ, is-sinjifikat konkret tal-kundizzjoni, “mingħajr preġudizzju għal Taqsima 4” misjuba fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament, huwa li wieħed la jista’ jopponi r-rikonoxximent tad-deċiżjoni ċċertifikata u lanqas, a fortiori, jippreżenta talba indipendenti bl-għan li jikseb dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent.

 Il-tielet domanda

108. Il-konklużjoni tiegħi dwar ir-raba’ domanda, li timplika li ma tista’ ssir l-ebda talba għan-nuqqas ta’ rikonoxoxximent ta’ digriet għar-ritorn tal-minuri, mogħti fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 11(8) tar-Regolament u ċċertifikat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42(2), tirrendi inutli t-tielet domanda li hija fondata fuq l-ipoteżi li tali talba tista’ ssir.

109. Fil-fatt, f’każ bħal dan ma huwa permess l-ebda stħarriġ tad-deċiżjoni jew taċ-ċertifikat mill-qorti tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri, la ex officio u lanqas fuq talba tal-persuna li kontriha l-eżekuzzjoni tkun mitluba.

 L-ewwel u t-tieni domandi

110. L-istess jista’ jingħad għall-ewwel u t-tieni domandi, inkwantu dawn jikkonċernaw it-talba għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ dik il-parti tas-sentenza li tordna r-ritorn tal-minuri.

111. Madankollu, kuntrarjament għad-domandi l-oħra, il-portata ta’ dawn iż-żewġ domandi mhijiex espressament limitata għad-deċiżjoni li ordnat ir-ritorn tal-minuri. Sa fejn l-omm qed titlob ukoll deċiżjoni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ dik il-parti tas-sentenza li tattribwixxi l-kustodja tal-minuri lill-missier, dawn id-domandi jistgħu jibqgħu rilevanti. Fil-fatt, kuntrarjament għad-deċiżjoni li tordna r-ritorn, dan l-aspett mhuwiex irregolat mill-Kapitolu III, Taqsima 4 tar-Regolament, li teskludi kwalunkwe oppożizzjoni għar-rikonoxximent ta’ digriet li jordna r-ritorn, iċċertifikat kif mitlub, skond l-Artikolu 42(2).

112. Il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk parti li jkollha interess fis-sens tal-Artikolu 21 tar-Regolament, tistax titlob in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, jekk ma tkun tressqet l-ebda talba għan-nuqqas ta’ rikonoxximent u jekk iva, kif il-qorti li tkun qed teżamina din it-talba, imressqa minn persuna li kontriha t-talba tkun eżegwibbli, għandha tapplika l-Artikolu 31(1), li jistabbilixxi li din il-persuna ma tistax, f’dan l-istadju tal-proċeduri, tippreżenta s-sottomissjonijiet tagħha.

113. L-Artikolu 21 tar-Regolament jaqa’ taħt il-Kapitolu III, Taqsima 1, bit-titolu “Ir-Rikonoximent”. L-ewwel paragrafu tiegħu jistabbilixxi li deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru “għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali”. Madankollu, skont il-paragrafu 3 (bla ħsara għat-Taqsima 4 – li, kif indikajt, mhijiex rilevanti għad-deċiżjonijiet li jattribwixxu l-kustodja tal-minuri), “kwalsijasi parti nteressata tista’, skond il-proċedimenti msemmija fit-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu, tapplika għal deċizjoni li s-sentenza tiġi jew ma tiġix rikonoxxuta”. L-Artikolu 23 jindika seba’ raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-deċiżjonijiet fil-kamp tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

114. It-Taqsima 2 tal-Kapitolu III hija intitolata “L-applikazzjoni għall-dikjarazzjoni ta’ Infurzabilità”. L-Artikolu 28(1) jistabbilixxi li “[s]entenza dwar l-eżerċitar tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar il-minuri mogħtija fi Stat Membru li hija nfurzabbli f’dak l-Istat Membru u li ġiet notifikata għandha tigi nfurzata fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ kwalsijasi parti nteressata, ġiet iddikjarata nfurzabbli hemmhekk”. L-Artikolu 31(1) jistabbilixxi li qorti li quddiemha tkun tressqet talba, għandha tiddeċiedi mingħajr dewmien, mingħajr ma “[...] l-persuna li kontriha qiegħed jiġi mitlub l-infurzar [...], [tista’] f’dan l-istadju ta’ l-proċedimenti, [... tagħmel] xi sottomissjonijiet [...]”. Il-paragrafu 2 jippreċiża li “[l]-applikazzjoni [ir-rikors] tista’ tiġi rifjutata biss għal waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikoli 22, 23 u 24”. – li huma kollha raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent. L-Artikolu 33 jistabbilixxi li waħda mill-partijiet tista’, fi żmien xahar (paragrafu 5), tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni dwar it-talba għad-dikjarazzjoni tal-eżekuzzjoni (paragrafu 1) u li dan ir-rikors għandu jiġi eżaminat skont ir-regoli tal-proċeduri kontradittorji (paragrafu 3).

115. Nista’ nifhem l-oriġini tal-inċertezza tal-Lietuvos Aukščiausiasis teismas. Skont l-Artikolu 21(3), jidher li l-persuna li kontriha tista’ tiġi eżegwita d-deċiżjoni, (li ċertament hija “parti nteressata”) tista’ titlob in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ din d-deċiżjoni, filwaqt li l-Artikolu 31(1), jidher li jeskludi l-possibbiltà li din il-persuna (23) tippreżenta s-sottomissjonijiet tagħha f’dan l-istadju.

116. Biex tissolva d-dilemma, jidhirli li trid issir distinzjoni bejn ir-“rikonoxximent” u d-“dikjarazzjoni ta’ infurzabilità [tal-forza eżekuttiva]” tad-deċiżjoni. F’ċerti kuntesti, dawn iż-żewġ kunċetti bil-fors imorru id f’id. Dan jiġri, b’mod partikolari, fil-każ ta’ deċiżjoni li tinvolvi r-ritorn tal-minuri, fejn ir-rikonoxximent tal-validità mingħajr ma tiġi akkordata l-forza eżekuttiva ma jagħmilx sens. Min-naħa l-oħra, il-“[forza eżekuttiva]” mhijiex meħtieġa fil-każ ta’ deċiżjoni għad-divorzju, biex tippermetti lil xi ħadd mill-ex miżżewġin jerġa’ jiżżewweġ; is-sempliċi rikonoxximent tal-validità tad-deċiżjoni hija biżżejjed. Għal dak li jirrigwarda d-deċiżjoni għall-eżerċizzju tar-responsabbiltà tal-ġenituri, dan jiddependi miċ-ċirkustanzi. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim min-naħa tal-ġenitur li l-kustodja ma ġietx fdata lilu, dikjarazzjoni tal-forza eżekuttiva tkun meħtieġa. Jekk ikun hemm qbil bejn il-ġenituri, sempliċi rikonoxximent ikun biżżejjed.

117. Il-Kapitolu III, Taqsima 1, tar-Regolament jirregola r-rikonoxximent. L‑Artikolu 21(1) tiegħu jipprevedi l-awtomatiċità ta’ dan ir-rikonoxximent għal kwalunkwe deċiżjoni li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. Huwa ċar li l-leġiżlatur Komunitarju ried li dawn id-deċiżjonijiet kollha jibbenifikaw sistematikament minn rikonoxximent awtomatiku, fondat fuq il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka (ara l-premessi 21 u 23 tar-Regolament). Il-paragrafu 3 tal-istess Artikolu jippermetti madankollu li ssir talba għal deċiżjoni ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ rikonoxximent “skond il-proċedimenti imsemmija f’Taqsima 2”. Peress li t-Taqsima 2 tikkonċerna t-talbiet għal dikjarazzjonijiet tal-forza eżekuttiva, nikkonkludi minn dan li hija tittratta sitwazzjonijiet li jirrikjedu kemm ir-rikonoxximenrt kif ukoll l-eżekuzzjoni. Din is-sitwazzjoni teżisti fil-każ tal-kustodja tal-minuri lill-missier fil-każ preżenti, minħabba l-oppożizzjoni tal-omm.

118. Barra minn hekk, joħroġ ċar mill-Artikolu 31 tar-Regolament li l-proċedura għal dikjarazzjoni tal-forza eżekuttiva (li tkopri kemm it-talbiet għar-rikonoxximent kif ukoll dawk għan-nuqqas ta’ rikonoxximent) għandha tkun mingħajr dewmien u simplifikata. Dan huwa għal kollox koerenti mal-prinċipju tal-awtomatiċità tar-rikonoxximent, fondat fuq il-fiduċja reċiproka.

119. Għaldaqstant, kull talba għar-rikonoxximent jew nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjoni li tattribwixxi l-kustodja tal-minuri, trid tkun konformi mal-proċeduri tat-Taqsima 2. Il-problema li tqum f’kuntest bħal dak tal-każ preżenti, tidher li tkun waħda ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fil-pożizzjoni tal-partijiet biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u dan fid-dawl ta’ dak preskritt fl-Artikolu 31(1). Jekk il-ġenitur li lilu ġiet attribwita l-kustodja tal-minuri jrid li d-deċiżjoni tiġi rrikonoxxuta u eżegwita, għandu l-possibbiltà li jippreżenta s-sottomissjonijiet li jidhrulu meħtieġa, filwaqt li din il-possibbiltà hija eskluża għall-ġenitur l-ieħor. Għall-kuntrarju, jekk ikun il-ġenitur l-ieħor li jkun qed jitlob deċiżjoni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent, is-sitwazzjoni ma tinqelibx, għall-inqas minn interpreatzzjoni litterali tad-dispożizzjoni.

120. Fis-sottomissjonijiet li ġew ippreżentati lill-Qorti, ġie suġġerit li l-Artikolu 31(1), li jidher li jikkonċerna fuq kollox it-talbiet għal dikjarazzjonijiet ta’ rikonoxximent jew għal dikjarazzjonijiet tal-forza eżekuttiva, għandu jiġi interpretat kemm bħala applikabbli mutatis mutandis għat-talbiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent (jiġifieri jekk l-espressjoni “l-persuna li kontriha qiegħed jiġi mitlub l-infurzar” tiġi interpretata bħala “il-persuna li topponi t-talba”), kif ukoll bħala li ma tapplikax għal dawn it-talbiet.

121. Min-naħa tiegħi nqis li ma hemm l-ebda raġuni imperattiva għall-eliminazzjoni tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni litterali. L-eżistenza tad-differenza fil-pożizzjoni tal-partijiet biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom ma tistax tiġi miċħuda, iżda hija konformi mal-primordjalità mogħtija lill-fiduċja u lir-rikonoxximent reċiproċi. Mhijiex daqshekk sinjifikattiva daqs kemm wieħed jistħajjel u mhijiex tali li ċċaħħad lill-parti żvantaġġjata mill-possibbiltà li tippreżenta l-argumenti tagħha.

122. Minn banda, fil-każ ta’ talba għar-rikonoxximent u għall-eżekuzzjoni, magħmula mill-ġenitur li lilu ġiet attribwita l-kustodja, huwa evidenti li l-qorti li quddiemha tressqet it-talba għandha, f’kull każ, tivverifika l-eżistenza eventwali tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent, li għalihom jagħmel referenza l-Artikolu 31(2). Dawn huma l-uniċi raġunijiet li seta’ jqajjem il-ġenitur l-ieħor. Dan tal-aħħar għalhekk huwa mċaħħad biss mill-possibbiltà li jiżviluppa l-argumenti tiegħu dwar ir-raġunijiet għaċ-ċaħda.

123. Min-naħa l-oħra, meta jkun dan il-ġenitur li jagħmel it-talba għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-deċiżjoni, it-talba ma tistax issir ħlief permezz ta’ att li jesponi l-allegati raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent. Anki jekk dan il-ġenitur ma jistax ikompli jiżviluppa l-argumenti tiegħu f’dan l-istadju, filwaqt li l-ġenitur li lilu ġiet fdata l-kustodja jista’ jippreżenta s-sottomissjonijiet li jqis idonei, l-opinjoni tiegħu xorta waħda tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti adita. Fil-fatt ninsabu fil-kuntest ta’ proċedura li hija limitata għal skambju wieħed ta’ argumenti bejn il-partijiet, li mhijiex xi ħaġa rari għal proċedura mgħaġġla u simplifikata.

124. Fiż-żewġ każijiet, iż-żewġ partijiet jistgħu jappellaw skont ir-regoli tal-proċeduri kontradittorji, taħt l-Artikolu 33 tar-Regolament.

125. Is-sistema eżistenti tiżgura għalhekk ekwilibriju raġonevoli bejn l-għanijiet li jiġu żgurati r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet, skont il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka, permezz ta’ proċedura mgħaġġla u simplifikata, u d-dritt għal smigħ xieraq, li ċertament l-ebda waħda mill-partijiet ma hija mċaħħda minnu.

 Konklużjoni

126. Għar-raġunijiet hawn fuq esposti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi tal-Lietuvos Aukščiausiasis teismas kif ġej:

“Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        l-adozzjoni ta’ deċiżjoni favur ir-ritorn tal-minuri mill-qorti tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja, wara li l-qorti tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri tkun tat deċiżjoni favur ir-ritorn, bl-ebda mod ma hija inkompatibbli mal-għanijiet u l-proċeduri tar-Regolament;

–        bħala regola, il-ħruġ taċ-ċertifikat, imsemmi fl-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 2201/2003 mill-qorti tal-Istat Membru tar-residenza ordinarja tal-minuri, fir-rigward ta’ deċiżjoni favur ir-ritorn minnha mogħtija, wara li l-qorti tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri tkun hija stess iddeċidiet favur ir-ritorn, mhuwiex konformi mal-proċeduri tar-Regolament;

–        il-fatt li deċiżjoni favur in-nuqqas ta’ ritorn tingħata minn qorti tal-Istat Membru fejn jinsab il-minuri huwa biżżejjed biex jingħata lok għall-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 11(6) sa (8) tar-Regolament Nru 2201/2003, ikun xi jkun l-eżitu ta’ din id-deċiżjoni, u b’mod partikolari anki jekk din tiġi appellata jew annullata;

–        meta qorti ta’ Stat Membru tagħti deċiżjoni li tordna r-ritorn tal-minuri u tiċċertifika din id-deċiżjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-kompetenza tagħha biex tagħmel dan ma tistax tiġi kkontestata ħlief billi jiġi intavolat appell mid-deċiżjoni quddiem il-qorti superjuri kompetenti tal-istess Stat Membru, ħaġa li teskludi kwalunkwe verifika mill-qrati tal-Istat Membru rikjest;

–        meta dan iċ-ċertifikat ikun inħareġ, wieħed la jista’ jopponi r-rikonoxximent tad-deċiżjoni ċċertifikata u lanqas, a fortiori, jippreżenta talba indipendenti bl-għan li jikseb dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent;

–        fil-każ ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji oħra li l-oppożizzjoni għar-rikonoxximent tagħhom mhijiex eskluża mill-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 2201/2003, parti li jkollha interess fis-sens tal-Artikolu 21 tal-imsemmi Regolament tista’ tagħmel talba għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tagħhom, anki jekk preliminarjament ma tkunx tressqet talba għar-rikonoxximent tagħhom;

–        f’każ bħal dan, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jawtorizzaw lil din il-parti sabiex tesponi fir-rikors tagħha l-allegati raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent, iżda mhux li tirrispondi għall-argumenti tal-parti l-oħra f’dan l-istadju tal-proċeduri.”


1 – Lingwi oriġinali: il-Franċiż u l-Ingliż.


2 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar [l-eżekuzzjoni] ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU L 338, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).


3 – Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal, magħmula fil-25 ta’ Ottubru 1980, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni” jew il-“Konvenzjoni tal-Aja”. Wieħed jinnota li kuntrarjament għar-Regolament, il-konvenzjoni ma tirregolax il-ġurisdizzjoni. F’dan ir-rigward ir-Regolament huwa ispirat mir-regoli stabbiliti fil-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Eżekuzzjoni u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u ta’ Miżuri għall-Ħarsien tat-Tfal, magħmula fl-Aja fid-19 ta’ Ottubru 1996, li għadha mhix fis-seħħ bejn l-Istati Membri kollha, partikolarment bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Litwanja. Wieħed jinnota li skont l-Artikolu 60 tar-Regolament, dan ta’ l-aħħar jipprevali fuq il-konvenzjoni, f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjonijiet regolati minnu.


4 –      Din ir-referenza ineżatta qed tintuża għall-finijiet ta’ konċiżjoni u tirreferi kemm għall-Klaipėdos apylinkės teismas (tribunal tad-distrett ta’ Klaipėda), qorti tal-ewwel istanza, kif ukoll għall-Klaipėdos apygardos teismas (tribunal reġjonali ta’ Klaipėda), qorti tat-tieni istanza.


5 – Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament, il-kelma “sentenza” għandha tfisser divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ, kif ukoll sentenza dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, iddikjarata minn qorti ta’ Stat Membru, hi x’inhi l-kelma li tista’ tissejjah biha s-sentenza, inklużi diġriet, ordni jew deċiżjoni.


6 – Rapport li huwa disponibbli fuq is-sit tal-Konferenza tal-Aja tad-dritt internazzjonali privat, punt 16 [traduzzjoni libera]. Wieħed jista’ jżid bħala ġustifikazzjoni l-fatt li “(i)l-ġenitur li jaħtaf lill-minuri għandu vantaġġ inkondizzjonali: iż-żmien. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar jiddgħajfu r-rabtiet mal-post preċedenti u iktar ikun diffiċli li wieħed imur lura għall-istatu quo ante” [traduzzjoni libera] (Hugues Fulchiron, “La lutte contre les enlèvements d’enfants”, Le nouveau droit communautaire du divorce et de la responsabilité parentale, Dalloz, 2005). Ir-ritorn immedjat u effettiv tal-minuri huwa għalhekk eżiġenza imperattiva.


7 – Ara wkoll il-“Gwida Prattika għall-Applikazzjoni tar-Regolament ‘Brussell II’, kif Emendat” (dokument maħruġ mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni man-netwerk ġudizzjarju Ewropew, iktar ’il quddiem il-“Gwida Prattika”), Taqsima VII, p. 37: “Ir-Regolament għandu l-għan li jiskoraġġixxi l-ħtif tat-tfal bejn l-Istati Membri u fl-eventwalità li dan xorta jseħħ, li jiżgura r-ritorn tagħhom mingħajr dewmien fl-Istat Membru tal-oriġini” [traduzzjoni mhux ufficiali].


8 – Aktar ’il quddiem se nuża t-taqsira: “Stat Membru tar-residenza ordinarja” biex nirreferi għall-Istat li minnu nħataf il-minuri u fejn kellu r-residenza ordinarja tiegħu qabel ma nħataf.


9 – Tal-20 ta’ Novembru 1989, ratifikata mill-Istati Membri kollha.


10 – ĠU 2000, C 364, p. 1 (iktar reċentement, ĠU 2007, C 303, p. 1).


11 – Ara l-punti 34 et seq, iktar ’il quddiem.


12 – Din id-deċiżjoni ma tinsabx fil-proċess tal-Qorti, iżda jidher li huwa paċifiku li ċ-ċaħda kienet imsejsa fuq l-Artikolu 13(b) tal-konvenzjoni, li tipprevedi din il-possibbiltà jekk “jeżisti riskju gravi li r-ritorn tal-minuri jesponih għal periklu fiżiku u psikoloġiku, jew b’xi mod ieħor ipoġġih f’sitwazzjoni intollerabili” [traduzzjoni mhux ufficiali].


13 – Wieħed jinnota li skont l-informazzjoni mogħtija mill-aġent tal-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, din id-deċiżjoni ġiet komunikata mill-awtorità ċentrali Litwana, lill-awtorità ċentrali Ġermaniża, li għaddietha lill-avukat tal-missier, iżda, bi żball ma ntbagħtitx lill-Amtsgericht Oranienburg. Madankollu, jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ dan it-Tribunal tal-20 ta’ Ġunju 2007, kif ukoll mis-sentenza konfermatorja tal-Branderburgisches Oberlandesgericht tal-20 ta’ Frar 2008, li dawn il-qrati ħadu konjizzjoni ta’ din id-deċiżjoni.


14 – Iżda kulleġġ ġudikanti ieħor, skont informazzjoni mogħtija waqt is-seduta mir-rappreżentant tal-missier.


15 – Mis-sentenzi Ġermaniżi li jinsabu fil-proċess jidher li l-omm kienet rappreżentata u setgħet tippreżenta s-sottomissjonijiet tagħha, għalkemm ma dehritx għall-proċeduri li taw lok għas-sentenzi tal-Amtsgericht Oranienburg tal-14 ta’ Awwissu 2006 u tal-20 ta’ Ġunju 2007, u li kienet personalment preżenti u nstemgħet waqt il-proċeduri li wasslu għas-sentenza konfermatorja tal-Branderburgisches Oberlandesgericht tal-20 ta’ Frar 2008. Dawn l-elementi ġew ikkonfermati waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għaliha l-omm kienet ukoll preżenti.


16 – Inkwantu l-Artikoli 12 u 13 tal-konvenzjoni ma jirregolawx il-ġurisdizzjoni, iżda fihom struzzjonijiet immirati lejn il-qrati kollha kompetenti, li għalihom jirreferi l-Artikolu 11(1) sa (5).


17 – L-enfasi hija tiegħi.


18 – Huwa evidenti li l-kliem “marbuta ma’ din it-talba” juru li t-talba trid tkun effettivament ippreżentata; mhux biżżejjed li l-qorti tista’, ipotetikament, ikollha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar talba bħal din.


19 – Il-Gwida Prattika tal-Kummissjoni fil-punt VII.2.4, tistabbilixxi li biex ikun osservat il-perijodu ta’ sitt ġimgħat taħt l-Artikolu 11(3), id-dritt intern tal-Istati Membri għandu a) jeskludi l-possibbiltà tal-appell minn deċiżjoni li tinvolvi r-ritorn tal-minuri, jew b) tipprevedi l-possibbiltà tal-appell, iżda wkoll li d-deċiżjoni tkun tista’ tiġi eżegwita waqt l-appell, jew c) tiżgura li l-appell ikun trattat b’urġenza. Wieħed jinnota li f’dan l-ispirtu, il-liġi Litwana tidher li teskludi l-appell kontra d-deċiżjoni mogħtija f’dan il-każ mil-Lietuvos apeliacinis teismas tal-15 ta’ Marzu 2007, li tordna r-ritorn tal-minuri (anki jekk proċeduri oħra għall-ftuħ mill-ġdid tal-kwistjoni fil-fatt ma jidhrux esklużi).


20 – Il-verżjoni Spanjola, “aun cuando se haya dictado una resolución de no restitución”, tagħmel din l-interpretzzjoni iktar plawżibbli.


21 – L-enfasi f’kull każ hija tiegħi. Fil-paragrafu 8, ċerti verżjonijiet lingwistiċi jħallu barra l-ekwivalenti tal-kliem “taqta’” jew “ħarġet”, peress li grammatikament mhumiex neċessarji.


22 – Madankollu huwa ċar li d-deċiżjoni għan-nuqqas tar-ritorn trid tkun ingħatat – ara l-kunsiderazzjonijiet fil-punt 64, iktar ’il fuq.


23 – Meta deċiżjoni tatribwixxi l-kustodja lil wieħed mill-ġenituri, tista’ tidher stramba li wieħed jitkellem dwar l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni kontra l-ġenitur l-ieħor, pero` toħroġ ċara mill-istruttura tal-Kapitolu III, Taqsima 2, tar-Regolament, li l-kunċett ta’ “persuna li kontriha huwa mitlub l-infurzar [l-eżekuzzjoni]” ikopri l-ġenitur li l-kustodja ma ġietx fdata lilu.

Top