EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0294

Kawża C-294/08: Rikors ippreżentat fit- 2 ta' Lulju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ċeka

ĠU C 247, 27.9.2008, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 247/5


Rikors ippreżentat fit-2 ta' Lulju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ċeka

(Kawża C-294/08)

(2008/C 247/07)

Lingwa tal-kawża: Iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: B. Schima u M. Šimerdová, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ċeka

Talbiet

tikkonstata li

billi rrikjediet, fir-reġistrazzjoni ta' vettura importata, li għaliha l-approvazzjoni teknika skond it-tip ta' vettura ġiet stabbilita fi Stat Membru ieħor, li l-vettura tissodisfa, fid-data ta' l-approvazzjoni teknika, ir-rekwiżiti tekniċi applikabbli f'din l-istess data fir-Repubblika Ċeka u

billi rrikjediet, fil-każ ta' l-inosservanza ta' dawn il-kundizzjonijiet, test tal-vettura, li fil-kuntest tiegħu hija tivverifika l-konformità tal-vettura mal-ħtiġijiet tekniċi applikabbli għall-kategorija tal-vettura kkonċernata fir-Repubblika Ċeka fid-data tal-manifattura tal-vettura,

ir-Repubblika Ċeka naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 28 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;

tikkundanna lir-Repubblika Ċeka għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-kundizzjonijiet ta' reġistrazzjoni tal-vetturi individwali wżati importati fir-Repubblika Ċeka minn Stati Membri oħra fejn kienu ġew irreġistrati huma rregolati fid-dritt Ċek mil-Liġi Nru 56/2001 Sb (1). L-Artikolu 35(1) u (2) tal-Liġi Nru 56/2001 Sb. jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom tista' tiġi rreġistrata fir-Repubblika Ċeka vettura wżata importata individwalment, li għaliha l-approvazzjoni teknika skond it-tip ta' vettura ġiet stabbilita fi Stat Membru ieħor.

L-awtoritajiet Ċeki jirrikonoxxu l-konformità mal-leġiżlazzjoni Ċeka ta' tali vettura jekk il-vettura, is-sistemi tagħha, il-komponenti tagħha jew il-partijiet tekniċi distinti tagħha jissodisfaw, fid-data ta' l-approvazzjoni teknika skond it-tip ta' vettura fi Stat Membru ieħor ta' l-UE, il-kundizzjonijiet tekniċi fis-seħħ fir-Repubblika Ċeka fl-istess data u stabbiliti f'dispożizzjoni applikabbli (Artikolu 35(1) tal-Liġi Nru 56/2001 Sb.).

Fis-sitwazzjoni fejn il-vettura, is-sistemi tagħha, il-komponenti tagħha jew il-partijiet tekniċi distinti tagħha ma jkunux issodisfaw, fid-data ta' l-approvazzjoni teknika skond it-tip ta' vettura fi Stat Membru ieħor ta' l-UE, il-kundizzjonijiet tekniċi fis-seħħ fir-Repubblika Ċeka fl-istess data u stabbiliti f'dispożizzjoni applikabbli, l-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi dwar il-konformità mal-leġiżlazzjoni teknika fuq il-bażi tar-rapport tekniku stabbilit minn ċentru ta' kontroll tekniku. Dan l-aħħar għandu jistabbilixxi rapport tekniku jekk il-vettura tissodisfa l-kundizzjonijiet tekniċi fis-seħħ fir-Repubblika Ċeka għall-kategorija ta' vettura partikolari fid-data tal-manifattura tal-vettura (Artikolu 35(2) tal-Liġi Nru 56/2001 Sb.).

Konsegwentement, jirriżulta mid-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 35(1) u (2), tal-Liġi Nru 56/2001 li l-approvazzjoni teknika tal-vetturi wżati kollha li għalihom Stat Membru ieħor diġà stabbilixxa ċertifikat ta' konformità mal-leġiżlazzjoni teknika skond it-tip ta' vettura, hija dejjem suġġetta għal kontroll ġdid taħt id-dritt Ċek. Fl-opinjoni tar-Repubblika Ċeka, dan l-approċċ jmur kontra l-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija, li skond dan il-merkanzija li titqiegħed fis-suq b'mod konformi mal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru għandha tiġi aċċettata fis-suq ta' l-Istati Membri l-oħra kollha. Il-leġiżlazzjoni Ċeka bl-ebda mod ma tikkunsidra r-riżultat tal-kontrolli tekniċi magħmula fuq l-istess vettura fi Stat Membru ieħor, u għalhekk tmur kontra l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/96/KE.

Kif jirriżulta mill-elementi msemmija iktar 'il fuq, il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li l-leġiżlazzjoni Ċeka hija miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva u tmur kontra l-Artikolu 28 tat-Trattat KE. Din il-miżura ma twassalx sabiex tipproteġi s-saħħa u tal-ħajja tal-persuni, jew ta' l-ambjent u lanqas ma tikseb is-sigurtà fit-toroq, u b'hekk mhix ġustifikata fir-rigward ta' l-Artikolu 30 tat-Trattat KE jew tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.


(1)  Liġi Nru 56/2001 Sb., dwar il-kundizzjonijiet tal-moviment tal-vetturi fit-toroq u li temenda l-Liġi Nru 168/1999 Sb., dwar l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà għad-dannu kkawżat mis-sewqan ta' vettura u dwar emendi f'diversi liġijiet relatati (liġi dwar l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà għas-sewqan ta' vettura), kif emendata mil-Liġi Nru 307/1999 Sb.


Top