Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0476

Kawża C-476/08 P: Appell ippreżentat fis- 6 ta' Novembru 2008 minn Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tielet Awla) fl- 10 ta' Settembru 2008 fil-Kawża T-59/05: Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

ĠU C 19, 24.1.2009, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

24.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 19/13


Appell ippreżentat fis-6 ta' Novembru 2008 minn Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza (It-Tielet Awla) fl-10 ta' Settembru 2008 fil-Kawża T-59/05: Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

(Kawża C-476/08 P)

(2009/C 19/23)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (rappreżentanti: N. Korogiannakis, P. Katsimani, Δικηγόροι)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (DĠ Agrikoltura) li tiċħad l-offerta tal-appellanti u li tagħti l-kuntratt lill-offerent li ntgħażel;

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż legali u spejjeż oħra tal-appellanti relatati mal-proċeduri fl-ewwel istanza, anki jekk l-appell preżenti jiġi miċħud kif ukoll dawk tal-appell preżenti, fil-każ li dan jintlaqa'

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tibbaża l-appell tagħha kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza T-59/05 fuq l-aggravji segwenti:

Il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet irregolaritajiet proċedurali meta rrifjutat li tirrikonoxxi diskrepanza manifesta bejn il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt kif jirriżultaw mit-taqsima 5.2 tar-rapport EvCo u dawk imsemmija fit-taqsima 5.4 tal-istess rapport u billi interpretat ħażin ir-regoli proċedurali rilevanti fuq l-oneru tal-prova. B'mod aktar speċifiku, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tirreferi għal ebda evidenza insostenn tal-kwalifika ta' diskrepanza ovvja bħala “żball tal-istampa”, u tali evidenza bl-ebda mod ma tista' tiġi dedotta mill-kontenut tar-Rapport ta' Evalwazzjoni nnifsu.

Barra minn hekk, is-sentenza tonqos milli tosserva l-konsegwenzi tal-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha ta' diliġenza u tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba. Peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza, minkejja li osservat li l-Kummissjoni kisret l-istat tad-dritt, ma annullatx id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Prim'Istanza bla dubju naqset milli tapplika d-dispożizzjonijiet rilevanti.

Il-Qorti tal-Prim'Istanza naqset ukoll milli tapplika d-dispożizzjonijiet rilevanti dwar l-obbligu tal-awtorità kontraenti li tagħti raġunijiet, li kienu jwassluha sabiex tannulla d-deċiżjoni ta' għoti; xi riżultati biss u xi kummenti ġenerali mir-Rapport ta' Evalwazzjoni ġew ippreżentati lill-Appellanti permezz tal-ittra tal-10 ta' Diċembru 2004. F'dan is-sens, il-Qorti tal-Prim'Istanza żnaturat l-evidenza mressqa quddiema, u għal din ir-raġuni s-sentenza tagħha għandha tiġi annullata.


Top