Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CP0066

    Opinjoni tal-Avukat Ġenerali - Bot - 28 ta' April 2008.
    Szymon Kozłowski.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Stuttgart - il-Ġermanja.
    Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali - Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI - Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri - Artikolu 4(6) - Raġuni għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew - Interpretazzjoni tat-termini ‘residenta’ u ‘toqgħod’ fl-Istat Membru li jesegwixxi.
    Kawża C-66/08.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008 I-06041

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2008:253

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    BOT

    ippreżentata fit-28 ta’ April 2008 ( 1 )

    Kawża C-66/08

    Proċeduri dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra Szymon Kozłowski

    “Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali — Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Mandat ta’ arrest Ewropew u proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri — Artikolu 4(6) — Raġuni għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew — Interpretazzjoni tat-termini ‘residenta [residenti]’ u ‘toqgħod’ fl-Istat Membru li jeżegwixxi”

    1. 

    F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddeċiedi għall-ewwel darba dwar il-portata tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI ( 2 ), li jipprovdi raġuni għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

    2. 

    Skont din id-dispożizzjoni, l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru li jeżegwixxi (iktar ’il quddiem l-“awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi”) għandha l-possibbiltà li ma teżegwixxix mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, jekk il-persuna mfittxija tkun toqgħod fi, jew hija ċittadina jew residenti tal-Istat Membru li jeżegwixxi, u dak l-Istat jintrabat li jeżegwixxi huwa nnifsu din is-sentenza.

    3. 

    L-Oberlandesgericht Stuttgart (il-Ġermanja), abbażi tad-dikjarazzjoni li saret mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja b’mod konformi mal-Artikolu 35 UE, għandha d-dritt li tagħmel rinviju preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għall-interpretazzjoni ta’ att adottat fil-kuntest tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali ( 3 ), bħalma hija d-Deċiżjoni Qafas. Din il-qorti tistaqsi taħt liema kundizzjonijiet tista’ tiġi applikata r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 4(6) tal-imsemmija deċiżjoni għal ċittadin Polakk, S. Kozłowski, li huwa s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest maħruġ mir-Repubblika tal-Polonja għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija u li attwalment jinsab detenut fil-Ġermanja fejn qed jiskonta piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin u sitt xhur.

    4. 

    L-imsemmija qorti tistaqsi, b’mod iktar speċifiku, taħt liema kundizzjonijiet S. Kozłowski jista’ jitqies li qed joqgħod jew huwa residenti fil-Ġermanja fid-dawl taċ-ċirkustanzi li ġejjin: huwa ma qagħadx hemmhekk b’mod kontinwu, huwa ma qagħadx hemmhekk b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-dħul u r-residenza għall-barranin, huwa hemmhekk wettaq reati b’mod sistematiku, u fl-aħħar nett, huwa miżmum f’detenzjoni hemmhekk.

    5. 

    Hija tistaqsi wkoll dwar il-konklużjonijiet li għandhom jiġu dedotti mill-fatt li l-persuna kkonċernata ma tatx il-kunsens tagħha għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u li, skont id-dritt domestiku, ċittadin Ġermaniż li jopponi ruħu għall-eżekuzzjoni ta’ tali mandat ta’ arrest ma jistax jiġi kkonsenjat kontra r-rieda tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru ieħor.

    6. 

    L-Oberlandesgericht talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tittratta din il-kawża skont il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, minħabba li S. Kozłowski, li s-sentenza ta’ priġunerija tiegħu fil-Ġermanja għandha tintemm fl-10 ta’ Novembru 2009, jista’ jingħata l-libertà sa mill-10 ta’ Settembru 2008.

    7. 

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ma laqgħetx din it-talba għar-raġuni li din waslitilha qabel l-1 ta’ Marzu 2008, id-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet li tissuġġetta l-imsemmija talba għall-proċedura mħaffa, prevista fl-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura.

    8. 

    Skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura mħaffa, għandha tiddeċiedi “wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali”. Madankollu, minħabba li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma ġodda u minħabba l-importanza tagħhom għas-sistema legali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jidhirli li jeħtieġ li nippreżenta bil-miktub ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati r-risposti li ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

    9. 

    F’din l-opinjoni, jiena ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, fl-ewwel lok, li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li ċittadin ta’ dak l-Istat ma jistax jiġi kkonsenjat kontra r-rieda tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru ieħor b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tmur kontra d-Deċiżjoni Qafas. Minn dan niddeduċi li tali leġiżlazzjoni ma tistax tipprekludi l-eżekuzzjoni, mill-awtorità ġudizzjarja Ġermaniża kompetenti, tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mir-Repubblika tal-Polonja kontra S. Kozłowski.

    10. 

    Fit-tieni lok ser neżamina l-kunċetti ta’ “toqgħod” u “residenta [residenti]” fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas. Ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li persuna toqgħod jew tkun residenti fl-Istat Membru li jeżegwixxi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta dik il-persuna jkollha ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha hemmhekk, b’mod li l-eżekuzzjoni tas-sentenza f’dan l-Istat tkun tidher li hija neċessarja sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ din il-persuna. Ser nindika li l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi, sabiex tevalwa jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta, għandha teżamina l-fatti rilevanti kollha tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata.

    11. 

    Sussegwentement ser nagħti r-raġunijiet għalfejn, fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-persuna li kontriha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew tkun qagħdet b’mod interrott fl-Istat Membru li jeżegwixxi u tkun tinsab detenuta f’dak il-pajjiż ma jikkostitwixxux kriterji determinanti jew rilevanti għall-evalwazzjoni jekk hija toqgħodx jew hijiex residenti f’dak l-Istat, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas.

    12. 

    Fl-aħħar nett, ser nindika li l-fatt li l-persuna kkonċernata tkun toqgħod fl-Istat Membru li jeżegwixxi bi ksur tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat dwar id-dħul u r-residenza tal-barranin u l-fatt li hija twettaq reati b’mod sistematiku hemmhekk ma jipprekludux li hija tikkwalifika bħala persuna li toqgħod jew li hija residenti f’dak l-Istat, meta din il-persuna tkun ċittadin tal-Unjoni, ħlief jekk hija kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija b’mod konformi mad-dritt Komunitarju.

    I — Il-kuntest ġuridiku

    A — Id-Deċiżjoni Qafas

    13.

    L-għan tad-Deċiżjoni Qafas huwa li tneħħi, bejn l-Istati Membri, il-proċedura formali ta’ estradizzjoni prevista mid-diversi konvenzjonijiet li l-Istati huma partijiet fihom u li din tiġi ssostitwita b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ( 4 ). Din hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet fil-qasam penali, li jikkostitwixxi l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ( 5 ). Is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew, stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas, hija bbażata fuq “livell għoli ta’ kunfidenza [fiduċja]” bejn l-Istati Membri ( 6 ).

    14.

    It-titolu tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas huwa intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit”. Dan jipprovdi:

    “1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna mfittxija, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta’ prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

    2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas].

    3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea.”

    15.

    Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas, meta jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, din għandha tkun sentenza ta’ mill-inqas erba’ xhur.

    16.

    L-istess Artikolu 2 jipprovdi lista ta’ 32 reat li, jekk ikunu punibbli fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat b’sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin, il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi eżegwit anki jekk il-fatti inkwistjoni ma jkunux sanzjonati fl-Istat Membru li jeżegwixxi. Għar-reati l-oħrajn, il-konsenja tal-persuna li kontriha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta mill-Istat Membru li jeżegwixxi għall-kundizzjoni tal-inkriminazzjoni doppja tagħhom.

    17.

    L-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas jistabbilixxu, rispettivament, r-raġunijiet għall-obbligu li ma jiġix eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew u għar-raġunijiet għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. L-Artikolu 4(6) ta’ din id-deċiżjoni qafas jistabbilixxi:

    “L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew:

    […]

     

    jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew ġie maħruġ għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni, fejn il-persuna mfittxija qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta’ l-Istat Membru li jesegwixxi u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi s-sentenza jew ordni ta’ detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu.”

    18.

    Din ir-raġuni għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni hija ssupplimentata bl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas, li huwa applikabbli meta l-mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għal skopijiet ta’ proċeduri kriminali. Skont din id-dispożizzjoni, il-konsenja li hija s-suġġett ta’ tali mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna, meta tkun ċittadina jew residenti tal-Istat Membru li jeżegwixxi, tiġi rritornata lill-Istat Membru li jeżegwixxi sabiex tiskonta hemmhekk is-sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni deċiża kontriha fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat.

    19.

    Id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi wkoll id-drittijiet li għandha l-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Skont l-Artikolu 11 ta’ din id-deċiżjoni qafas, din il-persuna għandha tiġi informata mill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi, fost l-oħrajn, dwar il-possibbiltà li għandha li tagħti l-kunsens tagħha għall-konsenja lill-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-mandat (iktar ’il quddiem l-“awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat”).

    20.

    Dan il-kunsens għandu jingħata quddiem l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi, f’ċirkustanzi li juru li l-kunsens ingħata volontarjament, u l-persuna kkonċernata tista’ tkun assistita minn avukat u, jekk ikun il-każ, minn interpretu. Il-kunsens għandu jiġi rreġistrat formalment u, fil-prinċipju, huwa irrevokabbli ( 7 ).

    21.

    Skont l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi għandha tiddeċiedi, fit-termini u taħt il-kundizzjonijiet definiti fid-Deċiżjoni Qafas, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata. Skont l-istess artikolu, jekk l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tqis li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru li joħroġ il-mandat ma tkunx suffiċjenti, hija tista’ titolbu jipprovdi b’urġenza informazzjoni supplimentari.

    22.

    L-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas jistabbilixxi t-termini ta’ skadenza u l-proċeduri għad-deċiżjoni biex jiġi eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew. Huwa jipprovdi:

    “1.   Mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat bħala kwistjoni ta’ urġenza.

    2.   F’każijiet fejn il-persuna mfittxija tagħti kunsens għaċ-ċediment tagħha, id-deċiżjoni finali fuq l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ għaxart ijiem wara li l-kunsens ġie mogħti.

    3.   F’kazijiet oħra, id-deċiżjoni finali fuq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 60-il ġurnata wara l-arrest tal-persuna mfittxija.

    […]”

    23.

    Il-persuna mfittxija għandha tiġi kkonsenjata fl-iqsar żmien possibbli lill-awtorità ġudizzjarja li tkun ħarġet il-mandat, u sa mhux iktar tard minn għaxart ijiem mid-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Madankollu, meta din il-persuna tkun diġà ġiet ikkundannata għal fatti oħrajn minbarra dawk imsemmija fil-mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tista’ tiddiferixxi l-konsenja tagħha sabiex hija tkun tista’ tiskonta l-piena tagħha fl-Istat Membru li jeżegwixxi ( 8 ).

    B — Id-dritt nazzjonali

    24.

    L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas ġie traspost fid-dritt Ġermaniż f’dispożizzjonijiet differenti skont jekk il-persuna kkonċernata hijiex ċittadin Ġermaniż jew ċittadin barrani.

    25.

    Is-sitwazzjoni taċ-ċittadini Ġermaniżi hija rregolata mill-Artikolu 80(3) tal- Liġi dwar l-assistenza ġudizzjarja internazzjonali reċiproka f’materji kriminali (Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen), tat-23 ta’ Diċembru 1982, kif emendata bil-Liġi dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (Europäisches Haftbefehlsgesetz), tal-20 ta’ Lulju 2006 ( 9 ). Din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:

    “L-estradizzjoni ta’ ċittadin Ġermaniż għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena tista’ ssir biss jekk il-persuna mfittxija tagħti l-kunsens tagħha, li għandu jitniżżel fil-verbal tas-seduta, wara li tkun ġiet debitament infurmata. […]”

    26.

    Is-sitwazzjoni tal-barranin, kemm jekk ikunu ċittadini ta’ Stat Membru ieħor kif ukoll jekk ikunu ċittadini ta’ Stat terz, hija rregolata mill-Artikolu 83b(2) tal-IRG. Dan jipprovdi:

    “L-estradizzjoni ta’ ċittadin barrani li r-residenza abitwali tiegħu tinsab fit-territorju nazzjonali tista’ wkoll tiġi rifjutata meta

    […]

    b)

    fil-każ ta’ estradizzjoni għall-finijiet ta’ l-eżekuzzjoni ta’ sentenza, dan ta’ l-aħħar ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-estradizzjoni wara li jiġi debitament informat bid-drittijiet tiegħu, liema nuqqas ta’ kunsens jitniżżel fil-verbal tas-seduta, u meta jipprevali l-interess tiegħu li s-sentenza tiġi esegwita fil-Ġermanja, liema interess ikun jimmerita protezzjoni […]”

    27.

    Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn jiffavorixxu liċ-ċittadini Ġermaniżi u ma jagħmlux distinzjoni bejn il-barranin li jkunu ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn u dawk ta’ Stati terzi, ġew adottati wara d-deċiżjoni tal-Bundesverfassungsgericht (il-Ġermanja), mogħtija fit-18 ta’ Lulju 2005, fejn kien ġie ddikjarat li l-liġi preċedenti kienet tmur kontra l-kostituzzjoni peress li kienet tippreġudika b’mod sproporzjonat id-dritt fundamentali ta’ kull Ġermaniż li ma jkunx suġġett għal estradizzjoni ( 10 ).

    28.

    Mil-lat proċedurali, il-qorti tar-rinviju tindika li d-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra ċittadin barrani tittieħed, meta l-persuna kkonċernata ma tagħtix il-kunsens tagħha biex tiġi kkonsenjata, mill-Generalstaatsanwaltschaft ( 11 ), u li din id-deċiżjoni hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Oberlandesgericht.

    II — Il-kuntest fattwali

    29.

    L-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi rċevew talba għall-konsenja ta’ S. Kozłowski, permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fit-18 ta’ April 2007 mill-qorti ta’ Bydgoszcz (il-Polonja), għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija ta’ ħames xhur mogħtija minn sentenza li saret definittiva.

    30.

    S. Kozłowski ma tax il-kunsens tiegħu għal din il-konsenja. Il-Generalstaatsanwaltschaft Stuttgart, l-awtorità ġudizzjarja Ġermaniża li teżegwixxi, informatu fit-18 ta’ Ġunju 2007 li hija kellha l-intenzjoni li ma tinvoka ebda raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni. Effettivament, skont din l-awtorità, il-persuna kkonċernata m’għandhiex ir-residenza abitwali tagħha fil-Ġermanja u l-uniku skop taż-żjarat ripetuti tagħha f’dan l-Istat Membru kien li żżid l-ammonti miksuba mit-twettiq ta’ reati mal-ammonti żgħar ta’ benefiċċji tal-qgħad li hija tirċievi mill-Polonja u l-assistenza materjali mill-ġenituri tagħha. Il-Generalstaatsanwaltschaft hija wkoll tal-fehma li m’hemmx lok li jinbeda stħarriġ dettaljat u li jieħu ż-żmien dwar fejn, meta, għand min u għal-liema skopijiet il-persuna mfittxija qagħdet fil-Ġermanja. Huwa għalhekk li hija talbet lill-Oberlandesgericht biex tawtorizza l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

    31.

    Bħalissa S. Kozłowski jinsab fil-ħabs ta’ Stuttgart (il-Ġermanja) fejn qed jiskonta piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin u sitt xhur, li għaliha ġie kkundannat permezz ta’ żewġ sentenzi tal-Amtsgericht Stuttgart (il-Ġermanja), tas-27 ta’ Lulju 2006 u tal-25 ta’ Jannar 2007, għal diversi reati ta’ frodi mwettqa fil-Ġermanja.

    32.

    Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont is-sentenzi ta’ kundanna mogħtija fil-konfront ta’ S. Kozłowski, huwa ġuvni u m’għandux tfal. Huwa ftit jaf, anzi kważi ma jaf xejn, Ġermaniż u ilu alkoħoliku sa mis-sena 2002. Huwa trabba fil-Polonja. Wara li temm l-iskola, huwa segwa kors ta’ taħriġ bħala kok u ħadem bħala kok sat-tmiem tas-sena 2003. Għal madwar sena S. Kozłowski rċieva benefiċċji tal-qgħad ta’ madwar EUR 100 fix-xahar. L-aħħar post ta’ residenza tiegħu fil-Polonja kien f’Sosno (Województwo kujawsko-pomorskie).

    33.

    Fi Frar 2005, skont is-sentenza tas-27 ta’ Lulju 2006, S. Kozłowski mar il-Ġermanja sabiex jaħdem hemmhekk. Huwa ħadem okkażjonalment fis-settur tal-bini u qagħad fil-Ġermanja, b’interruzzjoni matul il-vaganzi tal-Milied, sa meta ġie arrestat fl-10 ta’ Mejju 2006.

    34.

    Min-naħa l-oħra, skont is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, S. Kozłowski mar diversi drabi fil-Ġermanja wara x-xahar ta’ Jannar 2005, iżda kienet il-familja tiegħu li, għall-bqija, ipprovdietlu l-manteniment. Fix-xhieda tiegħu, huwa ddikjara li kien mar il-Ġermanja biex ifittex xogħol sabiex ikun jista’ jħallas id-drittijiet tal-avukat relatati mal-kawża li fiha nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew. Huwa ddikjara wkoll li kien iltaqa’ ma kumpanija ħażina u li jixtieq jibqa’ fil-Ġermanja wara li jiġi lliberat.

    III — Ir-rinviju preliminari

    35.

    L-Oberlandesgericht tiddikjara li għandha ż-żewġ domandi li ġejjin. Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk ir-residenza abitwali ta’ S. Kozłowski kinitx fit-territorju Ġermaniż u jekk għadhiex hemmhekk. Jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fin-negattiv, hija tawtorizza l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, ladarba huma sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha l-oħra stabbiliti mid-dritt Ġermaniż għal dan il-għan. Jekk, għall-kuntrarju, ir-risposta tkun fl-affermattiv, l-Oberlandesgericht ikollha tannulla d-deċiżjoni tal-Generalstaatsanwaltschaft li ma tinvokax raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, peress li dik id-deċiżjoni hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ residenza abitwali fit-territorju nazzjonali.

    36.

    B’mod iktar preċiż, hija tistaqsi dwar il-konklużjonijiet li għandhom jiġu dedotti miċ-ċirkustanzi segwenti għal din l-evalwazzjoni:

    l-interruzzjonijiet fiż-żmien li fih S. Kozłowski qagħad fil-Ġermanja matul il-vaganzi tal-Milied 2005, possibilment anki f’Ġunju 2005, u fi Frar u f’Marzu 2006;

    il-fatt li S. Kozłowski, għal iktar minn tliet xhur wara d-dħul tiegħu fil-Ġermanja, m’għamel ebda xogħol u kien jaqla’ l-biċċa l-kbira tal-għixien tiegħu billi jwettaq reati, b’tali mod li l-legalità tal-preżenza tiegħu fil-Ġermanja tidher li hija inċerta, u

    il-fatt li S. Kozłowski jinsab f’detenzjoni.

    37.

    Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt Ġermaniż li jittrasponi l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas huwiex konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Hija tixtieq, b’mod partikolari, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk, u f’dan il-każ sa fejn, huwa possibbli li ssir distinzjoni bejn iċ-ċittadini nazzjonali u ċ-ċittadini barranin li huma ċittadini tal-Unjoni.

    38.

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Oberlandesgericht tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn iż-żewġ domandi:

    “1)

    Persuna tista’ tiġi kkunsidrata bħala li qed ‘toqgħod’ jew li hija ‘resident[i]’ fi Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas […], meta din il-persuna

    a)

    ma toqgħodx b’mod mhux interrott fl-Istat Membru [li jeżegwixxi];

    b)

    toqgħod f’dan l-Istat Membru mingħajr ma tosserva l-liġi dwar id-dħul u r-residenza għall-barranin;

    c)

    twettaq reati hemmhekk b’mod sistematiku u/jew

    d)

    tkun miżmuma f’detenzjoni hemmhekk għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena?

    2)

    Traspożizzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas […] li teskludi fi kwalunkwe każ il-konsenja kontra r-rieda tiegħu, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza, ta’ ċittadin tal-Istat Membru [li jeżegwixxi], filwaqt li tagħti lill-awtoritajiet tal-Istat inkwistjoni setgħa diskrezzjonali sabiex tiġi awtorizzata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Eworpew maħruġ kontra ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jopponu għall-konsenja tagħhom, hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari mal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ċittadinanza tal-Unjoni taħt l-Artikolu 6(1) UE moqri flimkien mal-Artikoli 12 KE u 17 KE et seq? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, dawn il-prinċipji għandhom jiġu osservati almenu fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali?”

    IV — Analiżi

    39.

    Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, fl-ewwel lok, it-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. L-eżami tad-domandi preliminari f’din l-ordni huwa ġġustifikat, fil-fehma tiegħi, mill-fatt li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jipprekludi l-konsenja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru għajr ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kontra r-rieda tiegħu, peress li n-nuqqas ta’ kunsens ta’ ċittadin Ġermaniż jeskludi tali konsenja, l-ewwel domanda ssir irrilevanti.

    A — Fuq it-tieni domanda preliminari

    40.

    Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi jekk id-differenza fit-trattament prevista mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża bejn iċ-ċittadini Ġermaniżi u dawk tal-Istati Membri l-oħrajn, f’dak li jirrigwarda l-effetti tan-nuqqas ta’ kunsens tal-persuna li kontriha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew hijiex konformi mad-dritt Komunitarju.

    41.

    Hija tagħmel din id-domanda peress li, skont l-Artikolu 80(3) tal-IRG, l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward ta’ ċittadin Ġermaniż hija eskluża meta din il-persuna ma tagħtix il-kunsens tagħha għall-konsenja tagħha filwaqt li, skont l-Artikolu 83b tal-IRG, in-nuqqas ta’ kunsens minn ċittadin ta’ Stat Membru ieħor ma jistax jintuża bħala raġuni għal rifjut ħlief jekk l-eżekuzzjoni tal-piena fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tkun iġġustifikata minn interess li ħaqqu protezzjoni.

    42.

    Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda għandha tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, il-konformità mad-dritt Komunitarju tad-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħall-Artikolu 80(3) tal-IRG. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi jew le leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena meta dan il-mandat ta’ arrest ikun jirrigwarda wieħed miċ-ċittadini tiegħu u dan tal-aħħar ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-konsenja.

    43.

    Effettivament, huwa biss jekk din il-leġiżlazzjoni tkun kompatibbli mad- Deċiżjoni Qafas li tqum il-kwistjoni dwar jekk ċittadin ta’ Stat Membru ieħor jistax jinvokaha abbażi tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

    44.

    Skont il-Gvern Ġermaniż, l-Artikolu 80(3) tal-IRG huwa kompatibbli mal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas li, għandu jitfakkar, jipprovdi li l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tista’ topponi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena meta l-persuna kkonċernata tkun ċittadina jew residenti tal-Istat Membru li jeżegwixxi.

    45.

    Skont l-imsemmi gvern, din id-dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jipprevedu raġuni speċifika għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità. Il-Gvern Ġermaniż jirreferi wkoll għall-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas, li huwa applikabbli meta l-mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ għal finijiet ta’ proċeduri kriminali, u li jipprovdi li meta l-persuna kkonċernata tkun ċittadina jew residenti tal-Istat Membru li jeżegwixxi, l-awtorità ġudizzjarja ta’ dak l-Istat tista’ tissuġġetta l-konsenja għall-kundizzjoni li dik il-persuna tiġi rritornata fl-Istat Membru li jeżegwixxi sabiex tiskonta hemmhekk il-piena deċiża kontriha fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat.

    46.

    Il-Gvern Ġermaniż isostni li din l-eċċezzjoni favur iċ-ċittadini tiegħu hija bbażata fuq ir-relazzjonijiet partikolari u reċiproċi li jgħaqqdu lil ċittadin mal-Istat tiegħu, li permezz tagħhom dan iċ-ċittadin qatt ma jista’ jiġi eskluż mill-kollettività nazzjonali. Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha interess partikolari fl-integrazzjoni mill-ġdid taċ-ċittadini tagħha fi ħdan is-soċjetà, li huwa intiż li tiffaċilita bl-eżekuzzjoni tal-piena fil-Ġermanja. Din hija r-raġuni għalfejn l-Artikolu 80(3) tal-IRG ineħħi kull setgħa diskrezzjonali meta ċittadin Ġermaniż ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-konsenja tiegħu.

    47.

    Jiena ma naqbilx ma’ din l-analiżi. Ċertament, l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, kif huwa fformulat, jista’ jinftiehem fis-sens sostnut mill-Gvern Ġermaniż. Madankollu, din id-dispożizzjoni m’għandhiex biss tifsira waħda. Tista’ tinftiehem ukoll fis-sens li l-Istati Membri għandhom iħallu lill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom il-possibbiltà li jiddeċiedu, f’kull każ partikolari, li jirrifjutaw jew le l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena meta dan ikun jirrigwarda wieħed miċ-ċittadini tagħhom. L-imsemmija dispożizzjoni fil-fatt tibda bil-parti tas-sentenza “[l]-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista’ tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew”.

    48.

    Huwa għalhekk li jiena tal-fehma li, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza kostanti, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas għad-domanda eżaminata għandha ssir fil-kuntest tas-sistema li minnha jagħmel parti dan l-artikolu kif ukoll tal-għanijiet li hija għandha u dawk ta’ din id-deċiżjoni qafas ( 12 ).

    49.

    Meta neżamina din is-sistema u dawn l-għanijiet, inqis li l-argument tal-Gvern Ġermaniż imur kontra dawn tal-aħħar għar-raġunijiet segwenti. Minn naħa, fis-sistema prevista mid-Deċiżjoni Qafas, in-nuqqas ta’ kunsens tal-persuna li kontriha jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax, bħala tali, jiġġustifika deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni. Min-naħa l-oħra, deċiżjoni ta’ rifjut ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas ħlief jekk l-eżekuzzjoni tal-piena fl-Istat Membru li jeżegwixxi tirriżulta li hija neċessarja sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ din il-persuna. Fl-aħħar nett, l-argument tal-Gvern Ġermaniż jippreġudika l-effettività tad-Deċiżjoni Qafas, għaliex sa ċertu punt huwa jammonta għal introduzzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ nonestradizzjoni taċ-ċittadini nazzjonali li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ried jabbanduna permezz ta’ din id-deċiżjoni qafas.

    50.

    Issa ser neżamina wieħed wieħed dawn il-punti kollha. Minn dan ser niddeduċi, imbagħad, li skont il-prinċipji ta’ supremazija u ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt Komunitarju, il-qorti nazzjonali ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 80(3) tal-IRG, li jfisser li din id-dispożizzjoni ma tistax tipprekludi l-konsenja ta’ S. Kozłowski.

    1. In-nuqqas ta’ kunsens tal-persuna li kontriha jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax, bħala tali, jiġġustifika deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni

    51.

    Minn eżami tas-sistema prevista mid-Deċiżjoni Qafas wieħed jista’ jafferma li l-iskop tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa t-trasferiment infurzat ta’ persuna minn Stat Membru għal ieħor.

    52.

    Fil-fatt, minn din is-sistema jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew, kif juri, fil-verżjoni Franċiża, l-użu tal-preżent indikattiv fil-parti tas-sentenza “[l]-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew”, fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas ( 13 ).

    53.

    Minn dan jirriżulta wkoll li rifjut li jiġi eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jsir b’deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi, motivata speċifikament minn waħda mir-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas. Għandu jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ kunsens tal-persuna li kontriha jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ma jinsabx fost ir-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorju jew fakultattiv, elenkati rispettivament f’dawn iż-żewġ artikoli.

    54.

    Il-possibbiltà li jingħata jew le l-kunsens tagħmel parti mid-drittijiet mogħtija lill-persuna li kontriha jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew fl-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas. Madankollu, l-unika konsegwenza ġuridika ta’ din il-pożizzjoni, li hija prevista b’mod espliċitu fid-Deċiżjoni Qafas, tirrigwarda t-terminu li fih għandha tittieħed id-deċiżjoni definittiva dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi.

    55.

    B’hekk, b’mod konformi mal-Artikolu 17(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas, meta l-persuna kkonċernata tagħti l-kunsens għall-konsenja tagħha, id-deċiżjoni definittiva dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed mill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi fi żmien għaxart ijiem minn meta jingħata dan il-kunsens, filwaqt li jekk din il-persuna ma tagħtix il-kunsens tagħha, din id-deċiżjoni għandha tittieħed fi żmien sittin jum minn meta tiġi arrestata.

    56.

    Id-dritt mogħti lill-persuna kkonċernata li tagħti l-kunsens tagħha għall-konsenja tagħha għandu għaldaqstant l-iskop li jippermettilha li tħaffef il-proċedura tal-konsenja. B’hekk hija għandha d-dritt li tnaqqas it-termini tal-proċedura fl-Istat Membru li jeżegwixxi u, jekk ikun il-każ, it-tul ta’ żmien tad-detenzjoni ordnata f’dak l-Istat għall-applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Hija tista’, għaldaqstant, tidher aktar qabel quddiem l-awtorità ġudizzjarja li tkun ħarġet il-mandat sabiex tkun tista’ tinvoka d-drittijiet tagħha.

    57.

    Madankollu, fis-sistema prevista mid-Deċiżjoni Qafas, il-kunsens jew in-nuqqas ta’ kunsens tal-persuna kkonċernata m’għandhomx effett vinkolanti fuq id-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi.

    58.

    Wieħed jista’ jaħseb li l-oppożizzjoni tal-persuna kkonċernata twassal lill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi sabiex teżamina jekk jeżistux raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni msemmija fl-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas li hija ma tkunx neċessarjament ivverifikat ex ufficio, fil-każ ta’ kunsens, minħabba t-termini qosra applikabbli għall-proċedura ta’ konsenja f’tali sitwazzjoni.

    59.

    Qed naħseb, pereżempju, fir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4(5) tad-Deċiżjoni Qafas, dwar il-każijiet fejn il-fatti msemmija fil- mandat ta’ arrest Ewropew ikunu s-suġġett ta’ sentenza definittiva mogħtija fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz, li tkun diġà ġiet eżegwita jew li l-eżekuzzjoni tagħha ma tkunx għadha possibbli. Skont dawn l-artikoli, dawn ir-raġunijiet jikkostitwixxu jew jistgħu jikkostitwixxu raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, kemm-il darba “l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi hi nfurmata”.

    60.

    Jekk il-persuna kkonċernata topponi ruħha għall-konsenja tagħha u tinvoka waħda mill-imsemmija raġunijiet meta tinstema’ mill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi, meta tali raġuni ma tirriżultax mill-informazzjoni kkomunikata mill-awtorità ġudizzjarja li tkun ħarġet il-mandat, hemm kull raġuni li wieħed jaħseb li l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi titlob lil din tal-aħħar informazzjoni addizzjonali sabiex fid-deċiżjoni tagħha tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tar-raġuni u tiddeduċi l-konklużjonijiet minnha.

    61.

    Madankollu, dan it-teħid inkunsiderazzjoni mhuwiex previst b’mod espliċitu fid-Deċiżjoni Qafas, għaliex fl-imsemmija deċiżjoni l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ried jiffavorixxi l-konsenja tal-persuna fi żmien qasir ħafna.

    62.

    Bl-istess mod, l-applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas ma tiddependix mill-kunsens jew min-nuqqas ta’ kunsens tal-persuna kkonċernata, anki jekk, probabbilment, dan ikun element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ din ir-raġuni.

    63.

    Għaldaqstant għandu jitqies, f’dan l-istadju tar-raġunament, li n-nuqqas ta’ kunsens tal-persuna li kontriha jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jikkostitwixxi, minnu nnifsu, raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu.

    64.

    In-nuqqas ta’ riferiment għal dan in-nuqqas ta’ kunsens fost ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni elenkati fl-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas jikkonferma l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, espressa fl-ewwel premessa tad-Deċiżjoni Qafas, li ma jippermettix lil persuna li kontriha jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew li taħrab mill-ġustizzja fl-Istat Membru fejn hija tkun wettqet jew tkun issuspettata li wettqet reat.

    65.

    Għaldaqstant, indipendentement mill-fatt jekk il-persuna kkonċernata tagħtix il-kunsens tagħha jew le għall-konsenja tagħha lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat, hija l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi li għandha tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u hija tista’ biss topponi l-eżekuzzjoni b’deċiżjoni motivata abbażi tar-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ċċitati fl-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas.

    66.

    Għaldaqstant dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħall-Artikolu 80(3) tal-IRG li tirrendi n-nuqqas ta’ kunsens ta’ ċittadin nazzjonali raġuni assoluta għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, minnha nfisha, tmur kontra s-sistema tad-Deċiżjoni Qafas.

    67.

    Bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, jiena tal-fehma li l-għan li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas jista’ jrendi invalida din l-analiżi.

    2. L-għan segwit fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas ma jistax jiġġustifika impossibbiltà assoluta li jiġi eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew ta’ ċittadin nazzjonali meta dan iċ-ċittadin jopponi l-konsenja tiegħu.

    68.

    Kif jindika l-Gvern Ġermaniż fin-nota ta’ osservazzjonijiet tiegħu u kif spjegat l-Oberlandesgericht fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tippermetti l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuna kkundannata malli tispiċċa tiskonta l-piena tagħha.

    69.

    Ċertament, dan l-għan mhuwiex indikat b’mod espliċitu fid-Deċiżjoni Qafas, meta min-naħa l-oħra kien jinsab b’mod ċar ħafna fil-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ( 14 ). Fil-fatt, din tal-aħħar kienet ipproponiet, fil-kapitolu ddedikat għar-raġunijiet għal rifjut tal-konsenja, l-Artikolu 33 bit-titolu “Prinċipju ta’ integrazzjoni mill-ġdid”, li l-paragrafu 1 tiegħu kien ifformulat kif ġej:

    “L-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ persuna mfittxija tista’ tiġi rrifjutata jekk din il-persuna jkollha opportunitajiet ikbar ta’ integrazzjoni mill-ġdid fl-Istat Membru li jeżegwixxi u jekk hija tagħti l-kunsens tagħha biex tiskonta l-piena tagħha f’dan l-Istat Membru.

    F’dan il-każ, il-piena deċiża fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat titwettaq fl-Istat Membru li jeżegwixxi b’mod konformi mad-dritt ta’ dan l-Istat Membru, iżda ma tistax tiġi ssostitwita b’piena mogħtija mid-dritt ta’ dan l-Istat Membru għall-istess ksur.”

    70.

    L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas huwa differenti minn din il-proposta. Madankollu, iżomm il-biċċa l-kbira tas-sustanza tagħha u jidher li jissodisfa l-istess għan, jiġifieri li jiffavorixxi l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuna kkundannata. Din l-opinjoni hija sostnuta wkoll mill-partijiet kollha li intervjenew f’din il-proċedura. Din hija bbażata fuq diversi elementi.

    71.

    Dan l-għan jista’ jiġi dedott, fl-ewwel lok, mid-Deċiżjoni Qafas infisha.

    72.

    B’hekk, l-Artikolu 4(6) tagħha jipprovdi li l-applikazzjoni tiegħu hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-Istat Membru li jeżegwixxi jintrabat li jeżegwixxi l-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni deċiżi fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat. Fid-dawl tas-sistema ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fejn il-konsenja hija r-regola u r-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni huma l-eċċezzjonijiet għal din ir-regola, deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ma tistax għaldaqstant tkun ibbażata fuq l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas ħlief jekk ikun jeżisti interess leġittimu fl-eżekuzzjoni tal-piena fit-territorju tal-Istat fejn il-persuna kkonċernata tkun ġiet arrestata.

    73.

    L-istess analiżi tista’ ssir fir-rigward tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas, li huwa applikabbli meta mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ għal finijiet ta’ proċeduri kriminali. Għandu jitfakkar li skont din id-dispożizzjoni l-konsenja ta’ persuna li tkun ċittadina jew residenti tal-Istat Membru li jeżegwixxi tista’ tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna tiġi rritornata lejn dan l-Istat Membru sabiex tiskonta hemmhekk il-piena mogħtija kontriha fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat.

    74.

    Ma nara ebda interess leġittimu ieħor ħlief dak li tiffaċilita l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuna kkundannata, fl-interess tagħha nfisha u dak tas-soċjetà b’mod ġenerali, fejn din il-persuna jkollha tgħix mill-ġdid wara li tiskonta l-piena tagħha.

    75.

    Din l-analiżi hija kkonfermata, fit-tieni lok, minn diversi atti li fihom l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Komunitarji affermaw li s-sanzjoni penali m’għandhiex tkun biss punittiva, iżda għandha jkollha wkoll funzjoni ta’ integrazzjoni soċjali.

    76.

    B’dan il-mod, din il-funzjoni ġiet ikkonfermata mill-Kunsill tal-Ewropa, minn naħa, fir-rakkomandazzjonijiet fuq ir-regoli Ewropej dwar il-ħabs ( 15 ) u, min-naħa l-oħra, fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropea dwar it-trasferiment tal-persuni kkundannati, tal-21 ta’ Marzu 1983. Din il-funzjoni tissemma wkoll fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fl-Unjoni Ewropea (1997) ( 16 ), fejn din l-istituzzjoni fakkret li l-piena għandha funzjoni kemm punittiva kif ukoll korrettiva u li l-għan kien, f’dan ir-rigward, l-integrazzjoni umana u soċjali mill-ġdid tad-detenut ( 17 ).

    77.

    Madankollu, bil-kontra tal-pożizzjoni adottata mill-Gvern Ġermaniż, ma nemminx li l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà ta’ ċittadin Ġermaniż li jopponi l-konsenja tiegħu hija, f’kull każ, neċessarjament iggarnatita b’mod aħjar jekk huwa jiskonta l-piena tiegħu fil-Ġermanja. Fi kliem ieħor, anki jekk l-istatus ta’ ċittadin tal-Istat Membru li jeżegwixxi juri l-eżistenza ta’ rabta b’saħħitha ma’ dan l-Istat, jiena m’inhix konvint li dan jista’ jagħti lok għal preżunzjoni li ma tistax tiġi kkontestata li l-eżekuzzjoni tal-piena f’dan l-Istat neċessarjament tiggarantixxi b’mod aħjar l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuna kkonċernata.

    78.

    Bħala prova ta’ dan nista’ nirreferi għall-varjetà kbira ferm ta’ sitwazzjonijiet umani li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum. B’hekk, nistgħu nimmaġinaw il-każ ta’ ċittadin Ġermaniż li għal bosta snin ikun ilu jgħix fi Stat Membru ieħor differenti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fejn ikollu familja u impjieg, u minn fejn huwa jkun telaq biss biex jaħrab mill-eżekuzzjoni ta’ kundanna mogħtija kontrih f’dak l-Istat. Ma nemminx li, f’tali sitwazzjoni, huwa possibbli li wieħed jippreżumi b’mod li ma jistax jiġi kkontestat li l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà tal-persuna kkonċernata hija neċessarjament iggarantita b’mod aħjar fil-Ġermanja.

    79.

    Huwa għalhekk illi jiena tal-fehma li l-għan ta’ integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà, segwit permezz tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, ma jistax jiġġustifika l-fatt li Stat Membru jċaħħad lill-awtoritajiet ġudizzjarji tiegħu minn kull setgħa diskrezzjonali meta mandat ta’ arrest Ewropew ikun jirrigwarda ċittadin nazzjonali li jopponi l-konsenja tiegħu.

    80.

    Meta l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena jkun jirrigwarda ċittadin tal-Istat Membru li jeżegwixxi u dan iċ-ċittadin jopponi l-konsenja tiegħu, l-awtorità ġudizzjarja ta’ dan l-Istat għandha, fil-fehma tiegħi, tkun tista’ tivverifika, fid-dawl tas-sitwazzjoni konkreta ta’ din il-persuna u tal-kriterji li ser nipproponi sussegwentement f’din l-opinjoni, jekk l-eżekuzzjoni tal-piena fit-territorju tal-imsemmi Stat hijiex tabilħaqq neċessarja sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni tiegħu mill-ġdid fis-soċjetà.

    81.

    L-interpretazzjoni opposta, sostnuta mill-Gvern Ġermaniż, fil-fehma tiegħi tammonta, sa ċertu punt, għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ nonestradizzjoni taċ-ċittadini nazzjonali li ġie abbandunat permezz tad-Deċiżjoni Qafas, u b’hekk tirrendi ineffettiva parti minn din id-deċiżjoni qafas.

    3. L-abbandun tal-prinċipju ta’ nonestradizzjoni taċ-ċittadini nazzjonali fid- Deċiżjoni Qafas u l-effett utli tagħha

    82.

    In-nonestradizzjoni, minn Stat, taċ-ċittadini tiegħu tikkostitwixxi prinċipju tradizzjonali tad-dritt tal-estradizzjoni. Dan huwa prinċipju ta’ livell kostituzzjonali f’diversi Stati Membri ( 18 ). Huwa rrikonoxxut mill-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata mill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa fit-13 ta’ Diċembru 1957, li jipprovdi, fl-Artikolu 6(1)(a) tiegħu, li kull parti kontraenti għandha d-dritt tirrifjuta l-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħha.

    83.

    Sabiex dan il-prinċipju ma jwassalx għall-għoti ta’ immunità totali liċ-ċittadini ta’ Stat għar-reati li jkunu wettqu f’pajjiżi barranin, il-qrati nazzjonali, bħala regola ġenerali, għandhom il-kompetenza biex jiddeċiedu dwar dawn il-fatti skont id-dritt penali nazzjonali tagħhom. Il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, fl-Artikolu 6(2) tagħha, tagħmel din il-kompetenza korollarju vinkolanti tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nonestradizzjoni taċ-ċittadini nazzjonali.

    84.

    Tradizzjonalment, l-estradizzjoni hija għaldaqstant intiża sabiex tippermetti l-konsenja, lil awtorità ġudizzjarja barranija, ta’ barrani li jinstab minn Stat fit-territorju tiegħu. Iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat, min-naħa tagħhom, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proċedura u għandhom jirrispondu għar-reati li jkunu wettqu f’pajjiżi barranin quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom, minkejja d-diffikultajiet li dawn tal-aħħar jista’ jkollhom biex jiddeċiedu dwar dawn il-fatti, b’ mod partikolari fir-rigward tal-kisba tal-provi.

    85.

    Il-prinċipju ta’ nonestradizzjoni taċ-ċittadini nazzjonali huwa bbażat fuq is-sovranità tal-Istati fuq iċ-ċittadini tagħhom, fl-obbligi reċiproċi li jgħaqqduhom u fin-nuqqas ta’ fiduċja fis-sistemi legali tal-Istati l-oħrajn. B’hekk, fost ir-raġunijiet li huma invokati bħala ġustifikazzjoni ta’ dan il-prinċipju nsibu, b’mod partikolari, id-dmir tal-Istat li jipproteġi liċ-ċittadini tiegħu mill-applikazzjoni ta’ sistema penali barranija, li la jkunu jafu l-proċedura u lanqas il-lingwa tagħha, u f’liema kuntest ikun diffiċli għalihom biex jiddefendu rwieħhom ( 19 ).

    86.

    Id-Deċiżjoni Qafas tindika b’mod ċar l-abbandun tal-imsemmi prinċipju bejn l-Istati Membri.

    87.

    Kif rajna, hija għandha l-għan li tneħħi, bejn l-Istati Membri, il-proċedura ta’ estradizzjoni u tissostitwixxiha b’sistema ta’ konsenja, li fil-kuntest tagħha l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tista’ topponi l-konsenja biss b’deċiżjoni motivata speċifikament abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas.

    88.

    L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas, li jikkonċerna r-raġunijiet obbligatorji għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, ma jipprovdi għal ebda eċċezzjoni — kemm fuq bażi ta’ prinċipju jew sistematika — favur iċ-ċittadini tal-Istat Membru li jeżegwixxi ( 20 ).

    89.

    Fl-Artikolu 4(6) tagħha, l-istatus ta’ ċittadin tal-Istat Membru li jeżegwixxi jissemma bħala ċirkustanza li tista’, eventwalment, tiġġustifika deċiżjoni ta’ rifjut mill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi meta din l-awtorità tkun tal-fehma li l-eżekuzzjoni tal-piena fl-Istat tagħha tkun neċessarja sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, f’din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea pprovda li din ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni għandha tapplika eżattament taħt l-istess kundizzjonijiet għall-persuni li jkunu residenti fl-Istat Membru li jeżegwixxi, u dan jikkonferma li mhijiex in-nazzjonalità inkwantu tali li tipprovdi bażi għall-imsemmija raġuni ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni.

    90.

    L-abbandun tal-prinċipju ta’ nonestradizzjoni taċ-ċittadini nazzjonali fid- Deċiżjoni Qafas huwa kkonfermat ukoll, jekk tali konferma hija meħtieġa, mid-dispożizzjonijiet tranżizzjonali previsti fl-Artikolu 33 tagħha favur ir-Repubblika tal-Awstrija, li jawtorizzaw lil dan l-Istat Membru li jżomm tali prinċipju għaż-żmien meħtieġ sakemm tiġi emendata l-Kostituzzjoni tiegħu, u sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2008.

    91.

    Dan l-abbandun huwa perfettament loġiku meta jitqies il-prinċipju li fuqu hija bbażata d-Deċiżjoni Qafas.

    92.

    Fil-fatt, kif huwa indikat diversi drabi fil-premessi u fl-artikoli tagħha, din hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Il-mandat ta’ arrest Ewropew, kif iddikjarat fis-sitt premessa tad-Deċiżjoni Qafas, jikkostitwixxi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tad-dritt penali li timplementa l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu f’Tempere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, kien irrefera għalih bħala l-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

    93.

    Skont dan il-prinċipju, meta tittieħed deċiżjoni minn awtorità ġudizzjarja b’mod konformi mad-dritt tal-Istat li fih hija tinsab, hija għandha effett sħiħ u dirett fl-Unjoni kollha, b’tali mod li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn kollha għandhom jassistu fl-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni bħallikieku tkun ingħatat minn awtorità ġudizzjarja tal-Istat tagħhom stess ( 21 ). Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mhuwiex għaldaqstant limitat għat-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-mandat iżda issa jestendi għall-Unjoni kollha.

    94.

    Minn dan isegwi li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru titlob il- konsenja ta’ persuna, kemm abbażi ta’ kundanna definittiva, jew inkella għaliex din il-persuna tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali, id-deċiżjoni tagħha għandha tiġi rikonoxxuta u eżegwita awtomatikament, fl-Istati Membri kollha, u ebda raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ma hija possibbli għajr dawk previsti fid-Deċiżjoni Qafas. Fi kliem ieħor, billi aċċettaw li jibnu ż-żona ġudizzjarja Ewropea u, b’mod partikolari, is-sistema tal-mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, l-Istati Membri rrinunzjaw is-setgħa sovrana tagħhom li jipproteġu liċ-ċittadini tagħhom minn investigazzjonijiet u sanzjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stati Membri oħra.

    95.

    Din ir-rinunzja saret possibbli għaliex, kif huwa indikat fl-għaxar premessa tad-Deċiżjoni Qafas, “[i]l-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza [fiduċja] bejn l-Istati Membri”.

    96.

    Din il-fiduċja hija espressa qabel kollox fir-rinunzja mill-Istati Membri tad-dritt tagħhom għal proċeduri kriminali, inkluża fil-prinċipju ne bis in idem, li huwa stabbilit fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li tapplika l-Ftehim ta’ Schengen ( 22 ), li jipprovdi li persuna li tkun is-suġġett ta’ sentenza definittiva fi Stat Membru m’għandhiex tkun tista’ tiġi suġġetta għal proċeduri kriminali ġodda għall-istess fatti fi Stat Membru ieħor. L-għan ta’ dan il-prinċipju huwa li jiġi evitat li persuna, minħabba li teżerċita d-dritt tagħha għal moviment liberu, tiġi suġġetta għal proċeduri kriminali fir-rigward tal-istess fatti fit-territorju ta’ diversi Stati Membri.

    97.

    Kif il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat fis-sentenza tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge ( 23 ), l-imsemmi prinċipju jimplika neċessarjament, indipendentement minn kif tiġi imposta l-piena, li teżisti fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fis-sistemi ta’ ġustizzja penali rispettivi tagħhom u li kull wieħed minnhom jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt penali fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħrajn, anki meta l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu tkun twassal għal soluzzjoni differenti ( 24 ).

    98.

    Din il-fiduċja tirriżulta minn diversi fatturi. Minn naħa, l-Istati Membri kollha wrew, meta ħolqu l-Komunitajiet Ewropej u bl-adeżjoni tagħhom, li huma kienu Stati ta’ dritt, li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, kif huma previsti permezz tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 u, wara s-7 ta’ Diċembru 2000, permezz tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Minbarra dan, barra mir-ratifika ta’ din il-konvenzjoni u l-proklamazzjoni ta’ din il-karta, l-Istati Membri kollha għandhom l-istess kunċett eżiġenti tal-istat tad-dritt, kif ikkonstatat il-Kummissjoni fil-punt 1 tal-motivi tal-proposta tagħha għal deċiżjoni qafas ( 25 ).

    99.

    Minkejja n-nuqqas, s’issa, ta’ armonizzazzjoni estiża tad-dritt kriminali sostantiv u proċedurali fi ħdan l-Unjoni Ewropea ( 26 ), l-Istati Membri setgħu jikkonvinċu ruħhom li l-kundizzjonijiet tal-proċeduri kriminali, u tal-għoti tas-sentenzi fir-rigward, taċ-ċittadini tagħhom fl-Istati Membri l-oħra jirrispettaw id-drittijiet ta’ dawn iċ-ċittadini u jagħtuhom il-possibbiltà li jiddefendu ruħhom b’mod xieraq, minkejja d-diffikultajiet lingwistiċi u n-nuqqas ta’ familjarità mal-proċeduri.

    100.

    Min-naħa l-oħra, il-fiduċja li kull Stat Membru u ċ-ċittadini tiegħu għandu jkollhom fil-ġustizzja tal-Istati Membri l-oħra tidher li hija r-riżultat loġiku u inevitabbli tal-ħolqien tas-suq waħdani kif ukoll taċ-ċittadinanza Ewropea.

    101.

    Fil-fatt, kull Stat Membru għandu l-obbligu, b’applikazzjoni tal-libertajiet ta’ moviment stabbiliti mit-Trattat KE, li jippermetti liċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħrajn li jeżerċitaw fit-territorju tiegħu attività ekonomika, bħala persuni li jaħdmu għal rashom jew bħala impjegati, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali tiegħu.

    102.

    Bil-ħolqien taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, sar pass ieħor, għaliex kull Stat Membru huwa wkoll marbut li jilqa’ fit-territorju tiegħu ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jkunu jridu joqogħdu hemmhekk, jekk dawn iċ-ċittadini jkollhom, ta’ mill-inqas għall-ewwel ħames snin, riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni soċjali. L-Istat Membru għandu jippermettilhom ukoll li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet lokali kif ukoll f’dawk tal-Parlament Ewropew. Fl-aħħar nett, huwa għandu jestendi l-protezzjoni tal-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari tiegħu lil kull ċittadin tal-Unjoni li jkun jinsab fi Stat terz, jekk tkun nieqsa l-protezzjoni tal-Stat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata tkun ċittadina.

    103.

    Għaldaqstant it-twettiq tas-suq waħdani u l-ħolqien taċ-ċittadinanza tal-Unjoni wasslu gradwalment lill-Istati Membri biex jittrattaw liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra bħaċ-ċittadini nazzjonali tagħhom f’parti dejjem ikbar tal-ħajja ekonomika, soċjali u politika. Huma jippermettu wkoll lil kull ċittadin li jmur jgħix jew jaħdem fl-Istat Membru tal-għażla tiegħu fi ħdan l-Unjoni, bl-istess mod bħal kull ċittadin nazzjonali ta’ dak l-Istat.

    104.

    B’hekk kien jidher li wasal iż-żmien li ma’ din il-kostruzzjoni ġuridika jiżdied it-trattament ugwali quddiem il-qrati. Fi kliem ieħor, peress li ċittadin tal-Unjoni issa għandu, f’kull Stat Membru, drittijiet fil-biċċa l-kbira identiċi għal dawk taċ-ċittadini ta’ dan l-Istat, huwa ġust li huwa jiġi suġġett għall-istess obbligi fil-materji kriminali u li, jekk huwa jwettaq reat fl-imsemmi Stat, huwa jiġi pproċessat u ġġudikat quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat bl-istess mod bħaċ-ċittadini nazzjonali.

    105.

    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li l-abbandun tal-prinċipju ta’ nonestradizzjoni taċ-ċittadini nazzjonali, stabbilit permezz tad-Deċiżjoni Qafas, ma jċaħħadx lill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi minn kull mezz ta’ protezzjoni tal-persuna kkonċernata jekk, b’mod eċċezzjonali, jirriżulta li talba għal konsenja hija tali li tippreġudika d-drittijiet fundamentali tagħha. Għaldaqstant din mhijiex fiduċja għamja jew mingħajr garanzija għall-Istat Membru li jeżegwixxi.

    106.

    B’hekk, għalkemm il-validità tad-Deċiżjoni Qafas, bħal dik ta’ kull att ta’ dritt sekondarju, tiddependi mill-konformità tagħha mad-drittijiet fundamentali ( 27 ), u għalkemm l-Istati Membri, fl-implementazzjoni tal-imsemmija Deċizjoni Qafas u ta’ kull att ta’ dritt Komunitarju, huma marbutin ukoll li jirrispettaw dawn id-drittijiet ( 28 ), il-Kunsill ħa ħsieb jippreċiża, fl-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas, li l-obbligu ta’ konsenja impost minnha m’għandu b’ebda mod jippreġudika d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji stabbiliti permezz tal-Artikolu 6 UE.

    107.

    L-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi b’hekk tista’, f’każ partikolari u fuq bażi eċċezzjonali, tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew jekk, kif huwa indikat fit-tnax-il premessa tad-Deċiżjoni Qafas, ikun hemm “raġunijiet biex jitwemmen, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi, li l-mandat ta’ arrest imsemmi ġie maħruġ għall-iskop tal-prosekuzzjoni jew kastig ta’ persuna fuq ir-raġunijiet tas-sess, razza, oriġini etnika, nazzjonalità, ilsien, opinjoni politika jew orjentazzjoni sesswali, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna jista’ jiġi ppreġudikat għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet”.

    108.

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li, jekk Stat Membru jadotta dispożizzjonijiet ta’ dritt kriminali, kemm jekk sostantivi jew proċedurali, li jippreġudikaw il-prinċipji stabbiliti permezz tal-Artikolu 6 UE, il-Kunsill jista’ jissospendi l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni Qafas b’applikazzjoni tal-Artikolu 7 UE, kif huwa indikat fl-għaxar premessa tagħha.

    109.

    L-istabbiliment ta’ dawn id-diversi garanziji fid-Deċiżjoni Qafas, li minnu nnifsu ma joħloqx drittijiet, peress li dawn il-garanziji diġà jifformaw parti integrali mis-sistema legali Komunitarja, turi sa liema punt il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ried li l-aspetti ġodda li jinsabu f’din id-deċiżjoni qafas meta mqabbla mas-sistema tradizzjonali tal-estradizzjoni, bħall-abbandun tal-prinċipju ta’ nonestradizzjoni ta’ ċittadini nazzjonali, ma jwasslux għal tnaqqis tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

    110.

    Għaldaqstant l-Istati Membri ma jistgħux, mingħajr ma jikkompromettu l-effett utli tad-Deċiżjoni Qafas, jadottaw dispożizzjonijiet fid-dritt nazzjonali tagħhom li, b’xi mod jew ieħor, ikollhom l-effett li jintroduċu mill-ġdid eċċezzjoni sistematika favur iċ-ċittadini tagħhom.

    111.

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena meta dan il-mandat ta’ arrest ikun jirrigwarda wieħed miċ-ċittadini tiegħu u dan tal-aħħar ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-konsenja.

    112.

    Ser ngħaddi biex neżamina l-konklużjonijiet li l-qorti tar-rinviju għandha tiddeduċi minn din l-interpretazzjoni, jekk hija tiġi adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

    4. Il-konsegwenzi tal-prinċipji ta’ supremazija u ta’ interpretazzjoni konformi

    113.

    Id-deċiżjonijiet qafas huma atti tad-dritt sekondarju li ddaħħlu fis-sistema legali Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam, li bih l-Istati Membri taw lill-Unjoni Ewropea, li ġiet stabbilita bit-Trattat ta’ Maastricht, l-għan li tinħoloq żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Bil-kontra tal-atti li jistgħu jiġu adottati b’applikazzjoni tat-Trattat ta’ Maastricht fil-kuntest tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni, id-deċiżjonijiet qafas għandhom minnhom infushom effett vinkolanti reali, peress li, skont l-Artikolu 34(2)(b) UE, dawn “jorbtu lill-Istati Membri dwar ir-riżultat li għandu jinkiseb iżda jħallu f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-għażla tal-forma u l-metodi”.

    114.

    Billi taw lill-Kunsill, b’dan il-mod, is-setgħa li jadotta tali atti vinkolanti, li d-definizzjoni tagħhom hija kważi identika għal dik tad-direttivi li jistgħu jiġu adottati fil-kuntest tal-Komunità Ewropea, l-Istati Membri neċessarjament aċċettaw li jittrasferixxu lill-Unjoni Ewropea parti mill-kompetenzi tagħhom fil-materji kriminali, sa fejn huwa meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet imsemmija fit-Titolu VI tat-Trattat UE u b’rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

    115.

    Il-motivi li abbażi tagħhom, fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa ( 29 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri, wara li qablu volontarjament li jittrasferixxu l-kompetenzi tagħhom lill-Komunità, ma jistgħux jinvokaw dispożizzjoni tas-sistema legali nazzjonali tagħhom, tkun xi tkun, kontra att Komunitarju vinkolanti, jistgħu għaldaqstant jiġu applikati għal deċiżjoni qafas. Deċiżjoni qafas, bħal kull att tad-dritt Komunitarju li huwa vinkolanti, hija tali li tipprevali fuq kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, tkun xi tkun, anki jekk tkun ta’ natura kostituzzjonali jew jekk hija parti mid-dritt fundamentali ( 30 ).

    116.

    Ċertament, is-soluzzjonijiet previsti mit-Trattat UE sabiex tiġi żgurata din is-supremazija meta jkun hemm kunflitt bejn deċiżjoni qafas u dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali huma inqas estensivi minn dawk li jeżistu fil-kuntest tat-Trattat KE.

    117.

    Minn naħa, bil-kontra tat-Trattat KE, it-Trattat UE ma jippermettix lill-Kummissjoni li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq l-obbligi tiegħu. B’mod konformi mal-Artikolu 35(7) UE, in-nuqqas ta’ applikazzjoni jew ta’ applikazzjoni korretta ta’ deċiżjoni qafas minn Stat tagħti lok għal kontroversja bejn l-Istati Membri, li għandha titressaq quddiem il-Kunsill u li tista’ titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk ma tiġix solvuta fi żmien sitt xhur.

    118.

    Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet ta’ deċiżjoni qafas li ma jkunux ġew trasposti jew li ma jkunux ġew trasposti korrettament ma jistgħux jiġu applikati direttament mill-qorti nazzjonali. Skont l-Artikolu 34(2)(b) UE, id-deċiżjonijiet qafas m’għandhomx iwasslu għal effett dirett.

    119.

    Madankollu, il-qorti nazzjonali mhijiex nieqsa kompletament minn mezzi ta’ azzjoni sabiex tagħti prevalenza lill-kontenut tagħhom u b’hekk tiżgura s-supremazija tagħhom. Fis-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino ( 31 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li quddiem kunflitt bejn deċiżjoni qafas u dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, il-qorti nazzjonali hija marbuta bil-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi. Dan il-prinċipju jimplika li, fl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha, il-qorti tar-rinviju, li hija mitluba tinterpretah, hija marbuta li tagħmel dan, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-iskop tad-deċiżjoni qafas sabiex tikseb ir-riżultat previst minnha u b’hekk li tkun konformi mal-Artikolu 34(2)(b) UE ( 32 ).

    120.

    L-unika limitazzjoni għal dan il-prinċipju hija s-sitwazzjoni fejn id-dritt nazzjonali ma jkunx jista’ jiġi applikat b’dan il-mod għaliex ikun contra legem ( 33 ).

    121.

    F’din il-kawża, is-sitwazzjoni taħt id-dritt Ġermaniż ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn bħal S. Kozłowski hija rregolata speċifikament mill-Artikolu 83b(2)(b) tal-IRG, li l-kompatibbiltà tiegħu mad-Deċiżjoni Qafas ma tidhirx li tista’ tiġi kkontestata.

    122.

    Fil-fatt, għandu jitfakkar li dan l-artikolu jipprovdi li l-estradizzjoni ta’ ċittadin barrani li r-residenza abitwali tiegħu tkun tinsab fit-territorju nazzjonali tista’ tiġi rrifjutata meta, fil-każ ta’ estradizzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, huwa ma jagħtix il-kunsens tiegħu u meta jipprevali l-interess tiegħu li s-sentenza tiġi eżegwita fit-territorju nazzjonali, liema interess ikun jimmerita protezzjoni. Dan il-kunċett ta’ “interess li jimmerita protezzjoni li għandu jipprevali” jidher li jista’ jiġi applikat b’mod konformi mal-għan li fuqu hija bbażata r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas.

    123.

    Peress li, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 80(3) tal-IRG mhuwiex konformi, fil-fehma tiegħi, mad-Deċiżjoni Qafas u ladarba d-dispożizzjoni tirrigwarda biss iċ-ċittadini Ġermaniżi, jiena nqis, skont il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi, li l-qorti tar-rinviju m’għandhiex teħodha inkunsiderazzjoni u għandha tapplika l-Artikolu 83b(2)(b) tal-IRG. Fi kliem ieħor, m’għandux japplika l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li għandu jwassal sabiex jestendi għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħrajn id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 80(3) tal-IRG favur iċ-ċittadini Ġermaniżi, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, iċ-ċittadini u r-residenti huma ttrattati eżattament bl-istess mod għaliex dan l-Artikolu 80(3) imur kontra d-Deċiżjoni Qafas u din tal-aħħar tipprevali fuq kull dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontriha.

    124.

    Dan l-approċċ ma jaqbiżx il-limiti tal-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi, għaliex ma jwassalx lill-qorti nazzjonali biex tagħmel interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali tagħha. Is-sitwazzjoni f’din il-kawża hija differenti, f’dan ir-rigward, minn dik li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha quddiemha fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et ( 34 ). F’din l-aħħar kawża, id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li kienet tirregola speċifikament is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tikser id-dritt Komunitarju u qamet il-kwistjoni jekk il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi setax jobbliga lill-qorti nazzjonali li tapplika regola tad-dritt nazzjonali b’portata iktar ġenerali minflok din id-dispożizzjoni.

    125.

    F’din il-kawża, il-kwistjoni hija sempliċement dwar l-applikazzjoni għal S. Kozłowski tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li huma applikabbli speċifikament għas-sitwazzjoni tiegħu, b’mod konformi mal-iskop tad-Deċiżjoni Qafas.

    126.

    Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkompleta r-risposta għat-tieni domanda preliminari billi ssemmi li, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tapplika għal S. Kozłowski d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha applikabbli għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħrajn b’mod konformi mal-iskop tad-Deċiżjoni Qafas. Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi ma jippermettix li r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, prevista fid-dritt nazzjonali favur ċittadini Ġermaniżi li jopponu l-konsenja tagħhom, tiġi estiża għaċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħrajn b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

    B — Il-kunċett ta’ “residenta [residenti]” fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas

    127.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna tista’ tiġi kkunsidrata bħala li qed toqgħod jew li hija residenti fl-Istat Membru li jeżegwixxi meta hija:

    ma toqgħodx hemmhekk b’mod mhux interrott;

    toqgħod hemmhekk mingħajr ma tosserva l-liġi dwar id-dħul u r-residenza għall-barranin;

    twettaq reati hemmhekk b’mod sistematiku, u

    tinżamm f’detenzjoni hemmhekk għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena.

    128.

    Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża xi jfissru l-kunċetti ta’ “toqgħod” jew ta’ “residenta [residenti]” fl-Istat Membru li jeżegwixxi, imsemmija fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas u jekk iċ-ċirkustanzi elenkati fid-domanda tagħha jew waħda minnhom humiex ta’ natura determinanti jew rilevanti għall-finijiet tar-rikonoxximent tal-istatus ta’ persuna li “toqgħod” jew ta’ “residenta [residenti]”.

    129.

    Il-qorti tar-rinviju tagħmel dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja għaliex iż-żewġ kunċetti inkwistjoni mhumiex iddefiniti fid-Deċiżjoni Qafas. Din lanqas ma tirreferi għal atti oħrajn tad-dritt Komunitarju li jirreferu għall-kunċett ta’ domiċilju jew ta’ residenza u lanqas għad-dritt tal-Istati Membri biex tistabbilixxi l-kontenut tagħhom.

    130.

    Il-Gvern Ċek u dak Olandiż isostnu li d-definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti għandha titħalla fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru. Jiena ma naqbilx ma’ din il-fehma.

    131.

    Fil-fatt, id-Deċiżjoni Qafas hija intiża biex tistabbilixxi sistema ta’ konsenja obbligatorja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, li l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tista’ topponi biss abbażi ta’ raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista b’mod espliċitu minn din id-deċiżjoni qafas. L-applikazzjoni effettiva tal-imsemmija deċiżjoni qafas teżiġi, fil-fehma tiegħi, li r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 4(6) tagħha tiġi ddefinita b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha.

    132.

    Diversi Stati Membri kif ukoll il-Kummissjoni wkoll sostnew li t-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas għandha titħalla fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru. Din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem, skont dawn il-partijiet, fis-sens li hija tħalli lill-Istati Membri l-għażla li jipprevedu jew le, li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom ikunu jistgħu jinvokaw din ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni.

    133.

    Jiena lanqas ma naqbel ma’ din l-interpretazzjoni. Kif diġà rajna, ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tiffaċilita l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuna kkundannata. Peress li din il-persuna, jekk tkun ċittadin tal-Unjoni, għandha d-dritt ta’ moviment u ta’ residenza fl-Istati Membri kollha, is-suċċess tal-integrazzjoni mill-ġdid tagħha ma jikkonċernax biss lill-Istat Membru li jeżegwixxi, iżda wkoll lill-Istati Membri l-oħrajn kollha u lill-persuni li jgħixu fihom.

    134.

    L-istess jista’ jingħad fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stati terzi. Dawn iċ-ċittadini, minħabba t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni taż-żona Schengen, jistgħu jmorru minn post għall-ieħor liberament fi ħdan din iż-żona. Huma jistgħu wkoll imorru minn post għall-ieħor u joqogħdu fl-Unjoni kollha inkwantu membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat Membru.

    135.

    Minn dan isegwi li l-ftuħ tal-fruntieri għamel lill-Istati Membri responsabbli kollettivament għall-ġlieda kontra l-kriminalità. Huwa għalhekk li l-ħolqien taż-żona Ewropea ta’ ġustizzja kriminali dehret bħala neċessità sabiex il-libertajiet ta’ moviment ma jiġux eżerċitati bi ħsara għas-sigurtà pubblika.

    136.

    Għalhekk, it-traspożizzjoni tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas fid-dritt ta’ kull Stat Membru hija neċessarja, fil-fehma tiegħi, sabiex il-mandat ta’ arrest Ewropew ma japplikax bi ħsara għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuna kkundannata u, b’hekk, għall-interess leġittimu tal-Istati Membri kollha fil-prevenzjoni tal-kriminalità, li din ir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni hija intiża li tipproteġi.

    137.

    F’dak li jirrigwarda, f’din il-kawża, it-tifsira tal-kunċetti ta’ “toqgħod” jew ta’ “residenta [residenti]” fl-Istat Membru li jeżegwixxi, jiena tal-fehma, bl-istess mod bħall-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Polonja u tal-Finlandja kif ukoll il-Kummissjoni, li dawn għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni awtonoma, stabbilita fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas kif ukoll tas-sistema u tal-għanijiet tagħha.

    138.

    Fil-fatt, id-definizzjonijiet tal-kunċett ta’ residenza li jinsabu fl-atti Komunitarji l-oħrajn ġew stabbiliti b’mod speċifiku abbażi tas-sistema u tal-għan ta’ dawn l-atti, li ma jikkorrispondux għal dawk tad-Deċiżjoni Qafas. Għaldaqstant huma ma jistgħux jiġu trasposti bħala tali għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ residenza li tinsab f’din id-Deċiżjoni Qafas. Madankollu huma jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan ( 35 ), bl-istess mod bħar-riżoluzzjoni (72)1 dwar l-istandardizzazzjoni tal-kunċetti ġuridiċi ta’ “domiċilju” u ta’ “residenza”, li ġiet adottata mill-ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tat-18 ta’ Jannar 1972, li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju ( 36 ).

    139.

    Minn eżami tal-għan tad-Deċiżjoni Qafas, jirriżulta li r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(6) tagħha għandha tiġi definita b’mod restrittiv. Fil-fatt, din ir-raġuni tippermetti li ssir deroga minn natura obbligatorja tal-konsenja, prevista fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas. Għaldaqstant din hija eċċezzjoni għar-regola.

    140.

    Din l-analiżi hija kkonfermata wkoll mill-qosor tat-termini li fihom l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi għandha tiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

    141.

    Rajna wkoll li r-raġuni li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas hija sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuna li kontriha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew. Huwa fid-dawl ta’ dan l-għan u fis-sens restrittiv impost mill-għan tad-Deċiżjoni Qafas li għandhom jiġu ddefiniti l-kunċetti ta’ “toqgħod” jew ta’ “residenta [residenti]” imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

    142.

    Il-post fejn persuna li għandha tiskonta piena ta’ priġunerija jew ordni ta’ detenzjoni tkun toqgħod jew tgħix huwa rilevanti għall-integrazzjoni mill-ġdid tagħha, għaliex din l-integrazzjoni mill-ġdid hija intiża biex tippermetti lil din il-persuna terġa’ ssib postha fis-soċjetà, jiġifieri l-familja, l-ambjent soċjali u dak ta’ xogħol li fihom hija kienet tgħix qabel l-eżekuzzjoni tal-kundanna tagħha u fejn huwa probabbli li hija ser tirritorna wara li tiskonta l-piena tagħha.

    143.

    B’hekk, fir-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar ir-regoli dwar il-ħabs, l-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa esprimew ix-xewqa li l-priġunerija tkun organizzata, sa fejn huwa possibbli, f’kundizzjonijiet li jippermettu lid-detenut li jżomm u li jsaħħaħ ir-rabtiet mal-familja tiegħu. Il-priġunerija għandha tagħti wkoll lid-detenut l-impressjoni li mhuwiex eskluż mis-soċjetà. Id-detenzjoni għandha, fl-aħħar nett, tiffaċilita li wieħed isib jew jerġa’ jkompli xogħol malli tiġi skontata l-piena, permezz ta’ programm ta’ thejjija għal-liberazzjoni implementat fil-ħabs jew permezz ta’ libertà kundizzjonata taħt superviżjoni ( 37 ).

    144.

    L-implementazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet teżiġi, għaldaqstant, li l-eżekuzzjoni tal-piena jew l-ordni ta’ detenzjoni taffettwa kemm jista’ jkun mill-inqas ir-rabtiet tad-detenut mal-familja tiegħu kif ukoll mal-ambjent soċjali u ta’ xogħol tiegħu.

    145.

    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu dedotti l-konklużjonijiet segwenti sabiex jiġi ddefinit il-kontenut tal-kunċetti ta’ “toqgħod” jew ta’ “residenta [residenti]” li jinsabu fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas.

    146.

    Minn naħa, dawn iż-żewġ kunċetti, fil-fehma tiegħi, m’għandhomx kontenut differenti, kif jikkonferma l-fatt li l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas jirreferi biss għall-persuna residenti. Min-naħa l-oħra, huma jirreferu għas-sitwazzjoni fejn il-persuna li kontriha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ikollha rabtiet mal-Istat Membru li jeżegwixxi ta’ tali natura li l-awtorità ġudizzjarja ta’ dan l-Istat tkun tista’ tiddeduċi li l-piena, sabiex tkun tista’ tissodisfa l-funzjoni tagħha ta’ integrazzjoni mill-ġdid, għandha ssir fl-imsemmi Stat. Il-kunċett ta’ “residenza”, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas għandu għaldaqstant jinftiehem bħala l-post fejn il-persuna jkollha ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha.

    147.

    Għaldaqstant dan il-kunċett jikkorrispondi, fil-fehma tiegħi, għal sitwazzjoni ta’ fatt, li tirriżulta minn għadd ta’ kriterji, li l-iktar importanti fosthom, skont il-Gvernijiet tal-Awstrija, tal-Polonja u tal-Finlanja kif ukoll il-Kummissjoni, huma r-rabtiet mal-familja u mas-soċjetà, l-użu tal-lingwa, id-disponibbiltà ta’ post ta’ abitazzjoni, il-pussess ta’ impjieg u t-tul ta’ żmien li wieħed ikun qagħad fl-Istat, kif ukoll l-intenzjoni tal-persuna kkonċernata li tibqa’ hemmhekk wara t-tmiem tad-detenzjoni tagħha.

    148.

    Din il-lista m’għandhiex tkun eżawrjenti, peress li fil-fehma tiegħi l-applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas mill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi għandha dejjem issir wara li tiġi evalwata s-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata.

    149.

    Minn din l-analiżi jistgħu jiġu dedotti l-konklużjonijiet segwenti fir-rigward taċ-ċirkustanzi elenkati mill-qorti tar-rinviju.

    150.

    F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-fatt li l-persuna kkonċernata ma qagħditx b’mod mhux interrott fl-Istat Membru li jeżegwixxi, dan ma jistax iqiegħed f’dubju r-rabta ta’ din il-persuna ma’ dan l-Istat. Fil-fatt, persuna tista’ ssiefer għal vaganzi jew għal raġunijiet ta’ xogħol mingħajr ma dan jimplika bidla taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha.

    151.

    B’hekk, il-fatt li, f’din il-kawża, S. Kozłowski telaq mill-Ġermanja fix-xahar ta’ Ġunju 2005, u mbagħad matul il-vaganzi tal-Milied tal-istess sena kif ukoll fi Frar u f’Marzu 2006 ma jurix, minnu nnifsu, li l-persuna kkonċernata kellha l-interessi prinċipali tagħha barra minn dan l-Istat Membru.

    152.

    F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-fatt li l-persuna li kontriha nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew tinsab f’detenzjoni fl-Istat Membru li jeżegwixxi minħabba deċiżjoni ta’ kundanna, lanqas ma jikkostitwixxi kriterju rilevanti, la biex jiġi pprovat l-istatus ta’ resident u lanqas biex jiġi eskluż.

    153.

    Kif rajna, il-kunċett ta’ “residenza”, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, għandu jinftiehem bħala l-post fejn il-persuna li kontriha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ikollha ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha jew fejn hija jkollha l-ħsieb li tirritorna wara li tiskonta l-piena tagħha. Il-kriterji li jippermettu li jiġi stabbilit dan il-post iservu biex tiġi evalwata l-importanza tar-rabta ta’ din il-persuna mas-soċjetà tal-Istat Membru li jeżegwixxi.

    154.

    Il-kunċett ta’ “residenza”, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, huwa għaldaqstant ibbażat fuq l-intenzjoni tal-persuna kkonċernata u jindika neċessarjament post fejn hija tgawdi jew tista’ tgawdi d-drittijiet tagħha.

    155.

    Il-post fejn persuna li kontriha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew tkun qed tiskonta piena ta’ priġunerija b’hekk mhuwiex rilevanti f’dan ir-rigward, għaliex dan il-post ma jkunx l-għażla tagħha, iżda l-għażla tal-awtoritajiet ġudizzjarji u hemmhekk hija tiċċaħħad mill-eżerċizzju ta’ parti konsiderevoli mid-drittijiet tagħha.

    156.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-fatt li l-persuna li kontriha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew tkun toqgħod fl-Istat Membru li jeżegwixxi bi ksur tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat dwar id-dħul u r-residenza tal-barranin u l-fatt li hija twettaq reati b’mod sistematiku hemmhekk jeskludux li din il-persuna tkun tista’ titqies bħala residenti. Hija tistaqsi wkoll jekk il-fatt li l-imsemmija persuna twettaq reati b’mod sistematiku jeskludix, minnu nnifsu, residenza abitwali.

    157.

    Il-qorti tar-rinviju tagħmel dawn id-domandi għaliex il-kwistjoni jekk huwiex legali l-fatt li S. Kozłowski qagħad fil-Ġermanja għal iktar minn perijodu ta’ tliet xhur kienet tidher inċerta fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, peress li huwa ma kienx jaħdem u kien jaqla’ l-parti sostanzjali tal-għixien tiegħu billi jwettaq reati.

    158.

    Kif isostni l-Gvern Olandiż, l-eżekuzzjoni tal-piena fl-Istat Membru li jeżegwixxi tippresupponi li l-persuna kkonċernata effettivament tkun tista’ toqgħod f’dan l-Istat malli tispiċċa tiskonta l-piena tagħha. Din il-kundizzjoni tippermetti li jkun jista’ jinkiseb l-għan ta’ integrazzjoni mill-ġdid segwit permezz tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas.

    159.

    Minn dan isegwi li, jekk l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi tikkonstata li l-persuna kkonċernata ma fadlilhiex id-dritt li toqgħod fl-Istat Membru li jeżegwixxi malli tispiċċa tiskonta l-piena tagħha, l-applikazzjoni tar-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas titlef l-iskop tagħha.

    160.

    Madankollu, l-evalwazzjoni tal-kapaċità tal-persuna kkonċernata li toqgħod fl-Istat Membru li jeżegwixxi malli tispiċċa tiskonta l-piena tagħha, fid-dawl tal-fatt li hija ma tkunx residenti hemmhekk b’mod konformi mal-liġi nazzjonali dwar id-dħul u r-residenza tal-barranin u li hija tkun wettqet reati b’mod sistematiku, għandha ssir mill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju u b’rispett tad-drittijiet fundamentali.

    161.

    Għaldaqstant is-sitwazzjoni hija differenti skont jekk il-persuna kkonċernata tkunx ċittadina tal-Unjoni jew ċittadina ta’ Stat terz.

    162.

    Il-parti l-kbira tal-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ Stati terzi fl-Istati Membri tal-Unjoni, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, għadhom jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Is-sitwazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini hija koperta mid-dritt Komunitarju, essenzjalment, biss jekk ikunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, jew ċittadini ta’ Stat li miegħu l-Komunità tkun ikkonkludiet ftehim, jew inkella jekk jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja ( 38 ) jew tad-Direttiva dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul ( 39 ).

    163.

    Għaldaqstant, jekk, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li jeżegwixxi, il-fatt li ċittadin ta’ Stat terz ikun joqgħod hemm b’mod illegali u jwettaq reati hemmhekk b’mod sistematiku, ma jippermettilux li joqgħod f’dan l-Istat malli jispiċċa jiskonta l-piena tiegħu, mingħajr preġudizzju għall-ħarsien tad-drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huwa ma jistax jitqies bħala resident fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas.

    164.

    Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni hija differenti meta l-persuna li kontriha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew jkollha, bħal S. Kozłowski, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

    165.

    Kif sostniet il-Kummissjoni u kif huwa mfakkar fil-ħdax-il premessa tad- Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 40 ), id-dritt fundamentali u personali ta’ residenza fi Stat Membru ieħor jingħata direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-Trattat u ma jiddependix mill-osservanza ta’ proċeduri amministrattivi fl-Istat Membru ospitanti.

    166.

    Ċertament, dan id-dritt mhuwiex mingħajr kundizzjoni. Huwa suġġett, għall-ewwel ħames snin, għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata jkollha riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni medika sabiex ma ssirx ta’ piż għas-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti. Madankollu, in-nuqqas ta’ riżorsi stabbli ma jistax iwassal awtomatikament għal miżura ta’ tkeċċija.

    167.

    Tali miżura tista’ tittieħed biss, skont is-sittax-il premessa tad-Direttiva 2004/38, jekk il-persuna kkonċernata ssir ta’ piż mhux raġonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti. Għal dan il-għan, dan l-Istat għandu jeżamina jekk, f’dan il-każ, dawn humiex diffikultajiet ta’ natura temporanja u għandu jieħu inkunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien ta’ residenza tal-persuna fil-pajjiż, is-sitwazzjoni personali tagħha u l-ammont ta’ għajnuna mogħtija.

    168.

    Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li S. Kozłowski m’għandux riżorsi stabbli u li b’hekk jinsab fi ksur tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar id-dħul u r-residenza tal-barranin ma jurix, minnu nnifsu, li huwa ma jistax joqgħod legalment fl-Istat Membru li jeżegwixxi malli jispiċċa jiskonta l-piena ta’ priġunerija tiegħu. Dan il-fatt ma jikkostitwixxix, minnu nnifsu, element li jeskludi l-possibbiltà li l-persuna kkonċernata titqies bħala residenti f’dan l-Istat, sakemm ma kinitx is-suġġett ta’ miżura ta’ tkeċċija adottata b’mod konformi mad-dritt Komunitarju ( 41 ).

    169.

    Bl-istess mod, jekk, wara t-twettiq ta’ reati fi Stat Membru, ċittadin tal-Unjoni jista’ jiċċaħħad mid-dritt tiegħu ta’ residenza f’dan l-Istat, din iċ-ċaħda tista’ tirriżulta biss minn deċiżjoni ta’ tkeċċija adottata b’mod konformi mal-kundizzjonijiet ferm restrittivi previsti fl-Artikoli 27 sa 33 tad-Direttiva 2004/38.

    170.

    Għandu jitfakkar li tali deċiżjoni tista’ tittieħed biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali, meta l-aġir tal-persuna kkonċernata jkun jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja għal interess fundamentali tas-soċjetà. Barra minn hekk, qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, it-tul ta’ żmien li fih il-persuna kkonċernata tkun qagħdet fit-territorju tiegħu, l-età tagħha, l-istat ta’ saħħa tagħha, is-sitwazzjoni tal-familja u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha fl-Istat Membru ospitanti kif ukoll l-intensità tar-rabtiet tagħha mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

    171.

    Minn dan isegwi li l-fatt li ċittadin tal-Unjoni jkun wettaq reati b’mod sistematiku fit-territorju tal-Istat Membru li jeżegwixxi ma jeskludix, minnu nnifsu, il-possibbiltà li huwa jkollu l-istatus ta’ “resident” fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas. Fil-fatt, dan il-fatt ma jipprovax li l-persuna kkonċernata għandha ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha barra minn dan l-Istat.

    172.

    Minn dan jirriżulta wkoll li l-fatt li tali ċittadin qed joqgħod fl-Istat Membru li jeżegwixxi bi ksur tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat dwar id-dħul u r-residenza tal-barranin u li huwa jwettaq reati b’mod sistematiku hemmhekk ma jipprekludix ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ “resident” fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, ħlief jekk din il-persuna kienet is-suġġett ta’ miżura ta’ tkeċċija b’mod konformi mad-dritt Komunitarju.

    173.

    Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, b’risposta għall-ewwel domanda preliminari, li persuna toqgħod jew hija residenti fl-Istat Membru li jeżegwixxi, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, meta din il-persuna jkollha hemmhekk iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha, b’tali mod li l-eżekuzzjoni tal-piena f’dan l-Istat tidher li tkun neċessarja sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tagħha. Sabiex jiġi evalwat jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi għandha teżamina l-fatti kollha rilevanti tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata.

    174.

    Imbagħad, il-fatt li l-persuna li kontriha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew tkun qagħdet b’mod interrott fl-Istat Membru li jeżegwixxi u l-fatt li tinsab miżmuma f’detenzjoni hemmhekk ma jikkostitwixxux kriterji determinanti jew rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk hijiex qed toqgħod jew hijiex residenti f’dan l-Istat, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas. Fl-aħħar nett, il-fatt li l-persuna kkonċernata qiegħda toqgħod fl-Istat Membru li jeżegwixxi bi ksur tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat dwar id-dħul u r-residenza tal-barranin u l-fatt li hija twettaq reati b’mod sistematiku hemmhekk ma jipprekludux li hija jkollha l-istatus ta’ persuna li toqgħod jew li hija residenti f’dan l-Istat, jekk din il-persuna tkun ċittadina tal-Unjoni, ħlief jekk hija kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija b’mod konformi mad-dritt Komunitarju.

    V — Konklużjoni

    175.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht Stuttgart:

    “1)

    L-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ piena meta dan il-mandat ta’ arrest ikun jirrigwarda wieħed miċ-ċittadini tiegħu u dan tal-aħħar ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-konsenja.

    Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tapplika għal S. Kozłowski d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha applikabbli għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn b’mod konformi mal-iskop tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi ma jippermettix li r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, prevista fid-dritt nazzjonali favur ċittadini Ġermaniżi li jopponu l-konsenja tagħhom, tiġi estiża għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

    2)

    Persuna toqgħod jew hija residenti fl-Istat Membru li jeżegwixxi, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, meta din il-persuna jkollha hemmhekk iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha, b’tali mod li l-eżekuzzjoni tal-piena f’dan l-Istat tidher neċessarja sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tagħha fis-soċjetà.

    Sabiex jiġi evalwat jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi għandha teżamina l-fatti kollha rilevanti tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna kkonċernata.

    Il-fatt li l-persuna li kontriha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew tkun qagħdet b’mod interrott fl-Istat Membru li jeżegwixxi u li tinsab miżmuma f’detenzjoni hemmhekk ma jikkostitwixxux kriterji determinanti jew rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk hijiex qed toqgħod jew hijiex residenti f’dan l-Istat, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

    Il-fatt li l-persuna kkonċernata qiegħda toqgħod fl-Istat Membru li jeżegwixxi bi ksur tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat dwar id-dħul u r-residenza tal-barranin u l-fatt li hija twettaq reati b’mod sistematiku hemmhekk ma jipprekludux li hija jkollha l-istatus ta’ persuna li toqgħod jew li hija residenti f’dan l-Istat, jekk din il-persuna tkun ċittadina tal-Unjoni, ħlief jekk hija kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija b’mod konformi mad-dritt Komunitarju.”


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU L 190, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas”).

    ( 3 ) Informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam (ĠU 1999, L 114, p. 56).

    ( 4 ) L-ewwel u l-ħames premessi tad-Deċiżjoni Qafas.

    ( 5 ) Is-sitt premessa tad-Deċiżjoni Qafas.

    ( 6 ) L-għaxar premessa tad-Deċiżjoni Qafas.

    ( 7 ) L-Artikoli 11 u 13 tad-Deċiżjoni Qafas.

    ( 8 ) L-Artikoli 23 u 24 tad-Deċiżjoni Qafas.

    ( 9 ) BGBl. 2006 I, p. 1721, iktar ’il quddiem l-“IRG”.

    ( 10 ) L-Artikolu 16(2) tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland) jipprovdi:

    “Ebda Ġermaniż ma jista’ jiġi estradat [lejn] pajjiż barrani. Il-liġi tista’ tidderoga minn dan għall-estradizzjoni [lejn] Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew lil qorti internazzjonali, sakemm jiġu ggarantiti l-prinċipji tal-Istat tad-dritt.”

    ( 11 ) Uffiċju tal-prosekutur pubbliku fi ħdan il-qorti tal-appell kompetenti.

    ( 12 ) Ara, għal applikazzjoni reċenti mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact (C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 13 ) L-eżami tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra jwassal għall-istess konklużjoni. B’hekk, bil-Ġermaniż huwa miktub “Die Mitgliedstaaten vollstrecken jeden Europäischen Haftbefehl”; bl-Ingliż “Member States shall execute any European arrest warrant”, eċċ.

    ( 14 ) Proposta ta’ Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal-25 ta’ Settembru 2001 dwar mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri [COM(2001) 522 finali].

    ( 15 ) Ara, b’mod partikolari, ir-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 3 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Istati Membri fuq ir-regoli Ewropej dwar il-ħabs, adottata fit-12 ta’ Frar 1987 u ssostitwita permezz tar-Rakkomandazzjoni Ġabra (2006)2, adottata fil-11 ta’ Jannar 2006.

    ( 16 ) ĠU 1999, C 98, p. 279.

    ( 17 ) Punt 78.

    ( 18 ) B’mod partikolari, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Elennika, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Portugiża.

    ( 19 ) Z. Deen-Racsmány u R. Blekxtoon, “The Decline of the Nationality Exception in European Extradition?”, European Journal of Crime, Criminal Law and Criminal Justice, vol. 13/3, p.  317 sa 363, Koninklijke Brill NV, l-Olanda, 2005.

    ( 20 ) It-tliet każijiet msemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas huma dawn li ġejjin. Fl-ewwel lok, ir-reat li fuqu huwa bbażat il-mandat ta’ arrest ikun kopert minn amnestija fl-Istat Membru li jeżegwixxi, fit-tieni lok, li jkun diġà s-suġġett ta’ sentenza definittiva fi Stat Membru ieħor li tkun ġiet eżegwita jew li ma tistax tiġi eżegwita iktar, u fit-tielet lok, li l-persuna kkonċernata ma tistax, minħabba l-età tagħha, tinsab kriminalment responsabbli fl-Istat Membru li jeżegwixxi.

    ( 21 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Lulju 2000 dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet finali fil-qasam penali [COM(2000) 495/finali, speċjalment p. 8].

    ( 22 ) Ftehim tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni (ĠU 2000, L 239, p. 19), iffirmat f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990.

    ( 23 ) C-187/01 u C-385/01, Ġabra p. I-1345.

    ( 24 ) Punt 33.

    ( 25 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14.

    ( 26 ) Sal-lum, ġew adottati madwar għoxrin deċiżjoni qafas. L-armonizzazzjoni kkonċernat id-definizzjoni u l-prevenzjoni ta’ reati transkonfinali, bħall-iffalsifikar ta’ flus b’dannu għall-euro, il-frodi u l-iffalsifikar ta’ mezzi ta’ ħlas, ir-riċiklaġġ tal-flus, it-terroriżmu, it-traffikar ta’ bnedmin, l-assistenza għall-immigrazzjoni illegali, il-korruzzjoni fis-settur privat, l-isfruttament sesswali tat-tfal, it-traffikar tad-droga u l-attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni. Hija kkonċernat ukoll il-mezzi ta’ azzjoni jew ta’ implementazzjoni, bħall-istabbiliment ta’ skwadri konġunti ta’ investigazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ konfiska, ta’ ffriżar ta’ beni, ta’ elementi ta’ prova jew penali finanzjarji, kif ukoll l-istatus tal-vittmi fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali. L-Unjoni adottat ukoll diversi deċiżjonijiet, li jistabbilixxu korpi bħall-Eurojust u n-netwerk Ewropew ta’ punti ta’ kuntatt f’dak li jirrigwarda l-persuni responsabbli għal ġenoċidji, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra, jew li jipprovdu għal azzjonijiet bħall-iskambju ta’ informazzjoni meħuda mill-fedina penali, azzjonijiet ta’ taħriġ u programmi.

    ( 27 ) Il-konformità tad-Deċiżjoni Qafas mal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 6 UE, f’dak li jirrigwarda t-tneħħija tal-kundizzjoni ta’ inkriminazzjoni doppja għat-32 reat imsemmi fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ rinviju preliminari dwar domanda rigward validità, fis-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C-303/05, Ġabra p. I-3633).

    ( 28 ) Ara, bħala eżempju ta’ din il-ġurisprudenza kostanti, is-sentenza Advocaten voor de Wereld, iċċitata iktar ’il fuq (punt 45).

    ( 29 ) 6/64, Ġabra p. 1141, 1161.

    ( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil (C-285/98, Ġabra p. I-69, punt 32), fir-rigward tal-inkompatibbiltà tal-Artikolu 12a tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Fundamentali tal-Ġermanja, sa fejn hija kienet tiddetermina l-kundizzjonijiet tal-aċċess tan-nisa għall-forzi armati, mad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40).

    ( 31 ) C-105/03, Ġabra p. I-5285.

    ( 32 ) Punt 43.

    ( 33 ) Sentenza Pupino, iċċitata iktar ’il fuq (punt 47).

    ( 34 ) C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835.

    ( 35 ) Fil-qasam tas-sigurtà soċjali, il-post ta’ residenza ta’ ħaddiem, li jintuża sabiex tiġi stabbilita l-leġiżlazzjoni applikabbli fir-rigward tal-benefiċċji tal-qgħad, huwa stabbilit skont il-post fejn ikun jinsab iċ-ċentru abitwali tal-interessi tiegħu. F’dan ir-rigward, għandha tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni tal-familja tal-ħaddiem kif ukoll ir-raġunijiet li wassluh biex imur minn pajjiż għall-ieħor kif ukoll in-natura tax-xogħol imwettaq [sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Adanez-Vega (C-372/02, Ġabra p. I-10761, punt 37)]. Fir-rigward tal-eżenzjonijiet fiskali applikabbli fi ħdan il-Komunità fir-rigward tal-importazzjoni temporanja ta’ ċerti mezzi ta’ trasport, ir-residenza normali hija ċ-ċentru permanenti tal-interessi tal-persuna kkonċernata u dan il-post għandu jiġi stabbilit abbażi tal-kriterji kollha disponibbli fid-dritt Komunitarju applikabbli u l-elementi ta’ fatti kollha rilevanti [sentenza tas-26 ta’ April 2007, Alevizos (C-392/05, Ġabra p. I-3505, punti 54 u 55)]. Fir-Regolamenti tal-Persunal tas-servizz pubbliku Komunitarju, ir-residenza abitwali tal-uffiċjal, qabel ma jieħu l-kariga tiegħu, li tikkostitwixxi l-kriterju determinanti għall-finijiet tal-għoti tal-benefiċċju għall-espatrijazzjoni, hija ddefinita bħala l-post fejn il-persuna kkonċernata tkun stabbilixxiet, bl-intenzjoni li jkun stabbli, iċ-ċentru permanenti jew abitwali tal-interessi tagħha [sentenza tal-15 ta’ Settembru 1994, Magdalena Fernández vs Il-Kummissjoni (C-452/93 P, Ġabra p. I-4295, punt 22)].

    ( 36 ) Skont din ir-riżoluzzjoni, il-kunċett ta’ domiċilju huwa kunċett ġuridiku. Huwa jimplika rabta ġuridika bejn persuna u pajjiż, li tirriżulta mir-rieda ta’ din il-persuna li tistabbilixxi hemmhekk iċ-ċentru tal-interessi personali, soċjali u ekonomiċi tagħha. Il-kunċett ta’ residenza, min-naħa l-oħra, huwa stabbilit biss abbażi ta’ kriterji fattwali. Huwa ma jiddependix minn permess ta’ residenza. Huwa jirriżulta mill-fatt li persuna tkun tgħix f’pajjiż għal ċertu tul ta’ żmien, li ma jkunx neċessarjament kontinwu. Sabiex jiġi stabbilit jekk residenza hijiex abitwali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-tul taż-żmien u l-kontinwità tar-residenza kif ukoll fatti oħrajn ta’ natura personali jew professjonali li jindikaw rabtiet stabbli bejn persuna u r-residenza tagħha.

    ( 37 ) Rakkomandazzjoni Nru R (87) 3 [punti 24, 103 u 107] u Rakkomandazzjoni (2006)2 [punti 63, 68-1 u 86].

    ( 38 ) Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003 (ĠU L 251, p. 12).

    ( 39 ) Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE, tal-25 ta’ Novembru 2003 (ĠU 2004, L 16, p. 44).

    ( 40 ) Direttiva tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, p. 77).

    ( 41 ) Fil-fehma tiegħi din ir-risposta tista’ tapplika għall-kawża Wolzenburg (C-123/08), li tinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Wolzenburg huwa ċittadin Ġermaniż li ilu jgħix fl-Olanda minn Ġunju 2005. Huwa għandu appartament f’dan l-Istat Membru, fejn jgħix flimkien ma’ martu li hija tqila. Huwa ħadem hemmhekk sal-2007. Huwa s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li nħareġ mill-iStaatsanwaltschaft Aachen (il-Ġermanja). Il-qorti tar-rinviju Olandiża ssostni li, skont il-liġi Olandiża, Wolzenburg ma jistax jibbenefika mir-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, peress li l-liġi Olandiża li tittrasponi din id-dispożizzjoni tirriżerva din ir-raġuni għall-persuni li jkollhom permess ta’ residenza għal żmien indefinit. Jiena tal-fehma li din ir-restrizzjoni mhijiex konformi mad- Deċiżjoni Qafas. F’dik il-kawża, ir-rikonoxximent tal-istatus ta’ “resident”, fis-sens tal-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas, ma jistax jiddependi mill-pussess ta’ permess ta’ residenza għal żmien twil, peress li d-dritt ta’ residenza fl-Olanda tal-persuna kkonċernata, li hija ċittadin tal-Unjoni, tirriżulta direttament mid-dritt Komunitarju.

    Top