EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0501

Kawża C-501/08 P: Appell ippreżentat fl- 20 ta' Novembru 2008 mill-Município de Gondomar mid-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba' Awla) mogħti fil- 10 ta' Settembru 2008 fil-Kawża T-324/06, Município de Gondomar vs Il-Kummissjoni

ĠU C 19, 24.1.2009, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 19/18


Appell ippreżentat fl-20 ta' Novembru 2008 mill-Município de Gondomar mid-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Ir-Raba' Awla) mogħti fil-10 ta' Settembru 2008 fil-Kawża T-324/06, Município de Gondomar vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-501/08 P)

(2009/C 19/32)

Lingwa tal-kawża: Il-Portugiż

Partijiet

Appellanti: Município de Gondomar (rappreżentanti: J.L. da Cruz Vilaça u L. Pinto Monteiro, avukati)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellanti

tannulla d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza u tilqa' r-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2006) 3782, tas-16 ta' Awwissu 2006, dwar ir-revoka tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Fond ta' Koeżjoni;

sussidjarjament, tannulla d-digriet tal-Qorti tal-Prim'Istanza u tibgħat il-kawża quddiem l-istess Qorti tal-Prim'Istanza sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk tal-appellanti, bis-saħħa tal-Artikolu 69 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew sussidjarjament, tirriżerva d-deċiżjoni fuq l-ispejjeż għas-sentenza jew għad-digriet li ġġib fi tmiemha l-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

1.   ŻBALL TA' LIĠI FL-EVALWAZZJONI TAR-REKWIŻIT TA' INTERESS DIRETT U NUQQAS TA' MOTIVAZZJONI

Il-Município de Gondomar iqis li l-qafas legali Portugiż jinkludi partikolaritajiet li għandhom iwasslu għal interpretazzjoni differenti minn dik tal-Qorti tal-Prim'Istanza fid-digriet ta' inammissibbiltà mogħti fl-ambitu tal-kawża T-324/06, li għandha żball ta' liġi.

Fil-fatt, mil-liġi Portugiża, b'mod partikolari mill-Artikoli 18 u 20 tar-Regolament għall-Applikazzjoni tal-Fondi ta' Koeżjoni fil-Portugall, approvat permezz tal-artikolu waħdieni tad-Digriet-Liġi Nru 191/2000 tas-16 ta' Awwissu, tirriżulta l-ineżistenza ta' xi forma ta' marġni diskrezzjonali tar-Repubblika Portugiża fir-rigward tad-deċiżjoni dwar jekk iżżomx jew le l-għajnuna mogħtija mill-Fond ta' Koeżjoni lill-Município de Gondomar bħala korp responsabbli għall-implementazzjoni tal-proġett, li jwassal għall-konklużjoni tan-natura awtomatika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-revoka tal-għajnuna finanzjarja tal-Fond ta' Koeżjoni, peress li l-leġiżlazzjoni msemmija'l fuq ma tippermettix li jinħelsu l-korpi inkarigati għal-implementazzjoni mill-obbligu li jħallsu lura l-ammonti indebitament imħallsa.

Il-Qorti tal-Prim'Istanza, fid-digriet ta' inammissibbiltà mogħti fil-kawża T-324/06, naqset milli tagħmel riferiment għal din il-kwistjoni, u peress li dan kien aspett essenzjali sabiex tiġi ddeterminata l-ammissibbiltà tar-rikors, il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet żball ta' liġi, b'konsegwenzi immedjati fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali tal-appellanti mogħtija mill-Artikolu 230 KE.

Din in-nuqqas ta' deċiżjoni b'hekk tagħti lok għal nuqqas ta' motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti. Fil-fatt, skont id-duttrina u l-ġurisprudenza Komunitarja, jeżisti obbligu ġenerali ta' motivazzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija minn korpi amministrattivi u ġudizzjarji, sabiex jiġi ffaċilitat il-kompitu ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja.

In-nuqqas ta' deċiżjoni min-naħa tal-Qorti tal-Prim'Istanza rigward il-partikolaritajiet tas-sistema legali Portugiża huwa nuqqas ta' motivazzjoni li jaffettwa serjament l-interessi tal-appellanti.

2.   KSUR TAL-PRINĊIPJU TA' PROTEZZJONI ĠUDIZZJARJA EFFETTIVA

Il-Município de Gondomar jqis ukoll li hija għandha r-riskju li tiċċaħħad mid-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, minħabba li ma jkollhiex mezzi li għalihom tista' tirrikorri fuq livell nazzjonali sabiex tikkontesta t-talba għal ħlas lura tal-għajnuna finanzjarja tal-Fond ta' Koeżjoni, peress li l-att li bih ġiet innotifikata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar ir-revoka tal-għajnuna finanzjarja tal-Fond ta' Koeżjoni huwa att li ma jistax jiġi kkontestat fuq livell intern.

In-notifika tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li ma tistax tiġi kkontestata internament, kienet saret permezz ta' ittra mill-awtorità li tamministra s-settur għall-Fondi ta' Koeżjoni tal-Ministeru tal-Ambjent, tal-25 ta' Settembru 2006, li fiha sempliċement “għaddiet” id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tinkludi d-dispożittiv.

L-impossibbiltà li tkun tista' tiddisponi minn mezz ta' kontestazzjoni tikser il-prinċipju tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, bħal ma ġie stabbilit mid-duttrina u l-ġurisprudenza Komunitarja l-iktar reċenti.


Top