Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CO0552

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-Sitt Awla) tal-1 ta' Ottubru 2009.
    Agrar-Invest-Tatschl GmbH vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
    Appell - Kodiċi Doganali - Artikolu 220(2)(b) - Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni - Nuqqas ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni - Avviż għall-importaturi - Bona fede.
    Kawża C-552/08 P.

    Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-09265

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:605

    DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

    1 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )

    Fil-Kawża C-552/08 P,

    li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fid-9 ta’ Diċembru 2008

    Agrar-Invest-Tatschl GmbH, stabbilita f’St. Andrä im Lavanttal (l-Awstrija), irrappreżentata minn O. Wenzlaff, Rechtsanwalt,

    appellant,

    il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn S. Schønberg, bħala aġent, assistit minn B. Wägenbaur, Rechtsanwalt, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

    appellata,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

    komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann u C. Toader (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

    Reġistratur: R. Grass,

    wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    Permezz tal-appell tagħha, Agrar-Invest-Tatschl GmbH (iktar ’il quddiem “Agrar-Invest-Tatschl”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta’ Ottubru 2008, Agrar-Invest-Tatschl vs Il-Kummissjoni (T-51/07, Ġabra p. II-2825, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni C (2006) 5789 finali tal-4 ta’ Diċembru 2006, li biha l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iddeċidiet, fost affarijiet oħra, li r-rinunzja għall-irkupru a posteriori u r-remissjoni ta’ dazji fuq l-importazzjoni ma kinux iġġustifikati f’każ partikolari (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    Il-kuntest ġuridiku

    2

    Permezz tad-Deċiżjoni 2001/868/KE tad-29 ta’ Ottubru 2001 (ĠU L 330, p. 1), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea awtorizza s-sottoskrizzjoni f’isem il-Komunità u l-applikazzjoni proviżorja fil-Ftehim Temporanju fuq kummerċ u affarijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunitajiet Ewropej, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kroazja, min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Temporanju”).

    3

    Skont l-Artikolu 4(1) tal-Ftehim Temporanju, id-dazji doganali fuq l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti li joriġinaw mill-Kroazja, huma aboluti mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim.

    4

    L-Artikolu 220(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 239, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”) jipprovdi li:

    “[…] daħliet sussegwenti fil-kontijiet m’għandhomx isiru fejn:

    […]

    (b)

    l-ammont ta’ dazju li ried jitħallas legalment ma ġiex imdaħħal fil-kontijiet minħabba żball min-naħa tal-awtoritajiet tad-dwana li ma satax raġjonevolment jiġi notat mill-persuna resposabbli għall-pagament, u li din ta’ l-aħħar min-naħa tagħha tkun aġixxiet in bona fede u tkun ħarset id-dispożizzjonijiet kollha preskritti fil-liġijiet fis-seħħ fir-rigward ta’ dikjarazzjoni tad-dwana.

    Fejn l-istatus preferenzjali ta’ l-oġġetti huwa stabbilit fuq il-bażi ta’ koperazzjoni amministrattiva li tinvolvi lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz, il-ħruġ ta’ ċertifikat minn dawn l-awtoritajiet, jekk jiġi pruvat li hu inkorrett, għandu jikkostitwixxi żball li ma satax raġjonevolment ikun notat fit-tifsira ta’ l-ewwel sotto-paragrafu.

    Il-ħruġ ta’ ċertifikat żbaljat ma għandux, iżda, jikkostitwixxi żball fejn iċ-ċertifikat ikun bażat fuq tagħrif inkorrett tal-fatti provvdut mill-esportatur, minbarra fejn, partikolarment, jidher biċ-ċar illi l-awtoritajiet tal-ħruġ kienu konxji jew kellhom ikunu konxji li l-oġġetti ma ssodisfawx il-kondizzjonijiet preskritti għad-dritt ta’ trattament preferenzjali.

    Il-persuna responsabli għal dan tista’ ġġib il-bona fede tagħha bħala turija illi, matul il-perijodu taż-żmien ta’ l-operati msemmija tan-negozju tagħha, ħadet il-kura mistħoqqa sabiex tiżgura illi ġew imwettqa l-kondizzjonijiet kollha tat-trattament preferenzjali.

    Iżda, il-persuna responsabbli ma tistax iżda ġġib bi skuża l-bona fede tagħha jekk il-Kummissjoni Ewropea tkun ippublikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li jgħid li hemm lok għal dubji rigward l-applikazzjoni kif għandha tkun ta’ arranġamenti preferenzjali mill-pajjiż benefiċjarju.”

    5

    Il-premessa 11 tar-Regolament Nru 2700/2000 tiġġustifika l-introduzzjoni fil-Kodiċi Doganali tat-tieni sal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) ta’ dan il-kodiċi, bil-kliem li ġej:

    “Għall-każ partikolari ta’ arranġamenti preferenzjali, huwa meħtieġ li jiġu definiti l-kunċetti ta’ żball mill-awtoritajiet tad-dwana u dawk ta’ bona-fede mill-persuna responsabbli għall-pagament. Il-persuna responsabbli għall-pagament ma għandhiex tinżamm responsabbli għall-funzjonament ħażin tas-sistema minħabba żball magħmul mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz. Il-ħruġ ta’ ċertifikat mhux korrett minn dawn l-awtoritajiet ma għandux, iżda, jiġi kunsidrat bħala żball jekk iċ-ċertifikat ikun bażat fuq applikazzjoni li fiha jkun jinsab tagħrif mhux korrett. In-natura mhux korretta tat-tagħrif provvdut mill-esportatur fl-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi stmata fuq il-bażi ta’ l-elementi fattwali kollha li jkunu jinsabu f’din l-applikazzjoni. Il-persuna responsabbli għall-pagament tista’ tiddefendi l-bona fede tagħha fejn tkun tista’ turi li tkun ħadet l-attenzjoni mistħoqqa, minbarra meta avviż li jgħid li jeżisti lok għal dubji jkun pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.”

    6

    L-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li:

    “1.   Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu f’sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237, u 238:

    li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat;

    li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-Kumitat. Ħlas lura jew remissjoni jistgħu jsiru bla ħsara għal kondizzjonijiet speċjali.

    2.   Dazji għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 1 malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq […]

    […].”

    7

    Fis-26 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni ppubblikat avviż għall-importaturi dwar l-importazzjonijiet taz-zokkor fil-Komunità minn pajjiżi Balkani tal-Punent, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 152, p. 14), iktar ’il quddiem l-“avviż għall-importaturi”. Dan l-avviż jipprovdi dan li ġej:

    “Il-Kummissjoni tinforma lill-operaturi Komunitarji li jeżisti dubju raġonevoli dwar l-applikazzjoni xierqa tal-arranġamenti preferenzjali għaz-zokkor li jaqa’ taħt l-intestaturi NM 1701 u 1702, iddikjarat fl-importazzjoni bħala li joriġina mill-Albanija, mill-Bożnja u Ħerzegovina, mill-Kroazja, mir-Repubblika Federali tal-Jugożlavja, inkluż il-Kosovo kif definit fir-Reżoluzzjoni 1244 ta’ Ġunju 1999 tan-Nazzjonijiet Uniti, u mill-ex Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, bl-għan li jibbenifikaw minn miżuri preferenzjali.

    Mill-bidu tal-2001, fil-Komunità ġiet irreġistrata żieda rapida u sinjifikattiva tal-importazzjonijiet preferenzjali ta’ zokkor minn ċertu pajjiżi Balkani tal-Punent, mentri l-pajjiżi inkwistjoni, sa dan l-aħħar, kellhom tnaqqis fil-produzzjoni taz-zokkor. Fl-istess waqt, l-esportazzjoni taz-zokkor mill-Komunità lejn il-pajjiżi ta’ dan ir-reġjun żdiedet kważi bl-istess proporzjon. Dan l-iżvilupp fil-kummerċ fiż-żewġ direzzjonijiet jidher artifiċjali ħafna u hemm indizzji li jindikaw il-possibbiltà ta’ frodi.

    L-operaturi Komunitarji li jippreżentaw dokumenti li jagħtu prova tal-oriġini, bl-għan li jiksbu trattament preferenzjali għaz-zokkor li jaqa’ taħt l-intestaturi NM 1701 u 1702 huma għaldaqstant mitluba jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa, peress li r-rilaxx f’ċirkulazzjoni ħielsa tal-oġġetti inkwistjoni tista’ toħloq dejn doganali u tkun sors ta’ frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Komunità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

    Il-fatti li wasslu għall-kawża kif jirriżultaw mis-sentenza appellata

    8

    Agrar-Invest-Tatschl hija impriża Awstrijaka li tispeċjalizza fil-kummerċ tal-prodotti agrikoli. Bejn l-20 ta’ Settembru 2001 u t-8 ta’ Awwissu 2002 hija wettqet 76 operazzjoni ta’ importazzjoni taz-zokkor mill-Kroazja. Fost dawn, disa’ operazzjonijiet saru bejn l-1 ta’ Lulju u t-8 ta’ Awissu 2002 (iktar ’il quddiem l-“importazzjonijiet ikkontestati”).

    9

    Dawn l-importazzjonijiet twettqu abbażi tal-Ftehim Temporanju u b’hekk ibbenefikaw minn trattament preferenzjali mogħti mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat għaċ-ċirkulazzjoni ta’ oġġetti lill-awtoritajiet tad-dwana ta’ importazzjoni, magħruf bħala EUR 1 (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat EUR 1”), maħruġ mill-awtoritajiet tad-dwana Kroati.

    10

    Fit-2 ta’ April 2002, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) informa lill-Kummissjoni li kien hemm suspetti dwar użu ta’ ċertifikati ta’ oriġini foloz fir-rigward tal-importazzjonijiet preferenzjali taz-zokkor minn ċerti pajjiżi Balkani tal-Punent.

    11

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ppubblikat l-avviż għall-importaturi. L-importazzjonijiet ikkontestati saru wara l-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    12

    Fuq talba tal-awtoritajiet tad-dwana Awstrijaki, bejn it-23 ta’ Lulju 2002 u s-16 ta’ Settembru 2003, l-awtoritajiet tad-dwana Kroati għamlu verifika a posteriori taċ-ċertifikati EUR 1 ippreżentati minn Agrar-Invest-Tatschl għall-importazzjonijiet ikkontestati.

    13

    Wara li saru dawn il-verifiki, fit-18 ta’ Frar u fis-16 ta’ Settembru 2003 l-awtorità tad-dwana Kroata kkonfermat l-awtentiċità u l-eżattezza taċ-ċertifikati EUR 1 maħruġin għall-importazzjonijiet ikkontestati.

    14

    Wara l-pubblikazzjoni tal-avviż għall-importaturi, l-OLAF analizza, fil-Ġreċja, zokkor allegatament ġej mill-Kroazja. Dan l-Uffiċċju skopra li dan kien kompost minn taħlita ta’ zokkor tal-pitravi u zokkor tal-kannamieli, li jeskludi kull oriġini Kroata. Fit-28 ta’ Ottubru 2002, l-OLAF informa lill-Istati Membri b’dan.

    15

    F’Ġunju tal-2003, l-OLAF wettaq investigazzjoni għand il-produttur taz-zokkor Kroat IPK Tvornica Šećera Osijek d.o.o. u kkonstata li din l-impriża, li Agrar-Invest-Tatschl kienet xtrat iz-zokkor minn għandha, ukoll kienet tuża z-zokkor tal-kannamieli importat għall-produzzjoni tagħha, mingħajr ma kien possibbli li ssir distinzjoni bejn il-lottijiet differenti taz-zokkor.

    16

    Għaldaqstant, l-awtoritajiet tad-dwana Kroati rtiraw iċ-ċertifikati EUR 1 kollha stabbiliti bejn l-14 ta’ Settembru 2001 u s-17 ta’ Settembru 2002. Fit-30 ta’ Ġunju 2004, l-awtoritajiet tad-dwana Awstrijaki informaw lill-importaturi kkonċernati bir-revoka tal-imsemmija ċertifikati.

    17

    Wara din ir-revoka, fid-9 ta’ Awwissu 2004, l-imsemmija awtoritajiet tad-dwana Awstrijaki bagħtu avviż ta’ rkupru a posteriori lil Agrar-Invest-Tatschl, għall-ammont ta’ EUR 916807.21.

    18

    Din il-kumpannija ppreżentat rikors kontra dan l-avviż quddiem il-qorti Awstrijaka kompetenti, u talbet, skont l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, li ma jiddaħħalx fil-kontijiet a posteriori l-ammont ta’ dazji stabbiliti mill-avviż ta’ rkupru, u sussidjarjament, ir-remissjoni tagħhom abbażi tal-Artikolu 239 ta’ dan il-Kodiċi.

    19

    Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Ġunju 2005, ir-Repubblika tal-Awstrija talbet lill-Kummissjoni tiddeċiedi, skont l-imsemmija artikoli tal-Kodiċi Doganali, jekk kienx iġġustifikat, fil-każ ta’ Agrar-Invest-Tatschl, li ma jiddaħħalx fil-kontijiet a posteriori l-ammont ta’ dazji ta’ importazzjoni u, sussidjarjament, tiddeċiedi jekk ir-remissjoni ta’ dawn id-dazji kinitx iġġustifikata.

    20

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li kellu jkun hemm rinunzja għad-dħul fil-kontijiet a posteriori tad-dazji doganali dovuti fuq l-importazzjonijiet ta’ qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż għall-importaturi. Iżda, għal dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet ikkontestati, hija rrifjutat tali rinunzja u l-għoti ta’ remissjoni ta’ dawn id-dazji, li kienu jammontaw għal total ta’ EUR 110937.60.

    21

    Essenzjalment, il-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet Kroati kompetenti kienu jafu jew, tal-inqas, kellhom raġonevolament ikunu jafu li l-oġġetti ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mit-trattament prefenzjali previst mill-Ftehim Temporanju, u li, għaldaqstant, kienu wettqu żball fis-sens tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali. Madankollu, wara l-pubblikazzjoni tal-avviż għall-importaturi, Agrar-Invest-Tatschl ma kellhiex iktar il-possibblità li tinvoka l-bona fide tagħha għal dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet imwettqa wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-fatt li l-awtoritajiet Kroati kkonfermaw il-validità ta’ ċerti ċertifikati EUR 1 wara l-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż mhuwiex rilevanti f’dan ir-rigward, peress li, skont il-Kummissjoni, fil-mument li fih hija wettqet l-importazzjonijiet ikkontestati, din il-kumpannija kienet taf ir-riskji li kienet qiegħda tieħu, u l-konferma tal-validità taċ-ċertifikati kkonċernati ma setgħetx tagħtiha aspettattivi leġittimi a posteriori, mingħajr ma jintilef l-iskop kollu tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali.

    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

    22

    Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Frar 2007, Agrar-Invest-Tatschl ippreżentat rikors, b’mod partikolari, għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ċaħdet it-talbiet tagħha dwar in-nuqqas ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori tad-dazji doganali fir-rigward tal-importazzjonjiet ikkontestati u għar-remissjoni tagħhom.

    23

    Insostenn tar-rikors tagħha, din il-kumpannija sostniet, essenzjalment, li l-pubblikazzjoni tal-avviż għall-importaturi ma kinitx tipprekludi li hija titqies bħala li aġixxiet in bona fide, fis-sens tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, sa fejn il-konferma tal-awtentiċità taċ-ċertifikati EUR 1 mill-awtoritajiet tad-dwana Kroati, li saret wara l-importazzjonijiet ikkontestati, inkisbet preċiżament fuq talba tal-awtoritajiet Awstrijaki, li kellha ssir ġustament wara din il-pubblikazzjoni.

    24

    B’hekk, Agrar-Invest-Tatschl kienet tqis li, anki jekk l-imsemmija dispożizzjoni tal-Kodiċi Doganali teskludi l-bona fide tagħha fir-rigward tal-awtentiċità u l-eżattezza tal-provi oriġinali pprovduti fil-mument tal-importazzjonijiet ikkontestati, madankollu din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li l-bona fide tagħha tiġi “stabbilita mill-ġdid” permezz ta’ verifika a posteriori mwettqa mill-awtoritajiet tal-Istat ta’ importazzjoni flimkien ma’ dawk tal-Istat ta’ esportazzjoni.

    25

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Agrar-Invest-Tatschl fl-intier tiegħu, u kkundannatha għall-ispejjeż.

    26

    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni li tirrigwarda l-bona fide tal-importatur, kif meħtieġa mill-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għall-finijiet ta’ nuqqas ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori tad-dazji doganali, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-kliem tal-ħames subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni huwa ċar u mhuwiex ekwivoku. Għaldaqstant, minn naħa, l-importatur ma jistax jinvoka l-bona fide tiegħu meta l-Kummissjoni ppubblikat avviż għall-importaturi fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li fih indikat dubji fondati u, min-naħa l-oħra, mhuwiex ser ikun possibbli għalih li juri l-bona fide tiegħu billi jieħu miżuri addizzjonali sabiex jiżgura l-awtentiċità u l-eżattezza taċ-ċertifikati meħtieġa sabiex jibbenefika mit-trattament preferenzjali.

    27

    Fil-punt 43 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li din l-esklużjoni assoluta tal-bone fede wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż bħal dan tiżgura livell ta’ ċertezza legali għoli ħafna. Madankollu, fil-punt 44 tal-imsemmija sentenza, hija rrilevat, f’dan ir-rigward, li f’dan il-każ l-avviż ippubblikat mill-Kummissjoni, li ma jagħmel l-ebda referenza għall-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, ma kienx espliċitu ħafna dwar il-konsegwenzi legali tiegħu.

    28

    Fil-punt 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat li fis-seduta l-Kummissjoni ammettiet li ma kienx eskluż li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija tista’ tadotta pożizzjoni iktar moderata fir-rigward tal-effett assolut ta’ avviż għall-importaturi f’sitwazzjoni fejn l-importatur, wara l-pubblikazzjoni ta’ tali avviż iżda qabel l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni, ikun ħa miżuri addizzjonali li jwasslu għal konferma tal-oriġini tal-prodotti.

    29

    Filwaqt li fil-punt 48 tas-sentenza appellata l-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li Agrar-Invest-Tatschl ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni dwar il-miżuri eventwali f’dan is-sens li hija ħadet qabel jew, l-iktar tard, fil-mument tal-importazzjonijiet ikkontestati, fil-punt 46 tal-imsemmija sentenza l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li xorta waħda ma kienx hemm lok li tiġi eżaminata din l-eventwali eċċezzjoni, peress li fi kwalunkwe każ, din il-kumpannija ma aġixxietx in bona fide f’dan il-każ.

    30

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li, sa fejn Agrar-Invest-Tatschl sostniet li permezz tal-konferma tal-awtoritajiet tad-dwana Kroati il-bona fide tagħha kienet “stabbilita mill-ġdid”, hija ammettiet impliċitament li ma kinitx in bona fide fil-mument tal-importazzjonijiet ikkontestati. Madankollu, skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, id-data determinanti sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-bona fide tal-persuna responsabbli għall-pagament hija d-data tal-importazzjoni tal-oġġetti u, barra minn hekk, l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali ma jipprovdi għall-ebda possibbiltà li verifiki a posteriori li jikkonfermaw l-awtentiċità taċ-ċertifikati jkunu jistgħu jirrelataw b’mod retroattiv għall-evalwazzjoni tal-bona fide tal-importatur fil-mument meta jkun wettaq l-importazzjonijiet.

    31

    Fir-rigward tal-argument ta’ Agrar-Invest-Tatschl, intiż sabiex jikkontesta d-deċiżjoni kkontestata sa fejn ċaħditilha remissjoni tad-dazji doganali fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, fil-punt 56 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li din il-kumpannija ma setgħetx, fl-osservazzjonijiet tagħha, tillimita ruħha li tirreferi għall-ispjegazzjonijiet li kienet pprovdiet fil-parti tar-rikors tagħha dwar ir-rifjut ta’ nuqqas ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori tad-dazji doganali.

    32

    Fil-fatt, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat b’mod partikolari f’dan ir-rigward li, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali għandu l-istess għan bħall-Artikolu 239 tal-imsemmi kodiċi, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet xorta ma jikkoinċidux. L-ewwel artikolu għandu għan iktar limitat mit-tieni wieħed, peress li l-għan tiegħu huwa biss li jipproteġi l-aspettattivi leġittimi tal-persuna responsabbli għall-pagament fir-rigward tal-fondatezza tal-elementi kollha tad-deċiżjoni dwar jekk jiddaħħlux fil-kontijiet a posteriori jew le d-dazji doganali. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 239 tal-istess kodiċi jikkostitwixxi klawżola ġenerali ta’ ekwità.

    33

    Billi l-Artikoli 220(2)(b) u 239 tal-Kodiċi Doganali huma żewġ dispożizzjonijiet distinti li għandhom kriterji ta’ applikazzjoni differenti, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, Agrar-Invest-Tatschl ma setgħetx tillimita ruħha li tirreferi għall-ispjegazzjonijiet li jirrigwardaw l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali insostenn tat-talbiet tagħha fir-rigward tal-Artikolu 239 tal-istess kodiċi.

    34

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tirrifjuta r-remissjoni tad-dazji doganali fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali, kellha tiġi miċħuda bħala inammissibbli u għaldaqstant, fil-punt 61 tal-istess sentenza, hija ċaħdet ir-rikors li kienet ġiet adita bih, fl-intier tiegħu.

    Fuq l-appell

    35

    Agrar-Invest-Tatschl titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tilqa’ t-talbiet tagħha magħmula fl-ewwel istanza u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, filwaqt li din tal-aħħar talbitha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

    36

    Skont l-Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull waqt, fuq rapport tal-Imħallef Relatur u wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali, tiċħad l-appell permezz ta’ digriet motivat.

    L-argumenti tal-partijiet

    37

    Insostenn tal-appell tagħha, Agrar-Invest-Tatschl issostni, prinċipalment, li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali peress li ddeċidiet li l-pubblikazzjoni ta’ avviż għall-importaturi fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, twassal sabiex teskludi l-possibbiltà għal operatur li jinvoka l-bona fide tiegħu, għall-finijiet tan-nuqqas ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori tad-dazji tad-dwana dovuti, u dan anki meta ċ-ċertifikati tal-oriġini ppreżentati waqt l-importazzjonijiet ikkontestati jkunu ġew issuġġettati għal verifika a posteriori, imwettqa mill-awtoritajiet td-dwana tal-Istat terz ta’ esportazzjoni fuq talba tal-awtoritajiet tad-dwana tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, li tikkonferma l-awtentiċità tal-imsemmija ċertifikati.

    38

    Skont Agrar-Invest-Tatschl, ma hemm l-ebda dubju li importatur negliġenti li ma jieħu l-ebda miżura sabiex jiżgura l-applikazzjoni korretta tal-arranġamenti preferenzjali, ma jistax jinvoka l-bona fide tiegħu. Madankollu, is-sitwazzjoni tkun waħda differenti meta, bħal f’dan il-każ, wara l-pubblikazzjoni tal-avviż għall-importaturi, l-awtoritajiet tad-dwana tal-Istat Membru ta’ importazzjoni jitolbu lill-kontropartijiet tagħhom tal-Istati terzi ta’ esportazzjoni sabiex dawn tal-aħħar iwettqu verifika a posteriori tal-awtentiċità u l-veraċità taċ-ċertifikati tal-oriġini. Fil-fatt, meta wara verifiki bħal dawn, din l-awtentiċità tiġi kkonfermata mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istat terz ta’ esportazzjoni, il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-importatur tiġi stabbilita mill-ġdid peress li jkun jista’ leġittimament jaħseb li r-riżultat ta’ tali verifiki a posteriori elimina d-dubji u s-suspetti li rrendew neċessarja l-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż għall-importaturi.

    39

    Għaldaqstant, Agrar-Invest-Tatschl tqis illi f’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali huwa intiż sabiex jipproteġi l-bona fide tal-importatur, peress li jirrigwarda l-verifika a posteriori taċ-ċertifikati tal-oriġini, u mhux il-bona fide tiegħu għal dak li jikkonċerna l-legalità tagħhom fit-twettiq tal-operazzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri fil-mument tal-preżentazzjoni tad-dokumenti meħtieġa lid-dwana. Għaldaqstant, il-pubblikazzjoni tal-avviż għall-importaturi fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għandha l-effett li tpoġġi preżunzjoni ta’ mala fede fuq l-operaturi, li tista’ madankollu tiġi kkonfutata billi jintwera li jkunu ġew adottati miżuri ta’ verifika a posteriori fir-rigward tal-imsemmija operazzjonijiet, bħall-verifika a posteriori mwettqa mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istat terz ta’ esportazzjoni.

    40

    Barra minn hekk, billi l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-bona fide ta’ importatur fis-sens tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, il-mument rilevanti kien iż-żmien qabel jew konkomitanti għall-importazzjonijiet ikkontestati, hija naqset, b’mod żbaljat, milli tqis il-portata tal-miżuri meħuda minn Agrar-Invest-Tatschl, wara l-pubblikazzjoni tal-avviż għall-importaturi, sabiex tiżgura li l-importazzjonijiet tagħha jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tibbenefika mit-trattament preferenzjali. F’dan ir-rigward, din il-kumpannija tenfasizza li l-irtirar taċ-ċertifikat EUR 1 mill-awtoritajiet tad-dwana Kroati, li seħħ wara li dawn kienu kkonfermaw l-awtentiċità tagħhom, jista’ jiġi spjegat mill-fatt li dawn l-awtoritajiet kienu qed jissuspettaw li z-zokkor importat kien zokkor tal-kannamieli mill-Amerika Latina. Madankollu, Agrar-Invest-Tatschl tosserva li l-importazzjonijiet ikkontestati kienu jikkonċernaw iz-zokkor tal-pitravi.

    41

    Fl-aħħar nett, jidher li Agrar-Invest-Tatschl tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li fis-sentenza appellata ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-avviż għall-importaturi ma setax ikollu effett retroattiv fuq l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni magħmula qabel il-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż.

    42

    Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, titlob li l-appell jiġi miċħud filwaqt li tirrileva li Agrar-Invest-Tatschl tikkontesta s-sentenza appellata sa fejn din tikkonċerna n-nuqqas ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori tad-dazji doganali biss, mentri tabbanduna t-talbiet l-oħra tagħha fl-ewwel istanza, b’mod partikolari, dawk dwar ir-rifjut tat-talba għal remissjoni fis-sens tal-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali.

    43

    Il-Kummissjoni tqis li, permezz tal-argument tagħha, Agrar-Invest-Tatschl qed tipprova taħrab mill-kliem inekwivoku tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, billi tipprova tibbaża ruħha fuq allegata bona fide li din il-kumpannija kisbet għal dak li jikkonċerna l-verifiki mwettqa wara l-importazzjonijiet ikkontestati mill-awtoritajiet tad-dwana Kroati. Madankollu, l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju kienet ċara biżżejjed peress li ddeċieda li l-pubblikazzjoni ta’ avviż għall-importaturi jostakola l-possibbiltà għall-importaturi li jinvokaw il-bona fide tagħhom fil-mument tal-operazzjonijiet ta’ importazzjoni kkonċernati mill-imsemmi avviż. Barra minn hekk, billi allegat li permezz tal-konferma tal-awtentiċità taċ-ċertifikat minn dawn l-awtoritajiet, fil-mument tal-importazzjonijiet ikkontestati l-aspettattivi leġittimi tagħha ġew “stabbilit[i] mill-ġdid” b’mod retroattiv, din il-kumpannija tirrikonoxxi impliċitament li hija d-data ta’ dawn l-importazzjonijiet li hija determinanti għall-evalwazzjoni tal-bona fide fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    44

    Barra minn hekk, ċerti argumenti invokati minn Agrar-Invest-Tatschl jimminaw l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza u, għaldaqstant, huma inammissibbli.

    45

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-diskussjoni mibdija mill-imsemmija kumpannija dwar l-effett retroattiv tal-avviż għall-importaturi fuq l-importazzjonijiet imwettqa qabel il-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, il-Kummissjoni tirrileva li din il-kwistjoni ma ġietx diskussa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u li, f’dan il-każ, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, in-nuqqas ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori tad-dazji doganali ġustament tħalla għal dak li jikkonċerna l-operazzjonijiet imwettqa qabel l-imsemmija pubblikazzjoni u ġie rrifjutat biss għal dak li jikkonċerna l-operazzjonijiet ikkontestati, li twettqu wara l-pubblikazzjoni tal-imsemmi avviż. Konsegwentement, f’din il-kawża, ma hemm ebda kwistjoni dwar l-effett retroattiv ta’ tali pubblikazzjoni fuq l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni li twettqu qabilha, minkejja li l-Kummissjoni għandha dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-argument fil-kuntest ta’ dan l-appell.

    Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

    46

    Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li mill-Artikoli 225 KE u 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li hija kompetenti, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ li l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati lilha u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Għalhekk, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi li jkunu ġew ippreżentati lilha, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix punt ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Biegi Nahrungsmittel u Commonfood vs Il-Kummissjoni, C-499/03 P, Ġabra p. I-1751, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    47

    Konsegwentement, l-argument ta’ Agrar-Invest-Tatschl intiż sabiex juri li, għall-kuntrarju ta’ dak li kkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 12 tas-sentenza appellata, u ta’ dak li ddeċidiet fil-punti 56 u 57 tagħha, wara li ċaħdet il-provi pprovduti minn din il-kumpannija li hija kienet timporta biss zokkor tal-pitravi u mhux zokkor tal-kannamieli, għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

    48

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar il-konsegwenzi legali tal-pubblikazzjoni tal-avviż għall-importaturi fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fuq l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni qabel din il-pubblikazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li din il-kwistjoni ma ġietx diskussa matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija ma ddeċidietx dwar din il-kwistjoni u li, barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma ċaħditx it-talba li ma jiddaħħlux fil-kontijiet a posteriori d-dazji doganali minħabba l-imsemmija pubblikazzjoni li tikkonċerna l-importazzjonijiet ikkontestati, jiġifieri dawk li seħħew wara din il-pubblikazzjoni.

    49

    Madankollu, skont l-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-appell ma jistax jibdel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ appell, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi diskussi quddiem il-qrati tal-ewwel istanza (ara d-digriet tat-13 ta’ Frar 2008, Indorata-Serviços e Gestão vs UASI, C-212/07 P, punt 49, kif ukoll is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Département du Loiret, C-295/07 P, Ġabra p. I-9363, punti 94 u 95).

    50

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ta’ Agrar-Invest-Tatschl, li apparentament kien jikkonstisti fi kritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza għaliex ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-pubblikazzjoni tal-avviż għall-importaturi fl-imsemmi Ġurnal Uffiċjali ma setax ikollha effett retroattiv fuq l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni mwettqa qabel l-imsemmija pubblikazzjoni, għandu wkoll jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

    51

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-iżbalji ta’ liġi invokati minn Agrar-Invest-Tatschl, dwar l-evalwazzjoni tal-bona fide tagħha fis-sens tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, għandu jiġi mfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, daħliet fil-kontijiet a posteriori ma għandhomx isiru fejn, l-ammont ta’ dazju legalment dovut ma kienx ġie imdaħħal fil-kontijiet minħabba żball min-naħa tal-awtoritajiet tad-dwana li ma setax raġonevolment jiġi nnotat mill-persuna resposabbli għall-pagament li, min-naħa tagħha, tkun aġixxiet in bona fide u tkun irrispettat id-dispożizzjonijiet kollha stabbiliti fil-liġijiet fis-seħħ fir-rigward ta’ dikjarazzjoni tad-dwana.

    52

    Il-proċeduri pprovduti fl-Artikoli 220 u 239 tal-Kodiċi Doganali għandhom l-istess għan, jiġifieri, li jillimitaw il-pagament a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni fil-każ li tali pagament ikun iġġustifikat u fejn ikun kompatibbli ma’ prinċipju fundamentali bħall-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara s-sentenzi tal-1 ta’ April 1993, Hewlett Packard France, C-250/91, Ġabra p. I-1819, punt 46, u tal-20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading, C-375/07, Ġabra p. I-8691, punt 57).

    53

    Il-ħlas lura jew ir-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni jew tad-dazji fuq l-esportazzjoni, li jistgħu jingħataw biss taħt ċerti kundizzjonijiet u f’ċerti każijiet previsti speċifikament, jikkostitwixxu eċċezzjoni għas-sistema normali ta’ importazzjonijiet u esportazzjonijiet u, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet li jipprevedu tali ħlas lura jew tali remissjoni għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Peress li l-“bona fide” hija kundizzjoni sine qua non sabiex ikunu jistgħu jintalbu ħlas lura jew remissjoni ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni, isegwi li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’tali mod li n-numru ta’ każijiet ta’ ħlas lura jew ta’ remissjoni jibqa’ limitat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke, C-48/98, Ġabra p. I-7877, punt 52, u tal-20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading vs Il-Kummissjoni, C-38/07 P, Ġabra p. I-8599, punt 60).

    54

    Kunsiderazzjonijiet bħal dawn huma iktar u iktar meħtieġa meta, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tkun ippubblikat avviż għall-importaturi fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    55

    Fil-fatt, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, il-bona fide tal-persuna responsabbli għall-pagament tista’ ċertament tiġi invokata meta tingħata prova li, matul il-perijodu taż-żmien tal-operati tan-negozju kkonċernati, hija tkun uriet l-attenzjoni mistħoqqa sabiex tiżgura illi jkunu ġew imwettqa l-kundizzjonijiet kollha tat-trattament preferenzjali.

    56

    Madankollu, kif ikkonstatat ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 42 tas-sentenza appellata, mill-kliem ċar u inekwivoku tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta espressament li l-persuna responsabbli għall-pagament ma tistax tinvoka l-bona fide tagħha meta l-Kummissjoni tkun ippubblikat avviż fl-imsemmi Ġurnal Uffiċjali li jkun jindika dubji fondati għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni xierqa ta’ arranġamenti preferenzjali mill-pajjiż terz benefiċjarju.

    57

    Tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, imsaħħa mill-premessa 11 tar-Regolament Nru 2700/2000 li introduċa fil-Kodiċi Doganali, b’mod partikolari, il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 220(2)(b) ta’ dan il-kodiċi. Fil-fatt, mill-imsemmija premessa jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju, bl-għan li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “bona fide” fil-każ partikolari ta’ arranġamenti preferenzjali, ried jagħti l-possibbiltà lill-persuna responsabbli għall-pagament li tinvoka l-bona fide tagħha sakemm tkun tista’ turi li hija tkun uriet l-attenzjoni mistħoqqa, “minbarra meta avviż li jgħid li jeżisti lok għal dubji jkun pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej”.

    58

    Għaldaqstant, huwa ġust li fil-punt 42 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-persuna responsabbli għall-pagament ma tistax tinvoka l-bona fide tagħha meta l-Kummissjoni ppubblikat avviż għall-importaturi fl-imsemmi Ġurnal Uffiċjali, b’mod illi l-argument ta’ Agrar-Invest-Tatschl f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

    59

    Minn dan isegwi wkoll li, għall-istess raġunijiet, lanqas jista’ jintlaqa’ l-argument tal-imsemmija kumpannija li permezz tal-konferma tal-awtentiċità taċ-ċertifikati EUR 1 mill-awtoritajiet tad-dwana Kroati, li wara ġew irtirati mill-istess awtoritajiet, il-bona fide tagħha hija “stabbilita mill-ġdid”, b’mod retroattiv, fil-mument tal-importazzjonijiet ikkontestati.

    60

    Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni ta’ Agrar-Invest-Tatschl li tikkontesta l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 47 tas-sentenza appellata li, fil-kuntest tal-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, il-bona fide tal-operatur għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-perijodu ta’ żmien qabel jew dak kontemporanju għall-operazzjonijiet ta’ importazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li mir-raba’ subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta espressament li l-prova mill-operatur tal-bona fide tiegħu, meta tali prova tiġi aċċettata, tirrigwarda l-aġir tiegħu “matul il-perijodu taż-żmien tal-operati msemmija tan-negozju”.

    61

    Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax ħlief tikkonstata li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqetx żball ta’ liġi meta, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li d-data rilevanti sabiex titqies il-bona fide tal-persuna responsabbli għall-pagament hija dik li fiha jkunu seħħew l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni.

    62

    Minn dan isegwi li l-argument ta’ Agrar-Invest-Tatschl f’dan ir-rigward għandu wkoll jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

    63

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti ta’ din il-kumpannija dwar il-possibbiltà, mogħtija mill-Kummissjoni fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali mill-importatur wara l-pubblikazzjoni tal-avviż għall-importaturi iżda qabel jew kontemporanjament għall-operazzjonijiet ta’ importazzjoni kkontestati tista’, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, twassal lil din l-istituzzjoni sabiex tirrikonoxxi l-bona fide tal-operatur, għandu jiġi rrilevat li fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat espressament li ma kellhiex l-intenzjoni tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni, peress li fi kwalunkwe każ, l-appellanti ma aġixxietx in bona fide f’dan il-każ.

    64

    Konsegwentement, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ddeċidietx dwar din il-kwistjoni, skont dak li ġie mfakkar fil-punt 49 ta’ dan id-digriet, l-argument ta’ Agrar-Invest-Tatschl għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

    65

    Barra minn hekk, f’dan ir-rigward hemm lok li jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-punt 48 tas-sentenza appellata, fi kwalunkwe każ, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza Agrar-Invest-Tatschl ma urietx li matul l-importazzjonijiet inkwistjoni hija kienet adottat tali miżuri addizzjonali wara l-pubblikazzjoni tal-avviż għall-importaturi. Fir-realità, l-allegati miżuri addizzjonali invokati minn din il-kumpannija fl-appell tagħha jikkorrispondu għal dawk meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ importazzjoni u mill-Istat terz ta’ esportazzjoni, u barra minn hekk, dawn huma miżuri meħuda wara l-importazzjonijiet ikkontestati.

    66

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li l-appell jiġi miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat.

    Fuq l-ispejjeż

    67

    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet li Agrar-Invest-Tatschl tbati l-ispejjeż, u peress li din tal-aħħar tilfet l-appell, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tordna:

     

    1)

    L-appell jiġi miċħud.

     

    2)

    Agrar-Invest-Tatschl GmbH tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top