Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0506

    Kawża C-506/08 P: Appell ippreżentat fl- 14 ta' Novembru 2008 mir-Renju tal-Iżvezja mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tielet Awla Estiża) mogħtija fid- 9 ta' Settembru 2008 fil-Kawża T-403/05: MyTravel Group plc vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    ĠU C 55, 7.3.2009, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 55/6


    Appell ippreżentat fl-14 ta' Novembru 2008 mir-Renju tal-Iżvezja mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tielet Awla Estiża) mogħtija fid-9 ta' Settembru 2008 fil-Kawża T-403/05: MyTravel Group plc vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    (Kawża C-506/08 P)

    (2009/C 55/09)

    Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

    Partijiet

    Appellant: Ir-Renju tal-Iżvezja (rappreżentanti: K. Petkovska, A. Falk u S. Johannesson, aġenti)

    Partijiet oħra fil-kawża: MyTravel Group plc, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet tal-appellant

    L-appellant jitlob sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla t-tieni paragrafu tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Settembru 2008 (1) fil-Kawża T-403/05,

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Settembru 2005 (D(2005) 8461), skont it-talba ta' MyTravel Group plc quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, safejn din tirrigwarda r-rifjut ta' aċċess għar-rapport tal-Kummissjoni u għal dokumenti ta' ħidma oħra,

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2005 (D(2005) 9763), skont it-talba ta' MyTravel Group plc quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, safejn din tirrigwarda r-rifjut ta' aċċess għad-dokumenti interni l-oħra tal-Kummissjoni, u

    tordna lill-Kummissjoni tħallas lura l-ispejjeż legali sostnuti mir-Renju tal-Iżvezja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    1.

    Il-prinċipju ta' trasparenza u ta' aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huwa ta' importanza kbira fl-attivitajiet kollha tal-istituzzjonijiet, u b'hekk anki fil-proċedura amministrattiva ġewwa istituzzjoni. L-Artikolu 2(3) tar-Regolament dwar it-trasparenza jipprovdi wkoll li r-Regolament għandu japplika fir-rigward tad-dokumenti kollha miżmuma minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti ppreparati jew riċevuti minnha u fil-pussess tagħha, fis-setturi kollha tal-attività tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim'Istanza fuq il-kwistjonijiet prinċipali jimplika li għandu jkun hemm rekwiżit ġenerali ta' kunfidenzjalità fir-rigward tad-dokumenti interni dwar kwistjonijiet amministrattivi. Dan mhuwiex konsistenti mal-prinċipju tal-iktar trasparenza possibbli.

    2.

    Fl-opinjoni tal-appellant, ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim'Istanza fir-rigward tal-ewwel Deċiżjoni — dwar ir-rapport u d-dokumenti relatati miegħu — jimplika li ma kienx neċessarju li l-Kummissjoni teżamina l-kwistjoni ta' żvelar fir-rigward tal-kontenut ta' kull dokument individwali u li tevalwa n-natura sensittiva tal-informazzjoni li tinsab fir-rapport u d-dokumenti l-oħra, iżda li, b'mod kuntrarju, kienet korretta meta rrifjutat l-iżvelar fuq il-bażi li kieku l-uffiċjali ma kinux ikunu jistgħu jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom liberament. Abbażi tar-raġunament ġenerali tal-Qorti tal-Prim'Istanza fir-rigward tal-protezzjoni tal-opinjoni libera tal-awtur tad-dokument, mhuwiex possibbli li jiġi deċiż meta dokumenti interni jistgħu jiġu żvelati.

    3.

    L-appellant iqis li anki fit-tieni Deċiżjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tonqos — fir-rigward ta' dokumenti oħra fil-fajl — milli tapplika r-rekwiżit fundamentali ta' evalwazzjoni sabiex tiddetermina jekk il-kontenut ta' kull dokument individwali huwiex daqstant sensittiv li l-iżvelar tiegħu jippreġudika serjament il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Ir-raġunament ġenerali tal-Qorti tal-Prim'Istanza huwa essenzjalment li jkun impossibbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni li jikkomunikaw liberament jekk informazzjoni li ma tidhirx fid-deċiżjoni finali kellha ssir pubblika. Abbażi ta' tali raġunament, l-ebda evalwazzjoni ma hija neċessarja sabiex jiġi stabbilit jekk il-kontenut tad-dokumenti inkwistjoni huwiex daqstant sensittiv li l-iżvelar tiegħu jippreġudika l-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet.

    4.

    L-appellant jistaqsi jekk ir-rapport tal-uffiċjal li jsegwi l-każ u n-nota mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni lill-kumitat konsultattiv jistgħux realment jitqiesu bħala dokumenti ppreparati għal użu intern li b'hekk jistgħu jinżammu kunfidenzjali taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-proċess intern ta' teħid ta' deċiżjonijiet.

    5.

    Fil-fehma tal-appellant, ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar l-opinjonijiet tad-dipartiment legali ma jaqbilx mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ Turco. Anki jekk il-kawża preżenti ma tirrigwardax liġi, huwa ċar li għandha ssir evalwazzjoni anki f'dan l-istadju abbażi tal-kontenut tal-opinjonijiet. Minnu nnifshu, il-fatt li l-legalità ta' deċiżjoni preċedenti setgħet titqiegħed indiskussjoni ma jikkostitwix raġuni għalfejn dokument ma jiġix żvelat — anzi bil-kontra. In-nuqqas ta' informazzjoni jista', minnu nnifsu, jagħti lok għal dubju fir-rigward tal-legalità ta' ċerta deċiżjoni u l-leġittimità tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet kollu. Ir-riskju ta' dubju seta' wkoll jiġi evitat li kieku l-Kummissjoni semmiet b'mod ċar fid-deċiżjoni r-raġunijiet għalfejn għażlet soluzzjoni li d-dipartiment legali ma kienx tal-parir li tiġi adottata. L-argument li d-dipartiment legali ikun iktar retiċenti u prudenti huwa mingħajr bażi, bl-istess mod bħar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta' dokumenti oħra. Barra minn hekk, l-appellant iqis li l-argument li jgħid li jkun diffiċli għad-dipartiment legali li jiddefendi pożizzjoni differenti fil-qorti huwa mfassal f'termini wisq ġenerali sabiex juri l-eżistenza ta' riskju faċilment prevedibbli u mhux purament ipotetiku.

    6.

    L-appellant ma jiċħadx li parti kbira mill-kontenut tad-dokumenti inkwistjoni tista' tkun daqshekk sensittiva u li għandha tinżamm kunfidenzjali. Madankollu, skont il-ġurisprudenza, tali konklużjoni għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni speċifika u individwali sabiex jiġi stabbilit jekk l-iżvelar tal-kontenut tad-dokument jirriżultax fi preġudizzju serju kontra l-interess li għandu jiġi protett.

    7.

    Fir-rigward tal-libertà tal-opinjoni tal-uffiċjali, l-appellant jixtieq jirrimarka li uffiċjal għandu l-obbligu li jwettaq dmirijiet derivanti mis-servizz u b'mod konformi mar-regolamenti tal-persunal tal-uffiċjali impjegati mal-istituzzjonijiet Komunitarji. Il-fatt li l-pubbliku għandu dritt legali sabiex jivverifika l-attività ma jikkostitwixxix raġuni aċċettabli sabiex huwa ma jaqdix id-dmirijiet tiegħu b'mod xieraq.

    8.

    Impriża li tifforma parti minn konċentrazzjoni ta' impriżi, flimkien ma' ċittadin jew negozju tal-Unjoni stabbilit/a fl-Unjoni Ewropea, għandha d-dritt li tiġi infurmata b'dokument anki jekk l-informazzjoni fid-dokument hija kunfidenzjali bil-għan li jiġi protett il-proċess intern ta' teħid ta' deċiżjonijiet, kemm-il darba jkun hemm interess pubbliku predominanti fl-iżvelar tad-dokument. Fl-opinjoni tal-appellant, il-kunsiderazzjonijiet ippreżentati minn MyTravel jistgħu b'mod plawsibbli jikkostitwixxu tali interess pubbliku, u ma jistgħux jiġu injorati mingħajr evalwazzjoni ulterjuri — kif għamlet il-Qorti tal-Prim'Istanza — biss b'riferenza għall-interessi privati tar-rikorrent. Ir-rikorrent ma huwa obbligat li jeċċepixxi jew jipprova xejn f'dan ir-rigward; pjuttost, huma l-istituzzjonijiet li għandhom jistabbilixxu jekk hemmx interess pubbliku predominati.

    9.

    L-appellant isostni li, bid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Prim'Istanza injorat il-liġi Komunitarja u naqset milli tapplika b'mod korrett it-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament dwar it-trasparenza.

    10.

    F'kull każ, huwa probabbli li hemm partijiet mid-dokumenti li jista' jkun possibbli li jiġu żvelati skont id-dispożizzjonijiet dwar l-iżvelar parzjali tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament dwar it-trasparenza


    (1)  ĠU C 272, p. 18.


    Top