EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0192

Kawża C-192/08: Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fit- 8 ta' Mejju 2008 — TeliaSonera Finland Oyj

ĠU C 197, 2.8.2008, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 197/8


Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja) fit-8 ta' Mejju 2008 — TeliaSonera Finland Oyj

(Kawża C-192/08)

(2008/C 197/12)

Lingwa tal-kawża: Il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein hallinto-oikeus

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: TeliaSonera Finland Oyj

Partijiet oħra fil-kawża prinċipali: Viestintävirasto, iMEZ Ab

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), tas-7 ta' Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta' l-Aċċess), meta moqri flimkien mal-premessi 5, 6 u 8 tal-preambolu għal din id-direttiva u ma' l-Artikolu 8 u l-Artikolu 5 tagħha, għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li:

(a)

leġiżlazzjoni nazzjonali tista' tipprovdi, bħalma jagħmel il-punt 39(1) tal-Liġi Finlandiża dwar is-Suq tal-Komunikazzjonijiet, li kull operatur tat-telekomunikazzjonijiet għandu obbligu li jinnegozja interkonnessjoni ma' operatur tat-telekomunikazzjonijiet ieħor u, f'dan il-każ,

(b)

awtorità regolatorja nazzjonali tista' tieħu l-pożizzjoni li l-obbligu li jinnegozja ma jkunx ġie ssodisfat meta operatur tat-telekomunikazzjonijiet li ma jkollux saħħa sinjifikattiva fis-suq ikun offra lil operatur ieħor interkonnessjoni taħt kundizzjonijiet li l-awtorità tikkunsidra bħala kompletament unilaterali u li x'aktarx joħolqu ostakolu għall-istabbiliment ta' suq kompetittiv fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, fejn dawn ikunu fil-prattika żammew lit-tieni operatur milli joffri lill-klijenti tiegħu l-opportunità li jittrażmettu messaġġi multimedia lill-utenti finali rreġistrati man-netwerk ta' telekomunikazzjonijiet ta' l-operatur u, f'dan il-każ,

(c)

tista' l-awtorità regolatorja nazzjonali fid-deċiżjoni tagħha teżiġi li l-imsemmi operatur tat-telekomunikazzjonijiet, li għalhekk m'għandux saħħa sinjifikattiva fis-suq, jinnegozja in bona fide l-interkonnessjoni ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet ta' text u ta' multimedia bejn sistemi ta' operaturi b'tali mod li, f'negozjati kummerċjali, għandhom jitqiesu l-għanijiet li l-interkonnessjoni hija intiża li tilħaq u n-negozjati għandhom ikunu bbażati fuq il-premessa li l-operazzjoni tas-servizzi ta' l-SMS u ta' l-MMS bejn is-sistemi ta' operaturi tista' tkun suġġetta għal kundizzjonijiet raġonevoli sabiex l-utenti jkollhom il-possibbiltà li jużaw servizzi ta' komunikazzjonijiet ta' operaturi tat-telekomunikazzjonijiet?

2)

In-natura tan-netwerk ta' iMEZ Ab jew il-kwistjoni jekk iMEZ Ab għandhiex tiġi kkunsidrata bħala operatur ta' netwerks elettroniċi pubbliċi ta' komunikazzjonijiet għandhom effett fuq l-evalwazzjoni tad-domandi magħmula hawn fuq?


(1)  ĠU L 108, p. 7.


Top