Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CO0478

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-9 ta' Marzu 2010.
    Buzzi Unicem SpA et. vs Ministero dello Sviluppo economico et. (C-478/08) u Dow Italia Divisione Commerciale SrI vs Ministero Ambiente e Tutela deI Territorio e deI Mare et. (C-479/08).
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Tribunale amministrativo regionale della Sicilia - l-Italja.
    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura - Prinċipju ta' min iniġġes iħallas - Direttiva 2004/35/KE - Responsabbiltà ambjentali - Applikabbiltà ratione temporis - Tniġġis li seħħ qabel id-data stabbilita għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva u li tkompla wara din id-data - Leġiżlazzjoni nazzjonali li timputa l-ispejjeż tar-rimedju għad-dannu marbuta ma' dan it-tniġġis fuq diversi impriżi - Rekwiżit ta' tort jew ta' negliġenza - Rekwiżit ta' rabta kawżali - Miżuri ta' rimedju - Obbligu ta' konsultazzjoni mal-impriżi kkonċernati - Anness II tal-imsemmija direttiva.
    Każijiet Magħquda C-478/08 u C-479/08.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:129





    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tad-9 ta’ Marzu 2010 – Buzzi Unicem et vs Ministero dello Sviluppo economico et u Dow Italia Divisione Commerciale vs Ministero Ambiente e Tutela del Territorio e del Mare et

    (Kawżi magħquda C-478/08 u C-479/08)

    “L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Prinċipju ta’ min iniġġes iħallas – Direttiva 2004/35/KE – Responsabbiltà ambjentali – Applikabbiltà ratione temporis – Tniġġis li seħħ qabel id-data stabbilita għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u li tkompla wara din id-data – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timputa l-ispejjeż tar-rimedju għad-dannu marbuta ma’ dan it-tniġġis lil diversi impriżi – Rekwiżit ta’ tort jew ta’ negliġenza – Rekwiżit ta’ rabta kawżali – Miżuri ta’ rimedju – Obbligu ta’ konsultazzjoni mal-impriżi kkonċernati – Anness II tal-imsemmija direttiva”

    1.                     Ambjent - Prevenzjoni u rimedju tad-danni ambjentali - Responsabbiltà ambjentali - Direttiva 2004/35 - Prinċipju ta’ min iniġġes iħallas (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/35, Artikoli 3(1), 4(5), 9 u 11(2)) (ara l-punt 48 u d-dispożittiv 1)

    2.                     Ambjent - Prevenzjoni u rimedju tad-danni ambjentali - Responsabbiltà ambjentali - Direttiva 2004/35 - Miżuri ta’ rimedju (Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/35, Artikoli 7 u 11(4), u Anness II, punt 1.3.1) (ara l-punt 57 u d-dispożittiv 2)

    Suġġett

    Talba għal deċiżjoni preliminari - Tribunale Amministrativo Regionale della Sicilia - Interpretazzjoni tal-Artikolu 174 KE u tad-Direttiva 2004/35/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 8 p. 357) u tal‑prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill‑amministrazzjoni s-setgħa li tordna lill-impriżi privati jimplementaw miżuri ta’ rimedju, indipendentement minn jekk ikunx hemm investigazzjoni xierqa li tiddetermina r-responsabbiltà għat-tniġġis inkwistjoni.

    Dispożittiv

    1)

    F’sitwazzjoni ta’ tniġġis ambjentali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali:

    –        meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis u/jew ratione materiæ tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali, ma humiex sodisfatti, din is-sitwazzjoni taqa’ taħt id-dritt nazzjonali, b’osservanza tar-regoli tat-Trattat u bla ħsara għal atti legali sekondarji oħra;

    –        id-Direttiva 2004/35 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti, meta taġixxi fil-kuntest ta’ din id‑direttiva, li tippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta kawżali, anki fil-każ ta’ tniġġis ta’ natura mifruxa, bejn l-operaturi u t-tniġġis ikkonstatat, u dan minħabba l-prossimità tal-installazzjonijiet tagħhom għaż-żona mniġġsa. Madankollu, skont il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, sabiex tiġi preżunta t‑tali rabta kawżali, din l-awtorità għandha jkollha indizji plawżibbli li fuqhom tista’ tibbaża l-preżunzjoni tagħha, bħalma huma l-prossimità tal‑installazzjoni tal-operatur għat-tniġġis ikkonstatat u l-korrispondenza bejn is-sustanzi li jniġġsu misjuba u l-komponenti użati mill-imsemmi operatur fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu;

    –        l-Artikoli 3(1), 4(5) u 11(2) tad-Direttiva 2004/35 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta tiddeċiedi li timponi miżuri ta’ rimedju għal dannu ambjentali fuq operaturi li l-attivitajiet tagħhom jaqgħu taħt l‑Anness III ta’ din id-direttiva, l-awtorità kompetenti la hija marbuta tistabbilixxi t-tort, la n-negliġenza u saħansitra lanqas id-dolo min-naħa tal‑operaturi li l-attivitajiet tagħhom jitqiesu li taw lok għad-dannu kkawżat lill-ambjent. Min-naħa l-oħra, din l-awtorità għandha, minn naħa, l-ewwel nett, tfittex l-oriġini tat-tniġġis ikkonstatat u, f’dan ir-rigward, l-imsemmija awtorità għandha marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna l-proċeduri, il‑mezzi li għandhom jintużaw u t-tul ta’ tali riċerka. Min-naħa l-oħra, din l‑awtorità għandha tistabbilixxi, skont ir-regoli nazzjonali li jirregolaw il‑prova, rabta kawżali bejn l-attivitajiet tal-operaturi kkonċernati mill‑miżuri ta’ rimedju u dan it-tniġġis;

    –        sa fejn l-operaturi għandhom l-obbligu ta’ rimedju biss minħabba l‑kontribuzzjoni tagħhom għat-tniġġis jew għar-riskju ta’ tniġġis, l-awtorità kompetenti għandha, bħala prinċipju, tistabbilixxi l-livell ta’ kontribuzzjoni ta’ kull wieħed minn dawn l-operaturi għat-tniġġis li hija tipprova tirrimedja u tieħu inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjoni rispettiva tagħhom fil-kalkolu tal‑ispejjeż tal-azzjonijiet ta’ rimedju li din l-awtorità timponi fuq l‑imsemmija operaturi, bla ħsara għall-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/35.

    2)

    L-Artikoli 7 u 11(4) tad-Direttiva 2004/35, moqrija flimkien mal-Anness II tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    –        l-awtorità kompetenti għandha s-setgħa tbiddel b’mod sostanzjali miżuri ta’ rimedji għad-dannu ambjentali li jkunu ġew deċiżi wara proċedura kontradittorja li saret b’kooperazzjoni mal-operaturi kkonċernati u li diġà twettqu jew bdew jitwettqu. Madankollu, sabiex tadotta deċiżjoni bħal din:

    –        din l-awtorità hija obbligata tisma’ lill-operaturi li fuqhom ġew imposti tali miżuri, ħlief meta l-urġenza tas-sitwazzjoni ambjentali titlob azzjoni immedjata tal-awtorità kompetenti;

    –        l-imsemmija awtorità hija wkoll obbligata ssejjaħ il-persuni li huma proprjetarji tal-art li fuqha għandhom jitwettqu dawn il-miżuri sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, u li teħodhom inkunsiderazzjoni;

    –        din l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji elenkati fil‑punt 1.3.1 tal-Anness II tad-Direttiva 2004/35 u tindika fid-deċiżjoni tagħha r-raġunijiet li jimmotivaw l-għażla tagħha kif ukoll, jekk ikun il-każ, ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw il-fatt li ma kienx hemm għalfejn isir jew ma setax isir eżami dettaljat fid-dawl tal-imsemmija kriterji minħabba, pereżempju, l-urġenza tas-sitwazzjoni ambjentali;

    –        f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id‑Direttiva 2004/35 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtorità kompetenti tissuġġetta l-eżerċizzju tad-dritt li l-operaturi kkonċernati mill-miżuri ta’ rimedju ambjentali għandhom jużaw l-artijiet tagħhom għall-kundizzjoni li huma jwettqu x-xogħlijiet rikjesti minnha, u dan anki fil-każ fejn l-imsemmija artijiet ma jkunux affettwati minn dawn il‑miżuri minħabba l-fatt li huma diġà kienu s-suġġett ta’ miżuri preċedenti ta’ risanament jew li qatt ma kienu mniġġsa. Madankollu, tali miżura għandha tkun iġġustifikata mill-għan li jiġi evitat li s-sitwazzjoni ambjentali tal-post fejn il-miżuri jiġu implementati tmur għall-agħar, jew, skont il‑prinċipju ta’ prekawzjoni, mill-għan tal-prevenzjoni tal-okkorrenza jew ir‑rikorrenza ta’ danni ambjentali oħra fl-imsemmija artijiet tal-operaturi, li jmissu mal-kosta kollha tal-baħar li hija s-suġġett ta’ dawn il miżuri ta’ rimedju.

    Top