Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CO0062

    Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tad-19 ta' Frar 2009.
    UDV North America Inc. vs Brandtraders NV.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Hof van Cassatie - il-Belġju.
    Tieni subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura - Trade mark Komunitarja - Regolament (KE) Nru 40/94 - Artikolu 9(1)(a) u 2(d) - Dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark reġistrata li jopponi l-użu minn terza persuna ta’ sinjal identiku għat-trade mark - Kunċett ta’ ‘użu’ - Użu ta’ sinjal identiku għat-trade minn intermedjarju kummerċjali fid-dokumenti ta’ negozju tiegħu - Intermedjarju li jaġixxi f’ismu proprju iżda għan-nom ta’ bejjiegħ.
    Kawża C-62/08.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:111

    DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    19 ta’ Frar 2009 ( *1 )

    Fil-Kawża C-62/08,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hof van Cassatie (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-7 ta’ Frar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-18 ta’ Frar 2008, fil-proċedura

    UDV North America Inc.

    vs

    Brandtraders NV,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President tal-Awla, J.-C. Bonichot, K. Schiemann, P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

    Reġistratur: R. Grass,

    peress li l-qorti tar-rinviju ġiet informata li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tipproponi li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha,

    wara li l-partijiet interessati li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal Qorti tal-Ġustizzja ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom dwar dan is-suġġett,

    wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(a) u (2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146-180).

    2

    Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn UDV North America Inc. (iktar ’il quddiem “UDV”), kumpannija stabbilita fi Stamford (l-Istati Uniti), u Brandtraders NV (iktar ’il quddiem “Brandtraders”), kumpannija stabbilita f’Zeebrugge (il-Belġju), dwar l-użu minn din tal-aħħar tat-trade mark Komunitarja Smirnoff Ice li UDV hija proprjetarja tagħha.

    Il-kuntest ġuridiku

    3

    Skont is-seba’ premessa tar-Regolament Nru 40/94:

    “[…] il-protezzjoni mogħtija minn trade mark Komunitarja, li għandha l-funzjoni partikolari li tiggarantixxi t-trade mark bħala indikazzjoni ta’ oriġini, hija assoluta f’każ ta’ identiċità bejn il-marka u s-sinjal u l-prodotti jew is-servizzi; […] il-protezzjoni tapplika wkoll f’każijiet ta’ xebh bejn il-marka u s-sinjal u l-prodotti jew is-servizzi; […] [i]l-kunċett ta’ xebh għandu jingħata interpretazzjoni marbuta mal-possibiltà ta’ konfużjoni; […] il-possibilta’ ta’ konfużjoni, li l-apprezzament tagħha tiddependi fuq ħafna elementi u, b’mod partikolari, fuq l-għarfien tat-trade mark fuq is-suq, l-assoċjazzjoni li tista ssir bejn is-sinjal użat u dak registrat, il-livell ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi identifikati, tikkostitwixxi l-kundizzjoni speċifika għal tali protezzjoni”.

    4

    L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark Komunitarja”, jipprovdi:

    “1.   It-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju id-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jistabbilixxi lil terzi persuni li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

    (a)

    kull sinjal li huwa identiku għat-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata;

    (b)

    kull sinjal li, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark Komunitarja u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja u mis-sinjal, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

    (ċ)

    kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, meta din ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fil-Komunità u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trademark Komunitarja.

    2.   Dawn li ġejjin, inter alia, huma projbiti taħt il-paragrafu 1:

    (a)

    it-twaħħil ta’ sinjal mal-prodotti jew ma’ l-imballaġġ tiegħu;

    (b)

    l-offerta ta’ prodotti, it-tqegħid fis-suq jew il-ħżin tagħhom għal dawn l-għanijiet taħt dak is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal;

    (ċ)

    l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti b’dak is-sinjal;

    (d)

    l-użu ta’ sinjal f’gazzetta kummerċjali [dokumenti ta’ negozju] u fir-riklamar.

    […]”

    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    5

    UDV hija proprjetarja tat-trade mark Komunitarja Smirnoff Ice. Din it-trade mark ġiet irreġistrata bin-numru 001540913, b’effett mis-6 ta’ Marzu 2000, għal prodotti fil-klassi 33 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, liema klassi tikkorrispondi għad-deskrizzjoni “Xorb alkoħoliku, jiġifieri spirti distillati u likuri”..

    6

    Brandtraders topera sit Internet (iktar ’il quddiem is-“sit Internet”) li fih kumpanniji membri jistgħu jqiegħdu b’mod anonimu reklam kemm bħala bejjiegħa jew bħala xerrejja u li fih jistgħu, ukoll b’mod anonimu, jinnegozjaw it-tranżazzjonijiet tagħhom u eventwalment jaslu għal ftehim skont il-kundizzjonijiet ġenerali li jinsabu f’dan is-sit.

    7

    Dawk li mhumiex membri jistgħu wkoll jidħlu fis-sit Internet, fejn jistgħu jikkonsultaw l-offerti u t-talbiet iżda ma jingħatalhom ebda tagħrif dwar fejn tinsab il-merkanzija jew dwar il-prezz mitlub.

    8

    Skont il-kundizzjonijiet ġenerali, Brandtraders, peress li ġiet informata bi ftehim, ikkonkludiet kuntratt ta’ bejgħ fuq bażi ta’ kommissjoni max-xerrej bħala aġent tal-bejjiegħ, jiġifieri f’ismu proprja iżda għan-nom tal-bejjiegħ.

    9

    Fil-11 ta’ Diċembru 2001, bejjiegħ poġġa offerta fuq is-sit Internet għal merkanzija bl-isem ta’ “Smirnoff Ice/24 btl/30 cl/5 %”, fejn indika l-kwantità disponibbli u l-fatt li din kienet merkanzija taħt l-istatus doganali msejjaħ “T 1”, jiġifieri dak ta’ merkanzija fi tranżitu Komunitarju estern.

    10

    Fit-13 ta’ Diċembru 2001, fuq talba ta’ UDV, marixxall tal-qorti ħareġ proċess verbal li miegħu kien hemm kopja sħiħa tas-sit Internet, u għalhekk tal-offerta dwar il-merkanzija inkwistjoni, kif inhu aċċessibbli għal min mhux membru.

    11

    Fid-19 ta’ Diċembru 2001, fuq rikors unilaterali għal mandat ta’ inibizzjoni ppreżentat minn UDV, il-voorzitter van de rechtbank van koophandel te Brussel ordnat, permezz ta’ digriet, lil Brandtraders li żżomm fl-istat li huma l-prodotti kkonċernati u żiedet ma’ din il-projbizzjoni multa ta’ EUR 500 għal kull prodott li ma jibqax f’postu. Dan id-digriet kien jinkludi ukoll il-ħatra ta’ espert sabiex jiddeskrivi b’iktar dettall il-ksur allegat.

    12

    Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-perizja, il-fatti fil-kawża prinċipali ġew ulterjorment stabbiliti kif ġej, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-proċess.

    13

    Wara l-offerta li hija għamlet fuq is-sit Internet, Hillyard Trading Ltd (iktar ’il quddiem “Hillyard”), kumpannija stabbilita f’Ġibiltà, waslet għal ftehim ma’ Checkprice UK Ltd (iktar ’il quddiem “Checkprice”), kumpannija stabbilita f’Norwich (ir-Renju Unit), għall-bejgħ lil din tal-aħħar ta’ 3040 kaxxa ta’ 24 flixkun ta’ Smirnoff Ice li ġejjin minn Capetown (l-Afrika t’Isfel).

    14

    Fit-3 ta’ Settembru 2001, Brandtraders, f’isimha proprja iżda għan-nom ta’ Hillyard, ikkonkludiet kuntratt ta’ bejgħ ma’ Checkprice, bl-istess kundizzjonijiet ta’ bejgħ li fuqhom Hillyard u Checkprice kienu ftehmu, u bagħtet ukoll ittra lil Hillyard li biha kkonfermat il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt. It-trade mark Smirnoff Ice tinsab f’din l-ittra konfermattiva, iżda mhux fil-kuntratt ta’ bejgħ. Fl-imsemmija ittra, issemma wkoll li Brandtraders interveniet f’isimha proprja iżda għan-nom ta’ bejjiegħ.

    15

    Fil-15 ta’ Ottubru 2001, Brandtraders bagħtet lil Checkprice kont għal 2846 kaxxa ta’ merkanzija li m’għaddhietx mid-dwana, peress li 194 kaxxa kienet ġarrbet ħsara waqt il-ħatt. Dan il-kont kien jinkludi l-prezz tal-bejgħ, miżjud bil-kommissjoni, ta’ Brandtraders. Fih kien hemm riferiment għat-trade mark Smirnoff Ice.

    16

    Wara l-ħlas ta’ dan il-kont, fit-22 ta’ Ottubru 2001, il-merkanzija, wara l-ħatt tagħha fil-port ta’ Felixstowe (ir-Renju Unit), tqiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ Checkprice. Wara, hija tqiegħdet fiċ-ċirkulazzjoni libera.

    17

    Fit-30 ta’ Ottubru 2001, wara li rċeviet ta’ nota ta’ kreditu maħruġa fid-29 ta’ Ottubru 2001 minn Hillyard għall-kaxex li kellhom il-ħsara, Brandtraders ħallset il-kont li Hillyard bagħtitilha fit-18 ta’ Settembru 2001 għall-merkanzija kkonċernata. Dan il-kont kien fih it-trade mark Smirnoff Ice.

    18

    Fit-28 ta’ Diċembru 2001, UDV ħarrket lil Brandtraders fil-kuntest ta’ rikors għal mandat ta’ inibizzjoni quddiem il-voorzitter van de rechtbank van koophandel te Brussel, għal proċeduri għal miżuri provviżorji.

    19

    Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ April 2002, din l-azzjoni ġiet iddikjarata ammissibbli u fondata.

    20

    Skont dan id-digriet, li ngħata wara proċedura inter partes, Brandtraders wettqet ksur tal-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament Nru 40/94 minħabba l-fatt li, l-ewwel nett, fit-3 ta’ Settembru 2001, hija xtrat minn Hillyard lott ta’ fliexken Smirnoff Ice li hija kienet biegħet mill-ġdid lil Checkprice, wara, li hija minn qabel għamlet reklamar għal din it-tranżazzjoni fuq is-sit Internet u, fl-aħħar nett, li hija, mill-ġdid, għamlet reklamar għal din it-tranżazzjoni fuq dan is-sit fit-13 ta’ Diċembru 2001. Barra minn hekk, hija ordnat lil Brandtraders li ma tirrepetix dan il-ksur taħt piena ta’ ħlas ta’ multa ta’ EUR 100 għal kull ksur kommess.

    21

    Wara li sar appell mill-imsemmi digriet, il-hof van beroep te Brussel, permezz ta’ sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, annullat id-digriet u ċaħdet bħala infondata t-talba għal mandat ta’ inibizzjoni mressqa minn UDV.

    22

    L-imsemmija qorti ddeċidiet, fl-ewwel lok, li l-ħatt tal-merkanzija fil-port ta’ Felixstowe mis-sieħeb loġistiku ta’ Brandtraders fl-ebda każ ma jista’ jikkostitwixxi użu tat-trade mark Smirnoff Ice minn din tal-aħħar.

    23

    Fit-tieni lok, skont il-hof van beroep te Brussel, peress li r-referenzi li jidhru fuq is-sit Internet ma sarux minn Brandtraders u, barra minn hekk, din il-kumpannija m’għandha ebda kontroll fuq l-offerti li jitqiegħdu fuq dan is-sit, l-offerta tal-merkanzija tat-trade mark Smirnoff Ice inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi attribwita lil din il-kumpannija. L-imsemmija qorti kkonkludiet minn dan li, f’din il-kawża, ma kienx hemm użu fis-sens tal-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

    24

    Fit-tielet lok, fir-rigward tar-referenza għat-trade mark Smirnoff Ice fid-dokumenti ta’ negozju ta’ Brandtraders, b’mod partikolari fl-ittra konfermattiva u l-kontijiet, il-hof van beroep te Brussel iddeċidiet li din tikkostitwixxi użu fin-negozju li jsir, barra minn hekk, fit-territorju tal-Komunità anki meta, jekk ikun il-każ, il-merkanzija ma tkunx tinsab hemmhekk.

    25

    Madankollu skont din il-qorti, peress li Brandtraders ma użatx is-sinjal identiku għal trade mark inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala parti interessata f’bejgħ ta’ merkanzija li fiha hija kienet marbuta inparti, peress li hija interveniet għan-nom ta’ ħaddieħor, f’dan il-każ il-bejjiegħ, din il-kumpannija m’għamlitx użu minn dawn is-sinjal fis-sens tal-Artikolu 9( 1)(a) u 2(d) tar-Regolament Nru 40/94.

    26

    UDV appellat quddiem il-Hof van Cassatie mis-sentenza tal-23 ta’ Settembru 2003, u fih sostniet li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-hof van beroep te Brussel, mhuwiex meħtieġ, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9(1)(a) u (2)(d) tar-Regolament Nru 40/94, li t-terza persuna kkonċernata, f’dan il-każ Brandtraders, li topera bħala intermdjarja kummerċjali, tintervjeni għan-nom tagħha u/jew tuża s-sinjal in kwistjoni bħala parti interessata f’bejgħ ta’ merkanzija li hija marbuta kuntrattwalment miegħu, sabiex ikun jista’ jitqies li hija tagħmel użu minn dan is-sinjal fis-sens tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

    27

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van Cassatie ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-użu tas-sinjal skont [l-Artikolu] 9(1)(a) u (2)(d) tar-Regolament Nru 40/94 […], jeżiġi li t-terza persuna, li jirreferi għaliha l-Artikolu 9(1)(a) [ta’ dan] ir-Regolament:

    a)

    tagħmel użu mis-sinjal għan-nom tagħha?

    b)

    tagħmel użu mis-sinjal bħala parti kkonċernata f’bejgħ ta’ merkanzija li fiha hija stess hija involuta?

    2)

    Intermedjarju fil-kummerċ, li jopera f’ismu stess, iżda mhux għan-nom tiegħu nnisfu, jista’ jiġi kklassifikat bħala terza persuna li tagħmel użu mis-sinjal skont id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq?”

    Fuq id-domandi preliminari

    28

    Minħabba li r-risposta għad-domandi magħmula ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, informat lill-qorti tar-rinviju li kienet ser tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat u stiednet lill-partijiet interessati li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett.

    29

    Fit-tweġiba tagħha għall-istedina tal-Qorti tal-Ġustizzja, UDV ma kellha ebda oġġezzjoni dwar l-intenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat. Il-Ġvern tar-Renju Unit irrisponda għal din l-istedina billi indika li ma xtaqx jippreżenta osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett.

    30

    Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “użu” skont l-Artikolu 9(1)(a) u (2)(d) tar-Regolament Nru 40/94, japplikax għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha intermedjarju kummerċjali, li jopera f’ismu stess iżda għan-nom ta’ venditur u għalhekk ma kienx parti interessata fil-bejgħ ta’ merkanzija li huwa marbut kuntrattwalment miegħu, juża’, fid-dokumenti ta’ negozju tiegħu, sinjal identiku għal trade mark Komunitarju għal prodotti u servizzi identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata.

    31

    Preliminarjament, għandu fl-ewwel lok, jiġi kkonstatat li wieħed mill-ksur li bih ġiet akkużata Brandtraders, li fuqu l-hof van beroep te Brussel ddeċidiet fis-sens li r-referenza fis-sit Internet tat-trade mark Smirnoff Ice, kif tidher fl-offerta inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi attribwita lil Brandtraders u għalhekk ma tikkostitwixxix “użu”, fis-sens tal-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament Nru 40/94, mhuwiex is-suġġett tal-appell ta’ UDV quddiem il-Hof van Cassatie lanqas, għaldaqstant, tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

    32

    Għalhekk m’hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa minn Brandtraders fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar dan il-ksur allegat.

    33

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argumenti li qajmet Brandtraders fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, dwar il-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mis-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2005, Class International (C-405/03, Ġabra p. I-8735), dwar merkanzija mqegħda taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu estern u li tikkonċerna attivitajiet li jikkonsistu fl-offerta jew l-importazzjoni tal-prodotti taħt sinjal identiku għal, jew li jixbah lil trademark reġistrata, bħal dawk intiżi mill-Artikolu 9(2)(b) u (c) tar-Regolament Nru, mhemmx lok li jiġu eżaminati iktar.

    34

    Fil-fatt, il-ksur allegat fil-kawża prinċipali jikkonċerna fatti li jirrigwardaw l-użu ta’ dan is-sinjal fid-dokumenti ta’ negozju, bħal dawk intiżi mill-Artikolu 9(2)(d) tar-Regolament Nru 40/94, li, skont il-hof van beroep te Brussel u kif ingħad fil-punt 24 ta’ dan id-digriet, jitwettqu fit-territorju tal-Komunità anki meta, jekk ikun il-każ, il-merkanzija ma tkunx tinsab hemmhekk.

    35

    Issa, peress li s-sentenza tal-hof van beroep te Brussel fuq dan il-punt ma ġietx appellata fuq elementi ta’ dritt quddiem il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni legali deċiża minn din l-ewwel qorti mhijiex is-suġġett ta’ din it-talba għal domanda preliminari.

    36

    Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li d-domandi preliminari huma bbażati fuq l-argument, sostnut minn Brandtraders quddiem il-hof van beroep te Brussel u segwita minn din il-qorti, li jgħid li r-referenza minn din il-kumpannija għat-trade mark Smirnoff Ice fid-dokumenti ta’ negozju, b’mod partikolari fl-ittra konfermattiva u l-kontijiet, ma tikkostitwixxix użu ta’ sinjal identiku għal trade mark irreġistrata fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) u (2)(d) tar-Regolament Nru 40/94, peress li Brandtraders ma użatx dan is-sinjal bħala parti interessata fil-bejgħ ta’ merkanzija li kienet marbuta kuntrattwalment miegħu, peress li hija interveniet għan-nom ta’ terza persuna, f’dan il-każ il-bejjiegħ.

    37

    Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Brandtraders ibbażat din it-teżi fuq l-argument li ġej, li huwa l-istess bħal dak imressaq quddiem il-hof van beroep te Brussel.

    38

    Fid-dritt Belġjan, aġent bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jopera f’ismu proprju iżda għan-nom ta’ terz, il-prinċipal, f’din il-kawża l-bejjiegħ. B’hekk, meta jintervjeni f’kuntratt ta’ bejgħ għan-nom ta’ bejjiegħ, l-aġent ma jiksibx titolu fuq il-prodotti.

    39

    Issa, peress li tqis li tista’ tibbaża argument b’analoġija mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux, Brandtraders issostni li l-użu minn terza persuna ta’ sinjal identiku għal trade mark reġistrata, sabiex ikun ipprojbit mill-proprjetarju ta’ din it-trade mark skont id-dritt esklużiv tiegħu, għandu jirrigwarda l-merkanzija stess ta’ din it-terza persuna.

    40

    Peress li, f’din il-kawża, l-użu tal-imsemmi sinjal mill-aġent ma jikkonċernax, mit-tifsira tiegħu, il-prodotti tiegħu stess, il-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni ma jistax jopponih skont id-dritt esklużiv tiegħu.

    41

    Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

    42

    Fil-fatt, fid-dawl tal-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “użu”, skont l-Artikolu 5(1) tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92-98) [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club, C-206/01, Ġabra p. I-10273; tas-16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch, C-245/02, Ġabra p. I-10989; tal-25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel, C-48/05, Ġabra p. I-1017; tal-11 ta’ Settembru 2007, Céline, C-17/06, Ġabra p. I-7041, kif ukoll tat-12 ta’ Ġunju 2008, O2 Holdings u O2 (UK), C-533/06, Ġabra p. I-4231, punt 57], dispożizzjoni identika għal dik tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94 u li għandha tiġi interpretata bl-istess mod, sabiex il-proprjetarju ta’ trade mark ikun jista’ jinvoka d-dritt esklużiv tiegħu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li taqa’ taħt l-istess kamp bħal dik intiża mill-imsemmija Artikoli 5 u 9(1)(a), jiġifieri dak dwar l-użu minn terza persuna ta’ sinjal identiku għal din it-trade mark għal prodotti u servizzi identiċi għal dawk li għalihom ġiet irreġistrata, huwa biżżejjed li l-erba’ kundizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti:

    l-użu għandu jsir mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark,

    l-użu għandu jseħħ matul il-kummerċ,

    għandu jsir għal prodotti jew servizzi,

    it-terza persuna tuża’ dan is-sinjal bħala trade mark, jiġifieri li l-użu tal-imsemmi sinjal minn terza persuna għandu jaffettwa jew jista’ jaffettwa l-funzjonijiet tat-trade mark u b’mod partikolari l-funzjoni essenzjali tagħha li hija dik li tiggarantixxi l-provenjenza tal-prodotti jew tas-servizzi lill-konsumaturi.

    43

    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni, iċ-ċirkustanza li t-terza persuna inkwistjoni tuża sinjal identiku għal trade mark reġistrata għal prodotti li mhumiex il-prodotti tagħha stess fis-sens li m’għandhiex titolu fuqhom hija mingħajr rilevanza u għalhekk ma tistax tfisser waħedha li dan l-użu ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “użu” skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94.

    44

    L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex l-imsemmi użu jiġi kkunsidrat bħala li seħħ fil-kummerċ, dan għandu jsir fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża sabiex jinkiseb vantaġġ ekonomiku u mhux fil-qasam privat (sentenza Arsenal Football Club, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 40).

    45

    F’dan il-każ, l-użu inkwistjoni fil-kawża prinċipali minn operatur bħal Brandtraders manifestament isir fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża li jinkiseb vantaġġ ekonomiku.

    46

    Fil-fatt huwa paċifiku li, fil-kawża prinċipali, Brandtraders daħlet f’kuntratt ta’ bejgħ u rċeviet kumpens għal dan l-intervent. Iċ-ċirkustanza li, f’dan il-kuntest, l-aġent aġixxa għan-nom tal-bejjiegħ huwa f’dan ir-rigward irrilevanti.

    47

    Isegwi li huwa ċar li l-użu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jsir għal prodotti peress li, anki jekk mhuwiex każ ta’ twaħħil ta’ sinjal li huwa identiku għal trade mark reġistrata fuq il-prodotti ta’ terza persuna, hemm użu “fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi” skont l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament 40/94 meta t-terza persuna tuża s-sinjal imsemmi b’tali mod li tiġi stabbilita rabta bejn l-imsemmi sinjal u l-prodotti kkummerċjalizzati jew is-servizzi pprovduti mit-terza persuna, fil-kawża prinċipali, fil-forma tal-użu tas-sinjal in kwistjoni fid-dokumenti ta’ negozju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Arsenal Football Club, punt 41, kif ukoll Céline, punti 22 u 23).

    48

    Peress li din ir-rabta ġiet stabbilita, huwa għalhekk irrilevanti li t-terza persuna tuża sinjal identiku għal trade mark reġistrata għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li mhumiex il-prodotti tagħha stess fis-sens li ma tiksibx titolu fuqhom matul it-tranżazzjoni li fiha tintervjeni.

    49

    Minbarra dan, ma jistax jiġi kkontestat li l-użu tas-sinjal li sar minn terza persuna, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jiġi interpretat mill-pubbliku rilevanti bħala li jagħti indikazzjoni jew li x’aktarx jagħti indikazzjoni tat-terza persuna bħala l-impriża ta’ oriġini tal-prodotti u għalhekk jista’ juri li hemm rabta materjali fil-kummerċ bejn dawn il-prodotti u l-impriża ta’ oriġini tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Anheuser-Busch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

    50

    Fil-fatt, permezz ta’ dan l-użu, it-terza persuna qed tieħu fuqha l-prerogattiva essenzjali li trade mark tagħti lill-proprjetarju tagħha, jiġifieri s-setgħa esklużiva li juża s-sinjal inkwistjoni sabiex issir distinzjoni bejn il-prodotti.

    51

    F’dan il-każ, dan huwa manifestament użu tat-trade mark bħala trade mark. F’dan ir-rigward, barra minn hekk huwa mingħajr rilevanza li dan l-użu jsir minn terza persuna fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti għan-nom ta’ operatur ieħor li għandu titolu biss fuq dawn il-prodotti.

    52

    Fl-aħħar nett huwa paċifiku li l-użu li jsir mis-sinjal inkwistjoni fil-kawża prinċipali minn Brandtraders ma ġiex awtorizzat minn UDV.

    53

    Isegwi li l-użu, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minn terza persuna ta’ sinjal identiku għal trade mark reġistrata jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94 peress li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni kollha ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward ta’ dan il-kunċett huma b’mod ċar sodisfatti.

    54

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi għandha tkun li l-kunċett ta’ “użu”, skont l-Artikolu 9(1)(a) u (2)(d) tar-Regolament Nru 40/94, huwa intiż għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha intermedjarju kummerċjali, li jaġixxi f’ismu stess iżda għan-nom ta’ bejjiegħ u għalhekk ma kienx parti interessata fil-bejgħ ta’ merkanzija li kien kuntrattwalment marbut miegħu, juża, fid-dokumenti ta’ negozju tiegħu, sinjal identiku għal trade mark Komunitarja għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark ġiet irreġistrata.

    Fuq l-ispejjeż

    55

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

     

    Il-kunċett ta’ “użu”, skont l-Artikolu 9(1)(a) u (2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, huwa intiż għal sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha intermedjarju kummerċjali, li jaġixxi f’ismu stess iżda għan-nom ta’ bejjiegħ u għalhekk ma kienx parti interessata fil-bejgħ ta’ merkanzija li kien kuntrattwalment marbut miegħu, juża, fid-dokumenti ta’ negozju tiegħu, sinjal identiku għal trade mark Komunitarja għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark ġiet irreġistrata.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top